KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Għarfien aħjar tas-sitwazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima: il-passi li jmiss fi ħdan l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE /* COM/2014/0451 final */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Għarfien
aħjar tas-sitwazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet ta’
sorveljanza marittima: il-passi li jmiss fi ħdan l-Ambjent Komuni għall-Qsim
tal-Informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE 1. Introduzzjoni It-tkattir
tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima
huwa wieħed mill-objettivi strateġiċi ewlenin tal-Unjoni li jaqa’ taħt
il-Politika Marittima Integrata u pedament importanti tal-Istrateġija
tas-Sigurtà Marittima[1]. It-tisħiħ
tas-sigurtà tal-ibħra u l-oċeani tagħna huwa wkoll parti essenzjali mill-aġenda
tat-tkabbir blu għall-ħolqien ta’ tkabbir u impjiegi. L-iżvilupp
tal-ambjent komuni għall-qsim ta’ informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE
(CISE Marittimu) huwa proċess kollaborattiv kurrenti li diġà kien is-suġġett
ta’ żewġ Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni fl-2009 u l-2010[2]. Ir-riżultati
pożittivi jinkludu kooperazzjoni msaħħa bejn l-aġenziji tal-UE, inizjattivi
minn bosta setturi marittimi fil-livell tal-UE, kif ukoll bosta inizjattivi fil-livell
nazzjonali. Is-CISE Marittimu huwa appoġġjat minn partijiet ikkonċernati fl-Istati
Membri, mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew[3]. L-awtoritajiet
tal-Istati Membri jwettqu ħafna kompiti differenti ta’ sorveljanza
operazzjonali, b’ħafna minnhom biex jiġu ssodisfati obbligi tal-liġi tal-UE u biex
jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà tal-ibħra u l-oċeani tagħna. Dawn
il-kompiti jeħtieġu assi u kompetenzi speċifiċi f’bosta oqsma: id-difiża,
id-dwana, il-kontroll tal-fruntieri, l-infurzar tal-liġi ġenerali, il-kontroll
tas-sajd, il-protezzjoni tal-ambjent marittimu/il-ġlieda kontra t-tniġġis, is-sigurtà
u s-sikurezza marittimi. Ir-riskju u t-theddid
marittimu ma jirrispettawx il-fruntieri nazzjonali jew dawk amministrattivi u
għalhekk jistgħu jieħdu vantaġġ mill-ispazju marittimu miftuħ. F’kuntest fejn
dawn l-awtoritajiet jaffaċċjaw riskji marittimi dejjem ikbar u għandhom riżorsi
operazzjonali u finanzjarji limitati, l-iskambju ta’ informazzjoni ottimizzat
jista’ jkun iktar effettiv u kosteffiċjenti. L-ambizzjoni għal dawk kollha
involuti f’attivitajiet ta’ sorveljanza operazzjonali hija li jingħata aċċess
fil-ħin għall-iktar informazzjoni preċiża u relevanti sabiex iwettqu l-attivitajiet
tagħhom u biex isir skambju ta' informazzjoni mingħajr xkiel bejn is-sistemi,
iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kif ukoll l-assi ta’ pattulja u sorveljanza (bħal bastimenti,
ajruplani u satelliti, eċċ.) tagħhom. L-objettiv ta’
