52014DC0564

ABBOZZ TA' BAĠIT EMENDATORJU Nru 5 GĦALL-BAĠIT ĠENERALI TAL-2014 DIKJARAZZJONI ĠENERALI TAD-DĦUL DIKJARAZZJONI TAN-NEFQA TAQSIMA B'TAQSIMA Taqsima III – Il-Kummissjoni /* COM/2014/0564 final */


ABBOZZ TA' BAĠIT EMENDATORJU Nru 5 GĦALL-BAĠIT ĠENERALI TAL-2014

DIKJARAZZJONI ĠENERALI TAD-DĦUL DIKJARAZZJONI TAN-NEFQA TAQSIMA B'TAQSIMA Taqsima III – Il-Kummissjoni

Wara li ġie kkunsidrat:

– it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 314 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

– ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

– ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

– il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, adottat fl-20 ta' Novembru 2013[3],

– il-baġit emendatorju Nru 1/2014[4] adottat fis-16 ta' April 2014,

– l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2014[5], adottat fil-15 ta' April 2014

– l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2014[6], adottat fit-28 ta' Mejju 2014,

– l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2014[7], adottat fid-9 ta' Lulju 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea hawnhekk tippreżenta lill-awtorità baġitarja l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5 tal-baġit tal-2014.

BIDLIET FID-DIKJARAZZJONI TAD-DĦUL U N-NEFQA SKONT IT-TAQSIMA

Il-bidliet għad-dikjarazzjoni tad-dħul u n-nefqa skont it-taqsima huma disponibbli fil-EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/budget/www/index-mt.htm). Il-verżjoni bl-Ingliż tal-bidliet f'din id-dikjarazzjoni hija mehmuża għall-informazzjoni bħala anness baġitarju.

WERREJ

1.       Introduzzjoni. 3

2.       Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE.. 3

2.1     L-Italja - Għargħar f'Sardinja.. 3

2.2     Il-Greċja - Terremoti f'Kefalonja.. 4

2.3     Is-Slovenja - Tempesta tas-silġ.. 6

2.4     Il-Kroazja - Silġ u għargħar.. 7

3.       Finanzjament.. 8

4.       Tabella fil-qosor skont l-intestatura tal-QFP.. 10

1.           Introduzzjoni

L-Abbozz ta' Baġit Emendatorju (ABE) Nru 5 għas-sena 2014 ikopri l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE għall-ammont ta' EUR 46 998 528 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament. Il-mobilizzazzjoni hija marbuta ma' għargħar fl-Italja (Sardinja) matul Novembru 2013, terremot fil-Greċja (Kefalonja), maltempati tas-silġ fis-Slovenja, u l-istess maltempati tas-silġ, segwiti minn għargħar fil-Kroazja, fi tmiem Jannar/bidu ta' Frar 2014.

2.           Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE

Tipi differenti ta' diżastri naturali (għargħar, terremoti u maltempati tas-silġ) ikkawżaw danni konsiderevoli lill-Istati Membri tal-UE applikanti, li kienu l-Italja, il-Greċja, is-Slovenja u l-Kroazja. Filwaqt li l-Italja u l-Greċja kienu milquta minn tipi differenti, mhux relatati, ta' diżastri, waħda mill-agħar tempesti tal-borra tax-xitwa fl-Ewropa laqtet diversi pajjiżi, b'effetti ta' ħsara partikolarment għas-Slovenja u l-Kroazja.

Filwaqt li fit-28 ta' Ġunju 2014, ir-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea daħal fis-seħħ[8], regoli sostantivi ma jistgħux jiġu applikati retroattivament. Is-servizzi tal-Kummissjoni għalhekk wettqu investigazzjonijiet bir-reqqa tal-applikazzjonijiet skont id-dispożizzjonijiet oriġinali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari skont l-Artikoli 2, 3 u 4 tiegħu.

L-iktar elementi importanti tal-valutazzjonijiet jinsabu fil-qosor hawn taħt.

2.1         L-Italja - Għargħar f'Sardinja

(1) Sardinja kienet milquta minn xita qawwija fit-18 u d-19 ta' Novembru 2013 li ġiegħlet ħafna xmajjar ifuru u kkawżat għargħar mifruxa.

(2) L-applikazzjoni mill-Italja waslet fl-24 ta' Jannar tal-2014, li kien fil-limitu preskritt ta' 10 ġimgħat wara li kienu rreġistrati l-ewwel ħsarat fit-18 ta' Novembru 2013.

(3) L-għargħar huwa ta' oriġini naturali u għalhekk jaqa' taħt il-qasam ewlieni ta' applikazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà.

