RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija /* COM/2014/0176 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL,
LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar
l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz
ta' aġenzija 1. Introduzzjoni 1.1. Id-Direttiva Id-Direttiva 2008/104/KE[1] dwar xogħol
temporanju permezz ta' aġenzija (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva")
ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont l-Artikolu 137(2)
tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 153(2) tat-TFUE). L-għan tagħha huwa
li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija u li ttejjeb il-kwalità
tax-xogħol temporanju billi tiżgura li l-prinċipju ta'
trattament indaqs li għandu jiġi applikat għall-ħaddiema
temporanji permezz ta' aġenzija, u billi tirrikonoxxi l-aġenziji
tax-xogħol temporanju bħala impjegaturi, filwaqt li tqis
il-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq biex jintuża
għax-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija bil-għan li
jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-ħolqien u l-iżvilupp ta'
forom flessibbli ta' xogħol. B'mod partikolari,
id-Direttiva:
tistabbilixxi l-prinċipju ta' trattament
indaqs fl-impriżi tal-utenti, filwaqt li tippermetti ċerti
derogi limitati b'kundizzjonijiet stretti;
tipprevedi reviżjoni mill-Istati Membri, matul
il-perjodu ta' traspożizzjoni, ta' restrizzjonijiet u
projbizzjonijiet fuq ix-xogħol tal-aġenzija;
ittejjeb l-aċċess tal-ħaddiema
temporanji permezz ta' aġenzija
għall-impjiegi permanenti, għal faċilitajiet kollettivi
fl-impriżi tal-utenti u għat-taħriġ;
tinkludi dispożizzjonijiet dwar
ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta'
aġenzija.
Is-servizzi pprovduti
mill-aġenziji tax-xogħol temporanju huma esklużi mill-kamp ta'
applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE[2]
dwar is-servizzi fis-suq intern. Din id-Direttiva fl-Artikolu 2(2)(e)
tiddikjara li ma għandhiex tapplika għas-servizzi tal-aġenziji
tax-xogħol temporanju. 1.2. Bażi legali u għan tar-rapport Dan
ir-rapport jirrevedi l-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri kif
meħtieġ fl-Artikolu 12, li jipprevedi li: "Sal-5 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni
għandha, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u s-sħab soċjali
fil-livell Komunitarju, tirrevedi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva
bil-għan li tipproponi, fejn ikun xieraq, l-emendi meħtieġa." Dan ir-rapport għandu
għan doppju. L-ewwel li jagħti ħarsa ġenerali lejn kif
l-Istati Membri implimentaw id-Direttiva u jenfasizza l-problemi ewlenin.
Madankollu, ma jistax jagħti kont b'mod eżawrjenti tal-miżuri ta'
implimentazzjoni nazzjonali kollha.[3]
It-tieni nett, jeżamina jekk l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni
tad-Direttiva, sentejn wara t-tmiem tal-perjodu ta' traspożizzjoni
tagħha, jistax jiġġustifika xi emendi fit-test li huwa
fis-seħħ bħalissa. Ir-rapport
tfassal abbażi tal-eżaminazzjoni tal-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet
tal-Istati Membri li jimplimentaw id-Direttiva, u fuq it-tweġibiet li
l-Kummissjoni rċeviet għal żewġ kwestjonarji, wieħed
dwar l-għażliet magħżula biex id-Direttiva tiġi
implimentata fil-liġi nazzjonali, l-ieħor dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva
u l-kwistjonijiet marbuta mal-ispejjeż. It-tnejn
li huma kienu sottomessi lill-Istati Membri. It-tieni wieħed kien
indirizzat ukoll lis-sħab soċjali fil-livell Ewropew. Il-grupp ta'
esperti tal-gvern dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva, li s-sħab
soċjali Ewropej kienu involuti fix-xogħol tagħha,
ikkontribwixxew ukoll għal dan ir-rapport. Ir-rapport huwa mfassal ukoll
fuq l-informazzjoni disponibbli mill-Kummissjoni minn sorsi oħra,
bħal rapporti ta' esperti indipendenti min-Netwerk Ewropew tal-Liġi
tax-Xogħol. Parti 5
tar-rapport hija bbażata fil-biċċa l-kbira fuq ir-rapport
tal-Istati Membri dwar ir-riżultati tar-reviżjoni
tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet fuq l-użu tax-xogħol
temporanju u dwar l-informazzjoni komplementari pprovduta minn għadd ta'
pajjiżi fuq talba mill-Kummissjoni. Intużaw ukoll sorsi oħra
disponibbli, b'mod partikolari l-ilmenti sottomessi lill-Kummissjoni u
l-informazzjoni li toriġina mis-sħab soċjali Ewropej. 2. Il-proċess
ta' traspożizzjoni Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva,
l-Istati Membri kellhom id-dmir li jittrasponu d-Direttiva fil-liġi
nazzjonali sal-5 ta' Diċembru 2011, jew billi jadottaw u
jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet
amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw magħha, jew billi
jiżguraw li s-sħab soċjali jkunu introduċew
id-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim. L-Istati Membri kollha
ttrasponew id-Direttiva. F'numru ta' każijiet, it-traspożizzjoni
saret tard u wara li l-Kummissjoni nediet il-proċeduri ta' ksur. Fil-bidu
tal-2012, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' avviż formali
għan-nuqqas ta' komunikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni lil
15-il Stat Membru. Aktar tard dik is-sena, intbagħtu opinjonijiet
immotivati lil tliet Stati Membri. Fl-Istat Membru li ttraspona d-Direttiva
l-aħħar, il-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni daħlet
fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2013. It-traspożizzjoni
twettqet b'modi differenti. Dan huwa marbut mal-fatt li qabel ma d-Direttiva
saret applikabbli, fi Stati Membri ix-xogħol temporanju kienet tirregolah il-liġi,
prinċipalment f'oħrajn permezz ta' ftehmiet kollettivi, jew permezz b'taħlita
tat-tnejn li huma. Xi Stati Membri ma kellhomx qafas legali applikabbli
għax-xogħol temporanju, u b'hekk din il-forma ta' xogħol irregolawha
b'mod speċifiku għall-ewwel darba meta trasponew id-Direttiva. Xi
Stati Membri emendaw parti waħda mil-leġiżlazzjoni, filwaqt li
oħrajn biddlu bosta testi legali. Tliet Stati Membri (Franza,
il-Lussemburgu u l-Polonja) ikkunsidraw li d-dispożizzjonijiet
nazzjonali tagħhom diġà kienu jikkonformaw mad-Direttiva u ma kinux
jeħtieġu xi emenda dwar id-dħul fis-seħħ. 3. Il-kamp ta'
applikazzjoni u definizzjonijiet (Artikoli 1 u 3) 3.1. L-applikazzjoni tad-Direttiva
għall-impriżi tal-utenti li mhumiex involuti f'attivitajiet ekonomiċi
(Artikolu 1(2)) L-Artikolu 1(2)
jiddikjara li d-Direttiva tapplika għall-impriżi pubbliċi u
privati li huma aġenziji tax-xogħol temporanju jew impriżi tal-utenti
involuti f'attivitajiet ekonomiċi, kemm jekk ikunu qed joperaw biex
jagħmlu qligħ kif ukoll jekk le. L-aġenziji
tax-xogħol temporanju ġeneralment jissodisfaw il-kundizzjoni li jkunu
involuti f'attivitajiet ekonomiċi. Madankollu, xi attivitajiet
tal-impriżi tal-utenti, pereżempju, dawk imwettqa minn partijiet
tas-settur pubbliku, ma jistgħux jitqiesu bħala ekonomiċi.[4] L-Istati Membri
għandhom id-dritt li jeskludu impriżi tal-utenti li mhumiex involuti
f'attivitajiet ekonomiċi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva.
