52014DC0449

WHITE PAPER Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-UE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) /* COM/2014/0449 final */


WHITE PAPER

Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-UE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Werrej

1............ Introduzzjoni 5

2............ Rieżami sostanzjali tal-fużjonijiet wara r-riforma tal-2004 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet 5

2.1......... Valutazzjoni sostantiva. 6

2.2......... Aktar trawwim tal-kooperazzjoni u l-konverġenza. 8

2.3......... Konklużjoni 9

3............ Akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji nonkontrollanti 10

3.1......... Għalfejn il-Kummissjoni trid li jkollha l-ġuriżdizzjoni li teżamina mill-ġdid il-parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji nonkontrollanti?. 10

3.1.1...... Teoriji dwar il-ħsara. 10

3.1.2...... L-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE jistgħu ma jkunux adatti biex jindirizzaw il-parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji antikompetittivi 13

3.2......... Opzjonijiet politiċi u miżuri proposti għar-rieżami tal-akkwiżizzjonijiet ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji 13

3.2.1...... Tfassil u opzjonijiet – liema prinċipji għandhom japplikaw għas-sistema għall-kontroll tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji fil-livell tal-UE?. 13

3.2.2...... Is-sistema proposta: sistema ta' trasparenza "fil-mira". 14

3.2.3...... Id-dettalji tal-proċedura. 15

3.2.4...... L-ambitu tal-valutazzjoni taħt ir-Regolament dwar l-Għaqdiet u r-relazzjoni mal-Artikolu 101 tat-TFUE   16

3.3......... Konklużjoni dwar ir-rieżami ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji 16

4............ Każijiet ta' rinviju. 17

4.1......... Objettivi u prinċipji ta’ gwida għal każijiet ta' rinviju. 17

4.2......... Il-miżuri proposti għal każijiet ta' rinviju. 18

4.2.1...... L-Artikolu 4(5) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet: rinviju ta' qabel in-notifika mill-Istati Membri lill-Kummissjoni 18

4.2.2...... L-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet: rinviji ta' qabel in-notifika mill-Istati Membri lill-Kummissjoni 19

4.2.3...... L-Artikolu 4(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet: rinviju ta' qabel in-notifika mill-Kummissjoni lill-Istati Membri 20

5............ Mixxellanji 20

6............ Konklużjoni 21

1.           Introduzzjoni

1.           F’din il-White Paper, il-Kummissjoni, 10 snin wara tiġdid maġġuri tar-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet[1] fl-2004, tqis kif it-test sostantiv ta' “tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva” (SIEC) ġie applikat u tagħti perspettiva dwar kif jista’ jkompli jippromwovi l-konverġenza u l-kooperazzjoni bejn u fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Din tressaq ukoll proposti għal emendi speċifiċi mmirati sabiex jagħmlu l-kontroll tal-UE tal-fużjonijiet aktar effettiv.

2.           Il-proposti huma relatati ma’ żewġ oqsma b’mod partikolari:

-   l-iżgurar li r-Regolament tal-fużjonijiet jindirizza s-sorsi kollha ta’ ħsara possibbli lill-kompetizzjoni u għalhekk anki lill-konsumaturi kkawżata minn konċentrazzjonijiet jew ristrutturar korporattiv, inklużi dawk li jirriżultaw minn akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji mhux kontrollanti; kif ukoll

-   kif l-aħjar li tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (“ANK”) u tqassim xieraq tal-kompiti fil-qasam tal-kontroll tal-fużjonijiet, b’mod partikolari, billi jiġu ssimplifikati r-regoli għat-trasferiment ta’ każijiet ta’ fużjonijiet mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u viċi versa.

3.           Din il-White Paper hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li janalizza f’aktar dettall il-kunsiderazzjonijiet li huma l-bażi tal-White Paper u tal-proposti tal-politiki tagħha. Hija akkumpanjata minn Valutazzjoni tal-Impatt, li tanalizza l-benefiċċji u l-kostijiet potenzjali ta’ diversi għażliet politiċi, kif ukoll sommarju eżekuttiv ta’ din il-Valutazzjoni tal-Impatt. L-opinjonijiet tal-partijiet interessati ntalbu permezz ta’ konsultazzjoni pubblika[2] u huma riflessi f’din il-White Paper u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

2.           Rieżami sostanzjali tal-fużjonijiet wara r-riforma tal-2004 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet

4.           Wara l-adozzjoni tal-ewwel Regolament dwar l-Għaqdiet tal-1989, il-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE sar wieħed mill-pilastri ewlenin tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE u l-elementi bażiċi tiegħu issa huma stabbiliti sew. Ir-riformulazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, li ġie adottat fl-2004, kompliet issaħħaħ il-funzjonament tal-kontroll tal-fużjonijiet fil-livell tal-UE f’ħafna modi, b’mod partikolari billi introduċiet il-kriterju għat-tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva bħala kriterju rilevanti biex jiġu eżaminati l-fużjonijiet u billi jissaħħu l-possibilitajiet għal rinviju tal-każijiet tal-fużjonijiet mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u viċi versa.

5.           Il-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE jagħti kontribut importanti għall-funzjonament tas-suq intern, kemm billi jipprovdi sett armonizzat ta’ regoli għal konċentrazzjonijiet u ristrutturar korporattiv u billi jiġi żgurat li l-kompetizzjoni u għalhekk anki l-konsumaturi ma ssirilhomx ħsara mill-konċentrazzjoni ekonomika fis-suq. Fuq il-bażi tal-esperjenza riċenti, il-globalizzazzjoni tal-attività tan-negozju li dejjem tiżdied u l-approfondiment tas-suq intern wasslu biex il-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE jiffoka saħansitra aktar fuq każijiet transfruntiera u dawk li jħallu impatt fuq l-ekonomija Ewropea.

6.           Il-maġġoranza l-kbira tal-fużjonijiet investigati mill-Kummissjoni ma tqajjimx tħassib dwar il-kompetizzjoni u jiġu approvati wara l-“Fażi I” inizjali tal-investigazzjoni. F’inqas minn 5 % tal-każijiet, titnieda l-“Fażi II” fil-fond ibbażata fuq tħassib inizjali li nħoloq fil-Fażi I. F’madwar 5-8 % tal-fużjonijiet notifikati kollha, il-Kummissjoni tidentifika t-tħassib li l-fużjoni tista’ tfixkel il-kompetizzjoni effettiva. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dan it-tħassib jittaffa permezz ta’ rimedji offruti mill-partijiet (jew fil-Fażi I jew fil-Fażi II). Il-Kummissjoni pprojbixxiet 24-il fużjoni mill-1990 u sitta mill-2004, li huwa pjuttost inqas minn 1 % ta’ aktar minn 5 000 fużjoni notifikata.

2.1.        Valutazzjoni sostantiva

7.           L-aktar bidla importanti fir-riforma tar-Regolament dwar l-Għaqdiet tal-2004 kienet l-introduzzjoni tat-kriterju għat-tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva.[3] Il-kriterju għat-tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva wera li l-aktar tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva jinqalgħu l-aktar permezz tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Il-kriterju b’hekk ippermetta l-bini kontinwu fuq il-preċedent tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza tal-Qrati Ewropej.

8.           Bħal qabel, meta jkun qed jiġi vvalutat l-impatt ta’ fużjoni notifikata fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tkompli teżamina kemm jekk il-fużjoni timpedixxix jew le b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tipprova tiddetermina jekk il-fużjoni toħloqx jew issaħħaħx pożizzjoni dominanti.

9.           Barra minn hekk, l-objettiv tal-kriterju għat-tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva kien l-eliminazzjoni ta’ “lakuna” ta' infurzar possibbli, minħabba li l-kriterju preċedenti ma kienx maħsub li jidentifika effetti antikompetittivi possibbli li jirriżultaw minn fużjoni ta’ żewġ ditti f’suq oligopolistiku, fejn l-entità li qed tingħaqad ma tkunx saret dominanti.[4] L-introduzzjoni tal-kriterju għat-tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva eliminat din l-inċertezza u ppermettiet lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-analiżi ekonomika tagħha ta' fużjonijiet kumplessi. Il-valutazzjoni tuża firxa ta’ kriterji kwalitattivi u, fejn disponibbli, kwantitattivi/evidenza empirika.[5]

10.         Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-Kummissjoni ħarset lejn l-effetti antikompettitivi possibbli li jirriżultaw mill-fużjoni ta’ żewġ impriżi attivi fl-istess suq nieqes minn kull koordinazzjoni ma’ kompetituri oħra (“effetti mhux koordinati”). L-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni li jħarsu lejn jekk fużjoni iżżidx ir-riskju ta’ koordinazzjoni bejn l-entità magħquda u ditti oħrajn (“effetti koordinati”)[6] jew jekk fużjoni bejn ditti attivi fi swieq relatati b'mod vertikali[7] jew mill-qrib[8] jistgħu jwasslu għal esklużjoni ta' dħul tal-kompetituri (“effetti vertikali” u “effetti konglomerati”, rispettivament) kienu ferm aktar rari.

