RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-implimentazzjoni tal-Komunikazzjjoni tal-Kummissjoni, mill-24 ta' Ġunju 2009, dwar Azzjoni Kontra l-Kanċer:Sħubija Ewropea [COM (2009) 291 final] u t-Tieni Rapport ta' Implimentazzjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-iskrining għall-kanċer (2003/878/KE) /* COM/2014/0584 final */
SOMMARJU EŻEKUTTIV Il-kanċer huwa suġġett ewlieni
inkwetanti fil-qasam tas-saħħa pubblika madwar l-Istati Membri, u
huwa wkoll prijorità ewlenija tal-politika dwar is-saħħa tal-UE.
F'Diċembru tal-2003 il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar
l-iskrining għall-kanċer[1]
F'Ġunju tal-2009, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar Azzjoni
kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea[2].
Dan ir-rapport jagħti taqsira tal-kisbiet ewlenin fil-ġlieda
kontra l-kanċer fl-UE fil-qafas taż-żewġ inizjattivi biex
tintlaħaq il-mira li l-inċidenza tal-kanċer titnaqqas bi 15%
sal-2020. Ø It-tmexxija: Il-maġġoranza l-kbira
tal-Istati Membri – 24 minn 28 - laħqu l-mira li jipproduċu Pjan
Nazzjonali għall-Kontroll tal-Kanċer (PNKK) qabel l-2013. Ø Appoġġ lill-Istati Membri: permezz
ta' Azzjoni Konġunta fil-programm tas-Saħħa ġiet
żviluppata gwida għall-Istati Membri biex jiżviluppaw
il-pjanijiet nazzjonali dwar il-kanċer u dwar il-kura tal-pazjenti
bil-kanċer. Azzjoni Konġunta ġdida li se titniehed fl-2014 se
twassal għal Gwida Ewropea dwar it-Titjib tal-Kwalità fil-Kontroll
Komprensiv tal-Kanċer. Id-Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet
tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali tagħti aktar
opportunitajiet ta' żieda fil-kooperazzjoni permezz ta' Netwerks ta'
Referenza Ewropej bejn dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa u
ċentri ta' għarfien espert. Ø Il-prevenzjoni: Dalwaqt se tiġi ppubblikata r-raba' verżjoni tal-Kodiċi
Ewropew Kontra l-Kanċer appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea
permezz ta' ftehimiet amministrattivi mal-Aġenzija Internazzjonali
għar-Riċerka dwar il-Kanċer. Ø L-iskrinjar: Abbażi ta' dak li hemm previst bħalissa, bejn l-2010 u
l-2020 fl-UE se jkunu saru aktar minn 500 miljun eżaminazzjoni
bl-iskrinjar għall-kanċer tas-sider, għall-kanċer
ċervikali u/jew għal dak kolorettali bħala parti minn programmi
pubbliċi. Tfasslu Linji Gwida Ewropej għall-assigurazzjoni ta'
kwalità tajba ta' skrinjar u dijanjożi tal-kanċer tas-sider (2006,
b'suppliment fl-2013), tal-kanċer ċervikali (2008, it-tieni edizzjoni
fl-2014) u tal-kanċer kolorettali (2010). Ø Garanzija
tal-kwalità: Il-Kummissjoni qiegħda
tiżviluppa skema ta' Garanzija tal-Kwalità għas-Servizzi
tal-Kanċer tas-Sider ibbażata fuq il-qafas leġiżlattiv
Ewropew. Ø Riċerka: Tul dawn l-aħħar seba'
snin, l-UE investiet aktar minn EUR 1,4 biljun fir-riċerka marbuta
mal-kanċer. Aktar minn nofs dan l-ammont - EUR 770 miljun – ġew
investiti fi proġetti ta' riċerka kollaborattivi biex jinsabu modi
ġodda ta' kif niġġieldu l-kanċer u kif jiġu
appoġġati l-pazjenti. Ø Informazzjoni dwar il-kanċer: Fl-2012, iċ-Ċentru Konġunt
tar-Riċerka tal-Kummissjoni ngħata l-mandat li jikkoordina s-Sistema
Ewropea tal-Informazzjoni dwar il-Kanċer u li jkun ir-repożitorju
tad-dejta u l-għodod tal-Unjoni Ewropea. Ø Koordinazzjoni: Biex titjieb il-koordinazzjoni
tal-medda kollha tal-inizjattivi kontra l-kanċer fil-livell tal-UE,
fl-2014 il-Kummissjoni Ewropea waqqfet Grupp ta' Esperti tal-Unjoni Ewropea
dwar il-Kontroll tal-Kanċer. 1. DAĦLA 1.1 Introduzzjoni Fit-2 ta' Diċembru 2003 il-Kunsill adotta
unanimament ir-Rakkomandazzjoni dwar l-iskrining għall-kanċer[3]
(minn hawn 'il quddiem ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill) li tafferma kemm
is-sinifikanza tal-piż tal-kanċer kif ukoll l-evidenza
tal-effikaċja tal-iskrinjar għall-kanċer tas-sider,
ċervikali u kolorettali. Ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ
lill-Istati Membri jieħdu azzjoni komuni biex jimplimentaw programmi
nazzjonali ta' skrinjar għall-kanċer fost il-popolazzjonijiet
tagħhom, bl-assigurazzjoni tal-kwalità dovuta, bi qbil mal-linji gwida
Ewropej għall-aħjar prattiki. Tistieden ukoll lill-Kummissjoni
Ewropea tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta' skrinjar
għall-kanċer, tivvaluta l-effikaċja tal-miżuri proposti, u
tivvaluta hemmx bżonn ta' aktar azzjoni. Fl-2008 ġie ppubblikat l-ewwel
rapport dwar l-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni[4]; dan kopra s-snin
2003-2007. Fl-10 ta' April 2008, il-Parlament Ewropew adotta
riżoluzzjoni dwar il-ġlieda kontra l-kanċer fl-UE mkabbra, u
l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis fil-piż tal-kanċer
fl-Ewropa ġew adottati fl-10 ta' Ġunju 2008.
Abbażi ta' dan, fl-24 ta' Ġunju 2009, il-Kummissjoni
adottat Komunikazzjoni dwar Azzjoni kontra l-Kanċer: Sħubija
Ewropea[5]
(minn hawn 'il quddiem il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni) biex
tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex
jiġġieldu l-kanċer billi tipprovdi qafas
għall-identifikazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, tal-kapaċità u
tal-għarfien espert fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-kanċer, u billi
timmobilizza l-partijiet ikkonċernati madwar l-Unjoni Ewropea fi sforz kollettiv.
Bi qbil mal-punt 3.1 ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tressaq
rapport dwar il-ħidma li tkun saret, u dan se jkun il-bażi li fuqu
jiġu deċiżi l-azzjonijiet dwar il-kanċer li se tieħu
l-UE fil-ġejjieni. 1.2 Il-piż tal-kanċer fl-Unjoni Ewropea Fl-2012
ġie stmat li kien hemm kemxejn aktar minn 2,6 miljun każ
ġdid (minbarra l-kanċer tal-ġilda li mhux melanoma) ta'
kanċer fl-Unjoni Ewropea (UE27)[6],
54% (1,4 miljun) fl-irġiel u 46% (1,2 miljun) fin-nisa. L-iżjed
partijiet tal-ġisem komuni għall-kanċer kienu s-sider
(364 000 każ stmat, 18,8% tal-każijiet kollha ta' kanċer),
imbagħad il-prostata (359 000, 13,7%), il-kolorettali (342 000,
13,0%), u l-pulmun (309 000, 11,8%). Dawn l-erba' tipi ta' kanċer
kienu jirrappreżentaw nofs (52,3%) il-piż totali tal-kanċer
fl-Unjoni Ewropea fl-2012. L-iżjed
partijiet tal-ġisem ewlenin fl-irġiel, skont l-istimi tal-2012, kienu
l-prostata (25,1% tat-total), il-pulmun (211 000, 14,7%), il-kolorettali
(192 000, 13,4%) u l-bużżieqa tal-awrina (96 000, 6,7%). Fin-nisa,
in-neoplażma misjuba l-aktar frekwenti kienet il-kanċer tas-sider
(364 000, 30,4% tat-total), imbagħad il-kanċer kolorettali
(151 000, 12,5%), dak tal-pulmun (98 000, 8,2%), u dak fl-utru
(64 000, 5,4%). L-għadd
totali stmat ta' mwiet marbutin mal-kanċer fl-Unjoni Ewropea (UE27)
fl-2012 kien ta' 1 263 miljun, li minnhom 56% (708 000) kienu
rġiel u 44% (555 000) kienu nisa. Il-kanċer tal-pulmun,
b'għadd stmat ta' mwiet ta' 310 000 (24,5% tat-total) kien l-aktar
kaġun frekwenti ta' mwiet mill-kanċer fl-Ewropa fl-2012, segwit
mill-kanċer kolorettali (150 000 imwiet, 11,9%), mill-kanċer
tas-sider (91 000, 7,2%) u mill-kanċer fl-istonku (58 000,
4,6%). Il-kanċer tal-pulmun baqa' l-aktar kaġun komuni ta' mwiet tal-irġiel
mill-kanċer (183 000, 25,9%); warajh il-kanċer kolorettali
(82 000, 11,6%) u mbagħad dak tal-prostata (71 000, 10%).
