RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) /* COM/2014/0642 final */
Werrej 1............ Introduzzjoni 3 1.1......... Id-Direttiva 2010/40/UE.. 3 1.2......... Traspożizzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE.. 4 2............ Analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE.. 4 2.1......... Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni 4 2.2......... Atti delegati dwar l-ispeċifikazzjonijiet 4 2.2.1...... Metodoloġija. 4 2.2.2...... Azzjonijiet ta’ prijorità. 4 2.2.3...... Azzjonijiet oħra fl-oqsma ta’ prijorità u lil hinn. 6 2.3......... Proposti dwar it-tnedija. 6 2.3.1...... L-eCall interoperabbli fl-UE kollha (azzjoni ta’ prijorità d) 6 2.3.2...... Azzjonijiet oħra ta’ prijorità (c u e) 6 2.4......... Standards. 6 2.5......... Miżuri mhux vinkolanti 7 2.5.1...... Linji gwida għar-rapportar mill-Istati Membri 7 2.5.2...... Linji gwida dwar is-sistemi STI. 7 2.6......... Regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali 7 2.7......... Responsabbiltà. 7 2.8......... Rapportar mill-Istati Membri 7 2.8.1...... Rapport dwar l-attivitajiet u l-proġetti nazzjonali rigward
l-oqsma ta’ prijorità. 7 2.8.2...... Informazzjoni dwar l-azzjonijiet nazzjonali għas-sistemi STI
previsti tul il-ħames snin segwenti 7 2.9......... Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI. 8 3............ Effiċjenza u adegwatezza tad-Direttiva 2010/40/UE u d-delega
tas-setgħa. 8 3.1......... Diversi konfigurazzjonijiet 8 3.2......... Eżerċizzju tad-delega. 8 3.3......... Segwitu tal-ispeċifikazzjonijiet 9 4............ Riżorsi finanzjarji użati u meħtieġa. 9 5............ Konklużjoni 10 1. Introduzzjoni 1.1. Id-Direttiva 2010/40/UE Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’
Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u
għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport[1] (minn
hawn ’il quddiem id-‘Direttiva dwar is-sistemi STI’ jew id-‘Direttiva
2010/40/UE’). Din id-Direttiva daħlet fis-seħħ f’Awwissu 2010,
wara proċess leġiżlattiv mgħaġġel li wera r-rieda
tal-koleġiżlaturi li jagħmlu progress rapidu f’dan il-qasam
ġdid ta’ politika. Id-Direttiva dwar is-sistemi STI għandha
l-għan li taċċellera t-tnedija u l-użu kkoordinat ta’
sistemi ta’ trasport intelliġenti fit-trasport bit-triq (u
interkonnessjonijiet ma’ modi oħra) madwar l-Ewropa. Hija tidentifika
lista ta’ sitt azzjonijiet ta’ prijorità li jinkludu: a) il-forniment
ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE
kollha; b) il-forniment
ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha; c) dejta u
proċeduri għall-forniment, fejn ikun possibbli, ta’ informazzjoni
minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq
mingħajr ħlas għall-utenti; d) il-forniment
armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha[2]; e) il-forniment
ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ bla
periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali; u f) il-forniment
ta’ servizzi ta’ rriżervar għal postijiet ta’ parkeġġ bla
periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali. Hija telenka wkoll oqsma ta’ prijorità li fihom
trid issir aktar ħidma: użu ottimali tad-dejta dwar it-toroq,
it-traffiku u l-ivvjaġġar (qasam ta’ prijorità I); kontinwità
tas-sistemi STI ta’ ġestjoni tat-traffiku u tal-merkanzija (qasam ta’
prijorità II), sistemi STI għas-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq (qasam ta’
prijorità III), kollegament tal-vettura mal-infrastruttura tat-trasport (qasam
ta’ prijorità IV). Dawn l-oqsma ta’ prijorità jikkorrispondu għall-ewwel
erba’ oqsma ta’ prijorità tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-STI[3]. Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar is-sistemi STI,
l-ewwel iridu jiġu adottati speċifikazzjonijiet għas-sitt oqsma
ta’ prijorità qabel ma jiġu adottati speċifikazzjonijiet għal
azzjonijiet oħra fl-oqsma ta’ prijorità. Billi s-sitt azzjonijiet ta’
prijorità huma parti mill-oqsma ta’ prijorità I u III, il-ħidma fuq
l-ispeċifikazzjonijiet iffukat prinċipalment fuq dawn
iż-żewġ oqsma ta’ prijorità. Id-Direttiva 2010/40/UE hija bbażata fuq
approċċ f’żewġ passi: § il-Kummissjoni għandha s-setgħa sabiex l-ewwel tadotta,
permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji —
inklużi d-dispożizzjonijiet funzjonali, tekniċi, organizzattivi
jew ta’ servizz — biex tassigura l-kompatibbiltà, l-interoperabilità u
l-kontinwità għat-tnedija u l-użu operattiv tas-sistemi STI[4]; § fit-tieni stadju, mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-adozzjoni
tal-ispeċifikazzjonijiet neċessarji għal azzjoni ta’ prijorità,
il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta, fejn ikun xieraq,
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 294 tat-TFUE, dwar
il-varar ta’ dik l-azzjoni ta’ prijorità. Il-Kummissjoni għandha twettaq
valutazzjoni tal-impatt li tinkludi analiżi tal-kostijiet u
l-benefiċċji għal kwalunkwe proposta bħal din[5]. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni adottat
programm ta’ ħidma[6]
li jispeċifika u jipprijoritizza aktar il-ħidma li għandha
titwettaq skont id-Direttiva dwar l-STI (ara 2.1). Sabiex tinvolvi ‘l-awtoritajiet pubbliċi u
atturi privati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE, il-Kummissjoni
hija megħjuna mill-Kumitat Ewropew tas-sistemi STI, li jiġbor
rappreżentanti mill-Istati Membri u mill-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar
is-sistemi STI kompost minn rappreżentanti ta’ livell għoli
tal-partijiet interessati fis-sistemi STI. Il-kompiti tal-Kummissjoni kienu jinkludu wkoll
l-adozzjoni ta’ linji gwida għar-rappurtar mill-Istati Membri[7] u
r-rappurtar f’intervalli regolari dwar il-progress miksub. Minbarra l-obbligi speċifiċi relatati
mal-privatezza, is-sigurtà u r-responsabbiltà[8],
l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex
jassiguraw li l-ispeċifikazzjonijiet adottati jiġu applikati
għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI meta dawn jiġu
varati fit-territorju tagħhom. Huma jridu jagħmlu sforzi wkoll sabiex
jikkooperaw fir-rigward tal-oqsma ta’ prijorità, safejn ma kinux adottati
speċifikazzjonijiet. L-obbligi ta’ rapportar għall-Istati Membri
joħorġu mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2010/40/UE. L-għan
tagħhom huwa li jinkiseb għarfien aħjar tal-attivitajiet u
l-intenzjonijiet differenti tal-Istati Membri u biex dawn l-attivitajiet
jiġu stimulati permezz ta’ rikonoxximent aħjar tal-valur miżjud
tas-sistemi STI għall-politiki dwar it-trasport fl-ambjenti nazzjonali. Skont l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva dwar
is-sistemi STI, il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport kull tliet xhur
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress magħmul
fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Dan irid ikun akkumpanjat minn analiżi
tal-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-Artikoli 5 sa 11 u l-Artikolu 16,
inklużi r-riżorsi finanzjarji użati u meħtieġa.
