Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Lussemburgu għall-2014_x000b__x000b_u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Lussemburgu għall-2014 /* COM/2014/0417 final - 2014/ () */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma
tal-Lussemburgu għall-2014
u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà
tal-Lussemburgu għall-2014 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2)
u 148(4) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar
it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u
s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u
b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea[2], Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet
tal-Parlament Ewropew[3], Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Impjiegi, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Finanzjarju, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Protezzjoni Soċjali, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Politika Ekonomika, Billi: (1)
Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill
Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija
strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020,
ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija,
li tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni sabiex
jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli
u kompetittività. (2)
Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill,
abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji
gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri
u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010,
adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi
tal-Istati Membri, li flimkien jiffurmaw il-"linji gwida integrati".
L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati
fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom. (3)
Fid-29 ta' Ġunju 2012,
il-Kapijiet ta' Stat jew Gvern iddeċidew dwar Patt għal Tkabbir u
Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni f'livell nazzjonali,
dak tal-UE kif ukoll taż-Żona tal-Euro permezz tal-użu
tal-għodod, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew
dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod
partikolari li tesprimi impenn b'mod sħiħ sabiex jinkisbu l-objettivi
tal-Ewropa 2020 u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet
speċifiċi għall-pajjiż. (4)
Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill
adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Lussemburgu
għall-2013 u wassal l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' stabbiltà
tal-Lussemburgu aġġornat għall-2012-2016.
Fil-15 ta' Novembru 2013, f'konformità mar-Regolament
(UE) Nru 473/2013[4], il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni
tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-Lussemburgu
għall-2014[5]. (5)
Fit-13 ta' Novembru 2013,
il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[6], li jagħti bidu għas-Semestru Ewropew tal-2014
tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-istess ġurnata abbażi
tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar
il-Mekkaniżmu ta' Twissija[7], li fih hija identifikat lill-Lussemburgu bħala wieħed
mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq eżami mill-ġdid
fil-fond. (6)
Fl-20 ta' Diċembru 2013,
il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà
finanzjarja, konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ
it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament
fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self
għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu
promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu trattati l-qgħad u
l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika
tiġi mmodernizzata. (7)
Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni
ppubblikat ir-riżultati tal-eżami mill-ġdid fil-fond tagħha
għal-Lussemburgu[8], skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011.
L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-Lussemburgu ma
għandhiex żbilanċi makroekonomiċi fis-sens
tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku. B'mod partikulari,
l-analiżi tal-bilanċ pożittiv fil-kont kurrenti turi li dan
mhuwiex ġej minn domanda domestika fjakka, iżda huwa riżultat
tal-mudell ta' tkabbir partikulari tal-pajjiżi li huwa bbażat
ħafna fuq is-servizzi finanzjarji. Ir-riskji għall-istabbiltà
