52014DC0415

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Latvja għall-2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Latvja għall-2014 /* COM/2014/0415 final - 2014/ () */


 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Latvja għall-2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Latvja għall-2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġi u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1) Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija, li tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni sabiex jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u kompetittività.

(2) Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri, li flimkien jiffurmaw il-"linji gwida integrati". L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

(3) Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew Gvern iddeċidew dwar Patt għal Tkabbir u Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni f'livell nazzjonali, dak tal-UE kif ukoll taż-Żona tal-Euro permezz tal-użu tal-għodod, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari li tesprimi impenn b'mod sħiħ sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Ewropa 2020 u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(4) Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Latvja għall-2013 u wassal l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Latvja aġġornat għall-2012-2016.

(5) Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[4], li jagħti bidu għas-Semestru Ewropew tal-2014 tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-istess ġurnata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[5], li fih il-Latvja ma kinitx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq eżami mill-ġdid fil-fond.

(6) Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja, konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu trattati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi mmodernizzata.

(7) Fid-29 ta' April 2014, il-Latvja ppreżentat il-programm nazzjonali ta' riforma għall-2014 u fit-30 ta' April 2014 il-programm tagħha ta' stabbiltà għall-2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8) L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritta fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 huwa li gradwalment jitnaqqas id-defiċit nominali u li jinżamm bilanċ strutturali li jkun konsistenti mal-objettiv ta' terminu medju meta titqies id-devjazzjoni temporanja permessa mill-objettiv ta' terminu medju minħabba l-impatt tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet. Il-programm biddel l-objettiv ta' terminu medju minn -0,5 % għal -1,0 %; l-objettiv ta' terminu medju l-ġdid jirrifletti l-objettivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-mixja ppjanata tal-bilanċ nominali fil-programm tal-Latvja jimplika deterjorazzjoni gradwali tal-bilanċ strutturali (ikkalkulat mill-ġdid), għalkemm xorta fi ħdan il-marġini permessi mill-implimentazzjoni tar-riforma tal-pensjonijiet. Meta wieħed iqis id-devjazzjoni permessa mill-objettiv ta' terminu medju, id-defiċit strutturali ppjanat huwa konformi mar-rekwiżit tal-Patt sal-2016. Madankollu, iż-żieda ppjanata fid-defiċit strutturali ppjanat mill-ġdid fl-2017 twassal għal devjazzjoni mill-mixja ta' aġġustament meħtieġa lejn l-objettiv ta' terminu medju. B'mod ġenerali, l-istrateġija baġitarja deskritta fil-programm hija l-aktar konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Id-dejn pubbliku huwa stabbilit biex jibqa' ħafna taħt is-60 % tal-PDG matul il-perjodu kollu tal-programm, u jinżel għal 31 % tal-PDG sal-2017. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-programm, li ma ġiex approvat formalment minn istituzzjoni indipendenti, huwa plawżibbli. It-tkabbir ekonomiku huwa mistenni li jibqa' madwar 4 % fis-sena matul il-perjodu tal-programm, u ż-żidiet proġettati fil-prezz huma moderati. Ix-xenarju baġitarju tal-programm jipprevedi tnaqqis qawwi fis-sehem tad-dħul u l-infiq tal-gvern fil-PDG, u dan jirrifletti diversi miżuri li jnaqqsu d-dħul kontra t-trażżin fl-infiq. Iż-żieda fid-domandi tal-infiq f'diversi oqsma ta' politika tirrappreżenta riskju għat-tnaqqis proġettat fl-infiq fil-programm. Il-previżjoni tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2014 turi li, filwaqt li l-politika fiskali fl-2014 hija konformi mar-rekwiżit tal-Patt, hemm riskju ta' devjazzjoni fl-2015. Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm u l-Previżjoni tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li fl-2014 id-devjazzjoni tad-defiċit strutturali mill-objettiv ta' terminu medju tirrifletti l-impatt tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet, filwaqt li mill-2015 hemm riskju ta' devjazzjoni mill-mixja ta' aġġustament meħtieġa.