Fin-nisa, il-kaġun ewlieni tal-imwiet mill-kanċer kien il-kanċer
tas-sider (91 000, 16,3%); warajh il-kanċer kolorettali (68 000,
12,3%), imbagħad il-kanċer fil-pulmun (81 000, 14,7%) u
l-kanċer fl-ovarji (30 000, 5,4%). Is-sopravvivenza
mill-kanċer tvarja ħafna minn pajjiż Ewropew
għall-ieħor, minkejja t-titjib fid-dijanjostikar u fit-trattament
tal-kanċer fl-ewwel għaxar snin tas-seklu 21. Tul is-snin,
l-għadd ta' adulti li jibqgħu jgħixu għal mill-inqas
ħames snin wara d-dijanjożi baqa' jiżdied b'mod regolari madwar
l-Unjoni Ewropea kollha, u dan jirrifletti l-avvanzi kbar li saru
fil-maniġġar tal-kanċer, bħalma huma l-programmi
organizzati ta' skrinjar għall-kanċer u trattamenti aħjar.
Madankollu għad hemm differenzi kbar fost il-pajjiżi, u d-differenzi
fis-sopravvivenza internazzjonali qegħdin jiċkienu biss għal
għadd żgħir ta' tipi ta' kanċer, bħal dak tas-sider,
tar-rektum, tal-prostata u l-melanoma tal-ġilda[7]. 1.3 L-ispiża tal-kanċer fl-Unjoni Ewropea Huwa stmat li fl-2009 l-Istati Membri tal-UE nefqu
EUR 126 biljun fuq il-kanċer, minn dawn,
EUR 51,0 biljun intnefqu fuq il-kura tas-saħħa (40%)[8].
Madwar l-UE, l-ispiża tal-kura tas-saħħa għall-kanċer
kienet stmata daqs EUR 102 kull ċittadin, iżda kienet tvarja
ħafna, minn EUR 16 kull persuna fil-Bulgarija sa EUR 184 kull persuna
fil-Lussemburgu. It-telfiet fil-produttività minħabba mwiet bikrija ġew stmati
li swew EUR 42 6 biljun, u l-jiem ta' xogħol mitlufa swew
EUR9 43 biljun. Il-kura informali ġiet stmata li swiet
EUR 23,2 biljun. Il-kanċer fil-pulmun ġie stmat li jiswa
l-iżjed ekonomikament (EUR 18,8 biljun, 15% tat-total
tal-ispiża fuq il-kanċer), warajh il-kanċer tas-sider
(EUR 15,0 biljun, 12%), il-kanċer kolorettali
(EUR 13,1 biljun, 10%), u l-kanċer tal-prostata
(EUR 8,43 biljun, 7%). Ir-riċerkaturi josservaw li dawn l-istimi
huma konservattivi, billi xi kategoriji ta' spejjeż tal-kura
tas-saħħa, bħalma huma l-programmi ta' skrinjar, ma kinux
inklużi minħabba li mhuwiex possibbli li tinkiseb id-dejta
għall-pajjiżi kollha fl-istudju. 2. IR-RIŻULTATI TAL-AZZJONI RRAKKOMANDATA MILL-KUNSILL U
FIL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2.1 Programmi Nazzjonali tal-Kontroll tal-Kanċer L-għanijiet tal-azzjoni: Bħala
azzjoni orizzontali, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi
l-għan li sa tmiem l-Isħubija l-Istati Membri kollha għandhom
ikunu integraw il-Programmi Nazzjonali għall-Kontroll tal-Kanċer
(PNKK). Jekk dawn il-pjanijiet jiġu attwati jkun kontribut sostenibbli
għat-tnaqqis fil-piż tal-kanċer fl-UE biex tinkiseb il-mira ta'
tnaqqis ta' 15% sal-2020 (510 000 inqas każijiet ġodda). Il-PNKK huma programmi tas-saħħa pubblika mfasslin biex
jiżguraw l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ġestiti b'mod
ċentralizzat ta' strateġiji għall-prevenzjoni, is-sejba bikrija,
id-dijanjożi, it-trattament, ir-riabilitazzjoni, it-taffija
tal-uġigħ u r-riċerka bbażati fuq l-evidenza. Fl-2009,
il-Kummissjoni Ewropea affermat mill-ġdid l-impenn tagħha
fil-ġlieda kontra l-kanċer bit-tnedija ta' Azzjoni Konġunta
tal-Isħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer (EPAAC).
L-għan ġenerali tal-Azzjoni Konġunta tal-EPAAC (2009-2013) kien
li tappoġġa lill-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra
fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu b'aktar effiċjenza kontra
l-kanċer, u li tkun qafas għall-identifikazzjoni u l-iskambju
tal-informazzjoni, tal-kapaċità u tal-għarfien espert fil-prevenzjoni
u l-kontroll tal-kanċer, biex jinkisbu s-sinerġiji u biex jiġu
evitati azzjonijiet iżolati u sforzi rduppjati. L-isħubija involviet
medda wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, u kull waħda minn dawn
kellha l-esperjenzi u l-għarfien espert speċifiċi tagħha xi
żżid mal-bażi ta' evidenza. Kien hemm fost il-partijiet
ikkonċernati istituzzjonijiet ta' riċerka medika u xjentifika,
rappreżentanti tal-industrija u koalizzjonijiet tal-pazjenti mhux
governattivi minn madwar l-UE kollha. L-azzjonijiet implimentati:
Il-maġġoranza tal-Istati Membri laħqu l-mira li jipproduċu
PNKK qabel l-2013. Mit-28 Stat Membru, 24 kellhom xi tip ta' PNKK jew programm
jew strateġija sal-2013. L-erbgħa l-oħra qegħdin fl-istadju
li jiffinalizzaw il-PNKK rispettivi tagħhom. Il-PNKK ivarjaw ħafna
fl-ambitu tagħhom, fis-suġġetti inklużi fil-programm, fil-preżenza
tal-indikaturi għall-monitoraġġ u/jew għall-evalwazzjoni
tagħhom, fit-tul tal-pjan/programm/strateġija, fit-tul tal-perjodu
ta' tħejjija u f'kemm jinvolvu lill-pazjenti. L-EPAAC ta tliet riżultati ewlenin li huma utli biex jiġu
żviluppati aktar il-PNKK u biex tkompli tittejjeb il-kwalità tagħhom:
Rapport dwar l-istat kurrenti tal-PNKK fl-Unjoni
Ewropea[9]
Gwida għall-produzzjoni ta' PNKK ta' Kwalità
fl-Unjoni Ewropea[10]
Indikaturi għall-monitoraġġ,
l-evalwazzjoni u l-modifikazzjoni tal-PNKK[11].
Ġew investiti sforzi sinifikanti fl-Istati Membri kollha biex
jipproduċu l-PNKK, u dawn huma element ewlieni fil-kontribut sostenibbli
għat-tnaqqis tal-piż tal-kanċer fl-UE billi jawtorizzaw
l-istrutturi bażiċi li huma meħtieġa għall-kontroll
tal-kanċer u joħolqu mekkaniżmu għar-responsabbiltà. Huma
jirrappreżentaw ukoll qafas għall-introduzzjoni ta' linji gwida,
metodi ta' kura, u mekkaniżmi ta' kooperazzjoni ġodda, li
jiffavorixxu l-progress fit-trattament tal-kanċer madwar l-UE. 2.2 Terz tal-mard tal-kanċer jista' jiġi evitat –
l-iżjed reazzjoni kosteffikaċi L-għanijiet tal-azzjoni:
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Isħubija
biex tadotta strateġija orizzontali fejn tingħata attenzjoni fuq
kwistjonijiet li jiddeterminaw is-saħħa, bħala element
essenzjali biex titrażżan iż-żieda fil-piż tal-kanċer
madwar l-Unjoni Ewropea. Il-kanċer huwa kkaġunat minn bosta fatturi
u, għalhekk, il-prevenzjoni trid tindirizza l-istil tal-ħajja u
kaġuni okkupazzjonali u ambjentali. Ġie stmat[12] li madwar
terz tal-każijiet kollha ta' kanċer jistgħu jiġu evitati
jekk dak li jkun ibiddel jew jevita l-fatturi ta' riskju ewlenin. Dawn
il-fatturi jinkludu t-tipjip, il-ħxuna, nuqqas ta' frott u ħaxix
fl-ikel, nuqqas ta' attività fiżika[13],
il-konsum tal-alkoħol, l-esponiment waqt ix-xogħol għal
karċinoġeni kimiċi u l-esponiment għax-xemx. Element ewlieni tar-reazzjoni Ewropea huwa l-Kodiċi Ewropew
Kontra l-Kanċer[14].
Dan jagħti żewġ messaġġi ċari:
ċerti tipi ta' kanċer jistgħu jiġu
evitati – u s-saħħa b'mod ġenerali tista' titjieb – permezz
tal-adozzjoni ta' stili ta' ħajja aktar tajbin
għas-saħħa; kif ukoll
il-kanċer jista' jitfejjaq, jew il-prospetti
tal-fejqan jistgħu jiżdiedu sew, kemm-il darba dan jinqabad fi
stadju bikri.
Il-Kodiċi, li huwa ppubblikat b'mod li ċ-ċittadini
faċilment jifhmuh, huwa għodda ewlenija ta' komunikazzjoni
fil-prevenzjoni tal-kanċer, u għandu jservi ta' mezz ewlieni
għad-disseminazzjoni tal-miżuri preventivi u biex jgħin ibiddel
il-perċezzjoni tal-kanċer. L-azzjonijiet implimentati: Il-promozzjoni
tas-saħħa fuq il-bażi ta' determinanti ewlenin tas-saħħa
hija prijorità fit-tul għall-Kummissjoni Ewropea, u din tinkludi
strateġiji għan-nutrizzjoni, għall-ħxuna żejda u
għall-kwistjonijiet ta' saħħa marbutin mal-obeżità[15],
u l-ħsara relatata mal-alkoħol[16].
