52014DC0222

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-Istat tas-Suq tat-Trasport bit-Triq tal-Unjoni /* COM/2014/0222 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-Istat tas-Suq tat-Trasport bit-Triq tal-Unjoni

1. Introduzzjoni

Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 dwar l-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija[1]:

"Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-istat tas-suq Komunitarju tat-trasport bit-triq sal-aħħar tal-2013. Ir-rapport għandu jkun fih analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq, inkluż evalwazzjoni tal-effettività tal-kontrolli, u l-evoluzzjoni tal-kondizzjonijiet tal-impjieg fil-professjoni, kif ukoll valutazzjoni dwar jekk l-armonizzazzjoni tar-regoli fl-oqsma, inter alia, tal-infurzar u tat-tariffi għall-utenti tat-toroq, kif ukoll il-leġislazzjoni soċjali u dwar is-sigurtà, ipprogressawx tant li jkun previst aktar ftuħ tas-swieq tat-trasport bit-triq domestiku, inkluż il-kabotaġġ."

Dan ir-rapport iwieġeb għal din it-talba. Jiġbor flimkien evidenza minn diversi studji[2], u juża l-istatistika dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq miġbura mill-Eurostat[3], kif ukoll l-informazzjoni dwar ir-regoli soċjali[4] fit-trasport tal-merkanzija bit-triq miġbura mill-Istati Membri. Dan ir-rapport jibbaża wkoll fuq ir-Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp tas-Suq tat-Trasportaturi Stradali tal-UE tad-19 ta' Ġunju 2012[5]. Iqis ukoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati li saret qabel u wara l-abbozzar tar-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli. Fl-aħħar nett, isegwi l-identifikazzjoni mill-Kummissjoni tal-bżonn għal reviżjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009 u (KE) Nru 1072/2009 skont l-eżerċizzju REFIT[6].

2. Żvilupp tas-Suq tat-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq 2.1. L-Attività tat-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq

It-trasport tal-merkanzija bit-triq huwa l-mezz ewlieni ta' trasport intern fl-UE, li kif jidher fil-Grafika 1, jammonta għal aktar minn 70 % tal-attività kollha ta' trasport intern. L-użu totali tat-toroq fit-trasport intern tal-merkanzija baqa' pjuttost stabbli matul l-aħħar għaxar snin.

 

Grafiki 1 u 2: Qasma Modali fit-Trasport Intern tal-Merkanzija fl-UE27 fl-2012 (xellug); Trasport tal-Merkanzija bit-Triq fl-UE27 fl-2012 skont it-Tip ta' Trasport (lemin). Sors: Eurostat, DĠ MOVE.

Fl-2012, it-trasport bit-triq fl-UE27 iġġenera qrib l-1 700 biljun tunnellata-kilometru, madwar 4 % inqas mill-2004 u bejn wieħed u ieħor 13 % inqas mis-sena kruċjali tal-2007.

L-operazzjonijiet nazzjonali ta' trasport imwettqa minn vetturi rreġistrati domestikament jammontaw għal madwar żewġ terzi tal-attivitajiet kollha ta' trasport. L-operazzjonijiet nazzjonali ta' trasport imwettqa minn vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor (li huwa kabotaġġ) jammontaw biss għal kemxejn aktar minn 1 % tal-attività totali ta' trasport. Is-sehem tal-operazzjonijiet internazzjonali ta' trasport żdied matul l-aħħar għaxar snin, minn 30 % tal-attivitajiet kollha tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-2004 għal 33 % fl-2012. Dan huwa sinjal ta' suq uniku dejjem aktar integrat fl-UE. Erba' minn kull ħames attivitajiet internazzjonali ta' trasport jitwettqu minn vetturi li huma rreġistrati fl-Istat Membru tat-tagħbija jew fl-Istat Membru tal-ħatt. Waħda minn kull ħames attivitajiet titwettaq minn vetturi li huma rreġistrati f'pajjiż terz (jiġifieri kummerċ bejn pajjiż u ieħor), li jfisser li kien hemm żieda mill-2004 peress li l-ammont ta' vetturi rreġistrati kien ta' madwar waħda minn kull tmienja. Is-sehem tal-kummerċ bejn pajjiż u ieħor fl-attivitajiet kollha ta' trasport tal-merkanzija bit-triq żdied minn 4 għal 7 % bejn l-2004 u l-2012 (ara wkoll il-Grafika 2 ta' hawn fuq).

Peress li l-kummerċ bejn pajjiż u ieħor żdied b'aktar minn 80 % bejn l-2004 u l-2012, dan ifisser li huwa l-aktar segment li ra żieda fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Dan jibbenefika mill-fatt li l-attivitajiet internazzjonali ta' trasport huma kompletament illiberalizzati fl-UE. Anke l-attivitajiet ta' kabotaġġ żdiedu (b'madwar 50 %) iżda għadhom relattivament baxxi. Il-kabotaġġ huwa ddefinit fir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 bħala "trasport nazzjonali għall-kiri jew għall-kumpens imwettaq fuq bażi temporanja fi Stat Membru ospitanti". Dan huwa limitat għal tliet operazzjonijiet ta' kabotaġġ fis-sebat ijiem ta' wara t-trasport internazzjonali. Iż-żieda b'saħħitha fl-attivitajiet ta' kabotaġġ hija parzjalment minħabba t-tneħħija fl-2009 u fl-2012 ta' restrizzjonijiet tranżitorji speċjali fuq it-trasportaturi mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li ssieħbu mal-UE fl-2004 u fl-2007 rispettivament.

Kif jidher fil-grafiki 3 u 4, f'termini assoluti, it-trasportaturi tal-UE-15[7] għadhom iwettqu l-maġġoranza tal-kabotaġġ (51 %), l-aktar fl-Istati Membri ġirien tal-Istat Membru ta' reġistrazzjoni tal-vettura. L-aktar swieq importanti ta' kabotaġġ huma s-swieq kbar tat-trasport li jinsabu fiċ-ċentru (il-Ġermanja u Franza). F'seba' mill-aqwa għaxar Stati Mmebri ospitanti għall-kabotaġġ, il-maġġoranza tal-kabotaġġ jitwettaq minn vetturi rreġistrati f'pajjiż tal-UE-15. It-trasportaturi tal-UE-12 huma marbuta li jwettqu relattivament aktar attivitajiet ta' trasport barra s-swieq domestiċi tagħhom peress li s-swieq nazzjonali tagħhom ta' trasport tal-merkanzija bit-triq huma pjuttost żgħar. Franza waħedha għandha aktar attività nazzjonali ta' trasport tal-merkanzija bit-triq mit-12-il Stat Membru kollha li ssieħbu mal-UE fl-2004 u l-2007.

  

Grafiki 3 u 4: Kabotaġġ fl-UE fl-2012 skont l-Oriġini tal-Vettura (xellug) u skont il-Pajjiż Ospitanti (lemin). Sors: Eurostat, DĠ MOVE.

Fl-2012, madwar 15 % tal-attività totali ta' trasport tal-merkanzija bit-triq kienet ta' trasport proprju u l-85 % li jifdal kienet f'isem ħaddieħor. L-attivitajiet ta' trasport f'isem ħaddieħor jitwettqu mis-settur ta' trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE kif definiti fl-istatistiċi tan-negozju filwaqt li l-attivitajiet ta' trasport proprju jitwettqu minn setturi ekonomiċi oħra għall-finijiet tagħhom stess. L-operazzjonijiet ta' trasport proprju huma aktar importanti fit-trasport nazzjonali milli f'dak internazzjonali.

Bħala regola ġenerali, l-operazzjonijiet ta' trasport proprju mhumiex aċċessibbli għall-operaturi attivi fil-kabotaġġ jew f'kummerċ bejn pajjiż u ieħor. L-operazzjonijiet ta' trasport f'isem ħaddieħor biss huma rilevanti f'dan il-kuntest. Għaldaqstant, ir-rata ta' penetrazzjoni ta' kabotaġġ tqis biss is-segment tas-suq li jirreferi għat-trasport f'isem ħaddieħor. Id-dejta tal-Eurostat tissuġġerixxi li fl-2012 il-medja ta' vetturi barranin fl-UE-27 kienet tammonta għal 2,5 % tas-suq totali ta' trasport nazzjonali f'isem ħaddieħor, filwaqt li l-vetturi domestiċi jirrappreżentaw is-97,5 % li jifdal.

Filwaqt li ġie ssuġġerit li d-dejta tal-Eurostat ma tqisx biżżejjed il-livelli attwali ta' kabotaġġ, ir-rapporti ta' infurzar mill-Istati Membri ma jurux livelli għolja ta' kabotaġġ mhux identifikat (ara t-taqsima 4.2). Barra minn hekk, l-istatistika tal-Eurostat hija l-aktar dejta komprensiva u komparabbli disponibbli, peress li hija r-riżultat ta' ġabra ta' dejta uffiċjali mwettqa mill-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika u rrappurtata lill-Eurostat skont l-istandards miftiehma.

2.2. Struttura tal-Kumpanija u Impjiegi

Is-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE jikkonsisti f'madwar 600 000 intrapriża, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma żgħar, b'daqs medju ta' erba' impjegati għal kull kumpanija. Dan in-numru baqa' stabbli matul dawn l-aħħar snin, bi 80 % tal-kumpaniji li għandhom inqas minn 10 impjegati, filwaqt li 99 % għandhom inqas minn 50 impjegat. Fl-2011, is-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq impjega madwar tliet miljun persuna. Ta' min jinnota li dawn iċ-ċifri jkopru biss kumpaniji u persuni attivi fit-trasport tal-merkanzija bit-triq f'isem ħaddieħor, u b'hekk mhumiex inklużi dawk li jwettqu trasport proprju. Xejra fuq medda twila ta' żmien turi li l-burdnara u l-integraturi tal-merkanzija (jiġifieri, persuna jew kumpanija li torganizza vjaġġi għal partijiet terzi) għandhom rwol dejjem akbar fl-organizzazzjoni ta' dawn il-movimenti.

Matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, naqsu l-marġni ta' profitt kemm fis-settur tal-loġistika kif ukoll fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. L-operazzjonijiet li jħallu inqas profitt qed jiġu subkuntrattati dejjem aktar lil negozji żgħar, u dan wassal għal żieda fil-konnessjonijiet tal-katina tal-loġistika[8]. Ħafna kumpaniji ta' trasport jitqiesu vulnerabbli mil-lat tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom (sa terz mill-kumpaniji Franċiżi ta' trasport tal-merkanzija bit-triq skont il-Banque de France[9]).

Madankollu, l-ostakli pjuttost baxxi ta' dħul biex wieħed iniedi kumpanija ta' trasport ifissru li l-kumpaniji li joħorġu mis-suq b'mod regolari, jerġgħu jidħlu fih jew jiġu mibdula b'impriżi ġodda. Minkejja l-klima ekonomika xejn favorevoli, l-għadd ta' liċenzji tal-Komunità maħruġa pereżempju fi Spanja, żdied bejn l-2010 u l-2012 (minn qrib is-26 000 fl-aħħar tal-2010 għal aktar minn 27 000 fl-aħħar tal-2012). Dan juri n-natura reżiljenti tas-settur, li jidher li jadatta ruħu malajr għall-bidliet u l-iżviluppi ekonomiċi.

