52014DC0307

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għas-sena 2015 f’konformità mal-movimenti fl-ING (l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020) /* COM/2014/0307 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għas-sena 2015 f’konformità mal-movimenti fl-ING (l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020)

1.           introduzzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1] (ir-Regolament QFP) jinkludi t-tabella tal-qafas finanzjarju għall-UE-28 għall-perjodu 2014-2020, espress fi prezzijiet tal-2011 (it-Tabella 1).

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament QFP, il-Kummissjoni kull sena, qabel il-proċedura baġitarja għas-sena n+1, tagħmel aġġustament tekniku għall-qafas finanzjarju f'konformità mal-movimenti fl-introjtu nazzjonali gross (ING) u l-prezzijiet tal-UE u tikkomunika r-riżultati liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja. F'dak li jirrigwarda l-prezzijiet, il-limiti massimi tan-nefqa bi prezzijiet attwali huma stabbiliti bl-użu tad-deflatur fiss ta' 2 % previst fl-Artikoli 6(2) tar-Regolament QFP. F'dak li jirrigwarda l-movimenti tal-ING, din il-Komunikazzjoni tinkludi l-aħħar tbassir ekonomiku disponibbli.

Fl-istess ħin il-Kummissjoni tikkalkula l-marġini disponibbli skont il-limitu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom, l-ammont assolut tal-Marġini ta’ Kontinġenza previst fl-Artikolu 13, il-marġini globali għall-pagamenti previst fl-Artikolu 5, u l-marġini globali għall-impenji previst fl-Artikolu 14 tar-Regolament QFP. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar QFM, il-limitu massimu għall-intestatura 2 dwar nefqa relatata mas-suq u l-pagamenti diretti għandu jkun aġġustat wara t-trasferimenti bejn il-pilastru I u l-iżvilupp rurali skont l-att legali li jistabbilixxi dawn it-trasferimenti.

L-għan ta' din il-komunikazzjoni huwa li r-riżultat tal-aġġustamenti tekniki (UE-28) għall-2015 skont l-Artikolu 6 tar-Regolament QFP jiġi ppreżentat lill-awtorità baġitarja.

2.           termini tal-aġġustament tat-tabella tal-qafas finanzjarju (it-tabelli 1-2)

It-Tabella 1 turi l-qafas finanzjarju għall-UE-28 fi prezzijiet tal-2011 kif inkluż fl-Anness I tar-Regolament QFP.

It-Tabella 2 turi l-qafas finanzjarju għall-UE-28 aġġustat għall-2015 (jiġifieri bil-prezzijiet attwali). Il-qafas finanzjarju espress bħala perċentwal tal-ING huwa aġġornat bl-aħħar previżjonijiet ekonomiċi disponibbli (Rebbiegħa 2014) u l-projezzjonijiet fit-tul.

2.1.        Ċifra totali għall-ING

Skont l-aħħar previżjoni disponibbli, l-ING għall-2015 huwa stabbilit għal EUR 13 918 050 miljun fi prezzijiet attwali għall-UE-28.

2.2.        Ir-riżultati ewlenin tal-aġġustament tekniku tal-Qafas Finanzjarju għall-2015

Il-limitu massimu kumplessiv għall-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-2015 (EUR 146 483 miljun) huwa ekwivalenti għal 1,05 % tal-ING.

Il-limitu massimu kumplessiv li jikkorrsipondi għall-approprjazzjonijiet ta' pagamenti (EUR 141 901 miljun) huwa ekwivalenti għal 1,02 % tal-ING. Abbażi tal-aħħar tbassir ekonomiku, dan iħalli marġini taħt il-limitu massimu ta' 1,23 % tar-riżorsi proprji ta' EUR 29 291 miljun (0,21 % tal-ING għall-UE-28).

2.3.        Aġġustament tas-sottolimitu massimu għall-Intestatura 2

Skont l-Artikolu 3(1) tar-RegolamentQFM, is-sottolimitu massimu għall-intestatura 2ta' b'kollox EUR 312 735 għan-nefqa relatata mas-suq u l-pagamenti diretti fil-perjodu 2014 sa 2020 għandu jiġi aġġustat wara t-trasferimenti bejn il-pilastru I u l-iżvilupp rurali skont l-att legali li jistabbilixxi dawn it-trasferimenti.

