RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Is-sitt rapport biennali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen 1 ta' Mejju - 31 ta' Ottubru 2014 /* COM/2014/0711 final */
1.
Introduzzjoni
Kif
imħabbar mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Settembru 2011
fil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-tisħiħ tal-governanza ta' Schengen[1] u
bl-appoġġ tal-Kunsill fit-8 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni
tippreżenta rapporti biennali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar
il-funzjonament taż-żona Schengen. Dan is-sitt rapport ikopri l-perjodu
mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Ottubru 2014.
2.
Il-qagħda
2.1.
Il-qagħda mal-fruntieri esterni ta’ Schengen
Il-perjodu ta' rapportar kien
karatterizzat minn żewġ żviluppi prinċipali. L-ewwel nett, il-migrazzjoni
kontinwa bejn il-Mediterran u l-Ewropa, li laħqet il-massimu tagħha matul
ix-xhur tas-sajf u kompliet titlef il-ħajjiet. It-tieni nett, bil-moviment
sinifikanti fiż-żona Schengen ta’ persuni li jaslu l-Italja u jippruvaw imorru
fi Stati Membri oħra. L-għadd globali ta’ detezzjonijiet ta’
qsim irregolari tal-fruntieri żdied b’mod sinifikanti matul il-perjodu ta’
rapportar (minn Mejju sa Ottubru 2014). Din iż-żieda tista’ tiġi
attribwita lil numru mingħajr preċedent ta’ detezzjonijiet irrapportat
mill-Italja (kważi sitt darbiet aktar detezzjonijiet mill-Italja minn Mejju sa
Lulju 2014 meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel[2]). B’kollox[3], kien hemm 81 270 detezzjoni
matul l-ewwel tliet xhur tal-perjodu ta’ rapportar (Mejju sa Lulju 2014,
jiġifieri x-xhur li kien hemm dejta disponibbli għalihom meta nkiteb dan
ir-rapport). Dan huwa iżjed minn 2,5 darba aktar minn dawk ta' matul l-istess
xhur fl-2013, meta din iċ-ċifra kienet 31 406 u saħansitra ogħla minn
matul l-istess perjodu fl-2011. L-Italja rrapportat bil-bosta l-ogħla
għadd ta’ arresti minn Mejju sa Lulju 2014, segwita mill-Greċja. In-nazzjonalitajiet
ewlenin tal-persuni li nstabu matul dawk it-tliet xhur kienu Sirjani u Eritrej.
Ir-rotta ewlenija użata bejn Mejju u
Lulju 2014 kienet il-Mediterran Ċentrali, b'żieda ta' kważi ħames darbiet
aktar (għal aktar minn 48 000 detezzjoni) meta mqabbla mal-2013[4]. Ir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant kienet
it-tieni l-aktar użata b’mod frekwenti u l-għadd ta’ detezzjonijiet fuq din
ir-rotta żdied b’aktar mid-doppju meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2013
minħabba żieda ta’ detezzjonijiet mal-fruntieri Griegi, filwaqt li l-għadd ta’
detezzjonijiet fil-fruntieri Bulgari baqa' stabbli. Ir-rotta tal-Apulia u
l-Calabria kienet it-tielet rotta l-aktar użata bi kważi disa’ darbiet aktar[5] għal iżjed minn 13 000 detezzjoni.
Fl-aħħar nett, il-flussi fir-rotta tal-Balkani tal-Punent naqsu kważi bi tliet
darbiet għal madwar 3 300 detezzjoni minħabba tnaqqis qawwi ta’
detezzjonijiet fil-fruntieri Ungeriżi. Qabel il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet
Interni (5 ta’ Ġunju 2014), il-Kummissjoni ppubblikat Dokument
ta’ Ħidma tal-Persunal “Implementation of the Communication on the Work of the
Task Force Mediterranean”[6] li fih ippreżentat ħarsa ġenerali
tal-passi konkreti li ttieħdu sa issa biex jiġu indirizzati l-flussi migratorji
u tal-ażil u jiġu evitati mwiet ta’ migranti fil-Mediterran. Il-Kummissjoni kompliet timmonitorja
s-sitwazzjoni fil-Bulgarija u l-Italja fir-rigward tat-titjib tas-sistemi
tal-ażil rispettivi tagħhom u se tkompli timmonitorja wkoll, f'kooperazzjoni
mal-Istati Membri kkonċernati, il-ħtieġa possibbli li tintuża t-twissija
bikrija, it-tħejjija u l-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-kriżijiet abbażi
tal-Artikolu 33 tal-Liġi dwar ir-Regolament Dublin III[7]. Barra minn hekk, il-Greċja qed
timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Ażil u l-Migrazzjoni, li
jiskadi f’Diċembru 2014[8]. Ta’ min jinnota li dawn l-Istati
Membri għamlu sforzi konsiderevoli biex jistabilizzaw u jtejbu s-sitwazzjoni,
iżda huwa meħtieġ aktar progress. Minn mindu faqqgħet il-kriżi fl-Ukraina,
ma kienx hemm bidliet sinifikanti fin-numru ta’ detezzjonijiet ta’ qsim
irregolari tal-fruntieri fuq din il-fruntiera esterna fuq l-art, li baqa' baxx.