finanzjarja domestika li ġejjin mill-preżenza ta' settur finanzjarju
kbir jeżistu iżda huma relattivament miżmuma hekk kif is-settur
jiddiversifika u jispeċjalizza fl-istess ħin. Il-livell għoli
ta' dejn fis-settur privat, b'mod partikulari fost il-korporazzjonijiet mhux
finanzjarji jirrifletti b'mod prinċipali l-preżenza ta' għadd
kbir ta' impriżi multinazzjonali li jużaw il-fergħat jew
is-sussidjarji tagħhom fil-Lussemburgu għal operazzjonijiet ta'
finanzjament intragrupp. Fl-aħħar nett, il-pożizzjoni favorevoli
attwali tal-finanzi pubbliċi tiddependi ħafna fuq is-sostenibbiltà
ta' mudell ta' tkabbir ibbażat fuq settur finanzjarju ta'
suċċess u tippreżenta riskju għas-sostenibbiltà għolja
fit-tul. (8)
Fit-28 ta' April 2014,
il-Lussemburgu ppreżenta l-programm nazzjonali ta' riforma għall-2014
u fil-25 ta' April 2014 il-programm tiegħu ta' stabbiltà
għall-2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom,
iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien. (9)
L-objettiv tal-istrateġija baġitarja
tat-terminu medju li huwa enfasizzat fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 huwa
li jirritorna għall-objettiv ta' terminu medju fl-2016, wara li ddevja
minnu b'mod sinifikanti fl-2015. Il-programm jikkonferma l-objettiv ta' terminu
medju preċedenti ta' bilanċ favorevoli ta' 0,5 % tal-PDG, li
jirrifletti r-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-bilanċ
pożittiv strutturali (ikkalkulat mill-ġdid) tal-gvern ġenerali
huwa mbassar jonqos minn 1,4 % tal-PDG fl-2013 għal 1,1 % fl-2014,
qabel jinbidel f'defiċit ta' 0,1 % tal-PDG fl-2015. Minn hemm 'il
quddiem, huwa ppjanat li jinkisbu bilanċi favorevoli strutturali li jikbru
gradwalment. Għaldaqstant, il-Lussemburgu huwa mistenni li jibqa'
fl-objettiv ta' terminu medju tiegħu fl-2014, iżda li jiddevja b'mod
sinifikanti minnu fl-2015. Skont il-programm, ir-rata ta' tkabbir tal-infiq
pubbliku, mingħajr il-miżuri diskrezzjonali tal-introjtu, tkun
ogħla mir-rata ta' terminu medju ta' referenza tat-tkabbir potenzjali
tal-PDG fl-2015. B'mod ġenerali, l-objettivi tal-programm huma parzjalment
konformi mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u
Tkabbir, b'devjazzjoni b'mod partikulari fl-2015. Il-proporzjon tad-dejn, li
kien ta' 23,1 % tal-PDG fl-2013, li huwa ħafna taħt is-60 %
tal-valur referenzjarju tal-PDG, huwa mbassar li jkompli jonqos matul
il-perjodu tal-programm. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed it-tbassir
baġitarju fil-programm, li ġie ppreparat minn korp indipendenti
(STATEC), huwa kemxejn ottimist għall-2014 u l-2015. Il-gvern ibassar rata
ta' tkabbir tal-PDG ta' 3,2 % kemm fl-2014 kif ukoll fl-2015, filwaqt li
t-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2014 ibassar 2,6 %
u 2,7 % rispettivament. Barra minn hekk, il-miżuri li jirfdu l-mixja
fiskali għall-perjodu 2015-18 għadhom ma ġews kompletament
speċifikati mill-awtoritajiet. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, li ma
jiħux inkonsiderazzjoni l-aktar miżuri mħabbra riċentement,
il-bilanċ favorevoli strutturali huwa stmat li jonqos għal 0,6 %
tal-PDG fl-2014 u jinbidel f'defiċit ta' 1,3 % tal-PDG fl-2015.
Ir-rata ta' tkabbir tal-infiq pubbliku, mingħajr il-miżuri
diskrezzjonali tal-introjtu, hija stmata li tkun ogħla mir-rata ta'
terminu medju ta' referenza tal-PDG potenzjali fl-2015, meta tkun mistennija
devjazzjoni sinifikanti. Abbażi tal-valutazzjoni tagħha tal-Programm
ta' Stabbiltà tal-2014 u t-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li hemm riskji
għall-ksib tal-miri tal-programm, li huma biss parzjalment konformi
mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, b'mod
partikulari mill-2015. (10)
F'Lulju 2013 il-gvern ippreżenta abbozz
ta' liġi lill-parlament dwar it-traspożizzjoni
tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 85/2011 dwar oqfsa
baġitarji u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza
fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Filwaqt li l-abbozz ta' liġi huwa
mistenni li jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014,
l-adozzjoni tiegħu ġiet posposta minħabba r-riżenja tal-gvern
f'Lulju. Skont l-abbozz ta' liġi, Liġi ta' Programm Finanzjarju
Multiannwali tiġi introdotta li tkopri l-istess perjodu ta' żmien
bħall-aġġornament li ġej tal-programm ta' Stabbiltà.
Il-Liġi ta' Programm Finanzjarju Multiannwali tiġi
aġġornata annwalment kontinwament, flimkien mal-baġit annwali.
