52014DC0545

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Linji gwida għall-analiżi tal-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd /* COM/2014/0545 final */


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Linji gwida għall-analiżi tal-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd [1].

1. Introduzzjoni

Il-fatt li ma hemmx bilanċ bejn xi flotot u r-riżorsi li jisfruttaw hija raġuni ewlenija għall-isfruttament żejjed storiku tar-riżorsi fl-ibħra Ewropej. Il-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida tikkonferma li huma meħtieġa miżuri għall-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd: l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu miżuri biex jaġġustaw il-kapaċità tas-sajd tal-flotot tagħhom skont l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom tul iż-żmien. L-analiżi u l-evalwazzjoni tal-bilanċ bejn il-flotot u r-riżorsi li jisfruttaw titwettaq minn kull Stat Membru, skont il-linji gwida komuni preżenti żviluppati mill-Kummissjoni[2]. Dawn il-linji gwida għandhom jintużaw ukoll għall-finijiet tar-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament fuq il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd tal-flotot tal-Istati Membri u l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom[3].

Il-linji gwida komuni żviluppati mill-Kummissjoni se jkollhom rwol importanti wkoll mill-2014 ’il quddiem billi jistabilixxu rabta diretta bejn kull rapport tal-flotot tal-Istati Membri u l-miżuri tal-flotta taħt il-Fond Ewropew il-ġdid għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS)[4], li se jkompli jagħmel l-appoġġ pubbliku disponibbli għall-waqfien permanenti tal-bastimenti tas-sajd fil-perjodu 2014-2020[5]. Ġiet stabbilita kundizzjonalità ex ante speċifika relatata mar-rapport tal-flotta, li jista’ jkollha impatt dirett fuq il-kisba tal-għanijiet speċifiċi tal-FEMS il-ġdid[6]. Skont ir-regoli tal-FEMS, l-appoġġ għall-waqfien permanenti huwa limitat u mmirat għal każijiet fejn parti mill-flotta ma tkunx ibbilanċjata b’mod effettiv mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal dik il-parti[7].

Il-linji gwida l-ġodda għar-rapport dwar il-flotta li jinsabu f’dan id-dokument jistipulaw approċċ komuni għall-istima tal-bilanċ tul iż-żmien bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd. Għandhom jiġu kkunsidrati l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli kif ukoll l-impatt tal-flotot fuqhom. Għal dan il-għan, huwa rakkomandat li, għal kull parti mill-flotta, jiġi evalwat il-grad sa fejn kull flotta tiddependi fuq l-istokkijiet li jinqabdu ’l fuq mir-rati fil-mira, u jiġi evalwat kemm mill-istokkijiet li jiffurmaw parti sinifikanti mill-qabdiet tagħhom jinsabu f’riskju bijoloġiku minħabba abbundanza baxxa u huma affettwati b’mod sinifikanti mill-flotta. Dan se jippermetti evalwazzjoni tal-iżbilanċ bejn kull parti mill-flotta u l-istokkijiet li jiddependu fuqhom. Inferenzi ta’ żbilanċ jistgħu jsiru wkoll minn parametri oħrajn. Pereżempju, partijiet mill-flotta li mhumiex profittabbli jew li ma jintużawx biżżejjed jistgħu jindikaw nuqqas ta' bilanċ mill-parti mill-flotta inkwistjoni meta mqabbla mar-riżorsi. Meta ħafna bastimenti f’parti mill-flotta tas-sajd jkunu marbutin u inattivi b’mod rikorrenti jew permanenti, jew meta ħafna bastimenti jqattgħu inqas ħin jistadu milli jistgħu, il-parti mill-flotta kkonċernata tista’ tkun kbira wisq għar-riżorsi disponibbli li jiddependu fuqhom il-bastimenti, b’mod partikolari jekk il-prestazzjoni ekonomika tkun dgħajfa.

2. Għan u Prinċipji

L-għan ta’ dawn il-linji gwida huwa li jipprovdu metodoloġija komuni għall-valutazzjoni tal-bilanċ tul iż-żmien bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd fil-livell tat-parti mill-flotta.

Dawn il-linji gwida għandhom l-għan li:

jużaw metodi standard sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ugwali meta jiġu mqabbla partijiet mill-flotot differenti;

isegwu l-aħjar prattiki xjentifiċi, ekonomiċi u tekniċi possibbli[8], u jiżguraw kompatibbiltà mal-valutazzjonijiet bijoloġiċi, ekonomiċi u soċjali standard;

jużaw dejta miġbura skont il-Qafas għall-Ġbir ta’ Dejta biex jiffaċilitaw il-paraguni u biex jiġi evitat xogħol doppju.

Il-valutazzjoni tal-parti mill-flotta għandha tkun valutazzjoni ta’ sinteżi bbażata fuq il-komponenti ta’ hawn fuq. Metodoloġija standard biex tinkiseb valutazzjoni globali għal kull parti mill-flotta hija deskritta hawn taħt.

3. Kejl tal-parametri

L-Istati Membri huma mistiedna jikkalkulaw numru żgħir ta’ parametri bijoloġiċi, ekonomiċi u tekniċi kull sena u jqabblu r-riżultati mal-valuri standard. Sabiex iżommu l-ammont tax-xogħol maniġġabbli u biex ikun hemm analiżi standardizzata, dawn il-parametri għandhom jiġu kkalkulati permezz tad-dejta miġbura skont il-Qafas għall-Ġbir ta’ Dejta[9].

L-indikaturi bijoloġiċi huma mfassla biex jirriflettu sa liema punt id-daqs ta’ kull parti mill-flotta ma jkunx f’bilanċ mal-istokkijiet li jisfruttaw. Fejn possibbli u disponibbli, dawn l-indikaturi għandhom jidentifikaw fejn jinsabu l-iżbilanċi.

Għandhom jiġu kkalkulati wkoll indikaturi ta’ profittabbiltà għal żmien qasir u fit-tul, kif għandhom jiġu kkalkulati wkoll l-indikaturi ta’ użu tal-bastimenti. Dawn l-indikaturi jipprovdu informazzjoni dwar l-istat ekonomiku u operattiv ta’ parti mill-flotta tas-sajd, li jista’ jkun informattiv fl-analiżi tal-bilanċ, iżda wkoll għal deċiżjonijiet operattivi oħra li jsiru fil-livell tal-Istati Membri.

