14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sistema attwali maħsuba biex tiggarantixxi s-sigurtà alimentari u tal-provvista tal-ikel fl-UE u l-possibbiltajiet għat-titjib tagħha”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 268/01)

Relatur:

is-Sur Igor ŠARMÍR

Nhar is-27 ta’ Frar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(a) tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“Is-sistema attwali maħsuba biex tiggarantixxi s-sigurtà alimentari u tal-provvista tal-ikel fl-UE u l-possibbiltajiet għat-titjib tagħha”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Marzu 2015.

Matul il-506 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Marzu 2015 (seduta tat-18 ta’ Marzu 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’181 vot favur, 9 voti kontra u 17-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) japprezza l-fatt li s-sigurtà alimentari hija waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u li twaqqfet sistema robusta maħsuba biex tiggarantixxiha. Huwa jinsab partikolarment sodisfatt li, sa mill-2002, is-sigurtà alimentari fl-UE bdiet tagħmel parti mill-kompetenza ta’ aġenzija speċjalizzata, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), li għandha l-mezzi neċessarji kollha biex tiġi vvalutata s-sigurtà tal-prodotti li jitqiegħdu fis-suq Ewropew.

1.2.

Il-KESE jqis li matul l-eżistenza tagħha, l-EFSA wriet li hija kompetenti. Din bla dubju taqdi rwol importanti ħafna fil-prevenzjoni tar-riskji tas-saħħa fl-Ewropa. Permezz tagħha, l-UE għandha waħda mill-aktar sistemi avvanzati ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika fid-dinja. Madankollu, il-fatt li s-saħħa pubblika hija suġġett sensittiv ħafna u li l-fiduċja tal-konsumatur huwa kwistjoni ta’ tħassib kbir għall-EFSA, huwa meħtieġ li nkomplu neżaminaw titjib possibbli għas-sistema attwali, b’mod partikolari rigward kwistjonijiet ġodda li tqajjem ix-xjenza. Fl-interess ta’ dan, il-KESE jixtieq jagħmel għadd ta’ proposti.

1.3.

It-trasparenza tal-proċess tal-evalwazzjoni tal-prodotti ġodda, inklużi l-prodotti kimiċi u oħrajn, maħsuba biex jidħlu fil-katina alimentari hija ċertament kundizzjoni importanti għall-fiduċja tal-konsumatur lejn is-sistema u l-prodotti vvalutati. Il-KESE jqis li xi titjib huwa possibbli f’dan il-qasam. Pereżempju, l-istudji regolatorji sottomessi mill-fabbrikanti biex jagħtu prova tas-sigurtà tal-prodott ikkonċernat ma jiġux ippubblikati fil-ġurnali xjentifiċi u mhux biss id-data mhux proċessata minn dawn l-istudji ma jsirux disponibbli għall-komunità xjentifika b’mod sistematiku, iżda f’diversi każijiet jiġi invokat direttament is-sigriet kummerċjali. Il-KESE huwa konvint li dan mhuwiex legalment xieraq peress li skont l-EFSA, data minn studji regolatorji mhijiex ta’ natura kunfidenzjali.

1.4.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq emendi adegwati għal-leġislazzjoni kkonċernata b’tali mod li din tal-aħħar timponi li b’mod sistematiku, u wara li titwettaq l-evalwazzjoni mill-EFSA, l-istudji regolatorji rilevanti u d-data mhux ipproċessata ta’ dawn l-istudji jitpoġġew fuq is-sit elettroniku tal-EFSA.

1.5.

Il-KESE jifraħ lil din l-Aġenzija għall-inizjattivi reċenti maħsuba biex jippubblikaw informazzjoni b’mod proattiv.

1.6.

Fil-passat, l-Aġenzija kienet f’sitwazzjoni diffiċli minħabba kunflitti ta’ interess ta’ xi wħud mill-esperti tagħha. Il-KESE jifraħ lill-EFSA għall-isforz li għamlet fl-2012 biex iġġib għan-normal is-sitwazzjoni, iżda jirrakkomanda li din tibqa’ viġilanti minħabba s-sensittività estrema ta’ dan l-aspett speċifiku tal-evalwazzjoni uffiċjali.

1.7.

Il-ħidma tal-EFSA hija kkumplikata bl-eżistenza ta’ studji xjentifiċi li r-riżultati tagħhom huma b’mod ċar influwenzati mis-sors ta’ finanzjament tagħhom u għalhekk jistgħu jkunu miftuħa għal kontroversja konsiderevoli. Il-KESE jirrakkomanda li l-EFSA tagħti attenzjoni speċjali lil dan il-fenomenu, peress li l-letteratura xjentifika hija punt ta’ referenza importanti tal-proċedura ta’ evalwazzjoni.

