52014DC0355

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej imsejħa "Wieħed Minna" /* COM/2014/0355 final */


1.            INTRODUZZJONI

Bl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li ħoloq it-Trattat ta' Lisbona biex iħeġġeġ aktar involviment demokratiku taċ-ċittadini fl-affarijiet Ewropej[1], miljun ċittadin tal-Unjoni Ewropea (l-UE) ġejjin minn seba' Stati Membri differenti jew aktar, jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet ta' kompetenza tal-UE. Informazzjoni sħiħa dwar dan l-istrument legali l-ġdid u dwar kull inizjattiva li nħolqot s'issa tinsab fir-Reġistru Uffiċjali tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej[2].

"Wieħed minna" hija t-tieni Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li ssodisfat ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Inizjattiva taċ-ċittadini. Din l-inizjattiva, l-organizzatturi tagħha ressquha uffiċjalment lill-Kummissjoni fit-28 ta' Frar 2014, u kisbet l-appoġġ ta' aktar minn 1.7 miljun ċittadin li jaqbżu l-livelli limitu fi 18-il Stat Membru.

F'konformità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-ċittadini, fi żmien tliet xhur il-Kummissjoni jeħtiġilha tippreżenta tweġiba f'Komunikazzjoni li tistabbilixxi "l-konklużjonijiet finali legali u politiċi tagħha dwar l-Inizjattiva, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ikun hemm, u r-raġunijiet għalfejn se tieħu jew mhux se tieħu dik l-azzjoni"[3].

Fid-9 ta' April 2014, il-Kummissjoni laqgħet l-organizzaturi; fl-10 ta' April 2014, l-organizzaturi ngħataw l-opportunità jippreżentaw l-Inizjattiva tagħhom fi smigħ pubbliku li organizzaw il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew fil-Parlament Ewropew. Fl-Anness I tingħata aktar informazzjoni dwar l-aspetti ta' proċedura tal-Inizjattiva taċ-ċittadini.

Is-suġġett tal-Inizjattiva "Wieħed minna" għandu x'jaqsam mal-"protezzjoni ġuridika tad-dinjità, tad-dritt tal-ħajja u tal-integrità ta' kull bniedem sa mill-konċepiment f'oqsma ta' kompetenza tal-UE meta din il-protezzjoni tkun partikolarment importanti"[4].

Fl-għanijiet ewlenin l-organizzaturi jiddikjaraw li "kull embrijun uman jixraqlu rispett għad-dinjità u l-integrità tiegħu. U dan tħeġġu l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża Brüstle, meta tiddefinixxi li l-embrijun tal-bniedem hu l-bidu tal-iżvilupp tal-bniedem. Għaldaqstant, sabiex l-UE tiżgura konsistenza f'kull qasam ta' kompetenza tagħha li jkollu x'jaqsam mal-embrijun uman, din għandha tistabbilixxi projbizzjoni u ttemm il-finanzjament ta' attivitajiet li jippreżupponu l-qerda tal-embrijuni umani, b'mod partikolari l-oqsma tar-riċerka, l-għajnuna għall-iżvilupp u s-saħħa pubblika".

L-Anness jitlob li jsiru tliet emendi leġiżlattivi:

– Ir-Regolament Finanzjarju[5]: Il-Prinċipju ta' konsistenza: Ma ssir l-ebda allokazzjoni baġitarja għall-finanzjament ta' attivitajiet li jeqirdu l-embrijuni umani, jew li jippreżupponu l-qerda tagħhom;

– Il-finanzjament tar-riċerka – Ir-Regolament ta' Orizzont 2020[6]: Prinċipji etiċi: L-oqsma tar-riċerka li ġejjin ma għandhomx ikunu ffinanzjati: […] L-attivitajiet ta' riċerka li jeqirdu l-embrijuni umani, fosthom dawk bil-ħsieb li jiksbu ċ-ċelloli staminali, u r-riċerka li biex tikseb iċ-ċelloli staminali tuża ċelloli staminali ta' embrijuni umani fi stadji sussegwenti;

– Il-koperazzjoni għall-iżvilupp - Ir-Regolament tal-Istrument Finanzjarju tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI)[7]: L-ambitu: L-assistenza tal-Unjoni, skont dan ir-Regolament, m'għandhiex tintuża biex tiffinanzja l-abort, direttament jew indirettament, b'finanzjamenti ta' organizzazzjonijiet li jimbuttaw jew jippromwovu l-abort. Billi f'dan ir-Regolament ma ssir l-ebda referenza għas-saħħa riproduttiva u sesswali, il-kura tas-saħħa, id-drittijiet, is-servizzi, il-fornituri, l-edukazzjoni u l-informazzjoni mill-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, il-prinċipji tiegħu u l-Programm ta' Azzjoni, l-Aġenda tal-Kajr u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju, b'mod partikolari l-MDG Nru 5 dwar is-saħħa pubblika u l-imwiet materni, dan kollu jista' jitqies li qed tingħata bażi legali biex il-finanzjamenti tal-UE jintużaw biex jiffinanzjaw l-abort direttament jew indirettament.

L-Inizjattiva trid titqies skont ir-regoli tat-Trattat UE, fosthom il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

2.         IS-SITWAZZJONI ATTWALI

2.1. Id-Dinjità tal-Bniedem fil-Leġiżlazzjoni tal-UE

Fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) hemm imnaqqxin ċar u tond id-dinjità tal-bniedem, id-dritt tal-ħajja, u d-dritt tal-integrità tal-bniedem. Skont l-Artikolu 2 tat-TUE, "l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi". Skont l-Artikolu 21 tat-TUE, "l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun gwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali".

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tifforma parti integrali mit-Trattati tal-UE u li hi vinkolanti għall-istituzzjonijiet tal-UE, bl-ewwel tliet artikoli jħares, rispettivament, id-dinjità tal-bniedem, id-dritt tal-ħajja, u d-dritt tal-integrità tal-bniedem.

Kull leġiżlazzjoni tal-UE u kull nefqa tal-UE għandha tikkonforma mat-Trattati u mal-Karta, u għalhekk għandha tirrispetta d-dinjità tal-bniedem, id-dritt tal-ħajja, u d-dritt tal-integrità tal-bniedem. Għaldaqstant dan japplika wkoll għal-leġiżlazzjoni u n-nefqa tal-UE fejn tidħol il-koperazzjoni għar-riċerka u għall-iżvilupp fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani.

Jeħtieġ jiġi nnutat ukoll li l-hekk imsejħa kawża Brüstle tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea (il-Kawża C-34/10, Brüstle v Greenpeace), li l-organizzaturi jsemmu fl-għanijiet tagħhom, tiddikjara li "l-għan tad-Direttiva [tal-Bijoteknoloġija] mhux li tirregola l-użu tal-embrijuni umani fil-kuntest tar-riċerka xjentifika. Din hi restritta għall-patentabbiltà tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi." [8] Din ma tidħolx fil-kwistjoni jekk din ir-riċerka tistax issir jew jekk tistax tingħata finanzjament.

2.2. Ir-Riċerka fiċ-Ċelloli Staminali tal-Embrijuni Umani

2.2.1. Ir-Riċerka fiċ-Ċelloli Staminali

Ir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani (hESC) tista' tgħin fil-kura tas-saħħa tal-ġenerazzjoni li jmiss billi toffri trattamenti jew kura possibbli għal mard inkurabbli u/jew mard li jipperikola l-ħajja, bħall-marda tal-Parkinson's, id-dijabete, il-puplesija, il-mard tal-qalb u it-telf tad-dawl. Pereżempju fi żmienna hu stmat li 1.2 miljun ċittadin Ewropew ibatu mill-marda tal-Parkinson's[9].

Iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni huma uniċi għax jistgħu jsawru kull ċellola tal-ġisem u allura x-xjenzjati jippruvaw joħolqu ċelloli ġodda li jkunu jistgħu jitqiegħdu fil-pazjenti biex jieħdu post tessut difettuż jew marid. Barra minn hekk, bl-istudji dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni, il-bijoloġisti[10] jkunu jistgħu jifhmu kif jiżviluppaw it-tessuti ta' ġisimna u kif imantnu lilhom infushom, u ċ-ċelloli staminali jistgħu jintużaw ukoll biex jiġu eżaminati drogi ġodda ħalli jonqsilhom ir-riskju tat-tossiċità u tavvanza r-riċerka farmaċewtika. Iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni huma linji ta' ċelloli li kapaċi joħolqu għadd infinit ta' ċelloli identiċi li jistgħu jiġu ffriżati, maħżuna, jew trasportati f'laboratorji oħra għal aktar trattament u esperimentazzjoni. Għalhekk ir-riċerkaturi għandhom jużaw dejjem il-linji ta' ċelloli diġà eżistenti minflok joħolqu oħrajn ġodda minn blastoċisti żejda[11] mit-trattamenti tal-fertilità u li jingħataw għar-riċerka b'kunsens espliċitu, infurmat u bil-miktub. Bħalissa għaddejjin provi kliniċi tat-trattamenti ibbażati fuq iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani li jkopru mard bħal problemi fix-xewka tad-dahar, l-insuffiċjenza tal-qalb, u bosta għamliet ta' it-telf tad-dawl, u dawn qed isiru fl-Istati Uniti, Franza, il-Korea t'Isfel u r-Renju Unit.[12]

Instabu wkoll ċelloli staminali speċifiċi għat-tessut jew inkella adulti u li huma tajbin għal terapija fi wħud mill-każijiet, iżda mhux f'kollha. Iċ-ċelloli staminali pluripotenti indotti (iPSC) huma ċelloli speċjalizzati adulti li ġew riprogrammati ġenetikament. Ir-riċerkatur li skopra din it-teknika, imsejsa fuq għarfien mir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni, ingħata l-Premju Nobel tal-2012. Iċ-ċelloli staminali pluripotenti indotti u ċ-ċelloli staminali tal-embrijuni għandhom bosta proprjetajiet simili bejniethom u r-riċerka tissokta tavvanza; madankollu, dawn iċ-ċelloli ma jistgħux jiġu prodotti sal-istandard kliniku jew ma jistgħux jiġu trattati bħala ċelloli naturali. Il-Ġappun inbdiet prova klinika li tuża ċ-ċelloli staminali pluripotenti indotti[13].

L-iskoperta u l-iżvilupp li għaddej fl-iPSCs jistrieħu fuq ir-riċerka fl-hESC, u ċ-ċelloli staminali tal-embrijuni jistgħu jkunu siewja għall-iżvilupp tar-riċerka fl-iPSC – l-għarfien li joħroġ minnhom it-tnejn hu kumplimentarju. Minħabba li l-kunċett ta' terapiji taċ-ċelloli staminali bħala kura għal bosta mard hu wieħed promettenti, u minħabba r-ritmu tajjeb li għaddejja bih ir-riċerka f'dawn it-terapiji, jista' jsir xogħol simultanju f'bosta oqsma ta' riċerka li jwassal għall-aqwa sors ta' ċelloli għal applikazzjoni medika partikolari.[14]

2.2.2. Il-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Istati Membri f'dan il-qasam

Fl-Ewropa r-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni hi soġġetta għal-liġijiet u għar-regolamenti nazzjonali li jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Uħud mill-pajjiżi jippermettu li jinħolqu linji ta' ċelloli staminali tal-embrijuni umani, filwaqt li oħrajn ma jippermettux dan iżda jippermettu importazzjoni ta' linji ta' ċelloli staminali tal-embrijuni; xi pajjiżi oħra jipprojbixxu kull għamla ta' riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani filwaqt li oħrajn ma għandhom l-ebda għamla ta' leġiżlazzjoni dwar dan is-suġġett. Bħalissa, ir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani hi soġġetta għal kontrolli u kundizzjonijiet fi 18-il Stat Membru, filwaqt li tlieta oħra jipprojbixxuha u l-bqija ma għandhom l-ebda leġiżlazzjoni.[15]

2.2.3. Il-kompetenzi u l-attivitajiet fil-livell tal-Unjoni f'dan il-qasam

Id-Dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar ir-Riċerka

L-Artikolu 182 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi l-bażi legali għall-programmi ta' riċerka tal-UE. "Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw programm qafas pluriennali, li fih jitqiegħdu l-attivitajiet kollha tal-Unjoni".

Dawn il-programmi ta' riċerka tal-UE huma adottati mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tar-riċerka. Ir-raġuni hi li skont il-liġi primarja tal-UE – it-Trattat ta' Lisbona, ir-riċerka hi kompetenza parallela. Skont l-Artikolu 4(3) tat-TFUE, "fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju, l-Unjoni għandha l-kompetenza biex twettaq attivitajiet, b'mod partikolari biex tiddefinixxi u timplimenta programmi; mingħajr mal-eżerċizzju ta' dik il-kompetenza ma jkun jista' jimpedixxi lill-Istati Membri milli jeżerċitaw tagħhom".

