Brussell, 30.7.2014

COM(2014) 494 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment ma' governanza ekonomika soda skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 1303/2013


Werrej

1.Introduzzjoni

2.Il-kuntest tar-reviżjonijiet ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija u programmi skont l-Artikolu 23

3.Rieżami u tipi ta’ emendi għal Ftehimiet ta’ Sħubija u programmi skont l-Artikolu 23

4.Azzjoni effettiva b’reazzjoni għal talba għar-riprogrammar mill-Kummissjoni

5.Ċirkostanzi li jistgħu jagħtu lok għal sospensjoni ta’ pagamenti

6.Kriterji għad-determinazzjoni tal-programmi li għandhom jiġu sospiżi u l-livell ta’ sospensjoni

KONKLUŻJONI



1.Introduzzjoni

Fil-perjodu 2014-20, l-appoġġ mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (“Fondi ESI”) 1 huwa marbut mill-qrib mar-rispett ta’ governanza ekonomika fl-UE. Fl-imgħoddi, il-kundizzjonijiet applikabbli għall-aċċess għal assistenza tal-fondi kienu limitati għal fond wieħed — il-Fond ta’ Koeżjoni (l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006), 2 u għal proċedura ta' governanza ekonomika waħda — il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv.

Din ir-rabta ġiet msaħħa b’mod konsiderevoli. Hija mibnija fuq it-tisħiħ u t-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni ta’ governanza ekonomika b’reazzjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja, u fuq l-objettiv li tiżdied l-effiċjenza tal-infiq tal-UE f’kuntest ta’ restrizzjonijiet fiskali. L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) 3 fir-rigward tal-ħames Fondi tal-ESI, jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li jgħaqqdu l-effettività tal-fondi ma' governanza ekonomika soda.

B’differenza mill-perjodu ta’ programmar ta’ qabel, il-ħames Fondi kollha kemm huma tal-ESI issa huma kundizzjonali fuq ir-rispett tal-proċeduri ta’ governanza ekonomika. Din il-kundizzjonalità tapplika permezz ta’ żewġ mekkaniżmi differenti:

l-ewwel parti, li tkopri b’mod partikolari l-paragrafi minn 1 sa 8 tal-Artikolu 23, li permezz tagħha l-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru sabiex jirripprogramma parti mill-finanzjament tiegħu meta dan huwa ġġustifikat minn sfidi ekonomiċi u tal-impjiegi identifikati taħt diversi proċeduri ta’ governanza ekonomika; kif ukoll

it-tieni parti, li tkopri b’mod partikolari l-paragrafi minn 9 sa 11 tal-Artikolu 23, li permezz tagħha l-Kummissjoni hija obbligata tipproponi sospensjoni tal-finanzjament tal-ESI meta ċerti stadji fid-diversi proċeduri ta’ governanza ekonomika jintlaħqu.

Meta ġie adottat ir-Regolament, il-Kummissjoni ħarġet id-dikjarazzjoni li ġejja:

Il-Kummissjoni tikkonferma li, mhux aktar tard minn 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, hija se toħroġ linji gwida fil-forma ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li jispjegaw kif hi tipprevedi li d-dispożizzjonijiet dwar il-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi ESI ma' governanza ekonomika soda fl-Artikolu 23 CPR se jiġu applikati. Il-linji gwida se jkopru b'mod partikolari l-elementi li ġejjin:

rigward il-paragrafu 1, il-kunċett ta’ “rieżami” u t-tipi ta’ “emendi” għal Ftehimiet ta’ Sħubija u għal programmi li jistgħu jintalbu mill-Kummissjoni kif ukoll kjarifika ta' dak li jista’ jikkostitwixxi “azzjoni effettiva” skont it-tifsira tal-paragrafu 6;

rigward il-paragrafu 6, indikazzjoni taċ-ċirkostanzi li jistgħu jagħtu lok għal sospensjoni tal-pagamenti, inklużi kriterji li jistgħu jkunu rilevanti fid-determinazzjoni ta’ programmi li jistgħu jiġu sospiżi jew biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ sospensjoni tal-pagamenti. 4

Din il-Komunikazzjoni timxi fuq l-impenn li ħadet il-Kummissjoni u tipprovdi linji gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-paragrafi 1 u 6 tal-Artikolu 23 tar-Regolament. Għalhekk, l-iskop tagħha huwa limitat għall-ewwel parti. Il-linji gwida huma maħsuba biex jipprovdu aktar ċertezza dwar kif xi dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikolu 23 se jiġu implimentati.

