Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm ta' riforma nazzjonali għall-2014 tal-Bulgarija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-Bulgarija għall-2014 /* COM/2014/0403 final */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm ta' riforma nazzjonali
għall-2014 tal-Bulgarija
u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza
tal-Bulgarija għall-2014 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2)
u 148(4) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar
it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u
l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1],
u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament (EU)
Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni
tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2],
u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea[3], Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet
tal-Parlament Ewropea[4], Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Impjiegi, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Finanzjarju, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Protezzjoni Soċjali, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Politika Ekonomika, Billi: (1)
Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill
Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija
strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020,
ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija,
li tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex
jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli
u kompetittività. (2)
Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill,
abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji
gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri
u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010,
adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi
tal-Istati Membri, li flimkien jiffurmaw il-"linji gwida integrati".
L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati
fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom. (3)
Fid-29 ta' Ġunju 2012,
il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeċidew dwar Patt għal Tkabbir u
Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni f'livell nazzjonali,
dak tal-UE kif ukoll taż-Żona tal-Euro permezz tal-użu
tal-għodod, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew
dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, fejn
b'mod partikolari esprimew impenn sħiħ biex jintlaħqu l-għanijiet
tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati
r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. (4)
Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill
adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Bulgarija
għall-2013 u wassal l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta'
konverġenza aġġornat tal-Bulgarija għall-2012-2016. (5)
Fit-13 ta' Novembru 2013,
il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[5], li jagħti bidu
għas-Semestru Ewropew 2014 tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.
Fl-istess ġurnata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011,
il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[6], li fih il-Bulgarija
ġiet identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru
għandu jitwettaq eżami mill-ġdid fil-fond. (6)
Fl-20 ta' Diċembru 2013,
il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà
finanzjarja, konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ
it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament
fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self
għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu
promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu ttrattati l-qgħad u
l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika
tiġi mmodernizzata. (7)
Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni
ppubblikat ir-riżultati tal-eżami mill-ġdid fil-fond dwar
il-Bulgarija[7],
skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi
tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Bulgarija għadha
għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi li
jeħtieġu monitoraġġ u azzjoni politika. Partikolarment,
l-aġġustament li qed jieħu fit-tul tas-suq tax-xogħol
jiġġustifika azzjonijiet politiċi, filwaqt li qed isir progress
tajjeb fil-korrezzjoni tal-pożizzjoni esterna u
d-diżingranaġġ korporattiv (8)
Fis-17 ta' April 2014, il-Bulgarija
ppreżentat il-programm nazzjonali ta' riforma tagħha għall-2014
kif ukoll il-programm ta' konverġenza għall-2014. Biex jiġu
kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ Programmi
ġew ivvalutati fl-istess żmien. (9)
L-objettiv tal-istrateġija baġitarja
spjegata fil-Programm ta' Konverġenza għall-2014 huwa li
jintlaħaq l-objettiv fuq terminu medju ta' defiċit strutturali ta'
-1 % tal-PDG sal-fl-2016. L-objettiv ta’ terminu medju huwa aktar
strinġenti minn dak tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-Bulgarija
bbenefikat minn possibilità ta' devjazzjoni temporanja mill-objettiv ta’
terminu medju b'0,6 % tal-PDG fl-2013 u b'0,1 % tal-PDG fl-2014 li
ppermettew proġetti ffinanzjati b'mod konġunt. Il-programm jippjana
deterorazzjoni fil-bilanċ strutturali (rikalkulat) b'0,3% tal-PDG fl-2014,
li jwassal għal -1,3 % tal-PDG, u għal titjib b'0,3 %
tal-PDG fl-2015, li jwassal għal -1,0% tal-PDG, jiżguraw ir-ritorn
lejn l-objettiv ta’ terminu medju. Ir-rata tat-tkabbir tan-nefqa tal-gvern ma
taqbiżx il-parametru referenzjarju rilevanti tan-nefqa ta' terminu medju
fl-2014-15. Għalhekk il-pjanijiet baġitarji huma skont
ir-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-proporzjon tad-dejn huwa
inqas sew minn 60 % tal-PDG u, skont il-Programm tal-Gvern, huwa mistenni li
jiżdied biss ftit għal 20,6% tal-PDG sal-aħħar tal-perjodu
tal-Programm. Ix-xenarju makroekonomiku sottostanti l-proġettazzjonijiet
baġitarji fil-Programm ta' Konverġenza huwa ottimist
għall-perjodu 2014-15, bi tkabbir annwali mistenni jilħaq 2,1 %
fl-2014 u 2,6 fl-2015 minflok 1,7 % fl-2014 u 2,0 % fl-2015
proġettati mit-Tbassir tar-Rebbiegħa 2014 tal-Kummissjoni. Skont
it-tbassir tal-Kummissjoni d-devjazzjoni tal-Bulgarija mill-objettiv ta’
terminu medju fl-2014 huwa akbar minn dak permess abbażi tad-devjazzjoni
temporanja permessa mill-proġetti finanzjati b'mod konġunt, u
r-redditu meħtieġ fuq l-objettiv ta' terminu medju mhux se
jintlaħaq fl-2015. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta'
Konverġenza tal-2014 u t-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament (KE)
Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li jeżisti riskju ta'
devjazzjoni mill-objettiv ta’ terminu medju mill-2014-15. (10)
Il-konformità tat-taxxa u l-kwalità
tal-amministrazzjoni tat-taxxa għadhom ta' sfida ewlenija fil-Bulgarija.
L-estimi disponibbli jindikaw li teżisti ekonomija moħbija mdaqsa, u
dan huwa kkonfermat mid-dejta dwar ix-xogħol mhux dikjarat fil-Bulgarija.
Il-kostijiet amministrattivi tal-ġbir ta' dħul u l-kostijiet
tal-konformità biex jitħallsu t-taxxi huma relattivament għoljin.
Minkejja diversi miżuri meħuda b'reazzjoni għal dawn l-isfidi,
il-Bulgarija xorta waħda għad ma għandhiex strateġija
sħiħa għall-konformità tat-taxxa, li tkopri l-ħidma kollha
tal-awtoritajiet tal-ġbir tat-taxxa u li tinkludi analiżi minn qabel
tal-aktar riskji sinifikanti għall-ġbir tat-taxxa kif ukoll
evalwazzjoni tal-miżuri diġà fis-seħħ, inklużi
miżuri ta' simplifikazzjoni kif ukoll kontrolli aħjar. (11)
Fl-2013, il-Bulgarija marret pass lura mill-impenji
