RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja /* COM/2014/0217 final */
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL,
LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
L-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja
1.
Introduzzjoni
Fid-9 ta' Lulju 2013
il-Kunsill iddeċieda li l-Latvja ssodisfat il-kundizzjonijiet
neċessarji biex tadotta l-euro u li d-deroga tagħha milli
tipparteċipa fil-munita unika kellha tiġi abrogata b'effett
mill-1 ta' Jannar 2014[1]. Il-Latvja
segwiet il-prattika tal-Istati Membri kollha li adottaw l-euro wara l-ewwel
mewġa tal-bidla (1999-2002) u użat l-hekk imsejjaħ xenarju ta'
bidla “big-bang”, jiġifieri karti tal-flus u muniti tal-euro kisbu status
ta’ valuta legali fil-jum tal-adozzjoni tal-euro[2].
Perjodu ta’ ġimagħtejn ta’ ċirkolazzjoni doppja, li matulu kemm
il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro kif ukoll tal-lats Latvjani
ċċirkolaw b’mod parallel, ippermetta l-irtirar gradwali tal-flus
kontanti lats. Din il-bidla b'suċċess għal darb'oħra
kkonfermat li perjodu qasir ta' ċirkolazzjoni doppja huwa suffiċjenti
jekk il-bidla tkun imħejjija sew[3].
Il-maġġoranza l-kbira tal-Latvjani (79 %) raw il-bidla
bħala waħda mingħajr xkiel u effiċjenti[4]. Wara
ż-żewġ rapporti tal-Kummissjoni dwar it-tħejjijiet
prattiċi tal-bidla għall-euro fil-Latvja[5], dan
ir-rapport ikopri l-aspetti l-aktar importanti tal-proċess tal-bidla minn
perspettiva ex post li tiffoka fuq it-tħejjijiet għall-bidla
tal-flus kontanti, il-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja, il-miżuri
meħuda biex jiġu evitati l-prattiki abbużivi tal-prezzijiet u
l-perċezzjonijiet żbaljati tal-prezzijiet, ix-xejriet tal-prezzijiet
u l-perċezzjonijiet tal-prezzijiet u l-komunikazzjoni dwar l-euro. Fejn
ikun rilevanti, ir-rapport jistabbilixxi wkoll ir-rakkomandazzjonijiet
tal-Kummissjoni dwar l-azzjoni ulterjuri possibbli li għandha
tittieħed mill-awtoritajiet Latvjani u jiġbed konklużjonijiet li
jistgħu jkunu ta’ valur għal bidliet fil-futur.
2.
Il-bidla
2.1.
Tħejjijiet għall-bidla tal-flus kontanti
Il-bidla
tal-flus kontanti aktarx tikkostitwixxi l-aktar element viżibbli tal-bidla
tal-munita minħabba li tinvolvi prattikament l-istituzzjonijiet
finanzjarji, in-negozji u ċ-ċittadini kollha. Il-ġestjoni
mingħajr xkiel u effiċjenti ta’ din l-operazzjoni tiddependi fuq
provvista adattata ta’ euro fi flus kontanti lill-partijiet kollha involuti u
fuq li l-banek u n-negozji jkunu mħejjija sew għall-volum kbir ta’
xogħol żejjed. 400 miljun
munita tal-euro li għandhom in-naħat nazzjonali tal-Latvja kienu
ffabbrikati fi Staatliche Münzen Baden-Württemberg (Stuttgart,
il-Ġermanja), wara sejħa għall-offerti. Madwar 110 miljun
karta tal-euro ta’ diversi denominazzjonijiet kienu mislufa mid-Deutsche
Bundesbank. Il-banek u
l-impriżi ġew ipprovduti b'suċċess bi flus kontanti
tal-euro qabel tmiem l-2013. Il-provvista minn qabel lill-istituzzjonijiet ta’
kreditu beda fl-1 ta’ Novembru 2013. Is-subprovvista regolari
minn qabel lill-klijenti ewlenin tal-banek kummerċjali beda fl-10
ta' Diċembru 2013, filwaqt li klijenti korporattivi
iżgħar li użaw subprovvista minn qabel issimplifikat
ingħataw il-flus kontanti mis-27 ta' Diċembru 2013.
