KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR OPPORTUNITAJIET GĦALL-EFFIĊJENZA FIR-RIŻORSI FIS-SETTUR TAL-BINI /* COM/2014/0445 final */
OPPORTUNITAJIET
GĦALL-EFFIĊJENZA FIR-RIŻORSI FIS-SETTUR TAL-BINI
1.
INTRODUZZJONI
Il-kostruzzjoni
u l-użu tal-bini fl-UE huma responsabbli għal madwar nofs
il-materjali estratti[1] u l-konsum tal-enerġija[2]
kollha tagħna u madwar terz tal-konsum tal-ilma tagħna[3].
Is-settur jiġġenera wkoll madwar terz tal-iskart kollu[4] u
huwa assoċjat ma' pressjonijiet ambjentali li jinħolqu fi stadji
differenti taċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini, li jinkludu
l-manifattura tal-prodotti tal-kostruzzjoni, il-kostruzzjoni, l-użu u r-rinnovament
tal-bini u l-immaniġġjar tal-iskart tal-bini. L-għanijiet
prinċipali ta' din l-inizjattiva huma li tippromwovi użu aktar
effiċjenti tar-riżorsi kkunsmati minn binjiet kummerċjali, residenzjali
u pubbliċi ġodda u rinnovati u tnaqqas l-impatti ambjentali globali
tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ
tagħhom. L-użu tar-riżorsi huwa determinat f'parti kbira
mid-deċiżjonijiet dwar id-disinn u l-għażliet dwar
il-materjali tal-kostruzzjoni. Sabiex jinkisbu żidiet fl-effiċjenza
tar-riżorsi, id-diżinjaturi, il-manifatturi, il-kuntratturi,
l-awtoritajiet u l-utenti jeħtieġu informazzjoni li tista'
tintuża u affidabbli sabiex tinforma t-teħid
tad-deċiżjonijiet tagħhom. Din l-inizjattiva tindirizza dan
id-defiċit ta' informazzjoni billi tipproponi sett ta' indikaturi definiti
b'mod ċar u miżurabbli, għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni
ambjentali tal-bini.
2.
TNAQQIS FL-UŻU TAR-RIŻORSI FIL-BINI
Il-konsum
tar-riżorsi u l-impatti ambjentali relatati matul iċ-ċiklu
tal-ħajja ta' bini jistgħu jitnaqqsu permezz ta': ·
Promozzjoni ta' disinn
aħjar li jiżen l-użu tar-riżorsi kontra
l-ħtiġijiet u l-funzjonalità tal-bini u jikkunsidra xenarji
għad-dekostruzzjoni; ·
Ippjanar aħjar
tal-proġetti li jassigura użu akbar tar-riżorsi u prodotti
effiċjenti fl-enerġija; ·
Promozzjoni tal-manifattura ta'
prodotti tal-kostruzzjoni aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi
billi, pereżempju, jintużaw materjali riċiklati,
jerġgħu jintużaw materjali eżistenti u billi l-iskart
jintuża bħala karburant; ·
Promozzjoni ta' kostruzzjoni u
rinnovazzjoni aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi billi,
pereżempju, jitnaqqas l-iskart tal-kostruzzjoni u jiġu
riċiklati/jerġgħu jintużaw materjali u prodotti sabiex
jintbagħtu anqas lejn il-miżbla. Ir-riċiklaġġ
jew l-użu mill-ġdid ta' materjali jew saħansitra prodotti
sħaħ huwa dejjem aktar importanti bħala mezz sabiex jittejjeb
l-użu effiċjenti tal-materjali u biex jiġu evitati
l-impatti negattivi assoċjati mal-materjal verġni. Madankollu,
il-bilanċ globali jiddependi b'mod sostanzjali fuq l-eżistenza ta'
sistema ta' riċiklaġġ effiċjenti fuq livell lokali,
reġjonali jew nazzjonali li tippreżenta alternattiva attraenti u
kosteffiċjenti għall-miżbla. L-attrattività tal-alternattivi
tar-riċiklaġġ hija regolata mit-tul tad-distanzi tat-trasport
għas-siti tar-riċiklaġġ, il-kisba tal-livell
meħtieġ ta' purità tal-materjali riċiklati u l-proċessi
tar-riċiklaġġ u l-produzzjoni. Il-konsum tal-enerġija fil-fażi
tal-użu mit-tisħin u t-tidwil huwa kopert minn diversi regolamenti
tal-UE[5][6][7][8].
L-enerġija użata fil-manifattura tal-prodotti tal-kostruzzjoni u
fil-proċess tal-kostruzzjoni għandha wkoll rwol importanti fl-impatt
ambjentali ġenerali ta' bini. Studji juru li bejn 5-10% tal-konsum totali tal-enerġija madwar l-UE huwa
relatat mal-produzzjoni ta' prodotti tal-kostruzzjoni[9].
