52014DC0423

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL tal-programm tar-riforma nazzjonali tal-2014 tal-Portugall u li jwassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbilità tal-Portugall għall-2014 /* COM/2014/0423 final - 2014/ () */


 

 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-programm tar-riforma nazzjonali tal-2014 tal-Portugall u li jwassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbilità tal-Portugall għall-2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li titnieda strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki dwar l-ekonomija, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività,

(2) Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill, fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, li flimkien jagħmlu l-'linji gwida integrati'. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom.

(3) Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istat jew il-Gvern iddeċidew dwar Kumpatt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fl-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-lievi, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari filwaqt li esprimew impenn sħiħ għall-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż.

(4) Il-Portugall kien assoġġettat għal programm ta' aġġustament makroekonomiku sas-17 ta' Mejju 2014 f'konformità mal-Artikolu 1(2) ta' Deċiżjoni 2011/344/UE, li jipprovdi li ssir assistenza finanzjarja disponibbli għal tliet snin. Fid-19 ta' Marzu 2014, il-Kunsill iddeċieda li jestendi d-disponibbiltà tal-assistenza finanzjarja b'sitt ġimgħat, biex jippermetti valutazzjoni komprensiva u eżawrjenti tal-konformità mal-kundizzjonalità tal-programmi u l-iżbursament ordnat tal-aħħar porzjon tas-self. Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 il-Portugall għalhekk kien eżenti mill-monitoraġġ tal-valutazzjoni tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għad-durata tal-programm. Ladarba ħareġ mill-programm, il-Portugall issa għandu jiġi integrat bis-sħiħ fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(5) Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir[4], li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew tal-2014, ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-istess jum fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat Rapport tal-Mekkaniżmu ta' Twissija[5].

(6) Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja, konsolidazzjoni fiskali u azzjoni li tindokra t-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li jitkompla konsolidament fiskali differenzjat u li jiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(7) Skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013, il-Portugall kien eżenti mill-obbligu li jippreżenta il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali tar-Riforma tiegħu għad-durata tal-programm ta' aaġġustament makroekonomiku. Madankollu, hu ppreżenta Dokument ta' Strateġija Fiskali aġġornat fit-30 ta' April 2014, u ittra mill-Gvern Portugiż li tipprovdi aġġornament dwar l-iżviluppi tal-miri tal-Ewropa 2020. Fis-17 ta' Mejju, il-Gvern ippreżenta l-programm ta' riforma kontinwa tiegħu u l-inizjattivi ġodda lejn tkabbir sostenibbli fid-dokument intitolat It-Triq lejn it-Tkabbir, strateġija ta' riforma fit-terminu medju għall-Portugall.