Xi partijiet interessati[10] ddikjaraw li l-kompetizzjoni maħluqa minn trasportaturi mill-Istati Membri b'bażi tal-kost iktar baxx u li joperaw fi swieq domestiċi permezz tal-kabotaġġ, waslet għal telf ta' xogħlijiet. Din id-dikjarazzjoni mhix appoġġata bid-dejta disponibbli fir-rigward tal-impjiegi fis-settur. L-impjiegi fis-settur ta' trasport tal-merkanzija bit-triq żdiedu mill-2005 sal-2011, b'ċertu tnaqqis li seħħ mill-2009 sal-2010. Għalkemm hemm bżonn ta' aktar riċerka dwar il-firxa tat-telf ta' xogħlijiet fil-livell ta' Stat Membru, l-ewwel konklużjoni tindika li dan it-tnaqqis huwa marbut mal-kriżi ekonomika flimkien mal-età medja għolja tas-sewwieqa. Fl-2011, iċ-ċifri dwar l-impjiegi fis-settur ta' trasport tal-merkanzija bit-triq tal-UE27 laħqu, għal darba oħra, il-livelli ta' qabel il-kriżi. Għaldaqstant, l-ebda evidenza oġġettiva ma tindika li l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ, li jirrappreżentaw perċentwal żgħir ħafna tat-trasport domestiku, kellhom impatt notevoli fuq ix-xogħlijiet tas-sewwieqa tat-trakkijiet.

2.3. Żviluppi fil-Produttività 2.3.1. Produttività tax-xogħol

Kif jidher fit-Tabella 1, il-produttività tax-xogħol fis-settur tat-trasport bl-art hija inqas mill-medja tal-ekonomija totali u l-inqas fost il-mezzi kollha ta' trasport. Barra minn hekk, dan huwa l-uniku mezz ta' trasport li fih qed tonqos il-produttività. Hemm bżonn ta' aktar informazzjoni ddettaljata dwar il-livelli ta' produttività fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Hemm bżonn ukoll ta' aktar riċerka biex jiġi ddeterminat l-impatt tal-kompetizzjoni fuq il-livelli ta' produttività tax-xogħol fit-trasport tal-merkanzija bit-triq. Studji li twettqu f'setturi differenti juru li fl-ekonomija inġenerali, il-produttività tax-xogħol hija ogħla f'segmenti miftuħa għall-kompetizzjoni internazzjonali (f'dan il-każ, it-trasport internazzjonali) milli f'dawk li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma magħluqa għall-kompetizzjoni internazzjonali (f'dan il-każ, it-trasport nazzjonali). Il-livelli ta' produttività jistgħu jkunu sa 15 % inqas f'setturi li mhumiex miftuħa għall-kompetizzjoni internazzjonali[11]. Għalhekk, sabiex ikun hemm żidiet simili fil-produttività, wieħed jista' jistenna l-ftuħ tas-swieq ta' trasport tal-merkanzija bit-triq għall-kompetizzjoni internazzjonali.

Wara l-kriżi ekonomika, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rreġistraw tnaqqis fil-produttività. Dan huwa konsistenti mal-iżviluppi fl-ekonomija tal-UE matul dak il-perjodu. Matul tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, il-produzzjoni ekonomika tonqos aktar malajr mill-impjiegi u dan iwassal għal tnaqqis fil-produttività. L-ekonomija tal-UE inġenerali rreġistrat żieda baxxa ħafna ta' 0,6 % fil-produttività matul il-perjodu 2008-11[12]. Għad hemm differenzi kbar fil-livelli ta' produttività tax-xogħol bejn l-Istati Membri, li jirriżultaw f'differenzi fil-livelli tal-prezzijiet fl-istess Stati Membri.

|| || Trasport bl-Art || Trasport bl-Ilma || Trasport bl-Ajru || Ħżin, attivitajiet ta' appoġġ || Settur tat-Trasport || Ekonomija totali

Produttività tax-xogħol, 2010 || EUR għal kull persuna impjegata || 45 000 || 144 000 || 63 000 || 67 000 || 55 000 || 49 000

Tkabbir medju annwali fil-produttività tax-xogħol, 2001/2010 || % || -0,2 || +7,5 || +3,2 || +1,2 || +1,0 || +0,9

Tabella 1: Produttività tax-Xogħol fis-Settur tat-Trasport u fl-Ekonomija Inġenerali. Sors: Il-Kontijiet Nazzjonali tal-Eurostat u l-Istatistika Strutturali tan-Negozju.

2.3.2. Produttività tal-vetturi

Minħabba żbilanċi fil-flussi ta' trasport u l-prattiki tal-loġistika, huwa inevitabbli li fit-trasport tal-merkanzija bit-triq isiru vjaġġi mingħajr tagħbija. Dawn il-vjaġġi għandhom jitnaqqsu kemm jista' jkun, minħabba l-effetti mhux mixtieqa tal-vjaġġi mingħajr tagħbija fuq il-konsum tal-fjuwil, l-emissjonijiet tad-CO2 u l-ispejjeż. Il-livelli tal-vjaġġi mingħajr tagħbija naqsu kemxejn matul dawn l-aħħar snin minħabba (żieda kajmana fl-effiċjenza) li bil-mod il-mod qed tiżdied l-effiċjenza fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta' trasport. Minkejja dan, fl-2012, kważi kwart (23,2 %) tat-total ta' vetturi-km b'merkanzija tqila fl-UE kienu jinvolvu vettura mingħajr tagħbija[13]. Għalkemm ma teżisti l-ebda evidenza statistika affidabbli dwar il-livell ta' tagħbija ta' vetturi oħra, huwa mistenni li hemm għadd sostanzjali ta' vetturi li huma parzjalment mgħobbija.

Il-livelli tal-vjaġġi mingħajr tagħbija jibqgħu għoljin fl-attivitajiet nazzjonali ta' trasport. Ir-rata tal-vjaġġi mingħajr tagħbija għat-trasportaturi domestiċi li jwettqu trasport nazzjonali hija kemxejn aktar minn 25 %. Madankollu, f'każ ta' trakkijiet barranin li jagħmlu vjaġġi nazzjonali fi Stat Membru ieħor minbarra dak li jkunu rreġistrati fih, din ir-rata tiżdied għal madwar 50 %. Vetturi speċjalizzati (bħal prodotti ffriżati ttrasportati fi trakkijiet refriġerati, likwidi ttrasportati f'tankijiet jew skart ittrasportat minn vetturi għall-ġbir tal-iskart) ta' spiss ikunu mgħobbija parzjalment jew mingħajr tagħbija minħabba d-diffikultà li jsibu vjaġġi bir-ritorn għal vjaġġi speċjalizzati. Madankollu, il-vjaġġi ta' kabotaġġ normalment jinvolvu merkanzija ġenerali ttrasportata bi trejlers jew kontejners li għandhom il-purtieri fil-ġnub. Għalhekk, il-livell għoli ta' vjaġġi mingħajr tagħbija probabbilment mhuwiex minħabba d-diffikultà li tinstab tagħbija bir-ritorn, peress li hija disponibbli aktar faċilment fit-trasport ġenerali. Għaldaqstant, l-operaturi tat-trasport jidhru li huma limitati bir-restrizzjonijiet applikabbli għall-operazzjonijiet ta' kabotaġġ u ma jistgħux jorganizzaw l-operazzjonijiet ta' trasport tagħhom b'mod effiċjenti.

Analiżi tal-livelli tal-vjaġġi mingħajr tagħbija fis-segmenti differenti tas-suq turi li s-segmenti li huma esposti għall-kompetizzjoni, jiġifieri t-trasport internazzjonali, (il-kummerċ bejn pajjiż u ieħor u t-trasport tal-merkanzija internazzjonali u bilaterali) għandhom livelli aktar baxxi ta' vjaġġi mingħajr tagħbija[14] minn segmenti tas-suq li għadhom suġġetti għal restrizzjonijiet operattivi, kif jidher fil-Grafika 5.

Grafika 5: Sehem ta' Vetturi-km Mingħajr Tagħbija fit-Total ta' Vetturi-km skont it-Tip ta' Trasport fl-2012. Skont dejta provduta fl-2012 minn 21 pajjiż fost is-27 pajjiż tal-UE (l-ebda dejta disponibbli minn BE, IT, CY, MT, RO u UK). Sors: Eurostat, DĠ MOVE.

L-impatt pożittiv tal-ftuħ tas-suq dwar il-livelli ta' tagħbija jidher ukoll fl-effett tat-tneħħija ta' restrizzjonijiet għall-aċċess fuq trasportaturi mill-Istati Membri li ssieħbu mal-UE fl-2004 u l-2007. Meta fl-2009 u l-2012 tneħħew ir-restrizzjonijiet ta' kabotaġġ imposti fuqhom, is-sehem tagħhom ta' vetturi-km mingħajr tagħbija naqas b'mod sinifikanti (ara l-Grafika 6 ta' hawn taħt). Madankollu, ma jidhirx li r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 kellu impatt pożittiv fuq il-livelli ġenerali tal-vjaġġi mingħajr tagħbija f'sitwazzjonijiet ta' kabotaġġ. Qabel l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009, f'diversi Stati Membri kienu stabbiliti dispożizzjonijiet aktar permissivi[15]. Wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta' kabotaġġ tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 f'Mejju tal-2010, il-livell ġenerali tal-vjaġġi mingħajr tagħbija waqt vjaġġi f'pajjiżi barranin naqas b'rata ħafna inqas mgħaġġla minn qatt qabel u baqa' għoli kważi d-doppju tal-livell ta' vetturi domestiċi fit-trasport nazzjonali. Għalkemm għandhom jitqiesu żviluppi oħra bħall-kriżi ekonomika, dan għandu jissuġġerixxi li r-restrizzjonijiet attwali dwar l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ qed jillimitaw it-trasportaturi fiż-żieda ulterjuri tal-effiċjenza tagħhom. Għalhekk, il-ftuħ ulterjuri tas-suq jista' jkun mistenni li jnaqqas b'mod raġonevoli l-livelli tal-vjaġġi mingħajr tagħbija fit-trasport domestiku. Madankollu, il-potenzjal għat-tnaqqis fil-livelli tal-vjaġġi mingħajr tagħbija għandu jiġi vvalutat fid-dawl tar-riskju tad-domanda tat-trasport bit-triq, li jista' jinħoloq jekk iż-żieda fl-offerta tat-trasport bit-triq tiskatta tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tat-trasport bit-triq[16]. F'każijiet bħal dawn, is-settur tat-trasport tal-Istati Membri b'livelli ogħla ta' spejjeż jista' jiġi affettwat ħafna iktar, anke permezz ta' bidla modali. Minkejja dan, ta' min jinnota li t-tnaqqis fil-prezzijiet tat-trasport bit-triq ikun ta' benefiċċju għall-utenti tas-servizzi tat-trasport u għall-konsumaturi[17].

Fatturi oħra jistgħu jgħinu biex inaqqsu l-emissjonijiet ġenerali tad-CO2 u jtejbu l-effiċjenza tal-fjuwil tal-vetturi, inkluż l-iżvilupp ta' metodoloġiji ta' kejl tad-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil, bħal dik li se tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni li jmiss dwar strateġija għat-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 f'vetturi b'merkanzija tqila.

Grafika 6: Evoluzzjoni tas-sehem ta' vetturi-km mingħajr tagħbija fi vjaġġi li jsiru f'pajjiżi barranin bejn l-2007 u l-2012 minn grupp ta' Stati Membri fejn il-vettura kienet irreġistrata. Skont dejta provduta fl-2012 minn 20 pajjiż fost is-27 pajjiż tal-UE fl-2012 (l-ebda dejta disponibbli minn BE, IT, CY, LU, MT, RO u UK). Sors: Eurostat, DĠ MOVE.

