KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi /* COM/2014/0473 final - 2014/ () */
KOMUNIKAZZJONI
TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U
SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Is-sitt
rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali:
investiment għat-tkabbir u l-impjiegi 1.
Introduzzjoni Għalkemm
il-gvernijiet nazzjonali kellhom japplikaw tnaqqis fl-infiq f'dawn
l-aħħar snin biex jibbilanċjaw il-baġits tagħhom u
l-finanzjament privat safa fix-xejn minħabba l-kriżi finanzjarja u
ekonomika, il-finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni kompla jmur
għand l-Istati Membri u r-reġjuni, u jappoġġa
l-investimenti kritiċi fit-tkabbir u l-impjiegi. Il-kriżi
kellha impatt profond fuq il-baġits nazzjonali u reġjonali kollha, u
llimitat id-disponibbiltà tal-finanzjament madwar l-oqsma ta' investiment kollha.
Fl-UE kollha kemm hi, l-investiment pubbliku naqas b'20 % f'termini reali
bejn l-2008 u l-2013. Fil-Greċja, Spanja u l-Irlanda, it-tnaqqis kien ta'
madwar 60 %. Fil-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, fejn
il-finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni huwa partikolarment sinifikanti,
l-investiment pubbliku (imkejjel bħala l-formazzjoni ta' kapital fiss
gross) naqas b'terz. Mingħajr il-Politika ta' Koeżjoni,
l-investimenti fl-Istati Membri l-aktar milquta mill-kriżi kien jinżel
b'50 % addizzjonali. Il-finanzjament tal-Koeżjoni issa
jirrappreżenta aktar minn 60 % tal-baġit tal-investiment f'dawn
il-pajjiżi. Dijagramma 1: L-impatt tal-Politika ta' Koeżjoni fuq l-investiment pubbliku || Dijagramma 2: Il-parti tal-Politika ta' Koeżjoni fl-investiment pubbliku Il-kriżi
ekonomika invertiet tendenza twila ta' konverġenza fil-PDG u r-rati
tal-qgħad fl-UE, u dan affettwa b'mod partikolari r-reġjuni
fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Il-kriżi wasslet ukoll
għal żidiet fil-faqar u l-esklużjoni soċjali. Dan,
min-naħa tiegħu, għamilha aktar diffiċli li jintlaħqu
bosta mill-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020.
Pereżempju,
f'210 minn 277 reġjun tal-UE, kien hemm żieda fil-qgħad bejn
l-2007 u l-2012. F'50 minn dawn ir-reġjuni, iż-żieda fissret li
r-rata tal-qgħad aktar milli rdoppjat. Is-sitwazzjoni hija partikolarment
ta' tħassib għaż-żgħażagħ billi, fl-2012,
f'madwar nofs ir-reġjuni r-rata tal-qgħad fost
iż-żgħażagħ kienet ta' aktar minn 20 %.
Bħala riżultat, ħafna reġjuni għadhom ma kinux
kapaċi jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-mira ewlenija
tal-Ewropa 2020 ta' livell ta' impjieg ta' 75 % fost il-popolazzjoni
bejn l-20 u l-64 sena sal-2020. Filwaqt li
żammew enfasi fuq l-indirizzar tal-ostakoli strutturali fit-tul
għall-iżvilupp, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rrispondew
għall-kriżi billi rriallokaw xi investimenti tal-koeżjoni lejn
oqsma fejn l-impatt fuq l-attività ekonomika u l-impjiegi jkun dirett u
immedjat. Bħala riżultat, aktar minn EUR 45 biljun – jew 13%
tal-fondi totali – ġew riallokati sa tmiem l-2013. Dan iċ-ċaqliq
ta' fondi appoġġa miżuri biex jittaffew il-qgħad u
l-esklużjoni soċjali li qed jiżdiedu u biex jiġi sostnut
l-investiment fl-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp
(R&Ż), l-appoġġ għan-negozju, l-enerġija
sostenibbli, l-infrastruttura soċjali u edukattiva. Il-Kummissjoni
pproponiet ukoll miżuri li jtejbu l-likwidità għall-Istati Membri
l-aktar milquta mill-kriżi. L-adozzjoni ta' dawn il-miżuri
mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill ippermettiet tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet
nazzjonali, u wasslet għal aktar minn EUR 7 biljun fi ħlasijiet
bil-quddiem addizzjonali. Tnaqqis addizzjonali fil-kofinanzjament nazzjonali,
li jiswa kważi EUR 2,1 biljun, ġie wkoll approvat. L-evidenza
tissuġġerixxi li l-investimenti tal-Politika ta' Koeżjoni
kellhom impatt sinifikanti. Bejn l-2007 u
l-2012, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)
ħoloq kważi 600 000 impjieg. Dan huwa ekwivalenti għal
kważi 20 % tat-telf stmat ta' impjiegi fl-istess perjodu, sa
mill-bidu tal-kriżi finanzjarja. Huwa
investa f'200 000 proġett ta' impriżi żgħar u medji
(SME) u 80 000 start-up, iffinanzja 22 000 proġett li jinvolvu
r-riċerka u l-kooperazzjoni tas-settur kummerċjali, ipprovda
kopertura tal-broadband għal ħames miljun persuna u għaqqad 5,5
miljun persuna mat-trattament tal-iskart tal-ilma. Minbarra
dan, l-investimenti tal-UE bħala parti mill-Politika ta' Koeżjoni
bnew 3 000 km ta' netwerks ewlenin tat-trasport Ewropej (15% tan-netwerk
TEN‑T kumplessiv) u wkoll irduppjaw il-volum