(4) L-awtoritajiet Taljani stmaw id-dannu dirett totali għal EUR 652 418 691 li huwa taħt il-limitu ta' diżastru maġġuri ta' EUR 3,8 biljun applikabbli għall-Italja fl-2014 (jiġifieri EUR 3 biljun fil-prezzijiet tal-2002) id-diżastru ma jikkwalifikax bħala "diżastru naturali maġġuri" skont ir-Regolament EUSF.

(5) L-Italja pprovdiet analiżi dettaljata tal-ħsara fejn l-ikbar ishma jirrigwardaw id-dannu fil-qasam tat-toroq u l-infrastruttura tat-trasport ta' EUR 156,5 miljun, il-ħsara fil-qasam tan-netwerks idrawliċi u tal-ilma ta' EUR 224,6 miljun u lill-bini pubbliku ta' EUR 40,6 miljun. L-ammont totali għad-danni privati jammonta għal EUR 38,3 miljun.

(6) Billi d-dannu dirett totali jibqa' taħt il-limitu minimu għal diżastru maġġuri għall-attivazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà, l-applikazzjoni kienet eżaminata fuq il-bażi tal-kriterji tad-"diżastri reġjonali straordinarji" kif stabbilit fl-Artikolu 2(2), is-subparagrafu finali, tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 li jistipula l-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà "f'ċirkostanzi eċċezzjonali". Skont dawn il-kriterji, reġjun jista' jibbenefika eċċezzjonalment ukoll minn għajnuna mill-Fond fejn dan jintlaqat minn diżastru straordinarju, prinċipalment wieħed naturali, li jolqot lill-parti l-kbira tal-popolazzjoni tiegħu, u li jħalli riperkussjonijiet serji u fit-tul fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien u fuq l-istabbiltà ekonomika tar-reġjun. Ir-Regolament jitlob konċentrazzjoni speċjali fuq ir-reġjuni remoti u iżolati, bħal reġjuni insulari u l-aktar imbiegħda kif definiti fl-Artikolu 349 tat-Trattat. Sardinja ma taqax f'din il-kategorija. Ir-Regolament jitlob "rigorożità mill-akbar" fil-valutazzjoni ta' applikazzjonijiet ippreżentati skont id-dispożizzjonijiet għal "diżastri reġjonali straordinarju".

(7) Kif stipulat fir-Rapport Annwali dwar il-Fond ta' Solidarjetà (2002-2003)[9] il-Kummissjoni tikkunsidra li sabiex il-kriterji speċifiċi għad-diżastri reġjonali jkollhom tifsira fil-kuntest nazzjonali, għandha ssir distinzjoni bejn avvenimenti serji reġjonali u dawk li jkunu biss lokali. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, dawk tal-aħħar jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li dawk tal-ewwel jistgħu jiġu kkunsidrati għal għajnuna mill-Fond ta' Solidarjetà.

(8) Waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 għall-mobilizzazzjoni eċċezzjonali tal-Fond ta' Solidarjetà hi li tkun intlaqtet il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni fir-reġjun li għalih ikun hemm l-applikazzjoni. L-applikazzjoni Taljana tiddikjara li minn popolazzjoni totali ta' 1,288 miljun abitant li jgħixu fit-310 muniċipalità affettwata, 1,031 miljun ruħ ġew milquta direttament minn dan id-diżastru. Għalhekk wieħed jista' jikkonkludi li l-parti l-kbira tal-popolazzjoni ntlaqtet direttament mid-diżastru.

(9) Fir-rigward tar-rekwiżit li tingħata prova ta' riperkussjonijiet serji u dejjiema fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-istabbiltà ekonomika tar-reġjun, l-applikazzjoni tiddeskrivi li l-biċċa l-kbira tat-territorju ta' Sardinja (ħlief għal parti żgħira lejn il-lvant tal-gżira) ntlaqtet mid-diżastru. Hija tenfasizza l-qerda u l-interruzzjoni ta' infrastrutturi importanti (bħal fl-oqsma tat-trasport, tal-ilma u tal-elettriku), l-impatt tal-għargħar fuq l-ambjent naturali, l-effetti fuq in-negozji u t-turiżmu u fuq id-djar residenzjali. Barra minn hekk, huwa mistenni tnaqqis fl-esportazzjonijiet mill-minjieri u l-barrieri u ta' prodotti agrikoli. Kienet irrappurtata ħsara sinifikanti lid-diegi fil-Provinċja ta' Nuoro. L-interruzzjoni u l-qerda tan-netwerk tat-toroq u tat-trasport joħolqu ħafna problemi għall-popolazzjoni, partikolarment għal dawk li jivvjaġġaw biex jaħdmu. L-Italja tistma li t-tiswija tat-toroq tan-netwerk tal-provvista se ddum sa sentejn jew aktar. Ġiet irrappurtata ħsara lil negozji privati (spiss immexxija mill-familja), kif ukoll ħsara għas-settur agrikolu li għandu rwol importanti f'Sardinja.