3. Evoluzzjoni tal-Istrutturi tal-Ispejjeż fis-Settur tat-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq 3.1. Fatturi ta' Spiża: Ħarsa ġenerali

Il-livelli tal-ispejjeż huma wieħed mill-fatturi ewlenin li jiddeterminaw il-kompetittività fis-settur ta' trasport tal-merkanzija bit-triq. Fatturi oħra jinkludu l-ispeċjalizzazzjoni u l-kwalità tas-servizz. Filwaqt li wħud minn dawn l-ispejjeż huma marbuta mill-qrib mal-Istat Membru tal-istabbiliment, (b'mod partikolari l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni u ż-żamma tal-vettura, it-tassazzjoni tal-kumpanija u l-ispiża tal-kapital) oħrajn huma varjabbli u dipendenti fuq l-Istat Membru tal-operazzjoni (it-tariffi għall-utenti tat-toroq jew it-taxxi fuq il-fjuwil). Minħabba l-eżistenza ta' kumpens ibbażat fuq id-distanza u leġiżlazzjoni nazzjonali li f'ċerti każijiet jistgħu jwasslu għall-allinjament tal-pagi mal-istandards minimi fl-Istat Membru tal-operazzjoni[18], l-ispejjeż tax-xogħol jistgħu, sa ċertu punt, jingħaddu ma' din il-kategorija. Bil-fjuwil, ix-xogħol huwa wieħed miż-żewġ fatturi ewlenin ta' spiża għas-sewwieqa fis-settur ta' trasport tal-merkanzija bit-triq. Sabiex tiġi ddeterminata l-influwenza tal-possibbiltà ta' ftuħ tas-suq ulterjuri fuq l-istruttura tas-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, jeħtieġ li tiġi mqabbla l-istruttura tal-ispejjeż tal-industrija fl-UE kollha. L-armonizzazzjoni tal-istrutturi u l-livelli tal-ispejjeż la huma objettiv tal-politiki tal-UE u lanqas kompetenza tal-UE. Madankollu, ġie allegat li l-ftuħ tas-suq jista' jwassal għal riżultati mhux iġġustifikati jekk il-pressjoni kompetittiva twassal għal nuqqas ta' konformità mar-regoli soċjali, bħall-ħin ta' sewqan u l-perjodi ta' mistrieħ, li min-naħa tagħhom joħolqu riskju għas-sikurezza stradali. Dan it-tip ta' żvilupp imur kontra l-għanijiet tal-politika tal-UE dwar it-trasport.

L-istrutturi tal-ispejjeż qed isiru dejjem aktar simili fis-settur kollu tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. L-importanza relattiva taż-żewġ fatturi ewlenin tal-ispejjeż (l-ispejjeż tax-xogħol u tal-fjuwil) laħqet livelli kumparabbli mal-UE kollha. Filwaqt li fl-2004 l-ispejjeż tax-xogħol kienu jirrappreżentaw minn 10 % sa 30 % tal-ispejjeż totali tal-Istati Membri li ssieħbu mal-UE fl-istess sena, dawn kibru b'tali mod li saru jirrappreżentaw minn 20 % sa 40 % tal-ispejjeż f'dawn l-Istati Membri. F'termini assoluti, l-ispejjeż tax-xogħol fl-Istati Membri li ssieħbu mal-UE fl-2004 u l-2007 għadhom inqas minn dawk tal-Istati Membri tal-UE-15, iżda din id-differenza qiegħda tonqos b'mod konsistenti. Il-varjazzjonijiet tal-ispejjeż relatati mal-fjuwil ivarjaw minn 24 % sa 38 % tal-ispejjeż totali.

Grafika 7: Tqassim tal-Ispejjeż tat-Trasportaturi minn Ċerti Stati Membri. Sors: "Collection and Analysis of Data on the Structure of the Road Haulage Sector in the European Union", AECOM, 2013.

Barra minn hekk, l-armonizzazzjoni baqgħet għaddejja f'oqsma oħra ta' kompetenza tal-UE b'influwenza fuq spejjeż operattivi ta' impriżi ta' trasport tal-merkanzija bit-triq, bħal nollijiet tat-triq. Dawn l-iżviluppi huma spjegati aktar fid-dettall fit-taqsima 6 ta' dan id-dokument.

3.2. Żviluppi fl-Ispejjeż tax-Xogħol

Ir-remunerazzjoni fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ġeneralment tinqasam f'komponenti differenti tal-ispejjeż. Il-pagi ta' kull xahar huma ffissati fir-rigward tal-pagi minimi jew tal-ftehim kollettiv[19]. Il-livelli medji tal-pagi jvarjaw skont it-tip ta' trasport (nazzjonali jew internazzjonali) li jitwettaq, b'rati għat-trasport internazzjonali ogħla minn dawk għat-trasport nazzjonali. Barra minn dawn il-varjazzjonijiet, ġeneralment jiżdiedu forom oħra ta' remunerazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-livelli tal-pagi, bl-iktar komuni jkunu s-sussidji ta' kuljum (per diems) u l-bonuses ibbażati fuq id-distanza[20]. Minħabba l-importanza tal-ispejjeż tax-xogħol fl-istrutturi tal-ispejjeż tat-trasportaturi operattivi, id-differenzi fil-livelli tal-pagi jistgħu jħallu impatt fuq il-prattiki ta' negozju fis-settur. Kumpaniji jistgħu jgħaddu l-attivitajiet tagħhom lil Stati Membri oħra b'inqas spejjeż tax-xogħol. Jekk jitwettqu f'konformità mar-rekwiżiti tal-istabbiliment stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009, il-prattika tad-delokalizzazzjoni tal-attivitajiet tista' tikkontribwixxi għall-flussi ta' investiment transfruntiera u ssaħħaħ l-integrazzjoni tas-suq ta' trasport tal-UE. Madankollu, ċerti każijiet ta' delokalizzazzjoni (bħall-każijiet fejn l-attività titwettaq biss fi Stat Membru wieħed minbarra dak tar-reġistrazzjoni) jistgħu jkunu sinjal ta' evitar intenzjonat ta' taxxi u tariffi tax-xogħol.

Għalkemm is-sitwazzjoni tas-swieq individwali trid tiġi vvalutata f'aktar dettall, hemm indikazzjonijiet li l-livell ta' differenzi fil-pagi qed jonqos b'tali mod li jittaffa r-riskju ta' mġiba illegali[21]. Minkejja dan, iridu jitkomplew l-isforzi biex jitjieb l-infurzar. Filwaqt li għad fadal xi differenzi, il-livelli assoluti tal-ispejjeż tax-xogħol qed jiżdiedu b'rata aktar mgħaġġla fl-Istati Membri li ssieħbu mal-UE fl-2004 u l-2007. Meta jitqiesu l-elementi kollha ta' remunerazzjoni, il-pagi tas-sewwiqa Rumeni fit-trasport internazzjonali jidhru li qed jilħqu l-istess livelli tat-trasportaturi Spanjoli (EUR 4-5/fis-siegħa)[22]. Kif jidher fil-Grafika 8, dawn l-evoluzzjonijiet huma konformi mal-konverġenza tal-livelli medji tal-pagi fl-UE. B'riżultat ta' dan, id-differenzi fil-livelli tal-pagi fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq huma paragunabbli mad-differenzi fil-pagi medji fl-UE u fl-ekonomija kollha. Il-Grafika ta' hawn taħt turi ż-żieda relattiva fil-pagi tal-ħaddiema mill-UE-12 mqabbla ma' dawk tal-UE-15.

Grafika 8: Evoluzzjoni tal-Indiċi tal-Kost Lavorattiv tal-Ekonomija tan-Negozju fl-Istati Membri tal-UE-15 u l-UE-12 mill-2004. Sors: Eurostat, DĠ MOVE.

Kif jidher hawn fuq, id-differenzi fil-livelli tal-pagi fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq huma l-istess bħad-differenzi medji fil-pagi bejn l-Istati Membri fl-ekonomija. Madankollu, wieħed għandu jinnota li dawn id-differenzi jista' jkollhom impatt akbar fuq il-kompetizzjoni ta' dan is-settur minħabba n-natura mobbli tal-attivitajiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Għall-kuntrarju ta' setturi oħrajn, is-servizzi ta' trasport jistgħu jiġu provduti fi Stati Membri oħra fuq bażi temporanja filwaqt li jinżammu parzjalment il-kundizzjonijiet tal-pagi tal-Istat Membru ta' residenza. Madankollu, teżisti leġiżlazzjoni tal-UE li f'xi każijiet iżżid il-protezzjoni tal-ħaddiema mhux residenti li jipprovdu servizzi fuq bażi temporanja fi Stati Membri oħra. Id-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjiegi tal-ħaddiema[23] tapplika għas-sewwieqa, jekk jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar l-obbligi kuntrattwali[24] jistabbilixxi l-kriterji ġenerali li jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali. F'ċerti każijiet, il-liġi li normalment tkun applikabbli għall-kuntratt tista' titwarrab, sabiex tinbidel bir-regoli obbligatorji skont it-tifsira tad-dritt internazzjonali privat li japplika fil-post fejn is-soltu jsir ix-xogħol (l-Artikolu 8).

3.3. Żviluppi fil-Livelli tal-Ispejjeż tal-Fjuwil

L-ispejjeż tal-fjuwil fl-UE segwew l-iżviluppi tal-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat fis-swieq internazzjonali u ma varjawx b'mod estensiv. Dan jista' jkun parzjalment minħabba l-armonizzazzjoni gradwali li qed iseħħ fit-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku fl-Unjoni Ewropea, li hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (id-'Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija')[25]. L-istruttura tad-dazji tas-sisa fuq il-fjuwil hija armonizzata: id-Direttiva tistabbilixxi, fost l-oħrajn, livelli minimi ta' taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija użati bħala fjuwil tal-magni. Madankollu, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu r-rati nazzjonali tagħhom ta' taxxa kif iridu huma. Ir-rati nazzjonali ta' taxxa jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. L-ispejjeż tal-fjuwil huma l-inqas fil-Lussemburgu u l-ogħla fir-Renju Unit.

Grafika 9: Spejjeż Tipiċi tad-Diżil għal kull 1,000 Litru skont l-Istat Membru (Jannar 2014). Sors: Il-Bulettin taż-Żejt tal-Osservatorju tas-Suq, 2014, il-Kummissjoni Ewropea, DĠ Enerġija.

3.4. Fatturi Oħra ta' Spiża

Barra minn dawn iż-żewġ fatturi ewlenin ta' spiża, il-kumpaniji ta' trasport tal-merkanzija bit-triq jidħlu fi spejjeż oħra bħal:

– Tariffi ta' darba relatati mal-istabbiliment tal-impriża (inklużi x-xiri u r-reġistrazzjoni tal-vetturi);

– Taxxi perjodiċi dwar is-sjieda jew iċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi;

– Taxxi li ġejjin mill-użu tal-vetturi (it-taxxa fuq l-introjtu, in-nollijiet tat-triq ibbażati fuq il-ħin jew fuq id-distanza).

Il-livell relattiv ta' dawn l-ispejjeż jista' jħalli impatt fuq l-imġiba tan-negozju. Differenzi sinifikanti fil-livelli tal-ispejjeż jistgħu jħeġġu każijiet ta' delokalizzazzjoni illegali, li min-naħa tagħhom, ipoġġu fi żvantaġġ il-kumpaniji li jobdu l-liġi. Għalkemm il-livelli ta' tassazzjoni u ta' tariffi għadhom ivarjaw, hemm indikazzjonijiet li l-ammont nett ta' tarffi mħallsa għal kull vettura qed jilħaq livelli simili fl-UE kollha.