2.Il-kuntest tar-reviżjonijiet ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija u programmi skont l-Artikolu 23

Fl-2014, l-Istati Membri qed jinnegozjaw il-Ftehimiet ta’ Sħubija u l-programmi tagħhom mal-Kummissjoni. Dawn se jiddeterminaw l-istrateġija pluriennali għall-implimentazzjoni tal-allokazzjoni tal-Istat Membru mill-ħames Fondi tal-ESI matul is-seba’ snin tal-perjodu ta’ programmazzjoni (2014-20). Il-Kummissjoni tistenna li tapprova l-Ftehimiet ta’ Sħubija u l-parti l-kbira tal-programmi matul l-2014, f’konformità mal-Artikoli 16 u 29 tas-CPR.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jeħtieġu li jiffukaw fuq l-istabbiliment tajjeb ta’ prijoritajiet mill-bidu tal-perjodu. Dan jitlob li l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż (minn hawn’ il quddiem CSRs) fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill jew fil-kuntest ta’ programmi ta’ aġġustament makroekonomiku jiġu indirizzati b’mod xieraq u appoġġati minn biżżejjed livelli tal-finanzjament filwaqt li titqies l-allokazzjoni finanzjarja għal kull Stat Membru. Fin-negozjati, il-Kummissjoni għalhekk qed tkun viġilanti biex tiżgura li l-programmi l-ġodda li qed jitfasslu jieħdu inkonsiderazzjoni s-CSRs rilevanti eżistenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għal kull Stat Membru u, fejn adatt, il-memorandum ta’ fehim fil-każ ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku.

Ir-riprogrammar skont l-Artikolu 23 huwa possibbli biss mill-2015 u sal-2019. Dan għandu jintuża biss f’każijiet fejn jista’ jkollu impatt ogħla mill-allokazzjoni eżistenti tal-fondi fl-implimentazzjoni tas-CSRs rilevanti, ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill jew l-programmi ta’ aġġustament ekonomiku. Il-Fondi tal-ESI tipikament jappoġġaw l-istrateġiji ta’ investiment pluriennali li jirrikjedu ċertu grad ta’ ċertezza u permanenza. Ir-riprogrammar frekwenti għandu jiġi evitat peress li jisfratta l-prevedibbiltà tal-amministrazzjoni tal-fondi u jista’ jimmina l-kredibbiltà tal-Ftehimiet ta’ Sħubija u tal-Programmi adottati. Barra minn hekk, filwaqt li s-CSRs jiġu aġġornati kull sena, l-isfidi ta’ bażi tal-Istati Membri huma ta’ natura fit-tul u ma jinbidlux b’mod konsiderevoli minn sena għal oħra. Din hi r-raġuni għalfejn is-setgħat ta' riprogrammar mogħtija lill-Kummissjoni se jintużaw bil-galbu u għalfejn l-istabbiltà għandha tiġi ppreferuta minn riprogrammar frekwenti ħafna.

Skont l-Artikolu 23(1), ir-riprogrammar jista' jintalab mill-Kummissjoni:

biex jappoġġa l-implimentazzjoni tas-CSRs 5 (inklużi dawk marbuta mal-fergħa preventiva tal-proċedura għall-iżbilanċi makroekonomiċi) u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill bil-kundizzjoni li dawn ikunu rilevanti fil-kuntest tal-fondi tal-ESI;

biex jappoġġa l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill indirizzati lil Stat Membru, fil-kuntest tal-fergħa korrettiva tal-proċedura għall-iżbilanċ makroekonomiku 6 , sakemm ir-riprogrammar jitqies meħtieġ biex jgħin fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi; kif ukoll

biex jimmassimizza l-impatt tat-tkabbir u l-kompetittività tal-fondi tal-ESI fl-Istati Membri li jibbenefikaw minn assistenza finanzjarja skont il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilizzazzjoni Finanzjarja 7 , tal-mekkaniżmu tal-Bilanċ tal-Pagamenti 8 , tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà 9 . F’dawn l-aħħar żewġ każijiet, l-assistenza finanzjarja għandha tkun akkumpanjata minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku.