(8) L-objettiv tal-istrateġija baġitarja mfassla fid-Dokument tal-Istrateġija Fiskali tal-2014 hu li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2015 b'mod sostenibbli u jilħaq l-objettiv tat-terminu medju sal-2017. L-istrateġija tippjana li d-defiċit tal-gvern iġġubu sa 4.0% tal-PDG fl-2014 u li tbaxxih iktar sa 2.5% tal-PDG fl-2015, f'konformità mal-miri stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv tal-21 ta' Ġunju 2013 u kkonfermata mill-ġdid mit-12-il rieżami tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku. Madankollu, fit-30 ta' Mejju 2014, il-Qorti Kostituzzjonali tal-Portugall annullat miżuri ta' konsolidazzjoni stmati li kien se jkollhom impatt fuq ir-riżultati baġitarji fl-2014 b'madwar 0.35% tal-PDG b'effetti possibbli ta' segwitu fl-2015. Sabiex wieħed jikseb il-miri miftiehma, il-gvern se jkollu jintroduċi miżuri ta' sostituzzjoni ta' daqs ekwivalenti. Madankollu, hemm żewġ sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali li għadhom pendenti li jipprevjenu kwantifikazzjoni kompleta tal-miżurili għandhom jittieħdu. In vista tal-ħin disponibbli limitat, il-gvern jista' jirrikorri għal miżuri ta' natura anqas favorevoli għat-tkabbir, partikolarlemnt fuq in-naħa tad-dħul. Lil hinn mill-2015, l-istrateġija tikkonferma l-għan li jintlaħaq l-objettiv tat-terminu medju sal-2017 permezz tat-twettiq ta' sforz strutturali ta' 0.5% tal-PDG fl-2016 u li jinlaħaq defiċit strutturali ta' 0.5% fl-2017. Skont l-istrateġija, id-dejn gross tal-gvern ġenerali se jilħaq il-quċċata ta' madwar 130.5 % tal-PGD fl-2014 u se jibda jinżel gradwalment mill-2015. Ix-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-proġettazzjonijiet baġitarji tal-istrateġija huwa konformi ma’ dak miftiehem fit-12-il rieżami tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku u qed jiġu analizzati mis-servizzi tal-Kunsill tal-Finanzi Pubbliċi. Il-miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali fl-2014 huma stmati li jkunu biżżejjed biex tintlaħaq il-mira tad-defiċit ta’ 4 % tal-PDG. Madankollu, jibqa' riskji negattivi għall-mira, notevolment minħabba inċertezzi legali u l-impatt tal-istatistika ta’ operazzjonijiet immirati lejn ġestjoni aktar effiċjenti tad-dejn imdendel fuq xi impriżi tal-istat. L-aġġustament baġitarju tal-2015 huwa mirfud minn miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali li jammontaw għal 0.8 % tal-PDG li huwa meqjus li jkun biżżejjed sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 2.5 % tal-PGD. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-programm u t-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-objettivi tal-Istrateġija jkunu konsistenti mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(9) Jeħtieġ li l-konsolidament fiskali jkun sostnut minn riformi ulterjuri tas-sistema tal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi. B’mod partikolari, minkejja l-progress li sar taħt il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku, jeħtieġ li titlesta riforma komprensiva l-Liġi ta’ Qafas tal-Baġit u hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex jiġi żgurat strettament il-kontroll tan-nefqa bl-infurzar tal-liġi tal-kontroll tal-impenji u sabiex tkun evitata aktar akkumulazzjoni ta’ arretrati tas-settur pubbliku. It-tkomplija tar-ristrutturar ta’ impriżi pubbliċi, li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tagħhom u se jkun kruċjali l-kontroll strett tan-nefqa fil-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa. Fuq in-naħa tad-dħul, hemm spazju biex is-sistema tat-taxxa ssir aktar favur it-tkabbir u li tkompli titrawwem il-konformità mat-taxxa.

(10) Il-Portugall qed jiffaċċja sfidi li huma relatati mal-qgħad li, minkejja t-tnaqqis reċenti, għadu għoli ħafna, b’mod partikolari għal żgħażagħ ta’ mpar xulxin. Ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 17 % fl-2013 u l-qgħad fost iż-żgħażagħ ta’ 37.7 %, li huwa sostanzjalment ogħla mill-medja tal-UE, kif ukoll il-persentaġġ ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ. Tradizzjonalment ir-rata għolja tal-impjiegi tal-Portugall naqset b’mod sinifikanti sa mill-bidu tal-kriżi ekonomika, minn 73.1 % fl-2008 għal 65.6 % fl-2013. Fir-rigward tal-qgħad taż-żgħażagħ, b’konformità mal-objettivi tal-garanzija għaż-żgħażagħ, l-isfidi ewlenin jinkludu involviment dgħajjef taż-żgħażagħ li mhumiex reġistrati, u l-bżonn biex wieħed jallinja aħjar l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Taħt il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku, il-Portugalll implimenta firxa wiesgħa ta’ riformi fis-suq tax-xogħol li l-għan tagħhom hu li jtaffu l-leġiżlazzjoni restrittiva żżejjed għall-ħarsien tal-impjiegi, biex il-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi jsir aktar flessibbli u jitjieb il-funzjonament tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u l-politiki ta’ attivazzjoni. Madankollu, għad baqa’ sfidi, b’mod partikolari l-ħtieġa li tiġi indirizzata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u jitjieb ir-rispons tal-pagi għall-kundizzjonijiet ekonomiċi. Evalwazzjoni indipendenti tal-effetti ta’ riformi reċenti tas-sistema ta’ protezzjoni tal-impjiegi tgħin sabiex tivvaluta, b’mod partikolari, l-impatt tagħhom fuq il-ħolqien tal-impjiegi, il-prekarjetà, il-kost ġenerali tax-xogħol u dwar l-għadd ta’ appelli fil-Qorti kontra s-sensji u l-eżitu tagħhom. Minkejja l-isforzi biex jittaffa l-impatt soċjali negattiv, il-proċess ta’ konsolidament fiskali u ż-żieda fil-qgħad kellhom riperkussjonijiet negattivi f’termini ta’ faqar.