4. Valutazzjoni tal-bilanċ

L-indikaturi huma maħsuba biex jintużaw flimkien biex isiru konklużjonijiet dwar żbilanċ għal kull parti mill-flotta separatament. L-analiżi aggregata f’ħafna sajd differenti fi Stat Membru wieħed mhix utli.

B’mod ġenerali, il-partijiet mill-flotta li jiddependu fuq stokkijiet b’saħħithom u li jipprovdu wkoll qligħ kemm f’perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll fit-tul aktarx li jkunu bbilanċjati wkoll.

Il-partijiet mill-flotot li mhumiex f’bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd li qed jisfruttaw normalment jitqiesu li jinsabu fi żbilanċ, anke jekk l-indikaturi ekonomiċi juru profittabbiltà għal perjodu ta’ żmien qasir u fit-tul. Il-PKS tirreferi għall-bilanċ (u l-iżbilanċ) tul iż-żmien, u għalhekk huwa xieraq li jiġu kkunsidrati diversi snin pjuttost milli sena waħda.

Peress li n-nuqqas ta’ valutazzjonijiet tal-istokkijiet kompluti għal numru sinifikanti ta’ stokkijiet impedixxa l-kalkolu ta’ indikaturi bijoloġiċi, jistgħu jkollhom jiġu magħżula jew jiġu żviluppati indikaturi alternattivi. Meta l-indikatur bijoloġiku ma jkunx disponibbli minħabba n-nuqqas tal-valuri F u Fmsy għal aktar minn 60 % tal-istokkijiet li jikkostitwixxu l-qabda, l-indikatur tal-ħsad sostenibbli ma jistax jintuża b’mod siewi biex jiġi vvalutat il-bilanċ jew l-iżbilanċ ta’ dik il-parti mill-flotta. F’każijiet bħal dawn l-Istati Membri, sabiex jgħinu biex jiġi vvalutat l-iżbilanċ, għandhom jużaw informazzjoni ta’ valutazzjoni disponibbli dwar speċi waħda jew iżjed minn waħda li, għal raġunijiet ta’ abbundanza storika jew konsistenza, jistgħu jitqiesu bħala indikaturi tal-impatt tas-sajd fuq ekosistema sfruttata.

Il-partijiet mill-flotot bi prestazzjoni ekonomika dgħajfa li qed jisfruttaw stokkijiet tas-sajd b’saħħithom jistgħu jiffaċċjaw profittabbiltà baxxa relatata ma’ fatturi oħrajn (eż. prezz tal-bejgħ baxx għall-ħut, spejjeż ta’ produzzjoni għoljin, preferenzi tal-konsumatur, domanda baxxa, żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil, effetti għoljin ta’ importazzjoni jew sostituzzjoni), li mhumiex neċessarjament relatati ma’ żbilanċ bejn il-kapaċità u r-riżorsi disponibbli. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom isegwu mill-qrib il-partijiet mill-flotta f'dik is-sitwazzjoni biex jevitaw li din twassal għal impatti negattivi fuq l-istokkijiet f’perjodu ta’ żmien medju u fit-tul.

Fin-nuqqas ta’ indikaturi bijoloġiċi u ekonomiċi ċari, jekk il-bastimenti jużaw indikaturi li jaqbżu l-limiti tagħhom, dan jista’ jindika sitwazzjoni ta’ żbilanċ ukoll.

F’kull każ, l-analiżi tas-sitwazzjoni għandha ssir skont parametri standardizzati sabiex isiru konklużjonijiet fuq bażi komuni. Il-valuri adattati huma indikati fit-Taqsima 7. Fejn l-indikaturi jissuġġerixxu sitwazzjoni ta’ żbilanċ, iżda Stat Membru jqis madankollu li l-parti mill-flotta kkonċernata tinsab f’bilanċ mar-riżorsi (jew viċe versa), il-Kummissjoni tistenna li tingħata analiżi ta’ sostenn.

5. Implimentazzjoni Progressiva

L-għan ġenerali għandu jkun li l-Istati Membri jiksbu bilanċ stabbli u permanenti bejn il-kapaċità tas-sajd tal-flotot tagħhom u l-opportunitajiet tas-sajd tul iż-żmien. Filwaqt li l-opportunitajiet tas-sajd mhux bilfors jaqblu mal-għan tal-MSY il-ħin kollu, l-ewwel indikatur bijoloġiku ġie mfassal b’kunsiderazzjoni ta’ dan l-għan ġenerali.

Meta tkun għaddejja tranżizzjoni gradwali għall-għan tal-MSY, l-opportunitajiet annwali tas-sajd fit-tranżizzjoni għal MSY jistgħu jaqbżu dak li kieku kien jirriżulta mill-applikazzjoni immedjata tal-mira tal-MSY. F’sitwazzjonijiet bħal dawn l-indikaturi bijoloġiċi x’aktarx jaqbżu l-valuri tal-limitu relatati mal-MSY. Madankollu, ma jkunx xieraq li wieħed jikkonkludi li parti mill-flotta neċessarjament tkun fi żbilanċ jekk tkun għaddejja t-tranżizzjoni biex tallinja l-opportunitajiet tas-sajd mal-għan tal-MSY kif stipulat fil-PKS. Ċirkostanzi bħal dawn għandhom jiġu spjegati mill-Istati Membri fir-rapporti annwali tagħhom.

6. Pjan ta’ Azzjoni

Għall-partijiet mill-flotta bi żbilanċ muri b’mod ċar, l-Istat Membru kkonċernat, fir-rapport dwar il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd, għandu jipprepara u jinkludi pjan ta’ azzjoni li jistipula l-miri ta’ aġġustament u l-għodod biex jintlaħaq bilanċ u qafas ta’ żmien ċar għall-implimentazzjoni tiegħu. Il-pjan għandu jispeċifika l-kawżi tal-iżbilanċ u b’mod partikolari jekk dan ikollux sfond bijoloġiku, ekonomiku jew tekniku kif ikkalkulat skont it-Taqsima 7.

7. Indikaturi

7.1 Indikaturi Bijoloġiċi

Biex jiġi evalwat biex jevalwaw jekk il-bastimenti jkunux qed jiddependu fuq l-istokkijiet sfruttati iżżejjed, jew jeżerċitawx attività li tikkawża riskju bijoloġiku għoli għal stokk eżawrit jintużaw żewġ indikaturi. Id-deskrizzjoni tal-indikaturi u l-metodi ta’ kalkolu jingħataw fit-Taqsima 10.

