RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-Applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) /* COM/2014/0460 final */
1. Introduzzjoni Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 dwar
il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal
Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka[1]
(minn hawn 'il quddiem magħruf bħala "ir-Regolament ERIC")
ġie adottat sabiex jiffaċilita l-istabbilment u l-operat ta'
infrastrutturi Ewropej tar-riċerka kbar fost diversi Stati Membri u
pajjiżi assoċjati billi jipprovdi strument legali ġdid,
il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC). Ir-Regolament ERIC indirizza waħda mid-diffikultajiet
kbar identifikati fir-rigward tal-istabbilment ta' infrastrutturi Ewropej
tar-riċerka ġodda, minbarra l-iskarsezza ta' riżorsi u
l-kumplessità ta' kwistjonijiet tekniċi u organizzattivi, jiġifieri
n-nuqqas ta' qafas ġuridiku adegwat miftiehem mill-pajjiżi kollha li
jippermetti l-ħolqien ta' sħubija xierqa mas-sħab minn
pajjiżi differenti. Ir-Regolament ERIC sar ukoll biex jiffaċilita
l-istabbilment iktar malajr ta' infrastrutturi Ewropej tar-riċerka billi
jnaqqas il-ħin fl-evitar ta' ripetizzjoni ta' negozjati, proġett wara
proġett, biex tiġi analizzata u diskussa l-aħjar forma legali
għal organizzazzjonijiet internazzjonali tar-riċerka bħal dawn,
bil-vantaġġi u l-iżvantaġġi relatati u l-ħin
iffrankat fl-evitar ta' diskussjonijiet f'kull parlament nazzjonali marbut
mal-approvazzjoni ta' ftehim internazzjonali meħtieġ fil-każ li
ma kienx jeżisti l-qafas stabbilit skont ir-Regolament ERIC. Ir-Regolament ERIC huwa risposta
għall-ambizzjoni politika Ewropea tal-ħolqien ta' Żona Ewropea
tar-Riċerka biex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-isfidi attwali
(eż l-internazzjonalizzazzjoni tar-riċerka; il-kisba tal-massa
kritika; l-iżvilupp tal-faċilitajiet distribwiti; l-iżvilupp
tal-mudelli ta' referenza). Sar ukoll biex jikkontribwixxi għal bini ta'
identità tal-UE madwar faċilitajiet xjentifiċi ewlenin li jwasslu
għal żieda fl-immaġni pożittiva tal-Unjoni Ewropea
fil-livell internazzjonali billi jipprovdi lill-kontrapartijiet internazzjonali
b'entità ġuridika unika li jistgħu jsiru membri tagħha jew li magħha
jistgħu jiġu maqbula l-kooperazzjoni u l-isħubiji possibbli. Ir-Regolament ERIC ġie emendat
f'Diċembru 2013[2]
biex jippermetti riflessjoni aħjar tal-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi
assoċjati f'ERIC billi poġġa dawk il-pajjiżi f'livell iktar
ekwivalenti mal-Istati Membri fil-korpi governattivi tal-ERIC f'termini
tad-drittijiet tal-vot fid-dawl tal-ospitar possibbli tal-ERICs f'pajjiżi
assoċjati li għandha twassal għal parteċipazzjoni
miżjuda tal-pajjiżi assoċjati fl-ERICs. Dawn it-talbiet saru
wkoll fl-isfond tal-ospitar possibbli min-Norveġja ta' tliet ERICs li huma
inklużi fil-Pjan Direzzjonali ta' ESFRI tal-2010[3]. Dan ir-rapport tfassal mill-Kummissjoni skont
l-Artikolu 19 tar-Regolament ERIC li fih previst li l-Kummissjoni se
tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar
l-applikazzjoni u l-proposti tagħha għal emendi fejn jixraq, sa mhux
iktar tard mis-27 ta' Lulju 2014. 2. Karatteristiċi legali
ta' ERIC Ir-Regolament ERIC fih previst qafas ġuridiku
komuni bbażat fuq l-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jikkumplimenta l-iskemi nazzjonali u
intergovernattivi legali u regolatorji għall-istabbilment
tal-Infrastrutturi tar-Riċerka tranżnazzjonali. Dan
jirrapreżenta wieħed mill-istrumenti legali li ġew adottati
s'issa biex jappoġġaw iż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Skont ir-Regolament ERIC, ERIC huwa entità