din il-Komunikazzjoni huwa li titqies is-sitwazzjoni attwali u jiġu
identifikati oqsma fejn hemm bżonn isir iktar xogħol abbażi tal-kisbiet attwali. 2. X’inhu
s-CISE Marittimu u x’inhuma l-benefiċċji? Is-CISE Marittimu
huwa proċess kollaborattiv volontarju fl-Unjoni Ewropea li għandu l-għan li
jsaħħaħ u jħeġġeġ iktar il-qsim ta’ informazzjoni relevanti bejn
l-awtoritajiet involuti fis-sorveljanza marittima. Mhuwiex
qed jieħu post jew jirrepeti sistemi u pjattaformi ta’ skambju u qsim ta’
informazzjoni, iżda qed jibni fuqhom. L-iskop aħħari
tiegħu huwa li jżid l-effiċjenza, il-kwalità, ir-rispons u l-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet
ta’ sorveljanza fid-dominju marittimu Ewropew u jħeġġeġ l-innovazzjoni,
għall-prosperità u s-sigurtà tal-UE u ċ-ċittadini tagħha. Is-CISE Marittimu
la se jkollu impatt fuq l-istrutturi amministrattivi tal-Istati Membri u lanqas
fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE f’dan il-qasam jew fl-implimentazzjoni
ta’ inizjattivi kurrenti fil-livell tal-UE, b’mod partikolari mhux fuq dawk
ibbażati fuq rekwiżiti legali tal-Unjoni. Peress li l-istrutturi
amministrattivi fl-Istati Membri huma differenti, l-isforzi amministrattivi
biex tiġi implimentata din l-inizjattiva f’livell nazzjonali se jiddependu fuq
is-sitwazzjoni f’kull Stat Membru. L-objettiv huwa
li jiġi żgurat li l-informazzjoni ta’ sorveljanza marittima miġbura minn
awtorità marittima waħda u meqjusa neċessarja għall-attivitajiet operazzjonali
ta’ oħrajn tkun tista’ tinqasam u tkun soġġetta għal bosta użi, minflok ma
tinġabar u tiġi prodotta bosta drabi, jew tinġabar u tinżamm għal skop wieħed.
L-informazzjoni ta’ sorveljanza marittima tista’ tkun dejta mhux maħduma jew
mhux ipproċessata f’format speċjali, jew informazzjoni li tkun ġejja minn dejta
li ġiet ittrattata u li ħadet ċerta tifsira. L-informazzjoni tista’ tkun bażika
jew rikka. Id-dejta ta’ informazzjoni ta’ sorveljanza marittima tkopri, eż.
pożizzjonijiet ta’ bastimenti u tfassil ta’ rotot, dejta dwar il-merkanzija,
dejta sensorjali, karti u mapep, dejta meteoċeanika eċċ. F’każijiet meta t-tali
dejta tidentifika individwu jew tagħmlu identifikabbli, se jkollhom jiġu
applikati[4]
l-istrumenti tal-UE ta’ protezzjoni tad-dejta[5]. Bl-użu
tad-dejta għal bosta skopijiet u billi s-sistemi attwali ta’ sorveljanza
marittima jsiru interoperabbli[6], il-ġbir
tad-dejta se jsir eżerċizzju li jieħu inqas ħin u riżorsi u, fl-aħjar każ,
l-awtoritajiet dejjem se jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-aqwa
informazzjoni disponibbli dwar is-sitwazzjoni tal-baħar. Id-duplikazzjoni
ta’ sforzi ta’ ġbir tad-dejta tista’ tkun ir-riżultat indirett ta’
kooperazzjoni subottimali bejn l-awtoritajiet. Dan jista’ jaffettwa wkoll
ix-xiri, il-manutenzjoni u l-iskjerament ta’ assi ta’ sorveljanza bħal radars,
sistemi ta’ komunikazzjoni, bastimenti, ħelikopters, ajruplani u satelliti.
