15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina fil-kuntest tal-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 012/07)

Relatur:

is-Sur Andrzej Adamczyk

Fis-27 ta' Frar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina fil-kuntest tal-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ottubru (seduta tas-16 ta’ Ottubru 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’173 vot favur, 2 voti kontra u 15-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE għandu jippromovi b'mod attiv il-konsolidazzjoni politika, soċjali u ekonomika tal-Ukraina kif ukoll is-soluzzjoni paċifika tal-kunflitt attwali fir-reġjuni ta' Donetsk u Lugansk. L-attivitajiet tal-KESE fl-Ukraina ser jappoġġjaw il-proċess tad-demokratizzazzjoni, l-integrità territorjali, id-djalogu soċjali u ċivili tal-partijiet interessati kollha b'leġittimità pubblika u rappreżentanza.

1.2

Il-KESE beħsiebu jistieden spettru wiesa' mis-soċjetà ċivili tal-Ukraina biex jieħu sehem fil-kooperazzjoni u beħsiebu wkoll jinkludi lil dawk li għadhom xettiċi jew ostili għat-tranżizzjoni politika reċenti u t-tqarrib mal-UE.

1.3

Ġie rrakkomandat ukoll li tkompli tiġi żviluppata l-kooperazzjoni fuq bażi bilaterali bejn l-organizzazzjonijiet imsieħba fl-UE u l-Ukraina b'enfasi speċjali fuq il-bini tal-kapaċità, il-prattiki tajbin kif ukoll it-tisħiħ tad-djalogu soċjali u ċivili.

1.4

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, il-KESE għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili konġunta li tinkludi membri tal-KESE u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina. Korp simili ser jinħoloq taħt id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA) sabiex jiġi rispettat ir-rekwiżit tat-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ għas-soċjetà ċivili. Iż-żewġ korpi għandhom jikkooperaw kemm jista' jkun mill-qrib.

1.5

Il-KESE ser jorganizza attivitajiet ta' informazzjoni dwar il-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni kif ukoll dwar l-integrazzjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet u l-acquis communautaire.

1.6

Ir-rekwiżiti ta' viża għandhom jitneħħew għaċ-ċittadini tal-Ukraina hekk kif ikun teknikament possibbli sabiex jitrawmu kuntatti bejn l-individwi u bħala miżura għat-tiswir tal-fiduċja.

1.7

Għandha tiġi inkluża formalment perspettiva Ewropea għall-Ukraina fl-aġenda tal-UE.

2.   Is-Sħubija tal-Lvant: id-dimensjoni tal-Lvant tal-Politika Ewropea tal-Viċinat bħala qafas istituzzjonali għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina

2.1

L-avvenimenti drammatiċi li laqtu lill-Ukraina fix-xhur reċenti bdew bir-reazzjoni pubblika għad-deċiżjoni tal-gvern li jissospendi arranġamenti biex jiffirma ftehim ta' assoċjazzjoni fi ħdan il-qafas tas-Sħubija tal-Lvant.

2.2

Apparti l-konklużjoni ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni bilaterali, li ser jissostitwixxu l-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni, il-parti bilaterali tas-Sħubija tal-Lvant għandha l-għan ukoll li jiġu ffaċilitati l-iskemi mingħajr viżi kif ukoll li tiġi żviluppata l-kooperazzjoni settorjali, u tipprovdi opportunità għall-pajjiżi msieħba biex jissieħbu fil-Programmi u l-Aġenziji tal-UE. Tinkludi wkoll Programm għall-Bini Istituzzjonali Komprensiv, li huwa għodda intiża għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi tal-pajjiżi msieħba biex jimplimentaw ir-riformi u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni. Id-dimensjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant hija bbażata fuq erba' pjattaformi multilaterali (id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istabbiltà; l-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza mal-politiki tal-UE; is-sigurtà tal-enerġija; il-kuntatti bejn in-nies) immirati lejn it-trawwim tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba, u bejn il-pajjiżi msieħba nnifishom.

2.3

Waħda mill-prijoritajiet tas-Sħubija tal-Lvant hija li tinvolvi lis-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tagħha, kemm fil-pajjiżi msieħba kif ukoll fl-UE. Għal dan il-għan, f'Novembru 2009 twaqqaf il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant bil-parteċipazzjoni tal-KESE.