li ħadet qabel fil-qasam tar-riforma tal-pensjonijiet. Ġew introdotti
skemi addizzjonali ta' irtirar kmieni u ż-żidiet annwali ppjanati
fl-età statutorja tal-irtirar ġew posposti. Ma sar l-ebda progress fejn
tidħol l-armonizzazzjoni tal-età tal-irtirar għall-irġiel u
n-nisa u ma ttieħdu l-ebda passi biex jiġu ssikkati l-kriterji tal-eleġibbiltà
u l-kontrolli biex jiġi limitat l-abbuż fl-allokazzjoni
tal-pensjonijiet tal-invalidità. Il-Bulgarija hija wieħed
mill-pajjiżi fejn il-popolazzjoni qed tixjieħ bl-aktar mod
mgħaġġel fl-UE, u dan għandu implikazzjonijiet negattivi
fuq is-suq tax-xogħol, il-potenzjal għat-tkabbir fl-ekonomija u
għall-finanzjament tas-sistema tal-pensjonijiet tagħha. Għalhekk
il-Bulgarija teħtieġ tkompli r-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet
tagħha. Il-Bulgarija qiegħda wkoll taffaċċa sfidi kbar
fir-razzonalizzazzjoni u l-immaniġġar tas-settur tal-isptarijiet,
inkluż nuqqas ta' trasparenza fil-finanzjament tal-isptarijiet u servizzi
tal-kura out patient mhux żviluppati biżżejjed. Barra minn hekk,
il-livell għoli ta pagamenti formali u informali mġarrba mill-pazjenti
effettivament teskludi ċerti segmenti tal-popolazzjoni
mill-aċċess għall-kura tas-saħħa. L-indikaturi
tal-istatus tal-qasam tas-saħħa huma dgħajfa ħdejn Stati
Membri oħra, ħaġa li tindika li fil-futur tista' tkun
meħtieġa nefqa stutturali pubblika ogħla fis-settur
tas-saħħa. (12)
Fl-aħħar snin is-suq tax-xogħol ma
kellux prestazzjoni tajba, u b'hekk kien qed jillimita l-kapaċità ta'
aġġustament tal-ekonomija u jhedded il-potenzjal tat-tkabbir
tagħha. Il-qgħad stabbilizza ruħu fl-2013, iżda
l-għadd ta' żgħażagħ u dawk qiegħda fit-tul
kompla jiżdied. Il-Bulgarija taffaċċa waħda mill-ogħla
proporzjonijiet ta' żgħażagħ li la huma f'impjieg, la qed
jistudjaw u lanqas qed jirċievu taħriġ, ħaġa li
timplika sottoutilizzazzjoni u sottożvilupp gravi tal-kapital uman. Sar
biss progress limitat ħafna fit-tisħiħ tal-kapaċità
tal-Aġenzija tal-Impjiegi. Hemm ukoll il-ħtieġa li l-kopertura u
l-effikaċja tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol jiġu
estiżi. Il-Bulgarija ma għandhiex miżuri effettivi biex
tilħaq liż-żgħażagħ mhux reġistrati,
inklużi r-Rom, f'konformità mal-objettivi ta' garanzija
għaż-żgħażagħ. Proporzjonijiet sinifikanti ta'
dawk qiegħda mhumiex koperti minn protezzjoni soċjali standard
(benefiċċji għal min ma jaħdimx u għajnuna
soċjali) iżda jiddipendu minflok fuq is-solidarjetà familjali jew
xogħol informali. Il-Bulgari jinsabu f'wieħed mill-ogħla riskji
tal-povertà u l-esklużjoni soċjali fl-UE. Livelli minimi
għall-pagamenti tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali
jistgħu jimpedixxu lil dawk bi ftit ħiliet milli jipparteċipaw
bis-sħiħ l-ekonomija formali. Twettqu xi analiżijiet biex
jiġi vvalutat l-impatt possibbli u dawn jeħtieġ li jiġu
vvalutati u segwiti b'azzjoni politika xierqa. Ma hemmx linji gwida ċari
għall-istipular trasparenti tal-paga minima fil-Bulgarija. Il-paga minima
statutorja żdiedet sostanzjalment fl-2013 u dan seta' kellu impatt
negattiv fuq l-impjiegi u għalhekk għandu jiġi mmonitorjat. (13)
Il-Bulgarija għadha ma adottatx l-Att
tal-Edukazzjoni fl-Iskejjel li jipprovdi qafas għall-implimentazzjoni
tar-riformi komprensivi meħtieġa tas-sistema tal-iskola, fosthom
il-modernizzazzjoni tal-kurrikula u taħriġ aħjar
għall-għalliema. Hemm il-ħtieġa li titjieb il-kwalità
tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-Bulgarija u li jiġu
integrati aħjar fl-istrutturi edukazzjonali ġenerali sabiex isiru
possibbli perkorsi flessibbli, jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola u jitjieb l-aċċess
għat-tagħlim tul il-ħajja. Min-naħa tagħha,
l-edukazzjoni għolja qed taffaċċa sfidi persistenti biex
tirrispondi aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.