(10) L-ispiża għal operazzjonijiet ta' emerġenza essenzjali eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-EUSF ġiet stmata mill-awtoritajiet Taljani li tammonta għal EUR 20,9 miljun u ġiet ippreżentata skont it-tipi differenti ta' operazzjonijiet. L-ogħla spejjeż huma stmati għal infrastrutturi preventivi u protezzjoni immedjata tal-wirt kulturali.

(11) Ir-reġjun milqut huwa eliġibbli bħala "reġjun ta' tranżizzjoni" taħt il-Fondi Strutturali u tal-Investiment (ESI) (2014-2020). L-awtoritajiet Taljani ma indikawx lill-Kummissjoni l-intenzjoni tagħhom li jirriallokaw fondi mill-programmi tal-Fondi tal-ESI għal Sardinja għal miżuri ta' rkupru.

(12) L-awtoritajiet Taljani indikaw li l-ispiża eliġibbli mhija koperta minn ebda assikurazzjoni.

2.2         Il-Greċja - Terremoti f'Kefalonja

(1) Kefalonja kienet milquta minn terremot qawwi b'kobor ta' 5,8 fuq l-iskala Richter, segwit minn bosta theżżiżiet sekondarji serji, fil-grigal tal-gżira, bejn is-26 ta' Jannar 2014 u t-3 ta' Frar 2014, fejn 3 000 persuna sfaw bla dar u kien hemm bosta vittmi. Numru sinifikanti ta' djar ġarrbu ħsarat kbar filwaqt li n-nies kellhom jiġu akkomodati għal diversi ljieli f'tined jew f'vapuri tal-armata.

(2) L-applikazzjoni mill-Greċja waslet fit-28 ta' Marzu tal-2014, li kien fil-limitu preskritt ta' 10 ġimgħat wara li kienu rreġistrati l-ewwel ħsarat fis-26 ta' Jannar 2013.

(3) It-terremot huwa ta' oriġini naturali u għalhekk jaqa' taħt il-qasam ewlieni ta' applikazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà.

(4) L-awtoritajiet Griegi stmaw id-dannu dirett totali għal EUR 147 332 790 li huwa taħt il-limitu ta' diżastru maġġuri ta' EUR 1,2 biljun applikabbli għall-Greċja fl-2014 (jiġifieri 0,6% tal-ING abbażi tad-dejta tal-2012) id-diżastru ma jikkwalifikax bħala "diżastru naturali maġġuri" skont ir-Regolament EUSF.

(5) Billi d-dannu dirett totali jibqa' taħt il-limitu minimu għal diżastru maġġuri għall-attivazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà, l-applikazzjoni kienet eżaminata fuq il-bażi tal-kriterji tad-"diżastri reġjonali straordinarji" kif stabbilit fl-Artikolu 2(2), is-subparagrafu finali, tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 li jistipula l-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà "f'ċirkostanzi eċċezzjonali". Skont dawn il-kriterji, reġjun jista' jibbenefika eċċezzjonalment ukoll minn għajnuna mill-Fond fejn dan jintlaqat minn diżastru straordinarju, prinċipalment wieħed naturali, li jolqot lill-parti l-kbira tal-popolazzjoni tiegħu, u li jħalli riperkussjonijiet serji u fit-tul fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien u fuq l-istabbiltà ekonomika tar-reġjun. Ir-Regolament jitlob konċentrazzjoni speċjali fuq ir-reġjuni remoti u iżolati, bħal reġjuni insulari u l-aktar imbiegħda kif definiti fl-Artikolu 349 tat-Trattat. Iż-żona affettwata fil-Greċja ma taqax f'din il-kategorija. Ir-Regolament jitlob "rigorożità mill-akbar" fil-valutazzjoni ta' applikazzjonijiet ippreżentati skont id-dispożizzjonijiet għal "diżastri reġjonali straordinarju".

(6) Kif stipulat fir-Rapport Annwali dwar il-Fond ta' Solidarjetà (2002-2003) il-Kummissjoni tikkunsidra li sabiex il-kriterji speċifiċi għad-diżastri reġjonali jkollhom tifsira fil-kuntest nazzjonali, għandha ssir distinzjoni bejn avvenimenti serji reġjonali u dawk li jkunu biss lokali. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, dawk tal-aħħar jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li dawk tal-ewwel jistgħu jiġu kkunsidrati għal għajnuna mill-Fond ta' Solidarjetà.

