52014DC0431

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-POLONJA bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2013 u mill-KROAZJA bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2014 bil-għan li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern tinġieb fi tmiemha /* COM/2014/0431 final */


1. Daħla

Fl-10 ta' Diċembru 2013 u fit-28 ta' Jannar 2014, rispettivament, il-Kunsill adotta rakkomandazzjonijiet lill-Polonja u lill-Kroazja, bil-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tagħhom tinġieb fi tmiemha. Il-Kunsill stabbilixxa bħala skadenzi l-15 ta' April 2014 u t-30 ta' April 2014, rispettivament, għal dawn il-pajjiżi biex jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jieħdu azzjoni effiċjenti biex jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet u biex jirrappurtaw fid-dettall dwar l-istrateġiji ta' konsolidament li beħsiebhom jimplimentaw biex jiksbu l-miri tagħhom.

Fir-rigward tal-Polonja, fl-10 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill iddeċieda skont l-Artikolu 126(8) tat-Trattat, il-Polonja ma kinitx ħadet azzjoni effettiva f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013 biex tikkoreġi d-deċifit eċċessiv tagħha sal-2014, u skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat, irrakkomanda lill-Polonja li ttemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tagħha sal-2015. Skont l-Artikolu 5(1a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, il-Polonja rrappurtat dwar azzjoni meħuda kemm fil-kuntest tal-programm ta' konverġenza tagħha mressaq fil-15 ta' April 2014, u kemm f'rapport iddedikat imressaq fl-istess data.

Fir-rigward tal-Kroazja, fil-10 ta' Diċembru 2013, wara li kkunsidrat ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti defiċit eċċessiv fil-Kroazja. Il-Kummissjoni għaldaqstant indirizzat tali opinjoni lill-Kroazja u infurmat lill-Kunsill kif xieraq. Fit-28 ta' Jannar 2014, fid-dawl tal-fatt li, skont il-pjanijiet nazzjonali u t-tbassir tal-Kummissjoni, id-defiċits baqgħu ferm 'il fuq mill-valur ta' referenza ta' 3% tal-PDG skont it-Trattat fil-perjodu 2013-15, kif ukoll fid-dawl tal-fatt li l-proporzjon tad-dejn kien mistenni li jitla' 'l fuq mis-60% tal-PDG fl-2014 u mbagħad jibqa' tiela' lil hinn mill-orizzont imbassar sal-2015, il-Kunsill iddeċieda li kien jeżisti defiċit eċċessiv fil-Kroazja, skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat, u ħareġ rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat lil dan il-pajjiż, bil-għan li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sal-2016. Skont l-Artikolu 3(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, il-Kroazja rrappurtat dwar azzjoni meħuda fil-kuntest tal-programm ta' konverġenza tagħha, imressaq fit-30 ta' April 2014.

Wara t-tressiq tar-rapporti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni eżaminathom biex tivvaluta jekk humiex konformi mar-rakkomandazzjoni rispettiva tagħhom skont l-Artikolu 126(7).

2. Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 u l-Kodiċi tal-Kondotta[1], Stat Membru għandu jitqies li jkun ħa azzjoni effettiva jekk ikun aġixxa f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Artikolu 126(7) tat-TFUE. Il-Kodiċi tal-Kondotta jistipula li l-valutazzjoni tal-azzjoni effettiva għandha tqis b'mod partikolari jekk l-Istat Membru kkonċernat kisibx il-mira baġitarja annwali u t-titjib sottostanti tal-bilanċ aġġustat ċiklikament, nett ta' miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn, inizjalment rakkomandati mill-Kunsill.

Il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-azzjoni effettiva tirrikjedi li l-Kummissjoni tqis l-ewwel nett jekk l-Istat Membru huwiex konformi mal-mira nominali u t-titjib sottostanti fil-bilanċ strutturali, kif meħtieġ mir-rakkomandazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (PDE). Jekk dan huwa l-każ, il-proċedura tiġi sospiża.