1.8.

Il-KESE jifraħ lill-EFSA għall-isforzi kbar li wettqet f’dawn l-aħħar snin għal fehim aħjar tal-effett tat-taħlitiet u l-iżvilupp ta’ metodoloġiji ġodda għall-użu matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni, u jħeġġeġ lill-EFSA biex timplimentahom kemm jista’ jkun malajr.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda kawtela fir-rigward tal-prinċipju fejn “id-doża hi li tagħmel il-velenu” għaliex numru konsiderevoli ta’ endokrinologi ilhom 20 sena jipprovdu evidenza li, għal sustanzi magħrufa bħala “interferenti endokrinali”, il-fattur deċiżiv mhuwiex id-doża, iżda l-mument tal-espożizzjoni. Dan l-għarfien ġdid għadu mhux qed jiġi kkunsidrat mill-qafas regolatorju, kif diġà ġie enfasizzat f’rapport reċenti tal-Parlament Ewropew (1).

1.10.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, wara li ssir konsultazzjoni tal-komunità tal-endokrinologi, tidentifika lista ta’ prodotti li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp tas-sistema endokrinali. Il-KESE jitlob lill-Kumissjoni Ewropea tapplika l-prinċipju tal-prekawzjoni għas-sustanzi li jkunu f’din il-lista sakemm ikun intlaħaq kunsens fi ħdan il-komunità xjentifika dwar il-periklu ormonali tagħhom jew inkella dwar is-sigurtà tagħhom.

1.11.

L-importazzjoni ta’ pestijiet u mard minn pajjiżi terzi jista’ jkollha konsegwenzi gravi għall-produtturi u l-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea. It-tisħiħ tal-kontrolli mal-fruntieri, l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-reċiproċità u r-rieda politika tal-awtoritajiet Ewropej huma essenzjali biex tiġi garantita l-koerenza tas-sistema.

1.12.

L-UE għandha tiżgura li s-sistema kummerċjali ma theddidx il-garanziji fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel taċ-ċittadini Ewropej. Ir-reviżjoni tal-leġislazzjoni fil-qasam tas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali tirrappreżenta opportunità biex tittejjeb l-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll, jiġu applikat b’mod uniformi u jiġi evitat impatt negattiv soċjali, ambjentali u ekonomiku.

1.13.

Il-KESE jitlob li tiġi żgurata t-traċċabbiltà sħiħa tal-ikel “mir-razzett sal-mejda” (inklużi tal-prodotti tal-ikel impurtati), sabiex dan jippermetti lill-konsumaturi jagħżlu ikel ta’ ċerta kwalità u konformi mal-istandards ta’ sikurezza fis-seħħ fl-UE.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Din l-opinjoni tittratta żewġ suġġetti ftit differenti, li madankollu għandhom denominatur komuni: is-serħan il-moħħ tas-soċjetà Ewropea dwar id-disponibbiltà ta’ ikel sikur. Minn naħa, l-ewwel parti tal-opinjoni hija dwar is-sistema attwali ta’ evalwazzjoni tal-prodotti l-ġodda maħsuba biex jidħlu fil-katina tal-ikel, filwaqt li min-naħa l-oħra, it-tieni parti għandha l-għan li tenfasizza ċerti kwistjonijiet problematiċi li jippreżenta l-kummerċ internazzjonali relatat mal-prodotti agroalimentari kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-konsumaturi u ċ-ċittadini inġenerali.

2.2.

Is-sigurtà tal-ikel hija prijorità uffiċjali tal-UE u, mil-lat istituzzjonali, hija ċertament assigurata sew mill-Kummissjoni Ewropea u l-EFSA. Ma jistax jinċaħad li l-ġestjoni tar-riskji mikrobijoloġiċi tista’ titqies li hija taħt kontroll. Madanakollu, matul is-seklu għoxrin, mar-riskji mikrobijoloġiċi żdiedu r-riskji kimiċi, u f’dan il-qasam is-sitwazzjoni hija inqas ċara.

2.3.

Matul l-aħħar sittin sena, aktar minn 1 00  000 molekola ġdida, magħmulin permezz tal-kimika ta’ sinteżi, ġew rilaxxati fl-ambjent. Madankollu, proporzjon żgħir biss (1-2 %) ta’ dawn il-prodotti ġie evalwat f’termini ta’ riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem (2) li huwa ta’ tħassib, fost affarijiet oħra, f’termini ta’ sikurezza tal-ikel. Filfatt, minbarra s-sustanzi li jidħlu direttament fil-katina tal-ikel (l-addittivi tal-ikel, ir-residwi tal-pestiċidi jew tal-plastik) li fil-prinċipju huma s-suġġett tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, sustanzi oħra jistgħu jidħlu b’mod indirett mill-ħamrija, l-arja u l-ilma.