Orizzont 2020 – Il-Programm tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE

Orizzont 2020 hu l-Programm tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE b'finanzjament ta' kważi EUR 80 miljun disponibbli għas-seba' snin li ġejjin (2014-2020). Biex tiżiluppa dan il-programm ġdid, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni wiesgħa li tinvolvi lill-partijiet interessati kollha, u qieset id-diskussjonijiet li saru mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill kif ukoll it-tagħlimiet mill-programmi li għaddew. Il-Kummissjoni qieset ukoll ir-rakkomandazzjoni tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika[16] u s-sejbiet ta' stħarriġ tal-Ewrobarometru, li sar b'kampjun aleatorju ta' ċittadini minn madwar l-Ewropa li ntalbu jagħtu l-fehma tagħhom dwar għadd ta' temi fosthom ir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani. Il-biċċa l-kbira japprovaw ir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni.[17] Filwaqt li qieset kull aspett ta' appoġġ għar-riċerka, fosthom il-valur miżjud ta' appoġġ fil-livell tal-UE, kunsiderazzjonijiet etiċi u benefiċċji potenzjali tas-saħħa ta' kull tip ta' riċerka fiċ-ċelloli staminali, il-Kummissjoni preżentat il-proposta tagħha f'Novembru 2011.

Anki fil-proċess demokratiku li wassal biex f'Diċembru 2013 il-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar Orizzont 2020, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament qiesu kull aspett ta' appoġġ għar-riċerka. Mid-diskussjonijiet dwar Orizzont 2020 fost ir-rappreżentanti eletti ħareġ li hu maħsub appoġġ tal-UE għar-riċerka fis-saħħa u li r-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani hi possibbli, ristretta għal riċerka sussegwenti biex jiġu stabbiliti linji ta' ċelloli staminali.

Ġie miftiehem li fil-livell tal-UE, il-proġetti ta' riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani jżidu l-valur tal-attivitajiet tal-Istati Membri f'dan il-qasam f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.[18] Fil-qasam tar-riċerka, l-UE żżid il-valur tal-attivitajiet tal-Istati Membri billi twieżen riċerka kollaborattiva transfruntiera meta għal aktar kisbiet ikun hemm bżonn massa kritika ta' għarfien kumplimentari u riżorsi finanzjarji. Dan jiġri b'mod partikolari fir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani meta, biex fil-kliniċi tibda tingħata terapija ġdida taċ-ċelloli staminali, din tkun tirrikjedi bosta dixxiplini xjentifiċi u ħafna ħiliet u riżorsi. Il-proġetti ta' riċerka kollaborattiva transfruntiera jgħinu wkoll biex tiżdied il-koordinazzjoni u tonqos il-produzzjoni duplikata u li allura ma tkunx meħtieġa, u biex jonqsu l-linji ta' ċelloli staminali.

Ġie miftiehem ukoll li r-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani għandha potenzjal għal kisbiet kbar fir-riċerka tas-saħħa u li l-kontrobilanċi proposti, identiċi bħal dawk miftiehma fl-FP7, jipprovdu s-salvagwardji adegwati biex jiżguraw konformità mar-regoli stretti fis-seħħ.

Il-Qafas ta' Orizzont 2020 li Jirregola r-Riċerka fiċ-Ċelloli Staminali tal-Embrijuni Umani

L-appoġġ mill-programm Orizzont 2020 għar-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani jirregolawh strettament id-dispożizzjonijiet ġenerali u speċifiċi. Fl-aħħar programm qafas għar-riċerka (FP7), Orizzont 2020 fih dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw appoġġ finanzjarju dirett għar-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani. Dawn jistabbilixxihom l-Artikolu 19 tar-Regolament ta' Orizzont 2020 (l-Anness II) u d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanjah (l-Anness III), li ntalab waqt in-negozjati interistituzzjonali dwar il-ftehim bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew u li ppreżentatu l-Kummissjoni waqt l-adozzjoni tal-att leġiżlattiv. Id-Dikjarazzjoni hi parti integrali mill-pakkett leġiżlattiv ta' Orizzont 2020 u tajba biex tinterpreta l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, peress li f'dan il-qasam il-fehmiet huma diversi u fl-Istati Membri jeżistu sitwazzjonijiet u prattiċi legali differenti. Il-pakkett ta' Orizzont 2020, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar ir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani kienu soġġetti għall-proċess leġiżlattiv ordinarju u adottati b'mod demokratiku, f'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, b'maġġoranzi ċari miż-żewġ koleġiżlaturi – il-Parlament Ewropew adotta r-Regolament fis-sessjoni plenarja tal-21 ta' Novembru 2013[19] u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottah fil-laqgħa tat-3 ta' Diċembru 2013.[20]

Il-qafas etiku strett li jaħdem fih il-programm Orizzont 2020 jixhed eżattament id-dispożizzjonijiet li ġew miftiehma għall-FP7 (l-Annessi IV u V). Kif jissemma fid-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar Orizzont 2020, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li jissokta ta' dan il-qafas etiku minħabba li "[il-Kummissjoni żviluppat], abbażi tal-esperjenza, approċċ responsabbli għal qasam promettenti ħafna tax-xjenza u wera li jaħdem b'mod sodisfaċenti fil-kuntest ta' programm tar-riċerka li fih jipparteċipaw riċerkaturi minn bosta pajjiżi b'sitwazzjonijiet regolatorji differenti ħafna". Il-qafas jistrieħ fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda[21] u jħaddem is-sistema msejħa "triple lock":

Qabelxejn, li tkun rispettata l-leġiżlazzjoni nazzjonali – il-proġetti tal-UE jridu jobdu l-liġijiet tal-pajjiż fejn issir ir-riċerka. barra minn hekk, kull proġett irid jiġi validat xjentifikament b'evalwazzjoni bejn il-pari u jrid jingħarbel bir-reqqa mil-lat etiku. Fl-aħħar nett, il-fondi tal-UE ma jistgħux jintużaw biex jiġu derivati linji ta' ċelloli staminali ġodda, jew għar-riċerka li terqed l-embrijuni - inkluż għall-akkwist ta' ċelloli staminali.

Il-programm Orizzont 2020 jieħu approċċ soċjetali bbażat fuq l-isfidi, jiġifieri jindirizza diffikultajiet kbar li għandhom iċ-ċittadini tal-Ewropa u bnadi oħra. Pereżempju fil-qasam tas-saħħa, dan jinkludi riċerka dwar il-kanċer, id-dijabete, il-marda tal-Alzheimer, u l-marda tal-Parkinson's. Sabiex timplimenta l-programmi ta' riċerka tagħha, il-Kummissjoni ma tippubblikax sejħa għal proposti ta' riċerka speċifikament fuq ir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani. Minflok, ix-xjenzjati jipproponu, minn isfel għal fuq, l-aqwa approċċi possibbli għal studju partikolari. Ir-riċerka tal-UE tippermetti li l-proġetti jkunu jqabblu tipi differenti ta' ċelloli, fosthom iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani u ċ-ċelloli staminali pluripotenti indotti, filwaqt li kull fergħa tar-riċerka tibqa' miftuħa fid-dawl tal-avvanzi xjentifiċi. Bir-reġistru Ewropew[22] tal-linji ta' ċelloli staminali tal-embrijuni umani, li tappoġġa l-Kummissjoni Ewropea, jeħfief il-monitoraġġ taċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani fl-Ewropa u lil hinn, titjieb id-disponibbiltà tagħhom għax-xjenzjati, filwaqt li ikun jista' jiġi evitat l-istabbiliment bla bżonn ta' linji ta' ċelloli staminali ġodda.

L-Artikolu 19(3) tar-Regolament ta' Orizzont 2020 jiddikjara li "l-oqsma tar-riċerka li ġejjin ma għandhomx ikunu ffinanzjati: attività tar-riċerka mmirata lejn il-klonazzjoni umana għal skopijiet riproduttivi; attività tar-riċerka intenzjonata li timmodifika l-patrimonju ġenetiku tal-umani fejn tali bidliet jistgħu jintirtu; attivitajiet tar-riċerka intenzjonati li joħolqu embrijuni umani għall-iskop ta' riċerka jew għall-iskop ta' akkwist taċ-ċelloli staminali biss, inkluż b'mezzi ta' trasferiment tan-nuklei taċ-ċelloli somatiċi. L-Artikolu jipprevedi li jistgħu jiġu evalwati mill-ġdid dawn l-oqsma tar-riċerka fil-kuntest tal-evalwazzjoni interim ta' Orizzont 2020, fid-dawl tal-avvanzi xjentifiċi.

L-Arikolu 19 jiddikjara li "r-riċerka fuq iċ-ċelloli staminali umani, kemm adulti kif ukoll tal-embrijuni, tista' tiġi ffinanzjata, iżda din tiddependi fuq il-kontenut tal-proposta xjentifika kif ukoll il-qafas legali tal-Istati Membri involuti. Ma għandux jingħata finanzjament għal attivitajiet tar-riċerka li huma projbiti fl-Istati Membri kollha. L-ebda attività ma għandha tingħata finanzjament fi Stat Membru fejn tali attività hija projbita".

L-evalwazzjoni, l-għoti u l-finanzjament tal-proposti tal-proġett tar-riċerka tal-UE li jkunu jinvolvu ċelloli staminali tal-embrijuni umani huma legalizzati strettament. Il-konformità tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament u fid-Dikjarazzjoni hi vvalutata b'għadd ta' kontrolli ta' monitoraġġ ex-ante u ex-post.

Il-Kontrolli Ex-ante u Ex-post ta' Orizzont 2020 fejn tidħol ir-Riċerka fiċ-Ċelloli Staminali tal-Embrijuni Umani

Kull proposta li tkun tinvolvi ċelloli staminali tal-embrijuni umani tiġi evalwata xjentifikament b'evalwazzjoni bejn il-pari indipendenti u internazzjonali. Din l-evalwazzjoni teżamina l-ħtieġa li jintużaw dawn iċ-ċelloli staminali biex jintlaħqu l-għanijiet xjentifiċi. Kull proposta trid tingħarbel ukoll b'evalwazzjoni bir-reqqa mil-lat etiku[23], li tqis il-prinċipji minquxa fil-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali u konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti[24], u tingħata l-attenzjoni ta' esperti indipendenti li taħtar il-Kummissjoni; kull rekwiżit li jispeċifikaw dawn l-evalwaturi jsir obbligu kuntrattwali għall-parteċipanti fil-proġett.

Kull waħda mill-proposti li tgħaddi mill-passi kollha tal-evalwazzjoni xjentifika u tal-evalwazzjoni etika, tgħaddi f'idejn il-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwarha u tkun soġġetta għal proċedura speċifika ta' approvazzjoni tal-Istati Membri fil-livell ta' proġett individwali sabiex ikun żgurat li din tobdi l-liġijiet tal-pajjiż fejn tkun se ssir ir-riċerka. Il-Kumitat tal-Programm, magħmul minn rappreżentanti ta' kull Stat Membru u osservaturi minn pajjiżi assoċjati mal-Programm Qafas, jaħdem skont il-proċedura ta' eżami għall-approvazzjoni tal-finanzjament ta' dawn il-proġetti. Imbagħad jiġu konklużi l-kuntratti b'dispożizzjonijiet u rekwiżiti ta' rappurtar ċari u tondi.

Minbarra li tissorvelja l-proġetti waqt l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni tagħmel verifika ta' etika lil proġetti magħżula bl-għajnuna ta' esperti esterni indipendenti biex tivverifika li r-riċerka qed issir skont ir-rekwiżiti li titlob l-analiżi ta' etika. Fil-verifika ta' etika ta' 6 proġetti ffinanzjati fl-FP7 li kienu jinvolvu l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni umani, il-bord ta' esperti esterni indipendenti kien sodisfatt li ġie ssodisfat kull rekwiżit ta' etika u regolatorju u li l-proġetti kienu jikkonformaw mat-termini tal-kuntratt tagħhom u mad-dispożizzjonijiet tat-test leġiżlattiv tal-FP7. Meta jinstab li proġett jikser il-prinċipji etiċi aċċettati u l-kundizzjonijiet marbuta mat-twettiq ta' riċerka li tuża ċelloli staminali tal-embrijuni umani, fis-seħħ hemm id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex dan il-proġett jieqaf u jiġu imposti l-penali xierqa. Fost il-proġetti tal-FP7 li jinvolvu ċelloli staminali tal-embrijuni umani, qatt ma nstabu każijiet ta' nuqqas ta' konformità.

