52014DC0392

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Lejn kunsens imġedded dwar l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Pjan ta’ Azzjoni tal-UE /* COM/2014/0392 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Lejn kunsens imġedded dwar l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Pjan ta’ Azzjoni tal-UE

1. Introduzzjoni

Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2014 afferma mill-ġdid l-importanza tal-proprjetà intellettwali bħala l-ixprun ewlieni għat-tkabbir u l-innovazzjoni u enfasizza l-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar biex titjieb il-kompetittività industrijali tal-UE globalment[1]. Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (DPI) jikkostitwixxu wieħed mill-mezzi prinċipali li permezz tiegħu il-kumpaniji, il-kreaturi u l-inventuri jiġġeneraw redditi fuq l-investiment tagħhom f’għarfien.

Studju riċenti ikkalkula li s-setturi intensivi fid-DPI jammontaw għal madwar 39 % tal-PDG tal-UE (b’valur ta’ madwar EUR 4.7 triljun kull sena) u, metajiġu kkunsidrati l-impjiegi indiretti, sa 35 % tal-impjiegi kollha.[2] F’termini prattiċi, permezz tal-għoti ta’ drittijiet esklużivi temporanji, il-PI hija direttament marbuta mal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti u servizzi ġodda u awtentiċi, li minnhom jibbenefikaw iċ-ċittadini kollha. Il-muftieħ biex jinkisbu dawn il-miri hi "infrastruttura" ottimali u ekonomikament effiċjenti tal-PI li tkopri r-rikonoxximent legali, ir-reġistrazzjoni, l-utilizzazzjoni u l-infurzar ibbilanċjat tal-forom kollha tad-drittijiet tal-PI[3].

L-UE teħtieġ l-innovazzjoni u l-kreattività biex tibqa' kompetittiva fil-konfront ta' pajjiżi b'kostijiet aktar baxxi ta' xogħol, l-enerġija u materja prima, u għandha toħloq il-kundizzjonijiet li jistimulaw l-innovazzjoni sabiex l-intrapriżi Ewropej ikunu jistgħu jgħinuna ninnegozjaw il-ħruġ tagħna mill-kriżi. Din hija r-raġuni għalfejn l-industriji bbażti fuq l-għarfien, għandhom rwol ewlieni fl-istrateġiji “Ewropa Globali” u “Ewropa 2020”.

Din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Hija tfittex li tibni fuq il-kunsens li l-politika ta’ infurzar tal-PI għandha tkun iffukata fuq il-ġlieda kontra l-attività ta’ ksur tal-PI fuq skala kummerċjali li hija l-aktar ta’ ħsara. Hija għandha l-għan li tipproponi għodod ġodda ta’ politika ta’ infurzar, bħall-approċċ hekk imsejjaħ “segwi l-flus” li jfittex li jċaħħad lil dawk li jiksru l-liġi fuq skala kummerċjali mill-flussi tad-dħul li jiġbduhom lejn f’attivitajiet bħal dawn.

Prodotti kummerċjalizzati, jiġifieri oġġetti u servizzi, li ma jirrispettawx il-proprjetà intellettwali maħluqa minn oħrajn jikkonċernawna lkoll bħala ċittadini, konsumaturi, negozji u kontribwenti. Attivitajiet ta' ksur tal-PI fuq skala kummerċjali jiskoraġġixxu l-investimenti fl-innovazzjoni u l-kreattività u b’hekk idgħajfu l-ħolqien tal-impjiegi.

Hu diffiċli li jiġi stmat id-daqs tal-problema tal-ksur tal-PI fuq skala kummerċjali, iżda l-impatt ekonomiku tagħha ġie diskuss b’mod wiesa’[4]. Rapport riċenti dwar il-frodi globali li wettaq stħarriġ fuq 800 eżekuttiv anzjan rrapporta li 11 % tal-kumpaniji tagħhom fl- 2013 kienu vittmi ta' ksur tal-PI[5]. Fil-livell tal-UE, statistika duq id-detenzjonijiet doganali għal suspetti ta' ksur tad-DPR fil-fruntieri esterni tagħha irreġistrat aktar minn 90,000 każ fl-2012[6]. Madwar 70 % ta’ dawn il-każijiet huma marbuta ma’ traffiku postali u tal-kurrier, riflessjoni tat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku. B’kollox, inżammu kważi 40 miljun oġġett, b’valur stmat - f’termini ta’ prodotti ġenwini ekwivalenti - ta’ kważi EUR 1 biljun. Stat Membru wieħed ikkalkulali 81% tal-prodotti ta' ksur huma assoċjati mal-kriminalità organizzata[7]. Ikkalkula li filwaqt li dħul illeċitu iġġenerat mill-kriminalità organizzata f’dawn l-attivitajiet kien ta’ 'l fuq minn EUR 100 miljun, il-kost għall-ekonomija tiegħu b'mod ġenerali - f’termini ta’ telf ta’ dħul dirett għal kumpaniji leġittimi, dħul mid-dħul għat-Teżor, impjiegi mitlufa u l-kostijiet għolja tal-infurzar - ġew kważi ħames darbiet dak l-ammont (EUR 470 miljun).

Il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq skala kummerċjali huma kemm insidjużi kif ukoll mira li tiċċaqlaq. Madankollu qed isir ħafna biex dan il-ksur jiġi skoraġġit, inkluż permezz taż-żieda tal-offerti legali onlajn ta' oġġetti u servizzi kompetittivi, ir-redditu ekonomiku fuq id-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti li jiksru l-PI huma tali li dejjem se jibqa’ inċentiv biex wieħed jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet. Minħabba l-veloċità li biha dawn l-attivitajiet jistgħu jiġu żviluppati u sfruttati, huma essenzjali sistemi ta’ individwazzjoni preċiżi u miżuri preventivi implimentati bil-ħeffa.

Fl-istess ħin, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonati u jimminimizzaw kwalunkwe riskju li huma jiġu abbużati għal prattiki antikompetittivi li jistgħu ifixklu l-ħruġ ta’ prodotti innovattivi u mudelli kummerċjali ġodda u jirrestrinġu sproporzjonatament il-libertajiet fundamentali. L-individwazzjoni meħtieġa tinneċessita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet interessati, u fuq kollox bejn l-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali. Loġikament, biex tfittex li tiskoraġġixxi l-ksur fuq skala kummerċjali, il-Kummissjoni għandha tapplika sistema ħolistika, ibbilanċjata u flessibbli li tista’ tirreaġixxi malajr għal sfidi li qed jevolvu li qed tiffaċċja ekonomija tal-informazzjoni tal-UE fis-seklu 21.

