52014DC0453

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Għaxar snin ta' Infurzar tal-antitrust bir-Regolament 1/2003: Kisbiet u perspettivi futuri /* COM/2014/0453 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Għaxar snin ta' Infurzar tal-antitrust bir-Regolament 1/2003: Kisbiet u perspettivi futuri

1. Introduzzjoni

1. Ir-Regolament 1/2003[1] kien ifisser riforma kruċjali li b’mod komprensiv biddlet mill-qiegħ il-proċeduri ta' applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE (“ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni”). Huwa introduċa sistema ta’ infurzar ibbażata fuq l-applikazzjoni diretta tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE fl-intier tagħhom. Huwa ta s-setgħa lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri ("national competition authorities“- NCAs) u lill-qrati nazzjonali biex, b'żieda mal-Kummissjoni Ewropea, japplikaw l-aspetti kollha tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Introduċa wkoll forom ġodda, mill-qrib, ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-NCAs, notevolment fil-qafas tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni ("European Competition Network“ - ECN).

2. Biex jitfakkru l-10 snin tal-infurzar tar-Regolament 1/2003, din il-Komunikazzjoni: (1) tipprovdi rieżami bbażata fuq il-fatti tal-infurzar pubbliku matul dan il-perjodu mill-Kummissjoni u mill-NCAs; kif ukoll (2) teżamina xi aspetti ċentrali tal-infurzar min-naħa tal-NCAs, b’mod partikolari kwistjonijiet istituzzjonali u proċedurali, bil-ħsieb li r-Regolament ikompli jittejjeb. Wieħed għandu jaqra r-Rapport flimkien mad-Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummisjoni parallel, li fihom analiżi aktar dettaljata.

3. Il-Komunikazzjoni tibni fuq ir-Rapport dwar ħames snin ta’ funzjonament tar-Regolament 1/2003. F'dan kien ġie konkluż li s-sistema l-ġdida kienet ta' kontribut pożittiv għall-infurzar aktar b’saħħtu tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, iżda li ċerti aspetti kien jistħoqqilhom evalwazzjoni ulterjuri, bħal differenzi fil-proċeduri u s-setgħat tal-impożizzjoni ta' multi.[2]

2. Għaxar snin ta’ infurzar tal-antitrust skont ir-Regolament 1/2003:

4. Ir-Regolament 1/2003 ta lill-Kummissjoni ambitu akbar li tiddefinixxi l-prijoritajiet tagħha, li jippermettilha tiddedika aktar riżorsi għall-investigazzjoni ta’ każijiet u li tmexxi inkjesti f’setturi ċentrali tal-ekonomija li jkunu qed ibatu minn distorsjonijiet tas-suq, kif ukoll minn forom anqas konvenzjonali ta' mġiba antikompetittiva f’setturi ġodda, li jista' jkun ta' importanza partikulari għall-konsumaturi.

5. Ir-Regolament 1/2003 ta ukoll lill-Kummissjoni ġabra ġdida ta’ poteri ta’ infurzar, inklużi poteri investigattivi u deċiżjonijiet ta’ impenn imsaħħa, li ntużaw b’mod regolari.

6. Is-sistema l-ġdida ta’ infurzar tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq il-parteċipanti fis-suq li jevalwaw il-kompatibbiltà tal-imġiba tagħhom mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, u fuq azzjoni ta' infurzar ex post immirata mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. B’appoġġ għal dan, il-Kummissjoni tat gwida ġenerali estensiva biex tassisti lill-impriżi u lill-entitajiet nazzjonali ta' infurzar. Il-Kummissjoni kienet diġà adottat ġabra ta’ avviżi dwar firxa ta’ kwistjonijiet sostantivi u proċedurali fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 1/2003. Sussegwentement hija adottat regolamenti riveduti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija u linji gwida paralleli magħhom rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-TFUE għal ftehimiet orizzontali, vertikali u ta' trasferiment ta’ teknoloġija. Din is-sistema ta’ awtovalutazzjoni fil-kuntest ta' qafas ta' gwida estensiva pprovduta mill-Kummissjoni ħadmet tajjeb ħafna u l-partijiet ikkonċernati adattaw għas-sistema l-ġdida mingħajr diffikultajiet kbar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħarġet dokument ta’ gwida dwar il-prijoritajiet tagħha fl-applikazzjoni tal- Artikolu 102 tat-TFUE fir-rigward ta’ abbużi ta’ esklużjoni. Hija adottat ukoll linji gwida ġodda dwar l-iffissar tal-multi, avviż ta’ klemenza ġdid, avviż dwar l-arranġamenti f’każijiet ta’ kartell, nota ta’ informazzjoni dwar l-inkapaċità ta' ħlas u avviż dwar l-aħjar prattiki f’każijiet ta’ antitrust.[3]