L-indikatur tal-ħsad sostenibbli jindika l-kejl ta’ kemm parti mill-flotta tiddependi fuq stokkijiet sfruttati iżżejjed. Hawnhekk, "sfruttati iżżejjed” hija evalwata b’referenza għall-valuri Fmsy tul iż-żmien, u d-dipendenza hija kkalkulata f’termini ekonomiċi. Fejn l-Fmsy jiġi ddefinit bħala medda, il-qbiż tal-limitu massimu tal-medda huwa interpretat bħala “sajd żejjed”.

Limitu: Valuri tal-indikatur ta’ iktar minn 1 jindikaw li parti mill-flotta, bħala medja, tiddependi għad-dħul tagħha fuq opportunitajiet tas-sajd li huma strutturalment stabbiliti ’l fuq mil-livelli li jikkorrispondu mal-isfruttament f’livelli li jikorrispondu mal-MSY. Dan jista’ jkun indikazzjoni ta’ żbilanċ jekk ikun seħħ għal tliet snin konsekuttivi. Fil-każ ta’ speċijiet pelaġiċi żgħar għandu jiġi kkunsidrat perjodu ta' żmien iqsar.

L-indikatur tal-istokkijiet f'riskju huwa miżura ta’ kemm stokkijiet qed jiġu affettwati mill-attivitajiet tal-parti mill-flotta li huma bijoloġikament vulnerabbli – fi kliem ieħor, stokkijiet li jinsabu f’livelli baxxi u li huma f’riskju li ma jkunux jistgħu jirkupraw u li huma jew importanti fil-qabdiet tal-parti mill-flotta jew meta l-parti mill-flotta tkun importanti fl-effetti globali tas-sajd fuq l-istokk. Jekk parti mill-flotta jkollha impatt fuq stokk wieħed jew iktar minn wieħed f’riskju bijoloġiku għoli, dan ikun indikatur ta’ żbilanċ fil-kapaċità potenzjali.

Limitu: jekk parti mill-flotta tieħu aktar minn 10 % tal-qabdiet tagħha meħuda minn stokk li huwa fir-riskju, din tista’ tiġi ttrattata bħala indikazzjoni ta’ żbilanċ.

7.2 Indikaturi Ekonomiċi

Sabiex jiġi evalwat jekk il-partijiet mill-flotta humiex ekonomikament sostenibbli fuq perjodu ta' żmien fit-tul (li jippermetti investimenti kapitali) u l-ispejjeż tagħhom ikunu jistgħu jiġu koperti fuq perjodu ta’ żmien qasir jintużaw żewġ indikaturi. Il-bażi teknika għall-kalkolu ta’ dawn l-indikaturi tingħata fit-Taqsima 11.

L-ewwel indikatur (Redditu fuq l-Investiment) iqabbel l-profittabbiltà fit-tul tal-parti mill-flotta tas-sajd ma’ investimenti oħra disponibbli. Jekk dan il-valur ikun iżgħar mir-rati ta’ imgħax fit-tul ta’ riskju baxx disponibbli x’imkien ieħor, dan jissuġġerixxi li l-parti mill-flotta tista’ tkun kapitalizzata żżejjed.

Limitu: Jekk ir-redditu fuq l-investiment (RoI) [10] ikun inqas minn żero u inqas minn l-aħjar rata ta’ imgħax disponibbli fuq żmien twil mingħajr riskju, din tkun indikazzjoni ta’ ineffiċjenza ekonomika fit-tul li tista’ tindika l-eżistenza ta’ żbilanċ.

It-tieni indikatur huwa l-proporzjon bejn id-dħul attwali u d-dħul ta’ ekwilibriju. Dan ikejjel il-kapaċità ekonomika tal-parti mill-flotta biex tibqa’ tistad kuljum: id-dħul ikopri l-paga għall-ekwipaġġ u l-fjuwil u l-ispejjeż rikorrenti għall-bastiment? Jekk le, jista’ jkun hemm żbilanċ.

Limitu: Jekk il-proporzjon bejn id-dħul attwali u d-dħul ta’ ekwilibriju jkun inqas minn wieħed, dan huwa indikazzjoni ta’ ineffiċjenza ekonomika fuq żmien qasir li tista’ tindika l-eżistenza ta’ żbilanċ.

7.3 Indikaturi tal-Użu tal-Bastiment

Dawn l-indikaturi jiddeskrivu kemm qed jintużaw b’mod intensiv il-bastimenti f’parti mill-flotta. Il-kalkolu ta’ dawn l-indikaturi huwa deskritt fit-Taqsima 12.

L-ewwel indikatur jiddeskrivi l-proporzjon tal-bastimenti li propjament mhumiex attivi (jiġifieri li ma stadu qatt matul dik is-sena).

It-tieni indikatur jikkonċerna l-livelli ta’ attività medja tal-bastimenti li stadu mill-inqas darba fis-sena, waqt li titqies l-istaġjonalità tas-sajd u restrizzjonijiet oħrajn. Taħt kundizzjonijiet normali, jista’ jkun mistenni li 10 % jew inqas tal-bastimenti f’parti mill-flotta għandhom ikunu inattivi, li jista’ jkun minħabba tiswijiet kbar, immuntar mill-ġdid, konverżjonijiet jew bejgħ u trasferimenti pendenti.

Limitu: jekk aktar minn 20 % tal-parti mill-flotta tkun ripetutament inattiva jew jekk il-livell ta’ attività medja tal-bastimenti f’parti mill-flotta ikun b’mod rikorrenti inqas minn 70 % tal-attività potenzjali u operabbli tal-bastimenti paragunabbli, dan jista’ jindika ineffiċjenza teknika, li tista’ tiżvela l-eżistenza ta’ żbilanċ, sakemm ma jkunx jista’ jiġi spjegat permezz ta’ raġunijiet oħra, bħal avvenimenti klimatiċi jew magħmula mill-bniedem mhux mistennija jew miżuri ta’ emerġenza kif previsti fil-PKS.

8. Metodu ta’ Ħidma u Uża ta’ Dejta

Sabiex jiġi evitat ix-xogħol doppju u sabiex tinżamm konsistenza ma’ dejta ekonomika u bijoloġika oħra, l-evalwazzjonijiet stipulati hawnhekk għandhom jiġu kkalkulati minn dejta kif miġbura u strutturata taħt il-Qafas għall-Ġbir ta’ Dejta fis-seħħ. Naturalment għandu jsir kull sforz biex tiġi żgurata l-kompletezza tad-dejta DCF, f’konformità mal-obbligi tal-Istati Membri taħt il-PKS.