Il-Kummissjoni rrispettat strettament l-impenn u l-monitoraġġ ta' dawn il-prinċipji fil-programmi qafas preċedenti u sikwit għarrfet lill-Kumitat tal-Programm bil-progress ġenerali tal-implimentazzjoni tal-programm. Għal Orizzont 2020, il-Kummissjoni se tagħmel l-istess proċess ta' monitoraġġ u verifika. Bil-Programm tas-saħħa tal-FP7 (2007-2013), l-UE ffinanzjat 27 proġett tar-riċerka kollaborattiva li jinvolvu l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni umani; l-aktar riċenti fosthom jinkludu wkoll riċerka fuq ċelloli staminali pluripotenti indotti. L-għotjiet tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (10) u l-azzjonijiet ta' Marie Skłodowska-Curie (24) kienu jinvolvu wkoll riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani[25]. Bl-appoġġ tal-finanzjamenti mill-proġetti tar-riċerka tal-UE, ma nħolqot l-ebda linja ta' ċelloli staminali tal-embrijuni umani.

Il-Kummissjoni hi miftuħa u trasparenti dwar il-promozzjoni ta' riċerka responsabbli u tagħti informazzjoni dwarha liċ-ċittadini u lix-xjenzjati. Minbarra li jirrappurtaw id-dettalji dwar il-proġett fil-websajt ta' CORDIS tal-Kummissjoni, il-proġetti huma mħeġġa joħolqu l-websajts tagħhom, u l-Kummissjoni tappoġġa l-websajt tal-EuroStemCell[26] li tagħti informazzjoni indipendenti u affidabbli, u riżorsi edukattivi eżaminati fil-prattika dwar iċ-ċelloli staminali u l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà.

2.3. Il-koperazzjoni għall-iżvilupp

2.3.1 Is-Saħħa Materna u tal-Ulied f'pajjiżi li qed jiżviluppaw

Fl-2010, madwar id-dinja mietu 287,000 mara minħabba kumplikazzjonijiet relatati mat-tqala jew mat-twelid. Dawn l-imwiet, kważi kollha (99%) jsiru f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u jaffettwaw b'mod sproporzjonat lil dawn il-popolazzjonijiet li huma foqra u l-aktar vulnerabbli.

L-approċċi li jipproteġu s-saħħa tal-omm għandhom jipproteġu wkoll is-saħħa tat-trabi tagħhom. Pereżempju, ir-rata ta' twelid qabel iż-żmien, li hija l-kawża ewlenija ta' mwiet tat-trabi, tista' tiġi indirizzata b'mod effettiv jekk jitjiebu l-aċċess għall-ippjanar tal-familja u l-kura ta' kwalità tajba għan-nisa, l-aktar l-adolexxenti. Għaldaqstant qabel, waqt u wara t-twelid hemm bżonn ta' attenzjoni esperta biex issalva l-ħajja tal-ommijiet u t-trabi u li titlob aċċess għal servizzi tas-saħħa komprensivi li jwaħħdu s-servizzi tas-saħħa sesswali, riproduttiva, materna, tat-trabi u tal-ulied fl-ispettru kollu tal-kura. 

Fost il-kawżi, 13% tal-imwiet materni kollha jiġru minħabba abort insikur, u dawn ifissru 47,000 mewt fis-sena, u kważi kollha fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (il-WHO), l-aktar invertent effettiv biex jonqsu t-tqala mhix mixtieqa u l-abort prokurat hu aċċess aħjar għas-servizzi tal-ippjanar tal-familja u l-effikaċja tal-użu tal-kontraċettivi[27]. B'dan il-mod ikun jista' jonqos l-għadd ta' aborti. Kważi f'kull pajjiż tad-dinja[28], il-liġi tippermetti li jsir abort biex tissalva ħajjet il-mara, u fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-abort jitħalla jsir biex tiġi priżervata s-saħħa fiżika u/jew mentali tal-mara.

2.3.2 Il-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Istati Membri tal-UE

Il-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-Istati Membri tal-UE fil-qasam tas-saħħa materna u tal-ulied imexxuha l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs) u l-Programm ta' Azzjoni "Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp".

Il-Programm ta' Azzjoni "Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp"

Fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li saret fil-Kajr fl-1994, kien hemm 179 pajjiż - inklużi t-28 Stat Membru kollha tal-UE - li adottaw programm ta' azzjoni li jiddefinixxi l-ugwaljanza u l-għoti tas-setgħa lin-nisa bħala prijorità globali, mill-perspettiva tad-drittijiet universali tal-bniedem iżda anke bħala skaluna importanti biex jinqered il-faqar[29].

L-abbiltà li mara taċċessa servizzi tas-saħħa riproduttiva u li tikseb id-drittijiet riproduttivi tagħha hi wieħed mis-sisien fl-għoti tas-setgħa lin-nisa u tgħin biex l-iżvilupp ikun sostenibbli. Il-programm jitlob li jsiru azzjonijiet biex jingħata aċċess universali għall-ippjanar tal-familja u servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u drittijiet riproduttivi. Fost l-oħrajn, il-programm iqis l-abort insikur bħala kwistjoni ta' tħassib kbir għas-saħħa pubblika u jitlob biex il-prevenzjoni minn tqala mhux mixtieqa jkollha l-akbar prijorità. L-abort qatt ma għandu jiġi promoss bħala metodu tal-ippjanar tal-familja. Il-kura f'każ ta' abort jeħtieġ tingħata fil-kuntest legali ta' kull pajjiż. L-ICPD tisħaq li meta ma tkunx qed tinkiser il-liġi, l-abort għandu jkun sikur.

Kull ħames snin mill-1994, il-pajjiżi ltaqgħu biex jikkonfermaw dawn l-impenji u jirrevedu l-progress fil-Programm ta' Azzjoni. Il-parametri ta' referenza li żdiedu fl-1999 f'din il-konferenza ta' evalwazzjoni tal-ICPD saħħu t-tmien Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju.

L-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju

Fis-sena 2000, fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern ta' 189 pajjiż - fosthom it-28 Stat Membru kollha tal-UE - adottaw id-Dikjarazzjoni tal-Millenju bi tmien Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju li kienu jinkludu miri ambizzjużi biex sal-2015 jonqsu l-imwiet materni u tal-ulied. L-MDG Nru 4 timmira li tnaqqas ir-rata tal-imwiet fost it-tfal iżgħar minn ħames snin b'żewġ terzi. L-MDG Nru 5 timmira li bejn l-1990 u l-2015 tnaqqas l-imwiet materni bi tliet kwarti u tikseb aċċess universali għas-servizzi tas-saħħa riproduttiva.

Minn dak iż-żmien, l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju saru punt ta' referenza għall-politika tal-iżvilupp globali. Dawn wasslu biex l-attenzjoni tingħata bla preċedent lill-benesseri tal-bniedem, lill-iżvilupp tal-bniedem u lill-faqar tal-bniedem fil-komunità internazzjonali. In-Nazzjonijiet Magħquda bħalissa qed tikkoordina proċess strutturat biex issawwar qafas ta' żvilupp għal wara l-2015 meta jiskadu dawn l-MDGs.

2.3.3 Il-kompetenza u l-attivitajiet li saru fil-livell tal-Unjoni

Id-Dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Koperazzjoni għall-Iżvilupp

L-għan ewlieni tal-politika tal-UE dwar il-koperazzjoni għall-iżvilupp hu li tnaqqas il-faqar sakemm ixxejnu għalkollox[30], b'rispett sħiħ lid-dinjità tal-bniedem. Dan joħroġ biċ-ċar fl-impenn tal-UE biex jintlaħqu l-MDGs ħalli jonqsu l-faqar u l-ġuħ, jitjieb il-benesseri tal-bniedem billi jonqsu l-imwiet materni u tal-ulied u permezz tal-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, il-malarja u mard ieħor. Il-politika l-ġdida tal-UE għall-iżvilupp, imsejħa l-Aġenda għall-Bidla,[31] ittenni l-approċċ li jixħet lill-bniedem fil-qalba nett, billi fost il-miri importanti tal-għajnuna għall-iżvilupp tagħżel id-drittijiet tal-bniedem (id-demokrazija u l-istat tad-dritt) u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv għall-iżvilupp tal-bniedem. 

Il-miżuri tal-UE tal-koperazzjoni għall-iżvilupp huma adottati mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp. Skont l-Artikolu 4(4) tat-TFUE, il-koperazzjoni għall-iżvilupp hu kompetenza parallela: "fl-oqsma tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja, l-Unjoni għandha l-kompetenza sabiex tieħu azzjonijiet u tmexxi politika komuni; mingħajr ma l-eżerċizzju ta' dik il-kompetenza jkun jista' jimpedixxi lill-Istati Membri milli jeżerċitaw tagħhom".

L-Artikoli 208 sa 211 tat-TFUE jipprovdu l-bażi legali għall-miżuri tal-UE tal-koperazzjoni għall-iżvilupp.  L-Artikolu 208(2) tat-TFUE jistabbilixxi li "L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jonoraw il-ftehimiet multilaterali billi jikkonformaw mal-impenji u mal-objettivi li approvaw fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Magħquda u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti oħrajn".

Il-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-Unjoni jissejjes fuq il-preżenza globali tal-UE f'dan il-qasam, l-għarfien espert wiesa' li għandha, in-natura sopranazzjonali tagħha, ir-rwol li tieħu biex teħfief il-koordinazzjoni, u l-potenzjal li tikseb l-ekonomiji ta' skala. Il-"Kunsens Ewropew"[32] li adottaw l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament u l-Kunsill fl-2005 joħroġ fid-dieher il-valuri, il-miri, il-prinċipji u l-impenji komuni li jiġu implimentati l-programmi tal-iżvilupp fil-livell tal-Istati Membri u tal-Unjoni, jiġifieri li jonqos il-faqar, jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, il-governanza għaqlija, l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali u azzjoni multilaterali effettiva.

L-istrumenti ewlenin ta' finanzjament tal-UE għall-koperazzjoni għall-iżvilupp

L-istrumenti ewlenin ta' finanzjament tal-UE għall-koperazzjoni għall-iżvilupp huma l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ)[33] u l-Istrument Finanzjarju tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI)[34]. Il-FEŻ jappoġġa koperazzjoni mal-pajjiżi fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, u jisħaq fuq l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u tal-bniedem, u fuq il-koperazzjoni reġjonali u l-integrazzjoni. Dan tmexxih il-Kummissjoni filwaqt li l-Istati Membri tal-UE jikkontribwixxu għalih direttament.

Min-naħa l-oħra, id-DCI jagħti appoġġ bilaterali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li ma jkoprihomx il-FEŻ u jagħti wkoll appoġġ tematiku lil kull pajjiż sieħeb għal temi ta' prijorità bħad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-governanza għaqlija u t-tkabbir inklużiv u sostenibbli.

Il-11-il FEŻ għall-perjodu 2014-2020 se jkollu baġit ta' EUR 30.5 biljun. Id-DCI se jirċievi allokazzjoni ta' EUR 19.7 biljun mill-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020.

Qabel ipproponiet dawn l-istrumenti l-ġodda ta' finanzjament għall-perjodu 2014-2020 u minbarra l-valutazzjoni tal-impatt u r-rieżami intern tar-rapporti differenti ta' evalwazzjoni, verifika u analiżi ta' nofs il-perjodu, il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni pubbliku bejn is-26 ta' Novembru 2010 u l-31 ta' Jannar 2011 dwar il-finanzjament għall-azzjoni esterna tal-UE fil-ġejjieni. Il-proċess tħaddem bi kwestjonarju pubbliku online u b'dokument kuntestwali bl-isem "What funding for EU external action after 2013?" jiġifieri li jistaqsi x'finanzjament se jingħata għall-azzjoni esterna tal-UE wara l-2013.[35] F'Diċembru 2011 il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva li tqis kull aspett tal-politika għall-iżvilupp fosthom il-valur miżjud tal-appoġġ fil-livell tal-UE lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u skont il-prinċipji tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp (2005) u l-"Aġenda għall-Bidla".

Ir-Regolament tad-DCI ġie adottat fil-11 ta' Marzu 2014 skont l-Artikolu 209 tat-TFUE: "Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, li jistgħu jinvolvu programmi ta' kooperazzjoni multiannwail ma' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jew programmi b' approċċ tematiku." Il-proċess demokratiku wera li maġġoranzi ċari fil-Parlament Ewropew kif ukoll fil-Kunsill (il-Parlament Ewropew adotta r-Regolament fis-sessjoni plenarja tas-6 ta' Diċembru 2013 u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottah meta ltaqa' fil-11 ta' Marzu 2014) jappoġġaw il-prijoritajiet u l-għanijiet ta' politika fejn tidħol il-politika għall-iżvilupp, inkluż il-koperazzjoni tat-temi ta' prijorità bħalma tipproponi l-Kummissjoni. 