11.         Mill-2004, il-Kummissjoni investigat għadd sinifikanti ta’ każijiet, permezz tal-għodda l-ġdida tal-kriterju għat-tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva. Pereżempju, f’Western Digital/Hitachi, il-Kummissjoni ħarset lejn ta’ akkwiżizzjoni proposta fis-suq għal diski riġidi (“HDD”). It-tranżazzjoni kienet tnaqqas in-numru ta’ kompetituri attivi fl-industrija tad-diski riġidi minn erbgħa sa tlieta u minn tlieta sa tnejn fis-suq għal diski riġidi ta' 3,5 pulzieri. Bl-analiżi flimkien tal-evidenza kwalittattiva u kwantitattiva, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tneħħija ta’ Hitachi mis-suq kienet x’aktarx tfixkel b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva.[9]

12.         Biex jitjiebu t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-analiżi tal-fużjonijiet tal-Kummissjoni skont il-kriterju l-ġdid, il-Kummissjoni ppubblikat żewġ settijiet ta’ linji gwida li jipprovdu qafas ekonomiku sod għall-valutazzjoni ta’ kemm l-fużjonijiet orizzontali[10] kif ukoll dawk mhux orizzontali[11] (jiġifieri vertikali jew konglomerati) (“Linji Gwida”).[12]

13.         Il-Linji Gwida jispjegaw ukoll, skont il-Premessa 29 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, li l-fużjonijiet jistgħu jwasslu għal effiċjenzi li jmorru kontra tal ħsara tal-fużjoni lill-kompetizzjoni u, anki, lill-konsumaturi. Jekk il-partijiet li qed jingħaqdu jsostnu tali effiċjenzi, il-Kummissjoni tqishom sakemm dawn huma verifikabbli, speċifiċi għall-fużjoni u li x’aktarx jiġu trasferiti lill-konsumaturi. Pereżempju, f’UPS/TNT Express, it-tħassib dwar il-kompetizzjoni kien ittaffa għal numru ta’ (għalkemm mhux kollha) Stati Membri fuq il-bażi ta', inter alia, kunsiderazzjonijiet tal-effiċjenza.[13] F’NYNAS HARBURG, l-effiċjenzi tal-fużjoni appoġġaw il-konklużjoni li kienu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi bil-kundizzjoni ta' xenarju alternattiv probabbli li l-impjant miksub jingħalaq.[14]

14.         Dawn l-aħħar 10 snin urew ukoll li rieżami tal-fużjoni tista’ trawwem l-innovazzjoni, minħabba li l-kompetizzjoni twassal għal eżitu aħjar tas-suq. Dan isir mhux biss billi jitbaxxew il-prezzijiet jew tiżdied il-produzzjoni, iżda wkoll billi tittejjeb il-kwalità tal-prodott, il-varjetà, u l-innovazzjoni. F’Intel/McAfee[15], pereżempju, ir-rimedji għenu biex tinżamm l-innovazzjoni fis-softwer ta' protezzjoni tas-sikurezza u jiġi żgurat li l-kompetituri ma kinux esklużi.

15.         Fl-2008, il-Kummissjoni żviluppat aktar il-prattika tagħha fil-qasam tar-rimedji b'Avviż dwar ir-Rimedji rivedut.[16] L-Avviż dwar ir-Rimedji jagħti gwida ċara dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni tar-rimedji ta’ bejgħ tal-assi (bħall-bejgħ ta’ sussidjarja jew faċilità ta’ produzzjoni lil kompetitur), li jiffoka fuq l-effettività tar-rimedju.

2.2.        Aktar trawwim tal-kooperazzjoni u l-konverġenza

16.         Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet kien tassew suċċess fir-rigward tal-introduzzjoni tal-iskrutinju tal-punt ta' kuntatt waħdieni għall-fużjonijiet b’dimensjoni tal-UE. Madankollu, l-Istati Membri għandhom rwol importanti wkoll fl-infurzar tal-fużjonijiet fl-UE. Sistema funzjonali tassew għall-iskrutinju tal-fużjonijiet madwar l-UE teħtieġ kondiviżjoni tax-xogħol effiċjenti, kooperazzjoni u konverġenza bejn il-Kummissjoni u s-27 Stat Membru li jeżerċitaw kontroll tal-fużjonijiet.

17.         Fl-2009, wara konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni ressqet rapport lill-Kunsill li jinkludi eżerċizzju ta’ inventarju limitat li kien jikkonċerna l-allokazzjoni ta’ każijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri (“ir-Rapport tal-2009”).[17] Fil-konsultazzjoni pubblika, il-partijiet interessati stqarrew li r-regoli tal-fużjonijiet diverġenti fl-Unjoni Ewropea jistgħu jżidu l-piż amministrattiv fuq in-negozju u jwasslu għal infurzar mhux effettiv tal-kontroll tal-fużjonijiet, eżitu mhux konsistenti u impatt negattiv fuq is-suq intern.

18.         Għalkemm l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (“ANK”) normalment japplikaw l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) flimkien mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, il-kontroll tal-fużjonijiet fil-livell nazzjonali jaqa' unikament taħt l-liġi nazzjonali. Ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet kien mudell għal ħafna sistemi legali nazzjonali f’dan il-qasam, li wassal għal konverġenza leġiżlattiva bażika fost il-ġuriżdizzjonijiet, partikolarment rigward il-kriterju sostantivi li jrid jiġi applikat.[18] Barra minn hekk, inkisbet aktar konverġenza fir-rigward ta' kwistjonijiet sostantivi u ġuriżdizzjonali permezz ta’ aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni, kemm f’każijiet individwali u permezz tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Amalgamazzjonijiet stabbilit fl-2010.[19]

19.         Minkejja dan il-progress, għad hemm lok għal aktar kooperazzjoni u konverġenza, b’mod speċjali fuq l-iżvilupp ta’ kriterji sostantivi għal dokumenti ta’ gwida (bħalma huma l-Linji Gwida Orizzontali u Mhux Orizzontali dwar l-Amalgamazzjonijiet) u l-applikazzjonijiet u l-interpretazzjonijiet tagħhom mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati li jeżerċitaw stħarriġ ġudizzjarju. Fost punti notevoli ta’ diverġenza huma l-liġijiet nazzjonali li għadhom jippermettu gvern li jannulla deċiżjoni bbażata fuq il-kompetizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u jawtorizza fużjoni antikompetittiva fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet oħra ta’ interess pubbliku.[20] Rimedji u proċeduri, bħalma huma perjodi ta’ rieżami tal-fużjonijiet u r-regoli ta’ waqfien, ta’ spiss ivarjaw ukoll.

20.         Konverġenza akbar bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni bejniethom hija importanti sabiex jinħolqu kundizzjonijiet tassew ekwi u biex jiġu evitati effetti mhux konsistenti.[21] Skont suġġerimenti minn xi awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, dan jista’ jinkiseb billi tiżdied il-kooperazzjoni kif ukoll l-iskambju tal-esperjenza, bl-użu tal-għodda kollha disponibbli u fora bħall-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Amalgamazzjonijiet, u billi tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni f’każijiet individwali.

21.         L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jevitaw eżitu li ma jkunx konsistenti f'kull każ billi jirreferu l-każijiet lill-Kummissjoni. Il-proposti għar-riforma tar-rinviju ta' wara n-notifika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, diskussi hawn taħt fit-Taqsima4.2.2, jissuġġerixxu t-twaqqif ta’ sistema abbażi ta’ avviż bikri ta' informazzjoni. Sistema bħal din għandha tiffaċilita wkoll il-kooperazzjoni prattika fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni f’każijiet transfruntiera u multiġuriżdizzjonali.

22.         Lil hinn mis-suċċess “soft convergence” li diġà nkiseb, li għandu jinżamm u jissaħħaħ kif deskritt hawn fuq, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jikkunsidraw jimxu lejn sistema fejn kull waħda tapplika l-istess liġi sostantiva tal-UE, simili għall-qafas attwali għal infurzar tal-antitrust.[22] Madankollu, dan ikun jeħtieġ aktar tiġdid ambizzjuż tas-sistema attwali tal-liġi tal-kontroll tal-fużjonijiet fl-Unjoni Ewropea.

2.3.        Konklużjoni

23.         Il-ħarsa ġenerali ta’ hawn fuq turi kif il-kontroll tal-fużjonijiet fil-livell tal-UE ssaħħaħ permezz tar-riformi tal-2004 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, b’mod partikolari l-introduzzjoni tal-kriterju għat-tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva. Fuq medda twila ta’ żmien, is-sistema tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għandha tiġi żviluppata f'“Żona Ewropea ta’ Fużjonijiet” vera, li fiha japplika sett wieħed ta’ regoli għall-fużjonijiet eżaminati mill-Kummissjoni u l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni. Madankollu b’mod aktar immedjat, hemm żewġ modi ewlenin biex jitjieb ir-Regolament dwar l-Għaqdiet permezz ta’ aktar emendi limitati. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li l-akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji nonkontrollanti fl-ambitu tal-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE. It-tieni, hemm lok biex ir-rinviju tal-każijiet jiġi ssimplifikat aktar fid-dawl tal-esperjenza tal-Kummissjoni permezz tar-riforma tal-2004.[23]

3.           Akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji nonkontrollanti

3.1.        Għalfejn il-Kummissjoni trid li jkollha l-ġuriżdizzjoni li teżamina mill-ġdid il-parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji nonkontrollanti?

