52014DC0240

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta' dejta tal-istatistika dwar l-iżbark ta' prodotti tas-sajd fl-Istati Membri /* COM/2014/0240 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta' dejta tal-istatistika dwar l-iżbark ta' prodotti tas-sajd fl-Istati Membri

1. INTRODUZZJONI (AMBITU, KUNTEST, U LEĠIŻLAZZJONI NAZZJONALI)

L-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni ta' dejta tal-istatistika dwar l-iżbark ta' prodotti tas-sajd fl-Istati Membri (ir-Regolament dwar l-Iżbark) jistabbilixxi li: "Sad-19 ta' Januar 2010, u għal kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-dejta tal-istatistika miġbura skont dan ir-Regolament u b'mod partikolari dwar ir-relevanza u l-kwalità tagħha. Ir-rapport għandu janalizza wkoll l-effettività fl-infiq tas-sistema użata għall-ġbir u għall-ipproċessar tad-dejta tal-istatistika u għandu jippreżenta l-aħjar prattiċi sabiex jitnaqqas l-ammont ta' xogħol għall-Istati Membri u jtejjeb l-użu u l-kwalità tad-dejta tal-istatistika."

Dan ir-rapport jiġbor il-progress li għamlu l-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EFTA fejn jidħlu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-Iżbark li jeżiġu li kull Stat Membru biex iressaq dejta kull sena dwar il-piż, il-preżentazzjoni, l-użu maħsub u l-prezz medju ta' prodotti tas-sajd żbarkati fit-territorju tiegħu minn bastimenti Ewropej u tal-EFTA.

L-informazzjoni miġbura skont ir-Regolamenti tal-Kontroll[1] f'konformità mal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) turi li ħafna mid-dejta amministrattiva tinkiseb mill-ġurnali abbord, mid-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki, min-noti tal-bejgħ u mid-dikjarazzjonijiet tat-trasferimenti għall-finijiet ta' monitoraġġ u infurzar tal-kwoti, li huma s-sorsi tad-dejta ewlenin għall-Istati Membri.

2. IL-KOPERTURA U L-KONTENUT

2.1. Il-ġbir tad-dejta u s-sorsi tad-dejta

Il-ġurnali abbord, in-noti tal-bejgħ u d-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki huma l-aktar sorsi amministrattivi importanti għad-dejta dwar il-qbid u l-iżbarki. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 jeżiġu li l-kaptani tal-bastimenti itwal minn 10 m għandhom iżommu ġurnal abbord bl-operazzjonijiet tagħhom u jressqu l-informazzjoni rreġistrata fih kemm jista' jkun malajr u fi żmien 24 siegħa, anke meta ma jaqbdu xejn. Il-ġurnali abbord jipprovdu d-dejta rreġistrata waqt l-operazzjonijiet u jrid ikun fihom stima tal-piż tal-qabda tal-ħut ħaj. Dawn huma siewja l-iktar biex il-qabdiet jiġu apporzjonati maż-żoni tas-sajd, jiġi kkalkulat l-isforz tas-sajd u jsiru l-kontroverifiki. Għal bastimenti iqsar minn 10m l-Istati Membri jridu jissorveljaw l-attivitajiet tas-sajd skont it-tekniki tat-teħid ta' kampjuni.

In-noti tal-bejgħ jitressqu lill-awtoritajiet responsabbli fl-ewwel tqegħid fis-suq tal-ħut (kemm jekk ikunu l-aġent tal-bastiment jew l-awtoritajiet tal-irkant). Dawn għandu jkun fihom informazzjoni dwar il-kwantità ta' kull speċi żbarkata, l-għamla kif jiġu ppreżentati, il-valur ta' kull prodott, u informazzjoni dwar il-bastiment li jiżbarka. F'ħafna mill-każijiet, din l-informazzjoni hi limitata għall-ispeċijiet soġġetti għal ġestjoni tal-kwota tal-qbid. Fil-passat, l-istima tal-attività tas-sajd kienet issir esklussivament skont informazzjoni esperta.

2.2. Is-sistemi tal-ġbir tad-dejta fl-Istati Membri u fil-pajjiżi tal-EFTA

Il-Belġju — Il-bastimenti Belġjani jistadu biss fil-Grigal tal-Atlantiku tal-Lvant (iż-żona 27), l-aktar fil-Baħar tat-Tramuntana (IVb u IVc) u fil-Fliegu tal-Lvant (VIId). Is-sorsi tad-dejta huma amministrattivi (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u noti tal-bejgħ). L-ewwel bejgħ irid isir permezz tat-tliet irkanti ewlenin (Zeebrugge, Oostende u Nieuwpoort) għajr għal bastimenti żgħar li jistgħu jbigħu lill-pubbliku f'Oostende. In-noti tal-bejgħ jitwasslu lis-Servizz tas-Sajd fil-Baħar (Dienst Zeevisserj) meta jsir l-iżbark.