Barra minn hekk, l-emissjonijiet inkorporati ta' gassijiet serra ta' bini
qegħdin jiżdiedu[10] u jistgħu jinkludu proporzjon sinifikanti
mill-emissjonijiet totali ta' gassijiet serra. Biex l-impatti ambjentali
jiġu indirizzati b'mod effettiv irid jitqies iċ-ċiklu
tal-ħajja sħiħ ta' bini. Inkella, jistgħu jiġu
injorati xi impatti jew jinħolqu problemi addizzjonali f'partijiet
oħra taċ-ċiklu tal-ħajja. Pereżempju, xi
soluzzjonijiet sabiex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika ta' bini
fil-fażi tal-użu jistgħu jagħmlu r-riċiklaġġ
aktar tard aktar diffiċli u għali. Tnaqqis
tal-kostijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja Bini li jkun iddisinjat u
mibni sabiex inaqqas l-impatti ambjentali matul iċ-ċiklu
tal-ħajja joffri benefiċċji ekonomiċi diretti bħal
kostijiet operattivi u ta' manutenzjoni aktar baxxi,[11],[12],[13] deprezzament aktar bil-mod u valur
ogħla tal-assi[14],[15]. Barra minn hekk, hemm ukoll impatti
soċjali pożittivi bħat-titjib fis-saħħa u
l-produttività. Attwalment, il-biċċa l-kbira tal-binjiet
iċċertifikati huma binjiet kummerċjali u pubbliċi ta'
livell għoli (eż. lukandi u
uffiċċji prestiġjużi) minħabba l-kostijiet
amministrattivi u ta' ċertifikazzjoni addizzjonali li pjuttost
għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-benefiċċji aktar fit-tul. Hekk
kif l-għarfien fost id-diżinjaturi, il-fornituri u l-manifatturi
qiegħed jiżdied, il-kostijiet naqsu hekk kif il-katina tal-provvista
qiegħda tadatta għar-rekwiżiti u l-prattiċi ġodda. Fi
Franza, studju minn QUALITEL
ikkonkluda li l-kost żejjed għall-kostruzzjoni ta' bini residenzjali
sostenibbli meta mqabbel ma' bini standard niżel minn 10 % fl-2003
għal inqas minn 1 % illum[16]. Din ix-xejra kienet innotata wkoll
fir-Renju Unit[17]. 3. LEJN APPROĊĊ EWROPEW KOMUNI
GĦALL-VALUTAZZJONI TAL-PRESTAZZJONI AMBJENTALI TAL-BINI Status
attwali Il-Pjan
Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi[18]
ppropona li l-bini għandu jiġi rinnovat u mibni b'effiċjenza
akbar fir-riżorsi li tkun teħtieġ politiki li jħarsu lejn
firxa wiesgħa ta' impatti ambjentali matul iċ-ċiklu
tal-ħajja sħiħ. "L-Istrateġija tal-kompetittività
sostenibbli fis-Settur tal-Kostruzzjoni u tal-Intrapriżi tiegħu"[19]
reġgħet sostniet li l-effiċjenza fir-riżorsi kienet fost
l-isfidi prinċipali li s-settur qiegħed jiffaċċja
fil-perjodu sal-2020. L-istrateġija indikat ukoll li l-Kummissjoni
"se tipproponi approċċi għar-rikonoxximent reċiproku
jew l-armonizzazzjoni tad-diversi metodi ta' valutazzjoni eżistenti, anki
bil-għan li tirrendihom iktar operazzjonali u affordabbli
għall-intrapriżi tal-kostruzzjoni, l-industrija tal-assigurazzjoni u
l-investituri". Filwaqt
li hemm diversi strumenti li għandhom impatt fuq il-bini u l-prodotti
tal-kostruzzjoni bħad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu
tal-Enerġija[20], id-Direttiva dwar l-Effiċjenza
fl-Enerġija[21], ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini[22],
is-Sistema ta' Skambju tal-Emissjonijiet tal-UE[23],
id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali[24], id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart[25]
u d-Direttiva dwar ir-Rimi ta' Skart f'Terraferma[26],
huma jiffukaw fuq riżorsi differenti u partijiet taċ-ċiklu
tal-ħajja u għalissa mhumiex imfassla sabiex jipprovdu
approċċ globali għaċ-ċiklu tal-ħajja. Fuq livell
nazzjonali, numru żgħir ta' Stati Membri qegħdin jippreparaw
politiki marbuta mal-informazzjoni dwar iċ-ċiklu tal-ħajja. Hemm
ir-riskju li l-indikaturi li eventwalment se jiżviluppaw ikunu differenti,
li jwassal għal ambjent kummerċjali kumpless bla bżonn.
Mill-banda l-oħra, l-interess preżenti jista' jitqies bħala
opportunità sabiex jiġu koordinati approċċi nazzjonali
diverġenti, biex tiġi żviluppata dejta komparabbli u biex
tiġi kondiviża l-aħjar prattika. Fi ħdan il-kuntest
tal-Komunikazzjoni dwar il-“kompetittività sostenibbli fis-settur
tal-kostruzzjoni[27] il-Kummissjoni pproponiet li ttejjeb
ir-rikonoxximent reċiproku tal-metodi ta' valutazzjoni ambjentali biex toffri
opportunitajiet ta' negozju addizzjonali lill-intrapriżi żgħar u
medji (SMEs) fis-settur tal-kostruzzjoni. Anki fis-settur
privat, il-prestazzjoni ambjentali tal-bini ħafna drabi ma tiġix
valutata b'mod sinifikanti permezz ta' skemi ta' ċertifikazzjoni
kummerċjali volontarji b'ħafna kriterji. Anqas minn wieħed
fil-mija tal-bini fl-Ewropa huwa ċċertifikat permezz ta' tali skemi[28].
