52014DC0733

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-attivitajiet tal-Pjattaforma tal-UE għat-Taħlit fil-Kooperazzjoni Esterna mit-twaqqif tagħha sat-tmiem ta' Lulju tal-2014 /* COM/2014/0733 final */


1. INTRODUZZJONI

L-Aġenda għall-Bidla tenfasizza l-appoġġ tat-tkabbir inklużiv u l-ħolqien tal-impjiegi bħala prijorità ewlenija tal-kooperazzjoni esterna tal-UE. F'dan il-kuntest, it-taħlit huwa rikonoxxut bħala strument importanti għall-ingranaġġ ta' riżorsi addizzjonali u biex jiżdied l-impatt tal-għajnuna tal-UE.

Skont id-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għas-self estern tiegħu, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew (PE) talbu lill-Kummissjoni biex tistudja, u sussegwentement tirrapporta dwar, l-iżvilupp ta' "Pjattaforma tal-UE għall-Kooperazzjoni Esterna u l-Iżvilupp" bil-ħsieb li tottimizza l-funzjonament tal-mekkaniżmi għat-taħlit ta' għotjiet u self fil-qasam tal-azzjoni esterna.

Fir-rapport sussegwenti tagħha lill-Kunsill u lill-PE fis-26 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi Pjattaforma ġdida tal-UE għat-Taħlit fil-Kooperazzjoni Esterna (EUBEC) bħala Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Pjattaforma tnediet formalment fl-ewwel laqgħa tal-"Grupp ta' Politika" li saret fl-14 ta' Diċembru 2012.

F'konformità mal-impenn li l-Kummissjoni se tirrapporta lill-PE u lill-Kunsill, dan id-dokument jirrappreżenta l-ewwel rapport ta' dan it-tip u jkopri l-ħidma tal-Pjattaforma sa mit-twaqqif tagħha fl-14 ta' Diċembru 2012 sal-aħħar ta' Lulju 2014. [1]

Il-Kummissjoni ppresediet il-laqgħat tal-Pjattaforma u kkontribwiet ukoll b'mod attiv kemm fuq livell politiku kif ukoll fuq dak tekniku, flimkien mas-SEAE, l-Istati Membri, il-PE u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji (IF). Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-valur miżjud tal-kooperazzjoni u r-riżultati miksuba, kif rifless fir-rakkomandazzjonijiet ta' dan ir-rapport.

Ir-rwol tal-Pjattaforma mhuwiex li jissostitwixxi jew jidduplika l-istrutturi eżistenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet.

2. OBJETTIVI

Ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-PE tas-26 ta' Ottubru 2012 stipula l-objettiv u l-kamp ta' applikazzjoni globali tal-Pjattaforma.

Il-Pjattaforma għandha ttejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tal-mekkaniżmi ta' taħlit tal-kooperazzjoni esterna u l-iżvilupp tal-UE, b'kont meħud tal-oqfsa ta' politika li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-pajjiżi sħab differenti, b'mod partikolari l-politiki tal-UE dwar l-Iżvilupp, il-Viċinat u t-Tkabbir.

Il-Pjattaforma għandha tipprovdi gwida għall-armonizzazzjoni tal-prinċipji ewlenin dwar attivitajiet ta' taħlit filwaqt li tippermetti differenzazzjoni skont is-setturi u r-reġjuni.

Il-Pjattaforma għandha tiffoka fuq setturi fejn l-istrumenti finanzjarji jistgħu jintużaw b'mod utli, fir-reġjuni ġeografiċi u bejniethom.

Il-Pjattaforma għandha wkoll tgħin biex issaħħaħ il-koerenza tal-attivitajiet ta' taħlit mal-politiki tal-UE.

3. ĦARSA ĠENERALI LEJN IL-ĦIDMA TAL-PJATTAFORMA MATUL L-2013/14

Il-Pjattaforma hija magħmula mill-Grupp tal-Politika u minn Gruppi Tekniċi.

Il-Grupp tal-Politika

Il-Grupp tal-Politika huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE, is-SEAE u l-Kummissjoni, u l-PE huwa mistieden. Parteċipanti oħra jistgħu jiġu mistiedna bħala osservaturi.

Il-Pjattaforma tnediet fl-ewwel laqgħa tal-"Grupp ta' Politika" (fl-14 ta' Diċembru 2012) li qabel dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-2013 li mbagħad ġie rivedut f'Ġunju 2013 u Diċembru 2013. Il-Grupp ta' Politika ltaqa' ħames darbiet, f'Diċembru 2012, Ġunju u Diċembru 2013, April u Lulju 2014 u ddiskuta x-xogħol tal-Gruppi Tekniċi u temi speċifiċi addizzjonali, b'input ipprovdut mill-Kummissjoni, bħal dwar il-Governanza Futura tal-faċilitajiet ta' taħlit tal-UE u r-rwol tal-IFs li mhumiex fl-UE fil-faċilitajiet ta' taħlit tal-UE.

L-IFs involuti fix-xogħol tekniku ġew mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp ta' Politika bħala osservaturi. Il-Kummissjoni tippresiedi l-laqgħat u hija inkarigata mis-segretarjat filwaqt li tiżgura l-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni.