(7) Waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 għall-mobilizzazzjoni eċċezzjonali tal-Fond ta' Solidarjetà hi li tkun intlaqtet il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni fir-reġjun li għalih ikun hemm l-applikazzjoni. L-applikazzjoni Griega tiddikjara li t-totalità tal-popolazzjoni tal-Gżejjer Jonji, madwar 208 000 abitant, kienu affettwati mit-terremoti bl-effetti l-iktar serji jinħassu fuq il-Gżejjer ta' Kefalonja u Ithaki li għalihom ġie ddikjarat stat ta' emerġenza. Il-partijiet l-oħrajn tal-Gżejjer Jonji kienu milquta anqas. Wara l-ewwel xokk, eluf ta' nies kellhom iqattgħu l-iljieli f'tined tal-armata jew kellhom jiġu akkomodati fuq bastimenti. L-elettriku nqata'. Seħħew terremoti maġġuri oħra fit-3 ta' Frar u fl-4 ta' Frar, li ħallew 3 000 persuna bla dar. L-attività tat-terremot baqgħet għaddejja f'Marzu. Għadd kbir ta' abitanti tal-gżejjer ma setgħux jirritornaw lejn djarhom għal perjodu twil ta' żmien minħabba r-repliki li komplew iseħħu. Barra minn hekk, il-bini pubbliku sofra dannu sinifikanti. L-iskejjel u l-kindergartens baqgħu magħluqa sa nofs Frar. It-toroq ma setgħux jintużaw minħabba blat li kien qed jaqa' u minħabba uqigħ tal-art. L-evidenza plawżibbli pprovduta tippermetti li wieħed jikkonkludi li l-parti l-kbira tal-popolazzjoni tar-reġjun intlaqtet direttament.

(8) Fir-rigward tar-rekwiżit li tingħata prova ta' riperkussjonijiet serji u dejjiema fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-istabbiltà ekonomika tar-reġjun, l-applikazzjoni tippreżenta l-konsegwenzi tad-diżastru għar-reġjun kollu ta' Gżejjer Jonji, fejn l-impatt l-aktar serju huwa kkonċentrat fuq Kefalonja u Ithaki fejn djar, bini pubbliku, infrastrutturi u netwerks, u faċilitajiet tal-ajruporti, tal-portijiet kif ukoll iċ-ċentri tal-kura tas-saħħa, edukattivi u kulturali sofrew ħsara estensiva. L-applikazzjoni tiddeskrivi l-effetti serji fuq il-popolazzjoni, tipprovdi dettalji dwar il-konsegwenzi ekonomiċi, partikolarment fir-rigward tas-settur tat-turiżmu u s-settur tal-biedja/sajd, li komplew idgħajfu l-ekonomija diġà mdgħajfa tal-gżira. Madankollu, il-konsegwenzi ekonomiċi jmorru lil hinn u għandhom impatt serju fuq ir-reġjun kollu. B'mod partikolari t-turiżmu, l-iktar wieħed importanti mis-setturi ekonomiċi qed ibati mid-dannu fiżiku għall-infrastrutturi u siti kulturali u minn kanċellazzjonijiet. Minħabba n-nuqqas li tiġi operata konnessjoni tal-komunikazzjoni stradali u bil-baħar sodisfaċenti u t-taqlib fil-ħajja ekonomika tan-nies lokali, bosta intrapriżi ma għadhomx joperaw. Barra minn hekk, il-Greċja tirrapporta li bħala konsegwenza tal-ewwel terremot maġġuri f'Kefalonja 100 dar se jkollhom jitwaqqgħu, madwar 1 100 dar ġarrbu ħsara sinifikanti u 1 400 dar ġarrbu ħsara anqas kbira u temporanjament mhumiex tajbin għall-abitazzjoni. Problemi fil-provvista tal-ilma u netwerks tad-drenaġġ qed ikomplu jħażżnu l-kundizzjonijiet tal-għajxien.

(9) L-awtoritajiet Griegi stmaw li l-kost għal ħidmiet ta' emerġenza essenzjali eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 jammonta għal EUR 76,8 miljun u dan ġie mqassam skont it-tipi differenti ta' ħidmiet. L-akbar sehem jikkonċerna r-restawr immedjat tan-netwerk tat-toroq li jammonta għal EUR 50 miljun.

(10) Ir-reġjun milqut huwa eliġibbli bħala "reġjun ta' tranżizzjoni" skont il-Fondi Strutturali u tal-Investiment (ESI) (2014-2020). L-awtoritajiet Griegi ma indikawx lill-Kummissjoni l-ħsieb tagħhom li jirriallokaw fondi mill-programmi tal-Fondi tal-ESI għall-Gżejjer Jonji għal miżuri ta' rkupru.

