RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2012 (Sommarju) /* COM/2014/0607 final */
Rapport dwar is-segwitu
għat-talbiet li saru mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjonijiet
tiegħu ta' kwittanza u mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni tiegħu ta'
kwittanza għas-sena baġitarja 2012 Kummenti
preliminari Dan huwa r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament
Ewropew (PE) u lill-Kunsill dwar is-segwitu għar-riżoluzzjonijiet
tal-PE dwar il-kwittanza[1] u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill[2] għas-sena finanzjarja 2012, skont
l-Artikolu 319(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
(TFUE), l-Artikolu 166 tar-Regolament Finanzjarju (RF) u
l-Artikolu 119(5) tar-Regolament Finanzarju tal-Fondi Ewropew
għall-Iżvilupp (FEŻ). Ir-rapport jiffoka fuq l-impenji vinkolanti
(BC) enfasizzati mill-PE fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza ġenerali
tiegħu. Huwa akkumpanjat minn żewġ Dokumenti ta' Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni (CSWD) li fihom it-tweġibiet għal
353 talba speċifika tal-PE u 77 (79 b'kollox imma 2 huma indirizzati
lill-Qorti tal-Awdituri) osservazzjoni (8 mill-PE) u talba speċifika
tal-Kunsill dwar il-kwittanza. Il-Kummissjoni taqbel li tibda
azzjonijiet ġodda fuq 142 talba (108 mill-PE u 34 mill-Kunsill). Hija
tqis li għal 240 talba (199 mill-PE
u 41 mill-Kunsill), l-azzjoni meħtieġa diġà ttieħdet jew
tinsab għaddejja bħalissa, għalkemm f'xi wħud mill-każijiet
hemm il-ħtieġa li jiġu eżaminati r-riżultati
tal-azzjonijiet. Fl-aħħar nett, għal raġunijiet marbuta
mal-qafas legali u baġitarju eżistenti jew ir-rwol jew
il-prerogattivi istituzzjonali tagħha, il-Kummissjoni ma tistax
taċċetta 40 talba (38 mill-PE[3] u 2 mill-Kunsill[4]).
Ġustifikazzjoni dettaljata hija pprovduta fiż-żewġ CSWD
mehmuża. 1. Impenji
vinkolanti Fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza
ġenerali għall-2012, il-PE speċifikament jenfasizza numru kbir
ta' BC ta' natura ġuridika, tal-awditjar, istituzzjonali,
tar-responsabbiltà u finanzjarja. Dawn it-talbiet ġew diskussi b'mod
estensiv matul il-proċedura ta' kwittanza, b'mod partikolari mar-relatur u
mal-Membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT). Fl-ittri
mill-President Barroso (26.11.2013)[5] u l-Kummissarju Ṧemeta (10.3.2014)[6], ingħatat evidenza tal-impenn formali tal-Kummissjoni biex
timplimenta b'mod sħiħ u f'waqtha serje ta' azzjonijiet u miżuri
relatati mal-kwistjonijiet identifikati minn dawn il-BC. Din il-Komunikazzjoni tqis il-wegħdiet li
saru fiż-żewġ ittri msemmija hawn fuq filwaqt li
taġġorna, fejn meħtieġ, is-sitwazzjoni f'dak li jirrigwarda
l-azzjonijiet ulterjuri li ttieħdu s'issa. 1.1.
L-indirizzar ta' problemi mqajma fir-Rapporti
Annwali tal-Attività tad-DĠ (RAA) riżervi (§§ 25-26, 33, 39, 196,
223) Fir-rigward tar-riżervi espressi fl-RAAs
ta' diversi DĠ, il-PE jqis bħala prijorità li l-Kummissjoni tipprova
li ħadet il-miżuri meħtieġa sabiex tegħleb
it-tħassib dwar ir-riżervi li ġew speċifikament approvati
mill-PE. Barra minn hekk il-PE għandu l-ħsieb li juża s-segwitu
tar-riżervi bħala strument ta' kontroll baġitarju
għall-monitoraġġ ta' dawn il-miżuri. Il-Kummissjoni diġà ħadet għadd
ta' miżuri fundamentali, kif spjegat fl-ittri msemmija qabel, flimkien
mal-impenn formali mill-Kulleġġ tal-Kummissarji attwali lejn
l-aħħar PE biex jieħu azzjoni ulterjuri, li fil-fatt
għamilha possibbli għall-PE biex jagħti kwittanza
lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tirrapporta d-dgħufijiet
serji identifikati fl-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta'
riżervi fir-RAA tad-Diretturi-Ġenerali tal-Kummissjoni u tiżvela
r-riskju li jirriżulta għall-baġit tal-UE. Riżerva dejjem
timxi id f'id ma' pjan ta' azzjoni ċar biex tiġi indirizzata
l-problema identifikata fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE u, jekk jiġu
ssodisfati l-kundizzjonijiet regolatorji, il-Kummissjoni tista' tinterrompi jew
tissospendi l-ħlasijiet rispettivi. Il-Kummissjoni ssegwi dawn
ir-riżervi u l-pjanijiet ta' azzjoni korrispondenti billi timmonitorja
l-progress tax-xogħol sottostanti biex jiġu implimentati.
Riżerva titneħħa biss ladarba l-Kummissjoni tkun kisbet evidenza
affidabbli li d-dgħufijiet ġew indirizzati permezz
tal-implimentazzjoni ta' azzjonijiet xierqa mill-Istat Membru (SM), li tnedew
proċeduri ta' korrezzjoni adegwati, u li s-sistema l-ġdida wriet
l-affidabilità tagħha fil-prattika. Ir-RAA juru b'mod trasparenti kif
il-Kummissjoni twettaq ir-responsabilità tagħha biex tiżgura
l-legalità u r-regolarità tal-politiki tal-ġestjoni kondiviża,
fil-livell ta' SM u programmi individwali (għall-Politika ta'
Koeżjoni) jew l-aġenziji tal-pagamenti (AP) (għall-Agrikoltura).