Il-Gruppi Tekniċi

Il-Gruppi Tekniċi (GTs) huma magħmulin mill-Kummissjoni, is-SEAE, l-IFs u għadd ta' rappreżentanti tal-Istati Membri. Ir-rappreżentanti tal-PE jieħdu sehem ukoll fix-xogħol tekniku tal-Pjattaforma. Il-kondiviżjoni u l-iskambju ta' għarfien espert bejn il-parteċipanti huma essenzjali u ta' benefiċċju reċiproku.

S'issa, ħames GTs speċifiċi ġew stabbiliti, ikkumplimentati minn diversi laqgħat trasversali tal-GTs. Dawn kienu ffokati fuq l-għanijiet li ġejjin: 

GT 1 "Ir-rieżami tal-mekkaniżmi ta' taħlit eżistenti" - GT 2 "It-titjib tal-attivitajiet ta' taħlit" - Il-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati (QKR) - GT 3 "It-Titjib tal-Proċessi" - GT 4 "Il-Promozzjoni tal-Istrumenti Finanzjarji" - GT 5 "L-għoti ta' kuntratti, il-monitoraġġ u r-rappurtar"

Dan ix-xogħol tekniku kien ikkomplementat minn erba' workshops: (a) dwar il-kwistjoni tal-"Mainstreaming fit-Tibdil fil-Klima fil-faċilitajiet ta' taħlit" (b) dwar "Is-sostenibbiltà tad-dejn" (c) dwar it-Taħlit u l-ODA, u (d) laqgħa ta' diskussjoni mal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni Ewropej (ECA).

Il-PE ħa sehem b'mod attiv fid-diskussjoni tal-Pjattaforma kemm fil-Grupp ta' Politika kif ukoll fil-Gruppi Tekniċi.

L-Involviment tas-Soċjetà Ċivili u s-Settur Privat

Saru erba' laqgħat mar-rappreżentanti tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (OSĊ) - żewġ laqgħat fit-30 ta' April u l-24 ta' Lulju 2013, sessjoni ta' skambju ta' ideat dwar kif jistgħu jiġu kkatalizzati l-finanzjament privat bit-taħlit organizzat fil-kuntest tal-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp fis-26 ta' Novembru 2013, li jimmiraw l-OSĊ u l-investituri tas-settur privat u laqgħa oħra fit-3 ta' Lulju 2014 li tinvolvi l-OSĊ u s-settur privat.

4. IX-XOGĦOL TAL-GRUPPI TEKNIĊI

4.1 RIEŻAMI TAL-MEKKANIŻMI TA' TAĦLIT EŻISTENTI

Ix-xogħol tekniku inizjali fil-qafas tal-Pjattaforma kien jikkonċerna rieżami wiesa' tal-faċilitajiet ta' taħlit tal-UE eżistenti u l-iskambju tal-aħjar prattiki li jwassal għall-konklużjonijiet li ġejjin:

(i) Il-faċilitajiet ta' taħlit tal-UE eżistenti juru sinjali pożittivi rigward il-prestazzjoni b'appoġġ għall-politiki esterni tal-UE għalkemm il-proċeduri dwar l-iżvilupp, l-iskrinjar/valutazzjoni/għażla, il-monitoraġġ u r-rapporti tal-operazzjonijiet għandhom jiġu ssimplifikati, armonizzati u mtejba aktar.

(ii) Il-mekkaniżmi ta' taħlit kisbu l-għan tagħhom li jimmobilizzaw riżorsi pubbliċi sinifikanti għall-finanzjament ta' proġetti ta' investiment b'appoġġ għall-politiki esterni tal-UE. Hemm lok għal aktar użu ta' strumenti finanzjarji (bħall-kapital ta' riskju, il-garanziji, is-sussidji tar-rata tal-imgħax).

(iii) Hemm bżonn ta' aktar titjib f'termini ta' monitoraġġ u sistemi ta' rappurtar fil-livell ta' faċilitajiet u ta' proġetti.

(iv) Il-proġetti ffinanzjati taħt il-mekkaniżmi ta' taħlit ikopru varjetà ta' setturi u jistgħu jkunu ta' daqs differenti u jużaw tipi differenti ta' appoġġ skont il-ħtiġijiet. Din il-flessibbiltà ċertament tikkontribwixxi għar-rilevanza u l-kwalità tal-portafoll tal-proġett, u tagħti l-possibbiltà lill-Kummissjoni li tistabbilixxi prijoritajiet operattivi skont il-politiki u l-ħtiġijiet reġjonali speċifiċi. Involviment akbar tad-Delegazzjonijiet tal-UE fl-iżviluppi futuri jżid ulterjorment ir-rilevanza tal-portafoll tal-proġett.