7. Ir-Regolament 1/2003 tejjeb konsiderevolment l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE mill-NCAs u l-qrati nazzjonali. L-NCAs u l-qrati nazzjonali mhux biss għandhom il-poter li japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE bis-sħiħ: huma obbligati li jagħmlu dan meta xi ftehimiet jew xi imġieba jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dawn il-bidliet qawwew b'mod konsiderevoli l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE mill-NCAs. Ir-Regolament introduċa wkoll għodod ta’ kooperazzjoni u obbligi li jiżguraw kooperazzjoni effettiva u qsim tax-xogħol effiċjenti fil-ġestjoni ta’ każijiet u biex titrawwem l-applikazzjoni koerenti. Billi jibni fuq dawn il-mekkaniżmi, l-ECN żviluppa f'forum multidimensjonali għall-iskambji ta’ esperjenza dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni sostantiva kif ukoll fuq il-konverġenza ta’ proċeduri u sanzjonijiet. Il-qrati nazzjonali għandhom rwol essenzjali fl-infurzar privat tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni fittxet li ttejjeb l-effettivita ta’ talbiet għad-danni privati mressqa quddiem il-qrati nazzjonali u dalwaqt se tiġi adottata Direttiva dwar azzjonijiet għad-danni dwar l-antitrust.[4]

8. Jeżistu issa awtoritajiet multipli ta' infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, u dan wassal għall-applikazzjoni aktar mifruxa tagħhom. Fil-perjodu kopert mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2013, l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE kibret b’rata qawwija, b’madwar 780 każ li qed jiġu investigati mill-Kummissjoni (122) u mill-NCAs (665). L-infurzar mill-NCAs żviluppa b’mod ġeneralment koerenti.

Deċiżjonijiet ta' infurzar - Mejju 2004 sa Diċembru 2013

COM: 122                                                                   NCA: 665   

9. Il-Kummissjoni u l-NCAs ipprijorizzaw l-aktar prattiki serji u ta’ dannu, b’mod partikolari, kartelli, li jammontaw għal proporzjon sostanzjali ta' każijiet li fihom kellhom iwettqu infurzar. Porzjon imdaqqas tal-attivitajiet tagħhom kien ukoll iddedikat għat-trattament ta' abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-swieq liberalizzati bħall-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet u t-trasport, b’mod partikolari, prattiki li minħabba fihom ikun hemm it-tendenza li jiġu esklużi kompetituri mis-suq.

10. Il-ħidma konġunta konsiderevoli ta' infurzar tal-Kummissjoni u l-NCAs hija analizzat minn għadd ta’ perspettivi: (1) it-tipi ta' ksur li ġew ittrattati; (2) is-setturi li fuqhom l-infurzat kien ikkonċentrat; u (3) it-tip ta’ proċeduri użati.

L-attività tal-infurzar skont il-ksur

11. Il-Kummissjoni tat prijorità lill-ġlieda kontra l-kartelli, l-aktar ksur antikompetittiv dannuż. Għall-Kummissjoni, dan jirrappreżenta kważi 48 % tal-attività tagħha ta’ infurzar. Il-Kummissjoni u l-NCAs żviluppaw u adattaw il-programmi ta’ klemenza li huma għodda importanti għall-identifikazzjoni tal-kartelli u saħħew il-kapaċitajiet tagħhom ta' investigazzjoni tal-kartelli, b’mod partikolari permezz ta’ teknoloġiji ġodda u mezzi biex jinġabru dejta diġitali b'mod effettiv.

12. Ftehimiet orizzontali oħra jammontaw għal 15 % tal-ħidma ta’ infurzar tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ttrattat prattiki b’riperkussjonijiet sinifikanti għall-konsumaturi, bħal ma huma l-klawsoli tan-nonkompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet u l-istabbiliment orizzontali tal-prezzijiet fis-settur tal-pagamenti. Il-ftehimiet vertikali jirrappreżentaw 9 % tal-attivitajiet tal-Kummissjoni u jinkludu restrizzjonijiet antikompetittivi bejn il-manifatturi tal-karozzi u l-imsieħba tagħhom li jipprovdu servizzi ta' wara l-bejgħ, immirati lejn l-esklużjoni ta' servizzi ta' tiswija indipendenti mis-suq ta' wara l-bejgħ.