L-iskambju msaħħaħ ta’ informazzjoni jista’ jgħin biex jiġi evitat li t-tali
riżorsi jinxtraw darbtejn, tiġi analizzata l-istess żona tal-baħar darbtejn,
jew tinġabar l-istess informazzjoni bosta drabi u jitwettqu missjonijiet fuq il-baħar
li jidħlu f’xulxin. It-twittija
tat-triq għal qsim msaħħaħ ta’ informazzjoni hija prerekwiżit
għall-kooperazzjoni prattika mingħajr xkiel fil-baħar bejn l-awtoritajiet
nazzjonali involuti fis-sorveljanza marittima. Il-kisbiet sa
issa wrew li s-CISE Marittimu jkollu għadd ta’ vantaġġi ċari. B’mod
partikolari, l-iskambju msaħħaħ ta’ informazzjoni huwa kundizzjoni importanti
sabiex: ·
Jissaħħaħ
u jitjieb l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima. It-tnejn jistgħu jkattru
l-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal inċidenti tas-sigurtà marittima
relatati mal-kriminalità transfruntiera u organizzata (eż. it-traffikar, is-sajd
illegali,il- piraterija, is-serq b’armi u t-terroriżmu), is-sikurezza marittima
u r-rimi illegali jew it-tniġġis aċċidentali tal-baħar. Valutazzjonijiet li
jinvolvu esperti tal-Istati Membri[7] wrew
biċ-ċar li l-awtoritajiet jamministraw l-attivitajiet ta' sorveljanza marittima
b’mod iktar effettiv jekk matul l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-attivitajiet
operazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni l-informazzjoni relevanti kollha. Dan
potenzjalment jista’ jwassal għat-tnaqqis ta' dan it-theddid u r-riskji b’medja
ta’ 30 %. Eżempji pertinenti huma l-qsim ta' informazzjoni bejn
awtoritajiet ċivili u militari dwar l-influss ta’ migranti fiż-Żona Schengen
mill-baħar Mediterran; jew li għodod komuni ta’ sorveljanza ta’ rutina u
ġestjoni f’emerġenza madwar il-baċir tal-baħar jistgħu jiġu kollegati bi
‘klikk’ wieħed f’każ ta’ emerġenza. ·
Jitnaqsu
b'mod sostanzjali l-isforzi ta’ ġbir ta’ dejta. Il-partijiet ikkonċernati indikaw
li hemm domanda kbira għall-iskambju ta’ dejta addizzjonali b’mod partikolari
bejn l-awtoritajiet ċivili u militari u li iktar minn 40 % tad-dejta
miġbura fl-UE tinġabar minn bosta awtoritajiet fl-istess ħin, bħall-informazzjoni
dwar l-identifikazzjoni ta’ bastimenti u l-miri mhux kooperattivi. ·
Jitnaqsu
l-ispejjeż amministrattivi u operazzjonali tal-attivitajiet ta’ sorveljanza
marittima. Il-kalkoli mill-esperti tal-Istati Membri wrew li l-iffrankar
potenzjali ta’ spejjeż għall-iskambju msaħħaħ ta’ informazzjoni jista’ jrendi
benefiċċji ġenerali lill-ekonomija Ewropea li jammontaw għal madwar EUR 400
miljun fis-sena u l-iffrankar dirett għall-awtoritajiet pubbliċi jammonta għal tal-inqas
EUR 40 miljun fis-sena. Il-kostijiet ta’ investiment korrispondenti jkunu
jammontaw għal madwar EUR 10 miljun fis-sena għall-ewwel għaxar snin. 3. Progress lejn
sorveljanza marittima msaħħa – X’ġara s’issa? L-inizjattivi
biex jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni għad-dominju marittimu ilhom
għaddejjin għal ċertu żmien. Mill-2002, ittieħdu passi importanti kemm fil-livell
nazzjonali kif ukoll dak tal-Unjoni, b’mod partikolari min-naħa ċivili. Diġà
sar progress permezz ta’ għadd ta’ strumenti leġiżlattivi fil-livell tal-UE
li jdaħħlu fis-seħħ sistemi li jaqdu oqsma politiki differenti u f’ċerti
każijiet imorru lil hinn minn settur wieħed. Dawn is-sistemi
jinkludu: is-sistema ta’ skambju u informazzjoni marittima tal-Unjoni,
SafeSeaNet, li tipprovdi servizzi marittimi integrati[8], fost
l-oħrajn, għall-monitoraġġ tat-traffiku (għarfien tas-sitwazzjoni) u li tiżgura
l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, ospitata mill-Aġenzija Ewropea
għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u amministrata mid-Direttorat Ġenerali
tal-Kummissjoni għall-Mobilità u t-Trasport (MOVE) flimkien mal-Istati Membri
tal-UE/taż-ŻEE fil-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli[9]; is-Sistema
Komuni ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni f'każ ta’ Emerġenza (CECIS) li
tħaffef il-komunikazzjoni matul inċidenti u diżastri marittimi amministrata
mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Għajnuna Umanitarja u
l-Protezzjoni Ċivili (ECHO); is-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti
amministrata mill-Istati Membri, id-Data Exchange Highway (DEH) u l-Fisheries
Language for Universal eXchange (FLUX) amministrati mid-Direttorat Ġenerali
tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Marittimi (MARE), li jsostnu l-Politika Komuni
tas-Sajd; in-netwerk ta’ Sorveljanza Marittima (MARSUR) amministrat
mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) li jsostni l-Politika Esterna u ta' Sigurtà
Komuni; is-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) li ttejjeb
l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċità ta’ reazzjoni tal-Istati Membri u
tal-Aġenzija tal-Fruntieri tal-UE (FRONTEX) fil-fruntieri esterni kif ukoll l-Applikazzjoni
ta' Netwerk Sikur għall-Iskambju ta’ Informazzjoni (SIENA), is-sistema ta’
skambju ta’ informazzjoni tal-EUROPOL, u l-pjattaforma Blue Hub taċ-Ċentru
Konġunt tar-Riċerka li ssostni r-R&Ż tal-UE fis-sorveljanza marittima u
l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-esperimentazzjoni b’sorsi ta’ dejta ġodda li ma
kinux użati fl-imgħoddi. Ta’ interess
partikolari fil-livell tal-UE hija d-Direttiva dwar il-Formalitajiet
tar-Rapportar[10], li
tistabbilixxi punti uniċi ta' servizz nazzjonali (National Single Windows).