L-uffiċċji postali rċevew il-flus kontanti tal-euro permezz ta'
subprovvista minn qabel minn Citadele Bank. Il-valur totali ta’ karti tal-flus
u muniti tal-euro forniti minn qabel kien ta’ EUR 283,2 miljun. 800 000
kitt tal-bidu li fihom taħlita tad-denominazzjonijiet kollha tal-muniti
tal-euro Latvjani (valur: EUR 14,23 għal kull kitt), jiġifieri
bejn wieħed u ieħor kitt wieħed għal kull unità domestika,
ġew disponibbli għall-pubbliku ġenerali mill-10 ta’
Diċembru 2013, permezz tal-banek kummerċjali,
l-uffiċċji tal-posta u l-fergħat tal-bank ċentrali Latvjan,
il-Bank tal-Latvja. Sal-1 ta’ Jannar 2014, inbiegħu
mas-644 000 kitt tal-bidu. Meta wieħed iħares lura, fil-każ
tal-Latvja, ir-regola ġenerali standard fiż-żona tal-euro li
bejn wieħed u ieħor jenħtieġ kitt wieħed tal-bidu
għal kull unità domestika, kienet wisq ottimista. Mill-1 ta’
Jannar 2014, il-kitts tal-bidu li jifdal jistgħu jinxtraw minn
kolletturi u kumpaniji ta’ bejgħ tal-muniti. 95,000 kitt speċifiku
għall-bejjiegħa bl-imnut (kull wieħed fih EUR 200) kienu
disponibbli mill-10 ta’ Diċembru 2013, u xi 70,000 kitt minnhom
inbiegħu sal-1 ta’ Jannar 2014. Diversi banek kummerċjali
ħejjew ukoll kitts tal-bidu individwali aġġustati mad-domanda
medja tal-klijenti kummerċjali tagħhom. Fuq l-isfond ta’
żieda fir-riskju ta' sigurtà, ġie żviluppat pjan ta' azzjoni ta'
sigurtà li jipprevedi miżuri li jżidu s-sikurezza ta’ trasport
tal-flus kontanti mis-settur tal-flus kontanti fi tranżitu
(Cash-in-Transit - CIT) matul il-proċess tal-bidla. Ġie stabbilit
pjan ta’ azzjoni ddedikat biex jindirizza l-possibbiltà ta' kundizzjonijiet
ħżiena tat-temp. Ftit ġimgħat qabel u wara l-bidla,
il-pulizija tal-Istat pprovdew skorti mingħajr ħlas għall-vetturi
tat-trasport tal-flus kontanti tal-Bank tal-Latvja, il-banek kummerċjali u
l-kumpaniji tal-flus kontanti fi tranżitu. Partikolarment
fl-aħħar jiem ta’ Diċembru 2013, il-banek kummerċjali
u l-uffiċċji postali kellhom jittrattaw ammonti
eċċezzjonalment kbar ta’ flus kontanti. Sabiex tiġi
ffaċilitata l-loġistika tal-irtirar tal-muniti lat, il-kumpaniji
tas-CIT u l-banek kummerċjali ngħataw kontenituri mobbli standard
biex jintużaw għall-ġbir, il-ħażna u t-trasportazzjoni
tal-muniti. Is-settur
bankarju Latvjan jinkludi 25 bank bi 371 fergħa, li minnhom 19-il bank bi
321 fergħa jipprovdu servizzi tal-flus kontanti. Biex ikun
iffaċilitat il-proċess tal-bdil, xi banek estendew is-sigħat
tagħhom tax-xogħol fl-aħħar ġimgħat tas-sena.
Il-banek kummerċjali se jipprovdu servizzi ta' skambju ta’ flus kontanti
bla limitu mingħajr ħlas sat-30 ta' Ġunju 2014. Lejn
l-aħħar ta' Settembru 2013, il-Bank tal-Latvja flimkien
mal-Federazzjoni ta’ Min Iħaddem tal-Latvja offrew sessjonijiet ta'
taħriġ għal dawk li jimmaniġġjaw il-flus kontanti u
għall-kontabilisti dwar il-flus kontanti tal-euro b’mod ġenerali u
l-karatteristiċi ta' sigurtà b’mod partikolari. Għal dawn
is-sessjonijiet ta’ taħriġ kienu preżenti, b’mod partikolari,
il-bejjiegħa bl-imnut u l-impjegati tal-uffiċċju tal-posta.
L-impjegati tal-banek ingħataw taħriġ speċifiku minn min
iħaddimhom dwar il-prinċipji ġenerali tal-introduzzjoni tal-euro
u l-implikazzjonijiet tagħha fuq is-servizzi bankarji kif ukoll fuq
id-disponibbiltà tas-servizzi bankarji għall-ħabta tal-1 ta'
Jannar 2014. Sabiex jittejjeb
l-aċċess għas-servizzi tal-iskambju tal-flus, b'mod partikolari
fiż-żoni rurali, Latvijas Pasts (il-Posta Latvjana) se tieħu
sehem attiv ukoll fl-iskambju tal-flus. Is-servizzi għall-iskambju
tal-flus kontanti qed jiġu offruti lill-pubbliku ġenerali fit-302
uffiċċji postali sal-31 ta’ Marzu 2014 (jistgħu jiġu
estiżi sa massimu ta’ tliet xhur oħra). Skont
stħarriġ tal-Kummissjoni li sar fl-aħħar ta'
Diċembru 2013[6],
proporzjon kbir taċ-ċittadini Latvjani diġà kellhom xi flus
kontanti tal-euro qabel il-bidla: 43 % kellhom il-karti tal-flus tal-euro
(56 % minn vjaġġ barra mill-pajjiż, 46 % minn skambju
f'bank fil-Latvja) u 60 % kellhom il-muniti tal-euro (57 % minn
vjaġġ barra mill-pajjiż u 48 % minn kitt tal-bidu). Il-bidla fil-flus kontanti fil-Latvja kienet waħda mħejjija sew u organizzata. Il-banek u n-negozji u ċ-ċittadini kienu fornuti sew bil-flus kontanti tal-euro qabel il-bidla. Fid-dawl tal-esperjenza Latvjana, l-istima standard għan-numru ta’ kitts tal-muniti li għandhom jiġu prodotti għall-pubbliku ġenerali għandha tiġi riveduta ‘l isfel.
2.2.