2.4

Madankollu, il-politika tas-Sħubija tal-Lvant issa tinsab f'salib it-toroq b'riżultat tal-bidla mhux mistennija fid-direzzjoni tal-impenn ta' xi pajjiżi u l-avvenimenti drammatiċi fl-Ukraina. Id-diffikultajiet iffaċċjati mis-Sħubija tal-Lvant matul dawn l-aħħar snin fil-pajjiżi li s'issa għamlu l-ikbar progress lejn l-iffirmar tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni huma fil-biċċa l-kbira tagħhom ir-riżultat ta' manuvri mir-Russja, li qed tipprova tipprevjeni rabtiet iktar mill-qrib bejn il-pajjiżi msieħba u l-UE.

2.4.1

Minkejja l-konklużjoni ta' negozjati mal-Armenja dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni kif ukoll id-DCFTA, dawn id-dokumenti ma setgħux jiġu inizjalati minħabba li f'Settembru 2013 l-Armenja ħabbret li kien beħsiebha tissieħeb fl-Unjoni Doganali Ewro-Asjatika mnedija mir-Russja.

2.4.2

Minkejja l-pressjoni mir-Russja u t-telf ta' żewġ provinċji (Abkhazia u l-Ossezja tan-Nofsinhar), li bħalissa huma taħt kontroll Russu, il-Ġeorġja għadha impenjata fit-triq Ewropea u żgurat li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż id-DCFTA ġie inizjalat fis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Vilnius f'Novembru 2013 u mbagħad ġie ffirmat f'Ġunju 2014.

2.4.3

Il-Moldova, li ffirmat ukoll il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li ġie inizjalat f'Vilnius, tinsab ukoll taħt pressjoni mir-Russja, li stazzjonat il-forzi armati tagħha fit-Transnistrija u issa qed tikkontrolla r-reġjun. Bl-appoġġ tar-Russja wkoll, ġie organizzat referendum illegali f'territorju awtonomu ieħor tal-Moldova, fil-Gagauzia, u r-riżultat kien favur is-sħubija fl-Unjoni Doganali Ewro-Asjatika.

2.4.4

Is-sħubija fid-WTO hija prekundizzjoni għad-dħul f'taħdidiet dwar id-DCFTA, u għaldaqstant, l-Azerbajġan u l-Bjelorussja, li mhumiex imsieħba tad-WTO, ma jistgħux jibdew in-negozjati. Barra minn hekk, minħabba defiċit demokratiku serju fil-Bjelorussja, il-politika bilaterali tal-UE b'rabta ma' dan il-pajjiż għadha fil-livell ta' djalogu kritiku.

2.4.5

L-Ukraina hija l-ikbar u l-aktar pajjiż post-Sovjetiku importanti wara r-Russja li, b'riżultat tal-bidla lejn triq pro-Ewropea, diġà tilfet il-Krimea u Sevastopol wara l-annessjoni tagħhom mir-Russja, u kienet soġġetta għal aktar atti ta' sabotaġġ u sovversjoni mir-Russja. L-azzjonijiet tar-Russja huma eżempju partikolarment drammatiku ta' interferenza esterna, li apparti li qed thedded l-integrità territorjali u s-sovrenità tal-Ukraina, qed ikollha impatt estremament destruttiv fuq l-organizzazzjonijiet tais-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tagħha. Dawn l-atti m'humiex biss ksur ċar tal-liġi internazzjonali iżda jmorru wkoll kontra ż-żewġ prinċipji li huma l-pedamenti tar-relazzjonijiet paċifiċi bejn il-pajjiżi indipendenti – l-ewwel nett li l-fruntieri m'għandhomx jinbidlu bil-forza u t-tieni nett li l-pajjiżi jistgħu jieħdu deċiżjonijiet sovrani dwar il-ġejjieni tagħhom mingħajr indħil estern.

3.   L-aspirazzjonijiet Ewropej tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina

3.1

Ir-Rivoluzzjoni Oranġjo tal-2004 ikkontribwixxiet għal proċess ta' demokratizzazzjoni fuq skala kbira u l-introduzzjoni tal-istat tad-dritt fl-Ukraina – tal-anqas għal ċertu perjodu – u għall-ħelsien tal-midja, li sal-lum il-ġurnata għadha intatta. Dan kien akkumpanjat minn rabtiet aktar mill-qrib mal-UE.

3.1.1

Fl-2005, ġie adottat il-Pjan ta' Azzjoni UE-Ukraina dwar is-saħħa tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-UE-Ukraina tal-1998. Fl-2007, bdew in-negozjati dwar Ftehim ta' Assoċjazzjoni. L-adozzjoni tal-politika dwar is-Sħubija tal-Lvant f'Mejju 2009 tat impetus ġdid lil din il-kooperazzjoni.

