KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi tat-tkabbir imġedded /* COM/2014/0339 final */
1. Ir-riċerka u
l-innovazzjoni bħala investiment li jtejjeb it-tkabbir L-Ewropa tinsab f’pożizzjoni tajba biex
taħtaf l-opportunitajiet tat-tkabbir li jmiss. Bl-akbar suq intern
tad-dinja, l-Ewropa tospita ħafna mill-kumpaniji innovattivi pijunieri
tad-dinja, u għandha pożizzjoni prominenti f’ħafna oqsma
tal-għarfien u tat-teknoloġiji ewlenin bħalma huma
s-saħħa, l-ikel, l-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġiji
ambjentali u t-trasport.[1]
Il-ġid tal-Ewropa mhux magħruf
jirriżulta minn forza tax-xogħol bi kwalifiki għolja u
mill-pożizzjoni fuq quddiem tagħha fl-industriji kulturali u ta’
kreattività. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi sabiex ikun
żgurat il-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq uniku tagħha,
sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ qafas għan-negozji biex jinnovaw, u
sabiex jitħaffu l-investimenti fit-teknoloġiji rivoluzzjonarji
f’oqsma li qed jikbru b’rata mgħaġġla.[2] Opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir
jiġu mid-disponibbiltà tal-prodotti u s-servizzi ġodda li
jirriżultaw mill-avvanzi teknoloġiċi, minn proċessi u
mudelli ta’ negozju ġodda, mill-innovazzjoni mhux teknoloġika u
mill-innovazzjoni fis-settur tas-servizzi, flimkien mal-kreattività,
il-ħiliet u t-talent u xprunati minnhom, jew, fi kliem ieħor,
mill-innovazzjoni fl-usa' tifsira tagħha. Iridu jgawdu minn direzzjoni
qawwija mogħtija mill-politika ekonomika u politiki li jindirizzaw
l-isfidi tas-soċjetà bħalma huma t-tixjiħ tal-popolazzjoni,
is-sigurtà tal-enerġija, it-tibdil fil-klima, inkluż il-ġestjoni
tar-riskji tad-diżastri, u l-inklużjoni soċjali, li
jeħtieġu innovazzjonijiet rivoluzzjonarji. Sabiex jittieħdu l-benefiċċji
minn dawn il-vantaġġi f’termini ta’ prosperità ekonomika u ta’
kwalità tal-ħajja, il-gvernijiet madwar l-Ewropa jridu jieħdu
pożizzjoni attiva fl-appoġġ ta’ politiki li jżidu
t-tkabbir, speċifikament ir-riċerka u l-innovazzjoni. Is-sitwazzjoni ekonomika li qed titjieb
gradwalment tippermetti lill-Ewropa biex issa titfa’ l-attenzjoni tagħha
fuq it-tisħiħ tat-tkabbir filwaqt li jinżamm ir-ritmu
tar-riforma u b’hekk jinkiseb irkupru dewwiemi. Hekk kif l-Ewropa qed tinqala’
mill-kriżi, joħroġ dejjem aktar ċar kemm fil-fatt swew dawk
il-politiki li jappoġġaw it-tisħiħ tat-tkabbir. Il-provi
juru li l-biċċa l-kbira tal-gwadanni tal-produttività ta’ dan
l-aħħar ġejjin mill-innovazzjoni[3]
u li, bħala medja, dawk il-pajjiżi li kienu investew aktar
fir-riċerka u l-innovazzjoni, qabel u waqt il-kriżi, kienu dawk li
l-aktar setgħu jirreżistu matul il-perjodu ta’ reċessjoni.[4] Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala
investiment li jsaħħaħ it-tkabbir Għal din ir-raġuni,
l-istrateġija Ewropa 2020 u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir
tal-aħħar,[5]
jenfasizzaw il-ħtieġa tas-sostenn u fejn possibbli tal-promozzjoni
tal-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir fil-qafas ta’ sforzi
ġenerali ta’ konsolidazzjoni fiskali. Dan huwa rifless ukoll
fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi
tas-Semestru Ewropew tal-2014. L-investiment pubbliku jiġġenera l-bażi
tal-għarfien u l-ħiliet li l-kumpaniji innovattivi għandhom
bżonn u dan jiggwida wkoll l-investiment tan-negozji fir-riċerka u
l-innovazzjoni, elementi kruċjali sabiex jintlaħqu l-ambizzjonijiet
tal-Istrateġija Ewropa 2020. It-trażżin tal-investiment pubbliku
fir-riċerka u l-innovazzjoni, anki jekk minħabba kundizzjonijiet
baġitarji diffiċli, jista’ jkollu wkoll impatt konsiderevoli fuq
il-potenzjal tat-tkabbir fuq perjodu fit-tul tal-pajjiż billi jnaqqas
il-kapaċità tal-assorbiment tar-riċerka u l-innovazzjoni mwettqa
f’postijiet oħra u billi jtellef opportunitajiet attraenti ta’ karrieri
għaż-żgħażagħ ta' talent ta' pajjiż. Il-baġit tal-Unjoni għall-2014-20
juri bidla deċiżiva favur ir-riċerka u l-innovazzjoni u favur
elementi oħra li jsaħħu t-tkabbir, b’żieda f’termini reali
ta’ 30 % fil-baġit għall-Orizzont 2020, il-programm il-ġdid
tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Ammont ieħor ta’
EUR 83 biljun mistenni li jiġi investit fir-riċerka u
l-innovazzjoni kif ukoll fl-SMEs permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’
Investiment il-ġodda. Madankollu, dan
l-investiment addizzjonali mill-baġit tal-Unjoni għandu
jikkomplementa, u mhux jieħu post, l-investimenti mill-Istati Membri kemm
minn sorsi pubbliċi u kemm privati. Biex isir iktar progress lejn il-mira
ta’ investiment tal-Ewropa 2020 fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ 3 %
tal-PDG,[6]
jeħtieġ li l-gvernijiet madwar l-Ewropa jkomplu jinvestu
fir-riċerka u l-innovazzjoni, billi jiżguraw l-effiċjenza kif
ukoll l-ingranaġġ tal-investiment privat. Jeħtieġ ukoll li
jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ qafas li jiffaċilitaw dan,[7] billi jitqiesu