Ir-rapport irid jivvaluta wkoll il-ħtieġa li tiġi emendata
d-Direttiva, fejn ikun xieraq. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(1) ta’ din
id-Direttiva jitlob li l-Kummissjoni ‘tagħmel rapport fir-rigward
tas-setgħat delegati mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem ta’
perijodu ta’ ħames snin wara s-27 ta’ Awwissu 2010.’ Dan ir-Rapport jissodisfa ż-żewġ
obbligi hawn fuq imsemmija. Huwa akkumpanjat ukoll minn Dokument ta’ Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-rapport ta’ progress u eżami tal-Pjan
ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI u minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tar-rapporti tal-Istati Membri tal-2011
(dwar attivitajiet u proġetti nazzjonali fir-rigward tal-oqsma ta’
prijorità) u tal-2012 (dwar l-azzjonijiet nazzjonali tal-STI previsti matul
il-perjodu ta’ ħames snin li jmiss) ippreżentati skont l-Artikolu 17
(1) u 17(2) tad-Direttiva dwar is-sistemi STI. 1.2. Traspożizzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE Skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva, l-Istati Membri
kellhom sas-27 ta’ Frar 2012 sabiex idaħħlu fis-seħħ
il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi
neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u sabiex
jinnotifikawhom lill-Kummissjoni. Sa dik id-data, seba’ Stati Membri biss kienu
nnotifikaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom
lill-Kummissjoni. Diversi Stati Membri ħadu aktar minn sena addizzjonali u
l-aħħar Stat Membru li nnotifika l-aħħar miżura ta’
traspożizzjoni tiegħu għamel dan fit-2 ta’ Jannar 2014. Waqt
il-laqgħat tal-Kumitat tas-sistemi STI, diversi Stati Membri sostnew li
dan wera d-diffikultà tat-traspożizzjoni tad-Direttiva; din
tal-aħħar fiha ammont żgħir ħafna ta’ miżuri
immedjati tassew speċifiċi li għandhom jiġu trasposti,
billi tikkostitwixxi qafas, li jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri
regolatorji sussegwenti. 2. Analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE 2.1. Programm ta’ ħidma
tal-Kummissjoni Kif previst mill-Artikolu 17(5) tad-Direttiva dwar
is-sistemi STI u bi qbil mal-iskeda ta’ żmien stabbilita mid-Direttiva,
il-Kummissjoni adottat programm ta’ ħidma, wara konsultazzjoni mal-Kumitat
Ewropew tas-sistemi STI. Il-programm ta’ ħidma jkopri l-perjodu 2011-15,
u jipprovdi ħarsa ġenerali annwali fil-qosor tal-kompiti u
l-attivitajiet ġenerali li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni matul
dan il-perjodu fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-sistemi STI.
Huwa jiffoka fuq il-preparazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet relatati
mas-sitt azzjonijiet ta’ prijorità u d-dati stmati għall-adozzjoni
tagħhom. 2.2. Atti delegati dwar
l-ispeċifikazzjonijiet 2.2.1. Metodoloġija L-elaborazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet
twettqet skont il-Ftehim ta’ Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament
Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea[9] u l-Fehim Komuni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni
dwar l-atti delegati[10]. L-azzjonijiet u l-kompiti mwettqa bi preparazzjoni
għall-ispeċifikazzjonijiet jikkonsistu minn dan li ġej: - Ġbir ta’ inputs u riżultati
eżistenti minn studji Ewropej, proġetti ta’ riċerka,
proġetti ta’ implimentazzjoni nazzjonali, konsultazzjonijiet
pubbliċi, attivitajiet eżistenti f’assoċjazzjonijiet, inputs
mill-partijiet interessati, eċċ. - Analiżi tal-kostijiet u
l-benefiċċji. - Analiżi tan-nuqqasijiet u
analiżi tar-rekwiżiti u l-approċċi possibbli, b’mod
partikolari permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi online mwettqa
mill-Kummissjoni sabiex jiġu determinati l-veduti u l-pożizzjonijiet
taċ-ċittadini, il-partijiet interessati u l-Istati Membri. - Konsultazzjonijiet ma’ esperti
mill-Istati Membri u mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta
dwar l-abbozz ta’ speċifikazzjonijiet. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill
irċieva d-dokumenti rilevanti kollha matul il-preparazzjoni tal-atti
delegati u l-esperti tal-Parlament kienu mistiedna għal-laqgħat
tal-esperti. - Opinjoni tal-Grupp Konsultattiv Ewropew
dwar is-sistemi STI. Din il-ħidma preparatorja bbenefikat ukoll
bil-kbir minn diversi azzjonijiet, studji, workshops, eċċ. relatati
mal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI (ara d-Dokument
ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport ta’ Progress u
l-eżami tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI). 2.2.2. Azzjonijiet ta’ prijorità Is-sitt azzjonijiet ta’ prijorità
għall-iżvilupp u l-użu tal-ispeċifikazzjonijiet u
l-istandards huma definiti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar is-sistemi STI u
l-Anness I tagħha. Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar
is-sistemi STI, il-Kummissjoni kellha tadotta speċifikazzjonijiet
għal waħda jew aktar mill-azzjonijiet ta’ prijorità sas-27 ta’ Frar
2013. Barra minn hekk, il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni stabbilixxa
d-dati li ġejjin għall-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet
għall-ewwel sitt azzjonijiet ta’ prijorità: (a)
il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar
l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha: Q4 2014; (b)
il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar
it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha: Q4 2013; (c)
dejta u proċeduri għall-forniment, fejn
ikun possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata
mas-sikurezza fit-toroq mingħajr ħlas għall-utenti: Q4 2012; (d)
il-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli
fl-UE kollha: Q4 2012; (e)
il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni
għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal
trakkijiet u vetturi kummerċjali: Q4 2012; (f)
il-forniment ta’ servizzi ta’ rriżervar
għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal
trakkijiet u vetturi kummerċjali : Q4 2013. Speċifikazzjonijiet adottati Il-Kummissjoni laħqet l-iskadenza tas-27 ta’
Frar 2013 billi fis-26 ta’ Novembru 2012, adottat l-ewwel sett ta’
speċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (d), permezz
tar-Regolament Delegat (UE) Nru 305/2013 dwar il-forniment armonizzat għal
eCall interoperabbli fl-UE kollha[11].
Dan ir-Regolament Delegat jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet,
ibbażati fuq standards, għat-titjib tal-infrastruttura
taċ-Ċentri li Jwieġbu għas-Sejħiet marbutin
mas-Sikurezza Pubblika (PSAP) meħtieġa għar-riċeviment u
t-trattament xieraq tal-eCalls sabiex tkun assigurata l-kompatibbiltà,
l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizz armonizzat ta’ eCall fl-UE
kollha. Rigward l-azzjoni ta’ prijorità (c), fil-15 ta’
Mejju 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) Nru 886/2013
fir-rigward tad-dejta u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli,
ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta
mas-sikurezza b’xejn lill-utenti[12].