Il-Bulgarija — Il-bastimenti Bulgari jistadu fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed (iż-żona 37), l-aktar fis-sottożona 37.4.2. Is-sorsi tad-dejta huma amministrattivi (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u noti tal-bejgħ) mogħtija lill-Aġenzija Nazzjonali tas-Sajd u l-Akkwakultura (ANSA). L-ANSA teżiġi li n-noti tal-bejgħ fl-ewwel bejgħ iridu jitressqu fi żmien 48 siegħa minn meta jsir l-iżbark.

Ċipru — Id-dejta amministrattiva (ġurnali abbord) tinġabar mill-Ispettorat tas-Sajd għal bastimenti ta' 10 m jew itwal. Il-ġbir tad-dejta dwar is-sajd u l-kompilazzjoni tar-rapporti jieħu ħsiebhom id-Dipartiment tas-Sajd u tar-Riċerka Marina fil-Ministeru tal-Agrikultura, ir-Riżorsi Naturali u l-Ambjent.

Id-Danimarka — Is-sorsi tad-dejta huma amministrattivi (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u noti tal-bejgħ) u d-dejta tinġabar b'mod ċentrali mid-Direttorat Daniż tas-Sajd (DDS). L-ewwel bejgħ tal-ħut minn sajjieda mhux kummerċjali hu pprojbit fid-Danimarka, u l-ewwel xerrejja kollha jridu jkunu rreġistrati mad-DDS u jridu jressqulhom in-noti tal-bejgħ b'mod elettroniku jew stampat. Madwar 90 % tan-noti tal-bejgħ jaslu b'mod elettroniku.

Il-Ġermanja — Il-bastiment Ġermaniżi jistadu fil-Grigal u fil-Majjistral tal-Atlantiku u fil-Lvant Ċentrali u fix-Xlokk tal-Paċifiku (iż-Żoni 27, 21, 34 u 87). Is-sorsi tad-dejta huma amministrattivi (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u noti tal-bejgħ). Dawn jingħaddu lill-Aġenzija Federali tal-Agrikultura u tal-Ikel permezz tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-awtoritajiet ta' Länder.

L-Estonja — Il-bastimenti Estonjani jistadu fil-Majjistral tal-Atlantiku (iż-żona 21) fil-Grigal tal-Atlantiku (27 - Baltiku) u fl-ilmijiet interni (05). Is-sorsi tad-dejta huma amministrattivi (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki, noti tal-bejgħ u dokumenti tat-trasbord u t-trasport). Bastimenti iqsar minn 12 m jimlew ġurnal abbord għas-"sajd kostali" skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali Estonjana. L-Estonja titlob kopji stampati tad-dokumentazzjoni darbtejn fix-xahar għal dejta li titressaq b'mod elettroniku. L-ewwel xerrejja tal-ħut jintalbu jressqu n-noti tal-bejgħ b'mod elettroniku lill-awtoritajiet (lill-Ministeru tal-Agrikultura għal sajd kummerċjali) u għadd ta' kumpaniji privati għażlu li jagħmlu dan.

L-Irlanda — il-bastimenti Irlandiżi jistadu fil-Grigal tal-Atlantiku (iż-żona 27). Is-sorsi tad-dejta huma amministrattivi (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki, noti tal-bejgħ u dokumenti tal-kolletturi tal-frott tal-baħar). Id-dejta tinġabar fil-portijiet mill-Awtorità Irlandiża għall-Protezzjoni tas-Sajd fil-Baħar. L-Irlanda rrapportat li għamlet bidliet sinifikanti fis-sistemi tal-ġbir tagħha biex jeħfief il-ġbir elettroniku tad-dejta kif teżiġi l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Il-Greċja — Il-bastimenti Griegi jistadu fil-Grigal u fil-Lvant Ċentrali tal-Atlantiku u fil-Mediterran (iż-żoni 27, 34, u 37) u jirreġistraw l-informazzjoni bi stħarriġ statistiku. Għas-sajd f'żoni "barranin" jintuża stħarriġ qisu ċensiment, u għaż-żona 37 tal-"baħar miftuħ" u s-sajd kostali jintuża stħarriġ bil-kampjuni. L-istħarriġ jagħmlu s-Servizz Statistiku Nazzjonali tal-Greċja. Għas-sajd f'żoni "barranin", il-Greċja tħaddem ċensiment sħiħ għall-bastimenti li jtajru l-bandiera Griega. Is-sajd fil-baħar miftuħ u max-xatt għandu rata għolja ta' errors minħabba nuqqas ta' risposti (50 %) u qed tintuża teknika biex jittieħdu l-kampjuni ħalli tinstab id-diskrepanza.

