52014DC0381

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL li jikkonċerna l-istatistika għal żmien qasir kif meħtieġ mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/98 tad-19 ta' Mejju 1998 /* COM/2014/0381 final */


1. Introduzzjoni

L-istatistika Ewropea għal żmien qasir (STS) tiddeskrivi l-iżviluppi l-aktar reċenti fl-ekonomiji Ewropej f'erba' oqsma ewlenin: l-industrija, il-kostruzzjoni, il-kummerċ bl-imnut u s-servizzi (esklużi s-servizzi finanzjarji). Għal kull qasam, l-istatistika għal żmien qasir tipprovdi sensiela ta’ indikaturi bħalma huma l-produzzjoni, il-fatturat, il-prezzijiet ta’ produzzjoni (ta’ spiss imsejħa wkoll il-prezzijiet tal-produtturi), għadd ta’ persuni impjegati, sigħat maħduma, il-pagi gross u bosta oħrajn. Il-bażi legali tal-‑istatistika għal żmien qasir hija r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/1998[1], kif emendat (minn issa 'l quddiem 'ir-Regolament dwar l-Istatistika għal żmien qasir').

Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament:

Il-Kummisjoni għandha, sal-11 ta' Awissu 2008 u kull tliet snin wara, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistika kkumpilata skont dan ir-Regolament u b'mod partikolari dwar ir-rilevanza u l-kwalità tagħha u r-reviżjoni ta' indikaturi. Ir-rapport għandu jindirizza speċifikament ukoll l-ispiża tas-sistema statistika u l-piż fuq in-negozju minħabba dan ir-Regolament f'rabta mal-benefiċċji tiegħu. Għandu jirrapporta dwar l-aħjar prattiċi biex jitnaqqas il-piż fuq in-negozju u għandu jindika modi biex jitnaqqsu l-piż u l-ispejjeż.

Ir-rapport preżenti huwa s-segwitu għar-rapporti li ġew ippreżentati f'Ġunju 2008 u f'Ġunju 2011 skont l-Artikolu ta' hawn fuq.[2]

It-Taqsima 2 tiddeskrivi l-użi ta’ statistika għal żmien qasir u r-rilevanza tagħha għal politiki Ewropej ewlenin u t-tmexxija tal-politika monetarja Ewropea. Tindika wkoll l-iżviluppi ewlenin fl-istatistika għal żmien qasir mill-aħħar rapport ta’ kwalità li sar f'Ġunju 2011.

It-Taqsima 3 tiddeskrivi f’aktar dettall l-aspetti differenti ta’ kwalità tal-istatistika għal żmien qasir.

It-Taqsima 4 tippreżenta l-ispiża u l-piż involuti fil-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta għall-istatistika għal żmien qasir, u xi eżempji ta’ kif l-Istati Membri rnexxilhom inaqqsu dawn.

L-aħħar taqsima tagħti perspettiva dwar l-iżviluppi futuri fl-istatistika għal żmien qasir.

Ħarsa ġenerali lejn l-istatistika għal żmien qasir u l-iktar żviluppi importanti

Il-kumpilazzjoni ta’ statistika għal żmien qasir kienet fattur importanti li ppermetta t-twaqqif taż-żona tal-euro u l-monitoraġġ tal-Politika monetarja Ewropea[3]. Mit-22 Indikatur Ekonomiku Ewropew Prinċipali (IEEP) inizjali[4] li ġew żviluppati biex jimmonitorjaw l-iżvilupp ekonomiku tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha u b’mod partikolari biex iwettqu l-politika monetarja fiż-żona tal-euro, tmienja huma pprovduti bi statistika għal żmien qasir: il-produzzjoni industrijali, il-prezzijiet tal-produzzjoni industrijali dwar is-suq domestiku, il-prezzijiet ta' importazzjoni industrijali, il-produzzjoni fil-kostruzzjoni, il-volum fil-bejgħ bl-imnut u t-tiswija, id-dħul mis-servizzi (esklużi servizzi tal-kummerċ bl-imnut), servizzi (oħra), il-prezzijiet tal-output u l-permessi għall-bini.

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali huma fost l-aktar utenti importanti ta’ statistika għal żmien qasir. Utenti oħra importanti huma l-Kummissjoni Ewropea nfisha, il-gvernijiet nazzjonali, istituti tar-riċerka, in-negozji u l-organizzazzjonijiet tan-negozju. L-istqarrijiet għall-istampa dwar statistika għal żmien qasir ġeneralment jattiraw attenzjoni kbira fil-midja. L-istatistika għal żmien qasir tipprovdi wkoll input għal żoni oħra tal-istatistika bħal kontijiet nazzjonali.