(v) It-tfassil u l-preparazzjoni tal-proġetti jitwettqu bi proċessi u standards sodi mill-IFs, u l-proposti tal-proġetti jiġu vvalutati permezz ta' mekkaniżmi ta' rieżami bejn il-pari u skrinjar intern tal-Kummissjoni/is-SEAE. Il-valur miżjud tal-għotja huwa muri fid-dokumentazzjoni tal-proġett u eżaminat matul il-proċess ta' skrinjar, iżda madankollu, għandu jiġi speċifikat u analizzat aktar fil-formola tal-applikazzjoni għall-għotja biex jippermetti l-miżurabbiltà. Il-kalkoli tal-ingranaġġ finanzjarju u l-formoli ta' applikazzjoni għall-għotja għandhom ikunu armonizzati u l-kwalità tal-informazzjoni mogħtija mill-IFs għandha titjieb aktar għal valutazzjoni/għażla aktar effiċjenti u għal raġunijiet ta' monitoraġġ u rapportar.

(vi) Wieħed mis-suċċessi ewlenin tal-faċilitajiet ta' taħlit huwa l-koordinazzjoni, l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni mtejba bejn l-atturi fl-għajnuna Ewropea kif ukoll sa ċertu punt u f'reġjuni speċifiċi, ma' atturi fl-għajnuna li mhumiex Ewropej. Dan inkiseb permezz tal-parteċipazzjoni tal-atturi differenti fil-korpi ta' governanza formali tal-mekkaniżmi ta' taħlit tal-UE kif ukoll permezz ta' koordinazzjoni informali fil-livell lokali jew fil-livell tal-Kwartieri Ġenerali, jew taħt diversi Memoranda ta' Fehim mal-UE/Kummissjoni fis-seħħ. Madankollu, għandu jkun enfasizzat li ħames sħab Ewropej ewlenin jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-operazzjonijiet approvati s'issa. Għandhom għalhekk isiru sforzi biex tiġi promossa parteċipazzjoni usa' fil-faċilitajiet fost l-atturi fl-għajnuna tal-UE. Jista' jipprova jinkiseb ukoll involviment akbar tal-atturi fl-għajnuna li mhumiex Ewropej. Din il-kwistjoni kompliet tiġi diskussa fil-kuntest tal-Pjattaforma bil-konklużjoni li l-involviment tal-IFs li mhumiex Ewropej u b'mod partikolari l-banek reġjonali li jaġixxu bħala IFs ewlenin, għandha tiġi eżaminata mill-Bord tal-qafas ta' taħlit rilevanti wara approċċ immirat, abbażi tal-valur miżjud speċifiku mressaq fi proġett jew reġjun partikolari. Barra minn hekk, fejn l-IFs li mhumiex Ewropej diġà qed jaġixxu bħala mexxejja fil-faċilitajiet ta' taħlit speċifiċi, ir-rwol tagħhom għandu jiġi ppreservat, sakemm il-kundizzjonijiet relatati mal-valur miżjud tagħhom ikunu ssodisfati. Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-IFs Ewropej u dawk li mhumiex Ewropej, jibqgħu ta' importanza kritika u għal din ir-raġuni, l-IFs li mhumiex Ewropej għandhom ikunu mistiedna jattendu laqgħat rilevanti bħala osservaturi.

(vii) Bħala regola ġenerali, il-pajjiżi/reġjuni sħab huma involuti fil-livell tekniku għal kull proġett mill-bidu nett, u l-pussess huwa karatteristika ġenerali tal-assistenza ffinanzjata mis-self. Il-pajjiżi/reġjuni sħab għandhom ikunu involuti b'mod sistematiku, fil-livell adatt, fil-fażi tat-tfassil u tal-preparazzjoni tal-proġett (il-konsultazzjoni mwettqa għandha tkun dokumentata fil-formola tal-applikazzjoni għall-għotja). Il-koordinazzjoni għandha sseħħ fuq il-livell lokali bejn id-delegazzjonijiet tal-UE u l-IFs vis-à-vis il-pajjiż/reġjun sieħeb biex jiġi żgurat l-impatt tal-iżvilupp massimizzat tal-proġetti ffinanzjati taħt il-mekkaniżmi ta' taħlit. Għadd mill-punti ta' hawn fuq kienu segwiti b'ħidma teknika ulterjuri kif deskritt hawn taħt.

4.2 IT-TISĦIĦ TAL-EFFIKAĊJA, IT-TRASPARENZA U R-RESPONSABBILTÀ TAL-ATTIVITAJIET TA' TAĦLIT - QAFAS GĦALL-KEJL TAR-RIŻULTATI, IT-TITJIB TAL-PROĊESSI - L-IKKUNTRATTAR, IL-MONITORAĠĠ U R-RAPPURTAR

Wara r-rieżami tal-faċilitajiet ta' taħlit eżistenti msemmi hawn fuq u l-esperjenza miksuba s'issa, il-ħidma teknika bl-għan li tindirizza b'mod konkret it-tliet sfidi ewlenin tqassmet fuq il-GT 2, GT 3 u GT 5:-

(1) Valutazzjoni Teknika Mtejba tal-Proġetti ta' Taħlit

Qed issir ħidma biex ikompli jitjieb il-proċess ta' valutazzjoni ta' proġetti, filwaqt li kemm jista' jkun, fil-faċilitajiet kollha, jiġu armonizzati l-kriterji ta' valutazzjoni bbażati fuq l-aħjar prattiki.