ġuridika b'personalità ġuridika u kapaċità ġuridika
sħiħa rikonoxxuta mill-Istati Membri kollha. Jirrikjedi
s-sħubija ta' mill-inqas tliet stati: Stat Membru wieħed u
żewġ pajjiżi oħra li huma Stati Membri jew pajjiżi
assoċjati. Il-membri tiegħu jistgħu jkunu Stati Membri,
pajjiżi assoċjati, pajjiżi terzi apparti minn pajjiżi
assoċjati u organizzazzjonijiet intergovernattivi. Dawn jikkontribwixxu
b'mod konġunt għall-kisba tal-objettivi ta' ERIC, primarjament
fl-istabbilment u l-operat ta' infrastruttura tar-riċerka ta' importanza
Ewropea. L-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati, il-pajjiżi terzi
apparti minn pajjiżi assoċjati u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi
jistgħu jkunu wkoll osservaturi mingħajr drittijiet tal-vot. L-istruttura interna ta' ERIC hija flessibbli, u
tippermetti lill-membri jiddefinixxu, fl-Istatuti, id-drittijiet u l-obbligi
tagħhom, il-korpi u l-kompetenzi tagħhom u arranġamenti interni
oħrajn. Ir-Regolament ERIC jipprovdi għall-Istati Membri u
l-pajjiżi assoċjati biex ikollhom il-maġġoranza
tad-drittijiet tal-vot fl-assemblea tal-membri b'mod konġunt,
għalkemm il-proposti għall-emendi tal-Istatuti ta' ERIC ospitati minn
Stat Membru jirrikjedu l-qbil ta' maġġoranza tal-Istati Membri li
huma membri. Ir-responsabbiltà tal-membri għad-djun ta' ERIC tista' tkun
limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom; il-flessibbiltà
madankollu se tkun permessa fl-istatuti biex jimmodifikaw tali
arranġamenti. Il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-Unjoni,
il-liġi tal-Istat tas-sede statutorja jew tal-Istat tal-operat fir-rigward
ta' ċerti kwistjonijiet amministrattivi, tas-sikurezza u tekniċi.
L-Istatuti u r-regoli ta' implimentazzjoni tagħhom iridu jkunu konformi
ma' tali liġi applikabbli. ERIC huwa kkunsidrat korp jew organizzazzjoni
internazzjonali fit-tifsira tad-direttivi dwar it-taxxa tal-valur miżjud u
d-dazji tas-sisa, iżda biex jiġi eżentat mill-VAT u d-dazji
tas-sisa jrid jkun rikonoxxut bħala tali mill-Istat Membru ospitanti
tiegħu. ERIC li huwa rikonoxxut ukoll bħala organizzazzjoni
internazzjonali skont it-tifsira tad-direttiva dwar l-akkwist pubbliku, jista'
jiġi eżentat mill-proċeduri tal-akkwist u jista' minflok jadotta
r-regoli tal-akkwist tiegħu. ERIC huwa stabbilit permezz ta'
deċiżjoni tal-Kummissjoni li taġixxi abbażi
tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija mill-Kunsill.
Il-Kummissjoni taġixxi fuq applikazzjoni sottomessa minn dawk l-Istati
Membri, pajjiżi u organizzazzjonijiet intergovernattivi li jixtiequ jsiru
membri fundaturi tal-ERIC. Il-proċedura għall-adozzjoni ta'
deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi valutazzjoni minn esperti
indipendeti, b'mod partikolari fil-qasam tal-attivitajiet intenzjonati tal-ERIC.
Il-Kummissjoni tqies ukoll l-opinjoni tal-kumitat previst fl-Artikolu 20
tar-Regolament ERIC (il-Kumitat ERIC) li huwa magħmul minn
rappreżentanti tal-Istati Membri kollha u l-pajjiżi assoċjati. 3. Implimentazzjoni
tar-Regolament ERIC Mill-adozzjoni tar-Regolament ERIC ġew
stabbiliti seba' ERICs. F'Marzu tal-2011 ġie stabbilit SHARE-ERIC
(Stħarriġ tas-Saħħa, it-Tixjiħ u l-Irtirar fl-Ewropa)[4] li
l-ewwel kien ospitat mill-Pajjiżi l-Baxxi u mill-2014 mill-Ġermanja,
fejn l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja,
l-Iżrael, l-Italja, is-Slovenja u l-Pajjiżi l-Baxxi huma membri u
l-Isvizzera hija osservatur. Fi Frar tal-2012 ġie stabbilit CLARIN ERIC
(Infrastuttura Komuni tar-Riżorsi u t-Teknoloġija Lingwistiċi)[5]
ospitat mill-Pajjiżi l-Baxxi, fejn ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka,
il-Ġermanja, l-Estonja u l-Unjoni tal-Lingwa Olandiża huma membri.