L-istatistika għal żmien qasir hija klassifikata fost l-aktar statistika importanti prodotta mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat). Dawn huma l-aktar użati għal analiżi dwar ix-xejriet ekonomiċi, it-tbassir u l-immudellar, iżda huma wkoll meħtieġa għat-tħejjija ta’ deċiżjonijiet tal-politika, skopijiet ta’ riċerka, verifika u validazzjoni ta’ dejta minn sorsi oħra, u bħala bażi għal deċiżjonijiet tan-negozju (eż. fir-riċerka tas-suq). Ir-riżultati minn statistika għal żmien qasir jistgħu jintużaw ukoll minn negozji għal diversi skopijiet oħra (eż. l-użu ta’ indiċijiet tal-prezz ta’ produzzjoni għall-indiċjar ta’ kuntratti).

Saru għadd ta’ tibdiliet mill-aħħar rapport ta’ kwalità dwar statistika għal żmien qasir li kien adottat f’Ġunju 2011. Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 461/2012 tal-31 ta’ Mejju 2012[5], il-ġbir ta’ dejta dwar l-ordnijiet industrijali ġodda ma tkompliex u l-aħħar aħbarijiet dwar dawn ġew ippubblikati fit-22 ta’ Frar 2012, bid-dejta ta' Diċembru 2011. Din id-dejta kienet ġiet oriġinarjament maħsuba biex tipprovdi indikatur ewlieni u indikazzjoni bikrija tal-iżvilupp tal-produzzjoni industrijali. Madankollu, il-kapaċità ta’ tbassir tagħha sfat pjuttost limitata fuq livell Ewropew, u l-Kumitat Ewropew tas-Sistema tal-Istatistika ddeċieda li l-ġbir obbligatorju tad-dejta għal varjabbli ta' ordnijiet ġodda industrijali fil-livell Ewropew għandu jitwaqqaf.

F’Marzu 2012, ġie introdott metodu ta’ aġġustament staġjonali għall-istatistika Ewropea għal żmien qasir. L-iskop ta’ aġġustament staġjonali huwa li d-dejta għal diversi xhur jew ta' kull tliet xhur tkun tista' tiġi pparagunata b'mod dirett permezz tal-eliminazzjoni tal-effetti staġjonali bħal tnaqqis fil-produzzjoni industrijali matul il-vaganzi tas-sajf jew żieda fil-valur tal-bejgħ għall-kummerċ bl-imnut qabel il-Milied. Mis-sena ta’ referenza 2012 'l quddiem, il-Eurostat qaleb għal metodu ta' aġġustament staġjonali nazzjonali indirett fejn is-serje ta’ dejta nazzjonali huma l-ewwel aġġustati skont l-istaġun u mbagħad użati, bħala medji ppeżati, biex jiġu prodotti aggregati Ewropej. Fil-passat, il-Eurostat uża approċċ dirett għal statistika għal żmien qasir, jiġifieri d-dejta nazzjonali mhux aġġustata ġiet aggregata sa livell Ewropew, li mbagħad ġiet aġġustata skont l-istaġun. Il-metodu l-ġdid jiggarantixxi l-konsistenza ta’ aggregati Ewropej u nazzjonali u huwa wkoll konformi mal-linji gwida ta’ aġġustament staġjonali tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS).

F'Ottubru 2012, l-istatistika‑għal żmien qasir ġiet soġġetta għal-linji gwida tal-ESS dwar il-politika ta' reviżjoni. L-aggregati Ewropej tat-tmien IEEP għal żmien qasir u fil-kummerċ bl-imnut issa huma riveduti u ppubblikati biss darba fix-xahar. Id-dati huma mħabbra bil-quddiem fil-kalendarju tal-pubblikazzjoni tal-istatistika għal żmien qasir[6]. Id-dejta nazzjonali tibqa’ tiġi aġġornata immedjatament wara li informazzjoni ġdida ssir disponibbli.

Kmieni fl-2013, l-indiċijiet għal żmien qasir ġew ibbażati mill-ġdid mill-2005 sal-2010. Dan kien jinvolvi l-aġġornament tal-ippeżar użat għall-kalkolu tal-aggregati Ewropej sabiex tiġi riflessa l-istruttura ekonomika tal-2010 (bażi mill-ġdid) u l-bidla aritmetika tas-sena ta’ referenza (medja ta' 100 fl-2010 minflok fl-2005).

Mill-2013, id-dejta ta’ kull tliet xhur għas-sigħat maħduma u l-pagi u s-salarji gross saret disponibbli għan-negozju bl-imnut u għat-tiswija u għal servizzi oħra. Il-bażi legali għal din kienet ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 329/2009[7].