Il-ħidma teknika mwettqa rriżultat f'Formola ta' Applikazzjoni għall-Għotjiet imtejba u armonizza biex tintuża mid-diversi faċilitajiet ta' Taħlit tal-UE. Ġew żviluppati Linji Gwida Dettaljati biex jakkumpanjaw il-Formola ta' Applikazzjoni, bl-għan li jipprovdu informazzjoni u kjarifiki lill-applikanti dwar kif għandha timtela l-formola. Il-Linji Gwida l-ġodda jispjegaw b'mod partikolari kif il-kwistjoni tal-addizzjonalità u l-ingranaġġ ta' kwalunkwe għotja mitluba għandha tkun ġustifikata u ppreżentata f'mod aktar strutturat u miżurabbli filwaqt li oqsma oħra bħalma huma l-istruttura finanzjarja tal-proġetti jkomplu jiġu elaborati fejn rilevanti. L-aspetti ambjentali u soċjali jiġu mqabbla mal-istandards tal-UE bħal kull xorta ta' proġett iffinanzjat mill-UE. Il-kwistjoni tas-sostenibbiltà tad-dejn hija espliċitament introdotta, abbażi tal-workshops li saru mal-kollegi tal-FMI. Hemm ukoll taqsima ġdida dwar l-indikaturi li hija marbuta mal-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati l-ġdid (ara hawn taħt). Fil-bidu tal-2014, ġiet introdotta Formola ta' Applikazzjoni ġdida għall-proposti ta' proġetti ġodda fil-faċilitajiet kollha ġestiti mid-DEVCO. Abbażi tal-ħidma tal-EUBEC, it-Task Force tad-WBIF qed tkompli taħdem biex tissimplifika u ttejjeb il-proċeduri operattivi rilevanti.

(2) Żvilupp ta' Qafas għall-Kejl tar-Riżultati standardizzat

Twettqet ħidma teknika dwar qafas ġdid ta' kejl tar-riżultati maħsub biex jgħin lill-Kummissjoni u lill-IFs jipprovdu informazzjoni dwar ir-riżultati mistennija ta' proġetti sostnuti mil-faċiltajiet ex-ante, ikejlu ex-post l-eżitu tal-attivitajiet ta' finanzjament tagħhom u jippermettu aktar titjib tar-rappurtar dwar il-kisbiet tal-faċilitajiet; dan kollu jirrifletti l-ħtiġiet tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid, l-oqfsa ta' riżultati tal-Kummissjoni, kif ukoll il-prijoritajiet u l-objettivi tal-politiki tal-kooperazzjoni esterna tal-UE.

Ir-riżultat kien qafas miftiehem li jikkonsisti minn sett komuni ta' indikaturi tar-riżultati li jirriflettu l-kisbiet u l-eżiti maħsuba tal-proġetti. L-għażla tal-indikaturi kienet iggwidata minn serje ta' kunsiderazzjonijiet, bħall-koerenza mal-objettivi u l-prijoritajiet tal-faċilitajiet, l-objettivi ta' politika tal-kooperazzjoni esterna tal-UE u r-Regolament Finanzjarju, kif ukoll il-prattiki attwali mill-IFs u l-possibbiltà għall-aggregazzjoni u għar-rappurtar lill-pubbliku ġenerali (fost oħrajn). Il-qafas jinkludi definizzjoni għal kull wieħed mill-indikaturi maqbula u jeħtieġ ukoll li l-applikanti kwalitattivament jiddeskrivu l-impatt mistenni tal-proġett propost. Il-qafas tar-riżultati l-ġdid ġie inkorporat fil-Formola ta' Applikazzjoni u l-Linji Gwida l-ġodda (ara hawn fuq) u fil-bidu tal-2014 dan ġie introdott għal proposti ta' proġetti ġodda.

(3) L-Armonizzazzjoni tal-Ikkuntrattar, il-Monitoraġġ u r-Rappurtar

Ix-xogħol tekniku li twettaq kien jinvolvi lill-Kummissjoni, lis-servizzi tas-SEAE fil-kwartieri ġenerali u lid-Delegazzjonijiet kif ukoll l-IFs. L-għan ewlieni tal-GT kien li jaħdem fuq l-armonizzazzjoni u li jħaffef il-proċess tal-ikkuntrattar fil-faċilitajiet billi joħloq Linji Gwida rilevanti u dettaljati li se jgħinu biex idaħħlu l-informazzjoni dwar l-ikkuntrattar rilevanti fil-fajls tal-proġetti ppreżentati lill-korpi ta' governanza tal-faċilitajiet, bil-għan li jiġi ssimplifikat l-ikkuntrattar tal-proġetti. Il-GT 5 ikkonċentra fuq l-ispjegazzjoni u l-iċċarar tad-definizzjonijiet u l-proċessi tal-ikkuntrattar li jeħtieġ li jiġu integrati bil-quddiem fil-dokument tal-informazzjoni tal-proġett sabiex ikun hemm komprensjoni sħiħa tal-implimentazzjoni tal-proġett, tal-flussi finanzjarji u tar-responsabbiltà rispettiva tal-partijiet interessati. L-informazzjoni kuntrattwali xierqa kienet għalhekk integrata għal raġunijiet ta' effiċjenza fil-Linji Gwida dettaljati dwar kif timtela l-Formola ta' Applikazzjoni. Barra minn hekk, sett ta' rakkomandazzjonijiet/l-aħjar prattiki għar-rappurtar u l-monitoraġġ ġew identifikati abbażi tal-esperjenza attwali kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-IFs matul l-implimentazzjoni ta' proġetti kif ukoll abbażi tar-rekwiżiti tal-qafas legali applikabbli għall-istrumenti finanzjarji stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.