F'Novembru tal-2013 ġew stabbiliti erba' ERICs; EATRIS ERIC
(Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka tat-Trażlazzjonali Avvanzata
fil-Mediċina)[6]
ospitat mill-Pajjiżi l-Baxxi, fejn ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka,
l-Estonja, l-Italja u l-Finlandja huma membri u Franza u Spanja huma
osservaturi; ESS ERIC (Stħarriġ Soċjali Ewropew)[7]
ospitat mir-Renju Unit, fejn il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka,
il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi,
l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, l-Isvejza huma membri u
n-Norveġja u l-Isvizzera huma osservaturi; BBMRI-ERIC (Infrastuttura
tar-Riċerka tal-Biobanking u tar-Riżorsi Biomolekulari)[8]
ospitat mill-Awstrija, fejn il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka,
il-Ġermanja, l-Estonja, Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta,
il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Finlandja u l-Isvezja huma membri u
n-Norveġja, il-Polonja, l-Isvizzera u t-Turkija huma osservaturi; ECRIN-ERIC
(Netwerk Ewropew tal-Infrastruttura tar-Riċerka Klinika)[9]
ospitat minn Franza, fejn il-Ġermanja, Spanja, l-Italja u l-Portugall huma
membri. Finalment f'Mejju tal-2014 ġie stabbilit
Euro-Argo ERIC[10]
ospitat minn Franza, fejn il-Ġermanja, il-Ġreċja, l-Italja,
il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Finlandja u r-Renju Unit huma membri u l-Polonja u
n-Norveġja huma osservaturi. Is-seba' ERICs kollha msemmija hawn fuq ġew
inklużi fil-Pjanijiet Direzzjonali miftiehma mill-Forum Strateġiku
Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI). Żewġ
ERICs (SHARE-ERIC u ESS ERIC) ġew stabbiliti bil-għan tat-tfassil,
l-iżvilupp u l-implimentazzzjoni tal-istħarriġ Ewropew.
Il-ħames ERICs l-oħrajn ġew stabbiliti għall-iżvilupp
u l-implimentazzjoni tal-infrastrutturi distribwiti fil-qasam tax-xjenzi
bijoloġiċi u mediċi, tax-xjenzi ambjentali u tax-xjenzi
soċjali u l-umanitajiet. L-istruttura legali ta' ERIC tintuża biex
tistabbilixxi u topera tipi differenti ta' infrastrutturi li huma f'sit
wieħed jew distribwiti. L-infrastrutturi distribwiti jistgħu jvarjaw
bejn infrastrutturi li jkollhom faċilitajiet li jinsabu f'siti differenti,
operati minn entità ġuridika waħda, u infrastrutturi stabbiliti
bħala ċentru ċentrali li jikkoordina l-operat
tal-faċilitajiet distribwiti li jistgħu jżommu l-personalità
ġuridika tagħhom. Ir-Regolament ERIC huwa applikabbli direttament
fl-Istati Membri u ma jirrikjedi l-ebda traspożizzjoni. Madankollu, kien
neċessarju li l-Istati Membri jadottaw il-miżuri u l-proċeduri
xierqa biex ikunu jistgħu jospitaw jew biex isiru membri ta' ERIC. L-istabbilment
ta' ERIC skont ir-Regolament ERIC jirrikjedi, fost l-oħrajn, dikjarazzjoni
mill-Istat Membru ospitanti li jirrikonoxxi l-ERIC bħala korp
internazzjonali fit-tifsira tad-Direttiva tal-VAT u bħala organizzazzjoni
internazzjonali fit-tifsira tad-Direttiva 2008/118/KE, sabiex ikunu japplikaw
l-eżenzjonijiet tal-VAT u/jew tad-dazju tas-sisa. Għal ħafna
mill-Istati Membri dan ħa bosta snin bl-eċċezzjoni
tal-Pajjiżi l-Baxxi li fl-2010 diġà kellhom fis-seħħ
il-proċeduri interni biex setgħu jospitaw ERIC. Ir-raġuni
għal dan kien il-fatt li l-istruttura legali l-ġdida kellha tiġi
assimilata fis-sistemi regolatorji u amministrattivi nazzjonali u li kellhom
jiġu indirizzati ħafna mistoqsijiet prattiċi kif ukoll l-Istati
Membri involuti qabel ma l-ERICs setgħu jiġu stabbiliti u jsiru