F’konformità mal-istrateġija Ewropa 2020 u mingħajr ħsara għal rieżamijiet leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi Pjan ta’ Azzjoni ta' għaxar punti[8]. Għadd ta’ azzjonijiet se jiġu implimentati mill-Kummissjoni fejn xieraq flimkien mal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (OHIM), li minn Ġunju 2012 qed jospita l-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali[9] (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-“Osservatorju”). Dawn l-azzjonijiet ta’ sostenn flimkien ma’ attivitajiet u studji assoċjati elenkati, jikkostitwixxu l-ewwel pass deċiżiv fil-bini ta’ politika effettiva ta’ infurzar tal-PI immirata lejn ksur fuq skala kummerċjali fil-livelli tal-UE u dawk nazzjonali. L-objettiv għandu jkun li wieħed jasal għal kunsens imġedded dwar kif jiġu eżerċitati d-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, u b’mod li jinvolvi b’mod sħiħ lill-partijiet interessati rilevanti kollha. Il-Kummissjoni se timmonitorja t-twettiq ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, u tistieden lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-Istati Membri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, l-Osservatorju u lill-partijiet interessati biex jikkontribwixxu b’mod attiv għax-xogħol li ġej.

Il-Komunikazzjoni qed tiġi kkomplementata minn Strateġija għall-ħarsien u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi u l-iżvilupp ta’ koperazzjoni ikbar bejn l-awtoritajiet doganali fl-UE u f’pajjiżi terzi fir-rigward tal-kummerċ ta’ oġġetti li jiksru l-PI, kif previst fi pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-UE.

Dawn l-azzjonijiet kollha jfittxu li jiżguraw li l-acquis eżistenti tal-UE fir-rigward tar-regoli tal-PI, inklużi dawk dwar l-infurzar ċivili, huma applikati u promossi b’mod effettiv. L-objettiv komuni tagħhom hu li (i) jużaw il-mezzi kollha biex isseħħ dissważjoni effikaċi u jimpedixxu d-dħul u t-tixrid ta’ prodotti li jiksru PI fis-swieq (kemm dawk tal-UE u dawk li magħhom is-swieq tagħha huma marbuta dejjem aktar) sabiex (ii) jistimulaw l-investiment, it-tkabbir u l-impjiegi f’setturi li jiddependu fuq l-PI li huma tant essenzjali għall-ekonomiji rispettivi tagħna. Infurzar aktar b’saħħtu waħdu mhux se jsolvi din il-problema, li għandha tiġi indirizzata, permezz ta’ dibattitu u ta’ sensibilizzazzjoni fuq il-kosengwenzi usa' tal-ksur tad-DPI, mmirat lejn il-konsumaturi u l-produtturi.

2. Rwol għall-parteċipanti kollha matul il-katina ta' valur tal-PI

2.1.        Iffalsifikat jew le?: tqajjim ta' kuxjenza tal-konsumaturi, l-impjegati u l-klijenti

Il-konsumaturi, l-impjegati u n-negozji mhumiex dejjem konxji tal-iskala u tal-ħsara  ekonomika kkawżata minn attività ta' ksur tal-PI fuq skala kummerċjali. Dan id-dannu jinkludi l-effetti negattivi sostanzjali ta’ dawn l-attivitajiet fuq id-dħul fiskali, il-kostijiet relatati għal dawk li jħallsu t-taxxa, il-kompetittività ta’ negozji leġittimi u r-rabtiet ma’ kriminalità fuq skala kbira. Fl-istess ħin, il-konsumaturi mhux dejjem huma konxji ta’ detriment li jistgħu isofru huma personalment meta jixtru prodotti li jiksru l-IPR, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji potenzjali għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

L-Osservatorju fil-25 ta’ Novembru 2013 ippubblika r-riżultati ta’ studju dwar il-perċezzjoni tal-PI li ġabar fil-qosor il-livelli ta' koxjenza taċ-ċittadini dwar il-kwistjoni[10]. Dan kient ibbażat fuq analiżi bibljografika, investigazzjoni kwalitattiva ma’ 250 ċittadin Ewropew li għandhom bejn il-15 u l-65 sena u stadju kwantitattiv li fih aktar minn 26,000 ċittadin Ewropew esprimew il-fehmiet tagħhom permezz ta’ intervisti bit-telefon. Għalkemm hu pass tal-bidu, l-istudju xorta wera nuqqas ta' sensittività, b’mod partikolari fost dawk li wieġbu li huma żgħażagħ, tal-iskala tal-impatti tal-ksur tal-PI fis-salvagwardja u l-kontribuzzjoni ta' impjiegi bażżati fuq il-PI. Hu indika wkoll li ż-żgħażagħ Ewropej ħassew li l-infrastruttura tal-PI hi ta' benefiċċju l-aktar għal kumpaniji kbar. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn ta’ mod aktar qawwi u kkoordinat ta' konsultazzjoni dwar azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ għodod ta' informazzjoni globali u li faċli taċċessahom madwar l-UE[11].

Azzjoni futura għandha tinvolvi approċċ b'diversi miri u l-analizi tar-raġunijiet għalies il-prodotti li jiksru d-DPI huma dejjem aktar mfittxija mill-ġenerazzjoni diġitali. Din għandha tinkludi sforzi kontinwi biex jiġu indirizzati l-ostakli li fadal għall-iżvilupp u t-tixrid ta’ prodotti li jirrispettaw il-PI fis-Suq Uniku b’mod li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-konsumaturi fl-era diġitali. Għandha wkoll tibni fuq evidenza ta’ blind spots fl-għarfien tal-konsumaturi u l-effikaċja ta’ kampanji ta’ għarfien tal-passat fi ħdan l-Istati Membri. Ir-rapporttal-Osservatorju dwar il-perċezzjoni tal-PI jagħti indikaturi utli f’dan ir-rigward.