Il-Kummissjoni żviluppat politika għall-kontroll tal-użu
tat-tabakk ambizzjuża[17]
bil-għan li tiskoraġġixxi lit-tfal u
liż-żgħażagħ milli jibdew ipejpu, li tarmonizza s-suq
intern tal-prodotti tat-tabakk, u li tappoġġa l-isforzi li
jagħmlu l-gvernijiet nazzjonali biex jipproteġu
liċ-ċittadini tagħhom kontra l-esponiment
għad-duħħan tal-pejjiepa, filwaqt li tippromwovi l-promozzjoni
tas-saħħa mfassla apposta għal popolazzjonijiet u gruppi
fil-mira speċifiċi. Fil-qasam okkupazzjonali, l-evalwazzjoni tal-istrateġija tal-UE
għas-saħħa u s-sikurezza 2007-2012, l-Istrateġija tal-UE
għas-Saħħa u s-Sikurezza (EU Health and Safety Strategy)
2007-2012[18],
uriet li din kienet kisbet l-għanijiet rilevanti u identifikat
il-ħtieġa li tkompli tiffoka fuq il-prevenzjoni ta' mard
okkupazzjonali, bil-kanċer jingħata l-importanza ewlenija, u dan
fil-qafas tal-azzjonijiet ikkoordinati ma' Strateġiji oħrajn dwar
is-Saħħa u l-Ambjent. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni
adottat Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza
Okkupazzjonali 2014-2020[19]
ġdid. Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni
tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni
għall-karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol[20]
tistabbilixxi għadd ta' miżuri preventivi li jeliminaw jew inaqqsu
kemm jista' jkun l-esponiment marbut max-xogħol
għall-karċinoġeni u l-mutaġeni kimiċi. Minbarra dan,
fil-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008 (CLP)
dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u
t-taħlitiet[21],
qed tiġi aġġornata l-lista ta' sustanzi karċinoġeni
jew mutaġeni skont l-evidenza xjentifika. B'mod aktar speċifiku, l-Azzjoni Konġunta tal-EPAAC
reġgħet nediet il-Ġimgħa Ewropea Kontra l-Kanċer[22]
biex twassal messaġġi meħudin mill-Kodiċi Ewropew Kontra
l-Kanċer għall-promozzjoni tas-saħħa. Inbdiet il-ħidma fuq ir-raba' edizzjoni tal-Kodiċi Ewropew
kontra l-Kanċer (l-ewwel verżjoni ħarġet fl-1987,
it-tieni fl-1994, it-tielet fl-2003), appoġġata mill-Kummissjoni
Ewropea permezz ta' ftehimiet amministrattivi mal-Aġenzija
Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC), u din
għadha għaddeja. 2.3 L-iskrinjar u s-sejba bikrija tal-kanċer L-għanijiet tal-azzjoni: Ir-Rakkomandazzjoni
tal-Kunsill tirrikkmanda l-iskrinjar tal-popolazzjonijiet
għall-kanċer tas-sider, għall-kanċer ċervikali u
għall-kanċer kolorettali abbażi tal-evidenza tal-effikaċja,
suġġett għall-implimentazzjoni ta' sistemi xierqa ta' kontroll
tal-kwalità. Fl-2011 id-WHO approvat dawn ir-rakkomandazzjonijiet għat-53
Stat Membru tagħha fir-Reġjun Ewropew[23]. F'xi Stati Membri, l-iskrinjar organizzat għall-kanċer
ċervikali ilu jsir mill-1963. Il-programmi ta' skrinjar
għall-kanċer tas-sider bdew jiġu implimentati fl-aħħar
tat-tmeninijiet. Iżda l-programmi ta' skrinjar għall-kanċer
kolorettali ġew stabbiliti biss fis-snin 2000, u għadhom qegħdin
isiru fi proporzjon żgħir biss tal-Ewropa. Skont l-ewwel rapport tal-implimentazzjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni
tal-Kunsill, il-volum tal-eżaminazzjonijiet annwali permezz ta' skrinjar
fl-UE dak iż-żmien kien konsiderevoli; iżda dan il-volum kien
inqas min-nofs l-għadd annwali minimu tal-eżaminazzjonijiet li
wieħed għandu jippretendi kieku t-testijiet ta' skrinjar
speċifikati fir-Rakkomandazzjoni kienu disponibbli għaċ-ċittadini
kollha tal-UE tal-etajiet rilevanti (madwar 125 miljun eżaminazzjoni
fis-sena). Barra minn hekk, dak iż-żmien, inqas minn nofs il-volum
ta' eżaminazzjonijiet (41%) kien sar bħala parti minn programmi
bbażati fuq il-popolazzjonijiet li joffru qafas organizzattiv fejn tista'
tiġi implimentata assigurazzjoni komprensiva tal-kwalità
meħtieġa mir-Rakkomandazzjoni. L-azzjonijiet implimentati: Fuq
il-previżjonijiet kurrenti, jidher li hemm titjib sostanzjali
fil-kopertura tal-iskrinjar fl-UE f'dawn l-aħħar snin. Bejn l-2010 u
l-2020 se jkunu saru aktar minn 500 miljun eżaminazzjoni bl-iskrinjar
għall-kanċer tas-sider u għall-kanċer ċervikali u/jew
kolorettali fl-UE bħala parti minn programmi pubbliċi awtorizzati,
fl-UE waħedha. It-tliet tipi ta' kanċer li tittratta dwarhom
ir-Rakkomandazzjoni (tas-sider, dak ċervikali u dak kolorettali) huma
l-kaġun ta' kważi waħda minn kull ħamest imwiet
minħabba l-kanċer, jew 400 000 każ mill-1,8 miljun
fir-Reġjun Ewropew (IARC 2008). L-ewwel dejta li ħarġet mill-ewwel
Mewġa ta' stħarriġ permezz ta' intervisti dwar l-istat
tas-saħħa fl-Ewropa (EHIS)[24] dwar l-iskrinjar
għall-kanċer tas-sider, il-kanċer ċervikali u dak
kolorettali[25] ġiet ippubblikata
f'Diċembru tal-2010. Skont din id-dejta[26]
l-perċentwal tan-nisa ta' bejn il-50 u d-69 sena li saritilhom mammografija
fil-pajjiżi li ġew evalwati kien hekk: l-akbar proporzjon kien fi
Franza (92,9 %), warajha Spanja (92,3 %), imbagħad l-Awstrija u
l-Ġermanja (90 %), il-Belġju (89,5 %) u l-Ungerija
(86,9 %); il-Bulgarija (19,5%) u r-Rumanija (13,5%) kellhom l-iċken
perċentwali. L-adozzjoni tal-linji gwida Ewropej tal-aħjar prattiki
ġiet identifikata fir-Rakkomandazzjoni bħala l-aktar attività
importanti għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' skrinjar biex ikun
faċilitat aktar żvilupp tal-aħjar prattiki għall-programmi
ta' kwalitàta' skrinjar għall-kanċer, f'livell nazzjonali, u fejn
rilevanti, f'livell reġjonali. Fl-2006 diġà kienet ġiet prodotta
r-raba' edizzjoni tal-European Guidelines for Quality Assurance in Breast
Cancer Screening and Diagnosis (Linji Gwida Ewropej
għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Iskrinjar u d-Dijanjożi
tal-Kanċer tas-Sider)[27]. Sa mill-publikazzjoni tal-aħħar rapport
tal-implimentazzjoni, il-ħidma fuq il-linji gwida baqgħet prijorità:
Fl-2008, il-Kummissjoni Ewropea,
b'kooperazzjoni mal-IARC u n-Netwerk Ewropew għall-Iskrinjar
tal-Kanċer Ċervikali pproduċiet it-tieni edizzjoni
tal-European Guidelines for Quality assurance in Cervical Cancer Screening[28](Linji
gwida Ewropej għall-assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Iskrinjar
għall-Kanċer Ċervikali). Dawn il-linji gwida
jinkludu aġġornamenti estensivi dwar id-dettalji tekniċi u
d-dokumentazzjoni, kif ukoll evalwazzjoni tat-teknoloġiji
l-ġodda, eż. ċitoloġija bbażata fuq il-likwidu,
interpretazzjoni awtomatika ta' kampjun ta' ċelluli ċervikali
(Pap smear) u testijiet għall-vajrus tal-papilloma uman. L-ambitu
tal-linji gwida twessa' biex jinkludi struzzjonijiet komprensivi
għat-tobba ġenerali, għall-ġinekologi u
għaċ-ċitopatoloġisti, imħejjin minn tim ta'
esperti multidixxiplinarju.
Fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea, b'kooperazzjoni mal-IARC
ipproduċiet L-ewwel edizzjoni tal-European Guidelines for
Quality Assurance in Colorectal Cancer Screening and Diagnosis (Linji
gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Iskrinjar u
d-Dijanjożi tal-Kanċer Kolorettali)[29].
L-għan tal-Linji gwida tal-UE dwar l-iskrinjar għall-kanċer
kolorettali huwa li jittejbu l-istandards tal-kwalità billi jipprovdu
prinċipji gwida u rakkomandazzjonijiet għall-assigurazzjoni
tal-kwalità bbażati fuq l-evidenza, li għandhom jissegwew meta
jsiru l-programmi ta' skrinjar għall-kanċer kolorettali
fl-Istati Membri tal-UE. Dawn jittrattaw il-proċess kollu
tal-iskrinjar - mill-istedina u l-organizzazzjoni sad-dijanjożi u
t-trattament tal-leżjonijiet li jinstabu. Dawn jiffokaw fuq elementi
li huma essenzjali għall-iskrinjar, iżda jinkludu wkoll
prinċipji li huma daqstant importanti fid-dijanjożi:
it-taħriġ, ix-xogħol f'tim multidixxiplinarju,
il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, il-kosteffikaċja,
it-tnaqqis kemm jista' jkun tal-effetti ħżiena, u l-bikrija
taż-żmien li bihom isiru aktar investigazzjonijiet fil-fond.