2.4.

Wara użu u konsum ftit jew wisq estiżi, għadd ta’ prodotti kimiċi sintetiċi diġà ġew irtirati mis-suq minħabba li t-tossiċità u/jew il-proprjetajiet karċinoġeniċi tagħhom ġew ippruvati xjentifikament (ara pereżempju l-paragrafu 2.5). Madankollu, prodotti oħra għadhom ma ġewx ipprojbiti minkejja l-eżistenza ta’ suspetti xjentifiċi sostanzjati mhux ħażin. Għalhekk huwa perfettament leġittimu li wieħed jistaqsi biex ikun jaf x’rabta hemm bejn l-espożizzjoni tal-popolazzjoni umana għal dawn il-prodotti kimiċi sintetiċi ġodda minn naħa, u ż-żieda esponenzjali fil-pajjiżi żviluppati ta’ każijiet ta’ kanċer, u mard newrodeġenerattiv, kif ukoll sterilità, dijabete jew obeżità min-naħa l-oħra.

2.5.

L-UE waqqfet sistema robusta għall-prevenzjoni tar-riskji marbutin mad-dħul ta’ prodotti ġodda, kimiċi u oħrajn, fil-katina tal-ikel. Mil-lat istituzzjonali, il-Kummissjoni Ewropea (DĠ SANCO) hija responsabbli mill-ġestjoni tar-riskji, filwaqt li l-EFSA, l-aġenzija Ewropea li għandha l-kompetenza mil-lat tekniku, hija responsabbli mill-evalwazzjoni tar-riskji. L-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida diġà tat ċerti riżultati rassiguranti għall-konsumaturi: pereżempju, wara evalwazzjonijiet bir-reqqa, l-għadd ta’ pestiċidi awtorizzati fl-UE tnaqqas b’mod drammatiku bejn l-2000 u l-2008 (minn 1  000 għal 250). Min-naħa l-oħra, dan l-iżvilupp huwa ta’ tħassib għall-bdiewa li qed jibdew iħossu l-effetti tan-nuqqas tas-sustanzi attivi li jippermettulhom iwettqu kontrolli kontra l-pestijiet. Paradossalment, ħafna minn dawn is-sustanzi attivi pprojbiti fl-UE huma awtorizzati f’pajjiżi terzi li jesportaw il-prodotti tagħhom fis-suq Ewropew.

2.6.

Minkejja l-eżistenza ta’ sistema robusta, l-esperjenza tal-funzjonament tagħha wriet li xi aspetti ta’ għarfien espert jistgħu jittejbu aktar, speċjalment minħabba l-iskoperti xjentifiċi ġodda, u l-applikazzjonijiet kummerċjali tagħhom li ħafna drabi jippreżentaw sfidi ġodda għall-proċedura ta’ evalwazzjoni. Dawn l-isfidi huma ta’ natura sistemika u metodoloġika.

3.   Possibbiltajiet biex tittejjeb is-sistema ta’ evalwazzjoni ta’ prodotti ġodda li jagħmlu parti minn prodotti tal-ikel

3.1.

L-evalwazzjoni li ssir mill-EFSA hija msejsa fuq studju xjentifiku li għandu jagħti prova li prodott partikolari ma jagħmilx ħsara. Skont il-leġislazzjoni attwali, dan l-istudju ta’ referenza jrid ikun ippreżentat mill-parti li tkun qed tagħmel it-talba, jiġifieri mill-kumpanija li beħsiebha tintroduċi l-prodott fis-suq. Il-proċess, fih innifsu, ftit li xejn joffri mil-lat ta’ assigurazzjoni peress li r-riżultati tal-istudji xjentifiċi jistgħu jkunu radikalment differenti skont is-sors ta’ finanzjament tagħhom (ara l-punt 3.4). Madanakollu, huwa minnu li r-regoli tal-UE applikati mill-EFSA jipprevedu l-kundizzjonijiet li jridu jiġu osservati meta jitwettqu dawn l-istudji u, għall-istadji sussegwenti tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, jipprevedu mekkaniżmi biex tiġi meqjusa t-tendenza deskritta fis-sentenza preċedenti.

3.2.