tal-finanzjament tal-gvern għar-R&Ż fl-Istati Membri l-anqas
żviluppati. Bejn l-2007 u
l-2012, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) appoġġa 68 miljun
parteċipazzjoni individwali fi proġetti. Wara li rċevew
l-appoġġ tal-FSE, 5,7 miljun persuna qiegħda jew inattivi bdew
jaħdmu, u kważi 8,6 miljun kwalifika nkisbu permezz ta'
appoġġ mill-FSE. Kien hemm aktar minn 400 000 każ
irrappurtat ta' start-ups ġodda u ta' nies li jibdew jaħdmu għal
rashom. Dan kollu għen biex jew jiġi limitat it-tnaqqis fil-PDG
f'ħafna pajjiżi jew jiġu evitati aktar żidiet
fil-qgħad. L-effetti ta'
dawn l-investimenti se jiżdiedu tul il-ftit snin li ġejjin billi
l-Istati Membri għandhom sal-aħħar tal-2015 biex jużaw
il-fondi mill-programmi 2007-13 u hemm distakk ta' żmien bejn il-mument li
jsir investiment u ż-żmien meta l-impatt tiegħu jkun jista'
jitkejjel. B'baġit
totali ta' aktar minn EUR 450 biljun (inkluż il-kofinanzjament
nazzjonali) għall-perjodu ta' programmar 2014-20, il-Politika ta'
Koeżjoni se tkun l-għodda tal-investiment prinċipali tal-UE. Hija se tipprovdi l-akbar kontribut għall-appoġġ
tal-SMEs, ir-R&Ż u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-ekonomija
b'użu baxx ta' karbonju, l-ambjent, il-ġlieda kontra l-qgħad u
l-esklużjoni soċjali, għall-iżvilupp ta' infrastruttura li
tgħaqqad liċ-ċittadini tal-UE u għall-immodernizzar
tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. L-investimenti tagħha,
flimkien ma' riformi strutturali, se jkollhom rwol importanti
fl-appoġġ tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u fil-kisba
tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 ta' tkabbir
intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. L-isfida hija li
jiġi assigurat li dawn ir-riżorsi jintużaw bl-aktar mod effettiv
u effiċjenti, jiġi massimizzat l-impatt tagħhom, jiġi
kkonsolidat l-irkupru u l-UE tiġi megħjuna toħroġ mill-kriżi
aktar b'saħħitha u aktar kompetittiva minn qabel. Il-Politika ta'
Koeżjoni l-ġdida hija allinjata b'mod sħiħ
mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-miri ewlenin tagħha dwar
l-impjieg, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-klima u l-enerġija,
l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali,
u marbuta mas-Semestru Ewropew u l-proċess ta' governanza ekonomika
tal-UE. Għalhekk, l-investimenti tal-Politika ta' Koeżjoni se
jiġu użati wkoll sabiex jappoġġaw il-politiki segwiti
mill-Istati Membri fil-qafas tal-Linji Gwida Integrati u l-Programmi Nazzjonali
ta' Riforma, kif ukoll biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti
speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) mill-Kunsill. Il-Kummissjoni
tista' wkoll titlob lill-Istati Membri biex jemendaw il-Ftehimiet ta'
Sħubija u l-programmi operattivi tagħhom biex jilħqu sfidi
ġodda identifikati fis-CSRs. Din
il-Komunikazzjoni tiġbor fil-qosor il-kisbiet tal-finanzjament ta'
koeżjoni fil-perjodu ta' programmar preċedenti. Hija tiddeskrivi
l-elementi ewlenin tar-riforma tal-Politika ta' Koeżjoni introdotta
għall-perjodu 2014-20,[1]
u x-xejriet li joħorġu min-negozjati dwar il-programm li jinsabu
għaddejjin bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Hija akkumpanjata minn
Dokument tal-Ħidma tal-Persunal, li janalizza l-isfidi
soċjoekonomiċi u tal-governanza li l-Istati Membri u r-reġjuni
qed jiffaċċaw u jivvaluta l-impatt tal-Politika ta' Koeżjoni u
l-investiment pubbliku fuq id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali. 2. Politika
li tevolvi: Ninvestu fil-kompetittività tar-reġjuni sabiex intejbu
l-ħajjiet tan-nies It-Trattat
tal-UE jistabbilixxi bħala l-objettiv għall-Politika ta'
Koeżjoni li tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u
territorjali, u tipprovdi appoġġ partikolari għar-reġjuni
inqas żviluppati. Maż-żmien,
il-politika għenet biex ittejjeb il-livell tal-għajxien u
l-opportunitajiet ekonomiċi fir-reġjuni tal-UE billi tejbet
il-ħiliet u l-impjegabilità; iżżid l-aċċess
għar-reġjuni; tappoġġa l-bini tal-kapaċità
amministrattiva; tistabbilixxi rabtiet bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka,
l-universitajiet u l-komunità tan-negozju; u tipprovdi servizzi lin-negozji ta'
daqs żgħir jew medju. Billi tappoġġa l-ixpruni ewlenin
tat-tkabbir ekonomiku, il-Politika ta' Koeżjoni tgħin
lir-reġjuni tal-UE jikbru aktar malajr. Filwaqt li
baqgħet leali lejn l-għeruq tagħha, il-Politika ta'
Koeżjoni żviluppat u għamlet progress. Fis-snin bikrija
tagħha, il-politika kellha enfasi nazzjonali biss, u kienet tiffinanzja
proġetti predeterminati fl-Istati Membri, bi ftit influwenza Ewropea.
