52014DC0419

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm ta' riforma nazzjonali għall-2014 ta' Malta_x000b__x000b_u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà ta' Malta għall-2014_x000b_ /* COM/2014/0419 final - 2014/ () */


 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm ta' riforma nazzjonali għall-2014 ta' Malta u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà ta' Malta għall-2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropea[3],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija, li tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u kompetittività.

(2) Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri, li flimkien jiffurmaw il-"linji gwida integrati". L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

(3) Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeċidew dwar Patt għal Tkabbir u Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni f'livell nazzjonali, dak tal-UE kif ukoll taż-Żona tal-Euro permezz tal-użu tal-għodod, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew impenn sħiħ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(4) Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma ta' Malta għall-2013 u wassal l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' stabbiltà ta' Malta aġġornat għall-2012-2016. Fil-15 ta' Novembru 2013, b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 473/2013[4], il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju ta' Malta għall-2014[5].

(5) Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[6], li jagħti bidu għas-Semestru Ewropew 2014 tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-istess ġurnata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[7], li fih Malta ġiet identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq eżami mill-ġdid fil-fond.

(6) Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja, konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu ttrattati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi mmodernizzata.

(7) Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tal-eżami mill-ġdid fil-fond dwar Malta[8], skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslet biex jiġi konkluż li Malta ma kienx għad għandha żbilanċi makroekonomiċi fis-sens tal-Proċedura tal-Iżbilanċ Makroekonomiku. Għalkemm id-dejn jibqa’ għoli, ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn tas-settur privat u pubbliku u l-istabbiltà tas-settur finanzjarju jidhru stabbli, anki jekk dawn jistħoqqilhom monitoraġġ kontinwu. B'mod partikolari, l-indikaturi tal-istabbiltà finanzjarja għadhom sodi. Madankollu, fid-dawl tan-natura strutturali tar-riskji fis-settur, kontinwazzjoni tal-prattiċi prudenti attwali ta' superviżjoni u teħid ta' riskji hija fundamentali. Is-suq tad-djar sar stabbli u għalhekk ir-riskji minn skopertura eċċessiva għall-proprjetà huma limitati. Id-dejn privat qed jonqos; id-disingranaġġ korporattiv qed iseħħ b'mod kontrollat u l-pressjonijiet fuq is-suq tal-krediti huma limitati.

(8) Fis-16 ta' April 2014, Malta ppreżentat il-programm nazzjonali ta' riforma għall-2014 li kien aġġornat fit-8 ta' Mejju 2014 u fit-30 ta' April 2014 ippreżentat il-programm ta' stabbiltà tagħha għall-2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ Programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(9) L-objettiv tal-istrateġija baġitarja msemmi fil-Programm ta' Stabbiltà 2014 huwa li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv b'mod sostennibbli sal-2014 u biex gradwalment jintlaħaq l-objettiv fuq terminu medju ta' pożizzjoni baġitarja bilanċjata f'termini strutturali, li huwa aktar strinġenti minn dak li jeħtieġ il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, mhux ippjanat li jintlaħaq l-objettiv ta’ terminu medju matul il-perjodu tal-programm. Fl-2014, l-aġġustament strutturali (rekalkulat) ippjanat mhux se jilħaq l-isforz rakkomandat bi ftit. Wara l-korrezzjoni ppjanata tad-defiċit eċċessiv, hija ppjanata devjazzjoni żgħira mill-perkors tal-aġġustament lejn l-objettiv fuq terminu medju fl-2015. Minn hemm 'il hemm, il-progress annwali ppjanat lejn l-objettiv fuq terminu medju huwa fil-biċċa l-kbira skont ir-rekwiżit ta' mill-inqas 0,5 % tal-PDG. Il-programm jipprojjetta li d-dejn tal-gvern, li kien ta' 73 % tal-PDG fl-2013 se jitpoġġa fid-direzzjoni 'l isfel, f'konformità mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn, sa mill-2014. Kumplessivament, l-objettivi tal-programm huma fil-biċċa l-kbira skont ir-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Ix-xenarju makroekonomiku sottostanti l-previżjonijiet fiskali fil-programm, li kien ġie approvat minn korp indipendenti (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar), huwa plawsibbli għall-2014 u l-2015 minħabba li l-previżjonijiet tat-tkabbir ekonomiku huma marġinalment inqas minn dawk tal-Kummissjoni fit-tbassir tar-Rebbiegħa 2014 għal dawn is-snin. Madankollu, ir-riskji għall-miri baġitarji jxeqilbu lejn in-naħa t'isfel, peress li ż-żieda fid-dħul strutturali pjanata matul il-perjodu tal-programm mhijiex sottostanzjata bis-sħiħ minn miżuri u infiq akbar milli ppjanat jista' jkun jeħtieġ żborżi baġitarji ogħla. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, fl-2014 Malta hija mistennija tikkoreġi sostanzjalment id-defiċit eċċessiv tagħha. Fl-istess waqt, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni, l-isforz fiskali fuq il-perjodu 2013-2014 ma jilħaqx b'1,6 % tal-PDG f'termini ta' bidla (ikkoreġuta) fil-bilanċ strutturali u b'1,25% tal-PDG f'termini ta' ammont ta' miżuri meħtieġa estimati bħala meħtieġa fi żmien ir-rakkomandazzjoni tal-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv. Filwaqt li ma hemmx marġini fir-rigward tal-konformità mal-parametru referenzjarju għat-tnaqqis mid-dejn fl-2014, ir-riskji tax-xenarju tad-dejn ixeqilbu lejn in-naħa pożittiva. fl-2015, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-progress meħtieġ lejn l-objettiv ta’ terminu medju. Abbażi tal-valutazzjoni tagħha tal-programm u t-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, l-opinjoi tal-Kunsill hija li, filwaqt li d-defiċit nominali pjanat u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta' Malta huma konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv, huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex l-aġġustament strutturali jinġieb f'konformità ma' dak rakkomandat fl-2014 u biex ikun żgurat perkors xieraq lejn l-objettiv fuq terminu medju mill-2015.