Huwa jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun
assigurata l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għat-tnedija
u l-użu operattiv tad-dejta u l-proċeduri rilevanti għal sett
definit ta’ inċidenti relatati mas-sigurtà fit-toroq. Ir-Regolament
Delegat jindirizza l-partijiet interessati kemm pubbliċi kif ukoll privati
u jipprovdi għall-kondiviżjoni ta’ dejta relatata mas-sigurtà
mingħajr kostijiet addizzjonali għall-utent finali permezz ta’ punt
ta’ aċċess nazzjonali f’format standardizzat komuni (DATEX[13]), u b’hekk
jikkontribwixxi għall-interoperabbiltà u l-previdibbiltà għal
kwalunkwe utent potenzjali ta’ din id-dejta. Madankollu, ma kienx possibbli li
jiġu speċifikati rekwiżiti dettaljati tal-kwalità fil-qafas
taż-żmien tal-elaborazzjoni ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet:
għalhekk ġiet stabbilita task force, bl-involviment ta’ partijiet
interessati pubbliċi u privati, sabiex teżamina l-kriterji
tal-kwalità, u l-metodi ta’ monitoraġġ u valutazzjoni. Rigward l-azzjoni ta’ prijorità (e), fil-15 ta’
Mejju 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) Nru 885/2013
fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet
tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi
kummerċjali[14].
Huwa jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun
assigurata l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għat-tnedija
u l-użu operattiv tas-servizzi ta’ informazzjoni. Ir-Regolament Delegat
jindirizza partijiet interessati kemm pubbliċi kif ukoll privati u
jiddefinixxi l-elementi neċessarji sabiex is-servizzi ta’ informazzjoni
jiġu pprovduti b’mod armonizzat, inkluż xi elementi avvanzati dwar
l-informazzjoni dinamika. L-istess bħall-azzjoni ta’ prijorità (c),
ir-rekwiżiti tal-kwalità huma minimi. Dawn it-tliet settijiet ta’
speċifikazzjonijiet ġew ippreparati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati
Membri f’laqgħat iddedikati tal-esperti[15]
li għalihom kienu mistiedna l-Parlament Ewropew u l-Kontrollur Ewropew
għall-Protezzjoni tad-Dejta, u wara konsultazzjonijiet mal-partijiet
interessati, b’mod partikolari permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi
online u workshops. Ħidma li għaddejja fuq l-azzjonijiet
ta’ prijorità li fadal Bi preparazzjoni għall-ħidma dwar
l-ispeċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (a) dwar servizzi
ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha,
diġà tnedew diversi inizjattivi (l-Ewwel Sfida dwar il-Mobilità
Intelliġenti[16],
studji, workshops u konsultazzjonijiet pubbliċi[17]).
L-għan huwa li dawn l-ispeċifikazzjonijiet jiġu adottati
fl-2015. B’mod parallel, il-Kummissjoni bdiet diskussjoni[18] dwar
inizjattiva possibbli dwar l-aċċess għad-dejta tat-trasport
multimodali bil-għan li tiġi indirizzata l-isfida li ssir
aċċessibbli dejta dwar it-trasport, li tkopri l-modi tat-trasport u
s-servizzi kollha ta’ mobilità. Din ir-riflessjoni fl-ewwel stadju wasslet għad-Dokument
ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ‘Pjan direzzjonali lejn it-twassil
ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali, l-ippjanar
u t-tikkettar fl-UE kollha’ f’Ġunju 2014[19].
Dan possibbilment se jwassal għal proposta legali dwar l-aċċess għal
dejta dwar l-ivvjaġġar multimodali u t-traffiku, skont l-eżitu
ta’ valutazzjoni tal-impatt li għandha tiġi finalizzata matul l-2014. Għall-azzjoni ta’ prijorità (b) dwar servizzi
ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha, il-Kummissjoni
diġà organizzat diversi sessjonijiet ta' ħidma u laqgħat
tal-esperti bi preparazzjoni għall-ispeċifikazzjonijiet. L-għan
huwa li dawn l-ispeċifikazzjonijiet jiġu adottati sal-aħħar
tal-2014. Dan id-dewmien meta mqabbel mal-iskeda ta’ żmien stmata fil-bidu
huwa parzjalment spjegat mill-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna ta’ dawn
l-ispeċifikazzjonijiet kif speċifikat fl-Anness I tad-Direttiva dwar
is-sistemi STI, u mill-ħtieġa li jinbena fehim kondiviż
mal-Istati Membri dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet.
Huma se jiffukaw fuq l-abilitazzjoni tal-kundizzjonijiet għal servizzi ta’
informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha u għalhekk
huma aktar relatati mal-ħidma purament amministrattiva milli mas-servizzi
nfushom. Rigward l-ispeċifikazzjonijiet
għall-azzjoni ta’ prijorità (f) dwar il-forniment ta’ servizzi ta’
rriżervar għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri
għal trakkijiet u vetturi kummerċjali, il-Kummissjoni wettqet diversi
konsultazzjonijiet ma’ esperti mill-Istati Membri u l-partijiet interessati
prinċipali. Id-diskussjonijiet issottolinjaw li hemm numru baxx ta’
żoni ta’ parkeġġ li jistgħu joffru servizzi ta’
rriżervar fl-2014 (li jirrappreżentaw 2% tal-postijiet ta’
parkeġġ) u li, għalhekk, attwalment ma kien hemm l-ebda
ħtieġa għal speċifikazzjonijiet u standards dwar
l-irriżervar taż-żoni ta’ parkeġġ. Madankollu,
żviluppi ulterjuri se jiġu mmonitorjati u, jekk ikun xieraq,
il-kwistjoni se terġa’ tiġi kkunsidrata f’din il-perspettiva. Jekk
ikunu meħtieġa attivitajiet ta’ standardizzazzjoni, dawn jistgħu
jiġu kkunsidrati fil-kuntest aktar wiesa’ tal-inizjattiva li jmiss dwar
il-merkanzija elettronika (e-Freight). 2.2.3. Azzjonijiet
oħra fl-oqsma ta’ prijorità u lil hinn Kif meħtieġ skont l-Artikolu 6
tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, il-Kummissjoni trid tadotta
speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet oħra f’oqsma ta’ prijorità,
elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, ladarba jkunu ġew
adottati l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji għall-azzjonijiet ta’
prijorità. Kif spjegat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni
dwar ir-Rapport ta’ Progress u l-eżami tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi
STI, bdiet ħidma fuq sistemi kooperattivi, ibbażata fuq
proġetti ta’ riċerka u bosta konsultazzjonijiet ma’ partijiet
interessati li jinkludu l-Kumitat Ewropew tas-sistemi STI u l-Grupp
Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI. L-għan huwa li jiġu
evalwati l-ostakoli u l-kundizzjonijiet abilitattivi u jiġi identifikat
kif il-Kummissjoni tista’ tippromwovi t-tnedija ta’ dawn is-sistemi fl-Unjoni.