Kamp ta' applikazzjoni u kwalità tal-indikaturi tal-istatistika għal żmien qasir

Kamp ta' applikazzjoni u konformità mar-Regolament dwar l-istatistika għal żmien qasir

Il-konformità tal-Istati Membri mar-Regolament dwar l-istatistika għal żmien qasir f’termini ta’ affidabbiltà, puntwalità, koerenza u komparabbiltà hija mmonitorjata mill-Eurostat kull sitt xhur u turi livell għoli ta’ konformità u titjib konsistenti. Abbażi tad-diversi aspetti ta’ kwalità deskritti fil-Kodiċi ta’ Prattika Ewropew dwar l-Istatistika[8], punteġġ komprensiv tal-konformità li jkopri l-indikaturi kollha huwa kkalkulat għal kull pajjiż. Mill-1 ta' Ottubru 2013, il-punteġġ medju tal-UE-28 kien 9.6 (minn 10) – l-istess bħal dak mill-1 ta' April 2013. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri issa huma konformi kompletament jew inkella huma kważi konformi għal kollox mar-Regolament.

Preċiżjoni, affidabbiltà, koerenza u komparabbiltà

Ir-Regolament dwar l-istatistika għal żmien qasir u atti marbuta miegħu introduċew sett ta’ definizzjonijiet komuni għall-istatistika għal żmien qasir applikati mill-Istati Membri kollha. Il-Eurostat u l-uffiċji nazzjonali tal-istatistika jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw preċiżjoni għolja, affidabbiltà u koerenza tal-indikaturi tal-istatistika għal żmien qasir. Il-qafas metodoloġiku stabbilit permezz tar-Regolament qed jiġi kontinwament imtejjeb permezz ta' konsultazzjonijiet ma' esperti tekniċi u ma' task forces speċjali tematiċi.

Għandu jiġu nnutat li l-metodoloġiji ma għandhomx għalfejn ikunu identiċi fl-Istati Membri kollha. B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u sabiex jittieħed kont ta’ differenzi nazzjonali, eż. fir-rigward ta’ daqs, struttura ekonomika u disponibbiltà ta’ dejta amministrattiva, ir-Regolament dwar l-istatistika għal żmien qasir iħalli lill-Istati Membri ħielsa li jiddeċiedu dwar l-aktar modi effiċjenti u effettivi għall-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta.

Il-Eurostat jaħdem ukoll flimkien ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, b'mod speċjali mal-OECD, sabiex ikabbar il-komparabbiltà ta' dejta u metodi lil hinn mill-Unjoni Ewropea.

Rispett tal-iskadenzi u puntwalità

Għal statistika għal żmien qasir, id-disponibbiltà bikrija tad-dejta hija ta’ importanza kbira. Għalhekk, ir-Regolament dwar l-istatistika għal żmien qasir jistabbilixxi skadenzi relattivament qosra għat-twassil ta’ dejta nazzjonali lill-Eurostat[9]. It-Tabella 1 turi l-iskadenzi attwali għat-trażmissjoni tad-dejta lill-Eurostat (it-tielet kolonna) u d-dati prevvisti stabbiliti mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) fir-rapport l-aktar reċenti tiegħu dwar rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-Unjoni Monetarja Ewropea. L-aħħar kolonna tindika l-iskadenzi attwali għad-disseminazzjoni (eż. permezz ta’ stqarrijiet għall-aħbarijiet).

B’mod ġenerali, ir-rispett tal-iskadenzi tal-istatistika għal żmien qasir huwa kkunsidrat bħala tajjeb ħafna. Kwalunkwe dewmien normalment huwa minħabba li d-data prevvista għall-preżentazzjoni tkun taħbat fl-aħħar tal-ġimgħa jew fi btala pubblika.

L-utenti jkunu infurmati bid-dati tal-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa sew bil-quddiem permezz tal-kalendarju tal-istqarrijiet għall-istampa fuq il-websajt tal-Eurostat[10]. Fis-snin li għaddew, id-dati kollha mħabbra fil-kalendarju ntlaħqu.

Tabella 1: Rispett tal-jiem– tal-iskadenza bejn it-tmiem tal-perjodu ta’ referenza u l-iskadenza tal-kunsinna, ir-Regolament STS, il-mira tal-KEF u d-disseminazzjoni prorpja tal-aggregati tal-UE (is-sitwazzjoni f’Mejju 2013)

Indikatur || Perjodiċità || Skadenzi tar-Regolament STS a) || Miri tal-KEF għall-2013 b) || Disseminazzjoni tat-totali tal-UE c)

Produzzjoni industrijali || Kull xahar || 40 || 40 || 44

Prezzijiet tal-produzzjoni industrijali tas-suq domestiku || Kull xahar || 35 || 35 || 33