Il-prijoritajiet ta' finanzjament tal-UE għall-iżvilupp fis-settur tas-saħħa, inklużi l-oqsma tas-saħħa sesswali u dik riproduttiva u d-drittijiet relatati

Fl-Artikolu 2, ir-Regolament tad-DCI ifakkar li l-għan ewlieni tal-koperazzjoni għall-iżvilupp jibqa' l-ġlieda kontra l-faqar f'konformità mal-MDGs. Fost l-oħrajn, dan jinkludi l-promozzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD kif juru l-Annessi I u II tar-Regolament. [36]

Skont ir-Regolament tad-DCI, il-prijoritajiet ta' finanzjament tal-UE huma riflessi fi Programmi Indikattivi Pluriennali (MIPs) ġeografiċi u tematiċi li huma soġġetti għal djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew. Fid-djalogu strateġiku li sar fl-ewwel tliet xhur tal-2014, il-Parlament talab li fil-MIPs tingħata attenzjoni aħjar lid-drittijiet tan-nisa u lill-ugwaljanza bejn is-sessi. Bil-ħila ta' dan id-djalogu strateġiku, issa dawn il-bidliet qed jiddaħħlu fil-MIPs.

Il-prijoritajiet ta' finanzjament tal-UE jitfasslu id f'id mal-gvernijiet tal-pajjiżi sħab. Għalhekk, fil-qasam tas-saħħa, il-finanzjament tal-UE jgħin l-aktar biex jissaħħu s-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi sħab sabiex ikunu jistgħu joffru aċċess universali għal-pakkett komprensiv ta' servizzi tas-saħħa ta' kwalità. L-azzjoni tal-UE tistrieħ fuq il-pjanijiet nazzjonali tal-kura tas-saħħa li jiddefinixxu l-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiżi li se jingħataw il-fondi. Għalhekk, sakemm dawn is-sistemi tas-saħħa jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-drittijiet tal-bniedem u dawk internazzjonali, hu d-dritt sovran ta' kull pajjiż sieħeb biex jiddeċiedi dwar il-firxa ta' servizzi li joffri u kif se joffrihom liċ-ċittadini tiegħu. Ir-rwol tal-UE hu li twieżen l-isforzi ta' dawn il-pajjiżi biex jinħolqu sistemi tas-servizzi tas-saħħa li jkunu effettivi fl-ispettru kollu tal-kura.  

Il-finanzjament tal-UE jista' jappoġġa l-bini u t-tiswijiet f'faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, it-taħriġ tal-persunal tas-saħħa, l-għoti ta' tagħmir, mediċini essenzjali u forniment kif ukoll l-għoti ta' assistenza teknika u konsulenza politika lill-gvernijiet biex jgħinuhom fl-istrateġiji nazzjonali tas-saħħa. L-aqwa mod kif jingħata dan il-finanzjament hu permezz tal-baġit regulari tal-pajjiżi sħab biex itejbu s-sjieda tal-pajjiż u s-sostenibbiltà tal-programmi. Dan il-mod ta' għajnuna jissejjaħ "appoġġ tal-baġit" u jiffoka fuq l-appoġġ lill-politiki tas-settur u r-riformi biex jitjiebu l-governanza u l-provdiment tas-servizzi liċ-ċittadini, sabiex jinkisbu riżultati konkreti u miżurabbli bi djalogu politiku mal-gvernijiet u billi jitfasslu l-indikaturi li jridu jintlaħqu. Matul il-perjodu 2002-2010, l-UE ibbaġitjat EUR 5 biljun biex twieżen il-baġits pubbliċi ta' pajjiżi sħab, u EUR 1.3 biljun oħra apposta għall-baġits tas-saħħa jew il-programmi tas-saħħa tal-gvernijiet tal-pajjiżi sħab. [37] Mezz ieħor importanti ta' finanzjament tal-UE hu permezz tal-aġenziji tan-Nazzjonijiet Magħquda li jaħdmu fis-settur tas-saħħa u permezz tal-Inizjattivi Globali tas-Saħħa bħall-Fond Globali li jitħabat kontra l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja, u l-Alleanza GAVI. Matul il-perjodu 2002-2010, l-UE ibbaġitjat EUR 1 biljun għal dawn il-benefiċjarji.

Il-finanzjament tal-UE jista' jintuża wkoll biex jiffinanzja lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-aktar meta l-aċċess għas-servizzi bażiċi tas-saħħa jkun jeħtieġ jitjieb fejn jidħlu ċ-ċittadini marġinalizzati u mbiegħda, l-aktar f'każ ta' emerġenza jew kunflitt, jiġifieri meta l-gvernijiet ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jieħdu azzjoni effettiva minn jeddhom. Madankollu, ħafna mill-finanzjament lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hu mmirat biex titjieb il-kapaċità tagħhom ta' ġestjoni u biex jissaħħaħ ir-rwol tagħhom fit-tfassil tal-politika, jissorveljaw ir-riformi u jżommu lill-gvernijiet responsabbli għal għemilhom.  Matul il-perjodu 2002-2010, l-UE ibbaġitjat EUR 1.3 biljun għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fis-settur tas-saħħa.

Skont kalkolu b'metodoloġija miftiehma fil-G8, minn fond ta' EUR 3.2 biljun għall-iżvilupp li l-UE nefqet f'ħames snin mill-2008 sal-2012 fis-settur tas-saħħa ta' pajjiżi sħab, EUR 1.5 biljun intefqu fis-saħħa materna, tat-twelid, u tal-ulied. B'mod speċifiku, EUR 87 miljun intefqu fil-kura tas-saħħa riproduttiva, EUR 17 miljun għall-ippjanar tal-familja u EUR 95 miljun biex jiġi kkontrollat il-mard trażmess sesswalment. Il-kontribuzzjonijiet għall-Fond Globali li jitħabat kontra l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja jgħoddu EUR 503 miljun oħra.

Allinjament mal-programm ta' azzjoni tal-ICPD u l-MDGs

Il-finanzjament tal-UE għall-iżvilupp jaqbel sew mal-għanijiet u l-impenji internazzjonali miftiehma fil-programm ta' azzjoni tal-ICPD u l-MDGs. Għalkemm l-Unjoni ma kinitx firmatarju f'dawn il-ftehimiet internazzjonali storiċi fiż-żmien meta ġew adottati, l-għanijiet u l-impenji tagħhom iddaħħlu sew fil-liġi tal-UE li tistabbilixxi l-politika tal-Unjoni għall-koperazzjoni għall-iżvilupp, b'referenzi ċari imdaħħla fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-UE fis-Saħħa Globali[38], il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda Ġenerali ta' Wara l-2015[39], kif ukoll ir-Regolamenti tad-DCI għall-perjodi 2007-2013 u 2014-2020.

Il-Parlament Ewropew adotta bosta riżoluzzjonijiet[40] li jappoġġaw l-MDGs u l-ICPD u fihom jitlob "lill-UE tiddefendi bil-qawwa d-dritt għall-ogħla standard ta' saħħa possibbli, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u l-integrazzjoni tal-HIV/AIDS, fost l-oħrajn permezz tal-għoti ta' ppjanar tal-familja volontarju, l-abort sikur u l-kontraċettivi"[41].

Bi qbil sħiħ mal-prinċipji tal-ICPD, l-assistenza tal-UE għall-iżvilupp ma tippromwovix l-abort bħala metodu tal-ippjanar tal-familja. Minflok, din timmira li tnaqqas il-każijiet li jirrikorru għall-abort, billi jingħataw servizzi usa' u aħjar tal-ippjanar tal-familja, tingħata prijorità lill-prevenzjoni ta' tqala mhux mixtieqa, u jitneħħa l-bżonn ta' abort. Il-finanzjament tal-UE jara li jissodisfa l-ħtiġijiet tan-nisa vulnerabbli u żvantaġġjati, l-adolexxenti, nisa xebbiet, nisa refuġjati u spostati, nisa bl-HIV, u nisa vittmi ta' stupru.

Kontrolli fl-użu tal-fondi tal-UE għall-iżvilupp

It-termini kuntrattwali tal-UE[42] huma stretti biex jiżguraw li kull intervent li jingħata finanzjament mill-UE biex jassisti fl-iżvilupp ikun jirrispetta l-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi fejn ikun qed isir. Kull pajjiż li jirċievi l-għotijiet mingħand l-UE u l-persunal tiegħu jrid ikun jikkonforma mad-drittijiet tal-bniedem. Bosta attivitajiet ta' kontroll, verifiki u kontrobilanċi tul il-ġestjoni taċ-ċiklu tal-proġett jiżguraw li l-fondi tal-UE jintużaw skont il-finijiet li jkunu maħsubin għalihom.

Il-Kummissjoni tissorvelja l-prestazzjoni tal-proġetti u tal-programmi permezz ta' valutazzjonijiet indipendenti li jagħmlu esperti esterni skont kriterji aċċettati internazzjonalment. Fl-2013 din is-sistema ta' Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultati evalwat aktar minn 1,600 proġett li kienu għaddejjin jew li ntemmu (inklużi operazzjonijiet ta' appoġġ baġitarju) fost is-setturi kollha ta' appoġġ tal-UE.[43] Minn fosthom, 64 proġett u programm kellhom x'jaqsmu mas-settur tas-saħħa, 22 mas-settur tal-politiki/programmi tal-popolazzjoni u s-saħħa riproduttiva. F'dawn iż-żewġ setturi, 81% tal-proġetti evalwati ngħataw il-grad "tajjeb ħafna" u l-grad "tajjeb" (u dan meta mqabbla mal-medja ta' 75% għall-proġetti fost is-setturi kollha ta' koperazzjoni tal-UE). Għal dawk il-proġetti li jinstabulhom diffikultajiet kbar, il-Kummissjoni tiżgura li jsir segwitu speċifiku. Dan il-monitoraġġ indipendenti "fuq il-post" jikkumplimenta lill-monitoraġġ intern li jagħmel il-persunal tal-Kummissjoni.

Minbarra l-evalwazzjonijiet fil-livell tal-proġett jew tal-programm, esperti esterni indipendenti għamlu evlawazzjonijiet strateġiċi li jagħtu rispons importanti dwar l-impatt u r-riżultati miksuba. Hekk ġara fl-2012 bl-evalwazzjoni tal-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea lis-settur tas-saħħa li sabet li dan kien koerenti mal-politika tal-UE għall-iżvilupp u ffukat sew fuq it-tnaqqis fil-faqar[44]. Instab li l-appoġġ tal-UE kien ta kontribut sinifikanti biex is-settur tas-saħħa jtejjeb il-kwalità u biex jissaħħu s-sistemi istituzzjonali u ta' proċedura li għandhom x'jaqsmu mat-trasparenza u l-kontabbiltà fil-pajjiżi fejn qed jitwettqu l-programmi.

Kull sena, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tevalwa l-ġestjoni tal-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp. Fir-rapport li ħarġet dan l-aħħar dwar il-FEŻ, il-Qorti tiddikjara li d-Delegazzjonijiet tal-UE għarfu jiksbu ħarsa ġenerali tajba tal-implimentazzjoni operazzjonali tal-proġetti, u dan kisbuh l-aktar waqt iż-żjarat ta' monitoraġġ.[45]

Biex tfasslu l-istrumenti finanzjarji l-ġodda għall-qafas finanzjarju 2014-2020, inkluż id-DCI, tqiesu ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet u l-verifiki kollha. 

Id f'id mal-monitoraġġ u mal-evalwazzjonijiet, il-verifiki u l-awditjar finanzjarji jassiguraw il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet tal-għajnuna esterna. Il-pajjiżi li jirċievu l-għajnuna tal-UE li għamlu dikjarazzjonijiet foloz, żbalji kbar, irregularitajiet jew frodi se jġarrbu sospensjoni fl-għotjiet jew jaf ma jibqgħux jirċievu aktar finanzjament tal-UE u jkunu soġġetti għal penali finanzjarji.