Għad hemm differenzi fil-livelli tal-ispejjeż imposti fuq l-istabbiliment, fuq ir-reġistrazzjoni tal-vettura u fuq l-ispejjeż ta' ċirkolazzjoni. L-ispejjeż tal-istabbiliment ivarjaw minn spiża ta' darba ta' madwar EUR 40 fir-Repubblika Ċeka sa aktar minn EUR 1 000 fil-Bulgarija[26]. It-taxxi tal-vettura (kemm it-taxxi tar-reġistrazzjoni kif ukoll tas-sjieda) ivarjaw ukoll bejn l-Istati Membri. Il-varjazzjoni fil-livelli tat-tariffi ma timxix fuq id-differenzi bejn l-UE12 u l-UE15 li jistgħu jiġu identifikati fil-każ tal-ispejjeż tax-xogħol. Pereżempju, kif jidher fil-Grafika 10 ta' hawn taħt, it-taxxi annwali tal-vetturi jvarjaw fuq firxa ta' 1 sa 10. Fost l-ogħla 10 Stati Membri ta' taxxi annwali tal-vetturi, tlieta huma mill-UE-12 (ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Bulgarija).

Grafika 10: Taxxa Annwali tal-Vetturi (€) għal Taħlita Standard ta' Trattur/Semitrejler (2012), Sors: ACEA Tax Guide 2012.

Mingħajr ma ssir analiżi ddettaljata tal-livelli ta' differenza ta' kull komponent ta spiża, huwa interessanti li wieħed jinnota li minkejja dawn id-differenzi, il-livell medju ta' taxxi u tariffi fuq ir-rotot domestiċi ma jidhirx li jvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Skont il-kalkoli tal-OECD li jidhru fil-Grafika 10, l-ammont nett ta' tariffi mħallsa għal kull vettura-kilometru għandhom medja ta' EUR 0,18, b'varjazzjonijiet relattivament żgħar bejn l-Istati Membri. L-ogħla tariffi fl-UE jinġabru fil-Ġermanja (EUR 0,34vkm) u l-inqas fil-Bulgarija, il-Lussemburgu, il-Latvja, il-Litwanja u r-Rumanija (EUR 0,11/vkm).

Grafika 11: Ammont Nett ta' Tariffi Mħallsa għal kull Vettura-km (Trasport Domestiku tal-Merkanzija, 2012). Sors: "Road Haulage Charges and Taxes. Summary analysis and data tables 1998-2012", OECD 2013.

Dan jista' jkun parzjalment minħabba ż-żieda fl-użu mill-Istati Membri ta' tariffi għall-utenti tat-toroq ibbażati fuq it-territorju (kemm jekk huma vinjetti (vignettes) kif ukoll pedaġġi). Mill-adozzjoni u r-reviżjoni sussegwenti tad-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila[27], għadd dejjem jikber ta' Stati Membri daħlu fis-seħħ skemi ta' tariffi għall-utenti tat-toroq. F'kuntest ta' strutturi tal-ispejjeż konverġenti, it-trasportaturi tal-UE se jintalbu dejjem aktar biex itejbu l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizz tagħhom. Dan it-titjib se jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi tal-industrija tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, b'mod partikolari l-burdnara tal-merkanzija u l-industrija tal-bejgħ bl-imnut u permezz tagħhom tiżdied l-effiċjenza u l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE inġenerali.

4. Infurzar tad-Dispożizzjonijiet dwar l-Aċċess tas-Suq ta' Trasport tal-Merkanzija bit-Triq

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009[28] u 1072/2009 għandhom l-għan li jipprovdu l-impriżi b'aċċess ġust għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, inkluż il-forniment ta' kriterji addizzjonali għall-awtoritajiet ta' infurzar biex jivverifikaw il-konformità ma' dawn il-kundizzjonijiet. Huwa meħtieġ l-infurzar korrett ta' dawn ir-Regolamenti biex jiġi żgurat li l-kumpaniji attivi fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, ikunu affidabbli u jikkompetu fuq l-istess livell. Minkejja dan, l-infurzar ta' wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom jibqa' problematiku. Żewġ aspetti jiffurmaw partikolarment sors ta' diffikultà għat-trasportaturi u l-awtoritajiet ta' infurzar: id-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment stabbli u effettiv, fil-każ tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u dawk dwar il-kabotaġġ fil-każ tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009.

4.1. Infurzar tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 dwar l-aċċess tal-professjoni ta' operatur tat-trasport bit-triq ġabar flimkien diversi leġiżlazzjonijiet, bil-għan li jissimplifika u jissupplimenta l-infurzar tagħhom. Dan ir-Regolament daħħal fis-seħħ rekwiżiti addizzjonali, b'mod partikolari, kriterju dwar l-istabbiliment stabbli u effettiv għall-impriżi ta' trasport tal-merkanzija bit-triq, dispożizzjonijiet għal format uniku tal-liċenzji tal-Komunità, rekwiżiti speċifiċi għall-maniġers tat-trasport u aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-infurzar (b'mod partikolari permezz tal-interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq, ERRU).

Dawn il-bidliet ikkontribwixxew għal aktar armonizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-formati tal-liċenzji tal-Komunità. Madankollu, għad fadal xi jsir biex titlesta l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari permezz tal-interkonnessjoni sħiħa tal-ERRU. Xi rapporti puntwali juru wkoll li f'ċerti Stati Membri għadhom jeżistu l-hekk imsejħa 'letterbox companies' (jiġifieri, kumpaniji "stabbiliti" fi Stat Membru għal finijiet ta' taxxa, fejn ma jwettqux funzjonijiet amministrattivi jew attivitajiet kummerċjali, bi ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009). Din il-prattika mhijiex konformi mal-intenzjoni tal-leġiżlatur. Tali prattiki jiġu okkażjonalment dokumentati[29], iżda jibqgħu diffiċli biex jiġu kkwantifikati minħabba n-natura illegali tagħhom.

Dawn il-'letterbox companies' għadhom jeżistu minħabba d-differenzi fir-riżorsi u l-livelli ta' prijorità mogħtija għall-infurzar fl-Istati Membri kkonċernati. Dan jista' joħloq diffikultajiet għal Stati Membri oħra li jirrappurtaw dawn il-kumpaniji lill-Istati Membri ta' reġistrazzjoni, li jistgħu ma jkunux jiddependu fuq livell b'saħħtu ta' appoġġ mill-kontropartijiet tagħhom. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-infurzar tar-rekwiżit tal-'istabbiliment stabbli' huma dgħajfa[30]. Għalhekk, jidher li jeħtieġ ikun hemm aktar kooperazzjoni transfruntiera f'din iż-żona u infurzar aktar strett tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

4.2. Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009: Kwistjonijiet ta' Implimentazzjoni u Żviluppi Nazzjonali

L-awtoritajiet ta' infurzar l-istess bħat-trasportaturi jirrappurtaw differenzi fil-metodi użati biex jinfurzaw ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009. Dawn id-differenzi jistgħu jwaqqfu t-trasportaturi milli jieħdu azzjonijiet fis-swieq domestiċi ta' barra l-pajjiż. Minkejja tentattivi biex jiġu ċċarati t-termini tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009[31], għad fadal differenzi fl-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet. Il-Finlandja pereżempju, tqis li l-operazzjonijiet li jinvolvu waqfien frekwenti (li fihom trasportatur ineħħi parti minn tagħbija waħda f'destinazzjonijiet differenti, bħal sussidjarji tal-istess kumpanija) jinkludu diversi operazzjonijiet ta' trasport, filwaqt li f'pajjiżi oħra, l-operazzjonijiet li jinvolvu waqfien frekwenti jingħaddu bħala trasport uniku. L-awtoritajiet ta' infurzar tad-Danimarka jew tal-Finlandja jitolbu li t-trasportaturi jkunu kapaċi jiġġustifikaw immedjatament l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ fil-formola tal-kunsinna. Oħrajn jipprovdu t-trasportaturi bi ftit tal-ħin biex jiġbru din l-informazzjoni jekk ma tkunx disponibbli mal-ewwel, pereżempju f'każ li l-ittra tal-kunsinna ma tinġarrx mat-tagħbija.

Barra minn hekk, ċerti Stati Membri wrew tendenza li jillimitaw il-kundizzjonijiet li skonthom it-trasportaturi jistgħu jwettqu operazzjonijiet internazzjonali ta' trasport u ta' kabotaġġ permezz ta' mezzi regolatorji u prattiki ta' infurzar. Eżempji ta' dawn jinkludu diskriminazzjoni minn awtoritajiet ta' infurzar ta' vetturi li huma ta' sussidjarji ta' kumpaniji lokali stabbiliti fi Stat Membru ieħor jew l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet restrittivi għal tipi ta' prodotti li huma ttrasportati prinċipalment minn trasportaturi mhux residenti. Inizjattivi privati, tollerati mill-awtoritajiet, jikkontribwixxu biex jistigmatizzaw is-sewwieqa barranin. Fi Stat Membru wieħed, applikazzjoni tal-ismartphone biex jiġu mmonitorjati u lokalizzati t-trakkijiet irreġistrati barra l-pajjiż qed ikollha suċċess mas-sewwieqa lokali. Fuq perjodu twil ta' żmien, dawn l-inizjattivi regolatorji u privati jirriskjaw li jdgħajfu s-suq intern acquis fil-qasam tat-trasport u b'mod partikolari, it-titjib fl-effiċjenza li jirriżulta mill-ftuħ tas-suq għat-trasport transfruntier.

Ir-relevanza ta' dawn il-prattiki tidher dubjuża fid-dawl tal-livell baxx ta' ksur dokumentat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' kabotaġġ. Filwaqt li hemm tħassib fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' kabotaġġ illegali (jiġifieri l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ li jaqbżu t-tliet operazzjonijiet possibbli skont ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009, jew li ma jsirux wara trasport internazzjonali, jew aktar tard minn sebat ijiem wara trasport internazzjonali), b'mod ġenerali l-awtoritajiet ta' infurzar ma kinux kapaċi jissostanzjaw dawn id-dikjarazzjonijiet. Fl-Istati Membri fejn saru kontrolli estensivi ta' kabotaġġ, il-livelli ta' ksur kienu baxxi (1,7 % tal-vetturi kollha kkontrollati fil-każ tad-Danimarka[32]). Ksur ieħor, bħan-nuqqas ta' rispett tal-ħinijiet ta' sewqan li jħallu impatt kemm fuq il-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi kif ukoll fuq is-sikurezza, huma iktar komuni għall-awtoritajiet ta' infurzar.

Bħala konklużjoni, ir-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009 u 1072/2009 huma mifhuma, interpretati u applikati b'mod differenti fid-diversi Stati Membri. B'riżultat ta' dan, l-operaturi qed iħabbtu wiċċhom ma' geġwiġija ta' dispożizzjonijiet li jiswew il-flus u jfixklu, u li l-pakkett leġiżlattiv tal-2009 kellu inizjalment jelimina.