L-Osservatorju ġabar repożitorju bbażat fuq l-internet tal-aħjar prattika minn kampanji ta’ koxjenza nazzjonali tal-imgħoddi. Il-ksur tad-drittijiet tal-PI jista’ jiġi mnaqqas b’mod konsiderevoli billi jiġu infurmati l-atturi kollha fis-Suq Uniku (ċittadini, konsumaturi, impjegati, negozji u awtoritajiet pubbliċi) dwar id-disponibbiltà ta’ prodotti ta' PI attraenti, aċċessibbli u affordabbli fis-Suq Uniku. Fl- 2014, fuq il-bażi ta’ għarfien li dejjem jikber ta’ studji li kien qed jagħmel, l-Osservatorju se jassisti lill-Istati Membri fl-iżvilupp u t-tnedija ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni sabiex iżid l-għarfien fost iċ-ċittadini tal-UE dwar l-impatt tal-ksur tal-PI b’mod partikolari fuq l-impjiegi u l-ekonomija. Kampanji bħal dawn għandhom ukoll ikunu mmirati biex jiffaċilitaw l-aċċess għal prodotti li jirrispettaw il-PI fis-Suq Uniku kollu kemm hu u li jenfasizzaw il-benefiċċji għall-konsumaturi meta jagħżlu prodotti li jirrispettaw il-PI, f’termini ta’ żgurar tal-konformità ma’ standards tas-saħħa u tas-sikurezza u tal-leġiżlazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur.

Azzjoni 1: Il-Kummissjoni biħsiebha tippromwovi l-isforzi tal-Osservatorju u tal-awtoritajiet nazzjonali biex tniedi u tissorvelja ġenerazzjoni ġdida ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni mmirati. Dan għandu jinkludi kampanji biex titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini, speċjalment għaż-żgħażagħ dwar il-ħsara ekonomika ikkawżata mill-ksur tal-PI fuqskala kummerċjali u dwar ir-riskji potenzjali għas-saħħa u s-sikurezza assoċjati ma’ prodotti li jiksru d-DPI, kif ukoll kampanji li jenfasizzaw il-benefiċċji għall-konsumaturi meta jagħżlu prodotti li jirrispettaw il-PI u li jiffaċilitaw l-aċċess għal prodotti bħal dawn.

2.2.        Responsabbiltà tad-detentur li tiżgura l-integrità tal-ktajjen tal-provvista

It-tixrid tat-teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) iffaċilitat l-iżvilupp tal-ktajjen tal-provvista, dejjem itwal u ta’ spiss globali. Ippermettiet ukoll għat-tnaqqis tal-kostijiet tal-inventarju peress li l-operaturi mxew għal kunsinna eżatt fil-ħin. Barra minn hekk, l-ICT ippermettiet għal żieda f’kunsinja diretta lill-konsumatur finali. Filwaqt li dawn l-iżviluppi huma pożittivi, ġew ukoll applikati minn operaturi kummerċjali li jiksru l-PI. Din timmanifesta ruħha billi l-importanza li dejjem qed tikber ta’ kunsinni żgħar ta’ oġġetti li jiksru l-PI, id-dħul rapidu u l-ħruġ ta' malajr minn firxa ġmielha ta' swieq ta' prodotti minn dawk li jiksu l-PI u l-infiltrazzjoni fil-partijiet l-aktar dgħajfa tal-ktajjen tal-provvista li huma stess huma mifruxa f’ħafna pajjiżi. Marbut ma' dan, peress li l-konsumaturi finali qegħdin jiġu dejjem aktar konxji tal-prestazzjoni etika tal-kumpaniji, l-awditjar tal-katina tal-provvista li tnaqqas ir-riskju tal-ksur tal-PI joffri wkoll valur ta' kummerċjalizzazzjoni u ta' reputazzjoni għal kumpaniji intensivi fil-PI li qed jinnegozjaw fis-Suq Uniku jew migħu[12].

Il-Kummissjoni inizjalment ser tesplora l-possibilità ta’ skema Ewropea tal-iskema applikata b’mod volontarju dwar din il-kwistjoni, u tħeġġeġ l-adozzjoni ta’ tali l-aħjar prattika tad-diliġenza dovuta madwar setturi intensivi fil-PI billi jippromwovu u jinformaw dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-applikazzjoni sistematika ta' skemi ta’ awditjar kwalitattivi li jkunu diġà soġġetti għal standards stabbiliti minn korpi internazzjonali rikonoxxuti. B’mod speċifiku, sa tmiem l-2014, il-Kummissjoni se torganizza workshop għall-partijiet interessati dwar l-applikazzjoni tad-diliġenza dovuta fil-ktajjen tal-provvista bħala mezz għall-prevenzjoni ta’ ksur tal-IP fuq skala kummerċjali. Dan se jinkludi l-fornituri, id-detenturi tad-drittijiet, l-intermedjarji (inklużi pjattaformi on-line, magni tat-tiftix, dawk li jgħabbu l-merkanzija, eċċ.) l-Istati Membri, l-akkademiċi u l-NGOs.

L-ICT għandha wkoll rwol essenzjali fl-iżgurar tad-distribuzzjoni fil-livell tal-konsumatur u sistemi ta' loġistika u b’hekk tgħin fl-individwazzjoni u teskludi prodotti i jiksru l-IP milli jidħlu fihom. Sabiex jiġi żgurat li ktajjen ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti jkunu sikuri u mhux infiltrati minn prodotti li jiksru l-PI, qed jiġu applikati teknoloġiji tal-ġestjoni tal-inventarji bħal kombinazzjoni ta' identifikaturi ta' prodotti uniċi (2D barcodes) u l-applikazzjoni ta’ Identifikazzjoni permezz tal-Frekwenza tar-Radju (RFID). Permezz tal-ħidma taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tagħha f’dan il-qasam, il-Kummissjoni sussegwentement se toħroġ rapport dwar kif soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda li jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi se jgħinu fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija. Biex tiskopri l-oriġini tal-oġetti trasportati u tgħin fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskji, ir-riċerka dwar is-sigurtà - iffinanzjata permezz tal-programmi qafas tal-UE dwar l-R&Ż - qed tindirizza ktajjen tal-provvista tal-oġġetti tal-kontejner. Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka żviluppa wkoll għodda tal-IT (Contraffic) li tippermetti lid-dwana biex tanalizza rotot u movimenti ta’ kontejners tal-merkanzija importata fl-UE[13]. Il-workshop propost se jivvaluta l-applikabbiltà ta’ teknoloġiji ta' traċċar u rintraċċar ta’ distribuzzjoni differenti u mudelli ta’ negozju fil-livell tal-konsumatur li fuqhom jistrieħu s-setturi intensivi fid-DPI u jinforma lid-ditti dwar l-aħjar prassi.