L-adozzjoni hija mxekkla mill-kostijiet preżunti għoljin
taċ-ċertifikazzjoni u wkoll mill-inċertezza dwar jekk hix se
tkun meħtieġa skema ta' valutazzjoni mill-klijent finali u jekk iva,
skont liema skema speċifika. Il-fatt li ma hemm l-ebda komparabbiltà
stabbilita bejn l-iskemi differenti jżid ukoll l-inċertezza u
l-kumplessità għan-negozji. Fil-qosor,
hemm nuqqas ta' dejta, metodi u għodod affidabbli, komparabbli u
affordabbli li bihom l-operaturi fil-katina tal-provvista jistgħu
janalizzaw u jkejlu l-prestazzjoni ambjentali ta' soluzzjonijiet differenti.
Għaldaqstant huwa diffiċli li jittieħdu deċiżjonijiet
sinifikanti rigward ir-riskju fil-katina tal-provvista, l-opportunitajiet
tas-suq u l-prijoritajiet interni ta' investiment. Il-konsumaturi jsofru
min-nuqqas ta' gwida adegwata dwar kif jinkorporaw il-konsiderazzjonijiet
ambjentali fid-deċiżjonijiet tax-xiri tagħhom u dan
jagħmilha diffiċli biex tiġi żviluppata l-fiduċja u
l-kunfidenza fis-suq. Sa 79%
tal-Ewropej intervistati jsostnu li dan ikun fattur importanti fit-teħid
tad-deċiżjonijiet tagħhom, kieku jingħataw l-informazzjoni.[29] Passi
'l quddiem – bżonn ta' dejta oġġettiva u affidabbli Sabiex
il-professjonisti, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u
l-investituri madwar l-UE jkunu jistgħu jużaw aspetti
taċ-ċiklu tal-ħajja, huma jeħtieġu dejta affidabbli,
trasparenti u komparabbli bbażata b'mod empiriku[30],
li min-naħa tagħha trid tkun ibbażata fuq indikaturi ċari
għall-prestazzjoni tal-bini li jgħaqqdu flimkien l-objettivi ta'
rekwiżiti pubbliċi u privati differenti. Filwaqt li skemi nazzjonali u kummerċjali
differenti jista' jkollhom raġunijiet sabiex jiddevjaw daqsxejn l-approċċi
tagħhom (eż. materjali speċifiċi jew konsiderazzjonijiet
klimatiċi), xorta għandu jiġi stabbilit qafas komuni ta' indikaturi
ċentrali, li jiffoka fuq l-aktar aspetti essenzjali tal-impatti
ambjentali. Dan jippermetti l-komparabbiltà u jipprovdi lill-konsumaturi u lil
dawk li jfasslu l-politika aċċess aktar faċli għal
informazzjoni affidabbli u konsistenti. Qafas
uniku b'indikaturi ċentrali se: ·
Jippermetti komunikazzjoni
aktar faċli tal-informazzjoni lill-professjonisti u lil persuni mhux
esperti; ·
Jipprovdi dejta affidabbli u
komparabbli li għandha tintuża f'teħid ta'
deċiżjonijiet li jkopri ċ-ċiklu tal-ħajja
sħiħ tal-bini; ·
Jippermetti l-istabbiliment ta'
objettivi u miri ċari, inkluż limiti tas-sistema,
għall-prestazzjoni tal-bini, li jikkumplimentaw il-leġżlazzjoni
Ewropea diġà eżistenti dwar il-bini[31]; ·
Iżidu l-għarfien dwar
il-benefiċċji tal-bini sostenibbli fost l-atturi involuti
fil-forniment tal-bini, kif ukoll il-klijenti privati u pubbliċi, inklużi l-utenti tal-bini; ·
Jiffaċilita t-trasferiment
effettiv ta' prattiċi tajba minn pajjiż għall-ieħor; ·
Inaqqas il-kost
tal-valutazzjoni effettiva u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali
tal-bini; ·
Jipprovdi lill-awtoritajiet
pubbliċi aċċess għal indikaturi ċentrali u għal
massa kritika ta' dejta rilevanti li fuqhom jistgħu jibbażaw
l-inizjattivi ta' politika tagħhom, inkluż l-Akkwist Pubbliku
Ekoloġiku; ·
Iwessa' s-suq għall-bini
sostenibbli għal aktar pajjiżi milli jindikaw ix-xejriet
preżenti u għal aktar setturi tal-bini bħall-bini mhux
residenzjali u, eventwalment, għas-suq residenzjali. Il-vantaġġi għall-professjonisti
tas-settur tal-bini (inklużi l-SMEs) huma: ·
Il-periti, id-diżinjaturi,
il-manifatturi ta' prodotti tal-kostruzzjoni, il-bennejja, l-iżviluppaturi
u l-investituri se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġi
kompetittivi bbbażati fuq il-prestazzjoni ambjentali; ·
Il-manifatturi ta' prodotti
tal-kostruzzjoni se jkunu meħtieġa jipprovdu biss informazzjoni dwar
il-prodott li tkun meħtieġa għall-valutazzjoni tal-bini b'mod
wieħed, li twassal għal iffrankar fl-ispejjeż[32]; ·
Il-periti u l-bennejja se jkunu
appoġġati permezz ta' informazzjoni usa' f'livell kemm tal-prodotti
kif ukoll tal-bini, bi tnaqqis fl-ispejjeż meta jinkorporaw aspetti
tas-sostenibbiltà[33]; ·
L-iżviluppaturi se jkunu
jistgħu jqabblu aktar faċilment il-prestazzjoni tal-proġetti[34];
L-investituri, is-sidien tal-proprjetà u l-assiguraturi se jkunu
jistgħu jtejbu l-allokazzjoni tal-kapital u jintegraw ir-riskju
ambjentali fid-deċiżjonijiet tagħhom.