(11) Il-Portugall għamel progress sinifikanti biex jirriforma s-sistema edukattiva tiegħu permezz ta’ diversi miżuri fil-ġlieda kontra t-tluq kmieni mill-iskola, u biex titjieb ir-rata tal-kisbiet terzjarji u l-addatament għas-suq tax-xogħol. Madankollu, l-implimentazzjoni sħiħa u l-użu effiċjenti tal-fondi jibqgħu kruċjali. B’mod partikolari, aktar xogħol hu meħtieġ sabiex jitnaqqas in-nuqqas ta’ tlaqqigħ bejn il-ħiliet u l-impjiegi, inkluż billi tiżdied il-kwalità u l-attrazzjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali f’żewġ livelli, li jrawmu l-involviment ta’ min iħaddem biex ifasslu programmi ta’ impjiegi u jkun ipprovdut biżżejjed taħriġ u apprendistati. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu implimentati b’mod effettiv servizzi ta’ konsulenza u gwida għall-karriera għal studenti tal-edukazzjoni sekondarja u terzjarja f’konformità mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-antiċipazzjoni tal-ħiliet, u jsaħħu r-rabtiet mas-settur tan-negozju.

(12) Il-Portugall ħa passi sinifikanti taħt il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku biex itejjeb il-bażi kapitali tas-settur bankarju u jsaħħaħ il-qafas tiegħu ta' superviżjoni u riżoluzzjoni. Madankollu, għad fadal sfidi importanti u jeħtieġ li jiġu mmonitorjati u mmaniġġjati bir-reqqa; dawn jinkludu l-profittabilità tal-banek Portugiżi. Dejta għall-ewwel kwart tal-2014 turi li xi banek megħjuna irreġistraw riżultati pożittivi. Deterjorament fil-kwalità tal-assi għadha problema, b’livelli ta’ indeboliment baqgħu għoljin f’madwar 6 % tat-total gross ta’ self u self improduttiv f’livelli elevati (10.6 %), b’mod partikolari fis-segment tal-kumpaniji (aktar minn 16 %). Il-Portugall adotta numru ta’ miżuri sabiex jiffaċilita s-self lil kumpaniji vijabbli, iżda l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament jibqgħu diffiċli, b’mod partikolari għall-SMEs, u l-firxa ta’ alternattivi ta’ finanzjament għas-settur korporattiv, minbarra dawk ibbażati fuq fianzjament tal-banek , għadu limitat. Self li ngħata reċentement lil SMEs naqas b’4.8 % fl-2013 meta mqabbel mal-2012. Il-medja tar-rati ta’ interess fuq self ġdid lil kumpaniji Portugiżi naqset kemxejn mill-bidu tal-2013, iżda jibqgħu b’mod sinifikanti 'l fuq mill-medja taż-żona tal-euro. Minħabba l-livell għoli ta’ dejn korporattiv u l-ħtieġa għal aktar diżingranaġġ tas-settur bankarju, il-kapaċità tal-banek li jestendu l-kreditu lil ditti vijabbli bi spiża raġonevoli jibqa’ limitat. 