Tista ssir talba għar-riprogrammar fi ħdan il-fondi individwali tal-ESI, jew permezz tal-Fondi Strutturali (jiġifieri l-FEŻR u l-FSE). Madankollu, fiż-żewġ każijiet, hemm limitazzjonijiet legali importanti għall-ammonti li jistgħu jkunu soġġetti għall-eżerċizzju ta' riprogrammar.

L-ewwel nett, ir-riprogrammar ma jistax jaffettwa l-limiti massimi annwali stabbiliti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali jew il-pagamenti annwali tal-allokazzjonijiet tal-programmi impenjati fis-snin ta’ qabel dik tal-adozzjoni tar-riprogrammar. It-tieni, it-trasferimenti bejn il-fondi tal-ESI jistgħu jsiru biss bejn il-FEŻR u l-FSE u għandhom jirrispettaw is-sehem minimu tal-FSE (l-Artikolu 92(4) CPR). It-tielet, kwalunkwe riprogrammar bejn u fil-fondi nnifishom ikollu jirrispetta l-ishma tar-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika stabbiliti għad-diversi fondi tal-ESI. Il-programmar mill-ġdid għandu jqis ukoll l-ambizzjoni li talloka mill-inqas 20 % tal-baġit tal-Unjoni għal objettivi tat-tibdil fil-klima.Ir-raba’, kwalunkwe trasferiment ta’ riżorsi fi ħdan jew bejn il-Fondi Strutturali għandu jirrispetta l-allokazzjoni finanzjarja għal kull kategorija ta’ reġjun. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 23 ma għandux japplika għall-programmi taħt il-mira tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea.

3.Rieżami u tipi ta’ emendi għal Ftehimiet ta’ Sħubija u programmi skont l-Artikolu 23

Ir-Regolament ma jistabbilixxix skadenza għall-Kummissjoni biex tagħmel talba għar-riprogrammar. F’każijiet fejn talba għar-riprogrammar isseħħ fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, din se tkun mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni tas-CSR rilevanti mill-Kunsill u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn erba’ xhur wara l-adozzjoni tal-Kunsill. Dan se jkun kompatibbli mal-iskadenzi indikati tar-riprogrammar biex tiġi evitata l-interferenza mar-rawnd sussegwenti tas-CSRs. Fil-każ ta’ talbiet għar-riprogrammar biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fil-kuntest ta’ żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, il-Kummissjoni se tikkunsidra skadenzi simili. Fir-rigward tat-talbiet ta’ riprogrammar adottati għall-immassimizzar tal-impatt tat-tkabbir u l-kompetittività ta’ programmi ta’ aġġustament makroekonomiku, il-Kummissjoni se tadottahom mill-iktar fis possibbli wara l-iffirmar tal-memorandum ta’ qbil jew tal-memorandum supplementari ta’ qbil skont kif rilevanti.


It-talba tal-Kummissjoni għar-riprogrammar se tkun motivata kif xieraq. Hija se tagħmel referenza għas-CSR rilevanti jew għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill rilevanti (jew miżura tal-memorandum ta’ qbil f’każ ta’ Stati Membri li jkunu suġġetti għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku) li tat bidu għat-talba u tipprovdi r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. Se tispjega għalfejn hemm ħtieġa għal intervent fil-livell tal-UE, kif il-finanzjament tal-UE jista’ jikkontribwixxi biex jiġu ttrattati l-isfidi strutturali identifikati u għalfejn l-allokazzjoni eżistenti tal-fondi hija inadegwata. Hija se tirreferi wkoll għall-objettivi tematiċi u għall-prijoritajiet previsti mir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni u mir-regolamenti rilevanti speċifiċi għall-Fondi.

F'kull talba għar-riprogrammar, il-Kummissjoni se titlob lil Stat Membru biex jirrieżamina l-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi tiegħu. Dan se jservi biex ikun hemm rispons xieraq għall-isfidi ekonomiċi u tal-impjiegi identifikati fis-CSR rilevanti, fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill rilevanti, jew fil-memorandum ta’ qbil (fil-każ tal-Istati Membri li qed jirċievu assistenza finanzjarja), b’konformità mas-sustanza tat-talba għar-riprogrammar. Il-kontenut tat-talba għar-riprogrammar huwa speċifikat aktar hawn taħt.