Barra minn hekk, twettqu studji preparatorji bil-għan li jiġi promoss
aċċess miftuħ għas-servizzi tas-sistemi STI (pjattaforma
miftuħa fil-vettura). Barra dan, hemm indikazzjonijiet li jistgħu
jiġu esplorati ulterjorment oqsma ġodda possibbli
għall-ispeċifikazzjonijiet (eż. crowd-sourcing għad-dejta
dwar it-trasport, sewqan awtomatizzat) bil-għan li jiżdied aktar
l-użu prattiku tas-sistemi tat-trasport intelliġenti. 2.3. Proposti
dwar it-tnedija 2.3.1. L-eCall interoperabbli fl-UE
kollha (azzjoni ta’ prijorità d) Minbarra r-rakkomandazzjoni lill-Istati Membri
mmirata lejn l-operaturi tan-netwerks mobbli sabiex tappoġġa
t-trażmissjoni tal-eCalls[20] u l-ispeċifikazzjonijiet[21] li fihom ir-rekwiżiti għat-titjib tal-infrastruttura
taċ-ċentri li jwieġbu għas-sejħiet marbutin
mas-sikurezza pubblika, il-Kummissjoni fit-13 ta’ Mejju 2013 adottat
żewġ proposti leġiżlattivi: waħda għal
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-varar ta’ eCall
interoperabbli fl-UE kollha[22]; it-tieni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li
jikkonċerna r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għat-tnedija
tas-sistema eCall immuntata fil-vettura[23]. Il-proposta għal Deċiżjoni kienet
adottata mill-koleġiżlaturi fil-25 ta’ Mejju 2014 u suċċessivament
ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali[24]. Skont id-dispożizzjonijiet tagħha, iċ-ċentri li
jwieġbu għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika
għandhom isiru operattivi madwar l-Unjoni mhux aktar tard minn 6 xhur
qabel id-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip
għas-sistema ta’ eCall immuntata fil-vettura u fi kwalunkwe każ mhux
aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2017. Din id-Deċiżjoni tagħmel
espliċitu d-dritt ta’ kull Stat Membru li jorganizza s-servizzi
tal-emerġenza tiegħu bl-aktar mod kost-effettiv u xieraq
għall-ħtiġijiet tiegħu. Il-proċess leġiżlattiv fir-rigward
tal-proposta għall-approvazzjoni tat-tip rigward is-sistema ta’ eCall
immuntata fil-vettura għadu għaddej. 2.3.2. Azzjonijiet oħra ta’
prijorità (c u e) Xi Stati Membri kienu attivi ħafna dan
l-aħħar fil-varar ta’ servizzi relatati mal-azzjonijiet ta’ prijorità
(c) dwar l-informazzjoni minima relatata mas-sikurezza fit-toroq u (e) dwar
servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ bla
periklu u sikuri għat-trakkijiet. Madankollu, fi żminijiet ta’
riżorsi finanzjarji skarsi, deher aktar raġonevoli, qabel ma
jiġi stabbilit kwalunkwe obbligu ġenerali ta’ varar, li l-ewwel
jiġu appoġġati l-iżviluppi li segwew l-adozzjoni
tal-ispeċifikazzjonijiet, permezz ta’ monitoraġġ u skambju
tal-aħjar prattiċi ta’ implimentazzjoni bejn l-Istati Membri, kif
ukoll permezz tal-aħħar sejħa għall-proposti dwar
in-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u s-sejħiet li jmiss dwar
il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Wara tagħlimiet minn dawn l-ewwel
sforzi u bini fuq l-aħjar prattiċi, il-ħtieġa għal
proposti ta’ atti leġiżlattivi dwar varar obbligatorju mbagħad
se tiġi valutata fi stadju aktar tard. 2.4. Standards Mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-sistemi STI
kienu għaddejjin jew tlestew diversi attivitajiet ta’ standardizzazzjoni
relatati mal-oqsma ta’ prijorità. Kienu adottati l-istandards ta’ eCall imsemmija
fir-Regolament Delegat (UE) Nru 305/2013. Skont il-Kumitat Ewropew
għall-Istandardizzazzjoni, CEN/TS 16454 dwar l-ittestjar tal-konformità
minn tarf sa ieħor tal-eCall huwa mistenni li jsir standard CEN
sħiħ qabel l-aħħar tal-2014. Se tiġi finalizzata wkoll
reviżjoni żgħira ta’ dawn l-istandards sabiex jiġi integrat
l-eżitu tal-proġetti pilota HeERO[25],
wisq probabbli qabel l-aħħar tal-2014. L-implimentazzjoni tal-mandat ta’
standardizzazzjoni M/453 dwar sistemi kooperattivi hija avvanzata sewwa. Kemm
is-CEN (TC 278 WG16) kif ukoll l-Istitut Ewropew tal-Istandards
tat-Telekomunikazzjoni ETSI (TC ITS), iżda anki organizzazzjonijiet
oħra tal-istandardizzazzjoni, ipprovdew standards rilevanti għal STI
kooperattivi, li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat M/453.
L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-istandards eżistenti hija attività
kontinwa fil-proċess tal-istandardizzazzjoni fil-kumitati tekniċi u
l-gruppi ta’ ħidma rilevanti tas-CEN, ISO, SAE, IEEE u ETSI[26].
Il-ħidma għall-istandardizzazzjoni tas-sistemi STI qiegħda
tibbenefika wkoll mill-kooperazzjoni internazzjonali tal-Unjoni Ewropea
mal-Istati Uniti tal-Amerika u msieħba oħra li qegħdin
jaħdmu fuq l-armonizzazzjoni globali tal-istandards tas-sistemi STI. Din
il-kooperazzjoni taċċellera d-definizzjoni tal-istandards u twassal
għal varar aktar veloċi tas-sistemi STI. Ġew identifikati ħtiġijiet
addizzjonali ta’ standardizzazzjoni li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’
applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-sistemi STI. Dawn jinkludu
l-implimentazzjoni tal-eCall f’vetturi ta’ kategoriji għajr M1 u N1; linji
gwida dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi ta’ eCall (is-suq ta’ wara
l-bejgħ); it-tlestija tal-mandat M/453; l-arkitettura tal-pjattaforma
miftuħa fil-vettura; l-integrazzjoni ta’ dejta (pubblika)
preċiża dwar it-toroq fil-mapep diġitali; l-integrazzjoni u
l-operazzjoni sigura ta’ strumenti nomadiċi; u STI urbani. Dawn kollha
ġew miżjuda mal-Pjan kontinwu tal-Kummissjoni tal-2013
għall-istandardizzazzjoni tal-ICT[27]
fid-dawl ta’ mandati futuri possibbli dwar l-istandardizzazzjoni. 2.5. Miżuri
mhux vinkolanti 2.5.1. Linji gwida għar-rapportar
mill-Istati Membri Kif meħtieġ skont l-Artikolu 17
tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, il-Kummissjoni fit-13 ta’ Lulju 2011 adottat
linji gwida għar-rapportar mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2010/40/UE[28]. 2.5.2. Linji gwida dwar is-sistemi STI Dawn il-Linji gwida ġew ippreparati skont
il-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI (ara d-Dokument ta’ Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni u l-eżami tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar
is-sistemi STI). Huma qajmu koxjenza dwar il-karatteristiċi tas-sistemi
STI urbani u pprovdew input għad-Dokument ta’ Ħidma dwar il-Persunal
tal-Kummissjoni dwar il-Mobilizzazzjoni tas-Sistemi tat-Trasport
Intelliġenti għall-bliet tal-UE[29]
li kien parti mill-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana adottat fis-17 ta’
Diċembru 2013[30]. 2.6. Regoli
dwar il-protezzjoni tad-dejta personali Id-dispożizzjonijiet rilevanti relatati
mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, is-sigurtà u l-użu
mill-ġdid tal-informazzjoni ġew inklużi
fl-ispeċifikazzjonijiet kollha adottati. Dawn jibnu fuq studju
preparatorju[31] kkummissjonat fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI[32] u huma skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar is-sistemi STI.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ġie sistematikament
mistieden għal-laqgħat tal-esperti tal-Istati Membri bi preparazzjoni
għall-ispeċifikazzjonijiet u ġew ikkunsidrati l-opinjonijiet
tiegħu dwar l-abbozzi finali tal-ispeċifikazzjonijiet. Dan se jkun
il-każ ukoll għall-ispeċifikazzjonijiet u l-proposti futuri