l-orjentazzjonijiet attwali tal-politika industrijali[8]. Nefqa pubblika
bħal din mhijiex spiża, iżda investiment fil-futur, realtà li
issa hija rikonoxxuta fis-Sistema Ewropea riveduta tal-Kontijiet Nazzjonali u
Reġjonali, il-metodu tal-Eurostat għall-kalkolu tal-infiq pubbliku.[9] Bosta Stati Membri naqqsu l-infiq dirett tagħhom
fir-riċerka u l-Iżvilupp fil-qafas tal-isforzi tagħhom ta’
konsolidazzjoni fiskali, kif murija fil-Grafika 1, anke jekk f’xi każijiet
dan huwa parzjalment ikkumpensat biż-żieda fl-inċentivi
tat-taxxa tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Dan it-tnaqqis ġie nnutat
l-aktar mill-2012. Matul l-ewwel perjodu tal-kriżi, mill-2008 sal-2010,
ħafna Stati Membri pproteġew il-baġits tagħhom
tarr-Riċerka u l-Iżvilupp u xi wħud saħansitra żiedu
l-infiq tagħhom fir-Riċerka u l-Iżvilupp. Barra minn hekk, ħafna Stati Membri
għadhom’ il bogħod mill-miri nazzjonali tagħhom tar-Riċerka
u l-Iżvilupp tal-Istrateġija Ewropa 2020 kif jidher fil-Grafika 2.[10] Dan jirrifletti
prinċipalment defiċit fin-nefqa tar-riċerka u l-iżvilupp.[11] Din il-Komunikazzjoni se tesplora kif
il-potenzjal tar-riċerka u l-innovazzjoni bħala fatturi li jixprunaw
it-tkabbir imġedded jistgħu jiġu massimizzati permezz tat-titjib
tal-kwalità tal-investimenti fil-qafas tal-istrateġiji tal-Istati Membri ta’
konsolidament fiskali li jiffavorixxu t-tkabbir. Grafika 1. Bidliet fir-riċerka u l-iżvilupp
bħala proporzjon tan-nefqa totali tal-gvern (2008-2012) Grafika 2. L-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp
pubbliċi u privati fl-2012, l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi, 2. Iż-żieda fl-impatt
u l-valur għall-flus 2.1 It-titjib tal-kwalità
tan-nefqa pubblika fir-riċerka u l-innovazzjoni F’kuntest ta’ kundizzjonijiet baġitarji
diffiċli kontinwi, huwa essenzjali li jiġi massimizzat l-impatt
tal-infiq pubbliku billi tittejjeb il-kwalità tiegħu. L-investimenti
tal-gvern għalhekk jeħtieġ li jimxu id f’id mar-riformi
estensivi fis-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż permezz
tat-titjib fl-effett tal-ingranaġġ tal-infiq pubbliku fl-investiment
privat. Jeħtieġ li l-gvernijiet jsiru aktar intelliġenti dwar
kif u meta jinvestu,[12]
u b’hekk għandhom ikunu ispirati mill-approċċ strateġiku
kuraġġuż żviluppat fl-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni
tal-Innovazzjoni u fl-aġenda taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.[13] Il-valutazzjoni tal-kwalità, l-effiċjenza
u l-impatt tal-infiq pubbliku fir-riċerka u l-innovazzjoni hija sfida u
l-indikaturi disponibbli għandhom il-limitazzjonijiet tagħhom.
Bl-iffokar esklussivament fuq il-kapaċità tas-setturi pubbliċi u
privati li jbiddlu l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp
f’applikazzjonijiet għall-privattivi,[14]
kif turi l-Grafika 3, il-metriċi disponibbli jindikaw li ċerti
pajjiżi kapaċi jiksbu aktar impatt mill-infiq pubbliku u privat
tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp minn pajjiżi oħra.
Ix-xejra hi li l-pajjiżi li għandhom effiċjenza ogħla
fl-infiq huma wkoll dawk b’livelli ogħla ta’ nfiq pubbliku
fir-riċerka u l-iżvilupp u ta’ PDG per capita, u b’bażi ta’
għarfien aktar b’saħħitha. Barra minn hekk, l-investimenti
tan-negozji fir-riċerka u l-iżvilupp x’aktarx li jkunu ogħla
f’dawk il-pajjiżi b’livelli ogħla ta’ nfiq pubbliku fir-riċerka
u l-iżvilupp, minħabba li sistemi effiċjenti ta’ nfiq pubbliku
fir-riċerka u l-innovazzjoni huma aktar kapaċi
għall-ingranaġġ tal-investiment privat fir-riċerka u
l-iżvilupp[15].
It-titjib fil-kwalità u l-effiċjenza
tal-infiq jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ċiklu
virtwuż bl-ingranaġġ ta’ livelli ogħla ta’ investiment
mis-settur privat u billi dan jiġġenera żieda fil-qligħ ekonomiku.[16] Riformi li jtejbu
l-kwalità u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku huma importanti
għall-Istati Membri kollha. B’mod ġenerali, għal dawk li huma
iktar ristretti fiskalment u inqas effiċjenti fl-infiq tagħhom (ara
l-Grafika 3), huwa importanti li jinkiseb impatt akbar bis-saħħa
ta’ riformi estensivi u li jkunu fil-qagħda li jżidu l-investiment
b’mod għaqli hekk kif l-ekonomiji tagħhom jirkupraw. Min-naħa
l-oħra, għal dawk li għandhom marġni fiskali adegwat u
effiċjenza għolja, se jirriżultaw benefiċċji
mill-għaqal tagħhom li jinvestu b’mod li jiġġenera aktar
valur għall-flus. Grafika 3. Il-punteġġi tal-intensità u
tal-effiċjenza tar-riċerka u l-iżvilupp[17] Iż-żieda
tal-effiċjenza fl-infiq tar-riċerka u l-iżvilupp se
tikkontribwixxi wkoll għat-titjib fil-kwalità ġenerali tal-finanzi
pubbliċi. Din se tippermetti użu aħjar ta’ riżorsi skarsi u
b’hekk se tagħti wkoll titjib fuq perjodu ta’ żmien itwal, billi
tappoġġa l-valorizzazzjoni tal-eżiti tar-riċerka u
l-innovazzjoni. Il-prattiki trasversali adottati biex titjieb l-effiċjenza
tal-politiki jinkludu reviżjonijiet regolari tal-infiq pubbliku jew
ibbaġitjar ibbażat fuq prestazzjoni mmirata lejn riżultati.