Hija tagħti dettalji dwar pjanijiet biex jinkiseb l-objettiv
baġitarju ta' terminu medju fil-livell tal-gvern ġenerali. L-abbozz
ta' liġi jintroduċi livelli massimi Multiannwali fil-Liġi ta'
Programm Finanzjarju Multiannwali li jkopri s-settur tal-gvern ċentrali biss,
iżda ma hemm l-ebda speċifikazzjoni dwar il-konsegwenzi f'każ li
jinqabżu l-livelli massimi. L-abbozz ta' liġi ma jbassarx regola
nazzjonali tal-infiq li tiggwida t-twaqqif ta' miri multiannwali tal-infiq.
Madankollu, huwa għandu dispożizzjonijiet għall-pjan ta'
aġġustament biex jiġi rispettat l-objettiv ta' terminu medju.
F'Marzu 2014 ġie ppreżentat abbozz rivedut tal-liġi
lill-Parlament, u fost affarijiet oħrajn jipprevedi l-allokazzjoni
tal-kompitu għall-monitoraġġ indipendenti ta' regoli fiskali
għal istituzzjoni ġdida, il-"Conseil National des Finances
Publiques". (11)
Barra minn hekk, id-dħul mit-taxxa se
jintlaqat mir-regoli l-ġodda dwar id-dħul mill-VAT
iġġenerat minn attivitajiet tal-kummerċ elettroniku. Mill-2015,
tali dħul se jiġi trasferit mill-pajjiż fejn jinsab il-fornitur
lejn dak tar-residenza tal-klijent. Il-gvern ħabbar li r-rati tal-VAT se
jiżdiedu b'2 pps, u dan għandu parzjalment jikkompensa
għat-telf mid-dħul. Madankollu, minħabba l-użu mifrux ta'
rati mnaqqsa u mnaqqsa ħafna, jista' jsir dħul addizzjonali billi
tiġi estiża l-applikazzjoni tar-rata standard u b'hekk tikkumpensa
aktar għat-telf imsemmi hawn fuq. (12)
In-nefqa pubblika tal-pensjonijiet bħala
proporzjon tal-PDG fil-Lussemburgu għandha tiżdied, skont il-figuri
tar-Rapport tal-2012 tal-Kummissjoni dwar it-Tixjiħ, minn 9,2 %
tal-PDG għal 18,6 % fl-2060. Dan huwa l-aktar minħabba l-infiq
relatat mat-tixjiħ u b'mod partikulari l-pensjonijiet. Ir-riforma
tal-pensjonijiet tal-2012 kienet limitata fil-kamp ta' applikazzjoni
tagħha u ma indirizzatx b'mod sostanzjali t-theddida tas-sostenibilità
fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Il-finanzjament ta' terminu qasir
tas-sistema tal-pensjonijiet bħalissa huwa garantit minn proporzjon baxx
ta' dipendenza tal-età avvanzata u jserraħ fuq il-kontribuzzjonijiet
imħallsa mill-popolazzjoni relattivament żagħżugħa
tal-ħaddiema transfruntiera. Fil-futur, din it-tendenza hija mistennija li
tinbidel u l-kostijiet tal-pensjonijiet, kif ukoll il-kostijiet tal-kura
fit-tul, probabbilment se jiżdiedu b'mod sostanzjali. Sabiex tiġi
garantita l-vijabbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet, teħtieġ
żieda sostanzjali fir-rata tal-kontribuzzjonijiet wara l-2020, barra
mill-moderazzjoni integrata tal-adattament tal-pensjonijiet għal-livell
ta' għajxien. Dan ifisser żieda sinifikanti fil-piż fuq
ix-xogħol appoġġat mill-popolazzjoni attiva futura u konsegwentement
tnaqqis fil-kompetittività tal-kostijiet. Minħabba l-livell attwalment
għoli tar-rata ta' sostituzzjoni, setgħu ttieħdu xi miżuri
differenti sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni aktar ġusta
tal-piż fost il-ġenerazzjonijiet. L-introduzzjoni ta' limitu massimu