Aspett ieħor problematiku tal-proċedura ta’ evalwazzjoni huwa l-kunfidenzjalità ta’ dawn l-istudji regolatorji, li tidher li hija kontroversjali: dawn l-istudji mhumiex ippubblikati fil-ġurnali xjentifiċi, u d-data mhux proċessata ta’ spiss tiġi koperta mis-“sigriet kummerċjali”. Dan jimpedixxi li l-komunità xjentifika twettaq kontro-evalwazzjoni (3). Nifhmu li s-sigrieti kummerċjali jridu jintużaw biex jiġu protetti d-data u l-informazzjoni relatata ma’ prodotti ġodda li jistgħu jiżvelaw jew il-kompożizzjoni tal-prodotti jew il-mod kif dawn ġew manifatturati. Madankollu, dan mhuwiex il-każ tad-data minn studji regolatorji, li sempliċiment jirrappurtaw kif fniek tal-Indi jirreaġixxu meta jikkunsmaw il-prodotti li qed jiġu ttestjati. Peress li f’dan il-każ, l-applikazzjoni tas-sigriet kummerċjali mhijiex ġustifikata mill-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-produtturi (4), il-KESE jikkunsidra li din hija abbużiva u jitlob li l-leġislazzjoni tiġi adattata biex id-data mhux ipproċessata minn studji regolatorji tkun disponibbli b’mod sistematiku għall-komunità xjentifika (fuq is-sit elettroniku tal-aġenzija), ladarba titwettaq l-evalwazzjoni mill-EFSA.

3.3.

L-EFSA hija aġenzija pubblika li twaqqfet sabiex twettaq studji minn esperti xjentifiċi indipendenti dwar il-prodotti ġodda li jidħlu fil-kompożizzjoni tal-prodotti tal-ikel. Madanakollu, fil-passat l-EFSA kienet ġiet ikkritikata minħabba kunflitti ta’ interess ta’ xi wħud mill-esperti tagħha. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn kienu wkoll konsulenti tal-ILSI (5). Il-KESE jilqa’ l-fatt li fl-2012 l-EFSA għamlet sforz kbir biex tindirizza l-problema, b’mod li s-sitwazzjoni mbagħad marret għan-normali. Minħabba s-sensittività tagħha, il-KESE jirrakkomanda li din il-kwistjoni tinżamm taħt kontroll.

3.4.

Waqt li jkunu qed iwettqu ħidma ta’ evalwazzjoni, l-aġenziji kompetenti jagħmlu referenza wkoll għall-istudji marbutin mal-qasam ikkonċernat li jkunu ġew ippubblikati fil-letteratura xjentifika. Madanakollu, intwera li r-riżultati tal-istudji xjentifiċi jistgħu jkunu radikalment differenti skont is-sors ta’ finanzjament tagħhom (6). L-indipendenza tar-riċerkaturi hija kruċjali biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tas-sistema, u l-kompitu tal-EFSA huwa kkumplikat minħabba l-bżonn li ssir distinzjoni bejn l-istudji xjentifiċi ta’ livell għoli u dawk li l-valur tagħhom huwa dubjuż minħabba nuqqasijiet metodoloġiċi jew oħrajn.

4.   Possibbiltajiet ta’ titjib tal-metodoloġija tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-prodotti potenzjalment perikolużi

4.1.

Il-metodoloġija tal-evalwazzjoni tal-prodotti kimiċi li jistgħu jiġu inkorporati fil-prodotti tal-ikel hija bbażata fuq il-prinċipju msejjaħ Paracelse. Skont dan il-prinċipju, “kollox hu velenu u xejn mhu velenu; id-doża biss tagħmel il-velenu”. Għalhekk, għal kull prodott, kull m’hemm bżonn huwa li tiġi stabbilita “doża aċċettabbli ta’ kuljum” jew ADI. Fi kliem ieħor, il-biċċa l-kbira tal-prodotti ġodda jistgħu jiġu kkonsmati kuljum, bil-kundizzjoni li ma tinqabiżx il-kwantità stabbilita.

4.2.

Għal sekli sħaħ, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ Paracelse setgħet titqies bħala affidabbli. Iżda s-sustanzi sintetiċi ġodda, li ilhom għexieren ta’ snin fil-prodotti tal-ikel, huma sfida ġdida u dan il-prinċipju ma jistax ikompli jiġi applikat bl-għama.

4.3.

L-ewwel problema hija l-ġestjoni tal-ikel ikkonsmat mill-persuni meqjusa b’mod individwali. Fil-fatt, il-konsumaturi jinjoraw kompletament li teżisti ADI u għalhekk m’għandhomx il-possibbiltà, lanqas biss fit-teorja, li jivverifikaw li dawn mhux qed jaqbżu l-kwantità “awtorizzata” ta’ sustanza partikolari li tista’ tinsab f’diversi prodotti tal-ikel li jikkonsmaw ta’ kuljum (7). Fil-verità, dan il-kunċett huwa xjentifiku u tekniku ħafna u jiġi applikat biss minn ċirku żgħir ta’ speċjalisti.