4.3. Reviżjoni tar-Regolamenti skont l-eżerċizzju REFIT

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Idoneità Regolatorja tal-UE ta' Diċembru 2012[33], il-Kummissjoni nediet il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), li għandu l-għan li jiċċara l-liġi tal-UE u jnaqqas il-piż regolatorju. L-eżerċizzju ta' analiżi li sar wara l-Komunikazzjoni identifika r-reviżjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009 u (KE) Nru 1072/2009 bħala prijorità. Is-simplifikazzjoni tar-Regolamenti tippermetti li l-uffiċjali ta' kontroll jinfurzaw dawn ir-Regolamenti b'mod aktar effiċjenti u uniformi, u b'hekk it-trasportaturi jiġu provduti b'interpretazzjoni konsistenti tar-Regolamenti u b'ambjent operattiv prevedibbli. Ir-reviżjoni se jkollha l-għan li tiċċara t-termini problematiċi tar-Regolamenti, jiġifieri d-definizzjoni tal-istabbiliment stabbli u effettiv fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u ta' kabotaġġ fir-Regolament (KE) Nru 1072/2009. Barra minn hekk, bl-infurzar tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 jistgħu jissaħħu aktar il-possibiltajiet ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri  Fl-aħħar nett, reviżjoni tista' ttejjeb l-infurzar tar-Regolamenti. L-introduzzjoni ta' aktar dispożizzjonijiet preskrittivi dwar il-frekwenza u l-modalitajiet tal-kontrolli tista' tgħin biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi li jeżistu fl-infurzar tar-Regolamenti. L-infurzar jista' jkun aktar effiċjenti billi jintużaw aħjar il-possibbiltajiet il-ġodda ta' kontroll tekniku, bħall-ġenerazzjoni l-ġdida ta' takografi diġitali.

5. Dimensjoni Soċjali tas-Settur tat-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tipprovdi kemm qafas ġenerali kif ukoll settorjali bil-għan li tiżgura s-sikurezza stradali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u l-kompetizzjoni mingħajr xkiel fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Dan il-qafas jinkludi r-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar il-ħin ta' sewqan u l-perjodi ta' mistrieħ[34] u d-Direttiva 2002/15/KE dwar il-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli[35]. Sabiex jiġi żgurat li dawn ir-regoli jiġu infurzati korrettament, dawn id-dispożizzjonijiet huma kompletati b'regoli dwar il-livelli minimi ta' kontroll (id-Direttiva 2006/22/KE[36]) u b'dispożizzjonijiet legali u tekniċi ddettaljati dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85[37]). Livell mhux biżżejjed ta' konformità ma' dawn ir-regoli jista' jwassal għal konsegwenzi negattivi. Dawn il-konsegwenzi jinkludu: degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tat-trasport bit-triq, żieda fir-riskji għas-sikurezza stradali u għal utenti oħra tat-triq u li jitpoġġew fi żvantaġġ l-impriżi konformi.

Qed jitkomplew l-isforzi biex jitjieb aktar l-infurzar ta' dawn id-dispożizzjonijiet. Dan jinkludi l-elaborazzjoni mill-Kummissjoni ta' noti ta' gwida u ta' kjarifika li jkunu disponibbli għall-Istati Membri u għall-partijiet interessati[38]. Madankollu, in-noti ta' gwida jibqgħu dokumenti mhux vinkolanti. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni ma tistax tagħti sanzjonijiet lill-Istati Membri li ma jsegwuhomx. L-elaborazzjoni ta' noti ta' gwida hija diffiċli (nota ta' gwida dwar il-'perjodu ta' 24 siegħa' għall-kalkolu tal-ħin ta' sewqan u l-perjodi ta' mistrieħ ilha tiġi diskussa għal aktar minn 4 snin u t-test tagħha għadu ma ġiex iffinalizzat). L-esperjenza twila tal-Istati Membri li japplikaw verament in-noti ta' gwida li ġew diskussi magħhom fil-kumitat relevanti turi wkoll differenzi sinifikanti.

Qed ikomplu l-isforzi fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-partijiet interessati. Il-proġett TRACE[39], li ħoloq kurrikulu komuni ta' taħriġ għall-uffiċjali ta' infurzar ta' mal-ġenb tat-triq, tlesta. Il-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport[40] identifikat il-promozzjoni tal-kwalità tax-xogħlijiet u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol bħala prijorità.

5.1. Kundizzjonijiet tax-Xogħol

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq huma diffiċli, kif jidher mil-livell baxx ta' attrattività tas-settur. Fost ir-raġunijiet għal dan insibu: in-natura mobbli tal-attivitajiet ta' trasport bit-triq u l-perjodi twal li persuna trid tqatta' 'l bogħod mill-bażi. Fatturi oħra ta' riskju identifikati mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa jinkludu: il-fatt li s-sewwieqa ta' spiss jaħdmu f'iżolament, il-ġestjoni li t-tagħbija trid tasal eżatt fil-ħin u d-domandi tal-klijenti li jwasslu għal pressjoni għolja fuq il-post tax-xogħol, il-ħidma f'siti ta' oħrajn, l-użu aktar frekwenti tat-telesorveljanza u ta' teknoloġija kumplessa, l-ippjanar tal-post tax-xogħol, l-aċċessibbiltà għal faċilitajiet u servizzi (iġjeniċi, tal-ikel u mediċi), ir-riskju ta' mard infettiv, il-vjolenza u l-attakki, il-qagħad ta' bilqiegħda għal żmien twil u l-espożizzjoni għall-vibrazzjoni, ir-riskji ta' aċċidenti meta jsiru t-tagħbija u l-ħatt u r-riskji ta' sikurezza stradali assoċjati ma' xogħol fit-traffiku[41]. L-istess rapport jidentifika s-sigħat tax-xogħol atipiċi fis-settur bħala fattur li jista' jkollu effetti negattivi fuq is-saħħa. Madankollu, madwar id-dinja kollha qed jonqsu l-aċċidenti li jinvolvu vetturi heavy-duty, filwaqt li qed titjieb il-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħin ta' sewqan u l-perjodi ta' mistrieħ[42].

Iż-żieda fil-prattiki ta' ġestjoni li t-tagħbija trid tasal eżatt fil-ħin, li żviluppat permezz ta' possibbiltajiet tekniċi ġodda li huma disponibbli fis-settur tal-loġistika, ifissru li s-sewwieqa huma suġġetti għal pressjoni biex jilħqu l-iskadenzi tal-kunsinni. Il-pressjoni fuq il-ħaddiema tat-trasport bit-triq titqies li żdiedet matul il-kriżi ekonomika li għaddejja bħalissa, u li l-partjiet interessati jemmnu li hija konnessa ma' diversi prattiki illegali bħall-eċċess tal-ħinijiet ta' sewqan, ir-remunerazzjonijiet ibbażati fuq il-prestazzjoni li jipperikolaw is-sikurezza stradali jew l-impjiegi indipendenti fittizji[43]. Il-kwistjonijiet soċjali ewlenin identifikati mill-partijiet interessati li jeħtieġu azzjoni leġiżlattiva futura huma stabbiliti fit-Tabella 2.

Kwistjoni || Grad ta' importanza

Skemi illegali/mhux ġusti ta' impjieg li joħolqu dumping soċjali (inklużi l-'letter-box companies') || *****

Nuqqas ta' infurzar u kontrolli || *****

L-armonizzazzjoni soċjali fl-Istati Membri tal-UE27 għad baqgħalha biex tinkiseb || ****

Operazzjonijiet illegali ta' kabotaġġ || ****

Il-kwalità tal-mistrieħ u tal-faċilitajiet iddedikati għal dan || ***

Ħin ta' sewqan u perjodi ta' mistrieħ || **

Tabella 2: Kwistjonijiet Identifikati mill-Partijiet Interessati li Jeħtieġu Azzjoni Leġiżlattiva Futura fir-Rigward tal-Kundizzjonijiet Soċjali u ta' Xogħol fis-Settur tat-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq. Sors: "Kundizzjonijiet Soċjali u tax-Xogħol tat-Trasportaturi tat-Trasport bit-Triq", il-Parlament Ewropew, 2013.

Il-kwistjonijiet enfasizzati mill-partijiet interessati fit-Tabella 2 huma marbuta mill-qrib mal-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) 1071/2009 u 1072/2009, għalkemm l-infurzar huwa kompetenza tal-Istati Membri. L-infurzar mhux sodisfaċenti ta' dawn id-dispożizzjonijiet imur lura għan-nuqqas ta' dispożizzjonijiet vinkolanti dwar l-għadd u l-frekwenza tal-kontrolli fiż-żewġ Regolamenti. In-nuqqas ta' dawn id-dispożizzjonijiet joħloq ukoll diffikultajiet għall-Kummissjoni biex timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dawn ir-Regolamenti. Għalhekk, jeħtieġ li dan tal-aħħar jitjieb bl-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet vinkolanti dwar l-infurzar.

Il-ħin ta' sewqan u l-perjodi ta' mistrieħ jibqgħu qasam ta' tħassib. Evoluzzjonijiet riċenti juru li qed titjieb il-konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti[44], filwaqt li għad hemm differenzi fil-prattiki ta' infurzar tal-Istati Membri[45]. Is-sehem tal-kontrolli mwettqa mal-ġenb tat-triq jew fil-bini tal-kumpanija għadu jvarja, l-istess bħas-sehem ta' jiem ta' xogħol ikkontrollati. Dan jirrifletti kemm id-differenzi fir-riżorsi ddedikati mill-Istati Membri għall-infurzar, kif ukoll id-differenzi fis-swieq ta' trasport (filwaqt li l-kontrolli fil-bini huma effettivi fi Stati Membri fejn huma aktar komuni l-kumpaniji kbar, il-kontrolli mal-ġenb tat-triq jistgħu jkunu aktar effettivi fi swieq dominati minn impriżi żgħar).

Riċerka li saret dan l-aħħar uriet ukoll li r-riskji relatati mal-kompetizzjoni tas-sigurtà soċjali huma limitati, minħabba ugwaljanza fl-ispejjeż tax-xogħol li mmodifikat il-produttività u l-armonizzazzjoni ta' għadd ta' standards tax-xogħol. Barra minn hekk, l-Istati Membri b'bażijiet ta' spejjeż aktar baxxi ma jidhrux li għandhom livelli inqas ta' infurzar fir-rigward tal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol. Għalhekk ma hemm l-ebda evidenza li n-nuqqas ta' rispett tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol se jwassal għal vantaġġ kompetittiv.[46] Madankollu, għad fadal xi jsir fil-bord biex jitjieb l-infurzar tal-leġiżlazzjoni soċjali transsettorjali fis-settur tat-trasport bit-triq.

5.2. Antiċipazzjoni tal-Bidla

Is-settur ta' trasport tal-merkanzija bit-triq diġà huwa affettwat b'għadd ta' bidliet ewlenin fuq perjodu twil; l-ewwel nett bin-nuqqas ta' sewwieqa li hemm bħalissa. Il-ħaddiema tat-trasport tal-merkanzija bit-triq huma popolazzjoni li qed tixjieħ, b'aktar minn 250 000 sewwieq li fil-Ġermanja biss mistennija jirtiraw fil-perjodu ta' bejn l-10 u l-15-il sena li ġejjin[47]. Dan, flimkien man-nuqqas ta' sewwieqa kwalifikati li diġà kien identifikat qabel il-kriżi ekonomika, se jaffettwaw bil-kbir il-possibbiltajiet ta' reklutaġġ tal-kumpaniji tat-trasport tal-merkanizija bit-triq. Ir-riżultati ta' dan in-nuqqas jistgħu diġà jinħassu f'ċerti Stati Membri, bħal-Latvja, fejn attwalment, ammont żgħir ta' sewwieqa qed jiġu reklutati minn pajjiżi terzi.