3.1.2

Ir-rabtiet aktar mill-qrib u l-istabbiliment ta' kooperazzjoni ġenwina f'ħafna oqsma kif ukoll entużjażmu mifrux wara r-Rivoluzzjoni Oranġjo fissru li sehem konsiderevoli tal-popolazzjoni u ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ħassew li s-sħubija prospettiva fl-UE kienet konklużjoni ovvja u inevitabbli għall-Ukraina u li s-sħubija kienet qed tiddependi biss mill-iskeda u l-pass tat-trasformazzjoni u l-adattament tal-istandards Ewropej.

3.1.3

Is-Sħubija tal-Lvant ma pprovdietx lill-Ukraina bil-perspettiva ta' adeżjoni fit-tul tal-UE mistennija, u dan kien ta' diżappunt u ta' frustrazzjoni għal dawk li appoġġaw l-orjentazzjoni Ewropea. Is-sitwazzjoni marret għall-agħar bl-abbandun gradwali tal-kisbiet demokratiċi tar-Rivoluzzjoni Oranġjo, id-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika u ż-żieda fil-problemi soċjali.

3.1.4

Il-frustrazzjoni tal-pubbliku, li ssarrfet f'apatija fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, aggravat bil-kunflitt dejjem jikber bejn il-mexxejja tar-Rivoluzzjoni Oranġjo, il-President Viktor Yushchenko u l-Prim Ministru Yulia Tymoshenko. Xi drabi, dan il-kunflitt ipparaliżża t-teħid tad-deċiżjonijiet minħabba dispożizzjonijiet mhux fattibbli fil-kostituzzjoni tal-Ukraina. Il-kumulazzjoni tal-kriżi ekonomika globali u l-politiki impotenti tal-President Yanukovich (elett fl-2010) saħansitra aggravaw is-sitwazzjoni.

3.2

Il-KESE ilu żmien twil isegwi politika attiva ta' kooperazzjoni mal-Ukraina. Madankollu, l-aggravazzjoni tal-klima politika u soċjali u d-diżappunt tal-organizzazzjonijiet imsieħba fir-rigward tan-nuqqas ta' prospetti ta' adeżjoni fissru li r-relazzjonijiet staġnaw f'ċertu punt fl-2011-2012 b'waqfien fl-attività min-naħa tal-Ukraina u n-nuqqas ta' interess fir-relazzjonijiet.

3.3

Wara li ġie inizjalat il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni f'Diċembru 2012 u saru sforzi intensi u twettqu negozjati bil-għan li jiġi ffirmat il-Ftehim matul is-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnius f'Novembru 2013, kien hemm interess imġedded fil-kooperazzjoni fost l-imsieħba Ukreni tagħna u ngħatat spinta lir-rabtiet attivi mal-KESE.

3.4

Madankollu, il-kuntatti mġedda wrew li l-imsieħba soċjali, kemm min-naħa tal-impjegaturi kif ukoll dik tat-trejdjunjins, kienu diviżi dwar il-kwistjoni tal-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Ladarba dan intqal, firxa wiesgħa ħafna ta' NGOs u rappreżentanti ta' interessi oħra ppreżentaw front relattivament magħqud favur l-Ewropa.

3.5

Irrispettivament mill-pożizzjoni li adottaw u r-riżultati tan-negozjati bil-għan li jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li prevedew, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti governattivi wkoll kienu sorpriżi bil-fatt li l-gvern tal-Ukraina u l-amministrazzjoni presidenzjali waqqfu t-taħdidiet u ssospendew it-tħejjijiet għall-iffirmar tal-Ftehim.

3.6

Il-fatt li twaqqfu t-taħdidiet ħabta u sabta, mingħajr raġuni ovvja, ftit jiem qabel is-Summit ta' Vilnius, flimkien mal-proposta sorprendenti tal-gvern tal-Ukraina biex in-negozjati ulterjuri mal-UE jsiru bil-parteċipazzjoni tar-Russja wasslu għall-mobilizzazzjoni rapida tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina, li esprimiet fehmietha b'mod għalkollox ċar favur triq Ewropea għall-Ukraina.