Passi 'l quddiem – għażla ta' indikaturi
affidabbli F'kollaborazzjoni mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni se tiżviluppa qafas li jikkonsisti minn indikaturi ċentrali, inklużi l-metodi sottostanti tagħhom, li għandhom jintużaw biex tiġi valutata l-prestazzjoni ambjentali tal-bini matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu. Fuq il-bażi tal-politiki, ir-regolamenti u d-dejta eżistenti[35] fuq livell tal-UE u nazzjonali, u mingħajr ma jiġu mxekkla r-riżultati tal-ħidma futura, dan il-proċess għandu bħala minimu jinvestiga l-oqsma li ġejjin[36]: L-użu totali tal-enerġija, inkluża l-enerġija operazzjonali[37] (fuq il-bażi tal-leġislazzjoni eżistenti) u l-enerġija inkorporata tal-prodotti u l-proċessi tal-kostruzzjoni · L-użu tal-materjali u l-impatti ambjentali inkorporati[38] · Id-durabilità tal-prodotti tal-kostruzzjoni · Id-disinn għad-dekostruzzjoni · L-immaniġġjar tal-iskart tal-kostruzzjoni kif ukoll tat-twaqqigħ (CDW) · Il-kontenut riċiklat fil-materjali tal-kostruzzjoni · Il-kapaċità ta' riċiklaġġ u użu mill-ġdid tal-materjali u l-prodotti tal-kostruzzjoni · L-ilma użat mill-bini[39] · L-intensità tal-użu ta' bini (prinċipalment pubbliku) (eż. funzjonalità flessibbli għal utenti differenti matul ħinijiet differenti tal-ġurnata)[40] Il-kumdità fuq ġewwa Meta
jitqiesu l-firxa wiesgħa ta' bini fl-UE kif ukoll id-differenzi
fil-kostruzzjoni ta' bini ġdid jew ir-rinnovament ta' bini eżistenti,
il-qafas mhux se jkopri l-aspetti kollha tal-prestazzjoni ambjentali, iżda
jinkludi l-indikaturi li wara l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati kienu
identifikati bħala dawk bl-akbar impatt ambjentali fl-UE. Passi
'l quddiem – żvilupp tal-qafas Il-qafas
bl-indikaturi ċentrali u l-metodi sottostanti tagħhom għandu
wkoll: ·
Jippreżenta gwida dwar
l-implimentazzjoni tiegħu, b'mod partikolari rekwiżiti
għall-kwalità u l-affidabbiltà tad-dejta, li jinkoraġġixxu
l-verifika minn partijiet terzi; ·
Jinkludi l-gwida
neċessarja għall-użu tal-indikaturi; ·
Jissuġġerixxi
parametri referenzjarji rilevanti tal-prestazzjoni tal-bini, lil hinn
mill-effiċjenza enerġetika; ·
Jaħseb
għat-traduzzjoni tal-indikaturi tekniċi f'informazzjoni utli
għall-komunità finanzjarja kull fejn ikun neċessarju. Il-qafas
irid ikun flessibbli sabiex ikun jista' jiġi integrat fl-iskemi ta'
valutazzjoni eżistenti u ġodda, jew jintuża waħdu.
Għandu jkun rigoruż biżżejjed li jixpruna t-titjib
fil-prestazzjoni u jippermetti t-tqabbil bejn il-bini. Il-qafas
bl-indikaturi ċentrali, u l-ġbir u l-kondiviżjoni effettivi
tad-dejta, se jiġu maqbula f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati u
l-Istati Membri. Il-proċess se jieħu madwar sentejn b'perjodi ta'
konsultazzjoni mal-partijiet interessati sabiex tiġi assigurata
parteċipazzjoni xierqa. Se jkun ibbażat parzjalment fuq ħidma
eżistenti, bħall-istandard tekniku EN15978[41]
kif ukoll skemi ta' ċertifikazzjoni kummerċjali volontarji
eżistenti għall-bini, fosthom il-ħidma tal-Alleanza għal
Bini Sostenibbli[42] iżda wkoll fuq proġetti ta' riċerka
rilevanti[43] u żviluppi fuq livell internazzjonali. L-intenzjoni
hija li l-qafas ikun liberu biex jintuża fit-teħid
tad-deċiżjonijiet fi stadji differenti, iżda wkoll li
jintuża fl-istabbiliment tal-politika f'diversi livelli. Għalhekk,
il-qafas għandu jippermetti li: ·
Jiġi inkorporat bħala
modulu fl-iskemi ta' valutazzjoni flimkien mas-settijiet akbar ta' indikaturi
tagħhom; jew ·
Jintuża waħdu,
bħala soluzzjoni affordabbli għall-ewwel għal bini mhux
residenzjali u aktar tard minn bini residenzjali, ladarba tkun inkisbet
l-esperjenza. 4.