Il-perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja
Il-perjodu ta’
ċirkolazzjoni doppja ta’ ġimagħtejn fejn l-euro u l-lats
Latvjani kienu qed jiċċirkolaw b’mod parallel skada fl-14 ta’
Jannar 2014. L-1,061 magna
awtomatika għall-ġbid tal-flus (ATMs) fil-Latvja kienu disponibbli
għall-irtirar tal-euro mis-1:00 ta' filgħodu fl-1 ta'
Jannar 2014. L-ATMs kienu mgħobbija bi flus kontanti tal-euro
(l-aktar bid-denominazzjonijiet ta’ EUR 10, 20 u 50) prinċipalment
fl-aħħar jiem ta’ Diċembru 2013. Id-denominazzjonijiet ta’
EUR 5 ġew disponibbli f'242 ATM mill-1 ta’ Jannar 2014 u
f’460 ATM oħra mill-14 ta’ Jannar 2014. F’nofs Jannar 2014,
id-denominazzjoni tal-EUR 5 tirrappreżenta terz tal-karti tal-flus
tal-euro maħruġin. It-terminals tal-punt tal-bejgħ inqelbu
awtomatikament għall-euro fl-1 ta’ Jannar 2014. Minnhom,
99,3 % bħalissa huma konformi maż-Żona Unika ta' Pagamenti
bl-Euro (SEPA). Il-klijenti tal-banek kienu mħeġġa jużaw
il-pagamenti elettroniċi iktar spiss b’mod partikolari fl-ewwel
ġranet wara l-1 ta' Jannar 2014. Matul il-perjodu ta’
ċirkolazzjoni doppja, il-karti ta’ pagament ġew użati f'6,6
miljun tranżazzjoni b’valur totali ta’ EUR 122 miljun. Meta mqabbel
ma’ Jannar 2013, l-użu ta’ pagamenti elettroniċi żdied
b’20-30 % f’Jannar 2014. Xi fergħat
tal-banek kif ukoll is-sitt punti ta' ħlas kollha tal-Bank tal-Latvja
kienu miftuħa għas-servizzi tal-flus kontanti fl-1 ta’
Jannar 2014. L-uffiċċji tal-posta li normalment ikunu
magħluqa nhar ta’ Sibt kienu miftuħa nhar is-Sibt 4 ta’ Jannar,
bil-ħsieb li jiffaċilitaw l-aċċess għall-iskambju
tal-flus kontanti għall-popolazzjoni, b’mod partikolari f’żoni remoti
u rurali. Permezz
tat-tħejjijiet bir-reqqa, il-banek u l-uffiċċji tal-posta
rnexxielhom ilaħħqu mal-volum ta' xogħol żejjed matul
il-perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja. Bosta banek skjeraw persunal
addizzjonali f’fergħat għal operazzjonijiet tal-flus kontanti.
Is-servizzi ta’ ġbir ta’ flus kienu proattivament ipprovduti
lill-bejjiegħa bl-imnut u lil klijenti kummerċjali oħra.
Ġew aġġustati l-faċilitajiet tal-għadd u
tal-ħażna fil-fergħat. Sad-9 ta’
Jannar 2014, xi EUR 120,15-il miljun kienu skambjati fl-akbar banek
kummerċjali li jkopru 77 % tal-bażi totali tal-klijenti
(b’kollox skambju ta’ EUR 98,9 miljun), fl-uffiċċji postali
(EUR 16,1 miljun) u mill-Bank tal-Latvja (EUR 5,15-il miljun).
L-għadd u l-volum ta’ ġbid minn ATMs baqgħu l-istess
bħaż-"żminijiet tal-lats" matul l-ewwel jiem ta’
Jannar. 98 % ta’ magni awtomatiċi tal-bejgħ inqalbu
għall-euro sas-6 ta’ Jannar 2014. Skont stħarriġ
tal-Kummissjoni li sar bejn is-16 u t-18 ta' Jannar fil-Latvja[7],
88 % ta' dawk li pparteċipaw ma esperjenzawx problemi mal-banek
fl-ewwel ġimgħa ta' Jannar meta skambjaw il-flus kontanti lat jew
meta ġibdu flus kontanti euro. Dan huwa inqas minn matul il-bidla
għall-euro fl-Estonja (95 %) iżda b’mod ġenerali
f’konformità mal-bidliet preċedenti[8]. Il-grafika 1
hawn taħt turi l-evoluzzjoni tal-pagamenti ta' flus kontanti
esklussivament fl-euro matul il-perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja
fil-Latvja meta mqabbla mas-Slovakkja u s-Slovenja. Diġà
fl-ewwel jum tan-negozju ta’ wara l-bidla għall-euro (it-2 ta’
Jannar 2014), sehem pjuttost kbir tal-pubbliku (30 %) li ħallas
fi flus kontanti ħallas bi flus kontanti tal-euro. Fl-4 ta’ Jannar,
diġà żewġ terzi taċ-ċittadini mistħarrġa
ħallsu bi flus kontanti tal-euro biss. Wara dan, is-sehem tal-pagamenti bi
flus kontanti tal-euro għamel progress lejn tmiem il-perjodu ta’
ċirkolazzjoni doppja bl-eċċezzjoni tal-Ġimgħa 10 ta’
Jannar 2014 fejn naqas minn 91 % għal 87 %, iżda
malajr reġa’ żdied għal darb’ oħra għal 91 %
t-Tnejn ta’ wara. B’mod ġenerali, l-evoluzzjoni tal-pagamenti bi flus
kontanti tal-euro kien aktar mgħaġġel milli fl-Estonja u
s-Slovakkja iżda inqas stabbli milli fis-Slovenja. Is-settur
tal-bejgħ bl-imnut ukoll laħħaq tajjeb mal-isfidi
tal-proċess tal-bidla u l-immaniġġjar ta' żewġ muniti
fl-istess ħin. Il-bejjiegħa bl-imnut kellhom provvista tajba ta' flus
kontanti tal-euro u ma kinux irrapportati problemi kbar ta' kjus. Kif jidher
fil-grafika 2 hawn taħt, fit-2 ta' Jannar diġà kien
hemm 94 % taċ-ċittadini li rċevew il-bqija f'euro biss. Dan
is-sehem żdied għal 100 % fis-7 ta’ Jannar u baqa' f’dan
il-livell sal-14 ta’ Jannar 2014. L-istħarriġ
tal-Kummissjoni li sar eżatt wara tmiem il-perjodu ta' ċirkolazzjoni
doppja juri li maġġoranza kbira ħafna ta' Latvjani (79 %)
raw il-bidla bħala waħda mingħajr ebda xkiel u effiċjenti[9].