Jekk l-Istat Membru jonqos milli jilħaq il-mira ta' defiċit nominali jew it-titjib meħtieġ fil-bilanċ strutturali, issir analiżi bil-kura tar-raġunijiet ta' dan in-nuqqas sabiex tiġi vvalutata jekk l-Istat Membru aġixxiex f'konformità mar-rakkomandazzjoni (jew avviż.) L-analiżi bil-kura tibni fuq żewġ miżuri kumplimentari ta' sforz fiskali: (i) l-approċċ "minn fuq 'l isfel", jiġifieri, tiġi kkalkulata l-bidla fil-bilanċ strutturali, aġġustata skont il-bidliet imnissla mir-reviżjoni tat-tkabbir tal-produzzjoni potenzjali, dħul mhux previst jew dħul mitluf, u avvenimenti mhux mistennija; u (ii) l-approċċ "minn isfel 'il fuq", jiġifieri, issir stima tal-impatt baġitarju tal-miżuri fiskali individwali implimentati mill-gvern. L-analiżi bil-kura għandha tiġi kkumplimentata minn kunsiderazzjonijiet kwalitattivi relevanti oħra, li jippermettu lill-Kummissjoni tipprovdi ġudizzju kkwalifikat dwar jekk l-Istat Membru jkun ħa biżżejjed azzjonijiet ta' politika biex jiġi konformi mar-rakkomandazzjoni (jew avviż) tal-PDE. Jekk l-analiżi bil-kura tindika li l-Istat Membru kkonċernat ikun qeda l-impenji ta' politika tiegħu, il-valutazzjoni ser tikkonkludi li tkun ittieħdet azzjoni effettiva, u b'hekk tagħti lill-Kunsill il-possibbiltà li jestendi l-iskadenza, anki jekk il-mira tad-defiċit nominali ma tkunx intlaħqet. Jekk l-analiżi bil-kura turi li l-impenji ta' politika ma jkunux inqdew, u jekk il-mira tad-defiċit nominali ma tkun intlaħqet, il-valutazzjoni se tikkonkludi li ma tteħditx azzjoni effettiva, u l-proċedura jkollha titħaffef (bil-possibbiltà li tiġi stipulata skadenza ta' korrezzjoni ġdida).

2.1. Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-Polonja

Skont ir-rakkomandazzjoni l-ġdida tal-Kunsill, maħruġa fl-10 ta' Diċembru 2013, ġie rrakkomandat lill-Polonja li tilħaq defiċit nominali ta' 4.8 % tal-PDG fl-2013, ta' 3.9 % tal-PDG fl-2014, u ta' 2.8 % tal-PDG fl-2015 (għajr l-impatt tat-trasferimenti tal-assi mis-sistema ta' pensjonijiet tat-tieni pilastru). Abbażi tat-tbassir makroekonomiku sottostanti għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, dan huwa konsistenti ma' titjib fil-bilanċ strutturali ta' 1 % tal-PDG fl-2014, u ta' 1.2 % tal-PDG fl-2015. Ġie rrakkomandat ukoll lill-Polonja li timplimenta b'mod rigoruż il-miżuri li kienet diġà ħabbret u adottat, filwaqt li tikkumplimentahom b'miżuri addizzjonali sabiex tilħaq korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv sal-2015. Il-Polonja ngħatat l-iskadenza tal-15 ta' April 2014 sabiex tieħu azzjoni effettiva biex tikkonforma mar-rakkomandazzjoni u biex tirrapporta fid-dettall dwar l-istrateġija ta' konsolidament ippjanata bil-għan li tilħaq il-miri tagħha. Fl-iskadenza stipulata, l-awtoritajiet tal-Polonja ressqu rapport lill-Kummissjoni li jippreżenta l-miżuri li kienet ħadet bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, u li jiġbor fil-qosor l-istrateġija ta' konsolidament immirata li ġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern.

