IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.7.2014
COM(2014) 500 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
Il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2015
1.Introduzzjoni
It-tir tal-Ewropa huwa li toħloq tkabbir u impjiegi b’mod intelliġenti, sostenibbli u inklussiv permezz tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha. L-importanza tal-istandardizzazzjoni għall-impjiegi, it-tkabbir u l-irkupru ekonomiku ġiet imtennija dan l-aħħar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politika Industrijali, “Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew”, li enfasizzat il-ħtieġa li s-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni tikkontribwixxi lejn il-qasam tal-politika industrijali, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku. Din identifikat sitt oqsma b'rata mgħaġġla ta' tkabbir għal azzjoni prijoritarja: it-teknoloġiji tal-manifattura avvanzati, it-teknoloġiji abilitanti essenzjali, il-bijoprodotti, il-politika sostenibbli fil-qasam tal-industrija, tal-kostruzzjoni u tal-materja prima, il-vetturi nodfa u l-grilji intelliġenti.
L-effetti pożittivi tal-istandardizzazzjoni huma magħrufa sew, u huma wkoll rikonoxxuti. Madankollu, biex jiġi żgurat li s-sistema ta’ standardizzazzjoni tal-Ewropa tkun tista' tindirizza l-isfidi tal-lum, fl-2011 il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ riforma, li jinkludi Regolament ġdid dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013. Din ir-riforma kellha l-għan li ttejjeb l-inklussività, il-ħeffa, ir-rispons, it-trasparenza, il-flessibbiltà u l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema.
Waħda mill-innovazzjonijiet tar-riforma hija l-obbligu għall-Kummissjoni li tadotta programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea, (minn hawn ’il quddiem imsejħa 'UWP'), li jidentifika l-prijoritajiet strateġiċi għall-istandardizzazzjoni Ewropea abbażi tal-għanijiet ta' politika stabbiliti mill-Kummissjoni bħala parti mill-ippjanar tagħha. Din il-Komunikazzjoni, li ġiet adottata għat-tieni sena konsekuttiva, tidentifika dawk l-oqsma prijoritarji li fihom il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tuża l-istandardizzazzjoni Ewropea bħala għodda ta’ politika bħala appoġġ għal-leġiżlazzjoni u għall-politiki ġodda jew eżistenti tal-Unjoni tul l-2015. Fil-ġejjieni l-intenzjonijiet jistgħu jwasslu għal talbiet formali ta’ standardizzazzjoni (mandati) lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standardizzazzjoni (ESOs) – CEN, CENELEC u ETSI, iżda se jitħalla wkoll lok għal azzjonijiet preliminari jew anċillari relatati mal-istandardizzazzjoni li jkunu ġew mitluba jew mibdija mill-Kummissjoni mingħajr mandati.
Meta wieħed iqis in-natura privata tal-standardizzazzjoni Ewropea, l-implimentazzjoni prattika (jiġifieri l-istandardizzazzjoni) ta’ dawn il-prijoritajiet u azzjonijiet kollha tibqa' dejjem taħt ir-responsabbiltà, ir-rieda u d-diskrezzjoni tal-ESOs. Ir-rwol tal-Kummissjoni jibqa’ li tagħti bidu għal attivitajiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej permezz ta’ talbiet għal standardizzazzjoni jew permezz ta’ azzjonijiet oħra, u li tagħti finanzjament tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea meta tappoġġja l-prijoritajiet tal-Unjoni.
L-orjentazzjonijiet indikati fil-programm ta’ ħidma ma għandhomx impatt baġitarju li jeċċedi dak li huwa diġà previst għas-sena 2015. L-eżitu tan-negozjati għall-Qafas Finanzjarju Ewropew 2014-2020 kien tnaqqis serju tal-baġit tal-Kummissjoni. Dan għandu impatt fuq il-baġit annwali, u fl-2014 il-linja baġitarja għall-istandardizzazzjoni tnaqqset b’25,56 % minn dik tal-2013. Konsegwentement, l-isfida hija li l-piż jinqasam fost it-tipi differenti ta’ nfiq u ta' organizzazzjonijiet, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet strateġiċi tal-politika ta’ standardizzazzjoni tal-Unjoni.
Il-pubblikazzjoni ta’ dan il-programm ta’ ħidma tal-Unjoni żżid l-effiċjenza u t-trasparenza, u tiffaċilita b'mod aqwa s-sistema ta' ppjanar bil-quddiem tax-xogħol ta’ standardizzazzjoni.
Fi tmiem l-2013, il-Kummissjoni nediet l-analiżi indipendenti tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni. L-ewwel fażi tar-rapport, li kienet iffukata fuq il-ġbir ta' informazzjoni, tlestiet f'Ġunju. Il-fażi li jmiss tikkonċerna l-analiżi tal-fatti u l-konklużjonijiet. Ir-riżultati se jkunu disponibbli qabel tmiem is-sena.
Ir-riżultati tal-analiżi indipendenti se jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni fir-rapporti tagħha skont l-artikoli 24 u 25 tar-Regolament, li se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2015.
Uħud mill-entrati tal-UWP tal-2014 ġew trasferiti f’dan id-dokument, li jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-2015. Dawn l-entrati ġew identifikati f'diskussjonijiet ta' natura kontinwa u kunsenswali mal-Organizzazzjonijiet Ewropej ta' Standardizzazzjoni, bl-involviment ukoll ta' partijiet ikkonċernati oħra. Barra minn hekk, għadd ta' standards li jappoġġaw il-leġiżlazzjoni tal-UE għadhom jiddependu fuq l-adozzjoni, min-naħa tal-koleġiżlatur, tal-atti li se jkunu bbażati fuqhom. Bħala riżultat, il-Kummissjoni qed tipproponi pjan ta’ skedar mill-ġdid ta' wħud mill-entrati li diġà huma elenkati fil-UWP tal-2014.
2.Prijoritajiet Strateġiċi għall-Istandardizzazzjoni Ewropea
Il-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2014 enfasizza l-ħtieġa ta' bażi industrijali b'saħħitha u kompetittiva, f'termini tal-produzzjoni kif ukoll tal-investiment, bħala xprunatur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Skont il-Kunsill Ewropew, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew” tipprovdi kontribut importanti f’dan ir-rigward u tistabbilixxi l-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni għall-politika industrijali.
Dawn il-prijoritajiet se jinkisbu billi:
•
titlesta l-integrazzjoni tan-netwerks: in-netwerks tal-informazzjoni, tal-enerġija u tat-trasport
•
jinkiseb suq intern aktar miftuħ u integrat fil-qasam tal-prodotti u s-servizzi
•
jittejbu l-ambjent tan-negozju, il-qafas regolatorju u l-amministrazzjoni pubblika fl-UE
•
jiġi stimolat l-investiment fl-innovazzjoni u fit-teknoloġiji ġodda
•
jiżdiedu l-produzzjoni u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għal inputs affordabbli għall-produzzjoni
•
jiġu aġġornati l-ħiliet u billi jiġi ffaċilitat it-tibdil fil-qasam tal-industrija
•
jiġu appoġġati l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u l-intraprenditorija
•
tiġi appoġġata l-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi tal-UE, b’mod partikolari l-SMEs
Is-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni tikkontribwixxi lejn l-għanijiet strateġiċi tal-Ewropa, b’mod partikolari fil-qasam tal-politika industrijali, is-servizzi, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku.