2.3.
Irtirar tal-munita storika
Għalkemm
naqset iċ-ċirkolazzjoni ta' flus kontanti lats mill-bidu tal-2013,
l-irtirar miċ-ċirkolazzjoni tal-flus kontanti lats kien ta’ sfida
partikolari. Qabel il-bidla
diġà kien ġie rkuprat proporzjon sinifikanti tal-flus kontanti lats
Latvjani miċ-ċirkolazzjoni. Sal-31 ta' Diċembru 2013,
il-valur tal-lats fiċ-ċirkolazzjoni kien naqas bi kważi
50 % meta mqabbel ma' Jannar tal-2013 (minn LVL 1,2 biljun
għal LVL 630,8 miljun). B’kollox,
293 miljun munita (757 tunnellata) kellhom jiġu rtirati.
Id-demonetizzazzjoni tal-muniti lat bdiet
fil-5 ta’ Settembru 2013. Kien stmat li 33 % tal-muniti lat
kienu meqruda sal-31 ta’ Diċembru 2013. Bil-għan li jonqsu
l-flus kontanti lat qabel l-1 ta' Jannar 2014, bosta banek bdew joffru
lill-klijenti tagħhom il-faċilità li jagħmlu depożitu
f'muniti lat fil-kontijiet ta’ tfaddil mingħajr ħlas minn
Ottubru 2013. Barra minn hekk, il-Bank tal-Latvja qed joffri skambju
mingħajr restrizzjonijiet u mingħajr ħlas ta’ muniti lat f’karti
tal-flus lat. Il-banek kummerċjali żiedu l-promozzjoni ta’ pagamenti
mhux fi flus kontanti lill-klijenti. Sabiex jitnaqqas l-għadd ta' karti
tal-flus lat f'denominazzjoni għolja fiċ-ċirkolazzjoni hekk kif
joqrob l-1 ta' Jannar 2014, il-kumpaniji tas-CIT u l-intrapriżi
ġew imħeġġa biex joqogħdu lura milli jordnaw karti
tal-flus b’denominazzjoni għolja. Il-bidla fil-Latvja kienet waħda mħejjija sew u implimentata mingħajr ebda xkiel. L-ATMs u t-terminals tal-punt tal-bejgħ ġew konvertiti fil-ħin u l-banek u l-uffiċċji tal-posta rnexxielhom ilaħħqu sew mal-volum tax-xogħol żejjed matul il-perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja. Il-bejjiegħa bl-imnut ukoll irnexxielhom ilaħħqu tajjeb mal-isfidi tal-proċess tal-bidla u mal-immaniġġjar ta' żewġ muniti simultanjament. Kienu fornuti sew bil-flus kontanti tal-euro u skont stħarriġ tal-Kummissjoni, fit-2 ta’ Jannar 2014, diġà kien hemm 94 % miċ-ċittadini mistħarrġa li rċevew il-bqija f’euro biss.[10]
3.
Prevenzjoni ta' prattiki abbużivi
fil-prezzijiet u perċezzjonijiet żbaljati tal-prezzijiet
Il-pubbliku
ġenerali kien imħasseb dwar l-impatt possibbli tal-bidla
għall-euro fuq il-prezzijiet. Huwa għalhekk partikolarment importanti
li l-awtoritajiet Latvjani jieħdu l-passi kollha meħtieġa kemm
biex jevitaw prattiki abbużivi u kif ukoll biex jeliminaw
il-perċezzjonijiet żbaljati tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet. Minn
Jannar 2013, il-prezzijiet ta' 120 prodott u servizz li jinxtraw
frekwentement fl-aktar punti popolari tal-bejgħ fis-seba' l-akbar bliet
fil-Latvja ġew immonitorjati. Is-servizzi mmonitorjati jinkludu servizzi
li, abbażi tal-esperjenza ta’ bidliet preċedenti, l-aktar li
għandhom ċans li jintlaqtu minn żieda fil-prezzijiet relatata
mal-bidla huma l-parrukkiera, ir-ristoranti/il-kafetteriji u s-servizzi
tat-tiswija tal-karozzi. Ir-riżultati tal-monitoraġġ ġew
ippubblikati regolarment fuq is-sit tal-Ministeru tal-Ekonomija u fuq dak
tal-bidla għall-euro. Il-konformità
mar-rekwiżiti tal-wiri tal-prezzijiet u l-konverżjoni tagħhom
(pereżempju r-regoli dwar it-tqarrib) matul il-perjodu ta' wiri doppju u
l-implimentazzjoni tal-Memorandum "Introduttur Ġust tal-Euro"
ġiet immonitorjata miċ-Ċentru għall-Protezzjoni
tad-Drittijiet tal-Konsumatur (CRPC), minn organizzazzjonijiet mhux
governattivi (NGOs) li jħarsu d-drittijiet tal-konsumatur, mis-Servizz
Alimentari u Veterinarju tal-Istat u mis-Servizz tad-Dħul tal-Istat.