LEJN SUQ LI JIFFUNZJONA AĦJAR GĦALL-MATERJALI TAL-KOSTRUZZJONI
RIĊIKLATI Fi
ħdan il-qafas, se tingħata attenzjoni speċjali sabiex
jiżdied l-użu tal-materjali riċiklati u jitnaqqas l-iskart
tal-kostruzzjoni u tat-twaqqigħ (CDW). Is-CDW jirrappreżenta terz
tal-iskart totali ġġenerat fl-UE[44].
Maġġoranza kbira tas-CDW huwa riċiklabbli iżda
bl-eċċezzjoni ta' ftit Stati Membri li jirriċiklaw sa 90%,
l-irkupru medju għall-UE27 huwa ftit inqas minn 50%[45][46]. Ir-riċiklaġġ
tas-CDW jista' jwassal għal benefiċċji sinifikanti
għar-riżorsi u l-ambjent. Pereżempju, il-metalli jaraw tnaqqis
globali fl-impatt ta' aktar minn 90% għall-aluminju u r-ram u ta' madwar
15% għall-azzar illigat b'mod ħafif[47].
Il-konkrit huwa l-aktar materjal użat fil-bini u
r-riċiklaġġ tiegħu jnaqqas it-tnaqqis tar-riżorsi
naturali u r-rimi ta' skart fil-miżbliet. Il-konkrit ħafna drabi
jista' jiġi riċiklat f'siti ta' twaqqigħ jew kostruzzjoni qrib
żoni urbani fejn jerġa' jintuża u b'hekk inaqqas id-domanda
għat-trasport b'iffrankar fl-ispejjeż u l-emissjonijiet relatati[48].
Ir-riċiklaġġ
jippermetti ffrankar ukoll għal materjali oħra.
Għall-ħġieġ ċatt (użat għat-twieqi,
eċċ.), tunnellata ta' materjal riċiklat tirriżulta
f'iffrankar ta' 1200 kg ta' materjal verġni, 25% ta' enerġija u 300
kg ta' emissjonijiet tas-CO2 (direttament marbuta mal-proċess
tat-tidwib)[49]. Hemm iffrankar simili f'termini ta' enerġija
u emissjonijiet tas-CO2 għall-ħġieġ
riċiklat f'forma ta' fibri[50]. Għall-fibra tal-ġebla, il-kisbiet
jistgħu jkunu ta' madwar 5% fir-rigward tal-konsum tal-enerġija u
l-emissjonijiet relatati[51]. Fir-rigward tal-ġibs, il-valutazzjonijiet
taċ-ċiklu tal-ħajja wrew tnaqqis tipiku ta' madwar 4-5%
fil-potenzjal ta' tisħin globali, tossiċità umana u ewtrofikazzjoni
meta tiġi prodotta tavla b'25% ta' kontenut riċiklat meta mqabbel
mal-użu biss ta' materjal verġni[52].
Apparti
mill-benefiċċji ambjentali, jista' jkun hemm opportunitajiet
ekonomiċi għall-manifatturi meta jużaw materjal riċiklat.
Bħala eżempju, l-industrija tal-ħġieġ ċatt fl-UE
tara prezz tas-suq għall-ħġieġ riċiklat ta' madwar 60-80
EUR/tunnellata, suffiċjentement taħt id-90 EUR/tunnellata
meħtieġ biex jikkompeti mal-materjal verġni. Fil-każ
tal-ħġieġ, għalhekk, ħafna drabi hemm
benefiċċju ekonomiku għall-manifatturi sabiex jużaw
materjal riċiklat. Madankollu, id-domanda tas-suq għall-materjal
riċiklat rari tintlaħaq. Ir-riċiklaġġ
tal-materjal iwassal għal tkabbir fl-impjiegi fid-dekostruzzjoni,
l-issortjar u r-riċiklaġġ tal-materjali tal-kostruzzjoni.