operattivi skont is-sistemi regolatorji u amministrattivi nazzjonali. Fir-rigward tal-pajjiżi assoċjati jew
pajjiżi terzi li għalihom ir-Regolament ERIC mhuwiex direttament
applikabbli, dawn jridu jissottomettu dikjarazzjoni vinkolanti li tirrikonoxxi
l-personalità ġuridika u l-privileġġi ta' ERIC biex ikunu
jistgħu jospitawh (fil-każ ta' pajjiżi assoċjati) jew biex
isiru membru ta' ERIC speċifiku. Ħames snin wara l-adozzjoni tar-Regolament
ERIC ħafna mill-Istati Membri u xi pajjiżi assoċjati ħadu
miżuri li huma neċessarji biex wieħed ikun jista' jospita jew
isir membru ta' ERIC. Dan l-iżvilupp pożittiv jista' jintwera wkoll
mill-fatt li bejn 20 u 48 proġett inklużi fil-Pjan Direzzjonali ta'
ESFRI tal-2010 qed jużaw jew qed jippjanaw li jużaw l-ERIC
għall-istabbilment tal-infrastruttura tar-riċerka. Barra minn hekk,
il-Kummissjoni rċeviet żewġ applikazzjonijiet għal ERIC
għall-istabbilment ta' infrastrutturi Ewropej tar-riċerka li mhumiex
inklużi fil-Pjan Direzzjonali ta' ESFRI: il-Konsorzju tal-Ewropa
Ċentrali għall-Infrastruttura tar-Riċerka (CERIC-ERIC) li se
jiġi ospitat mill-Italja u l-Istitut Konġunt għal
Interferometrija B'Linja Bażi Twila Ħafna (JIV-ERIC) li se jiġi
ospitat mill-Pajjiżi l-Baxxi. Il-miżuri amministrattivi u proċedurali
meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi
assoċjati, l-informazzjoni skambjata fil-laqgħat regolari tal-Kumitat
ERIC u l-kjarifikazzjonijiet previsti mid-diversi servizzi tal-Kummissjoni
għal mistoqsijiet mressqa mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u
tal-pajjiżi assoċjati kellhom rwol importanti fil-kontribut
għall-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tar-Regolament ERIC. Il-Kummissjoni tistenna li sal-aħħar
tal-2015 ikunu ġew stabbiliti madwar 15-il ERIC. 4. Sfidi għall-implimentazzjoni
tar-Regolament ERIC Ir-Regolament ERIC ġie adottat u qed
jiġi implimentat fi żmien meta l-Istati Membri u l-pajjiżi
assoċjati qed jieħdu miżuri baġitarji restrittivi sabiex
inaqqsu d-defiċit pubbliku. Il-ġbir flimkien tar-riżorsi fuq
bażi ta' perjodu ta' żmien twil għall-istabbilment u l-operat
ta' infrastruttura tar-Riċerka panEwropea proprja hija għalhekk sfida
kbira u ssir iktar ikkumplikata minħabba l-oqfsa taż-żmien
differenti għall-proċeduri tad-deċiżjoni baġitarja
tal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati individwali involuti. Dan
iwassal għal żmien ta' preparazzjoni pjuttost twil għall-kisba
tal-bażi minima tal-iffinanzjar għall-istabbilment tal-Infrastrutturi
tar-Riċerka. Din il-kwistjoni mhix speċifika għall-istrument
ERIC iżda hija marbuta mal-infrastrutturi Ewopej kollha tar-riċerka.
Sinkronizzazzjoni aħjar, iktar trasparenza u allinjament bejn l-Istati
Membri, il-pajjiżi assoċjati u l-pajjiżi terzi involuti
fil-preparazzjoni għall-implimentazzjoni tal-infrastruttura
tar-riċerka lkoll se jgħinu ħafna biex jitħaffef
il-proċess ta' implimentazzjoni. Il-kundizzjoni li l-Istati u l-Organizzazzjonijiet
Intergovernattivi biss jistgħu japplikaw għall-istabbilment ta' ERIC
iżżid il-kumplessità għall-komunitajiet xjentifiċi li qed
jippreparaw għall-istabbilment u l-implimentazzjoni tal-infrastruttura
tar-riċerka bħall-Ministeri jew Aġenziji tal-iffinanzjar
bil-mandat tal-Ministeri li normalment ma jkunux involuti mill-bidu nett
fil-preparazzjoni tal-applikazzjonijiet ERIC. Din tqajjem ukoll diskussjonijiet
bejn is-sħab prospettivi ta' ERIC pereżempju dwar ir-relazzjoni bejn
il-kontribuzzjonijiet u d-drittijiet tal-vot li ma humiex indirizzati fl-istess