Azzjoni 2: Il-Kummissjoni se tniedi sensiela ta’ azzjonijiet ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha rilevanti inkluża s-soċjetà ċivili dwar l-applikazzjoni ta' diliġenza dovuta fil-ktajjen ta' distribuzzjoni bħala mezz għall-prevenzjoni ta’ ksur tal-PI fuq skala kummerċjali. Fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura hi għandha l-ħsieb li tiżviluppa skema ta’ diliġenza dovuta tal-UE għal dan l-għan. Fl-ewwel istanza, se tfittex li tinkoraġġixxi l-adozzjoni volontarja tal-iskema li se timmonitorja mill-qrib biex jiġi ddeterminat jekk humiex meħtieġa aktar inizjattivi.  

2.3.        "Segwi l-flus": Djalogi tal-Partijiet Interessati tal-industrija biex il-prodotti li jiksru l-PI jinammu l-barra mill-internet

Ftehimiet bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-imsieħba tan-negozju li fuqhom jistrieħu jissorsjaw, jippromwovu, jqassmu, u jbiegħu l-prodotti tagħhom huma importanti biex jintlaħqu l-għanijiet doppji ta’ individwazzjoni rapida u interruzzjoni ta’ attivitajiet li jiksru l-PI fuq skala kummerċjali. Kwalunkwe memorandum bħal dan għandu jkollu mekkaniżmi integrati sewwa għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u ambjent kompetittiv, b’enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni ta’ abbużi potenzjali. Ftehimiet bħal dawn meta applikati, huma mekkaniżmu ta’ rispons rapidu għall-problema tal-ksur tal-PI. Djalogi bejn il-Partijiet Interessati li jwasslu għal ftehimiet bħal dawn jinvolvu laqgħat bejn grupp rappreżentattiv tal-partijiet interessati rilevanti u jfittxu li jiffukaw fuq problemi konkreti u fuq soluzzjonijiet prattiċi li huma realistiċi, bilanċjati, proporzjonati u ġusti għal dawk kollha kkonċernati. Huma ngħataw bidu mill-Kummissjoni u jfittxu li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ Memoranda ta’ Qbil (MtQ) li jistabbilixxu l-prinċipji li l-firmatarji jistgħu japplikaw fi ftehimiet kuntrattwali bilaterali. L-għan huwa li dawk li jikru l-PI jiċċaħħdu mill-flussi tad-dħul tagħhom.. L-ewwel djalogu, dwar il-limitazzjoni tal-iskala tal-oġġetti ffalsifikati permezz ta’ pjattaformi onlajn, irriżulta f’MoU fl-2011[14]. Rapport ta’ evalwazzjoni f’April 2013[15] kkonkluda li tista’ tiġi estiża b’mod utli biex jinkludi partijiet ġodda. Filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi rilevanti kollha, il-Kummissjoni, se tistabbilixxi Djalogi ġodda bejn il-Partijiet interessati fl-2014 u l-2015, li jinkludu l-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar, servizzi ta’ ħlas u t-trasportaturi, bl-objettiv li jinkiseb matul l-2015 Memorandum ieħor ta’ Qbil li għandu jgħin biex il-prodotti li jiksru l-PI jinżammu 'l bogħod mill-Internet. B’mod parallel, l-Osservatorju għandu jwettaq analiżi komparattiva dwar prattiċi kollaborattivi eżistenti bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-imsieħba kummerċjali stabbiliti fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi.

Azzjoni 3: Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iżvilupp ta’ Memoranda ta’ Qbil volontarji ulterjuri biex inaqqsu l-profitti minn ksur tal-PI fuq skala kummerċjali fl-ambjent onlajn, wara djalogi bejn il-partijiet interessati li jinvolvu fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar, servizzi ta’ ħlas u trasportaturi.

2.4.        Għajnuna lil SMEs biex jiġu inforzati d-drittijiet tagħhom tal-PI

L-UE tipprovdi għal regoli armonizzati ta' s-sistemi ta’ rimedju ċivili dwar il-PI permezz tad-Direttiva tal-2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali[16]. Wara komunikazzjoni fl- 2010[17], sar proċess ta’ konsultazzjoni pubbliku estensiv mill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk dan it-test hux tajjeb għall-iskop tal-isfidi numerużi li qed jiffaċċja l-infurzar tal-PI. Tard fl-2012, il-Kummissjoni ħarġet kwestjonarju lill-partijiet interessati biex tinġabar informazzjoni dwar jekk ir-rimedju ċivili transkonfinali eżistenti għall-ksur tal-PI kienx aċċessibbli għad-detenturi tad-drittijiet kollha, speċjalment l-SMEs. Hija esplorat ukoll jekk is-sistema ta’ qrati fl-Istati Membri kintex ħafifa biżżejjed u mogħni b’biżżejjed speċjalizzazzjoni. Ir-riżultati ta' dan l-istudju kienu ppublikati f’Jannar 2013[18]. Waqt li tibni fuq dan, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk hemmx il-ħtieġa ta’ azzjoni ulterjuri biex ittejjeb il-proċeduri ta’ rimedju ċivili, bħal talbiet ta’ valur baxx, għall-SMEs. L-ispejjeż għoljin u l-kumplessità ta’ litigazzjoni sikwit jiskoraġġixxu lill-SMEs innovattivi milli jinfurzaw id-drittijiet tal-PI tagħhom, inklużi dawk li jirriżultaw minn privattivi standard essenzjali (SEPs), u jistgħu jwasslu għal abbuż tas-suq minn kompetituri ikbar minnhom. Fil-livell tal-Unjoni, diversi strumenti fil-qasam tal-proċedura ċivili diġà jeżistu. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni pproponiet[19] li ssaħħaħ u ttejjeb proċedura attwali Ewropea għat-talbiet iż-żgħar, li hija proċedura uniformi disponibbli madwar l-Istati Membri (ir- Regolament (KE) Nru 861/2007). Din l-azzjoni żżid mal-inizjattivi mill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri fit-titjib tal-effettività ta’ sistemi nazzjonali tal-ġustizzja tagħhom bħat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE[20].