(11) L-awtoritajiet Griegi indikaw li l-kost eliġibbli ma huwa kopert minn ebda assikurazzjoni.

2.3         Is-Slovenja - Tempesta tas-silġ

(1) Is-Slovenja ntlaqtet minn uħud mill-agħar tempesti tal-borra tax-xitwa għal għexieren ta' snin li laqtu partijiet mill-Ewropa, u affettwaw diversi pajjiżi inkluż il-Kroazja, is-Serbja, ir-Rumanija u l-Bulgarija. Is-Slovenja ntlaqtet l-aktar bejn it-30 ta' Jannar u s-27 ta' Frar 2014, bi kważi nofs il-foresti tal-pajjiż issirilhom ħsara bis-silġ, filwaqt li waħda minn kull erbat idjar tħallew mingħajr elettriku, hekk kif borra qawwija kissret l-arbli u l-wajers tal-elettriku.

(2) L-applikazzjoni mis-Slovenja waslet fl-4 ta' April 2014, li kienet fil-limitu preskritt ta' 10 ġimgħat wara li kienu rreġistrati l-ewwel ħsarat fit-30 ta' Jannar 2014.

(3) It-tempesta tas-silġ hija ta' oriġini naturali u għalhekk taqa' taħt il-qasam ewlieni tal-applikazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà.

(4) L-awtoritajiet Sloveni stmaw li l-ħsara diretta totali tammonta għal EUR 428 733 722. Dan l-ammont jirrappreżenta 1,23 % tal-ING tas-Slovenja u jaqbeż il-limitu minimu biex jiġi mmobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà ta' EUR 209,6 miljun applikabbli għas-Slovenja (jiġifieri 0,6 % tal-ING abbażi tad-dejta tal-2012). Peress li l-ħsara diretta totali stmata taqbeż il-limitu, id-diżastru jikkwalifika bħala "diżastru naturali maġġuri". Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont ta' għajnuna finanzjarja. L-għajnuna finanzjarja tista' tintuża biss għal ħidmiet ta' emerġenza essenzjali kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament.

(5) Fir-rigward tal-impatt u l-konsegwenzi tad-diżastru, l-awtoritajiet Sloveni rrapurtaw ħsara kbira fil-foresti, il-faċilitajiet tal-enerġija elettrika, bini pubbliku u privat, negozji u n-netwerk tat-trasport u tat-toroq. 160 minn 212 muniċipalità fi 12-il reġjun Sloven ġew milquta. 62 siti ta' wirt kulturali saritilhom ħsara bis-silġ, bil-borra jew bl-għargħar. Minħabba l-kundizzjonijiet ħorox u l-ħsara għal-linji tal-elettriku, 120 000 familja ġew affettwati mill-provvista skonnettjata tal-elettriku, li kienet tirrappreżenta 15 % tal-popolazzjoni tas-Slovenja. Permezz tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE u wkoll bilateralment, 172 sett ta' ġeneraturi elettriċi, li minnhom 83 kienu ta' kapaċità għolja, kienu pprovduti lis-Slovenja minn 11-il pajjiż. B'kollox, 1 400 sett ta' ġeneraturi elettriċi u ġeneraturi ġew installati fiż-żoni affettwati madwar is-Slovenja bil-għan li jipprovdu l-enerġija elettrika għall-ħtiġijiet urġenti tal-abitanti affettwati u għall-funzjonament ta' siti għall-ippumpjar tal-ilma tax-xorb. Fl-aqwa tal-avvenimenti, 40 % tal-iskejjel primarji, l-istituzzjonijiet sekondarji u l-kindergartens ġew magħluqa. Barra minn hekk, il-ħsara għas-settur tal-foresti hija sinifikanti. Is-Slovenja tikkalkula li aktar minn 50 % tal-foresti kollha saritilhom ħsara (li jammonta għal EUR 214 miljun). Il-miżuri tat-tindif u r-restawr huma mistennija li jdumu għal perjodu estiż ta' żmien. L-applikazzjoni wriet li t-tempesta bis-silġ ikkawżat ħsara sinifikanti.

(6) L-awtoritajiet Sloveni stmaw li l-ispiża għal ħidmiet ta' emerġenza essenzjali eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tammonta għal EUR 266,0 miljun u din ġiet imqassma skont it-tipi differenti ta' ħidmiet. L-akbar sehem tal-ispiża tal-operazzjonijiet ta' emerġenza (aktar minn EUR 80 miljun) jikkonċerna l-operazzjonijiet ta' rkupru fil-qasam tal-infrastruttura u l-enerġija.