(13) Bil-għan li jiżguraw l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tas-settur tal-enerġija u li jnaqqsu l-ispiża tal-enerġija għall-ekonomija, ġew implimentati żewġ pakketti ta’ miżuri taħt il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku. Madankollu, il-kirjiet fis-settur tal-enerġija għandhom ikunu aktar imnaqqsa, u jiġi ttrattat id-dejn tariffarju għoli li dejjem tiela'. Għal dan l-għan, il-Portugall riċentement ħabbar it-tielet pakkett ta’ miżuri, inkluża l-estensjoni għal 2015 mill-2014 ta' imposta speċjali fuq l-operaturi tal-enerġija. Barra minn hekk, it-titjib tal-integrazzjoni tan-netwerks tal-enerġija transkonfinali u li titħaffef l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interkonnessjoni tal-elettriku u tal-gass jibqgħu kwistjonijiet pendenti u jeħtieġu segwitu b’saħħtu. Fis-settur tat-trasport, sar progress taħt il-programm, b’mod partikolari fit-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva tal-portijiet Portugiżi, it-tfassil ta’ pjan tat-trasport komprensiv fit-tul, wara li ġew indirizzati n-nuqqasijiet u l-lakuni li kienu indirizzati u t-titjib tal-qafas regolatorju. Madankollu, għadhom meħtieġa aktar miżuri sabiex jiġu implimentati b’mod effettiv pjan komprensiv tat-trasport fit-tul u pjan ta’ azzjoni dwar ir-riforma tal-portijiet. Hemm bżonn ukoll li jittieħdu passi biex jiżguraw l-indipendenza u l-kapaċità tar-regolatur tat-trasport u s-sostenibilità finanzjarja tal-impriżi tal-Istat fis-settur u li titjieb l-effiċjenza u l-kompetizzjoni fit-trasport ferrovjarju.

(14) Riforma importanti ġiet implimentata fis-suq tal-kera urban bil-għan li s-suq tad-djar isir aktar dinamiku inkluż billi jinstab bilanċ aħjar bejn id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet ta’ bejn is-sidien u l-inkwilini, l-introduzzjoni ta’ aktar flessibbiltà fl-għażla tal-perjodu tal-kuntratt u l-inċentivar xogħlijiet ta’ restawr. Għad hemm bżonn aktar xogħol biex jiġi evalwat b’mod komprensiv l-impatt ta’ din ir-riforma fuq il-bażi ta’ dejta dwar l-ixpruni ewlenin tas-suq u fuq l-ekonomija klandestina tas-suq tal-kiri Portugiż. Il-Portugall għamel progress sostanzjali fit-titjib tal-ambjent tan-negozju tiegħu, b’mod partikolari billi ħoloq kundizzjonijiet qafas aħjar, il-promozzjoni ta’ kultura intraprenditorjali u t-titjib tal-proċedimenti ta’ insolvenza għal ditti f’diffikultà. L-attenzjoni issa għandha tgħaddi fuq l-implimentazzjoni. Is-simplifikazzjoni ta’ proċeduri amministrattivi u tal-liċenzi għamlet progress iżda għadd ta’ miżuri għadhom mhumiex lesti. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jitneħħew l-ostakli għall-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi, b’mod partikolari billi jiġu adottati emendi settorjali, u fis-servizzi professjonali, u tiġi adottata leġiżlazzjoni fuq il-bqija korpi professjonali. F’dak li għandu x’jaqsam mar-Regolament u l-kompetizzjoni, miżuri ta’ segwitu huma meħtieġa biex jiġu żgurati l-indipendenza u l-awtonomija ta’ regolaturi settorjali nazzjonali u l-awtorità tal-kompetizzjoni. Dewmien sinifikanti għadu jaffettwa l-pagamenti mill-awtoritajiet pubbliċi.

(15) Sar progress tajjeb taħt il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku fir-razzjonalizzazzjoni u l-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika f’termini ta’ impjiegi, il-politika ta’ rimunerazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-effiċjenza organizzattiva u l-kwalità tas-servizzi. Madankollu, xi miżuri ta’ riforma previsti għad iridu jiġu ffinalizzati u trasparenza mtejba. Minkejja l-progress sinifikanti li sar biex titjieb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, hemm bżonn ta’ aktar titjib b’mod partikolari f’termini ta’ tul tal-proċedimenti, ir-rata tal-ikklirjar, l-għadd ta’ kawżi pendenti, u fil-monitoraġġ u l-proċess ta’ evalwazzjoni.