Il-Kummissjoni tilqa' l-isforzi tal-Pjattaforma biex tkompli tiżgura proċess tal-għażla tal-proġetti strutturat sew, trasparenti u effettiv, bi proċessi tal-ikkuntrattar effiċjenti kif ukoll monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati u proċeduri ta' rappurtar xierqa, ibbażati adegwatament fuq ir-rekwiżiti legali rilevanti u aġġornati.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-progress importanti li sar taħt il-Pjattaforma permezz tal-iżvilupp tal-għodda ġodda – armonizzati – li għandhom jintużaw fil-faċilitajiet ta' taħlit kollha bħall-formola ta' applikazzjoni mtejba u l-linji gwida ta' akkumpanjament.

4.3 ŻVILUPP ULTERJURI TAL-ISTRUMENTI FINANZJARJI

L-investiment ibbażat fuq is-suq huwa mutur ewlieni tal-iżvilupp u parametru importanti li jagħmel distinzjoni bejn l-ekonomiji żviluppati u dawk anqas żviluppati. Eżempji jinkludu s-self tal-banek lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju, l-utilitajiet pubbliċi u privati li jinvestu fil-produzzjoni tal-enerġija, jew proġetti ta' infrastruttura ewlenin bħal toroq u ferroviji.

L-użu usa' ta' strumenti finanzjarji speċifiċi (pereż. garanziji, ekwità, riskji tal-kambju lokali, u mekkaniżmi oħra ta' qsim tar-riskju) huwa motivat mill-ħtieġa li jintużaw il-fondi baġitarji limitati disponibbli kemm jista' jkun b'mod effiċjenti kif ukoll mill-valutazzjoni li l-għotjiet mhumiex dejjem l-aħjar strument biex jiġu żviluppati dawn it-tipi ta' attività ekonomika u li xi drabi dawn jistgħu jfallu għalkollox.

L-użu ta' strumenti finanzjarji speċifiċi jista' jiġi rakkomandat meta l-parteċipanti fis-suq, li jistgħu jinkludu istituzzjonijiet ta' finanzjament tal-iżvilupp, ma jkunux qed jipprovdu l-finanzjament meħtieġ f'ammonti suffiċjenti jew f'kundizzjonijiet xierqa għal proġetti vijabbli finanzjarjament b'xi mod ieħor minħabba l-preżenza ta' fallimenti tas-suq.

Minbarra li jindirizzaw il-fallimenti tas-suq jew is-sitwazzjonijiet subottimali tal-investiment, jeħtieġ li l-istrumenti finanzjarji jipprovdu addizzjonalità definita b'mod ċar (valur miżjud) kif ukoll ingranaġġ għall-fondi baġitarji tal-UE, u t-tfassil tagħhom għandu jiżgura l-allinjament tal-imgħaxijiet bejn il-Kummissjoni u s-sħab implimentattivi tagħha.

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq u fuq l-esperjenzi prattiċi tal-membri tal-Pjattaforma, il-Pjattaforma għażlet għadd ta' setturi fejn l-użu miżjud tal-istrumenti finanzjarji msemmija hawn fuq għandu jiġi esplorat aktar, pereżempju l-infrastruttura, il-MSMEs, l-agrikoltura, il-qasam soċjali. Għalkemm it-tip u l-livell ta' appoġġ tal-UE għandu jiġi vvalutat fid-dawl ta' kull proġett individwali, il-Pjattaforma approvat xi prinċipji bażiċi dwar ir-rekwiżiti minimi, il-limiti ta' appoġġ massimu u l-mekkaniżmi li jiżguraw l-allinjament tal-imgħaxijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istituzzjoni Finanzjarja Eliġibbli ta' implimentazzjoni.

Il-Kummissjoni tapprova l-isforzi tal-pjattaforma għall-promozzjoni ta' użu akbar tal-istrumenti finanzjarji. Minħabba li dawn l-istrumenti finanzjarji huma prodotti komparattivament kumplessi, it-tfassil tagħhom se jiġi adattat bir-reqqa għall-ambjent operattiv tal-pajjiżi sħab individwali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipju bażiku tal-UE għall-istrumenti finanzjarji: ir-regola tal-ebda obbligazzjoni kontinġenti, li tiżgura li r-responsabbiltà finanzjarja tal-UE li tirriżulta minn strument finanzjarju ma tista' fl-ebda każ taqbeż l-ammont tal-impenn baġitarju rilevanti li jsir għalih.