4.4.

Iżda l-organiżmu tal-bniedem mhuwiex espost għal sustanza kimika waħda biss, iżda għal għadd kbir ta’ residwi ta’ pestiċidi, materja plastika u addittivi tal-ikel li jinsabu f’dak li nieklu. Barra minn hekk, id-doża ta’ kuljum tiġi kkalkulata biss għal kull sustanza kimika individwali, mingħajr ma titqies il-possibbiltà ta’ effett kumulattiv jew inkella sinerġiku. Sfortunatament, żgur li ma jistax jingħad li dan l-effett huwa purament ipotetiku, għax diversi studji diġà wrew li l-azzjoni akkumulata ta’ diversi sustanzi, li t-testijiet individwali għalihom ma jkunu wrew l-ebda problema, jista’ jkollha konsegwenzi gravi (8).

4.5.

L-aġenziji responsabbli għall-evalwazzjoni ta’ prodotti potenzjalment perikolużi, bħall-EFSA jew l-FDA fl-Istati Uniti ilhom bosta snin jistudjaw l-effett kumulattiv u l-effett sinerġiku, iżda r-riżultati tal-isforzi tagħhom għadhom ma ġewx tradotti f’regolamentazzjoni (9), u dan huwa marbut mad-diffikultajiet xjentifiċi u l-kumplessità ta’ dan il-kompitu. Madankollu, l-EFSA tiddikjara li ma tinsabx ‘il bogħod mill-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet regolatorja tal-għarfien xjentifiku miksub f’dan il-qasam, u l-KESE jħeġġiġha tagħmel dan mill-aktar fis possibbli.

4.6.

Fl-aħħar, qed jitqajmu dubji dwar il-prinċipju ta’ Paracelse minħabba l-fenomenu tas-sustanzi hekk imsejħa “interferenti endokrinali”. Dawn huma sustanzi li għandhom tendenza jimitaw il-mod kif jaħdmu l-ormoni, l-aktar l-ormon tan-nisa, l-estroġenu. Skont numru konsiderevoli ta’ endokrinologi, dawn is-sustanzi sikwit ikollhom effett ħażin anke meta l-organiżmu jkun espost għal kwantitajiet ferm inqas mill-ADI, u lanqas huwa possibbli li jitqiegħed limitu sa fejn dawn ma jkunux ta’ ħsara (10). Intwera li, fil-każ tal-interferenti endokrinali, il-varjant kruċjali mhuwiex id-doża iżda l-mument tal-espożizzjoni. Għall-argument, il-perjodu l-aktar perikoluż huwa dak meta s-sistema endokrinali tkun qed tiżviluppa (il-ħajja qabel it-twelid, it-tfulija u l-pubertà). Karatteristika oħra tal-interferenti endokrinali hija l-fatt li t-tossiċità tagħhom tista’ tidher diversi snin jekk mhux għexieren ta’ snin wara l-esponiment.

4.7.

Għadd kbir ta’ sustanzi, naturali jew sintetiċi llum il-ġurnata huma meqjusin mill-endokrinologi bħala “interferenti endokrinali” u fosthom hemm bosta li nsibuhom regolarment fl-ikel għall-bniedem. Fosthom insibu diversi pestiċidi, diossini, poliklorobifenili jew ftalati, iżda l-aktar diskussjoni mqanqla tikkonċerna l-materjal tal-imballaġġ imsejjaħ bisfenol A (11).

4.8.

Hemm evidenza li l-interferenti endokrinali jikkontribwixxu b’mod deċiżiv għal tnaqqis inkwetanti fil-fertilità tal-irġiel (fenomenu li ilu jiġi osservat sa mit-Tieni Gwerra Dinjija) u għal żieda mdaqqsa fil-każijiet tal-kanċer tat-testikoli u tal-prostata fl-irġiel u tal-kanċer fis-sider fin-nisa, kif ukoll mard gravi ieħor (12).

4.9.

Il-korpi kompetenti Ewropej, jiġifieri l-EFSA u d-DĠ SANCO, joqogħdu lura milli jieħdu miżuri rrakkomandati bil-qawwa mill-endokrinologi, peress li l-opinjoni tal-komunità xjentifika tinsab maqsuma fir-rigward tal-ħsara tad-dożi żgħar ħafna (13). Madankollu, il-parti l-kbira tax-xjenzjati li jagħmlu r-riċerka oriġinali fl-endokrinoloġija jikkunsidraw bħala perikoluża ħafna l-azzjoni ta’ dożi żgħar ħafna ta’ sustanzi rikonoxxuti minnhom bħala interferenti endokrinali, l-aktar għan-nisa tqal u t-tfal żgħar. Għalihom, dan huwa fatt stabbilit ippruvat minn “eluf ta’ studji xjentifiċi” (14), filwaqt li għall-EFSA, l-azzjoni ta’ dożi żgħar ħafna hija sempliċiment ipoteżi.