mod mill-komunitajiet xjentifiċi involuti. L-involviment
tar-rappreżentanti tal-ministeri u tal-aġenziji ta' finanzjament
mill-bidu nett tal-preparazzjoni għall-istabbilment tal-Infrastrutturi
Ewropej tar-Riċerka jista' jgħin biex jiġi evitat dewmien mhux
meħtieġ fl-istadji iktar tard tal-fażi tal-preparazzjoni meta
jkunu jridu jiġu assigurati s-siti, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u
l-impenji tas-sħab qabel ma tkun tista' ssir applikazzjoni formali
tal-ERIC. Barra minn hekk, il-karattru trasversali ta'
ħafna infrastrutturi Ewropej tar-riċerka f'diversi każijiet
iwassal għal proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet iktar
kumpless bejn is-sħab ta' dawn l-infrastrutturi għaliex iridu jkunu
jiġu involuti diversi ministeri u aġenziji ta' finanzjament bħal
pereżempju fl-oqsma ta' kwistjonijiet dwar is-Saħħa,
ir-Riċerka, il-Baħar, l-Ambjent u l-Enerġija. Id-dispożizzjonijiet marbuta mal-VAT u
d-dazji tas-sisa u mal-Akkwist kif stipulati fir-Regolament ERIC fissru li
fl-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati u l-pajjiżi terzi
involuti, diversi ministeri inkluż tal-finanzi u l-affarijiet barranin
kellhom jiġu inklużi fil-preparazzjoni u l-approvazzjoni
tal-applikazzjonijiet ERIC li żiedu iżjed il-kumplessità u li kienu
jeħtieġu l-istabbilment ta' proċeduri interni xierqa
għall-iffaċilitar tal-proċess tal-approvazzjoni. Jidher
mill-esperjenza miksuba bl-istabbilment ta' seba' ERICs li iktar Stati Membri u
pajjiżi assoċjati qed isiru konxji ta' din il-kumplessità u adottaw
proċeduri interni ta' teħid ta' deċiżjonijiet biex
jorganizzaw u jħaffu l-proċess intern tal-approvazzjoni. Finalment, l-ERICs se jkunu eliġibbli
għall-ewwel darba biex jissottomettu u jipparteċipaw fil-proposti
għal sejħiet tal-Orizzont 2020. Saru referenzi wkoll, fil-Programm
ta' Ħidma tal-Infrastruttura tar-Riċerka, għall-possibbiltà ta'
appoġġ għar-riċerki tal-infrastruttura tal-ERICs u
tal-ESFRI. Il-Kummissjoni tistenna li jkollha rwol importanti fil-ġestjoni
tad-dejta u fir-raggruppamenti li jikkonċernaw xi oqsma tematiċi
bħar-riċerka fis-saħħa u l-ambjent. 5. Rwol tas-servizzi
tal-Kummissjoni Is-servizzi tal-Kummissjoni ffaċilitaw
il-proċess tal-implimentazzjoni tar-Regolament ERIC billi organizzaw u
ppresedew il-laqgħat tal-Kumitat ERIC li jseħħu tlieta jew erba'
darbiet fis-sena. Apparti milli jagħtu opinjoni dwar l-applikazzjonijiet
formali ta' ERIC f'konformità mar-Regolament ERIC, dawn il-laqgħat iservu
biex ifornu u jiskambjaw informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet ERIC li jkunu
għaddejjin u dwar il-miżuri interni li l-Istati Membri u l-pajjiżi
assoċjati jkunu daħħlu fis-seħħ fir-rigward
tat-teħid ta' deċiżjoni għal sħubija f'ERIC. Barra
minn hekk, jingħataw preżentazzjonijiet minn rappreżentanti ta'
infrastrutturi Ewropej tar-riċerka futuri li waslu biex jibdew jippreparaw
l-applikazzjonijiet tagħhom għal ERIC sabiex l-Istati Membri kollha u
l-pajjiżi assoċjati jkunu informati dwar l-iskedar
taż-żmien, il-livell ta’ ffinanzjar mistenni, is-servizzi u
attivitajiet oħrajn li għandhom jiġu żviluppati u
l-opportunitajiet għal parteċipazzjoni fil-preparazzjoni u l-applikazzjoni
tal-ERIC. Il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida
prattiċi fl-2010 li jagħtu informazzjoni prattika
għall-applikanti potenzjali dwar kif jissottomettu applikazzjoni għal
ERIC u kummentarji dwar l-artikoli tar-Regolament ERIC li jiffokaw fuq l-aspetti
legali. Fl-2014 se tiġi ppubblikata verżjoni aġġornata ta'