(9) Il-Latvja ħadet passi biex tnaqqas il-piż tat-taxxa għall-ħaddiema u l-familji b'persuni dipendenti bi dħul baxx u biex issaħħaħ it-tassazzjoni fuq il-proprjetà u dik ambjentali, iżda l-livell u t-tfassil ta' dawn it-taxxi ma jaffettwawx biżżejjed l-imġiba tal-operaturi ekonomiċi, u xi sussidji li jagħmlu ħsara ambjentali għadhom fis-seħħ. Filwaqt li l-awtoritajiet għamlu xi progress bix itejbu l-konformità tat-taxxa u jnaqqsu l-proporzjon ta' attività ekonomika mhux iddikjarata, speċjalment billi tejbu l-valutazzjoni tar-riskju u ħarrxu s-sanzjonijiet kontra l-imġiba frodulenti, għad baqa' sfidi għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. B'mod partikulari, minkejja li jirrappreżenta proporzjon sinifikanrti tat-tassazzjoni totali, id-dħul mit-taxxi fuq il-konsum għandu potenzjal kbir għal aktar żieda jekk tittejjeb il-konformità tat-taxxa.

(10) Minkejja pjan oriġinarjament ambizzjuż biex issir riforma fl-edukazzjoni superjuri, il-Latvja ma għamlet l-ebda progress fit-tfassil ta' sistema ta' akkreditazzjoni approvata internazzjonalment, il-pjanijiet biex jiġi introdott mudell ta' finanzjament ġdid huma inċerti, il-konsolidazzjoni ta' istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri ddgħajfet u r-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-lingwi barranin baqgħu ma nbidlux. Dan minkejja li hemm biżżejjed lok għal riforma fis-sistema tal-edukazzjoni superjuri, li hija kbira wisq fid-dawl tal-popolazzjoni li qed tonqos, toffri wisq programmi ta' studju distinti u għandha attrazzjoni limitata għall-istudenti barranin u l-persunal tat-tagħlim. Ir-riżultati tal-ewwel valutazzjoni indipendenti tal-istituzzjonijiet ta' riċerka juru li 10 % biss ta' dawk valutati jistgħu jitqiesu bħala ċentri ta' riċerka internazzjonali ta' livell għoli. Barra minn hekk, il-Latvja kellha intensità fir-R&Ż ta' 0,66 % biss tal-PDG fl-2012 u mhijiex miexja fid-direzzjoni t-tajba biex tikseb l-objettiv tal-Ewropa 2020 tagħha li tiddedika 1,5 % tal-PDG għar-R&Ż.

(11) Il-Latvja għamlet progress fit-trattar tal-qgħad, li naqas b'mod konsiderevoli. Madankollu, il-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu relattivament għoli u hemm bżonn ta' miżuri biex jintlaħqu ż-żgħażagħ inattivi li ma jirreġistrawx. Għalkemm il-Latvja ħadet miżuri sabiex tindirizza nuqqasijiet ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalità tal-edukazzjoni vokazzjonali, dawn xorta jeħtieġu attenzjoni, speċjalment fit-titjib tal-kwalità tal-apprendistati u fl-iżvilupp ta' gwida komprensiva għall-karrieri. Il-politiki attivi fis-suq tax-xogħol għadhom limitati fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom u jiddependu wisq fuq il-ħidmiet pubbliċi.