L-istandard baxx tal-kwalità taċ-ċertifikati jikkontribwixxi
għal prestazzjoni ħażina. Qiegħda tiġi diskussa
strateġija ġdida għall-edukazzjoni għolja, li titlob
ristrutturar tal-maniġment tal-universitajiet permezz tal-involviment
dirett tal-partijiet interessati bħan-negozji u l-istudenti,
il-konsolidazzjoni tal-universitajiet, u approċċ ibbażat fuq
il-prestazzjoni biex l-outputs edukattivi jkunu allenjati aħjar
mad-domandi tas-suq tax-xogħol. Sfida li tkompli tikkonċerna
l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal
żvantaġġati, partikolarment it-tfal Rom. Is-sentejn preskolastiċi
obbligatorji hija miżura importanti fid-direzzjoni t-tajba u għandha
tiġi implimentata b'mod strett, flimkien ma' miżuri li jipprevjenu
t-tluq kmieni mill-iskola. Hemm il-ħtieġa li jiżdiedu
l-inizjattivi eżistenti biex jitjieb it-tħariġ
tal-għalliema u titnaqqas de facto s-segregazzjoni fl-iskejjel.
Ir-regoli li jorbtu l-benefiċċji soċjali għat-tfal
mal-parteċipazzjoni fl-iskejjel għandhom mhumiex implimentati
biżżejjed. (14)
Sforzi usa' biex tiġi mmodernizzata
l-amministrazzjoni pubblika kellhom impatt limitat minħabba
l-approċċ frammentat u l-impenn insuffiċjenti lejn riformi
fil-fond. Il-Bulgarija teħtieġ strateġija kkoordinata
għar-riforma fl-amministrazzjoni pubblika biex jissaħħu
l-professjonaliżmu u l-indipendenza tal-amministrazzjoni pubblika u
tal-aġenziji regolatorji tagħha, fosthom sistemi meritrokratika
għall-ħatriet u l-iżvilupp tal-karrieri tal-uffiċjali
pubbliċi u strutturi effettivi biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni.
Aktar sforzi huma meħtieġa biex jitjieb l-ambjent kummerċjali
ġenerali. L-isfidi jinkludu l-proċeduri biex jinkisbu l-permessi u r-reġistrazzjoni
ta' negozji. Ir-riżoluzzjoni tal-insolvenzi tieħu aktar minn medja
ta' tliet snin u r-rata tal-irkupru hija baxxa. Ġew adottati regoli
ġodda dwar il-pagamenti tard fl-2013 u jeħtieġ li jiġu
implimentati. L-iżvilupp tal-gvern-e waqaf, u l-koordinazzjoni biex tkun
żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi u l-ħolqien ta' punt uniku ta'
kuntatt mhumiex biżżejjed, u b'hekk qed jiġu limitati l-isforzi
biex tiżdied it-trasparenza u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi.
Fil-qasam tal-akkwist pubbliku ma jeżistix qafas legali simpliċi u
kodifikat, u dan iwassal għal sitwazzjoni legali u regolatroja kumplikata
li toħloq ħafna inċertezzi għall-operaturi. L-indipendenza
tal-ġudikatura wkoll għadha ta' tħassib ewlieni li jaffettwa
l-ambjent kummerċjali fil-Bulgarija. Il-Bulgarija ħadet xi passi biex
tindirizza l-korruzzjoni, iżda l-progress kumplessiv kien limitat u jibqa'
fraġli u jirrikjedi kontrolli konsistenti u sanzjonijiet diswazzivi
għall-konflitti ta' interess. Hemm ukoll il-ħtieġa li tiġi
żgurata koordinazzjoni aħjar fost l-istituzzjonijiet ta' kontra
l-korruzzjoni u li jiġu protetti mill-influwenza politika. (15)
Il-kompetizzjoni fis-setturi tal-elettriku u l-gass
għadha limitata. Oqsma ta' tħassib partikolari għat-titjib
tal-funzjonament tas-swieq tal-enerġija jinkludu n-nuqqas ta' skambji
fl-elettriku u l-gass u n-nuqqas ta' suq tal-operaturi trasparenti. Is-suq
ħieles fl-elettriku huwa ddominat minn fornitur wieħed u d-daqs
limitat tiegħu jfisser li l-kompetizzjoni ma tistax taqdi l-funzjoni
tagħha li tiżgura l-kosteffiċjenza. L-indipendenza u
effikaċja tar-regolatur nazzjonali tibqa' limitata. Id-dipendenza fuq
l-importazzjonijiet minn għadd limitat ta' fornituri u n-nuqqas ta'
żvilupp infrastrutturali joħolqu riskju ta' xokkijiet fil-provvista.