Studji tal-każijiet (Franza, l-Awstrija, l-Isvezja u l-Pajjiżi
l-Baxxi) jenfasizzaw li l-Istati Membri li qed jużaw dawn
l-approċċi rnexxielhom jiġġeneraw riżultati
sinifikanti u kkwantifikati f’termini tat-trasparenza, l-effiċjenza u
l-iffrankar baġitarji mingħajr ma jitbaxxa (u saħansitra
jittejjeb) il-livell tal-kwalità tas-servizz pubbliku. 2.2 L-assi prijoritarji
tar-riformi Ir-riformi fir-riċerka u l-innovazzjoni
jeħtieġ li jkunu adattati skont il-karatteristiċi ta’ kull Stat
Membru. Għalhekk, hija sfida ewlenija għall-Istati Membri kollha biex
jidentifikaw, ifasslu u jimplimentaw dawn ir-riformi meħtieġa
bil-għan li titjieb il-kwalità tal-investimenti tagħhom
fir-riċerka u l-innovazzjoni. S’issa sar progress fir-rigward ta’ riformi
li jirriżultaw mill-Unjoni tal-Innovazzjoni u miż-Żona Ewropea
tar-Riċerka. Ir-rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni tal-2014 li
jakkumpanja din il-Komunikazzjoni juri ritmu li jiżdied
għall-innovazzjoni[18],
fil-kuntest tar-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020[19]. Ir-riżultati
prinċipali jinkludu ambjent tan-negozju aktar miftuħ
għall-innovazzjoni permezz tal-Privattiva Unitarja (Unitary Patent) u
l-passaport tal-Kapital ta’ Riskju (Venture Capital). L-appoġġ
tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni nbidel mill-qiegħ u
ġie inkorporat mill-ġdid f’programm uniku, integrat u simplifikat,
l-Orizzont 2020, b’għanijiet ċari li jistgħu jitkejlu u li
jiffoka fuq l-eċċellenza xjentifika, it-tmexxija industrijali u
l-isfidi tas-soċjetà. Bosta Stati Membri qed iwettqu wkoll riformi
fl-appoġġ pubbliku tagħhom għar-riċerka u
l-innovazzjoni. L-esperjenza turi li l-implimentazzjoni tar-riformi b’mod li
jżid il-kwalità tal-infiq u li jiżgura l-impatti ekonomiċi u
tas-soċjetà hija proċess kontinwu u sfida fit-tul
għall-pajjiżi kollha. It-titjib tal-valur għall-flus
jeħtieġ li jiġi massimizzat l-impatt ta’ politiki
tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż billi jiġu stabbiliti
rabtiet iktar mill-qrib bejn il-kwalità u r-riżorsi allokati lil dawn
l-oqsma. Għalhekk huma essenzjali inċentivi konsistenti li
jgħollu l-kwalità tal-infiq pubbliku u li jippreservaw l-infiq li
jiffavorixxi t-tkabbir, b’mod partikolari nfiq fir-riċerka u
l-innovazzjoni. Minn
din l-esperjenza, joħorġu tliet assijiet ta’ riforma, li huma
rilevanti għall-Istati Membri kollha. I It-titjib tal-kwalità tal-iżvilupp
tal-istrateġija u tal-proċess tat-tfassil tal-politika Ir-riċerka u
l-innovazzjoni jaffettwaw ħafna oqsma ta’ politika u jinvolvu għadd
kbir ta’ atturi u għalhekk għandhom jitmexxew bi strateġija li
tiġbor kollox fiha u f’livell politiku suffiċjentement għoli.
Strateġija bħal din għandha tinkludi kemm l-attivitajiet
tar-riċerka kif ukoll tal-innovazzjoni, inklużi l-investimenti
fl-infrastruttura. It-tfassil tal-politika għandu jqis l-impatt
tar-riċerka u l-innovazzjoni fuq perjodu ta’ żmien twil u għandu
jopera fuq il-bażi ta’ qafas strateġiku pluriannwali stabbli u ta’
ppjanar bil-quddiem tal-investiment pubbliku. Il-benefiċċji ta’
finanzi pubbliċi aktar sodi kkombinati ma’ viżibbiltà
msaħħa tal-prijoritajiet tal-gvernijiet fiż-żmien medju
jinkisbu billi l-infiq li jgħin it-tkabbir, bħar-riċerka u
l-innovazzjoni, jiddaħħal fil-perspettiva ta’ ppjanar pluriannwali ta’
qafas baġitarju fuq perjodu ta’ żmien medju[20]. Dan jista’ jibni
l-kredibilità u jtejjeb l-attrazzjoni tas-sistema tar-riċerka u
l-innovazzjoni, Fl-istess ħin l-Istati Membri
għandhom jieħdu ħsieb li ma jaħlux riżorsi skarsi,
billi jiffokaw fuq għadd limitat ta’ aspetti u opportunitajiet ewlenin,
permezz tal-proċess tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti kif
appoġġati bil-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment.
Minħabba l-bidliet dinamiċi fir-riċerka u l-innovazzjoni,
it-tfassil tal-politika għandu jqis ukoll ideat u mudelli emerġenti.[21] L-informazzjoni u
l-provi oġġettivi jiffurmaw parti integrali mit-tfassil tal-politika,
inkluż l-antiċipazzjoni u l-evalwazzjonijiet sistematiċi ex-ante
u ex-post, b’mod partikolari biex jiġi evalwat l-impatt soċjoekonomiku
tal-iffinanzjar tar-riċerka u l-innovazzjoni fuq perjodu ta’ żmien
twil. Jeħtieġ li l-Istati Membri jissorveljaw kontinwament l-impatt u
li jeżaminaw mill-ġdid il-politiki tagħhom fil-kuntest Ewropew u
dak internazzjonali, Kaxxa 1. Ħafna Stati Membri qed jiddefinixxu
mill-ġdid l-istrateġiji tagħhom tar-riċerka u
l-innovazzjoni fuq il-bażi ta’ kunċett wiesa’ ta’ innovazzjoni, li
jinkorpora l-edukazzjoni, ir-riċerka u
l-innovazzjoni. Il-Ġermanja ressqet strateġija kompresiva
bl-innovazzjoni fil-mira (“The High-Tech Strategy for Germany”) ibbażata
fuq analiżi prospettiva, b’attenzjoni fuq teknoloġiji li jħarsu
l-quddiem u marbuta mal-isfidi tas-soċjetà, fuq kooperazzjoni bejn
ix-xjenza u l-industriia, u fuq it-titjib fil-kundizzjonijiet ta’ qafas
għan-negozji innovattivi. Wara l-aġġornament tagħha
fl-2010, il-Ġermanja issa qed tippjana biex issaħħaħ
l-Istrateġija u l-approċċ globali tal-politika tal-innovazzjoni
interdipartimentali tagħha. Bosta Stati Membri qegħdin jivvalutaw
il-kosteffettività tan-nefqa fir-riċerka u l-innovazzjoni bħala parti
mir-reviżjonijiet usa’ tal-infiq pubbliku. Il-Pajjiżi l-Baxxi,
pereżempju, waqqfu sistema estensiva tal-monitoraġġ tal-politika
għar-rieżami ta’ oqsma ta’ politika magħżula, inkluż
ir-riċerka u l-innovazzjoni, biex jidentifikaw l-alternattivi
għall-iffrankar fil-ġejjieni u b’hekk jinkiseb aktar valur
għall-flus fuq il-bażi ta’ evalwazzjonijiet ex ante u ex
post. Dawn ir-reviżjonijiet jiġbru flimkien il-Ministeru
tal-Finanzi Pubbliċi, il-Ministeru tar-Riċerka, il-Ministeru
tal-Affarijiet Ekonomiċi, u organizzazzjonijiet indipendenti u
jibbenefikaw mill-appoġġ pubbliku għar-riċerka b’rabta