Huwa essenzjali li l-indikaturi jiġu evalwati separatament skont il-parti mill-flotta minħabba li l-partijiet mill-flotta ta’ kull Stat Membru jista’ jkollhom karatteristiċi differenti ħafna.

Peress li l-parametri bijoloġiċi u ekonomiċi jvarjaw maż-żmien, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jikkalkulaw u jikkunsidraw serje kronoloġika ta’ mill-inqas tliet snin meta jikkunsidraw il-bilanċ.

Huwa possibbli li l-problemi ta’ konsistenza jippersistu, b’mod partikolari għad-dejta u l-indikaturi ekonomiċi. Jekk il-partijiet tal-flotta juru prestazzjoni ekonomika irregolari, l-Istati Membri huma mistennija li jivverifikaw u, jekk iva, jindikaw jekk id-dħul jew l-ispejjeż ġewx affettwati minn xokkijiet f’daqqa, fuq żmien qasir.

9. Informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi inkluża fir-rapporti nazzjonali tal-flotot tas-sajd.

 Ir-rapporti nazzjonali tal-flotot tas-sajd għandu jkollhom ukoll l-informazzjoni li ġejja:

(a) deskrizzjoni tal-partijiet tal-flotot tas-sajd fir-rigward tas-sajd: żvilupp(i) matul is-sena ta’ qabel, inkluż sajd kopert minn pjanijiet ta’ ġestjoni jew ta’ rkupru pluriennali;

(b) l-impatt fuq il-kapaċità tas-sajd ta’ skemi għal tnaqqis tal-isforz tas-sajd adottati taħt pjanijiet ta’ ġestjoni jew ta’ rkupru pluriennali jew, jekk xieraq, skont skemi nazzjonali;

(c) informazzjoni dwar il-konformità mal-iskema ta’ dħul/ħruġ;

(d) rapport fil-qosor fuq il-punti dgħajfa u dawk tajba tas-sistema tal-ġestjoni tal-flotta flimkien ma’ pjan għat-titjib u informazzjoni dwar il-livell ġenerali ta’ konformità mal-istrumenti tal-politika tal-flotta;

(e) kwalunkwe informazzjoni dwar tibdil fil-proċeduri amministrattivi rilevanti għall-ġestjoni tal-flotta.

Huwa aċċettabbli li dawn il-punti jiġu indirizzati b’referenza għal dokumenti oħrajn sakemm ikunu disponibbli pubblikament.

(f) għal partijiet mill-flotta fejn ikun intwera żbilanċ, għandu jiġi inkluż pjan ta’ azzjoni li jistabbilixxi l-miri u l-għodod ta’ aġġustament biex jinkiseb il-bilanċ, b’limitu ta’ żmien ċar għall-implimentazzjoni tal-pjan.

10. Indikaturi tas-Sostenibbiltà Bijoloġika

10.1 Indikatur tal-Ħsad Sostenibbli

Dan l-indikatur jirrifletti l-limitu safejn parti mill-flotta tkun dipendenti fuq stokkijiet sfruttati iżżejjed. Hawnhekk, “sfruttat iżżejjed” tfisser li stokk ikun sfruttat iktar mill-Fmsy, ir-rata ta’ mortalità mis-sajd li tikkorrispondi għar-rendiment massimu sostenibbli.

Ir-rekwiżiti tad-dejta huma: valutazzjonijiet bijoloġiċi sħaħ tal-istokkijiet sfruttati, jiġifieri fejn il-mortalità mis-sajd attwali tkun ġiet iddeterminata; stimi tal-Fmsy, jew indikaturi eżistenti tagħha (Fmax jew F0.1) u l-valur tal-qabda ta’ kull stokk meħud.

Meta parti mill-flotta taqbad stokk wieħed, l-indikatur jiġi kkalkulat sempliċement bħala

fejn F huwa l-aktar valur riċenti ta’ mortalità mis-sajd disponibbli minn valutazzjonijiet xjentifiċi (eż. pariri tal-ICES u l-STECF). Dan il-parametru jixbah ħafna l-indikatur preċedenti F/Ft, bid-differenza li l-Fmsy issa jintuża bħala l-għan standard fil-Politika Komuni tas-Sajd kollha.

L-indikatur ġie estiż biex ikopri flotot attivi f’sajd differenti (matul is-sena) u sitwazzjonijiet ta’ sajd imħallat. Meta parti mill-flotta taqbad ħut ta’ numru ta’ speċijiet (n) l-indikatur huwa medja tal-indikatur ta’ hawn fuq għal kull stokk (i), peżat bil-valur tal-iżbark Vi ta’ dak l-istokk ([11]). L-indikatur huwa għalhekk

Dan l-indikatur jaġixxi bl-istess mod kemm jekk il-parti mill-flotta twettaq qabdiet minn stokkijiet differenti fl-istess operazzjonijiet tas-sajd u kemm jekk dan iseħħ f’sekwenza ta’ sajd differenti fil-mira fl-istess sena tas-sajd.

Peress li l-kalkolu ta’ dan l-indikatur jeħtieġ xi preparazzjoni u kalkoli tal-bażi ta' dejta, il-Kummissjoni qed tirranġa biex dawn il-valuri jingħataw lill-Istati Membri, abbażi ta’ dejta tad-DCF u valutazzjonijiet mill-ICES u l-STECF.

Il-kalkolu tal-indikatur jiddependi fuq id-disponibbiltà tal-parir xjentifiku kkwantifikat għall-istokkijiet inkwistjoni[12].

Il-kalkolu tal-indikaturi bijoloġiċi bbażat fuq qabda għal kull unità ta’ sforz (cpue) jew indiċijiet tal-bijomassa mhux ġeneralment rakkomandat peress li dawn ta’ spiss ma jkunux informattivi.

10.2 Indikatur tal-istokkijiet fir-riskju

L-indikatur tal-istokkijiet fir-riskju deskritt fit-Taqsima 7.1 ma jidentifikax każijiet fejn jiġu sfruttati stokkijiet f’livelli għoljin ta’ riskju bijoloġiku.

Bħala indikatur kumplimentari biex jidentifika sitwazzjonijiet bħal dawn, l-Istati Membri huma mitluba jgħoddu n-numru ta’ stokkijiet li bħalissa qed jiġu vvalutati bħala li qegħdin f’riskju bijoloġiku għoli li huma sfruttati mill-flotta kkonċernata. F’dan il-kuntest, “sfruttati minn” tfisser li kull wieħed mill-istokk(ijiet) f’riskju għoli jikkostitwixxi aktar minn 10 % tal-qabdiet tal-flotta, jew li l-flotta tieħu aktar minn 10 % tal-qabdiet tal-istokk.