kollha. 2.7. Responsabbiltà Id-dispożizzjonijiet rilevanti relatati
mar-regoli dwar ir-responsabbiltà ġew inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet
kollha adottati. Għal dawn, inkiseb input minn studju preparatorju[33] fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI, u huma skont
l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar is-sistemi STI. Dan se jkun il-każ ukoll
għall-ispeċifikazzjonijiet u l-proposti futuri kollha. 2.8. Rapportar mill-Istati Membri 2.8.1. Rapport dwar l-attivitajiet u
l-proġetti nazzjonali rigward l-oqsma ta’ prijorità Skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar
is-sistemi STI, l-Istati Membri kienu meħtieġa li sas-27 ta’ Awwissu
2011 jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-attivitajiet u
l-proġetti nazzjonali tagħhom dwar l-oqsma ta’ prijorità elenkati
fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva. Dawn ir-rapporti pprovdew l-ewwel ħarsa
ġenerali, għall-erba’ oqsma ta’ prijorità tad-Direttiva dwar
is-sistemi STI, dwar l-implimentazzjoni tas-sistemi STI madwar l-Unjoni kollha. Dawn ir-rapporti tal-2011 huma analizzati
fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ‘Analiżi
tar-rapporti tal-Istati Membri’ li qiegħed jakkumpanja dan ir-Rapport. Skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva dwar
is-sistemi STI, sas-27 ta’ Awwissu 2014 l-Istati Membri jridu jirrappurtaw dwar
il-progress magħmul mir-rapport tal-2011. 2.8.2. Informazzjoni dwar l-azzjonijiet
nazzjonali għas-sistemi STI previsti tul il-ħames snin segwenti Skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva dwar
is-sistemi STI, l-Istati Membri kienu meħtieġa li sas-27 ta’ Awwissu
2012 jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-azzjonijiet nazzjonali
għas-sistemi STI previsti tul il-ħames snin segwenti. Dawn ir-rapporti tal-2012 huma analizzati
fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ‘Analiżi
tar-rapporti tal-Istati Membri’ li qiegħed jakkumpanja dan ir-Rapport. Għall-ewwel darba mill-adozzjoni tad-Direttiva
2010/40/UE, dawn ir-rapporti jiddeskrivu l-intenzjonijiet tal-Istati Membri
fir-rigward tal-varar tas-sistemi STI fit-territorju tagħhom
fil-ħames snin li ġejjin. Huma juru interess u rieda qawwija
min-naħa tal-Istati Membri sabiex jippromwovu s-sistemi STI madwar
l-Ewropa sabiex jappoġġaw il-kontinwità tas-servizz u mobilità aktar
intelliġenti, u b’mod partikolari tendenza ċara lejn involviment
akbar fis-servizzi tal-informazzjoni. Kif diġà ntwera fir-rapporti nazzjonali
tal-2011, l-Istati Membri investew u infurmaw li se jkomplu jinvestu fl-oqsma
ta’ prijorità I ‘Użu ottimali tad-dejta dwar it-toroq, it-traffiku u
l-ivvjaġġar’ u l-qasam ta’ prijorità II ‘Kontinwità tas-sistemi STI
ta’ ġestjoni tat-traffiku u tal-merkanzija’ (aktar informazzjoni fid-Dokument
ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ‘Analiżi tar-rapporti
tal-Istati Membri’)[34].
Għalhekk, l-ispeċifikazzjonijiet f’dawn l-oqsma ċertament
jgħinu biex tkun assigurata l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizzi
diġà skjerati u dawk futuri, u għandha tingħata attenzjoni
speċjali għall-kompatibbiltà mal-applikazzjonijiet eżistenti. L-attivitajiet relatati mal-qasam ta’ prijorità III
‘Applikazzjonijiet tas-sistemi STI għas-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq’
jidhru li huma aktar limitati u b’mod partikolari ffukati fuq xi azzjonijiet
speċifiċi (eż. eCall, servizzi ta’ informazzjoni għal
parkeġġ bla periklu u sigur għat-trakkijiet) li issa
jibbenefikaw mill-ispeċifikazzjonijiet adottati. Għalkemm il-potenzjal tal-qasam ta’ prijorità
IV ‘Kollegament tal-vettura mal-infrastruttura tat-trasport’ sabiex
jikkontribwixxi ħalli tiżdied is-sigurtà fit-toroq u titnaqqas
il-konġestjoni tat-traffiku huwa rikonoxxut mill-Istati Membri,
l-attivitajiet għadhom fil-fażi ta’
riċerka/ittestjar/pilotaġġ. Diversi Stati Membri għandhom
pjanijiet speċifiċi għal proġetti pilota, iżda bosta
partijiet interessati donnhom għadhom f’modalità ta’ stennija, u għad
hemm bżonn it-tfaċċar ta’ mudelli ta’ negozju ċari għat-tnedija
fuq skala kbira ta’ servizzi ta’ STI kooperattivi u rata ta’ penetrazzjoni
minima meħtieġa ta’ kopertura tal-vetturi mgħammra jew
tal-infrastruttura. Jidher li sabiex tingħeleb din is-sitwazzjoni hija
meħtieġa koordinazzjoni tal-partijiet interessati involuti kollha li
tmur lil hinn mis-sempliċi adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet jew
l-appoġġ finanzjarju tal-proġetti pilota. 2.9. Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva, il-Kummissjoni
kellha tistabbilixxi Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI sabiex
jagħtiha parir dwar aspetti kummerċjali u tekniċi tal-varar u
l-użu tas-sistemi STI fl-Unjoni. Il-grupp għandu jkun kompost minn
rappreżentanti ta’ livell għoli mill-fornituri ta’ servizzi ta’ STI,
assoċjazzjonijiet tal-utenti, operaturi tat-trasport u
tal-faċilitajiet, l-industrija tal-manifattura, sħab soċjali,
assoċjazzjonijiet professjonali, awtoritajiet lokali u fora oħra
rilevanti. Il-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI
ġie stabbilit b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-4 ta’ Mejju 2011[35] u
l-membri tiegħu nħatru fis-27 ta’ Jannar 2012, wara sejħa
miftuħa għall-applikazzjonijiet[36]. L-ewwel laqgħa saret fit-23 ta’ Marzu 2012, u
t-tieni laqgħa saret fis-26 ta’ Frar 2013. Dawn il-laqgħat kienu
l-okkażjonijiet għal diskussjonijiet mal-partijiet interessati dwar
kwistjonijiet kurrenti relatati mas-sistemi STI, b’mod partikolari dwar
strateġiji li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet abilitattivi
għas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali,
l-aċċess għad-dejta dwar it-trasport u t-tnedija ta’ sistemi
kooperattivi. Huma għenu wkoll sabiex tiġi kondiviża
mal-partijiet interessati viżjoni komuni dwar it-tnedija ta’ sistemi
kooperattivi, b’mod partikolari bi pjattaforma proposta sabiex jiġu
involuti l-partijiet interessati kollha u jiġu federati l-inizjattivi kollha,
sabiex jiġi evitat traqqigħ frammentat u sabiex tiġi assigurata
l-interoperabilità tas-servizzi, is-sistemi u t-teknoloġiji. Il-Kummissjoni talbet b’mod sistematiku
lill-membri tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI
għall-opinjonijiet bil-miktub tagħhom dwar l-aspetti kummerċjali
u tekniċi tal-abbozz ta’ speċifikazzjonijiet, u huma pprovdew
kummenti siewja għall-finalizzazzjoni tagħhom. L-eżitu prinċipali ta’ dawn
il-laqgħat saru disponibbli għall-Kumitat Ewropew tas-sistemi STI,
kif meħtieġ mid-Direttiva dwar is-sistemi STI. 3. Effiċjenza u adegwatezza
tad-Direttiva 2010/40/UE u d-delega tas-setgħa 3.1. Diversi konfigurazzjonijiet Id-Direttiva dwar is-sistemi STI tipprovdi qafas
għall-adozzjoni rapida ta’ speċifikazzjonijiet, permezz ta’ atti
delegati adottati mill-Kummissjoni. Dan l-approċċ iffaċilita
adozzjoni pjuttost sempliċi tal-ispeċifikazzjonijiet għall-ewwel
tliet azzjonijiet ta’ prijorità dwar is-servizzi ta’ informazzjoni relatati
mas-sikurezza fit-toroq (c), dwar l-eCall (d) u dwar is-servizzi ta’
informazzjoni dwar il-postijiet ta’ parkeġġ għat-trakkijiet (e). Madankollu, il-kuntest li fih kienu adottati dawn
l-ispeċifikazzjonijiet ivarja b’mod qawwi minn azzjoni