Madankollu, 19-il Stat Membru qed japplikaw id-Direttiva
għall-impriżi tal-utenti li mhumiex involuti f'attivitajiet
ekonomiċi. Il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Irlanda,
il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija u r-Renju
Unit għażlu li jeskludu tali impriżi mill-kamp ta'
applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tagħhom. F'dan l-istadju,
l-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni ma tidhirx li toħloq xi
problema partikolari. 3.2. Deroga għal programmi vokazzjonali
pubbliċi jew appoġġjati mill-pubbliku ta' taħriġ,
integrazzjoni jew taħriġ mill-ġdid (Artikolu 1(3)) L-Artikolu 1(3)
jippermetti lill-Istati Membri, wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali,
jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni
tagħhom, ir-relazzjonijiet ta' impjieg konklużi fi programm
vokazzjonali pubbliku jew appoġġjat mill-pubbliku ta'
taħriġ, integrazzjoni jew taħriġ mill-ġdid. Biċċa kbira
mill-Istati Membri ma jeskludux xi waħda mir-relazzjonijiet imsemmija hawn
fuq mid-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom. L-Awstrija, Ċipru,
id-Danimarka, l-Ungerija, l-Irlanda, Malta u l-Isvezja
ma japplikawx din l-esklużjoni. F'Ċipru u l-Irlanda,
l-għan huwa li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni jew
l-integrazzjoni mill-ġdid ta' ċerti kategoriji ta' nies li
jistgħu jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jerġgħu
jidħlu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. L-Isvezja teskludi
l-ħaddiema li jibbenefikaw minn appoġġ speċjali
għall-impjiegi jew impjiegi protetti, iżda biss fir-rigward
tal-prinċipju ta' trattament indaqs. Pereżempju,
id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-kumditajiet u
l-faċilitajiet kollettivi u informazzjoni dwar postijiet vakanti
fl-impriżi tal-utenti jibqgħu applikabbli għal dan il-grupp ta'
impjegati. Il-Kummissjoni ma ġietx
infurmata dwar xi diffikultà speċifika fl-implimentazzjoni ta' din
id-deroga jew dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-konformità tal-miżuri
ta' implimentazzjoni nazzjonali b'din id-Direttiva. 3.3. Definizzjonijiet (Artikoli 3(1)(a) sa
(e)) L-Artikoli 3(1)(a)
sa (e) jipprovdu definizzjonijiet ta' għadd ta' kunċetti ewlenin
użati fid-Direttiva: "ħaddiem", "aġenzija
tax-xogħol temporanju", "ħaddiem temporanju permezz ta'
aġenzija", "impriża tal-utenti" u
"assenjazzjoni". Bosta
Stati Membri (Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja,
il-Litwanja, Malta, il-Portugall, l-Isvezja u r-Renju Unit) ipprovdew
definizzjonijiet ta' mill-anqas xi wħud mill-kunċetti
fil-leġiżlazzjoni ta' traspożizzjoni tagħhom, billi
użaw formulazzjoni li fil-biċċa l-kbira tal-każi tkun
simili ħafna għal dik użata fid-Direttiva. Dan jiċċara
b'mod utli l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni
nazzjonali. Stati Membri oħrajn ma adottawx tali definizzjonijiet. Fil-Latvja,
il-leġiżlazzjoni ta' traspożizzjoni tiddikjara b'mod
espliċitu li l-aġenzija tax-xogħol temporanju għandha
titqies bħala l-impjegatur tal-ħaddiem temporanju permezz ta'
aġenzija. Dan jipprovdi kjarifika utli f'konformità mad-definizzjonijiet
fl-Artikolu 3(1), skont liema ħaddiem temporanju permezz ta'
aġenzija għandu relazzjoni ta' xogħol ma' aġenzija
tax-xogħol temporanju bil-għan li jiġi assenjat ma' impriża
tal-utenti biex jaħdem b'mod temporanju bis-superviżjoni
u t-tmexxija tagħha. 4. Prinċipju
ta' trattament indaqs 4.1. Trattament indaqs fir-rigward
tal-kundizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u impjieg (Artikoli 3(1)(f),
3(2), l-ewwel subparagrafu, u 5(1)) L-Artikolu 5(1)
jistabbilixxi l-prinċipju ta' trattament indaqs fl-impriżi tal-utenti.
Skont dan il-prinċipju, sa mill-ewwel jum
tal-assenjazzjoni tagħhom, il-ħaddiema permezz ta' aġenzija
għandu jkollhom kundizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u impjieg
li jkunu japplikaw li kieku kienu jiġu impjegati direttament mill-kumpanija
tal-utenti biex jokkupaw l-istess inkarigu. Dawn il-kundizzjonijiet ikopru
l-paga, kif ukoll id-durata tal-ħin tax-xogħol, is-sahra,
il-pawżi, il-perjodi ta' mistrieħ, ix-xogħol billejl, il-vaganzi
u l-btajjel pubbliċi. Għandhom jiġu applikati
għall-ħaddiema permezz ta' aġenzija sa punt li jkunu
jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti
fis-seħħ fl-impriża tal-utenti. Il-kundizzjonijiet għandhom ukoll jikkonformaw mar-regoli
fis-seħħ fl-impriża tal-utenti dwar il-protezzjoni tan-nisa tqal u l-ommijiet li jkunu qed
ireddgħu, il-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ,
kif ukoll it-trattament indaqs tal-irġiel u n-nisa u kwalunkwe miżuri
kontra d-diskriminazzjoni[5].
Jistgħu jiġu
applikati ċerti derogi mill-prinċipju ta' trattament indaqs.
Madankollu, id-Direttiva tiddefinixxi kundizzjonijiet stretti għal dawn,
kif spjegat hawn taħt. Għadd ta' Stati Membri
diġà applikaw il-prinċipju ta' trattament indaqs qabel ma d-Direttiva
daħlet fis-seħħ. Bħalissa l-Istati Membri jirrikonoxxu dan il-prinċipju.