Fl-2013, il-Kummissjoni Ewropea,
b'kooperazzjoni mal-IARC, EUREF, il-Grupp
ta' Ħidma Ewropew fuq il-Patoloġiji tal-Iskrinjar tas-Sider, u l-Azzjoni Konġunta tal-EPAAC, ippubblikat is-Supplements
to the 4th edition of the European Guidelines for Quality Assurance in
Breast Cancer Screening and Diagnosis[30]
(Supplimenti għar-raba' edizzjoni tal-Linji Gwida Ewropej
għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Iskrinjar u d-Dijanjożi
għall-Kanċer tas-Sider. L-ewwel
suppliment (Aġġornament tal-mammografija diġitali)
jirreaġixxi għall-iżvilupp teknoloġiku rapidu li sar
wara li ġiet ippubblikata r-raba' edizzjoni, u li ġie flimkien
ma' żieda kbira fl-użu tal-immaġnijiet diġitali
fl-iskrinjar u d-dijanjostikar permezz ta' mammografiji. It-tieni
suppliment jittratta dwar bosta suġġetti li għandhom
x'jaqsmu mal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-iskrinjar u d-dijanjożi
għall-patoloġiji fil-kanċer tas-sider, fejn ħarġu
l-problemi u s-soluzzjonijiet prattiċi, u tekniki ġodda u
progress ieħor f'dawn l-aħħar snin.
Fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea, b'kooperazzjoni
mal-IARC u n-Netwerk Ewropew tal-Iskrinjar għall-Kanċer
Ċervikali (ECCSN) biħsiebha toħroġ it-tieni
edizzjoni tal-European Guidelines for Quality Assurance of Cervical
Cancer Screening and Diagnosis –
Supplements (it-tieni
edizzjoni tas-Supplimenti għal-Linji Gwida Ewropej
għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Iskrinjar u d-Dijanjożi
tal-Kanċer Ċervikali) li jittrattaw l-ittestjar primarju
tal-HPV fl-iskrinjar għall-kanċer ċervikali u
l-organizzazzjoni tal-ittestjar tal-vajrus tal-papilloma uman (HPV) u
ċ-ċitoloġija konvenzjonali fl-iskrinjar
għall-kanċer ċervikali.
Wieħed mill-għanijiet tal-Azzjoni Konġunta tal-EPAAC
kien li jiġi stabbilit kors komprensiv ta' taħriġ
fl-immaniġġar ta' programmi tal-iskrinjar għall-kanċer.
Inħalaq netwerk ta' Skejjel Ewropej tal-Immaniġġar
tal-Iskrinjar (ESSM) biex jagħti appoġġ espert fit-tifsil u
l-iggwidar tal-kors ta' taħriġ intensiv[31]. Il-Programm tas-Saħħa tal-UE appoġġa wkoll il-proġett
AURORA[32]
biex jidentifika strateġija komuni u fattibbli dwar kif għandu
jiġi promoss l-Iskrinjar għall-Kanċer Ċervikali fl-Istati
Membri l-ġodda tal-UE, immirat lejn in-nisa ta' bejn it-30 u d-69, u li
jiżgura li jiġu inklużi gruppi li diffiċli jintlaħqu,
u li jgħin lill-Istati Membri l-ġodda tal-UE jimplimentaw l-iskrinjar
għall-kanċer ċervikali bbażat fuq l-evidenza filwaqt li
jippromwovi skambju Ewropew tal-informazzjoni u tal-għarfien espert. Fl-2012, Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni
Ewropea nieda stħarriġ dwar is-servizzi tal-kanċer tas-sider
fil-pajjiżi Ewropej[33]biex issir mappa tas-servizzi tal-kanċer li joffru skrinjar u kura
fil-pajjiżi Ewropej. Skont ir-riżultati ta' dan
l-istħarriġ, 22 pajjiż għandhom programmi ta' skrinjar
għall-kanċer tas-sider li, fosthom, 21 huma organizzati skont
id-definizzjonijiet fil-linji gwida. Minn 25 pajjiż, 15 għandhom
programmi ta' skrinjar għall-kanċer kolorettali, u erbgħa
oħra qegħdin fil-fażi tranżizzjonali biex jagħmlu
programm organizzat. Minn 25 pajjiż, 19 għandhom programmi ta'
skrinjar għall-kanċer ċervikali, u xi wħud minnhom
qegħdin jikkonvertu l-attivitajiet kurrenti li mhumiex sistematiċi fi
programm ta' skrinjar tal-popolazzjoni ta' kwalità assigurata. 2.4 L-akkreditazzjoni tas-servizzi tal-kanċer fl-Unjoni Ewropea L-għanijiet tal-azzjoni:
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistqarr l-intenzjoni tal-Kummissjoni li
tiżviluppa skema Ewropea pilota volontarja ta' akkreditazzjoni
tal-iskrinjar għall-kanċer tas-sider u ta' segwitu, fuq il-mudell
tal-linji gwida għall-iskrinjar u d-dijanjożi tal-kanċer
tas-sider (u l-edizzjonijiet tagħhom preċedenti, li huma l-iktar
linji gwida żviluppati u li ilhom stabbiliti ħafna f'din
iż-żona). Din issegwi l-approċċ tar-Rakkomandazzjoni biex tippromwovi
l-iskrinjar għall-kanċer ibbażat fuq l-evidenza permezz ta'
approċċ sistematiku bbażat fuq il-popolazzjoni u ta' kwalità
assigurata. Wara din, fl-2008 nħarġu l-Konklużjonijiet
tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-piż tal-kanċer[34] li stiednu
lill-Kummissjoni tesplora l-potenzjal għall-iżvilupp ta' skema pilota
Ewropea għall-akkreditazzjoni tal-iskrinjar u segwitu tiegħu
għall-kanċer tas-sider, ibbażata fuq il-linji gwida Ewropej
għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità. L-azzjonijiet implimentati: F'Diċembru tal-2012, il-JRC
ġie assenjat il-ħidmiet li ġejjin:
Li jiżviluppa edizzjoni ġdida tal-Linji
gwida Ewropej għall-Iskrinjar u d-Dijanjożi tal-Kanċer
tas-Sider, u
Li jiżviluppa skema ta' assigurazzjoni
tal-kwalità għas-Servizzi tal-Kanċer tas-Sider, ibbażata fuq
il-qafas leġiżlattiv Ewropew dwar l-akkreditazzjoni, kif
iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi
r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq
relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti[35].
Dan il-proġett, li għadu qed isir, għandu l-mira li
jistabbilixxi sett minimu ta' rekwiżiti tal-kwalità, għall-kura
mis-servizzi tas-saħħa madwar l-UE, tal-kanċer tas-sider,
ibbażati fuq edizzjoni ġdida tal-European Guidelines for Breast
Cancer Screening and Diagnosis (Linji Gwida Ewropej
għall-Iskrinjar u d-Dijanjożi tal-Kanċer tas-Sider),
li għandha tkun disponibbli fl-2016. Barra minn hekk, il-JRC se
jiżviluppa Pjattaforma Ewropea għal-Linji Gwida biex tospita linji
gwida eżistenti dwar stadji aktar avvanzati mill-iskrinjar u
d-dijanjożi fil-kura tal-kanċer; dawn ikopru t-trattament,
ir-riabilitazzjoni, is-segwitu – li jinkludi s-sorveljanza u, fejn
jeħtieġ, l-immaniġġar tal-uġigħ, u aspetti
bħall-appoġġ psikoloġiku u kura palljattiva, li huma
essenzjali għal kunċett ta' kwalità ċċentrat fuq
il-pazjenti. 2.5 L-applikazzjoni fil-prattika tal-aħjar strateġiji
fil-kura tas-saħħa – l-identifikazzjoni u t-tixrid ta' prattiki tajba L-għanijiet tal-azzjoni: Il-Komunikazzjoni tipprevedi tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-mortalità
kkaġunata mill-kanċer billi tnaqqas id-differenza bejn l-Istati
Membri bl-aħjar riżultati u dawk li għandhom l-agħar
riżultati b'70% sal-2020[36].
Din il-mira għandha tkun appoġġjata mill-iżvilupp ta' linji
gwida għall-mudelli tal-aħjar prattika fil-kura marbuta
mal-kanċer, waqt li tqis il-kuntesti nazzjonali, reġjonali u lokali. L-azzjonijiet implimentati: L-EPAAC żviluppat bosta inizjattivi fil-qasam tal-kura
tas-saħħa, fosthom billi fasslet mappa komprensiva tal-kura
tal-kanċer fl-Ewropa:
Biex tidentifika l-aħjar prattiċi
fis-servizzi tas-saħħa Ewropej, filwaqt li tippromwovi
approċċi innovattivi ta' netwerks għall-iskambju
tal-esperjenzi: Ġiet żviluppata Policy
statement on multidisciplinary cancer care[37]
(stqarrija politika dwar it-trattament tal-kanċer multidixxiplinarju)
biex tiddefinixxi l-elementi ewlenin li għandhom jinkludu
t-timijiet multidixxiplinarji kollha li jittrattaw it-tumuri. Barra minn
hekk twaqqfet sistema kompjuterizzata dwar it-trattament tas-sintomi
u l-appoġġ għad-deċiżjonijiet
għall-immaniġġar tas-sintomi fil-kura palljattiva.
Biex tiżviluppa linji gwida
għat-trattament tal-kanċer pedjatriku:
L-Azzjoni Konġunta ħadmet mill-qrib mas-Soċjetà Ewropea
għall-Onkoloġija Pedjatrika (SIOP) fuq il-promozzjoni ta' linji
gwida għat-titjib tal-onkoloġija pedjatrika. Dan
l-aħħar twettaq stħarriġ tal-Istati Membri biex
tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta' dawn il-linji gwida bl-użu
tar-riżultati ta' stħarriġ simili mill-SIOP fl-2008
bħala kejl ta' referenza. Ir-riżultati ta' dan it-tqabbil huma
mistennija li joħorġu fl-2014.