Spanja — Spanja għandha industrija tas-sajd kbira u diversifikata u hemm bosta aġenziji li jieħdu ħsieb il-provvista u l-kwalità tad-dejta. L-ewwel darba d-dejta jiġbruha l-awtoritajiet reġjonali u wara tinġabar b'mod ċentralizzat. Jeżistu seba' sorsi distinti tad-dejta amministrattiva għall-kompilazzjoni tad-dejta dwar l-iżbarki inklużi ġurnal abbord, noti tal-bejgħ, dikjarazzjonijiet tat-trasferimenti, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u informazzjoni mingħand l-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-ħut. Dawn il-bosta sorsi jingħaqdu f'bażi tad-dejta għall-qabdiet u għall-iżbarki.

Franza — Is-sottomissjoni u l-kwalità tad-dejta jieħu ħsiebhom l-aktar l-Uffiċċju tas-Sajd u l-Akkwakultura (BSPA) li hu parti mill-Ministeru tal-Ekoloġija, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Enerġija. Id-dejta dwar sajd importanti tat-tonn tropikali jipprovdiha l-Istitut għar-Riċerka u l-Iżvilupp (DPMA). Il-bastimenti Franċiżi huma attivi l-iktar fil-Grigal tal-Atlantiku, fil-Mediterran u fl-Oċean Indjan. Kopertura tajba tal-attività tas-sajd fl-Atlantiku tinkiseb minn sorsi amministrattivi (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbark u noti tal-bejgħ). Għaż-żoni b'dejta amministrattiva inqas affidabbli, l-aktar għall-Mediterran, dawn is-sorsi jissupplimentahom stħarriġ bil-kampjuni. Franza investiet ħafna biex timmodernizza u ttejjeb is-sistemi tal-ġbir tad-dejta dwar is-sajd.

L-Italja — L-Italja tistad fiż-żona 37. Bħalissa hemm xi diffikultajiet biex tinġabar id-dejta għaż-żoni 34 u 51. Għaż-żona 37 din tuża stħarriġ bil-kampjuni (u għall-bqija ntuża ċensiment). Il-ġurnali abbord jintużaw biex tinġabar id-dejta dwar il-qabdiet tat-tonn aħmar biss u din id-dejta jiġborha l-Ministeru tal-Agrikultura, l-Ikel u l-Politiki tal-Forestrija (MIPAAF). L-Istituto nazionale di Statitistica (ISTAT) jiġbor id-dejta għaż-żoni 34 u 51 u l-Istituto di Ricerche Economiche per la Pesca e l'Acquacoltura (IREPA) jieħu ħsieb iż-żona 37. L-ISTAT jieħu ħsieb jikkoordina r-rappurtar lill-Eurostat. L-Italja għandha għadd kbir ta' bastimenti żgħar (iqsar minn 12 m). Madwar 99 % tal-bastimenti joperaw fl-ilmijiet kostali tal-peniżola Taljana. Madwar żewġ terzi minnhom huma bastimenti żgħar bi rkaptu passiv. Id-dejta tinġabar bi stħarriġ bil-kampjuni multivarjat f'taqsimiet differenti tal-popolazzjoni skont iż-żona, id-daqs tal-bastiment u l-irkaptu użat. Il-metodoloġija tal-istħarriġ tillimita r-rata ta' errors tal-kampjun għal 3.5 % tolleranza L-errors minħabba nuqqas ta' risposti huma rikonoxxuti u indirizzati waqt l-għażla tal-kampjun. Għadd żgħir ta' bastimenti (xi 10) li jistadu fiż-żoni 34 u 51 jimlew kwestjonarju, iżda minħabba rata baxxa ta' rispons mingħandhom, fis-snin li ġejjin se tiġi riveduta l-metodoloġija tal-ġbir tad-dejta għal dawn iż-żoni (l-użu ta' dejta amministrattiva). Bħalissa ma tistax tingħata dejta għal dawn iż-żoni.

Il-Latvja — Il-bastimenti Latvjani huma attivi fil-Majjistral tal-Atlantiku, jiġifieri fiż-żoni 27 (subtaqsimijiet Ia, IIa, III a-d, XIVa-b, eċċ.), 21 (subtaqsimijiet 3L, 3M, 3K, 1F, eċċ.) u 34 (subtaqsimijiet 1.13, 1.31., 1.32., eċċ.). It-trażmissjoni tad-dejta hu responsabbli minnha l-aktar id-Dipartiment tas-Sajd fil-Ministeru tal-Agrikultura, iżda d-dejta jiġbruha istituzzjonijiet oħra. Dawn jinkludu s-Servizz Ambjentali tal-Istat tal-Ministeru għall-Ħarsien Ambjentali u l-Iżvilupp Reġjonali, l-Istitut tas-Sikurezza fl-Ikel, is-Saħħa tal-Annimali u l-Ambjent "BIOR" (tal-Ministeru tal-Agrikultura) u l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika (fil-Ministeru tal-Ekonomija). Is-sorsi tad-dejta huma amministrattivi — ġurnali abbord, noti tal-bejgħ u dikjarazzjonijiet tal-iżbarki. Il-Latvija teżiġi li ssir reġistrazzjoni ċentrali u ċertifikazzjoni ta' tliet snin tax-xerrejja tal-ħut. Ix-xerrejja tal-ħut jintalbu jressqu noti tal-bejgħ elettroniċi (jew stampati) fi żmien 48 siegħa minn meta jsir il-bejgħ.