Azzjoni 4: Il-Kummissjoni fi ħsiebha tanalizza u tirrapporta dwar l-inizjattivi nazzjonali eżistenti li għandhom l-għan li jtejbu l-proċeduri ċivili ta’ infurzar tal-PI għall-SMEs, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ talbiet ta’ valur baxx u tikkunsidra azzjoni possibbli f’dan il-qasam.

L-ispejjeż għoljin u l-kumplessità ta’ litigazzjoni ħafna drabi jistgħu jiskoraġġixxu lill-SMEs innovattivi milli jinfurzaw id-drittijiet tal-PI tagħhom. Bħala konsegwenza, ir-redditi tal-SMEs fuq l-investimenti innovattivi mhumiex ottimizzati u jonqsu milli jespandu l-attivitajiet tagħhom ta’ riċerka u żvilupp. F’xi Stati Membri, l-iskemi u l-fondi nazzjonali għandhom l-għan li jirrimedjaw din is-sitwazzjoni, eż. permezz ta’ possibbiltajiet imtejba ta' assigurazzjoni tal-litigazzjoni. Fl- 2015, bl-għajnuna tal-Osservatorju, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tirrevedi l-effikaċja ta’ tali skemi nazzjonali, kif ukoll l-iskemi ta’ pajjiżi terzi. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ser tikkonsulta dwar ir-riżultati ta’ din ir-reviżjoni permezz tal-Green Paper, u twassal, jekk xieraq, għal inizjattiva ta’ politika.

Azzjoni 5: Il-Kummissjoni se toħroġ Green Paper biex tikkonsulta l-partijiet interessati dwar il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE fil-ġejjieni bbażata fuq l-aħjar prattiki li nstabu fl-iskemi finanzjati nazzjonalment biex jgħinu lill-SMEs biex jinfurzaw id-drittijiet tal-PI tagħhom.

L-Osservatorju jista’ utilment iqis fl-attivitajiet differenti tiegħu il-partikolaritajiet tal-SMEs, inklużi l-limitazzjonijiet tar-riżorsi tagħhom, meta l-SMEs jiġu biex jinfurzaw id-drittijiet tal-PI tagħhom. Bħala detenturi tad-drittijiet, il-SMEs ta' spiss jeħtieġu informazzjoni biex jaġġustaw l-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni jew distribuzzjoni u jistgħu wkoll ma jkollhomx il-ħiliet u l-kompetenza sabiex b’mod effettiv jipproteġu l-proprjetà intellettwali tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tpoġġi l-isforzi tagħha biex tiżivuluppa sistema ta' appoġġ[21] li tinkludi kwistjonijiet ta' infurzar: billi ssaħħaħ u tikkoordina l-appoġġ nazzjonali permezz tal-proġett IPorta; u permezz ta' pariri fuq il-PI f'attivitajiet ta' negozju transnazzjonali permezz tal-helpdesk Ewropew tad-DPI u l-Helpdesks tad-DPI tal-SMEs f'pajjiżi terzi[22]. Din is-sistema tikkoopera mill-qrib ma’ appoġġ ġenerali għan-negozju, b’appoġġ nazzjonali tal-PI u ma’ azzjonijiet tal-Osservatorju.

2.5.        Sistemi ta' ritrasferiment: għodda għall-konsumatur

Ċerti fornituri ta’ karti kreditu u debitu joffru skemi ta' ritrasferiment fejn, sa ċertu valur, il-konsumaturi jistgħu jikkontestaw u ma jħallsux għal xi servizz jew prodott li ma kinux xtaqu jixtru u kienu jafu diġà li ma kienx ġenwin. F’ċerti Stati Membri dawn l-iskemi huma rikjesti bil-liġi. Skemi bħal dawn ovvjament jaħdmu biex itaffu l-effetti tal-frodi iżda jistgħu wkoll jgħinu sabiex jiżguraw li dawk il-konsumaturi li bla ma jridu jirċievu oġġetti u servizzi li jiksrru l-PI jew ma jispiċċawx ikollhom iħallsu għalihom jew ikunu jistgħu sussegwentement ifittxu kumpens. Dawn l-iskemi jistgħu jaqdu rwol fil-limitazzjoni tal-qligħ diżonest li jagħmlu l-operaturi li jiksru l-PI. Fl-2014, il-Kummissjoni se tniedi eżerċizzju ta’ konsultazzjoni dwar skemi oħra ta’ ritrasferiment u skemi oħra li jnaqqsu l-fluss ta’ flus li jmorru fl-attivitajiet li jiksru l-PI fuq skala kummerċjali. Dan l-eżerċizzju ta' konsultazzjoni pubblika se jesplora l-ambitu biex tittieħed azzjoni f’dan il-qasam.

Azzjoni 6: Il-Kummissjoni se toħroġ Green Paper biex tikkonsulta ma’ partijiet interessati dwar l-impatt ta’ fatturazzjoni b'lura u skemi relatati biex jiġi indirizzat il-ksur tal-PI fuq skala kummerċjali. Fuq din il-bażi, se tesploral-bżonn u l-ambitu biex tieħu azzjoni konkreta f'dan il-qasam.

3. L-awtoritajiet pubbliċi f’ħidma flimkien

3.1.        Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali

F’Ewropa mingħajr fruntieri interni, minħabba n-natura transnazzjonali tal-involviment tal-kriminalità organizzata f'attivitajiet ta' ksur tal-PI, hemm il-bżonn li titjieb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji tal-ġustizzja u l-affarijiet interni tal-UE, il-pajjiżi terzi rilevanti u sħab oħra. F’dan il-kuntest, il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni[23] — notevolment fuq il-bażi tal-Valutazzjoni tal-Europol tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata — iddeċieda f’Ġunju tal-2013 li t-tfixkil tal-gruppi kriminali organizzati involuti fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ oġġetti ffalsifikati li jiksru r-regolamenti tas-saħħa, is-sigurtà u l-ikel u dawk li jipproduċu prodotti sub-standard għandu jkun prijorità għall-perjodu 2014-2017.