Prezzijiet tal-importazzjoni industrijali || Kull xahar || 45 || 45 || 37

Produzzjoni fil-kostruzzjoni || Kull xahar || 45 || 45 || 47

Permessi għall-bini || Kull tliet xhur || 90 || 90 || 89

Dħul fil-bejgħ bl-imnut u t-tiswija || Kull xahar || 30 || 30 || 36

Dħul u servizzi oħrajn || Kull tliet xhur || 60 || 60 || 65

Prezzijiet tal-output || Kull tliet xhur || 90 || 90 || 91

a)   Skadenzi għat-trażmissjoni tad-dejta lill-Eurostat skont ir-Regolament tal-Istatistika‑għal żmien qasir; għal pajjiżi iżgħar spiss japplikaw skadenzi itwal.

b)   Miri stabbiliti fit-2013 Status Report on information requirements on EMU (Rapport tal-Istatus dwar ir-rekwiżiti tal-informazzjoni dwar l-UEM) tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (EFC)

c)   Jiem bejn tmiem il-perjodu ta’ referenza u d-disseminazzjoni (eż. stqarrija għall-istampa, rilaxx ta' dejta). Xi dewmien ikkawżat minn vaganzi f’Mejju (ix-xahar ta' referenza).

Reviżjonijiet tal-indikaturi tal-istatistika għal żmien qasir

L-ewwel riżultati ta’ indikaturi għal żmien qasir huma parzjalment ibbażati fuq dejta preliminari, stimi tad-dejta u dejta mhux kompluta. Wara l-ewwel stqarrija tad-dejta, ir-riżultati tal-istħarriġ spiss jitjiebu, minħabba li jkun ġie miżjud l-input ta' dawk li jkunu wieġbu tard. Id-dejta hija riveduta għal firxa sħiħa ta’ raġunijiet oħra, inklużi aġġustamenti staġjonali, valutazzjoni komparattiva, sorsi ta’ dejta ġodda u/jew imtejba, u korrezzjonijiet ta’ żbalji jew bidliet metodoloġiċi, iżda r-reviżjonijiet huma ġeneralment x'aktarx limitati fl-iskala tagħhom, speċjalment fuq livell aggregat tal-UE u għaż-żona tal-euro.

Sabiex tiġi vvalutata l-kwalità tal-ewwel riżultati tal-erba' indikaturi tal-istatistika għal żmien qasir ippubblikati ta' kull xahar fi stqarrija għall-istampa, il-bidliet bejn l-ewwel u t-tieni pubblikazzjoni tar-rati ta’ tkabbir ta’ kull xahar ġew analizzati għall-2011-13.

Tabella 2: Skala tar-reviżjoni għall-erba’ indikaturi prinċipali tal-istatistika għal żmien qasir, 2011-13 a)

1 || 2 || 3 || 4 || 5

|| Reviżjoni medja b) || Reviżjoni medja assoluta c) || Rata ta’ tkabbir medja assoluta || Reviżjoni medja relattiva d)

Produzzjoni industrijali || 0.1 || 0.2 || 0.7 || 0.2

Prezzijiet tal-produzzjoni industrijali tas-suq domestiku || 0.0 || 0.0 || 0.4 || 0.1

Produzzjoni fil-kostruzzjoni || 0.0 || 0.7 || 1.5 || 0.4

Volum ta’ kummerċ bl-imnut || 0.0 || 0.2 || 0.6 || 0.4

a)   Rati ta’ tkabbir aġġustati kull staġun għall-indikaturi taż-żona tal-euro

b)   Differenzi bejn ir-rati ta' tkabbir fit-tieni u fl-ewwel pubblikazzjoni, il-medja tal-2011-13.

c)   Id-differenzi assoluti bejn ir-rati ta’ tkabbir fit-tieni u fl-ewwel pubblikazzjoni, il-medja tal-2011-13.

d)   Il-proporzjon bejn ir-reviżjoni assoluta (il-kolonna 3) u r-rata ta’ tkabbir assoluta fit-tieni pubblikazzjoni (il-kolonna 4), il-medja tal-2011-13. Differenzi minħabba żbalji tal-arrotondament.

It-Tabella 2 turi, għall-aggregati taż-żona Euro tal-erba' indikaturi soġġetti għal stqarrija għall-istampa, l-iskala medja tar-reviżjonijiet tar-rati ta’ tkabbir bejn l-ewwel u t-tieni pubblikazzjoni xahar wara (it-tieni kolonna). Dan huwa qrib iż-żero, li jfisser li reviżjonijiet 'il fuq u 'l isfel mir-rati tat-tkabbir kważi jikkanċellaw lil xulxin, jiġifieri ma hemm l-ebda distorsjoni sistematika dovuta għal sovravalutazzjonijiet jew sottovalutazzjonijiet tar-riżultati.

F’termini assoluti (it-tielet kolonna) ir-reviżjonijiet medji jvarjaw bejn kważi żero għall-prezzijiet tal-produzzjoni industrijali u 0.7 punti perċentwali għal produzzjoni fil-kostruzzjoni. Id-differenzi bejn l-indikaturi kollha huma spjegati prinċipalment minn fatturi metodoloġiċi. Filwaqt li l-prezzijiet tal-produzzjoni industrijali ta' spiss lanqas biss huma riveduti, l-indikaturi tal-produzzjoni jistgħu jiġu riveduti bosta snin wara l-ewwel pubblikazzjoni tagħhom.