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippreżenta stimi tar-rati tal-erruri u
r-riskji residwi dwar il-PAs, miżuri jew programmi u l-SM għandhom
indikazzjoni tar-riskju reali wara l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet
korrettivi. Dan huwa wkoll strument li jgħin lill-awtorità tal-kwittanza
tivvaluta s-sitwazzjoni f'aktar dettall. Il-Kummissjoni ġeneralment tilqa'
l-approvazzjoni tal-PE tar-riżervi espressi mid-Diretturi-Ġenerali
rispettivi tad-DĠ AGRI u REGIO. Madankollu, it-talba tal-PE biex jawditja
l-programmi operattivi (OP) kollha mill-inqas darba matul il-perjodu ta'
programmar mhix konsistenti mal-approċċ ta' awditu wieħed
propost mill-QEA fl-2004 u hija f'kunflitt mat-talba tal-PE biex titjieb
l-effiċjenza fl-użu ta' riżorsi limitati tal-awditjar billi
l-awditi jiġu mmirati lejn programmi b'riskju għoli. 1.2. Definizzjoni u applikazzjoni aħjar tar-regolamenti u tar-regoli
mill-awtoritajiet tal-Istati Membri → Fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża
l-PE talab regoli dettaljati fl-att delegat tar-Regolament dwar
id-Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) sabiex tiġi pprovduta definizzjoni
ta' nuqqasijiet serji u valutazzjoni tar-rekwiżiti ewlenin għal
sistemi ta' ġestjoni u kontroll (§§ 56-4, 216, 223). Il-Kummissjoni adottat l-atti delegati li
jirregolaw l-oqsma taħt ġestjoni kondiviża skont il-Qafas
Finanzjarju Pluriennali (MFF) il-ġdid 2014-2020. L-att delegat
ibbażat fuq ir-RDK jipprovdi regoli dettaljati sabiex jippermetti li
l-mekkaniżmu ta' korrezzjonijiet finanzjarji (KF) jaħdem b'mod
effettiv billi jiddefinixxi b'mod ċar il-kriterji
għad-determinazzjoni ta' "nuqqasijiet serji" li jiskattaw
il-proċedura għal korrezzjonijiet finanzjarji netti (NFC) (ara
l-Artikolu 30 tar-regolament delegat tal-Kummissjoni 480/2014
tat-3 ta' Marzu 2014). →Il-PE talab l-applikazzjoni ta'
tnaqqis fil-pagamenti u sanzjonijiet amministrattivi li jiżdiedu
progressivament fejn il-kriterji ta' eliġibbiltà ma jiġux
irrispettati mill-benefiċjarju finali li jirċievi pagamenti diretti
jew appoġġ għall-iżvilupp rurali u nuqqasijiet rikorrenti
fis-Sistema ta' Identifikazzjoni tal-Pakketti tal-Art LPIS (§§44, 56-5). Il-qafas regolatorju attwali diġà
jipprevedi sistema ta' tnaqqis u esklużjonijiet fil-pagamenti li
jiżdiedu progressivament meta jkun hemm biżżejjed evidenza li
l-persistenza tan-nuqqasijiet (il-benefiċjarji ma jkunux ikkonformaw
mal-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà) tkun qed iżżid ir-riskju
finanzjarju għall-baġit tal-UE.[7] Il-Kummissjoni pproponiet li
żżomm din is-sistema ta' tnaqqis, rifjut, irtirar ta' pagamenti u
penali fil-livell tal-benefiċjarji finali.[8] L-SM għandhom japplikaw dawn
id-dispożizzjonijiet mingħajr preġudizzju għall-KF li
l-Kummissjoni tista' timponi f'livell ta' SM. → Il-PE talab li l-mekkaniżmu ta' sospensjoni
jintuża bħala strument ex-ante għall-protezzjoni
tal-baġit tal-UE (§§ 42, 56-6). L-Artikolu 41 tar-Regolament
Nru 1306/2013 jipprovdi għal mekkaniżmu ġdid ta'
sospensjoni fil-qasam tal-agrikoltura li jista' jintuża bħala
strument ex-ante sabiex jipproteġi l-baġit tal-UE minn
nuqqasijiet fis-sistema ta' kontroll tal-SM. Fil-qasam tal-agrikoltura,
il-pagamenti se jkunu sospiżi fil-każijiet kollha fejn azzjonijiet
ta' rimedju nazzjonali biex jiġu indirizzati nuqqasijiet serji ma
jiġux imwettqa b'mod xieraq u f'waqtu. 1.3. L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' kontroll u
awditjar aktar b'saħħithom għall-perjodu 2014-2020 Rigward id-DĠ REGIO, il-PE talab: →żieda fl-awditi bbażati fuq
kampjuni każwali mill-Kummissjoni fuq il-post u l-użu aktar sistematiku
tal-NFC (§§ 13, 38, 56-3). Il-Kummissjoni twettaq il-verifiki tagħha
stess b'mod kosteffettiv direttament fil-livell tal-awtoritajiet ta'
ġestjoni ta' riskju għoli, u l-korpi intermedji u
l-benefiċjarji. Din il-kwistjoni hija wkoll indirizzata fir-RAA,
fl-Istrateġija tal-Awditjar u fir-rapport ġenerali tal-inkjesta
tal-awditjar "Nagħlqu d-distakk tal-assigurazzjoni". →li titressaq proposta fuq
il-limitazzjoni jekk mhux il-projbizzjoni ta' proġetti ta' sostituzzjoni
kollha flimkien (§§ 15, 54, 56-13, 215). Din it-talba titlob rieżami
tal-leġiżlazzjoni adottata mill-PE u l-Kunsill
f'Diċembru 2013 li tkopri l-perjodu 2014-2020[9]. Il-bidla
sinifikanti introdotta għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 hija,
taħt ċerti kundizzjonijiet, li titneħħa l-possibilità
għall-SM biex jevitaw korrezzjoni netta billi jaċċettawha u
mbagħad ikollhom id-dritt li jużaw mill-ġdid l-ammont
korrispondenti. Fil-fehma tal-Kummissjoni l-possibbiltà għall-Istati
Membri li jissostitwixxu proġetti irregolari identifikati minnhom stess
qabel il-15 ta' Frar tas-sena N+1, tibqa' inċentiv importanti
għall-SM biex isibu u jikkoreġu irregolaritajiet fil-livell
tagħhom. Għalhekk, l-ebda proposta bħal din ma hi se tkun
ippreżentata qabel ma tiġi vvalutata l-effettività tal-istrumenti
l-ġodda. →Li jżidu l-kontrolli tagħhom
tal-ewwel livell u jagħmluhom iktar stretti (§ 46). Din it-talba hija indirizzata lill-Istati
Membri u timxi mal-linji tal-inizjattivi tal-Kummissjoni u
r-rakkomandazzjonijiet tal-QEA. Il-Kummissjoni kontinwament tinkoraġġixxi
lill-SM biex isaħħu l-kontrolli tagħhom. Is-sett ta' regolamenti
adottati għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 fih xi
dispożizzjonijiet li għandhom iwasslu għal titjib
fl-effikaċja tal-kontrolli fil-livell nazzjonali, inkluża l-introduzzjoni
ta' NFC li għandha l-għan li toħloq inċentiv għall-SM
biex jimplimentaw sistemi ta' ġestjoni u kontroll effettivi, u
t-tisħiħ tal-użu ta' simplifikazzjoni, b'mod partikolari dwar
għażliet ta' spejjeż simplifikati, li għandhom
jirriżultaw fi tnaqqis ta' żbalji. →Li jidentifikaw fil-Komunikazzjoni dwar
il-ġestjoni kondiviża tal-fondi t-tliet SM bl-ogħla rati ta'