Ġeneralment dan huwa xogħol lokali u joħloq opportunitajiet ta'
impjieg madwar l-Ewropa kollha. Minkejja
l-potenzjal għal benefiċċji ekonomiċi u ambjentali
sinifikanti mir-riċiklaġġ tas-CDW, partijiet kbar għadhom qegħdin jintremew
fil-miżbliet jew jiġu mimlija mill-ġdid (mili ta' spazji vojta
wara attivitajiet ta' kostruzzjoni jew skavar). Attwalment, huma
prinċipalment il-metalli li jiġu riċiklati minħabba l-valur
għoli tagħhom u s-swieq eżistenti. Ir-riċiklaġġ
ta' bosta partijiet oħra tas-CDW ħafna drabi jiffaċċja
ostakoli relatati ma' żewġ nuqqasijiet distinti tas-suq: il-kost tal-ħsara
ambjentali la huwa internalizzat fit-tariffi tal-miżbliet u lanqas
fil-prezz tal-materjali verġni, li jista' jwassal biex il-materjal
riċiklat ikun aktar għali mill-materjal verġni; u
l-inċentivi maqsuma fil-katina tal-valur tas-CDW fejn il-kost taż-żarmar,
is-separazzjoni u l-ipproċessar tal-iskart jinġarr l-aktar
fil-fażi tat-twaqqigħ filwaqt li l-benefiċċji potenzjali
mill-użu tal-materjali riċiklati ġeneralment jakkumulaw
fil-fażi tal-produzzjoni. Dawn in-nuqqasijiet tas-suq, flimkien ma' lakuni
fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart f'numru kbir ta' Stati
Membri jimpedixxu l-investiment f'operazzjonijiet ta' dekostruzzjoni u
separazzjoni, u r-rimi f'miżbla jew il-mili mill-ġdid jibqgħu
l-alternattivi preferiti. Il-kumpaniji tat-twaqqigħ għalhekk
jiffaċċjaw inċertezza rigward id-domanda anki jekk il-prezz
tal-materjali riċiklati jista' jiggarantixxi profitti
għall-manifattur. Is-swieq ma jiżviluppawx ekonomiji ta' skala u
l-ammont ta' materjali riċiklati pprovduti ma jikkorrispondix
għad-domanda potenzjali mill-kumpaniji tal-prodotti tal-kostruzzjoni. F'xi
każijiet, għad m'hemmx teknoloġiji li jippermettu materjali
riċiklati li jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi, tas-sigurtà u
ambjentali kollha. Barra minn hekk, xi drabi huma neqsin il-proċeduri
adegwati ta' ċertifikazzjoni li jattestaw li l-materjal riċiklat
jissodisfa r-rekwiżiti kollha neċessarji. Il-Kummissjoni
se tinvestiga kif jistgħu jingħelbu dawn l-ostakoli sistemiċi.
Filwaqt li r-reviżjoni ta' partijiet differenti tal-leġiżlazzjoni
Ewropea dwar l-iskart hija mmirata sabiex tissimplifika aktar l-Acquis
dwar l-iskart u tassigura l-koerenza bejn bċejjeċ differenti
tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, il-Komunikazzjoni preżenti
tesplora minflok miżuri ta' politika sabiex jistimulaw il-ħolqien ta'
swieq b'materjali riċiklati derivati mis-CDW. Ir-reviżjoni
tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u l-azzjonijiet ippreżentati
hawnhekk għalhekk huma kumplimentari billi l-ħolqien
b'suċċess ta' swieq għall-materjal riċiklat naturalment se
jappoġġa b'mod b'saħħtu l-implimentazzjoni tal-partijiet
differenti tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. Dan jista' jkollu rwol
importanti, fid-dawl ukoll tal-fatt li l-Kummissjoni Ewropea għandha
l-ħsieb li tivvaluta l-fattibilità ta' restrizzjoni ulterjuri tar-rimi ta'
CDW f'miżbliet. Fir-rigward
ta' dan, l-aħjar prattiċi juru li xi Stati Membri rnexxielhom
jiddevjaw is-CDW mir-rimi f'miżbla u l-mili mill-ġdid u żiedu
r-riċiklaġġ. Politiki mmirati li jgħaqqdu flimkien
miżuri bbażati fuq is-suq u miżuri regolatorji jipproduċu
benefiċċji partikolarment viżibbli[53]. 5. KONKLUŻJONI
FIL-QOSOR Filwaqt
li l-interess fit-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur
tal-kostruzzjoni qiegħed jiżdied fuq livell nazzjonali u tal-UE,
l-approċċi pubbliċi u privati nazzjonali differenti qegħdin
iżidu l-kumplessità tal-ambjent ta' ħidma għall-partijiet
interessati kollha. In-nuqqas ta' objettivi, indikaturi u dejta komuni, u
n-nuqqas ta' rikonoxximent reċiproku tal-approċċi differenti
dalwaqt jista' jħassar il-progress li sar sal-lum u jwassal għal
distorsjonijiet fis-suq intern għall-professjonisti fil-qasam
tal-ippjanar, l-iddisinjar, il-kostruzzjoni u l-manifattura. Għalhekk, il-Kummissjoni se tistieden lill-partijiet interessati (b'mod partikolari: l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali, l-investituri, l-assiguraturi, il-periti, il-kuntratturi, l-operaturi tat-twaqqigħ, il-manifatturi, ir-riċiklaturi u l-fornituri ta' skemi ta' valutazzjoni) sabiex: · Jiddiskutu objettivi u indikaturi għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bini (2014-2015); · Jiddiskutu l-implimentazzjoni prattika ta' qafas li jinkludi indikaturi ċentrali (2014-2015); · Jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' dan il-qafas (2015-2016). Barra minn hekk, il-Kummissjoni se: Tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattika u se tikkollabora mal-Istati Membri dwar miżuri li: jiddevjaw is-CDW mir-rimi f'miżbla u l-mili mill-ġdid, jew permezz ta' żieda fl-imposti jew permezz ta' miżuri regolatorji; kif ikun xieraq, jintegraw il-kost