Għal dan il-kalkolu, stokk f’riskju bijoloġiku għoli jfisser stokk li huwa jew:

a) evalwat bħala li jaqa’ taħt il-livell bijoloġiku Blim; jew,

b) suġġett għal parir li jingħalaq is-sajd, li jiġi pprojbit is-sajd immirat, li jitnaqqas is-sajd għall-aktar livell baxx possibbli, jew parir simili minn korp konsultattiv internazzjonali, anke fejn tali parir jingħata fuq bażi ta' dejta limitata; jew;

c) suġġett għal regolamentazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd li tistipula li l-ħut għandu jerġa’ jiġi mitfugħ il-baħar mingħajr ma ssirlu ħsara jew li l-iżbark huwa pprojbit; jew

d) stokk li huwa fuq il-“lista l-ħamra” tal-IUCN jew huwa elenkat minn CITES.

Dan jista’ jiġi espress, għal kull parti mill-flotta li taqbad stokkijiet ta’ ħut, bħal:

fejn

Ci = qabda, Ct = qabda totali tal-istokkijiet kollha meħuda mill-parti mill-flotta, Ti = qabda totali tal-istokk i meħud mill-partijiet kollha, għal stokkijiet n li jaqgħu f’xi waħda mill-kategoriji a) sa c) hawn fuq.

11. Indikaturi ekonomiċi

L-indikaturi ekonomiċi jistgħu juru l-firxa ta’ sottokapitalizzazzjoni jew kapitalizzazzjoni żejda fi flotta, kemm għal perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll fit-tul.

Għandhom jiġu kkalkulati żewġ indikaturi: Ir-redditu fuq l-investiment meta mqabbel mar-redditu potenzjali li jista’ jinkiseb mill-investiment tal-valur tal-assi kapitali x’imkien ieħor (vijabbiltà fuq perjodu ta' żmien twil) u l-proporzjon bejn id-dħul attwali u d-dħul ta’ ekwilibriju (vijabbiltà fuq perjodu ta' żmien qasir).

Iż-żewġ indikaturi jeħtieġu l-użu tar-rata tal-imgħax f’kull Stat Membru ta’ investiment fit-tul ta’ riskju baxx għall-finijiet ta’ tqabbil. Il-Kummissjoni tipproponi li jintużaw ir-rati ta’ imgħax armonizzati fit-tul għal valutazzjoni tal-konverġenza kkalkulata mill-Bank Ċentrali Ewropew, disponibbli fuq http://www.ecb.int/stats/money/long/html/index.en.html.

Sabiex titqies il-varjabbiltà għolja fir-rati tal-imgħax fl-aħħar ftit snin f’ħafna Stati Membri minħabba l-kriżi ekonomika, il-Kummissjoni tipproponi li tintuża r-rata tal-imgħax medja aritmetika għall-ħames snin preċedenti. Għalhekk għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ bilanċ tal-2013, ir-rata tal-imgħax li għandha tintuża se tkun dik li tikkorrispondi għall-perjodu 2008-2012.

 Fl-2013 il-Kummissjoni talbet lill-STECF biex jagħmel dawn il-parametri disponibbli għall-Istati Membri fuq il-bażi ta’ informazzjoni tad-DCF.

Fir-rigward tal-indikaturi l-oħrajn, dawn il-parametri għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi ta’ parti mill-flotta.

11.1 Redditu fuq l-Investiment (ROI) vs it-tieni l-aqwa alternattiva

Ir-redditu fuq l-investiment (ROI) għal flotta huwa l-profitt nett (profitt wara d-deprezzament tal-istokk kapitali) tal-flotta diviż bil-valur totali tal-assi kapitali tal-flotta. Il-valur kummerċjali ta’ kwalunkwe drittijiet tas-sajd miżmuma mhuwiex inkluż. Id-dejta kollha għall-kalkolu tar-ROI għandha tkun disponibbli taħt id-DCF. Id-dejta dwar is-sussidji ta’ dħul dirett għandha tiġi eskluża mill-kalkolu. Madankollu, l-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu tabella li turi s-sussidji mogħtija lil kull parti mill-flotta sa mill-2008.

Il-metodu ta’ kalkolu ssuġġerit huwa dan li ġej:

ROI = Profitt nett / Valur tal-assi kapitali

Fejn:

Profitt nett = (Dħul minn żbark + dħul ieħor) – (spejjeż tal-ekwipaġġ + xogħol mingħajr ħlas + spejjeż tal-enerġija + spejjeż tat-tiswija u l-manutenzjoni + spejjeż varjabbli oħrajn + spejjeż mhux varjabbli + deprezzament)

U fejn:

Valur tal-assi kapitali = Valur ta’ sostituzzjoni tal-bastimenti + valur stmat tad-drittijiet tas-sajd

Idealment, il-valur tal-assi kapitali għandu jikkonsisti kemm minn assi fissi tanġibbli (bastiment, irkaptu u apparat elettroniku eċċ) u assi intanġibbli (valur stmat ta’ drittijiet tas-sajd bħal kwota, liċenzja eċċ). Meta jikkalkulaw il-valur tal-assi kapitali tal-flotta, l-Istati Membri jintalbu jikkunsidraw l-użu tal-Metodu ta’ Inventarju Perpetwu (PIM) u jqisu parir riċenti mill-grupp ta' ħidma tal-PGECON[13] dwar l-aħjar prattiki għall-kalkolu tal-valuri ta’ sostituzzjoni deprezzati tal-flotta.

F’każijiet fejn id-dejta dwar assi intanġibbli ma tkunx disponibbli, għandu jiġi kkalkolat ir-Ritorn fuq l-Assi Tanġibbli Fissi (ROFTA) minflok, billi jintuża eżattament l-istess metodu ta’ kalkolu iżda mingħajr ma jiġi inkluż valur stmat għad-drittijiet tas-sajd.

Ir-ROI (jew ROFTA) kif ikkalkulat jirrappreżenta l-profittabbiltà għal kull unità (f’perċentwali) tal-kapital investit fis-settur tas-sajd.

Ir-ROI (jew ROFTA) mbagħad jiġi mqabbel mar-rata ta’ imgħax ta’ investiment fit-tul ta’ riskju baxx ikkalkulat kif propost hawn fuq. Dik ir-rata ta’ imgħax tirrappreżenta l-profittabbiltà li l-istess kapital investit jikseb kieku kien investit fit-tieni l-aqwa alternattiva disponibbli (normalment bonds tal-gvern fit-tul).