Rati medji ta’ tkabbir (f’termini assoluti fit-tieni pubblikazzjoni) huma indikati fil-kolonna 4. L-aħħar kolonna turi r-relazzjoni bejn ir-reviżjoni tar-rata ta’ tkabbir u r-rata ta’ tkabbir infisha (fiż-żmien tat-tieni pubblikazzjoni). Dan jgħina nevalwaw b’aktar preċiżjoni d-daqs tar-reviżjonijiet, peress li tagħmel differenza jekk reviżjoni ta’ 0.2 punti perċentwali, pereżempju, tiġi applikata għal rata relattivament għolja jew relattivament baxxa ta’ tkabbir.

Aċċessibilità, ċarezza u disponibilità ta’ metadejta

Id-dejta kollha dwar l-istatistika għal żmien qasir hija aċċessibbli bla pagament fuq il-websajt tal-Eurostat. It-taqsima speċjali ddedikata għal statistika għal żmien qasir tinsab taħt “Industrija, kummerċ u servizzi” jew permezz tal-funzjoni tat-tiftix[11].

Fiż-żona tal-istatistika għal żmien qasir, Eurostat jippubblika 48 stqarrija għall-istampa kull sena, jiġifieri stqarrija kull xahar għal erba' indikaturi ewlenin (il-produzzjoni industrijali, il-prezzijiet tal-produzzjoni industrijali, il-produzzjoni fil-kostruzzjoni u l-volum ta' bejgħ bl-imnut). Fis-snin li għaddew, l-istqarrijiet għall-aħbarijiet kollha ġew ippubblikati skont l-iskeda. Barra minn hekk, mill-aħħar rapport tal-kwalità dwar l-istatistika għal żmien qasir fl-2011, ġew ippubblikati seba' edizzjonijiet ta' "Statistics in focus" li apparti milli jipprovdu dejta kwantitattiva, dawn jittrattaw kwistjonijiet metodoloġiċi magħżula u janalizzaw ix-xejriet ekonomiċi attwali.

L-ispjegazzjonijiet komprensivi, immirati u dettaljati ta’ kwistjonijiet metodoloġiċi (metadejta) huma disponibbli wkoll, parzjalment fi Statistics in Focus (ara hawn fuq) u wkoll fuq il-websajt tal-Eurostat. L-ispjegazzjonijiet konċiżi ta’ kunċetti tal-istatistika huma ppubblikati fi Statistics Explained, dizzjunarju onlajn tat-tip wiki. Il-bażi ta' dejta “sorsi tal-STS” tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar proċessi tal-istatistika, kwistjonijiet legali, regoli ta’ kunfidenzjalità, kwalità tad-dejta u metodi ta’ ġbir ta’ dejta nazzjonali. Għal għadd ta’ indikaturi ewlenin, hemm disponibbli wkoll spjegazzjonijiet metodoloġiċi dettaljati (PEEIs in focus (Fokus fuq l-IEEP))[12].

Spejjeż għas-sistema tal-istatistika u piż fuq in-negozji

L-ispejjeż (għal sistemi ta’ statistika, il-ġbir, l-ipproċessar u d-disseminazzjoni tad-dejta) u l-piż (fuq l-intrapriżi li jipprovdu d-dejta) marbutin mal-istatistika għal żmien qasir jistgħu jitkejlu biss b’mod imperfett. Il-kampjuni huma organizzati b’mod differenti fost l-Istati Membri, li jagħmel il-paraguni diffiċli. Barra minn hekk, il-produzzjoni ta’ statistika għal żmien qasir ma tistax tiġi sseparata kompletament minn statistika oħra u ta' spiss ma jkunx hemm metodu ċar ta' kif għandhom jiġu attribwiti l-ispejjeż u l-piżijiet għal tipi speċifiċi ta’ statistika (eż. id-dejta miġbura permezz ta’ stħarriġ għall-istatistika għal żmien qasir tkun tista' tintuża wkoll għal kontijiet nazzjonali). Fl-aħħar nett, il-metodi użati għall-ġbir ta' dejta dwar l-ispejjeż u l-piżijiet (pereżempju permezz ta' stħarriġ separat, flimkien ma’ stħarriġijiet eżistenti jew bl-użu tal-istimi tal-esperti) ivarjaw bejn l-Istati Membri.

Kalkolu tentattiv tal-piż fuq negozju medju (li prinċipalment jirriżulta billi jimtlew il-kwestjonarji) huwa ppreżentat fit-Tabella 3 għat-tmien l-IEEP inkwistjoni. Għall-iffaċilitar tal-ipparagunar, il-piż huwa kkalkulat bħala minuti kull xahar, anke għall-indikaturi ta' kull tliet xhur.