erruri u KF (§ 53). Il-Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni
tal-baġit tal-UE adottata f'Settembru ta' kull sena tindirizza l-KF,
filwaqt li r-rati ta' erruri mill-SM huma rrapportati fil-kuntest tar-RAA. →Introduzzjoni ta' mudell u
rakkomandazzjonijiet għal dikjarazzjonijiet nazzjonali ta' ġestjoni
(§§ 56-12, 60). Din il-kwistjoni ġiet indirizzata
mill-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali li tnieda fis-16.12.2013 li
ffinalizza x-xogħol tiegħu sal-aħħar ta'
Ġunju 2014. Ir-riżultati tiegħu se jintbagħtu lill-PE,
il-Kunsill, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) u l-Parlamenti nazzjonali matul
il-ħarifa tal-2014. Rigward id-DĠ AGRI, u b'mod partikolari dwar in-nuqqasijiet fis-sistemi LPIS, il-PE
talab: → pjanijiet ta' azzjoni li għandhom
jiġu implimentati minnufih u fil-każ ta' nuqqas ta' konformità
mal-iskadenzi stabbiliti fil-pjanijiet ta' azzjonij għal NFC proporzjonata
bħala parti mill-proċedura ta' konformità (§ 42). Il-proċedura attwali hija li l-SM
jintalbu biex ifasslu u jimplimentaw pjan ta' azzjoni meta jiġu
identifikati nuqqasijiet sinifikanti fl-LPIS tagħhom. L-implimentazzjoni
ta' pjan ta' azzjoni bħal dan mill-Istat Membru korrispondenti hija
mmonitorjata mill-qrib mid-DĠ AGRI u hija suġġetta għal
rappurtar fir-RAA tad-DĠ AGRI. Barra minn hekk, l-SM għandhom ukoll
jivvalutaw, fuq bażi annwali, il-kwalità tal-LPIS tagħhom u jadottaw,
fejn xieraq, azzjonijiet ta' rimedju. Rigward il-proċedura ta' konformità,
kwalunkwe riskju identifikat għall-baġit tal-UE sistematikament
jiġġenera NFC, li għandha tiġi applikata proporzjonalment
għar-riskju għall-baġit tal-UE. Kull dewmien fl-implimentazzjoni
tal-azzjoni ta' rimedju meħtieġa jżid it-tul tar-riskji
identifikati ta' pagamenti irregolari u għalhekk sistematikament
jikkawża NFC ogħla għal nuqqasijiet persistenti. Il-qafas legali
l-ġdid[10]
jippermetti wkoll is-sospensjoni ta' pagamenti fejn il-Kummissjoni tikkonkludi
li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx f'qagħda li jimplimenta
l-miżuri ta' rimedju neċessarji skont pjan ta' azzjoni bbażat
fuq indikaturi ċari dwar il-progress. → li jiġi kopert ir-riskju
finanzjarju ta' żbalji identifikati fl-2006 mill-QEA fi Franza u
l-Portugall permezz ta' korrezzjonijiet netti (§31). Kif irrappurtat fir-RAA 2013 tad-DĠ AGRI,
il-baġit tal-UE kien protett permezz ta' proċeduri ta' approvazzjoni
tal-konformità. Fir-rigward tal-Portugall, il-proċedura tal-approvazzjoni
tal-konformità żgurat it-treġġigħ lura ta' aktar minn EUR 100
miljun f'NFC għas-snin tat-talba mill-2006 sal-2008. Għas-snin ta'
talba sussegwenti, il-proċeduri ta' approvazzjoni tal-konformità
għadhom għaddejjin. Fil-każ ta' Franza, l-ebda nuqqas serju li
kien jimmerita riżerva, pjan ta' azzjoni jew KF sinifikanti ma nstab qabel
l-2008. Għadd ta' KF sinifikanti ġew proposti fir-rigward tas-snin
finanzjarji 2008-2010 li għalihom il-proċedura tal-approvazzjoni
tal-kontijiet hija avvanzata ħafna. Għaddejjin ukoll proċeduri
ta' konformità għas-snin sussegwenti. → li jiġu stabbiliti pjanijiet
komprensivi ta' azzjoni għal Franza u l-Portugall, fost oħrajn
l-aġġornament tas-sistemi tal-LPIS tagħhom (§§ 44, 56-11, 192) u
jsir rapport dwar l-istat attwali tal-implimentazzjoni tagħhom sat-30 ta' Ġunju 2014
(§43). Diġà ġew stabbiliti pjanijiet ta'
azzjoni komprensivi: għall-Portugall, dan ġie stabbilit fl-2010 u
tlesta fl-2013, filwaqt li għal Franza, l-aġġornament u
t-tlestija tal-LPIS huma mistennija li jitlestew għalkollox għas-sena
tat-talba 2016, ladarba d-daqs eliġibbli ta' kull art agrikola individwali
jkun ġie vvalutat mill-ġdid. Sadanittant, l-NFC se tipproteġi
l-interessi finanzjarji tal-UE. Dan huwa osservat mill-qrib mill-Kummissjoni u
r-riskju finanzjarju huwa kompletament kopert mill-proċeduri
tal-approvazzjoni tal-konformità li jinsabu għaddejjin (ara hawn fuq).
Id-DĠ AGRI rrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet ta'
azzjoni fir-RAA tiegħu tal-2013, ippubblikat f'Ġunju 2014. → proposta tal-Kummissjoni biex
jiġu indirizzati n-nuqqasijiet rikorrenti tal-LPIS billi jiżdiedu
b'mod progressiv il-penali korrettivi ħafna lil hinn mill-korrezzjonijiet
netti u b'rata fissa eżistenti (§ 44). Proposta tal-Kummissjoni tkun
teħtieġ il-ftuħ mill-ġdid ta' regolament li għadu kif
ġie adottat miż-żewġ koleġiżlaturi fil-qafas
tar-riforma tal-PAK. Madankollu, iż-żieda f'KF għal
vjolazzjonijiet rikorrenti tar-regoli tal-UE hija diġà prevista fl-Att
Delegat dwar il-ġestjoni finanzjarja tal-PAK u hija applikata
fil-każijiet kollha fejn ikun hemm biżżejjed provi li l-persistenza
tan-nuqqasijiet qiegħda żżid ir-riskju finanzjarju
għall-baġit tal-UE (ara wkoll il-punt 1.2.). →li jiġu solvuti l-problemi li
jseħħu f'PAs li r-riskju residwu tal-iżbalji tagħhom huwa
ogħla mil-limitu ta' materjalità ta' 2 % b'enfasi speċjali fuq
Franza, il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Portugall u l-Latvja (§41). Skont il-ġestjoni kondiviża, huwa
l-SM li jkollu jassumi r-responsabbiltà primarja biex jiżgura li
l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit ikunu implimentati b'mod korrett
skont ir-regoli. Ir-rwol tal-Kummissjoni jikkonsisti pjuttost
f'superviżjoni globali billi tivverifika l-funzjonament effettiv
tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll tal-SM permezz ta' proċeduri
ta' approvazzjoni tal-konformità u l-applikazzjoni tal-NFC għall-protezzjoni
tal-baġit tal-UE. Fir-RAA 2013 tiegħu, għall-PAs
b'rata ta' erruri residwa ta' bejn 2% u 5%, id-DĠ AGRI vvaluta jekk
ir-riskju kienx suffiċjentement kopert minn fatturi mitiganti u
għalhekk jekk kenitx neċessarja riżerva finanzjarja. Dan
jinkludi jekk ikunx hemm proċedura ta' approvazzjoni tal-konformità
għaddejja li tkopri n-nefqa kkonċernata u jekk l-azzjonijiet ta'
rimedju neċessarji jkunux ġew implimentati mill-SM ikkonċernat.