Mill-1 ta' Ottubru 2013 inbdew kontrolli intensivi. Wara l-ewwel
rapport speċifiku tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tħejjijiet
prattiċi tal-Latvja għall-introduzzjoni tal-euro, l-għadd totali
ta’ spetturi involuti żdied b’mod sinifikanti (issa 346 spettur). Il-wiri
obbligatorju taż-żewġ prezzijiet fil-lat u fl-euro beda
fl-1 ta’ Ottubru 2013 u se jibqa’ sejjer
sat-30 ta’ Ġunju 2014. Minn Ottubru 2013, saru 14,849
kontroll (l-għadd totali ta' kontrolli previsti: 28,000). Is-CRPC u
l-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni tal-Interess tal-Konsumatur
għamlu 14,849 kontroll u osservaw ksur f'5,486 punt ta’ bejgħ.
In-nuqqas l-iżjed frekwenti li nstab kien kambju ħażin f’4,245
każ. It-tieni nuqqas l-iżjed frekwenti kkonċerna l-wiri doppju
tal-prezzijiet (1,720 każ). Sal-aħħar ta’ Jannar 2014,
il-ksur ġie rimedjat f’4,231 punt ta’ bejgħ. Fl-2,453 punt ta’
bejgħ dan sar fuq il-post fil-preżenza ta’ spettur CRPC. F’39
każ, ġew imposti multi li l-ammont tagħhom kien jitla' sa LVL 500
(EUR 711,44). S’issa, ġew imnedija proċeduri amministrattivi fi
83 każ. Is-Servizz Alimentari u Veterinarju tal-Istat wettaq 4,454
kontroll tal-prezzijiet (kontravvenzjonijiet misjuba f'186 punt ta' bejgħ)
u s-Servizz tad-Dħul tal-Istat wettaq 79 kontroll (ksur misjub f'22 punt
ta' bejgħ). L-għadd ta’ kontravvenzjonijiet fir-rigward
tar-rekwiżiti ta’ wiri doppju naqas maż-żmien. Il-Latvjani
ġeneralment ikkunsidraw il-wiri taż-żewġ prezzijiet
bħala għodda utli li tiffaċilita t-tqabbil tal-prezzijiet u biex
jidraw jaħsbu bil-munita l-ġdida tagħhom. Skont
stħarriġ tal-Kummissjoni li sar f'Jannar[11],
kważi tlieta minn kull erba' (74 %) Latvjani kkunsidraw il-wiri
taż-żewġ prezzijiet bħala utli ħafna jew pjuttost
utli. Barra minn hekk, 84 % ikkunsidraw li dawn kienu dejjem (44 %)
jew kważi dejjem (40 %) implimentati b’mod tajjeb, liema
riżultat huwa konformi mar-riżultati mill-bidliet għall-euro
riċenti. Meta ġew
mistoqsija dwar il-konverżjonijiet fil-prezz, 46 % tal-Latvjani
kellhom l-impressjoni li l-konverżjoni tal-prezz għall-euro ma kinitx
ġusta kultant (33 %), spiss (10 %) jew spiss ħafna
(3 %). Dan ir-riżultat huwa xi mkien bejn ir-riżultati
mill-bidliet preċedenti. Il-kampanja
"Introduttur Ġust tal-Euro" li kienet imnedija fit-12 ta'
Lulju 2013 tistieden lin-negozji jikkommettu li ma jagħmlux użu
ħażin mill-bidla għall-qligħ tagħhom, jirrispettaw
ir-regoli tal-bidla u jipprovdu l-assistenza neċessarja lill-klijenti
tagħhom. Hija timxi fuq il-passi tal-inizjattivi volontarji li ntużaw
b'suċċess fil-bidliet preċedenti. Il-kampanja hija mmexxija
mill-Ministeru tal-Ekonomija. L-abbonati tal-kampanja huma intitolati li
jużaw sticker bil-logo “Introduttur Ġust tal-Euro" li turi
l-parteċipazzjoni tagħhom u huma elenkati fuq “lista bajda”
disponibbli fuq is-sit tal-Proġett tal-Euro. Sal-aħħar ta’
Jannar 2014, madwar 1,224 kumpanija (aktar minn 11,000 punt ta’
bejgħ) li jbiegħu oġġetti jew servizzi lill-konsumaturi
ngħaqdu mal-kampanja "Introduttur Ġust tal-Euro".