3.7

Il-“Euromaidan” probabbilment kienet l-ikbar demostrazzjoni fl-istorja favur l-integrazzjoni Ewropea, u l-itwal waħda li qatt saret b'konvinzjoni tant assoluta. Fi stadju aktar tard, id-demostranti ngħaqdu minn forzi li kienu qed jintroduċu wkoll talbiet politiċi biex jinbidel ir-reġim, li rreaġixxa b'oppressjoni vjolenti u dan ħalla vittmi umani. Id-demostrazzjonijiet wasslu għal bidliet politiċi li servew bħala skuża biex jiġu provokati aktar avvenimenti traġiċi u drammatiċi.

3.8

Issa, wara elezzjonijiet presidenzjali ta' suċċess, jidher li l-bini ta' rabtiet mill-qrib mal-UE qed issir waħda mill-prijoritajiet tal-amministrazzjoni l-ġdida. Din il-bidla fid-direzzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala suċċess enormi tal-Euromaidan u s-soċjetà ċivili tal-Ukraina. Għad irridu naraw jekk is-sitwazzjoni ġenerali hijiex ser tistabbilizza fit-territorju kollu tal-Ukraina u jekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili humiex ser jibbenefikaw minn din it-trasformazzjoni politika.

3.9

L-attitudni lejn il-bidliet politiċi fi ħdan is-soċjetà ċivili u l-opinjoni f'dan ir-rigward fil-Lvant tal-Ukraina mhux ser ikunu ċari sakemm il-merċenarji armati u l-gruppi tal-gwerilla jibqgħu joperaw fir-reġjun u l-libertà tal-espressjoni tibqa' mhedda. Madankollu, ta' min jinnota li l-Lvant kien irrappreżentat b'mod qawwi ħafna fil-Euromaidan.

4.   Il-konsegwenzi tal-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u d-DCFTA

4.1

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina jirrappreżenta ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet maħluqa għall-benefiċċju ta' pajjiżi li jikkooperaw fi ħdan il-qafas tas-Sħubija tal-Lvant u jipprovdi għall-iżvilupp ta' kooperazzjoni b'dispożizzjonijiet vinkolanti fi kważi l-oqsma kollha. Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jistabbilixxi pjan ta' riforma għall-Ukraina abbażi ta' armonizzazzjoni komprensiva tal-leġislazzjoni tagħha mal-istandards tal-UE.

4.2

Apparti d-DCFTA, li huwa ftehim ta' kummerċ b'effett konsiderevoli fuq l-istandards u r-regolamenti, l-oqsma ewlenin ta' kooperazzjoni jkopru: il-ġustizzja, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-politika esterna u s-sigurtà, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, l-impjieg, il-politika soċjali u l-opportunitajiet indaqs, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-politika industrijali u l-intraprenditorija, l-enerġija, it-trasport u l-ambjent. L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mad-DCFTA tfisser li l-Ukraina ser ikollha tarmonizza l-leġislazzjoni nazzjonali tagħha ma' madwar 85 % tal-acquis communautaire tal-UE b'rabta mal-kummerċ u l-ekonomija.

4.3

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ġie ffirmat fis-27 ta' Ġunju 2014 u wara ġie rratifikat mill-Parlament Ewropew u mill-Verhovna Rada tal-Ukraina fis-16 ta' Settembru. Dan jippermetti l-implimentazzjoni provviżorja tiegħu anke qabel ir-ratifikazzjoni mit-28 Stat Membru tal-UE. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-parti tad-DCFTA tal-Ftehim ser tiġi posposta sal-aħħar tas-sena d-dieħla, iżda l-UE ser tkompli ttaffi r-regoli kummerċjali tagħha dwar il-merkanzija li tkun ġejja mill-Ukraina.

4.3.1

L-implimentazzjoni tal-Ftehim tipprovdi għall-ħolqien ta' Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili bħala forum konġunt għall-iskambju ta' fehmiet, li jinkludi membri tal-KESE u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata tal-Ukraina. Fid-dawl tal-ispettru wiesa' tal-kwistjonijiet koperti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, il-Pjattaforma għandha tkun kemm jista' jkun rappreżentattiva tas-soċjetà ċivili kollha u għalhekk għandha tinkludi rappreżentanti kemm tal-imsieħba soċjali kif ukoll tal-interessi varji l-oħra.

4.3.2

Apparti li tkun forum għall-iskambju ta' informazzjoni u dibattitu, l-għan bażiku tal-Pjattaforma huwa li ssegwi l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u tressaq il-fehmiet u l-proposti tas-soċjetà ċivili organizzata.