3.         VALUTAZZJONI TAT-TALBIET TAL-INIZJATTIVA TAĊ-ĊITTADINI EWROPEJ

3.1. Osservazzjonijiet ġenerali

Kif jissemma fl-introduzzjoni ta' din il-Komunikazzjoni, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Wieħed minna" għandha l-għan li l-UE tistabbilixxi l-projbizzjoni ta' attivitajiet li jinvolvu l-qerda tal-embrijuni umani u ttemm il-finanzjament tagħhom, l-aktar fl-oqsma tar-riċerka, l-għajnuna għall-iżvilupp u s-saħħa pubblika ħalli jiġu rispettati d-dinjità u l-integrità umana. Għal dan il-għan, għandhom jinbidlu kif xieraq ir-regolament finanzjarju, ir-regolament tal-programm qafas tar-riċerka Orizzont 2020 u r-regolament li jistabbilixxi strument finanzjarju għall-koperazzjoni għall-iżvilupp.

Din it-talba, il-Kummissjoni eżaminata bir-reqqa.

Dwar it-talba biex jintemm il-finanzjament tal-UE ta' dawn l-attivitajiet u jinbidel ir-Regolament Finanzjarju, għandu jiġi nnutat li skont l-Artikolu 87 tar-Regolament Finanzjarju, kull nefqa tal-UE trid tikkonforma mat-Trattati UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għalhekk ir-Regolament Finanzjarju tal-UE diġà jiżgura li kull nefqa tal-UE, inkluż fl-oqsma tar-riċerka, il-koperazzjoni għall-iżvilupp u s-saħħa pubblika, trid tirrispetta d-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, u d-dritt tal-integrità tal-bniedem. Barra minn hekk, l-għan tar-Regolament Finanzjarju hu li jipprovdi regoli finanzjarji mil-lat ġenerali u mhux għal qasam speċifiku ta' politika tal-UE, b'mod partikolari biex jiġi stabbilit u implimentat il-baġit tal-UE.

3.2. Ir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani

Il-Kummissjoni Ewropea analizzat bir-reqqa t-talba tal-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej biex iddaħħal leġiżlazzjoni li tipprojbixxi kull finanzjament tal-UE għal "attivitajiet ta' riċerka li jeqirdu l-embrijuni umani, fosthom dawk bil-ħsieb li jiksbu ċ-ċelloli staminali, u r-riċerka li biex tikseb iċ-ċelloli staminali tuża ċelloli staminali ta' embrijuni umani fi stadji sussegwenti".

Kif jissemma hawn fuq, il-leġiżlazzjoni dwar il-programm attwali tal-UE għar-riċerka fiha dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-appoġġ tal-UE għar-riċerka taċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ġew miftiehma dan l-aħħar, f'Diċembru 2013, fost il-koleġiżlaturi tal-UE, jiġifieri l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, permezz ta' proċedura leġiżlattiva ordinarja konformi għalkollox mal-Artikolu 182 tat-TFUE. Id-dispożizzjonijiet ta' finanzjament mill-programm Orizzont 2020 ġew miftiehma filwaqt li tqiesu l-aspetti kollha, inklużi l-konsiderazzjonijiet etiċi, il-valur miżjud tal-UE u l-benefiċċji potenzjali għas-saħħa ta' kull tip ta' riċerka fiċ-ċelloli staminali.

Id-dispożizzjonijiet tal-programm Orizzont 2020 dwar ir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani huma mirquma sew u lkoll flimkien isawru s-sistema msejħa "triple lock" li tinvolvi:

Qabelxejn, li tkun rispettata l-leġiżlazzjoni nazzjonali – il-proġetti tal-UE jridu jobdu l-liġijiet tal-pajjiż fejn issir ir-riċerka. Barra minn hekk, kull proġett irid jiġi validat xjentifikament b'evalwazzjoni bejn il-pari u jrid jingħarbel bir-reqqa mil-lat etiku. Fl-aħħar nett, il-fondi tal-UE ma jistgħux jintużaw biex jiġu derivati linji ta' ċelloli staminali ġodda, jew għar-riċerka li teqred l-embrijuni - inkluż għall-akkwist ta' ċelloli staminali.

Dawn fihom sett ta' esklużjonijiet espliċiti u kundizzjonalitajiet, għadd ta' verifiki ex-ante bir-reqqa (mil-lat xjentifiku u mil-lat etiku), bosta livelli ta' teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-proġett individwali li jkunu jinvolvu lill-Istati Membri, obbligi kuntrattwali u rekwiżiti ta' rappurtar dettaljat, u awditjar ex-post. (Ara l-Annessi II u III għat-testi sħaħ tal-Artikolu 19 u d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni). Minn awditjar fil-livell tas-sistemi ħareġ li s-sistema fis-seħħ tfasslet sew u hi mibnija skont l-aqwa standards etiċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tilqax proposti tar-riċerka li jkunu jinvolvu ċelloli staminali tal-embrijuni umani b'mod espliċitu.

Il-Kummissjoni jidhrilha li d-dispożizzjonijiet tal-programm Orizzont 2020 dwar ir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani jikkonformaw bis-sħiħ mat-Trattati tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.[46] Il-Kummissjoni tqis ukoll li dawn id-dispożizzjonijiet diġà jindirizzaw għadd ta' talbiet importanti li għamlu l-organizzaturi, l-aktar dik li l-UE ma tiffinanzjax il-qerda ta' embrijuni umani u li jsiru kontrolli xierqa. Madankollu, il-Kummissjoni tagħraf li ma tistax tilqa' t-talba tal-organizzaturi li l-UE ma tiffinanzjax riċerka sussegwenti biex jiġu stabbiliti  linji ta' ċelloli staminali tal-embrijuni umani. Dan peress li l-Kummissjoni sawret il-proposta tagħha li tqis kunsiderazzjoni etiċi, benefiċċji potenzjali għas-saħħa, u l-valur miżjud ta' appoġġ fil-livell tal-UE għal kull tipi ta' riċerka fiċ-ċelloli staminali. Din il-proposta adottawha l-koleġiżlaturi, jiġifieri l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, skont ftehim li sar b'mod demokratiku waqt in-negozjati interistituzzjonali.

3.3. Il-koperazzjoni għall-iżvilupp

Il-Kummissjoni Ewropea analizzat bir-reqqa t-talba tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej biex tiddaħħal leġiżlazzjoni li tipprojbixxi kull finanzjament potenzjali tal-UE ta' attivitajiet li jeqirdu l-embrijuni umani, jew li jippreżupponu l-qerda tagħhom; jiġifieri kull finanzjament dirett jew indirett għall-abort permezz ta' finanzjament intiż għal għajnuna għall-iżvilupp.

L-għan sottostanti tal-Inizjattiva taċ-ċittadini hu li jonqos l-għadd ta' abort li jsir fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

F'pajjiżi sħab li qed jiżviluppaw u li l-UE qed tappoġġa s-settur tas-saħħa tagħhom, l-UE tagħti assistenza lis-sistemi tal-kura tas-saħħa, billi tappoġġa l-provdiment ta' servizz integrat li jkun jinkludi servizzi tas-saħħa sesswali, riproduttiva, materna, tat-twelid u tal-ulied fl-ispettru tal-kura, jew billi tagħti appoġġ baġitarju biex tgħin lill-pajjiżi jtejbu l-għoti tas-servizzi nazzjonali tas-saħħa. Minnha nnifisha, din l-assistenza tgħin direttament jew indirettament lill-ispettru kollu tas-servizzi tas-saħħa li joffru l-pajjiżi sħab, li jaf ikunu jinkludu jew ma jinkludux servizzi relatati mal-abort biex isalvaw ħajjet l-omm. Dan l-appoġġ komprensiv tal-UE jgħin bil-bosta biex jonqos l-għadd ta' abort għax iżid l-aċċess għal servizzi sikuri u ta' kwalità, inklużi l-ippjanar sod tal-familja, firxa wiesgħa ta' metodi kontraċettivi, il-kontraċezzjoni ta' emerġenza u l-edukazzjoni komprensiva tas-sesswalità.

Filwaqt li l-għan tal-UE tal-koperazzjoni għall-iżvilupp hu li jinkiseb aċċess universali u ekwu għal kura ta' kwalità għolja għaċ-ċittadini kollha, l-UE tirrispetta għalkollox id-deċiżjonijiet sovrani li jieħdu l-pajjiżi sħab dwar liema servizzi tas-saħħa se jingħataw u kif jitħaddmu, diment li dawn ikunu konformi mal-prinċipji miftiehma tad-drittijiet tal-bniedem.  Għaldaqstant, il-Kummissjoni mhix favur l-assenjazzjoni tal-għajnuna għal ċertu servizzi biss, inkella l-appoġġ komprensiv u effettiv għall-istrateġija tas-saħħa ta' pajjiż partikolari jsir aktar diffiċli.

Il-Kummissjoni jidhrilha li l-UE għandha żżomm mal-impenji internazzjonali tagħha biex jinkiseb l-MDG Nru 5. Minkejja l-kisbiet tal-għaġeb fl-użu tal-kontraċettivi, għadd sostanzjali ta' ommijiet għadhom imutu kull sena minħabba l-abort, għax ma jsirx b'mod professjonali jew għax isir f'ambjent mingħajr l-istandards mediċi minimi. Skont il-WHO, l-imwiet u l-mard materni jistgħu jonqsu bil-qawwa jekk titjieb is-sikurezza ta' dawn is-servizzi tas-saħħa.

Il-Kummissjoni tapplika regoli strinġenti u fil-fatt, bħalma dejjem għandu jkun, kull finanzjament jirrispetta bis-sħiħ il-qafas regolatorju tal-UE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Ġaladarba jingħata l-finanzjament, jidħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta' sorveljanza komprensivi u trasparenti. Is-sorveljanza hi effettiva, u l-Kummissjoni hi impenjata li tissokta tapplika s-salvagwardi kuntrattwali u ta' monitoraġġ u li dan tagħmlu b'mod trasparenti għalkollox.

Fl-aħħar nett, filwaqt li n-Nazzjonijiet Magħquda bdew il-proċess biex titfassal aġenda ġdida tal-iżvilupp għal wara l-2015, bħalissa l-UE qed taħdem biex tiżgura li l-prinċipji ewlenin u l-impenji tal-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD u l-MDGs jiddaħħlu fil-qafas ta' wara l-2015. Il-kunsens internazzjonali sod dwar l-ambitu u d-definizzjoni tas-saħħa sesswali u dik riproduttiva u d-drittijiet relatati li tnaqqxu fl-1994 fil-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD, reġa' ġie kkonfermat fl-evalwazzjoni ta' April 2014[47] u din se tkun is-sies għas-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-ICPD u li se ssir f'Settembru 2014. Il-prinċipji miftiehma fl-ICPD jissoktaw jibnu l-koperazzjoni globali għall-iżvilupp filwaqt li l-UE u l-Istati Membri jappoġġawhom ferm.

4.           Il-konklużjonijiet

Bħala tweġiba għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej imsejħa "Wieħed minna", din hi l-konklużjoni tal-Kummissjoni:

4.1 Ġenerali

Fil-leġiżlazzjoni primarja tal-UE hemm imnaqqxin ċar u tond id-dinjità tal-bniedem, id-dritt tal-ħajja, u d-dritt tal-integrità tal-bniedem. Ir-Regolament Finanzjarju tal-UE jiddikjara li kull nefqa tal-UE għandha tikkonforma mal-leġiżlazzjoni primarja tal-UE. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tagħrafx il-bżonn li tipproponi bidliet fir-Regolament Finanzjarju.

4.2 Ir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani

Huwa biss dan l-aħħar, jiġifieri f'Diċembru 2013, li l-koleġiżlaturi tal-UE ddeċidew dwar id-dispożizzjonijiet tal-programm Orizzont 2020 dwar ir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani. Dan fihom sett mirqum ta' esklużjonijiet u kundizzjonalitajiet, verifiki ex-ante rigorużi, teħid ta' deċiżjonijiet każ b'każ li jinvolvi lill-Istati Membri, obbligi kuntrattwali, rekwiżiti ta' rappurtar, u awditjar ex-post. Mill-finanzjament tal-UE, dawn id-dispożizzjonijiet jeskludu b'mod espliċitu l-qerda tal-blastoċisti għall-finijiet ta' riċerka u jirrispettaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani. L-awditjar fil-livell tas-sistema wera li s-sistema fis-seħħ tfasslet u nbniet sew skont l-aqwa standards etiċi. Il-Kummissjoni tisħaq li hi ma titlobx b'mod espliċitu proposti tar-riċerka li jkunu jinvolvu ċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani.