Madankollu, in-numru ta’ talbiet għall-ażil kien qed jiżdied b’mod stabbli, u
li n-numru ta’ talbiet għall-ażil minn ċittadini Ukraini fl-Istati Membri
tal-UE u l-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen minn Mejju sa Lulju 2014 qabeż
l-2 500 (iżjed minn 12-il darba aktar minn matul l-istess perjodu
fl-2013). Ġiet osservata wkoll ċerta żieda fil-każijiet ta’ permanenzi
irregolari ta’ ċittadini Ukraini. Minkejja influss relattivament baxx ta’
persuni li jfittxu l-ażil u ta’ detezzjonijiet ta’ qsim irregolari
tal-fruntieri minn persuni ta’ nazzjonalità Ukraina, l-Istati Membri u
l-aġenziji tal-UE huma mħeġġa biex jagħtu l-attenzjoni adegwata
lill-avvenimenti u b’mod partikolari l-implikazzjonijiet tagħhom għas-sigurtà
tal-UE u ż-żona ta’ Schengen. Rigward
il-ġellieda barranin li jirritornaw mis-Sirja lejn l-UE, il-Kummissjoni
tirrikonoxxi li l-fenomenu jirrappreżenta sfida għall-Istati Membri, b’mod
partikolari f'dak li huwa marbut mad-detezzjoni tagħhom fil-fruntieri esterni.
Il-Kummissjoni hija kunfidenti li l-qafas legali eżistenti huwa mgħammar b’mod
adegwat biex jirrispondi għal din it-theddida, kemm fir-rigward ta’ kontrolli
li għandhom jitwettqu fuq persuni kif ukoll fuq dokumenti tal-ivvjaġġar, u
għandu jintuża bis-sħiħ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati
Membri biex tiżviluppa approċċ komuni biex isir l-aħjar użu
mill-possibilitajiet skont il-liġi tal-Unjoni.
2.2.
Il-qagħda fiż-żona Schengen
Minn
Mejju sa Lulju 2014 il-livell ta’ detezzjonijiet ta’ permanenzi irregolari
żdied b'35 % meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2013 (sa 108 712
detezzjoni). L-Isvezja segwita mill-Ġermanja, Franza u Spanja kellha l-ogħla
għadd ta’ detezzjonijiet matul dan il-perjodu. Kif
imsemmi fil-ħames rapport biennali, din is-sena in-Netwerk ta' Analiżi
tar-Riskju tal-Frontex beda jiġbor id-dejta dwar il-movimenti sekondarji. Ta’
min jinnota li għadd ta’ pajjiżi (il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka,
il-Finlandja, il-Greċja, l-Islanda, Malta, il-Portugall kif ukoll l-Istat
Membru mhux ta’ Schengen l-Irlanda) għadhom ma ressqux id-dejta tagħhom (is-sitwazzjoni
minn Ottubru 2014). Barra minn hekk bosta Stati Membri bagħtu dejta mhux
kompluta li tagħmilha impossibbli li jiġu rintraċċati r-rotot migratorji, għan
essenzjali tal-eżerċizzju. Huwa ta’ importanza kbira li l-Istati Membri kollha
jieħdu sehem sħiħ f’dan il-ġbir ta’ dejta, għax inkella l-analiżi tista’ tkun
biss parzjali. Operazzjoni “Mos Maiorum”, l-eżerċizzju
ta’ ġbir ta’ informazzjoni l-aktar riċenti dwar il-flussi migratorji fiż-żona
UE/Schengen, twettqet mit-13 sas-26 ta’ Ottubru 2014. Saret
fil-qafas tal-Presidenza Taljana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (bħal seba'
operazzjonijiet preċedenti bħal din taħt il-Presidenzi riċenti) u kienet
immirata biex iddgħajjef il-kapaċità ta’ gruppi ta’ kriminalità organizzata li
jiffaċilitaw il-migrazzjoni irregolari lejn l-UE u ffukata fuq il-qsim illegali
tal-fruntieri. Din l-operazzjoni ġabret informazzjoni dwar ir-rotot ewlenin
segwiti minn migranti irregolari u l-modus operandi ta' netwerks
kriminali, użat għall-kuntrabandu ta’ persuni fl-UE kif ukoll dwar movimenti
sekondarji. Ir-riżultati tal-operazzjoni se jiġu ppreżentati fir-rapport
biennali li jmiss.
3.
L-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen
3.1.
Każijiet fejn reġgħu ddaħħlu temporanjament
il-kontrolli fil-fruntieri interni
L-Artikolu 23
tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen[9]
jistipula li, f’każijiet eċċezzjonali, meta jkun hemm theddid serju
għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, Stat Membru jista’ jerġa’
jdaħħal kontrolli fil-fruntieri interni tiegħu għal perjodu ta' żmien li ma
jaqbiżx dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jiġi indirizzat it-theddid serju.
Matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju
sat-31 ta’ Ottubru 2014, kien hemm tliet każijiet fejn l-Istati
Membri reġgħu daħħlu temporanjament il-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom:
Il-Belġju mill-1 sas-6 ta’ Ġunju (minħabba s-Samit tal-G7),
in-Norveġja, mill-24 sal-31 ta’ Lulju 2014 (minħabba theddida
terroristika) u l-Estonja mill-31 ta’ Awwissu sat-3 ta’ Settembru
(minħabba ż-żjara tal-President tal-Istati Uniti). Fiż-żmien meta nkiteb,
ir-riżultati tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja fin-Norveġja biss huma
magħrufa: aktar minn 165 000 persuna ġew iċċekkjati, li 17 minnhom ma
tħallewx jidħlu, ħames persuni ġew arrestati u 12-il persuna applikaw
għall-ażil. Il-valutazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Norveġiżi hija li
l-azzjoni hija meħtieġa u proporzjonali mat-theddid identifikat u kellha effett
preventiv importanti li tikkontribwixxi għas-sigurtà tas-soċjetà Norveġiża u
l-interessi tagħha. Ir-riżultati ta’ dawn il-miżuri fiż-żewġ pajjiżi l-oħra,
ladarba jkunu disponibbli, se jinġabru fil-qosor fir-rapport biennali li jmiss.