Dawk il-punti, meta jkunu kompletament operazzjonali f’Ġunju 2015, se jkunu qed
jipprovdu pjattaformi ta’ skambju ta’ informazzjoni nazzjonali ċentrali għar-rapportar
u l-qsim ta’ informazzjoni relatata mal-bastimenti bejn l-awtoritajiet
kompetenti kollha u se jkunu kollegati mas-sistema ta’ skambju u informazzjoni
marittima tal-Unjoni u sistemi oħrajn, biex b’hekk jipprovdu informazzjoni
transettorjali u transnazzjonali relevanti fid-dominju marittimu
għall-awtoritajiet kollha, b’mod partikolari min-naħa ċivili. Inizjattivi
oħrajn li għandhom l-għan li jtejbu l-qsim ta’ informazzjoni huma l-Istrateġija
li ġejja dwar l-immaniġġjar tar-riskji tad-dwana u s-sigurtà tal-katina
tal-provvista fir-rigward tal-kodiċi doganali tal-Unjoni fost oħrajn[11], id-dispożizzjonijiet
previsti fir-Regolament Komuni l-ġdid dwar is-Sajd[12], u
n-Netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni u Dejta Marittima (EMODNET)[13]. L-esperjenzi
fl-imgħoddi wrew li hemm valur miżjud għal kooperazzjoni msaħħa. Eżempju
minnhom huwa l-użu operazzjonali tas-servizzi marittimi integrati (stampa iktar
sħiħa tal-għarfien marittmu) ipprovduti mill-EMSA lill-FRONTEX u l-EFCA. Dawn
jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni għal kif tista’ tissokta l-kooperazzjoni fil-livell
nazzjonali. Fil-livell
nazzjonali, bosta Stati Membri diġà daħħlu fis-seħħ mekkaniżmi bħal ċentri
nazzjonali ta’ koordinazzjoni li jinvolvu l-awtoritajiet relevanti kollha
(ċivili u militari) sabiex itejbu l-koordinazzjoni. Dawn iċ-ċentri jistgħu
jaħdmu bħala ispirazzjoni għall-oħrajn. Mill-Komunikazzjoni
tal-2010
dwar
is-CISE,
sar
progress
lejn
l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali dwar is-CISE. L-Istati Membri ħadmu
flimkien mill-qrib fil-proġetti ‘BlueMassMed’, ‘MARSUNO’ u ‘Cooperation’.[14] L-Istati Membri[15] involuti
fi BlueMassMed żviluppaw il-kunċett ta’ ‘nodi informatiċi’ nazzjonali li
fil-ġejjieni jistgħu jaġixxu bħala ċentri nazzjonali ta’ informazzjoni. L-Istati Membri[16] involuti
f’MARSUNO b’mod partikolari għamlu progress fir-reviżjoni
tas-sitwazzjoni legali u għamlu suġġerimenti għal struttura ta’ governanza
possibbli. L-Istati Membri[17] involuti
fil-proġett Cooperation ikkalkolaw il-valur miżjud ekonomiku potenzjali
ta’ CISE Marittimu f’xenarji ta’ sorveljanza marittima fil-ħajja reali. Għamlu
wkoll studju fuq id-drittijiet ta’ aċċess tal-awtoritajiet għal skambju ta’
informazzjoni, u żviluppaw kunċett għal ‘lingwa komuni tal-kompjuter’
flessibbli (mudell ta’ dejta komuni) u li tista’ tintuża, fejn hemm bżonn, biex
tiżgura l-interoperabbiltà ta’ sistemi ta’ informazzjoni ta’ sorveljanza. Dawn
l-inizjattivi kkonfermaw u għenu fl-irfinar tal-ħtieġa operazzjonali
għall-iskambju ta’ informazzjoni transettorjali u ġew diskussi b’mod regolari