(10) In-natura mhux vinkolanti tal-qafas fiskali ta' Malta u l-orizzont qasir tal-ippjannar fiskali mhumiex ta' sostenn għal pożizzjoni fiskali soda. L-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni li kellha tidħol fis-seħħ sal-aħħar tal-2013 u mmirata lejn li jintlaħqu r-rekwiżiti tad-Direttiva 85/2011/UE dwar l-oqfsa baġitarji u l-Patt Fiskali ġiet ittardjata. Madankollu, skont il-Programm ta' Stabbiltà l-Gvern ta' Malta riċentament approva l-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali, li se jiġi sottomess għall-approvazzjoni tal-parlament. L-abbozz tal-att jipprevedi l-introduzzjoni ta' regola ta' baġit bilanċjat f'termini strutturali, regola dwar id-dejn, qafas baġitarju rolling fuq tliet snin u l-istabbiliment gradwali ta' kunsill fiskali li jkun inkarigat bl-approvazzjoni tat-tbassir makroekonomiku u fiskali uffiċjali tal-gvern kif ukoll bil-monitoraġġ ex ante u ex post tar-rispett tar-regoli fiskali.

(11) Id-dipartimenti tad-dħul ta' Malta se jiġu integrati f'awtorità unika, li se tirrazzjonalizza l-proċessi tal-ġbir tat-taxxa u tiġġieled l-evażjoni. Sabiex titjieb il-konformità tat-taxxa u jitħeġġeġ l-irkupru tal-ammonti dovuti, ġew riveduti l-penali fil-leġiżlazzjoni tal-VAT u l-imgħaxx fuq it-taxxi dovuti. Ġew introdotti diversi miżuri oħra li wkoll huma mistennija jikkonsolidaw is-sistema tat-taxxa ta' Malta. Dawn il-miżuri huma fid-direzzjoni t-tajba, iżda l-impatt tagħhom għadu jrid jibda jinħass.

(12) Minkejja li għadhom jeżistu sfidi fir-rigward tas-sostennibbiltà tal-finanzi pubbliċi ta' Malta, sa issa ftit sar progress fir-riformi tas-sistema tal-pensjonijiet tagħha u s-sostennibbiltà tas-servizzi tas-saħħa tagħha. Filwaqt li twaqqaf Grupp għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet biex jivvaluta l-alternattivi kollha biex tiġi riformata s-sistema tal-pensjoni, l-awtoritajiet Maltin ikkommettew ruħhom li ma jogħlux l-età statutorja tal-irtirar aktar miż-żidiet li ddaħħlu fir-riforma tal-pensjoni tal-2006. L-età statutorja tal-irtirar għalhekk tibqa' mhux marbuta mal-istennija tal-għomor, ħaġa li toħloq problema għas-sostennibbiltà fit-tul u l-adegwatezza tal-pensjonijiet. Filwaqt li Malta beħsiebha tindirizza dawn in-nuqqasijiet b'miżuri fis-suq tax-xogħol u speċjalment bl-istrateġija tat-tixjiħ attiv li adottat reċentament, x'aktarx li dan mhux se jsolvi l-problema. Is-sostennibbiltà tas-sistema tal-kura tas-saħħa żżid l-isfida fid-dawl ta' żieda pproġettata fl-infiq relatat mal-età. Għadu kif tnieda abbozz ta' strateġija tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali, iżda mhuwiex ċar kif dan se jiġi implimentat u x'vantaġġi se jġib f'termini ta' kosteffikaċja u sostennibbiltà. Hemm bżonn li l-kura primarja pubblika tissaħħaħ.