PAs b'aġġustament fir-rata ta' erruri residwu 'l fuq minn 5% ġew
awtomatikament soġġetti għal riżerva. Id-DĠ AGRI
għamel 62 riżerva: 11 fil-livell tal-miżura għal
Miżuri tas-Suq, 20 (fil-livell tal-PAs) għal pagamenti diretti, u 31
fil-livell tal-PAs għall-iżvilupp rurali. Barra minn hekk, l-attivitajiet tal-awditjar
tad-DĠ AGRI huma xprunati minn analiżi ċentrali tar-riskju li
tkopri n-nefqa kollha tal-PAK fl-SM kollha, jiġifieri l-SM, miżuri u
programmi affettwati b'riskji ogħla se jiġu awditjati bħala
kwistjoni ta' prijorità. →Proċedura ta' approvazzjoni
tal-konformità li f'każijiet standard għandha titlesta f'sentejn (§§
40, 56-10, 158). Il-Kummissjoni qiegħda, permezz tal-qafas
legali l-ġdid tal-PAK (l-att ta' implimentazzjoni adottat fis-6.8.2014),
tieħu azzjonijiet li jimmiraw li jissimplifikaw il-proċedura
sħiħa u jillimitaw ir-riskju ta' dewmien bla bżonn. B'mod
partikolari, xi passi tal-proċedura kontradittorja eżistenti se
jiġu fużi, skadenzi għal kull pass mill-proċedura huma
introdotti kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-SM, u jekk SM ma
jibgħatx l-informazzjoni meħtieġa fil-ħin, il-Kummissjoni
se tkun tista' tipproċedi għall-pass li jmiss fuq il-bażi
tal-informazzjoni disponibbli. Il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex
tillimita t-tul massimu tal-proċedura kollha tal-approvazzjoni
tal-konformità għall-minimu strettament neċessarju, filwaqt li
tirrispetta l-istadji differenti tal-proċedura ta' konformità
(jiġifieri dak kontradittorju u dak ta' konċiljazzjoni)
meħtieġa mir-regolamenti rilevanti; għal każijiet standard,
il-proċedura se titwettaq f'massimu ta' sentejn. Rigward DĠ REGIO, DĠ EMPL u
DĠ AGRI, il-PE talab: →li d-DĠs ikkonċernati
għandhom jibnu strateġija ta' awditjar ġdida u msaħħa
biex jindirizzaw nuqqasijiet misjuba f'xi SM inkluża intensifikazzjoni
tal-kontrolli tal-kwalità fuq ir-rapporti tal-awditjar u tal-kontroll tal-SM u
linji gwida għall-awditjar mill-Kummissjoni stess (li għandhom
jiġu ppreżentati bħala parti mill-kwittanza tal-2013) (§§ 45,
49-50, 56-1-2). Il-Kummissjoni tikkonferma l-iżvilupp
tal-istrateġiji tal-awditjar ġodda u msaħħa kemm
għall-Politika ta' Koeżjoni kif ukoll għall-Agrikoltura
deskritti fid-dettall fl-ittra tal-Kummissarju Ṧemeta. Il-"linji gwida għall-awditjar"
huma mifhuma bħala l-istrateġija tal-awditjar tal-Kummissjoni
għall-2014-2020, li dalwaqt se tiġi kkomunikata lill-PE. Id-DĠ
REGIO impenja ruħu, fil-Pjan ta' Azzjoni tal-2008 li l-proċeduri
kontradittorji relatati mal-KF jridu jiġu ffinalizzati fi żmien
massimu ta' 24 xhur wara l-awditu. Id-DĠ REGIO qed jilħaq dan
l-għan. Id-direttorat tal-awditjar tad-DĠ EMPL
dejjem alloka r-riżorsi f'termini tal-indirizzar tal-programmi
bl-ogħla riskju u/jew l-SM bi prestazzjoni baxxa sabiex jindirizza
speċifikament il-kwistjonijiet involuti. Huwa jimmonitorja kontinwament
il-prestazzjoni tal-Awtoritajiet tal-Awditjar u l-affidabbiltà tax-xogħol
ta' awditjar. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li għal tliet snin
konsekuttivi, ir-rata ta' erruri stabbilita fir-RAA (Rapport Annwali
tal-Attività) ta' DĠ EMPL hija konformi mar-rata ta' erruri determinata
mill-QEA. Għalhekk, jista' jiġi konkluż li s-sistemi
tal-awditjar u l-monitoraġġ fis-seħħ fid-DĠ EMPL
jaħdmu b'mod effettiv. Id-DĠ AGRI adotta strateġija ta'
awditjar pluriennali ġdida f'Marzu 2014. Din l-istrateġija
tal-awditjar tikkonferma l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju u fuq
is-sistema, b'mod partikolari biex jinkiseb bilanċ aħjar bejn
il-kopertura tal-awdijtar tar-riskju u l-kopertura ġeografika. Programm
ta' awditjar kontinwu ta' tliet snin japplika minn Lulju 2014. Dan se jiġi
rieżaminat perjodikament biex titqies l-implimentazzjoni tar-riforma
tal-PAK u wkoll l-evidenza addizzjonali li se tkun disponibbli mill-2016
bħala riżultat tax-xogħol il-ġdid tal-korpi ta'
ċertifikazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità. Indikaturi ta'
prestazzjoni ewlenin dwar il-firxa ġeografika, il-kopertura tan-nefqa u
l-kopertura ta' riskju huma inklużi fl-istrateġija. Dawn se jiġu
mmonitorjati u rrappurtati fir-RAA futuri mir-RAA 2014. →Monitoraġġ aktar frekwenti
tal-proċess ta' ċertifikazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali
tal-awditjar fl-SM li jiffaċċaw rati ta' erruri ripetutament
għoljin u preżentazzjoni ta' komunikazzjoni u proposti
leġiżlattivi għal dan l-għan (§61). Fir-rigward tal-Fondi Strutturali u ta'
Koeżjoni, id-daqs tar-rata ta' errur mhijiex marbuta mal-affidabbiltà
tal-awtoritajiet tal-awditjar.