24.         Politika tal-kompetizzjoni effettiva u effiċjenti teħtieġ għodod xierqa li jkunu mfassla tajjeb biex jindirizzaw is-sorsi kollha ta’ ħsara lill-kompetizzjoni u lill-konsumaturi. Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet preżenti jgħodd biss għall-“konċentrazzjonijiet”. Dawn huma ddefiniti bħala l-akkwiżizzjonijiet ta' kontroll minn persuna waħda jew iktar jew minn impriża waħda jew aktar tul sena jew aktar impriżi, jew partijiet minn impriżi.

25.         Bħalissa, meta l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja ma tkunx relatata mal-akkwiżizzjoni ta’ kontroll, il-Kummissjoni ma tistax tinvestiga jew tintervjeni kontra tagħha. Il-Kummissjoni tista’ tintervjeni biss kontra parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja diġà eżistenti miżmuma minn waħda mill-partijiet li qed tingħaqad meta l-kontroll jinkiseb b’mod speċifiku. Pereżempju, il-Kummissjoni tista’ tintervjeni jekk l-impriża li fiha parti waħda għandha sehem minoritarju hija kompetitur tal-impriża l-oħra li qed tingħaqad. Madankollu, jekk parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja tinkiseb wara l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza li tittratta t-tħassib possibbli dwar il-kompetizzjoni li tirriżulta minnha minkejja l-fatt li t-tħassib dwar il-kompetizzjoni li jirriżulta mis-sehem minoritarju jista' jkun simili għal dak li jirriżulta meta jinkiseb il-kontroll.

26.         L-esperjenza tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, kif ukoll ir-riċerka ekonomika, ilkoll juru li f’xi każijiet l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja minoritorja nonkontrollanti tista' tikkawża ħsara lill-kompetizzjoni u lill-konsumaturi.

27.         Fl-Unjoni Ewropea, l-Awstrija, il-Ġermanja u r-Renju Unit għandhom ġuriżdizzjoni biex jeżaminaw mill-ġdid l-akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji.[24] F’kull wieħed mit-tliet Stati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni intervjenew kontra akkwiżizzjonijiet bħal dawn fejn dawn qajmu tħassib dwar il-kompetizzjoni. Ħafna ġuriżdizzjonijiet barra l-UE, bħall-Kanada, l-Istati Uniti u l-Ġappun, huma wkoll kompetenti biex jeżaminaw mill-ġdid rabtiet strutturali simili skont ir-regoli ta' kontroll tal-fużjonijiet rispettivi tagħhom.

3.1.1.     Teoriji dwar il-ħsara

28.         Meta parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja tinkiseb jista' jinħoloq tħassib divers dwar il-kompetizzjoni. Dan it-tħassib huwa bbażat fuq teoriji dwar il-ħsara simili għal dawk rilevanti għal akkwiżizzjoni ta’ kontroll u, b’mod ġenerali, li jeħtieġu li t-tranżazzjoni żżid il-qawwa tas-suq b’mod sinifikanti.[25]

29.         L-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja f’kompetitur tista' twassal għal effetti antikompetittivi mhux koordinati minħabba li parteċipazzjoni azzjonarja bħal din tista' żżid l-inċentiv tal-akkwirent u l-abbiltà li jgħolli l-prezzijiet b’mod unilaterali jew jirrestrinġi l-produzzjoni. Jekk ditta jkollha interess finanzjarju fil-profitti tal-kompetitur tagħha, tista’ tiddeċiedi li “tinternalizza” ż-żieda f’dawk il-profitti, li tirriżulta minn tnaqqis fil-produzzjoni jew żieda fil-prezzijiet tagħha stess. Dan l-effett antikompetittiv jista’ jimmaterjalizza jekk parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja tkun passiva (li ma jinfluwenzax id-deċiżjonijiet fil-mira) jew attiva (li jinfluwenza xi ftit id-deċiżjonijiet fil-mira).

30.         L-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja tista' tqajjem ukoll tħassib fejn l-akkwirent juża l-pożizzjoni tiegħu biex jillimita l-istrateġiji kompetittivi disponibbli għall-mira, u b’hekk titnaqqas il-forza kompetittiva. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabu li tħassib dwar il-kompetizzjoni jkun probabbilment aktar serju meta parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja li jkollha ċertu livell ta’ influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpanija fil-mira, bħal fl-istudju tal-każijiet ta' hawn taħt.

31.         Siemens/VA Tech wriet kemm it-teorija tal-“inċentiv finanzjarju” tal-ħsara kif ukoll ir-riskju li jinħoloq meta impriża jkollha ċerta influwenza u d-drittijiet tal-vot f’kompetitur.[26] F’dak il-każ, Siemens kellha parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja diġà eżistenti f'SMS Demag, kompetitur ta' waħda mis-sussidjarji ta' VA Tech. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fużjoni twassal għal tnaqqis tal-kompetizzjoni fis-suq tal-bini tal-impjanti tal-metall minħabba għadd ta' inċentivi finanzjarji flimkien u d-drittijiet ta’ informazzjoni li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja f’SMS Demag.[27]

32.         Eżempju ieħor ta’ parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja li tagħti l-akkwirent influwenza fuq il-mira huwa meta l-akkwirent ikun jista’ jeżerċita influwenza fuq ir-riżultat tar-riżoluzzjonijiet speċjali. Riżoluzzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu meħtieġa għall-approvazzjoni ta' investimenti sinifikanti, żieda tal-kapital, tibdil tal-prodott jew l-ambitu ġeografiku tan-negozju, u parteċipazzjoni f’fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet.

33.         Din it-teorija tal-ħsara kienet fil-qalba tal-inkjesta tal-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar il-Kawża Ryanair/Aer Lingus. F’Ryanair/Aer Lingus I, Ryanair kienet diġà kisbet parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja sinifikanti fil-kompetitur tagħha, Aer Lingus, meta nnotifikat lill-Kummissjoni dwar il-proposta tagħha li tikseb il-kontroll fl-2006. Il-Kummissjoni pprojbiet l-akkwiżizzjoni minħabba tħassib serju li dan kien ikun ta’ dannu għall-kompetizzjoni billi joħloq jew isaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ Ryanair fuq numru ta’ rotot.[28] Madankollu, ma kellhiex ġuriżdizzjoni biex teżamina mill-ġdid il-parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja ta’ Ryanair f’Aer Lingus, li l-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni tar-Renju Unit issoktat tagħmel.[29]

34.         Din it-teorija tal-ħsara kienet ukoll il-punt fokali f’Toshiba/Westinghouse[30], fejn il-Kummissjoni sabet li t-tranżazzjoni tista' twassal għall-possibbiltà ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq għall-muntaturi tal-fjuwil nukleari. Biex tilħaq id-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li Toshiba tista’ tuża l-parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja tagħha u d-drittijiet ta’ veto f’GNF, kompetitur ta’ Westinghouse, biex tevita milli jespandi f’oqsma li fihom jista' jikkompeti ma’ Toshiba/Westinghouse.

35.         Il-parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji f’kompetituri jistgħu wkoll iwasslu għal effetti antikompetittivi koordinati billi jħallu impatt fuq il-kapaċità tal-parteċipant fis-suq u l-inċentiv biex jikkoordinaw b’mod taċitu jew espliċitu sabiex jinkisbu profitti suprakompetittivi.[31] L-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja tista’ ttejjeb it-trasparenza minħabba l-fehma privileġġata li din toffri lill-akkwirent fl-attivitajiet kummerċjali tal-mira. B’dan il-mod, hija tista’ wkoll iżżid il-kredibilità u l-effettività ta’ kull theddida ta’ ritaljazzjoni fil-każ li l-mira tmur lil hinn mill-imġiba kollużiva.[32]

36.         Fl-aħħar nett, akkwiżizzjonijiet mhux orizzontali ta' parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja li jipprovdu wkoll influwenza materjali jistgħu joħolqu xi tħassib kompetittiv ta’ esklużjoni ta' dħul. Għal xi parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji, l-esklużjoni ta' dħul tista’ tkun saħansitra aktar probabbli minn meta l-kontroll jinkiseb minħabba li l-akkwirent tal-parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja tinternalizza parti biss, minflok kollha, mill-profitti fil-mira, li ntilfu bħala konsegwenza tal-istrateġija tal-esklużjoni ta' dħul.