L-Istati Membri għandhom jiftakru li, skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi
tal-Fruntieri ta’ Schengen, ir-rapport dwar ir-riżultati ta’ introduzzjoni
mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri għandu jiddeskrivi, b’mod
partikolari, il-valutazzjoni inizjali u r-rispett tal-kriterji msemmija
fl-Artikoli 23a, 25 u 26a tal-Kodiċi, l-operazzjoni tal-verifiki,
il-kooperazzjoni prattika mal-Istati Membri ġirien, l-impatt li rriżulta fuq
il-moviment liberu ta’ persuni, l-effettività tal-introduzzjoni mill-ġdid
tal-kontrolli fil-fruntieri interni, inkluż valutazzjoni ex-post
tal-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri. Sadanittant,
l-awtoritajiet Olandiżi ppubblikaw ir-rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid
ta’ kontrolli fil-fruntieri interni mill-14
sat-28 ta’ Marzu 2014 (fir-rigward tas-Samit dwar is-Sigurtà
Nukleari fl-Aja). Aktar minn 44 000 persuna ġew iċċekkjati, 188 persuna ma
tħallewx jidħlu għal raġunijiet varji, 115 persuna ġew arrestati u 39 persuna
applikaw għall-ażil. Skont l-awtoritajiet Olandiżi, l-introduzzjoni mill-ġdid
temporanja ta’ kontrolli fil-fruntieri interni għenet biex tiġi pprovduta
s-sigurtà interna u kellha effett preventiv importanti matul is-Samit li għadda
mingħajr inċidenti sinifikanti.
3.2.
Iż-żamma ta' nuqqas ta’ kontroll fil-fruntieri
interni
Żewġ
oqsma tal-acquis ta ' Schengen fejn allegatament ta' spiss ikun hemm ksur huma
(1) jekk it-twettiq tal-kontrolli mill-pulizija qrib il-fruntieri interni
għandhomx effett ekwivalenti għal kontrolli fil-fruntieri (l-Artikolu 21
tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) u (2) l-obbligu li jitneħħew l-ostakoli
għall-fluss fluwidu tat-traffiku, bħal-limitazzjonijiet tal-veloċità, f’punti
ta’ qsim fit-toroq fil-fruntieri interni (l-Artikolu 22 tal-Kodiċi
tal-Fruntieri ta’ Schengen). Fil-perjodu mill-1 ta’ Mejju
sal-31 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni kompliet
l-investigazzjoni tagħha f’erba’ każijiet dwar ksur possibbli tad-dispożizzjonijiet
dwar l-abolizzjoni ta' kontrolli interni fil-fruntieri, b'mod partikolari
it-tneħħija tal-ostakoli għal fluss fluwidu tat-traffiku (rigward l-Awstrija,
il-Belġju, l-Italja u s-Slovenja). Tlestiet investigazzjoni waħda (dwar
il-Ġermanja), u ittra ta’ avviż formali li ntbagħtet lill-Ġermanja
f’Ottubru 2014 dwar l-allegat nuqqas ta’ konformità tal-Liġi tal-Pulizija
Federali Ġermaniża mal-Artikolu 20 u 21 (a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’
Schengen. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ ksur
fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Ċeka li kienet qed tobbliga lit-trasportaturi
biex iwettqu kontrolli sistematiċi fuq persuni li jaqsmu l-fruntieri interni[10]
minħabba li r-Repubblika Ċeka mmodifikat il-leġiżlazzjoni tagħha biex din tkun
kompatibbli mal-liġi tal-UE.
3.3.
L-iżvilupp ta’ Sistema Ewropea ta' Sorveljanza
tal-Fruntieri (Eurosur)
Matul il-perjodu ta’ rapportar, saru t-tħejjijiet meħtieġa
għall-estensjoni tas-Sistema
Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri ta’ Schengen mid-19-il pajjiż ta'
Schengen inizjali sat-30 kollha sal-1 ta’ Diċembru 2014.
Matul l-2014, ġew stabbiliti ċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni tal-11-il
pajjiż li fadal u l-Istati Membri ta’ Schengen kollha għamlu progress
fl-iżvilupp ulterjuri tal-Istampi tas-Sitwazzjoni Nazzjonali tagħhom. Kien
skedat li sal-aħħar ta' Novembru 2014 il-Frontex tgħaqqad il-kumplament
tal-11-il ċentru man-netwerk ta’ komunikazzjoni tal-Eurosur u intensifikat
il-kooperazzjoni tagħha mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u ċ-Ċentru
Satellitari tal-UE fil-provvediment ta' servizzi u informazzjoni fil-livell
tal-UE, bħas-sistemi tar-rapportar tal-vapuri u l-immaġni bis-satellita.
Il-Kummissjoni, il-Frontex u l-Istati Membri komplew it-tħejjijiet ta’ Manwal
li jinkludi linji gwida tekniċi u operazzjonali għall-implimentazzjoni u
l-ġestjoni tal-Eurosur. Dan il-Manwal se jiġi adottat mill-Kummissjoni fl-2015. Matul il-perjodu ta’ rapportar, għall-ewwel darba l-immaġni
bis-satellita miksuba fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-EUROSUR għamluha
possibbli li jiġu salvati l-ħajjiet tal-migranti. Mis-16 sas-17 ta’ Settembru,
l-immaġni bis-satellita miksuba permezz tal-qafas tal-EUROSUR b’appoġġ ta’
proġett tal-FP7, setgħet tagħmilha possibbli li tiġi lokalizzata dgħajsa ta’
migranti bi 38 persuna abbord fil-Mediterran u jiġu salvati, inklużi tmien nisa
u tliet itfal li damu tlett ijiem f’baħar miftuħ u kienet qed titbiegħed
miż-żona fejn kienet oriġinarjament għaddejja l-attività ta' tiftix u salvataġġ
għad-dgħajsa.