fuq l-aġġustamenti tal-pensjonijiet abbażi ta' żidiet reali
fil-pagi jżid ir-riżervi tal-pensjonijiet. Barra minn hekk,
iż-żieda fl-età ta' rtirar effettiv, li bħalissa hija l-età ta'
59 sena, billi tiġi allinjata mal-bidla fl-istennija tal-għomor,
tgħin sabiex tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema
tal-pensjonijiet. Barra minn hekk, il-possibilitajiet għal irtirar bikri
għandhom jitnaqqsu. L-inċentivi finanzjarji sabiex jittawlu
l-karrieri tax-xogħol, kif previst fir-riforma tal-pensjonijiet, jistgħu
jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet, iżda
l-impjegabbiltà tal-ħaddiema akbar fl-età għandha tkompli tittejjeb
billi tissaħħaħ l-edukazzjoni vokazzjonali u t-tagħlim tul
il-ħajja. Jeħtieġ li l-Lussemburgu jrażżan
il-ħtieġa futura għal kura fit-tul, u l-kostijiet relatati
magħha, sabiex jiżgura s-sostenibbiltà tagħha. Is-servizzi
tal-kura fit-tul jistgħu wkoll isiru aktar kosteffiċjenti billi
tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn il-kura tas-saħħa u
l-kura soċjali, jittejjeb it-twassil tas-servizzi u jiġu
appoġġati aħjar dawk li jieħdu ħsieb il-familji. (13)
Il-bilanċ favorevoli tal-kont kurrenti
tal-Lussemburgu huwa mmexxi mis-servizzi finanzjarji u jaħbi defiċit
persistenti u li gradwalment jiżdied fil-bilanċ kummerċjali
għall-oġġetti, li ġej minn tkabbir bil-mod
fl-esportazzjoni. Filwaqt li din it-tendenza tirrifletti l-importanza li dejjem
tiżdied tas-settur tas-servizzi fl-ekonomija, hija wkoll minħabba
telf aktar strutturali tal-kompetittività fil-kostijiet. Iż-żieda
stabbli riċenti fil-kost ta' unità lavorattiva dgħajfet
il-kompetittività tan-nisġa industrijali tal-Lussemburgu. Il-modulazzjoni
tal-mekkaniżmu ta' indiċjar tal-pagi adottata mill-gvern fl-2012 se
tintemm sa tmiem l-2014. Filwaqt li jistgħu jiġu esplorati diversi
mogħdijiet, huwa importanti li l-pagi jintrabtu aktar mill-qrib
mal-produttività permezz ta' riforma tas-sistema tal-indiċjar tal-pagi, li
tippermetti differenzazzjoni settorjali. Id-dipendenza kbira fuq is-settur
finanzjarju tirrappreżenta riskju settorjali għall-ekonomija
tal-Lussemburgu. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Lussemburgu jiffoka
fuq l-iżvilupp ta' impriżi speċjalizzati ħafna bħala
xprun għat-tkabbir immexxi mill-innovazzjoni. Filwaqt li t-tkabbir
tal-intensità tar-R&Ż fis-settur pubbliku b'erba' darbiet mill-2000
jirrifletti r-riżoluzzjoni li jinbnew il-kapaċitajiet
tar-riċerka pubblika, il-Lussemburgu ma jinsabx fit-triq it-tajba biex
jintlaħaq l-objettiv tal-intensità tar-R&Ż għall-2020
tiegħu ta' 2,3 - 2,6 % tal-PDG minħabba t-tnaqqis f'salt
fl-intensità tan-negozju tar- tar-R&Ż (minn 1,53 % tal-PDG
fis-sena 2000 għal 1 % fl-2012). Il-prestazzjoni tiegħu fuq
l-indikaturi dwar il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta' riċerka
pubblika u l-impriżi għandha tittejjeb aktar. Għandha tiġi
segwita r-riforma mnedija fl-2013 dwar ir-rinfurzar tar-ragruppament