Pakkett komprensiv ta' miżuri biex titjieb effiċjenza enerġetika
kien propost biex jiġi ffinanzjat mill-UE fil-perjodu ta' programmar
il-ġdid 2014-2020. (16)
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni
għamlet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Bulgarija.
Ivvalutat il-programm ta' konverġenza u l-programm nazzjonali ta' riforma.
Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u
soċjoekonomika sostenibbli fil-Bulgarija iżda anki l-konformità
tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li
tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi
jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet
nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont
is-Semestru Ewropew jidhru fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (6) hawn
taħt. (17)
Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill
eżamina l-programm ta’ konverġenza tal-Bulgarija, u l-opinjoni
tiegħu[8]
tidher b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt. (18)
Il-Kunsill eżamina l-programm nazzjonali ta'
riforma u l-programm ta' konverġenza fid-dawl tar-rieżami fil-fond
tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu
skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi
fir-rakkomandazzjonijiet (3), (4) u (5) hawn taħt. B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Bulgarija
tieħu azzjoni fil-perjodu 2014-2015 sabiex: 1. Issaħħaħ
il-miżuri baġitarji għall-2014 fid-dawl tad-differenza
emerġenti meta mqabbel mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u
Tkabbir. Fl-2015, issaħħaħ l-istrateġija baġitarja
biex tiżgura li tilħaq l-objettiv ta’ terminu medju u jżomm
miegħu minn hemm 'il quddiem. Tiżgura l-kapaċità tal-kunsill
fiskali l-ġdid biex ikun jista' jissodisfa l-mandat tiegħu.
Timplimenta strateġija tat-taxxa komprensiva biex issaħħaħ
il-ġbir tat-taxxa, tindirizza l-ekonomija moħbija u tnaqqas
il-kostijiet tal-konformità. 2. Tadotta strateġija fuq
terminu twil għas-sistema tal-pensjonijiet, tkompli biż-żieda
annwali pjanata fl-età statutorja tal-irtirar u tistabbilixxi mekkaniżmu
biex torbot l-età statutorja tal-irtirar mall-istennija tal-għomor fuq
terminu twil, filwaqt li gradwalment tneħħi l-għażliet
tal-irtirar kmieni u tekwalizza l-età statutorja tal-irtirar
għall-irġiel u n-nisa. Tissikka l-kriterji tal-eleġibbiltà u l-proċeduri
għall-allokazzjoni tal-pensjonijiet tal-invalidità, pereżempju billi
tqis aħjar il-kapaċità li l-applikanti jkun baqgħalhom biex
jaħdmu. Tiżgura provvediment effiċjenti tal-kura
tas-saħħa fosthom billi ttejjeb it-trasparenza fil-finanzjament
tal-isptarijiet, tottimizza n-netwerk tal-isptarijiet u tiżviluppa kura
out-patient.