5. GOVERNANZA FUTURA TAL-FAĊILITAJIET TA' TAĦLIT TAL-UE

Sabiex titjieb l-effettività tal-operazzjonijiet ta' taħlit fil-kisba tal-għanijiet ta' politika tagħhom tat-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp soċjoekonomiku kif ukoll l-effiċjenza tal-ġestjoni tagħhom inkluż tnaqqis fil-kostijiet ta' tranżazzjoni, il-Pjattaforma qablet dwar l-organizzazzjoni ta' erba' "oqfsa" ta' taħlit skont l-istrumenti ta' finanzjament (EDF – ENI – DCI – IPA). Fl-istess ħin, sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-prijoritajiet strateġiċi reġjonali differenti, bil-għan li jiżdied l-ingranaġġ politiku u jintużaw l-operazzjonijiet ta' taħlit b'mod effettiv għad-djalogu politiku, u għal skopijiet ta' rappurtar, huwa propost li taħt kull qafas jiġu maħtura "faċilitajiet" definiti ġeografikament.

Il-finanzjament se jiġi primarjament minn programmi reġjonali definiti taħt l-istrumenti differenti, f'konformità mal-prijoritajiet u l-għanijiet definiti fid-dokumenti ta' programmar, fi djalogu mal-pajjiżi sħab u l-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti. Fejn rilevanti u xieraq, il-finanzjament jista' jiġi wkoll minn programmi speċifiċi nazzjonali/reġjonali[2], b'appoġġ għall-prijoritajiet u l-objettivi f'dawn il-pajjiżi/reġjuni kif definit fid-dokumenti ta' programmazzjoni rilevanti. Għandu jkun hemm interess mill-Istati Membri tal-UE jew minn donaturi oħrajn biex jikkontribwixxu għall-operazzjonijiet ta' taħlit; dan se jsir permezz ta' fond(i) speċifiku/speċifiċi. Se jkun hemm struttura ta' governanza waħda għal kull qafas ta' taħlit, li tirregola l-fondi tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri tal-UE jew kontribuzzjonijiet oħra ta' donaturi permezz ta' fondi apposta. Dan il-qafas se japplika għar-reġjuni kollha, inkluża l-Afrika. Abbażi tal-ħidma tal-EUBEC, it-Task Force tad-WBIF qed tkompli taħdem biex tissimplifika u ttejjeb l-istruttura ta' governanza rilevanti.

It-teħid ta' deċiżjonijiet se jkun organizzat fi struttura b'2 livelli.  L-opinjonijiet dwar il-proposti tal-proġetti se jiġu fformulati fil-livell tal-Bord. Opinjonijiet bħal dawn se jkunu ppreparati permezz ta' valutazzjoni fil-livell tekniku.

Il-Bords[3], ippreseduti mill-Kummissjoni, jinkludu lis-SEAE, lill-Istati Membri tal-UE bħala membri bid-dritt tal-vot, u l-IFs bħala osservaturi. Dawn se jkunu responsabbli biex jifformulaw opinjonijiet dwar operazzjonijiet ta' taħlit individwali, jipprovdu gwida lill-istituzzjonijiet parteċipanti, jimmonitoraw u jeżaminaw mill-ġdid il-proġetti futuri, jeżaminaw ir-riżultati relatati mal-proġetti u jimmonitorjaw il-portafoll ta' proġetti approvati, kif ukoll jieħdu mill-għarfien espert speċifiku tal-IFs kif xieraq, billi jiżguraw it-tqassim tax-xogħol. 

Il-valutazzjoni teknika tal-proposti tal-proġetti se tinkludi laqgħat tekniċi regolari ppreseduti mill-Kummissjoni (li jinvolvu lid-DĠs rilevanti kif xieraq) bil-parteċipazzjoni tas-SEAE[4] u tal-IFs li se jiddiskutu u jivvalutaw il-proġetti futuri li jitressqu quddiem il-Bords.

Il-formola tal-applikazzjoni għall-proġetti mtejba (u aktar armonizzata) żviluppata taħt il-Pjattaforma diġà tinsab fis-seħħ u tikkontribwixxi biex tiżgura proċess tal-għażla tal-proġetti strutturat sew, trasparenti u effettiv[5].

Is-Segretarjat jappoġġja lill-Bord fil-kompiti kollha tiegħu, jagħti l-appoġġ tiegħu fl-organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' komunikazzjoni u fl-implimentazzjoni ġenerali tal-istrateġija ta' komunikazzjoni, jorganizza l-valutazzjoni fil-livell tekniku tal-proposti u huwa l-punt ċentrali ta' kuntatt għall-partijiet ikkonċernati kollha involuti fl-oqfsa ta' taħlit. L-istruttura u t-tħaddim tas-Segretarjat iridu jiġu aġġustati skont l-istruttura ġenerali ġdida u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; il-Kummissjoni se tiżgura s-Segretarjat ta' kull qafas ta' taħlit tal-UE kif ukoll il-faċilitajiet korrispondenti, possibbilment b'esplorazzjoni tal-għażla tal-esternalizzazzjoni ta' kompiti speċifiċi.

Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet rieżaminat propost għandu l-għan li jirrazzjonalizza, jissimplifika u jtejjeb l-effiċjenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll li jilħaq ir-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju meta jiġu implimentati proġetti taħt ġestjoni indiretta. Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet rieżaminat jinkludi: (i) Koordinazzjoni mtejba fi stadju bikri, li se tiżgura li r-riżorsi jkunu ffokati fuq il-prijoritajiet identifikati, (ii) Valutazzjoni teknika usa' u mtejba biex tkompli ttejjeb il-kwalità u tiffaċilita l-iskambju tal-għarfien espert, billi tuża l-għarfien espert speċifiku tal-IFs kif xieraq, (iii) Flessibbiltà akbar b'ħin ta' tqabbil meħud fuq il-valutazzjoni teknika għall-kumplessità relattiva ta' kull proposta u (iv) Numru mnaqqas ta' passi globali fil-proċess. Ladarba proposta tiġi vvalutata bħala teknikament matura, l-IF ewlenija[6] se tkun tista' tissottometti formola ta' applikazzjoni riveduta finali lis-Segretarjat bil-ħsieb ta' sottomissjoni lill-Bord.

Fil-każ ta' oqfsa tat-taħlit ġestiti mid-DEVCO, il-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri se jkollhom djalogu (ippresedut mis-SEAE u l-Kummissjoni) dwar l-orjentazzjonijiet strateġiċi, il-linji gwida ġenerali mal-pajjiżi benefiċjarji u l-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti. Dan jista' jsir jew fil-kuntest ta' fora eżistenti ta' koordinazzjoni tal-politika reġjonali jew subreġjonali jew, fejn ma jkunx hemm fora xierqa identifikati, f'laqgħat strateġiċi ddedikati, taħt il-prinċipju ta' sjieda tal-kooperazzjoni tagħna għall-iżvilupp. Fil-każ tad-WBIF, id-diskussjonijiet fil-livell strateġiku diġà stabbiliti li jinvolvu l-pajjiżi benefiċjarji għandhom jissaħħu aktar bil-promozzjoni tal-"pjanijiet futuri ta' settur wieħed" għal kull pajjiż.

L-involviment tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-proġett hija fil-preżent ġestita mill-IFs, bħala parti mill-proċessi ta' approvazzjoni u ġestjoni tal-proġetti tagħhom, jew billi jiġi żgurat li l-promotur tal-proġett jieħu l-impenn tal-konsultazzjoni pubblika rilevanti jew b'mod dirett. Ir-rwol tad-Delegazzjonijiet/Unitajiet Ġeografiċi għandu jkun l-involviment mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili lokali f'konformità mal-prattika komuni għal proċeduri oħra ta' implimentazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli żżid l-isforzi tagħha biex ittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi dawk reġjonali, fil-livell tal-faċilitajiet. Laqgħat regolari dwar it-taħlit ġew organizzati ma' CSOs fi Brussell.

6. ĦARSA ĠENERALI LEJN IL-KONKLUŻJONIJIET U R-RAKKOMANDAZZJONIJIET

(1)          Abbażi tal-esperjenza miksuba s'issa, il-faċilitajiet ta' taħlit tal-UE eżistenti juru sinjali pożittivi rigward il-prestazzjoni b'appoġġ għall-politiki esterni tal-UE.

(2)          Il-ħidma teknika mwettqa diġà, irriżultat f'Formola ta' Applikazzjoni għall-Għotjiet mtejba u armonizzata biex tintuża mid-diversi faċilitajiet ta' taħlit tal-UE. Ġew żviluppati Linji Gwida dettaljati biex jakkumpanjaw il-Formola ta' Applikazzjoni, bl-għan li jipprovdu informazzjoni u kjarifiki lill-applikanti dwar kif għandha timtela l-formola. Il-kwistjoni tas-sostenibbiltà tad-dejn ġiet espliċitament introdotta u r-reviżjoni kontinwa tal-Qafas tal-FMI se tiġi segwita.

(3)          Qafas tar-riżultati ġdid ġie żviluppat u inkorporat fil-Formola ta' Applikazzjoni u Linji Gwida ġodda (ara hawn fuq).

Il-Kummissjoni tilqa' l-isforzi tal-Pjattaforma biex tkompli tiżgura proċess tal-għażla tal-proġetti strutturat sew, trasparenti u effettiv, bi proċessi tal-ikkuntrattar effiċjenti u monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultat u proċeduri ta' rappurtar xierqa, ibbażati adegwatament fuq ir-rekwiżiti legali rilevanti u aġġornati, u allinjati mal-politiki, il-prijoritajiet u l-objettivi tal-kooperazzjoni esterna tal-UE.

F'dan il-qafas, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-progress importanti li sar taħt il-Pjattaforma permezz tal-iżvilupp tal-għodda ġodda – armonizzati li għandhom jintużaw fil-faċilitajiet ta' taħlit eżistenti kollha bħall-formola ta' applikazzjoni mtejba u l-linji gwida ta' akkumpanjament.

(4)          Ġew identifikati oqsma ewlenin fejn l-użu akbar tal-istrumenti finanzjarji speċifiċi għandu jiġi esplorat aktar. Dawn huma bbażati fuq ir-rilevanza prattika tagħhom u wkoll biex jindikaw oqsma fejn l-azzjonijiet futuri taħt il-faċilitajiet ta' taħlit għandhom ikunu mmirati:

- Garanziji, ekwità u strumenti oħra ta' kondiviżjoni tar-riskji għall-proġetti infrastrutturali u l-MSMEs;

- Setturi ġodda: Garanziji u mekkaniżmi għall-kondiviżjoni tar-riskji għas-settur tal-agrikoltura, dak soċjali u oħrajn.