Ir-Regolament ma jispeċifikax kemm għandha tkun dettaljata t-talba, jiġifieri jekk għandhiex issemmi l-programmi u l-prijoritajiet li jkunu affettwati b’mod pożittiv u negattiv mit-talba għar-riprogrammar.

Bħala regola ġenerali, meta s-CSR rilevanti jew ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill rilevanti li twassal għat-talba għar-riprogrammar huma indirizzati bl-aħjar mod permezz ta’ aktar konċentrazzjoni tal-fondi tal-ESI, il-Kummissjoni tindika l-programmi u l-prijoritajiet li għandhom jissaħħu. Hija tħalli fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru dawk il-programmi u l-prijoritajiet li għandhom jitnaqqsu kif xieraq. Madankollu, fil-każ li ma jkun hemm l-ebda reazzjoni jew reazzjoni insuffiċjenti mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tiddefinixxi l-programmi u l-prijoritajiet li għandhom jitnaqqsu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tindika fit-talba tagħha l-programmi jew il-prijoritajiet ta’ importanza kritika li għandhom ikunu protetti minn tnaqqis fid-daqs. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’, f’xi okkażjonijiet, tindika wkoll fit-talba għar-riprogrammar tagħha l-programmi u l-prijoritajiet li għandhom jitnaqqsu, u f’dan il-każ hija tipprovdi r-raġunijiet għal dan.

B’kuntrast, meta s-CSR rilevanti jew ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill rilevanti li tattiva t-talba għar-riprogrammar tiġi indirizzata bl-aħjar mod permezz ta’ allokazzjoni mnaqqsa ta’ fondi tal-ESI f’settur speċifiku, it-talba tal-Kummissjoni tiddikjara b’mod ċar il-programmi u l-prijoritajiet li għandhom jitnaqqsu. Hija tħalli fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru dawk il-programmi u l-prijoritajiet li għandhom jibbenefikaw minn iktar riżorsi. Skont l-Artikolu 18 CPR u r-regoli speċifiċi għall-fondi, l-Istati Membri jikkonċentraw l-appoġġ fuq interventi li jġibu l-akbar valur miżjud f’termini ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni inter alia r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill adottati skont l-Artikoli 121(2) u 148(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Fil-każ li t-talba għar-riprogrammar titnieda permezz ta’ kombinazzjoni taż-żewġ xenarji stabbiliti hawn fuq, it-talba tal-Kummissjoni tiddikjara kemm il-programmi kif ukoll il-prijoritajiet li għandhom jiġu affettwati b’mod pożittiv (u għalhekk li għandhom jibbenefikaw minn iktar riżorsi), kif ukoll dawk li għandhom jiġu affettwati b’mod negattiv (u għalhekk li għandhom jitnaqqsu).


In-numru ta’ programmi u prijoritajiet soġġetti għar-riprogrammar għandu ġeneralment jinżamm strettament fil-minimu.

Rigward in-natura tal-emendi, il-Kummissjoni se tindika mhux biss il-programmi u l-prijoritajiet li għandhom ikunu soġġetti għar-riprogrammar, iżda wkoll il-kontenut minimu tal-emendi li għandhom isiru mill-Istat Membru u l-għanijiet (speċifiċi) li jridu jinkisbu. Tindika wkoll in-natura u l-eżempji ta’ interventi li għandhom jiġu appoġġati permezz tar-riżorsi addizzjonali li jirriżultaw mir-riprogrammar.

Fit-talba tagħha għar-riprogrammar, il-Kummissjoni tipprovdi wkoll indikazzjoni tal-implikazzjonijiet finanzjarji mistennija. Hija tikkunsidra l-ammonti disponibbli għar-riprogrammar, l-istadju tal-perjodu ta’ programmar u l-kapaċità tal-Istat Membru li jassorbi fondi riprogrammati.