Il-Litwanja — Il-Litwanja tistad fil-Grigal, fil-Majjistral u fil-Lvant Ċentrali tal-Atlantiku, u fil-Nofsinhar tal-Paċifiku. Id-Dipartiment tas-Sajd fil-Ministeru tal-Agrikultura jieħu ħsieb jiġbor u jipproċessa d-dejta. Is-sorsi ewlenin tad-dejta huma l-ġurnali abbord u d-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki. Il-Litwanja tirrapporta li biex tipproċessa u tivvalida d-dejta dwar il-qbid u l-iżbarki qed tuża sistema awtomatizzata integrata.

Malta — Id-Direttorat tal-Kontroll għas-Sajd fil-Ministeru tar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali (MRRA) jieħu ħsieb jiġbor id-dejta u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (l-Unità tal-Istatistika Agrikola u tas-Sajd) jieħu ħsieb jgħaddiha lill-Eurostat. Il-bastimenti Maltin huma attivi fil-Mediterran (iż-żona 37, is-sottożona 15). Għall-bastimenti itwal minn 10 m jintuża approċċ ta' ċensiment, billi tintuża d-dejta minn ġurnali abbord u vawċers tal-bejgħ.

Il-Pajjiżi l-Baxxi — Il-bastiment Olandiżi huma attivi fil-Grigal u fil-Lvant Ċentrali tal-Atlantiku u fix-Xlokk tal-Paċifiku (iż-żoni 27, 34 u 87). Is-sorsi tad-dejta huma amministrattivi (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki, noti tal-bejgħ u dokumenti tat-trasbord u t-trasport). Id-dejta jiġborha l-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Uffiċċju tal-Istatistika jgħaddiha lill-Eurostat. Fil-Pajjiżi l-Baxxi hemm regoli li jirregolaw il-bejgħ tal-ħut permezz ta' stabbilimenti tal-bejgħ awtorizzati permezz tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi. In-noti tal-bejgħ elettroniċi jintbagħtu fi żmien 48 siegħa minn meta jsir il-bejgħ.

Il-Polonja — Il-Polonja tirrapporta li s-sors ewlieni ta' informazzjoni hu l-ġurnali abbord u n-noti tal-bejgħ. Id-Dipartiment tas-Sajd fil-Ministeru tal-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali jieħu ħsieb jiġbor u jgħaddi d-dejta.

Il-Portugall — Id-Direttorat Ġenerali Portugiż għar-Riżorsi Naturali, is-Sigurtà u s-Servizzi Marittimi jieħu ħsieb iressaq id-dejta statistika lill-Eurostat. Il-Portugall għandu flotta nazzjonali kbira u diverstifikata li tvarja ferm fiż-żoni tas-sajd differenti. Il-flotta hi miżgħuda bi bċejjeċ tal-baħar żgħar artiġġjanali tal-injam u bla saqaf. L-iktar żoni importanti huma l-Grigal, il-Punent u l-Lvant Ċentrali tal-Atlantiku. Isir ukoll sajd importanti bil-lenza t-twila għall-pixxispad fl-Oċean Atlantiku u Indjan (u għall-kelb il-baħar ikħal fl-Oċean Indjan). Is-sorsi tad-dejta ewlenin huma l-ġurnali abbord, id-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u n-noti tal-bejgħ. Il-ħut frisk jew imkessaħ irid jinbiegħ fi swieq regolati, u għalih trid titniżżel l-informazzjoni fin-noti tal-bejgħ. Għall-ħut proċessat fuq il-baħar, il-prezzijiet medji jinkisbu mid-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki.

Ir-Rumanija — Ir-Rumanija hija attiva fiż-Żona Ekonomika Esklużiva tal-Baħar l-Iswed (iż-żona 37). Is-sorsi tad-dejta huma amministrattivi — ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u noti tal-bejgħ. Id-dokumenti jiġbruhom l-ispetturi reġjonali tal-Aġenzija Nazzjonali tas-Sajd u l-Akkwakultura (ANSA). L-ANSA tgħaqqadhom biex tirrapporta lill-Eurostat.

Is-Slovenja — Il-Ministeru tal-Agrikultura u l-Ambjent, l-Istitut Sloven għar-Riċerka dwar is-Sajd u l-Uffiċċju tal-Istatistika tar-Repubblika tas-Slovenja jieħdu ħsieb jiġbru u jressqu d-dejta. Il-flotta Slovena tistad fl-Adrijatiku ta' Fuq (iż-żoni 37). Is-sorsi tad-dejta huma l-aktar amministrattivi. Il-bastimenti kollha jintalbu jimlew il-ġurnali abbord ħalli l-kopertura tal-iżbarki mill-flotta tkun sħiħa. L-informazzjoni dwar il-prezzijiet ikopruha n-noti tal-bejgħ u l-kwestjonarji tal-istħarriġ. B'dan il-metodu tinkiseb informazzjoni dwar il-prezzijiet li tkopri l-biċċa l-kbira tal-iżbarki totali skont il-kwantità, għajr l-iżbarki ta' ammonti żgħar ta' ħut (inqas minn 50 kg) li jinbiegħu għall-konsum personali u li ma jridux jiġu rreġistrati fin-noti tal-bejgħ.