għall-oħra, b’mod partikolari skont il-progress tal-azzjonijiet tal-UE
u nazzjonali u l-inizjattivi pubbliċi jew privati f’dawn l-oqsma. Għall-eCall, il-prinċipji
tal-inizjattiva diġà kienu definiti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘eCall:
Wasal il-waqt għall-Mobilizzazzjoni’,[37]
u diġà nħarġet Rakkomandazzjoni[38]
lill-Istati Membri mmirata lejn l-operaturi tan-netwerks mobbli. Barra minn
hekk, diġà kienu jeżistu standards fil-mument li l-ewwel abbozz ta’
speċifikazzjonijiet ġie propost għad-diskussjoni mal-esperti
mill-Istati Membri. Tnedew ukoll proġetti pilota ta’ qabel it-tnedija, ibbażati
fuq dawn l-istandards. Id-Direttiva dwar is-sistemi STI għalhekk serviet
sabiex tikkumplimenta l-approċċ u l-inizjattivi li għaddejjin,
billi mliet il-vojt fir-rigward taċ-ċentri telefoniċi
tal-emerġenza — magħrufin mod ieħor bħala ċentri li
jwieġbu għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika. Is-sitwazzjoni kienet differenti ħafna
għall-informazzjoni minima relatata mas-sikurezza fit-toroq u s-servizzi
ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ
għat-trakkijiet. Ma kienx hemm standards iddedikati li fuqhom jiġu
bbażati l-ispeċifikazzjonijiet, għalkemm l-istandards DATEX II,
TPEG u RDS TMC[39]
servew bħala referenza għal xi aspetti. Barra minn hekk, diġà
qegħdin joperaw varjetà ta’ servizzi fl-Istati Membri. Din is-sitwazzjoni
ġenerali qajmet mistoqsijiet addizzjonali rigward il-kundizzjonijiet
tal-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet futuri għas-servizzi
diġà eżistenti. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni relattivament
dejjaq ta’ dawn iż-żewġ azzjonijiet, xorta waħda kien
possibbli li jiġu adottati speċifikazzjonijiet fi żmien
relattivament qasir, inkluża l-konsultazzjoni mmirata neċessarja
mal-partijiet interessati. Din l-isfida qiegħda tirriżulta li hija
akbar għaż-żewġ azzjonijiet ta’ prijorità li fadal:
għall-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar
multimodali fl-UE kollha (a); u għall-forniment ta’ servizzi ta’
informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha (b). Dan huwa b’mod
partikolari minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni akbar tagħhom u n-numru
ta’ partijiet interessati involuti. L-istess japplika għal azzjonijiet
oħra li għalihom jista’ jkun meħtieġ approċċ
aktar komprensiv, lil hinn mis-sempliċi adozzjoni ta’
speċifikazzjonijiet. 3.2. Eżerċizzju tad-delega Approvazzjoni politika mill-Istati Membri Il-każ tal-eCall ipprovda xi lezzjonijiet
dwar id-differenzi li jistgħu jeżistu bejn il-ħidma
żviluppata fil-kuntest tal-ispeċifikazzjonijiet mal-esperti
nazzjonali u l-kontroll politiku mill-Kunsill ladarba
l-ispeċifikazzjonijiet ikunu ġew adottati mill-Kummissjoni.
Għalkemm kien hemm appoġġ kważi unanimu għall-kontenut
tal-ispeċifikazzjonijiet tal-eCall f’livell ta’ esperti, fil-Kunsill seba’
Stati Membri vvutaw favur oġġezzjoni, madankollu, fin-nuqqas ta’
maġġoranza kwalifikata, il-Kunsill ma oġġezzjonax.
Ir-raġunijiet ippreżentati minn xi wħud minn dawn is-seba’ Stati
Membri mhux neċessarjament kienu relatati mal-ispeċifikazzjonijiet
fl-aktar sens strett, iżda mal-inizjattiva tal-eCall b’mod ġenerali,
speċjalment il-finanzjament marbut mal-varar futur obbligatorju
tas-servizz, jew kwistjonijiet relatati mal-parti tal-inizjattiva tal-eCall ta’
ġol-vettura. Mistoqsijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni
tad-delega tas-setgħa Bi qbil mal-artikolu 290 tat-TFUE, id-Direttiva
dwar is-sistemi STI tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta
atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex
tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv. Żewġ Stati Membri għamlu
mistoqsijiet bil-miktub dwar il-validità tad-delega tas-setgħa biex
l-Istati Membri jkunu obbligati jtejbu s-servizzi eżistenti sabiex
jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet adottati skont
id-Direttiva dwar is-sistemi STI. Huma ħassew li tali obbligu jmur kontra
d-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar it-tnedija proprju
tiegħu kif iddikjarat fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar is-sistemi STI.
Fit-18 ta’ Diċembru 2013, Stat Membru wieħed irrefera
ż-żewġ Regolamenti delegati (UE) Nru 885/2013 (servizzi ta’
informazzjoni dwar postijiet ta’ parkeġġ għat-trakkijiet) u (UE)
Nru 886/2013 (servizzi ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku
relatata mas-sikurezza fit-toroq) lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa talab għat-tħassir ta’ dawn iż-żewġ regolamenti
delegati b’argument li dawn jaqbżu l-limiti tad-delega ta’ setgħat
skont id-Direttiva 2010/40/UE u għalhekk jiksru l-Artikolu 290 tat-TFUE. Insuffiċjenza tal-approċċ
vertikali Id-Direttiva dwar is-sistemi STI tidentifika sitt
azzjonijiet ta’ prijorità li għalihom għandhom jiġu adottati
speċifikazzjonijiet. Filwaqt li l-ewwel tliet speċifikazzjonijiet
adottati jirrigwardaw oqsma relattivament differenti u distinti, l-azzjonijiet
ta’ prijorità l-oħra jinkludu kwistjonijiet komuni, eż. it-tipi
komuni ta’ dejta li trid tiġi speċifikata, kwistjonijiet komuni li
jirrigwardaw l-aċċess għad-dejta u d-disponibilità tagħha;
u l-protezzjoni tad-dejta u r-responsabbiltà. L-approċċ vertikali li
joħroġ mid-Direttiva dwar is-sistemi STI mbagħad jista’
jiġi kumplimentat b’approċċi iżjed orizzontali dwar xi
wħud minn dawn il-kwistjonijiet trasversali. Dan jista’ jkun il-każ
fir-rigward tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar
multimodali u t-traffiku f’ħin reali jew għal miżuri orizzontali
dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta. Kif diġà ssemma aktar ’il fuq, għal xi
wħud mill-azzjonijiet l-oħra (eż. sistemi kooperattivi), jista’
jkun meħtieġ approċċ aktar komprensiv sabiex jiġu
indirizzati d-diversi kwistjonijiet (finanzjament, standardizzazzjoni,
koordinazzjoni akbar tal-partijiet interessati, governanza marbuta mal-varar,
eċċ.) li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni
tal-ispeċifikazzjonijiet possibbli. Data ta’ skadenza tad-delega Is-setgħa li tadotta atti delegati ġiet
mogħtija lill-Kummissjoni sas-27 ta’ Awwissu 2017. Filwaqt li dan kien u
għadu strument effiċjenti u flessibbli għall-finalizzazzjoni
tal-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet għas-sitt oqsma ta’ prijorità
kollha, il-ħtieġa li jiġu adottati speċifikazzjonijiet
għall-azzjonijiet l-oħra elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar
is-sistemi STI titlob estensjoni ta’ din l-iskadenza. 3.3. Segwitu
tal-ispeċifikazzjonijiet Għall-eCall, il-proġetti pilota HeERO[40] u
l-Pjattaforma Ewropea għall-Implimentazzjoni tal-eCall[41]
ipprovdew oqfsa għall-iskambji dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament
Delegat dwar l-eCall. Għall-ispeċifikazzjonijiet l-oħra li
ġew adottati, inqalgħet il-ħtieġa biex fl-Istati Membri
jiġi strutturat aħjar is-segwitu tal-implimentazzjoni
tal-ispeċifikazzjonijiet għas-servizzi ta’ informazzjoni relatati
mas-sikurezza fit-toroq (c) u l-informazzjoni dwar il-postijiet ta’
parkeġġ għat-trakkijiet (e). Għalhekk, il-Kummissjoni organizzat
laqgħat ma’ esperti mill-Istati Membri f’Ottubru 2013 u f’Jannar 2014.