Id-defiċit nominali tal-2013, f'4.3 % tal-PDG, kien inqas mil-livell rakkomandat ta' 4.8 % tal-PDG. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika mistenni li jilħaq eċċess ta' 5.7 % tal-PDG fl-2014. Jekk dan it-tbassir jiġi aġġustat biex jeskludi t-trasferiment tal-assi tal-pensjonijiet (bi qbil mar-regoli tal-istatistika li se jkunu fis-seħħ minn Settembru 2014), il-bilanċ tal-amministrazzjoni ġenerali fl-2014 ikun -3.6 % tal-PDG, jiġifieri inqas mill-mira nominali stipulata fir-rakkomandazzjoni. Għall-2015, abbażi ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla politika, id-defiċit mistenni li jkun 3.1 % tal-PDG (għajr l-impatt tat-trasferiment tal-assi), u b'hekk iktar mill-mira rakkomandata ta' 2.8 %.

Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni, il-bidla fil-bilanċ strutturali mistennija li tkun preċiżament bi qbil mal-mira rakkomandata ta' 1% fl-2014, u f'0.4 % tal-PDG, jiġifieri taħt il-mira fl-2015.

Tabella 1. Il-Polonja – tqabbil tat-tbassir baġitarju

Il-projezzjonijiet tal-Kummissjoni jqisu l-miżuri speċifikati biżżejjed kif imħabbra mill-Polonja fir-rapport tagħha dwar l-azzjoni effettiva u l-programm ta' konverġenza. Il-biċċa l-kbira minn dawn il-miżuri kien diġà ttieħdu qabel ma l-Kunsill adotta r-rakkomandazzjoni l-ġdida fil-qafas tal-PDE fl-10 ta' Diċembru 2013, u diġà kienu inklużi fit-tbassir tal-ħarifa 2013 tal-Kummissjoni. Skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-miżuri addizzjonali li ttieħdu mindu nħarġet ir-rakkomandazzjoni tal-PDE huma mistennija li jkollhom impatt marġinali fl-2014, u li jnaqqsu d-defiċit b'0.1 % tal-PDG fl-2015.

Meta jiġu kkoreġuti skont ir-reviżjoni 'l isfel fit-tkabbir potenzjali, kif ukoll skont l-iżviluppi fl-introjtu mindu nħarġet ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, it-titjib strutturali aġġustat huwa stmat li jkun 0.6 % tal-PDG fl-2014, inqas mill-isforz meħtieġ mill-Kunsill. Dan in-nuqqas huwa kkonfermat minn valutazzjoni minn isfel 'il fuq, li tistima d-daqs tal-isforz fiskali addizzjonali fl-2014 abbażi tal-miżuri diskrezzjonali fl-introjtu u l-iżviluppi tal-infiq bejn ix-xenarju bażi sottostanti għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill u t-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tal-Kummissjoni. Din il-valutazzjoni turi sforz ta' -0.1 % tal-PDG, imqabbel maż-0.4 % tal-PDG meħtieġ. Fl-2015, abbażi tas-suppożizzjoni normali ta' ebda bidla fil-politika, il-bidla aġġustata fil-bilanċ strutturali hija mbassra li tkun 0.1 % tal-PDG, ferm inqas mill-1.2 % tal-PDG meħtieġ mir-rakkomandazzjoni riveduta tal-PDE. Dan in-nuqqas huwa kkonfermat fil-valutazzjoni minn isfel 'il fuq, li tbassar sforz ta' -0.8 % tal-PDG fl-2015, ferm inqas mill-isforz stmat meħtieġ fil-mument tar-rakkomandazzjoni.

Tabella 2. Il-Polonja - tqabbil tal-bidla aġġustata fil-bilanċ strutturali u l-isforzi fiskali, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2014 tal-Kummissjoni

Billi l-Polonja laħqet il-bilanċ nominali rakkomandat, kif ukoll il-bidla rakkomandata fil-bilanċ strutturali fl-2014, il-Kummissjoni tqis li l-proċedura għandha tiġi sospiża. Madankollu, hemm riskji għal korrezzjoni durabbli tad-defiċit eċċessiv fl-iskadenza stipulata, billi l-isforz fiskali mkejjel kemm mill-bidla kkoreġuta fil-bilanċ strutturali u kemm mill-valutazzjoni minn isfel 'il fuq huwa ferm inqas mil-livell rakkomandat. B'mod partikulari, għall-2015, u qabel il-preżentazzjoni tal-baġit tal-2015, is-servizzi tal-Kummissjoni jbassru li d-defiċit nominali għandu jmur lura sa 3.1 % tal-PDG (għajr it-trasferiment tal-assi tal-pensjonijiet), u li t-titjib strutturali għandu jilħaq 0.4 % tal-PDG, u b'hekk inqas mill-miri rakkomandati mill-Kunsill. Għaldaqstant, il-baġit tal-2015 għandu jinkludi miżuri ta' aġġustament strutturali sabiex jiżgura l-konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