Il-Kummissjoni eżaminat liema mill-azzjonijiet deskritti fil-Komunikazzjoni huma lesti għall-iżvilupp ta’ standards fl-2015.
F’dan il-kuntest, fl-oqsma li jidhru hawn taħt il-Kummissjoni identifikat il-prijoritajiet strateġiċi tagħha għall-istandardizzazzjoni Ewropea li fir-rigward tagħhom beħsiebha titlob li jsir żvilupp ta’ standards min-naħa tal-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standardizzazzjoni.
2.1.Prodotti bijoloġiċi, inkluż bijokarburanti
Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm progress koerenti u koordinat, għandha tiġi kkunsidrata wkoll ir-riċerka prenormattiva u konormattiva għall-iżvilupp ta' metodi ta’ ttestjar applikabbli għall-kejl tal-kontenut b'bażi bijoloġika, tal-funzjonalitajiet, tal-attributi u tal-profili ambjentali tal-prodotti bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi, eż. il-polimeri, il-lubrikanti, is-solventi u l-aġenti tensjoattivi bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi.
Minbarra l-ħidma ta’ standardizzazzjoni fil-qasam tal-bijokarburanti li qed issir bħalissa, il-Kummissjoni qed teżamina oqsma relatati mal-prodotti bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi li jeħtieġu speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda u metodi ta’ ttestjar ġodda fil-qasam tal-bijoenerġija.
Bħala parti mill-Programm ta' Ħidma tal-2014-2015 Orizzont 2020 “Enerġija sigura, nadifa u effiċjenti”, il-Kummissjoni għandha l-għan li titlob, fl-ewwel kwart tal-2015, għall-ipprogrammar u l-iżvilupp ta’ standards dwar l-alka u l-prodotti magħmula mill-alka.
Bħala parti mill-istess Programm ta' Ħidma Orizzont 2020, iżda fir-rigward tas-"Sigurtà tal-ikel, agrikoltura u forestrija sostenibbli, riċerka tal-baħar u marittima u tal-ilmijiet interni u l-bijoekonomija", il-Kummissjoni qed titlob għall-iżvilupp u l-promozzjoni tal-użu ta' speċifikazzjonijiet komuni ambjentali u funzjonali/ibbażati fuq il-prestazzjoni, inkluż il-ħtieġa ta' metodoloġiji standardizzati ta' kejl u ttestjar li jistgħu jintużaw biex jiġu appoġġati netwerks ta' akkwist pubbliku fir-rigward ta' prodotti innovattivi bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi.
2.2.Prodotti għall-bini, u l-kostruzzjoni
L-iżvilupp ta’ ċerti standards ġodda għall-prodotti, eż. għal prodotti innovattivi u għall-emendar tal-istandards eżistenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tar- Regolament (UE) Nru 305/2011 għandu jitlesta. Ċerti aspetti regolati, eż. l-aċċessibbiltà tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali għandhom jiġu inklużi fi standards Ewropej armonizzati għall-prodotti.
L-iżvilupp ta’ metodi ta’ valutazzjoni għal sustanzi perikolużi regolati u għal emissjonijiet ta' radjazzjoni għandhom jiġu finalizzati, u fl-istandards għall-prodotti għandhom jiddaħħlu, b'mod gradwali, metodi ta’ valutazzjoni ġodda.
Sabiex tittejjeb il-kompetittività tas-servizzi tal-kostruzzjoni tal-UE, il-Kummissjoni se tippromwovi l-iżvilupp ulterjuri u l-adozzjoni fil-livell internazzjonali ta' standards tad-disinjar strutturali tal-Eurocodes skont il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Kompetittività Sostenibbli tas-Settur tal-Kostruzzjoni.
Il-Kummissjoni qed teżamina l-ħtiġijiet għall-istandardizzazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-enerġija ġeotermali.
Fir-rigward tal-kwalità tal-arja ta’ ġewwa, għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-istandardizzazzjoni tal-kejl tar-Radon fid-djar.
Il-Kummissjoni beħsiebha toħroġ it-talbiet ta’ standardizzazzjoni fit-tielet kwart tal-2015.
2.3.Prodotti ta' Ekodisinn/relatati mal-Enerġija
Fir-rigward tal-azzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi”, għandhom jiġu żviluppati standards relatati mal-effiċjenza tar-riżorsi bħall-indiċijiet tar-riċiklaġġ, tal-irkupru u tal-użu mill-ġdid ta’ prodotti jew id-durabilità tal-prodotti jew tal-komponenti ewlenin tagħhom kif ukoll parametri ambjentali oħra, u dan sabiex tiġi ffaċilitata l-karatterizzazzjoni ta’ rekwiżiti potenzjali tal-ekodisinn f’oqsma addizzjonali.
Talbiet addizzjonali għal standardizzazzjoni li jappoġġaw ir-Regolamenti tal-Kummissjoni li jimplimentaw id-Direttiva dwar l-Ekodisinn (eż. sistemi ta’ ventilazzjoni, ħiters tal-ilma u tal-postijiet, modalità standby ikkoordinata b'netwerk għal tagħmir imqabbad ma' netwerk u għal tagħmir tan-netwerking) se jinħarġu bħala mandati individwali.
Fejn il-Kummissjoni tqis li huwa probabbli li jkunu se jiġu proposti miżuri ġodda (jiġifieri Regolamenti tal-Kummissjoni jew Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni) dwar tal-Ekodisinn u/jew tat-Tikkettar Enerġetiku għall-prodotti inklużi fil-Pjan ta’ Ħidma tal-Ekodisinn 2012-14, jista' jkun li jinħarġu talbiet ġodda għal standardizzazzjoni f’dawn l-oqsma.
Il-Kummissjoni beħsiebha toħroġ it-talbiet ta’ standardizzazzjoni fit-tieni kwart tal-2015.
2.4.Ir-riċiklaġġ tal-iskart
L-implimentazzjoni ta’ azzjoni msemmija fil-punt 2.1.4.4 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2013)561 (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Kummissjoni għall-2014) għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP, ħlief għar-referenza għall-karatterizzazzjoni tal-iskart għal proprjetà perikoluża H 12 – rilaxx ta’ gass tossiku b'mod akut tal-kategorija 1, 2 jew 3, meta jkun qed jiġi mħejji mandat.
Il-Kummissjoni beħsiebha toħroġ it-talbiet ta’ standardizzazzjoni fl-ewwel kwart tal-2015.