(7) Ir-reġjuni milquta jaqgħu parzjalment taħt il-kategorija ta' "reġjuni anqas żviluppati" u parzjalment taħt "reġjuni aktar żviluppati" tal-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej (ESI) (2014-2020). L-awtoritajiet Sloveni ma indikawx lill-Kummissjoni l-ħsieb tagħhom li jirriallokaw fondi mill-programmi tal-Fondi tal-ESI għas-Slovenja għal miżuri ta' rkupru.

(8) L-awtoritajiet Sloveni indikaw li l-kost eliġibbli mhuwa kopert minn ebda assikurazzjoni.

2.4         Il-Kroazja - Silġ u għargħar

(1) Il-Kroazja ntlaqtet mill-istess fenomenu tat-temp li wassal lis-Slovenja biex tapplika għall-Fond ta' Solidarjetà tal-UE. B'mod partikolari, ir-reġjuni tal-majjistral u parti mill-Adrijatiku tat-tramuntana ġew affettwati. Barra minn hekk, mit-12 ta' Frar, it-tidwib tas-silġ u l-borra rriżulta f'għargħar li kkaġuna ħsara addizzjonali għal infrastrutturi bażiċi pubbliċi importanti u proprjetà privata u pubblika.

(2) L-applikazzjoni mill-Kroazja waslet fid-9 ta' April 2014, li kien fil-limitu preskritt ta' 10 ġimgħat wara li kienu rreġistrati l-ewwel ħsarat fil-31 ta' Jannar 2014.

(3) It-tempesta tas-silġ u l-għargħar huma ta' oriġini naturali u għalhekk jaqgħu fil-qasam ewlieni ta' applikazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà.

(4) L-awtoritajiet Kroati stmaw li l-ħsara diretta totali tammonta għal EUR 291 904 630. Dan l-ammont jirrappreżenta 0,69 % tal-ING tal-Kroazja u jaqbeż il-limitu minimu biex jiġi mmobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà ta' EUR 254,2 miljun applikabbli għall-Kroazja fl-2014 (jiġifieri 0,6 % tal-ING fuq il-bażi tad-dejta tal-2012). Peress li l-ħsara diretta totali stmata taqbeż il-limitu, id-diżastru jikkwalifika bħala "diżastru naturali maġġuri". Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont ta' għajnuna finanzjarja. L-għajnuna finanzjarja tista' tintuża biss għal ħidmiet ta' emerġenza essenzjali kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament.

(5) Fir-rigward tal-impatt u l-konsegwenzi tad-diżastru, l-awtoritajiet Kroati jirrappurtaw li ħames żoni kienu affettwati: Primorje-Gorski Kotar, Karlovac, Sisak-Moslavina, Varaždin u Zagreb. Minħabba l-piż kbir tas-silġ fuq is-siġar u l-infrastruttura, waqgħu s-siġar u xxaqqu z-zkuk, filwaqt li l-wajers tal-elettriku (koperti sa 10 cm bis-silġ) inqatgħu, u dan ibblokka t-toroq u aggrava s-sitwazzjoni billi ħalla ħafna lokalitajiet mingħajr elettriku. Bħala konsegwenza tal-qtugħ tal-elettriku il-provvista pubblika tal-ilma ġiet interrotta matul il-perjodu kollu tat-tempesta bis-silġ u dan affettwa bil-kbir il-ħajja ta' kuljum tal-popolazzjoni kif ukoll il-funzjonament tal-istituzzjonijiet pubbliċi u n-negozji. Is-siġar li waqgħu bblukkaw it-toroq, u b'hekk il-popolazzjoni affettwata ma setgħetx tmur ix-xogħol u xi wħud sfaw iżolati. Sabiex jgħinu lill-popolazzjoni tax-xjuħ u ż-żoni li sfaw iżolati, iddaħħlu l-Forzi Speċjali. Is-siġar imwaqqa' wkoll irriżultaw f'waqfa ta' ħamest ijiem fit-traffiku tal-ferroviji fuq il-linja M202 Zagreb-Rijeka. Is-sitwazzjoni kienet simili għan-netwerk pubbliku tat-toroq. Il-Kroazja rrappurtat li n-netwerk kollu ta' 35 kV (93 km) ġie affettwat; total ta' 503 km ta' linji tal-elettriku u 98 torri tal-elettriku ġarrbu ħsara. Il-maltempata tas-silġ affettwat żona ta' aktar minn 56 000 ettaru ta' foresti li minnhom inqerdu kważi 10 000 ettaru. Fil-qosor, 1 180 dar u 1 390 bini tal-farms ġew mgħarrqa u total ta' 3 720 ruħ intlaqtu mill-għargħar. Il-UNHCR għen lis-Salib l-Aħmar Kroat biex itaffi t-tbatija tal-vittmi tal-għargħar rekord fil-belt ta' Sisak. Barra minn hekk il-Kroazja rrappurtat diversi uqigħ tal-art li kkawżaw ħsara għall-infrastruttura tat-trasport.