L-Istat Membru kkonċernat għandu, fid-dawl tat-talba tal-Kummissjoni, iwettaq eżami fil-fond tal-Ftehim ta’ Sħubija tiegħu u l-programmi msemmija fit-talba. Għandu jevalwa kif dawn jistgħu jiġu emendati b’mod li jkun l-aħjar li jwieġeb għat-talba tal-Kummissjoni. Ladarba l-Istat Membru jkun għamel dan l-eżami, għandu jressaq emendi lill-Ftehim ta’ Sħubija tiegħu u lill-programmi relevanti. Għall-Ftehim ta’ Sħubija, dawn għandhom jinkludu bħala minimu:

għal kull fond ikkonċernat, tal-ESI, allokazzjoni indikattiva riveduta tal-appoġġ tal-UE permezz ta’ objettiv tematiku fil-livell nazzjonali;

għal kull fond tal-ESI kkonċernat, reviżjoni tas-sommarju tar-riżultati ewlenin mistennija skont l-objettivi tematiċi;

lista riveduta ta’ programmi li jindikaw, skond il-fond tal-ESI u skont is-sena, l-allokazzjonijiet indikattivi riveduti li jikkunsidraw l-emendi proposti; kif ukoll

tabella finanzjarja li tindika skont il-Fond tal-ESI l-allokazzjonijiet indikattivi riveduti għall-programmi emendati.

Fir-rigward tal-programmi rilevanti affettwati (b’mod pożittiv u negattiv) mit-talba tal-Kummissjoni, l-Istat Membru huwa mistenni jressaq emendi, bħala minimu, li għandhom x’jaqsmu ma’:

l-istrateġija għall-kontribut tal-programm biex jintlaħqu l-isfidi identifikati mis-CSR rilevanti jew mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill rilevanti sabiex jirriflettu r-riżultat mistenni tal-programm modifikat;

il-ġustifikazzjoni tal-għażla ta’ objettivi tematiċi u prijoritajiet riveduti (li jinkludu kemm dawk li ġew imsaħħa kif ukoll dawk li ġew imnaqqsa) u kif dawn jindirizzaw l-isfidi strutturali rilevanti li kienu s-sors tat-talba għar-riprogrammar;

ġustifikazzjoni tal-allokazzjonijiet finanzjarji riveduti;

id-deskrizzjoni tal-prijoritajiet rilevanti, inklużi għal kull waħda mill-prijoritajiet affettwati, emendi għall-objettivi speċifiċi u d-deskrizzjoni tal-linja ta' referenza riveduta, meta applikabbli, u r-riżultati mistennija;

deskrizzjoni tat-tip u eżempji ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati skont il-prijoritajiet riveduti u l-kontribut mistenni tagħhom;

il-qafas ta’ prestazzjoni, b’mod partikolari l-għanijiet u l-miri għal kull indikatur (finanzjarji, ta’ produzzjoni u ta’ riżultati fejn xieraq) f’kull prijorità soġġetti għar-riprogrammar, filwaqt li juri r-rispett tar-rekwiżit li l-indikaturi ta’ produzzjoni u l-passi ta’ implimentazzjoni ewlenin stabbiliti fil-qafas tal-prestazzjoni jikkorrispondu għal aktar minn 50 % tal-allokazzjoni finanzjarja għall-prijorità;

il-pjan ta’ finanzjament tal-programm.

Il-Kummissjoni se tagħmel osservazzjonijiet fi żmien xahar għar-reazzjoni inizjali pprovduta mill-Istat Membru jekk ikun meħtieġ. Wara dan, l-Istat Membru se jippreżenta l-proposta tiegħu għal emendar tal-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti fi żmien xahrejn wara r-risposta. F’każ li l-Kummissjoni tikkunsidra li r-risposta mogħtija mill-Istat Membru tkun sodisfaċenti, hija tapprova l-emendi relatati.

4.Azzjoni effettiva b’reazzjoni għal talba għar-riprogrammar mill-Kummissjoni

Jekk l-Istat Membru jonqos milli jieħu azzjoni effettiva fl-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 23(3) u 23(4), il-Kummissjoni tista’ tagħmel proposta lill-Kunsill li jissospendi parti mill-ħlasijiet jew il-ħlasijiet kollha għall-programmi jew il-prijoritajiet ikkonċernati. Ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni ma jipprovdix kriterji espliċiti għall-valutazzjoni tal-azzjoni effettiva. Il-Kummissjoni se tikkunsidra d-diversi kriterji biex titwettaq din il-valutazzjoni.

L-ewwel każ distint ta' nuqqas milli tittieħed azzjoni effettiva huwa meta Stat Membru sempliċement jonqos milli jippreżenta — fl-iskadenzi stipulati mir-Regolament — jew reazzjoni preliminari jew proposta għal emenda tal-Ftehim ta’ Sħubija tiegħu u tal-programmi kkonċernati. Meta tiġi injorata t-talba għar-riprogrammar tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat ikun qed ipoġġi lilu nnifsu f’sitwazzjoni li fiha huwa jonqos milli jieħu azzjoni effettiva.