Il-formola li tirriżulta għall-indikatur tkun ROI – rata ta’ imgħax ta’ riskju baxx fit-tul.

Jekk il-valur tal-assi kapitali ma jkunx disponibbli jew ikun nieqes għal xi snin jew ma jkunx affidabbli għal kwalunkwe raġuni, l-Istati Membri jistgħu jużaw profitt nett f’perċentwali biex jagħmlu l-paragun ta’ hawn fuq. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri jkunu meħtieġa jiddikjaraw liema indikatur użaw għal liema perjodu u parti mill-flotta.

11.2 Applikazzjoni u interpretazzjoni

Il-valuri ta’ ROI pożittiv u ikbar mir-rata ta’ imgħax ta’ riskju baxx fit-tul iwasslu għal valur pożittiv tal-indikatur li jissuġġerixxi li qed jiġu ġġenerati profitti straordinarji, sinjal ta’ sottokapitalizzazzjoni ekonomika. Il-valuri ta’ ROI pożittiv iżda iżgħar mir-rata ta’ imgħax ta’ riskju baxx jagħtu valuri negattivi għall-indikatur li jindika li fit-tul ikun aktar ta’ benefiċċju li jsir investiment x’imkien ieħor li huwa sinjal li probabbilment il-flotta hija kapitalizzata wisq u għalhekk mhix effiċjenti ekonomikament. Ir-ROIs negattivi jistgħu weħidhom jindikaw kapitalizzazzjoni żejda ekonomika.

Eżempju ta’ kalkolu (jekk wieħed jassumi rata ta’ imgħax fit-tul ta’ riskju baxx ta’ 5 %)

Valuri għas-sena kalendarja (€000) || Parti mill-flotta 1 || Parti mill-flotta 2 || Parti mill-flotta 3

Dħul minn żbarki + dħul ieħor             || 1500 || 700 || 1000

Spejjeż tal-ekwipaġġ + spejjeż tax-xogħol mhux imħallas + spejjeż tal-fjuwil + spejjeż ta’ tiswija u manutenzjoni + spejjeż varjabbli oħra + spejjeż mhux varjabbli || 800 || 481 || 850

Spejjeż kapitali (deprezzament + pagamenti ta’ interessi || 400 || 200 || 200

Profitt nett || 300 || 39 || -50

Valur tal-assi kapitali tal-flotta (valur ta’ sostituzzjoni tal-bastiment + valur stmat tad-drittijiet tas-sajd) || 2000 || 1500 || 1500

ROI = Valur ta’ profitt nett/ ta’ assi kapitali || 15 % || 2.6% || -2.5%

ROI – Rata ta’ imgħax mingħajr riskju fit-tul || +10% || -2.4% || -7.5%

11.3 Proporzjon bejn dħul attwali u dħul ta’ ekwilibriju

Id-dħul ta’ ekwilibriju (BER) huwa d-dħul meħtieġ biex jiġu koperti kemm l-ispejjeż fissi kif ukoll dawk varjabbli sabiex ma jiġi mġarrab ebda telf u ma jiġu ġġenerati ebda profitti. Id-dħul attwali (CR) huwa d-dħul operattiv totali tal-parti mill-flotta, li jikkonsisti fi dħul mill-iżbarki u dħul mhux mis-sajd. Id-dejta kollha għal dan il-kalkolu għandha tkun disponibbli taħt il-programmi nazzjonali tad-DCF tal-Istati Membri ħlief għall-ispejjeż ta’ opportunità. Id-dejta dwar is-sussidji ta’ dħul dirett għandha tiġi eskluża mill-kalkolu. Barra minn hekk, id-dħul u l-infiq mill-kiri tad-drittijiet tas-sajd, jekk disponibbli, għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu. L-inklużjoni ta’ tali dejta għandha tiġi msemmija.

Il-formula għall-kalkolu tal-BER hija kif ġej:

BER = (Spejjeż Fissi) / (1- [Spejjeż Varjabbli / Dħul Attwali])

Fejn:

Spejjeż varjabbli =

Spejjeż tal-ekwipaġġ + Xogħol mhux imħallas + Spejjeż ta’ enerġija + Spejjeż ta’ tiswija u manutenzjoni + spejjeż varjabbli oħrajn

U fejn:

Spejjeż fissi = Spejjeż mhux varjabbli + deprezzament

U d-dħul attwali = dħul minn żbarki + dħul ieħor

 Il-proporzjon huwa kkalkulat billi d-dħul attwali jiġi diviż mill-BER jiġifieri

Proporzjon     =    Dħul Attwali (CR) / BER

Il-kalkolu tal-proporzjon kif indikat hawn fuq jagħti perspettiva fuq terminu ta’ żmien qasir tal-vijabbiltà finanzjarja. Jekk id-dejta tippermetti dan, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu wkoll li jipprovdu analiżi tal-vijabilità ekonomika fit-tul ta’ CR/BER. Jekk jagħmlu dan, ikunu meħtieġa jżidu l-ispejjeż tal-opportunità mal-ispejjeż fissi:

L-ispejjeż fissi = Spejjeż mhux varjabbli + deprezzament + spiża tal-opportunità tal-kapital

Spiża tal-opportunità tal-kapital = valur tal-assi kapitali * rata ta’ imgħax ta’ riskju baxx fit-tul.

L-Istati Membri jkunu meħtieġa jiddikjaraw liema kunċett ta’ CR/BER ikunu qed jużaw.

11.4 Applikazzjoni u interpretazzjoni

Il-proporzjon bejn id-dħul attwali u d-dħul ta’ ekwilibriju tal-flotta juri kemm id-dħul attwali ta’ flotta huwa viċin id-dħul meħtieġ biex il-flotta tilħaq ekwilibriju anke fuq terminu ta’ żmien qasir. Jekk il-proporzjon ikun ikbar minn 1, ikun qed jiġi ġġenerat biżżejjed dħul biex ikopri spejjeż varjabbli, fissi u kapitali. Dan jindika li l-parti hija profittabbli, b’potenzjal ta’ sottokapitalizzazzjoni. Għall-kuntrarju ta’ dan, jekk il-proporzjon ikun inqas minn 1, ma jiġix iġġenerat dħul biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż varjabbli, fissi u kapitali, li jindika li l-parti mhix profittabbli, b’potenzjal ta’ kapitalizzazzjoni żejda. Jekk ir-riżultat ta’ CR/BER ikun negattiv, dan ifisser li l-ispejjeż varjabbli waħedhom jaqbżu d-dħul attwali. Dan jindika li aktar ma jiġi ġġenerat dħul, aktar se jkun kbir it-telf.