fi Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar is-Sorveljanza marittima u
fil-Grupp Konsultattiv Tekniku tas-CISE (TAG), imsawwar minn rappreżentanti ta’
awtoritajiet pubbliċi marittimi differenti u aġenziji tal-UE, sabiex jiġi
żgurat l-iżvilupp koerenti tiegħu. 4. Il-passi
li jmiss għal CISE Marittimu Il-progress li
sar sa issa jipprovdi bażi biex issir ħidma ulterjuri u b’mod partikolari biex
ikun hemm fokus fuq l-isfidi li fadal, u dan juri li l-viżjoni tas-CISE
Marittimu qed titwettaq kemm f’livell nazzjonali kif ukoll tal-UE. Waħda
mill-iktar ħtiġijiet importanti hija li jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni
bejn l-awtoritajiet militari u ċivili. L-inklużjoni tal-komunità tad-difiża u
l-identifikazzjoni ta’ informazzjoni li tista’ tiġi skambjata bejn awtoritajiet
ċivili u militari f’CISE Marittimu se jkunu importanti peress li l-awtoritajiet
militari huma wħud mid-detenturi ewlenin ta’ dejta ta’ sorveljanza marittima. L-oqsma ta’
prijorità għal kooperazzjoni transfruntiera u transettorjali ulterjuri ġew
identifikati mill-proġetti MARSUNO, BlueMassMed u Cooperation imsemmijin
iktar ’il fuq. Fost l-oħrajn, dawn l-oqsma jkopru: - Il-qsim f’ħin
reali tal-pożizzjonijiet ta’ bastimenti u inġenji tal-ajru ta’ pattulja u
speċifikazzjonijiet funzjonali biex jiġi żgurat l-iktar rispons veloċi
possibbli għal operazzjonijiet ta’ salvataġġ tal-massa u/jew avvenimenti oħrajn
fil-baħar, - Għodod
kollaborattivi għall-immaniġġjar ta’ kriżijiet transfruntiera, - Konsolidazzjoni
ta’ dejta u skambju ta’ informazzjoni fuq bastimenti suspettużi li jbaħħru
f’ilmijiet tal-UE, u - Reġistri
nazzjonali ta’ dgħajjes ta’ rikreazzjoni: l-ipproċessar ta’ talbiet għal
informazzjoni bil-kompjuter bejn l-Istati Membri. Se jkun
essenzjali li jitkompla l-bini fuq għodod u kisbiet eżistenti sabiex jiġu
evitati sforzi doppji. Azzjonijiet
oħrajn għandhom l-għan li jħaffu l-iskambju ta’ informazzjoni u għalhekk la
għandhom joħolqu xi obbligi ta’ ġbir ta’ dejta ġodda, u lanqas ma għandhom
ikunu preskrittivi fuq l-informazzjoni li trid tiġi skambjata. Huwa f’idejn sid
id-dejta li jiddeċiedi. Il-Kummissjoni
beħsiebha tieħu l-azzjonijiet ulterjuri li ġejjin: ·
Il-Kummissjoni
tippjana li tniedi proġett fl-2014 skont is-Seba’ Programm Kwadru tal-UE
għar-Riċerka (FP7) sabiex tittestja CISE Marittimu fuq skala kbira, b’mod
partikolari bejn awtoritajiet ċivili u militari. Barra minn hekk,
il-Kummissjoni se trawwem il-ħruġ ta’ innovazzjonijiet iffinanzjati mill-programmi
qafas tal-Unjoni Ewropea għar-riċerka u l-innovazzjoni. ·
Il-Kummissjoni,
f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, se tiżviluppa manwal dwar is-CISE
Marittimu mhux vinkolanti sa tmiem l-2016 b’rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar
prattika u tagħrif siewi fuq kif jiġi applikat is-CISE Marittimu.