(16) Fis-[17 ta’ Ġunju] 2014, il-Kummissjoni temmet it-12 u l-aħħar analiżi skont il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku għall-Portugall. L-analiżi tagħha twassal biex tikkonkludi li l-implimentazzjoni b’suċċess tal-programm kienET strumentali fl-immaniġġar ta' riskji ekonomiċi u finanzjarji u t-tnaqqis tal-iżbilanċi. Il-Portugall adotta firxa wiesgħa ta’ riformi strutturali ebsin taħt il-programm, li qed jibdew jagħtu l-frott f’termini ta’ kompetittività msaħħa u jerġa’ jibda t-tkabbir ekonomiku, iżda hemm bżonn ta’ aktar ħidma biex jiġu evalwati l-impatt tar-riformi fuq il-funzjonament tal-ekonomija. Huwa għalhekk essenzjali, l-monitoraġġ kontinwu tar-riformi kollha implimentati li jiġi evalwat jekk dawn jikkontribwixxux biex tingħata spinta lill-kompetittività, il-produzzjoni u t-tkabbir fl-impjiegi.

(17) Billi wara t-tmiem tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku li se jkun legalment konklu fit-28 ta’ Ġunju 2014, il-Portugall se jkun integrat kompletament fl-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni, abbażi ta’ dan u fid-dawl tat-12 u l-aħħar rieżami skont il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku, evalwat id-dokumenti mressqa mill-Portugall. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fil-Portugall imma wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet lill-Portugall skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (8) hawn taħt.

(18) Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kunsill eżamina il-programm ta’ stabbiltà tal-Portugall, u l-opinjoni tiegħu[6] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu ppreparati wara l-konklużjoni b’suċċess riċenti ħafna tal-programm ta’ aġġustament u għalhekk jibnu fuq l-kisbiet tal-programm biex jiġi żgurat l-implimentazzjoni tiegħu fit-tul.

(19) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-Portugall għandu jiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Portugall jieħu azzjoni fil-perijodu 2014-2015 biex:

1.           Jimplimenta bis-sħiħ l-istrateġija baġitarja għall-2014 sabiex jintlaħqu l-miri fiskali u tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ arretrati ġodda. Għas-sena 2015, jimplimenta rigorożament l-istrateġija baġitarja kif stabbilit fid-Dokument tal-Istrateġija Fiskali tal-2014, biex id-defiċit jitniżżel għal 2.5 % tal-PDG, f’konformità mal-mira stabbilita fiir-Rakkomandazzjoniv tal-Proċedura dwar id-Defiċit Eċċessiv , filwaqt li jinkiseb l-aġġustament strutturali meħtieġ. Jissostitwixxi miżuri ta' konsolidazzjoni li l-Qorti Kostituzzjonali tikkunsidra inkostituzzjonali permezz ta' miżuri ta' daqs u kwalità simili malajr kemm jista' jkun. Il-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv għandha ssir b’mod u manjiera li tiffavorixxi t-tkabbir sostenibbli, tillimita l-ħtieġa li wieħed jirrikorri għal miżuri ta’ darba u għal miżuri temporanji. Wara l-korrezzjoni ppjanata tad-defiċit eċċessiv, għandu jsegwi aġġustament strutturali annwali lejn l-objettiv fuq perjodu medju ta’ żmien, f’konformità mar-rekwiżit ta’ aġġustament strutturali annwali ta’ mill-inqas 0.5 % tal-PDG, aktar fi żminijiet tajbin, u jiżguraw li r-regola tad-dejn tkun issodisfata biex il-proporzjon tad-dejn ġenerali għoli jaqbad triq sostenibbli. Jipprijoritizzata l-konsolidazzjoni fiskali bbażata fuq l-infiq u tiżdied aktar l-effiċjenza u l-kwalità tan-nefqa pubblika. Iżomm kontroll strett tan-nefqa għall-amministrazzjoni ċentrali, reġjonali u lokali. Jissokta l-proċess tar-ristrutturar ta’ impriżi statali. Jiżviluppa soluzzjoni li ddum biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet fuq perjodu medju sa tmiem l-2014. Jikkontrolla t-tkabbir tan-nefqa għall-kura tas-saħħa u jkompli r-riforma tal-isptar. Jeżamina mill-ġdid is-sistema tat-taxxa u jagħmilha aktar favorevoli għat-tkabbir. Ikompli jtejjeb il-konformità fiskali u jiġġieled l-evażjoni tat-taxxa billi tiżdied l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Issaħħaħ is-sistema tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi billi jiffinalizza u jimplimenta malajr riforma komprensiva tal-Qafas tal-Liġi Baġitarja sa tmiem l-2014. Jiżgura konformità stretta tal-Liġi ta’ Kontroll tal-Impenji. Jimplimenta b’mod effettiv il-paga unika u l-iskali tas-supplimenti fis-settur pubbliku mill-2015 ’il quddiem.