3. Ittejjeb l-effiċjenza
tal-Aġenzija tal-Impjiegi billi tiżviluppa sistema ta'
monitoraġġ tal-prestazzjoni u timmira aħjar lejn dawk l-aktar
vulnerabbli, bħall-ħaddiema bi ftit ħiliet u ixjaħ, dawk
qiegħda fit-tul u r-Rom. Testedni l-kopertura u l-effikaċja
tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex tqabbel il-profili ta' min
qiegħed ifittex xogħol u tilħaq
liż-żgħażagħ mhux reġistrati li la qed
jaħdmu, la qed jistudjaw u lanqas mhuma qed jitħarrġu,
f'konformità mal-objettivi ta' garanzija
għaż-żgħażagħ. Ittejjeb
il-kopertura effettiva tal-benefiċċji tal-qgħad u
l-għajnuna soċjali u r-rabtiet tagħhom mal-miżuri ta'
attivazzjoni. Tkompli r-rieżami komprensiv tal-limiti minimi
għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ħalli tiżgura
li s-sistema ma tagħmilhiex aktar vantaġġuża għal dawk
bi ftit ħiliet li jibqgħu barra mis-suq tax-xogħol.
Tistabbilixxi, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, linji gwida trasparenti
għall-aġġustament tal-pagi minimi statutorji filwaqt li tqis
l-impatt fuq l-impjiegi u l-kompetittività. Sabiex ittaffi l-povertà, ittejjeb
aktar l-aċċessibbiltà u l-effikaċja tas-servizzi soċjali u
t-trasferimenti għat-tfal u l-anzjani. 4. Tadotta l-Att dwar
l-Edukazzjoni fl-Iskejjel u twettaq riformi fl-edukazzjoni vokazzjonali u
għolja sabiex iżżid il-livell u r-rilevanza tal-ħiliet
miksuba fil-livelli kollha, filwaqt li trawwem sħubijiet bejn
l-istituzzjonijiet edukazzjonali u d-dinja kummerċjali bil-għan li
tallinja aħjar ir-riżultati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.
Issaħħaħ il-kwalità tal-edukazzjoni vokazzjonali u
l-istituzzjonijiet tat-taħriġ u ttejjeb l-aċċess
għat-tagħlim tul il-ħajja. Tħaffef l-isforzi biex ittejjeb
l-aċċess għall-edukazzjoni preskolastika u skolastika ta'
kwalità u inklussiva ta' tfal żvantaġġati, partikolarment ir-Rom
u timplimenta b'mod strett ir-regoli li jorbtu l-pagament
tal-benefiċċji tat-tfal mal-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni. 5. Tkompli ttejjeb l-ambjent
kummerċjali, partikolarment għall-SMEs, billi tnaqqas il-burokrazija,
tippromwovi l-gvern-e, tirrazzjonalizza l-proċeduri ta' insolvenza u
timplimenta leġiżlazzjoni dwar il-pagamenti tard. Ittejjeb is-sistema
tal-akkwist pubbliku billi ttejjeb il-kapacità amministattiva,
issaħħaħ il-kontrolli ex ante mwettqa mill-Aġenzija tal-Akkwist
Pubbliku u tieħu passi konkreti għall-implimentazzjoni tal-akkwist-e.
Ittejjeb il-kwalità u l-indipendenza tal-ġudikadura u żżid
il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. 6. Iżżid ir-riformi
tas-settur tal-enerġija sabiex iżżid il-kompetizzjoni,
l-effiċjenza u t-trasparenza tas-suq u l-effiċjenza enerġetika,
partikolarment billi tneħħi l-ostakli għas-suq, tnaqqas
il-piż tas-segment regolat, iżżid l-isforzi biex toħloq suq
tal-operaturi trasparenti għall-elettriku u l-gass, tneħħi
l-kwoti gradwalment, u ssaħħaħ l-indipendenza u l-kapaċità
amministrattiva tar-regolatur tal-enerġija. Taċċellera
l-proġetti ta' interkonessjoni mal-Istati Membri ġirien u
mal-pajjiżi kanditati u ssaħħaħ il-kapaċità li tindirizza
l-qtugħ. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. [2] ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25. [3] COM(2014) 403 final. [4] P7_TA(2014)0128 u
P7_TA(2014)0129. [5] COM(2013) 800 final. [6] COM(2013) 790 final. [7] SWD(2014) 76 final [8] Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97.