2.2. Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-Kroazja

Il-Kunsill fetaħ il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv (PDE) għall-Kroazja fit-28 ta' Jannar 2014, u rrakkomanda li tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2016. Ir-rakkomandazzjoni tal-PDE tirrikjedi li l-Kroazja tilħaq mira tad-defiċit nominali ta' 4.6 % tal-PDG fl-2014, ta' 3.5 % tal-PDG fl-2015, u ta' 2.7 % tal-PDF fl-2016[2]. Dan huwa konsistenti ma' titjib fil-bilanċ strutturali ta' 0.5 % tal-PDG fl-2014, ta' 0.9 tal-PDG fl-2015 u ta' 0.7 % tal-PDG fl-2016, kif ukoll sabiex jiġu adottati miżuri ta' konsolidament għal ammont ta' 2.3 % tal-PDG fl-2014 u ta' 1.0 % tal-PDG fl-2015 u l-2016, bil-għan li jintlaħaq l-aġġustament meħtieġ tal-bilanċ strutturali. Il-Kroazja ngħatat l-iskadenza tat-30 ta' April 2014 sabiex tieħu azzjoni effettiva biex tikkonforma mar-rakkomandazzjoni, u sabiex tirrapporta fid-dettali dwar l-istrateġija ta' konsolidament ippjanata bil-għan li jinkisbu l-miri. Il-Kroazja ressqet rapport dwar l-azzjoni meħuda fil-kuntest tal-programm ta' konverġenza tagħha.

Tabella 3. Il-Kroazja – tqabbil tat-tbassir baġitarju

Abbażi tat-tagħrif attwali u tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-amministrazzjoni ġenerali huwa mbassar li jilħaq it-3.8 % tal-PDG fl-2014, u t-3/1 % tal-PDG fl-2015. Jekk dawn il-projezzjonijiet jiġu aġġustati biex jeskludu t-trasferiment tal-assi tal-pensjonijiet (bi qbil mar-reġoli tal-statistika li se jkunu fis-seħħ minn Settembru 2014), id-defiċit tal-gvern huwa mbassar li jkun 4.6 % u 3.8 % tal-PDG fl-2014 u l-2015 rispettivament. Madankollu, ix-xenarju bażi tas-servizi tal-Kummissjoni ma jħaddanx is-sensiela sħiħa ta' miżuri fil-pakkett ta' konsolidament, minħabba l-ispeċifikazzjoni insuffiċjenti ta' wħud mill-miżuri (fosthom l-iffrankar fis-sussidji jew it-trasferimenti soċjali), u minħabba xi inċertezzi fir-rigward tat-trattament tal-kontabbiltà ta' ċerti miżuri (ngħidu aħna, fil-każ tal-irtirar tal-qligħ mill-intrapriżi tal-istat). F'kull każ, anki b'dan l-aġġustament imbassar, il-mira nominali stipulata fil-kuntest tal-PDE mistennija li tintlaħaq fl-2014, filwaqt li fl-2015, il-mira nominali mhix se tintlaħaq, għal ¼ % biss tal-PDG. Il-bilanċ strutturali jitjieb b'0.4 % tal-PDG fl-2014 u b'0.8 % tal-PDG fl-2015, b'nuqqas żgħir fis-sentejn li huma meta mqabbel mat-titjib ta' 0.5 % u 0.9 % tal-PDG meħtieġ fir-rakkomandazzjoni tal-PDE.