Maż-żmien, iddaħħlu prinċipji bażiċi,
bħal programmar pluriennali, investiment aktar strateġiku u
involviment akbar ta' sħab reġjonali u lokali. Il-biċċa
l-kbira tal-appoġġ finanzjarju tal-politika ffoka konsistentement fuq
ir-reġjuni u l-Istati Membri l-inqas żviluppati. Kien hemm,
madankollu, ċaqliq ta' investiment mill-infrastruttura lejn
l-appoġġ għall-SMEs, l-innovazzjoni, u politiki soċjali u
tal-impjiegi aktar innovattivi. Din il-bidla saret possibbli minħabba
l-iżvilupp tal-infrastruttura fl-Istati Membri (kemm dawk li ssieħbu
wara l-2004 kif ukoll fl-Istati Membri “iktar antiki”) appoġġat
mill-Politika ta' Koeżjoni f'perjodi preċedenti. Id-Dijagramma 3
turi kif il-kompożizzjoni tal-investiment evolviet mill-1989. Dijagramma 3: Il-kompożizzjoni
tal-investiment tal-politika ta' koeżjoni f'reġjuni inqas
żviluppati (1989-2013) Il-proporzjon
ta' investiment fl-infrastruttura tqila (b'mod partikolari t-trasport) kien
għoli meta tnediet il-politika u wara t-tkabbir tal-2004, meta
pajjiżi li kellhom nuqqas ċar fl-infrastruttura ngħaqdu mal-UE.
Bil-ħolqien tal-Fond ta' Koeżjoni (FK) fis-snin 1990, l-investiment
ambjentali sar dejjem aktar rilevanti, u għen lill-Istati Membri u
lir-reġjuni sabiex jikkonformaw mad-direttivi u r-regolamenti tal-UE f'dan
il-qasam. L-investiment fis-settur produttiv u fl-SMEs, b'mod partikolari,
baqa' relattivament stabbli. L-investiment
fin-nies (l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali),
madankollu, naqas bi ftit f'termini relattivi. Madankollu, ir-rwol tal-FSE
bħala strument għall-investiment fil-kapital uman kiber b'mod
sinifikanti, l-aktar riċenti bħala konsegwenza tal-impatt drammatiku
tal-kriżi ekonomika fuq is-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri.
Bħala miżura ġdida biex jindirizza dan, il-qafas regolatorju
għall-2014-20 jirriżerva sehem minimu (23,1 %) tal-baġit
tal-Politika ta' Koeżjoni għall-FSE. Dan hu importanti biex jiġi
żgurat il-volum tal-investimenti fil-kapital uman, l-impjiegi,
l-inklużjoni soċjali, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u
l-bini tal-kapaċità istituzzjonali meħtieġa għal ħidma
lejn l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020. Għall-ewwel
darba, il-Politika ta' Koeżjoni – b'mod partikolari permezz tal-FSE –
ipprovdiet appoġġ matul il-perjodu 2007-13 sabiex jiġu
mmodernizzati u rriformati l-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-sistemi
ġudizzjarji fil-pajjiżi ta' konverġenza. Dan l-appoġġ
għandu l-għan li jtejjeb il-funzjonament, l-aċċessibbiltà u
l-kwalità tas-servizzi pubbliċi, li jiffaċilita t-tfassil ta'
politika bbażat fuq l-evidenza u li jipproduċi l-politiki b'mod konġunt
mas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili. Fl-aħħar
nett, il-proporzjon tar-riżorsi ddedikat għall-assistenza teknika
żdied b'mod sinifikanti mill-2000-06, li jirrifletti l-importanza kritika
ta' istituzzjonijiet li jiffunzjonaw tajjeb għall-ġestjoni effettiva
tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni. Billi fasslet
l-investimenti skont il-livelli ta' żvilupp ekonomiku, il-Politika ta'
Koeżjoni rnexxielha tadatta għat-tibdil fil-bżonnijiet ta' kull
reġjun maż-żmien. Madankollu, l-evoluzzjoni tal-politika ma
kenitx determinanti daqs kemm seta' kien mistenni. L-evidenza
tissuġġerixxi, pereżempju, li l-introduzzjoni fl-2007-13 ta'
allokazzjoni obbligatorja ta' parti mill-finanzjament għall-prijoritajiet
tal-UE kien pass 'il quddiem, iżda r-riżultati kienu mħallta u
l-fondi għadhom imxerrda wisq. Sar ukoll dejjem
aktar ċar li l-effikaċja tal-Politika ta' Koeżjoni tiddependi
fuq politiki makroekonomiċi sodi, ambjent favorevoli għan-negozju u
istituzzjonijiet b'saħħithom. F'xi każijiet, politiki inadegwati
u nuqqasijiet amministrattivi u istituzzjonali llimitaw l-effikaċja
tal-finanzjament. Għad hemm ukoll nuqqasijiet fit-traspożizzjoni
tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-liġi nazzjonali f'oqsma direttament
marbuta mal-Politika ta' Koeżjoni. Għalkemm saru tentattivi biex
jiġu definiti l-oqfsa strateġiċi, istituzzjonali u amministrattivi
fis-seħħ, l-applikazzjoni tagħhom baqgħet diskrezzjonali u
mhux sistematika. Fl-aħħar
nett, l-implimentazzjoni tal-fondi ffukat aktar fuq l-infiq u l-konformità
mar-regoli tal-ġestjoni milli fuq l-ilħuq tal-objettivi. L-objettivi
tal-programm kultant kienu vagi, li għamilha diffiċli biex tiġi
mmonitorjata u evalwata l-prestazzjoni. L-iffissar ta' miri huwa kumpless u xi
Stati Membri stabbilixxew miri li ma kinux ambizzjużi biżżejjed.