3.4.
Ksur allegat ta’ partijiet oħrajn tal-acquis ta’
Schengen
Matul il-perjodu
ta’ rappurtar, il-Kummissjoni għalqet investigazzjoni waħda (fir-rigward ta’
punt ta' qsim tal-fruntiera Bulgara fil-fruntiera bejn il-Greċja u l-Bulgarija
li qabel ġie rrapportat li allegatament ma kienx jikkonforma mar-rekwiżiti
meħtieġa skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) u talbet informazzjoni
f’każ ġdid rigward il-fruntieri tal-art tal-Estonja (fir-rigward tar-rekwiżiti
imposti fil-qsim tal-fruntiera, fir-rigward tal-Artikoli 5 u 7 tal-Kodiċi
tal-Fruntieri ta’ Schengen). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tkompli
l-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-Greċja u l-Bulgarija dwar
allegazzjonijiet ta' prattiki ta’ respinġiment fil-fruntieri esterni u bdiet
stħarriġ dwar l-allegazzjonijiet ta’ tneħħija sommarja minn Spanja (Ceuta u
Melilla). Fir-rigward
tal-ilmenti rċevuti kontinwi dwar il-ħinijiet ta’ stennija eċċessivi kkawżati
mill-kontrolli mill-awtoritajiet Spanjoli fil-fruntiera ma’ Ġibiltà, wara żjara
fuq il-post, il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjonijiet kemm għal Spanja kif
ukoll għar-Renju Unit biex jindirizzaw is-sitwazzjoni tat-traffiku f'din
il-fruntiera u l-kuntrabandu tat-tabakk (ara l-ħames Rapport biennali
għad-dettalji). Kemm Spanja u r-Renju Unit infurmaw lill-Kummissjoni dwar għadd
ta’ miżuri li huma introduċew jew għandhom il-ħsieb li jintroduċu b’reazzjoni
għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Sabiex jiġu evalwawati aħjar il-passi li
ttieħdu miż-żewġ awtoritajiet biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet,
il-Kummissjoni għamlet it-tieni żjara fuq il-post. Fit-30 ta’ Lulju 2014
rakkomandazzjonijiet addizzjonali ġew indirizzati liż-żewġ pajjiżi biex
tittejjeb il-ġestjoni ta’ flussi tal-passiġġieri u tal-vetturi u biex
il-kuntrabandu tat-tabakk jiġi indirizzat b’mod aktar effettiv. Il-Kummissjoni
se tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni mill-qrib u, b’mod partikolari, kif
iż-żewġ Stati Membri se jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li
tittejjeb is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-UE li ta’ kuljum jaqsmu din
il-fruntiera. It-traspożizzjoni
tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (2008/115/KE) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali Mir-rapport
preċedenti, l-Islanda saret l-aħħar Stat Membru ta’ Schengen li nnotifika
t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Il-maġġoranza
tal-kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni identifikati fi Stati Membri ġew solvuti
permezz tal-modifika tad-dispożizzjonijiet tal-liġi rilevanti. Il-Kummissjoni
tkompli ssegwi b' mod sistematiku n-nuqqasijiet kollha identifikati u tniedi
investigazzjoni fejn meħtieġ. Hija tiffoka b’mod partikolari fuq in-nuqqasijiet
li għad fadal f’diversi Stati Membri, bħal aspetti tal-kundizzjonijiet ta’
detenzjoni u n-nuqqas ta’ sistemi indipendenti ta’ sorveljanza ta’ ritorn
imġiegħel. F’dan
il-kuntest, il-Kummissjoni tipprevedi li tiftaħ proċeduri ta’ ksur kontra xi
Stati Membri fix-xhur li ġejjin. Barra minn hekk, hemm lok għal titjib f’ħafna
Stati Membri, b’użu aktar sistematiku ta’ alternattivi għad-detenzjoni u
l-promozzjoni tat-tluq volontarju. L-implimentazzjoni
tar-Regolament dwar it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera (KE Nru 1931/2006) Il-Kummissjoni
ilha tissorvelja l-implimentazzjoni tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntieri
sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-2006. Fir-rigward ta’ ftehimiet bilaterali li
l-Istati Membri kkonkludew mal-pajjiżi terzi ġirien tagħhom, il-Kummissjoni
kompliet l-investigazzjoni fir-rigward tas-Slovenja kif ukoll bdiet
investigazzjoni ġdida mal-Kroazja u kompliet żewġ każijiet ta’ ksur, wieħed
fir-rigward tal-Latvja u ieħor fir-rigward tal-Polonja.
3.5.
Dgħufijiet identifikati permezz tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni
ta’ Schengen
Skont
il-mekkaniżmu attwali ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen[11],
l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri tiġi evalwata b’mod
regolari minn esperti mill-Istati Membri, mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill
u mill-Kummissjoni. Fil-perjodu
mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Ottubru 2014, saru
evalwazzjonijiet ta’ Schengen fil-qasam tal-fruntieri tal-ajru, il-viżi,
il-protezzjoni tad-dejta u s-SIS/SIRENE fl-Isvizzera. Ir-rapporti qed jiġu
ffinalizzati u huma mistennija li jinkludu kummenti kemm pożittivi kif ukoll
negattivi u rakkomandazzjonijiet, inkluż fuq it-tħaffif tal-implimentazzjoni
sħiħa tal-kategoriji u funzjonalitajiet tat-twissijiet SIS II (minħabba li
l-Isvizzera għandha l-għan li tiffinalizza l-implimentazzjoni tas-SIS II
biss fit-tieni nofs tal-2016, aktar minn tliet snin wara li tidħol fis-seħħ,
b’mod parallel mal-aġġornament tas-sistema tal-pulizija nazzjonali tagħha). It-tħejjijiet
fir-rigward tal-mekkaniżmu l-ġdid tal-evalwazzjoni ta’ Schengen għadhom
għaddejjin. F’konformità mar-Regolament 1053/2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu
ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex tiġi vverifikata l-applikazzjoni tal-acquis
ta’ Schengen[12],
f’Lulju 2014 ġie adottat il-kwestjonarju standard ta’ evalwazzjoni[13].