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa tenfasizza dwar il-fatt li n-natura tax-xogħol tat-trasportatur għaddejja minn bidla sħiħa. Iż-żieda fl-użu tat-teknoloġija hija fattur determinanti fit-trasport internazzjonali. Il-kompjuters abbord, it-takografi diġitali ta' ġenerazzjoni ġdida u apparat ieħor telematiku għandhom rwol importanti fl-organizzazzjoni tal-movimenti tat-traffiku u tal-verifika tal-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli. Titjib tekniku ieħor (sistemi ġodda ta' propulsjoni u sistemi awtomatiċi tal-awtostrada) se jbiddel ukoll il-kontenut tax-xogħol tas-sewwieqa. Flimkien maż-żieda fl-età medja tas-sewwieqa, dan se joħloq ħtiġijiet ġodda ta' taħriġ għas-sewwieqa. Filwaqt li t-tagħlim tul il-ħajja għandu jitqies bħala prijorità, għandu jiġu addattat ukoll il-kurrikulu tal-għalliema ta' sewqan.

Il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu tagħha mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati sabiex tantiċipa dawn il-bidliet. Il-Kumitat ta' Djalogu Soċjali tas-Settur jeżisti bħala għodda li tista' tintuża sabiex jiġu indirizzati b'mod proattiv dawn l-isfidi li ġejjin. Se jintlaqgħu kontribuzzjonijiet mis-sħab soċjali bil-għan li jiġi adottat kodiċi soċjali għall-ħaddiema mobbli tat-trasport bit-triq, kif imsemmi fl-Inizjattiva 8 tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport. Kif inhu enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni, il-kompetittività u s-sostenibbiltà fix-xena prinċipali[48], l-indirizzar tal-isfidi tas-suq tax-xogħol fil-qafas tad-djalogu soċjali huwa element ewlieni ta' politika industrijali kompetittiva u effiċjenti. Fil-kuntest tan-nuqqas futur ta' sewwieqa, għandhom jitħeġġu miżuri biex itejbu l-użu ta' vetturi (eżempju l-iffaċilitar tal-konsolidazzjoni tat-tagħbija u l-ippjanar tad-distribuzzjoni). Il-ftuħ tas-suq, li x'aktarx se jikkontribwixxi għal użu aktar effiċjenti tal-vetturi, jista' jgħin ukoll biex jiġi indirizzat dan in-nuqqas.

6. Żviluppi Regolatorji Oħra

Wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009, il-leġiżlatur tal-UE ħa passi biex ikun hemm aktar armonizzazzjoni tas-suq intern għat-trasport tal-merkanzija bit-triq billi jiġu adottati aktar miżuri leġiżlattivi, kif inhu enfasizzat hawn taħt. Fil-kuntest tal-ftuħ tas-suq, dawn l-iżviluppi jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq li jaffettwaw it-trasportaturi tal-UE.

6.1. Nollijiet tat-Triq

Id-Direttiva 1999/62/KE, kif emendata bid-Direttiva 2006/38/KE ġiet immodifikata ulterjorment bid-Direttiva 2011/76/UE. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-Istati Membri li se jwaqqfu pedaġġi relatati mad-distanza u tariffi għall-utenti tat-toroq ibbażati fuq il-ħin (vignettes) għal vetturi b'merkanzija tqila (aktar minn 3,5 tunnellati) għall-użu ta' ċerta infrastruttura. Bl-emenda tal-2011, id-Direttiva integrat elementi li għandhom l-għan li jirriflettu aħjar il-prinċipju ta' 'min iniġġes iħallas', bħall-possibiltajiet għall-Istati Membri li jimponu tariffi fuq it-trasportaturi għall-impatt tal-vettura tagħhom fuq il-kwalità tal-arja u l-livelli tal-ħoss. Filwaqt li l-ebda Stat Membru ma għadu beda jinternalizza l-ispejjeż esterni, għadd dejjem akbar ta' Stati Membri qed jużaw forma ta' tariffi għall-infrastruttura:

•              Sistemi ta' vinjetti li daħlu fis-seħħ: il-Bulgarija, ir-Rumanija, l-Ungerija u l-Litwanja għandhom sistemi nazzjonali ta' vinjetti għat-trakkijiet. Ir-Renju Unit se jimplimenta sistema ta' vinjetti mill-1 ta' April 2014. L-Isvezja, id-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju u l-Lusemburgu jaħdmu bis-sistema kondiviża tal-'Eurovignette'.

•              Sistemi ta' vinjetti li qed jiġu żviluppati: fil-Latvja.

•              Sistemi ta' pedaġġi elettroniċi mifruxa man-netwerk kollu li daħlu fis-seħħ: fil-Ġermanja, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, is-Slovakkja, il-Polonja u l-Portugall. 

•              Sistemi ta' pedaġġi elettroniċi mifruxa man-netwerk kollu li qed jiġu żviluppati: fid-Danimarka, il-Belġju u Franza. Franza se tapplika biss it-tariffi għall-awtostradi eżistenti tal-Istat li ma għandhomx pedaġġi u għat-toroq nazzjonali, biex hekk iżżomm is-sistema attwali ta' pedaġġi b'ostakli fiżiċi għall-konċessjonijiet tal-awtostrada. 

•              Pedaġġi b'ostakli fiżiċi: jinkludu l-Irlanda, Franza, Spanja, l-Italja, is-Slovenja u l-Greċja. Għalkemm pajjiżi oħra għandhom sistemi manwali ta' pedaġġ fuq għadd żgħir ta' toroq, id-daqs tagħhom mhux sinifikanti. Fuq parti tan-netwerk, il-Polonja u l-Portugall għandhom ukoll pedaġġi b'ostakli fiżiċi, għalkemm huma kklassifikati li għandhom fis-seħħ sistemi ta' pedaġġi elettroniċi mifruxa man-netwerk kollu minħabba li din hija s-sistema primarja.

•              L-ebda pedaġġ: fil-Latvja, il-Finlandja, l-Estonja, Malta u Ċipru.

Barra minn hekk, qed isiru sforzi biex jiġi introdott is-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (EETS). L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-interoperabbiltà tal-EETS jinsabu fid-Direttiva 2004/52/KE[49], filwaqt li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/750/KE[50], li ddefiniet l-ispeċifikazzjonijiet tal-EETS, daħlet fis-seħħ f'Ottubru 2009. Bħalissa qed isiru sforzi dwar Servizzi Reġjonali ta' Pedaġġ Elettroniku bħala l-pass li jmiss għal kopertura madwar l-UE kollha.

6.2. Speċifikazzjonijiet tal-Vettura

Il-kriterji applikabbli għall-vetturi użati mit-trasportaturi tal-UE inbidlu b'mod sostanzjali mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009. Id-dħul fis-seħħ tal-istandard ta' emissjonijiet EURO VI f'Jannar 2013 (wara d-dħul fis-seħħ tal-istandards ta' emissjonijiet EURO V fl-2008) wassal għal tiġdid aktar mgħaġġel tal-flotta tal-vetturi kemm fl-UE15 kif ukoll fl-UE12, fejn l-età medja tal-vetturi li qed jintużaw hija ogħla[51]. B'mod ġenerali, il-vetturi li huma aktar moderni jintużaw għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq aktar milli għat-trasport domestiku tal-merkanzija bit-triq. Dan huwa parzjalment minħabba l-livelli aktar baxxi ta' pedaġġ applikati għat-tali vetturi u l-konsum aktar baxx ta' fjuwil, iżda wkoll minħabba l-ħtieġa li dawn il-vetturi jinbidlu b'mod regolari peress li jilħqu kilometraġġ għoli malajr.

Grafika 12: Tqassim skont l-età ta' vetturi b'merkanzija tqila użati mit-trasportaturi tal-UE27 fl-2012 (sehem fil-vettura-km totali f'%). Sors: Eurostat, DĠ MOVE.

Barra mill-adozzjoni tal-istandards tal-Euro, l-ispeċifikazzjonijiet tal-vettura se jiġu aktar armonizzati bl-adozzjoni ta' rekwiżiti Ewropej armonizzati għall-approvazzjoni tat-tip għal vetturi heavy-duty u t-trejlers tagħhom, li daħlu fis-seħħ fl-2012[52].

6.3. Sikurezza Stradali

Ir-rekords ta' sikurezza fl-UE, inklużi dawk ta' vetturi b'merkanzija tqila (HGV), qegħdin dejjem jitjiebu u ma juru l-ebda impatt negattiv wara l-adozzjoni fl-2009 tad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Kif wieħed jista' jara mit-Tabella ta' hawn taħt, l-aċċidenti li jinvolvu HGV u li jwasslu għal fatalitajiet naqsu fi kważi l-Istati Membri kollha kkonċernati.

2008 || 2009 || 2010 || Bidla fl-2010 fir-rigward tal-2008 (HGV)

HGV || Total || HGV bħala % tat-Total || HGV || Total || HGV bħala % tat-Total || HGV || Total || HGV bħala % tat-Total

Il-Belġju || 122 || 944 || 13 % || 117 || 944 || 12 % || 111 || 840 || 13 % || -9,0 %

Ir-Repubblika Ċeka || 169 || 1076 || 16 % || 163 || 901 || 18 % || 175 || 802 || 22 % || +3,6 %

Id-Danimarka || 62 || 406 || 15 % || 35 || 303 || 12 % || 36 || 255 || 14 % || -41,9 %

Il-Ġermanja || 625 || 4477 || 14 % || 536 || 4152 || 13 % || 534 || 3648 || 15 % || -14,6 %

L-Irlanda || 44 || 280 || 16 % || 22 || 238 || 9 % || 13 || 212 || 6 % || -70,4 %

Il-Greċja || 138 || 1553 || 9 % || 113 || 1456 || 8 % || 127 || 1258 || 10 % || -8,0 %

Spanja || 452 || 3099 || 15 % || 353 || 2714 || 13 % || 333 || 2479 || 13 % || -26,3 %

Franza || 596 || 4275 || 14 % || 502 || 4273 || 12 % || 552 || 3992 || 14 % || -7,4 %

L-Italja || 977 || 4725 || 21 % || 785 || 4237 || 19 % || 835 || 4090 || 20 % || -14,5 %

Il-Lussemburgu || 2 || 35 || 6 % || 2 || 48 || 4 % || 9 || 32 || 28 % || +350,0 %

Il-Pajjiżi l-Baxxi || 107 || 677 || 16 % || 95 || 644 || 15 % ||||||||

L-Awstrija || 107 || 679 || 16 % || 81 || 633 || 13 % || 97 || 552 || 18 % || -9,3 %

Il-Polonja || 1 155 || 5437 || 21 % || 952 || 4572 || 21 % || 947 || 3908 || 24 % || -18,0 %

Il-Portugall || 112 || 885 || 13 % || 120 || 840 || 14 % || 95 || 937 || 10 % || -15,2 %

Ir-Rumanija || 292 || 3061 || 10 % || 252 || 2796 || 9 % || 191 || 2377 || 8 % || -34,6 %

Is-Slovenja || 7 || 214 || 3 % || 12 || 171 || 7 % || 7 || 138 || 5 % || 0,0 %

Il-Finlandja || 106 || 344 || 31 % || 70 || 279 || 25 % || 92 || 272 || 34 % || -13,2 %

L-Isvezja || 72 || 397 || 18 % || 45 || 358 || 13 % ||||||||

Ir-Renju Unit || 380 || 2645 || 14 % || 287 || 2337 || 12 % || 282 || 1965 || 14 % || -25,8 %

Tabella 3: Fatalitajiet li Jinvolvu Vetturi b'Merkanzija Tqila (HGV) skont l-Istat Membru (2008 - 2010). Sors: "Traffic Safety Basic Facts 2012, Heavy Goods Vehicles and Buses", Osservatorju Ewropew għas-Sikurezza fit-Triq.[53]

Dan in-nuqqas jirriżulta parzjalment mit-tnaqqis fil-volumi ta' trasport tal-merkanzija li seħħ bejn l-2008 u l-2010 (-7 %). Madankollu, huwa probabbli li fatturi oħra kkontribwixxew ukoll għat-tnaqqis tar-rata ta' aċċidenti li jinvolvu l-HGVs, bħat-titjib tekniku tal-vetturi għal aktar infurzar tar-regoli tat-traffiku. L-adozzjoni ta' regoli għall-kooperazzjoni aħjar fir-rigward tal-infurzar ta' diversi regoli tat-traffiku[54] hija inizjattiva li ta' min wieħed isemmi f'dan ir-rigward. Wara tmiem il-perjodu ta' traspożizzjoni fis-7 ta' Novembru 2013, huwa mistenni li l-impatt sħiħ tagħha jinħass fix-xhur segwenti.