Dan illimita l-kapaċità biex jiġu vvalutati l-effetti tal-interventi
u biex wieħed jifhem liema miżuri kienu l-aktar effettivi u
għala. 3. Il-kisba ta' riżultati
hija fil-qalba tal-Politika ta' Koeżjoni l-ġdida Ir-riżultati
tan-negozjati dwar ir-riforma tal-Politika ta' Koeżjoni, li ntemmu
f'Diċembru 2013, jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet. Ir-riforma hija
ffukata fuq il-produzzjoni ta' politika tal-investiment. L-objettivi tal-Politika ta' Koeżjoni nġiebu f'konformità
mal-istrateġija Ewropa 2020, u s-CSRs rilevanti qegħdin
sistematikament jiġu kkunsidrati meta jiġu ppjanati l-investimenti. Il-mod
kif taħdem il-Politika ta' Koeżjoni ġie wkoll riformat,
ibbażat fuq ħames ideat prinċipali. 3.1. Il-programmi tal-Politika ta'
Koeżjoni għandhom bżonn joperaw f'ambjent favorevoli Il-Politika ta'
Koeżjoni ġdida hija marbuta mal-proċess ta' governanza ekonomika
tal-UE u mas-“semestru Ewropew”, billi l-investiment tal-Politika ta'
Koeżjoni ma jistax jitqies b'mod iżolat mill-kuntest ekonomiku li fih
isir. Sabiex jiġu
evitati politiki ekonomiċi jew fiskali mhux sostenibbli li jnaqqsu
l-effikaċja tal-appoġġ tal-UE matul il-perjodu 2014-20,
il-finanzjament jista' jiġi sospiż meta Stat Membru ma jikkonformax
mar-rakkomandazzjonijiet li jirċievi fil-proċess ta' governanza
ekonomika tal-UE. L-effikaċja
tal-investiment ma għandhiex tiġi mdgħajfa permezz ta' politiki
ħżiena jew punti ta' konġestjoni regolatorji, amministrattivi
jew istituzzjonali. L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom
għalhekk jissodisfaw sensiela ta' prekundizzjonijiet. Dawn huma mfassla
biex jiżguraw li l-investiment jalimenta qafas ta' politika
strateġiku ċar li jiżgura traspożizzjoni rapida
tal-liġi tal-UE li taffettwa l-implimentazzjoni tal-fondi ta'
koeżjoni, kapaċità amministrattiva suffiċjenti, u r-rispett ta'
rekwiżiti minimi dwar, pereżempju, l-antidiskriminazzjoni,
l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-diżabbiltà, l-akkwist pubbliku u
l-għajnuna mill-Istat. B'mod
partikolari, kull qasam ta' investiment għandu jkun ibbażat fuq
strateġija definita tajjeb. Pereżempju, l-ebda investiment
fit-trasport ma jista' jsir sakemm ma tkunx fis-seħħ strateġija
komprensiva nazzjonali jew reġjonali tat-trasport. Bl-istess mod,
investiment fil-qasam tar-R&Ż u l-innovazzjoni jeħtieġ li
jiġi inkwadrat fi ħdan "strateġija ta' speċjalizzazzjoni
intelliġenti”, li tinvolvi proċess ta' żvilupp ta' viżjoni,
identifikazzjoni ta' vantaġġ kompetittiv, l-istabbiliment ta'
prijoritajiet strateġiċi u l-użu ta' politiki intelliġenti
sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal ta' żvilupp ibbażat fuq
l-għarfien ta' kull reġjun. Fi ftit kliem, il-proġetti
għandhom isegwu l-istrateġiji u mhux bil-maqlub. 3.2. Il-programmi tal-Politika ta'
Koeżjoni jeħtieġ li jikkonċentraw ir-riżorsi fuq numru
żgħir ta' prijoritajiet u jimmassimizzaw il-valur miżjud
tagħhom L-Istati Membri
u r-reġjuni għandhom jikkonċentraw il-finanzjament fuq
għadd limitat ta' oqsma ta' rilevanza għall-UE. Sehem kbir
mill-FEŻR se jkun allokat għal erba' prijoritajiet fil-qalba
tal-istrateġija Ewropa 2020: l-innovazzjoni u r-riċerka,
l-aġenda diġitali, l-appoġġ għall-SMEs u l-ekonomija
b'użu baxx ta' karbonju. Il-konċentrazzjoni
tal-FSE fuq mhux aktar minn ħames prijoritajiet ta' investiment se
tappoġġa l-konsolidazzjoni tar-riżultati f'livell Ewropew. Hija
se tiżgura wkoll rabta aktar ċara mal-Istrateġija Ewropea
għall-Impjiegi u l-Linji Gwida Integrati dwar l-Impjiegi. Mill-inqas
20 % tal-baġit tal-FSE se jitwarrab għall-appoġġ
tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u
d-diskriminazzjoni. Minħabba
l-ħtieġa urġenti biex jiġi indirizzat il-qgħad
taż-żgħażagħ, ġiet imnedija Inizjattiva favur
l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) ta'
EUR 6 biljun, li tipprovdi finanzjament dedikat biex tgħin
fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ
madwar l-UE. Dan jiżgura li kull persuna żagħżugħa
tiġi offruta impjieg jew taħriġ xieraq fi żmien erba' xhur
minn meta titlaq mill-iskola jew titlef l-impjieg. Il-finanzjament tal-YEI se
jkun iffukat fuq ir-reġjuni b'rati partikolarment għolja ta'
qgħad fost iż-żgħażagħ. Ir-reġjuni
u l-Istati Membri ser ikollhom jagħmlu għażliet ċari dwar
l-objettivi tagħhom. Dan se jippermetti li tintlaħaq massa kritika
ta' riżorsi, li jiżgura impatt sinifikanti u jiggarantixxi li jsiru
investimenti f'dawk l-oqsma li għandhom impatt dirett u immedjat fuq
it-tkabbir u l-impjiegi. 3.3. Il-programmi tal-Politika ta'
Koeżjoni jeħtieġ li jiddefinixxu b'mod ċar l-objettivi u
r-riżultati Is-suċċess
tal-Politika ta' Koeżjoni għandu jitkejjel mir-riżultati u
l-impatt tagħha. Ir-riformi għalhekk jikkonċentraw fuq li
tiġi żgurata enfasi akbar fuq ir-riżultati permezz ta' titjib
fl-indikaturi ta' prestazzjoni, fir-rappurtar u fl-evalwazzjoni. Meta jfasslu
l-programmi, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jispeċifikaw
ir-riżultati li bi ħsiebhom jiksbu sa tmiem il-perjodu ta'
programmar. Il-programmi se jkollhom jistabbilixxu kif l-azzjonijiet proposti
se jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u se
jistabbilixxu indikaturi tal-prestazzjoni b'linji bażi u miri ċari
biex jitkejjel il-progress. Kull programm se jkollu qafas ta' prestazzjoni biex
jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà. Sabiex jiġi
pprovdut inċentiv ieħor, madwar EUR 20 biljun (jew 6 %
tal-baġit tal-Politika ta' Koeżjoni) ġew imwarrba sabiex
jiġu allokati fl-2019 għal dawk il-programmi li juru li jinsabu
fit-triq it-tajba biex jilħqu l-objettivi tagħhom. 3.4. Il-programmi tal-Politika ta'
Koeżjoni jeħtieġ li jagħtu vuċi aktar
b'saħħitha lill-ibliet L-ibliet
jistgħu jaqdu rwol ewlieni fil-Politika ta' Koeżjoni, u sabiex
jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020. Aktar minn żewġ terzi tal-Ewropej jgħixu
fl-ibliet. L-ibliet huma produttivi u innovattivi u jistgħu jkunu fuq
quddiem fil-kisba ta' tkabbir intelliġenti. Huma jistgħu jkunu
iktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi (pereżempju billi
jimminimizzaw l-użu tal-art, l-issiġillar tal-ħamrija u
l-użu tal-enerġija) u jistgħu jieħdu sehem fit-twettiq ta'
tkabbir sostenibbli, pereżempju permezz ta' infrastruttura ekoloġika. Minħabba d-differenzi tal-ġid,
il-konċentrazzjoni ta' dawk soċjalment esklużi u
l-konċentrazzjoni tal-faqar fil-bliet, huma essenzjali biex tiġi
indirizzata l-isfida tat-tkabbir inklużiv. Għal dawn
ir-raġunijiet, huwa mistenni li madwar nofs il-FEŻR se jintefqu
fl-ibliet fl-2014-20. Il-Politika ta' Koeżjoni l-ġdida għandha
wkoll l-għan li tagħti s-setgħa lill-ibliet biex ifasslu u
jimplimentaw politiki li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi
tal-Ewropa 2020, billi tistabbilixxi ammont minimu (5 %
tal-FEŻR) għal investiment integrat fl-iżvilupp urban sostenibbli,
u billi tiggarantixxi li l-bliet ikollhom ir-rwol ewlieni fl-għażla
tal-proġetti. Il-Kummissjoni
se tniedi wkoll sejħiet għal proġetti bħala parti
mill-programm il-ġdid ta' Azzjonijiet Urbani Innovattivi
f'appoġġ għall-ibliet li huma lesti li jittestjaw ideat
ġodda fl-iżvilupp urban. 3.5. Il-programmi tal-Politika ta'
Koeżjoni jeħtieġ li jinkludu aħjar l-imsieħba
fil-livelli kollha Il-qafas ta'
politika 2014-20 huwa bbażat fuq il-premessa li s-sħab kollha
fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li jirrispettaw
il-prinċipji tal-governanza fuq diversi livelli u jinkludu l-imsieħba
soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, se jkunu
involuti fl-istadji kollha tal-ipprogrammar. Għall-ewwel darba fil-livell
tal-UE, il-Kodiċi ta' Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija[2]
tipprovdi mudell għall-Istati Membri biex jilħqu u jinvolvu dawn
is-sħab fl-iżvilupp ta' programmi, matul l-implimentazzjoni
tal-programmi u matul il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.