Tabella 4. Il-Kroazja - tqabbil tal-bidla aġġustata fil-bilanċ strutturali u l-isforz fiskali abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tal-Kummissjoni

B'analiżi bil-kura abbażi tal-bidla aġġustata fil-bilanċ strutturali u l-approċċ minn isfel 'il fuq kif inhu rikjest għall-valutazzjoni tal-azzjoni effettiva, il-bidla aġġustata tkun turi titjib fl-2014 ta' 0.2 % tal-PDG, u sforz ta' 0.8 % tal-PDG fl-2015. Dan se jkun taħt l-ammont rikjest fis-sentejn li huma, iżda b'mod marġinali biss fl-2015. Fl-istess ħin, il-valutazzjoni minn isfel 'il fuq tal-isforz fiskali hija stmata li ssir, kemm fl-2014 u kemm fl-2015, b'miżuri li jammontaw għal 2.3 % tal-PDG fl-2014, bi qbil mar-rekwiżit, u 1.1 % tal-PDG fl-2015, kemxejn 'il fuq mill-1 % tal-PDG irrakkomandat. Dan jirrifletti l-fatt li l-aġġustament baġitarju ppjanat fil-programm huwa sostnut minn sett wiesa' ta' miżuri, li jinkludu żidiet fis-sigurtà soċjali u l-kontributi tal-pensjonijiet kif ukoll iffrankar fl-infiq fuq sussidji, konsum intermedju u trasferimenti soċjali. Fil-kuntest tal-analiżi bil-kura, għandu jitqies li dawn il-miżuri kollha ġew adottati wara u bi tweġiba għad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-2014 dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. L-impenn qawwi tal-awtoritajiet biex jikkonformaw mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill huwa rifless ukoll fil-fatt li, wara li ħareġ fid-dieher li r-reviżjoni tal-baġit tal-2014 f'Marzu 2014 ma kinitx biżżejjed biex jintlaħqu r-rakkomandazzjoni tal-PDE, l-awtoritajiet ħadu miżuri addizzjonali ta' 0.4 % tal-PDG.

Fid-dawl tal-fatt li fl-2014 il-mira nominali mistennija li tintlaħaq, u li l-approċċ minn isfel 'il fuq juri li l-Kroazja ħadet l-ammont ta' miżuri meqjusa neċessarji sabiex tilħaq il-miri strutturali stipulati fir-rakkomandazzjoni tal-PDE, u filwaqt li titqies l-analiżi bil-kura u fatturi kwalitattivi oħra msemmija aktar 'il fuq, il-Kummissjoni tqis li l-proċedura għall-Kroazja għandha tiġi sospiża. Madankollu, billi fl-2015, u qabel il-preżentazzjoni tal-baġit tal-2015, is-servizzi tal-Kummissjoni jistennew li l-bilanċ strutturali u t-titjib strutturali jkunu taħt il-miri rakkomandati mill-Kunsill, il-baġit tal-2015 jeħtieġ li jinkludi miżuri ta' aġġustament strutturali sabiex jiżuraw l-konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

3. Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni tqis li l-Polonja u l-Kroazja ħadu azzjoni effettiva, u li bħalissa mhumiex meħtieġa passi ulterjuri fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv. Il-Kummissjoni se tkompi timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi baġitarji skont it-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

Anness Tabelli relatati mal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE)

Tabella A1. Aġġustament tal-isforz strutturali apparenti għar-reviżjoni fit-tkabbir potenzjali –

dettalji tal-kalkolu

Tabella A2. Aġġustament tal-isforz strutturali apparenti għar-reviżjoni fin-nuqqas tad-dħul / dħul mhux mistenni – dettalji tal-kalkolu

[1] “Specifications on the implementation of the Stability and Growth Pact and guidelines on the format and content of stability and convergence programmes”, disponibbli fuq:         http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/index_en.htm.

[2]    Il-miri mhumiex ikkoreġuti skont l-impatt tat-trasferiment tal-assi marbut mar-riforma tal-pensjonijiet. F'kull każ, bl-introduzzjoni tal-ESA2010 fil-ħarifa tal-2014, dan l-impatt se jiġi eskluż miċ-ċifri li se jifformaw il-bażi tal-valutazzjoni fil-qafas tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir minn dakinhar 'il quddiem.