13. Bħall-Kummissjoni, l-NCAs ukoll ikkonċentraw l-isforzi tagħhom ta’ infurzar fuq il-kartelli (27 %). Barra minn hekk, l-NCAs ittrattaw għadd sinifikanti ta’ prattiki orizzontali oħra (19 %), inklużi skambji indipendenti ta’ informazzjoni fejn l-iskambju ta’ informazzjoni ma kienx jifforma parti minn ftehim usa' ta' kartell. L-NCAs kienu wkoll attivi ħafna fl-ittrattat ta' prattiki vertikali (27 %), b’mod partikolari, iż-żamma tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, forom antikompetittivi ta’ distribuzzjoni esklussiva u xiri esklussiv u restrizzjonijiet ta’ kummerċ parallel.

14. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-TFUE, dan jammonta għal 20 % tal-ħidma ta' infurzar tal-Kummissjoni. L-attenzjoni prinċipali kienet fuq prattiki ta’ esklużjoni (84 %), li jeskludu lill-kompetituri jew li jillimitaw kompetizzjoni effettiva. Il-Kummissjoni indirizzat prattiki ta’ esklużjoni bħar-rifjut li jsir negozju, ribassi, prattiki ta' irbit/gruppar (bundling), pressjoni fuq il-marġini u klawżoli ta’ esklussività, kif ukoll forom inqas konvenzjonali, bħal li jsiru ħlasijiet għall-posponiment jew il-kanċellazzjoni tat-tnedija ta’ prodotti ta’ xi kompetitur. Każijiet li jinvolvu abbużi esplojtattivi (16 %), bħal prezzijiet eċċessivi, kienu segwiti anqas ta’ spiss. B'mod simili, il-maġġoranza ta’ deċiżjonijiet tal-NCAs kienu jikkonċernaw abbużi ta' esklużjoni (65 %). Huma ttrattaw wkoll proporzjon għoli ta’ każijiet li kienu jinvolvu kemm abbużi ta' esklużjoni kif ukoll ta' esplojtazzjoni (22 %) u każijiet li jinvolvu abbużi ta' esplojtazzjoni biss (15 %). Prattiki ta’ esklużjoni eżaminati mill-NCAs kienu jinkludu l-firxa sħiħa ta’ abbużi klassiċi, kif ukoll forom anqas tipiċi bħal ma huma l-malafama tal-prodotti tal-kompetituri. Każijiet imressqa mill-NCAs kontra abbużi ta' esplojtazzjoni kienu jinkludu livell eċċessiv ta' prezz minn produtturi dominanti tal-enerġija u tariffi eċċessivi imposti minn soċjetajiet ta' ġbir.

L-attività ta' infurzar skont il-ksur

15. Analiżi tal-attivitajiet ta' infurzar tal-Kummissjoni u tal-NCA skont is-settur turi li filwaqt li dawn ikopru firxa wiesgħa ta’ prodotti u servizzi, kien hemm għadd ta’ setturi ewlenin li dehru b’mod prominenti.

            COM                                                            NCAs:

                 

16. Is-settur l-aktar investigat mill-Kummissjoni u l-NCAs huwa dak tal-industriji bażika u tal-manifattura (42 u 92 deċiżjoni, rispettivament). Dan fil-biċċa l-kbira jirrifletti l-prijoritizzazzjoni tal-ġlieda kontra l-kartelli li fil-biċċa l-kbira tagħhom instabu f’dan is-settur.

17. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-NCAs kienu kkonċentrati fuq setturi liberalizzati reċentement jew setturi li kienu fi proċess ta’ liberalizzazzjoni, bħat-telekomunikazzjonijiet, il-media, l-enerġija u t-trasport, li spiss ikunu kkaratterizzati minn konċentrazzjoni għolja fis-suq u/jew il-preżenza ta’ operaturi dominanti. Pereżempju, l-enerġija hija s-settur bit-tieni l-aktar numru għoli ta' deċiżjonijiet (18 u 80 għall-Kummissjoni u l-NCAs rispettivament).

18. L-NCAs kienu attivi b'mod partikolar fis-setturi tat-trasport (69) u tal-ikel (70). Oqsma prinċipali oħra ta’ infurzar kienu l-midja (66), t-telekomunikazzjoni (48) il-prodotti għall-konsumatur (42), servizzi oħrajn (35) u l-professjonijiet liberali (31). Il-Kummissjoni kienet attiva ħafna fis-settur tal-IT (12), li huwa importanti għat-tkabbir tal-ekonomija tal-UE u fejn bosta mill-atturi għandhom firxa globali. Il-50 deċiżjoni li jifdal tal-Kummissjoni huma mifruxa fuq 13-il settur differenti, bl-ikel u l-bejgħ bl-imnut li jirrappreżenta l-ogħla numru (8).