Hija beħsiebha tkompli u tiżviluppa dan id-djalogu, b’mod partikolari
permezz ta’ pjattaforma ta’ kollaborazzjoni speċifika (wik-ITS) sabiex
tappoġġa interpretazzjoni komuni tal-ispeċifikazzjonijiet u
l-iskambju tal-aħjar prattiċi, u biex taqsam mistoqsijiet frekwenti. L-assistenza għall-implimentazzjoni
tal-ispeċifikazzjonijiet se tiġi pprovduta wkoll permezz ta’
finanzjament taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u Orizzont 2020 u
b’inizjattivi/pjattaformi li għaddejjin tal-partijiet interessati
bħall-Pjattaforma Ewropea għall-Implimentazzjoni tal-eCall, il-Grupp
ta’ Ħidma tal-Forum dwar il-Mobilità intelliġenti dwar
l-Applikazzjonijiet Siguri, il-linji gwida tat-TISA dwar l-immappjar ta’
avvenimenti relatati mas-sigurtà fi standards tad-DATEX/TPEG/RDS,
il-Pjattaforma Ewropea dwar is-sistemi STI (proġett iffinanzjat taħt
is-Sejħa għat-TEN-T 2012) dwar in-nodu/punt ta’ aċċess
nazzjonali tad-DATEX u l-kwalità tal-SRTI, eċċ[42]. Dawn il-miżuri ta’ segwitu se jgħinu
wkoll biex tiġi valutata l-ħtieġa li jiġu varati proposti
possibbli għat-tnedija fil-futur qrib. 4. Riżorsi finanzjarji
użati u meħtieġa L-ispeċifikazzjonijiet adottati għadhom
pjuttost riċenti, għalhekk ir-riżorsi finanzjarji użati u
meħtieġa huma bbażati fuq stima tat-titjib meħtieġ
fis-servizzi eżistenti u tal-varar probabbli tagħhom fl-Istati
Membri. Il-proġetti pilota ta’ qabel it-tnedija,
HeERO I u II, għall-eCall irċevew investimenti li laħħqu €9.4m
u €4.3m (li €4.7m u €2.1m minnhom huma finanzjament mill-Unjoni Ewropea)
taħt il-Programm dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), li l-kamp
ta’ applikazzjoni tiegħu kien aktar wiesa’ mis-sempliċi
implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet. Se jkun meħtieġ
finanzjament addizzjonali sabiex jiġu mtejba l-infrastrutturi
taċ-ċentri li jwieġbu għas-sejħiet marbutin
mas-sikurezza pubblika fl-Istati Membri kollha, kif stmat fl-Anness XIV tal-valutazzjoni
tal-impatt tal-eCall[43]. Rigward l-azzjoni ta’ prijorità (c), il-ġbir
ta’ dejta addizzjonali meħtieġ għall-forniment tas-servizz ta’
informazzjoni dwar it-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq
jeħtieġ investimenti inizjali (eż. għas-sensers, CCTV,
stazzjonijiet tat-temp, rapporti tal-112 jew rapporti tal-utenti, fornituri
privati / floating car data) u se jiġġenera kostijiet addizzjonali
għall-manutenzjoni, it-tħaddim u s-sostituzzjoni. Jiddependi minn
diversi parametri (eż. it-tul tan-netwerk mgħammar, id-densità u
t-tip ta’ tagħmir, il-metodu u t-teknoloġija għall-ġbir
tad-dejta, it-tagħmir u d-dejta diġà eżistenti), il-kostijiet
tal-ġbir tad-dejta addizzjonali jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli
bejn l-Istati Membri, anki b’fattur ta’ 10 bejn l-istimi tal-kostijiet
għolja u baxxi. Huwa stmat li t-tħaddim tas-sistema ta’ informazzjoni
se jiswa medja ta’ €1.4m fis-sena għal Stat Membru li llum ma għandu
l-ebda servizz.[44] Rigward l-azzjoni ta’ prijorità (e), € 4 m
fis-sena huma l-kostijiet stmati għall-UE kollha li jkunu mġarrba mill-operaturi
taż-żoni ta’ parkeġġ għat-trakkijiet u l-awtoritajiet
pubbliċi għall-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet komuni
fl-UE kollha (forniment ta’ dejta statika, implimentazzjoni, ġestjoni ta’ bażi
tad-dejta statika u kostijiet għat-trasportaturi). Informazzjoni dinamika
wisq probabbli se tiġi skjerata f’numru limitat ta’ żoni ta’
prijorità (kull żona tinkludi medja ta’ 10 żoni ta’
parkeġġ), il-kostijiet għal kull żona ta’ prijorità huma
stmati għal madwar €2m għall-investiment inizjali u €0.2m ta’
kostijiet annwali għat-tħaddim, manutenzjoni u deprezzament.[45] L-aħħar sejħa għall-proposti
tat-TEN-T li tnediet f’Diċembru 2013 offriet l-opportunità li jkunu
appoġġati proġetti li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni
tad-Direttiva dwar is-sistemi STI. Ta’ interess partikolari huma
l-proġetti ta’ varar ta’ servizzi ċentrali tas-sistemi STI tul
kurituri Ewropej, u studji li jinkludu provi mill-ħajja reali u
tħejjijiet ta’ qabel it-tnedija, eż. għas-sistemi kooperattivi u
t-titjib taċ-ċentri li jwieġbu għas-sejħiet marbutin
mas-sikurezza pubblika. L-istess opportunità se tinħoloq mis-sejħiet
li jmiss tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa mill-2014. L-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni ġew
appoġġati taħt il-baġit tal-UE, li sal-lum kien
jirrappreżenta ammont ta’ €165 000 għall-eCall u €1.338m
għas-sistemi kooperattivi taħt il-mandat tal-istandardizzazzjoni M/453.