L-evidenza u l-użu ta' mediċina
komplementarja u alternattiva fit-trattament tal-kanċer: Qed isir stħarriġ tal-istrutturi u ċ-ċentri
Ewropej li jipprovdu mediċina komplementarja u alternattiva fil-qafas
tal-onkoloġija integrattiva.
Biex tiżviluppa, tirrevedi u tarmonizza
l-kontenut u l-implimentazzjoni tal-linji gwida kliniċi: L-isħab fl-azzjoni konġunta iffokaw fuq żewġ
oqsma fl-iżvilupp tagħhom ta' linji gwida kliniċi
għat-trattament tal-kanċer: in-nutrizzjoni u t-tipi rari
tal-kanċer. Dwar in-nutrizzjoni, il-linji gwida li rriżultaw
mill-istudji dwar in-nutrizzjoni tqassmu liċ-ċentri Ewropej
tat-trattament tal-kanċer mill-JRC[38].
Biex timplimenta strateġija ta'
taħriġ għat-titjib ta' ħiliet psikosoċjali u ta'
komunikazzjoni fost dawk li jaħdmu fil-qasam tal-kura
tas-saħħa: Għadd ta'
organizzazzjonijiet sħab ikkontribwixxew għal
eżerċizzju ta' mmappjar tar-riżorsi tas-servizzi tal-kura
tas-saħħa f'dak li għandu x'jaqsam mal-kura onkoloġika
psikosoċjali, ħiliet ta' komunikazzjoni fost il-professjonisti
fil-qasam tal-kura tas-saħħa, u attivitajiet ta'
taħriġ tal-psikoonkoloġija, minbarra li taw l-informazzjoni
dwar id-distakki eżistenti bejn id-domanda mqabbla mal-kapaċità.
Ir-riżultati jindikaw li f'20 mis-26 pajjiż li wieġbu
għall-istħarriġ, il-kura onkoloġika psikosoċjali
hija inkluża fl-NCCP, iżda 10 biss minnhom għandhom
baġit speċifikat għal dan[39].
Biex ikun hemm kontinwità tal-isforzi biex jitjieb il-kontroll
tal-kanċer, b'mod speċjali fil-qasam tas-servizzi tal-kura
tas-saħħa, fl-2014 il-Kummissjoni nediet Azzjoni Konġunta
ġdida ta' tliet snin għall-kontroll tal-kanċer, iffinanzjata
mit-Tieni Programm dwar is-Saħħa tal-UE. L-għan ewlieni
tagħha huwa li tipproduċi Gwida Ewropea għat-Titjib
tal-Kwalità fil-Kontroll Komprensiv tal-Kanċer, minbarra li
toħloq Pjattaforma għall-Istati Membri li tkun tipprovdi l-ispazju
għal diskussjonijiet marbutin mal-kwistjoni tal-kanċer. Huwa previst li l-Gwida u d-dokumenti ta' pożizzjoni li se
jiġu żviluppati jkun fihom kemm prattiċi tajba kif ukoll
rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza biex jgħinu jrawmu
titjib fil-kwalità, fil-kontroll, u fit-trattament tal-kanċer fil-livell
nazzjonali, u biex jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi. Il-Gwida se
tindirizza dawn is-suġġetti: il-programmi ta' skrinjar ibbażati
fuq l-evidenza u fuq il-kwalità, l-organizzazzjoni ta' Netwerk Komprensiv dwar
il-Kanċer, il-kura tal-kanċer fil-Komunità, u s-Sopravivenza.
L-Istati Membri se jirċievu gwida dwar l-implimentazzjoni ta' diversi
aspetti ta' programmi ta' skrinjar ta' kwalità, bi qbil mal-linji gwida Ewropej
għall-assigurazzjoni tal-kwalità fil-programmi ta' skrinjar
għall-kanċer ċervikali, tas-sider u kolorettali, u gwida
għal programmi tal-iskrinjar oħrajn possibbli (eż. kanċer
fil-pulmun, tal-prostata). L-Istati Membri se jingħataw mudell ta' Netwerk
Komprensiv dwar il-Kanċer li mbagħad ikunu jistgħu jaddattaw
għall-kuntesti tagħhom. Il-Kummissjoni trid ukoll tappoġġa soluzzjonijiet permezz
tas-Saħħa elettronika, partikolarment permezz tan-Netwerk
tas-Saħħa elettronika u tal-Pjan ta' Azzjoni tas-Saħħa
elettronika, billi s-Saħħa elettronika għandha l-potenzjal li
toffri trattament tal-kanċer aktar personalizzat u mmirat, effikaċi u
effiċjenti, u tista' tgħin biex jitnaqqsu l-iżbalji. Intwerew
benefiċċji ta' dan it-tip bl-użu tal-mediċina telefonika
għall-immaniġġar tal-mard, kif ukoll għall-promozzjoni
tas-saħħa. F'qasam ieħor ta' azzjoni dwar il-forniment tal-kura
tas-saħħa, il-Kummissjoni qiegħda tesplora soluzzjonijiet
tekniċi u finanzjarji għall-forniment ta' isotopi mediċi, wara
li kien hemm każijiet ta' nuqqas ta' forniment madwar l-Ewropa. Wara
l-Konklużjonijiet tal-Kunsill "Towards the Secure Supply of
Radioisotopes for Medical Use in the European Union" li ġew
adottati fis-6 ta' Diċembru 2010[40], twaqqaf
Osservatorju Ewropew biex jgħin biex jindirizza kwistjonijiet dwar
il-katina tal-forniment li jkollhom impatt dirett fuq il-ħtiġiet
tas-servizzi tal-kura tas-saħħa. 2.6 Tipi rari ta' kanċer L-għanijiet tal-azzjoni:
Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati
l-inugwaljanzi fil-mortalità kkaġunata mill-kanċer li jistgħu
jitranġaw bil-kura tas-saħħa billi titnaqqas id-differenza bejn
l-Istati Membri li għandhom l-aħjar u l-agħar riżultati.
Il-każ tat-tipi ta' kanċer rari huwa msemmi bħala qasam ta'
valur miżjud tal-UE bbażat fuq kooperazzjoni fil-ġejjieni
f'Netwerks ta' Referenza Ewropej, pereżempju fil-qasam tal-mard rari, li
jinkludi ħafna tipi ta' kanċer rari. Fil-prinċipju, it-tumuri rari għandhom jiġu ddefiniti
bl-istess mod bħall-mard rari. Dan huwa ddefinit bħala
l-kundizzjonijiet li għandhom prevalenza ta' inqas minn 5 f'kull
10 000 ruħ mill-popolazzjoni Ewropea. It-tipi ta' kanċer rari
jirrappreżentaw madwar 22% tal-kanċer kollhu dijanjostikat fis-sena.
B'kuntrast mal-kanċer tal-adulti, kważi t-tipi kollha ta' kanċer
tat-tfal huma rari iżda severi. Madwar 40 000 tifel u tifla jingħataw
dijanjożi ta' kanċer kull sena fl-UE. Dawn it-tumuri huma ta'
piż speċjali għall-pazjenti, u jirrikjedu għarfien espert
tad-dijanjostikar u tat-trattament li jista' ma jkunx faċilment
disponibbli viċin ta' fejn joqogħdu. Xi drabi l-pazjenti jkollhom
jivvjaġġaw distanzi twal biex ikollhom aċċess għal
dijanjożi patoloġika xierqa u trattament multidixxiplinarju, u ma
tantx ikollhom okkażjoni li jieħdu opinjoni differenti mingħand
tabib ieħor. L-azzjonijiet implimentati: Il-politika tal-UE fil-qasam tal-mard rari tfittex li tindirizza
l-isfidi marbutin mat-trattament ta' tumuri rari. Din hija bbażata fuq il-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni dwar il-Mard Rari tal-2008: L-isfidi tal-Ewropa[41],
u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2009 dwar azzjoni
fil-qasam tal-mard rari[42].
L-azzjoni tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam hija mmirata biex iżżid
l-aċċess li jkollhom il-pazjenti għal dijanjożi bikrija,
informazzjoni u kura. F'dan il-qasam, l-azzjoni Ewropea tista' tkun aktar
effettiva minn azzjonijiet ta' Stati Membri individwali. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet
tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali[43]
tiċċara x'inhuma d-drittijiet tal-pazjenti biex jieħdu
trattament sigur u ta' kwalità 'l barra mill-fruntieri ta' pajjiżhom
fl-UE, u biex jieħdu rimborż tiegħu. Din hija bażi
għal aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali
permezz ta' għadd ta' azzjonijiet. Xi wħud mid-dispożizzjonijiet
jindirizzaw il-mard rari. B'mod partikolari, l-Artikolu 12 jipprevedi
kooperazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri u jagħti l-mandat
lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri biex
jiżviluppaw Netwerks ta' Referenza Ewropej (NRE) bejn dawk li jagħtu
s-servizz tal-kura tas-saħħa u ċ-ċentri ta' għarfien
espert fil-pajjiżi tal-UE għal mard ta' prevalenza baxxa, mard
kumpless jew mard rari. Żewġ Deċiżjonijiet[44]
[45]
li ġew adottati f'Marzu 2014 jistabbilixxu l-kriterji
għall-istabbiliment tal-NRE u tal-membri tagħhom, kif ukoll
il-proċess biex dawn jiġu vvalutati, evalwati u approvati.