Meta Stat Membru jippreżenta d-dokumenti meħtieġa fl-iskadenzi, il-Kummissjoni, filwaqt li tikkunsidra t-talba għar-riprogrammar, twettaq kontroll tal-kwalità tal-emendi proposti. Il-verifika tal-kwalità tkun ibbażata fuq kriterji bħalma huma:

L-emendi proposti jallokaw aktar jew inqas finanzjament (skont il-każ) għall-programmi u l-prijoritajiet kollha indikati fit-talba tal-Kummissjoni?

Id-daqs ta’ żieda/tnaqqis tal-programmi u l-prijoritajiet huwa konformi mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni fit-talba tagħha għar-riprogrammar?

Ir-raġunijiet, l-objettivi speċifiċi u r-riżultati mistennija ta’ dawn l-emendi huma spjegati b’mod suffiċjenti?

Il-modifiki meħtieġa huma riflessi b'mod korrett fil-prijoritajiet rilevanti tal-programmi, u fit-taqsimiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Sħubija?

L-emendi proposti huma konsistenti? L-istrateġija tal-programm rivedut hija konsistenti mal-kontribut mistenni biex jintlaħqu l-isfidi identifikati mis-CSR rilevanti, mir-rakkomandazzjoni rilevanti tal-Kunsill jew mill-memorandum ta’ qbil li taw lok għat-talba?

Il-qafas ta’ prestazzjoni ġie rivedut u huwa konsistenti mal-emendi proposti fil-programmi u l-prijoritajiet?

Il-programmi u l-prijoritajiet riveduti huma koerenti mal-bżonnijiet ta' programmar attwali speċifiċi għall-fondi?

Minħabba n-natura pjuttost preskrittiva tat-talba għar-riprogrammar u l-possibbiltà għall-Istat Membru biex itejjeb il-proposta tiegħu matul dan il-proċess, il-Kummissjoni se tikkunsidra biss li hemm azzjoni effettiva meta r-risposta mogħtija mill-Istat Membru titqies bħala sodisfaċenti abbażi tal-kriterji deskritti hawn fuq.

Jekk Stat Membru jonqos milli jieħu azzjoni effettiva, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill is-sospensjoni ta’ pagamenti u tiġġustifika l-proposta tagħha. Hija mbagħad tispjega għalfejn l-emendi jew ir-reviżjoni tal-allokazzjonijiet proposti fil-programmi u l-prijoritajiet kollha mhumiex suffiċjenti jew mhumiex konformi biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fis-CSR rilevanti, fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill rilevanti, jew fil-memorandum ta’ qbil li taw lok għat-talba.

5.Ċirkostanzi li jistgħu jagħtu lok għal sospensjoni ta’ pagamenti

Skont l-Artikolu 23(6) il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill li jissospendi parti mill-ammont jew l-ammont kollu tal-ħlasijiet għall-programmi jew il-prijoritajiet ikkonċernati fejn Stat Membru jonqos milli jieħu azzjoni effettiva. Ir-Regolament ma jispeċifikax f’liema każijiet il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta biex tissospendi. Din it-taqsima tispjega f’liema każijiet il-Kummissjoni tikkunsidra sospensjoni. Madankollu, fejn ikun rilevanti, jistgħu jitqiesu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ Stat Membru bħal kontrazzjoni tal-PDG reali tiegħu għal sentejn konsekuttivi jew aktar qabel it-talba għar-riprogrammar.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li tipproponi sospensjoni fil-każ ta’ “ebda azzjoni”, jiġifieri jekk l-Istat Membru jonqos milli jipprovdi kwalunkwe reazzjoni preliminari għat-talba tal-Kummissjoni jew kwalunkwe proposta li temenda l-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi tiegħu fl-iskadenzi previsti mir-Regolament. Il-Kummissjoni mhux se tqis li tipproponi sospensjoni fejn l-Istat Membru jippreżenta r-reazzjoni preliminari tiegħu fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 23(3), iżda l-Kummissjoni tqis li din ir-reazzjoni tonqos milli tindirizza t-talba għar-riprogrammar. L-Istat Membru xorta għandu l-opportunità li jtejjeb b’mod sostanzjali l-kwalità tar-reazzjoni tiegħu, ibbażata b’mod partikolari fuq l-osservazzjonijiet li l-Kummissjoni tagħmel, jekk ikun hemm bżonn, fi żmien xahar mill-wasla tar-reazzjoni preliminari. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tikkunsidra biss il-possibbiltà li tipproponi sospensjoni wara kontroll tal-kwalità tal-emenda formali tal-ftehim ta’ Sħubija u l-programmi (l-Artikolu 23(4)), sottomessi fl-iskadenza prevista mir-Regolament. Fejn il-Kummissjoni ssib li l-proposta tonqos milli tindirizza t-talba tagħha għar-riprogrammar, jew li t-tibdiliet proposti mhumiex riflessi b’mod korrett fil-Ftehim ta’ Sħubija u fil-programmi, jew li dawn mhumiex ambizzjużi biżżejjed, hija tista’ tikkonsidra sospensjoni tal-pagamenti fil-perjodu ta’ tliet xhur speċifikat mill-Artikolu 23(6).