37.         L-esklużjoni ta’ dħul ħolqot tħassib f’IPIC/MAN Ferrostaal.[33] L-akkwiżizzjoni ta’ MAN Ferrostaal minn International Petroleum Investment Company (“IPIC”) ġiet approvata mill-Kummissjoni fl-2009 soġġetta għal xi kundizzjonijiet. Il-Kummissjoni sabet li t-tranżazzjoni tat lok għal riskju ta’ esklużjoni ta' dħul fir-rigward tat-teknoloġija eżistenti li mhi proprjetà ta’ ħadd tal-produzzjoni tal-melamina fid-dinja. It-teknoloġija kienet proprjetà ta’ Eurotecnica, kumpanija li fiha MAN Ferrostaal kellha sehem ta' 30 %. Minħabba li IPIC diġà kkontrollat lil AMI, waħda miż-żewġ produtturi ta' melamina madwar id-dinja, hija qablet li tbigħ il-parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji tagħha f’Eurotecnica sabiex timminimizza kull riskju ta’ esklużjoni ta' dħul tal-kompetituri ta' AMI.

38.         Barra minn hekk, konsultazzjoni pubblika u rapporti riċenti fil-midja, akkwiżizzjonijiet oħra ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji kemm fuq il-livelli tal-UE u tal-Istati Membri nħolqu fejn il-parteċipazzjoni azzjonarja akkwistata f’kompetitur jew kumpanija relatata b'mod vertikali.[34]

3.1.2.     L-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE jistgħu ma jkunux adatti biex jindirizzaw il-parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji antikompetittivi

39.         Il-Kummissjoni kkunsidrat jekk ir-regoli dwar il-kompetizzjoni dwar ftehimiet restrittivi u l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 TFUE rispettivament, jistgħux jintużaw biex jintervjenu kontra l-akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji antikompetittivi. Madankollu, l-użu tal-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 f’dan ir-rigward huma limitati.

40.         Fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE, mhuwiex ċar jekk l-akwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja tikkostitwixxix “ftehim” li jkollu l-għan jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fil-każijiet kollha. Pereżempju, fil-każ ta’ għadd ta’ akkwiżizzjonijiet ta’ ishma permezz tal-Borża, jista’ jkun diffiċli li wieħed jargumenta li ftehim ta’ xiri differenti jissodisfax il-kriterji tal-Artikolu 101 TFUE. L-istess jgħodd probabbilment għall-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ kumpanija, li l-għan tagħha huwa ġeneralment biex tiddetermina l-governanza korporattiva tal-kumpanija u r-relazzjoni bejnha u l-azzjonisti tagħha. Biex il-Kummissjoni tintervjeni bl-użu tal-Artikolu 102 TFUE, l-akkwirent ta’ parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja jrid ikollu pożizzjoni dominanti, u l-akkwiżizzjoni jeħtieġ li tkun tikkostitwixxi abbuż. Iċ-ċirkostanzi li taħthom il-Kummissjoni tista’ tintervjeni kontra ħsara lill-kompetizzjoni li tirriżulta minn akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji huma għalhekk pjuttost limitati.[35]

41.         Barra minn hekk, kif spjegat hawn fuq, it-teoriji tal-ħsara li tirriżulta minn akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji huma simili għal dawk li jirriżultaw minn akkwiżizzjonijiet ta’ kontroll, jiġifieri, l-effetti mhux koordinati orizzontali u vertikali.

3.2.        Opzjonijiet politiċi u miżuri proposti għar-rieżami tal-akkwiżizzjonijiet ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji

3.2.1.     Tfassil u opzjonijiet – liema prinċipji għandhom japplikaw għas-sistema għall-kontroll tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji fil-livell tal-UE?

42.         Sistema għall-kontroll tal-akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji nonkontrollanti għandha tqis it-tliet prinċipji li ġejjin:

                tagħraf l-akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji li jkunu potenzjalment antikompetittivi;

                tevita kull piż amministrattiv mhux meħtieġ u sproporzjonat fuq il-kumpaniji, il-Kummissjoni u l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni; kif ukoll

                taqbel ma’ reġimi ta’ kontroll għall-fużjonijiet attwalment fis-seħħ kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali.[36]

43.         Id-Dokument ta’ Diskussjoni ressaq tliet opzjonijiet proċedurali għall-kontroll ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji:

                Sistema ta’ notifika, li testendi s-sistema attwali ta’ kontroll tal-fużjonijiet ex ante għall-akkwiżizzjonijiet ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji taħt ċerti kundizzjonijiet.

                Sistema ta’ trasparenza, li tkun teħtieġ lill-partijiet li jressqu avviż ta’ informazzjoni li jinforma lill-Kummissjoni dwar l-akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji mhux kontrollanti. L-avviż ta’ informazzjoni jippermetti lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi jekk għandhiex tkompli tinvestiga t-tranżazzjoni, tippermetti lill-Istati Membri biex jikkunsidraw talba ta’ rinviju, u tagħti opportunità biex jitressqu ilmenti possibbli.

                Sistema ta' awtovalutazzjoni, li ma tkunx teħtieġ li l-partijiet li jinnotifikaw l-akkwiżizzjonijiet ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji qabel l-ikkompletar. Il-Kummissjoni tista’, madankollu, tagħti bidu għal investigazzjoni ta’ akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji potenzjalment problematiċi fuq il-bażi ta’ informazzjoni dwar is-suq tagħha stess jew ilmenti.

44.         L-ambitu tal-ġuriżdizzjoni tal-Kummissjoni huwa marbut direttament ma’ liema proċedura hija xierqa u adegwata. Pereżempju, jekk il-Kummissjoni jkollha ġuriżdizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet kollha ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji 'l fuq minn ċertu limitu, sistema ta’ notifika ta' qabel il-fużjoni tista’ toħloq piż kbir fuq in-negozji minħabba li tranżazzjonijiet li mhumiex problematiċi jkunu koperti wkoll. Li l-Kummissjoni jkollha ġuriżdizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet kollha ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji li jaqbżu ċertu limitu minimu tista’ għalhekk ikun aktar xieraq f'sistema ta’ awtovalutazzjoni, fejn il-Kummissjoni hija ħielsa li tinvestiga t-tranżazzjonijiet b'inizjattiva tagħha stess. Min-naħa l-oħra, il-piż amministrattiv impost permezz ta’ notifika jew sistema ta’ trasparenza jkun ħafna inqas jekk il-ġuriżdizzjoni tal-Kummissjoni tkun limitata biss għal tranżazzjonijiet potenzjalment problematiċi. Din ir-relazzjoni bejn it-tfassil tas-sistema proċedurali u l-ambitu tal-ġuriżdizzjoni ta’ spiss issemmiet fit-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika.

3.2.2.     Is-sistema proposta: sistema ta' trasparenza "fil-mira"

45.         Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, sistema ta' trasparenza alternattiva “fil-mira” tista’ tkun l-aktar xierqa biex jiġu trattati l-akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji. Il-Kummissjoni tqis li sistema bħal din tkun konformi mat-tliet prinċipji spjegati hawn fuq. Dan jippermetti li t-tranżazzjonijiet potenzjalment problematiċi jkunu fil-mira mill-bidu, jiġifieri permezz tal-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet li joħolqu "rabta sinifikattiva kompetittiva”, u dan jiżgura li t-tranżazzjonijiet għalhekk identifikati jistgħu jiġu effettivament ikkontrollati mill-Kummissjoni, anki mingħajr il-ħtieġa ta’ obbligu ta’ notifika sħiħa.

46.         Fid-dawl tat-teoriji tal-ħsara diskussi hawn fuq, “rabta sinifikattiva kompetittiva” tinħoloq fejn hemm relazzjoni kompetittiva prima facie bejn l-akkwirent u l-attivitajiet fil-mira, jew minħabba li huma attivi fl-istess swieq jew setturi jew huma attivi fi swieq relatati b'mod vertikali. Fil-prinċipju, is-sistema tinbeda biss meta l-parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji u d-drittijiet marbuta magħhom jippermettu lill-akkwirent li jinfluwenza materjalment il-politika kummerċjali fil-mira u għalhekk l-imġiba tiegħu fis-suq jew jagħtuh aċċess għal informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Madankollu,’il fuq minn ċertu livell il-parteċipazzjoni azzjonarja nnifisha tista’ tirriżulta f’tibdil fl-inċentivi finanzjarji tal-akkwirent b’mod li l-akkwirent jaġġusta l-imġiba tiegħu fis-suq, jiġifieri irrispettivament minn jekk ikollux influwenza materjali fuq il-mira. Akkwiżizzjonijiet ta’ “rabta sinifikattiva kompetittiva” biss jeħtieġu s-sottomissjoni ta’ avviż ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni.

47.         Biex il-partijiet ikollhom ċertezza tad-dritt, tranżazzjoni li tissodisfa l-kriterji kumulattivi li ġejjin biss taqa' fid-definizzjoni ta’ “rabta sinifikattiva kompetittiva”:

-   akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji f’kompetitur jew kumpanija relatata b'mod vertikali (jiġifieri jeħtieġ li jkun hemm relazzjoni kompetittiva bejn l-akkwirent u l-mira); kif ukoll

-   ir-rabta kompetittiva titqies bħala sinifikanti jekk il-parteċipazzjoni azzjonarja tkun (1) madwar 20 %[37] jew (2) bejn 5 % u madwar 20 %, iżda akkumpanjata minn fatturi oħrajn bħal drittijiet li jagħtu lill-akkwirent “minoranza li timblokka” de facto[38], siġġu fil-bord tad-diretturi, jew aċċess għal informazzjoni kummerċjalment sensittiva tal-mira.