Il-parteċipanti jinkludu l-akbar ħames katini ta’ bejgħ
bl-imnut. Il-ftehim tal-ipprezzar ġust huwa inizjattiva importanti
ħafna sabiex ikun hemm prevenzjoni tal-abbużi potenzjali
fil-prezzijiet u biex jitwaqqfu l-perċezzjonijiet żbaljati
tal-prezzijiet. Meta mqabbel mal-għadd totali ta’ negozji fil-Latvja,
il-mira oriġinarjament prevista (mill-inqas madwar 10,000 kumpanija jew
30,000 punt ta’ bejgħ) u l-esperjenza miksuba mill-bidliet preċedenti[12],
jidher li kien hemm ambitu ulterjuri biex tkompli tinfirex il-kopertura
tal-iskema. Sa mill-1
ta' Ottubru 2013 il-konsumaturi jistgħu jressqu ilmenti dwar
il-ksur tar-regoli dwar l-indikazzjoni tal-prezzijiet lis-CRPC permezz ta’
linja telefonika ddedikata għall-ilmenti, il-hotline tal-informazzjoni
ġenerali dwar l-euro, posta elettronika u ittri. L-ilmenti jiġu
segwiti mis-CRPC jew NGO li jikkoopera fi żmien massimu ta’ 48 siegħa
wara li jitressaq l-ilment. L-ilmenti espressi miċ-ċittadini
prinċipalment kienu relatati ma’ kwistjonijiet bħall-wiri ta’
prezzijiet u l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ tqarrib. L-ilmenti dwar
iż-żidiet possibli fil-prezzijiet relatati mal-euro ġew
ivvalutati mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni Latvjan. Il-Latvja
implimentat il-wiri taż-żewġ prezzijiet u l-inizjattiva
tal-ipprezzar ġust f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni[13].
L-awtoritajiet Latvjani għandhom ikomplu jiżguraw li l-ilmenti kollha
miċ-ċittadini jiġu investigati kif suppost u jkomplu
jagħmlu monitoraġġ tal-implimentazzjoni korretta tal-Memorandum
"Introduttur Ġust tal-Euro" matul il-kampanja. Il-parteċipazzjoni
fl-inizjattiva tal-ipprezzar ġust kienet pjuttost diżappuntanti meta
mqabbla ma’ bidliet għall-euro preċedenti. Pajjiżi li
introduċew l-euro għandhom jimmiraw lejn rata ta’ abbonament
għall-ftehim ta’ mill-inqas 75 %.
4.
Xejriet u perċezzjonijiet tal-prezzijiet
4.1.
Xejriet tal-prezzijiet
Fil-Latvja,
il-bidla għall-euro kienet preċeduta minn perjodu ta' inflazzjoni
baxxa ħafna u okkażjonalment negattiva. Id-diżinflazzjoni kienet
primarjament immexxija minn komponent tal-enerġija u sa ċertu punt
minn prodotti industrijali mhux tal-enerġija u iktar riċentement
mill-ikel mhux ipproċessat. Dawn ix-xejriet huma simili għal dawk
osservabbli fid-dejta aggregata fiż-żona tal-euro u f’pajjiżi
ġirien tal-Latvja. B’mod konformi
mal-prattika stabbilita b'segwitu għall-adozzjoni tal-euro fi Stati Membri
oħra, l-Eurostat qed jippjana li jħejji valutazzjoni
tal-iżviluppi fil-prezzijiet wara l-bidla għall-euro fil-Latvja,
ladarba jkun hemm biżżejjed dejta għad-dispożizzjon.
In-nota rispettiva hija ppjanata li tiġi ppubblikata mill-Eurostat f’Mejju 2014.
4.2.
Perċezzjonijiet tal-prezzijiet
Skont
stħarriġ riċenti tal-Kummissjoni[14],
il-maġġoranza tal-Latvjani (57 %) jaħsbu li l-euro se
żżid l-infazzjoni f'pajjiżhom (imqabbla ma' 55 %
tal-Estonjani, 19 % tas-Slovakki, 66 % taċ-Ċiprijotti,
37 % tal-Maltin u 52 % tas-Sloveni eżatt wara l-bidliet rispettivi
tagħhom) filwaqt li 19 % biss emmnu li billi jingħaqdu
maż-żona tal-euro l-Latvja se tiġi mgħejuna żżomm
l-istabbiltà fil-prezzijiet. Sa nofs l-2013,
l-inflazzjoni perċepita fil-Latvja kienet qed tonqos b’mod kostanti minn
meta laħqet l-ogħla livell tagħha fir-rebbiegħa tal-2011, u
dan jirrifletti mill-qrib l-iżviluppi tal-inflazzjoni attwali. Madankollu
bejn Lulju u Novembru 2013, l-inflazzjoni perċepita żdiedet,
filwaqt li l-inflazzjoni annwali tal-HICP naqset għal rati taħt
iż-żero. Filwaqt li din iż-żieda fl-inflazzjoni
perċepita fil-kuntest ta’ tnaqqis tal-inflazzjoni reali setgħet
kienet minħabba l-bidla għall-euro imminenti, huwa diffiċli li
jiġi identifikat impatt kawżali speċifiku tal-bidla fuq
il-perċezzjonijiet tal-inflazzjoni. Għal ħabta
taż-żmien tal-bidla, f’Diċembru 2013 u f’Jannar 2014,
naqset l-inflazzjoni perċepita. Dejta mill-Istħarriġ
Konġunt tal-Konsumaturi turi li, f’termini mhux aġġustati b’mod
staġjonali, naqset għal 21,9 f’Jannar, minn 24,6 f’Diċembru.
5.