Rati ta' żball għolja jistgħu jiġu rapportati kemm minn
awtoritajiet tal-awditjar affidabbli kif ukoll minn dawk mhux affidabbli.
L-istess jgħodd għal rati baxxi ta' żbalji. Il-Kummissjoni
timmonitorja lill-awtoritajiet tal-awditjar kollha u tivverifika b'mod
partikolari l-indipendenza tagħhom (kundizzjoni fir-RDK (Regolament dwar
Dispożizzjonijiet Komuni)) iżda l-awtoritajiet tal-awditjar mhumiex
formalment suġġetti għal proċess ta' ċertifikazzjoni
skont ir-RDK. Ma hemm l-ebda ħtieġa għal proposta
leġiżlattiva. Fil-qasam
tal-agrikoltura, kif stabbilit fir-Regolament Finanzjarju (UE)
Nru 966/2012 u l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013,
mis-sena tat-talba 2014, il-korpi ta' ċertifikazzjoni se jkollhom
jivverifikaw ir-riżultati tal-kontrolli fuq il-post mill-PAs, abbażi
ta' kampjun rappreżentattiv ta' tranżazzjonijiet fil-livell
tal-benefiċjarju finali, u joħorġu opinjoni dwar il-legalità u
r-regolarità tan-nefqa ddikjarata lill-Kummissjoni. Id-DĠ AGRI se jawditja
l-affidabbiltà ta' din l-opinjoni tal-korpi ta' ċertifikazzjoni u
jużaha biex jikkonsolida l-assigurazzjoni tiegħu u jirfina
l-analiżi tar-riskju. →Applikazzjoni tal-Artikolu 32(5)
tar-RF (§62). Il-Kummissjoni fil-fatt tapplika
d-dispożizzjonijiet tar-RF u tirreferi għat-tfassil tas-sistema ta'
twettiq għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. →Preżentazzjoni ta' Komunikazzjoni
dwar it-tnaqqis tar-rekwiżiti ta' rappurtar u densitajiet ta' kontroll
għall-SM li joperaw b'mod permanenti b'rati baxxi ħafna ta' erruri
(§63). Fil-qasam tal-Politika ta' Koeżjoni,
il-Kummissjoni tqis li l-affidabbiltà tar-rati ta' erruri li jiġu
rrapportati hija importanti daqs ir-rata ta' erruri rrappurtata stess sabiex
tevalwa l-funzjonament tas-sistemi u biex tiddeċiedi fejn għandha tiġi
ffokata l-attività tal-awditjar. Fir-rigward
tal-Agrikoltura, billi r-rekwiżiti ta' rappurtar ma jistgħux
jitnaqqsu, is-sejħa għal tnaqqis ta' densitajiet ta' kontroll hija
diġà prevista: L-Art. 41 tal-Att ta' Implimentazzjoni, adottat fis-6.8.2014,
li jiddettalja r-regoli diġà stabbiliti fl-Artikolu 59(5) tar-Regolament
(UE) Nru 1306/2013, fih il-kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom
jiġu sodisfatti għal tnaqqis fin-numru ta' kontrolli fuq il-post. Għalhekk ma
hemmx ħtieġa ta' aktar proposti leġiżlattivi jew
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni. →Li jiġu eżaminati
l-arranġamenti ta' ġestjoni kondiviża interni tagħha u li tagħmel
rakkomandazzjonijiet lill-PE dwar il-ħatra ta' uffiċjali tal-Unjoni
li jmexxu l-awtoritajiet nazzjonali tal-ħlas, il-ġestjoni u l-awditjar
fl-Istati Membri responsabbli għall-iżborżament tal-fondi
tal-Unjoni (§65). Huwa f'idejn l-Istati Membri biex jaħtru
l-kapijiet tal-awtoritajiet nazzjonali. It-talba tkun tikser il-prinċipju
ta' ġestjoni kondiviża u sussidjarjetà u tinterferixxi mal-awtonomija
tal-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali. Għall-Politika reġjonali, task force
kien diġà stabbilit biex jgħin lill-amministrazzjonijiet
fil-Greċja u l-Portugall. Id-DĠ REGIO jipprovdi wkoll seminars ta'
taħriġ dwar il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll fil-perjodu ta'
programmazzjoni 2014-2020 lill-awtoritajiet tal-SM. Jinsabu għaddejjin
ukoll seminars kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni mmirati lejn ċerti SM
b'mod partikolari. Inizjattiva oħra hija l-gwida dwar kif jistgħu
jiġu evitati l-iżbalji l-aktar komuni marbuta mal-akkwist pubbliku. Fir-rigward tal-agrikoltura, is-servizzi
tad-DĠ AGRI jiltaqgħu regolarment ma' rappreżentanti tan-Netwerk
tat-Tagħlim tad-Diretturi tal-PAs u l-korpi ta' koordinazzjoni sabiex
jeżaminaw id-diversi aspetti tekniċi relatati mal-ġestjoni u
l-kontroll tal-istrumenti tal-PAK. Waqt il-konferenza annwali tad-Diretturi
tal-PAs, organizzata mid-DĠ AGRI, DĠ AGRI, l-awdituri jinfurmaw dwar
l-aktar sejbiet komuni tal-awditjar tagħhom u jippreżentaw is-sejbiet
tal-Qorti tal-Awdituri. Tali preżentazzjonijiet isiru wkoll
fl-okkażjoni ta' konferenzi biannwali simili organizzati mill-Presidenza.
Barra minn hekk, il-konsulent kontra l-frodi tad-DĠ AGRI, jagħti
regolarment seminars kontra l-frodi fil-PAs. Barra minn hekk, mill-2014,
id-DĠ AGRI ħoloq unità ġdida speċifikament iddedikata biex
tipprovdi lill-Istati Membri b'pariri u appoġġ fl-implimentazzjoni
ta' skemi ta' pagament dirett. →Għandu jiġi stabbilit
reġistru għall-fondi kollha tal-Unjoni li jmorru għall-midja
fl-SM mill-fondi strutturali jew dawk agrikoli inkluż l-iżvilupp
rurali (§58) u għandu jkun hemm enfasi fuq dawk l-Istati Membri li huma
vulnerabbli jew li jispikkaw f'dan ir-rigward (§59). Taħt il-ġestjoni kondiviża,
il-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni fil-livell tal-proġetti.