(6) L-awtoritajiet Kroati stmaw li l-ispiża għal ħidmiet ta' emerġenza essenzjali eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tammonta għal EUR 135,2 miljun u din ġiet imqassma skont it-tipi differenti ta' operazzjoni. L-akbar sehem tal-ispiża tal-operazzjonijiet ta' emerġenza (aktar minn EUR 105,4 miljun) jikkonċerna l-operazzjonijiet ta' tindif ta' żoni milquta mid-diżastru u żoni naturali.

(7) Ir-reġjuni milquta jaqgħu fil-kategorija ta' "reġjuni inqas żviluppati" taħt il-Fondi Strutturali (2014-2020). L-awtoritajiet Kroati ma indikawx lill-Kummissjoni l-ħsieb tagħhom li jirriallokaw fondi mill-programmi tal-Fondi tal-ESI għall-Kroazja għal miżuri ta' rkupru.

(8) L-awtoritajiet Kroati indikaw li l-ispiża eliġibbli ma hija koperta minn ebda assikurazzjoni.

3.           Finanzjament

Minħabba li s-solidarjetà kienet il-ġustifikazzjoni ċentrali għall-ħolqien tal-Fond, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna mill-Fond għandha tkun progressiva. Dan ifisser li, skont prattika preċedenti, il-parti tal-ħsarat li taqbeż il-limitu (jiġifieri 0,6 % tal-ING jew EUR 3 biljun bil-prezzijiet tal-2002, skont liema minnhom ikun l-iżgħar ammont) għandha twassal għal intensità ta' għajnuna akbar minn ħsarat li jaslu sal-limitu minimu. Ir-rata applikata fl-imgħoddi biex jiġu definiti l-allokazzjonijiet għal diżastri maġġuri hija ta' 2,5 % tal-ħsara diretta totali taħt il-limitu massimu u 6 % għall-parti 'l fuq minn dan. Il-metodoloġija biex tiġi kkalkulata l-għajnuna tal-Fond ta' Solidarjetà kienet imfassla fir-Rapport Annwali tal-2002-2003 dwar il-Fond ta' Solidarjetà u aċċettata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

Qiegħed jiġi propost li jkunu applikati l-istess persentaġġi u li jingħataw l-ammonti ta' għajnuna li ġejjin:

Diżastru || Ħsarat diretti (f'EUR) || Limitu (miljun EUR) || Ammont ibbażat fuq 2,5 % (f'EUR) || Ammont ibbażat fuq 6 % (f'EUR) || Ammont totali tal- għajnuna proposta (f'EUR) ||

Għargħar fl-Italja || 652 418 691 || 3 752,330 || 16 310 467 || ~ || 16 310 467 ||

Terremot fil-Greċja || 147 332 790 || 1 168,231 || 3 683 320 || ~ || 3 683 320 ||

Tempesta tas-silġ fis-Slovenja || 428 733 722 || 209,587 || 5 239 675 || 13 148 803 || 18 388 478 ||

Silġ/għargħar fil-Kroazja || 291 904 630 || 254,229 || 6 355 725 || 2 260 538 || 8 616 263 ||

AMMONT TOTALI || 46 998 528

Peress li din hi l-ewwel deċiżjoni ta' mobilizzazzjoni tal-2014, l-ammont totali ta' għajnuna proposta hawn fuq jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-limitu massimu tar-regolament tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ta' EUR 530,6 miljun (EUR 500 miljun fi prezzijiet tal-2011) u huwa wkoll żgurat li l-kwart meħtieġ ta' dan l-ammont se jkun disponibbli fl-1 ta' Ottubru 2014 sabiex ikunu koperti l-ħtiġijiet li jinqalgħu sa tmiem is-sena.

Bħala konklużjoni, huwa propost li jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà għal kull wieħed minn dawn il-każijiet u li l-approprjazzjonijiet korrispondenti jiddaħħlu fil-baġit 2014 fil-partita baġitarja 13 06 01, kemm fl-approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll fl-approprjazzjonijiet ta' pagament.

Peress li l-Fond ta' Solidarjetà huwa strument speċjali kif definit fir-Regolament QFP, l-approprazzjonijiet korrispondenti għandhom jiġu bbaġittjati barra mil-limiti massimi tal-QFP korrispondenti.