F’Ottubru, ġie approvat il-programm ta’ evalwazzjoni annwali għall-2015 abbażi
tal-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali 2014-2019[14],
b'kunsidrazzjoni għall-analiżi tar-riskju pprovdut mill-Frontex kif ukoll
informazzjoni disponibbli minn aġenziji u korpi tal-UE rilevanti bħal Europol u
l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali. L-ewwel evalwazzjonijiet skont
il-mekkaniżmu l-ġdid (rigward iż-żjarat imħabbra) se jibdew fi Frar 2015.
Sadanittant, saret enfasi partikolari fuq l-iżvilupp ulterjuri ta’ taħriġ
għall-esperti tal-evalwazzjoni, inkluż l-aġġornament ta’ kurrikuli ta’ taħriġ
eżistenti billi jiġu inklużi aspetti li ma kinux koperti qabel bħal ritorn.
3.6.
It-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni
mal-Bulgarija u r-Rumanija
Il-Kunsill
għadu ma jistax jiddeċiedi dwar it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni
ta’ dawn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni tkompli tappoġġja bis-sħiħ l-adeżjoni
tal-Bulgarija u tar-Rumanija maż-żona Schengen.
4.
Il-miżuri ta' sostenn
4.1.
L-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen
(SIS)
Il-Kummissjoni
ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ kategoriji u funzjonalitajiet ġodda ta’
twissijiet tas-SIS fl-Istati Membri pprovduti permezz tat-tieni ġenerazzjoni
ta’ dik is-sistema li daħlet fis-seħħ fid-9 ta’ April 2013.
Matul il-perjodu ta' rappurtar kien hemm żieda sinifikanti fl-użu ta'
kategoriji ġodda ta' oġġetti u funzjonalitajiet minħabba li l-maġġoranza
tal-Istati Membri ffinalizzaw it-titjib tas-sistemi tal-pulizija nazzjonali
tagħhom li issa jippermettu lill-utenti aħħarin tagħhom biex idaħħlu
l-kategoriji l-ġodda tal-oġġett fis-SIS II. Dan kien il-każ b'mod
partikolari fil-Ġermanja u fil-Greċja. Fit-tieni kwart
tal-2014, inħarġu rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-miżuri tas-sigurtà
tas-SIS II bħala riżultat ta’ valutazzjoni totali tal-effiċjenza ta’
miżuri nazzjonali ta’ sigurtà mwettqa wara l-attakk ta’ dħul mhux awtorizzat
kontra l-N.SIS Daniża (is-sistemi tad-dejta nazzjonali li jikkomunikaw mas-SIS
Ċentrali) li affettwa s-sistema preċedenti SIS. Dawn jinkludu l-iżvilupp ta’
proċess ta’ rappurtar ta’ inċidenti iddokumentati b’mod sħiħ fiż-żona kollha
ta’ Schengen u l-istabbiliment ta’ netwerk ta’ punti ta’ kuntatt ta’ sigurtà
sabiex jitjieb l-iskambju tal-informazzjoni. Dan in-netwerk ġie finalment
stabbilit fil-qafas ta’ eu-LISA (Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva
tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u
ġustizzja). Barra minn hekk, l-Istati Membri kienu mħeġġa bil-qawwa biex
iwettqu verifiki ta' sigurtà awtonomi fuq bażi regolari kif ukoll biex ma
jesternalizzawx kull kompitu relatat mal-immaniġġjar operazzjonali
tas-SIS II lil kuntratturi esterni. Il-Kummissjoni
fetħet investigazzjoni fir-rigward tal-Polonja dwar operazzjoni kontinwa
tas-SIS II fil-fruntieri esterni u s-sigurtà fiżika tal-N.SIS. Sabiex jiġi
żgurat li l-Istati Membri se jħassru t-twissijiet inkonstistenti
fis-SIS II[15],
il-Kummissjoni nediet inizjattiva biex jiġu stabbiliti aktar dispożizzjonijiet
legali dettaljati rilevanti fil-Manwal SIRENE[16].
L-SIS II kompliet tkun għodda importanti biex jiġu skoperti r-rotot ta’
terroristi u ta’ gruppi kriminali li jivvjaġġaw minn kategorija speċjali ta’
twissija li tippermetti l-kontroll diskret u speċifiku ta’ individwi u ċerti
tipi ta’ oġġetti, inkluż fil-każ tat-theddida minn ġellieda barranin.
Il-Kummissjoni tat bidu għal miżuri prattiċi relatati mal-implimentazzjoni
tas-SIS II fl-Istati Membri sabiex jitħaffef l-iskambju ta’ informazzjoni
fuq il-bażi ta’ dawk it-twissijiet filwaqt li tinżamm kunfidenzjalità
tal-informazzjoni.
4.2.
L-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża
(VIS)
Is-Sistema
ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) daħlet fis-seħħ
fil-15 ta' Mejju 2014 fit-12, fit-13, fl-14 u fil-15-il reġjun
(l-Amerika Ċentrali, l-Amerika ta’ Fuq, il-Karibew u l-Awstralasja)[17] u
fil-25 ta’ Settembru 2014 fis-16-il reġjun (il-Balkani
tal-Punent u t-Turkija)[18].