Komunikazzjoni dwar l-euro
Wara
d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2013,
l-awtoritajiet Latvjani varaw il-fażi intensiva tal-implimentazzjoni
tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni relatati mal-bidla għall-euro. Il-verżjoni
finali tal-“Istrateġija ta’ Komunikazzjoni għall-Bidla
għall-Euro fil-Latvja” li ġiet approvata fit-22 ta’ Ottubru 2012
mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Proġett tal-Euro għat-Tqajjim
tal-Għarfien u għall-Komunikazzjoni tal-pubbliku stabbilixxa linji
gwida għall-kampanja informattiva dwar l-introduzzjoni tal-euro. B'mod
kwantitattiv, il-kampanja mmirat li tiżgura li 90 % tar-residenti
kollha kienu infurmati sew dwar l-aspetti prattiċi kollha tal-bidla
għall-euro. Il-kampanja ta’
komunikazzjoni, ikkoordinata mill-Ministeru tal-Finanzi, involviet taħlita
ta’ għodod ta’ komunikazzjoni u strumenti (posta diretta fid-djar,
seminars u taħriġ, il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali, u
kampanja fit-televiżjoni u f'dik stampata) u kienet immirata lejn gruppi
differenti (pereż. il-pubbliku ġenerali, it-tfal tal-iskola, il-gruppi
vulnerabbli, in-negozji). Il-Kanċellerija Statali, il-Ministeru
tal-Ekonomija, il-Bank Ċentrali Latvjan, il-Ministeru tal-Ekonomija,
il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xjenza, l-assoċjazzjoni Latvjana ta’
banek kummerċjali u istituzzjonijiet pubbliċi u privati oħra
wettqu attivitajiet ta’ komunikazzjoni kumplimentari. Mill-2012, bdew
isiru seminars, avvenimenti reġjonali u fora reġjonali, fuq bażi
regolari, fir-reġjuni għan-negozji, għall-persuni professjonali
li jimmaniġġjaw il-flus kontanti u għall-gruppi vulnerabbli.
Il-Konfederazzjoni Latvjana ta’ Min Iħaddem, il-Kamra tal-Kummerċ
Latvjana u l-Assoċjazzjoni tan-Negozjanti Latvjana organizzaw workshops
għan-negozji biex jinformawhom dwar il-kampanja "Introduttur
Ġust tal-Euro," li kienu jinkludu laqgħat ma’ uffiċjali
tal-gvern u ekonomisti. Il-Konferenza
tal-Bidla għall-Euro, organizzata b’mod konġunt mill-Bank tal-Latvja,
il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Ministeru
tal-Finanzi, saret f’Riga fit-12 ta’ Settembru 2013. Il-kampanja
fil-midja tal-massa bdiet f’Settembru 2013 b'reklami televiżivi
bil-għan li jinvolvu lill-pubbliku emozzjonalment filwaqt li jispjegaw
dwar l-aspetti prattiċi tal-proċess ta' bidla għall-euro.
Il-kampanja kienet kkumplimentata b'reklamar fil-midja stampata, fuq ir-radju,
onlajn u fit-toroq. Fil-proċess tal-għażla tal-midja, qed
tingħata attenzjoni speċjali biex jintlaħqu l-gruppi vulnerabbli
fiż-żoni remoti u l-popolazzjoni Russofona. Biex jinforma
lill-għalliema u lit-tfal tal-iskola, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u
x-Xjenza qassam lill-iskejjel kollha fuljett ta’ informazzjoni,
għall-għalliema u pproduċa kartuns biex jiġu introdotti
fil-kurrikula tal-iskejjel. Diversi
attivitajiet mmiraw kemm lejn dawk neqsin mid-dawl kif ukoll lejn dawk bi
problemi ta’ smigħ permezz ta’ taħriġ dwar id-disinn ta’ karti
tal-flus u muniti ġodda, elementi ta’ sigurtà u l-kundizzjonijiet
tal-bidla ġenerali. Posta diretta
f’ħames verżjonijiet adattati skont ir-reġjun, inkluża
l-verżjoni Russa, li kienet tħejjiet mill-Ministeru tal-Finanzi
flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, kienet mibgħuta lejn l-unitajiet
domestiċi kollha lejn tmiem l-2013. Ftit wara, il-Bank Ċentrali
Ewropew u l-Bank tal-Latvja flimkien bagħtu fuljett biex jinformaw dwar
id-disinn ta’ karti tal-flus u muniti u l-elementi ta’ sigurtà. Fil-qafas ta’
Ftehim ta’ Sħubija ffirmat bejn il-Ministeru tal-Finanzi Latvjan u
l-Kummissjoni fl-10 ta’ Lulju 2012, u ta' ftehim ta’ għotja
sussegwenti ffirmat fit-30 ta’ April 2013, il-Kummissjoni Ewropea
kkontribwiet għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’
komunikazzjoni billi ffinanzjat sa 50 % tal-ispejjeż eliġibbli
tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ffinanzjat
il-wirja tal-euro li ddur f'bosta postijiet f’Riga u fi bliet Latvjani ewlenin
oħra minn Settembru 2013 sa Jannar 2014, organizzat seminar
għal ġurnalisti Latvjani u kkooperat fir-rigward tal-Konferenza
tal-Bidla għall-Euro f’Settembru 2013. Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll
diversi pubblikazzjonijiet u wettqet stħarriġ tal-opinjoni
tal-Eurobarometer qabel, matul u wara l-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja. Il-Bank
Ċentrali Ewropew ikkoopera mal-Bank tal-Latvja biex jagħmel użu
mis-sinerġiji u jimmassimizza l-impatt tal-kampanja. Il-Bank Ċentrali
Ewropew ipprovda pubblikazzjonijiet, ipparteċipa fil-wirja dwar l-euro,
koorganizza mal-Konferenza tal-Bidla għall-Euro f’Settembru 2013 u
implimenta kampanja ta’ informazzjoni permezz tal-midja tal-massa li tiffoka
fuq l-apparenza viżwali u l-fatti tas-sigurtà tal-karti tal-flus u
l-muniti tal-euro, il-fatti ewlenin u d-dati tal-bidla. Il-komunikazzjoni
u l-kampanja ta’ għarfien pubbliku kkontribwixxew għal
tranżizzjoni bla xkiel għall-euro. Minkejja bidu kemxejn tard,
id-diversi gruppi ta’ mira kienu infurmati sew dwar l-aspetti prattiċi
tal-bidla għall-euro, inklużi gruppi speċifiċi bħal
minoranzi, persuni li jgħixu f’żoni remoti,
iż-żgħażagħ u l-anzjani. Il-mira ta’ 90 % ta’
abitanti Latvjani li jħossuhom infurmati biżżejjed tista’
tiġi ġġudikata li ġiet sodisfatta b’89 % tal-Latvjani
li jħossuhom infurmati tajjeb dwar l-euro[15].