L-ammonti li saru disponibbli għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 367/2014[2], jikkonsisti mill-elementi li ġejjin (ara t-tabella ta’ hawn taħt):

(1) Għall-aġġustament volontarju stabbilit fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/146/UE skont l-Artikolu 10b tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, li jiżdied mat-tqassim annwali tal-appoġġ mill-Unjoni għall-iżvilupp rurali skont l-Artikolu 10c(2) tal-istess Regolament. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tiffissa dan l-ammont għal EUR 296,3 miljun fir-Renju Unit għas-sena finanzjarja 2014.

(2) L-ammonti li għandhom jiġu ttrasferiti lill-FAEŻR skont l-Artikoli 136 u 136b tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għall-Ġermanja u l-Isvezja b'total ta’ EUR 51,6 miljun kull sena għas-sena finanzjarja 2014 u 2015 ('ammonti li ma jintefqux').

(3) L-ammonti jiġi ttrasferiti għall-FAEŻR skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Il-Greċja se tittrasferixxi EUR 4 miljun kull sena mill-2014 ('EL qoton').

Dan l-ewwel sett ta’ trasferimenti jnaqqas il-bilanċ nett disponibbli għan-nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) b’EUR 427,5 miljun fl-2014-2020 u s-sottolimitu massimu tal-QFP għan-nefqa marbuta mas-suq u l-pagamenti diretti teħtieġ li tiġi aġġustata minn EUR 312 735 miljun għal EUR 312 309 miljun kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt.

Barra minn hekk, sett ieħor ta’ trasferimenti bejn il-pilastru I u l-iżvilupp rurali ġie deċiż imma għadu ma ġiex rifless fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni rispettivi. Wara n-notifiki magħmula mill-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 2013 dwar il-flessibbiltà bejn il-pilastri skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, it-trasferiment totali tal-ammonti mil-limiti massimi tal-pagamenti diretti għall-programmazzjoni tal-iżvilupp rurali għas-snin finanzjarji 2015-2020 huwa ta’ EUR 3 884,380 miljun, filwaqt li t-trasferiment totali tal-ammonti mill-programmazzjoni tal-iżvilupp rurali għas-snin finanzjarji 2015-2020 għal-limiti massimi tal-pagamenti diretti huwa ta’ EUR 2 988,507 miljun.

Madankollu, dawn iċ-ċifri huma biss preliminari. Dan it-tieni aġġustament għas-sottolimitu massimu tal-H2 jista’ jiġi implimentat biss fl-2015 (fl-aġġustament tekniku għall-2016) wara li tidħol fis-seħħ l-emenda fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jistipula l-bilanċ nett disponibbli għall-FAEG[3]. F’dak iż-żmien jistgħu jitqiesu aktar aġġustamenti relatati mal-flessibbiltà bejn il-pilastri wara t-tieni skadenza tan-notifika fl-1 ta’ Awwissu 2014.

Il-modifika tas-sottolimitu H2 fil-prezzijiet attwali teħtieġ li tiġi tradotta fi prezzijiet tal-2011 sabiex taġġusta teknikament it-Tabella tal-QFP fi prezzijiet tal-2011. 

Għal dan l-għan il-bilanċ nett tal-FAEG l-ewwel jiġi trasformat fi prezzijiet tal-2011 permezz tad-deflatur fiss ta’ 2 %. Dan imbagħad jiġi arrodondit biex jinkiseb is-sottolimitu massimu H2 aġġustat peress li l-limiti massimi tal-QFP huma espressi biss f’miljuni ta’ Euro. Huwa biss permess ta’ din il-proċedura ta' arrotondiment li jista’ jiġi żgurat li s-sottolimitu massimu tal-QFP ikunu dejjem ogħla mill-bilanċ nett disponibbli għan-nefqa tal-FAEG. Id-differenza żgħira li tirriżulta ma tikkostitwixxix marġni disponibbli, iżda tirriżulta esklussivament mill-operazzjoni tal-arrotondiment peress li ċ-ċifri kollha fit-tabella tal-QFP iridu jkunu espressi f’miljuni ta’ Euro. Għal kull baġit annwali, il-Kummissjoni se tuża l-ammonti eżatti tal-bilanċ nett disponibbli għan-nefqa tal-FAEG kif diġà kien il-każ għall-baġit tal-2014. 

3.           marġini kumplessiv għall-pagamenti

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament QFP, il-Kummissjoni se taġġusta l-limitu massimu tal-pagamenti għas-snin 2015-2020 'il fuq b’ammont ekwivalenti għad-differenza bejn il-pagamenti eżegwiti u l-limitu massimu tal-pagamenti tal-QFP tas-sena n-1. Kwalunkwe aġġustament 'il fuq għandu jkun paċut bis-sħiħ bi tnaqqis korrispondenti tal-limitu massimu tal-pagamenti għas-sena n-1.