4.10.

Minħabba li jeżisti rapport dettaljat (15) ikkummissjonat mid-DĠ ENV, li kkonferma l-fehma tal-endokrinologi, f’Ottubru 2012 id-DĠ SANCO stieden lill-EFSA biex tibbaża fuq il-kriterji għad-definizzjoni tal-interferenti endokrinali u għall-valutazzjoni tal-pertinenza tal-metodi ta’ ttestjar eżistenti fil-qasam. Madankollu, dawn għadhom ma twettqux u l-Kummissjoni Ewropea għalissa mhux qed tipproponi pjan direzzjonali li jistabbilixxi l-bażi għal definizzjoni tal-interferenti endokrinali (16). Għaldaqstant, il-kompitu stess ġie pospost sa tmiem l-2016.

4.11.

Il-komunità endokrinali wriet diversi drabi n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-pożizzjoni tal-EFSA u tal-aġenziji regolatorji jew konsultattivi oħra fil-qasam tal-interferenti endokrinali. Dan jirreferi għall-istqarrija ta’ kunsens ippubblikata mis-Soċjetà Amerikana tal-endokrinoloġija li tinkludi iżjed minn 1  000 professjonist (17), waqt is-seminar internazzjonali li sar f’Berlin f’Settembru 2012 u d-Dikjarazzjoni ta’ Berlaymont f’Mejju 2013 (18). Il-firmatarji kollha ta’ din tal-aħħar kienu speċjalisti li jippubblikaw b’mod attiv xogħlijiet dwar dan is-suġġet, u jikkunsidraw bħala urġenti li r-regolamentazzjoni Ewropea tibda tqis l-għarfien akkumulat matul is-snin. Pereżempju, l-aħħar regolament dwar il-pestiċidi ta’ Marzu 2013 jirrikjedi li jitwettqu testijiet sabiex jiddeterminaw jekk il-prodott ġdid huwiex, fost oħrajn, mutaġeniku, iżda mhux li tiġi evalwata l-attività ormonali tiegħu. Dan juri li t-tħassib tal-endokrinologi għadu ‘l bogħod milli jittieħed bis-serjetà mill-awtoritajiet kompetenti.

4.12.

Il-KESE jemmen li huwa urġenti li jibda jitqies, fil-qafas tar-regolamentazzjoni, l-għarfien akkumulat fil-qasam tal-endokrinoloġija, u b’hekk jingħaqad mal-pożizzjoni espressa mill-Parlament Ewropew (19). Għalkemm l-opinjoni tal-komunità xjentifika, fis-sens wiesa’ tat-terminu, hija kondiviża, l-opinjoni tal-parti l-kbira tal-komunità ta’ endokrinologi għandha tkun biżżejjed biex għallinqas jiġi applikat il-prinċipju tal-prekawzjoni għas-sustanzi magħrufa mill-endokrinologi bħala interferenti endokrinali.

5.   Kummerċ internazzjonali: pestijiet u mard agrikolu

5.1.

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) titlob li l-membri tagħha jidħlu f’negozjati biex ikomplu u jiffaċilitaw l-iskambji tal-prodotti agrikoli, biex jitnaqqsu b’mod sostanzjali u progressiv l-għajnuniet interni u l-protezzjoni tal-prodotti tagħhom, favur liberalizzazzjoni dejjem ikbar.

5.2.

F’suq dinji li qiegħed jiġi liberalizzat dejjem aktar, fejn qed tiżdied iċ-ċirkolazzjoni kummerċjali tal-prodotti veġetali kif ukoll il-ftehimiet kummerċjali li l-UE qed tiffirma kostantement ma’ pajjiżi terzi, ir-riskju li jiġu introdotti pestijiet u mard ġodda qed jiżdied kontinwament.

5.3.

Il-produtturi Ewropej jinsabu mħassbin u mbeżżgħin ħafna li jistgħu jaslu aġenti li jagħmlu l-ħsara, li ħafna minnhom huma perikolużi ferm u s’issa għadhom ma kinux stabbiliti fl-Ewropa. F’ċerti każijiet, id-dħul u l-firxa tagħhom jistgħu jipprovokaw tnaqqis enormi f’diversi produzzjonijiet Ewropej, partikolarment fi ħsad inqas mifrux, biex b’hekk jikkawżaw telf kbir għall-produtturi tagħhom.

5.4.