Fid-dawl tal-impatt kbir fir-Russja tal-ħruġ tal-viża fil-VIS, se jkun meħtieġ
sforz sinifikanti biex tiġi żgurata l-introduzzjoni tiegħu f’dan il-pajjiż
skedata li sseħħ matul il-perjodu li jmiss ta’ rapportar
(mill-1 ta’ Novembru 2014 sat-30 ta’ April 2015).
Prerekwiżit għal din l-introduzzjoni hija t-tlestija b’suċċess tal-estensjoni
tal-kapaċità ta’ Sistema ta’ Tqabbil tal-Bijometrika li tappoġġja
l-operazzjonijiet ibbażati fuq il-marki tas-swaba’ bħall-identifikazzjoni u
l-awtentikazzjoni. Matul il-perjodu li jmiss ta’ rapportar, il-VIS hija skedata
li tibda topera wkoll fl-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja,
ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina. Il-VIS
qed taħdem sew u sal-aħħar ta’ Lulju 2014 is-sistema kienet ittrattat
(minn mindu daħlet fis-seħħ) kważi 9 miljun applikazzjoni għall-viża
Schengen, li abbażi tagħhom inħarġu 7,5 miljun viżi.
Fil-5 ta’ April 2014, il-kapaċità tagħha ġiet estiża biex tħejji
għall-attività li jmiss li dejjem qed tikber f’postijiet konsulari u
fil-fruntieri. Il-passi għal estensjoni addizzjonali tal-kapaċità huma skedati
skont l-iskeda ta’ implimentazzjoni tal-VIS. Jeħtieġ li l-Istati Membri jżidu
l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kwalità tad-dejta, kemm bijometrika kif ukoll
alfanumerika, introdotta mill-awtoritajiet konsulari tal-Istati Membri fil-VIS
kif spjegat fl-ħames rapport biennali. Fil-11 ta' Ottubru 2014
l-użu tal-marki tas-swaba' biex isiru l-verifiki tat-titulari ta’ viża fil-punt
ta' qsim tal-fruntiera Schengen sar obbligatorju għat-titulari ta’ viża li
d-dejta tagħhom (inkluż marki tas-swaba', fejn applikabbli) ġew maħżuna
fil-VIS. Għadu kmieni wisq biex jiġu pprovduti konklużjonijiet affidabbli dwar
l-implimentazzjoni ta' din il-miżura l-ġdida. Huwa mistenni li l-ewwel
konklużjonijiet għandhom ikunu disponibbli lejn l-aħħar tal-perjodu ta’
rapportar li jmiss. Fl-istadju attwali, huwa importanti li l-Istati Membri
jinfurmaw b’mod adegwat lill-vjaġġaturi dwar dan ir-rekwiżit il-ġdid
fil-fruntiera.
4.3.
Il-politika dwar il-viża u l-ftehimiet ta’
ammissjoni mill-ġdid
Mekkaniżmu
ta’ sospensjoni u mekkaniżmu ta’ reċiproċità rivedut
fir-Regolament 539/2001 Sa issa, l-ebda
Stat Membru ma talab li jingħata bidu għall-mekkaniżmu ta’ sospensjoni l-ġdid
li daħal fis-seħħ f’Jannar 2014[19].
Skont id-dispożizzjonijiet tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità, fis-seħħ ukoll minn
Jannar 2014, in-notifiki riċevuti minn ħames Stati Membri (il-Bulgarija,
il-Kroazja, Ċipru, il-Polonja, ir-Rumanija) ta’ sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta'
reċiproċità tal-viża ma’ ħames pajjiżi terzi (l-Awstralja, il-Brunej
Darussalam, il-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti) ġew ippubblikati fil-Ġurnal
Uffiċjali tal-UE fit-12 ta’ April 2014. Meta jkunu qed jiġu
kkunsidrati l-għażliet disponibbli skont il-mekkaniżmu ta’ reċiproċità rivedut,
għandhom jiġu kkunsidrati għadd ta’ fatturi li jinkludu l-passi meħuda mal-pajjiżi
terzi. Il-Kummissjoni,
f’konsultazzjoni mal-Istati Membri msemmija hawn fuq ipproponiet li jiġu
stabbiliti laqgħat tripartiti regolari bejn il-pajjiż terz, l-Istat(i)
Membru(i) kkonċernat/i u l-Kummissjoni, bl-objettiv li tiġi diskussa
s-sitwazzjoni attwali u jiġu identifikati passi ulterjuri, eventwalment
flimkien ma’ skeda ta’ żmien, li għandhom iwasslu sabiex tinkiseb reċiproċità
sħiħa tal-viża mill-iktar fis possibbli. L-ewwel tali laqgħat mal-Awstralja,
il-Ġappun, l-Istati Uniti u l-Kanada saru minn Mejju sa Lulju 2014.