Il-Kummissjoni jidhrilha li d-dispożizzjonijiet tal-programm Orizzont 2020 dwar ir-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani jikkonformaw bis-sħiħ mat-Trattati tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.[48] Il-Kummissjoni tqis ukoll li dawn id-dispożizzjonijiet diġà jindirizzaw għadd ta' talbiet importanti li għamlu l-organizzaturi, l-aktar dik li l-UE ma tiffinanzjax il-qerda ta' embrijuni umani u li jsiru kontrolli xierqa. Madankollu, il-Kummissjoni jidhrilha li ma tistax tilqa' t-talba tal-organizzaturi li l-UE ma tiffinanzjax riċerka sussegwenti biex jiġu stabbiliti linji ta' ċelloli staminali tal-embrijuni umani. Dan peress li l-Kummissjoni sawret il-proposta tagħha li tqis kunsiderazzjoni etiċi, benefiċċji potenzjali għas-saħħa, u l-valur miżjud ta' appoġġ fil-livell tal-UE għal kull tipi ta' riċerka fiċ-ċelloli staminali. Din il-proposta adottawha l-koleġiżlaturi, jiġiifieri l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, skont ftehim li sar b'mod demokratiku waqt in-negozjati interistituzzjonali.

Il-Kummissjoni se tibqa' tapplika strettament is-sistema "triple lock" u tirrispetta r-regoli ta' monitoraġġ u verifika li magħhom imxiet fl-FP7 u kif jistipula l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-programm Orizzont 2020 u d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni assoċjata miegħu (Ara l-Annessi II u III għat-testi sħaħ tal-Artikolu 19 u d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni). Dan se jsir bl-aktar mod trasparenti.

Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 19 tar-Regolament tal-programm Orizzont 2020 jiddikjara li l-lista ta' oqsma tar-riċerka li ma għandhomx jiġu ffinanzjati u li tinsab fit-tielet paragrafu tiegħu, tista' tiġi riveduta fil-kuntest tal-evalwazzjoni interim ta' Orizzont 2020 li se ssir sal-31 ta' Diċembru 2017. Id-deċiżjoni jekk issirx din l-analiżi speċifika tistrieħ fuq l-iżvilupp fl-oqsma xjentifiċi u t-teknoloġiji konċernati.

Rigward l-appoġġ tal-UE fil-ġejjieni għar-riċerka fis-saħħa, il-Kummissjoni se ssegwi b'attenzjoni l-avvanzi fix-xjenza, l-aktar fil-qasam tar-riċerka fiċ-ċelloli staminali pluripotenti indotti, li għandu bosta proprjetajiet simili għaċ-ċelloli staminali tal-embrijuni iżda għadhom ma jistgħux jiġu prodotti sal-istandard kliniku kollu jew ma jistgħux jiġu trattati bħala ċelloli naturali, u tipprovdi appoġġ kif xieraq.

Il-Kummissjoni taqbel mal-Opinjoni 22 tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda li "jekk fil-ġejjieni jinstabu alternattivi għall-hESCs bl-istess potenzjal bħaċ-ċelloli staminali derivati mill-embrijun, l-implikazzjonijiet ta' dawn l-iżviluppi għall-aspetti xjentifiċi u etiċi tal-proġetti tar-riċerka bbażati fuq l-hESC għandhom jitqiesu bla dewmien."[49]. Dan ifisser li ġaladarba jkunu disponibbli alternattivi ekwivalenti għalkollox għall-hESCs, il-Kummissjoni se tgħarrex l-użu u l-potenzjal kollha tagħhom u ddur fuq il-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda u titolbu Opinjoni skont ir-riżultati tar-riċerka fl-hESC u skont l-avvanzi fix-xjenza fl-alternattivi għall-hESCs.

Fil-frattemp, il-Kummissjoni se tibqa' tagħti appoġġ lir-Reġistru Ewropew għal-linji ta' ċelloli staminali tal-embrijuni umani biex jeħfief il-monitoraġġ ta' hESCs eżistenti fl-Ewropa, biex iservi ta' għajnuna ħalli jintużaw bl-aqwa mod billi jiġu evitati derivazzjonijiet mhux meħtieġa ta' linji ta' hESCs ġodda.

4.3 Il-koperazzjoni għall-iżvilupp

Il-Kummissjoni tikkonkludi li bħalissa l-UE għandha l-qafas legali meħtieġ biex tmexxi b'mod effettiv il-finanzjament tal-UE għall-iżvilupp b'tali mod li tgħin biex jonqos l-għadd ta' aborti li jsiru fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.   Filwaqt li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini ma taffrontax direttament l-għanijiet tal-qalba u l-impenji tal-MDGs u tal-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD, il-Kummissjoni jidhrilha li projbizzjoni fuq il-finanzjament tillimita l-abbiltà tal-Unjoni milli tilħaq l-għanijiet stabbiliti fl-MDGs, l-aktar dwar is-saħħa materna, u fl-ICPD, li dan l-aħħar reġgħu ġew konfermati fil-livell internazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE.

In-Nazzjonijiet Magħquda bdew il-proċess biex titfassal aġenda ġdida tal-iżvilupp għal wara l-2015 u bħalissa l-UE qed taħdem biex tiżgura li l-prinċipji ewlenin u l-impenji tal-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD u l-MDGs jiddaħħlu fil-qafas ta' wara l-2015. Il-kunsens internazzjonali sod dwar l-ambitu u d-definizzjoni tas-saħħa sesswali u dik riproduttiva u d-drittijiet relatati li tnaqqxu fl-1994 fil-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD, reġgħu ġew konfermati fl-evalwazzjoni ta' April 2014[50] u din se tkun is-sies għas-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-ICPD u li se ssir f'Settembru 2014. Il-prinċipji miftiehma fl-ICPD jissoktaw jibnu l-koperazzjoni globali għall-iżvilupp filwaqt li l-UE u l-Istati Membri jappoġġawhom ferm. Il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tgħarraf lill-partijiet interessati u lis-soċjetà ċivili permezz ta' konferenza internazzjonali fl-2015 li tippromwovi fehim aħjar tal-istrumenti internazzjonali ġodda bil-ħsieb li ttejjeb l-effikaċja tal-politika tal-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja kif ukoll tal-koperazzjoni.

Il-Kummissjoni se tibqa' ttejjeb is-sistemi tagħha ta' monitoraġġ u sorveljanza, u tirrapporta ta' sikwit lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-progress li jkun sar. Pereżempju, il-Kummissjoni qed toħloq għodod u gwida biex jissaħħu s-sistemi ta' monitoraġġ u tivvaluta l-kwalità tar-rapporti ta' verifika. Il-Kummissjoni qed tagħmel rappurtar aħjar tar-riżultati operazzjonali tal-programmi tal-iżvilupp li tiffinanzja l-UE. Dawn is-sistemi ta' rappurtar se jtejbu l-prattiki tal-ġestjoni, iżidu l-kontabbiltà, it-trasparenza, il-viżibbiltà tal-għajnuna tal-UE, u fuq kollux isaħħu l-impatt tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-UE li tistabbilixxi l-Aġenda għall-Bidla.[51]

Qabel tintemm l-2017, se ssir reviżjoni ta' nofs il-perjodu tad-DCI. Ir-reviżjoni ta' nofs il-perjodu se tanalizza l-evidenza li toħroġ mill-evalwazzjonijiet, kemm dik tematika kif ukoll dik programmatika, u din tkun sors ta' tagħrif għad-djalogu strateġiku mal-koleġiżlaturi. Għaldaqstant l-approċċ tal-Kummissjoni jissejjes fuq evalwazzjoni demokratika u trasparenti għalkollox li tibqa' dejjem għaddejja.

Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, din il-Komunikazzjoni se tiġi notifikata lill-organizzaturi tal-Inizjattiva u lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u se tiġi ppubblikata.

[1] IR-REGOLAMENT (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini; L 65, 11.3.2011, p. 1.

[2] Ir-Reġistru Uffiċjali jinsab online: http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/welcome

[3] F'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini,

[4] http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/initiatives/ongoing/details/2012/000005

[5] IR-REGOLAMENT (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1); IR-REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

[6] IR-REGOLAMENT (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.

[7] IR-REGOLAMENT (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 ĠU L 77, 13.03.2014, p. 44.

[8] Il-Paragrafu 40 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Awla Manja), it-18 ta' Ottubru 2011, Rapporti tal-Kawżi 2011 I-09821

[9] http://www.epda.eu.com/en/#

[10] http://workshops.biologists.com/workshop_sept_2014.html

[11] Blastoċista hija struttura ta' xi mitt ċellola li jifformaw f'ħames jew sitt ijiem wara l-fertilizzazzjoni u li ma jkunx għadhom ġew impjantati fl-utru.

[12] www.clinicaltrials.gov; http://www.advancedcell.com

[13] http://apps.who.int/trialsearch/

[14] Dwar din il-kwistjoni, Yamanaka, ir-rebbieħ tal-Premju Nobel tal-2012, qal: "Iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni xorta għadhom siewja għall-iżvilupp tar-riċerka fiċ-ċelloli iPS. Is-sejbiet tar-riċerka fiċ-ċelloli staminali tal-embrijuni, bħall-metodi biex jinħolqu bosta tipi ta' ċelloli, tħaddmu fir-riċerka fiċ-ċelloli iPS. U minħabba f'hekk ir-riċerka fiċ-ċelloli iPS evolviet malajr. Barra minn hekk, iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni jintużaw bħala materjali [ta' tqabbil] tal-kontroll meta r-riċerkaturi jagħmlu esperimenti fuq iċ-ċelloli iPS u janalizzaw il-kwalità tagħhom." (http://articles.latimes.com/2010/nov/27/science/la-sci-yamanaka-20101127).

[15] Nota Informattiva Nru 38 tal-Politika Xjentifika tal-FSE, http://www.esf.org/publications/science-policy-briefings.html

[16] Ir-Rakkomandazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni etika tal-proġett ta' riċerka tal-FP7 fl-hESC (Opinjoni 22), il-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda (EGE), l-20 ta' Ġunju 2007. http://ec.europa.eu/bepa/european-group-ethics/docs/publications/opinion_22_final_follow_up_en.pdf

L-EGE hu korp konsultattiv indipendenti, pluralista u multidixxiplinarju li jagħti pariri lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-etika fix-xjenza u t-teknoloġiji l-ġodda fejn jidħlu l-leġiżlazzjoni u l-politika Komunitarja.

[17] http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_341_en.pdf

[18] Skont l-Artikolu 5 tat-TUE, "Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklussiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn, l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni."

[19] Kien hemm 533 li vvutaw favur, 29 li vvutaw kontrih u 22 astensjoni.

[20] Kien hemm 2 astensjonijiet.

[21] http://ec.europa.eu/bepa/european-group-ethics/docs/publications/opinion_22_final_follow_up_en.pdf

[22]www.hescreg.eu hESCreg inħoloq biex il-komunità tar-riċerka, il-leġiżlaturi, ir-regolaturi u l-pubbliku ġenerali jkollhom ħarsa ġenerali fil-fond dwar il-qagħda attwali tar-riċerka fiċ-ċelloli staminali pluripotenti umani (hPSC) fl-Ewropa.

[23] Imsejjes fuq l-Opinjoni 22 tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda. http://ec.europa.eu/bepa/european-group-ethics/docs/publications/opinion_22_final_follow_up_en.pdf

[24] Il-Konvezjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina ffirmata f'Oviedo fl-4 ta' April 1997 u l-protokolli addizzjonali tagħha u d-Dikjarazzjoni Universali dwar il-Ġenoma tal-Bniedem u d-Drittijiet tal-Bniedem adottata mill-UNESCO.

[25] Dettalji sħaħ dwar il-proġetti tista' tinstab fil-CORDIS http://cordis.europa.eu/

[26] http://www.eurostemcell.org/

[27] Il-WHO (2012): abort sikur: gwida teknika u politika għas-sistemi tas-saħħa; p. 87, 90

[28] Sitt pajjiżi biss jipprojbixxu l-abort f'kull ċirkostanza. Sors: in-Nazzjonijiet Magħquda; Il-Politiki Dinjin dwar l-Abord 2013; www.unpopulation.org

[29] Il-UNFPA (1995): Il-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp - ICPD - Il-Programm ta' Azzjoni A/CONF.171/13/Rev.1

[30] L-Artikolu 208 tat-TFUE.

[31] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012: Jiżdied l-Impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla

[32]  Dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltqagħu fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp: "Il-Kunsens Ewropew" (ĠU 2006/C 46/01), ĠU C 46, 24.02.2006, p. 1

[33] IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 617/2007 tal-14 ta' Mejju 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-10 Fond Ewropew għall-iżvilupp taħt il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, ĠU L 152, 13.06.2007, p. 1

[34] IR-REGOLAMENT (UE) Nru 233/2014

[35] http://ec.europa.eu/europeaid/how/public-consultations/5240_en.htm

[36] IR-REGOLAMENT (UE) Nru 233/2014

[37] http://ec.europa.eu/europeaid/how/evaluation/evaluation_reports/2012/1308_docs_en.htm, l-Anness II

[38]  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-UE fis-Saħħa Globali, l-10 ta' Mejju 2010

[39] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda Ġenerali ta' Wara l-2015, il-25 ta' Ġunju 2013

[40] Ir-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tat-23.10.2012 (2012/2002(INI)); tat-12.03.2013 (2012/2222(INI); u tal-11.12.2013 (2013/2057(INL))

[41]    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13.06.2013 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju – li tiddefinixxi l-qafas ta' wara l-2015 (2012/2289(INI)

[42]    Il-PRAG tal-2014: Azzjonijiet esterni tal-Akkwist u l-Għotijiet għall-Unjoni Ewropea, ara l-kapitoli 2.3.3; 2.3.4; 2.4.14; u l-Anness e3h2;  http://ec.europa.eu/europeaid/prag

[43] Il-Kummissjoni Ewropea: Rapport Annwali tal-2014 dwar il-politiki tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp u l-assistenza esterna u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2013 (se jiġi ppubblikat fuq:  http://ec.europa.eu/europeaid/multimedia/publications/index_en.htm )

[44] http://ec.europa.eu/europeaid/how/evaluation/evaluation_reports/2012/1308_docs_en.htm

[45] Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (2013): Rapport Annwali dwar l-attivitajiet li jiffinanzjaw it-8, id-9 u l-10 Fondi Ewropej tal-Iżvilupp; (2013/C 331/02)

[46] Ir-Regolament tal-programm Orizzont 2020, l-Artikolu 19, il-paragrafu 1: "L-attivitajiet kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni mwettqa fil-programm Orizzont 2020 għandhom ikunu konformi mal-prinċipji etiċi u l-leġiżlazzjoni rilevanti nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, inklużi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli Supplimentari tagħha."

[47] http://www.un.org/en/development/desa/population/commission/sessions/2014/index.shtml

[48] Ir-Regolament tal-programm Orizzont 2020, l-Artikolu 19, il-paragrafu 1: "L-attivitajiet kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni mwettqa fil-programm Orizzont 2020 għandhom ikunu konformi mal-prinċipji etiċi u l-leġiżlazzjoni rilevanti nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, inklużi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli Supplimentari tagħha."

[49] Rakkomandazzjonijiet dwar l-analiżi ta' etika tal-proġetti ta' riċerka tal-FP7 fl-hESC - Opinjoni Nru 22 tal-20 ta' Ġunju 2007, p. 41.

[50] http://www.un.org/en/development/desa/population/commission/sessions/2014/index.shtml

[51] Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Inwittu t-triq għal Qafas tar-Riżultati tal-UE fl-Iżvilupp u l-Koperazzjoni", 10.12.2013, SWD(2013) 530

ANNESS I: Aspetti ta' proċedura tal-inizjattiva taċ-ċittadini msejħa WIEĦED MINNA

Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, din l-Inizjattiva ġiet reġistrata fil-11/05/2012 u ppubblikata fir-reġistru online tal-Kummissjoni.

Il-membri tal-Kumitat taċ-ċittadini li huma reġistrati mal-Kummissjoni huma residenti minn dawn l-Istati Membri: Franza, l-Italja, ir-Renju Unit, l-Ungerija, il-Polonja, Spanja, u l-Ġermanja.

L-Inizjattiva ġiet reġistrata bit-Taljan. Wara, l-organizzaturi qalbu t-titlu, is-suġġett u l-għanijiet tal-Inizjattiva bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

Skont ir-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini, il-formoli li użaw iċ-ċittadini biex jagħtu l-appoġġ tagħhom kien fihom it-titlu, is-suġġett u l-għanijiet tal-Inizjattiva. Il-link għar-reġistru online tal-Kummissjoni seta' jinstab ukoll fil-formoli, biex iċ-ċittadini li xtaqu aktar tagħrif dettaljat dwar l-Inizjattiva setgħu jsibuh, hekk kif jipprovdu l-organizzaturi fl-abbozz tal-att legali bħala parti mit-talba tar-reġistrazzjoni tagħhom. Dan l-abbozz tal-att legali, l-organizzaturi pprovdew traduzzjonijiet tiegħu f'19-il lingwa uffiċjali tal-UE. Dan l-abbozz tal-att legali jaf ma ġiex konsultat minn kull ċittadin li appoġġa l-Inizjattiva.

Il-perjodu formali tal-ġbir għal din l-Inizjattiva kien mifrux fuq 12-il xahar u ntemm fil-11 ta' Mejju 2013. Madankollu, il-Kummissjoni baqgħet tilqa' dikjarazzjonijiet li jappoġġaw l-Inizjattiva sal-1 ta' Novembru 2013, għax bosta organizzaturi sabu xi diffikultajiet biex jistabbilixxu s-sistemi online tal-ġbir waqt il-fażi tal-bidu tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej[1]. Wara li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri vvalidaw id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġbura, fit-28 ta' Frar 2014 l-organizzaturi ressqu l-Inizjattiva tagħhom lill-Kummissjoni, kif ukoll iċ-ċertifikati li ħarġu l-awtoritajiet kompetenti tat-28 Stat Membru u informazzjoni dwar is-sorsi tagħhom ta' finanzjament u appoġġ, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament.

It-tabella t'hawn isfel turi l-għadd ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ validi li jindikaw iċ-ċertifikati u l-informazzjoni li taw l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Iċ-ċifri jinkludu wkoll il-perjodu ta' ġbir addizzjoni sal-1 ta' Novemrbu 2013.

L-Istat Membru || Għadd ta' firmatarji || Il-livell limitu li jrid jitqies fost l-għadd minimu ta' seba' Stat Membri

Il-Belġju || 5 478 || 16 500

Il-Bulgarija || 906 || 13 500

Ir-Repubblika Ċeka || 11 468 || 16 500

Id-Danimarka || 7 563 || 9 750

Il-Ġermanja || 137 874 || 74 250

L-Estonja || 2 417 || 4 500

L-Irlanda || 6 679 || 9 000

Il-Greċja || 52 977 || 16 500

Spanja || 144 827 || 40 500

Franza || 83 503 || 55 500

Il-Kroazja || 12 778 || 9 000

L-Italja || 623 947 || 54 750

Ċipru || 6 407 || 4 500

Il-Latvja || 9 132 || 6 750

Il-Litwanja || 11 646 || 9 000

Il-Lussemburgu || 5 469 || 4 500

L-Ungerija || 45 933 || 16 500

Malta || 23 017 || 4 500

Il-Pajjiżi l-Baxxi || 27 271 || 19 500

L-Awstrija || 24 973 || 14 250

Il-Polonja || 235 964 || 38 250

Il-Portugall || 65 564 || 16 500

Ir-Rumanija || 110 405 || 24 750

Is-Slovenja || 3 481 || 6 000

Is-Slovakkja || 31 951 || 9 750

Il-Finlandja || 1 230 || 9 750

L-Iżvezja || 2 468 || 15 000

Ir-Renju Unit || 26 298 || 54 750

Total || 1 721 626 || Il-livell limitu li ntlaħaq fi 18-il Stat Membru

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament, il-Kummissjoni:

- fit-28 ta' Frar 2014 ippubblikat l-informazzjoni rilevanti fir-reġistru fuq:

http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/initiatives/finalised/details/2012/000005

- fid-9 ta' April 2014 laqgħet lill-organizzaturi.

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament, fl-10 ta' April 2014 l-organizzaturi ngħataw l-opportunità jippreżentaw l-Inizjattiva tagħhom waqt smigħ pubbliku organizzat fil-Parlament Ewropew.

Fil-laqgħa fil-Kummissjoni, lill-Kummissjoni rrappreżentawha l-Kummissarju Geoghegan-Quinn u uffiċjali għoljin mid-DĠ DEVCO u minn servizzi oħra konċernati.

Fis-smigħ pubbliku rrappreżentawha l-Kummissarji Geoghegan-Quinn u Piebalgs.

ANNESS II: Ir-Regolament ta' Orizzont 2020 – l-Artikolu 19[2]

Artikolu 19

Prinċipji etiċi

1. L-attivitajiet kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni mwettqa fil-qafas ta' Orizzont 2020 għandhom ikunu konformi mal-prinċipji etiċi u l-leġiżlazzjoni rilevanti nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli Supplimentari tagħha.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-prinċipju tal-proporzjonalità, id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għall-integrità fiżika u mentali tal-persuni, id-dritt għan-nondiskriminazzjoni u l-bżonn li jiġu żgurati livelli għoljin ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

2. L-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni mwettqa fil-qafas ta' Orizzont 2020 għandhom ikunu ffukati esklussivament fuq applikazzjonijiet ċivili.

3. L-oqsma tar-riċerka li ġejjin ma għandhomx ikunu ffinanzjati:

(a) attività tar-riċerka mmirata lejn l-ikklonjar uman għal skopijiet riproduttivi;

(b) attività tar-riċerka intenzjonata li timmodifika l-patrimonju ġenetiku tal-umani fejn tali bidliet jistgħu jintirtu (1);

(c) attivitajiet tar-riċerka intenzjonati li joħolqu embrijuni umani għall-iskop ta' riċerka jew għall-iskop ta' akkwist taċ-ċelloli staminali biss, inkluż b'mezzi ta' trasferiment tan-nuklei taċ-ċelloli somatiċi.

4. Ir-riċerka fuq iċ-ċelloli staminali umani, kemm adulti kif ukoll tal-embrijuni, tista' tiġi ffinanzjata, iżda din tiddependi fuq il-kontenut tal-proposta xjentifika kif ukoll il-qafas legali tal-Istati Membri involuti. Ma għandux jingħata finanzjament għal attivitajiet tar-riċerka li huma projbiti fl-Istati Membri kollha. L-ebda attività ma għandha tingħata finanzjament fi Stat Membru fejn tali attività hija projbita.

5. L-oqsma tar-riċerka li jinsabu fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu riveduti fi ħdan il-kuntest tal-evalwazzjoni interim stipulata fl-Artikolu 32(3) fid-dawl tal-avvanzi xjentifiċi.

ANNESS III: Orizzont 2020 – Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni[3]

Id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni (Programm Qafas)

2013/C 373/02

ID-DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Għall-Programm Qafas Orizzont 2020, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tissokta bl-istess qafas etiku tas-Seba' Programm Qafas biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tal-UE għar-riċerka fuq ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem.

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi l-issoktar ta' dan il-qafas etiku minħabba li dan żviluppa, abbażi tal-esperjenza, approċċ responsabbli għal qasam promettenti ħafna tax-xjenza u wera li jaħdem b'mod sodisfaċenti fil-kuntest ta' programm tar-riċerka li fih riċerkaturi jipparteċipaw minn bosta pajjiżi b'sitwazzjonijiet regolatorji differenti ħafna.

1. || Id-deċiżjoni dwar il-Programm Qafas Orizzont 2020 espliċitament teskludi tliet oqsma tar-riċerka mill-finanzjament Komunitarju: — || attivitajiet ta' riċerka li jimmiraw għall-klonazzjoni tal-bniedem għal finijiet ta' riproduzzjoni;

— || attivitajiet ta' riċerka maħsuba biex jimmodifikaw il-wirt ġenetiku tal-bnedmin, li jistgħu jwasslu biex tibdiliet bħal dawn isiru ereditarji;

— || attivitajiet tar-riċerka intenzjonati li joħolqu embrijuni umani għall-iskop ta' riċerka jew għall-iskop ta' akkwist taċ-ċelloli staminali biss, inkluż b'mezzi ta' trasferiment tan-nuklei taċ-ċelloli somatiċi.

2. || L-ebda attività pprojbita fl-Istati Membri kollha mhi se tiġi ffinanzjata. Fejn attività tkun ipprojbita fi Stat Membru, din mhix se tiġi ffinanzjata f'dak l-Istat Membru.

3. || Id-deċiżjoni dwar Orizzont 2020 u d-dispożizzjonijiet għall-qafas etiku li jirregola l-finanzjament Komunitarju tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem bl-ebda mod ma tinvolvi ġudizzju ta' valur dwar il-qafas regolatorju jew etiku li jirregola din ir-riċerka fl-Istati Membri.

4. || Meta l-Kummissjoni Ewropea tagħmel sejħa għal proposti, hija ma tissolleċitax b'mod espliċitu l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem. L-użu possibbli ta' ċelloli staminali tal-bniedem, sew jekk ikunu dderivati minn adulti jew minn embrijuni, jiddependi mill-ġudizzju tax-xjenzjati, fid-dawl tal-objettivi li jkunu jridu jilħqu. Fil-prattika, il-parti l-kbira nett tal-fondi Komunitarji għar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tmur għall-użu ta' ċelloli staminali adulti. Ma hemm l-ebda raġuni għaliex dan għandu jinbidel sostanzjalment f'Orizzont 2020.