Ir-RAA diġà jkopru SM b'livelli għolja ta' żbalji inklużi
r-riżervi dwar is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-SM u dwar
ċerti OPs. Fuq il-bażi ta' evalwazzjoni tar-riskju bir-reqqa li ssir
ta' kull sena, il-Kummissjoni żżomm fil-mira l-aktar awtoritajiet
riskjużi tal-ġestjoni u tal-awditjar sabiex twettaq l-awditi
tagħha. F'każ ta' nuqqasijiet identifikati li jistgħu jiġu
kkomunikati wkoll mill-awtoritajiet tal-SM, il-Kummissjoni tinterrompi jew
tissospendi l-pagamenti. 1.4. Titjib ulterjuri tar-Rapporti Annwali tal-Attività Il-PE talab lill-Kummissjoni: →biex tirrapporta sa fejn l-istatistika
ta' kontroll tal-SM jew rapporti tal-awditjar ġew eżaminati,
ivverifikati u vvalidati (§47). Dan diġà qed iseħħ u huwa
divulgat fir-RAA. →biex tindika kif l-analiżi
tar-riskji tagħha stess influwenzat l-użu tal-kapaċitajiet
tal-awditjar tagħha stess u titlob għal aktar awditi diretti ta'
kampjuni aleatorji meħuda minn awtoritajiet nazzjonali tal-għoti u
l-benefiċjarji finali (§48). Għalkemm il-maġġoranza
tar-rapporti tal-awditjar tal-SM huma affidabbli, il-Kummissjoni ma
toqgħodx awtomatikament fuq ir-riżultati tagħhom, iżda
dejjem tivvaluta r-riskji qabel tislet konklużjoni fir-rigward tal-livell
ta' assigurazzjoni li jista' jittieħed minnhom. Dwar it-talba għal aktar awditi,
il-Kummissjoni twettaq l-awditi tagħha stess direttament fil-livell
tal-awtoritajiet ta' ġestjoni/il-korpi intermedji u benefiċjarji ta'
riskju għoli. Kważi kull wieħed mis-77 awditu tas-sistemi
mwettqa minn Novembru 2010 sa tmiem l-2013 wasslu għal pjanijiet ta'
azzjoni u interruzzjonijiet tal-ħlasijiet mid-DĠ REGIO. Bejn l-2009
u l-2013, id-DĠ EMPL wettaq 87 awditu tas-sistemi ffukati fuq l-OPs
tal-ikbar riskju. Fir-rigward tal-agrikoltura, kull sena
l-Kummissjoni tiftaħ madwar 250 awditu fuq l-effettività tas-sistemi ta'
ġestjoni u kontroll tal-PAs, u twettaq madwar 120 missjoni ta'
awditjar dwar il-konformità mar-regoli tal-UE. Dawn l-attivitajiet tal-awditjar
huma ggwidati minn analiżi ċentrali tar-riskju (jiġifieri aktar
awditi jiffukaw fuq l-SM, il-miżuri u l-programmi milquta minn riskji
ogħla) li tkopri n-nefqa kollha tal-PAK fl-SM kollha. Il-persunal addizzjonali meħtieġ
għat-twettiq ta' awditi diretti bbażati fuq kampjun aleatorju fuq
skala li tippermetti estrapolazzjoni tar-riżultati kieku jeċċedi
bil-kbir il-persunal li jista' jiġi riallokat u/jew meħlus billi
jitnaqqas l-għadd ta' awditi fl-SM b'rati baxxi ta' żbalji. →biex tinkludi informazzjoni dwar
ir-riżervi dwar riskju għall-baġit tal-Unjoni u dawn
għandhom jitneħħew biss meta n-nuqqasijiet ikunu ġew
indirizzati permezz ta' azzjoni tal-SM, u r-RAA għandhom jinkludu wkoll
ir-rati ta' erruri u stimi ta' riskju residwu partikolarment meta l-Istati
Membri jkunu wettqu azzjonijiet korrettivi (§ 56-8). Il-kwistjoni tiġi ttrattata
fil-punt 1.1. →biex id-DĠ AGRI jiżviluppa
l-istrateġija ta' kontroll tiegħu, ifassal mill-ġdid
il-valutazzjonijiet tar-riskju tiegħu u jiżgura monitoraġġ
xieraq permezz ta' indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni li d-divulgazzjoni
tagħhom fir-RAA għandha tittejjeb (§ 45). Il-kwistjoni tiġi ttrattata
fil-punt 1.3. 1.5. Teħid tal-miżuri ta' protezzjoni neċessarji Il-PE talab: →li jitqassru l-proċeduri
kontradittorji qabel l-impożizzjoni tal-NFC jew interruzzjonijiet ta'
ħlasijiet u jiġi ppreżentat rapport qabel il-kwittanza 2013
(§§ 51, 210). Id-DĠ REGIO impenja ruħu fil-Pjan
ta' Azzjoni tal-2008 li l-proċeduri kontradittorji relatati mal-KF jridu
jiġu ffinalizzati fi żmien massimu ta' 24 xhur wara l-awditu. REGIO
qed jilħaq dan l-għan. Din
il-kwistjoni se titqies kif xieraq fl-Atti Delegati.