L-attività ta' infurzar skont il-proċedura

19. Kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-NCAs, id-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni huma l-aktar mezz importanti għall-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. L-użu ta’ deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni mill-Kummissjoni kien iffaċilitat bl-introduzzjoni tal-proċedura ta' riżolviment tal-kartelli. Proċeduri aċċellerati bħal dawn jeżistu wkoll f’għadd ta’ Stati Membri.

20. Ir-Regolament 1/2003 ta lill-Kummissjoni ġabra aktar qawwija ta' għodod ta’ infurzar, b’mod partikolari, il-kapaċità li tieħu deċiżjonijiet li bihom l-impenji offruti mill-partijiet jsiru vinkolanti u infurzabbli taħt l-Artikolu 9. Din is-setgħa ġiet mifruxa pratikament għall-NCAs kollha, fis-sens li d-deċiżjonijiet ta' projbizzjoni u ta’ impenn huma l-għodod prinċipali użati fi ħdan l-ECN.

21. L-iskop primarju ta’ deċiżjonijiet ta’ impenn huwa li titħares il-kompetizzjoni effettiva billi jiġu indirizzati l-prattiki potenzjalment antikompetittivi, u biex jiġi żgurat effett malajr fis-suq. Deċiżjonijiet ta’ impenn jippermettu riżoluzzjoni iktar malajr ta’ tħassib dwar il-kompetizzjoni fuq bażi aktar kooperattiva. Deċiżjonijiet bħal dawn ta’ spiss ġew adottati fi swieq li jinbidlu malajr u/jew fi swieq li jinsabu fil-proċess ta' liberalizzazzjoni. L-għażla tar-rotta partikolari ta’ infurzar li ssegwi awtorità hija bbażata fuq numru ta’ fatturi. Deċiżjoni ta’ projbizzjoni tista' tiġi adottata jekk il-każ jitlob l-impożizzjoni ta' multi li jissanzjonaw imġiba fl-imgħoddi, jekk l-uniku rimedju disponibbli ikun it-tmiem tal-imġiba antikompetittiva, jew jekk hemm bżonn ta’ preċedent legali ċara. Bl-istess mod, l-użu ta’ deċiżjonijiet ta’ impenn jiddependi fuq jekk il-partijiet joffrux impenji effettivi, ċari u preċiżi.

Deċiżjonijiet ta' impenn u dawk ta' projbizzjoni

COM                                                               NCAs:

         

         

Il-Kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali

22. Skont ir-Regolament 1/2003, il-qrati nazzjonali saru drigħ importanti ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Ir-Regolament jipprevedi għadd ta’ mekkaniżmi biex tiġi promossa l-applikazzjoni koerenti mill-qrati nazzjonali. Skont l-Artikolu 15 il-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Mill-2004 sal-2013, il-Kummissjoni provdiet 26 opinjoni. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tipparteċipa bħala amicus curiae fil-proċedimenti tal-qorti nazzjonali. Il-Kummissjoni għamlet użu minn din l-għodda fi 13-il okkażjoni fi tmien Stati Membri. Ir-Regolament fih ukoll mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Kummissjoni tkun infurmata dwar sentenzi tal-qrati nazzjonali iżda dan ma ħadimx bl-aħjar mod.[5]

3. It-titjib tal-infurzar tal-kompetizzjoni mill-NCAs: kwistjonijiet istituzzjonali u ta' proċedura

23. Ir-Regolament 1/2003 ġab bidla sinifikanti fil-mod kif tkun infurzata l-liġi Ewropea tal-kompetizzjoni. Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE saru f'ħafna każi "il-liġi tal-pajjiż" madwar l-UE kollha. L-NCAs saru pilastru ewlieni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Dan fisser li x-xogħol imwettaq fl-ECN sar dejjem aktar importanti biex jiġi żgurat l-infurzar koerenti u biex jippermetti lill-partijiet interessati jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aktar ekwi.

24. Wara għaxar snin ta’ ħidma flimkien inkiseb livell sostanzjali ta’ konverġenza fl-applikazzjoni tar-regoli, iżda jibqgħu xi diverġenzi. Fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn huma minħabba differenzi fil-pożizzjoni istituzzjonali tal-NCAs u fil-proċeduri u sanzjonijiet nazzjonali. Dawn il-kwistjonijiet tħallew fil-parti l-kbira tagħhom miftuħa bir-Regolament 1/2003, skont il-prinċipji tal-liġi tal-UE ta’ effettività u ekwivalenza.