(13) It-tluq mill-iskola kmieni f'Malta għadu għoli, iżda qed jittieħdu miżuri biex dan jitnaqqas u qed titwaqqaf sistema komprensiva ta' monitoraġġ. Il-livell tal-ħiliet bażiċi għadu baxx madankollu u jikkontribwixxi għal litteraliżmu baxx u tluq mill-iskola kmieni. Implimentazzjoni tajba tal-Istrateġija Nazzjonali għal-Litteraliżmu li ġiet adottata dan l-aħħar hija mistennija ssostni l-isforzi li jindirizzaw dan in-nuqqas. Dan se jiġi kkumplimentat b'aktar miżuri, li huma mistennija jżidu r-rilevanza tat-taħriġ u l-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol. Dawn jinkludu r-riforma fil-qafas tal-apprendistat, l-istabbiliment ta' strateġija għat-tagħlim tul il-ħajja kollha, l-introduzzjoni ta' tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u programm speċifiku finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew.

(14) Malta bħalissa qed timplimenta għadd ta' miżuri sinifikanti li għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, speċjalment permezz tal-għoti ta' servizzi ta' indukrar tat-tfal bla ħlas lil unitajiet domestiċi fejn il-ġenituri jaħdmu jew qed ikomplu jistudjaw. L-implimentazzjoni effettiva se tkun ta' importanza kruċjali. L-awtoritajiet qed jgħinu wkoll biex it-tfal jiġu indukrati wara l-ħin tal-iskola u joffru opportunitajiet biex it-tfal jintbagħtu l-iskola qabel il-ħinijiet tal-ftuħ stipulati, ħalli r-responsabbiltajiet ġeniturjali jkun jistgħu jiġu rikonċiljati aħjar mal-ħajja tax-xogħol. Huma wkoll previsti inċentivi tat-taxxa biex il-ġenituri jitħeġġu jibagħtu lit-tfal f'faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal li diġà qed ħadmu skont skemi preċedenti. Madankollu ftit qed isir biex jingħataw u jiġi promoss l-użu ta' arranġamenti flessibbli ta' xogħol, bħal telexogħol u ħin flessibbli, li jistgħu jgħinu bir-reintegrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

(15) Sabiex titjieb aktar il-kompetittività internazzjonali tagħha, flimkien ma' li tevita l-impatt negattiv potenzjali ta' misallinjament bejn l-iżviluppi fil-pagi u l-prodottività, Malta għad jeħtiġilha tindirizza n-nuqqasijiet infrastrutturali fis-setturi tal-enerġija u t-trasport li jdgħajfu l-potenzjal tagħha, speċjalment fid-dawl tal-kosti elevati tal-enerġija. L-interkonnettur tal-elettriku mal-Italja għandu jkun lest din is-sena, u se jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u jista' jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-provvista u l-użu ta' enerġija rinnovabbli ġenerata esternament. Il-konnessjoni pjanata man-netwerk Ewropew tal-gass ukoll se żżid it-taħlita tal-enerġija ta' Malta u trendiha inqas dipendenti fuq sors prinċipali wieħed ta' enerġija u b'hekk iżżid l-attrattività tagħha bħala post tan-negozju. Is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli domestiċi, bl-eċċezzjoni ta' xi suċċess fejn tidħol l-enerġija fotovultajka, huma sors li għad irid jiġi sfruttat.

(16) Ċerti ineffiċjenzi fl-amministrazzjoni pubblika qed ikomplu jillimitaw il-klima kummerċjali f'Malta. Filwaqt li t-titjib fl-akkwist pubbliku sejjer fid-direzzjoni t-tajba, il-proċeduri tal-akkwist għadhom twal iżżejjed u jwasslu għal infiq pubbliku ineffiċjenti. Dawn il-miżuri mhumiex akkumpanjati minn miri u għalhekk il-valutazzjoni tal-effikaċja tagħhom hija diffiċli. In-nuqqas ta' alternattivi għall-finanzjament tad-dejn iwassal għal kosti għoljin għall-finanzjament tal-kumpaniji, ħaġa li tpoġġi pressjoni fuq l-attività ekonomika tagħhom. Din it-tendenza tad-dejn korporattiv tista' twassal għal ingranaġġ korporattiv għoli u allokazzjoni mhux biżżejjed tal-kapital. Għalhekk jeħtieġ li jinstabu aktar opportunitajiet ta' finanzjament mhux bid-dejn. L-ineffiċjenzi fis-sistema ġuridika enfasizzati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2013 għal Malta għadhom hemm. Filwaqt li huwa mistenni li għadd mill-ħafna proposti ta' riforma li għamlet il-Kummissjoni għar-Riforma tal-Ġustizzja f'Novembru 2013 se jiġu implimentati sal-aħħar tal-2014, għad iridu jitħabbru skeda u prijoritazzjoni tal-miżuri ċari. Wieħed għadu wkoll irid jara kif dawn se jindirizzaw ix-xogħol b'lura, partikolarment fir-rigward tan-nuqqasijiet identifikati hawn fuq.