48.         Il-partijiet ikunu meħtieġa li jivvalutaw huma stess jekk tranżazzjoni toħloqx "rabta sinifikattiva kompetittiva”, u jekk ikun il-każ, jibagħtu avviż ta’ informazzjoni. F’każ li jiġi ppreżentat avviż ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni mbagħad tiddeċiedi jekk għandhiex tinvestiga t-tranżazzjoni u l-Istati Membri jiddeċiedu jekk jagħmlux talba ta’ rinviju.

3.2.3.     Id-dettalji tal-proċedura

49.         Bis-sistema ta’ trasparenza fil-mira, impriża tkun meħtieġa li tippreżenta avviż ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni jekk tkun qed tipproponi li takkwista parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja li tikkwalifika bħala “rabta sinifikanti kompetittiva". L-avviż ta’ informazzjoni jinkludi informazzjoni dwar il-partijiet, id-dħul tagħhom, deskrizzjoni tat-tranżazzjoni, il-livell ta’ parteċipazzjoni azzjonarja qabel u wara t-tranżazzjoni, xi drittijiet marbuta mal-parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja u xi informazzjoni limitata dwar is-sehem tas-suq. Kif stabbilit hawn fuq, il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk aktar investigazzjoni tat-tranżazzjoni tkunx iġġustifikata u l-Istati Membri jikkunsidraw jekk għandhomx jitolbu rinviju fuq il-bażi ta’ dan l-avviż ta’ informazzjoni. Il-partijiet ikunu meħtieġa li jippreżentaw notifika sħiħa biss jekk il-Kummissjoni tkun iddeċidiet li tibda investigazzjoni u l-Kummissjoni toħroġ deċiżjoni biss jekk tkun bdiet investigazzjoni. Biex il-partijiet jiġu pprovduti b’ċertezza tad-dritt, huma għandhom ukoll ikunu jistgħu jippreżentaw notifika sħiħa b’mod volontarju.

50.         Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll li tipproponi perjodu ta’ stennija ladarba avviż ta’ informazzjoni jkun ġie sottomess, li matulu l-partijiet ma jkunux jistgħu jagħlqu t-tranżazzjoni u li matulu l-Istati Membri jridu jiddeċiedu dwar jekk għandhomx jitolbu rinviju. Dan il-perjodu ta’ stennija jista’ pereżempju jdum 15-il jum ta’ xogħol. Dan jallinjah ukoll mal-iskadenza skont l-Artikolu 9 għal rinviju ta' Stat Membru wara talba ta’ notifika sħiħa. Sistema bħal din tiżgura li t-transazzjonijiet li jgħaddu lill-Istati Membri għadhom mhumiex implimentati u jistgħu jiġu mmaniġġati mill-Istati Membri taħt il-proċedura normali tagħhom, minħabba li dawn jistgħu jipprevedu obbligu ta’ waqfien u ma jkunux mgħammra biex jittrattaw tranżazzjonijiet ikkompletati. B'mod iktar ġenerali, is-sistema ta' riferiment għandha tassigura li l-livell eżistenti ta' protezzjoni provdut mis-sistemi nazzjonali ta' fużjoni li diġà qed jaqbdu ishma minoritarji li ma jikkontrollawx, tinżamm, u li l-lakuni ta' infurzar ikunu evitati.

51.         Il-Kummissjoni tixtieq ukoll tkun ħielsa li tinvestiga tranżazzjoni, kemm jekk tkun diġà ġiet implimentata, fil-perjodu ta’ żmien limitat wara l-avviż ta’ informazzjoni u kemm jekk le. Perjodu bħal dan jista’ jkun minn erba' sa sitt xhur, u dan jippermetti lill-komunità tan-negozju biex tressaq l-ilmenti. Dan inaqqas ukoll ir-riskju li l-Kummissjoni tibda investigazzjoni fuq bażi prekawzjonali matul il-perjodu inizjali ta’ stennija.

52.         F’każ li l-Kummissjoni tibda investigazzjoni ta’ tranżazzjoni li kienet diġà implimentata (kompletament jew parzjalment), għandu jkollha s-setgħa li toħroġ miżuri interim sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta’ deċiżjoni skont l-Artikoli 6 u 8 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Tali setgħa tista’ pereżempju tieħu l-forma ta’ ordni ta' digriet separat.[39]

3.2.4.     L-ambitu tal-valutazzjoni bir-Regolament dwar l-Għaqdiet u r-relazzjoni mal-Artikolu 101 TFUE

53.         Kull ftehim li jkun sar bejn l-akkwirent ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji u l-mira jibqgħu soġġetti għal valutazzjoni skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE, sakemm dawn jikkostitwixxu “restrizzjonijiet anċillari”. Restrizzjonijiet anċillari biss, jiġifieri "restrizzjonijiet direttament relatati u neċessarji għall-implimentazzjoni” tal-akkwiżizzjoni tal-parteċipazzjoni azzjonarja,[40] jitqiesu bħala koperti mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni u għalhekk ma jaqgħux taħt l-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 TFUE.

54.         Madankollu, skont il-prassi bħalissa għall-akkwiżizzjonijiet ta’ kontroll, il-ftehimiet bejn l-akkwirent tal-parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja u l-mira jiġu kkunsidrati matul il-valutazzjoni sostantiva ta’ tranżazzjoni skont ir-regoli ta’ kontroll dwar il-fużjonijiet. Dan għaliex dawn huma rilevanti għall-kundizzjonijiet tas-suq attwali u futuri (pereżempju, l-eżistenza ta’ kuntratti fit-tul) li l-Kummissjoni tqis bħala parti mill-valutazzjoni sostantiva tagħha.[41]

3.3.        Konklużjoni dwar ir-rieżami ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji

55.         Il-Kummissjoni bħalissa ma għandhiex għodod xierqa biex jiġu ttrattati l-akkwiżizzjonijiet ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji antikompetittivi. Sistema ta’ trasparenza fil-mira jidher li hija xierqa biex jiġu identifikati tali tranżazzjonijiet u biex tiġi evitata ħsara lill-konsumatur li tirriżulta minnhom u tkun konformi mat-tliet prinċipji deskritti fil-paragrafu42.

56.         L-ewwel nett, it-tranżazzjonijiet potenzjalment ta’ ħsara x’aktarx li jiġu identifikati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri filwaqt li tranżazzjonijiet ta’ ħsara, bħal dawk li jkunu saru għal skopijiet ta’ investiment biss, ma jiġux identifikati.

57.         It-tieni, sistema ta’ trasparenza fil-mira tillimita l-piż amministrattiv fuq in-negozji, minħabba li l-Kummissjoni tkun teħtieġ biss li jiġu infurmati għadd limitat ta’ każijiet, jiġifieri dawk li joħolqu "rabta sinifikattiva kompetittiva”. Il-partijiet ikunu meħtieġa biss li jipprovdu lill-Kummissjoni b’ammont limitat ta’ informazzjoni dwar tranżazzjonijiet bħal dawn permezz ta’ avviż ta' informazzjoni, li warajh il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi dwar jekk għandhiex tressaq talba għal notifika sħiħa.

58.         Fl-aħħar nett, is-sistema ta' trasparenza fil-mira tkun taqbel ma’ reġimi ta’ kontroll għall-fużjonijiet attwalment fis-seħħ kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali. L-avviż ta’ informazzjoni jintbagħat lejn l-Istati Membri biex jiġu infurmati dwar l-akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji, li jippermettilhom li jitolbu rinviju f’dak l-istadju. B’kuntrast ma' dan, is-sistema ta' awtovalutazzjoni tkun aktar diffiċli li taqbel mar-reġimi ta’ Stat Membru, billi jkun hemm inċertezza dwar jekk il-Kummissjoni tkunx se tinvestiga t-tranżazzjoni.

4.           Każijiet ta' rinviju

4.1.        Objettivi u prinċipji ta’ gwida għal każijiet ta' rinviju

59.         Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet stabbilixxa sistema ta' “punt uniku ta’ servizz”, li permezz tiegħu konċentrazzjonijiet b’dimensjoni tal-Unjoni Ewropea (kif definit mil-limitu ta' fatturat stabbilit fl-Artikolu 1) jiġu rieżaminati biss mill-Kummissjoni, biex b’hekk jiġu evitati l-proċeduri ta’ rieżami multipli fil-livell tal-Istati Membri. Filwaqt li limiti tal-fatturat iservu ta’ “kriterju ta' linja ċara” għal jekk fużjoni jkollhiex dimensjoni Ewropea jew transfruntiera, ir-Regolament dwar l-Għaqdiet jippermetti wkoll għal każijiet ta' rinviju mill-Kummissjoni lejn wieħed jew aktar Stati Membri jew viċi versa. Dan il-mekkaniżmu, li sar aktar effettiv bir-riforma tal-2004, jippermetti li każ jiġ rieżaminat mill-awtorità l-aktar xierqa jekk ma jkunx diġà ġie allokat lil dik l-awtorità billi jiġu applikati l-limiti tal-fatturat kemm qabel u wara li awtorità kompetenti tkun ġiet notifikata bit-tranżazzjoni.