Minbarra t-theddida fuq l-attività agrikola għal ċerti prodotti agrikoli, id-dħul ta’ pestijiet jew mard ta’ oriġini barranija jwassal għal żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-bdiewa Ewropej, u għalhekk għat-tnaqqis fil-qligħ tal-irziezet tagħhom. Barra minn hekk, dawn il-problemi jistgħu jħallu impatt wiesa’ – ekonomiku, ambjentali u soċjali – fuq it-territorju Ewropew kollu.

5.5.

Bħala eżempju prattiku li juri b’mod ċar, elokwenti u li ma jħalli l-ebda dubju dwar il-gravità ta’ din il-problema, jista’ jissemmal-każ riċenti tal-importazzjoni ta’ frott taċ-ċitru mill-Afrika t’Isfel. Matul l-aħħar staġun, fil-portijiet Ewropej inħatt għadd kbir ta’ tagħbijiet ta’ dan il-frott taċ-ċitru mill-Afrika t’Isfel kontaminati minn fungu perikoluż, il-Guignardia Citricarpa, li jwassal għall-marda tat-tbajja’ suwed. F’dan il-każ, l-aġent patoġen instab 35 darba fil-frott taċ-ċitru importat mill-Afrika t’Isfel.

5.6.

Dan juri li n-nuqqas ta’ dixxiplina fl-UE qed iqiegħed fil-periklu 5 00  000 ettaru mill-art tagħha għall-frott taċ-ċitru, peress li m’hemm l-ebda trattament effikaċi biex tinqered din il-marda. Jekk tidħol, din il-marda tikkawża effetti dannużi immens mil-lat ekonomiku, ambjentali u soċjali, u tikkomprometti s-sigurtà tal-provvista.

5.7.

L-abbozz tar-regolament dwar is-saħħa tal-pjanti huwa avvanz fuq id-direttiva 2000/29/KE tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2000 dwar ċerti aspetti relatati mal-miżuri għall-protezzjoni kontra l-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ organiżmi dannużi għall-prodotti veġetali u kontra t-tixrid tagħhom fl-UE (20), iżda xorta waħda ma jindirizzax ċerti aspetti ta’ importanza kruċjali, biex b’hekk għadd kbir ta’ problemi kbar għadhom mhux solvuti.

5.8.

Irid jiġi enfasizzat ukoll li l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni ta’ prodotti importati minn pajjiżi terzi mhumiex l-istess bħal dawk li huma fis-seħħ fl-UE. Dawn il-pajjiżi terzi jippermettu l-użu ta’ ħafna prodotti tas-saħħa tal-pjanti li l-Ewropej ma jawtorizzawx, il-limiti massimi ta’ residwi (MRLs – maximum residue limits) huma ogħla minn dawk permessi fit-territorju Ewropew u l-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol tagħhom huma differenti minn dawk tal-Ewropa (livell inqas ta’ protezzjoni, fejn din teżisti).

5.9.

Mil-lat tal-konsumaturi Ewropej, jaqbel li nisħqu fuq id-differenza kbira li teżisti fis-sigurtà u t-traċċabbiltà bejn il-produzzjonijiet barranin u dawk tal-UE.

5.10.

Il-leġislazzjoni attwali tillimita u trażżan l-użu ta’ għadd li qed jikber ta’ sustanzi attivi użati għat-trattament ta’ ċerti pestijiet jew mard. Dawn ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-bdiewa Ewropej jistgħu jolqtu lil 50 % tal-prodotti li kienu disponibbli f’dawn l-aħħar snin. Barra minn hekk, il-persuni li japplikaw dawn it-trattamenti għandhom iwieġbu għal ċerti rekwiżiti addizzjonali, fejn jeħtieġu aktar taħriġ u użu ta’ mezzi ta’ protezzjoni waqt li jkunu qed japplikaw dan it-trattament.

5.11.

Il-prinċipju tar-reċiproċità għandu jiggarantixxi li l-produzzjonijiet kollha li jaslu f’suq partikolari jkunu ġew bilfors prodotti f’konformità mal-istess obbligi u standards fis-seħħ fl-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tas-saħħa, il-kundizzjonalità ekoloġika, l-użu ta’ sustanzi attivi, eċċ.

Brussell, it-18 ta’ Marzu 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-interferenti endokrinali (2012/2066(INI)).

(2)  Din l-istima saret b’mod indipendenti minn Vincent Cogliano tal-IARC (Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer) u Andreas Kortenkamp, li jmexxi ċ-Ċentru tat-Tossikoloġija tal-Università ta’ Londra.