Din ix-xejra hija mistennija li tkompli peress li diversi proposti jinsabu attwalment fil-proċess leġiżlattiv li, meta jiġu adottati, se jikkontribwixxu għaż-żamma aħjar tal-vetturi eżistenti[55] u għat-tqegħid fis-suq ta' vetturi li huma aktar siguri għall-utenti vulnerabbli tat-triq[56].

6.4. Tassazzjoni fuq il-Fjuwil

Il-prodotti tal-enerġija, inkluż il-fjuwil kummerċjali huma suġġetti għad-Direttiva 2003/96/KE msemmija hawn fuq dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku. Fost l-oħrajn, din id-Direttiva tistabbilixxi livelli minimi ta' dazji tas-sisa fuq il-fjuwil. Fit-13 ta' April 2011[57], il-Kummissjoni adottat proposta biex tirrevedi din id-Direttiva. Jekk tiġi adottata, il-proposta se tallinja l-politiki ta' tassazzjoni fuq l-enerġija sabiex jirriflettu l-impatt ambjentali tal-fjuwils u ta' prodotti oħra tal-enerġija, u b'hekk jinħoloq inċentiv ieħor għat-trasportaturi biex jużaw vetturi aktar nodfa.

7. Konklużjonijiet 7.1. Sitwazzjoni tas-suq

L-iżviluppi ewlenin li jaffettwaw is-suq ta' trasport tal-merkanzija bit-triq sa mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 jikkonsistu f'xejriet ġenerali bħall-kriżi eknomika u t-tkabbir suċċessiv tal-UE. Għalkemm sal-2011 kien jidher li s-settur qiegħed jirkupra bil-mod il-mod mill-kriżi ekonomika, il-volumi tat-trasport reġgħu naqsu għal darba oħra, fid-dawl tal-iżviluppi fil-bqija tal-ekonomija. Xejriet ewlenin oħra li kienu preżenti qabel il-kriżi ekonomika għad għandhom rwol importanti fid-definizzjoni tal-movimenti tat-trasport, bħar-rwol dejjem akbar tal-burdnara tal-merkanzija u tal-fornituri ta' loġistika għal partijiet terzi biex jikkonsolidaw it-tagħbija u f'relazzjonijiet kuntrattwali mat-trasportaturi.

L-adozzjoni tal-pakkett tat-triq tal-2009 ikkontribwixxiet biex tipprovdi lit-trasportaturi u lill-infurzaturi bi standards komuni u kriterji għall-aċċess ta' xogħlijiet u għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Madankollu, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 huma diffiċli li jiġu applikati, b'mod partikolari dawk relatati mal-istabbiliment stabbli tal-impriżi ta' trasport tal-merkanzija bit-triq u mal-kabotaġġ. Barra minn hekk, il-geġwiġija tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li kellha tiġi eliminata fit-tfassil mill-ġdid tal-2009 qed terġa' titfaċċa, b'konsegwenzi detrimentali għas-settur intern tat-trasport bit-triq.

Fl-aħħar nett, fil-futur is-settur se jaffaċċja għadd ta' sfidi. Biex iwieġeb għal dawn l-isfidi, se jkun jeħtieġ li jtejjeb l-effiċjenza tiegħu. In-nuqqas ta' sewwieqa jittaffa permezz tal-kriżi iżda jibqa' sors ta' tħassib, b'mod partikolari għas-sewwieqa speċjalizzati. Fil-futur, dan se joħloq domandi ġodda ta' sewwieqa u kwalifiki, inkluż f'kuntest ta' tixjiħ tal-forza tax-xogħol. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tax-xogħol jibqgħu diffiċli fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, filwaqt li r-relazzjonijiet kuntrattwali huma kkaratterizzati għal darba oħra b'livell għoli ta' impjiegi indipendenti. Bl-ammont ta' sewwieqa disponibbli dejjem jonqos, il-kumpaniji jridu jnaqqsu l-livelli għolja ta' vjaġġi mingħajr tagħbija sabiex jużaw aħjar il-persunal tagħhom. It-tijib fl-effiċjenza tas-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq se jikkontribwixxi għall-kompetittività tal-ekonomija tal-UE inġenerali.

7.2. Konverġenza ta' indikaturi tas-suq

Bħal f'partijiet oħra tal-ekonomija, l-Istati Membri għandhom strutturi differenti tal-ispejjeż għas-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Għalkemm probbabilment qatt mhuma se jitneħħew għalkollox id-differenzi fl-ispejjeż, il-lakuna qiegħda kull ma tmur tonqos. It-trasportaturi involuti fit-trasport internazzjonali huma esposti għal spejjeż bħal tariffi tat-triq u spejjeż tal-fjuwil, li jiġu applikati fuq l-utenti irrispettivament mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tas-sewwieqa f'operazzjonijiet internazzjonali ta' trasport, fejn ġeneralment ir-remunerazzjonijiet ikunu ogħla, waslet għal żieda fil-livelli tal-pagi, b'mod partikolari f'dawk l-Istati Membri li ssieħbu mal-UE fl-2004 u l-2007. Il-bidla gradwali tal-livelli tal-ispejjeż iġġiegħel lit-trasportaturi jikkompetu fuq l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi, u b'hekk jibbenefikaw l-utenti tat-trasport fl-ekonomija kollha tal-UE. Madankollu, dan mhuwiex kompetenza tal-UE u lanqas għan tas-Suq Uniku biex jiġu bbilanċjati l-ispejjeż.

Barra minn hekk, saru xi żviluppi leġiżlattivi li qed iwasslu għal aktar armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet qafas fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Dawn jinkludu l-użu dejjem aktar ta' sistemi tat-tariffi tat-triq, armonizzazzjoni teknika addizzjonali u titjib fis-sikurezza tal-vetturi tat-trasport bit-triq, u aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE biex jindirizzaw ir-reati tat-traffiku. Dawn l-iżviluppi jillimitaw ir-riskju għas-sikurezza stradali li tista' toħloq żieda fil-pressjoni kompetittiva, b'mod partikolari fil-każ tal-ftuħ ulterjuri tas-suq.

Hemm skopiiet għall-armonizzazzjoni ulterjuri fl-infurzar tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq ta' trasport tal-merkanzija bit-triq, li għadhom differenti bejn l-Istati Membri. B'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta' kabotaġġ fir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 u dwar l-istabbiliment stabbli u effettiv fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 ma jidhrux li qed jiġu applikati b'mod uniformi. Dan iwassal biex it-trasportaturi jaħdmu f'kundizzjonijiet mhux ekwi u joħloq diffikultajiet għall-awtoritajiet ta' infurzar li huma responsabbli mill-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli. L-indirizzar ta' dawn in-nuqqasijiet se jgħin biex tiġi limitata d-delokalizzazzjoni illegali, li taffettwa b'mod negattiv il-kompetizzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

7.3. Il-passi li jmiss

Mill-elementi ta' hawn fuq jidher li għandha titqies riforma oħra biex tiċċara d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq ta' trasport tal-merkanzija bit-triq tal-UE. Riforma bbilanċjata, li tinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw l-applikazzjoni uniformi tar-regoli ta' aċċess għas-suq, tiċċara d-dispożizzjonijiet legali li l-Istati Membri u l-industrija jifhmu u japplikaw b'mod differenti. Regoli aktar ċari jipprovdu l-bażi għal kultura msaħħa ta' konformità u jillimitaw il-possibbiltajiet ta' frodi (fil-qasam fiskali jew soċjali). Din hija kundizzjoni sine qua non biex titjieb il-koerenza tal-infurzar li huwa mistenni minn Żona Unika Ewropea tat-Trasport. Ir-reviżjoni pjanata tar-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009 u (KE) Nru 1072/2009 skont l-eżerċizzju REFIT se tkun l-ewwel pass f'din id-direzzjoni.

Abbażi ta' miżuri xierqa ta' infurzar, ikun xieraq li ssir reviżjoni gradwali ta' xi restrizzjonijiet arkajki li għadhom jeżistu għall-aċċess tas-suq. Il-kundizzjonijiet għall-operazzjoni ta' kabotaġġ jillimitaw is-swieq li huma aċċessibbli għat-trasportaturi tal-UE, peress li s-swieq domestiċi jammontaw għal madwar żewġ terzi tal-volumi tat-trasport bit-triq. It-tneħħija gradwali ta' dawn ir-restrizzjonijiet tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv li qed joħolqu r-regoli kumplessi u mhux ċari ta' bħalissa. Barra minn hekk, dan se jippermetti li jkun hemm titjib fir-rigward tal-offerta u d-domanda tat-trasport. Kif uriet ir-riċerka, it-tnaqqis tar-restrizzjonijiet ta' kabotaġġ jista' jikkontribwixxi għal settur ta' trasport bit-triq aktar ekonomiku u effiċjenti fir-riżorsi, peress li dan jista' jwassal għal tnaqqis ta' vjaġġi mingħajr tagħbija u jkollu parti importanti fiż-żieda tal-ekonomija u tal-effiċjenza tal-fjuwil fis-settur. Inizjattivi oħra se jikkontribwixxu wkoll għal dan, bħall-Komunikazzjoni li jmiss li tinkludi strateġija għat-Tnaqqis tal-Konsum tal-Fjuwil u tal-Emissjonijiet tad-CO2 f'Vetturi b'Merkanzija Tqila.

Sabiex jiġi żgurat li d-dimensjonijiet ekonomiċi u dawk soċjali jimxu id f'id, se jkun meħtieġ li jitfasslu miżuri li għandhom l-għan li jġibu lura l-attrattività tal-professjoni u li jtejbu l-ambjent tax-xogħol tas-sewwieqa. Dan jinkludi miżuri dwar l-infurzar, il-kontroll u l-mitigazzjoni ta' frodi fiskali u soċjali, kif ukoll titjib fil-livelli u l-ħiliet ta' taħriġ. Dan se jkun ta' benefiċċju għall-ekonomija inġenerali u se jtejjeb l-attrattività tal-professjoni. Il-forniment tal-industrija b'forza tax-xogħol imħarrġa tajjeb ħafna u lesta għax-xogħol jgħin ukoll fit-tweġiba għan-nuqqas imminenti ta' sewwieqa. Barra minn hekk, għandu jitkompla x-xogħol biex jitjieb l-infurzar tad-dispożizzjonijiet soċjali tal-UE fit-trasport bit-triq, li jinkludi dawk relatati mal-ħin ta' sewqan u l-perjodi ta' mistrieħ.

Fil-każijiet kollha fejn l-istrumenti u l-miżuri attwali jew dawk maħsuba u li jissemmew f'dan ir-Rapport jinvolvu l-ipproċessar ta' dejta personali, dan irid isir f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE[58] dwar il-protezzjoni ta' dejta personali u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentawha.