60.         Ir-rapport tal-2009 lill-Kunsill deskritt hawn fuq ikkonkluda li, b’mod ġenerali, il-limiti tal-fatturat u r-regoli dwar każijiet ta' rinviju stabbiliti fir-Regolament dwar l-Għaqdiet ħadmu tajjeb. Kien hemm, madankollu, lok għal titjib, billi numru sinifikanti ta’ każijiet kienu għadhom soġġetti għal rieżamijiet fi tliet Stati Membri jew aktar (240 każ fl-2007).

61.         Din is-sistema ta' rinviju tal-każijiet tista’ tittejjeb biex jintlaħaq aħjar l-iskop li l-bażi jkunu r-riżultati tal-kriterji tal-fatturat meta jkun meħtieġ. Hemm speċjalment lok għal titjib fir-rigward ta’ rinviju mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, kemm qabel u wara n-notifika.

62.         L-esperjenza wriet li l-proċess attwali għal rinviju ta’ qabel in-notifika mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(5) mill-partijiet notifikanti għandu tendenza li jkun diffiċli u jieħu ħafna ħin.[42] Dan huwa minħabba li l-ewwel jinvolvi l-preżentata ta’ “sottomissjoni motivata” għal talba ta' rinviju l-ewwel istanza, u notifika sussegwenti ladarba r-rinviju jkun ġie approvat. Għal din ir-raġuni, partijiet li setgħu ma jkunux għażlu li jagħmlu talba għal rinviju f’xi każijiet setgħu kienu jkunu kandidati tajba għal rinviju lill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ssuġġeriet is-simplifikazzjoni tar-rinviju tal-Artikolu 4(5) billi titneħħa l-proċedura attwali f’żewġ fażijiet.

63.         Barra minn hekk, ir-regoli attwali għal talbiet għal rinviju ta' wara n-notifika mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 jagħti biss il-ġuriżdizzjoni tal-Kummissjoni għall-Istati Membri li għamlu jew ingħaqdu ma' talba ta’ rinviju. F’xi każijiet, dan wassal għal investigazzjonijiet paralleli mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kontra l-prinċipju ta’ punt uniku ta' servizz.[43] Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi s-simplifikazzjoni tat-talbiet għal rinviju tal-Artikolu 22 sabiex tingħata ġuriżdizzjonijiet lill-Kummissjoni fiż-ŻEE kollha f’każijiet ta' rinviju u jiġi implimentat aħjar il-prinċipju ta’ punt uniku ta' servizz.

4.2.        Il-miżuri proposti għal każijiet ta' rinviju

64.         L-għan tal-modifiki proposti għas-sistema ta' rinviju tal-każijiet huwa biex jiġu ffaċilitati l-każijiet ta' rinviju biex is-sistema ssir aktar effikaċi fuq bażi globali, mingħajr ir-riforma fundamentali tal-aspetti tas-sistema.

4.2.1.     L-Artikolu 4(5) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet: rinviju ta' qabel in-notifika mill-Istati Membri lill-Kummissjoni

65.         Minħabba n-numru baxx tat-talbiet tal-Artikolu 4(5) li kienu użaw il-veto minn Stat Membru mill-2004[44], il-Kummissjoni tipproponi li tneħħi l-proċedura attwali f’żewġ stadji (sottomissjoni motivata segwita minn notifika). Din il-bidla tħaffef it-talbiet ta' rinviju tal-Artikolu 4(5) u tagħmilhom aktar effiċjenti, filwaqt li żżomm il-kapaċità ta’ Stati Membri li jagħmlu veto fuq talba fil-każ rari meta jqisu li dan ikun meħtieġ.

66.         Il-partijiet jinnotifikaw it-tranżazzjoni direttament lill-Kummissjoni, kif xieraq. Il-Kummissjoni mbagħad tibgħat in-notifika lill-Istati Membri minnufih, waqt li tagħti dawk l-Istati Membri li huma kompetenti prima facie biex jeżaminaw mill-ġdid it-tranżazzjoni skont il-liġi nazzjonali l-opportunità li jopponu t-talba ta' rinviju fi żmien 15-il jum tax-xogħol. Sakemm Stat Membru kompetenti ma jopponix it-talba, il-Kummissjoni jkollha l-ġuriżdizzjoni li teżamina mill-ġdid it-tranżazzjoni kollha.

67.         F’każ li mill-inqas Stat Membru wieħed kompetenti ma jopponix il-ġuriżdizzjoni tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tirrinunzja l-ġuriżdizzjoni kompletament u l-Istati Membri jżommu l-ġuriżdizzjoni. F’ċirkostanzi bħal dawn, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda diskrezzjoni, u tadotta deċiżjoni li fiha jingħad li m'għadhiex kompetenti. Imbagħad ikun f’idejn il-partijiet li jistabbilixxu f’liema Stati Membri jridu jinnotifikaw.

68.         Biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni tipproponi li tibgħat dokument informattiv inizjali tal-partijiet fil-każ ta’ talba għal allokazzjoni lill-Istati Membri li tavżahom dwar it-tranżazzjoni matul il-kuntatti ta’ qabel in-notifika.

4.2.2.     L-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet: rinviji ta' qabel in-notifika mill-Istati Membri lill-Kummissjoni

1. Huwa propost li l-proċedura skont l-Artikolu 22 tiġi emendata kif ġej:

-   Stat Membru wieħed jew aktar li huma kompetenti biex jeżaminaw tranżazzjoni mill-ġdid skont il-liġi nazzjonali tagħhom jistgħu jitolbu rinviju lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mid-data meta tkun ġiet innotifikata lilhom (jew mgħarrfa lilhom).[45]

-   Il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk taċċettax jew le talba għal rinviju. Pereżempju, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ma taċċettax it-talba jekk it-tranżazzjoni ma għandha l-ebda effetti transfruntiera, f’konformità mal-Artikolu 22(1) l-ewwel subparagrafu tar-Regolament tal-UE dwar l-fużjonijiet. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk taċċettax rinviju, ikollha ġuriżdizzjoni għaż-ŻEE kollha.

-   Madankollu, jekk Stat Membru kompetenti wieħed (jew aktar) jkun oppona r-rinviju, il-Kummissjoni tirrinunzja l-ġuriżdizzjoni għaż-ŻEE kollha, u l-Istati Membri jżommu l-ġuriżdizzjoni tagħhom. L-Istat Membru ma jkollux għalfejn jagħti r-raġunijiet għall-oppożizzjoni tar-rinviju.

70.         Biex il-proposta msemmija hawn fuq taħdem, jeħtieġ li jiġu indirizzati żewġ mistoqsijiet. L-ewwel nett, tista' tinqala' problema ta’ ħin jekk it-talba għar-rinviju ssir wara Stat Membru ieħor ikun diġà approva t-tranżazzjoni fit-territorju tiegħu. F’dan il-każ il-Kummissjoni ma jkunx għad jista’ jkollha ġuriżdizzjoni madwar iż-ŻEE kollha. It-tieni, Stati Membri oħra jista' ma jkollhomx biżżejjed informazzjoni biex jiġi vverifikat jekk dawn humiex kompetenti u jkollhomx id-dritt li jopponu għar-rinviju, jew jekk kinux kompetenti, biex jagħmlu għażla infurmata jekk jużawx veto għar-rinviju jew le minħabba li dawn jistgħu ma jkunux għadhom irċevew notifika.

71.         Biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet sa fejn hu possibbli, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jiċċirkolaw avviżi ta’ informazzjoni bikrija għal każijiet transfruntiera jew multiġuriżdizzjonali jew każijiet li jikkonċernaw swieq li huma prima facie usa’ minn dawk nazzjonali mill-aktar fis possibbli wara li Stat Membru jirċievi n-notifika jew b’xi mod isir jaf bit-tranżazzjoni. L-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni tindika f’dan l-avviż jekk hux qed tikkunsidra tagħmel talba ta’ rinviju. F’dak il-każ, l-avviż iwassal għal sospensjoni tal-iskadenzi nazzjonali tal-Istati Membri kollha li huma wkoll jkun qed jinvestigaw il-każ. Alternattivament, jekk il-Kummissjoni stess tikkunsidra li hija tista’ tkun l-aktar awtorità xierqa għandha tistieden lill-Istat Membru biex jagħmel talba għal rinviju skont l-Artikolu 22(5), u tali stedina tissospendi bl-istess mod l-iskadenzi nazzjonali kollha.