Jekk id-deprezzament u l-ispiża tal-opportunità tal-parametri tal-kapital jitħallew barra mill-kalkolu, il-proporzjon jagħti biss indikazzjoni ta’ kemm hu meħtieġ dħul biex ikopri l-ispejjeż operattivi biss fi żmien qasir mingħajr ma jiġi kkunsidrat jekk hemmx profitti straordinarji. L-inklużjoni ta’ dawn il-kunċetti se żżid perspettiva fit-tul dwar l-aspettattivi tal-vijabbiltà futura tal-flotta iżda sa ċertu punt se tikkoinċidi mal-użu tar-ROI (jew ROFTA) bħala indikatur fit-tul.

Eżempju tal-kalkolu: Proporzjon tad-Dħul attwali mad-Dħul ta’ ekwilibriju (CR/BER)

|| Valuri għal sena kalendarja (€’000) Ċifri totali tal-użu tal-Parti || Parti mill-flotta 1 || Parti mill-flotta 2

1 || Dħul attwali (CR) = Dħul minn żbarki + dħul ieħor || 113 000 || 115 000

2 || Spejjeż fissi = Spejjeż mhux varjabbli + deprezzament + spiża ta’ opportunità tal-kapital || 24 000 || 28 000

3 || Spejjeż varjabbli = Spejjeż tal-ekwipaġġ + Spejjeż ta’ xogħol mhux imħallas + Spejjeż tal-enerġija + Spejjeż ta’ tiswija u manutenzjoni + Spejjeż varjabbli oħrajn || 90 000 || 85 000

4 || BER = 2 / ( 1 - [ 3 / 1 ] ) || 117 913 || 107 333

5 || CR / BER = 1 / 4 || 0.96 || 1.07

12. Indikaturi tal-użu tal-bastiment

12.1 L-Indikatur ta’ Flotta Inattiva

Bastimenti inattivi jikkostitwixxu kapaċità mhux użata u minħabba f'hekk dawn inaqqsu l-effiċjenza teknika ġenerali u r-rata ta’ użu tal-kapaċità tal-flotta totali. L-indikatur huwa kkalkulat fuq il-bażi ta’ klassijiet ta’ tul tal-bastiment tal-parti tad-DCF pjuttost milli partijiet tal-bastimenti peress li informazjoni dwar irkaptu u sajd fil-mira ma tkunx disponibbli. Tabella li turi l-proporzjon ta’ bastimenti inattivi tal-flotta totali għandha tiġi pprovduta fir-rigward tan-numru ta’ bastimenti, GT u kW.

12.2 L-Indikatur tal-Użu tal-Bastiment

L-indikatur tal-użu tal-bastiment huwa l-medja, għal kull parti mill-flotta, tal-proporzjon tal-isforz fil-fatt użat għall-isforz massimu li jista’ jiġi eżerċitat mill-flotta. Dan l-indikatur huwa bbażat fuq dik li hi mistennija tkun dejta affidabbli u jipprovdi valutazzjoni kkalkulata malajr ta’ użu tal-flotta f’ċirkostanzi prevalenti għall-attività tas-sajd. Hemm żewġ verżjonijiet ta’ dan l-indikatur, ibbażati fuq livelli ta’ attività massima osservati jew teoretiċi. L-Istati Membri għandhom jagħżlu liema huwa l-aktar xieraq, u jirrappurtaw biss dak l-indikatur lill-Kummissjoni.

L-indikatur ibbażat fuq l-attività massima osservata huwa kkalkulat bħala:

Il-proporzjon bejn l-isforz medju għal kull bastiment f'parti mill-flotta u l-isforz massimu osservat attwalment magħmul minn bastiment fil-parti (f’kW-jum jew GT-jum) fis-sena ta’ referenza.

Dan l-indikatur jista’ jiġi kkalkulat ukoll f’terminu ta’ jiem tas-sajd, bħala:

Il-proporzjon bejn medja ta’ jiem fuq il-baħar għal kull bastiment u n-numru massimu ta’ jiem fuq il-baħar osservat f'parti mill-flotta.

Il-verżjoni l-oħra tal-indikatur tekniku hija applikabbli f’każijiet fejn in-numru massimu osservat ta’ jiem fuq il-baħar f'parti mill-flotta għal kull sena ta’ referenza seta’ ġie limitat minn fatturi esterni. Jista’ jkun hemm raġunijiet ekonomiċi (eż., il-kriżi tal-fjuwil), ambjentali (eż. temp li wieħed ma jistennieħx) u soċjali (eż., ma jkunx hemm sajd fi tmiem il-ġimgħa) li jaffettwaw in-numru massimu osservat ta’ jiem fuq il-baħar għal kull bastiment għal ċerti snin, sabiex b’hekk dan in-numru jista’ jkun li ma jirriflettix il-kapaċità teknika vera tal-flotta.

F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkalkulaw il-proporzjon ibbażat fuq in-numru massimu teoretiku ta’ jiem fuq il-baħar. Għal dan il-kalkolu, l-“isforz massimu osservat attwalment imwettaq minn bastiment fil-parti” fil-kalkoli preċedenti huwa sostitwit b’numru massimu teoretiku ta’ jiem fuq il-baħar li jista’ jsir sajd fihom jekk ma jkun hemm ebda limitazzjoni esterna (eż. jekk ma jkunx ġie applikat ebda reġim ta’ sforz) Dan il-valur ikun preżunt li jkun 220 jum bħala valur default jekk ma tkun disponibbli l-ebda dejta, iżda inkella għandu jiġi stmat skont il-kundizzjonijiet naturali, tekniċi u soċjali). Dan il-valur għandu jiġi stabbilit minn kull Stat Membru bl-użu ta' ġudizzju espert u informazzjoni disponibbli.

L-indikatur magħżul għandu jiġi ppreżentat u vvalutat għal perjodu ta’ diversi snin sabiex juri jekk il-proporzjonijiet humiex stabbli tul iż-żmien.