In-netwerks li jkunu approvati skont dawn ir-rekwiżiti legali biss
jiġu rikonoxxuti formalment mill-UE, u dawn jingħataw il-logo tal-NRE
tal-UE, li hu marka kummerċjali rreġistrata proprjetà tal-Unjoni
Ewropea. Fuq il-bażi tal-qafas dwar il-mard rari, il-Kummissjoni Ewropea
appoġġat bosta inizjattivi fil-Programm tas-Saħħa kif
jidher hawn taħt:
Fl-2012,
il-proġett RARECARENET (Netwerk ta' Informazzjoni dwar Tipi Rari
ta' Kanċer)[46],
li kompla xi wħud mill-attivitajiet tal-Proġett RARECARE
(is-Sorveljanza ta' Tipi Rari ta' Kanċer fl-Ewropa)[47]
li kien jipprovdi stimi tal-inċidenza, tas-sopravvivenza,
tal-prevalenza u tal-mortalità għat-tipi kollha ta' kanċer rari.
Il-proġett huwa mmirat biex (i) jagħti indikaturi
aġġornati tal-piż tat-tipi rari ta' kanċer, (ii)
jiġbor u jiddissemina l-informazzjoni dwar il-metodi ta' kura
għat-tipi rari ta' kanċer, (iii) jidentifika l-kriterji
għaċ-ċentri ta' għarfien espert għat-tipi rari
ta' kanċer, (iv) jipproduċi u jiddissemina l-informazzjoni dwar
id-dijanjożi u t-trattament ta' tipi rari ta' kanċer, (v)
jiżviluppa bażi tad-dejta klinika dwar it-tipi ta' kanċer
li huma rari ħafna, (vi) jipprovdi għarfien ġdid dwar dawn
it-tipi ta' mard u t-trattament kliniku tagħhom, u (vii)
jiżviluppa u jiddissemina l-informazzjoni għall-pazjenti, li
tinkludi lista ta' assoċjazzjonijiet tal-pazjenti ddedikati
għat-tipi rari tal-kanċer.
Fl-2013, twaqqaf in-Netwerk Ewropew tal-Esperti fl-Onkoloġija
Pedjatrika ta' Referenza għad-Dijanjostikar u t-Trattament
(ExPO-r-NeT) li jagħti għajnuna dwar il-kura ta' tfal u
żgħażagħ bil-kanċer fi Stat Membru barra dak li
hu affiljat, meta l-għarfien espert dwar ċerti kundizzjonijiet
tal-kanċer ikun rari u l-volum tal-każijiet ikun
żgħir. Dan jgħin biex il-popolazzjonijiet ta' tfal li
jkollhom kanċer rari jingħataw l-aħjar kura transkonfinali.
Barra minn hekk twaqqfet ukoll ir-Rare Cancers Europe[48],
inizjattiva ta' diversi partijiet ikkonċernati li tindirizza
l-isfidi speċifiċi ta' tipi rari ta' kanċer. 2.7 Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fir-riċerka dwar
il-kanċer L-għanijiet tal-azzjoni:
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni titlob li jiġi żviluppat
approċċ ikkoordinat lejn ir-riċerka dwar il-kanċer madwar
l-UE, u timmira li tikseb il-koordinazzjoni fost terz tar-riċerka
ffinanzjata mis-sorsi kollha sal-2013. L-azzjonijiet implimentati: L-UE għandha
rwol importanti ħafna bħala finanzjatur tar-riċerka dwar
il-kanċer. Tul dawn l-aħħar seba' snin, permezz tas-Seba' Qafas
għar-Riċerka (2007 – 2013) tagħha, il-Kummissjoni investiet
aktar minn EUR 1,4 biljun fir-riċerka internazzjonali
kollaborattiva, fir-riċerka pijuniera, fi programmi ta' mobbiltà, fi
sħubiji pubbliċi privati u fil-koordinazzjoni ta' sforzi nazzjonali
ta' riċerka marbuta mal-kanċer. Aktar minn nofs dan il-baġit -
EUR 770 miljun – intuża biex iħeġġeġ
lill-atturi ewlenin minn madwar l-Ewropa u lil hinn minnha biex jingħaqdu
fi "proġetti ta' riċerka kollaborattiva", biex jinstabu
mezzi ġodda fil-ġlieda kontra l-kanċer u ta' sostenn
għall-pazjenti. Dawn il-proġetti qegħdin jgħinu biex ikun
hemm fehim aħjar ta' kif joħorġu t-tipi diversi ta' kanċer
u kif għandhom jiġu ddijanjostikati u trattati b'aktar
suċċess. L-Ewropa hija waħda mir-reġjuni ewlenin tad-dinja
fir-riċerka dwar il-kanċer. Il-biċċa l-kbira ta' din
ir-riċerka tiġi ffinanzjata u titwettaq f'pajjiżi individwali.
L-UE tiffinanzja inizjattivi bħall-immappjar ta' fondi nazzjonali
ddedikati għall-kanċer permezz tan-netwerk TRANSCAN[49],
biex tgħin il-koordinazzjoni u l-konnessjoni tal-għadd kbir ta'
sforzi nazzjonali diversi; ittejjeb u tikkollega kemm jista' jkun
ir-reġistri tal-kanċer nazzjonali u reġjonali permezz
tan-netwerk EUROCOURSE[50];
u tiffaċilita l-iskambju ta' esperti u tgħin biex tittrasferixxi
l-aħjar prattiki minn pajjiż għal ieħor. Barra minn hekk, l-EPAAC nediet il-ħidma dwar ir-riċerka
tal-kanċer bi tliet miri speċifiċi:
Biex tidentifika u tipprijoritizza l-oqsma
fir-riċerka tal-kanċer li jibbenefikaw mill-koordinazzjoni u
mill-kollaborazzjoni transkonfinali;
Biex tidentifika l-mekkaniżmi ħalli
kulħadd jagħmel sforz flimkien biex, sal-2013, terz
tal-finanzjament kollu ddedikat għar-riċerka jintuża b'mod
ikkoordinat;
Biex tiżviluppa proġetti pilota ta' riċerka
kkoordinata f'ċerti oqsma magħżulin.
F'dan il-kuntest, ġew żviluppati l-proġetti pilota
elenkati hawn taħt: il-koordinazzjoni Ewropea tar-riċerka
tal-kanċer fir-riċerka klinika tal-fażi bikrija; pjattaforma
Ewropea għar-riċerka dwar ir-riżultati tal-kanċer; u
ċentru ta' għarfien Ewropew dwar l-epidemjoloġija u
r-riċerka tal-kanċer fil-qasam tas-saħħa pubblika:
il-koordinazzjoni tar-riċerka u l-iskambju ta' informazzjoni. Kien jidher ċar mill-bidu li ma setgħetx tintuża
metodoloġija waħda biss għall-koordinazzjoni tal-oqsma kollha
tar-riċerka tal-kanċer madwar il-pajjiżi kollha.
Għaldaqstant, l-isfida kienet li jitfasslu l-metodoloġiji ta'
koordinazzjoni apposta għas-suġġetti speċifiċi
tar-riċerka u għall-ħtiġiet tal-partijiet
ikkonċernati, bl-użu tal-prinċipju ta' kunsens għall-koordinazzjoni. 2.8 Il-forniment tal-informazzjoni komparattiva meħtieġa
għall-politika u għall-azzjoni L-għanijiet tal-azzjoni:
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni titlob li tkun assigurata dejta
preċiża u komparabbli dwar l-inċidenza, il-prevalenza, il-morbidità,
il-fejqan, is-sopravvivenza, u l-mortalità tal-kanċer fl-UE sal-2013.
Għal dan l-għan, ġiet rikonoxxuta l-ħtieġa ta' Sistema
tal-informazzjoni Ewropea dwar il-kanċer (ECIS) li tlaqqa' flimkien
l-istituzzjonijiet u r-riżorsi marbutin mal-informazzjoni dwar
il-kanċer u d-dejta biex tforni l-għarfien meħtieġ biex
jittejbu l-attivitajiet ta' kontroll tal-kanċer. L-ECIS għandha
tikkoordina u tiggwida l-proċess kollu tal-ġbir tad-dejta:
il-kontroll tal-kwalità, l-immaniġġar, l-analiżi u
d-disseminazzjoni. Biex tiżdied
il-komparabbiltà tad-dejta epidemjoloġika tal-kanċer, tnejn
mill-ewwel proġetti appoġġati mill-Kummissjoni Ewropea fil-qafas
tal-programm L-Ewropa Kontra l-Kanċer, fl-1987, kienu l-istabbiliment
tan-Netwerk Ewropew ta' Reġistri tal-Kanċer, il-European Network of Cancer Registries (ENCR)[51] u l-EUROCARE (Europe Cancer REgistry-based
study on survival and care of cancer patients)[52].
L-ENCR jippromwovi l-kollaborazzjoni bejn ir-reġistri tal-kanċer,
jiddefinixxi l-istandards għall-ġbir tad-dejta, jipprovdi
t-taħriġ għall-persunal tar-reġistru tal-kanċer u
regolarment jiddissemina l-informazzjoni dwar l-inċidenza tal-kanċer
u l-mortalità minħabba fih fl-Unjoni Ewropea u fl-Ewropa kollha[53]. Id-disseminazzjoni
tal-informazzjoni komparabbli dwar il-kanċer hija sostnuta wkoll
mill-bażijiet tad-dejta madwar l-Ewropa dwar il-kanċer bħala
kaġun tal-imwiet, miżmumin mill-EUROSTAT[54], li huwa
responsabbli mill-ġbir u l-omoġenizzazzjoni tal-istatistika dwar
il-mortalità minħabba l-kanċer, skont l-età, is-sess, in-nazzjonalità
u r-reġjun; barra minn hekk, id-dejta tal-ENCR[55]
tikkostitwixxi sistema komprensiva ta' informazzjoni dwar il-piż
tal-kanċer fl-Ewropa (b'mod ewlieni l-inċidenza u l-mortalità), u din
hija kkomplementata bid-dejta tal-EUROCARE dwar is-sopravvivenza,
il-prevalenza, u l-mudelli tat-trattament. Fl-aħħar
nett, u biex tinħalaq sistema ta' indikaturi tal-kanċer komparabbli,
il-proġett EUROCHIP (European Cancer Health Indicators) Project[56]
iffinanzjat mill-Programm għas-Saħħa tal-UE, żviluppa
l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-kanċer. Fil-Proġett
EUROCOURSE, il-websajt tal-Osservatorju Ewropew tal-Kanċer (ECO)
ġie żviluppat bħala entratura (gateway) ċentralizzata
għall-immaniġġar u d-disseminazzjoni tad-dejta
awtomatiċizzata tar-reġistru tal-kanċer. Id-dejta ġenerali
marbuta mas-saħħa, li hi meħtieġa għal
interpretazzjoni tajba tal-indikaturi tal-kanċer, tiġi organizzata
fil-websajts tas-saħħa tal-UE[57].