ambjentali estern fil-prezz tal-materjali verġni għall-prodotti tal-kostruzzjoni sabiex jistimulaw użu akbar ta' materja prima sekondarja. · Tesplora alternattivi għal miżuri sabiex ikun assigurat li l-materjali riċiklati jilħqu l-istandards meħtieġa ta' kwalità u sikurezza, permezz ta' standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni; · Tesplora kif parametri referenzjarji għall-kontenut tal-materjali riċiklati fil-prodotti tal-kostruzzjoni u l-bini jistgħu jistimulaw id-domanda għall-materjali riċiklati. Il-fokus inizjali se jkun fuq il-materjali ta' prijorità (bħall-konkrit bil-volum għoli u l-iżolament termiku tiegħu mal-produzzjoni tiegħu li tuża ħafna enerġija) b'espansjoni gradwali għas-CDW riċiklabbli kollha. Il-parametri referenzjarji u l-miri jistgħu jiġu promossi fost l-oħrajn għall-użu f'Akkwist Pubbliku Ekoloġiku u fi skemi ta' ġestjoni ambjentali fis-settur tal-kostruzzjoni; · Tistudja flussi ta' skart speċifiċi ta' CDW sabiex tidentifika opportunitajiet għall-valorizzazzjoni tas-CDW; Tiżviluppa għodod/linji gwida speċifiċi għall-valutazzjoni tal-bini qabel it-twaqqigħ u r-rinnovament bl-iskop ta' użu ottimali tas-CDW. Bħala azzjonijiet kumplimentari, il-Kummissjoni se tappoġġa: Riċerka u innovazzjoni fil-qasam tar-riċiklaġġ u l-produzzjoni ta' materjali tal-kostruzzjoni minn CDW permezz ta' Orizzont 2020. Proġetti ta' dimostrazzjoni permezz ta' strumenti bħal Orizzont 2020, COSME, LIFE+ u l-Fondi Strutturali li juru kif il-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat tista' toħloq swieq vijabbli bil-materjali riċiklati. Il-Kummissjoni għalhekk se tappoġġa proġetti f'oqsma bħal: id-disinn għad-dekostruzzjoni; l-awditjar tar-riċiklabbiltà ta' bini indikat għat-twaqqigħ jew kostruzzjoni mill-ġdid; l-iżvilupp ta' tekniki u prattiċi ta' separazzjoni tas-CDW fuq il-post; l-iżvilupp ta' teknoloġiji għall-ipproċessar tas-CDW f'materjali riċiklati ta' kwalità għolja; l-għoti ta' inċentivi lill-produtturi ta' prodotti tal-kostruzzjoni sabiex jużaw materjal riċiklat; l-iżvilupp ta' skemi kollaborattivi bejn is-setturi tal-prodotti tat-twaqqigħ u l-kostruzzjoni, biex jaqsmu l-kostijiet u l-benefiċċji tar-riċiklaġġ tas-CDW. [1] COM (2011) 571 [2] COM (2007) 860 [3] COM (2007) 414 [4] Studju dwar
"L-immaniġġjar tas-CDW fl-UE": http://ec.europa.eu/environment/waste/pdf/2011_CDW_Report.pdf [5] 2010/31/UE [6] 2012/27/UE [7] 2009/125/KE [8] 2010/30/UE [9] "Resource efficiency in
the building sector", Ecorys and Copenhagen Resource Institute, Rotterdam
May 2014 (http://ec.europa.eu/environment/eussd/pdf/Resource
efficiency in the building sector.pdf) U "Energy use and environmental
impacts of the Swedish building and real estate management sector", Toller,
S. et al, Journal of Industrial Ecology, 2011, Vol. 15, Nr 3 [10] "HQE Performance,
Premières tendencies pour les bâtiments neufs (Association HQE 2011) ISBN
978954110107" U l-istudju Svediż imsemmi hawn fuq. [11] Smart Market Report, (2013) http://www.worldgbc.org/files/8613/6295/6420/World_Green_Building_Trends_SmartMarket_Report_2013.pdf [12] Parker, J. (2012) The Value
of BREEAM, A BSRIA report [13] The business case for green
buildings, (2013), http://www.worldgbc.org/activities/business-case/ [14] From obsolescence to
resilience - 2013, Jones Lang LaSalle, , www.joneslanglasalle.co.uk [15] www.rehva.eu/publications-and-resources/hvac-journal/2013/012013/energy-efficiency-strategy-at-the-portfolio-of-a-property-owner/ [16] Ana Cunha Cribellier,
Responsable du Développement International, QUALITEL – CERQUAL [17] Future of sustainable housing,
KN5211 BRE May 2013 [18] COM (2011) 571 [19] COM (2012) 433 [20] 2010/31/UE, barra minn hekk,
bħalissa hemm skema ta' ċertifikazzjoni komuni volontarja tal-UE
għall-prestazzjoni enerġetika ta' bini mhux residenzjali li jkun qed
jiġi żviluppat, skont l-Artikolu 11 (9) ta' din id-Direttiva [21] 2012/27/UE [22] Ir-Regolament 305/2011/UE [23] 2003/87/KE [24] 2010/75/UE [25] 2008/98/KE [26] 1999/31/KE [27] COM (2012) 433 [28] "Resource efficiency in
the building sector", Ecorys and Copenhagen Resource Institute, Rotterdam
May 2014 (http://ec.europa.eu/environment/eussd/pdf/Resource
efficiency in the building sector.pdf) [29] Flash Eurobarometer 367 - TNS
Political & Social (Lulju 2013) [30] Rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni 2013/179/UE dwar l-użu ta' metodi komuni għall-kejl u
l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja
ta' prodotti u ta' organizzazzjonijiet [31] Barra minn hekk, anki biex jiġi sostnut
l-iżvilupp futur tal-kriterji għas-sostenibbiltà tal-bliet fis-seba'
Programm ta' Azzjoni Ambjentali,
http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:354:0171:0200:MT:PDF [32] Dan ħafna drabi jrid
isir f'formati differenti, bi spiża sinifikanti għall-manifatturi.