dawn il-linji gwida li jqisu l-esperjenza miksuba s'issa. Is-servizzi tal-Kummissjoni pprovdew
kjarifikazzjonijiet għal firxa wiesgħa ta' mistoqsijiet dwar
id-dispożizzjonijeit tar-Regolament ERIC imressqa mill-Istati Membri,
il-pajjiżi assoċjati u r-rappreżentanti tal-infrastrutturi
tar-riċerka li kienu qed jippreparaw applikazzjoni għal ERIC. Dawk
kienu jikkonċernaw, fost l-oħrajn il-karattru legali tal-ERIC, jekk
l-ERIC jistgħax ikollu r-riċerka nukleari bħala mira
prinċipali, ir-responsabbiltà tal-membri, il-liġi applikabbli b'mod
partikolari għal infrastrutturi distribwiti b'nodi u persunal f'diversi
pajjiżi, il-likwidazzjoni ta' ERIC u r-rwol tal-qorti nazzjonali. Fl-2013 is-servizzi tal-Kummissjoni fornew
it-templates neċessarji għad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent ta' ERIC
minn pajjiżi terzi u minn organizzazzjonijiet intergovernattivi li
kkjarifikaw u ssimplifikaw il-proċess għal dawk il-pajjiżi biex
jospitaw jew isiru membri ta' ERIC. Fl-2013 ukoll, is-servizzi tal-Kummissjoni
pprovdew dokument ta' ħidma li fih templates
għad-dispożizzjonijiet ta' ERIC ibbażati fuq l-esperjenza
miksuba fil-proċess tal-applikazzjoni tal-ewwel ERICs sabiex
jiffaċilitaw l-abbozzar tad-dispożizzjonijiet mill-applikanti u
l-kisba ta' sett ta' dispożizzjonijiet iktar koerenti għall-ERICs
mingħajr preġudizzju għall-flessibbiltà u l-adattament
neċessarji biex jirriflettu l-karattru varjat tad-diversi ERICs f'termini
ta' struttura (f'sit wieħed, f'siti distribwiti, virtwali) u f'termini
tal-oqsma tar-riċerka (ix-xjenzi soċjali u l-umanitajiet, ix-xjenzi
ambjentali, l-enerġija, ix-xjenzi bijoloġiċi u mediċi,
il-faċilitajiet analitiċi u ta' materjali, ix-xjenzi fiżiċi
u l-inġinerija). Is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom rwol attiv
matul il-preparazzjoni tal-applikazzjonijiet ERIC billi pparteċipaw
fil-laqgħat tal-bord u fil-laqgħat preparatorji oħrajn
tal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati fejn ikkjarifikaw u
identifikaw soluzzjonijiet u kompromessi possibbli għal punti li tqajmu
matul id-diskussjonijiet bejn l-imsieħba futuri. Wara l-istabbilment ta' ERIC, is-servizzi
tal-Kummissjoni għandhom rwol limitat fl-attivitajiet tal-ERIC li huma
amministrati u mmexxija mill-membri tal-ERIC fil-limiti tal-kundizzjonijiet restrittivi
tar-Regolament ERIC, l-Istatuti u r-Regoli ta' Implimentazzjoni adottati
għall-ERIC. Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jaġixxu biss
jekk ikunu informati jew mitluba mill-membri dwar kwistjonijiet li tqajmu u
abbażi tar-rapportar annwali mill-ERIC lill-Kummissjoni li huwa previst
fir-Regolament ERIC. B'riżultat tal-istabbilment tas-seba' ERICs
li għandhom sede statutorja f'ħames Stati Membri differenti u sabiex
jiġi ffaċilitat l-iżvilupp imsaħħaħ tal-ERIC,
il-Kummissjoni qed torganizza laqgħat tan-netwerk tal-ERIC fejn l-ERICs
eżistenti jistgħu jiskambjaw l-aħjar prattiki u jqajmu
kwistjonijiet komuni. Rappreżentanti tal-Kumitat ERIC u tal-ERICs
prospettivi li huma fil-proċess finali tal-applikazzjoni tal-ERIC huma mistiedna
jattendu dawn il-laqgħat. F'Ġunju tal-2014 saret l-ewwel laqgħa
tan-netwerk tal-ERIC. 6. Konklużjonijiet Permezz tal-istabbilment b'suċċess ta'
seba' ERICs sa Mejju 2014 u l-perspettiva li jkun hemm madwar 15-il ERIC
fis-seħħ sal-aħħar tal-2015, jista' jiġi konkluż
li l-applikazzjoni tal-qafas ġuridiku, jiġifieri l-għadd ta'
infrastrutturi Ewropej ġodda jew aġġornati li jużaw l-ERIC
qabad ritmu mgħaġġel u għamel suċċess.