2.5.Servizzi postali
Permezz tal-azzjonijiet stipulati fil-“Pjan direzzjonali dwar l-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti”, il-Kummissjoni għandha l-għan li tappoġġa l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku billi ttejjeb il-konsenja tal-pakketti, speċjalment fuq livell transfruntiera. Sett wieħed ta’ azzjonijiet jippromwovi interoperabilità mtejba ta’ operazzjonijiet ta' konsenja tal-pakketti. Il-Kummissjoni għandha l-għan li toħroġ, fi żmien l-ewwel xahar tal-2015, talba għal standardizzazzjoni rigward il-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti, u tista' tikkunsidra wkoll jekk tinkludix fi ħdan din it-talba għal standardizzazzjoni r-reviżjoni ta’ kwalunkwe Standards Ewropej eżistenti dwar is-servizzi postali, jekk dan ikun meħtieġ.
2.6.Il-kwalità tal-arja u l-emissjonijiet industrijali
Id-Direttiva dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi teħtieġ li jsir monitoraġġ tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAH). Sabiex tiġi żgurata komparabilità aħjar tal-informazzjoni, jeħtieġ li jkun hemm metodi standard validati għall-PAH.
Id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tintroduċi monitoraġġ kontinwu tal-emissjonijiet ta’ dibenżo-diossini poliklorinati u ta' dibenżo-furani poliklorinati (PCDD/PCDF) minn impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart hekk kif isiru disponibbli tekniki xierqa ta’ kejl. Il-Kummissjoni qed tistenna li tibgħat mandat lill-ESOs matul l-2015 fir-rigward tat-tlestija tal-validazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi eżistenti f’dan il-qasam.
3.Il-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni f’oqsma oħra
3.1.L-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda
3.1.1.It-teknoloġiji tal-manifattura avvanzati
Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standardizzazzjoni biex tindirizza b’mod sistematiku r-riżultati ta’ operazzjonijiet ta' skrinjar u ta' eżerċizzji ta' previżjoni dwar il-manifattura avvanzata fil-programm ta’ ħidma tagħhom, u biex tkompli tidentifika u tindirizza n-nuqqasijiet fl-istandardizzazzjoni filwaqt li titqies il-ħidma tat-Task Force tal-Kummissjoni dwar il-Manifattura Avvanzata għal Produzzjoni Nadifa.
3.1.2.Teknoloġiji abilitanti essenzjali (KETs)
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.1.2 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.1.3.Il-politika sostenibbli fil-qasam tal-industrija,il-kostruzzjoni u l-materja prima
3.1.3.1.Azzar
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.1.4.2 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.1.3.2.Materja prima mhux tal-enerġija u mhux agrikola
Fil-Pjan Strateġiku ta’ Implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ oqsma fejn hija meħtieġa l-istandardizzazzjoni.
Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) dwar il-Materja Prima se taħdem fuq standards komuni għar-riċiklaġġ tal-iskart u għar-rapportar ta’ dejta dwar l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-minerali, il-kummerċ, ir-riżervi u r-riżorsi.
3.1.4.Vetturi u bastimenti nodfa
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.1.5 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.1.5.Grilji intelliġenti u l-użu ta' arloġġi intelliġenti
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.1.6 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
Apparti l-mandat ta’ standardizzazzjoni M/490 li nħareġ qabel bħala appoġġ għall-iskjerament tal-Grilja Intelliġenti Ewropea, is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Bliet Intelliġenti se tiżviluppa pajsaġġ komuni u programm strateġiku għall-istandards tal-bliet intelliġenti.
3.2.It-tisħiħ tas-suq intern tal-oġġetti u s-servizzi
3.2.1.Ir-rwol tal-istandards Ewropej bħala parti mill-qafas regolatorju
L-istandards Ewropej adottati fuq il-bażi ta’ talbiet mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni diġà huma parti essenzjali tal-qafas regolatorju għall-prodotti. Sabiex jiġi żgurat li l-istandards Ewropej, u b’mod partikolari l-istandards armonizzati, ikunu jistgħu jżommu l-pożizzjoni tagħhom bħala punt ta’ referenza rikonoxxut fl-iżgurar tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – mhux biss għall-prodotti iżda wkoll għas-servizzi – jeħtieġ li jintuża approċċ koerenti u rivedut bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti legali l-ġodda tar-Regolament tal-2012 dwar l-Istandardizzazzjoni. Sabiex dan jiġi żgurat, il-Kummissjoni se tirrevedi l-linji gwida tagħha dwar l-abbozzar, l-adozzjoni u t-twettiq ta’ talbiet ta’ standardizzazzjoni li jiffukaw b’mod partikolari fuq il-protezzjoni tal-SMEs, it-trasparenza, il-kwalità u ċ-ċarezza tal-istandards armonizzati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni beħsiebha taġġorna l-mandat M/417 dwar l-istandards marbuta ma’ attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jservu ta’ referenza rikonoxxuta għall-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, inkluż dawk li joperaw fil-qafas tal-leġiżlazzjoni tal-UE fir rigward tal-armonizzazzjoni.
3.2.2.Is-sikurezza tat-tfal
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.1 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
Il-Kummissjoni tista’ titlob li jiġu żviluppati standards Ewropej għal ħwejjeġ u aċċessorji tat-tfal, kif ukoll għal żraben tat-tfal.
3.2.3.Is-sikurezza ta’ prodotti oħrajn għall-konsumatur
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.2 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
Il-Kummissjoni tista’ titlob li jiġu żviluppati standards Ewropej għal mezzi li jgħinu lil dak li jkun iżomm f'wiċċ l-ilma waqt l-għawm, għal skejz bir-roti (u għal tagħmir simili) u għal tagħmir tal-paragliding.
3.2.4.Il-kwalità u s-sikurezza fl-ikel u l-għalf
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.3 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kummerċ ġust u livell għoli ta’ sikurezza meta jintużaw metodi li mhumiex standards internazzjonali tal-ISO, huwa importanti ħafna li jiġu stabbiliti b’mod ċar ir-rekwiżiti għall-korpi ta’ ċertifikazzjoni li jevalwaw l-ekwivalenza u ċ-ċertifikati li għandhom jiġu rilaxxati.
3.2.5.Prodotti tat-tabakk
Skont id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni qed tikkunsidra l-iżvilupp ta’ standards tekniċi għas-sigaretti elettroniċi, u b'mod partikolari għall-mekkaniżmu ta’ rikarika tagħhom.
3.2.6.Kożmetiċi
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.4 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.2.7.Il-kompożizzjoni tal-fibri ta’ prodotti tat-tessut
Skont ir-Regolament dwar it-Tessuti u r-Regolament REACH, il-Kummissjoni tista’ titlob biex jiġu introdotti attivitajiet ta’ standardizzazzjoni fir-rigward ta’ prodotti tat-tessut lesti, jiġifieri f’oqsma bħal dawk tal-identifikazzjoni mhux distruttiva ta’ fibri tat-tessuti, l-integrazzjoni ta’ elementi mhux tessili, id-determinazzjoni tal-fjammabilità u l-identifikazzjoni tal-preżenza (jew tal-assenza) ta’ sustanzi allerġeniċi.