Biex jitwettqu d-diversi prijoritajiet ta’ dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata, il-pjanijiet annwali ta’ azzjoni operazzjonali huma żviluppati mill-Istati Membri bl-appoġġ tas-Segretarjat tal-Kunsill, il-Kummissjoni, l-Eurojust, l-Europol u aġenziji Ewropej rilevanti oħrajn[24]. L-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet se tiġi kkontrollata regolarment. Il-Kummissjoni hija lesta li tappoġġa lill-Istati Membri permezz ta’ kofinanzjament possibbli ta’ dawn l-azzjonijiet.

Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-UE għall-ġlieda kontra l-ksur tal-PI għas-snin 2013-2017[25] jistabbilixxi l-qafas għal azzjoni konġunta mit-28 amministrazzjonijiet doganali sabiex itejbu l-ġlieda kontra l-ksur tal-PI fuq il-fruntieri esterni tal-UE. Dan jipprevedi l-iżvilupp ta’ approċċi li huma mfassla apposta biex jindirizzaw il-ksur tal-oġġetti li jiksru l-PI mixtrija fuq l-internet permezz ta’ kurrier u pakketti postali. Aktar kooperazzjoni transkonfinali u bejn l-awtoritajiet hija meħtieġa. Il-Kummissjoni se torganizza konferenza fl- 2015 mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet tad-dwana, tal-pulizija u dawk ġudizzjarji biex jiddeterminaw kif tali kooperazzjoni msaħħa tista’ tiġi miksuba.

L-isfida dwar kif jiġu ssorveljati aħjar ix-xejriet li qed jevolvu fl-infurzar tal-PI 'il barra mill-UE qed tiġi indirizzata b'mod parallel fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li taġġorna l-"Istrateġija aġġornata tat-tisħiħ tal-jeddijiet tal-proprjetà intelletwali f'pajjiżi terzi"[26]. Fil-kuntest tan-negozjati dwar ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, l-UE għandha l-għan li tikseb impenji sostanzjali min-naħa ta’ gvernijiet ta’ pajjiżi terzi li jilħqu livell għoli ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali biex b’hekk jiġi ffaċilitat il-kummerċ fi prodotti intensivi fil-PI. Għandhom jiġu żviluppati wkoll kooperazzjoni aktar profonda bejn l-awtoritajiet doganali fl-UE u f’pajjiżi terzi fir-rigward tal-kummerċ ta’ oġġetti li jiksru l-PI, kif previst fi pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-UE[27].

Xi Stati Membri stabbilixxew unitajiet tal-kriminalità tal-PI fi ħdan il-ġurisdizzjonijiet tagħhom biex jevitaw ix-xogħol doppju fi strateġiji ta’ infurzar tal-PI madwar l-awtoritajiet rilevanti kollha fi ħdan dawn l-Istati Membri. Hemm nuqqasijiet u riskji simili ta’ duplikazzjoni f’kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. L-awtoritajiet ħafna drabi jsibu diffikultà sabiex jintraċċaw l-attivitajiet transkonfinali li jiksru l-PI fl-Unjoni, u għalhekk rarament huma jkunu jistgħu jippjanaw u jwettqu investigazzjonijiet u operazzjonijiet transkonfinali fi ħdan is-suq uniku.

Mingħajr ħsara għall-attivitajiet li għaddejjin bħalissa[28], il-Kummissjoni tqis li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kollha li għandhom rwol fil-protezzjoni tal-PI tista' tittjeb permezz tat-twaqqif ta' Grupp ta' Esperti għall-awtoritajiet rilevanti kollha tal-Istati Membri[29]. B'hekk dan il-forum, li jippermetti kemm għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattika kif ukoll għal taħdidiet dwar l-orjentazzjonijiet ta' politika tal-PI, jista' jikkontribwixxi biex iżid l-effiċjenza tal-infurzar tal-PI mill-UE[30].

Azzjoni 7: Il-Kummissjoni se tistabbilixxi Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar l-infurzar tal-PI, fejn l-Istati Membri jistgħu jaqsmu l-aħjar prattika dwar ix-xogħol fi ħdan l-UE tal-awtoritajiet ikkonċernati kollha tagħhom u jkunu infurmati dwar it-twassil ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni.

3.2.        Taħriġ għall-awtoritajiet nazzjonali fis-Suq Uniku

Taħriġ tal-awtoritajiet nazzjonali biex jindirizzaw xejriet u mudelli tan-negozju assoċjati ma’ attivitajiet ta' ksur tal-PI u wkoll biex jaqsmu l-aħjar prattiki dwar metodi ta’ teknika ta’ Identifikazzjoni l-aktar issir fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, fejn jeżisti taħriġ transkonfinali u l-bini tal-għarfien, huwa ta’ spiss skont it-tip ta’ awtorità ta’ infurzar u mhux fost l-awtoritajiet. Fil-kuntest tas-Suq Uniku, għalhekk hemm bżonn li jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ transkonfinali tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-PI. Fl- 2012 u l- 2013, l-Osservatorju għamel seminars tat-tiswir tal-għarfien għall-uffiċjali ta’ infurzar dwar pestiċidi ffalsifikati u l-kriminalità farmaċewtika. Fuq dan il-pedament, issa għandhom jiġu ppjanati sessjonijiet ta’ taħriġ għall-uffiċjali nazzjonali involuti fuq il-post fl-infurzar tal-PI. Sadanittant, l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) organizza seminar ta’ infurzar f’Mejju 2013 dwar id-drittijiet għall-kategoriji kollha tal-prattikanti tal-PI li jispeċjalizzaw f’dan il-qasam. Fl-2014, l-Osservatorju se tkompli jiżviluppa sett komprensiv ta' programmi ta’ taħriġ settorjali ta’ infurzar tal-PI għall-awtoritajiet tal-Istati Membri. Dawn il-programmi huma kkoordinati mal-Europol, l-Eurojust, il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) u s-CPVO.