Madankollu, 12-il Stat Membru jippermettu derogi mill-prinċipju b'ċerti
kundizzjonijiet. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri
għażlu formulazzjoni li hija kemxejn differenti mit-termini
użati fid-Direttiva, b'mod partikolari dwar it-traspożizzjoni tal-Artikolu 5(1),
l-ewwel subparagrafu, li jiddefinixxi l-prinċipju ta' trattament indaqs, u
tal-Artikolu 3(1)(f), li jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni tal-kunċett
ta' "kundizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u impjieg". Pereżempju, fl-Estonja,
l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament indaqs hija bbażata
fuq il-kunċett ta' "ħaddiem paragunabbli" fl-impriża tal-utenti. Jekk ma jkun hemm ebda ħaddiem
paragunabbli, il-paragun għandu jsir b'referenza għall-ftehim
kollettiv applikabbli. Jekk ma jkun hmm ebda ftehim kollettiv, impjegat involut
fl-istess xogħol jew xogħol simili fl-istess reġjun jitqies
bħala ħaddiem paragunabbli. Jidher li fil-Polonja u fir-Renju
Unit, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu applikati għall-ħaddiema
temporanji permezz ta' aġenzija huma stabbiliti wkoll b'paragun
mal-ħaddiema paragunabbli fl-impriża tal-utenti. Il-Kummissjoni se tissorvelja
jekk fil-prattika tali referenza għal ħaddiem paragunabbli
tiżgurax l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta' trattament indaqs
jew jekk twassalx għal prattiki diskriminatorji kontra l-ħaddiema
temporanji permezz ta' aġenzija. Jekk ikun meħtieġ, se tadotta
miżuri xierqa biex tiżgura konformità sħiħa mad-Direttiva. Il-Kummissjoni se tiżgura
wkoll li l-kunċett ta' "kundizzjonijiet bażiċi ta'
xogħol u impjieg" jiġi implimentat b'mod korrett fl-Istati
Membri kollha. Dan il-kunċett ikopri l-paga kif ukoll id-durata
tal-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-pawżi, il-perjodi ta'
mistrieħ, ix-xogħol billejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi.
Din hija lista obbligatorja li minnha ma tista' ssir l-ebda deroga. 4.2. Derogi possibbli 4.2.1. Derogi previsti fl-Artikolu 5(2) Skont l-Artikolu 5(2),
l-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw is-sħab soċjali,
jipprevedu eżenzjoni minn paga ugwali jekk il-ħaddiema temporanji permezz
ta' aġenzija li għandhom kuntratt ta' impjieg permanenti ma'
aġenzija tax-xogħol temporanju jibqgħu jitħallsu
fiż-żmien bejn l-assenjazzjonijiet. Il-biċċa l-kbira
tal-Istati Membri ma japplikawx din id-deroga. Madankollu, l-Ungerija,
l-Irlanda, Malta, l-Isvezja u r-Renju Unit jipprevedu l-possibbiltà
li ssir deroga mill-paga ugwali matul l-assenjazzjonijiet
għall-ħaddiema permezz ta' aġenzija b'kuntratt ta' impjieg
miftuħ li jitħallsu wkoll anki bejn l-assenjazzjonijiet,
jiġifieri matul perjodi li fihom ma jkunux qed jaħdmu. Fl-Ungerija, skont
il-Kodiċi tax-Xogħol, il-ħaddiema permezz ta' aġenzija li
jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet għandhom id-dritt għal trattament
indaqs fir-rigward tal-ħlas tal-pagi u benefiċċji oħra
mill-184 jum ta' xogħol f'impriża tal-utenti. Fl-Irlanda,
l-Att tal-2012 dwar il-Protezzjoni tal-Impjegati (ix-Xogħol Temporanju)
jiddikjara li l-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija b'kuntratt
ta' impjieg permanenti m'għandhomx dritt għal paga ugwali matul
l-assenjazzjonijiet tagħhom, sakemm fil-perjodu bejn l-assenjazzjonijiet
jitħallsu tal-anqas nofs il-paga li kienu intitolati għaliha
fir-rigward tal-assenjazzjoni l-aktar riċenti tagħhom, u mhux anqas
mill-paga minima nazzjonali tagħhom. Qabel ma ħaddiem permezz ta'
aġenzija jidħol f'kuntratt ta' impjieg, l-aġenzija
tax-xogħol temporanju għandha tinnotifikah/a bil-miktub li mhux se jkun/tkun
intitolat/a għal paga ugwali. Dispożizzjonijiet
simili japplikaw fir-Renju Unit, fejn ir-Regolamenti tal-2010 dwar
il-Ħaddiema Temporanji permezz ta' Aġenzija għal eżenzjoni
mid-dispożizzjonijiet ta' trattament indaqs għall-paga u l-liv
imħallas fir-rigward tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija
li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(2). F'dak
iż-żmien bejn l-assenjazzjonijiet, il-ħaddiema temporanji permezz
ta' aġenzija huma intitolati għal tal-anqas 50% tal-paga bażika
li tħallsu matul l-aħħar 12-il ġimgħa
tal-assenjazzjoni ta' qabel u, f'kull każ, għall-paga minima
nazzjonali. Il-kuntratt ta' impjieg għandu jinkludi dikjarazzjoni li
l-ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija mhux se jkun intitolat
għal paga ugwali. F'Malta,
ir-Regolamenti tal-2010 dwar il-Ħaddiema Temporanji permezz ta' Aġenzija
jiddikjaraw li d-dispożizzjoni li tintroduċi paga ugwali ma
għandhiex tapplika għal ħaddiem temporanju permezz ta'
aġenzija li jkollu kuntratt ta' impjieg indefinit u jitħallas bejn
l-assenjazzjonijiet. F'konformità
mal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva fl-Isvezja,
fir-rigward tal-paga, ir-rekwiżit ta' trattament indaqs ma japplikax
għall-ħaddiema li huma impjegati b'mod permanenti ma' aġenzija
tax-xogħol temporanju u jitħallsu bejn l-assenjazzjonijiet. Għalhekk,
il-ħames Stati Membri msemmija hawn fuq jagħmlu derogi
mill-prinċipju ta' paga ugwali matul il-perjodi fejn il-ħaddiema
temporanji permezz ta' aġenzija huma assenjati mal-impriżi tal-utenti. Mingħajr preġudizzju
għall-pagi minimi applikabbli, l-ebda wieħed minnhom ma adotta regoli
li jillimitaw il-qies tad-deroga matul l-assenjazzjonijiet, pereżempju,
billi jistabbilixxu livell minimu speċifiku ta' paga. Fir-rigward
tal-perjodi bejn l-assenjazzjonijiet, l-Ungerija, Malta u l-Isvezja
ma stabbilixxewx livelli minimi ta' paga li għandhom jiġu rispettati.