Ir-Regolament ERIC ta prova li fil-fatt issodisfa l-lakuna bejn
l-organizzazzjonijiet internazzjonali tradizzjonali bbażati fuq trattati u
l-entitajiet ġuridiċi nazzjonali f'dak li jirrigwarda l-istabbilment
ta' infrastrutturi tar-riċerka pan-Ewropej. Dan jista' jintwera wkoll
mill-utilizzazzjoni tal-ERIC li hija prevista għal madwargħoxrin
proġett inklużi fil-Pjan Direzzjonali tal-ESFRI
għall-implimentazzjoni tal-infrastruttura tar-riċerka. L-ERIC, minħabba l-ħafna aspetti komuni
fid-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-adeżjoni, it-teħid ta'
deċiżjonijiet u t-trattament ta' mistoqsijiet
bħar-responsabbiltà, iffaċilita ħafna l-opportunitajiet
għal Stati Membri, pajjiżi assoċjati u pajjiżi terzi biex
jikkunsidraw kooperazzjoni jew li jingħaqdu ma' dawn l-Infrastrutturi
Ewropej tar-Riċerka. Is-servizzi tal-Kummissjoni ffaċilitaw
il-proċess tal-implimentazzjoni tar-Regolament ERIC billi organizzaw u
ppresedew il-laqgħat li jkun hemm tal-Kumitat ERIC. Il-proċedura għall-applikazzjoni
għal ERIC u l-faċilita tal-użu għad trid tiġi
ottimizzata hekk kif l-Istati Membri, il-komunità xjentifika u s-servizzi
tal-Kummissjoni jesperjenzaw perjodu ta' tagħlim biex jifmhu aħjar
l-implikazzjonijiet prattiċi tal-użu ta' dan l-istrument legali
ġdid. Jista' jkun mistenni li, jekk fis-servizzi tal-Kummissjoni, l-Istati
Membri u l-pajjiżi assoċjati, jittieħdu miżuri xierqa,
l-iffaċilitar tal-użu se jitjieb sew minħabba l-esperjenza
miksuba u għaliex il-proċess jista' jiġi ssimplifikat iktar u
jitħaffef il-ħolqien ta' infrastrutturi Ewropej tar-riċerka.
Għalhekk, il-Kummissjoni mhi qed tipproponi l-ebda rakkomandazzjoni
għal emendi f'dan l-istadju. 7. Kwistjonijiet pendenti u
l-passi li jmiss Bir-riżultat tal-esperjenza miksuba
fil-proċessi tal-applikazzjoni għall-ħolqien ta' ERIC diversi
suġġetti ġodda jridu jiġu indirizzati mill-membri tal-ERICs
u mis-servizzi tal-Kummissjoni. Dawn huma marbuta mal-prattiki f'diversi Stati
Membri pereżempju dwar kif wieħed jirreġistra ERIC skont
is-sistema legali nazzjonali permezz tal-Kamra tal-Kummerċ. jew
reġistri oħrajn li jkunu qed jgħinu ERIC biex jiftaħ kontijiet
tal-bank u biex japplika għal rimborż tal-VAT u tad-dazji tas-sisa.
B'mod simili, minħabba l-fatt li ERIC huwa sħubija pubblika-pubblika,
f'ħafna każijiet jeħtieġ li jiġi kkjarifikat l-istatus
tal-persunal li jimpjega għaliex dan se jkollu impatt fuq l-iskali
tas-salarji, il-kwistjonijiet dwar it-taxxa tad-dħul u l-ispejjeż
tal-persunal. Hemm ukoll mistoqsijiet li jridu jiġu
kkjarifikati fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet in natura lill-ERIC
mill-membri tiegħu, b'mod partikolari dwar jekk dawn il-kontribuzzjonijiet
jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-VAT u d-dazju tas-sisa u,
jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet. Dan huwa rilevanti għaliex
f'ħafna każijiet il-membri ta' ERIC jippreferu jikkontribwixxu
parzjalment in natura lil ERIC minflok ma jipprovdu kontribuzzjonijiet
ta' flus. Il-mistoqsija dwar attivitajiet ekonomiċi
kontra dawk mhux ekonomiċi għandha tiġi kkjarifikata iktar
mis-servizzi tal-Kummissjoni għax hemm domandi dejjem jiżdiedu
għal impatti "innovattivi" u "soċjo-ekonomiċi"
tal-attivitajiet tal-infrastruttura tar-riċerka li jiġġustifikaw
l-investimenti li jridu jsiru mill-membri. Din il-mistoqsija għandha
tiġi indirizzata wkoll fil-kuntest tal-"ispeċjalizzazzjoni
intelliġenti" fir-rigward tal-possibbiltà ta' appoġġ minn
fondi reġjonali u mill-għajnuna mill-Istat (għall-kostruzzjoni
ta' partijiet tal-faċilitajiet ta' ERIC). Tinkludi temi oħrajn