Fl-10 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni ppubblikat rapport li
jivvaluta s-sitwazzjoni[20]. Il-mekkaniżmu
ta’ monitoraġġ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi tal-Balkani
tal-Punent Minn Mejju sa Lulju 2014
(xhur li hemm dejta disponibbli għalihom[21]),
l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati miċ-ċittadini tal-ħames
stati Balkani tal-Punent mingħajr viża[22]
fiż-żona Schengen u pajjiżi kandidati ta' Schengen żdiedu b'40 % mqabbla
mal-istess tliet xhur fl-2013 (żieda ta' 7 % meta mqabbla ma' Frar sa
April 2014). Il-Ġermanja baqgħet bil-bosta l-aktar
Stat Membru affettwat, wara li tratta aktar minn 11 000 minn kważi
22 000 applikazzjoni ppreżentata fil-perjodu msemmi hawn fuq miċ-ċittadini
ta' dawn il-ħames pajjiżi. Din kienet segwita mill-Isvezja, Franza (it-tnejn
b’xi 1 000 applikazzjoni kull wieħed) u l-Belġju (aktar minn 400
applikazzjoni). Iċ-ċittadini Serbi baqgħu l-akbar grupp ta’ applikanti
għall-ażil mill-Balkani tal-Punent (41 %), segwiti miċ-ċittadini Albaniżi
(25 %). L-applikanti mill-ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kienu
jirrappreżentaw 10 % tal-għadd totali ta’ applikanti għall-ażil fiż-żona
Schengen u l-pajjiżi kandidati ta’ Schengen li jista’ jitqabbel mal-istess
perjodu tas-sena li għaddiet (madwar 9 %). Biex tiġi żgurata l-effiċjenza u
l-ekwità tal-proċeduri tal-ażil, l-acquis tal-ażil tinkludi diversi
dispożizzjonijiet diskrezzjonali, li jippermettu għal faċilitazzjonijiet
proċedurali fit-trattament ta’ applikazzjonijiet għall-ażil li x’aktarx mhumiex
fondati. Dawk id-dispożizzjonijiet ġew imsaħħa u ċirkoskritti aktar b’mod ċar
minn strumenti ta’ riformulazzjoni li jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea Komuni
tal-Ażil. Il-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’
dawn id-dispożizzjonijiet humiex issodisfati u, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni
jekk u kif jiġu użati, għandha tittieħed minn kull Stat Membru fil-limiti
tal-acquis dwar l-ażil. Il-Kummissjoni qed tippjana li
tippubblika l-ħames rapport dwar il-monitoraġġ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża
għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sa tmiem l-2014. Ftehimiet ta’ ammissjonijiet mill-ġdid u
faċilitazzjoni tal-viżi u liberalizzazzjoni tal-viżi Il-proċess ta’
ratifika tal-ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid bejn l-UE u t-Turkija ġie
kkompletat miż-żewġ naħat u l-Ftehim daħal fis-seħħ
fl-1 ta’ Ottubru 2014. Fil-kuntest tad-djalogu ta’
liberalizzazzjoni tal-Viżi UE-Turkija (minn Marzu sa Ġunju 2014) twettqu
żjarat tal-esperti fit-Turkija li ppermettew li tinġabar informazzjoni dwar kif
it-Turkija tissodisfa l-punti ta’ riferiment tal-“Pjan direzzjonali lejn reġim
mingħajr viża”. Fl-20 ta’ Ottubru 2014 l-Kummissjoni rrapportat
dwar ir-riżultati[23]. Bħala
riżultat tad-Dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern dwar l-Ukraina
tas-6 ta’ Marzu 2014 wara l-ksur tas-sovranità u l-integrità
territorjali tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa[24],
id-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mar-Russja ġie sospiż. Mid-dħul
fis-seħħ ta’ eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova li
jkollhom passaport bijometriku fit-28 ta’ April 2014, l-ebda
abbużi sinifikanti tal-ivjaġġar mingħajr viża ma ġew irreġistrati minn
ċittadini tal-Moldova (dejta tal-aħħar ta’ Awwissu 2014). Il-ftehimiet
ta’ ammissjoni mill-ġdid u faċilitazzjoni tal-viżi mal-Ażerbajġan daħlu
fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2014. Rigward in-negozjati dwar
l-ammissjoni mill-ġdid u l-faċilitazzjoni tal-viżi mal-Bjelorussja, l-ewwel
ċiklu ta’ negozjati sar mit-12 sat-13 ta’ Ġunju 2014, filwaqt li
it-tieni ċiklu mistenni li jseħħ aktar tard fis-sena.
Fit-30 ta' Lulju, il-Kummissjoni ppreżentat abbozz ta' direttivi ta'
negozjati għal-ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid u faċilitazzjoni tal-viżi
mat-Tuneżija għall-approvazzjoni tal-Kunsill. Fis-17 ta’ Lulju 2014,
il-Kummissjoni ppreżentat rakkomandazzjoni lill-Kunsill għal talba ta’
awtorizzazzjoni biex jibdew negozjati dwar ftehimiet għall-eżenzjoni tal-viża
għal żjara qasira ma' 16-il stat gżira żgħira tal-Karibew u l-Paċifiku u
l-Emirati Għarab Magħquda. Saru
Kumitati konġunti tal-Viża u Ammissjoni mill-ġdid mal-Ġeorġja u l-Armenja
fl-4 ta’ Ġunju u l-10 ta’ Settembru 2014
rispettivament, li jikkonfermaw li l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’
Faċilitazzjoni tal-Viżi u Ammissjoni mill-ġdid tal-UE maż-żewġ pajjiżi qed
jipproċedu sew.
5.
It-triq 'il quddiem: Mistoqsijiet għal riflessjoni
L-iskop
tar-rapporti biennali huwa li tingħata l-bażi għal dibattitu regolari
fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill u biex b’hekk jingħata kontribut
għat-tisħiħ tal-gwida politika u tal-kooperazzjoni fiż-żona Schengen. Kif indikat
fl-ewwel rapport, huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet Ewropej jżommu
viġilanza fuq il-funzjonament taż-żona Schengen u jkunu lesti li jirreaġixxu
għal kull sfida li jkun hemm quddiemha. Sabiex tiġi ffaċilitata d-diskussjoni,
fil-mument tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkunsidra,
li l-kwistjonijiet li ġejjin meħudin minn dan ir-rapport jistħoqqilhom
diskussjoni partikolari: 1.