3.2.8.Fertilizzanti
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.6 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.2.9.Is-sikurezza ta’ makkinarju lilhinn mill-kosta (offshore)
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.7 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.2.10.Trasport fuq l-art
Skont l-iskjerament tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (EETS), l-attivitajiet ulterjuri ta’ standardizzazzjoni li ġejjin għandhom ikunu ta’ benefiċċju: standards tal-ittestjar għall-monitoraġġ sikur ta’ sistemi ta’ pedaġġ u għal profili ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-Forniment tas-Servizz u l-attivitajiet ta’ Ċċarġjar ta’ Pedaġġi, u r-reviżjoni tal-istandards ta' ttestjar li jiffurmaw il-bażi tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ ibbażati fuq is-satellita u tal-profil tal-istandards għall-pedaġġ elettroniku bbażat fuq sistemi ta' Komunikazzjonijiet ta' Distanza Qasira Dedikati (DSRC).
Sabiex tkun tista' tiġi implimentata leġiżlazzjoni ġdida dwar it-Takografi Diġitali u dwar il-Piżijiet u d-Dimensjonijiet hemm bżonn ta' standard addizzjonali dwar id-DSRC sabiex tkun tista' ssir trażmissjoni ta' dejta minn vettura miexja lil uffiċjal tal-pulizija ta’ infurzar li jkun jinsab fit-triq, permezz ta' interfaċċja DSRC.
Hemm ukoll kwistjoni oħra relatata mas-sistemi abbord ta’ użin għat-trakkijiet, fejn fornituri differenti jistgħu jattrezzaw it-trattur u t-trejlers li dan ikun se jirmonka. Hemm bżonn ta' standard dwar l-interfaċċja bejn il-fornituri differenti, sabiex jiġi żgurat li l-kompjuter ta' abbord għall-użin fit-trattur ikun jista' jirċievi l-piżijiet ta’ kwalunkwe trejler għal kull fus, jaħżinhom, u mbagħad jikkalkula l-piż totali tal-vettura. Dan l-istandard jista’ jiġi bbażat fuq ISO 11992.
3.2.11.Merkanzija-e
Permezz tal-inizjattiva ta’ politika Merkanzija-e, il-Kummissjoni għandha l-għan li tgħaqqad flimkien b’mod elettroniku l-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-loġistika tul il-katina kollha tal-provvista, u li tiffaċilita l-fluss, l-aċċess u l-użu tal-informazzjoni. L-għan hu li tittejjeb l-effiċjenza, u li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija.
F’dan il-qafas, il-Kummissjoni tista’ titlob għal attivitajiet ta’ standardizzazzjoni.
3.2.12.It-trasport fuq l-ilma
Fil-qasam tat-trasport fuq l-ilma, is-soluzzjonijiet u l-istandards tekniċi huma bbażati kemm fuq rekwiżiti Ewropej kif ukoll fuq rekwiżiti internazzjonali. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra li toħroġ talba għal standardizzazzjoni lill-ESOs fir-rigward tal-iżvilupp ta’ standards għall-qsim ta’ informazzjoni dwar it-trasport marittimu biex tiġi appoġġjata l-inizjattiva Marittima elettronika, u sabiex jiġu appoġġati l-implimentazzjoni nazzjonali tal-Punt Uniku ta' Kuntatt u t-trażmissjoni elettronika ta’ dejta lejn sistemi rilevanti oħra, b’mod partikolari s-Sistema tal-Unjoni ta’ Informazzjoni u Skambju Marittimu, SafeSeaNet. F’dan il-kuntest, se tiġi stabbilita rabta mill-qrib mal-inizjattivi ta’ Merkanzija-e, Dwana elettronika u Navigazzjoni elettronika.
3.2.13.Trasport bl-ajru
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.8 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
Madankollu, rigward il-modernizzazzjoni tan-netwerk Ewropew għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, l-ESOs se jiġu mitluba jirrevedu l-istandards eżistenti u t-tkomplija tagħhom, u li jiżviluppaw, b’kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Ewropea għal Tagħmir tal-Avjazzjoni Ċivili (EUROCAE) u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), attivitajiet futuri possibbli u l-istandards Ewropej rilevanti meħtieġa identifikati fil-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM u fil-proġetti komuni li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju.
B’konformità mal-Komunikazzjoni tagħha dwar sistemi ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS) b’mod sikur u sostenibbli, il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija għall-RPAS fil-livell Ewropew. Dan jinkludi d-definizzjoni ta’ qafas regolatorju xieraq, li jista' jiġi appoġġat minn standards żviluppati mill-ESOs jew mill-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istandardizzazzjoni, b’kooperazzjoni mal-EUROCAE u l-EASA.
3.2.14.Transport bil-ferrovija
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.9 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP, flimkien mal-oqsma li ġejjin ta' żvilupp ta' standards Ewropej:
Komunikazzjoni armonizzata bejn il-vettura u ż-żona fuq l-art, sabiex jingħalqu l-punti miftuħa fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità (TSIs);
L-iżvilupp tal-linja ta’ kuntatt fl-għoli (OCL), wara r-riżultati tal-istudju speċifiku dwar din il-kwistjoni, li ġie kkummissjonat mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea;
L-iżvilupp ta’ standards Ewropej għal applikazzjonijiet ferrovjarji, inkluż sistema ta' binarji ta' ħxuna ta' 1 520mm li tqis l-istandards interstatali Russi (GOST) u li tiffoka fuq l-iskop u l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Interoperabilità.
3.2.15.Il-fjuwils alternattivi u l-infrastruttura relatata
L-istandardizzazzjoni se tkun meħtieġa biex jiġi implimentat il-pakkett dwar l-użu tal-Enerġija Nadifa għat-Trasport, inkluż l-Istrateġija dwar il-Fjuwils Alternattivi Ewropej u l-proposta għal Direttiva dwar l-użu tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.
Il-Kummissjoni tinsab ħerqana li tappoġġja l-introduzzjoni aktar mgħaġġla fis-suq ta’ kunċetti avvanzati permezz tal-armonizzazzjoni u l-iżvilupp ta' standards għat-teknoloġija fotovoltajka. Il-Kummissjoni qed teżamina oqsma relatati mal-fjuwils alternattivi fejn tista' tkun meħtieġa standardizzazzjoni ulterjuri.
3.2.16.Is-sikurezza tal-infrastruttura
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.11 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.2.17.Komunikazzjoni mingħajr fili
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.12 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP, u qed jinżiedu l-entrati li ġejjin:
(1)aċċessorji li jinteroperaw flimkien ma' tagħmir tar-radju, b'mod speċifiku interfaċċja komuni ta’ ċċarġjar għal tagħmir mobbli u għal tagħmir elettroniku portabbli ieħor;
(2)aċċess għal servizzi ta’ Galileo minn telefons ċellulari u minn tagħmir portabbli tar-radju;
(3)infurzar ta' sistemi ddisinjati biex jiżguraw li s-softwer li jappoġġja ċerti karatteristiki jkun jista’ jiġi llowdjat biss fit-tagħmir tar-radju fejn tkun intweriet il-konformità tal-kombinament tas-softwer u tat-tagħmir tar-radju;
(4)servizzi ta' komunikazzjoni mobbli fil-medda ta' 700 MHz u fil-medda l-baxxa tal-UHF sabiex tiġi żgurata l-koeżistenza ma' applikazzjonijiet oħra u ma' tagħmir elettroniku ieħor, skont kif ġej: "Servizzi ta' komunikazzjoni broadband bla fili fil-medda tal-UHF (470-790 MHz) sabiex tiġi żgurata l-koeżistenza ma' applikazzjonijiet oħra, inkluż ma' tagħmir mhux tar-radju u tagħmir elettroniku.