bħal kif l-ERICs jistgħu jiżviluppaw spin-offs, trasferimenti
teknoloġiċi u jirċievu introjtu minn servizzi li huma
żviluppati filwaqt li jkunu konformi mar-rekwiżit li jkollhom attivitajiet
ekonomiċi limitati biss u mingħajr ma jipperikolaw l-istatus
tagħhom ta' ERIC. L-ERICs għandhom rwol importanti
fid-diframmentazzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka billi
joħolqu servizzi b'mod armonizzat u strutturali għall-komunitajiet
xjentifiċi fl-Unjoni kollha minħabba t-trasparenza li qed tiġi
introdotta fir-rigward tal-ġbir tad-dejta, l-aċċess
għad-dejta u l-istrumenti u ż-żamma tad-dejta u s-servizzi
għall-utenti. Dan mhux biss biex jappoġġa l-komunitajiet
xjentifiċi iżda jista' jwassal ukoll għal politika bbażata
fuq l-evidenza f'oqsma bħas-saħħa, l-ambjent u l-politika
soċjali u kulturali. Il-Kummissjoni se tesplora mal-Istati Membri modi
possibbli kif l-ERICs jistgħu jappoġġaw infrastrutturi tar-riċerka
oħrajn billi jipprovdu servizzi bħal dawn. Għalkemm hemm 20 Stat Membru involuti
fl-istabbilment tal-ERICs s'issa, is-sede statutorja tal-ERICs hija
konċentrata fi ftit Stati Membri. L-Istati Membri u l-pajjiżi
assoċjati għandhom jagħtu attenzjoni xierqa meta jippreparaw
għall-implimentazzjoni ta' infrastrutturi Ewropej tar-riċerka
ġodda biex jagħmlu sforz sabiex jiksbu rappreżentanza iktar
bilanċjata madwar l-Unjoni Ewropea fuq perjodu ta' żmien aktar
fit-tul. L-ERICs jista' jkollhom rwol importanti
għall-kooperazzjoni internazzjonali, eż. mal-Unjoni Afrikana,
l-Awstralja, ir-Russja, l-USA, il-Kanada u mal-kollaborazzjonijiet xprunati
min-NU. F'dak il-kuntest ta' min wieħed jinnota li ERIC huwa fil-fatt
ikkunsidrat fil-qafas tal-Forum Globali tax-Xjenza (GSF) tal-OECD bħala
mudell possibbli għall-istabbilment ta' infrastrutturi internazzjonali
distribwiti tar-riċerka. B'mod partikolari, il-kwistjoni
tal-amministrazzjoni, il-personalità ġuridika u r-riżoluzzjoni
tat-tilwim jkunu jridu jiġu indirizzati għal tali infrastrutturi.
Il-Kummissjoni fejn jixraq se tappoġġa l-isforzi fil-kuntest tal-GSF
jew ta' kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali oħra, biex tkompli
tesplora l-possibbiltajiet li jinftiehem qafas regolatorju
għall-infrastrutturi internazzjonali tar-riċerka li jista', bħal
ma għamel l-ERIC fl-Unjoni Ewropea, jimla l-lakuna bejn
l-organizzazzjonijiet ibbażati fuq trattati u l-organizzazzjonijiet
nazzjonali. Finalment, kif ġie nnotat qabel,
ir-Regolament ERIC ġie emendat fl-2013, biex jakkomoda talbiet minn
pajjiżi assoċjati u b'mod partikolari n-Norveġja sabiex
jippermetti r-rikonoxximent sħiħ tal-kontribuzzjonijiet tagħhom
f'ERIC, f'termini tad-drittijiet tal-vot. Il-Kummissjoni se tagħmel
monitoraġġ mill-qrib biex tara jekk l-emenda hix se tirriżulta
f'parteċipazzjoni ikbar tal-pajjiżi assoċjati bħala
pajjiżi ospitanti jew bħala membri tal-ERICs. [1] ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1. [2] ĠU L 326, 6.12.2013, p. 1. [3] Dawn huma: il-Konsorzju tal-Arikivji Ewropej tad-Dejta
tax-Xjenza Soċjali (CESSDA - Consortium of European Social Science Data
Archives), is-Sistema Svalbard tal-Osservazzjoni Dinjija Integrata tal-Arktiku
(SIOS - Svalbard Integrated Arctic Earth Observation System) u l-Infrastruttura
Ewropea tal-Laboratorju tal-Qabda u l-Ħażna tad-Dijossidu
tal-Karbonju (ECCSEL - European Carbon Dioxide Capture and Storage Laboratory
Infrastructure). [4] ĠU L 71, 18.3.2011, p. 20. [5] ĠU L 64, 3.3.2012, p. 13. [6] ĠU L 298, 8.11.2013, p. 38. [7] ĠU L 320, 30.11.2013, p. 44. [8] ĠU L 320, 30.11.2013, p. 63. [9] ĠU L 324, 5.12.2013, p. 8. [10] ĠU L 136, 9.06.2014, p. 35.