Il-Finlandja — L-Istitut Finlandiż tar-Riċerka dwar il-Kaċċa u s-Sajd hu responsabbli l-aktar mill-ġbir, is-sottomissjoni u l-kwalità tad-dejta dwar is-sajd. Ir-reġistri jżommhom il-Ministeru tal-Agrikultura u l-Forestrija. Il-bastimenti Finlandiżi jistadu biss fil-Baħar Baltiku. Is-sorsi tad-dejta jinkludu varjetà ta' ġurnali abbord tal-UE għal flotot itwal minn 10 m. L-ewwel bejgħ ta' speċijiet fil-kwota hu rregolat b'notifika obbligatorja fi żmien 48 siegħa minn meta jsir l-iżbark. L-informazzjoni dwar il-bejgħ ta' speċijiet bla kwota jissupplimentaha stħarriġ tal-akbar kumpaniji tas-sajd bl-ingrossa.

L-Iżvezja — L-Aġenzija Żvediża għall-Ġestjoni Marina u tal-Ilma tieħu ħsieb tiġbor u tressaq id-dejta. Is-sorsi tad-dejta huma amministrattivi, u jikkonsistu f'ġurnali abbord, noti tal-bejgħ, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki, u fil-każ tal-flotta kostali, ġurnali kull xahar (jew saħansitra kuljum). Il-bastimenti tas-sajd itwal minn 12 m jressqu l-ġurnali abbord b'mod elettroniku bis-sistema ERS u l-bastimenti iżgħar jużaw ġurnal abbord stampat kuljum. In-noti tal-bejgħ jinġabru b'mod ċentrali, b'mod elettroniku jew stampat, u s-sajjieda kostali jistgħu jagħżlu li jressqu l-ġurnali kostali b'mod elettroniku b'interfaċċa sigura fuq l-internet.

Ir-Renju Unit — Għal dan il-pajjiż, l-aktar qabdiet importanti jsiru fil-Grigal tal-Atlantiku (iż-żona 27). Dan għandu flotta mdaqqsa tas-sajd kostali li jistad l-aktar għal speċijiet bla kwota, iżda taqbad proporzjon sinifikanti ta' xi stokkijiet fil-kwota. Ir-Renju Unit jopera wkoll flotta distanti żgħira rreġistrata fir-Renju Unit, iżda tinsab u titħaddem barra mill-pajjiż. L-ispettorati tas-sajd tal-partijiet tar-Renju Unit (l-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta' Fuq) jieħdu ħsieb jiġbru d-dejta. L-Organizzazzjoni għall-Ġestjoni Marina, li hi korp pubbliku eżekuttiv u mhux dipartimentali stabbilit u mogħti s-setgħat bl-Att tal-2009 dwar l-Aċċess Kostali u tal-Baħar, tieħu ħsieb tgħaqqad id-dejta u tgħaddiha lill-Eurostat. Għall-flotta itwal minn 10 m titressaq dejta amministrattiva (ġurnali abbord, noti tal-bejgħ u dikjarazzjonijiet tal-iżbarki).

L-Iżlanda — Il-bastimenti Iżlandiżi jistadu l-aktar fl-ilmijiet tal-Grigal tal-Atlantiku iżda xi mindaqqiet jistadu wkoll fil-Majjistral u fin-Nofsinhar tal-Atlantiku. Il-metodoloġiji għall-kompilazzjoni tal-istatistika dwar il-qbid u l-iżbarki mhumiex fundamentalment differenti minn dawk tal-Istati Membri tal-UE. Id-dejta tinkiseb mill-ġurnali abbord. L-Iżlanda tirregola b'mod strett l-ewwel bejgħ tal-ħut, u kull żbark irid isir fil-portijiet magħżula u jintiżen fuq imwieżen iċċertifikati. Ix-xerrejja u l-proċessuri tal-ħut iridu jressqu rapporti. Id-Direttorat Iżlandiż tas-Sajd u l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Iżlanda jieħdu ħsieb jgħaddu d-dejta miġbura lill-Eurostat. Filwaqt li s-sorsi tad-dejta huma l-istess għaż-żewġ organizzazzjonijiet, jaf ifeġġu xi diskrepanzi meta d-Direttorat tas-Sajd jipprovdi d-dejta direttament, għax din tissejjes fuq il-bażi tad-dejta kurrenti li hu soġġett għal reviżjoni.