(17) Malta saħħet is-sorveljanza regolatorja tagħha biex tiżgura l-istabbiltà tas-settur finanzjarju. Is-superviżjoni makroprudenzjali żdiedet mal-funzjonijiet tal-Bank Ċentrali ta' Malta, u qed issir enfasi speċjali fuq il-kwistjonijiet ta' stabbiltà finanzjarja, filwaqt li l-Bord Konġunt għall-Istabilità Finanzjarja issa huwa mdaħħal fil-leġiżlazzjoni. Ittieħdu miżuri sodisfaċenti biex jitjieb il-provvediment għat-telf mis-self, l-aktar permezz tal-introduzzjoni ta' reviżjoni tar-Regola Bankarja nru 9.

(18) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Malta. Ivvalutat l-programm ta' stabbiltà u l-programm nazzjonali ta' riforma. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli f’Malta iżda anki l-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew jidhru fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (5) hawn taħt.

(19) Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà ta' Malta, u l-opinjoni tiegħu[9] tidher b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

(20) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro inġenerali. Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Malta għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Malta tieħu azzjoni fil-perjodu 2014-2015 sabiex:

1.           Tikkoreġi d-defiċit eċċessiv b'mod sostenibbli sal-2014. Fl-2015, issaħħaħ b'mod sinifikanti l-istrateġija baġitarja biex tiżgura l-aġġustament strutturali meħtieġ ta' 0,6 % tal-PDG lejn l-objettiv ta’ terminu medju. Għalhekk, twettaq aġġustament strutturali ta' mill-inqas 0,5 % tal-PDG kull sena, u aktar f'kundizzjonijiet ekonomiċi tajbin jew jekk meħtieġ li tiżgura li r-regola tad-dejn tintlaħaq sabiex il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jinżamm b'mod sostenibbli fid-direzzjoni 'l isfel. Tlesti l-adozzjoni tal-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali bil-ħsieb li ddaħħal fis-seħħ qafas fiskali multiannwali abbażi ta' regoli u vinkolanti u tistabbilixxi istituzzjoni indipendenti inkarigata bil-monitoraġġ tar-regoli fiskali u li tapprova t-tbassir makroekonomiku li jissottostanzja l-ippjanar fiskali. Tkompli ssaħħaħ il-konformità tat-taxxa u tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa billi tiżgura t-twettiq u l-evalwazzjoni tal-miżuri li ttieħdu s'issa, filwaqt li tieħu azzjoni addizzjonali, speċjalment billi tippromwovi l-użu ta' mezzi elettroniċi tal-pagament.

2.           Tgħaġġel ir-riforma tal-pensjonijiet li għaddejja, speċjalment billi tgħaġġel iż-żieda ppjanata fl-età statutorja tal-irtirar u billi wara torbotha mal-bidliet fl-istennija tal-għomor. Tiżgura li riforma komprensiva fis-sistema tas-saħħa pubblika twassal għal użu kosteffikaċi u sostenibbli tar-riżorsi disponibbli, bħat-tisħiħ tal-kura primarja.

3.           Tkompli l-isforzi politiċi biex tindirizza r-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol u ttejjeb il-livell tal-ħiliet bażiċi li jinkisbu billi żżid l-isforzi fuq ir-riforma li ilu jinħass il-bżonn li ssir fis-sistema tal-apprendistat. Tnaqqas aktar it-tluq kmieni mill-iskola, speċjalment billi tlesti u timplimenta l-istrateġija nazzjonali għal-litteriżmu mħabbra. Ittejjeb aktar il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, speċjalment ta' dawk li jixtiequ jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol billi tippromwovi arranġamenti ta' xogħol flessibbli.

4.           Tiddiversifika t-taħlita tal-enerġija fl-ekonomija, inkluż billi żżid il-porzjon ta' enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli.

5.           Tkompli l-isforzi biex ittejjeb l-effiċjenza u tnaqqas it-tul tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku; tħeġġeġ alternattivi għall-finanzjament tad-dejn tal-kumpaniji billi tiffaċilita l-aċċess għas-swieq tal-kapital u tiżviluppa fondi ta' kapital ta’ riskju; u żżid l-effiċjenza tas-sistema ġuridika billi tiżgura implimentazzjoni f'waqtha u effiċjenti tar-riforma ġudizzjarja pjanata.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               COM(2014) 419 final.

[3]               P7_TA(2014)0128 u P7_TA(2014)0129.

[4]               ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.

[5]               C(2013) 8007 final

[6]               COM(2013) 800 final

[7]               COM(2013) 790 final

[8]               SWD(2014) 150 final

[9]               Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.