72.         Tali soluzzjoni proċedurali għandha tnaqqas ir-riskju li Awtorità Nazzjonali tal-Kompetizzjoni tagħmel talba għal rinviju lill-Kummissjoni meta Awtorità Nazzjonali tal-Kompetizzjoni oħra tkun diġà ħarġet deċiżjoni ta’ approvazzjoni tat-tranżazzjoni. Madankollu, fil-każ improbabbli li Stat Membru jkun adotta deċiżjoni ta’ approvazzjoni qabel ma saret talba ta’ rinviju, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tibqa' fis-seħħ u l-każ jiġi riferut mill-Istati Membri li fadal biss.

73.         Iċ-ċirkolazzjoni ta’ avviż ta’ informazzjoni bħal dan jista’ wkoll jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji kollha involuti fil-proċess ta’ rieżami u jrawwem il-konverġenza, anki jekk rinviju lill-Kummissjoni ma jsirx.

4.2.3.     L-Artikolu 4(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet: rinviju ta' qabel in-notifika mill-Kummissjoni lill-Istati Membri

74.         Il-Kummissjoni tipproponi li tiċċara l-limiti sostantivi għar-rinviji ta' qabel in-notifika mill-Kummissjoni lil Stat Membru skont l-Artikolu 4(4).

75.         Biex tinkoraġġixxi l-użu ta’ dik id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li tadatta l-kriterju sostantiv fl-Artikolu 4(4) biex il-partijiet ma jkunux aktar mitluba sabiex isostnu li t-tranżazzjoni tista’ “taffettwa b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni f’suq” sabiex każ jikkwalifika għal rinviju. Jintwera li t-tranżazzjoni li x’aktarx ikollha l-impatt prinċipali tagħha f’suq distint fl-Istat Membru inkwistjoni tkun biżżejjed. It-tneħħija tal-“element ta’ awtoinkriminazzjoni” maħsub jista’ jwassal għal żieda fin-numru ta’ talbiet tal-Artikolu 4(4).

5.           Mixxellanji

76.         Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni temmen li hemm lok għal titjib u l-allinjament ta' ċerti dispożizzjonijiet ulterjuri tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġu ssimplifikati l-proċeduri. Fil-kuntest tal-kontroll tal-fużjonijiet, il-Kummissjoni dejjem fittxet li tillimita l-piż amministrattiv fuq l-impriżi għal minimu. F’Diċembru 2013, il-Kummissjoni ħadet pass ewlieni lejn il-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE biex isiru aktar effiċjenti mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament dwar l-Għaqdiet nnifsu permezz tal-adozzjoni ta’ Pakkett ta’ Simplifikazzjoni.[46] Dan il-pakkett ta’ miżuri ressaq b’mod sinifikanti aktar każijiet ta’ fużjonijiet taħt l-hekk imsejħa proċedura simplifikata għal fużjonijiet mhux problematiċi u ssimplifika l-forom kollha preskritti għal fużjonijiet tan-notifika lill-Kummissjoni, li jwasslu għal tnaqqis nett sostanzjali fir-rekwiżiti ta’ informazzjoni.

77.         Aktar allinjament u simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ fużjonijiet tal-UE, lil hinn mill-kisbiet tal-Pakkett ta’ Simplifikazzjoni tal-2013, u titjib għal ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jeħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament dwar l-Għaqdiet innifsu. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-White Paper tiddiskuti dawn il-proposti fid-dettall, iżda żewġ punti huma msemmija hawn:

-   Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet jista’ jiġi emendat sabiex il-ħolqien ta’ impriża konġunta b'funzjoni sħiħa tidentifikata u li topera barra ż-ŻEE (u li ma jkollha l-ebda impatt fuq is-swieq fiż-ŻEE) tkun taqa' barra l-ambitu tagħha. Għalhekk, tali impriżi konġunti ma għandhomx għalfejn jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni, anki jekk il-limiti tal-fatturat tal-Artikolu 1 jkunu ssodisfati.

-   Għal aktar simplifikazzjoni tal-proċeduri dwar l-fużjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tingħata s-setgħa li teżenta ċerti kategoriji ta’ tranżazzjonijiet li normalment ma tqajjem l-ebda tħassib dwar il-kompetizzjoni (bħal dawk it-tranżazzjonijiet li ma jinvolvu l-ebda relazzjonijiet orizzontali jew vertikali bejn l-impriżi li qed jingħaqdu u bħalissa huma trattati taħt proċedura ssimplifikata) minn notifika minn qabel. Każijiet bħal dawn jistgħu jkunu soġġetti għal proċedura simili għas-“sistema ta’ trasparenza fil-mira” prevista hawn fuq fir-rigward tal-akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji.

6.           Konklużjoni

78.         B’mod ġenerali, ir-Regolament dwar l-Għaqdiet rieżaminat adottat fl-2004 jipprovdi qafas tajjeb biex tiġi protetta l-kompetizzjoni b’mod effettiv, u b’hekk il-konsumaturi, minn effetti antikompetittivi ta’ fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet fis-suq intern. Il-qafas jipprovdi għal tali protezzjoni, filwaqt li l-maġġoranza l-kbira ta’ tranżazzjonijiet mhux problematiċi biex jiġu approvati malajr. L-introduzzjoni ta’ kriterju għal tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fl-2004 għen ukoll lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid l-effetti li mhumiex ikkoordinati ta’ tranżazzjonijiet fejn l-entità li qed tingħaqad ma tkunx f'pożizzjoni dominanti. Fl-aħħar nett, titjib fis-sistema tal-każijiet ta' rinviju kkontribwixxew b’mod sinifikanti għall-allokazzjoni ta' każijiet lill-awtorità l-aktar xierqa.

79.         Madankollu, kif stabbilit hawn fuq, għad hemm lok għal aktar titjib tal-kontroll tal-UE tal-fużjonijiet.[47] B’mod partikolari, din il-White Paper tipproponi li tespandi l-ġuriżdizzjoni tal-Kummissjoni biex tinkludi rieżami tal-effetti antikompetittivi potenzjali li jirriżultaw minn akkwiżizzjonijiet ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji bl-użu ta’ sistema ta’ trasparenza mhux intrużiva u fil-mira, u li s-sistema tal-każijiet ta' rinviju ssir aktar effiċjenti u effettiva billi tissimplifika l-proċedura tal-Artikolu 4(5) u temenda l-Artikolu 22 biex issaħħaħ l-osservanza tal-prinċipju punt uniku ta' servizz.

Il-Kummissjoni titlob kummenti dwar il-White Paper. Il-Kummissjoni b’mod partikolari se titlob kummenti dwar il-proposti u l-kwistjonijiet imqajma fil-White Paper u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-White Paper. Dawn jistgħu jintbagħtu, sal-Ġimgħa 3 ta’ Ottubru 2014, kemm permezz tal-posta elettronika lil:

comp-merger-registry@ec.europa.eu

jew inkella bil-posta lil:

European Commission Directorate-General for Competition, Unit A-2 White Paper "Towards more effective EU merger control" B-1049 Brussel/Bruxelles.

Hija prattika normali għad-DĠ Kompetizzjoni li jippubblika s-sottimissjonijiet li jkunu waslu bi tweġiba għal konsultazzjoni pubblika. Madankollu huwa possibli li jintalab li s-sottomissjonijiet jew partijiet minnhom jinżammu kunfidenzjali. Jekk dan ikun il-każ, indika b'mod ċar fil-paġna ta' quddiem tas-sottomissjoni li din ma għandhiex tiġi ppubblikata u ibgħat ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni tiegħek lid-DĠ Kompetizzjoni għall-pubblikazzjoni.

[1]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1). Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet attwali huwa r-riżultat ta’ riformulazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill oriġinali (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 395, 30.12.1989, p. 1).

[2]               Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-UE”, SWD(2013) 239 finali (minn hawn ’il quddiem “id-Dokument ta’ Diskussjoni”) u l-kummenti li waslu, jinsabu fuq: http://ec.europa.eu/competition/consultations/2013_merger_control.

[3]               Ara l-Artikolu 2(2) u 2(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

[4]               Ara l-Premessa 25 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

[5]               Hemm diversi eżempji riċenti ta’ każijiet fejn firxa ta’ analiżi ekonomika sofistikata ntużat sabiex jiġi vvalutat l-eżistenza ta’ tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva bħal: COMP/M.6570 – UPS/TNT Express, deċiżjoni tat-30 ta' Jannar 2013; COMP/M.6458 – Universal Music Group/EMI Music, deċiżjoni tal-21 ta' Settembru 2012; COMP/M.6471 – Outokumpu/Inoxum, deċiżjoni tas-7 ta' Novembru 2012; jew COMP/M.6663 – Ryanair/Aer Lingus, deċiżjoni tas-27 ta' Frar 2013.

[6]               Pereżempju COMP/M.4980 – ABF/GBI Business, deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Settembru 2008.

[7]               Bħal f’COMP/M.4942 – Nokia/NAVTEQ, deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2008, jew COMP/M.4854 – Tom Tom/TeleAtlas, deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2008.

[8]               Pereżempju COMP/M.5984 – Intel/McAfee, deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2011.