Sadanittant, l-iżvilupp ta’ taħriġ maħsub għall-prattikanti legali dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-PI jista’ jwassal ukoll għal titjib fl-infurzar effettiv tal-IPRs u l-għoti ta’ rimedju.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tippromwovi taħriġ ta’ prattikanti legali dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-PI, b’mod partikolari bl-użu sħiħ tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika[31] permezz tat-tixrid ta’ materjal ta’ taħriġ eżistenti.

Azzjoni 8: Il-Kummissjoni se tappoġġa Osservatorju fl-iżvilupp ta’ sett komprensiv ta' programmi settorjali ta’ taħriġ relatati tal-infurzar tal-PI għall-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-kuntest tas-Suq Uniku.

3.3.        Ir-responsabbiltà tal-kuntratturi pubbliċi li jiflu l-akkiwst għal prodotti li jiksru l-PI

Kuntratti ta’ akkwist pubbliku fi ħdan l-Unjoni jistgħu jirriżultaw f'servizzi tas-settur pubbliku li jiġu nfiltrati ma’ prodotti tal-ksur tal-PI. Bħala l-ewwel pass, fl- 2014, il-Kummissjoni għandha trawwem skambju aħjar bejn l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri dwar dawn il-kwistjonijiet, u se torganizza konsultazzjoni għal dan l-għan fil-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar l-Akkwist Pubbliku. Gruppi ta' xogħol tematiċi, organizzata mill-Osservatorju, ukoll se jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi minn Stati Membri differenti biex jiddiskutu l-problemi li ltaqgħu magħhom u jiskambjaw l-aħjar prattika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se twettaq l-ewwel eżerċizzju pilota settorjali billi tifli l-akwisti pubbliċi fis-settur mediku biex tevalwa l-kobor tal-problema f’dak il-qasam. Fuq il-bażi ta’ dawn l-attivitajiet il-Kummissjoni għandha tippubblika u tippromwovi gwida dwar metodoloġiji biex jgħinu l-awtoritajiet pubbliċi fl-individwazzjoni u l-prevenzjoni ta' prodotti ffalsifikati milli jidħlu f’servizzi pubbliċi.

Azzjoni 9: Il-Kummissjoni fi ħsiebha tiżviluppa, tippromwovi u tippubblika gwida dwar l-aħjar prattika biex l-awtoritajiet pubbliċi jevitaw li jixtru prodotti foloz.

4. Monitoraġġ u mmirar aħjar ta’ politika ta’ infurzar tal-PI 

4.1.        L-analizzar tax-xejriet tal-PI u tal-attivitajiet ta' ksur tal-PI

Minn perspettiva ta’ interess pubbliku, il-politiki ta’ infurzar tal-PI għandhom ikunu mmirati lejn dawk l-attivitajiet ta’ ksur tal-PI fuq skala kummerċjali li huma bl-akbar probabbiltà li jagħmlu ħsara għall-investimenti fl-innovazzjoni u l-kreattività u jagħmlu l-akbar ħsara għall-benesseri tal-konsumatur u t-tkabbir ekonomiku. F’dan il-kuntest, dawk is-setturi intensivi fid-DPI li jsofru l-aktar ksara sinifikanti minn attivitajiet ta' ksur tal-PI jeħtieġ li jiġu identifikati b’mod oġġettiv u mbagħad sorveljati sistematikament biex jiġi żgurat li l-għodod ta’ politika stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni kif ukoll li s-sistemi leġiżlattivi ta’ rimedju jaħdmu. F’Settembru 2013, l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO) u l-OHIM ippubblikaw studju sabiex tiġi pprovduta valutazzjoni inizjali tas-setturi intensivi fid-DPI fi ħdan l-UE[32]. It-tieni fażi tar-rapport OHIM/EPO tas-setturi intensivi fil-PI se tiġi ppubblikata fil-ħarifa tal-2014[33].

Ladarba s-setturi intensivi fil-PI jiġu identifikati, hi meħtieġa l-applikazzjoni ta’ metodoloġiji ta’ stima affidabbli biex jitkejjel id-daqs tal-iskala kummerċjali tal-ksur tal-PI f’dawn is-setturi[34]. Flimkien mal-Osservatorju, il-Kummissjoni se tressaq sal-2015 mudelli trasparenti u prammatiċi li jistmaw ix-xejriet ta’ attivitajiet li jiksru l-PI fis-setturi intensivi fl-IPR.

Għal setturi intensivi fid-DPI li jipprovdu l-prodotti tagħhom onlajn u jiffaċċjaw l-offerta ta’ prodotti “ħielsa” illegali li jiksru l-PI, il-Kummissjoni qiegħda tagħmel studju biex tevalwa l-effetti ta’ spustament ta’ prodotti infrazzjonarji fuq il-prodotti leċiti. Dan se jitlesta sal-aħħar tal-2014. Mal-Osservatorju, il-Kummissjoni se tniedi wkoll studju fuq ksur tal-liċenzji tal-Creative Commons minn min dawk li jwettqu l-ksur li jkunu qed ifittxu li japproprjaw xogħlijiet ta’ dominju pubbliku. Barra minn hekk, l-Osservatorju se jagħmel riċerka dwar l-imġiba u l-attitudnijiet tal-ġenerazzjoni żagħżugħa fir-rigward tax-xejriet tal-mudelli tal-konsum ta’ prodotti li għalihom japplikaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Fil-kuntest tax-xogħol tagħha fil-qasam tal-politika doganali, il-Kummissjoni se tkompli tiġbor u tagħmel id-dejta disponibbli dwar detenzjonijiet doganali fil-fruntieri esterni tal-UE. Din l-informazzjoni se titlesta mill-informazzjoni dwar każi ta’ ksur tal-PI irreġistrati fuq is-Suq Uniku[35]. B’mod parallel, l-Osservatorju, bl-appoġġ tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, qed jaħdem fuq l-iżvilupp ta’ bażi tad-dejta tal-każistika għal każi ta’ ksur tal-IP.

Biex jiġi żgurat li dawn is-settijiet jintużaw tajjeb biex jiġi żgurat li l-politika ta’ infurzar tal-PI tkun ibbażata fuq sisien ekonomiċi trasparenti, mill-2014, il-Kummissjoni fi ħsiebha tipprovdi rapporti ekonomiċi f’dan il-qasam. Dawn se jservu bħala għodda ta’ monitoraġġ għall-politiki tal-Kummissjoni kontra attivitajiet ta' ksur tal-PI fuq skala kummerċjali.