Is-sħubijiet jistgħu jkunu partikolarment effettivi sabiex jipprovdu
strateġiji tal-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunitajiet.
Miżuri biex tinbena l-kapaċità tas-sħab soċjali u
tas-soċjetà ċivili huma wkoll inkorporati fir-regolamenti
l-ġodda. 4. Mit-teorija
għall-prattika: evidenza li qed toħroġ min-negozjati Fil-mument meta
adottat din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni kienet irċeviet 28 ftehim
ta' sħubija (PAs) u madwar 150 programm operazzjonali (PO).[3]
In-negozjati ma' Stati Membri u reġjuni għadhom għaddejjin.
Għalhekk, dan li ġej jipprovdi biss indikazzjoni ta' sa fejn
l-elementi ewlenin tar-riforma ġew inkorporati fl-istrateġiji u
l-programmi l-ġodda. L-informazzjoni
disponibbli turi xi xejriet inkoraġġanti ħafna u xi sfidi. B'mod
ġenerali, madwar EUR 336 biljun huma allokati
għall-programmi nazzjonali u reġjonali bħala parti mill-objettiv
tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi (IGJ). Ir-riżorsi huma
maqsuma kif ġej: EUR 187,5 biljun għall-FEŻR, EUR 63 biljun
għall-Fond ta' Koeżjoni u EUR 85 biljun għall-FSE li huwa
ogħla mill-allokazzjoni minima meħtieġa legalment tal-FSE ta'
EUR 80 biljun.[4] Dijagramma 4:
Allokazzjoni għall-prijoritajiet ta' finanzjament skont il-fond (2014-20)
f'% tat-total tal-fond Madwar
EUR 124 biljun huma allokati għar-R&Ż u l-innovazzjoni,
l-ICT, l-SMEs, u ekonomija b'użu baxx ta' karbonju. Dan
jirrappreżenta żieda ta' kważi 22 % meta mqabbel
mal-2007-2013. Il-biċċa l-kbira ta' dan l-ammont huwa ffinanzjat
mill-FEŻR (EUR 116,5 biljun) u l-bqija mill-Fond ta' Koeżjoni. EUR 98 biljun se
jiġu investiti fl-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-miżuri
tal-edukazzjoni. Il-biċċa l-kbira ta' dan l-ammont huwa ffinanzjat
mill-FSE: impjiegi (EUR 30,7 biljun), inklużjoni soċjali (EUR 20,9
biljun), u edukazzjoni (EUR 26,3 biljun). EUR 59 biljun
huma allokati għall-infrastruttura tan-netwerk tat-trasport u
l-enerġija, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 21% meta mqabbel
mal-2007-2013. Kważi
EUR 4,3 biljun se jiġu investiti fil-bini tal-kapaċità
istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u fl-effiċjenza
tal-amministrazzjonijiet u s-servizzi pubbliċi (“il-governanza tajba”).
Dan jirrappreżenta żieda ta' 72 % meta mqabbel
mal-aħħar perjodu. Għalhekk,
il-perjodu ta' programmar il-ġdid iġib bidla ċara f'termini ta'
prijoritajiet ta' finanzjament meta mqabbel mal-2007-13. L-Istati Membri u
r-reġjuni se jinvestu aktar fuq il-prijoritajiet tal-FEŻR
(ir-R&Ż u l-innovazzjoni, l-ICT, l-SMEs, u ekonomija b'użu baxx
ta' karbonju) u fuq il-prijoritajiet tal-FSE (l-impjiegi, l-inklużjoni
soċjali, l-edukazzjoni, u l-governanza). Min-naħa l-oħra, inqas
flus ser jiġu investiti fl-infrastruttura tan-netwerk u ambjentali.
It-tnaqqis tal-investiment fl-infrastruttura huwa partikolarment notevoli fi
Stati Membri iktar żviluppati. Dijagramma 5: Allokazzjoni
għall-prijoritajiet ta' finanzjament 2014-20 vs. 2007-13, f'% tat-total L-enfasi
partikolari li l-Kummissjoni qiegħdet fuq l-ekonomija b'użu baxx ta'
karbonju rriżultat f'żieda viżibbli f'dan it-tip ta'
investiment: aktar minn EUR 38 biljun se jappoġġaw
it-tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u
reżiljenti għall-klima. Bosta pajjiżi poġġew enfasi
partikolari fuq l-effiċjenza tal-enerġija jew l-iżvilupp
tal-enerġija rinnovabbli. F'xi każijiet, madankollu, ir-rabta bejn
l-investiment u r-riżultati mistennija b'rabta mal-objettivi tat-tibdil fil-klima
jeħtieġ li tiġi ċċarata aktar. Minħabba
l-isfidi ta' qgħad għoli u ta' żieda fil-faqar, l-enfasi fuq
it-tkabbir inklużiv tista' tkun iktar b'saħħitha f'ċerti
PAs. Il-Kummissjoni hija wkoll tal-fehma li l-finanzjament allokat
għall-edukazzjoni huwa f'dan il-mument mhux biżżejjed biex
jiġu implimentati l-prijoritajiet identifikati. F'xi PAs tingħata
prijorità baxxa lil miżuri attivi għall-inklużjoni soċjali.