Ir-rakkomandazzjonijiet huma fost affarijiet oħrajn, maħsuba biex jippromwovu
kultura ta’ “kooperazzjoni fil-qsim ta’ informazzjoni” madwar u bejn setturi
differenti fost awtoritajiet nazzjonali involuti fis-sorveljanza marittima.
Il-manwal se jipprovdi wkoll gwida dwar l-immaniġġjar rakkomandat ta’
informazzjoni personali jew kummerċjali sensittiva mill-awtoritajiet relevanti.
Il-manwal għandu jqis ir-riżultati ta' bosta azzjonijiet preparatorji bħall-proġett
FP7, il-Proġett Cooperation, u l-proġetti pilota bħal Marsuno, Bluemassmed u
proġett iffinanzjat mill-Programm tal-Politika Marittima Integrata (PMI) ‘Evoluzzjoni
ta’ SafeSeaNet għas-sostenn tas-CISE u komunitajiet oħrajn’, fost l-oħrajn. ·
Il-Kummissjoni
se ssostni miżuri għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tixrid ta’ standards li
jippermettu sabiex is-sistemi ta’ sorveljanza marittima jsiru interoperabbli.
Dawn l-istandards se jħaffu l-iskambju ta’ informazzjoni marittima bejn
awtoritajiet ta’ sorveljanza u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet informatiċi, xi
ħaġa li hija sfida kbira għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-iżvilupp
tal-industrija u l-kompetittività. Ikunu jinkludu t-tiswir ta’ mudell tad-dejta
komuni[18], imsejjes
fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi diġà stabbiliti u meħtieġa mil-Liġi tal-Unjoni,
biex iservi ta’ għodda ta’ traduzzjoni bejn sistemi ta’ informazzjoni
tas-sorveljanza marittima, b’mod partikolari bejn sistemi ċivili u militari. Sa
tmiem l-2017 se titfassal arkitettura ta’ referenza teknika għas-servizzi
pubbliċi, b’konformità mal-Arkitettura ta’ Referenza tal-Interoperabbiltà
Ewropea żviluppata mill-programm dwar is-“Soluzzjonijiet ta’ Interoperabbiltà
għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej” (programm ISA), fi ħdan il-qafas
tal-aġenda Diġitali għall-Ewropa. Se jkun hemm bżonn ukoll ta’
speċifikazzjonijiet li jsostnu l-kollaborazzjoni virtwali mis-sistemi
informatiċi eżistenti[19]. ·
B’mod
parallel, l-Istati Membri għandhom jitħeġġu sabiex ikomplu bil-ħidma ta’
modernizzazzjoni tas-sistema informatika ta’ sorveljanza marittima tagħhom,
fejn hemm bżonn, u sabiex ikomplu jsaħħu l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn
l-awtoritajiet involuti fis-sorveljanza marittima. Hemm ċertu finanzjament
disponibbli fil-livell tal-UE biex isostni titjib żgħir. ·
L-Istati
Membri għandhom jinvolvu wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti
tal-protezzjoni tad-dejta malajr kemm jista’ jkun biex jiżguraw li l-mezzi
operazzjonali u l-objettivi jikkonformaw mar-rekwiżiti nazzjonali dwar
il-protezzjoni tad-dejta. Valutazzjonijiet tal-impatt minn qabel jistgħu jkunu
mod ta’ appoġġ għal inizjattivi nazzjonali sabiex jiġi żgurat li jiddaħħlu
fis-seħħ l-iktar miżuri effettivi kosteffiċjenti. ·
Il-Kummissjoni
se tkompli tirrevedi l-leġiżlazzjoni settorjali eżistenti fil-livell tal-UE
sabiex tneħħi l-ostakoli legali possibbli li fadal għall-qsim ta’ informazzjoni
transettorjali filwaqt li tiżgura konformità mar-rekwiżiti relevanti ta’
protezzjoni tad-dejta. Għalkemm il-Kummissjoni temmen li ħafna minnhom diġà ġew
indirizzati, xorta jista’ jkun li għad fadal fil-livell nazzjonali. Dawn