Madankollu, f'Malta, il-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija
huma intitolati għall-istess livell ta' paga matul l-assenjazzjonijiet u
bejniethom. Bħala
deroga mill-prinċipju ta' trattament indaqs, l-Artikolu 5(2)
għandu jiġi interpretat b'mod restrittiv. Ma jikkonċernax ħaddiema
temporanji permezz ta' aġenzija b'kuntratti għal terminu fiss, u
jista' jiġi applikat biss għal dawk li jaħdmu b'kuntratt ta'
impjieg permanenti. Fid-dawl
tal-implimentazzjoni nazzjonali tal-Artikolu 5(2), id-deroga
ġġib bosta mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni, l-aktar dwar jekk il-livell
ta' paga li għandha tingħata lill-ħaddiema temporanji permezz ta'
aġenzija waqt u bejn l-assenjazzjonijiet jistax ikun legalment baxx daqs
il-paga minima applikabbli, jekk ikun hemm, filwaqt li l-pagi minimi mhumiex
soġġetti għal xi limitu aktar baxx. Iridu jitqiesu wkoll il-miżuri
maħsuba biex jevitaw l-użu ħażin tad-deroga. Dawn
il-mistoqsijiet għandhom jiġu eżaminati fid-dettall
fil-laqgħat futuri tal-Grupp ta' Esperti dwar it-traspożizzjoni
tad-Direttiva. Ikun xi jkun il-każ, il-Kummissjoni se tadotta
l-miżuri xierqa biex tiżgura li kull Stat Membru jkun konformi
għalkollox mad-Direttiva. 4.2.2. Deroga prevista fl-Artikolu 5(3) Skont l-Artikolu 5(3), l-Istati Membri jistgħu, wara konsultazzjoni mal-partijiet
soċjali, jippermettulhom jikkonkludu jew iżommu ftehmiet kollettivi
dwar il-kundizzjonijiet ta' xogħol u impjieg ta' ħaddiema temporanji permezz
ta' aġenzija li jidderogaw mill-prinċipju ta' trattament indaqs,
sakemm tiġi rispettata l-protezzjoni globali ta' ħaddiema temporanji
permezz ta' aġenzija. L-Artikolu 5(3) għandu jinqara fid-dawl
tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 91/383/KEE[6]
dwar is-saħħa u s-sigurtà fix-xogħol tal-ħaddiema li
għandhom relazzjoni ta' impjieg b'dewmien fiss jew ta' impjieg temporanju.
Skont din id-dispożizzjoni, trattament differenti ta' ħaddiem li
għandu relazzjoni ta' impjieg temporanju ma' negozju ta' impjieg
temporanju mhuwiex iġġustifikat fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta'
xogħol fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq
ix-xogħol. Il-biċċa l-kbira
tal-Istati Membri għażlu li ma japplikawx id-deroga tal-Artikolu 5(3).
Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprevedi għal grad ta'
flessibbiltà u tqis il-fatt li f'ċerti Stati Membri, ix-xogħol
temporanju kien tradizzjonalment irregolat l-aktar permezz ta' ftehmiet
kollettivi. Għaxar Stati Membri (l-Awstrija, il-Bulgarija,
id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja,
il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja) adottaw dispożizzjonijiet
li jippermettu ftehimiet kollettivi li jiddevjaw mit-trattament indaqs
tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija. L-Awstrija, l-Irlanda
u l-Isvezja għamlu referenza għall-ħtieġa li dawn
il-ftehmiet kollettivi jiġu bbilanċjati b'mod xieraq biex jiġi
żgurat li ma jippreġudikawx il-protezzjoni globali tal-ħaddiema
temporanji permezz ta' aġenzija. Fil-preżent, il-Kummissjoni ma ġietx infurmata dwar xi problema partikolari
fl-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni. Se tissorvelja l-konformità
mal-"protezzjoni globali tal-ħaddiema temporanji
permezz ta' aġenzija" fil-każijiet kollha, speċjalment jekk
id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali ma jagħmlux
referenza għal dan il-kunċett. 4.2.3. Deroga prevista fl-Artikolu 5(4) Skont l-Artikolu 5(4), l-Istati Membri li m'għandhomx sistema biex il-ftehmiet kollettivi
jiġu ddikjarati applikabbli b'mod universali jew m'għandhomx sistema
biex jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet tagħhom
għall-impriżi simili kollha f'ċertu settur jew żona
ġeografika jistgħu, abbażi ta' ftehim konkluż mis-sħab
soċjali nazzjonali, jidderogaw mit-trattament indaqs fir-rigward
tal-kundizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u impjieg
tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, sakemm ikollhom livell
xieraq ta' protezzjoni. Dan jista' jinkludi perjodu ta' kwalifika għal
trattament indaqs. Ir-Renju Unit u Malta
biss irrikorrew għall-Artikolu 5(4). Fir-Renju Unit, il-ħaddiema
temporanji permezz ta' aġenzija għandhom dritt għal trattament
indaqs fl-impriża tal-utenti
ladarba jkunu lestew perjodu ta' kwalifika ta' 12-il ġimgħa
fl-istess impjieg mal-istess impjegatur. F'Malta, il-prinċipju ta'
trattament indaqs, sakemm ikun relatat mal-paga, ma
japplikax għall-ewwel erba' ġimgħat ta' assenjazzjoni jekk dik
l-assenjazzjoni ddum 14-il ġimgħa jew aktar. L-Istati Membri li japplikaw
l-Artikolu 5(4) għandhom jispeċifikaw jekk l-iskemi ta' sigurtà
soċjali tax-xogħol, inklużi l-pensjoni, il-ħlas
għall-mard jew l-iskemi ta' parteċipazzjoni finanzjarja, huma
inklużi fil-kundizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u impjieg.
Ir-Renju Unit u Malta effettivament jeskludu dawn l-iskemi
mill-kundizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u impjieg li
l-ħaddiema tal-aġenzija għandhom dritt għalihom. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(5)
jitlob lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jevitaw
l-użu ħażin fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5 u, b'mod
partikolari, l-assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex jevitaw
id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Ir-riskju li jiġu evitati
l-prinċipji ta' trattament indaqs u pagi ugwali huwa partikolarment
għoli jekk il-prinċipji ma jiġux applikati sa mill-ewwel jum
tal-assenjazzjonijiet tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija,
iżda biss wara perjodu ta' kwalifika. Ir-Renju Unit adotta
miżuri ddettaljati biex jevita l-użu ħażin tal-leġiżlazzjoni
tiegħu, fost l-oħrajn billi jiddikjara li f'każ ta' waqfien ta'
mhux aktar minn sitt ġimgħat f'assenjazzjoni, l-perjodu ta' "kwalifika"
ma jerġax jibda mill-bidu. F'Malta, jekk ħaddiem temporanju
permezz ta' aġenzija li ma jkunx tħallas paga ugwali matul l-ewwel
erba' ġimgħat tal-assenjazzjoni tiegħu/tagħha
jiġi/tiġi sussegwentement sostitwit/a, il-ħaddiem temporanju
permezz ta' aġenzija assenjat bħala sostitut se jibbenefika minn
trattament indaqs mill-ewwel jum tal-assenjazzjoni tiegħu. 5. Reviżjoni
tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet fuq l-użu ta' xogħol
temporanju (Artikolu 4) 5.1. Għan tal-Artikolu 4 L-Artikolu 4 jiddikjara
li l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonjiet fuq l-użu ta' xogħol
temporanju għandhom jiġu ġġustifikati biss fuq
raġunijiet ta' interess ġenerali relatati b'mod partikolari ma': - il-protezzjoni ta'
ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija; - ir-rekwiżiti ta'
saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol; - il-ħtieġa li
jiġi żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem sew; - il-ħtieġa li
jiġi żgurat li jiġu evitati l-abbużi. L-Istati Membri kellhom
l-obbligu, wara li kkonsultaw mas-sħab soċjali, li jirrevedu dawn il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet biex
jivverifikaw jekk kinux iġġustifikati fuq raġunijiet ta'
interess ġenerali u li jinformaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati
ta' din ir-reviżjoni sa tmiem il-perjodu ta' traspożizzjoni (5 ta' Diċembru 2011).