In-Norveġja — Il-bastimenti Norveġiżi jistadu fil-Grigal tal-Atlantiku (iż-żona 27), fil-Majjistral tal-Atlantiku (iż-żona 21) u fl-Antartiku (iż-żoni 48 u 88). Id-Direttorat Norveġiż tas-Sajd jieħu ħsieb jiġbor id-dejta dwar is-sajd. Is-sorsi tad-dejta huma amministrattivi, u jikkonsistu f'ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u noti tal-bejgħ. Id-dejta elettronika tal-ġurnali abbord li titressaq kuljum lid-Direttorat tas-Sajd u tintrefa' għandu, fiha informazzjoni dwar il-qbid ta' kull bastiment tas-sajd ta' 15 m jew itwal. Bastimenti twal bejn 12 u 15 m li jistadu fit-taqsima ICES IIIa ilhom iressqu l-ġurnali abbord elettroniċi sa mill-bidu ta' Jannar 2013. Id-dejta mid-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u min-noti tal-bejgħ tinġabar minn sitt organizzazzjonijiet tal-bejgħ differenti u tintbagħat regolari b'mod elettroniku lid-Direttorat tas-Sajd. Skont il-liġi Norveġiża, l-organizzazzjonijiet tal-bejgħ tal-prodotti tas-sajjieda biss għandhom il-jedd għall-ewwel bejgħ kollu tas-sajjieda Norveġiżi u tas-sajjieda barranin. In-nota tal-bejgħ tkopri d-dejta kemm dwar żbarki domestiċi kif ukoll dawk barranin li jagħmlu l-bastimenti Norveġiżi u dwar żbarki li jagħmlu l-bastimenti barranin fin-Norveġja. Bħalma jeżiġu r-regolamenti Norveġiżi, kull nota tal-bejgħ ikun fiha informazzjoni dwar il-bastimenti, is-sajjieda, ix-xerrejja, l-ispeċijiet, it-tip ta' prodott, iż-żona tas-sajd, l-irkaptu tas-sajd, il-kwantità u l-valur. Fin-nota tal-bejgħ trid tingħata wkoll informazzjoni addizzjonali dwar il-post tal-iżbark, id-data meta jibda u jintemm il-vjaġġ u d-data tal-iżbark. Għall-finijiet ta' statistika u amministrattivi tingħata wkoll informazzjoni oħra dwar il-preservazzjoni u l-użu maħsub. In-Norveġja tagħti informazzjoni dwar l-iżbark li jagħmlu sajjieda barranin fin-Norveġja, lill-Istat tal-bandiera tagħhom skont ftehimiet ta' kontroll.

2.3. Il-kwalità tad-dejta

Il-metodoloġiji biex tinġabar l-informazzjoni tas-sajd huma pjuttost konsistenti madwar l-Ewropa. L-affidabbiltà tal-istatistika tiddependi fuq:

· il-preċiżjoni fid-dokumenti li jagħti s-settur tal-ħut lill-awtoritajiet nazzjonali; u

· il-kontrolli tal-kwalità li jagħmlu l-Istati Membri.

Bosta Stati Membri diġà jirrapportaw li qed jużaw metodi elettroniċi biex jagħmlu kontroverifiki minn sorsi amministrattivi. Is-sorsi tad-dejta differenti, bħas-Sistema ta' Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) u l-ispezzjonijiet abbord u fil-port, jiżguraw il-konsistenza tal-informazzjoni rreġistrata fil-ġurnal abbord, fid-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u tat-trasbord, u fin-noti tal-bejgħ. Is-sorsi tad-dejta jirrappreżentaw ċensiment tal-informazzjoni meħtieġa u ma jittieħdu ebda kampjuni statistiċi għal bastimenti twal 10 m jew aktar. Kull diskrepanza fil-kopertura tad-dejta jikkumpensawha l-istħarriġiet statistiċi li jaf ikopru kull operazzjoni tas-sajd jew parti minnha.

Jeżistu regoli stretti li jirregolaw l-iskadenzi biex jitressqu n-noti tal-bejgħ, il-ġurnali abbord u d-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki, u ħafna drabi dawn jiġu rrispettati meta l-iżbarki jsiru fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. F'każijiet partikolari, meta d-dejta titressaq b'mod elettroniku, id-dejta tiġi aġġornata kuljum.

Ta' spiss, l-Istati Membri jirrapportaw problemi ta' dewmien biex jaslulhom in-noti tal-bejgħ mingħand bastimenti li żbarkaw fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiżi terzi. Jekk id-dejta ddum biex titressaq, jaf jinħolqu diskrepanzi bejn l-informazzjoni li tintbagħat lill-Eurostat u l-informazzjoni suppost identika li tintbagħat lis-Servizzi l-oħra tal-Kummissjoni (lid-DĠ MARE) għall-finijiet ta' sorveljanza tal-kwoti. Dan jiġri l-aktar minħabba l-fatt li l-Istati Membri jaġġornaw l-informazzjoni b'mod kontinwu. Anke skadenzi differenti biex titressaq id-dejta jikkontribwixxu għal dawn id-differenzi statistiċi.