3.2.18.L-ispazju għas-servizz taċ-ċittadini
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.13 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.2.19.Sigurtà
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.14 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.2.20.Is-Sigurtà u s-Sikurezza Nukleari
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.15 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.2.21.Sustanzi kimiċi
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.16 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
Skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u l-leġiżlazzjoni relatata, il-Kummissjoni qed tikkunsidra l-iżvilupp ta’ standards għal metodi analitiċi għal sustanzi niġġiesa tal-ilma u għal ċerti parametri bijoloġiċi u mikrobijoloġiċi.
3.2.22.Sikurezza ta’ servizzi speċifiċi
Dan il-partita tax-xogħol hija soġġetta għall-eżitu ta’ konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati li hija provviżorjament skedata għat-tieni nofs tal-2014. Jekk il-kontribut mill-partijiet ikkonċernati jwassal għall-konklużjoni li l-ħtiġijiet ta' standardizzazzjoni tas-servizzi fil-qasam tas-sikurezza tal-konsumaturi eż. dwar is-sikurezza f’każ ta’ nirien fil-lukandi, jirċievi appoġġ wiesa’, din l-għażla għandha tibqa’ miftuħa.
3.2.23.Servizzi tal-kura tas-saħħa
Il-pazjenti jeħtieġu servizzi sikuri u ta’ kwalità għolja sabiex ikollhom fiduċja fis-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa. Biex ikunu jistgħu jiġu żviluppati Standards Ewropej, dawk li jmexxu l-kliniki u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet regolatorji, ir-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll l-organizzazzjonijiet ta' akkreditazzjoni u ta’ standardizzazzjoni, għandhom jiġbru flimkien l-għarfien u l-esperjenza tagħhom. Sabiex is-sistemi tal-kura tas-saħħa kumplessi jiġu mmaniġġjati b’mod konsistenti, aspetti orizzontali speċifiċi jistgħu jkunu soġġetti għal talbiet ta’ standardizzazzjoni għal CEN, b’konformità mal-leġiżlazzjoni u mal-politiki rilevanti tal-Unjoni dwar il-kura tas-saħħa.
3.2.24.Aċċessibbiltà
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.2.20 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.2.25.Apparat mediku
Ladarba r-Regolament futur dwar il-Mezzi Mediċi u r-Regolament dwar il-Mezzi Mediċi dijanjostiċi in vitrojiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea toħroġ mandat li bih is-CEN u s-CENELEC jiġu mistiedna jivverifikaw sa liema punt ir-Rekwiżiti Essenzjali u r-rekwiżiti l-oħrajn li jinsabu fir-regolamenti futuri huma koperti mill-istandards.
3.2.26.Strumenti tal-kejl
Fil-qafas tad-Direttiva dwar l-Istrumenti tal-Kejl, il-Kummissjoni tista’ tqabbad lill-ESOs jipproduċu standards fid-dawl tal-istat tal-istandardizzazzjoni internazzjonali u fid-dawl tal-ħtiġijiet tas-suq. Dan kieku jikkonċerna l-istrumenti koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva li wara l-aħħar bidla fid-Direttiva ma jeżisti ebda standard armonizzat għaliha, jew li minħabba l-innovazzjoni teknoloġika biss, jeżistu għaliha standards armonizzati mhux kompluti u li/jew li m’għadhomx validi.
3.2.27.Apparat ta’ pressjoni
Sabiex tiġi promossa l-adozzjoni ta’ standards armonizzati Ewropej fil-qasam tal-apparat ta’ pressjoni u sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul ta’ dawn l-istandards, se jittieħdu azzjonijiet ulterjuri biex tiġi promossa l-viżibbiltà u sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tal-istandards prinċipali għar-reċipjenti ta' pressjoni, għall-pajpijiet u għall-bojlers.
3.2.28.Tagħmir elettriku u elettroniku
Il-punti li ġejjin jistgħu jkunu s-suġġett ta’ talbiet speċifiċi ta’ standardizzazzjoni:
(1)aspetti mhux koperti fl-istandards armonizzati u nuqqasijiet possibbli fl-istandards armonizzati attwali li jappoġġaw l-għanijiet ta' sikurezza tad-Direttiva dwar il-Vultaġġ Baxx;
(2)l-aspetti tas-sigurtà ta’ prodotti tal-elettriku li minħabba l-karatteristiki tagħhom eż. li jkunu attraenti għat-tfal, jistgħu jkunu ta' periklu għal setturi tal-popolazzjoni li huma partikolarment vulnerabbli.
3.2.29.It-trasport bl-ilma – Inġenji ta' rikreazzjoni
Id-Direttiva dwar id-Dgħajjes li Jintużaw għar-Rikreazzjoni ġiet riveduta dan l-aħħar, u għalhekk l-iżviluppar u l-aġġornament ta’ standards armonizzati għandu jsir permezz ta’ mandat ġdid.
Il-punti li ġejjin jistgħu jkunu s-suġġett ta’ talbiet speċifiċi ta’ standardizzazzjoni, jew ta' mandati ġodda jekk ikun meħtieġ:
(3)dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni — il-kejl tal-emissjonijiet tal-egżost ta' magni bil-pistuni b'moviment rotattiv — kejl tal-emissjonijiet gassużi u tal-partikulati mill-egżost fuq il-bank tat-test;
(4)l-aspetti ta’ sigurtà ta’ ċirkwiti elettriċi fir-rigward ta’ sistemi ta’ propulsjoni bl-elettriku jew ibridi;
(5)aspetti mhux koperti fl-istandards armonizzati u nuqqasijiet possibbli fl-istandards armonizzati attwali li jappoġġaw l-għanijiet ta' sikurezza tad-Direttiva dwar id-Dgħajjes li Jintużaw għar-Rikreazzjoni.
Il-Kummissjoni tista’ titlob li l-proċeduri ta’ ttestjar u ta' ċertifikazzjoni tat-trattament ta’ materjali komposti biex dawn ikunu jistgħu jifilħu għal kontra n-nar, u li jintużaw fuq il-bastimenti, jiġu żviluppati bl-għan li titrawwem l-aċċettazzjoni tagħhom fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Dan jista’ jwassal għal azzjonijiet speċifiċi relatati mal-istandardizzazzjoni.
3.2.30.Is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol
L-infurzar tad-Direttiva dwar il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward tal-esposizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jiġu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) jirrevoka d-Direttiva 2004/40/KE.