5. || Kull proġett li jipproponi li juża ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem għandu jgħaddi b'suċċess minn evalwazzjoni xjentifika li matulha esperti xjentifiċi indipendenti jivvalutaw il-ħtieġa li jintużaw tali ċelloli staminali biex jintlaħqu l-objettivi xjentifiċi.

6. || Il-proposti li jgħaddu b'suċċess mill-evalwazzjoni xjentifika mbagħad ikunu soġġetti għal reviżjoni etika stretta organizzata mill-Kummissjoni Ewropea. F'din ir-reviżjoni etika, jitqiesu l-prinċipji riflessi fil-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina, iffirmata f'Oviedo fl-4 ta' April 1997, u l-protokolli addizzjonali tagħha, kif ukoll id-Dikjarazzjoni Universali dwar il-Ġenoma tal-Bniedem u d-Drittijiet tal-Bniedem adottata mill-UNESCO.  Ir-reviżjoni etika sservi wkoll biex tikkontrolla li l-proposti jirrispettaw ir-regoli tal-pajjiżi fejn tkun se titwettaq ir-riċerka.

7. || F'każijiet partikolari, reviżjoni etika tista' titwettaq matul il-perijodu tal-proġett.

8. || Qabel ma jibda, kull proġett li jipproponi l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem għandu jikseb l-approvazzjoni tal-kumitat tal-etika nazzjonali jew lokali rilevanti. Ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha għandhom jiġu osservati, inkluż f'dak li jirrigwarda kwistjonijiet bħall-kunsens tal-ġenituri, in-nuqqas ta' tħajjir finanzjarju, eċċ. Se jsiru kontrolli dwar jekk il-proġett jinkludix referenzi għal miżuri ta' liċenzjar u kontroll li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn se titwettaq ir-riċerka.

9. || Proposta li tgħaddi b'suċċess mill-evalwazzjoni xjentifika, ir-reviżjonijiet etiċi nazzjonali jew lokali u r-reviżjoni etika Ewropea se tiġi ppreżentata għall-approvazzjoni, każ b'każ, lill-Istat Membri, imlaqqgħin bħala kumitat li jaġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami.  L-ebda proġett li jinvolvi l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem u li ma jiksibx l-approvazzjoni mill-Istati Membri mhu se jiġi ffinanzjat.

10. || Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli taħdem biex ir-riżultati tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali, li tkun ġiet iffinanzjata mill-Komunità, ikunu ġeneralment aċċessibbli għar-riċerkaturi kollha, għall-benefiċċju aħħari tal-pazjenti fil-pajjiżi kollha.

11. || Il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa azzjonijiet u inizjattivi li jikkontribwixxu għall-koordinazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni, f'approċċ etiku responsabbli, tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa reġistru Ewropew ta' linji ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem. Appoġġ għal tali reġistru se jippermetti monitoraġġ taċ-ċelloli staminali eżistenti tal-embrijuni tal-bniedem fl-Ewropa, se jikkontribwixxi għall-massimizzazzjoni tal-użu tagħhom mix-xjenzjati u jista' jgħin biex jiġu evitati derivazzjonijiet mhux meħtieġa ta' linji ġodda ta' ċelloli staminali.

12. || Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli bil-prattika attwali u mhix se tippreżenta lill-kumitat li jaġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami proposti għal proġetti li jistgħu jinkludu attivitajiet ta' riċerka li jeqirdu l-embrijuni tal-bniedem, inkluż biex jinkisbu ċelloli staminali. L-esklużjoni tal-finanzjament ta' dan l-istadju tar-riċerka mhux se jimpedixxi l-finanzjament Komunitarju ta' stadji sussegwenti li jinvolvu ċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem.

ANNESS IV: Id-Deċiżjoni tas-Seba' Programm Qafas – l-Artikolu 6[4]

Artikolu 6

Prinċipji etiċi

1. L-attivitajiet kollha ta' riċerka mwettqa taħt is-Seba' Programm Kwadru għandhom jitwettqu skont prinċipji etiċi fundamentali.

2. L-oqsma ta' riċerka li ġejjin ma għandhomx jiġu ffinanzjati taħt dan il-Programm Kwadru:

— attività ta' riċerka li timmira għall-klonazzjoni tal-bniedem għal finijiet ta' riproduzzjoni,

— attività ta' riċerka maħsuba għall-modifika tal-wirt ġenetiku tal-bnedmin li tista' tagħmel tali tibdil ereditabbli (2),

— attivitajiet ta' riċerka maħsuba sabiex joħolqu embrijuni tal-bniedem għall-fini biss ta' riċerka jew għall-fini tal-kisba ta' ċelluli staminali, anke permezz ta' trasferiment ta' nuklei ta' ċelluli somatiċi.

3. Ir-riċerka fuq iċ-ċelluli staminali tal-bniedem, kemm adulti kif ukoll embrijuniċi, tista' tiġi ffinanzjata. Dan jiddipendi kemm mill-kontenut tal-proposta xjentifika kif ukoll mill-qafas legali tal-Istat jew Stati Membri involuti.

Kwalunkwe applikazzjoni għall-finanzjament ta' riċerka fuq iċ-ċelluli staminali tal-embrijuni tal-bniedem għandha tinkludi, skont il-każ, id-dettalji tal-liċenzja u tal-miżuri ta' kontroll li jkunu se jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll id-dettalji tal-approvazzjoni jew approvazzjonijiet etiċi li jkunu se jiġu pprovduti.

Fir-rigward tad-derivazzjoni taċ-ċelluli staminali embrijuniċi tal-bniedem, l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u r-riċerkaturi għandhom ikunu soġġetti għal liċenzjar u kontroll stretti skont il-qafas legali tal-Istat jew Stati Membri involuti.

4. L-oqsma tar-riċerka stabbiliti hawn fuq għandhom jiġu riveduti għat-tieni fażi ta' dan il-programm (2010-2013) fid-dawl tal-avvanzi xjentifiċi.

ANNESS V: Is-Seba' Programm Qafas – id-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni[5]

Dwar l-Artikolu 6

Għas-Seba' Programm Kwadru, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tkompli bl-istess qafas etiku biex tiddeċiedi dwar il-finanzjament tal-UE għar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem hekk kif fis-Sitt Programm Kwadru.

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi t-tkomplija ta' dan il-qafas etiku għaliex huwa żviluppa, abbażi tal-esperjenza, approċċ raġonevoli għal qasam ta' xjenza promettenti ħafna u li wera li jaħdem b'mod sodisfaċenti fil-kuntest ta' programm tar-riċerka li fih riċerkaturi jipparteċipaw minn diversi pajjiżi b'sitwazzjonijiet regolatorji differenti ħafna.

(1)  Id-deċiżjoni dwar is-Seba' Programm Kwadru espliċitament teskludi tliet oqsma ta' riċerka mill-finanzjament Komunitarju: — || attivitajiet ta' riċerka li jimmiraw għall-klonazzjoni tal-bniedem għal finijiet ta' riproduzzjoni;

— || attivitajiet ta' riċerka maħsuba għall-modifika tal-wirt ġenetiku tal-bnedmin li tista' tagħmel mod li tali tibdil ikun jista' jintiret;

— || attivitajiet ta' riċerka maħsuba biex joħolqu embrijuni tal-bniedem esklussivament għall-fini ta' riċerka jew għall-fini tal-kisba ta' ċelloli staminali, inkluż permezz ta' trasferiment ta' ċelloli ta' nuklei somatiċi.

(2)  L-ebda attività pprojbita mhi se tiġi ffinanzjata fl-Istati Membri kollha. L-ebda attività mhi se tiġi ffinanzjata fi Stat Membru fejn tali attività mhix permessa.

(3)  Id-deċiżjoni dwar l-FP7 u d-dispożizzjonijiet għall-qafas etiku li jirregola l-finanzjament Komunitarju għar-riċerka fuq ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem ma jimplikaw bl-ebda mod xi ġudizzju ta' valur fuq il-qafas regolatorju jew dak etiku li jmexxi tali riċerka fl-Istati Membri.

(4)  Meta l-Kummissjoni Ewropea tagħmel sejħa għal proposti hija ma tissolleċitax b'mod espliċitu l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem. L-użu ta' ċelloli staminali tal-bniedem, kemm jekk adulti jew embrijuniċi, jekk isir, jiddependi fuq il-ġudizzju tax-xjentisti fid-dawl tal-objettivi li huma jridu jiksbu. Fil-prattika, bil-bosta l-akbar parti tal-fondi Komunitarji għar-riċerka fuq ċelloli staminali hija mogħtija għall-użu ta' ċelloli staminali adulti. M'hemm l-ebda raġuni l-għala dan għandu jinbidel sostanzjalment fl-FP7.

(5)  Kull proġett li jipproponi l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem għandu jgħaddi minn evalwazzjoni xjentifika b'suċċess li matulha n-neċessità li jintużaw tali ċelloli staminali biex jinkisbu l-objettivi xjentifiċi tiġi valutata minn esperti xjentifiċi indipendenti.

(6)  Proposti li jgħaddu l-valutazzjoni xjentifika b'suċċess jiġu mbagħad soġġetti għal reviżjoni etika aktar strinġenti organizzata mill-Kummissjoni Ewropea. F'din ir-reviżjoni etika, jittieħed kont tal-prinċipji riflessi fil-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti bħall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina ffirmata f'Ovjedo fl-4 ta' April 1997 u l-protokolli addizzjonali tagħha u d-Dikjarazzjoni Universali dwar il-Ġenoma tal-Bniedem u d-Drittijiet tal-Bniedem adottata mill-UNESCO. Ir-reviżjoni etika sservi wkoll biex tikkontrolla jekk il-proposti jirrispettawx ir-regoli tal-pajjiż fejn se titwettaq ir-riċerka.

(7)  F'każijiet partikolari, reviżjoni etika tista' titwettaq matul il-ħajja tal-proġett.

(8)  Kull proġett li jipproponi l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem għandu jfittex ukoll li jikseb l-approvazzjoni tal-kumitat tal-etika nazzjonali jew lokali qabel il-bidu tal-proġett. Ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha għandhom jiġu rispettati, inkluż dwar tali kwistjonijiet bħal kunsens tal-ġenituri, nuqqas ta' tħajjir finanzjarju, eċċ. Se jsiru kontrolli dwar jekk il-proġett jinkludix referenzi għal miżuri ta' liċenzjar u kontroll li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn se titwettaq ir-riċerka.

(9)  Proposta li tgħaddi l-evalwazzjoni xjentifika, ir-reviżjonijiet etiċi nazzjonali jew lokali u r-reviżjoni etika Ewropea b'suċċess se tiġi ppreżentata għall-approvazzjoni, fuq bażi ta' każ b'każ, lill-Istati Membri, imlaqqa' bħala Kumitat Regolatorju. L-ebda proġett li jinvolvi l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem li ma jiksibx l-approvazzjoni mill-Istati Membri mhu se jiġi ffinanzjat.

(10)  Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli taħdem biex tagħmel ir-riżultati tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali ffinanzjata mill-Komunità aċċessibbli b'mod wiesa' għar-riċerkaturi kollha, għall-ġid aħħari tal-pazjenti fil-pajjiżi kollha.

(11)  Il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-koordinazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tar-riċerka HESC fi ħdan approċċ etiku responsabbli. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se tappoġġa reġistru Ewropew tal-linji taċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem. Appoġġ għal tali reġistru se jippermetti l-monitoraġġ taċ-ċelloli staminali eżistenti tal-embrijuni tal-bniedem fl-Ewropa, jikkontribwixxi għall-massimizzazzjoni tal-użu tagħhom minn xjentisti u jista' jgħin f'li jiġu evitati derivazzjonijiet mhux meħtieġa ta' linji ġodda ta' ċelloli staminali.

(12)  Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli bil-prattika attwali u mhux se tissottometti għall-proposti tal-Kumitat Regolatorju għal proġetti li jinkludu attivitajiet ta' riċerka li jeqirdu embrijuni tal-bniedem, inkluż għall-kisba ta' ċelloli staminali. L-esklużjoni tal-finanzjament ta' dan il-pass ta' riċerka mhux se jipprevjeni l-finanzjament Komunitarju ta' passi sussegwenti li jinvolvu ċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem.

[1] stqarrija għall-istampa tat-18/07/2012: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/sefcovic/headlines/press-releases/2012/07/2012_07_18_eci_en.htm

[2] Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE.

[3] Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, C 373/1220.12.2013.

[4] Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013).

[5] Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 412/42, 30.12.2006.