52014DC0458

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-rieżami konġunt tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri /* COM/2014/0458 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar ir-rieżami konġunt tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri (ACBPS) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2012.

Il-Ftehim jipprovdi għall-ewwel rieżami konġunt sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u wara dan b’mod regolari kif maqbul b’mod konġunt. Dan ir-rieżami konġunt sar f’Kanberra fid-29 u t-30 ta’ Awwissu 2013. L-attenzjoni ewlenija tiegħu kienet l-implimentazzjoni tal-Ftehim, b'attenzjoni partikolari għall-mekkaniżmu biex id-dejta tiġi ffiltrata kif ukoll it-trasferimenti tad-dejta tal-PNR ta' ċittadini u reżidenti tal-UE lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi kif stabbilit fl-artikoli relevanti tal-Ftehim, u skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u l-Awstralja dwar il-Ftehim.

Ir-rieżami konġunt kien ibbażat fuq il-metodoloġija applikata f’reviżjonijiet konġunti preċedenti tal-PNR mal-Istati Uniti (2005, 2013) u l-Kanada (2008). L-ewwel parti ta’ din il-metodoloġija kienet tikkonsisti fi kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni Ewropea lil ACBPS qabel ir-rieżami konġunt. ACBPS ipprovda tweġibiet bil-miktub għall-kwestjonarju qabel ir-reviżjoni konġunta. It-tieni parti kienet tikkonsisti minn żjara fl-Unità tal-Analiżi tal-Passiġġieri tal-ACBPS mit-tim tal-UE. It-tielet parti kienet tikkonsisti f’laqgħa bejn ir-rappreżentanti ta' ACBPS, id-Dipartiment Awstraljan tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni, il-Kummissarju Awstraljan għall-Privatezza u t-tim tal-UE, biex jiddiskuti fid-dettall l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

Qabel ir-rieżami konġunt, ACBPS ipprovda lit-tim tal-UE dokumentazzjoni dettaljata dwar l-ipproċessar tad-data tal-PNR minn ACBPS, inkluż qafas ta’ kontroll tal-PNR li jistabbilixxi inventarju komplet ta’ sistemi awtomatizzati u ta’ kontrolli manwali għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR, dokumenti interni operazzjonali oħra, valutazzjoni tal-impatt tal-privatezza tal-PNR reċenti, u rapporti riċenti ta’ awditjar mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Awstraljan għall-Privatezza.

It-tim tal-UE sab li l-Awstralja implimentat bis-sħiħ il-Ftehim f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fih. L-Awstralja tirrispetta l-obbligi tagħha fir-rigward tas-salvagwardji għall-protezzjoni tad-dejta skont il-Ftehim, u tipproċessa d-dejta tal-PNR b’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-Ftehim. L-Awstralja ma tipproċessax dejta sensittiva miżmuma f’dejta tal-PNR miksuba skont dan il-Ftehim, u qiegħda tfittex b’mod attiv li ttejjeb aktar l-identifikazzjoni awtomatizzata u t-tħassir ta’ dejta sensittiva. Il-mod immirat ħafna li bih l-Awstralja tivvaluta d-dejta tal-PNR kontra l-indikaturi tar-riskju jimminimizza l-aċċess għad-dejta personali. L-ipproċessar tad-dejta tal-PNR taħt il-Ftehim huwa soġġett għal livell għoli ta’ sorveljanza indipendenti mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni.

L-Awstralja jistħoqqilha tifħir għall-mod kif tapplika l-metodu PBRGOV "push". Għalkemm ma jaqax taħt l-ambitu tal-Ftehim, huwa fattur pożittiv li l-Awstralja estendiet l-applikazzjoni tal-metodu “push” għal-linji tal-ajru kollha li mhumiex koperti b’dan il-Ftehim. Barra minn hekk, l-Awstralja hija minn ta’ quddiem fl-iżvilupp u l-promozzjoni tal-format standard ta’ messaġġerija PNRGOV, li jipprova jikseb standardizzazzjoni globali għat-trażmissjoni tad-dejta tal-PNR fl-impenji tagħha ma’ linji tal-ajru individwali u fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA).

Iż-żewġ naħat beħsiebhom jgħaqqdu r-rieżami konġunt li jmiss tal-Ftehim mal-evalwazzjoni konġunta tal-Ftehim f’nofs l-2016.

Fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu ulterjorment indirizzati, jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lill-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi bbażata fuq il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni analitika miksuba mid-dejta tal-PNR. L-Awstralja hija mitluba li ttejjeb l-isforzi tagħha biex tiżgura r-reċiproċità u tikkondividi b’mod proattiv informazzjoni analitika miksuba mid-dejta tal-PNR mal-Istati Membri u, fejn xieraq, mal-Europol u l-Eurojust. Fl-istess ħin, min jirċievi informazzjoni bħal din fuq in-naħa tal-UE għandu jipprovdi reazzjonijiet adegwati lill-ACBPS dwar l-użu ta’ din l-informazzjoni u r-riżultati miksuba. L-Awstralja hija wkoll mitluba biex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rappurtar li jippermetti l-Awstralja tgħarraf lill-Istati Membri jekk id-dejta tal-PNR rċevuta taħt il-Ftehim, jew informazzjoni analitika li jkun fiha dejta bħal din, eventwalment tiġix kondiviża ma’ pajjiż terz. Barra minn hekk, l-Awstralja għandha tkompli tiżgura li s-salvagwardji stabbiliti fil-Ftehim jiġu wkoll estiżi għal dejta estratta tal-PNR li tkun kondiviża ma’ oqsma oħra ta' ACBOS jew awtoritajiet oħra tal-gvern Awstraljan

Minkejja l-Artikolu 24(4) dwar l-evalwazzjoni konġunta tal-Ftehim erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, evalwazzjoni preliminari dwar il-kwistjoni dwar jekk il-PNR iservix l-iskop ta' sostenn fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati oħra serji li huma tranżnazzjonali fin-natura wriet li l-ipproċessar tad-dejta tal-PNR ipprovda lil ACBPS bil-possibbiltà li twettaq valutazzjonijiet tar-riskju effettivi qabel it-tluq tal-passiġġieri kollha sa 72 siegħa qabel it-tluq. ACBPS jipproċessa d-dejta tal-PNR biex ikun jista' jaċċessa informazzjoni kontra regoli mmirati li jkunu jistgħu jinkludu diversi indikaturi tar-riskju. F’każ li l-valutazzjoni b’indikaturi tar-riskju tagħti indikazzjoni ta' vjaġġaturi potenzjalment b’riskju għoli, id-dejta tal-PNR tkompli tiġi pproċessata minn analista flimkien ma’ informazzjoni oħra tal-infurzar tal-liġi biex jiġi ddeterminat jekk vjaġġatur huwiex ta' riskju għoli, biex tingħata għajnuna fl-identifikazzjoni ta’ dawk il-vjaġġaturi li jkun jeħtieġ li jsir intervent kif jaslu. L-identifikazzjoni bikrija ta’ passiġġieri li jistgħu jkunu ta' riskju kbir tippermetti lil ACBPS biex jippreparaw il-miżuri meħtieġa mal-wasla u biex l-interventi tagħhom ikunu mmirat aħjar, filwaqt li tiffaċilita l-ivvjaġġar ta’ vjaġġaturi leġittimi minħabba interventi minimali. Skont ACBPS, l-analiżi tad-dejta tal-PNR flimkien ma’ informazzjoni oħra taqdi rwol kritiku fil-kapaċità ta’ ACBPS li jidentifika, qabel il-wasla, vjaġġaturi b’riskju għoli, fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar tad-droga, il-frodi tal-identità, it-traffikar tal-bnedmin u forom serji oħra ta’ kriminalità tranżnazzjonali. ACBPS ipprovda eżempji tal-użu tal-PNR.

Ir-Rapport Konġunt ta' Rieżami li jakkumpanja dan ir-Rapport jikkonsisti fi tliet Kapitoli. Il-Kapitolu 1 jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-isfond tar-rieżami u l-iskop u l-aspetti proċedurali tal-eżerċizzju. Il-Kapitolu 2 jippreżenta s-sejbiet ewlenin tar-reviżjoni konġunta. Dan il-Kapitolu huwa supplimentat bl-Anness A li fih il-kwestjonarju u t-tweġibiet għalih minn ACBPS. Finalment, il-Kapitolu 3 jippreżenta l-konklużjonijiet ġenerali tal-eżerċizzju. L-Anness B jelenka l-kompożizzjoni tat-timijiet tal-UE u tal-Awstralja li għamlu l-eżerċizzju tar-reviżjoni. L-eżempji pprovduti minn ACBPS tal-użu tad-dejta tal-PNR mill-Awstralja jidhru fl-Anness C.