25. Biex jitjieb l-infurzar tal-kompetizzjoni tal-UE għall-futur, il-pożizzjoni istituzzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni teħtieġ li tiġi msaħħa, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata aktar konverġenza tal-proċeduri nazzjonali u sanzjonijiet li japplikaw għal ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Iż-żewġ aspetti huma importanti biex tinkiseb żona tassew komuni fil-qasam tal-infurzar tal-kompetizzjoni fl-UE. Din il-Komunikazzjoni tidentifika għadd ta’ oqsma li fihom għandu jsir aktar progress fil-futur.

Il-pożizzjoni istituzzjonali tal-NCAs

26. Il-liġi tal-UE tagħti lill-Istati Membri grad għoli ta’ flessibbiltà fit-tfassil tar-reġimi tal-kompetizzjoni tagħhom. Minkejja n-nuqqas ta’ rekwiżiti leġiżlattivi speċifiċi tal-UE, il-pożizzjoni tal-NCAs evolviet fid-direzzjoni ta’ aktar awtonomija u effikaċja. Ħafna liġijiet nazzjonali jinkludu salvagwardji speċifiċi li jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Pereżempju, ċerti riformi reċenti li saru f’Ċipru, l-Irlanda, il-Greċja u l-Portugall saħħew il-pożizzjoni tal-NCAs.[6] Ġew rakkomandati riformi fi Stati Membri oħra biex tissaħħaħ il-pożizzjoni istituzzjonali u r-riżorsi tal-NCAs fil-qafas tas-Semestru Ewropew.[7] Il-Kummissjoni segwiti mill-qrib każijiet fejn l-NCAs ġew amalgamati ma’ regolaturi oħra. Tali amalgamazzjoni ta’ kompetenzi m'għandhiex twassal biex jiddgħajjef l-infurzar tal-kompetizzjoni jew biex jitnaqqsu l-mezzi assenjati għas-superviżjoni tal-kompetizzjoni.

27. Sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, l-NCAs għandhom ikunu indipendenti meta jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom u għandu jkollhom riżorsi adegwati. L-isfidi f’dan ir-rigward għadhom hemm, b’mod partikolari fir-rigward tal-awtonomija tal-NCAs fil-konfront tal-gvernijiet rispettivi tagħhom, u l-ħatriet u t-tkeċċijiet tal-membri tal-amministrazzjoni tal-NCAs jew ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fihom. Qamu wkoll kwistjonijiet fir-rigward li jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji. Dan huwa rifless fir-Riżoluzzjoni tal-ECN tal-Kapijiet tal-Awtoritajiet fuq il-ħtieġa kontinwa għal istituzzjonijiet effettivi li ġiet adottata fil-kuntest ta’ tnaqqis fir-riżorsi ta’ diversi awtoritajiet.[8] Ir-Riżoluzzjoni enfasizzat, fost affarijiet oħra, il-ħtieġa għal infrastruttura xierqa u riżorsi ta’ esperti.

28. Barra minn hekk, il-kisbiet li saru s’issa għadhom fraġli u jistgħu jitreġġgħu lura fi kwalunkwe ħin. Dan jista’ jitqabbel ma’ oqsma ta’ politika relatati oħra, bħal ma huma s-setturi tat-telekomunikazzjonijiet, tal-enerġija u s-settur tal-ferroviji, fejn il-liġi tal-UE diġà tipprovdi għal numru ta’ rekwiżiti fir-rigward tal-indipendenza, ir-riżorsi finanzjarji u umani tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.

29. Huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-NCAs ikunu jistgħu jeżegwixxu l-kompiti tagħhom b’mod imparzjali u indipendenti. Għal dan il-għan, huma meħtieġa garanziji minimi biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-NCAs u tal-ġestjoni jew tal-membri tal-bord tagħhom u li l-NCAs ikunu mogħnija b’ammont suffiċjenti ta' riżorsi umani u finanzjarji. Aspetti importanti f’dan ir-rigward huma l-għoti ta’ baġit separat b’awtonomija baġitarja għal NCAs, proċeduri ta' ħatra ċari u trasparenti għall-ġestjoni tal-NCAs jew tal-membri tal-bord tagħhom abbażi tal-mertu, garanziji li jiżguraw li t-tkeċċijiet ikunu jistgħu jsiru biss għal raġunijiet oġġettivi li ma jkunux relatati mat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-NCA u r-regoli dwar il-kunflitti ta’ interess u l-inkompatibilitajiet għall-ġestjoni jew għall-bord tal-NCAs.