Azzjoni 10: Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport biennali tal-impatt ekonomiku tal-politika tal-UE dwar l-PI li jista' jservi bħala għodda ta' monitoraġġ aktar effettiva għall-politika l-ġdida tal-UE dwar l-infurzar tal-PI kif stabbilit fil-Komunikazzjoni.

[1]               Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew 20-21.03.2014, p. 5 u p. 6.

[2]               Industriji intensivi tad-Drittijiet tal-Prorpjetà Intelletwali: kontribuzzjoni għall-prestazzjoni ekonomika u l-impjiegi fl-Ewropa. Ara: oami.europa.eu.

[3]               Ara: ec.europa.eu/internal_market/intellectual-property.

[4]              Fl- 2012, RAND Europe, lestiet rapport: Il-Kejl tal-ksur tad-DPI fis-suq intern. Dan ir-rapport jiddiskuti studji ffinanzjati mill-industrija li jevalwaw din il-kwistjoni u l-limitazzjonijiet assoċjati tagħhom.

                http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/docs/ipr_infringment-report_en.pdf

[5]               Ara: kroll.com.

[6]               Ara: ec.europa.eu/taxation_customs.

[7]               https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/246390/horr73.pdf. Iċ-ċiberkriminalità hi eskluża minn din l-istima.

[8]               L-azzjonijiet proposti ma għandhomx impatt baġitarju 'il fuq minn dak li hu previst diġà għas-sninli ġejjin fl-ipprogrammar uffiċjali tal-Kummissjoni.

[9]               Regolament (UE) Nru 386/2012 tad-19.4.2012 jafda lill-OHIM b’diversi kompiti li għandhom l-għan li jiffaċilitaw u jappoġġaw l-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali, is-settur privat u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI. Dawn il-ħidmiet ma jestendux għall-parteċipazzjoni f'operazzjonijiet individwali jew investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali, u lanqas għal kwistjonijiet koperti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (eż. fil-qasam kriminali u tal-pulizija).

[10]             Ara: oami.europa.eu.

[11]             Dan l-aħħar ħadet inizjattiva fejn ġibdet l-attenzjoni għall-effetti ekonomiċi negattivi ta' ċittadini kemm tal-impjiegi mitlufa kif ukoll tad-dħul pubbliku mitluf li jirriżulta mill-ksur tad-DPI kontra prodotti legali, speċjalment f'erti setturi: Tajjeb iżżejjed biex ikun minnu: Il-prezz veru tal-oġġetti ffalsifikati, għal aktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/tajani/stop-fakes/index_en.htm

[12]             Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-20.10.2010 jistabbilixxi obbligi ta’ diliġenza fuq l-operaturi li jpoġġu l-prodotti tal-injam fis-suq.

[13]             Ara: ec.europa.eu/dgs/jrc.

[14]             Ara: ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement.

[15]             COM(2013) 209 tal-18.4.2013.

[16]             Id-Direttiva 2004/48/KE, 29.4.2004.

[17]             COM (2010)779 tat-22.12.2010.

[18]             Ara: ec.europa.eu/internal_market/consultations.

[19]             COM(2013) 794 final

[20]             http://ec.europa.eu/justice/effective-justice/files/justice_scoreboard_communication_en.pdf

[21]             http://ec.europa.eu/enterprise/initiatives/ipr/what-are-iprs/index_en.htm

[22]             [Għal aktar dettalji, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Kummerċ, tkabbir u proprjetà intellettwali - għall-ħarsien u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi COM (2014) [… ],]

[23]             Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7.6.2013 li jistabbilixxu l-prijoritajiet għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata.

[24]             Dawn l-azzjonijiet jimmiraw notevolment li jtejbu l-informazzjoni u l-intelliġenza għall-finijiet ta’ analiżi strateġika u operazzjonali, jagħtu prijorità u jpoġġu fil-mira gruppi ta’ kriminalità organizzata u prominenti, jiżviluppaw investigazzjoni finanzjarja u ta' rkupru tal-assi, jippromwovu l-kooperazzjoni multidixxiplinarja fi ħdan l-UE u jtejbu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu ewlenin u msieħba rilevanti.

[25]             Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-10.12.2012.

[26]             ĠU, C 129 of 26.5.2005, p. 3.

[27]             Ibid.

[28]             Notevolment fil-qafas ta’ Pjan ta’ Azzjoni Doganali fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata tal-UE, ara ĠU, C 80 of 19.3.2013, p. 1.

[29]             Dan jista’ wkoll jissorvelja l-użu ta’ għodod komuni bħall-Enforcement Database u l-ACIST żviluppati mill-Osservatorju.

[30]             L-ambitu u l-mandat ta’ dan il-Grupp ta’ Esperti għandhom jiġu stabbiliti f’deċiżjoni tal-Kummissjoni fl- 2014.

[31]             Ara: e-justice.europa.eu.

[32]             Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-industriji intensivi, op. cit.

[33]             Bl-imminar tad-dejta fil-lvrll tal-kumpanija, se jiġu identifikati s-setturi intensivi fl-IPR fil-livell nazzjonali u jiġi kkwantifikat il-kontribut tagħhom għall-ekonomija ta’ kull Stat Membru, kif ukoll tiġi evalwata d-dipendenza tal-SMEs fuq l-IPR.

[34]             Fl- 2012, RAND Europe lestiet rapport għall-Kummissjoni (Il-kejl ta’ ksur tad-DPI fis-Suq Intern, ikkwotat iktar ’il fuq) li rreveda xi 200 studju eżistenti u enfasizza s-saħħa u d-dgħufijiet tal-metodoloġija/dejta tagħhom. Fuq din il-bażi, hija pproponiet metodoloġija rieżaminata mill-pari li tista' tintuża biex jiġu stmati l-livelli ta’ attività li tikser l-IP fl-ekonomija.

[35]             Id-dejta se tinħażen fl-Gooda għall-Appoġġ tal-Intelliġenza Kontra l-Iffalsifikar (ACIST) żviluppata mill-OHIM mal-Europol: https://www.tmdn.org/enforcementintelligence-webapp/