Biex jiġu żgurati eżiti soċjali aħjar u investimenti
li jirrispondu aħjar għall-bidliet soċjali, ir-riforma
tal-politika soċjali teħtieġ li tiġi inkorporata aħjar
fl-ipprogrammar. Barra minn hekk,
rigward il-YEI, l-informazzjoni rilevanti f'xi PAs u OPs hija pjuttost
ġenerali u ma tistabbilixxix kif din l-inizjattiva ġdida ser
titwassal u jekk u kif se tappoġġa l-implimentazzjoni tal-iskemi ta'
Garanzija għaż-Żgħażagħ. F'xi programmi
l-azzjonijiet appoġġati mill-YEI għandhom jiffukaw aktar fuq
l-appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi. Minkejja
l-eżistenza ta' CSR dwar l-integrazzjoni tal-minoranza Roma, xi Stati
Membri ma jipprevedux prijorità dedikata għall-komunitajiet
marġinalizzati, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex jiġi
evalwat kemm finanzjament se jiġi allokat għal dan il-qasam ta'
politika. Xi Stati Membri ma jindirizzawx biżżejjed
il-bżonnijiet ta' dan il-grupp fil-mira jew jeħtieġu li
jelaboraw aktar l-istrateġija u l-loġika tal-intervent tagħhom. Il-modernizzazzjoni
amministrattiva u l-kwalità tal-ġustizzja huma rikonoxxuti bħala
fatturi ewlenin għall-kompetittività u t-tkabbir inklużiv. Bosta
Stati Membri qed jippjanaw miżuri sabiex isaħħu
l-istituzzjonijiet pubbliċi tagħhom u jtejbu l-kapaċità
tagħhom li jipprovdu politika aktar effettiva, servizzi amministrattivi
aħjar, proċedimenti ġudizzjarji aktar rapidi, trasparenza u
integrità akbar fl-istituzzjonijiet pubbliċi, u titjib
fil-parteċipazzjoni pubblika fil-fażijiet differenti tat-tfassil
tal-politika. Iżda, f'għadd ta' Stati Membri fejn ir-riforma
tal-amministrazzjoni pubblika ġiet identifikata bħala sfida,
strateġija ċara hi nieqsa u l-objettivi huma inkompleti u mhux
ċari, filwaqt li din ir-riforma hija indispensabbli biex jiġu
appoġġati l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività. Barra minn hekk,
f'xi wħud minn dawn l-Istati Membri huwa nieqes impenn politiku ċar
favur din ir-riforma. Huwa ċar li
l-bżonn li ssir tħejjija għall-investiment billi jiġu
ssodisfati kundizzjonijiet qabel l-implimentazzjoni tal-programm ittieħed
bis-serjetà. Il-proċess ma kienx faċli u, f'ħafna każijiet,
il-Kummissjoni se jkollha taqbel dwar pjanijiet ta' azzjoni biex tiżgura
konformità sħiħa mar-rekwiżiti fi skadenzi definiti tajjeb.
Il-kundizzjonijiet, li l-Istati Membri sabuha partikolarment diffiċli li
jilħqu, jikkonċernaw oqsma fejn id-Direttivi tal-UE
jeħtieġu li jiġu trasposti jew fejn ir-regolamenti tal-UE
jeħtieġ li jiġu applikati b'mod effettiv. Strateġiji
ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti ġew imfassla fil-livell
nazzjonali u reġjonali biex jaċċelleraw it-trasformazzjoni
ekonomika u jnaqqsu d-distakk fl-għarfien. Aktar enfasi trid
titqiegħed fuq forom ta' appoġġ indiretti, fuq
l-appoġġ għar-riċerka mmexxija mis-suq u l-kooperazzjoni
mal-intrapriżi. Hemm riskju li kollox jibqa' kif inhu fl-appoġġ
għall-SMEs, minflok li l-għajnuna tiġi mfassla skont
il-bżonnijiet u l-potenzjal ta' tkabbir tagħhom biex jiġu
żgurati effett ta' lieva għoli u adozzjoni rapida. Xi Stati Membri
fasslu wkoll programmi li jistabbilixxu rabtiet ċari bejn l-ekonomija
diġitali u l-innovazzjoni. Dan huwa importanti peress li l-investimenti
fil-broadband b'veloċità għolja u l-ICT huma meħtieġa biex
jingħelbu punti ta' konġestjoni speċifiċi u biex jiġu
inkoraġġiti soluzzjonijiet immexxija mis-suq. Pereżempju, huwa
essenzjali li wieħed jiffoka l-investiment fil-broadband fuq in-netwerks
tal-ġenerazzjoni li jmiss sabiex jiġi żgurat li reġjuni
anqas żviluppati ma jkomplux jaqgħu aktar lura. Is-sinerġiji
bejn il-Politika ta' Koeżjoni, Orizzont 2020 u programmi oħra tal-UE
huma wkoll ferm importanti fil-kuntest ta' strateġiji ta'
speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-livell nazzjonali u
reġjonali. Fl-2014-20, xi
88 programm f'16-il pajjiż se jkunu programmi b'fondi differenti, li
jgħaqqdu flimkien riżorsi mill-FEŻR, mill-FK u mill-FSE. Dan
huwa mistenni li jinkoraġġixxi approċċ integrat li
jgħaqqad flimkien politiki, fondi u prijoritajiet differenti. Biex il-politika
tkun aktar effettiva, orjentata lejn ir-riżultati u msejsa fuq