tal-innovazzjoni. (14)
Għalkemm ġew adottati diversi
miżuri, il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa
għoli b'mod persistenti, u huwa 17,4 % tal-popolazzjoni attiva
fl-2013, għalkemm niżel minn 18 % fl-2012. Huwa jiddependi
ħafna fuq il-livell edukattiv u huwa aktar baxx fost dawk li laħqu
livell edukattiv ogħla. Is-sistema edukattiva tal-Lussemburgu tħabbat
wiċċha ma' għadd ta' sfidi speċifiċi,
bħall-multilingwiżmu u l-ħiliet speċifiċi
meħtieġa minn suq tax-xogħol speċjalizzat ħafna
b'settur finanzjarju kbir. Ir-riżultati tal-istħarriġ dwar
il-ħiliet tal-istudenti tal-OECD fl-2012 ikkonfermaw li jeħtieġu
aktar miżuri biex jikkontrobattu l-prestazzjoni relattivament dgħajfa
taż-żgħażagħ fil-ħiliet bażiċi, kif
ġie osservat mill-2006. F'dan ir-rigward, għandhom jiġu segwiti
r-riformi fl-iskejjel primarji u sekondarji. Barra minn hekk, il-kwalità u
l-attrattività tat-taħriġ vokazzjonali u edukattiv għandhom
jittejbu aktar sabiex jipprovdu s-suq tax-xogħol b'forza tax-xogħol ikkwalifikata,
inkluż b'mod partikulari nies bi sfond ta' migrazzjoni. It-tfassil
tas-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji jinsab fil-bidu ta'
diffikultajiet kbar ħafna fis-suq tax-xogħol, fost l-ogħla
fl-UE, għal-livelli kollha tal-pagi u l-kompożizzjonijiet
tal-familji. Barra minn hekk, minkejja sforzi riċenti għar-riforma,
il-politiki ta' attivazzjoni għadhom dgħajfa; il-parteċipazzjoni
fil-politiki attivi fis-suq tax-xogħol ma hija obbligatorja fl-ebda punt
matul il-perjodu tal-qgħad, u ma hemm l-ebda rekwiżit li wieħed
ikompli jfittex impjieg filwaqt li jipparteċipa f'politiki attivi fis-suq
tax-xogħol. (15)
Il-Lussemburgu huwa impenjat li jnaqqas
l-emissjonijiet ta’ gass serra fis-setturi mhux tal-ETS b'20 % fl-2020,
iżda huwa mistenni li ma jilħaqx din il-mira bi 23 punt
perċentwali. Barra minn hekk, l-emissjonijiet tal-2013 huma mistennija li
jkunu 1 % ogħla mill-mira stabbilita għall-2013
fid-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz. Madwar 70 %
tal-emissjonijiet relatati mat-trasport huma relatati mal-esportazzjonijiet
tal-fjuwil, fost l-oħrajn ta' dazji tas-sisa baxxi ħafna fuq
il-fjuwil. Ir-rikonoxximent tal-esportazzjoni tal-fjuwil bħala sfida
ewlenija fit-tieni Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar il-Klima ġie adottat
f'Mejju 2013 bħala pass 'il quddiem. Madankollu, jeħtieġu
miżuri aktar speċifiċi u fit-tul biex tiġi indirizzata din
il-kwistjoni. It-tassazzjoni ambjentali kienet responsabbli għal
2,4 % tal-PDG fl-2012, filwaqt li fl-2004 kienet responsabbli għal
3,1 %. Dan it-tnaqqis huwa riżultat b'mod partikulari
għad-dħul fiskali tal-enerġija influwenzat min-nuqqas
tal-indiċjar fuq it-taxxi tal-enerġija. It-taxxi tat-trasport,
eskluż il-fjuwil, irrappreżenta 0,2 % tal-PDG fl-2012. It-taxxi
tal-fjuwil użat għat-trasport huma għoljin bi 2,2 %
tal-PDG, minkejja t-trattament preferenzjali tat-taxxa tad-diżil, l-aktar
minħabba "t-turiżmu għall-pompa tal-fjuwil".