(3)  Pereżempju, id-data mhux proċessata tal-istudju regolatorju dwar il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 863 ma kinitx disponibbli għall-komunità xjentifika skont id-deċiżjoni minn qorti Ġermaniża fl-2005, u f’Jannar 2013, il-kumpanija Monsanto heddet lill-EFSA li tieħu passi legali talli żvelat “sigriet kummerċjali” minħabba li d-Direttriċi tal-EFSA żvelat fuq l-Internet, taħt pressjoni mill-midja u l-komunità xjentifika, data relatati mal-qamħirrum GM NK 603.

(4)  Skont l-EFSA innifisha, id-data tal-istudju regolatorju (ta’ referenza) mhijiex ta’ natura kunfidenzjali.

(5)  ILSI (International Life Science Institute) – organizzazzjoni ta’ lobbying tal-kumpaniji multinazzjonali fil-qasam tal-agrokimika, l-industrija agroalimentari u l-bijoteknoloġija, bħall-Coca-cola jew Monsanto. Fir-rebbiegħa tal-2012, wara rapport tal-Qorti tal-Awdituri (Rapport speċjali Nru 15/2012) li ħareġ fid-dieher in-nuqqas ta’ ċarezza fil-ġestjoni ta’ kunflitt ta’ interess fi ħdan l-EFSA, il-Parlament Ewropew ippospona fit-tieni qari d-deċiżjoni tiegħu li japprova l-kwittanza baġitarja tal-aġenzija għas-sena 2010 fl-istennija ta’ informazzjoni oħra relatata mal-politika li din twettaq fil-qasam tal-kunflitt ta interess.

(6)  Ara, pereżempju, Frederick vom Saal & Claude Hughes, “An extensive new literature concerning low-dose effects of bisphenol-A shows the need for a new risk assessment”, Environmental Health Perspectives, vol. 113, Awwissu 2005, p. 926-933.

(7)  Pereżempju, il-ħlewwa artificjali aspartame hija preżenti f’6  000 prodott differenti.

(8)  Pereżempju Sofie Christiansen, Ulla Hass et al., “Synergic disruption of external male sex organ development by a mixture of four antiandrogens”, Environmental Health Perspectives, vol. 117, nru 12, Diċembru 2009, p. 1839-1846.

(9)  Fl-2006, il-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura, mistoqsi mill-membru parlamentari Paul Lannoye, għaraf li hemm lakuna regolatorja għall-evalwazzjoni tat-taħlitiet. Madankollu, minn mindu ammetta dan, ma nkiseb l-ebda progress sinifikanti.

(10)  Id-Dikjarazzjoni ta’ Berlaymont tal-2013 dwar l-interferenti endokrinali.

(11)  Fl-2008, il-bejgħ ta’ flixken għat-tisqija tat-trabi manifatturati bil-BPA ġie pprojbit fil-Kanada, u fl-2011, l-UE għamlet l-istess. Mill-1 ta’ Jannar 2015, Franza pprojbixxiet l-użu tal-bisfenol A għall-prodotti kollha maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ prodotti tal-ikel. Din il-projbizzjoni ġiet iġġustifikata b’opinjoni xjentifika mill-aġenzija nazzjonali ANSES. Fil-21 ta’ Jannar 2015, l-EFSA ppubblikat opinjoni li tiddikjara li “fil-livelli attwali ta’ espożizzjoni il-BPA ma joħloqx riskju għas-saħħa tal-konsumaturi tal-gruppi tal-etajiet kollha.”

(12)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-interferenti endokrinali (2012/2066(INI)), premessi A u C, u Id-Dikjarazzjoni ta’ Berlaymont tal-2013 dwar l-interferenti endokrinali.

(13)  L-EFSA tirreferi, b’mod partikolari, għas-simposju li hija organizzat fi Brussell f’Ġunju 2012 fejn esperti fl-endokrinoloġija rrappreżentaw biss parti (minoritarja) tal-parteċipanti.

(14)  Affermazzjoni tal-endokrinologu Amerikan Frederick vom Saal waqt il-konferenza internazzjonali li saret f’Berlin f’Settembru 2012.

(15)  Andreas Kortenkamp, Olwenn Martin, Michael Faust, Richard Evans, Rebecca McKinlay, Frances Orton u Erika Rosivatz, “State of the art assessment of endocrine disrupters”, rapport finali, 23 ta’ Diċembru 2011.

(16)  Il-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Defining criteria for identifying Endocrine Disruptors in the context of the implementation of the Plant Protection Product Regulation and Biocidal Products Regulation”, Ġunju 2014.

(17)  Evanthia Diamanti-Kandarakis et al, “Endocrine-disrupting chemicals: an Endocrine Society scientific statement”, Endocrine Reviews, vol. 30, nru 4, Ġunju 2009. p. 293-342.

(18)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

(19)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(20)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.