jistgħu jippersistu minħabba l-istrutturi organizzazzjonali tal-awtoritajiet
tal-Istati Membri.[20] ·
Hemm
bżonn li tkompli ssir riflessjoni fuq l-istrutturi amministrattivi meħtieġa
biex jiġi amministrat CISE Marittimu, b’mod partikolari l-ħtieġa ta' ftehimiet
fil-livell tas-servizzi bejn awtoritajiet nazzjonali. Sal-2018, il-Kummissjoni
se tniedi wkoll proċess ta’ reviżjoni biex tivvaluta l-implimentazzjoni ta’
CISE Marittimu u l-ħtieġa ta’ azzjoni ulterjuri. Il-Kummissjoni
tisħaq li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiżguraw is-sorveljanza
effettiva tal-ilmijiet taħt is-sovranità u l-ġurisdizzjoni tagħhom, u fl-ibħra miftuħa,
jekk relevanti. L-iżgurar tal-iskambju operazzjonali tas-servizzi ta’
informazzjoni tas-sorveljanza marittima bejn dawn l-awtoritajiet huwa
r-responsabbiltà tal-Istati Membri, u f’ċerti każijiet l-aġenziji tal-UE
jistgħu jħaffu u jsostnu dan il-proċess. B’hekk, l-aspetti operazzjonali ta'
dan l-iskambju ta’ informazzjoni jridu jiġu deċentralizzati fil-parti l-kbira għall-awtoritajiet
nazzjonali skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Fl-istess ħin, hemm
bżonn li tittieħed ukoll azzjoni fil-livell tal-UE peress li l-iskambju ta’
informazzjoni għandu komponent transnazzjonali li normalment jinvolvi
kooperazzjoni f’livell reġjonali jew tal-baċir tal-baħar. Barra minn hekk,
regoli u kundizzjonijiet għall-qsim ta’ ċerta informazzjoni diġà huma rregolati
fil-livell tal-UE. Għalhekk, minbarra r-rwol tagħha li tiżgura
l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li diġà hemm
fis-seħħ, ir-rwol tal-Kummissjoni għandu jkun li tkompli taġixxi bħala
faċilitatur u koordinatur tal-proċess tas-CISE Marittimu biex tkompli ssaħħaħ u
tippromwovi skambju relevanti ta’ informazzjoni b’mod partikolari bejn l-awtoritajiet
ċivili u militari involuti fis-sorveljanza marittima u biex tiġi żgurata
l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ sorveljanza marittima fil-livell tal-UE,
filwaqt li tibni fuq is-sistemi u s-soluzzjonijiet eżistenti mingħajr ma toħloq
sistema ġdida. 5. Konklużjoni Is-CISE
Marittimu huwa pedament importanti tal-Istrateġija prevista tal-UE dwar
is-Sigurtà Marittima u jissodisfa l-prinċipji u l-objettivi tagħha bħala
inizjattiva transettorjali, koerenti u kosteffiċjenti. Huwa essenzjali li jiġu
appoġġjati l-attivitajiet ta’ sorveljanza marittima fid-dominju marittimu
tal-UE. Il-ħidma ulterjuri se tkompli taderixxi mal-prinċipji ġenerali ta’
evitar ta’ xogħol doppju u użu ta’ soluzzjonijiet effiċjenti u kosteffiċjenti, tkun
ibbażata fuq l-azzjonijiet spjegati f’din il-Komunikazzjoni u fuq l-esperjenza
importanti tal-funzjonijiet u l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri u
l-Aġenziji relevanti. F’dan l-istadju, il-Kummissjoni ma tarax il-ħtieġa li
tiġi implimentata inizjattiva leġiżlattiva transettorjali. L-implimentazzjoni
tas-CISE Marittimu se tkompli teħtieġ ħidma kemm f’livell tal-UE kif ukoll
nazzjonali. L-azzjoni se jkollha
tittieħed f’livell nazzjonali biex tiżgura li jkun jista’ jseħħ it-tali skambju
ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet relevanti, b’mod partikolari bejn l-awtoritajiet
ċivili u militari. Għalhekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex
jitgħallmu minn xulxin u jiġu ispirati mill-esperjenzi fl-implimentazzjoni ta’
mekkaniżmi nazzjonali ta’ koordinazzjoni diġà introdotti f’bosta pajjiżi, u
sabiex jimplimentaw ambjent komuni ta’ qsim ta’ informazzjoni fid-dominju
marittimu f’livell nazzjonali skont l-approċċ żviluppat fil-livell tal-UE
fil-kuntest tas-CISE Marittimu u billi jieħdu l-benefiċċji sħaħ mill-mekkaniżmi
eżistenti ta’ skambju ta’ informazzjoni. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill sabiex jipprovdu gwida politika u jikkonfermaw ir-rieda
tagħhom li jsostnu l-proposti stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni. [1] Komunikazzjoni Konġunta
mill-Kummissjoni u s-SEAE
tas-6 ta’ Marzu 2014.
Join (2014) 9 final. [2] COM
(2009) 538 finali u COM (2010) 584 finali. [3] Ara, pereżempju, l-hekk
imsejħa dikjarazzjoni ta’
Limassol adottata
fl-2013 mill-Ministri Ewropej u
approvata mill-Kunsill tal-Ministri u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar
is-sorveljanza marittima
2009-2013 imsemmijin
ukoll fil-valutazzjoni tal-impatt. [4] Id-Direttiva (KE)
Nru 46/1995, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI u r-Regolament
(KE) Nru 45/2001. [5] Informazzjoni
ta’ sorveljanza marittima li hija soġġetta għal regoli dwar il-protezzjoni
tad-dejta hija pereżempju informazzjoni dwar il-kaptan u membri oħrajn
tal-ekwipaġġ fuq bastiment. F’dawn il-każijiet, id-dejta tista’ tiġi skambjata
biss għal skopijiet ferm speċifiċi u għandha tkun limitata, skont il-prinċipju
ta’ minimizzazzjoni tad-dejta, għal sitwazzjonijiet fejn hemm ħtieġa
operazzjonali definita. [6] Mezzi
interoperabbli sabiex l-informazzjoni tkun tista’ tintbagħat b’mod awtomatiku
mis-sistema ta’ awtorità ta’ sorveljanza marittima għal oħra. [7] Rapporti ta’ azzjonijiet
preparatorji u proġetti
msemmija
fit-taqsima 3. [8] SafeSeaNet,
CleanseaNet,
Ċentru tad-Dejta LRIT tal-UE
u THETIS [9] Id-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni
2009/584/KE [10] Id-Direttiva (UE) Nru 65/2010. [11] Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013. [12] Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013. [13] www.emodnet.eu [14] www.bluemassmed.net, www.marsuno.eu, http://www.coopp.eu/ [15] Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta, il-Portugall u Spanja. [16] L-Isvezja, il-Belġju, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, in-Norveġja u l-Polonja,
bir-Russja bħala osservatur [17] Il-Finlandja, il-Bulgarjia, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, in-Norveġja, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Isvezja u Spanja. [18] Jiġifieri lista ta’
termini, tifsiriet, konvenzjonijiet dwar l-għoti ta’
ismijiet, formats tad-dejta u
relazzjonijiet bejn id-dejta
[19] Messaġġi istantanji, xandir bil-vidjo, vidjo u awdjokonferenzi. [20] Ostakolu komuni
identifikat permezz ta’ azzjonijiet preparatorji huwa li l-mandat ta’ Uffiċjali
ta’ sorveljanza marittima
fl-Istati
Membri huwa limitat għal funzjoni settorjali waħda, u b’hekk ma jkunux jistgħu
jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn. Għalhekk,
il-Kummissjoni se tippromwovi t-tneħħija ta’ dawn il-limitazzjonijiet legali
fil-livell nazzjonali.