(12) Il-faqar fost dawk li għandhom l-età tax-xogħol għadu għoli ħafna fil-Latvja. Il-Latvja ħadet xi passi biex tirriforma l-assistenza soċjali u lestiet valutazzjoni fuq skala kbira tas-sistema tas-sigurtà soċjali li tipprovdi bażi solida għal riforma bbażata fuq l-evidenza. Hija żiedet b'mod sinifikanti diversi benefiċċji relatati mat-tfal, u żiedet il-limiti mhux taxxabbli stabbiliti fit-taxxa fuq l-introjtu personali għal peruni li huma dipendenti. Madankollu, l-effettività tal-protezzjoni soċjali f'termini ta' tnaqqis tal-faqar għadha fqira u t-tfassil ta' sistema effettiva ta' protezzjoni soċjali għadha problematika. B'mod ġenerali, proporzjon għoli tal-popolazzjoni jinsab f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, u dan il-proporzjon huwa saħansitra ogħla għat-tfal. Il-familji bit-tfal, il-persuni qiegħda, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni li jgħixu f'żoni rurali jinsabu f'riskju partikolarment għoli ta' faqar u esklużjoni soċjali. L-infiq tal-Latvja fuq il-protezzjoni soċjali bħala perċentwal tal-PDG huwa l-aktar baxx fl-UE. L-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa mxekkel b'kostijiet, inklużi ħlasijiet għolja mħallsa miċ-ċittadin innifsu u ħlasijiet informali prevalenti, li jħallu proporzjon għoli tal-popolazzjoni bi ħtiġijiet għall-kura tas-saħħa li ma jiġux issodisfati. Hemm biżżejjed lok biex tissaħħaħ l-effiċjenza tas-sistema, jiġi assigurat il-finanzjament kosteffettiv u jiġu promossi l-attivitajiet li jipprevjenu l-mard.

(13) Il-Latvja għamlet xi progress bil-ftuħ tas-suq tal-elettriku tagħha għall-kompetizzjoni u dan se jiġi estiż għas-settur tal-unitajiet domestiċi fil-bidu tal-2015. Il-Latvja ngħaqdet mas-suq reġjonali Skandinavu Baltiku għall-elettriku Nord Pool Spot b'kuntratt minn Ġunju 2013. Jeħtieġ aktar tisħiħ tal-interkonnessjonijiet mas-suq tal-enerġija tal-UE, billi attwalment il-Latvja hija dipendenti fuq l-importazzjoni u l-konnessjoni transfruntiera tal-elettriku mal-Estonja ħafna drabi tkun konġestjonata. Għaldaqstant, l-iżvilupp tal-infrastruttura huwa essenzjali u l-Latvja tħabbat wiċċha ma' sfidi konsiderevoli biex tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet infrastrutturali. Sar ukoll xi progress fis-settur tal-gass naturali billi l-Parlament approva l-emendi għal-liġi tal-Enerġija, u ddefinixxa l-ftuħ gradwali tas-suq tal-gass minn April 2014; madankollu, il-ftuħ totali tas-suq ġie pospost sal-2017. Il-Latvja ressqet taħlita bbilanċjata ta' miżuri politiċi li jindirizzaw l-ekonomija fl-użu tal-enerġija għas-setturi prinċipali tal-ekonomija u fis-snin li ġejjin aktar minn 70 % tal-ekonomiija fl-użu tal-enerġija se tkun iġġenerata fis-settur tal-bini. Madankollu, l-effiċjenza fit-trasport, fil-bini u fis-sistemi ta' tisħin għadha teħtieġ li titjieb.

(14) Il-Latvja ħadet azzjoni sinifikanti biex ittejjeb il-kapaċitajiet fil-ġudikatura sabiex tnaqqas il-proċedimenti pendenti u t-tul tagħhom. Madankollu, l-ammont kbir ta' xogħol pendenti fil-ġudikatura għadu ta' theddida għan-negozji u jeħtieġ li jitlestew ir-riformi sabiex tittejjeb l-effiċjenza u l-kwalità tal-ġudikatura, fosthom fir-rigward tal-insolvenza, il-medjazzjoni u l-arbitraġġ. Il-Latvja pproponiet riformi ambizzjużi għall-amministrazzjoni pubblika; madankollu l-implimentazzjoni tagħhom hija bil-mod u ma tapplikax għall-gvernijiet lokali u r-riforma għall-impriżi tal-Istat ġiet imdewma b'mod sinifikanti. Hemm bżonn ta' emendi għad-Dritt tal-Kompetizzjoni sabiex il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jingħata aktar indipendenza istituzzjonali u finanzjarja sabiex jintervjeni b'mod effettiv kontra l-azzjonijiet tal-korpi pubbliċi u privati li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

(15) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Latvja. Hija vvalutat il-programm ta' stabbiltà u l-programm tar-riforma nazzjonali. Hija ma qisitx biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Latvja, iżda anki l-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (5) hawn taħt.