mal-politika rilevanti kif ukoll minn konklużjonijiet ibbażati fuq
l-provi miġbura. L-Estonja żammet strateġija fit-tul ta’
żidiet sostnuti fl-investiment tar-riċerka u l-iżvilupp, billi
fl-2000 immultiplikat il-livell inizjali tagħha tal-infiq b’10 darbiet
aktar u fuqhom. Il-pajjiż għandu strateġija olistika li
tikkonsolida r-riżorsi disponibbli kollha tal-UE b’tali mod li jagħtu
impetus għall-iżvilupp. II It-titjib tal-kwalità tal-programmi, b’enfasi fuq
riżorsi u fuq mekkaniżmi ta’ ffinanzjar Ammonti sinifikanti ta’ fondi pubbliċi
għar-riċerka u l-innovazzjoni huma ġestiti fil-qafas ta’
programmi, li l-għanijiet tagħhom tradizzjonalment kienu stabbiliti
f’termini ta’ dixxiplini xjentifiċi, ta’ oqsma tat-teknoloġija, jew
ta’ setturi industrijali. Bħal fil-programm Orizzont 2020, l-Istati Membri
jridu jqisu li jżidu l-enfasi tal-programmi tagħhom fuq l-isfidi ewlenin
tas-soċjetà, għaliex hemm potenzjal ta’ tkabbir konsiderevoli billi
dawn jissarfu f’opportunitajiet tan-negozju fil-ġejjini, filwaqt li
fl-istess ħin jipprovdu soluzzjonijiet għat-tħassib
taċ-ċittadini. Koordinazzjoni aħjar ta’ prijoritajiet bejn
l-Istati Membri permezz ta’ programmazzjoni konġunta tal-aġendi
nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni żżid l-impatt ta’
investiment pubbliku f’qasam partikolari tar-riċerka u l-innovazzjoni. [22] Kif ġie stabbilit fiż-Żona
Ewropea tar-Riċerka, il-kwalità tal-infiq pubbliku tista’ tissaħħaħ
permezz ta’ programmi billi l-fondi jiġu allokati fuq bażi
kompetittiva, permezz ta’ sejħiet miftuħa għal proposti skont
l-eċċellenza, pereżempju fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni
internazzjonali bejn il-pari , u billi l-fondi istituzzjonali jiġu allokati
fuq il-bażi ta’ prestazzjoni ppruvata. Il-kompetizzjoni miftuħa
għandha tapplika ugwalment għal programmi speċifiċi mmirati
lejn għanijiet ekonomiċi u/jew tas-soċjetà li għandhom
impatti mistennija ċari u definiti u b’sistema ta’ evalwazzjoni robusta li
bl-użu ta’ għarfien espert indipendenti, tivvaluta l-proposti mqabbla
ma’ dawk l-impatti. F’konformità mal-istrateġiji aktar iffukati u
allinjati (“speċjalizzazzjoni intelliġenti”), il-monitoraġġ
ta’ riżultati reali u l-impatti tal-proġetti appoġġati
għandhom jipprovdu informazzjoni preċiża u komparabbli dwar
il-kwalità u l-effiċjenza tal-iffinanzjar permezz ta’ programmi ta’
riċerka u innovazzjoni. Jeħtieġ li l-programmi ta’
riċerka u innovazzjoni jkunu rilevanti u aċċessibbli
għan-negozji, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-piżijiet
amministrattivi għall-parteċipazzjoni, l-aċċelerazzjoni
taż-żmien li jittieħed sa ma tingħata l-għotja,
il-monitoraġġ tal-involviment tan-negozji, u billi tittieħed
bis-serjetà r-reazzjoni tal-parteċipanti. Ir-rwol essenzjali tax-xjenza
fuq il-fruntieri tal-għarfien fl-avvanz tal-ogħla livell ta’
żvilupp u sabiex tistimula innovazzjonijiet teknoloġiċi
revoluzzjonarji għandu jiġi indirizzat, billi tibni fuq l-inizjattivi
li rnexxew fil-livell tal-UE bħall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka. Kaxxa 2. Bosta Stati Membri qed jintroduċu
kompetizzjoni aktar qawwija fl-allokazzjoni tal-fondi pubbliċi
għar-riċerka u l-innovazzjoni. Wara l-Abbozz dwar ir-Riċerka u
l-Innovazzjoni fl-2008, l-Isvezja introduċiet l-allokazzjoni kompetittiva
ta’ ċertu proporzjon ta’ fondi bażiċi lill-universitajiet
-inizjalment 10 % u sussegwentement dan żdied għal 20 % fuq
il-bażi tal-prestazzjoni tagħhom f’pubblikazzjonijiet xjentifiċi
u fuq il-kapaċità tagħhom li jattiraw fondi esterni. Fl-2011
il-Polonja introduċiet riformi biex iżżid is-sehem tal-fondi
pubbliċi allokati għar-riċerka u l-innovazzjoni fuq bażi
kompetittiva permezz ta’ sejħiet għal proposti vvalutati minn esperti
indipendenti u internazzjonali. Mill-2013, il-Kroazja stabbilixxiet mudell
ġdid ta’ ffinanzjar pubbliku għar-riċerka fundamentali, li
juża kuntratti istituzzjonali ta’ tliet snin ibbażati fuq
il-prestazzjoni. Dan l-aħħar il-Greċja waqqfet proċess
kompetittiv biex tiddeċiedi dwar għadd limitat ta’ proġetti
infrastrutturali nazzjonali tar-riċerka. Science Foundation
tal-Irlanda introduċa evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-impatt ekonomiku u
fuq is-soċjetà tal-applikazzjonijiet għall-għotja, u dan
jikkomplementa l-evalwazzjonijiet xjentifiċi bejn il-pari. Għadd ta’ aġenziji ta’ ffinanzjar
qed jibdew jissorveljaw u jevalwaw b’mod rigoruż l-impatt tal-programmi
tagħhom. Is-sistema ta’ monitoraġġ ta’ Tekes, l-Aġenzija
tal-Innovazzjoni Finlandiża, turi li għal kull euro investit minn
Tekes, il-kumpaniji jżidu n-nefqa tagħhom fir-riċerka u
l-iżvilupp b’2 euro, u li l-SMEs li tappoġġa għandhom
20 % żieda aktar fil-fatturat u 17 % żieda aktar
fl-impjiegi meta mqabbla ma’ SMEs komparabbli. III Il-perfezzjonament tal-kwalità tal-istituzzjonijiet
pubbliċi li jwettqu r-riċerka u l-innovazzjoni Fl-Istati Membri kollha, sehem kbir ta’ fondi
pubbliċi għar-riċerka u l-innovazzjoni jingħata bħala
fondi istituzzjonali lill-universitajiet, lill-istituti tat-teknoloġija u
lil organizzazzjonijiet tar-riċerka pubbliċi oħrajn.
Jeħtieġ li dawn l-istituzzjonijiet jiġu mħeġġa
jkunu intraprendenti u jfittxu opportunitajiet u sħubijiet ġodda,
inkluż barra l-Ewropa, biex ikun hemm titjib fit-trasferiment
tal-għarfien lis-settur privat u biex ir-riżorsi jiġu allokati
mill-ġdid favur attivitajiet li jkollhom l-akbar impatt. Għalhekk
dawn l-istituzzjonijiet jeħtieġu awtonomija u flessibilità
suffiċjenti, filwaqt li tiġi ggarantita l-akkontabililtà, li jfisser
li bħala parti minnha, għandhom ikunu suġġetti regolarment
għall-evalwazzjoni indipendenti u għall-valutazzjoni tal-kwalità. L-istituzzjonijiet għandhom ukoll ikunu
kapaċi jattiraw l-aqwa riċerkaturi biex jaħdmu magħhom.
Madankollu, kif identifikati miż-Żona Ewropea tar-Riċerka, f’xi
pajjiżi, in-nuqqas ta’ reklutaġġ miftuħ, trasparenti u
msejjes fuq il-mertu jdgħajjef il-prestazzjoni tal-istituzzjonijiet u
jżomm lura l-attrattiva u l-iżvilupp tal-karriera għar-riċerkaturi
l-aktar kapaċi. Kaxxa 3. Bosta Stati Membri, fosthom l-Awstrija, il-Polonja u
l-Italja, introduċew regolamenti nazzjonali li jistipulaw li l-postijiet
vakanti fl-universitajiet u f’organizzazzjonijiet tar-riċerka
pubbliċi oħrajn għandhom ikunu ppublikati internazzjonalment,
pereżempju permezz tal-portal tar-riċerkaturi Ewropej “EURAXESS”. Sħubijiet ġodda li jinvolvu
l-istituzzjonijiet li jwettqu r-riċerka u l-innovazzjoni qed jagħtu
spinta lill-iżvilupp ekonomiku fil-livell reġjonali. Sħubija ta’
sitt universitajiet bejn il-Ġermanja, Franza, il-Belġju u
l-Lussemburgu qed tiffaċilita speċjalizzazzjoni akbar, il-qsim ta’
korsijiet u t-titjib fit-trasferiment tal-għarfien lin-negozji. F’April
2014, il-Gvern tar-Renju Unit ħabbar il-Greater Cambridge City Deal ta’ £1
biljun fi sħubija mal-Università ta’ Cambridge biex jinvestu fit-tkabbir
tar-raggruppament tat-teknoloġija tar-reġjun, li diġà jimpjega
aktar minn 54 000 persuna f’aktar minn 1 500 kumpanija bbażati
fuq it-teknoloġija, li jiġġenera dħul annwali ta’ aktar
minn £12 biljun. L-inizjattiva “Vanguard” tiġbor flimkien 18-il
reġjun tal-UE (Asturias, Baden-Wurttenberg, Euskadi, Cataluña, Lombardia,
Małopolska, Nordrhein-Westfalen, Norte, Oberösterreich, Pays de la Loire,
Rhône-Alpes, l-Iskozja, Śląsk, Skåne, Tampere, il-Fjandri,
il-Wallonja u Zuid Nederland) li b’mod konġunt jimplimentaw
strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, u b’hekk
jimmobilizzaw ir-riżorsi pubbliċi u privati favur ir-riċerka u
l-innovazzjoni madwar raggruppament ta’ inizjattivi għal teknoloġiji
emerġenti u ta’ trasformazzjoni. 2.3 L-appoġġ
tal-Kummissjoni għar-riformi tal-Istati Membri Biex tgħin lill-Istati Membri
fil-proċess tal-implimentazzjoni tar-riformi tar-riċerka u
l-innovazzjoni bbażati fuq l-assi prijoritarji identifikati
fit-Taqsima 2.2 ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tirrevedi
l-għodod attwalment disponibbli għall-valutazzjoni tal-kwalità u
l-effikaċja tar-riformi ta’ prijorità tar-riċerka u l-innovazzjoni u
se tniedi diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-riformi
prijoritarji u l-ħtieġa possibbli ta’ sistema integrata,
ibbażata fuq il-provi għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-politiki
tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell tal-Istati Membri. B’hekk se
tibbaża fuq l-esperjenza rilevanti miksuba mill-għodda ta’
awtovalutazzjoni ppreżentata fl-Unjoni tal-Innovazzjoni u
mill-analiżi tal-progress fir-rigward taż-Żona Ewropea
tar-Riċerka, u se tagħmel użu mill-indikaturi rilevanti,
inkluż it-Tabella tal-Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni
tal-Kummissjoni u l-indikatur dwar l-eżitu tal-innovazzjoni.[23] Il-Kummissjoni se
tipprovdi wkoll dejta, analiżi u informazzjoni ta’ klassi dinjija, dwar
il-politiki u l-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni u fil-livell
tal-UE, u fil-livell nazzjonali,[24]
u se tuża l-Faċilità tal-Appoġġ tal-Politika prevista
f’Orizzont 2020 inklużi l-assistenza teknika, l-evalwazzjonijiet bejn
il-pari u t-tagħlim reċiproku. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se
tippromwovi wkoll aktar riċerka biex tipprovdi bażi ta’ evidenza
aħjar għat-tfassil tal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni,
pereżempju bl-użu ta’ approċċi tad-dejta kbira u billi
ttejjeb il-mod kif l-impatt pożittiv fit-tul tar-riċerka u
l-innovazzjoni jiġi kkunsidrat f’uħud mill-mudelli makroekonomiċi
użati sabiex jappoġġaw it-tfassil tal-politika.[25] Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iskambju
ta’ esperjenzi bit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri indiretti
bħal inċentivi fiskali tar-riċerka u l-iżvilupp
ibbażati fuq n-nefqa, bil-għan li tiġi żgurata
l-kosteffettività, jiġu evitati effetti transfruntieri mhux mixtieqa, u
jiġi eżaminat jekk il-kumpaniji ġodda li qed jikbru malajr, u li
jirrappreżentaw għadd kbir sproporzjonat ta’ impjiegi ġodda,
jistgħux jibbenefikaw minnhom. 3. It-tisħiħ
tal-ekosistema tal-innovazzjoni L-innovazzjoni b’suċċess tiddependi
mhux biss fuq il-kwalità tal-politiki pubbliċi iżda wkoll fuq
kundizzjonijiet ta’ qafas li jiffavorixxu l-innovazzjoni. F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni għamlet sforz qawwi
biex tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq intern u biex tiġi rrestawrata
l-fiduċja ekonomika. Il-Kummissjoni ppromwoviet il-funzjonament tas-Suq
Uniku,[26]
ħadet passi biex tlesti l-Unjoni Bankarja,[27] u ħadet
miżuri biex tiffaċilita u tiddiversifika l-aċċess
għall-finanzi,[28]
biex tissimplifika l-leġiżlazzjoni u biex tnaqqas il-piżijiet regolatorji,[29] u tinsab impenjata li
tippromwovi l-iffinanzjar fit-tul tal-ekonomija Ewropea.[30] Il-Kummissjoni ppromwoviet ukoll l-użu
effettiv tal-akkwist pubbliku u ta’ strumenti min-naħa tad-domanda,
indirizzat l-ostakli għall-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u n-negozju, u
ħeġġet sistema favorevoli u effiċjenti tad-drittijiet
tal-proprjetà intellettwali. Il-linji gwida riveduti dwar l-għajnuna
mill-Istat jappoġġaw lill-Istati Membri biex mill-ġdid jiggwidaw
l-għajnuna mill-Istat lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni,
pereżempju fir-Regolament il-ġdid dwar l-Eżenzjoni Ġenerali
Sħiħa u billi jżidu l-livelli limiti għan-notifika u billi
jwessgħu l-kategoriji ta’ għajnuna, pereżempju biex
jappoġġaw il-kostruzzjoni u t-titjib tal-infrastrutturi
tar-riċerka u biex jippermettu l-appoġġ aktar mill-qrib
għas-suq. Bl-istess mod, il-linji gwida riveduti dwar l-għajnuna
mill-Istat għal Finanzjament ta’ Riskju jippermettu flessibbiltà akbar li
tappoġġa l-kapital ta’ riskju u strumenti finanzjarji oħra favur
in-negozji innovattivi, u b’hekk jgħinuhom jegħlbu l-aktar stadji
kritiċi taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. B’mod parallel,
ir-regoli riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat jintroduċu
rekwiżiti ġodda dwar l-evalwazzjoni tal-impatt ta’ skemi kbar ta’
għajnuna li se jikkontribwixxu għal miżuri aktar effettivi
b’effett ċar ta’ inċentiv.[31]
Madankollu, il-valutazzjoni tal-progress
mehmuża fil-kuntest tal-Unjoni tal-Innovazzjoni turi li hemm għadd
ta’ oqsma fejn hemm bżonn li jsiru iktar sforzi: –
Is-Suq Uniku
jikkostitwixxi assi ewlieni li jista’ jattira investimenti innovattivi lejn
l-Ewropa. Madankollu, il-frammentazzjoni u l-ineffiċjenzi fis-Suq Uniku
jimmina l-investimenti tan-negozji fir-riċerka u l-innovazzjoni b’mod
partikolari fl-oqsma tat-teknoloġija għolja bħall-ICT,
inklużi n-netwerks diġitali, il-kontenut u s-servizzi, u l-kura
tas-saħħa. Bil-kontra ta’ dan, l-Ewropa hija mexxejja globali
fir-riċerka u t-teknoloġija tat-trasport, imsaħħa minn suq
uniku żviluppat tajjeb, li, madankollu, jeħtieġ li jżomm
il-pass mal-innovazzjoni rapida hekk kif is-settur tat-trasport iżid
l-effiċjenza fl-enerġija, itejjeb is-sikurezza u jindirizza
l-konġestjoni. Barra minn hekk, għandhom jiġu antiċipati
l-innovazzjonijiet kbar bl-iżvilupp ta’ oqfsa tas-Suq Uniku li jippermettu
l-adozzjoni kummerċjali fuq skala kbira.[32]
L-implimentazzjoni sħiħa tas-suq uniku tas-servizzi, li
jirrappreżenta 60 % tal-ekonomija tal-UE, għandu jkollu impatt
qawwi fuq l-innovazzjoni, b’mod partikolari fuq l-innovazzjoni mhux
teknoloġika, bħall-iżvilupp ta’ mudelli tan-negozju ġodda u
t-tfassil ta’ servizzi. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-oqfsa
regolatorji jippromwovu l-użu kummerċjali ta’ għarfien ġdid
u li jiffaċilitaw id-dħul ta’ kumpaniji ġodda. –
Is-settur pubbliku huwa
attur ekonomiku importanti u jeħtieġ li jsir aktar intraprendenti
biex jibbenefika mill-innovazzjoni bil-għan li jiżdiedu
l-produttività, l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi, kif
ukoll biex tinħoloq domanda għal innovazzjoni fis-settur privat.[33] It-tagħlim
reċiproku huwa ta’ rilevanza partikolari f’dan il-kuntest. L-akkwist
pubbliku, li jammonta għal madwar għoxrin fil-mija tal-PDG tal-Unjoni
kollha kemm hi, jista’ jipprovdi swieq li jesiġu soluzzjonijiet
innovattivi. Dan jeħtieġ sforz ikkoordinat mill-awtoritajiet tal-akkwist
kollha sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tad-domanda. Il-bidla
għal dejta miftuħa għandha l-potenzjal kbir li ttejjeb
is-servizzi pubbliċi, toħloq opportunitajiet għal prodotti u
servizzi ġodda, u ssaħħaħ l-akkontabilità u t-trasparenza
fl-amministrazzjoni pubblika. Iż-żieda fil-kwalità tas-servizzi
pubbliċi u tal-finanzjament pubbliku teħtieġ bażi robusta
ta’ provi għal deċiżjonijiet baġitarji u ta’ politika skont
il-prinċipji tar-regolamentazzjoni intelliġenti. Azzjonijiet pilota
li jiffokaw fuq l-utenti, l-użu intelliġenti tal-ICT u l-ftuħ
ta’ servizzi pubbliċi diġitali se jippermettu lis-settur pubbliku
jiżviluppa b’mod effiċjenti u jipprovdi servizzi ġodda. –
It-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea għal kompetittività sostenibbli tirrikjedi bażi ta’
riżorsi umani bil-ħiliet meħtieġa u b’ħafna aktar
riċerkaturi li jkollhom ħiliet intraprendenti u tan-negozju. Dan
jeħtieġ ukoll li x-xjenza fuq il-fruntieri tal-għarfien tavvanza
l-livell ta’ żvilupp tekniku u li jkollha rwol attiv fl-istimolu ta’
innovazzjonijiet rivoluzzjonarji. Is-sistemi tal-edukazzjoni u
t-taħriġ jeħtieġ li jipprovdu ħiliet ta’ innovazzjoni
mifruxa (il-ġenerazzjoni ta’ ideat, is-soluzzjoni ta’ problemi,
il-ħsieb kritiku, il-komunikazzjoni bejn il-kulturi, eċċ.) li
jippermettu lill-impjegati u lill-istituzzjonijiet,[34] jaddattaw
rwieħhom għaċ-ċirkostanzi l-ġodda. It-teknoloġiji
diġitali jġibu magħhom opportunitajiet ġodda ta’
aċċess għall-edukazzjoni,[35]
iżda jeħtieġu innovazzjonijiet kbar fis-sistemi nazzjonali
tal-edukazzjoni, bħall-promozzjoni ta’ prattiki ta’ tagħlim
miftuħa u ta’ taħriġ diġitali. –
Iċ-ċittadini Ewropej iridu jifhmu li r-riċerka u l-innovazzjoni qed itejbu l-kwalità
ta’ ħajjithom u qed iwieġbu għat-tħassib tagħhom,
pereżempju, billi l-individwi jitħallew jesprimu l-fehma tagħhom
meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet.[36]
Jeħtieġ li l-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħti
inċentivi u tippermetti lill-individwi biex jidħlu
għall-innovazzjoni bħala kokreaturi u bħala klijenti pijunieri,
tippromwovi l-innovazzjoni u l-intraprenditorija soċjali, u tippermetti
kumpaniji innovattivi li jittestjaw u jintroduċu soluzzjonijiet
fl-ambjenti reali. 4. Konklużjonijiet Sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ
il-potenzjal tar-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta’ tkabbir
imġedded, l-elementi li ġejjin huma kruċjali: –
F’konformità mal-kunċett ta’ konsolidament
fiskali, jeħtieġ li l-Istati Membri jipprijoritizzaw in-nefqa li
ssaħħaħ it-tkabbir, b’mod partikolari fir-riċerka u
l-innovazzjoni. –
Dawk l-investimenti jridu jimxu id f’id mar-riformi
li jżidu l-kwalità, l-effiċjenza u l-impatti tal-infiq pubbliku
fir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż bl-ingranaġġ
tal-investiment tan-negozji fir-riċerka u l-iżvilupp –
Huma u jagħmlu dan, l-Istati Membri
għandhom jiffokaw fuq it-tliet assijiet tar-riforma, marbuta mal-kwalità tal-iżvilupp
tal-istrateġija u l-proċess tat-tfassil tal-politika, il-kwalità
tal-programmi, l-iffokar tar-riżorsi u tal-mekkaniżmi
tal-iffinanzjar; u l-kwalità tal-istituzzjonijiet li jwettqu r-riċerka u
l-innovazzjoni. –
Biex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni
b’suċċess tar-riformi tar-riċerka u l-innovazzjoni,
il-Kummissjoni se tibbaża fuq l-esperjenza miksuba bl-inizjattiva ewlenija
l-Unjoni tal-Innovazzjoni u fiż-Żona Ewropea għar-Riċerka,
u se tisfrutta bis-sħiħ l-Osservatorju tar-Riċerka u l-Innovazzjoni
u l-Faċilità tal-Appoġġ tal-Politika previsti fil-qafas
tal-programm Orizzont 2020 sabiex tappoġġa t-tfassil ta’ politika u
t-teħid tad-deċiżjonijiet baġitarji bbażati fuq
approċċ integrat, mibni fuq il-provi. –
It-tisħiħ tal-ekosistema tal-innovazzjoni
usa’ u l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet ta’ qafas tajbin li jistimolaw
il-kumpaniji tal-Ewropa biex jinnovaw huma kruċjali. Minn mindu tnediet
l-Unjoni tal-Innovazzjoni, sar progress siewi iżda jeħtieġ li
jsiru aktar sforzi fl-approfondiment tas-Suq Uniku, billi jiġi
ffaċilitat u diversifikat l-aċċess għall-finanzi,
tissaħħaħ il-kapaċità innovattiva tas-settur pubbliku,
jinħolqu impjiegi reżistenti f’attivitajiet li huma intensivi fl-għarfien,
tiġi żviluppata bażi ta’ riżorsi umani b’ħiliet,
għall-innovazzjoni, titħeġġeġ ir-riċerka fuq
il-fruntieri tal-għarfien, tiġi indirizzata d-dimensjoni esterna
tal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni, u billi x-xjenza u
l-innovazzjoni jiġu integrati aktar fis-soċjetà. Ir-reviżjoni
tal-Istrateġija Ewropa 2020 se tanalizza l-progress li sar bl-Unjoni
tal-Innovazzjoni. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex
iniedi diskussjonijiet dwar it-titjib tal-kwalità tal-investimenti
fir-riċerka u l-innovazzjoni f’konformità ma’ din il-Komunikazzjoni,
bħala parti mill-proċess usa’ tagħha ta’ diskussjonijiet dwar
it-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi u dwar l-implimentazzjoni
tar-riformi strutturali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistieden
lill-Kunsill biex jiddiskuti l-isfidi tal-politika futura tar-riċerka u l-innovazzjoni.
[1] Rapport dwar il-Kompetittività tal-Unjoni
tal-Innovazzjoni 2013, SWD (2013) 505. [2] COM(2014) 014. [3] Sa ċertu punt, it-tkabbir tal-PDG fil-pajjiżi
tal-OECD mill-1985 sal-2009 rriżulta mit-tkabbir tal-kapital u
tal-produttività bbażata fuq fatturi multipli, b’din tal-aħħar
xprunata mill-eżiti tas-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni. Ara
OECD (2011) “Productivity and growth accounting”. [4] Conte (2014), “Efficiency of R&D Spending at
national and regional level”, Ċentru Konġunt tar-Riċerka,
Il-Kummissjoni Ewropea, għandha tiġi ppubblikata. Ciriaci, D.,
Moncada Paternò Castello, P., u Voigt, P. (2013) “Innovation and job creation:
a sustainable relation?”, IPTS Working Papers on Corporate R&D and
Innovation serje Nru. 01/2013, Il-Kummissjoni Ewropea. [5] COM(2013) 800 final. [6] F’din il-Komunikazzjoni, l-infiq tar-riċerka u
l-iżvilupp jintuża għal skopijiet statistiċi. Ma jkoprix
l-innovazzjoni fit-tifsira usa’ tagħha, li taqa’ barra d-definizzjoni
tar-riċerka u l-iżvilupp. [7] Dawn jinkludu l-aċċess
għall-finanzjament, strateġiji adegwati għar-riżorsi umani,
l-implimentazzjoni sħiħa tas-Suq Uniku għas-servizzi, u
l-appoġġ tal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-ġejjieni,
inkluż it-trawwim tal-ekonomija diġitali. [8] COM(2014)014 [9] Is-Sistema Ewropea ta’ Kontijiet Nazzjonali u
Reġjonali (SEC 2010) se tiġi aġġornata f’Settembru 2014. [10] COM(201) 130final/2. [11] F’dan ir-rigward, matul l-aħħar snin
seħħet evoluzzjoni importanti li tikkomplementa l-investiment
pubbliku dirett fir-riċerka u l-innovazzjoni bil-miżuri indiretti
bħalma huma l-inċentivi fiskali tar-riċerka u l-iżvilupp. [12] Il-Kummissjoni Ewropea, 2012, “The quality of public
expenditures in the EU”, Occasional Paper (DĠ ECFIN) nru. 125 [13] COM(2010)
546; COM(2012) 392 [14] Conte (2014), “Efficiency of R&D Spending at national
and regional level”, Technical Report, Iċ-Ċentru Konġunt
tar-Riċerka, Il-Kummissjoni Ewropea, jippreżenta analiżi
komprensiva tal-għażliet u l-approċċi metodoloġiċi
biex jitqabblu l-punteġġi għall-kejl tal-effiċjenza tas-sistemi
tar-riċerka u l-iżvilupp. Il-punteġġi
għall-effiċjenza tal-Grafika 3 huma kkalkulati bl-użu ta’
teknika statistika (Stochastic Frontier Analysis), li tikkalkula l-livell
tal-effiċjenza billi tuża l-intensità totali tar-riċerka u
l-iżvilupp bħala l-kejl tal-input u l-privattivi r-ras bħala
l-kejl tal-produzzjoni, matul il-perjodu 2005-2011. Għandu jiġi
nnutat li l-varjabbiltà ta’ miżuri relattivi tar-riċerka u
l-iżvilupp u l-prestazzjoni tal-privattivi huma akbar fis-setturi minn
madwar il-pajjiżi kollha (Meliciani, 2000), u li l-proporzjon
tal-privattivi mal-infiq tar-riċerka u l-iżvilupp ukoll ivarjaw
ħafna fis-setturi tal-manifattura (Danguy et al, 2013).
Għalhekk il-punteġġi tal-effiċjenza bl-użu
tal-privattivi huma affettwati fil-parti l-kbira, mill-profili
tal-ispeċjalizzazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ kull
pajjiż. Jistgħu jintużaw ukoll indikaturi ta’ produzzjoni
oħra għall-approssimazzjoni tal-effiċjenza, inklużi b’mod
partikolari l-pubblikazzjonijiet u l-kwotazzjonijiet xjentifiċi. Madankollu,
l-indikaturi komposti jistgħu jintużaw ukoll għal dan
il-għan. [15] Il-provi juru li l-livell ta’ kooperazzjoni bejn is-settur
pubbliku u n-negozji huwa influwenzat b’mod pożittiv mill-intensità
tal-infiq pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp. Id-dejta tal-2011 turi
korrelazzjoni statistikament sinifikanti bejn il-livell ta’ finanzjament privat
tar-riċerka u l-iżvilupp pubbliku u l-intensità tar-riċerka u
l-iżvilupp pubbliku. [16] Jeżistu wkoll differenzi persistenti:
fil-prestazzjoni globali tal-innovazzjoni fl-Istati Membri kollha, kif tidher
fit-Tabella tal-Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni; fil-prodotti
tal-innovazzjoni kif ikkonfermati mill-indikatur tal-produzzjoni
tal-innovazzjoni tal-Kummissjoni u fil-kwalità ġenerali tal-Gvern, kif
jidher mis-6 Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Koeżjoni. [17] Il-livelli ta’
effiċjenza fl-Istati Membri huma spjegati f’din il-Grafika fuq
il-bażi tar-relazzjoni bejn il-privattivi per capita u l-intensità
totali tar-riċerka u l-iżvilupp. Ara Conte (2014). [18] Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal “State of the
Innovation Union, Taking Stock 2010 – 2014”. [19] COM(2014 130). [20] kif tinkoraġixxi d-Direttiva
tal-Kunsill 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa
baġitarji tal-Istati Membri, li tistipula, fost l-oħrajn,
il-karatteristiċi u l-benefiċċji ta’ oqfsa baġitarji
kredibbli fuq perjodu medju. [21] bħal fil-każ tad-dejta ta’ volum kbir,
l-innovazzjoni miftuħa, u x-Xjenza 2.0. L-għarfien ġdid rigward
l-effetti tal-globalizzazzjoni u tal-innovazzjoni fuq il-ħolqien
tal-impjiegi u fuq l-inugwaljanza jew fuq ir-rwol tal-innovazzjoni
fil-promozzjoni tat-tkabbir inklużiv għandu jiġi kkunsidrat.
Xjenza 2.0 tiddeskrivi l-bidliet għaddejjin bħalissa fil-mod ta’ kif
titwettaq ir-riċerka u kif inhi organizzata x-xjenza. Bis-saħħa
tat-teknoloġiji diġitali u mmexxija mill-globalizzazzjoni
tal-komunità xjentifika, din twiegħed valur aħjar għall-flus
minħabba aktar trasparenza, ftuħ, netwerking u kollaborazzjoni,
iżda tinvolvi wkoll ir-riskji, f’dak li jirrigwarda l-frodi, u l-integrità
xjentifika. [22] Il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija
“SET-plan”, COM(2013)253, jipprovdi eżempju ta’ kif pjan direzzjonali
uniku integrat ta’ prijoritajiet fil-livell tal-UE jappoġġa
koordinazzjoni aħjar ta’ investimenti industrijali, u tal-programmi tal-Istati
Membri u tal-UE. [23] COM(2013) 624 final. [24] Bħala parti mill-attivitajiet tal-Osservatorju
tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni. [25] Dan l-aħħar ir-Royal Netherlands Academy of Arts
and Sciences ippubblika r-rapport tiegħu “Public knowledge investments and
the value of science”, li jargumenta li, filwaqt li l-Pajjiżi l-Baxxi
għandhom tradizzjoni twila tal-użu ta’ mudelli makroekonomiċi
biex jiġi eżaminat l-impatt tal-politiki u l-baġits
pubbliċi, dawn ma jirriflettux biżżejjed il-benefiċċji
fit-tul tal-investimenti pubbliċi fir-riċerka u l-innovazzjoni. [26] COM (2011) 206; COM(2012) 573. [27] Fl-20 ta’ Marzu 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill
laħqu ftehim dwar il-propost Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni
(Single Resolution Mechanism - SRM) għall-Unjoni Bankarja.
Il-mekkaniżmu jikkomplementa l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku
(Single Supervisory Mechanism - SSM) li, bis-saħħa tiegħu,
ladarba jkun kompletament operattiv lejn it-tmiem tal-2014, il-Bank
Ċentrali Ewropew (BĊE) se jissorvelja direttament il-banek
fiż-żona tal-euro u fl-Istati Membri l-oħra li jiddeċiedu
jissieħbu fl-Unjoni Bankarja. [28] Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa l-kumpaniji
matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-innovazzjoni. Minbarra l-kapital
ta’ riskju, tappoġġa l-iffinanzjar permezz ta’ “business angels”,
bit-trasferiment tat-teknoloġija jew b’self aktar tradizzjonali tal-banek.
[29] COM(2012) 746; COM(2013) 685. [30] COM(2014) 168. [31] Ara ĠU C 19, 11.1.2014, paġna 4. [32] Pereżempju, is-swieq ġodda tal-bijofjuwils
avvanzati, tal-iskart u r-riċiklaġġ, tal-enerġija
rinnovabbli u tat-teknoloġiji ambjentali li jikkostitwixxu l-oqsma fejn
l-UE hija f’saħħitha fl-innovazzjoni. [33] L-evidenza tappoġġa wkoll ir-rwol tal-Gvern
fil-promozzjoni tal-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni biex
jagħmlu tajjeb għall-fallimenti tas-suq, li jinkludu
l-inċertezza teknoloġika u l-indiviżibilitajiet u l-ekonomiji
ta’ skala, u fid-diffużjoni ta’ effetti oħrajn tal-għarfien. [34] F’kooperazzjoni mal-OECD u fil-qafas tal-inizjattiva
“HEInnovate”, il-Kummissjoni żviluppat għodda ta’ awtovalutazzjoni
għall-appoġġ tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja
biex dawn isiru aktar intraprendenti. [35] COM(2012) 173 final. “Lejn irkupru li jwassal
għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” [36] Ara pereżempju l-proġett “Voices” (www.voicesforinnovation.eu/)
li jippermetti liċ-ċittadini jesprimu l-opinjonijiet tagħhom
dwar it-temi tar-riċerka u li huwa ffinanzjat fil-qafas tal-programm
Orizzont 2020 dwar l-iskart bħala riżors.