6.Kriterji għad-determinazzjoni tal-programmi li għandhom jiġu sospiżi u l-livell ta’ sospensjoni

Sospensjoni skont l-ewwel sensiela ta' miżuri (l-Artikolu 23(6) u 23(7) CPR) mhijiex awtomatika u tikkonċerna biss il-ħlasijiet. L-effett immedjat huwa waqfa fil-flussi ta’ flus lill-Istat Membru.

Meta tipproponi lill-Kunsill is-sospensjoni ta’ pagamenti, il-Kummissjoni tindika l-programmi jew il-prijoritajiet ikkonċernati u l-ammonti involuti. L-Artikolu 23(7) jagħti l-poter lill-Kunsill billi jistabbilixxi limitu massimu għas-sospensjoni f’50 % tal-pagamenti ta’ kull wieħed mill-programmi kkonċernati. L-Artikolu 23(7) jipprovdi li l-livell tas-sospensjoni jista’ jiżdied għal 100 % jekk l-Istat Membru jibqa’ jonqos milli jieħu azzjoni effettiva fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni tal-Kunsill li jissospendi.

Apparti l-limitu massimu espress bħala 50 % tal-pagamenti, l-Artikolu 23(7) jipprovdi wkoll li d-daqs tas-sospensjoni “jkun proporzjonali u effettiv, u jirrispetta l-ugwaljanza tat-trattament bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tas-sospensjoni fuq l-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat.”

Il-Kummissjoni tqis li l-proporzjonalità u l-effettività jfissru li s-sospensjoni tkun stabbilita fuq l-ammont meħtieġ biex jiġu pprovduti l-inċentivi t-tajba lill-Istat Membru biex jikkonforma ruħu mat-talba tal-Kummissjoni, filwaqt li jitqies ukoll id-daqs tad-devjazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-proposta tal-Istat Membru. Dan jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ.

Id-daqs tas-sospensjoni bħala sehem mill-PDG nazzjonali jiġi kkunsidrat sabiex jiżgura l-ugwaljanza ta’ trattament bejn l-Istati Membri. Dan jipprevjeni l-akbar benefiċjarji tal-fondi tal-ESI milli jesperjenzaw impatti bla bżonn meta mqabbla ma’ Stati Membri iktar żviluppati li jirċievu inqas finanzjament mill-ESI b’relazzjoni mal-popolazzjoni tagħhom u d-daqs tal-ekonomiji tagħhom.

Il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri jiġu kkunsidrati billi jitqiesu fatturi mitiganti simili għal dawk previsti fis-sospensjonijiet skont l-Artikolu 23(9). Dawn il-fatturi jnaqqsu s-sospensjoni b'ċertu koeffiċjent kif iddikjarat fl-Anness III CPR ibbażat fuq ir-rata tal-qgħad, il-proporzjon ta’ nies li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, jew it-tnaqqis tal-PDG fl-Istat Membru kkonċernat.