Filwaqt li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex ilestu r-reġistrazzjonijiet tagħhom kemm jista' jkun qrib tmiem is-sena tas-sajd, il-bażijiet tad-dejta jibqgħu miftuħin għal korrezzjonijiet minkejja li ġeneralment ftit isiru aġġornamenti sinifikanti fi żmien sitt xhur wara s-sena ta' referenza.

Minn meta ddaħħlu sistemi kompjuterizzati għebu ħafna mill-problemi li kienu qed jinħolqu fir-reġistrazzjoni tal-istatistika tas-sajd. Għalhekk inkiseb livell għoli ta' affidabbiltà, l-aktar fejn jidħlu l-ispeċijiet fil-kwoti. Iżda xorta għad hemm bżonn jibqa' jitjieb il-ġbir tad-dejta tal-ispeċijiet bla kwota fl-iżbark.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma konformi fil-kopertura, fl-affidabbiltà u fil-puntwalità tad-dejta li jeżiġu r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1382/91 tal-21 ta' Mejju 1991[2] u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2104/93 tat-22 ta' Lulju 1993[3] dwar il-kwantità u l-prezz medju tal-prodotti tas-sajd li tiżbarka l-UE u ż-ŻEE fit-territorju tagħhom. Din l-informazzjoni hi meħtieġa fi żmien sitt xhur minn tmiem is-sena ta' referenza.

Xi Stati Membri bħall-Bulgarija, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Italja, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u Spanja jirrapportaw li meta l-informazzjoni dwar il-prezzijiet tkun nieqsa, dawk il-prezzijiet jistmawhom skont il-prezzijiet medji għall-ispeċijiet. Biex fil-futur din is-sitwazzjoni tkun evitata, fis-sistema tagħha l-Irlanda tuża prezzijiet gwida tal-ispeċijiet biex jonqsu l-errors fl-input minn xerrejja tal-ħut. L-Estonja indirizzat din il-kwistjoni b'komunikazzjoni diretta skont il-każ. In-noti tal-bejgħ tar-Renju Unit jissupplimentawhom sorsi oħra tal-informazzjoni meta jkunu disponibbli (jiġifieri l-bastimenti involuti f'attività tal-frott tal-baħar jeħtiġilhom jimlew id-djarji tal-attività u jressquhom lill-awtoritajiet). Dawn is-sorsi addizzjonali jintużaw flimkien mad-dejta dwar l-iżbarki biex tingħata ġabra sħiħa ta' informazzjoni dwar l-attività.

Fl-aħħar valutazzjoni tal-konformità tal-Eurostat, il-Greċja kienet dikjarata "mhux konformi". Madankollu, il-Greċja ddikjarat li s-sitwazzjoni attwali kellha tissewwa sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2014. Il-Ġermanja kienet pjuttost tard biex tressaq id-dejta u d-dejta tagħha dwar l-iżbarki ma kinitx sħiħa. Minħabba f'hekk, id-Direttur tal-Istatistika Reġjonali u Settorjali bagħat ittra uffiċjali li titlob biex fil-futur dawn il-problemi jkunu evitati.

Għalkemm kienu konformi mar-Regolamenti, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Irlanda ma weġbux fil-ħin għall-kontrolli ta' validazzjoni li għamel il-Eurostat biex jissorvelja l-kwalità tad-dejta.

3. KONKLUŻJONIJIET

Ħafna mid-dejta li tressqet lill-Eurostat inġabret skont proċeduri li ddaħħlu għall-finijiet ta' kontroll u infurzar. L-Istati Membri ma jirrapportaw ebda differenza partikolari fil-metodoloġija fejn tidħol l-informazzjoni li rċevew is-servizzi tal-Kummissjoni. L-użu tad-dejta amministrattiva għall-finijiet statistiċi jiżgura li l-piż finanzjarju addizzjonali fuq is-settur tas-sajd ikun żgħir.

Il-kontroverifiki fl-attivitajiet ta' sorveljanza jagħtu aktar kunfidenza fil-kwalità tad-dejta. Billi biex tinġabar id-dejta qed jintużaw aktar il-metodi elettroniċi, l-informazzjoni saret aktar puntwali u preċiża. F'’bosta Stati Membri għaddejja ħidma biex jiġu implimentati sistemi konformi mar-rekwiżiti Ewropej li qed jinbidlu.

Fir-rapport preċedenti (tal-2010), xi Stati Membri jirrapportaw li kellhom problemi biex jużaw il-fatturi ta' konverżjoni li kienu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Din il-kwistjoni solviha r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011[4] li fl-Annessi XIII, XIV u XV jistabbilixxi l-koeffiċjenti kollha biex il-piż tal-ħut maħżun jew proċessat jinbidel f'piż tal-ħut ħaj. Dawk il-fatturi ta' konverżjoni għandhom japplikaw għall-prodotti tas-sajd abbord jew dawk trasbordati jew żbarkati minn bastimenti tas-sajd tal-UE. Għall-bqija tal-ispeċijiet/preżentazzjonijiet li ma jkoprux ir-Regolament, jiġu applikati fatturi ta' konverżjoni nazzjonali.