Id-dejta ekonomika ġenerali u dik speċifika dwar is-saħħa
huma miġburin fil-bażi tad-dejta tas-saħħa tal-OECD[58].
Finalment, il-komunità xjentifika Ewropea qiegħda fuq quddiem
fir-riċerka metodoloġika dwar l-epidemjoloġija bbażata fuq
il-popolazzjoni u dwar is-saħħa pubblika, mill-analiżi u
l-previżjoni tax-xejriet tal-inċidenza u tal-mortalità,
sal-analiżi tas-sopravvivenza, l-istima tal-prevalenza, l-ippjanar u
t-twettiq ta' studji ta' riżoluzzjoni għolja, u fl-istudju dwar
l-effett tal-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi fuq is-saħħa. L-azzjonijiet
implimentati: L-Azzjoni
Konġunta tal-EPAAC ipprijoritizzat tliet għanijiet ewlenin biex
tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-Sistema tal-Informazzjoni Ewropea
dwar il-Kanċer:
Li timmappja s-sorsi ewlenin tad-dejta dwar il-kanċer
fl-Ewropa u li tidentifika s-suġġetti li għandhom jiġu
appoġġati bi prijorità mill-Isħubija;
Li tagħqad fi pjattaforma komuni l-indikaturi tal-piż
tal-kanċer (l-inċidenza, il-mortalità, is-sopravvivenza u
l-prevalenza) fornuti mill-attivitajiet Ewropej eżistenti;
Li toħloq grupp ta' ħidma għall-investigazzjoni
tal-kost tal-kanċer fl-Ewropa bbażat fuq il-popolazzjoni.
Fl-2009, l-Azzjoni Konġunta tal-EPAAC
ingħatat il-mandat li sal-2013 tressaq proposta li tkun tifforma
l-bażi ta' Sistema Ewropea tal-Informazzjoni dwar il-Kanċer
fil-ġejjieni, bil-kunsens tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-kwistjoni
tal-kanċer (il-fornituri tad-dejta, il-professjonisti fil-qasam
tas-saħħa, il-gvernijiet, iċ-ċittadini, il-pazjenti u
r-riċerkaturi). Fl-2012, iċ-Ċentru Konġunt
tar-Riċerka tal-Kummissjoni ngħata r-responsabbiltà li jgħin
id-diskussjoni dwar l-ECIS u li jkun ir-repożitorju tad-dejta u
l-għodod tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport "Developing
a European Cancer Information System: a proposal from the European Partnership
for Action Against Cancer (EPAAC)"[59]
li tħejja bħala riżultat tal-EPAAC, iservi bħala bażi
għall-ħidma taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC). Iċ-Ċentru
Konġunt tar-Riċerka se jiżgura s-sostenibbiltà tal-ECIS u
jikkoordina l-iżvilupp ulterjuri tiegħu. Il-JRC qiegħed
jaħdem b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati ewlenin
kollha fil-qasam tal-kanċer, qiegħed isostni n-Netwerk Ewropew
tar-Reġistri tal-Kanċer (ENCR) li ħa s-segretarjat tiegħu
fl-2012, u qed jikkollabora mal-Aġenzija Internazzjonali
għar-Riċerka tal-Kanċer (IARC) u netwerks u proġetti
xjentifiċi oħrajn fil-livell Ewropew, bħalma huma l-EUROCARE,
il-CONCORD (Sorveljanza dinjija dwar is-sopravvivenza mill-kanċer)[60],
l-Azzjoni Konġunta PARENT (Inizjattiva ta' Reġistri Transkonfinali
tal-Pazjenti)[61]
u gruppi oħrajn, biex jiddefinixxi l-iktar għażliet effettivi
għall-funzjonijiet ewlenin kollha tal-ECIS, bħall-kontroll
tal-kwalità tad-dejta, l-analiżi tal-istatistika, id-disseminazzjoni
tal-informazzjoni dwar il-kanċer, eċċ. Illum il-ġurnata, hemm aktar minn 200 reġistru
tal-kanċer ikkollegat fl-ENCR fl-Ewropa. Minħabba li s-sistemi
tal-ġbir tad-dejta fil-pajjiżi differenti jirriflettu
l-organizzazzjoni speċifika tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali, u
għad fadal xi ostakli għall-aċċess għad-dejta, huwa
diffiċli li wieħed imur mil-livell nazzjonali għal dak Ewropew,
billi mhux l-indikaturi kollha huma komparabbli madwar l-UE. Fil-preżent,
huma r-reġistri li jipprovdu l-biċċa l-kbira tad-dejta
epidemjoloġika dwar il-kanċer, iżda dawn ma jingħatawx
biżżejjed fondi, ħafna minnhom ma għandhomx
biżżejjed persunal, u twaqqfu mingħajr ippjanar kif għandu
jkun. 2.9 Naħdmu flimkien fi Sħubija L-għanijiet tal-azzjoni:
Il-Komunikazzjoni tiddefinixxi r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea li tiżgura
l-istrateġija kooperattiva u orjentata lejn l-azzjoni tal-Isħubija, u
li taċċerta li l-azzjonijiet u l-attivitajiet proposti huma xierqa
għall-azzjoni f'livell tal-UE. L-azzjonijiet implimentati: L-azzjonijiet konġunti huma attivitajiet fil-Programm dwar
is-Saħħa, li jitwettqu mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri.
Għat-tul tal-Isħubija, l-istrutturi konsultattivi tal-Azzjoni
Konġunta tal-EPAAC ippermettew skambju wiesa' ta' fehmiet u kooperazzjoni
kostruttiva bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri. Biex iżżid il-viżibbiltà u ttejjeb
il-koordinazzjoni tal-medda kollha tal-inizjattivi kontra l-kanċer
fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea waqqfet Grupp ta' Esperti
tal-Unjoni Ewropea dwar il-Kontroll tal-Kanċer[62]. Din hija reazzjoni għat-talbiet tal-Istati Membri u tal-partijiet
ikkonċernati għal koordinazzjoni mtejba fid-dawl tal-ħidma dwar
il-kanċer li dejjem tikber. Barra minn hekk, l-iskambju tal-għarfien
u l-informazzjoni jistgħu jgħinu jsolvu ftit mill-problemi li
qegħdin jiffaċċaw l-Istati Membri fil-kontroll tal-kanċer,
u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. 3. KONKLUŻJONIJIET L-azzjoni tal-UE
dwar il-kanċer ibbażata fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
saħħet il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u
l-partijiet ikkonċernati rilevanti u ġġenerat il-valur
miżjud Ewropew fl-oqsma rilevanti (PNKK, l-iskrinjar, is-sistema
tal-informazzjoni dwar il-kanċer, it-tipi rari ta' kanċer,
eċċ.) u ffurmat bażi prattika biex inkomplu nespandu
l-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni. Din il-kooperazzjoni f'oqsma
strateġiċi ipprovdiet qafas li ta kontribut sostenibbli biex inaqqas
il-piż tal-kanċer fl-UE u biex tinżamm il-mira li jkun hemm
tnaqqis ta' 15% fl-inċidenza tal-kanċer sal-2020. Skont
l-aħħar dejta disponibbli, bejn l-2000 u l-2010, l-inċidenza
tat-tipi ta' kanċer l-iżjed komuni (jiġifieri tas-sider, tal-pulmun,
tal-prostata u dak kolorettali) naqset b'madwar 10%. Biex din
il-kooperazzjoni tkompli timxi 'l quddiem, dan ir-Rapport iddeskriva xi passi
li jmiss: Ø
It-Tielet Programm tal-UE dwar
is-Saħħa joffri l-opportunitajiet biex
tiġi promossa l-azzjoni dwar il-kanċer mis-servizzi
tas-saħħa pubblika. Ø
L-Orizzont 2020,
b'mod partikolari l-għan dwar is-Saħħa, il-bidliet
fid-demografija u l-benessri, joffri l-opportunitajiet biex issir aktar
riċerka dwar il-kanċer u mard kroniku ewlieni ieħor. Ø
Il-Kummissjoni tkompli tappoġġa
l-iżvilupp ta' Pjanijiet Nazzjonali ta' kwalità dwar il-Kanċer
fl-Unjoni Ewropea. Ø
Jeħtieġ li tiġi sostnuta
d-disseminazzjoni tar-raba' edizzjoni tal-Kodiċi Ewropew Kontra
l-Kanċer bħala għodda ewlenija għall-prevenzjoni
tal-kanċer u l-promozzjoni tal-attivitajiet kontra l-kanċer fl-UE. Ø
Se jkun importanti li d-Direttiva l-ġdida
dwar il-Prodotti tat-Tabakk titħaddem bis-sħiħ billi
niżguraw l-użu sħiħ tal-poteri delegati u implimentattivi
tagħha kif ukoll billi nappoġġaw l-implimentazzjoni tagħha
mill-Istati Membri biex jitnaqqas it-tipjip madwar l-UE u hekk tonqos
l-inċidenza tal-kanċer. Ø Jeħtieġ li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn
l-oqsma tas-Saħħa Pubblika, tal-Ambjent u tas-Saħħa
Okkupazzjonali biex jiġu indirizzati l-kaġuni tal-kanċer li
jistgħu jiġu evitati minn perspettiva usa'. Ø Il-Kummissjoni
qiegħda tappoġġa l-edizzjoni l-ġdida tal-European
Guidelines for Breast Cancer Screening and Diagnosis (Linji Gwida
Ewropej tal-Iskrinjar u d-Dijanjożi tal-Kanċer tas-Sider), li hija pjattaforma
Ewropea għal-linji gwida ta' kwalità dwar il-kanċer tas-sider
bbażati fuq l-evidenza, li jkopru stadji u aspetti oħra tal-kura,
u Skema volontarja tal-Assigurazzjoni ta' Kwalità Ewropea għas-Servizzi
marbutin mal-Kanċer tas-Sider. Ø
Billi nediet l-Azzjoni Konġunta CANCON (Gwida Ewropea dwar
Titjib fil-Kwalità tal-Kontroll Komprensiv tal-Kanċer),
ir-riżultat tanġibbli ewlieni huwa l-Gwida Ewropea
għat-Titjib fil-Kwalità tal-Kontroll Komprensiv tal-Kanċer. Ø
Il-partijiet ikkonċernati għandhom
jikkunsidraw jużawx id-Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet
tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali biex
joħolqu Netwerks ta' Referenza Ewropej anki dwar it-tumuri rari.