il-prestazzjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jistabbilixxu
objettivi u miri dettaljati. Huwa essenzjali li l-programmi ma jesprimux miri
ġenerali wisq, inkluż numru kbir ta' azzjonijiet possibbli sabiex
tinżamm flessibilità massima fl-għażla tal-proġetti fi
stadju aktar tard. Dan huwa ta' importanza kritika: jekk l-objettivi u l-miri
ma jkunux ambizzjużi biżżejjed u ddettaljati biżżejjed,
se jkun diffiċli ħafna li tiġi evalwata l-politika u li jkun
hemm dibattitu pubbliku utli dwarha. Matul il-proċess tan-negozjati,
il-Kummissjoni se tiffoka fuq dawn ir-riskji. Il-Ftehimiet ta'
Sħubija fil-biċċa l-kbira ġew imfassla permezz ta' djalogu
raġonevoli mas-sħab, għalkemm hemm indikazzjonijiet li f'xi
każijiet dan id-djalogu kien insuffiċjenti, partijiet
ikkonċernati importanti ma kinux involuti, jew il-kummenti ma kinux
riflessi f'verżjonijiet sussegwenti tad-dokumenti. Il-Kummissjoni se
tħares bir-reqqa lejn kif l-Istati Membri applikaw il-Kodiċi ta'
Kondotta dwar is-Sħubija biex jiżguraw parteċipazzjoni
ġenwina min-naħa tal-partijiet ikkonċernati. L-aħħar
iżda mhux l-inqas, il-perjodu l-ġdid jeħtieġ governanza
b'saħħitha u mekkaniżmi ta' koordinazzjoni fuq il-livell nazzjonali
u reġjonali biex tiġi żgurata konsistenza bejn il-programmi,
appoġġ għal Ewropa 2020 u s-CSRs, u biex jiġu evitati
duplikazzjonijiet u nuqqasijiet. Dan huwa partikolarment importanti
minħabba ż-żieda ġenerali fl-għadd ta' programmi
reġjonali (għall-programmi tal-FSE hija kważi 60 % meta
mqabbla mal-2007-13). 5. Konklużjoni Fl-2014-20,
il-Politika ta' Koeżjoni se tiggwida l-investiment ta' terz tal-baġit
tal-UE biex tgħin fil-kisba tal-għanijiet għall-UE kollha
tat-tkabbir u l-impjiegi u tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi u
soċjali. Hija wkoll l-akbar strument ta' investiment fil-livell tal-UE
biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020. Hija
tipprovdi l-akbar kontribuzzjoni f'għadd ta' oqsma, inkluż l-appoġġ
għall-SMEs, ir-R&Ż u l-innovazzjoni, l-investiment f'forza
tax-xogħol ikkwalifikata u kompetittiva, il-ġlieda kontra
l-qgħad u l-esklużjoni soċjali, l-adattament għat-tibdil
fil-klima u l-ambjent. Il-mudelli
ekonomiċi jipprovdu indikazzjoni tal-impatt makroekonomiku.
Pereżempju, huwa mistenni li fil-pajjiżi benefiċjarji
prinċipali, grazzi għall-Politika ta' Koeżjoni, il-PDG jista'
jkun bħala medja 2% ogħla u l-impjiegi madwar 1% ogħla matul
il-perjodu ta' implimentazzjoni. Iżda
l-effetti ta' tisħiħ fil-produttività tal-Politika ta' Koeżjoni
jkomplu jakkumulaw wara t-tmiem tal-programmi. Sal-2030, huwa stmat li l-PDG
f'dawn il-pajjiżi se jkun iktar minn 3% ogħla mil-livell mistenni
fin-nuqqas tal-politika. Dan ifisser li matul il-perjodu 2014-30, għal
kull Euro minfuq fil-pajjiżi benefiċjarji ewlenin, il-PDG huwa
mistenni li jkun aktar minn tliet euro ogħla. Sabiex dawn
l-effetti jkunu jistgħu jiġu realizzati, madankollu, huwa essenzjali
li l-Istati Membri u r-reġjuni jwettqu r-riformi u jużaw il-politika
bħala għodda effettiva tal-investiment. L-eżitu tan-negozjati li
jinsabu għaddejjin biex jiġu żviluppati strateġiji
b'saħħithom, jiġi identifikat numru żgħir ta'
prijoritajiet fundamentali ta' investiment, jiġu stabbiliti miri ambizzjużi,
u jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet mikro u makro jimmassimizzaw
l-impatt tal-investiment kofinanzjat mill-Politika ta' Koeżjoni,
għalhekk se jkun kruċjali. Il-Kummissjoni
se tippreżenta l-ewwel rapport ta' progress dwar il-programmi
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2017. Dan se jagħti ħarsa
ġenerali lejn il-progress mill-Istati Membri u r-reġjuni lejn
l-objettivi stabbiliti fil-programmi tagħhom, u jindika jekk humiex qed
jagħtu r-riżultati mixtieqa jew le. [1] Ara ĠU L 347, l-20 ta' Diċembru 2013. [2] Ara r-regolament ta' delega tal-Kummissjoni tas-7.1.2014, C(2013)
9651 finali. [3] Erba' PAs diġà ġew adottati mill-Kummissjoni. [4] Ir-riżorsi finanzjarji għall-objettiv tal-IGJ jinkludu
l-FEŻR (eskluż l-appoġġ għal Kooperazzjoni
Territorjali Ewropea), il-FSE u l-Fond ta' Koeżjoni. Iċ-ċifri
jirriflettu s-sitwazzjoni mill-1 ta' Ġunju u għadhom jistgħu
jinbidlu fil-kuntest tan-negozjati tal-programmi.