Kif it-Tabella 3 tindika, hemm differenzi konsiderevoli bejn il-pajjiżi, fejn il-piż ivarja bejn kważi noneżistenti għal sagħtejn fix-xahar biex jimtela kwestjonarju. Piż li huwa ekwivalenti għal żero normalment jindika li d-dejta mhijiex miġbura permezz ta’ kwestjonarju tal-istatistika għal żmien qasir, iżda hija meħuda minn sorsi oħra (ta' spiss is-sorsi amministrattivi tal-VAT) jew prodotta b'metodi oħrajn (e.g. billi tiġi kkumbinata statistika oħra).

Tabella 3: Medja, l-akbar u l-iċken valuri nazzjonali tal-piż (minuti kull xahar) fuq negozju li jwieġeb kwestjonarju fl-2012 (UE-27)

|| Il-piż 2012 (minuti kull xahar)

|| Medja, mhux ippeżat || Massimu || Minimu

Produzzjoni industrijali || 20 || 76 || 0

Prezzijiet ta’ produzzjoni industrijali || 19 || 120 || 1

Prezzijiet tal-importazzjoni industrijali || 16 || 65 || 3

Produzzjoni fil-kostruzzjoni || 21 || 115 || 0

Permessi għall-bini || 7 || 40 || 0

Volum ta’ bejgħ bl-imnut || 8 || 15 || 0

Dħul minn servizzi (oħrajn) || 5 || 13 || 0

Prezzijiet tal-output || 12 || 47 || 2

Tabella 4: Żvilupp tal-piż statistiku fuq l-intrapriżi u fuq l-ispiża tal-uffiċċji tal-istatistika nazzjonali (2009‑12)

|| Għadd ta’ Stati Membri fejn

|| il-piż żdied || il-piż naqas || il-piż baqa' l-istess || il-paragun mhux possibbli

Produzzjoni industrijali || 6 || 10 || 3 || 8

Prezzijiet ta’ produzzjoni industrijali || 8 || 11 || 4 || 4

Prezzijiet tal-importazzjoni industrijali || 4 || 4 || 2 || 17

Produzzjoni fil-kostruzzjoni || 3 || 13 || 6 || 5

Permessi għall-bini || 3 || 5 || 10 || 9

Volum ta’ bejgħ bl-imnut || 3 || 6 || 3 || 15

Dħul minn servizzi (oħrajn) || 5 || 13 || 4 || 5

Prezzijiet tal-output || 5 || 14 || 3 || 5

|| Għadd ta’ Stati Membri fejn

|| l-ispejjeż żdiedu || l-ispejjeż naqsu || l-ispejjeż baqgħu l-istess || il-paragun mhux possibbli

Produzzjoni industrijali || 5 || 13 || 3 || 6

Prezzijiet ta’ produzzjoni industrijali || 8 || 12 || 4 || 3

Prezzijiet tal-importazzjoni industrijali || 8 || 4 || 3 || 12

Produzzjoni fil-bini || 8 || 11 || 4 || 4

Permessi għall-bini || 7 || 10 || 4 || 6

Volum ta’ bejgħ bl-imnut || 4 || 7 || 4 || 12

Dħul minn servizzi (oħrajn) || 6 || 13 || 3 || 5

Prezzijiet tal-output || 13 || 8 || 2 || 4

Għal għadd ta’ Stati Membri, l-istimi tal-piż huma disponibbli għall-2009 u l-2012. It-Tabella 4 tindika l-għadd ta’ pajjiżi li l-piż medju ta’ kull xahar tan-negozji li jridu jagħmlu rapport żdied, naqas jew baqa' l-istess (l-aħħar kolonna tindika l-għadd ta’ pajjiżi li għalihom id-dejta tal-2009 u/jew tal-2012 mhijiex disponibbli). Il-parti t’isfel tat-tabella tipprovdi l-informazzjoni korrispondenti dwar l-ispejjeż tal-istituti tal-istatistika għall-produzzjoni tal-indikaturi diversi. B’mod ġenerali, it-tnaqqis medju fil-piż u tal-ispejjeż għeleb iż-żidiet. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-iskala rrappurtata tat-tnaqqis fil-piż u fl-ispejjeż f’bosta każijiet kienet akbar miż-żidiet fil-piż u fl-ispejjeż. Bħala riżultat, jista' jiġi preżunt titjib tas-sitwazzjoni tal-piż u tal-ispejjeż għall-UE fl-intier tagħha.