Dan l-aġġustament se jsir għall-ewwel darba fl-2015 (fl-aġġustament tekniku għall-2016).

4.           strumenti speċjali

Hemm għadd ta’ strumenti li huma disponibbli barra mil-limiti massimi tan-nefqa miftiehma fil-qafas finanzjarju 2014-2020. Dawn l-istrumenti għandhom l-għan li jipprovdu rispons rapidu għal avvenimenti eċċezzjonali jew mhux mistennija, u jipprovdu ftit element ta’ flessibilità lil hinn mil-limiti massimi tan-nefqa miftiehma b’ċerti limiti:

4.1.        Riżerva għal Għajnuna f'Emerġenza

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament QFP, ir-Riżerva għal Għajnuna f'Emerġenza tista' tiġi mobilizzata sa ammont massimu ta' EUR 280 miljun fis-sena fi prezzijiet tal-2011, jew EUR 303 miljuni fl-2015 fi prezzijiet attwali (EUR 2 209 miljun għall-perjodu kollu fi prezzijiet attwali). Il-porzjon tal-ammont mhux użat tas-sena preċedenti jista' jiġi riportat.

4.2.        Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament QFP, il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE jista' jiġi mobilizzat sa ammont massimu ta' EUR 500 miljun fis-sena fi prezzijiet tal-2011, jew EUR 541 miljun fl-2015 fi prezzijiet attwali (EUR 3 945 miljun għall-perjodu kollu fi prezzijiet attwali). Il-porzjon tal-ammont mhux użat tas-sena preċedenti jista' jiġi riportat.

4.3.        Strument ta' Flessibbiltà

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament QFP, l-Istrument ta' Flessibbiltà jista' jiġi mobilizzat sa ammont annwali massimu ta' EUR 471 miljun fi prezzijiet tal-2011, jew EUR 510 miljuni fl-2015 fi prezzijiet attwali (EUR 3 716-il miljun għall-perjodu kollu fi prezzijiet attwali). Il-porzjon tal-ammont mhux użat tat-tliet snin preċedenti jista' jiġi riportat.

4.4.        Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament QFP, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jista' jiġi mobilizzat sa massimu ta' EUR 150 miljun fis-sena fi prezzijiet tal-2011, jew EUR 162 miljun fl-2015 fi prezzijiet attwali (EUR 1 183 miljun għall-perjodu kollu fi prezzijiet attwali).

4.5.        Marġini ta' Kontinġenza

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament QFP, Marġini ta’ Kontinġenza sa 0,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni għandu jiġi stabbilit barra mil-limiti massimi tal-qafas finanzjarju għall-perjodu 2014-2020.

L-ammont assolut tal-Marġini ta’ Kontinġenza għas-sena 2015 huwa ta’ EUR 4 175,4 miljun.

4.6.        Marġini globali għall-impenji għat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ

Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament QFP, il-marġini li jibqgħu disponibbli taħt il-limiti massimi tal-QFP għal approprjazzjonijiet tal-impenji għas-snin 2014-2017 jikkostitwixxu Marġini Kumplessiv tal-QFP għall-impenji, li għandhom ikunu disponibbli lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fl-Anness tar-Regolament QFP għas-snin 2016 sa 2020 għal objettivi ta’ politika relatati mat-tkabbir u mal-impjiegi, b’mod partikulari l-impjiegi fost iż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni tikkalkula l-ammont disponibbli.

Il-Marġini Kumplessiv tal-QFP għall-impenji se jiġi kkalkulat għall-ewwel darba fl-2015 (fl-aġġustament tekniku għall-2016).

[1]               ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

[2]               Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 367/2014 tal-10 ta' April 2014 li jiffissa l-bilanċ nett disponibbli għan-nefqa tal-FAEG (ĠU L 108, 11.4.2014, p. 13)

[3]               Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru xxx/xxxx tat-13 ta’ Mejju 2014 li jemenda l-Annessi VIII u VIIIc tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Annessi II, III u VI tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (C(2014)3006) intbagħat lill-PE u lill-Kunsill. Iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom perjodu ta’ skrutinju ta’ mill-inqas xahrejn biex joġġezzjonaw. Wara dak il-perjodu ta’ skrutinju biss, il-Kummissjoni se tkun tista’ tadotta Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni ta' emenda li jistipula l-bilanċ nett disponibbli għan-nefqa tal-FAEG. Il-flessibbiltà bejn il-pilastri notifikata fil-31 ta’ Diċembru 2013 se tkun diġà tqieset għall-abbozz tal-Baġit tal-2015.