Il-konverġenza tal-proċeduri

30. Il-proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE mill-NCAs huma fil-biċċa l-kbira tagħhom regolati mil-liġi nazzjonali, suġġett għal prinċipji ġenerali tal-liġi tal-UE, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Dan ifisser li l-NCAs japplikaw ir-regoli ta’ kompetizzjoni tal-UE abbażi ta' proċeduri differenti.

31. Ħafna Stati Membri volontarjament allinejaw il-proċeduri tagħhom bejn wieħed u ieħor mar-regoli proċedurali stabbiliti għall-Kummissjoni fir-Regolament 1/2003. Il-ħidma multilaterali fi ħdan l-ECN serviet ta' katalist favur il-promozzjoni ta’ aktar konverġenza. Bħala segwitu għar-Rapport tal-2009, seba’ Rakkomandazzjonijiet tal-ECN dwar is-setgħat ta’ infurzar ewlenin ġew approvati fl-2013.[9] Dawn ir-Rakkomandazzjonijiet huma maħsuba biex iservu bħala għodda ta’ promozzjoni li l-NCAs jistgħu jużaw vis-à-vis dawk li jfasslu l-politika sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu mgħammra b’għodod ta’ kompetizzjoni effettiva.

32. Bħalissa, għad hemm differenzi madwar l-UE. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-NCAs issa għandhom l-istess għodod ta’ ħidma ewlenin bħall-Kummissjoni, xi wħud minnhom għad m’għandhomx setgħat fundamentali, bħal pereżempju dak li jispezzjonaw bini u uffiċċji mhux tan-negozju. Mhux l-NCAs kollha għandhom setgħa espliċita li jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-infurzar tagħhom, jiġifieri li jagħżlu liema każijiet għandhom jinvestigaw. Hemm ukoll differenzi fl-ambitu tas-setgħat investigattivi, pereż. jista' jkun li l-NCAs jkollhom is-setgħa li jispezzjonaw iżda ma jistgħux jissiġillaw bini jew effettivament jiġbru evidenza diġitali. Bl-istess mod, l-NCAs kollha għandhom is-setgħa li jadottaw xi deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni iżda xi wħud minnhom ma jistgħux jimponu rimedji strutturali. Xi NCAs ma jistgħux b'mod effettiv jimponu sanzjonijiet fuq nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni ta’ impenn jew jinfurzaw is-setgħat tagħhom li jispezzjonaw.

33. Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-ECN huma utli ħafna fil-prattika, iżda fejn id-differenzi proċedurali jkollhom l-għeruq tagħhom f’sistemi legali u fi tradizzjonijiet nazzjonali, il-konverġenza mhux dejjem tkun tista' tinkiseb permezz ta' tali għodod mhux vinkolanti. Barra minn hekk, il-kisbiet magħmula f’termini ta’ żgurar tal-konverġenza dejjem jistgħu jiġu eliminati. Id-differenzi fir-regoli ta’ proċedura jwasslu għal kosti legali u għal inċertezzi għall-impriżi li joperaw b’mod transfruntier.

34. Hu meħtieġ li jiġi żgurat li l-NCAs kollha jkollhom ġabra ta' poteri għad-dispożizzjoni tagħhom, li jkollhom ambitu komprensiv u jkunu effettivi. Elementi importanti huma l-poteri investigattivi ċentrali, id-dritt tal-NCAs li jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-infurzar, il-poteri ċentrali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u l-poteri meħtieġ ta' infurzar u ta' għoti ta' multi biex tiġi imposta l-konformità mal-poteri investigattivi u ta' teħid ta’ deċiżjonijiet.

It-tisħiħ tal-effettività tas-sanzjonijiet

a.         Multi

35. Il-liġi tal-UE la tirregola u lanqas tarmonizza s-sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Huwa f’idejn l-Istati Membri li jaraw li huma jipprovdu għal sanzjonijiet li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Kwalunkwe sanzjoni li tapplika ġurisdizzjoni, huwa ġeneralment rikonoxxut li l-infurzar tal-miżuri antitrust ma jistax ikun effettiv jekk ma jkunx possibbli li jiġu imposti multi deterrenti ċivili/amministrattivi fuq l-impriżi.