It-tnaqqis ġenerali tal-piż tal-istatistika fuq l-intrapriżi jista’ jiġi spjegat b'kampjuni ta' daqs iżgħar fil-maġġoranza tal-Istati Membri, għal bosta mill-indikaturi tal-istatistika għal żmien qasir. Barra minn hekk, id-dejta statistika illum il-ġurnata ta' spiss tinġabar aktar permezz ta’ stħarriġ elettroniku u l-internet, li jinvolvi wkoll spejjeż u piżijiet aktar baxxi meta mqabbla ma’ metodi ta’ ġbir tradizzjonali, bħal pereżempju kwestjonarji bil-posta. Barra minn hekk, l-uffiċċji tal-istatistika jidhru li jiddependu aktar fuq dejta amministrattiva, jiġifieri d-dejta li diġà hija disponibbli mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa jew tal-impjieg, il-korpi tas-sigurtà soċjali jew l-awtoritajiet tal-bini.

Filwaqt li l-użu ta’ sorsi amministrattivi eżistenti għal skopijiet ta' statistika jnaqqas il-piż fuq in-negozji, dan jista' jwassal għal spejjeż ogħla fi ħdan l-uffiċji tal-istatistika minħabba li d-dejta jista’ jkun li jkollha bżonn tiġi aġġustata. Minħabba li d-dejta amministrattiva ta’ spiss ma tikkorrispondix b’mod dirett mal-kunċetti statistiċi tal-istatistika għal żmien qasir, l-aġġustamenti huma meħtieġa u dawn jistgħu jaffettwaw il-kwalità tad-dejta. Barra minn hekk, l-użu ta’ dejta amministrattiva jeħtieġ ukoll koordinazzjoni kontinwa, speċjalment fejn il-pajjiżi jkollhom amministrazzjonijiet deċentralizzati.

Fl-aħħar nett, l-użu ta’ dejta amministrattiva bħala input għall-istatistika għal żmien qasir joħloq sfida, b'mod speċjali għall-indikaturi ta’ kull xahar, meta r-rekwiżiti fir-rigward tal-puntwalità u skadenzi qosra huma eżiġenti ħafna. Ta' spiss id-dejta amministrattiva tinġabar b’mod inqas frekwenti minn dak li hu meħtieġ għal statistika għal żmien qasir u/jew issir disponibbli tard wisq. Proġett taħt il-Programm għall-Modernizzazzjoni tal-Istatistika Ewropea tal-Intrapriża u l-Kummerċ (MEETS)[13] ipprovda appoġġ finanzjarju għal analiżi u titjib fl-użu ta’ dejta amministrattiva għal skopijiet ta’ statistika, inkluż il-kontijiet tal-kumpaniji, u għen lill-Istati Membri jipprogressaw minn stħarriġiet ta’ statistika għall-użu ta’ dejta amministrattiva filwaqt li żgura  dejta ta' kwalità għolja. Il-proġett ġie konkluż f’nofs l-2013[14].

Żviluppi futuri fl-istatistika għal żmien qasir

Bejn l-2000 u l-2012, is-sehem tal-industrija u l-kostruzzjoni fl-attività ekonomika kollha waqa' minn 27.3 % għal 24.7 %. Matul l-istess perjodu, is-sehem tas-servizzi tas-suq (esklużi l-banek u l-assigurazzjoni) żdied minn 43.2 % għal 45.5 %[15]. L-importanza ekonomika għolja u li dejjem qed tikber tas-settur tas-servizzi, madankollu, mhijiex riflessa b’mod adegwat fl-istatistika attwali għal żmien qasir. B’mod ġenerali, l-indikaturi tas-servizzi li għandhom kopertura aktar limitata, huma inqas dettaljati u huma ppubblikati b'mod inqas frekwenti minn dejta għall-industrija u l-kostruzzjoni (ara l-Anness).

Sabiex titjieb il-koerenza tal-istatistika Ewropea tan-negozju diversa u biex jiġi ottimizzat il-proporzjon kostijiet-benefiċċji u l-piż għall-produzzjoni tagħhom, l-intenzjoni hija li dawn id-dominji tal-istatistika jiġu armonizzati u konnessi aktar mill-qrib permezz ta’ Regolament Qafas li Jintegra l-Istatistika tan-Negozju (FRIBS). Reviżjoni bir-reqqa ta’ statistika għal żmien qasir hija prevista wkoll f’dan il-kuntest.

Fl-2011, il-Eurostat nieda konsultazzjoni intensiva tal-utenti ewlenin kollha u produtturi nazzjonali ta’ statistika għal żmien qasir sabiex jivvalutaw modi ta' kif jistgħu jittejbu l-indikaturi ta’ statistika għal żmien qasir fir-rigward tal-industriji tas-servizzi. Minkejja xi tħassib dwar żieda possibbli fl-ispejjeż u l-piż, il-konsultazzjoni wriet kunsens mifrux dwar il-ħtieġa għal titjib f’dan il-qasam. Filwaqt li tqis il-kummenti tal-utenti u tal-produtturi, il-Kummissjoni tippjana li tipproponi bidliet fir-Regolament attwali biex tiżgura r-rilevanza tal-istatistika għal żmien qasir minħabba l-importanza ekonomika dejjem tikber ta’ servizzi fl-ekonomiji Ewropej, filwaqt li jitqies b’mod sħiħ it-tħassib dwar iż-żieda fl-ispiża u l-piż għall-produzzjoni tagħha.