Il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet stabbiliti mill-ftehimiet kollettivi,
jistgħu jiġu rriveduti mis-sħab soċjali li kienu nnegozjaw
il-ftehim. Fir-rigward
tal-kamp ta' applikazzjoni tar-reviżjoni, kif indikat fir-Rapport tal-2011
tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar ix-xogħol tal-Grupp ta' Esperti dwar
it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ix-xogħol temporanju, dan
għandu jkopri kwalunkwe miżura, pereżempju,
miżuri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti jew
d-dispożizzjonijiet amministrattivi, applikati fl-Istati Membri u li
għandhom l-għan li jimponu limitazzjonijiet fuq ix-xogħol
temporanju jew iħallu dan l-effett. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(4) jagħmilha ċara li d-dispożizzjonijiet
tal-Artikolu 4 huma mingħajr preġudizzju
għar-rekwiżiti nazzjonali fir-rigward tar-reġistrazzjoni,
il-liċenzjar, iċ-ċertifikazzjoni, il-garanziji finanzjarji jew
is-sorveljanza tal-aġenziji tax-xogħol temporanju. Għaldaqstant,
ir-rekwiżiti li jaqgħu f'waħda minn dawn il-kategoriji, li
għandhom x'jaqsmu mal-aċċess għas-suq u t-twettiq
tal-attivitajiet tal-aġenziji tax-xogħol temporanju, jibqgħu ma
jagħmlux parti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligu li jiġu
riveduti r-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet. Għalhekk, l-Artikolu 4 inaqqas il-kamp ta' applikazzjoni
tal-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jirrikorru għalihom l-Istati
Membri biex jillimitaw l-użu ta' xogħol temporanju. L-Artikolu 4(1)
huwa vinkolanti għall-Istati Membri kollha. Huwa f'idejn l-Istat Membru li
jiddeċiedu fil-kuntest nazzjonali tiegħu dwar il-metodu li
għandu jintuża biex tiġi implimentata din id-dispożizzjoni.
M'hemm ebda limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4(1).
L-Artikolu 4 jobbliga lill-Istati Membri jwettqu reviżjoni
tal-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq l-użu tax-xogħol
temporanju, biex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati
tar-reviżjoni, u biex jipprovdu ġustifikazzjonijiet għall-projbizzjonijiet
u r-restrizzjonijiet fuq raġunijiet ta' interess ġenerali. 5.2. Riżultati tar-reviżjoni
mill-Istati Membri L-Istati Membri kollha
infurmaw lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward
tar-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet fuq l-użu
tax-xogħol temporanju. Erbgħa u għoxrin
Stat Membru rrapportaw dwar ir-riżultati tar-reviżjoni li wettqu.
Erba' Stati Membri (l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta u r-Renju Unit)
iddikjaraw li ma kienet fis-seħħ l-ebda restrizzjoni jew projbizzjoni.
Għalhekk, ma saret l-ebda reviżjoni f'dawn l-Istati Membri. Fil-każijiet tal-Irlanda,
Malta u r-Renju Unit, l-eżaminazzjoni tal-Kummissjoni ma
identifikat ebda restrizzjoni jew projbizzjoni speċifika li tagħmilha
neċessarja għal dawn l-Istati Membri li jwettqu reviżjoni xierqa
tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-Lussemburgu,
il-Kummissjoni identifikat restrizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni
nazzjonali applikabbli, pereżempju, fir-rigward tad-durata
tal-assenjazzjonijiet jew l-eżistenza ta' lista ta'
raġunijiet permissibbli għall-użu tax-xogħol temporanju.
Għalhekk, il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fis-seħħ fil-Lussemburgu
għandhom jiġu riveduti wara konsultazzjoni mas-sħab
soċjali skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva. Ir-rapporti dwar
ir-riżultati tar-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet
ipprovduti mill-24 Stat Membru kienu differenti ħafna f'termini ta'
format u tul. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, dawn kienu
kkumplimentati minn informazzjoni speċifika, aktar preċiża, ipprovduta
fuq talba mill-Kummissjoni. Din id-diversità
hija attribwita b'mod parzjali għall-varjetà ta' sitwazzjonijiet li
wieħed jiltaqa' magħhom fl-Istati Membri. Minkejja li b'mod globali
x-xogħol temporanju jammonta biss għal parti żgħira ta'
ħaddiema impjegati, dan huwa ħafna aktar mifrux f'xi pajjiżi milli
f'oħrajn. F'xi Stati Membri, ġie adottat qafas legali nazzjonali
għax-xogħol temporanju fis-sittinijiet (il-Pajjiżi l-Baxxi)
jew is-sebgħinijiet (Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit). F'għadd
ta' oħrajn, ġie rregolat ħafna aktar reċentement, f'xi
każijiet fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva biss. Barra
minn hekk, minkejja li l-għadd ta' ħaddiema tal-aġenzija huwa
relattivament modest, ma nistgħux niċħdu l-importanza ta' din il-flessibbiltà
tax-xogħol fil-funzjonament tas-swieq tax-xogħol nazzjonali. L-Istati
Membri għamlu għażliet speċifiċi f'termini ta'
politika dwar l-impjiegi, pereżempju, billi jiffavorixxu l-flessibbiltà
tas-suq tax-xogħol għal gradi varjabbli. Tali għażliet
għandhom influwenza fuq ir-rwol u l-post tax-xogħol temporanju
fis-swieq tax-xogħol rispettivi tagħhom. Ħames Stati
Membri (id-Danimarka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja),
fir-rapport tagħhom dwar ir-riżultati ddikjaraw li ma japplikaw ebda
projbizzjoni jew restrizzjoni fuq l-użu tax-xogħol tal-aġenzija. Barra minn hekk, bosta
Stati Membri għarrfu wkoll lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet
nazzjonali tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva u li għandhom x'jaqsmu
eż. mar-reġistrazzjoni u l-garanziji finanzjarji tal-aġenziji
tax-xogħol temporanju. Ma jeżisti l-ebda obbligu ta' reviżjoni
fir-rigward ta' dawn id-dispożizzjonijiet. 5.2.1. Ġustifikazzjoni tal-projbizzjonijiet u restrizzjonijiet
minħabba interess ġenerali Il-projbizzjonijiet u
r-restrizzjonijiet applikati mill-Istati Membri fuq l-użu tax-xogħol
temporanju jistgħu jiġu ġġustifikati biss għal
raġunijiet ta' interess ġenerali, kif indikat fil-punt 5.1.