2.           Iżomm żviluppi fil-paga minima li jkunu konsistenti mal-għanijiet tal-promozzjoni tal-impjiegi u l-kompetittività. Jiżgura sistema tal-iffissar tal-pagi li tippromwovi l-allinjament tal-pagi u l-produttività fuq livell settorjali u/jew ta' ditta. Jesplora, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali u f’konformità mal-prattika nazzjonali, il-possibbiltà, fil-livell ta' ditti, arranġamenti ta' esklużjoni temporanja minn kuntratti settorjali miftiehma bejn min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema. Minn Settembru tal-2014, jippreżenta proposti dwar arranġamenti settorjali ta’ parteċipazzjoni fil-livell tal-kumpanija minn kuntratti miftiehma bejn min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema u dwar reviżjoni ta’ s-sopravivenza ta’ ftehimiet kollettivi.

3.           Jippreżenta, sa Marzu 2015, evalwazzjoni indipendenti tar-riformi riċenti tas-sistema ta’ protezzjoni tal-impjiegi, flimkien ma’ pjan ta’ azzjoni possibbli għal iktar riformi li jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. Ikompli r-riforma ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol u s-Servizzi tal-Impjiegi Pubbliċi, li għandhom l-għan li jżidu l-impjiegi u r-rati ta’ parteċipazzjoni tax-xogħol, speċifikament permezz ta’ titjib ta’ pariri dwar l-impjiegi/għajnuna u attivazzjonigħat-tiftix ta’ impjieg/is-sistemi ta’ sanzjonijiet bil-għan li jitnaqqas il-qgħad fit-tul u jiġu integrati dawk l-iktar imbegħdin mis-suq tax-xogħol. Jindirizza l-livell għoli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, notevolment permezz ta’ antiċipazzjoni u komunikazzjoni effettiva tal-ħiliet taż-żgħażagħ mhux reġistrati, f’konformità mal-objettivi tal-garanzija għaż-żgħażagħ. Iżid il-limitu għall-eliġibbiltà ta’ skema ta’ dħul minimu. Jiżgura kopertura xierqa ta’ assistenza soċjali, filwaqt li jiżgura l-attivazzjoni effettiva ta’ dawk li jirċievu l-benefiċċji.

4.           Itejjeb il-kwalità u r-rilevanza tas-sistema edukattiva sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u jiġu indirizzati r-rati għal prestazzjonijiet edukattivi baxxi. Jiżgura nefqa pubblika effiċjenti fl-edukazzjoni u fit-tnaqqis tad-differenzi fil-ħiliet, inkluż billi jżid il-kwalità u l-attrazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u jrawwem kooperazzjoni mas-settur tan-negozju. Isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn ir-riċerkapubblika u n-negozju u jindokra t-trasferiment tal-informazzjoni.

5.           Jissorvelja l-pożizzjoni ta’ likwidità tal-banek u n-nuqqas potenzjali fil-kapital, inkluż permezz ta’ spezzjonijiet tematiċi fuq il-post u l-ittestjar tal-istress. Ikompli l-valutazzjoni ta’ pjanijiet ta’ rkupru tal-banek u jintroduċi titjib fil-proċess ta’ evalwazzjoni fejn meħtieġ. Jimplimenta strateġija komprensiva biex jitnaqqas dejn korporattiv u jsaħħaħ l-isforzi biex titwessa’ l-firxa ta’ finanzjament alternattiv, inkluż għall-istadji bikrija ta’ żviluppi tan-negozju, billi jtejjeb l-effiċjenza ta’ għodod ta’ ristrutturar tad-dejn (partikolarment il-PER u SIREVE) għal kumpaniji vijabbli, l-introduzzjoni ta’ inċentivi għall-banek u d-debituri li jinvolvu ruħhom fi proċessi ta’ ristrutturar fi stadju bikri u t-titjib tad-disponibbiltà ta’ ffinanzjar permezz tas-suq kapitali. Jiżgura li miżuri identifikati jappoġġjaw ir-riallokazzjoni ta’ finanzjament lejn setturi produttivi tal-ekonomija. Jimplimenta, [sal-aħħar ta’ Settembru 2014], sistema ta’ twissija bikrija biex tidentifika kundizzjonijiet finanzjarji dgħajfa tal-kumpaniji, inklużi l-SMEs, bil-ħsieb li tappoġġa ristrutturar bikri tad-dejn korporattiv, jonqsu l-arretrati tas-self tal-SMEs, u titħaffef ir-riżoluzzjoni ta’ self improduttiv.