Fir-rigward ta' interruzzjonijiet ta' ħlasijiet, ma tapplika l-ebda
proċedura kontradittorja. Għad-DĠ AGRI,
aċċellerazzjoni ulterjuri tal-proċedura ta' konformità b'mod
speċjali bis-simplifikazzjoni tal-fażi kontradittorja
(it-twaħħid ta' passi differenti, it-twaqqif ta' skadenzi kemm
għall-SM kif ukoll għall-KE, eċċ) huwa previst fl-abbozz
ta' att ta' implimentazzjoni. Il-proċedura se tkun limitata għal
massimu ta' sentejn f'każijiet standard (ara wkoll il-punt 1.3.). →l-użu ta' interruzzjonijiet,
sospensjonijiet, KF u rkupri ser ikun dettaljat fir-rapport annwali li jmiss
dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, u speċifikament għal
fondi strutturali u ta' koeżjoni fir-rapporti għall-2016 u snin
sussegwenti (§§ 52, 56-7); Il-Komunikazzjoni se
tipprovdi informazzjoni dwar interruzzjonijiet, sospensjonijiet, KF u rkupri.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tinkludi dejta dwar l-NFC li twassal
għal dħul assenjat għall-baġit tal-UE u r-riżultati
tal-ħidma korrettiva tal-SM. →għandu jitħejja rapport
orizzontali ġdid dwar kif l-għodod preventivi u korrettivi ġodda
huma implimentati skont l-MFF 2014-2020 (§§ 56-9). Se jitħejja rapport li janalizza kif
l-għodod preventivi u korrettivi ġodda huma implimentati skont l-MFF
2014-2020. Barra minn dan, valutazzjoni tan-nuqqasijiet se tqabbel il-proposta
oriġinali tal-Kummissjoni għal-leġiżlazzjoni rilevanti u
l-eżitu finali kif emendat mill-korpi leġiżlattivi, u se
tidentifika kull riskju potenzjali. →Użu aħjar tal-RAL u limitazzjoni
tal-perjodu kopert mill-prefinanzjament (§ 56-14); Il-prefinanzjament huwa strument maħsub
biex jipprovdi lill-benefiċjarji b'fond ta' flus u biex jippermettilhom
imexxu l-proġetti li ħadu bħala impenn. Kieku l-perjodu kopert
mill-prefinanzjament ikun iqsar mill-perjodu tal-proġett,
il-benefiċjarju eventwalment jispiċċawlu r-riżorsi u
l-proġett inkwistjoni jista' eventwalment ifalli. Minbarra dan, dan
l-approċċ jimplika modifika tar-regolamenti rilevanti adottati dan
l-aħħar u emendar ta' kull ftehim individwali ġdid. 1.6. Miżuri oħra →Il-PE talab li tiġi indirizzata
l-problema tal-"intermedjarji" li qed jintużaw
għall-finijiet ta' ksib ta' kuntratti pubbliċi. Kull stadju
tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku għandu jiġi ppubblikat fuq l-Internet
(§ 64). Diġà ttieħdu miżuri f'din
id-direzzjoni, li jikkonċernaw id-disponibilità elettronika tad-dokumenti
relevanti kollha sa mill-bidu tal-proċedura, il-pubblikazzjoni ex-ante
u ex-post u, ladarba jingħata l-kuntratt, l-obbligu li jiġu
divulgati l-ismijiet u l-indirizzi tas-sottokuntratturi. Fir-rigward tad-Direttiva
tal-Konċessjonijiet 2014/23, ir-regoli l-ġodda fihom l-obbligu li
jiġi żgurat aċċess onlajn mingħajr ħlas u
mingħajr restrizzjonijiet għad-dokumenti kollha
tal-konċessjonijiet (mill-ħin tal-pubblikazzjoni ta' avviż ta'
konċessjoni jew sejħa għall-offerti). →Il-PE talab li jintlaħqu ftehimiet
bilaterali li jorbtu mal-SM li attiraw attenzjoni partikolari, fuq il-linji
tas-Semestru Ewropew (§56-15); Kif issemma' fl-ittri tal-President Barroso u
l-Kummissarju Ṧemeta, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tindirizza
d-dgħufijiet fl-SM. L-ittra tal-Kummissarju Ṧemeta tipprovdi
sinteżi komprensiva tal-istrumenti u tal-azzjonijiet implimentati
fil-qafas legali eżistenti għall-programmi ta' nfiq skont il-qafas
finanzjarju l-ġdid. Huma stabbiliti proċessi differenti
għar-rappurtar dwar l-Ewropa 2020 li huwa impenn komuni tal-SM u
l-Kummissjoni. 2. OLAF
(§§ 284-296) 2.1. Il-każ Dalli u
kwistjonijiet relatati (§§ 284-287, 289-92, 296) Il-PE qajjem diversi kwistjonijiet li
jikkonċernaw dan il-każ u b'mod partikolari fir-rigward
tal-informazzjoni mogħtija lill-PE, ir-responsabilità kemm
mill-Kummissjoni kif ukoll mill-OLAF, ir-rispett tal-prinċipju
tal-innoċenza, il-legalità tar-reġistrazzjonijiet, il-kooperazzjoni
mal-Awtoritajiet Ġudizzjarji tal-SM u r-rispett tad-drittijiet
fundamentali. Il-Kummissjoni l-ewwel nett tixtieq tirrimarka
li l-President tagħha spjega s-sitwazzjoni fil-Konferenza tal-Presidenti
f'Novembru 2012. Il-punt qatt ma ġie skedat għall-plenarja u l-Kummissjoni
rrispettat il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza f'kull
ħin. Is-Sur Dalli kkontesta l-karattru volontarju u l-legalità
tar-riżenja tiegħu, u talab danni quddiem il-Qorti Ġenerali
tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-562/12, li għadha pendenti. Il-Kummissjoni u l-OLAF qiegħdin,
bħal dejjem, jikkooperaw b'mod sħiħ mal-Awtoritajiet
Ġudizzjarji tal-SM f'dawn l-investigazzjonijiet. It-tnejn wieġbu kif
dovut għal kull talba għal informazzjoni jew assistenza li huma
rċevew mill-awtoritajiet. Dwar il-kwistjoni marbuta ma' nuqqas ta'
responsabbiltà, l-OLAF ifakkar li huwa diġà b'mod estensiv u ripetutament
wieġeb mistoqsijiet fil-limiti stabbiliti rispettivament
fl-Artikolu 8 tar-Regolament 1073/1999 u fl-Artikolu 10
tar-Regolament 883/2013. Rigward l-analiżi ġuridika
tal-legalità tar-reġistrazzjonijiet, l-OLAF diġà informa lill-CONT
li, skont l-Artikolu 4(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (KE)
Nru 1073/1999, huwa kien intitolat li jikseb informazzjoni rilevanti
għall-investigazzjonijiet tiegħu. L-OLAF iqis li huwa aġixxa
f'konformità mar-regoli u r-regolamenti applikabbli. L-ewwel verżjoni ta'
studju intern komprensiv dwar il-legalità tar-reġistrazzjonijiet ta'
konverżazzjonijiet telefoniċi privati mill-awtoritajiet pubbliċi
fl-SM ġiet maqsuma mal-persunal investigattiv tal-OLAF, u qiegħda
tiġi kontinwament imtejba u aġġornata. Rigward is-sejbiet tal-Kumitat
Superviżorju tal-OLAF (OSC), l-OLAF jindika li huwa wettaq l-attivitajiet
investigattivi tiegħu filwaqt li jirrispetta r-rekwiżiti
proċedurali kollha. L-OSC ma identifika l-ebda ksur tad-drittijiet
fundamentali jew tal-garanziji proċedurali fir-Rapport tal-Attività