4.3.3

Il-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili għandha tistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tagħha stess. Bħalissa għaddejjin taħdidiet bejn ir-rappreżentanti tal-KESE u l-Ukraina dwar il-proċedura għat-twaqqif ta' dan il-korp u l-membri tiegħu. Huwa maħsub li jiġu adottati l-prinċipji bażiċi li ġejjin:

L-għadd ta' rappreżentati min-naħa Ewropea u dik tal-Ukraina ser ikun l-istess.

Il-membri jkollhom mandat ta' sentejn u nofs. Matul dan il-perjodu għandhom jiġu organizzati ħames laqgħat.

Il-pjattaforma għandha żewġ kopresidenti, wieħed minn kull naħa, eletti għal mandat ta' sentejn u nofs.

Il-proċedura għall-għażla tal-membri tal-pjattaforma għandha tkun kompletament trasparenti.

Il-laqgħat tal-pjattaforma għandhom ikunu miftuħa wkoll għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li mhumiex irrappreżentati fiha.

4.3.4

Il-Ftehim tad-DCFTA għandu jipprovdi wkoll għall-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ għas-soċjetà ċivili fi żmien sena minn meta jidħol fis-seħħ. Korp li jinħoloq għal dan il-għan għandu jaħdem kemm jista' jkun mill-qrib mal-Pjattaforma tas-Soċjeta Ċivili.

5.   Prospetti futuri għas-soċjetà ċivili tal-Ukraina u r-rwol tal-KESE

5.1

Il-KESE għandu jippromovi b'mod attiv il-konsolidazzjoni politika, soċjali u ekonomika tal-Ukraina kif ukoll is-soluzzjoni paċifika tal-kunflitt attwali fir-reġjuni ta' Donetsk u Lugansk. Ladarba tistabbilizza s-sitwazzjoni fl-Ukraina u ma jibqax ikun hemm theddid ta' intervent estern u kunflitt min-naħa tal-milizzji armati, is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata kemm fi ħdan l-organizzazzjonijiet individwali kif ukoll fir-rigward tal-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina issir aktar ċara.

5.1.1

L-Ukraina bħalissa għaddejja minn trasformazzjoni politika profonda inkluż riforma kostituzzjonali li jaf tkun aktar profonda mill-bidliet li seħħew wara r-Rivoluzzjoni Oranġjo. Dan jista' jwassal għal ristrutturar u bidla fl-istatus tal-istituzzjonijiet tal-Ukraina u l-prattiki kemm tad-djalogu soċjali kif ukoll tad-djalogu bejn l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili. Dan il-proċess għandu jiġi ffaċilitat permezz ta' tibdil fil-leġislazzjoni tal-Ukraina sabiex ikun hemm aktar istituzzjonijiet li jinkludu d-djalogu soċjali u ċivili għal organizzazzjonijiet ġenwini u indipendenti. Il-KESE ser isegwi l-iżviluppi u l-pożizzjonijiet li ser jadottaw l-organizzazzjonijiet imsieħba tagħna fir-rigward ta' dawn il-bidliet.

5.1.2

Kemm qabel il-bidu tal-“Euromaidan” kif ukoll matul id-demostrazzjonijiet, inxteħet dubju fuq l-awtentiċità u l-indipendenza ta' wħud mill-organizzazzjonijiet imsieħba tagħna. Dan nieda proċess ta' tibdil fir-rigward tal-mod kif joperaw xi organizzazzjonijiet, li, sakemm ma jirriżultax li dan kien eżerċizzju superfiċjali, jista' jibda jibni mill-ġdid il-fiduċja tal-pubbliku f'dawn l-organizzazzjonijiet. B'mod partikolari, il-pubbliku u l-NGOs ikkunsidraw lil xi trejdjunjins u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi bħala parti mis-sistema u b'hekk irrifjutawlhom id-dritt li jkunu affiljati mas-soċjetà ċivili.

5.1.3

Il-KESE lest jintensifika l-kuntatti bilaterali tiegħu mal-organizzazzjonijiet imsieħba kemm fl-Ukraina kif ukoll fir-Russja sabiex jikkontribwixxi għal rabtiet aħjar bejn is-soċjetajiet ċivili tagħhom kif ukoll biex jinstabu modi lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi.

5.2

L-attivitajiet tal-KESE fl-Ukraina ser ikunu bbażati fuq il-prinċipju tal-appoġġ għall-proċess tad-demokratizzazzjoni tal-pajjiż, l-integrità territorjali, id-djalogu soċjali u ċivili bejn il-partijiet interessati kollha b'leġittimità pubblika u rappreżentanza. Il-KESE ser jagħti prijorità lir-relazzjonijiet mal-imsieħba naturali tiegħu, jiġifieri l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina.