Bit-tassazzjoni ambjentali li hija responsabbli għal-proporzjon anqas
mill-medja tad-dħul totali mit-taxxa, it-tfassil tat-taxxi ambjentali
tiegħu jistgħu jittejbu, b'mod partikulari billi tiżdied
it-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija għat-trasport. (16)
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni
wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Lussemburgu. Hija
vvalutat il-programm ta' stabbiltà u l-programm tar-riforma nazzjonali. Hija ma
qisitx biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u
soċjoekonomika sostenibbli fil-Lussemburgu, iżda anki l-konformità
tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li
tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni
Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE
għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet
tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi
fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (5) hawn taħt. (17)
Abbażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill
eżamina l-programm ta’ stabbiltà tal-Lussemburgu, u l-opinjoni tiegħu[9] tidher b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt. (18)
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni
għamlet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-Żona
tal-Euro kollha kemm hi. Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill
ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati
Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-Lussemburgu għandu jiżgura
wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet. B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu
jieħu azzjoni fil-perjodu 2014-2015 biex: 1. Jippreżerva
pożizzjoni fiskali b'saħħitha fl-2014; isaħħaħ
b'mod sinifikanti l-istrateġija baġitarja fl-2015 sabiex jiżgura
li l-objettiv ta' terminu medju jintlaħaq u jibqa' fl-objettiv ta' terminu
medju minn hemm 'il quddiem, sabiex jipproteġi s-sostenibbiltà tal-finanzi
pubbliċi, b'mod partikulari billi jqis l-obbligazzjonijiet impliċiti
relatati mat-tixjiħ. Isaħħaħ il-governanza fiskali billi
jħaffef l-adozzjoni ta' qafas baġitarju fuq perjodu medju li jkopri
l-amministrazzjoni pubblika u jinkludi limiti massimi pluriennali ta' nfiq, u
billi jistabbilixxi l-monitoraġġ indipendenti tar-regoli fiskali. Ikompli
jwessa' l-bażi tat-taxxa, speċjalment fuq il-konsum. 2. Fid-dawl
tal-iżgurar tas-sostenibbiltà fiskali, irażżan in-nefqa relatata
mal-età billi jagħmel il-kura fit-tul aktar kosteffettiva, isegwi
r-riforma tal-pensjonijiet sabiex tiżdied l-età ta' rtirar effettiv,
inkluż billi jillimita l-irtirar bikri u jorbot l-età statutorja
tal-irtirar mal-istennija tal-għomor. Isaħħaħ l-isforzi
sabiex iżid ir-rata tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema li huma
akbar fl-età inkluż billi jtejjeb l-impjegabbiltà tagħhom permezz
tat-tagħlim tul il-ħajja. 3. Iħaffef
l-adozzjoni tal-miżuri strutturali, f'konsultazzjoni mas-sieħba
soċjali u skont il-prattiki nazzjonali, sabiex jirriforma s-sistema
tal-indiċjar tal-pagi bil-ħsieb li jittejjeb ir-rispons tal-pagi
għall-iżviluppi tal-produttività, speċjalment fil-livell
settorjali. Isegwi d-diversifikazzjoni tal-istruttura tal-ekonomija, fosthom
billi jinkoraġġixxi l-investiment privat fir-riċerka u jkompli
jiżviluppa l-kooperazzjoni bejn ir-riċerka pubblika u l-impriżi. 4. Isegwi
l-isforzi biex jitnaqqas il-qgħad fost
iż-żgħażagħ għal persuni li jfittxu impjieg
b'ħiliet baxxi bi sfond ta' migrazzjoni, permezz ta' strateġija
koerenti, fosthom billi jkompli jittejjeb it-tfassil u l-monitoraġġ
ta' politiki attivi fis-suq tax-xogħol, li jindirizzaw in-nuqqas ta' tlaqqigħ
tal-ħiliet, u jnaqqsu d-diżinċentivi finanzjarji
għax-xogħol. Għal dan il-għan, iħaffef
l-implimentazzjoni tar-riforma tal-edukazzjoni u t-taħriġ
ġenerali u vokazzjonali sabiex il-ħiliet
taż-żgħażagħ jitqabblu aħjar mad-domanda
għall-ħaddiema. 5. Jiżviluppa
l-qafas komprensiv u jieħu miżuri konkreti sabiex jilħaq
l-għan tal-2020 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra
minn attivitajiet mhux tal-ETS, speċjalment tat-tassazzjoni tal-prodotti
tal-enerġija għat-trasport. Done at Brussels, For
the Council The
President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. [2] COM(2014) 417 finali. [3] P7_TA(2014)0128 u P7_TA(2014)0129. [4] ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11. [5] C(2013) 8006 finali. [6] COM(2013) 800 finali. [7] COM(2013) 790 finali. [8] SWD(2014) 84 finali. [9] Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE)
Nru 1466/97.