tiegħu fir-rigward tal-persuni kkonċernati. Għalhekk
it-tħassib imqajjem huwa purament ipotetiku. Barra minn hekk, il-Linji Gwida tal-OLAF
lill-Persunal dwar Proċeduri Investigattivi huma maħsuba biex
jiżguraw li l-investigazzjonijiet kollha mwettqa mill-OLAF jilħqu
l-ogħla standards professjonali u jirrispettaw b'mod sħiħ
id-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati. Fl-aħħar nett, dwar it-talba ta'
informazzjoni dwar il-laqgħat tal-Kamra tal-Ikklerjar fl-2012 u l-2013, u
minħabba l-ħtieġa li jiġu mħarsa investigazzjonijiet
li jinsabu għaddejjin, l-indipendenza tal-OLAF u l-preżunzjoni
tal-innoċenza tal-persuni kkonċernati, il-Kummissjoni jkollha
tenfasizza li l-informazzjoni dwar il-ħidma ta' dan il-grupp għandha
tibqa' limitata. Madankollu, il-Kummissjoni tivvaluta kull talba
addizzjonali mill-PE rigward il-laqgħat tal-Kamra tal-Ikklerjar skont
il-kundizzjonijiet tal-Ftehim Qafas. 2.2. Kwistjonijiet oħra (§§ 288,
293-295) Il-PE
esprima tħassib dwar l-indikaturi finanzjarji biex tinfetaħ
investigazzjoni, il-miżuri ta' segwitu meħuda dwar każijiet ta'
frodi ssuspettata miċħuda u riferuti lura lill-Kummissjoni
fl-2012-2013, stħarriġ fost il-persunal tal-OLAF u talba għal
verżjoni mhux redatta ta' dokument dwar l-użu ħażin
tal-fondi tal-UE. Il-Prijoritajiet tal-Politika Investigattiva
(IPPs) tal-OLAF fl-2012 u l-2013 kienu jinkludu l-prinċipji
tal-għażla li ġejjin: il-proporzjonalità, l-użu
effiċjenti tar-riżorsi investigattivi u s-sussidjarjetà/valur
miżjud. Dawn l-IPPs (2012, 2013) kien fihom indikaturi finanzjarji. Dawn
l-indikaturi ma ġewx maħsuba jew użati bħala "kriterju
ta' esklużjoni", iżda kienu użati bħala wieħed
minn diversi kriterji biex jiġi evalwat jekk għandhiex tinfetaħ
investigazzjoni jew le. L-impatt finanzjarju qatt ma kien "conditio
sine qua non" għall-ftuħ ta' investigazzjoni. Għall-2014, id-Direttur Ġenerali
ddeċieda li ma jinkludix indikaturi finanzjarji fl-IPPs, meta qies li kien
hemm, u sa ċertu punt għad hemm, malintiż persistenti fost
il-partijiet ikkonċernati tal-OLAF dwar din il-kwistjoni u kemm huwa
diffiċli f'ħafna mill-każijiet biex jiġi vvalutat l-impatt
finanzjarju potenzjali ta' każ ġdid. L-OLAF għandu l-ħsieb
li jimmonitorja jekk li ma jkunx hemm indikaturi finanzjarji espliċiti
disponibbli fil-proċess tal-għażla jwassalx għall-ftuħ
ta' numru ta' każijiet akbar minn dak li jista' jlaħħaq
miegħu l-Uffiċċju. Jekk iva, id-Direttur-Ġenerali
jikkunsidra r-riintroduzzjoni possibbli tagħhom, f'kunsiderazzjoni
mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati tal-OLAF u mal-Kumitat ta'
Superviżjoni tiegħu.
Fejn ikun hemm is-suspett ta' frodi, l-OLAF ma
jiċħadx il-każijiet u ma jirreferihomx lura lis-servizzi
tal-Kummissjoni biex jinvestigawhom. L-OLAF huwa u jibqa' l-uniku korp
intitolat li jmexxi investigazzjonijiet amministrattivi f'każijiet
bħal dawn. Meta l-OLAF jirċievi informazzjoni dwar suspett ta' frodi
minn servizz ieħor tal-Kummissjoni, huwa jiddeċiedi jekk jiftaħx
investigazzjoni jew jiċħadx il-każ fuq il-bażi tal-kriterji
stabbiliti fl-Artikolu 5 (1) tar-Regolament Nru 883/2013. L-OLAF
jinforma lis-servizz tal-Kummissjoni li jkun bagħat it-tagħrif
bid-deċiżjoni taċ-ċaħda u bir-raġunijiet
għaċ-ċaħda. Fil-każijiet rari meta każ ikun
miċħud skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità,
u jista' jeħtieġ investigazzjoni, il-każ jiġi trażmess
mill-OLAF lil dik l-awtorità li tkun fl-aħjar pożizzjoni biex twettaq
l-investigazzjoni l-awtoritajiet nazzjonali, jew korpi dixxiplinarji
kompetenti. Fl-aħħar nett, dwar it-talba
għall-verżjoni mhux redatta tad-dokument imsemmi aktar 'il fuq,
il-Kummissjoni tirrimarka li fit-tweġiba miktuba E-012041/2013 ipprovduta
mill-Kummissjoni fit-28 ta' Jannar 2013 għall-mistoqsija mill-MEP Ingeborg
Gräßle, kien speċifikat li: "Fir-rigward tal-verżjoni mhux
redatta tad-Dokument D/000955, il-Kummissjoni se tivvaluta kull talba mill-PE
skont il-kundizzjonijiet tal-Ftehim ta' Qafas bejn il-Parlament u l-Kummissjoni.".
L-OLAF ma rċieva l-ebda talba mill-PE skont il-Ftehim imsemmi hawn fuq sa
issa. * * * [1] Il-Kwittanza tal-Baġit Ġenerali tal-2012,
ir-Rapporti Speċjali tal-QEA fil-kuntest tal-Kwittanza tal-Kummissjoni,
il-Kwittanza tal-FEŻ, il-Kwittanza tal-Aġenziji. Referenzi
tad-dokumenti P7_TA(2014)0287, P7_TA-PROV(2014)0288), P7_TA-PROV(2014)0290 u
P7_TA-PROV(2014)0299) rispettivament disponibbli fuq l-indirizz tal-internet li
ġej: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=20140403&secondRef=TOC&language=en. [2] Referenzi tad-dokumenti 5848/14, 5848/14 ADD1, 5850/14 u
5850/14 ADD 1 ippubblikati fuq: http://www.europarl.europa.eu/committees/en/cont/publications.html?id=CONT00006#menuzone [3] Minkejja
li xi wħud minn dawn it-talbiet huma msemmija parzjalment jew
indirettament f'partijiet oħra tar-riżoluzzjoni. Ara
§§ 6, 11, 15, 17, 20, 24, 46-49, 51, 53, 55, 59, 65, 67,
70, 73, 81, 88, 90, 117, 120, 128, 137-139, 141, 149, 176-180, 183, 205, 253,
258, 260-261, 264, 270, 272, 282, 302, 314, 318, 319, 323, 326-327, 332-333,
335, 343 tas-CSWD dwar ir-riżoluzzjonijiet tal-PE. [4] Ara §§ 19, 22, 61, 77 tas-CSWD dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. [5] Ares(2013)3567754 [6] Ares(2014)654055 [7] Ir-Regolamenti
tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 fil-qasam tal-pagamenti diretti u KE
Nru 65/2011 għall-iżvilupp rurali. [8] Abbozz ta'
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jistabbilixxi r-regoli
għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament
Ewropew fir-rigward tas-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll
(IACS), miżuri ta' żvilupp rurali u kundizzjonalità [9] Ir-Regolament
(UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-17 ta' Diċembru 2013, ĠU L 347/320
tal-20.12.2013, p.320. [10] Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 l-hekk
imsejjaħ Regolament Orizzontali tal-PAK