Billi jagħmlu referenza għar-"raġunijiet ta' interess
ġenerali li huma relatati mal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji ta'
aġenzija, ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà fuq
ix-xogħol jew il-ħtieġa li jiġi żgurat li s-suq
tax-xogħol jaħdem sew u li ma jkunx hemm abbużi", l-Artikolu 4(1)
tad-Direttiva jipprevedi lista indikattiva, mhux eżawrjenti
tar-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-projbizzjonijiet
u r-restrizzjonijiet. L-Istati Membri kellhom
id-dmir li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-ġustifikazzjoni
għall-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet li japplikaw sa tmiem
il-perjodu ta' traspożizzjoni. Dawn elenkaw għadd ta' projbizzonijiet
u restrizzjonijiet u, fil-biċċa l-kbira tal-każi,
iċċitaw raġuni waħda jew aktar ta' interess ġenerali
li huma enumerati fl-Artikolu 4(1) bħala ġustifikazzjoni. Jekk
ikkunsidraw li l-istess ġustifikazzjoni tista' tapplika għal bosta
miżuri restrittivi, dawn ipprovdew ġustifikazzjoni komuni għal
projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet differenti. Fuq kollox u bi ftit
eċċezzjonijiet, l-Istati Membri pprovdew biss
ġustifikazzjonijiet ġenerali ħafna
għad-dispożizzjonijiet restrittivi fis-seħħ, anki meta
l-Kummissjoni talbet informazzjoni komplementari fuq ir-raġunijiet
għaliex l-awtoritajiet nazzjonali kkunsidraw li l-projbizzjonijiet u
r-restrizzjonijiet li jibqgħu applikabbli kienu ġġustifikati fuq
raġunijiet ta' interess ġenerali. L-Istati Membri għamlu
referenza b'mod partikolari għall-ġustifikazzjonijiet elenkati
fl-Aritkolu 4(1) tad-Direttiva:
Għadd ta' Stati Membri (b'mod partikolari l-Belġju,
il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, Franza,
il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja,
il-Portugall, is-Slovenja) għamlu referenza għall-"protezzjoni
tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija" biex
jispjegaw u jipprovdu ġustifikazzjoni għal ċerti
projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fis-seħħ.
Pereżempju, din hija
waħda mill-ġustifikazzjonijiet li ntużaw fir-rigward
tar-restrizzjonijiet applikabbli fl-industrija tal-kostruzzjoni fil-Ġermanja.
Il-Polonja qalet li l-limitazzjoni tal-perjodu li matulu ħaddiem
permezz ta' aġenzija jista' jaħdem f'impriża tal-utenti unika hija relatata man-natura
temporanja tal-kompiti li l-ħaddiema temporanji tal-aġenzija jistgħu
jwettqu u tikkontribwixxi għall-protezzjoni tagħhom.
Ir-"rekwiżiti tas-saħħa u
s-sigurtà fuq ix-xogħol" kienu ċċitati minn għadd
ta' Stati Membri (b'mod partikolari l-Belġju, il-Bulgarija,
ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja,
il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja) biex
jiġġustifikaw restrizzjonijiet fl-użu
tal-ħaddiema permezz ta' aġenzija biex iwettqu kompiti li
jinvolvu riskji speċjali għas-saħħa u s-sigurtà
tal-ħaddiema jew probizzjoni diretta. Ċerti Stati Membri
rrikorrew għal din il-ġustifikazzjoni flimkien ma'
ġustifikazzjonijiet oħra elenkati fl-Artikolu 4(1), b'mod
partikolari l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji tal-aġenzija (il-Kroazja,
il-Portugall, is-Slovenja).
Fis-Slovenja, fejn
ftehim kollettiv bejn il-fergħat jista' jipprojbixxi l-użu ta'
ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, il-possibbiltà li tiġi
prevista tali projbizzjoni ġiet ristretta għal każijiet fejn
l-għan tal-projbizzjoni huwa li jiggarantixxi aktar protezzjoni
għall-ħaddiema jew għas-saħħa u s-sigurtà
tal-ħaddiema. L-Artikolu 4(1)
għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 5(1)
tad-Direttiva 91/383/KEE dwar is-saħħa u s-sigurtà
fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' impjieg b'dewmien
fiss jew ta' impjieg temporanju. Skont dan, l-Istati Membri għandhom
l-għażla li jipprojbixxu l-ħaddiema permezz ta' aġenzija "milli
jintużaw għal ċertu xogħol (...) li jkun partikolarment
perikoluż għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom, u b'mod
partikolari għal ċertu xogħol li jeħtieġ sorveljanza
medika speċjali (...)". Fin-nuqqas ta' xi definizzjoni fil-liġi
tal-UE tal-kunċett ta' xogħol li huwa partikolarment perikoluż
għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, l-Istati Membri huma
kompetenti biex jidentifikaw l-attivitajiet ikkonċernati, fil-kontroll
tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Bosta Stati Membri (b'mod partikolari l-Belġju,
il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Italja, il-Polonja,
il-Portugall, ir-Rumanija u l-Isvezja) għamlu referenza
għall-"ħtieġa li jiġi żgurat li s-suq
tax-xogħol jaħdem tajjeb" biex jiġġustifikaw
miżuri restrittivi, bħal lista limitattiva ta' raġunijiet
għall-użu tal-ħaddiema permezz ta' aġenzija (Franza,
l-Italja, il-Polonja), limitazzjonijiet fuq in-numru jew il-proporzjon
ta' ħaddiema permezz ta' aġenzija li jistgħu jintużaw
f'impriża tal-utenti (il-Belġju,
l-Italja), jew l-obbligu għall-impjegatur li jinnegozja ma'
organizzazzjoni ta' ħaddiema qabel juża l-ħaddiema permezz
ta' aġenzija (l-Isvezja).
Bosta Stati Membri (il-Belġju,
il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja,
l-Italja, il-Polonja, l-Isvezja) iġġustifikaw ċerti
projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-użu tax-xogħol
tal-aġenzija bil-"ħtieġa li jiżguraw li ma jkunx
hemm abbużi". Din il-ġustifikazzjoni ntużat
fir-rigward ta' miżuri differenti bħal restrizzjonijiet fuq
in-natura tal-kompiti li jistgħu jiġu assenjati
lill-ħaddiema permezz ta' aġenzija (l-Italja, il-Polonja),
il-possibbiltà għall-ftehmiet kollettivi nazzjonali li jistabbilixxu
limiti kwantitattivi fuq l-użu ta' kuntratti għal żmien
twil għax-xogħol tal-aġenzija (l-Italja), jew
il-ħtieġa, f'ċerti każijiet għall-impriża tal-utenti li tikseb il-kunsens
tad-delegazzjoni tal-unjoni tagħha qabel ma tuża l-ħaddiema
temporanji tal-aġenzija (il-Belġju).
Il-"ħtieġa
li jiġi żgurat li ma jkunx hemm abbużi" xi drabi ġiet
iċċitata flimkien ma' ġustifikazzjonijiet oħra mfassla
mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, b'mod partikolari l-ħtieġa li
jiġi żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem sew (l-Italja,
il-Polonja, l-Isvezja). Il-ġustifikazzjonijiet
li ġejjin intużaw ukoll minn xi Stati Membri fir-rigward
tal-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fis-seħħ:
Fost l-Istati Membri li japplikaw projbizzjoni fuq
l-użu tal-ħaddiema temporanji tal-aġenzija biex
jissostitwixxu l-ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet
tagħhom li jistrajkaw (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija,
il-Kroazja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja,
is-Slovenja, Spanja), erbgħa (il-Belġju, il-Greċja,
l-Ungerija u l-Italja) għamlu referenza b'mod espliċitu
għall-protezzjoni tad-dritt ta' strajk. Bosta Stati Membri
ċċitaw il-premessa 20 tad-Direttiva, skont liema
d-dispożizzjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet
fuq ix-xogħol temporanju huma mingħajr preġudizzju
għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prattiki li
jipprojbixxu lill-ħaddiema fuq strajk milli jiġu sostitwiti minn
ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija.