5.3

Il-KESE beħsiebu jistieden spettru wiesa' kemm jista' jkun mis-soċjetà ċivili tal-Ukraina biex jieħu sehem fil-kooperazzjoni u beħsiebu wkoll jinkludi lil dawk li għadhom xettiċi jew ostili għat-tranżizzjoni politika reċenti u t-tqarrib mal-UE, filwaqt li jiżgura li ma tintnesa l-ebda organizzazzjoni rappreżentattiva importanti. Il-Pjattaforma Nazzjonali tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u l-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali Tripartitiku ser jgħinu fl-għażla tal-organizzazzjonijiet imsieħba.

5.4

Huwa rrakkomandat ukoll li tkompli tiġi żviluppata l-kooperazzjoni fuq bażi bilaterali bejn l-organizzazzjonijiet imsieħba fl-UE u l-Ukraina b'enfasi speċjali fuq il-bini tal-kapaċità, l-iskambju tal-prattiki tajbin kif ukoll it-tisħiħ tad-djalogu soċjali u ċivili. Il-kooperazzjoni transkonfinali tista' tintuża bħala wieħed mill-istrumenti għal dan il-għan.

5.5

Apparti l-attivitajiet istituzzjonali bbażati fuq il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u, fil-perjodu aktar fit-tul, id-DCFTA, il-KESE ser ikun involut fl-attivitajiet usa' ta' informazzjoni dwar il-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet għall-Ukraina, kif ukoll dwar l-integrazzjoni Ewropea, il-mod kif joperaw l-istituzzjonijiet Ewropej u dwar l-acquis communautaire.

5.6

Minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni affidabbli jew sempliċiment l-informazzjoni ħażina li xi kultant tixxandar fil-midja, b'riżultat tan-nuqqas ta' għarfien dwar l-UE jew propaganda intensa mir-Russi, jeħtieġ li tiġi ppjanata kooperazzjoni regolari mal-ġurnalisti u l-assoċjazzjonijiet tal-midja.

5.7

Il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet fl-Ukraina dwar il-kwistjoni tal-iffaċilitar tal-aċċess għal informazzjoni affidabbli u l-provvista ta' tali informazzjoni lill-gruppi tas-soċjetà ċivili jistgħu jkunu kruċjali għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina. Fil-fatt, mill-esperjenza jidher li l-iffirmar, ir-ratifikar u l-implimentazzjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni jistgħu jkunu problematiċi u jista' jkun hemm ħafna fatturi interni u esterni li jistgħu jbiddlu l-pożizzjoni favur l-Ewropa fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jekk ma jinkisibx kunsens ġenerali bl-involviment tal-gruppi soċjali kollha.

5.8

Sehem sinifikanti tal-popolazzjoni tal-Ukraina qatt ma ħarġet mill-pajjiż u dawk li joħorġu fil-biċċa l-kbira tagħhom imorru r-Russja. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija r-rekwiżit kontinwu ta' viżi għas-soċjetà tal-Ukraina biex l-individwi jżuru l-pajjiżi tal-UE, apparti li din hija xi ħaġa konsiderevolment tedjanti. L-introduzzjoni ta' proċeduri armonizzati għall-applikazzjoni għal viża naturalment hija importanti iżda l-obbligu li wieħed jikseb viża qabel ma jsiefer lejn l-UE ma jrawwimx fiduċja u jagħmilha aktar diffiċli biex jissawwru kuntatti bejn in-nies.

5.9

L-ewroxettiċiżmu u n-nuqqas ta' entużjażmu ta' xi sezzjonijiet tas-soċjetà tal-Ukraina fir-rigward ta' rabtiet aktar mill-qrib mal-UE ġejjin min-nuqqas ta' prospetti ta' adeżjoni. Attwalment, din mhijiex kwistjoni li jitnedew negozjati ta' adeżjoni, iżda l-fatt li l-kwistjoni ma tidhirx b'mod persistenti u ripetutament fuq l-aġenda tal-UE jfisser li r-riformi bbażati fuq il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jiġu kkunsidrati minn parti mis-soċjetà bħala xewqa għalja li ser twassal biex l-Ukraina tieħu triq li ma twassal imkien. Dan huwa l-każ partikolarment fil-Lvant tal-Ukraina fejn il-pubbliku jqis l-UE bħala theddida għall-interessi soċjali u ekonomiċi.

Brussell, 16 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE