52014DC0337

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 8(6a) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-regola tat-12-il jum) /* COM/2014/0337 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 8(6a) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-regola tat-12-il jum)

1. Introduzzjoni

L-Unjoni Ewropea (UE) stabbiliet qafas ta’ regoli soċjali għat-trasport bit-triq tal-merkanzija u tal-passiġġieri, bil-għan li jiġi evitat kull tfixkil tal-kompetizzjoni, li titjieb is-sikurezza fit-toroq u li jkunu żgurati kundizzjonijiet xierqa għas-saħħa u għas-sikurezza tal-ħaddiema mobbli tat-trasport bit-triq.  Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 ("ir-Regolament (KE) Nru 561/2006")[1] jipprevedi sett komuni ta’ rekwiżiti minimi tal-UE fost l-oħrajn dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ. Dawn ir-regoli japplikaw għax-xufiera professjonali kollha involuti f’operazzjonijiet tat-trasport tal-passiġġieri jew tal-merkanzija, kemm jekk dawn ikunu impjegati u kemm jekk ikunu jaħdmu għal rashom, suġġetti għal eċċezzjonijiet speċifiċi u derogi nazzjonali.

Bħala regola ġenerali, ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 jipprevedi, fl-Artikolu 8 tiegħu, li xufier għandu jibda l-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa mhux aktar tard mit-tmiem ta’ sitt perjodi ta’ 24 siegħa mit-tmiem tal-perjodu ta’ mistrieħ tal-ġimgħa ta' qabel. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (tfassil mill ġdid)[2] introduċa deroga għal din id-dispożizzjoni tal-perjodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa. L-Artikolu 8(6a) il-ġdid jippermetti lix-xufiera li jkunu qed iwettqu servizz wieħed okkażjonali ta’ trasport internazzjonali tal-passiġġieri, li jipposponu l-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa b’sa 12-il perjodu konsekuttiv ta’ 24 siegħa (minn hawn 'il quddiem imsejħa “ir-regola tat-12-il jum”) wara perjodu regolari preċedenti ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, dejjem jekk jintlaħqu kundizzjonijiet speċifiċi.

Sabiex jiġi indirizzat ċertu tħassib espress fil-mument tal-adozzjoni tiegħu, l-Artikolu 8(6a) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jispeċifika li l-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib l-użu li jsir minn din id-deroga u għandha tfassal rapport li jevalwa l-konsegwenzi tad-deroga fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq kif ukoll l-aspetti soċjali u, jekk ikun xieraq, tipproponi xi emendi għal dan ir-Regolament f’dan ir-rigward. Dan ir-rapport isegwi dan l-obbligu ta’ monitoraġġ u jipprevedi ħarsa ġenerali lejn l-użu tad-deroga mir-regola tat-12-il jum fl-Istati Membri u lejn kif inhuma meqjusin l-impatti tagħha fil-kuntest tal-għanijiet prinċipali tar-Regolament.

2. Sfond

Ir-regola tat-12-il jum ġiet introdotta għall-ewwel darba mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq[3]. Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament jistipula li:

(...)

Sewwieq irid, wara mhux iżjed minn sitt perjodi ta' sewqan kuljum, jieħu perjodu ta' serħan fil-ġimgħa kif definit fl-Artikolu 8(3).

Il-perjodu ta' serħan fil-ġimgħa jista' jiġi pospost sat-tmiem tas-sitt jum jekk it-total tal-ħin ta' sewqan f'sitt ijiem ma jaqbiżx il-massimu li jiġi daqs sitt perjodi ta' sewqan kuljum.

Fil-każ tal-ġarr internazzjonali ta' passiġġiera, ħlief għal servizzi regolari, il-kliem "sitta" u "is-sitt" fit-tieni u fit-tielet sottoparagrafi għandhom jiġu sostitwiti bi "tnax" u "t-tnax" rispettivament.

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-applikazzjoni tal-paragrafu preċedenti għal servizzi nazzjonali ta' passiġġieri fit-territorju tagħhom, ħlief għal servizzi regolari.

Dan ir-Regolament tħassar bir-Regolament (KE) Nru 561/2006, li ma kienx jinkludi tali dispożizzjoni. Għaldaqstant, ir-regola tat-12-il jum ma baqgħetx applikabbli mill-11 ta’ April 2007 meta r-Regolament (KE) Nru 561/2006 daħal fis-seħħ. Din il-modifika tat bidu għal diskussjonijiet estensivi fost id-diversi partijiet interessati. Kienet meqjusa bħala żvilupp negattiv mill-industrija Ewropea tat-turiżmu bil-kowċis, li fittxet sistematikament li jintlaħaq ftehim bejn l-imsieħba soċjali sabiex terġa’ tiddaħħal ir-regola tat-12-il jum. L-isfida kienet li jiġi kkunsidrat it-tħassib tal-industrija fir-rigward tal-organizzazzjoni effiċjenti u kosteffikaċi tal-vjaġġi turistiċi bil-kowċ u li, fl-istess ħin, ma jkunux kompromessi s-sikurezza fit-toroq u l-benesseri tax-xufiera.

Dak iż-żmien saru żewġ studji li rriflettew il-preżentazzjoni dettaljata tal-kwistjoni u l-argumenti rilevanti. L-istudju msejjaħ “The New Regulation on Driving and Rest Times: The Impact of the Abolition of the “12 Days Exception” for Buses”[4] (“Ir-Regolament il-ġdid dwar is-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ: l-impatt tat-tneħħija tal-“eċċezzjoni tat-12-il jum” għall-karozzi tal-linja”), ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew, offra valutazzjoni tal-impatti tat-tneħħija tar-regola tat-12-il jum fuq it-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bit-triq, speċjalment fir-rigward tal-effetti ekonomiċi, soċjali u ta’ sikurezza. Fil-qosor, l-istudju jargumenta li t-tneħħija tar-regola tat-12-il jum ikollha impatti ekonomiċi negattivi qawwijin, mingħajr benefiċċji ta’ sikurezza jew soċjali pożittivi sinifikanti. Fost l-għażliet politiċi eżaminati, dik irrakkomandata kienet l-introduzzjoni mill-ġdid tad-deroga b’ċerti miżuri ta’ akkumpanjament marbutin mas-sikurezza tat-turs u mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera. Il-miżuri ta’ akkumpanjament proposti kellhom x’jaqsmu, fost l-oħrajn, mal-infurzar effettiv tal-użu tat-takografu diġitali, mal-infurzar tar-rotazzjoni tax-xufiera f'kumpaniji li jagħmlu vjaġġi internazzjonali sabiex jitnaqqas il-piż tax-xogħol eċċessiv, mal-infurzar tad-Direttiva 2003/59/KE dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta' sewwieqa ta' ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta' prodotti jew passiġġieri[5] u mal-introduzzjoni mill-ġdid b'mod parzjali tar-regola tat-12-il jum għall-impriżi tat-trasport li jikkonformaw ma' parametri speċifiċi tal-kwalità u għall-vetturi mgħammra b'takografu diġitali biss. Wara dan l-istudju, il-Parlament Ewropew ivvota għal “rapport ta’ inizjattiva proprja” biex terġa' tiddaħħal id-deroga tat-12-il jum.

Ġiet ippreżentata analiżi kritika tal-istudju msemmi hawn fuq imsejħa “Study of passenger transport by coach”[6] (“Studju dwar it-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ”), li ġiet ikkummissjonata sussegwentement mill-Kummissjoni Ewropea. L-analiżi kkonkludiet li l-ewwel studju tal-Parlament Ewropew jista’ jkun li ssovravaluta b’mod sinifikanti l-impatt ekonomiku tat-tneħħija tar-regola tat-12-il jum, u wkoll li jista’ jkun li ssottovaluta l-impatti soċjali. L-analiżi kkonkludiet li l-impatti soċjali u ambjentali tal-irtirar tar-regola tat-12-il jum huma żgħar, u li hemm ċertu dubju dwar jekk l-effett nett ta’ dawn l-impatti huwiex pożittiv jew negattiv. Iż-żewġ studji qablu li, minkejja li huwa diffiċli biex jiġi kkwantifikat, l-impatt fuq is-sikurezza fit-toroq huwa pjuttost żgħir, minħabba li l-kowċis huma diġà mezz ta’ trasport relattivament sikur.

Id-diskussjonijiet ġenerali wasslu għall-introduzzjoni mill-ġdid tar-regola tat-12-il jum b'ċerti rekwiżiti addizzjonali. L-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 jistipula li:

"Fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"6a. B’deroga mill-paragrafu 6, sewwieq li jkun qed iwettaq servizz wieħed okkażjonali ta’ trasport internazzjonali tal-passiġġieri, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, jista’ jipposponi l-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa b’sa 12-il perjodu konsekuttiv ta’ 24 siegħa wara perjodu regolari preċedenti ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, kemm-il darba:

(a) is-servizz idum għallinqas 24 siegħa konsekuttiva fi Stat Membru jew pajjiż terz li għalih ikun japplika dan ir-Regolament u li ma jkunx dak fejn ikun beda s-servizz;

(b) is-sewwieq jieħu, wara l-użu tad-deroga:

(i) jew żewġ perjodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa; jew

(ii) perjodu wieħed ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa u perjodu wieħed imnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ mill-inqas 24 siegħa. Madankollu, it-tnaqqis għandu jkun ikkumpensat b’perjodu ta’ mistrieħ li jittieħed f’daqqa qabel tmiem it-tielet ġimgħa wara t-tmiem tal-perjodu ta’ deroga;

(c) wara l-1 ta’ Jannar 2014, il-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ reġistrazzjoni skont ir-rekwiżiti tal-Anness IB għar-Regolament (KEE) Nru 3821/85; u

(d) wara l-1 Jannar 2014, jekk is-sewqan isir matul il-perjodu mill-22.00 sas-06.00, il-vettura jkollha ekwipaġġ ta' aktar minn persuna waħda jew il-perjodu ta' sewqan imsemmi fl-Artikolu 7 jitnaqqas għal tliet sigħat.

Il-Kummissjoni għandha timmoniterja mill-qrib l-użu li jsir minn din id-deroga biex tiżgura li l-preservazzjoni tas-sikurezza fit-toroq taħt kundizzjonijiet stretti ħafna, b’mod partikolari billi tiċċekkja li l-ħin ta’ sewqan totali akkumulat matul il-perjodu kopert mid-deroga ma jkunx eċċessiv. Sal-4 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport li jevalwa l-konsegwenzi tad-deroga fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq kif ukoll l-aspetti soċjali. Jekk tqis li dan ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tipproponi emenda għal dan ir-Regolament f’dan ir-rigward.”

Ir-regola tat-12-il jum, fil-forma attwali tagħha, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Ġunju 2010. Minn dak iż-żmien ’l hawn saru ċerti diskussjonijiet dwar ir-rekwiżiti li skonthom għandha tiġi applikata din id-dispożizzjoni u b’mod partikolari r-rekwiżit li x-xufier għandu jkun involut f’operazzjoni tat-trasport internazzjonali. Matul ir-reviżjoni riċenti tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85[7], il-Parlament Ewropew ippropona l-applikazzjoni tar-regola għall-vjaġġi domestiċi wkoll, billi saħaq li l-impatt fuq is-sikurezza fit-toroq mhuwiex marbut man-natura internazzjonali tal-operazzjoni tat-trasport. Matul il-proċess leġiżlattiv, l-Istati Membri dehrilhom li ma kienx xieraq li tiġi introdotta din il-modifika u għaldaqstant id-dispożizzjoni tal-Artikolu 8(6a) baqgħet ma nbidlitx.

Fl-istess kuntest, waqt in-negozjati tal-adeżjoni tagħha, l-Iżlanda talbet deroga minn din id-dispożizzjoni sabiex tippermetti l-applikazzjoni tar-regola għat-trasport domestiku wkoll. L-argumenti favur din it-talba kienu marbutin maċ-ċirkostanzi ġeografiċi tal-pajjiż, li jinsab 'il bogħod mill-kontinent Ewropew, mal-firxa eċċezzjonali tal-popolazzjoni tiegħu u mal-importanza tal-industrija tat-turiżmu għall-ekonomija tal-Iżlanda. Matul in-negozjati, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba billi argumentat li tali deroga mhijiex applikabbli għal Stati Membri oħra u li minkejja l-ispeċifiċitajiet ġeografiċi, it-trasport domestiku fl-Iżlanda jista’ jkun organizzat b’tali mod li jirrispetta d-dispożizzjoni ġenrali li jittieħed perjodu ta’ mistrieħ wara sitt perjodi ta’ sewqan ta’ 24 siegħa. Barra minn hekk, it-turiżmu fl-Iżlanda mhuwiex affettwat mid-dispożizzjoni inkwistjoni, peress li huwa espost għall-kompetizzjoni internazzjonali b'mod marġinali biss.

3. Il-ġbir tad-dejta

Sabiex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa għal dan ir-rapport, il-Kummissjoni staqsiet numru ta’ mistoqsijiet lill-Istati Membri f’Lulju 2012. L-istess kwestjonarju ntbagħat ukoll lill-imsieħba soċjali tal-UE fit-trasport bit-triq, jiġifieri lill-Unjoni Internazzjonali tat-Trasport bit-Triq (International Road Union - IRU) bħala l-għaqda tal-impjegaturi u lill-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tal-Qasam tat-Trasport (European Transport Workers' Federation - ETF) li tirrappreżenta lill-ħaddiema ta’ dan is-settur.

Il-kwestjonarju kopra numru ta’ suġġetti sabiex jevalwa l-impatti possibbli tad-deroga fl-oqsma msemmija fir-Regolament (KE) Nru 561/2006. Kull mistoqsija ġiet ifformulata b’tali mod li setgħu jingħataw kemm tweġibiet kwantifikabbli kif ukoll deskrittivi u l-Istati Membri/l-imsieħba soċjali kellhom il-possibbiltà li jwieġbu kif iridu.

L-ewwel żewġ mistoqsijiet kellhom l-għan li jivvalutaw jekk l-Istati Membri humiex qed jimmonitorjaw l-użu tad-deroga jew billi jżommu dejta statistika jew inkella permezz ta' sorsi oħra. It-tielet mistoqsija kienet marbuta mas-sikurezza fit-toroq u mal-impatti tad-deroga fuqha. Ir-raba’ mistoqsija indirizzat il-kwistjoni tal-inkoraġġiment tat-turiżmu u l-użu ta’ mezzi ekoloġiċi tat-trasport, filwaqt li l-ħames mistoqsija ffukat fuq l-effett tad-deroga fuq il-kompetizzjoni ġusta fis-settur tat-trasport bit-triq. Il-benesseri tax-xufiera ġie vvalutat permezz tas-sitt mistoqsija. Fl-aħħar żewġ mistoqsijiet, l-Istati Membri/l-imsieħba soċjali ntalbu jipprovdu l-perċezzjoni ġenerali tagħhom tad-dispożizzjoni inkwistjoni kif ukoll jagħmlu kwalunkwe kumment jew proposta addizzjonali.

Sa tmiem l-2013, il-Kummissjoni kienet irċeviet it-tweġibiet mingħand 23 Stat Membru u mingħand l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema msemmija hawn fuq. Minkejja t-tfakkiriet li ntbagħtu, ma waslet l-ebda informazzjoni oħra wara dik id-data. Fl-Anness II ta’ dan ir-rapport hemm tabella aggregata bit-tweġibiet li waslu.  Huwa nnutat li r-Rumanija bagħtet tweġibiet kemm permezz tal-Awtorità Rumena tat-Trasport bit-Triq (l-ARR) kif ukoll permezz tal-Kontroll tat-Trasport bit-Triq (l-ISCTR). Iż-żewġ istituzzjonijiet kellhom responsabbiltajiet ta’ kontroll sa mid-dħul fis-seħħ tar-regola (l-ARR sal-4 ta’ Diċembru 2011 u l-ISCTR wara dik id-data).

4. Analiżi tad-dejta

Mit-23 Stat Membru li bagħtu tweġibiet għall-kwestjonarju, tmienja ma tawx ċifri għall-mistoqsijiet minn 2 sa 7, abbażi ta’ nuqqas ta’ informazzjoni li tappoġġa tweġiba kwantifikabbli. L-ammont limitat ta’ dejta kwantifikabbli li waslet (għal 15-il każ) ma jippermettix li ssir analiżi statistika dettaljata. Madankollu, abbażi tat-tweġibiet mogħtija u b'rabta mal-partijiet deskrittivi ta' dan il-kwestjonarju, jistgħu jinsiltu diversi konklużjonijiet. L-analiżi ta’ hawn taħt issegwi l-istruttura tal-kwestjonarju u l-elementi eżaminati minn kull mistoqsija.

4.1. Id-disponibbiltà tad-dejta — Il-frekwenza tal-użu tad-deroga

L-ebda wieħed mill-Istati Membri li rrispondew għall-kwestjonarju ma jżomm dejta statistika dwar l-applikazzjoni tar-regola tat-12-il jum jew dwar il-konformità mal-limiti tal-ħin tas-sewqan matul il-perjodu kopert mid-deroga. Il-leġiżlazzjoni fis-seħħ ma timponix obbligu bħal dan fuq l-Istati Membri u dan in-nuqqas ta’ monitoraġġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jċaħħadhom mill-possibbiltà li jkollhom idea ġenerali komprensiva tas-sitwazzjoni attwali fil-qasam ikkonċernat. Minkejja n-nuqqas ta’ obbligu ta' monitoraġġ sistematiku tal-użu tad-deroga, xi Stati Membri pprovdew iċ-ċifri korrispondenti, li skonthom, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-deroga mhix użata b’mod intensiv. F’ħames Stati Membri (l-Estonja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Lussemburgu u l-Isvezja), il-frekwenza tal-użu hija kkwantifikata f’nofs l-iskala indikata (3 fuq skala ta’ 0 sa 5), filwaqt li fil-każijiet l-oħra kollha ċ-ċifri rrappurtati jindikaw użu inqas intensiv minn din id-dispożizzjoni. L-ispjegazzjonijiet mogħtija għall-użu limitat tar-regola jinkludu n-natura restrittiva tad-dispożizzjoni (vjaġġ internazzjonali wieħed u perjodu ta’ mistrieħ estiż wara) u n-nuqqas ta’ għarfien dwar id-dispożizzjoni mill-operaturi/mix-xufiera.

4.2. L-impatt fuq is-sikurezza fit-triq

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri li taw tweġibiet ikkwantifikati għal din il-mistoqsija indikaw li d-dispożizzjoni ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq is-sikurezza fit-triq. Min-naħa l-oħra, żewġ Stati Membri (il-Belġju u l-Litwanja) indikaw impatt negattiv qawwi (4 fuq skala ta’ 0 sa 5), li madankollu, mhuwiex ibbażat fuq l-istatistika tal-inċidenti, iżda fuq il-preżunzjoni li s-sewqan kontinwu għal 12-il jum jista’ jkollu impatt dirett fuq l-għeja tax-xufier, li għaldaqstant jipperikola s-sikurezza fit-triq. L-istess approċċ ġie segwit fit-tweġiba tal-ETF, li indikat impatt saħansitra aktar negattiv abbażi tal-allegata għeja tax-xufier. Il-bqija tat-tweġibiet li waslu indikaw impatt negattiv minimu, dejjem abbażi tal-istess suppożizzjoni u mhux fuq dejta reali dwar l-inċidenti. L-IRU ma indikat l-ebda impatt fuq is-sikurezza fit-triq, fatt li jenfasizza li matul vjaġġi bħal dawn il-ħin attwali ta’ sewqan ta’ kuljum huwa pjuttost qasir.

4.3. Effett fl-inkoraġġiment tat-turiżmu u l-użu ta’ mezzi ekoloġiċi tat-trasport

Filwaqt li ċerti Stati Membri (l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u Spanja) u l-ETF ma jaraw l-ebda effett fuq it-turiżmu u l-ambjent, l-Istati Membri l-oħra li taw tweġibiet ikkwantifikati dwar din il-kwistjoni indikaw effett pożittiv. Tliet Stati Membri (il-Lussemburgu, ir-Rumanija u l-Isvezja) indikaw effett pożittiv qawwi ħafna (4 sa 5 fuq skala ta’ 0 sa 5), bil-ġustifikazzjoni li r-regola tippermetti spejjeż anqas għall-passiġġieri, organizzazzjoni aħjar tal-vjaġġi u kwalità mtejba tal-kowċis użati f’operazzjonijiet bħal dawn. Għal raġunijiet simili, erba’ Stati Membri oħra (il-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja u s-Slovenja) indikaw effett pożittiv importanti (3 fuq skala ta’ 0 sa 5). L-IRU indikat effett pożittiv żgħir minħabba n-natura restrittiva tad-deroga, li tillimita kemm hi attraenti għall-impriżi tat-trasport.

4.4. L-effett fuq il-kompetizzjoni

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri u l-IRU ħadu pożizzjoni newtrali fir-rigward ta’ dan l-aspett. Madankollu, Stat Membru wieħed (il-Bulgarija) indika effett pjuttost negattiv f’termini tat-tfixkil tal-kompetizzjoni, abbażi tal-fatt li d-deroga tapplika biss għall-operazzjonijiet internazzjonali okkażjonali u mhux għal dawk regolari u b’hekk toħloq diskriminazzjoni bejn it-tnejn li huma. Ħames Stati Membri oħra (l-Ungerija, il-Litwanja, il-Latvja, il-Lussemburgu u l-Isvezja) huma ħafna iktar pożittivi dwar dan u jisħqu li l-flessibbiltà pprovduta mid-deroga toffri iżjed opportunitajiet għall-impriżi biex joperaw mingħajr ma jiksru r-regoli u saħansitra tippermetti li l-intrapriżi ż-żgħar jibbenefikaw bl-istess mod minnha.

4.5. L-impatt fuq il-benesseri tax-xufiera

In-naħa tal-ħaddiema ħadet pożizzjoni negattiva qawwija ħafna b’rabta ma’ din il-kwistjoni, bl-argument li d-deroga tippermetti vjaġġi twal li jaffettwaw direttament is-saħħa tax-xufiera, prinċipalment minħabba l-għeja kbira li jakkumulaw biha. F’approċċ simili, iżda b’mod ħafna aktar limitat, tliet Stati Membri (l-Awstrija, il-Belġju u r-Rumanija[8]) ukoll irrappurtaw effett negattiv. Għall-kuntrarju, xi Stati Membri (l-Estonja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija[9] u l-Isvezja) iħarsu lejn il-kwistjoni minn angolu differenti, billi jiddikjaraw li d-dispożizzjoni tippermetti li x-xufiera jieħdu perjodi ta’ mistrieħ kontinwu itwal, normalment fi djarhom mal-familji tagħhom. F’approċċ differenti, l-impjegaturi jqisu l-perjodi twal ta’ mistrieħ b'kumpens li għandhom jittieħdu wara l-użu tad-deroga bħala telf ta’ dħul għax-xufiera, speċjalment matul l-istaġuni turistiċi qosra, u jippreferu d-deroga fil-forma preċedenti tagħha.

4.6. Il-perċezzjoni ġenerali tad-dispożizzjoni

Skont it-tweġibiet mogħtija fl-aspetti individwali tal-kwestjonarju, il-maġġoranza tal-Istati Membri li taw tweġibiet ikkwantifikati għal din il-mistoqsija kellhom perċezzjoni ġenerali pożittiva tad-dispożizzjoni u f’xi każijiet perċezzjoni pożittiva qawwija ħafna (l-Ungerija, il-Lussemburgu, l-Isvezja, il-Latvja u l-Estonja). L-IRU għandha approċċ anqas pożittiv, u tqis li l-verżjoni attwali tad-deroga hija anqas attraenti minn dik ta’ qabilha minħabba n-natura restrittiva wisq tagħha. L-Istati Membri b’perċezzjoni negattiva tar-regola huma prinċipalment dawk li għandhom tħassib dwar il-kwistjonijiet tas-sikurezza fit-toroq (l-Awstrija, il-Belġju u l-Litwanja). L-ETF ma tara l-ebda valur miżjud f’din id-deroga u targumenta li din għandha tiġi applikata b’mod limitat sabiex jiġu kkontrollati l-effetti negattivi tagħha u li m'għandhiex tkun permessa aktar flessibbiltà.

4.7. Kummenti/proposti addizzjonali

F’din il-parti tal-kwestjonarju, l-Istati Membri setgħu jagħmlu liberament il-kummenti u l-proposti tagħhom dwar id-deroga inkwistjoni. Minkejja l-libertà mogħtija, ir-risposti li waslu kienu pjuttost limitati. Grupp ta’ Stati Membri (il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u r-Renju Unit), mingħajr ma jaqsmu neċessarjament l-istess għanijiet, jidhru lesti li jikkunsidraw kriterji aktar flessibbli u ċerta estensjoni tad-deroga jew għal operazzjonijiet domestiċi jew għal servizzi regolari internazzjonali. Stat Membru wieħed (Spanja) saħaq li d-deroga għandha tkun applikabbli għat-trasport tal-merkanzija, ħaġa li għandha ttejjeb l-effiċjenza tal-kumpanija billi l-vettura tirritorna fil-bażi tagħha ferm qabel u li għandha ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol billi tippermetti lix-xufiera jqattgħu l-ħin tal-mistrieħ ta’ kull ġimgħa tagħhom fi djarhom. Stati Membri oħra jew huma kontra perspettiva bħal din (l-Awstrija) jew jikkunsidraw li d-dispożizzjoni għandha tinbidel f’konformità mat-trasport tal-merkanzija (il-Litwanja). Kwistjonijiet oħra li tqajmu huma l-problemi prattiċi fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq (il-Belġju) u tal-kompatibbiltà mar-regoli soċjali tal-UE u ma’ dawk tal-Ftehim Ewropew dwar ix-Xogħol tal-Ekwipaġġi li jaħdmu fuq Vetturi użati għat-Trasport fuq it-Toroq Internazzjonali (AETR) (il-Finlandja). L-ETF topponi bil-qawwa l-iżvilupp ta’ kwalunkwe dispożizzjoni soċjali separata għat-trasport tal-passiġġieri, filwaqt li tinnota li żvilupp bħal dan jista’ jwassal għal sistemi aktar kumplessi u problemi kbar ta’ infurzar u jista' jikkomprometti l-għanijiet ġenerali tar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ. Min-naħa l-oħra, l-IRU targumenta li l-industrija teħtieġ b’mod urġenti aktar arranġamenti prattiċi u flessibbiltà akbar għat-tipi kollha ta’ servizzi nazzjonali u internazzjonali, u tappoġġa bis-sħiħ l-estensjoni tal-ambitu tad-deroga biex din tkun tkopri operazzjonijiet domestiċi wkoll.

5. Konklużjonijiet

Minkejja n-nuqqas ta’ dejta fattwali, wara l-analiżi ppreżentata hawn fuq, wieħed jista’ jasal għal ċerti konklużjonijiet fir-rigward tal-impatti tal-applikazzjoni tad-deroga fuq is-sikurezza fit-toroq u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-qasam tas-servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri.

Skont l-opinjonijiet tal-parti l-kbira tal-Istati Membri u tan-naħa tal-impjegaturi, ma hemm l-ebda indikazzjoni konkreta ta’ effett reali negattiv fuq is-sikurezza fit-toroq. Il-ħaddiema esprimew il-fehma li t-12-il perjodu ta’ sewqan konsekuttiv ta' kuljum joħolqu għeja akkumulata u mhix proporzjonata fix-xufiera. Madankollu, ma ntbagħtet l-ebda evidenza fattwali li tipprova d-deterjorament tas-sikurezza fit-triq minħabba l-użu tad-deroga. Min-naħa l-oħra, l-impjegaturi huma tal-fehma li f’din it-tip ta’ operazzjoni, il-ħin tas-sewqan ta’ kuljum ġeneralment ikun iqsar mil-limiti massimi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni. L-ispeċifiċità tat-turs internazzjonali bil-kowċ kienet il-kunċett prinċipali wara l-introduzzjoni tad-deroga.