[1]               ĠU L 162, 5.6.1998, p. 1.

[2]               COM(2008) 340 final, 9.6.2008 u COM(2011) 329 final, 8.6.2011. Kien hemm ukoll rapport tal-kwalità fl-2003: COM(2003) 36 finali, 29.1.2003.

[3]               Rekwiżiti tal-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-Istatistika Ekonomika Ġenerali, Bank Ċentrali Ewropew, Awwissu 2000.

[4]               Il-lista oriġinali tal-IEEP ġiet stabbilita fl-2002 (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsilll dwar l-Istatistika taż-Żona tal-Euro, 27.11.2002, COM(2002) 661 final).

[5]               ĠU L 142, 1.6.2012, p. 26.

[6]               Il-kalendarju tal-pubblikazzjoni tal-istatistika għal żmien qasir jista' jitniżżel mis-sit: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/short_term_business_statistics/introduction.

[7]               OJ L 103, 23.4.2009, p. 3.

[8]               Il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea huwa disponibbli fuq:

http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/quality/code_of_practice.

[9]               L-iskadenzi oriġinali fir-Regolament Nru 1165/98 dwar l-istatistika għal żmien qasir ġew imqassra aktar permezz tar-Regolament (KE) Nru 1158/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 (ĠU L 191, 22.7.2005, p.1).

[10]             http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/release_calendars/news_releases. Innota li l-kalendarju jkopri għadd kbir ta' indikaturi Ewropej, u mhux biss għall-istatistika għal żmien qasir.

[11]             http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/short_term_business_statistics/introduction.

[12]             Ir-rapporti dwar is-Sorsi tal-STS u l-PEEIs in focus huma disponibbli fuq: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/short_term_business_statistics/methodology.

[13]             Id-Deċiżjoni Nru 1297/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar Programm għall-Modernizzazzjoni tal-Istatistika Ewropea tal-Intrapriża u l-Kummerċ (MEETS), ĠU L 340, 19.12.2008, p. 76.

[14]             Ir-riżultati prodotti huma disponibbli fuq http://www.cros-portal.eu/content/admindata-sga-3.

[15]             Valur miżjud gross bi prezzijiet bażiċi, il-Eurostat, il-Kontijiet Nazzjonali, il-Kodiċi tad-Dejta: [nama_nace 10_k].

Anness: Indikaturi tal-istatistika għal żmien qasir (Indikaturi Ekonomiċi Ewropej Prinċipali b'tipa grassa), Q – indikatur ta' kull tliet xhur, M – indikatur ta' kull xahar

Industrija           || Kostruzzjoni || Negozju bl-imnut u tat-tiswija || Servizzi oħra

Produzzjoni industrijali (M) || Produzzjoni fil-kostruzzjoni (M/Q) Kostruzzjoni tal-bini Inġinerija ċivili || - || -

Dħul industrijali (M) Dħul industrijali domestiku Industrijali mhux domestiku (Żona tal-Euro u żona mhux tal-Euro) || - || Dħul tan-negozju bl-imnut u tat-tiswija (M) || Dħul f’servizzi (oħrajn) (Q)

- || Permessi għall-bini (Q) Għadd ta’ abitazzjonijiet m2 ta’ erja tal-art li tista' tintuża || - || -

Għadd ta’ persuni impjegati (Q) || Għadd ta’ persuni impjegati (Q) || Għadd ta’ persuni impjegati (Q) || Għadd ta’ persuni impjegati (Q)

Sigħat maħduma (Q) || Sigħat maħduma (Q) || Sigħat maħduma (Q) || Sigħat maħduma (Q)

Pagi u salarji gross (Q) || Pagi u salarji gross (Q) || Pagi u salarji gross (Q) || Pagi u salarji gross (Q)

Prezzijiet ta’ output industrijali (M) Prezzijiet ta’ output domestika Prezzijiet ta’ output mhux domestiku (Żona tal-Euro u żona mhux tal-Euro) || Prezzijiet tal-produttività tal-kostruzzjoni/spejjeż ta’ kostruzzjoni (Q) || Volum ta’ negozju bl-imnut (M) || Prezzijiet ta' output ta’ servizzi (oħrajn) (Q)

Prezzijiet ta' importazzjoni industrijali import (M) (Żona tal-Euro u żona mhux tal-Euro) || - || - || -