Dan kien ikkonfermat minn Construction Products Europe, Glass for Europe u
Eurima. Ara wkoll Pacheco-Torgal F. et al., Eco-efficient construction and
building materials, Woodhead Publishing Ltd, 2013, ISBN 0857097679 [33] Dan huwa mistenni li
jiġi appoġġat aktar permezz ta' għodod ta' mmudellar
tal-informazzjoni dwar il-bini, li jiggwidaw id-disinn billi jikkalkulaw
il-funzjoni u l-prestazzjoni ta' bini skont id-disinn, l-għażla
tal-materjali, eċċ. Dawn l-għodod iqisu l-aspetti ambjentali
b'mod limitat ħafna. Huwa mistenni li tali aspetti jkunu parti
mill-iżvilupp kontinwu ta' dawn l-għodod kieku kellha
titneħħa l-inċertezza dwar kif tiġi valutata u rrappurtata
l-prestazzjoni ambjentali. [34] L-iżviluppaturi
jaħdmu bi skemi ta' ċertifikazzjoni kummerċjali differenti
minħabba d-domanda varjabbli tal-klijenti. [35] Ċentru
tad-Dejta dwar l-Iskart (http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/waste/introduction); Ċentru tad-Dejta dwar ir-Riżorsi Naturali (http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/data_centre_natural_resources/introduction); Tabella ta' Valutazzjoni tal-Effiċjenza
fir-Riżorsi (http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/europe_2020_indicators/ree_scoreboard); Pjattaforma Ewropea dwar il-Valutazzjoni
taċ-Ċiklu tal-Ħajja (http://eplca.jrc.ec.europa.eu/) [36] Il-Konsultazzjoni Pubblika
organizzata fir-rigward ta' din l-inizjattiva kkonkludiet dwar l-oqsma
elenkati. Il-kumdità fuq ġewwa ma kinitx inkluża fil-konsultazzjoni
iżda ġiet enfasizzata mill-partijiet interessati. [37] Filwaqt li l-fażi
tal-użu tiddependi fuq id-disinn u l-kostruzzjoni kif ukoll fuq
l-imġiba tar-residenti, din tal-aħħar mhijiex il-fokus ta' din
l-inizjattiva. [38] Fejn ikun xieraq, billi
jiġi kkunsidrat ukoll l-użu ta' elementi ta' infrastruttura
ekoloġika bħas-soqfa ekoloġiċi u l-ħitan
ekoloġiċi, COM(2013)249, http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/index_en.htm. [39] Ara n-nota f'qiegħ
il-paġna dwar l-użu tal-enerġija aktar 'il fuq. [40] Sabiex tiġi adattata
l-ħtieġa għal aktar ambjent mibni (eż. jintuża bini
vojt minflok bini ġdid, il-bini jintuża għal aktar minn skop
wieħed, jinbena bini biex jiġi adattat għal funzjonijiet
ġodda jew ħtiġijiet li jinbidlu) [41] http://www.en-standard.eu/csn-en-15978-sustainability-of-construction-works-assessment-of-environmental-performance-of-buildings-calculation-method/ [42] http://sballiance.org/ [43] Bħall-proġetti
tas-Seba' Programm Kwadru SuPerBuildings (http://cic.vtt.fi/superbuildings/) u
OPEN HOUSE (http://www.openhouse-fp7.eu/about_project/related_projects) [44] Studju dwar
l-"Immaniġġjar tas-CDW fl-UE": http://ec.europa.eu/environment/waste/pdf/2011_CDW_Report.pdf [45] Implimentazzjoni
tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart għal tkabbir
ekoloġiku, DG ENV (2011) [46] Immaniġġjar tas-CDW
fl-UE http://ec.europa.eu/environment/waste/pdf/2011_CDW_Report.pdf [47] OVAM Ecolizer 2.0 Ecodesign
Tool http://www.ecodesignlink.be/images/filelib/EcolizerEN_1180.pdf [48] The Cement Sustainability
Initiative, World Business Council for Sustainable Development, ISBN
987-3-940388-49-0 [49] Glass for Europe, http://www.glassforeurope.com/images/cont/187_987_file.pdf [50] EURIMA [51] EURIMA [52] WRAP Technical report, Life
cycle assessment of plasterboard, April 2008, 1-84405-378-4 [53] Del Rio Merino, M., Gracia,
P. I., Azevedo, I. S. W. (2010) Sustainable construction: CDW reconsidered.
Waste Management and Research. 28: 118-129. DOI: 10.1177/0734242X09103841 u
l-każ tar-Renju Unit (p.170) http://ec.europa.eu/environment/enveco/taxation/pdf/annexes_phasing_out_env_harmful_subsidies.pdf