[9]               COMP/M.6203 – Western Digital/Hitachi, deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2011, il-premessa 1038.

[10]             Linji Gwida tal-Kummissjoni fuq il-valutazzjoni tal-amalgamazzjonijiet orizzontali skont ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU C 31, 5.2.2004, p. 5).

[11]             Linji Gwida tal-Kummissjoni fuq il-valutazzjoni tal-amalgamazzjonijiet mhux orizzontali skont ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU C 265, 18.10.2008, p. 6).

[12]             Il-Linji Gwida kienu wkoll msemmija mill-qrati tal-UE bħala punt referenzjarju għar-rieżami tal-legalità sostanzjali tal-analiżi tal-Kummissjoni tal-fużjonijiet, ara pereżempju l-Kawża T-282/06 Sun Chemical e.a. vs il-Kummissjoni, [2007] Ġabra II-2149.

[13]             COMP/M.6570 – UPS/TNT Express, deċiżjoni tat-30 ta' Jannar 2013.

[14]             COMP/M.6360 — Nynas/Harburg, deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Settembru 2013.

[15]             COMP/M.5984 – Intel/McAfee, deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2011.

[16]             Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (ĠU C 267, 22.10.2008, p. 1).

[17]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, Rapport dwar il-funzjonament tar-Regolament Nru 139/2004, tat-18 ta’ Ġunju 2009, COM(200) 281 finali, akkumpanjata mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SEC(200) 808 finali/2.

[18]             Pereżempju, fl-2013 il-Ġermanja ssostitwiet il-kriterju ta' dominanza preċedenti bil-kriterju għat-tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) u 2(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

[19]             Ara l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Amalgamazzjonijiet tal-UE, Best Practices on Cooperation between EU National Competition Authorities in Merger Review, 8 ta’ Novembru 2011.

[20]             Għalkemm interventi bħal dawn huma rari b’mod ġenerali, eżempji ta’ Stati Membri fejn jeżisti dan ir-reġim huma Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit.

[21]             Ara l-Premessa 14 tar-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet li jenfasizza l-kooperazzjoni u jittratta r-rinviju u l-kompetenza.

[22]             Mario Monti, Strateġija Ġdida għas-Suq Uniku għas-Servizz tal-Ekonomija u s-Soċjetà tal-Ewropa, Rapport lill-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso, id-9 ta’ Mejju 2010. Ara wkoll aktar reċentement l-Autorité de la concurrence, Rapport au Ministre de l’économie et des Finances. Pour un contrôle plus simple, cohérent et stratégique en Europe, is-16 ta’ Diċembru 2013.

[23]             Ir-rieżami preżenti hija mingħajr preġudizzju għal aktar titjib tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

[24]             Ara Anness I għad-Dokument ta’ Diskussjoni.

[25]             Ara l-paragrafu 8 tal-Linji Gwida dwar l-Amalgamazzjonijiet Orizzontali u l-paragrafu 10 tal-Linji Gwida dwar l-Amalgamazzjonijiet Mhux Orizzontali.

[26]             COMP/M.3653 – Siemens/VA Tech, deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2005.

[27]             http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/decisions/m3653_20050713_20600_en.pdf.

[28]             Il-Każ COMP/M.4439 – Ryanair/Aer Lingus I, deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ġunju 2007, ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-411/07 Aer Lingus vs il-Kummissjoni [2010] Ġabra II-3691. Ara wkoll il-Każ COMP/M.6663 – Ryanair/Aer Lingus III, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Frar 2013, fejn il-Kummissjoni ddikjarat proġett ieħor ta’ akkwiżizzjoni ta’ kontroll minn Ryanair fuq Aer Lingus li huwa inkompatibbli mas-suq intern.

[29]             Rapport finali tat-28 ta' Awwissi 2013, http://www.competition-commission.org.uk/assets/competition commission/docs/2012/ryanair-aer-lingus/130828_ryanair_final_report.pdf. Ryanair appellat id-deċiżjoni iżda Competition Appeal Tribunal ċaħad l-appell fis-7 ta’ Marzu 2014.

[30]             COMP/M.4153 – Toshiba/Westinghouse, deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Settembru 2006.

[31]             Ara pereżempju l-Każ COMP. M.1673 - VEBA/VIAG, deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ġunju 2000.

[32]             Ara l-Anness I għad-Dokument ta’ Diskussjoni.

[33]             COMP/M.5406 – IPIC/MAN Ferrostaal, deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2009.

[34]             Ara pereżempju l-parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji reċentament akkwistati minn Telefónica f'Telecom Italia, minn Air France f’Alitalia, mill-Intel f’ASML, manifattur ta’ sistemi ta’ litografija għall-industrija tas-semikondutturi, minn Marine Harvest in Grieg Seafood jew minn VW f'Suzuki. Rigward il-parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji f’relazzjonijiet vertikali, eżempji jinkludu 10 % tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji ta' Nestlé f’Givaudan (li dan l-aħħar ġiet mibjugħa) jew 15 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ BMW f’SGL Carbon (minbarra 29 % tal-parteċpazzjonijiet azzjonarji tal-familja Quandt/Klatten li għandha sehem kbir fil-manifattur tal-karozzi BMW). Ovvjament, dawn l-eżempji juru biss li parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja bejn il-kompetituri u kumpaniji relatati b'mod vertikali jseħħu, iżda huma msemmija hawnhekk mingħajr preġudizzju dwar jekk kinux joħolqu tħassib fir-rigward tal-kompetizzjoni.

[35]             Ara wkoll il-Kawża T-411/07 Aer Lingus vs Il-Kummissjoni [2010] Ġabra II-3691, b'mod partikolari l-paragrafu 104, u l-Kawża 6/72 Continental Can vs Il-Kummissjoni [1973] Ġabra 216.

[36]             Ara l-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Huwa propost li l-istess limitu ta’ fatturat li attwalment japplika għall-akkwiżizzjonijiet ta’ kontroll japplika ukoll għall-akkwiżizzjonijiet azzjonarji minoritarji nonkontrollanti. Is-sistema ta’ rinviju tapplika bl-istess mod għall-akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji biex tippermetti l-allokazzjoni tal-każijiet għall-awtorità l-aktar xierqa.

[37]             L-OFT stabbilixxa limitu għal 15 % li 'l fuq minnu jista’ jeżamina kull każ (ara OFT, "Mergers- Jurisdictional and procedural guidance”, il-paragrafu 3.20). Dan jista’ jservi wkoll bħala limitu ċar li meta jinqabeż, il-parteċipazzjoni azzjonarja titqies bħala "rabta sinifikattiva kompetittiva”.

[38]             Fil-każ tar-Renju Unit, BSkyB/ITV (2007), tipprovdi eżempju tajjeb ta’ parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja de facto li timblokka (li mhijiex biżżejjed biex tikkwalifika bħala kontroll de facto). Instab li parteċipazzjoni azzjonarja ta' 17,9 % tkun biżżejjed biex tagħti influwenza materjali lil BSkyB fuq ITV fuq il-bażi li din ippermettiet li tinfluwenza t-teħid ta' deċiżjonijiet strateġiċi ta' ITV. Il-każ ġie approvat soġġett għal ċessjoni tal-parteċipazzjoni azzjonarja għal 7,5 %.

[39]             L-obbligu ta' “digriet separat” ikun jeħtieġ li l-assi jiġu delimitati, ikollu jinħatar maniġer ta' digriet separat, eċċ. Dan isegwi prattika simili bħal dik li attwalment isseħħ għal impenji ta' ċessjoni matul il-perjodi ta’ ċessjoni jew il-kundizzjonijiet u l-obbligi skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

[40]             B’estensjoni, tal-parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja tal-Artikolu 6(1)(b) subparagrafu 2, l-Artikolu 8(1) subparagrafu 2 u l-Artikolu 8(2) subparagrafu 3 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

[41]             Ara, pereżempju, il-Każ COMP/M.6541 - Glencore/Xstrata, il-paragrafu 26.

[42]             Ara pereżempju l-paragrafu 19 tar-Rapport tal-2009.

[43]             Pereżempju f'COMP/M.5828 – Procter & Gamble/Sara Lee, deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ġunju 2010.

[44]             Sitta biss minn 261 talba tal-Artikolu 4(5) mill-2004 kienu saru b'veto minn Stat Membru.

[45]             B’kuntrast mas-sistema attwali, huma biss l-Istati Membri li huma kompetenti biex jeżaminaw mill-ġdid it-tranżazzjoni skont il-liġi nazzjonali tagħhom jistgħu jitolbu rinviju.

[46]             Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1269/2013 tal-5 ta’ Diċembru 2013 (ĠU L 336, 14.12.2013, p. 1) u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5, rettifika: ĠU C 11, 15.01.2014, p. 6.

[47]             L-ambitu magħżul għal din il-White Paper hija mingħajr preġudizzju għal evalwazzjonijiet addizzjonali ta' aspetti importanti oħrajn tal-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra suġġetti xierqa għal evalwazzjoni ex-post ta’ ċerti prattiki fil-kontroll tal-fużjonijiet.