Il-Kummissjoni biħsiebha torganizza sejħiet għan-Netwerks
fl-2014 u fl-2015. Ø
Jidher ċar li l-qagħda fil-qasam
tal-iskrinjar għall-kanċer tjiebet f'dawn l-aħħar snin u
speċjalment mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Madankollu
s-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea huma tal-fehma li l-ħidma fil-qasam
tal-implimentazzjoni u tal-aġġornament tal-programmi ta' skrinjar u
ta' netwerking bejn iċ-ċentri u l-esperti għadha għan
ewlieni tas-saħħa pubblika, fil-livelli tal-UE, nazzjonali u
reġjonali, għas-snin li ġejjin. Ø
Barra minn hekk, biex jiġi appoġġat
trattament ugwali għall-pazjenti li jkunu qed isofru minn tumuri rari,
ikun hemm valur miżjud jekk titqies Azzjoni speċifika dwar it-Tipi
ta' Kanċer Rari. Ø
Ikun importanti li tiġi żviluppata s-sistema
Ewropea għall-informazzjoni dwar il-kanċer (ECIS) biex tipprovdi
l-għarfien meħtieġ biex jittejbu l-attivitajiet tal-kontroll
tal-kanċer. Ø
Il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa
strateġija kkoordinata madwar l-UE għall-attivitajiet ta' riċerka
dwar il-kanċer. Ø
Jeħtieġ li s-Saħħa
elettronika tintuża aktar u dan sabiex ikun hemm immaniġġar
effiċjenti tal-mard u biex jissaħħu prattiki effettivi ta'
prevenzjoni. Se jitqiesu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Istati Membri u
tal-partijiet ikkonċernati fil-qafas tal-Grupp ta' Esperti
tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kontroll tal-Kanċer. Kif inhu mistqarr fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea għad
għandha fil-mira tagħha li tnaqqas il-piż tal-kanċer fl-UE,
u għadha tal-fehma li l-mira ta' tnaqqis ta' 15% fl-inċidenza
tal-kanċer sal-2020 (510 000 każ ġdid) huwa riżultat
li jista' jinkiseb. [1] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2003:327:0034:0038:EN:PDF [2]
http://ec.europa.eu/health/ph_information/dissemination/diseases/docs/com_2009_291.mt.pdf [3]
http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2003:327:0034:0038:EN:PDF [4] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2008:0882:FIN:EN:PDF [5]
http://ec.europa.eu/health/ph_information/dissemination/diseases/docs/com_2009_291.en.pdf [6] Cancer incidence and mortality patterns in Europe:
Estimates for 40 countries in 2012, European Journal on Cancer, February 2013. [7] http://press.thelancet.com/EUROCARE1.pdf [8] Economic burden of cancer across the European Union: a
population-based cost analysis. The Lancet Oncology, Volum 14, Ħarġa 12, Pagni 1165 - 1174, Novembru 2013 [9]
http://www.epaac.eu/from_heidi_wiki/Final_Report_on_National_Cancer_Control_Programmes.pdf [10]http://www.epaac.eu/images/END/Final_Deliverables/WP_10_Annex_17_European_Guide_on_Quality_National_Cancer_Control_Programmes.pdf [11]
http://www.epaac.eu/from_heidi_wiki/Final_Report_on_National_Cancer_Control_Programmes.pdf [12] http://www.who.int/cancer/prevention/en/ [13] Dan l-għan
jingħaqad mal-għanijiet politiċi tal-UE ddefiniti
fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2013 dwar
il-promozzjoni transettorjali ta' attività fiżika favur
is-saħħa, ĠU C 354, 4.12.2013, pp. 1-5. [14] http://www.cancercode.eu/ [15]
http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/policy/strategy_en.htm [16]
http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/com/2006/com2006_0625en01.pdf [17]
http://ec.europa.eu/health/tobacco/introduction/index_mt.htm [18]
http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=10965&langId=en [19] http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52014DC0332
[20]
http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32004L0037:mt:NOT [21]
http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/ALL/?uri=OJ:L:2008:353:TOC [22]
http://www.europeancancerleagues.org/ewac/european-week-against-cancer-2013.html [23]
http://www.euro.who.int/en/health-topics/noncommunicable-diseases/cancer/policy/screening-and-early-detection [24] Il-mewġa 2
tal-EHIS qed issir fl-Istati Membri kollha tal-UE bejn l-2013 u l-2015 skont
ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 141/2013:
http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:047:0020:0048:MT:PDF. [25]
http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=hlth_ehis_hc2&lang=en http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=hlth_ehis_hc3&lang=mt http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=hlth_ehis_hc4&lang=en [26]
http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php/Breast_cancer_screening_statistics [27]
http://ec.europa.eu/health/archive/ph_projects/2002/cancer/fp_cancer_2002_ext_guid_01.pdf [28]http://bookshop.europa.eu/is-bin/INTERSHOP.enfinity/WFS/EU-Bookshop-Site/mt_MT/-/EUR/ViewPublication-Start?PublicationKey=ND7007117 [29]
http://bookshop.europa.eu/is-bin/INTERSHOP.enfinity/WFS/EU-Bookshop-Site/mt_MT/-/EUR/ViewPublication-Start?PublicationKey=ND3210390 [30]
http://bookshop.europa.eu/en/european-guidelines-for-quality-assurance-in-breast-cancer-screening-and-diagnosis-pbND0213386/ [31]
http://www.epaac.eu/from_heidi_wiki/ESSM_firstannouncement0619.pdf [32] http://www.aurora-project.eu/mt/web/cervical-cancer-screening-608 [33]
http://bookshop.europa.eu/en/report-of-a-european-survey-on-the-organisation-of-breast-cancer-care-services-pbLBNA26593 [34]
http://www.eu2008.si/en/News_and_Documents/Council_Conclusions/June/0609_EPSCO-cancer.pdf [35] http://eur-lex.europa.eu/Notice.do?val=477184:cs&lang=en&list=511806:cs,480690:cs,477184:cs,&pos=3&page=1&nbl=3&pgs=10&hwords= [36] http://www.oecd.org/health/cancer-care.htm [37]
http://www.ejcancer.com/article/S0959-8049(13)01007-1/abstract [38] https://ec.europa.eu/jrc/en/news/making-diet-count-cancer-prevention [39] http://www.epaac.eu/healthcare [40]
http://ec.europa.eu/energy/nuclear/radiation_protection/medical/doc/2012_council_radioisotopes.pdf [41]
http://ec.europa.eu/health/ph_threats/non_com/docs/rare_com_mt.pdf [42] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2009:151:0007:0010:EN:PDF
(mhux disponibbli bil-Malti) [43]
http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:088:0045:0065:mt:PDF [44] http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=OJ:JOL_2014_147_R_0006 [45]
http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=OJ:JOL_2014_147_R_0007 [46] http://www.rarecarenet.eu/rarecarenet/ [47] http://www.rarecare.eu/aims/aims.asp [48] http://www.rarecancerseurope.org/ [49] http://www.transcanfp7.eu/transcan/index.php [50] http://www.eurocourse.org/ [51] http://www.encr.eu/ [52] http://www.eurocare.it/ [53]
http://unstats.un.org/unsd/methods/m49/m49regin.htm#europe [54] Il-ġbir tad-dejta
dwar il-kaġuni tal-imwiet mill-Eurostat issa qed isir skont ir-Regolament
tal-Kummissjoni (UE) Nru 328/2011:
http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:090:0022:0024:MT:PDF. [55] http://eco.iarc.fr/Default.aspx [56] http://www.tumori.net/eurochip/ [57]
http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/health/introduction [58] http://www.oecd.org/health/health-systems/oecdhealthdata.htm [59]
http://www.epaac.eu/cancer-data-and-information [60]
http://www.lshtm.ac.uk/eph/ncde/cancersurvival/research/concord/concord_2.html [61] http://www.patientregistries.eu/ [62] http:// Id-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni 2014 C/167 05, tat-3 ta' Ġunju 2014.
ec.europa.eu/health/major_chronic_diseases/docs/com2014_c167_05_mt.pdf