6.           Jimplimenta t-tieni u t-tielet pakkett ta’ miżuri fis-settur tal-enerġija bl-għan li jnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija għall-ekonomija, filwaqt li jiġu eliminati djun tariffarji tal-elettriku sal-2020, u jissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni. Itejjeb l-integrazzjoni transkonfinali tan-netwerks tal-enerġija u titħaffef l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interkonnessjoni tal-elettriku u tal-gass. Jimplimenta pjan tat-trasport komprensiv fit-tul u “kronogramma” li tistabbilixxi r-riformi settorjali tal-portijiet. Jiżgura li n-negozjati ġodda tal-konċessjonijiet eżistenti tal-portijiet u l-iskemi ġodda ta’ awtorizzazzjoni huma orjentati lejn u f’konformità mal-prinċipji tas-suq intern, b’mod partikolari r-regoli tal-akkwisti. Jiżgura li l-awtorità regolatorja nazzjonali għat-trasport (AMT) tkun kompletament indipendenti u operattiva sal-aħħar ta’ Settembru 2014. Jiżgura s-sostenibbiltà finanzjarja tal-impriżi tal-Istat fis-settur tat-trasport. Isaħħaħ l-effiċjenza u l-kompetizzjoni fis-settur tal-ferrovija, billi jimplimenta l-pjan għall-kompetittività ta’ CP Carga, wara t-trasferiment ta’ terminals tal-merkanzija, u billi jiżgura l-indipendenza maniġerjali tl-maniġer tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji propjetà tal-Istat.

7.           Ikompli jtejjeb l-evalwazzjoni tas-suq tad-djar Portugiż, inkluż billi istabbilixxi, sal-aħħar ta’ Novembru 2014, qafas ta’ monitoraġġ u rappurtar aktar sistematiku u joħroġ rapport komprensiv dwar l-ekonomija moħbija f’dak is-suq. Ikompli bl-isforzi biex jitwettqu aktar inventarji ta’ piżijiet regolatorji bil-ħsieb li jinkludu, sa Marzu 2015, setturi li għadhom mhumiex koperti. Jadotta u jimplimenta, sal-aħħar ta’ Settembru 2014, id-digrieti pendenti ta’ liċenzjar u l-emendi settorjali. Ineħħi, sal-aħħar ta’ Settembru 2014, ir-restrizzjonijiet li għad fadal fis-settur tas-servizzi professjonali u jdaħħal fis-seħħ il-korpi professjonali emendati bil-liġijiet li għadhom ma ġewx adottati taħt il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku. Jelimina d-dewmien fil-pagamenti mis-settur pubbliku. Jiżgura riżorsi adegwati tar-regolaturi nazzjonali u l-awtorità tal-kompetizzjoni u jadotta malajr permezz ta' liġijiet tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

8.           Ikompli jirrazzjonalizza u jimmodernizza l-amministrazzjoni pubblika ċentrali, reġjonali u lokali. Jimplimenta r-riformi biex titjieb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u tiżdied it-trasparenza. Iżid l-isforzi biex jevalwa l-implimentazzjoni tar-riformi li saru taħt il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku kif ukoll riformi futuri u ppjanati. B’mod partikolari, jdaħħal valutazzjonijiet sistematiċi u mandatorja ex ante u ex post fil-proċess leġislattiv. Iwaqqaf unità ta’ evalwazzjoni funzjonalment indipendenti fil-livell tal-gvern ċentrali, li tivvaluta u tirraporta kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi, inkluż konsistenza ma’ valutazzjoni tal-impatt ex ante, b’passi korrettivi jekk ikun hemm bżonn.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               COM(2014) 423 final.

[3]               P7_TA(2014)0128 and P7_TA(2014)0129.

[4]               COM(2013) 800 final

[5]               COM(2013) 790 final

[6]               Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.