Fil-proposta tagħha għal sospensjoni, il-Kummissjoni tindika l-programmi jew il-prijoritajiet ikkonċernati. Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni tipproponi li tapplika s-sospensjoni għall-programmi jew il-prijoritajiet li għandhom jitnaqqsu biex jippermettu aktar konċentrazzjoni fuq programmi jew prijoritajiet aktar kruċjali. Il-programmi li jkunu se jitnaqqsu, skont il-każ, jiġu definiti jew mill-Kummissjoni fit-talba tagħha għar-riprogrammar jew permezz ta' osservazzjonijiet indirizzati skont l-Artikolu 23(3), jew mill-Istat Membru fir-rispons inizjali tiegħu jew il-proposta tiegħu għal emenda lill-Ftehimiet ta’ Sħubija u programmi.

F’każijiet fejn il-programmi jew il-prijoritajiet ġew identifikati fit-talba għar-riprogrammar bħala li għandhom bżonn jiżdiedu, dawn ma għandhomx jiġu affettwati mis-sospensjoni billi huma kkunsidrati kritiċi fil-mument meta sospensjoni għandha tiġi applikata. Dan huwa wkoll konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Anness III CPR li skontu sospensjoni ta’ impenji taħt it-tieni parti ma għandhiex taffettwa l-programmi jew il-prijoritajiet li r-riżorsi tagħhom għandhom jiżdiedu bħala riżultat ta’ talba għar-riprogrammar taħt l-ewwel parti.

L-ebda żmien speċifiku ma huwa stabbilit għall-Kummissjoni biex tadotta l-proposta li tneħħi s-sospensjoni ta’ pagamenti wara li l-Istat Membru jkun ħa azzjoni effettiva b’konformità mal-Artikolu 23(8). F’kull każ, il-Kummissjoni tadotta l-proposta minnufih wara l-approvazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija rivedut u l-programmi.

KONKLUŻJONI

Il-konnessjoni mill-qrib bejn il-Fondi ESI u l-governanza ekonomika tal-UE tiżgura li l-effikaċja tan-nefqa tal-UE tintrifed minn politiki ekonomiċi sodi. L-appoġġ tal-UE jista’, jekk meħtieġ, jintuża mod ieħor billi jindirizza l-isfidi ekonomiċi u soċjali emerġenti ġodda.

Fl-2014, il-prijorità fil-Ftehimiet ta’ Sħubija u fil-programmi se tkun li jiġu indirizzati b’mod adegwat l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill sabiex jiġi żgurat mill-bidu nett, allinjament sħiħ mal-proċeduri ta’ governanza ekonomika. Dan se jillimita wkoll ir-riprogrammar possibbli skont l-Artikolu 23 fi żmien qasir. Minħabba li l-fondi tal-ESI jappoġġaw l-istrateġiji ta’ investiment fuq perjodu ta’ żmien medju, il-Kummissjoni se tuża s-setgħat tagħha ta' riprogrammar mill-2015 b’kawtela. Talba għar-riprogrammar titnieda biss meta rieżami tal-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi jistgħu jkollhom impatt aħjar biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali identifikati mir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill skont il-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku.

Il-Kummissjoni se tiġġustifika kif xieraq kwalunkwe talba għar-riprogrammar u tipprovdi biżżejjed tagħrif dwar il-programmi u l-prijoritajiet li għandhom ikunu rinfurzati jew imnaqqsa skont il-każ speċifiku, inkluża indikazzjoni tal-implikazzjonijiet finanzjarji mistennija. Dan huwa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali identifikati fis-CSR rilevanti, fir-rakkomandazzjoni rilevanti tal-Kunsill jew fil-miżuri taħt programm ta’ aġġustament makroekonomiku.

L-azzjoni meħuda mill-Istat Membru tkun evalwata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi. Fil-każ ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni effettiva, il-Kummissjoni tispjega fid-dettall għalfejn l-emendi proposti mill-Istati Membru huma kkunsidrati bħala insuffiċjenti. Kwalunkwe sospensjoni tikkunsidra l-fatturi mitiganti. Il-Kummissjoni mhi se tipproponi l-ebda sospensjoni ta’ dawn il-programmi jew prijoritajiet li għandhom jiżdiedu bħala riżultat ta’ riprogrammar jew li huma kkunsidrati bħala li huma ta’ importanza kritika.

(1) Dawn il-fondi jinkludu l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94.
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006.
(4) Ara ĠU 2013/C 375/02.
(5) is-CSRs adottati skont l-Artikolu 121(2) u 148(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(6) ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1).
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilita' li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament ta' l-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1).
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.05.2013, p. 1).