Barra minn hekk, b’mod ġenerali, 80 % huma sodisfatti
bl-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Latvjani. L-appoġġ
għall-euro laħaq 52 % (stħarriġ fil-Latvja,
Jannar 2014), li beda minn livell pjuttost baxx kmieni fl-2013 (33 %,
stħarriġ fil-Latvja, Jannar 2013). Sabiex dan jiżdied
aktar, huwa rrakkomandat li jissoktaw xi sforzi għall-għoti ta'
informazzjoni u biex titkompla s-superviżjoni tal-opinjoni pubblika dwar
l-aspetti relatati mal-euro. B’mod partikolari, l-impatt tal-euro fuq
il-prezzijiet u l-konfigurazzjonijiet abbużivi fil-prezzijiet għadhom
ta’ tħassib għall-Latvjani[16].
Għalhekk, huwa rrakkomandat li tissokta s-superviżjoni tal-wiri
doppju tal-prezzijiet, ir-regoli korretti ta’ konverżjoni u ta’ tqarrib u
l-evoluzzjoni ta’ prezzijiet b’mod ġenerali għal ftit xhur
addizzjonali. [1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/387/EU
tad-9 ta’ Lulju 2013 dwar l-adozzjoni tal-euro mil-Latvja
fl-1 ta’ Jannar 2014 (ĠU L 195, 18.7.2013,
p. 24). [2] L-Istati Membri li kienu fl-ewwel mewġaadottaw
l-euro skont ix-"Xenarju ta' Madrid”, li kien jinvolvi perjodu ta’
tranżizzjoni ta’ tliet snin (sena għall-Greċja). [3] L-Estonja, is-Slovakkja u s-Slovenja wkoll kellhom
perjodu ta' ġimagħtejn ta' ċirkolazzjoni doppja, filwaqt li
Malta u Ċipru kellhom xahar. [4] Flash Eurobarometer 393, ir-riċerka fuq
il-post li saret bejn is-16 u t-18 ta' Jannar 2014, disponibbli fuq:
[http://ec.europa.eu/economy_finance/euro/communication/polls/index_en.htm]. [5] Ara wkoll it-Tnax ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar
it-tħejjijiet prattiċi għat-tkabbir fil-futur taż-żona
tal-euro - (COM(2013) 540 final, 23.7.2013;
http://ec.europa.eu/economy_finance/pdf/2013/twelfth_report_on_the_practical_preparations_en.pdf;
http://ec.europa.eu/economy_finance/pdf/2013/thirteenth_report_on_the_practical_preparations_en.pdf;
u t-Tlettax ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar it-tħejjijiet prattiċi
għat-tkabbir fil-futur taż-żona tal-euro - COM(2013) 855 final,
3.12.2013 -
http://ec.europa.eu/economy_finance/pdf/2013/thirteenth_report_on_the_practical_preparations_en.pdf. [6] Flash Eurobarometer 390, ir-riċerka fuq
il-post li saret bejn it-28 u t-30 ta' Diċembru 2013, disponibbli
fuq: http://ec.europa.eu/economy_finance/euro/communication/polls/index_en.htm. [7] Flash Eurobarometer 393 (ara n-nota ta' qiegħ
il-paġna 4). [8] Iċ-ċifra korrispondenti kienet 90 %
fis-Slovakkja, 88 % f'Ċipru, 85 % f'Malta u 96 %
fis-Slovenja. [9] Flash Eurobarometer 393 (ara n-nota ta' qiegħ
il-paġna 4). [10] Flash Eurobarometer 393 (ara n-nota ta' qiegħ
il-paġna 4). [11] Flash Eurobarometer 393 (ara n-nota ta' qiegħ
il-paġna 4). [12] 526 entità kienu koperti bl-iskema korrispondenti
fl-Estonja, madwar 7,600 negozju f’Ċipru, madwar 7,900 f’Malta u xi 20,000
punt tal-bejgħ fis-Slovakkja. [13] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni
tal-10 ta' Jannar 2008 dwar miżuri li jiffaċilitaw
il-bidliet għall-euro fil-ġejjieni (ĠU L 23,
26.1.2008, p. 30). [14] Stħarriġ Flash Eurobarometer 393 (ara
n-nota ta' qiegħ il-paġna 4). [15] Stħarriġ Flash Eurobarometer 393 (ara
n-nota ta' qiegħ il-paġna 4). [16] Stħarriġ Flash Eurobarometer 393 (ara
n-nota ta' qiegħ il-paġna 4).