Bosta Stati Membri (il-Belġju, Franza,
il-Greċja, il-Polonja) spjegaw bosta miżuri restrittivi
bil-ħtieġa li jħarsu l-impjiegi permanenti u li jevitaw
sitwazzjoni fejn il-pożizzjonijiet permanenti jistgħu jimtlew
minn ħaddiema impjegati fuq bażi temporanja. B'mod partikolari,
dawn użaw din il-ġustifikazzjoni biex jillimitaw id-durata
tal-assenjazzjonijiet u biex jispjegaw l-eżistenza ta' lista ta'
raġunijiet permissibbli għall-użu ta' xogħol
temporanju bħal, pereżempju, is-sostituzzjoni ta' ħaddiem
assenti, żieda temporanja fil-volum ta' xogħol, jew it-twettiq
ta' kompiti eċċezzjonali jew staġjonali.
L-Awstrija għamlet referenza
għall-protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem biex
tiġġustifika l-applikazzjoni tal-kwoti li jillimitaw
il-proporzjon ta' ħaddiema temporanji tal-aġenzija li
jistgħu jintużaw f'impriża tal-utenti għal ċerti professjonijiet fis-settur
tas-saħħa sa 10% jew 15%.
Fil-kuntest
tar-reviżjoni tagħhom tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet milli
jintuża x-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija, l-Istati
Membri setgħu qiesu li jneħħu ċerti projbizzjonijiet u
restrizzjonijiet li kienu oriġinarjament ġustifikati mix-xewqa li
jiġu protetti l-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija.
Pereżempju, ir-Rumanija, fejn kienet fis-seħħ lista
limitattiva ta' raġunijiet għall-użu ta' xogħol temporanju,
issa tagħmilha possibbli li wieħed jirrikorri għal din il-forma
ta' xogħol "għat-twettiq ta' kompiti speċifiċi
temporanji". Fl-Iżvezja tneħħiet il-projbizzjoni
milli jkun assenjat ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija
lill-impjegatur li kellu qabel fl-ewwel sitt sitt wara li jintemm il-kuntratt
tal-impjieg, u dan b'effett mill-1 ta' Jannar 2013. Fil-Belġju
jista' jitħalla jsir rikors għal ħaddiema temporanji permezz ta'
aġenzija iżda skont ċertu kundizzjonijiet għal finijiet ta'
integrazzjoni, jiġifieri bil-ħsieb li għal ingaġġ
dirett possibbli tal-ħaddiema permezz tal-impriża tal-utenti. Għalkemm jaf
tneħħew ftit restrizzjonijiet u projbizzjonijiet milli jintuża
x-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija, ir-reviżjoni
għadha ma ħolqotx bidliet kbar fil-qies tal-miżuri restrittivi
li japplikaw l-Istati Membri. Madankollu, f'għadd ta' Stati Membri,
il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet u l-ġustifikazzjoni tagħhom,
jibqgħu jiġu diskussi, anki mas-sħab soċjali, bil-ħsieb
li jaf isirilhom xi aġġustamenti kumplimentari. Għaldaqstant
f'bosta Stati Membri (bħall-Belġju, il-Greċja u l-Pajjiżi
l-Baxxi) ir-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet
għadha ma tlestietx. Madankollu, billi tiddikjara
li l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet huma ġġustifikati biss
fuq raġunijiet ta' interess ġenerali, l-Artikolu 4(1) jawtorizza
lill-Istati Membri biex ikomplu japplikaw għadd ta' projbizzjonijiet jew
restrizzjonijiet li huma bbażati fuq tali raġunijiet. Fil-fehma
tal-Kummissjoni, sal-punt li dawn il-miżuri ristrettivi huma
r-riżultat ta' għażliet ta' politika bbażati fuq
raġunijiet leġittimi u huma proporzjonati għall-għan
tagħhom, jidhru li huma ġġustifikati fuq raġunijiet ta'
interess ġenerali, mingħajr preġudizzju għal
eżaminazzjoni aktar iddettaljata ta' dawn il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet
fuq bażi ta' każ b'każ. Il-protezzjoni
tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, ir-rekwiżiti ta'
saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol, il-ħtieġa li jiġi
żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem sew u li jiġu evitati
l-abbużi, tista' tiġġustifika ċerti projbizzjonijiet jew
restrizzjonijiet fuq l-użu tax-xogħol temporanju. Raġunijiet
oħra ta' interess ġenerali jistgħu jiġġustifikaw ukoll
miżuri restrittivi sakemm ikunu leġittimi u proporzjonati
għall-objettiv tagħhom. Sakemm jikkonformaw mad-Direttiva dwar
ix-xogħol temporanju u leġiżlazzjoni u prinċipji oħra
applikabbli tal-UE, bħal-libertà li jiġu pprovduti servizzi,
il-libertà ta' stabbiliment u l-leġiżlazzjoni dwar
in-nondiskriminazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jirregolaw tipi differenti
ta' impjiegi, inkluż xogħol temporanju, u jiżguraw
il-funzjonament xieraq tas-suq skont l-għażliet ta' politika
tagħhom stess. Il-projbizzjonijiet u
r-restrizzjonijiet li jammontaw għad-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema
temporanji tal-aġenzija ma jistgħux jitqiesu bħala
ġustifikati fuq raġunijiet ta' interess ġenerali.
Pereżempju, projbizzjoni fuq l-impjegar ta' persuni b'diżabbiltà
bħala ħaddiema temporanji permezz tal-aġenzija ma tistax
tiġi ġġustifikata, la mill-ħtieġa li jiġi
żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem sew, u lanqas mill-protezzjoni
ta' dawk il-persuni jew ir-rekwiżiti ta' saħħa u sigurtà fuq
ix-xogħol. 5.2.2. Konsultazzjoni mas-sħab soċjali Kif intqal fil-punt 5.1,
l-Istati Membri kellhom id-dmir li jikkonsultaw mas-sħab soċjali
qabel jirrevedu l-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet. Barra minn hekk, fejn
huma stabbiliti projbizzjonijiet u restrizzjonijiet
mill-ftehimiet kollettivi, is-sħab soċjali li kienu nnegozjaw
il-ftehim setgħu jwettqu r-reviżjoni. L-Istati Membri li rrevedew
il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fis-seħħ involvew is-sħab
soċjali b'bosta modi, billi jirriflettu d-diversità tas-swieq
tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali madwar l-UE kollha. Dawn jistgħu jiġu
miġbura fi tliet kategoriji ewlenin:
L-Istati Membri fejn is-sħab soċjali
kienu kkonsultati fil-qafas tar-reviżjoni tal-projbizzjonijiet u
r-restrizzjonijiet (il-Belġju, il-Kroazja, Franza,
il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja u
l-Portugall); xi wħud minnhom, b'mod varjabbli, ipprovdew
lill-Kummissjoni bil-fehmiet tas-sħab soċjali (il-Belġju,
il-Greċja, il-Polonja u l-Portugall);
L-Istati Membri fejn ir-reviżjoni twettqet
fil-biċċa l-kbira tagħha mis-sħab soċjali stess,
minħabba li l-parti l-kbira tal-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet
huma stabbiliti minn ftehimiet kollettivi (id-Danimarka, il-Finlandja,
il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja); il-Finlandja u l-Isvezja
infurmaw lill-Kummissjoni dwar il-fehmiet tas-sħab soċjali;
L-Istati Membri fejn is-sħab soċjali
kienu kkonsultati fil-kuntest tal-adozzjoni tal-miżuri ta'
traspożizzjoni nazzjonali (l-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru,
ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Rumanija,
is-Slovenja u Spanja).