Sabiex tintlaħaq il-kosteffettività, dawn il-fatturi huma rilevanti:

-           jonqos il-piż tal-fornituri tad-dejta kemm jista' jkun billi ssir armonizzazzjoni tal-formati u tal-iskadenzi tal-ippjanar, u jiżdiedu l-iskambju u d-disponibbiltà tad-dejta;

-           issir koordinazzjoni fil-ġbir tad-dejta ma' servizzi oħra tal-Kummissjoni;

-           issir koordinazzjoni tal-iżviluppi fl-istrumenti tal-ġbir tad-dejta, ħalli jeħfiefu l-kontroverifiki tal-kwalità fost il-bosta sorsi u bażijiet tad-dejta.

Dawn t'hawn fuq se jgħinu biex is-sorsi amministrattivi kollha disponibbli fis-settur tas-sajd jintużaw aħjar, l-aktar dawk ibbażati fuq il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza, li jintużaw b'mod komuni f'kull Stat Membru. Dawn is-sorsi jirrappreżentaw ċensiment sħiħ u m'għandu għalfejn jittieħed ebda kampjun statistiku. Apparti dawn t'hawn fuq, kull diskrepanza fil-kopertura tad-dejta tista' tissewwa bi stħarriġiet statistiċi "ad hoc" bħaċ-ċifri dwar l-impjiegi.

Setgħu jiġu nnotati xi diffikultajiet biex tinġabar dejta preċiża u dettaljata għal bastimenti artiġjanali minħabba l-ammont kbir ta' bastimenti u postijiet tal-iżbark. Din it-tip ta' flotta tieħu sehem f'attivitajiet li jvarjaw ferm skont l-istaġun. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' VMS jew ġurnal abbord jagħmluha itqal biex isir kontroll ta' dawn l-iżbarki

La r-rapporti dwar il-kwalità jsiru inqas frekwenti, naqas l-intrigu għall-Istati Membri. Id-dejta tibqa' tkun sors prezzjuż tal-informazzjoni biex titfassal il-politika u jitmexxew is-swieq fil-qafas tal-PKS.

Ħafna mill-Istati Membri diġà ħolqu s-sistemi tagħhom stess għall-kontroverifiki u t-twissijiet u dawn għenu biex ikunu evitati l-errors fl-informazzjoni li jagħtu sorsi differenti, skont ir-rekwiżiti l-ġodda tar-Regolamenti tal-Kontroll. F'dan ir-rigward, jeħtieġ issir aktar koperazzjoni bejn id-DĠ MARE u l-Eurostat fejn jidħol l-iskambju tal-fehmiet u l-esperjenzi fuq validazzjonijiet tad-dejta u l-iskambji tad-dejta ħalli jonqos ir-rappurtar doppju tal-Istati Membri.

Għandu jiġi nnotat ukoll li tjiebu l-kompletezza u l-puntwalità tal-kwestjonarji li saru meta mqabbla ma' rapporti preċedenti. Madankollu, dan ir-rapport jindika wkoll li hemm bżonn isir aktar titjib biex tissaħħaħ il-kwalità tad-dejta statistika dwar l-iżbark.

Il-Eurostat qed jippjana li jirrevedi r-rapport tiegħu tal-kwestjonarji tal-kwalità dwar l-istatistika tal-iżbarki ħalli jkun jista' jiġbor informazzjoni aktar preċiża dwar il-kwalità tas-sorsi amministrattivi li jużaw l-Istati Membri. Hu maħsub ukoll li jingħata aktar appoġġ tekniku lill-Istati Membri li jitolbuh lill-Eurostat.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Eurostat m'għandux il-kompetenza li jissorvelja l-informazzjoni li tidħol u li teżiġi l-Politika Komuni tas-Sajd. Se jitqiesu azzjonijiet konkreti biex titjieb id-dejta ħalli jgħinu biex jonqos il-piż tar-rispons fuq l-Istati Membri u jkun evitat ir-rappurtar doppju, u b'hekk isir l-aħjar użu tar-riżorsi tal-Kummissjoni. L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li jissemmew hawn fuq tista' tikkontribwixxi biex jitjieb il-proporzjon tal-użu kosteffettiv tad-dejta statistika u hi tikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 223/2009[5] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea.

[1]           Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009 p. 1).

[2]           Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1382/1991 tal-21 ta' Mejju 1991 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar il-qbid tal-prodotti tas-sajd fl-Istati Membri (ĠU L 133. 28.5.1991)

[3]           Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2104/93 tat-22 ta' Lulju 1993 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1382/91 dwar il-preżentazzjoni ta' informazzjoni dwar l-iżbarkar tal-prodotti tal-ħut fl-Istati Membri (ĠU L 191, 31.07.1993)

[4]           Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011).

[5]           Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' dejta soġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31/3/2009)