Fir-rigward tal-oqsma l-oħra eżaminati, prinċipalment it-turiżmu, l-ambjent, in-nuqqas ta’ tfixkil tal-kompetizzjoni u l-benesseri tax-xufiera, it-tweġibiet li waslu jinkludu kemm valutazzjonijiet pożittivi kif ukoll negattivi, bi predominanza tal-aspetti pożittivi indikati, ħlief dwar il-kwistjoni tal-kwalità tal-ħajja tax-xufier. Dwar din tal-aħħar, iż-żewġ naħat tal-industrija indikaw konsegwenzi negattivi, iżda għal raġunijiet differenti u b'effetti fuq aspetti differenti tal-benesseri tax-xufier. Filwaqt li l-ħaddiema enfasizzaw il-konsegwenza negattiva ta' għeja ikbar għax-xufiera minħabba l-posponiment tal-mistrieħ ta' kull ġimgħa, l-impjegaturi indikaw il-possibbiltà limitata tax-xufier li jkollu dħul ogħla minħabba perjodu obbligatorju twil ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa wara l-użu tad-deroga. L-aspetti pożittivi tad-deroga kienu jinkludu t-tnaqqis tal-ispejjeż għat-turisti, l-użu ta’ vetturi aħjar għal vjaġġi internazzjonali twal bħal dawn, aktar opportunitajiet għall-impriżi, inklużi dawk li huma żgħar, u organizzazzjoni aħjar tal-perjodi ta’ mistrieħ tax-xufiera, bil-possibbiltà li dawn iqattgħu aktar ħin id-dar. Ħafna mill-kritika kienet dwar in-natura restrittiva tar-regola tat-12-il jum, filwaqt li l-kunċett tad-deroga kienet rikonoxxut bħala wieħed siewi.

Ta’ min jinnota n-natura kuntradittorja tat-tweġibiet li waslu għall-parti l-kbira tal-mistoqsijiet, fatt li jiżvela differenzi fil-mod kif hija perċepita l-miżura. Eżempju dimostrattiv ħafna jikkonċerna l-opinjonijiet espressi miż-żewġ naħat tal-industrija li ħadu sehem fl-isħarriġ tal-kwestjonarju. Filwaqt li r-rappreżentanti tal-impjegaturi jidentifikaw ir-rekwiżiti addizzjonali tad-deroga bħala l-ostaklu ewlieni għall-implimentazzjoni x-xierqa tagħha, ir-rappreżentant tax-xufiera jqis kwalunkwe tentattiv biex dawn id-dispożizzjonijiet jitnaqqsu jew biex l-ambitu tad-deroga jiġi estiż bħala inaċċettabbli.

Wara li analizzat l-opinjonijiet espressi mill-Istati Membri u mill-imsieħba soċjali, u filwaqt li qieset ċerti ħtiġijiet tas-suq bħal, pereżempju, is-simplifikazzjoni tar-regoli u l-infurzar kosteffettiv tagħhom, il-Kummissjoni ma tqisx li huwa xieraq li tipproponi xi emendi fil-leġiżlazzjoni rilevanti. Ir-reġim attwali ġie stabbilit wara diskussjonijiet twal u jidher li qed jopera mingħajr problemi sostanzjali u l-partijiet interessati jafuh sew. Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tkompli ttejjeb l-infurzar tar-regoli eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni x-xierqa tad-derogi.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali biex ikomplu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tad-deroga tat-12-il jum u l-impatti tagħha fuq is-sikurezza fit-triq kif ukoll l-aspetti soċjali tagħha, u tista’ terġa’ tħares lejn din il-kwistjoni jekk ikun hemm bżonn.

[1]               ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88.

[3]               ĠU L 370, 31.12.1985, p. 1.

[4]              http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/etudes/join/2008/405378/IPOL-TRAN_ET(2008)405378_EN.pdf

[5]               ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4.

[6]              http://ec.europa.eu/transport/modes/road/studies/doc/2009_06_passenger_transport_by_coach.pdf

[7]               revokata bir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).

[8]               L-Ispettorat Statali għall-Kontroll tat-Trasport bit-Triq (l-ISCTR)

[9]               L-Awtorità Rumena tat-Trasport bit-Triq (l-ARR)