Il-preparazzjoni u l-manutenzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DATEX
ibbenefikaw minn diversi sorsi ta’ finanzjament (studju, għotja,
proġetti taħt il-programmi tat-TEN-T) għal ammont totali stmat
ta’ €1.4m. Se jkunu meħtieġa riżorsi
finanzjarji addizzjonali, li għad iridu jkunu stmati, għall-elementi
l-oħra ta’ standardizzazzjoni elenkati fil-pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni
tal-ICT. 5. Konklużjoni Sa issa, id-Direttiva dwar is-sistemi STI kienet
għodda effiċjenti għall-adozzjoni rapida ta’
speċifikazzjonijiet komuni għall-ewwel tliet azzjonijiet ta’
prijorità. Il-ħidma fuq l-ispeċifikazzjonijiet
għaż-żewġ azzjonijiet ta’ prijorità li fadal (servizzi ta’
informazzjoni f’ħin reali fl-UE kollha u servizzi ta’ informazzjoni dwar
l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha) se tiġi ttrattata qabel
it-tmiem tal-programm ta’ ħidma fl-2015. Rigward is-servizzi ta’ rriżervar
għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal
trakkijiet u vetturi kummerċjali, ma hija meħtieġa l-ebda
azzjoni ulterjuri fil-futur qrib. Fid-dawl tat-tfaċċar ta’ xejriet
ġodda fit-tul imsemmija wkoll fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni
dwar ir-rapport ta’ progress u l-eżami tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar
is-sistemi STI (eż. użu ta’ crowd-sourcing għad-dejta dwar
it-trasport, sewqan parzjalment awtomatizzat, varar ta’ sistemi kooperattivi) u
l-ħtieġa possibbli li jiġu stabbiliti prijoritajiet ġodda
lil hinn mis-sitt azzjonijiet ta’ prijorità u l-erba’ oqsma ta’ prijorità
attwalment definiti, minbarra l-elementi importanti elenkati fl-Anness I
tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, bħala l-ewwel pass jidher
neċessarju li jiġu prijoritizzati l-azzjonijiet li fadal biex
jiġu indirizzati fil-kamp ta’ applikazzjoni kurrenti tad-Direttiva dwar
is-sistemi STI u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI. F’fażi
sekondarja, se jkun meħtieġ li ssir riflessjoni dwar, u tibda
l-ħidma ta’ preparazzjoni għal reviżjoni possibbli tad-Direttiva
dwar is-sistemi STI u tal-appoġġ għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar
is-sistemi STI, b’kont meħud tal-evoluzzjoni teknika kostanti tas-sistemi
STI u billi wieħed jibni wkoll fuq il-konklużjonijiet tad-Dokument ta’
Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-rapport ta’ progress u
l-eżami tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI. [1] ĠU L 207 of 6.8.2010, p. 1. [2] http://ec.europa.eu/transport/themes/its/road/action_plan/ecall_en.htm [3] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52008DC0886:EN:NOT
[4] L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-STI [5] L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar l-STI [6] Il-programm ta’ ħidma dwar l-implimentazzjoni
tad-Direttiva 2010/40/UE ġie adottat mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Frar 2011
(C(2011) 289 final) http://ec.europa.eu/transport/themes/its/road/action_plan/doc/c_2011_0289_en.pdf [7] Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni
tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2011 li tadotta linji gwida
għar-rappurtar mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2010/40/UE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 193, 23.7.2011, p. 48 [8] Ara l-artikoli 10 u 11 tad-Direttiva dwar l-STI [9] ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47. [10] http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/sefcovic/documents/common_understating_on_delegated_acts.pdf [11] ĠU L 91, 3.4.2013, p. 1 [12] ĠU L 247, 18.9.2013, p. 6 [13] DATEX: Speċifikazzjoni Teknika Ewropea
għall-immudellar u l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mas-sistemi STI [14] ĠU L 247, 18.9.2013, p. 1 [15] http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=1941 [16] L-Ewwel Sfida dwar il-Mobilità Intelliġenti:
http://ec.europa.eu/transport/its/multimodal-planners/index_en.htm [17] http://ec.europa.eu/transport/themes/its/road/action_plan/promotion_multimodal_planners_en.htm [18] http://ec.europa.eu/transport/themes/its/events/2013-11-15-towards-eu-wide-multimodal-travel-planning_en.htm [19] SWD(2014) 194 final [20] C(2011) 6269 final [21] Regolament Delegat (UE) Nru 305/2013 [22] COM(2013)315 final [23] COM(2013)316 final [24] ĠU L 164, 3.6.2014, p. 6 [25] Għal aktar informazzjoni dwar il-proġetti
HeERO www.heero-pilot.eu [26] CEN: Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni;
ISO: Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni
SAE: Soċjetà tal-Inġiniera tal-Karozzi; IEEE: Istitut
tal-Inġiniera Elettriċi u Elettroniċi;
ETSI: Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni [27] http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/ict/standards/work-programme/index_en.htm [28] ĠU L 193, 23.7.2011, p. 48 [29] http://ec.europa.eu/transport/themes/urban/doc/ump/swd(2013)527-communication.pdf [30] http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-1255_en.htm [31] http://ec.europa.eu/transport/themes/its/studies/its_en.htm
[32] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52008DC0886:EN:NOT
[33] http://ec.europa.eu/transport/themes/its/studies/its_en.htm [34] SWD(2014) 319 [35] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32011D0505(01):EN:NOT [36] http://ec.europa.eu/transport/themes/its/road/action_plan/call_application_eiag_en.htm List
of members and summary records of the meetings are available on the Register of
Commission Expert Groups. http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=2736 [37] KUMM(2009) 434 finali [38] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/750/UE tat-8 ta’
Settembru 2011 dwar appoġġ għal servizz ta’ sejħiet
elettroniċi madwar l-UE kollha fin-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika
għat-trażmissjoni ta’ sejħiet tal-emerġenza bbażati
fuq in-numru 112 minn sistemi mmuntati fil-vetturi (‘Sejħiet
elettroniċi’) - ĠU L 303, 22.11.2011, p. 46. [39] TPEG: l-ispeċifikazzjonijiet tal-Grupp ta’
Esperti dwar il-Protokolli tat-Trasport li joffru metodu
għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar
multimodali; RDS: Radio Data System; TMC: Stazzjon ta’ Messaġġi dwar
it-Traffiku [40] http://www.heero-pilot.eu [41] http://www.imobilitysupport.eu/imobility-forum/governance-structure/european-ecall-implementation-platform-eeip [42] TISA: Assoċjazzjoni tas-Servizzi ta’
Informazzjoni għall-Vjaġġaturi; SRTI: informazzjoni minima
universali dwar it-traffiku marbuta mas-sikurezza fit-toroq. [43] http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/ia_carried_out/docs/ia_2011/sec_2011_1019_en.pdf [44] Aktar informazzjoni dwar il-kostijiet fl-istudju dwar
l-Azzjoni ta’ Prijorità C - Informazzjoni b’Xejn dwar it-Traffiku relatata
mas-Sikurezza fit-Toroq - Rapport Finali http://ec.europa.eu/transport/themes/its/studies/its_en.htm [45] Aktar informazzjoni dwar il-kostijiet fl-istudju dwar
l-Azzjonijiet ta’ Prijorità E u F - Servizzi ta’ Informazzjoni u Rriżervar
għal Postijiet ta’ Parkeġġ Bla Periklu u Sikuri għal
Trakkijiet u Vetturi Kummerċjali - Rapport Finali http://ec.europa.eu/transport/themes/its/studies/its_en.htm