Il-Kummissjoni qed tikkunsidra li jew temenda l-mandat eżistenti M/351, jew li toħroġ mandat ġdid għall-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standardizzazzjoni biex dawn jiżviluppaw standards armonizzati b’appoġġ għad-Direttiva 2013/35/UE.
3.2.31.Difiża
Il-Komunikazzjoni riċenti dwar is-setturi tad-difiża u tas-sikurezza enfasizzat li l-użu ta’ standards komuni tad-difiża jsaħħaħ bil-kbir il-kooperazzjoni u l-interoperabbiltà, kif ukoll il-kompetittività tal-industrija Ewropea, speċjalment f’teknoloġiji emerġenti. Dan l-approċċ ġie appoġġjat mill-Kunsill Ewropew fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tad-19 ta’ Diċembru 2013. Il-Kummissjoni se tkun qed taħdem mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża biex teżamina modi kif jiġi promoss l-użu ta’ standards komuni fid-difiża u f’oqsma oħra msemmija fil-Komunikazzjoni. Kwalunkwe ħidma li ssir f’dan il-qasam ma għandhiex tkun ta' duplikazzjoni tal-attivitajiet tan-NATO.
3.2.32.Affarijiet Marittimi
Il-Kummissjoni se tkun qed taħdem biex teżamina modi kif tippromwovi l-użu ta’ standards komuni fl-affarijiet marittimi. Din il-ħidma se tappoġġja, inter alia, l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għas-sorveljanza tad-dominju marittimu tal-UE (CISE Marittimu), u b’mod partikolari l-kooperazzjoni bejn il-qasam tad-difiża u l-qasam ċivili.
It-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn id-diversi funzjonijiet settorjali billi s-sistemi ta’ sorveljanza marittima jsiru interoperabbli permezz tal-użu ta’ standards komuni, b’mod partikolari bejn id-difiża u setturi oħra, huwa ta’ importanza partikolari.
3.3.Agenda Diġitali għall-Ewropa
L-istandards huma indispensabbli għall-interoperabilità bejn il-prodotti tal-ICT, is-servizzi, l-applikazzjonijiet u l-kontenut diġitali li huwa kruċjali għall-ħolqien ta’ soċjetà diġitali effettiva. Minħabba n-natura globali tas-suq tal-ICT, il-kooperazzjoni bejn l-ESOs u l-fora u l-konsorzji rilevanti hija meħtieġa biex tlaħħaq mad-domanda dejjem tiżdied għal standards fir-rigward tal-appoġġ l-interoperabilità f’dan id-dominju li qed jevolvi b’rata mgħaġġla.
Il-pjan tal-istandardizzazzjoni tal-ICT jidentifika f’aktar dettall l-oqsma fejn l-istandards jistgħu jikkontribwixxu lejn l-ilħuq tal-għanijiet ta’ politika marbuta mal-ICT inkluż permezz tal-ittestjar komplementari tal-interoperabbiltà u permezz ta' azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni biex tiġi żgurata l-adozzjoni effettiva tal-istandards.
3.3.1.Saħħa-e
L-istudji juru li l-istandards Ewropej u internazzjonali ħafna drabi mhumiex speċifiċi biżżejjed biex jiżguraw l-interoperabilità tas-soluzzjonijiet tal-ICT fis-Saħħa-e. It-tiftix tal-approvazzjoni tan-Netwerk tas-servizzi tas-Saħħa elettronika u l-konsultazzjoni tal-grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tas-saħħa elettronika, speċifikazzjonijiet aktar dettaljati, inkluż il-linji gwida għall-ittestjar tal-interoperabbiltà u s-sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità, għall-iskambju transfruntiera ta’ dejta (jiġifieri f'sommarji dwar il-pazjenti jew preskrizzjonijiet elettroniċi), li għandhom jintużaw, pereżempju fl-akkwist pubbliku, se jiġu identifikati biex jikkontribwixxu għall-Qafas ta’ Interoperabbiltà tas-Saħħa-e.
Il-Kummissjoni tipproponi li tagħti spinta lill-interoperabbiltà billi tkompli tiżviluppa u tivvalida speċifikazzjonijiet u komponenti u, jekk meħtieġ, permezz ta’ mandati ta’ standardizzazzjoni.
3.3.2.Identifikazzjoni bil-Frekwenzi tar-Radju (RFID)
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.4.2 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.3.3.Ħiliet-e u Tagħlim-e
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.4.3 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.3.4.Soluzzjoni onlajn għat-tilwim (ODR) għal Kummerċ-e
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.4.6 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.3.5.L-Internet tal-Oġġetti (IoT)
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.4.7 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.3.6.Identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji fosthom il-firem elettroniċi
Fit-tieni nofs tal-2014, il-Kunsill huwa mistenni jadotta Regolament dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern. Dan se jieħu post id-Direttiva dwar il-firem elettroniċi, u se jespandi l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu biex jindirizza l-identifikazzjoni elettronika, firem elettroniċi, siġilli elettroniċi, kronogrammi elettroniċi, kunsinni elettroniċi, dokumenti elettroniċi jew ċertifikati elettroniċi ta’ awtentikazzjoni tal-websajts. Aktar mandati ta’ standardizzazzjoni se jkunu meħtieġa biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tiegħu.
3.3.7.Pagamenti bil-karta tal-kreditu, bl-Internet u bil-mowbajl
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.4.9 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.3.8.Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (ITS)
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.4.10 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
Il-Kummissjoni qed tikkunsidra li toħroġ ordni ta’ standardizzazzjoni biex jiġu żviluppati standards għall-ġenerazzjoni futura tas-servizzi eCall, filwaqt li tqis l-evoluzzjoni tan-netwerks ta’ komunikazzjoni mobbli u tal-ambjent tal-IP u filwaqt li tikkunsidra wkoll firxa usa’ ta’ tipi ta’ vetturi u servizzi, bħall-intraċċar tal-Vetturi Heavy-Duty, ta' Vetturi Motorizzati b’Żewġ Roti jew ta' Prodotti Perikolużi.
3.3.9.Immappjar tal-infrastruttura broadband
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dan l-aħħar adottaw id-Direttiva 2014/61/UE dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja. F’dan il-kuntest, għandha tkun magħmula disponibbli l-informazzjoni dwar l-infrastrutturi fiżiċi disponibbli fiż-żona ta' skjerament.
Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra talba ta’ standardizzazzjoni għal lingwa komuni bħala disponibbli għall-użu minn awtoritajiet Regolatorji, minn Ministeri u minn Operaturi/Utilitajiet, u tista' tinkludi sett ta’ saffi standardizzati suċċessivi ta’ awtorizzazzjoni, dettalji, tip (servizz, infrastruttura, domanda, mapep ta' investiment...). Dan l-istandard għall-immappjar tal-infrastruttura broadband għandu jibbenefika kemm jista’ jkun mill-gwida teknika INSPIRE għar-Regolament 1253/2013.