4.           Tabella fil-qosor skont l-intestatura tal-QFP

Intestatura || Baġit 2014 (inkl. AB 1 u ABE 2 u 4/2014) || Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 5/2014 || Baġit 2014 (inkl. AB 1 u ABE 2 sa 5/2014)

AI || AP || AI || AP || AI || AP

1. || Tkabbir intelliġenti u inklussiv || 63 986 340 779 || 66 374 487 058 || || || 63 986 340 779 || 66 374 487 058

Limitu massimu || 63 973 000 000 || || || || 63 973 000 000 ||

Marġni || 75 989 221 || || || || 75 989 221 ||

1a || Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi || 16 484 010 779 || 12 028 322 326 || || || 16 484 010 779 || 12 028 322 326

Limitu massimu || 16 560 000 000 || || || || 16 560 000 000 ||

Marġni || 75 989 221 || || || || 75 989 221 ||

1b || Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali || 47 502 330 000 || 54 346 164 732 || || || 47 502 330 000 || 54 346 164 732

Limitu massimu || 47 413 000 000 || || || || 47 413 000 000 ||

Marġni || -89 330 000 || || || || -89 330 000 ||

Strument ta' Flessibbiltà || 89 330 000 || || || || 89 330 000 ||

Marġni || 0 || || || || 0 ||

2. || Tkabbir sostenibbli: ir-riżorsi naturali || 59 267 214 684 || 56 564 930 369 || || || 59 267 214 684 || 56 564 930 369

Limitu massimu || 59 303 000 000 || || || || 59 303 000 000 ||

Marġni || 35 785 316 || || || || 35 785 316 ||

Li minnhom: Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) — Nefqa relatata mas-suq u ħlasijiet diretti || 43 778 100 000 || 43 776 956 403 || || || 43 778 100 000 || 43 776 956 403

Sottolimitu || 44 130 000 000 || || || || 44 130 000 000 ||

Trasferiment nett bejn il-FAEG u l-FAEŻR || 351 900 000 || || || || 351 900 000 ||

Marġni || || || || || ||

3. || Sigurtà u ċittadinanza || 2 171 998 732 || 1 677 039 976 || || || 2 171 998 732 || 1 677 039 976

Limitu massimu || 2 179 000 000 || || || || 2 179 000 000 ||

Marġni || 7 001 268 || || || || 7 001 268 ||

4. || Ewropa Globali || 8 325 000 000 || 6 842 004 256 || || || 8 325 000 000 || 6 842 004 256

Limitu massimu || 8 335 000 000 || || || || 8 335 000 000 ||

Marġni || 10 000 000 || || || || 10 000 000 ||

5. || Amministrazzjoni || 8 404 517 081 || 8 405 389 881 || || || 8 404 517 081 || 8 405 389 881

Limitu massimu || 8 721 000 000 || || || || 8 721 000 000 ||

Marġni || 316 482 919 || || || || 316 482 919 ||

Li minnhom: Nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet || 6 797 392 438 || 6 798 265 238 || || || 6 797 392 438 || 6 798 265 238

Sottolimitu || 7 056 000 000 || || || || 7 056 000 000 ||

Marġni || 258 607 562 || || || || 258 607 562 ||

6. || Kumpens || 28 600 000 || 28 600 000 || || || 28 600 000 || 28 600 000

Limitu massimu || 29 000 000 || || || || 29 000 000 ||

Marġni || 400 000 || || || || 400 000 ||

Totali || 142 183 671 276 || 139 892 451 540 || || || 142 183 671 276 || 139 892 451 540

Limitu massimu || 142 540 000 000 || 135 866 000 000 || || || 142 540 000 000 || 135 866 000 000

Strument ta' Flessibbiltà || 89 330 000 || || || || 89 330 000 ||

Marġini ta' Kontinġenza || || 4 026 700 000 || || || || 4 026 700 000

Marġni || 445 658 724 || 248 460 || || || 445 658 724 || 248 460

|| Strumenti Speċjali || 456 181 000 || 350 000 000 || 46 998 528 || 46 998 528 || 503 179 528 || 396 998 528

Total Kumplessiv || 142 639 852 276 || 140 242 451 540 || || || 142 686 850 804 || 140 289 450 068

[1]               ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

[2]               ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

[3]               ĠU L 51, 20.2.2014, p. 1.

[4]               ĠU L 204, 11.07.2014, p.1.

[5]               COM(2014) 234, 15.4.2014.

[6]               COM(2014) 329, 28.5.2014.

[7]               COM(2014)461, 09.07.2014.

[8]               Ir-Regolament (KE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 189/143 tas-27.6.2014.

[9]               Ir-Rapport Annwali 2002-2003 u r-Rapport dwar l-esperjenza miksuba wara sena ta' applikazzjoni tal-istrument il-ġdid, COM(2004)397 finali tas-26.5.2004.