Kif irrimarka l-President Barroso fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-11 ta' Settembru 2013: "Għandna suq uniku li jiffunzjona tajjeb fejn jidħlu l-prodotti, u qed naraw il-benefiċċji ekonomiċi ta' dan. Għandna bżonn nestendu l-istess formola lejn oqmsa oħrajn: fil-mobilità, il-komunikazzjoni, l-enerġija, il-finanzi u l-kummerċ elettroniku, biex insemmi biss xi ftit aspetti. Irridu nneħħu l-ostakli li jżommu lura lil kumpaniji u persuni dinamiċi. Jeħtieġ li nwettqu l-proġett li l-Ewropa tkun konnessa."

[1]               Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija, ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72-87.

[2]               B'mod partikolari "Collection and Analysis of Data on the Structure of the Road Haulage Sector in the European Union" (AECOM 2013); "Development and Implementation of Road Cabotage" (Il-Parlament Ewropew 2013); "Road Haulage Charges and Taxes. Summary analysis and data tables 1998-2012" (OECD 2013); "Kundizzjonijiet Soċjali u tax-Xogħol tat-Trasportaturi tat-Trasport bit-Triq" (Il-Parlament Ewropew 2013).

[3]               Għal raġunijiet ta' disponibbiltà tad-dejta, dan ir-rapport jiddiskuti l-iżviluppi fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-UE sal-2012 biss. Għaldaqstant, matul id-dokument kollu jirreferi għall-UE-27.

[4]               Jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta' mistrieħ tas-sewwieqa professjonali; Id-Direttiva 2006/22/KE dwar ir-rekwiżiti minimi għall-infurzar ta' dawn ir-regoli; Ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni u d-Direttiva 2002/15/KE dwar il-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema mobbli.

[5]               Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp tas-Suq tat-Trasportaturi Stradali tal-UE, immexxi mill-Prof Bayliss, Ġunju 2012.

[6]               L-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Ir-Riżultati u l-Passi li Jmiss, COM (2013) 685 finali

[7]               "UE-15" tirreferi għall-Istati Membri tal-UE qabel l-1 ta' Mejju 2004; l-Istati Membri li ssieħbu mal-UE fl-2004 u l-2007 huma inklużi fl-"UE-12".

[8]               "Collection and Analysis of Data on the Structure of the Road Haulage Sector in the European Union", AECOM, 2013.

[9]               "Panorama économique et financier du transport routier en France", Banque de France, 2012.

[10]             Pereżempju, l-ETF (European Transport Federation - il-Federazzjoni Ewropea tat-Trasport), id-DTL (Danish Transport and Logistics Association - l-Assoċjazzjoni Daniża dwar it-Trasport u l-Loġistika) u l-FNTR (French National Federation for Road Transport - il-Federazzjoni Nazzjonali Franċiża għat-Trasport bit-Triq).

[11]             Danmarks Produktivitet – Hvor er problemerne?, Produktivitets Komissionen, 2013

[12]             L-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa tal-2012, il-Kummissjoni Ewropea.

[13]             Din it-taqsima tuża ċifri miġbura mill-Eurostat, iżda l-miżuri tal-fatturi ta' tagħbija ta' vetturi jistgħu jvarjaw skont it-tip ta' tagħbija ttrasportata. Il-fatturi ta' tagħbija huma limitati wkoll minn fatturi esterni bħall-piżijiet u d-dimensjonijiet tal-vettura. Ara wkoll: Beladingsgraad van gewicht en volume. Het vergelijken van lood met veren, Transport en Logistiek Nederlands, 2013.

[14]             Cabotage en CO2-reductie, Notitie met een eerste verkenning naar de potentiële reductie van CO2 door cabotage, Kennisinstituut voor Mobiliteitsbeleid (2010).

[15]             L-Italja ppermettiet li t-trasportaturi jwettqu kabotaġġ fit-territorju tagħha għal massimu ta' 15-il ġurnata fix-xahar, li jinkludu mhux aktar minn ħamest ijiem konsekuttivi kull darba. Ir-Renju Unit adotta interpretazzjoni ta' kabotaġġ bħala attività 'temporanja' li skontha trasportatur għandu jkun kapaċi jagħti prova li l-vettura tiegħu qed tħalli t-territorju tar-Renju Unit minn tal-inqas darba f'xahar. Fl-1998, il-Greċja ffissat limitu għall-kabotaġġ ta' xahrejn fis-sena, li nbidel fis-sena 2000 permezz ta' ċirkolari li tneħħi kull limitu ta' ħin għall-kabotaġġ u li minflok hija bbażata fuq definizzjoni ta' kabotaġġ bħala attività li mhix permanenti, frekwenti, regolari jew kontinwa. B'żieda ma' ċerti kundizzjonijiet oħra, il-vetturi kienu mitluba jħallu t-territorju tal-Greċja minn tal-inqas darba fix-xahar. It-tentattiv tal-2002 ta' Franza li tillimita l-attivitajiet ta' kabotaġġ għal ġimgħa kull darba, ġie rrifjuat mill-Kummissjoni peress li tqies bħala sproporzjonat.

[16]             Skeda informattiva Nru 4/1, ASSIST - Valutazzjoni tal-impatti soċjali u ekonomiċi tal-politika, tal-passat u tal-futur, dwar it-trasport sostenibbli fl-UE.

[17]             Onderzoek naar de gevolgen voor Nederland van het verder vrijgeven van cabotage, Policy Research Corporation in opdracht van Ministerie van Infrastructuur en Milieu, 2013.

[18]             Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi, ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1-6; Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6-16.

[19]             F'Lulju tal-2013, 21 pajjiż mit-28 Stat Membru tal-UE (kollha ħlief id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Italja, Ċipru, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja) kellhom leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi paga minima skont l-istatut jew bi ftehim intersettorjali nazzjonali. Il-ftehim kollettiv huwa stabbilit f'dawk l-Istati Membri li ma jistabbilixxux paga minima, għalkemm dan il-ftehim kollettiv jista' japplika biss għal ċerti impriżi (bħal dawk li huma membri tal-Kmamar tal-Kummerċ) u jista' jvarja minn reġjun għal ieħor ta' Stat Membru partikolari.

[20]             Skont ir-Regolament (KE) Nru 561/2006, is-sussidji bbażati fuq id-distanza huma illegali jekk huma ta' natura li jipperikolaw is-sikurezza stradali.

[21]             Auch zu Hause wird gut verdient - Deutscher Arbeitsmarkt für bulgarische und rumänische LKW-Fahrer wenig attraktiv, Deutsche Verkehrszeitung, it-28 ta' Jannar 2014.

[22]             "Collection and Analysis of Data on the Structure of the Road Haulage Sector in the European Union", AECOM, 2013.

[23]             Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi, ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

[24]             Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

[25]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku, ĠU L 283, 31.10. 2003, p. 51.

[26]             "Collection and Analysis of Data on the Structure of the Road Haulage Sector in the European Union", AECOM, 2013.

[27]             Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi, kif immodifikata bid-Direttiva 2006/38/UE u bid-Direttiva 2011/76/UE.

[28]             Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE, ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51.

[29]             Din l-attività ta' spezzjoni fl-impjiegi ta' ħaddiema fit-trasport bit-triq: gwida għall-awtoritajiet ta' kontroll. Rapport finali tal-proġett TRANSPO, Marzu 2012 www.tagliacarne.it/download/229.html

[30]             Skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009: "Sal-31 ta’ Diċembru 2014, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli minn tal-inqas kull ħames snin biex jivverifikaw li l-impriżi jissodisfaw [ir-rekwiżiti meħtieġa għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' operatur ta' trasport bit-triq]".

[31]             "The new cabotage regime under Regulation (EC) No 1072/2009, Questions & Answers". Il-Kummissjoni Ewropea, 2011 http://ec.europa.eu/transport/modes/road/haulage/doc/qa_the_new_cabotage_regime_2011.pdf

[32]             http://ekstrabladet.dk/112/article2107804.ece, għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ara: http://www.ft.dk/samling/20121/almdel/TRU/spm/464/svar/1050069/1244171/index.htm?/samling/20121/almdel/TRU/spm/464/svar/1050069/1244171/index.htm

[33]             L-Idoneità Regolatorja tal-UE (COM(2012)746)

[34]             Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.

[35]             Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq, ĠU L 80, 23.3.2002, p.35.

[36]             Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam ma' attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE, ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35.

[37]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal-20 ta' Diċembru 1985 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq, ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8.

[38]             http://ec.europa.eu/transport/modes/road/social_provisions/driving_time/guidance_notes_en.htm

[39]             http://www.traceproject.eu

[40]             Il-White Paper "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti", COM(2011)144 finali

[41]             "OSH in figures: Occupational safety and health in the transport sector — An overview", l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, 2011.

[42]             "Overview and Evaluation of Enforcement in the EU Social Legislation for the Professional Road Transport Sector", il-Parlament Ewropew, 2012.

[43]             "Kundizzjonijiet Soċjali u tax-Xogħol tat-Trasportaturi tat-Trasport bit-Triq", il-Parlament Ewropew, 2013.

[44]             "Report on the implementation in 2009-2010 of Regulation (EC) No 561/2006 on the harmonisation of certain social legislation relating to road transport and of Directive 2002/15/EC on the organisation of the working time of persons performing mobile road transport activities", SWD(2012) 270 finali.

[45]             "Overview and Evaluation of Enforcement in the EU Social Legislation for the Professional Road Transport Sector", il-Parlament Ewropew, 2012.

[46]             "Kompetizzjoni Soċjali fl-UE: Fantażiji u Realtajiet", Notre Europe - l-Istitut Jacques Delors, 2013.

[47]             ZF-Zukunftsstudie Fernfahrer. Der Mensch im Transport- und Logistikmarkt, Institut für Nachhaltigkeit in Verkehr und Logistik, Stuttgart 2012.

[48]             COM(2010)614 finali.

[49]             Id-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq fil-Komunità, ĠU L 166, 30.4.2004, p. 124.

[50]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/750/KE tas-6 ta' Ottubru 2009 dwar id-definizzjoni tas-Servizz Elettroniku Ewropew tan-Nollijiet u l-elementi tekniċi tiegħu, ĠU L 268, 13.10.2009, p. 11-29.

[51]             Bħala medja, nofs il-vetturi-km kollha misjuqa mit-trasportaturi tal-UE15 huma minn vetturi li għandhom massimu ta' 5 snin. Is-sehem korrispondenti għat-trasportaturi tal-UE12 huwa qrib terz (32 %). Il-flotta użata għal operazzjonijiet internazzjonali ta' trasport ġeneralment hija iżgħar minn dik użata għal operazzjonijiet nazzjonali ta' trasport. Ma hemmx differenzi kbar fl-età medja tal-vetturi minn kwalunkwe Stat Membru użati fit-trasport internazzjonali.

[52]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 tat-12 ta' Diċembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għall-mases u d-dimensjonijiet tal-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 353, 21.12.2012, p. 31-79.

[53]             Xi Stati Membri ma ppreżentaw l-ebda dejta komparabbli u għalhekk ma jidhrux. Dawn l-Istati Membri huma l-Bulgarija, l-Ungerija, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, is-Slovakkja, Malta u Ċipru. L-Isvezja u l-Pajjiżi l-Baxxi ma ppreżentawx dejta għall-2010.

[54]             Id-Direttiva 2011/82/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-25 ta' Ottubru 2011 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinarju ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, ĠU L 288, 5.11.2011, p. 1-15.

[55]             Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li jħassar id-Direttiva 2009/40/KE, (COM(2012) 380 final).

[56]             Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/53/KE tal-25 ta' Lulju 1996, li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali, (COM(2013) 195 finali).

[57]             Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/96/KE li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, (COM(2011) 169/3).

[58]             Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.