3.3.10.Akkwist-e/Katalgi-e
L-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni tat-teknoloġija tal-akkwist elettroniku huma strateġija ewlenija għat-tneħħija tal-ostakoli tekniċi jew tal-ispejjeż żejda meta l-fornituri jippreżentaw offerti għal pluralità ta’ sistemi. Sabiex jinkiseb suq uniku veru, l-offerenti, inklużi l-SMEs, idealment għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw u jipparteċipaw, f’diversi swieq u f'diversi sistemi, permezz ta’ sistema komuni jew permezz tas-sistema preferita tagħhom. Il-ħtieġa għal standardizzazzjoni fil-qasam tal-Akkwist elettroniku kien ġie affermat mill-ġdid bil-qawwi mill-Grupp ta' Esperti dwar l-Offerti Elettroniċi (eTEG) f’rapport li nħareġ fi Frar 2013, li fih kienu inklużi għadd ta’ azzjonijiet ta’ standardizzazzjoni li għandhom jitwettqu mill-aktar fis possibbli.
3.3.11.Servizzi ta’ logħob tal-azzard onlajn
Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni 'Lejn qafas Ewropew komprensiv għal-logħob tal-azzard onlajn' il-Kummissjoni qed tikkunsidra l-merti li jistgħu jirriżultaw mill-introduzzjoni ta’ standards għal apparat tal-logħob tal-azzard. Iċ-ċertifikazzjoni ta' tagħmir tal-logħob tal-azzard online inkluż softwer tal-logħob tal-azzard ġeneralment tkun meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri b'rabta ma' applikazzjoni għal liċenzja tal-logħob tal-azzard. Livell komparabbli ta’ sigurtà tal-logħob tal-azzard onlajn fl-UE hija mmirata wkoll lejn it-tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi żejda relatati mal-proċeduri differenti ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri permezz tal-grupp ta’ esperti dwar is-servizzi tal-logħob tal-azzard u mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija, inkluż l-organizzazzjonijiet ta’ akkreditazzjoni u ta' standardizzazzjoni, sabiex jinkiseb benefiċċju mill-għarfien u l-esperjenza kondiviżi.
3.4.It-Tibdil fil-Klima u Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi
3.4.1.Gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra
Ir-Regolament il-ġdid dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra (Nru 517/2014) jintroduċi bidliet politiċi estensivi biex jitnaqqas l-użu ta’ gassijiet fluworurati f’tagħmir bħal tagħmir tal-arja kundizzjonata, f'tagħmir ta’ refriġerazzjoni, f'tipi ta' fowm, fil-protezzjoni kontra n-nar u fl-ajrusols. Għalhekk il-Kummissjoni tipprevedi l-azzjonijiet li ġejjin:
l-immappjar tal-istandards eżistenti u l-immappjar tar-rilevanza tagħhom għat-tipi ta’ tagħmir affettwati mir-Regolament il-ġdid dwar il-gassijiet fluworurati;
il-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet dwar ir-reviżjoni, l-aġġornament u l-armonizzazzjoni possibbli ta’ dawn l-istandards fuq il-bażi tal-progress teknoloġiku li jippermetti l-użu sikur ta’ alternattivi li mhumiex ta' ħsara għall-klima, u t-tneħħija ta' ostakli bla bżonn għall-adozzjoni tagħhom;
it-tnedija ta’ proċess ta’ reviżjoni f’oqsma fejn dan huwa meqjus bħala neċessarju.
3.4.2.L-infrastruttura ekoloġika
L-istrateġija dwar l-Infrastruttura Ekoloġika tidentifika l-istandards bħala li possibbilment jikkontribwixxu lejn "it-tkabbir tas-suq" għal soluzzjonijiet ta’ Infrastruttura Ekoloġika. Il-Kummissjoni se tivvaluta kif l-istandards tekniċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ blokok tal-bini fiżiċi u fir-rigward tal-proċeduri, jistgħu jżidu l-iskjerament tal-Infrastruttura Ekoloġika. Kontributi mill-partijiet ikkonċernati u mill-Istati Membri, u permezz ta’ kuntratt ta’ studju, li r-riżultati finali tiegħu huma mistennija li jinħarġu fl-2015, għandhom jgħinu biex tiġi kkunsidrata l-ħtieġa għal mandat dwar l-armonizzazzjoni jew l-iżvilupp ulterjuri ta’ standards relatati mal-Infrastruttura Ekoloġika.
3.4.3.Ikel sostenibbli
L-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fil-punt 2.5.5 tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkompli titqies bħala parti minn dan il-UWP.
3.4.4.L-użu sostenibbli tal-fosfru
Bħala segwitu għall-impenn li sar fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’użu effiċjenti tar-riżorsi, fl-2013 il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni Konsultattiva dwar l-użu sostenibbli tal-fosfru. L-attivitajiet u l-azzjonijiet ta’ politika ta’ segwitu għall-konsultazzjoni jistgħu jwasslu għal attivitajiet possibbli ta’ standardizzazzjoni.
4.Id-Dimensjoni Internazzjonali tal-Istandardizzazzjoni Ewropea
L-għan ġenerali huwa li tissaħħaħ il-firxa globali u l-kompetittività tal-industrija Ewropea billi jitnaqqsu l-ostakli tekniċi għall-kummerċ. L-użu ta’ standards komuni jew teknikament allinjati jappoġġja l-iskambju ta’ oġġetti u servizzi billi jżid l-interoperabbiltà fil-livell globali. Armonizzazzjoni aħjar tal-istandards tal-kejl tal-impatti ambjentali tippermetti li jkun hemm kundizzjonijiet aktar ekwi għall-industrija. L-għan se jintlaħaq billi:
Isiru sforzi għall-ksib tal-ikbar koerenza possibbli bejn l-istandards internazzjonali u dawk Ewropej (il-preċedenza tal-istandardizzazzjoni internazzjonali bi tmexxija b'saħħitha Ewropea f’bosta setturi).
Jiġi promoss l-allinjament tekniku ma’ (jew l-adozzjoni ta’) standards internazzjonali jew Ewropej barra mill-Ewropa kull meta dan ikun possibbli, sabiex jitnaqqsu l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ.
issir kapitalizzazzjoni fuq il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jitrawwem l-allinjament internazzjonali tal-ispeċifikazzjonijiet u r-rekwiżiti tekniċi.
titqajjem kuxjenza u billi jiġu ppromwovuti l-vantaġġi tal-istandardizzazzjoni Ewropea bħala sistema reġjonali koerenti inkorporata fl-istandardizzazzjoni internazzjonali u r-regolamentazzjoni multilaterali, u li tappoġġjahom bis-sħiħ. B’mod partikolari, it-trasferiment tal-għarfien u l-esperjenza dwar il-mudell Ewropew li jiffunzjona tajjeb ta’ standards volontarji li jappoġġaw ir-regolamenti u l-politiki pubbliċi, u attivitajiet ta' evalwazzjoni tal-konformità u ta' sorveljanza tas-suq.