Il-livell tat-tħejjija fost l-Istati Membri u
l-aġenziji għal xenarju ta’ żieda sinifikanti fi qsim irregolari tal-fruntieri
fil-fruntieri tal-art tal-Lvant tal-UE; 2.
Miżuri ulterjuri li jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex
jissaħħaħ il-funzjonament ta’ Schengen fid-dawl tas-sitwazzjoni illum
fil-viċinat Ewropew; 3.
L-esperjenzi tal-Istati Membri sa issa fl-użu
tal-VIS biex jiġu identifikati migranti mingħajr dokumenti li nstabu fiż-żona
Schengen, kemm biex jiġu ttrattati l-applikazzjonijiet għall-ażil kif ukoll
jingħataw bidu il-proċeduri ta’ ritorn. [1] COM (2011) 561 finali [2] Innota li l-Operazzjoni Mare Nostrum tal-Qawwa Navali
Taljana bdiet f’Ottubru 2013. [3] Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, id-dejta
fit-Taqsima 2 tittieħed mis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni
tan-Netwerk ta’ Analiżi tar-Riskju tal-Frontex, u tkopri ż-żona Schengen kif
ukoll il-pajjiżi kandidati ta ' Schengen. Id-dejta tkopri biss iċ-ċittadini ta'
pajjiżi terzi li jkunu nstabu fil-fruntieri esterni (ħlief il-fruntieri esterni
temporanji) huma u deħlin jew ippruvaw jidħlu b'mod illegali bejn il-punti ta'
qsim tal-fruntiera. Iċ-ċifri għall-Kroazja huma inklużi mid-data tal-adeżjoni
mal-UE. [4] Innota li minkejja li ċ-ċifri għal din ir-rotta
jeskludu l-Apulia u l-Calabria, xi migranti li nstabu mill-Mare Nostrum ġew
trasferiti (minħabba problemi ta' loġistika fi Sqallija) għal ċentri f'Apulia u
l-Calabria u għaldaqstant ġew inklużi fiċ-ċifri li jikkorispondu għal dak
ir-reġjun. [5] Ta' min jinnota, madankollu, li din iż-żieda sinifikanti
hija dovuta prinċipalment minħabba t-trasferiment ta’ migranti f’Ġunju u
Lulju 2014 kif spjegat fin-nota f’qiegħ il-paġna 4. [6] SWD(2014) 173 finali. [7] Ir-Regolament
(UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi
biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina
applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed
mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida. L-għan
tal-mekkaniżmu huwa li l-Istati Membri jiġu appoġġjati biex ilaħħqu
mas-sitwazzjonijiet ta’ pressjoni partikolari fuq nuqqasijiet tas-sistemi
tal-ażil rispettivi tagħhom, biex juru solidarjetà, u jgħinu lil dawk li jkunu
qed ifittxu l-ażil u japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali f’dawk
l-Istati Membri. [8] F’Ottubru, il-Kummissjoni adottat Dokument ta’ Ħidma
tal-Persunal li jivvaluta l-istat ta’ implimentazzjoni tal-Pjan
(SWD(2014) 316 finali). [9] Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li
jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi
tal-Fruntieri ta’ Schengen), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 [10] Ara l-ħames rapport biennali għad-dettalji. [11] SCH/Com-ex (98) 26 def. [12] ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27. [13] Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2014)
4657 finali tal-11 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi kwestjonarju
standard skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE)
Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi
mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni
tal-acquis ta’ Schengen. [14] Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2014)
3683 finali tat-18 ta’ Ġunju 2014 li tistabbilixxi programm ta'
evalwazzjoni pluriennali għall-2014-2019 skont l-Artikolu 5 tar-Regolament
tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li
jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika
l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. [15] Ara l-ħames rapport biennali għal aktar dettalji. [16] Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/115/UE
tas-26 ta’ Frar 2013, ĠU L 71, 14.3.2014. [17]
Id-Deċiżjoni ta'
Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Mejju 2014 li
tiddetermina d-data minn meta s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)
għandha tibda topera fit-12, fit-13, fl-14 u fil-15-il reġjun (2014/262/UE) [18] Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni
tat-28 ta' Awwissu 2014 li tiddetermina d-data minn meta
s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għandha tibda topera fis-16-il
reġjun (2014/540/UE) [19] Il-mekkaniżmu ġie introdott mar-Regolament (UE)
Nru 1289/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini
tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri
esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 347,
20.12.2013. Ara t-Taqsima 4.3 tal-ħames rapport biennali għad-dettalji,
fejn il-mekkaniżmu ta' sospensjoni l-ġdid kif ukoll il-mekknaniżmi ta'
reċiproċità riveduti jiġu spjegati fid-dettal. [20] Rapport tal-Kummissjoni li jevalwa s-sitwazzjoni ta’
nuqqas ta’ reċiproċità ma’ ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika dwar
il-viżi, C(2014) 7218 finali tal-10 ta' Ottubru
2014. [21] Tintuża dejta mill-bażi tad-dejta tal-Eurostat kif
disponibbli fil-21 ta’ Ottubru 2014 f’dan il-Kapitolu (ċifri
għal Lulju ma jinkludux Ċipru). [22] Mill-aħħar tal-2009, iċ-ċittadini ta ' dik li kienet
ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM), il-Montenegro u s-Serbja li
jkollhom passaport bijometriku bbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża lejn
l-Istati Membri tal-UE, skont ir-Regolament 539/2001. Skont l-istess
kundizzjonijiet iċ-ċittadini tal-Albanija kif ukoll tal-Bosnja u Ħerzegovina
bbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet ta ' vjaġġar mingħajr viża lejn l-Istati
Membri tal-UE mill-15 ta' Diċembru 2010. [23] COM (2014) 646 finali. [24] https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/141372.pdf