(16) Abbażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ stabbiltà tal-Latvja, u l-opinjoni tiegħu[6] tidher b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

(17) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro kollha kemm hi. Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-Latvja għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Latvja tieħu azzjoni fil-perjodu 2014-2015 biex:

1.           Tippreżerva pożizzjoni fiskali soda fl-2014 u ssaħħaħ l-istrateġija baġitarja mill-2015, u tiżgura li d-devjazzjoni mill-objettiv ta' terminu medju tibqa' limitata għall-impatt tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet. Issegwi l-isforzi biex tkompli tnaqqas il-piż tat-taxxa fuq il-ħaddiema bi dħul baxx fil-kuntest ta' bidla lejn taxxi ambjentali u fuq il-proprjetà li jkunu aktar favur it-tkabbir u billi ttejjeb il-konformità u l-ġbir tat-taxxa.

2.           Timxi 'l quddiem fl-implimentazzjoni tar-riforma tal-edukazzjoni superjuri, b'mod partikulari permezz tat-twaqqif ta' aġenzija tal-akkreditazzjoni indipendenti u mudell ta' finanzjament li jiffavorixxi l-kwalità. Tipprovdi gwida għall-karrieri fil-livelli edukattivi kollha, ittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, fosthom billi ssaħħaħ l-apprentistat, u tagħmel progress fl-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, fosthom billi tpoġġi fis-seħħ miżuri sabiex jintlaħqu żgħażagħ qiegħda barra mill-edukazzjoni, impjieg u taħriġ li ma jirreġistrawx. Tieħu passi għal sistema ta' riċerka aktar integrata u komprensiva anki billi tikkonċentra l-finanzjament fuq istituzzjonijiet ta' riċerka internazzjonalment kompetittivi.

3.           L-assistenza soċjali ta' riforma u l-finanzjament ulterjuri tagħha sabiex tiżgura kopertura aħjar, adegwatezza tal-benefiċċji, attivazzjoni msaħħa u servizzi soċjali mmirati. Iżżid il-kopertura tal-politiki attivi fis-suq tax-xogħol. Ittejjeb il-kosteffettività, il-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-sistema tal-kura tas-saħħa.

4.           Tħaffef l-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet tal-gass u l-elettriku għall-Istati Membri ġirien sabiex tiddiversifika s-sorsi ta' enerġija u tippromwovi l-kompetizzjoni permezz ta' integrazzjoni mtejba tas-swieq tal-enerġija Baltiċi. Issegwi l-isforzi sabiex tkompli żżid l-effiċjenza enerġetika fit-trasport, il-bini u s-sistemi ta' tisħin.

5.           Tlesti r-riformi ġudizzjarji, fosthom ir-riformi pendenti tal-oqfsa ta' insolvenza, arbitraġġ u medjazzjoni sabiex tiżgura ambjent ġuridiku li jiffavorixxi n-negozju u l-konsumaturi. Timxi 'l quddiem fir-riformi tal-amministrazzjoni pubblika, fosthom billi timplimenta r-riforma tal-immaniġġar ta' impriżi tal-Istat u żżid l-indipendenza istituzzjonali u finanzjarja tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               COM(2014) 415 finali.

[3]               P7_TA(2014)0128 u P7_TA(2014)0129.

[4]               COM(2013) 800 finali.

[5]               COM(2013) 790 finali.

[6]               Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.