Il-Kummissjoni tappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Pjattaforma għall-oqfsa ta' taħlit tal-UE biex isir użu akbar tal-istrumenti finanzjarji speċifiċi, b'mod partikolari fl-infrastruttura, l-MSMEs, l-agrikoltura u s-setturi soċjali – b'kunsiderazzjoni xierqa tal-ambjenti operattivi fil-pajjiżi sħab u tar-regola tal-ebda obbligazzjoni kontinġenti. Din se taħdem mill-qrib mas-sħab finanzjarji tal-iżvilupp tagħha biex iddaħħal fis-suq strumenti finanzjarji innovattivi b'impatt ta' żvilupp qawwi.

 (5)         Il-Pjattaforma kkonkludiet li l-erba' "oqfsa" tat-taħlit għandhom ikunu organizzati skont l-istrumenti ta' finanzjament (EDF – ENI – DCI – IPA). Il-konklużjonijiet operattivi relatati mal-proġetti se jittieħdu fl-erba' bords rispettivi rilevanti (il-bord EDF – il-bord ENI – il-bord DCI – il-Kumitat tat-Tmexxija tad-WBIF). Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet rivedut se jgħin biex jissimplifika u jtejjeb l-effiċjenza kif ukoll biex jissodisfa r-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju.

Il-Kummissjoni tappoġġja s-simplifikazzjoni ulterjuri tal-faċilitajiet ta' taħlit f'erba' oqfsa tat-taħlit sabiex ittejjeb l-effikaċja tal-operazzjonijiet ta' taħlit fil-kisba tal-għanijiet ta' politika tagħhom u biex jitnaqqsu l-kostijiet.

Il-Kummissjoni, f'koordinazzjoni mill-qrib mas-SEAE u l-Istati Membri tal-UE, se tagħmel ħilitha biex tiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tar-rakkomandazzjonijiet għal struttura ta' governanza riveduta tal-faċilitajiet ta' taħlit.

(6)          L-involviment tal-IFs li mhumiex Ewropej u b'mod partikolari l-banek reġjonali li jaġixxu bħala IFs ewlenin, għandha tiġi eżaminata mill-Bord tal-qafas ta' taħlit rilevanti wara approċċ immirat, abbażi tal-valur miżjud speċifiku mressaq fi proġett jew reġjun partikolari. Barra minn hekk, fejn l-IFs li mhumiex Ewropej diġà qed jaġixxu bħala mexxejja fil-faċilitajiet ta' taħlit speċifiċi, ir-rwol tagħhom għandu jiġi ppreservat, sakemm il-kundizzjonijiet relatati mal-valur miżjud tagħhom ikunu ssodisfati. Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-IFs Ewropej u dawk li mhumiex Ewropej, jibqgħu ta' importanza kritika u għal din ir-raġuni, l-IFs li mhumiex Ewropej għandhom ikunu mistiedna jattendu laqgħat rilevanti bħala osservaturi.

(7)          Il-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri tal-UE, il-PE, is-SEAE, u s-servizzi tal-Kummissjoni, firxa wiesgħa ta' IFs pubbliċi, multilaterali u bilaterali, Ewropej u mhux Ewropej, kienet essenzjali għas-suċċess tagħha sal-lum. Dan ġie mtejjeb aktar bl-iskambji ma' CSOs u l-komunikazzjoni ma' atturi oħrajn.

Il-Kummissjoni temmen li l-Pjattaforma tal-UE wriet biċ-ċar il-valur tagħha billi ġabret flimkien firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati biex jiskambjaw l-għarfien espert dwar l-aspetti kollha ta' taħlit fil-kooperazzjoni esterna. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Pjattaforma tal-UE tkompli tibni fuq din l-esperjenza u s-suċċess tagħha s'issa u tkompli bil-ħidma tagħha fuq kwistjonijiet speċifiċi relatati mat-taħlit fil-kooperazzjoni esterna.

Fl-aħħar nett, u f'konformità mal-Pjan ta' Ħidma ppreżentat mill-Kummissjoni u adottat mill-Grupp ta' Politika, il-kwistjonijiet li ġejjin ġew identifikati u qed jiġu indirizzati matul l-2014.

•              Il-mobilizzazzjoni ta' Riżorsi tas-Settur Privat

•              L-Aħjar Prattiki u l-Opportunitajiet ta' Finanzjament fit-Tibdil fil-Klima

[1] Dokumenti ta' ħidma dettaljati u rapporti ulterjuri jinsabu f'http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm peress li l-Pjattaforma hija Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni rreġistrat E02852

[2] Kif ukoll sa ċertu punt mill-programmi tematiċi.

[3] Fil-każ tad-WBIF, dan jissejjaħ il-Kumitat ta' Tmexxija, fejn is-SEAE mhuwiex involut.

[4] Is-SEAE mhuwiex involut fil-valutazzjoni teknika tal-proposti ta' proġetti tad-WBIF

[5] Fid-WBIF dan jirrifletti l-fatt li l-applikanti ewlenin huma l-pajjiżi benefiċjarji.

[6] Fil-każ tal-faċilitajiet ġestiti mid-DEVCO biss.