36. L-attenzjoni kostanti fuq multi effettivi għen biex jinkiseb livell għoli ta’ konverġenza volontarja, b'ħafna NCAs joperaw metodoloġija simili bażika għall-kalkolu tal-multi. Għad hemm diverġenzi fir-rigward tal-prinċipji bażiċi tal-kalkolu tal-multi, bħall-bażi użata biex jiġi kkalkulat l-ammont bażiku tal-multa u l-metodu biex jitqiesu l-gravità u t-tul ta’ żmien.

37. Fi stadju aktar bikri, jeżistu problemi ġejjin minn kwistjonijiet fundamentali dwar id-destinatarji potenzjali ta’ multa u kwistjonijiet ta’ responsabilità. L-ewwel nett, fi Stat Membru wieħed, bħalissa mhuwiex possibbli li jiġu imposti multi ta' deterrent ċivili/amministrattivi fuq impriżi. It-tieni, il-kunċett bażiku ta’ "impriża" użat għall-kalkolu tal-multa mhux dejjem huwa konverġenti mal-kunċett fil-liġi tal-UE ta’ impriża kif interpretat mill-Qrati tal-UE, sitwazzjoni li jista’ jkollha konsegwenzi għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-ġenituri u suċċessjoni ekonomika. Barra minn hekk, uħud mill-NCAs għad m’għandhomx is-setgħa li jimponu multi fuq assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Fl-aħħar nett, il-massimu legali tal-fatturat tal-impriża jiġi interpretat u applikat b’mod differenti f’uħud mill-Istati Membri. Id-differenzi tat-tipi ċċitati jistgħu jwasslu għal riżultati diverġenti ħafna fejn jidħlu multi, li xi wħud minnhom jista' ma jkollhomx l-effett mixtieq ta' deterrent.

38. Sabiex l-infurzar tar-regoli tal-UE tal-antitrust ikun aktar konverġenti u effettiv madwar l-UE, hu meħtieġ li jiġi żgurat li l-NCAs kollha jkollhom poteri effettivi li jimponu multi ta' deterrent fuq l-impriżi u fuq assoċjazzjonijiet tal-impriżi. Aspetti importanti f’dan ir-rigward huma li jiġi żgurat li l-NCAs ikunu jistgħu jimponu multi effettivi ċivili/amministrattivi ta' deterrent fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE; li jiġi żgurat li r-regoli bażiċi dwar il-multi jkunu fis-seħħ filwaqt li titqies il-gravità u l-perjodu tal-ksur u jkun hemm previst massimu legali uniformi; u li jiġi żgurat li jkunu jistgħu jiġu imposti multi fuq l-impriżi, f'konformità mal-ġurisprudenza kostanti tal-qrati tal-UE, b'mod partikolari, dwar kwistjonijiet bħal ma huma r-responsabilita tal-ġenitur u s-suċċessjoni. Kwalunkwe miżura meħuda għal dan il-għan ikollha ssib il-bilanċ it-tajjeb bejn iżjed konverġenza tar-regoli bażiċi għall-multi u grad xieraq ta' flessibilita għall-NCAs meta jimponu multi f'każijiet individwali.

b.         Klemenza

39. Il-Programm tal-Mudell ta’ Klemenza tal-ECN (“Model Leniency Progrramme“ -MLP)[10] huwa eżempju tajjeb ta’ kif l-ECN tkun tista' tiżviluppa għodod effettivi ta’ politika. L-MLP jistabbilixxi kif għandu jitfassal programm ta' klemenza tal-ogħla livell. Dan kien katalist ewlieni biex virtwalment l-Istati Membri kollha u/jew l-NCAs jdaħħlu u jiżviluppaw il-linji ta’ politika tagħhom dwar il-klemenza. Kien hemm grad sinifikanti ta’ allinjament mal-MLP u bħalissa għaddejja ħidma biex jiġi implimentat l-irfinar magħmul fir-reviżjoni tal-2012 tal-MLP.

40. Programm ta’ klemenza mfassal tajjeb huwa għodda essenzjali għat-titjib tal-infurzar effettiv kontra l-ksur l-aktar serju, b’mod partikolari ffissar sigriet tal-prezzijiet u kartelli tal-qsim tas-suq. Madankollu, ma hemm l-ebda obbligu fil-livell tal-UE li jkun hemm programm ta’ klemenza fis-seħħ u wieħed dejjem jista' jqajjem dubji dwar il-livell eżemplari ta' konverġenza. Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-kisbiet li saru fi programmi ta’ klemenza jiġu żgurati.

c.         L-interazzjoni ta' programmi korporattivi ta' klemenza b'sanzjonijiet fuq l-individwi.