Il-kalkolu jista’ jsir jew f’kW-jiem jew GT-jiem kif xieraq għall-flotta; eż. bi preferenza ta’ kW għal irkaptu irmonkat peress li l-bastimenti li għandhom magni akbar għandhom tendenza li jaqbdu aktar minn dawk bil-magni iżgħar u GT-jiem għal irkaptu passiv,

12.3 Applikazzjoni u interpretazzjoni

Dejta (jiem fuq il-baħar għal kull bastiment, GT u KW) hija disponibbli fil-livell tal-Istat Membru mill-ġbir tad-dejta skont ir-rekwiżiti tad-DCR u d-DCF. Madankollu, in-numru massimu ta’ jiem fuq il-baħar huwa kalkolu addizzjonali li bħalissa huwa estern għad-DCF bażiku, iżda kull sena se tinħareġ sejħa rigward dan il-parametru.

Il-bastimenti attivi kollha fil-flotta għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi kkalkulat dan l-indikatur. Bastiment attiv huwa wieħed li kien illiċenzjat biex jistad f’xi stadju matul is-sena ta’ referenza u li rreġistra mill-inqas jum wieħed fuq il-baħar matul is-sena ta’ referenza. Bastiment inattiv huwa wieħed li jista’ jkollu liċenzja jew le biex jistad matul is-sena ta’ referenza, iżda li ma rreġistra ebda ħin fuq il-baħar u ebda żbark matul is-sena ta’ referenza.

Dawn l-indikaturi juru b’kemm tista’ titnaqqas il-kapaċità tal-flotta mingħajr ma jitnaqqas l-output globali tal-flotta (l-iżbarki). L-indikatur tekniku għalhekk jista’ jitqies l-indikatur tal-linja bażi għal kull parti mill-flotta.

Il-marġini bejn il-valur ikkalkulat u 1 jindika l-użu limitat tekniku tal-bastimenti. Għas-“sistema tad-dawl tat-traffiku”, indikatur ta’ aktar minn 0.9 (jiġifieri fejn attività medja tkun aktar minn 90 % tal-attività massima) se jiġi osservat biss f'partijiet mill-flotta li juru livell sostanzjalment omoġenju ta’ attività, li jista’ jiġi kklassifikat bħala dawl aħdar fil-prattika. Valuri (skont l-omoġeneità tal-flotta), taħt 0.7 jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li juru użu limiatat sostanzjali li jista’ jindika kapaċità żejda teknika (dawl aħmar).

Jekk numru massimu teoretiku ta’ jiem jiġi użat minflok in-numru massimu ta’ jiem osservati, jistgħu jidhru differenzi sinifikanti bejn il-valuri tal-indikatur tekniku kkalkulat u għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġu spjegati l-implikazzjonijiet.

Eżempju tal-kalkolu: Proporzjon bejn l-isforz attwali mwettaq għal kull bastiment u l-isforz massimu (osservat u teoretiku) għal grupp ta’ tliet bastimenti.

Bastiment || Kapaċità 1) || Sforz attwali 2) || Sforz massimu (ibbażat fuq il-mass. osservat) 3) || Sforz massimu teoretiku 4) || Indikatur tekniku (osservat) 5) || Indikatur tekniku (teoretiku)6)

kW || Jiem || kW jiem || Jiem || kW jiem || Jiem || kW jiem

Bastiment 1 || 100 || 80 || 8 000 || 150 || 15 000 || 220 || 22 000 || 0.53 || 0.36

Bastiment 2 || 200 || 110 || 22 000 || 150 || 30 000 || 220 || 44 000 || 0.73 || 0.50

Bastiment 3 || 400 || 150 || 60 000 || 150 || 60 000 || 220 || 88 000 || 1.00 || 0.68

|| || || Total 90 000 || || Total 105 000 || || Total 154 000 || Medja 0.86 || Medja 0.58

1) Il-kapaċità għandha tiġi indikata f’kW għall-partijiet kollha; fejn possibbli, u b’mod partikolari għal partijiet ta’ irkaptu passiv huwa rakkomandat li jintuża wkoll GT.

2) Din il-kolonna tippreżenta l-attività tal-bastiment individwali u d-dejta dwar l-isforz.

3) Din il-kolonna fiha l-użu massimu osservat (150 jum) għal kull bastiment tal-flotta.

4) Din il-kolonna fiha l-użu massimu teoretiku (220 jum) għal kull bastiment tal-flotta.

5) Din il-kolonna turi l-indikatur tekniku kkalkulat abbażi tar-rata massima osservata ta’ użu (kW-jiem fil-kolonna 2 diviżi b’kW-jiem fil-kolonni 3, imbagħad medja għall-parti)

6) Din il-kolonna turi l-indikatur tekniku kkalkulat abbażi tar-rata ta’ użu massimu teoretiku (kW-jiem fil-kolonna 2 diviżi b’kW-jiem fil-kolonni 4, imbagħad medja għall-parti)

Kull Stat Membru għandu jagħżel liema jippreżenta mill-indikaturi tekniċi, kif deskritt fit-Taqsima 7.3. Għandha tingħata spjegazzjoni għall-għażla.

[1] Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

[2] L-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

[3] L-Artikolu 22(4), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

[4] Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 149. 20.05.2014, p. 1.

[5] L-appoġġ pubbliku għall-waqfien permanenti skont l-FEMS huwa wkoll limitat biż-żmien (31 ta’ Diċembru 2017).

[6] L-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

[7] L-Artikolu 34(1) punt (b) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

[8] Dawn il-linji gwida huma bbażati fuq parir mill-STECF (SGBRE 10-01, EWG 11-10 u PLEN 10-03), inklużi kummenti minn erba’ Stati Membri, u b’kunsiderazzjoni tal-esperjenza fl-2013 irrappurtata fl-STECF EWG 13-28.

[9] Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008, dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd, ĠU L 60, 5.3.2008.

[10] L-esperjenza turi li l-valur tal-assi kapitali ħafna drabi mhuwiex disponibbli jew mhuwiex affidabbli. Qligħ nett jista’ jissostitwixxi ROI (jew ROFTA) f’każijiet bħal dawn.

[11] Meta l-valuri ma jkunux disponibbli, jistgħu jintużaw volumi iżda l-Istati Membri għandhom jindikaw jekk l-ispeċijiet humiex ta’ valur għoli jew baxx.

[12] F’każijiet fejn aktar minn 60 % tal-valur tal-qabda jkun magħmul minn stokkijiet li għalihom il-valuri tal-F u l-Fmsy ma jkunux disponibbli, l-indikatur jitqies ukoll li mhuwiex disponibbli.

[13] Grupp Ippjanar dwar Kwistjonijiet Ekonomiċi (PGECON), 16 – 19 ta’ April 2012, Salerno (l-Italja)