Il-kontribut għad-djalogi ta’ politika/regolatorji bilaterali bejn l-UE u pajjiżi terzi, kif ukoll għall-kapitoli rilevanti ta' negozjati dwar il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles. Il-prijoritajiet attwali, fl-ordni tagħhom ta’ rilevanza, jiffukaw fuq l-Istati Uniti tal-Amerika (involviment dirett fin-negozjati tas-Sħubija Transatlantika dwar il-Kummerċ), iċ-Ċina (l-Aġenda Strateġika 2020 għall-Kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina, djalogu dwar il-politika regolatorja u industrijali, djalogu dwar il-kooperazzjoni fl-innovazzjoni), u r-Russja – f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna – u jappoġġaw is-sħubija għall-modernizzazzjoni, l-Indja u l-Ġappun. Se jiġu mmonitorjati wkoll djalogi mal-Amerika Latina, b'mod partikolari dawk mal-Brażil, il-Korea u l-ASEAN.
L-estensjoni tas-suq uniku b’mod partikolari permezz tal-proċess tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, il-politika Ewropea tal-Viċinat, u n-negozjar ta’ Ftehim dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni ta’ prodotti industrijali ma’ pajjiżi terzi li jadottaw il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-sikurezza tal-prodotti appoġġjata minn standards Ewropej.
Azzjonijiet strateġiċi f’pajjiżi prijoritarji li jikkonsistu f’dan li ġej:
Esperti Ewropej dwar l-istandardizzazzjoni ssekondati fiċ-Ċina u l-Indja (tiġdid tal-proġett) li jiżguraw preżenza lokali tal-istandardizzazzjoni Ewropea u fluss ta’ informazzjoni dwar l-aċċess għal dawn is-swieq ewlenin; Il-Brażil ġie identifikat bħala kandidat ġdid, b’estensjoni possibbli għar-reġjun ta’ Mercosur;
Pjattaformi ta’ informazzjoni onlajn dwar l-istandardizzazzjoni, maċ-Ċina, fejn l-enfasi titqiegħed fuq iż-żamma tal-proġett u fuq l-estensjoni tal-kopertura tiegħu lil hinn mis-setturi attwali tal-lum u possibilment fil-futur mal-Istati Uniti, l-immappjar tax-xenarji ta' standardizzazzjoni rispettivi, inkluż l-aspetti tal-aċċess għas-swieq relatati b'mod dirett mal-istandardizzazzjoni;
Appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Afrikani fil-qasam tal-istandards, skont il-pjan tal-Azzjoni Konġunta bejn l-UE u l-Afrika, u l-Pjan Direzzjonali tagħha 2014-17, b'mod partikolari permezz ta’djalogu tekniku u politiku mal-organizzazzjonijiet rilevanti reġjonali u ta' standardizzazzjoni Afrikani (pereżempju l-Unjoni Afrikana PAQI, l-infrastruttura ta’ kwalità Pan-Afrikana li ġiet stabbilita dan l-aħħar).
5.Azzjonijiet strateġiċi speċifiċi
5.1.Appoġġ finanzjarju għal organizzazzjonijiet ta' partijiet ikkonċernati Ewropej
Waqt it-tielet trimestru tal-2014, il-Kummissjoni se torganizza sejħiet għal proposti fir-rigward tar-rappreżentanza Ewropea tal-SMEs, tal-konsumaturi u ta' organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati ambjentali u soċjali f’xogħol ta’ standardizzazzjoni. Filwaqt li dan se jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-SMEs billi jipprovdi finanzjament, il-Kummissjoni se tkompli wkoll tappoġġja proġetti speċifiċi li jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs u l-parteċipazzjoni fl-istandardizzazzjoni.
5.2.Drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR) fl-istandards
Il-Kummissjoni se tkompli bl-azzjonijiet tagħha mmirati lejn lill-ESOs sabiex jiġu ċċarati r-regoli dwar l-użu tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR) fl-istandards. Huwa mistenni li l-ESOs se jiżviluppaw pjattaforma li tippermetti u tiffaċilita l-użu ta’ privattivi u ta' teknoloġiji ġodda fl-iżvilupp tal-istandards.
5.3.Pjattaforma b’partijiet ikkonċernati multipli għall-istandardizzazzjoni fl-ICT
Il-Kummissjoni se tkompli bil-ħidma tagħha ta' standardizzazzjoni fl-ICT permezz tal-pjattaforma b’partijiet ikkonċernati multipli għall-istandardizzazzjoni, li hija waħda mill-innovazzjonijiet tal-pakkett ta’ standardizzazzjoni tal-2011. Id-djalogu permanenti bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-partijiet ikkonċernati u l-organizzazzjonijiet li jiżviluppaw l-istandards, inkluż fora u konsorzji globali, wera, fil-perjodu qasir ta’ żmien minn meta twaqqaf li jista' jirrispondi għan-natura mgħaġġla tal-iżviluppi f’dan il-qasam. Ġie żviluppat pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni fl-ICT b’kollaborazzjoni mal-pjattaforma b’partijiet ikkonċernati multipli sabiex jiġu stipulati b'mod dettaljat il-kuntest regolatorju u l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni ta’ appoġġ korrispondenti.
5.4.Orizzont 2020
L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ aġendi tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż permezz tal-istandardizzazzjoni, huma essenzjali għall-indirizzar tal-kompetittività. Orizzont 2020 se jagħti appoġġ qawwi lill-adozzjoni tal-innovazzjoni mis-suq, b’mod partikolari appoġġ għall-istandardizzazzjoni permezz tar-riċerka u billi tiddaħħal ix-xjenza fl-istandards. L-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni huma mezz essenzjali għall-adozzjoni mis-suq tar-riżultati tar-riċerka u għat-tixrid tal-innovazzjonijiet.
5.5.Programmi ta’ ħidma ordnati bħala parti minn mandati qodma
Sa mit-tmeninijiet, il-Kummissjoni bdiet toħroġ għadd ta’ talbiet ta’ standardizzazzjoni li fihom titlob lill-ESOs jiżviluppaw standards Ewropej jew iwettqu attivitajiet oħra relatati mal-istandardizzazzjoni. Uħud minn dawn il-mandati huma għal azzjonijiet ta’ darba (bħal pereżempju studji), filwaqt li mandati oħra huma relatati mal-iżvilupp ta’ standards Ewropej u maż-żamma ta' dawn l-istandards permezz tar-reviżjoni tagħhom fuq bażi regolari.
Meta jitqies li l-format legali ta' mandat varja tul is-snin, u meta jitqies li skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, il-mandati issa huma Atti ta' Implimentazzjoni, huwa importanti ħafna li jkun hemm ftehim komuni dwar: (i) liema mandati qodma għadhom validi għall-istipular ta' standards Ewropej ġodda li jappoġġaw il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE, u (ii) liema mandati għandhom jitqiesu bħala kompluti jew skaduti. Il-Kummissjoni se tiċċara s-sitwazzjoni flimkien mal-ESOs sabiex ikollha bażi komuni għall-istandardizzazzjoni kollha li ssir b’mandat u, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-prinċipji dwar l-iżvilupp ta’ standards armonizzati jiġu implimentati mill-ESOs b'mod ugwali.