41. Il-maġġoranza tal-Istati Membri jipprovdu għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fuq individwi għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, lil hinn mill-multi fuq l-impriżi. Jekk sistemi bħal dawn ma jipprovdux għall-klemenza għall-impjegati tal-impriżi li jkunu qed jikkunsidraw li japplikaw għal klemenza korporattiva, dan jista’ jwassal għal diżinċentivi għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet madwar l-UE kollha. It-theddida ta’ investigazzjonijiet u ta’ sanzjonijiet immirati lejn l-impjegati jista jiskoraġġixxi applikanti korporattivi potenzjali milli japplikaw.

42. Bħalissa hemm biss ftit ġuriżdizzjonijiet li għandhom arranġamenti suffiċjenti biex jitħarsu l-impjegati tal-impriżi minn sanzjonijiet individwali jekk jikkooperaw skont il-programm ta' klemenza korporattiv ta' xi NCA jew tal-Kummissjoni Ewropea. Ikun xieraq li jitqiesu l-possibilitajiet biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-konnessjoni bejn programmi ta' klemenza korporattivi u s-sanzjonijiet fuq individwi, li jeżistu fil-livell ta' Stat Membru.

4. Konklużjoni

43. Ir-Regolament 1/2003 ittrasforma l-pajżaġġ tal-infurzar tal-kompetizzjoni. L-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE żied b'mod konsiderevoli b’riżultat tal-kisbiet tal-Kummissjoni, l-ECN u l-NCAs. Il-Kummissjoni għandha rekord ta’ infurzar qawwi, hekk kif hija investigat numru importanti ta’ każijiet u għamlet inkjesti f’setturi ewlenin tal-ekonomija. Hija pprovdiet ukoll gwida għall-partijiet ikkonċernati, l-NCAs u l-qrati nazzjonali. Kien hemm żvilupp dinamiku ta’ kooperazzjoni stretta fi ħdan l-ECN, li rifdet l-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE madwar l-UE kollha. L-NCAs saru pilastru ewlieni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, u tejbu l-infurzar b'mod konsiderevoli.

44. Dawn l-elementi kollha kkontribwew għall-infurzar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE matul l-aħħar għaxar snin. Il-kompetizzjoni għenet biex tinħoloq għażla akbar għall-konsumaturi ta’ prodotti u servizzi ta’ kwalità aħjar bi prezzijiet aktar kompetittivi. Hija għandha rwol ewlieni fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet biex tingħata spinta lill-produttività u l-effiċjenza tal-impriżi Ewropej, fattur kruċjali sabiex l-ekonomija tal-UE tkun aktar kompetittiva u timxi lejn tkabbir sostenibbli.

45. Madankollu, huwa importanti li wieħed jibni fuq dawn il-kisbiet sabiex tinħoloq żona ta' infurzat komuni fl-UE dwar il-kompetizzjoni.

46. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ, b'mod partikolari:, li

- tkompli tiġi ggarantita l-indipendenza tal-NCAs fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom u li jkollhom riżorsi suffiċjenti;

- jiġi żgurat li l-NCAs ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ġabra sħiħa ta’ poteri effettivi ta' investigazzjoni u ta' teħid ta' deċiżjonijiet; kif ukoll

- jiġi żgurat li fl-Istati Membri kollha jkun hemm poteri li bihom ikunu jiġu imposti multi effettivi u proporzjonati u programmi ta' klemenza mfassla tajjeb u li jitiqesu miżuri biex jiġu evitati diżinċentivi għal applikanti għall-klemenza korporattiva.

Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-aħjar inizjattivi xierqa biex ikunu jistgħu jintlaħqu dawn l-għanijiet.

[1]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

[2]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, ir-Rapport dwar il-funzjonament tar-Regolament 1/2003 COM(2009) 206 finali u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal parallel SEC(2009) 574 finali (“ir-Rapport tal-2009”).

[3]               Ara s-sit (http://ec.europa.eu/competition/antitrust/legislation/legislation.html).

[4]               Ara s-sit (http://ec.europa.eu/competition/antitrust/actionsdamages/documents.html).

[5]               Il-Kummissjoni rċeviet ftit sentenzi tal-qrati nazzjonali jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.

[6]               Tali bidliet ġew sostnuti mill-programmi ta’ aġġustament ekonomiku.

[7]               Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, is-Semestru Ewropew 2014: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, COM(2014) 400 finali.

[8]               Ara s-sit (http://ec.europa.eu/competition/ecn/ncas.pdf).

[9]               Ara s-sit (http://ec.europa.eu/competition/ecn/documents.html).

[10]             Ara s-sit (http://ec.europa.eu/competition/ecn/documents.html).