Ġeneralment,
il-mod li bih is-sħab soċjali kienu involuti fir-reviżjoni
jidher li jirrifletti l-varjazzjonijiet fil-post fejn jinsabu u r-rwol fl-UE
kollha. Fejn il-Kummissjoni kienet infurmata dwar il-pożizzjonijiet is-sħab
soċjali, huwa ċar li seta' jingħata aktar piż lil dawk
il-pożizzjonijiet. Madankollu jidher li għajr għal-Lussemburgu,
il-konsultazzjoni tas-sħab soċjali saret f'konformità mal-Artikolu 4(2). 6. Aċċess
għall-impjiegi, il-faċilitajiet kollettivi u t-taħriġ
vokazzjonali — rappreżentazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali —
informazzjoni tar-rappreżentazzjonjiet tal-ħaddiema (Artikoli 6,
7 u 8) 6.1. Aċċess għall-impjiegi,
il-faċilitajiet kollettivi u t-taħriġ vokazzjonali (Artikolu 6) L-Artikolu 6 itejjeb
l-aċċess għall-ħaddiema temporanji tal-aġenzija għall-impjiegi
permanenti, il-faċilitajiet kollettivi u t-taħriġ vokazzjonali.
Jipprevedi b'mod partikolari l-informazzjoni tal-ħaddiema permezz ta'
aġenzija dwar postijiet vakanti fl-impriża tal-utenti (Artikolu 6(1)).
Tiżgura wkoll li l-ħaddiema tal-aġenzija jkunu intitolati
għal aċċess ugwali għall-kumditajiet u l-faċilitajiet
kollettivi fl-impriżi tal-utenti, b'mod partikolari
l-canteens, il-faċilitajiet għall-kura tat-tfal u s-servizzi ta'
trasport, sakemm differenza fil-kura tkun iġġustifikata minn
raġunijiet oġġettivi (Artikolu 6(4)). Titlob lill-Istati Membri
jew lis-sħab soċjali jtejbu l-aċċess tal-ħaddiema
permezz ta' aġenzija għat-taħriġ fl-aġenziji
tax-xogħol temporanju u fl-impriżi tal-utenti (Artikolu 6(5)). L-Artikolu 6(1) ġie
ttrasportat kważi litteralment minn għadd ta' Stati Membri. F'dan
l-istadju, ma jidhirx li joħloq xi problema partikolari. Fir-rigward tal-Artikolu 6(4),
14-il pajjiż (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka,
il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja,
il-Litwanja, Malta, l-Olanda, l-Isvezja u r-Renju Unit) jiġifieri
nofs l-Istati Membri, qalu li għamlu użu mill-possibbiltà li
jidderogaw minn aċċess ugwali għall-kumditajiet u l-faċilitajiet kollettivi fl-impriża tal-utenti tagħhom
jekk id-differenza fit-trattament tkun
iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi.
Fil-biċċa l-kbira tal-każi, il-formulazzjoni użata
fil-miżuri nazzjonali hija kważi l-istess bħat-test
tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tenfasizza li d-differenzi fit-trattament meta l-ħaddiema
temporanji tal-aġenzija jibbenefikaw minn kundizzjonijiet anqas favorevoli
mill-ħaddiema utenti,
għandhom jibqgħu eċċezzjonali. Il-possibbiltà li
nfetħet f'għadd ta' Stati Membri mhux bilfors tfisser li tiġi
applikata fil-prattika. L-Artikolu 6(5)
iħeġġeġ lis-sħab soċjali biex ikollhom rwol
importanti fit-titjib tal-aċċess għat-taħriġ u
l-faċilitajiet ta' kura tat-tfal għall-ħaddiema
tal-aġenzija fl-aġenziji, u għat-taħriġ organizzat
għall-ħaddiema ta' impriżi tal-utenti. L-implimentazzjoni ta'
din id-dispożizzjoni ma tidhirx li hija problematika. Il-ħaddiema
temporanji tal-aġenzija f'Malta jibbenefikaw minn aċċess
ugwali għat-taħriġ vokazzjonali ma' ħaddiema
tal-impriża tal-utenti iżda differenza fit-trattament tista' tkun ġustifikata
b'raġunijiet oġġettivi. 6.2. Rappreżentazzjoni tal-ħaddiema
permezz ta' aġenzija (Artikolu 7) L-Artikolu 7 jipprevedi
li għall-finijiet ta' kalkolazzjoni tal-limitu li meta jinqabeż
għandhom jiġu ffurmati korpi li jirrappreżentaw
il-ħaddiema, għandu jittieħed kont tal-ħaddiema temporanji
tal-aġenzija f'aġenzija tax-xogħol temporanju jew fl-impriża
tal-utenti, jew fit-tnejn li huma. Fil-biċċa l-kbira
tal-Istati Membri, il-ħaddiema temporanji tal-aġenzija jitqiesu li
jagħmlu parti mill-aġenzija tax-xogħol temporanju li timpjegahom
(il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja,
il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja,
is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit) jew kemm
l-aġenzija kif ukoll l-impriża tal-utenti li jkunu assenjati
magħha (l-Awstrija, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja,
il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u s-Slovakkja).
Fi tliet Stati Membri biss (il-Belġju, il-Latvja u r-Rumanija),
jiġu kkunsidrati biss fl-impriża tal-utenti. Ċerti Stati Membri
introduċew kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom jiġu
meqjusa l-ħaddiema tal-aġenzija. Pereżempju, il-Bulgarija tqis
in-numru medju ta' ħaddiema temporanji tal-aġenzija li jkunu ġew
impjegati matul it-12-il xahar ta' qabel. Fil-Belġju,
il-kalkolazzjoni hija bbażata fuq in-numru medju ta' ħaddiema
temporanji tal-aġenzija li jkunu ġew stazzjonati mal-impriża tal-utenti
matul it-trimestru ta' qabel. Madankollu, il-ħaddiema temporanji
tal-aġenzija li fil-fatt ikunu qed jissostitwixxu lill-membri tal-persunal
permanenti fl-impriża tal-utenti ma jiġux meqjusa. Il-Kummissjoni ma taf bl-ebda
diffikultà partikolari fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 7. 6.3. Informazzjoni tar-rappreżentanti
tal-ħaddiema (Artikolu 8) Skont
l-Artikolu 8, l-impriża tal-utenti għandha tipprovdi informazzjoni xierqa dwar l-użu ta' ħaddiema
temporanji tal-aġenzija meta tipprovdi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni
ta' impjieg f'dik l-impriża għall-korpi li jirrappreżentaw
il-ħaddiema. Xi
Stati Membri jimponu obbligi ddettaljati fuq l-impriżi utent.
Pereżempju, fil-Greċja, l-impriża tal-utenti hija mitluba
li tipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta' ħaddiema temporanji
permezz ta' aġenzija, iżda anki dwar il-pjanijiet tagħha li
tuża l-ħaddiema temporanji tal-aġenzija u l-prospetti li
timpjegahom b'mod dirett. Fi Franza u l-Lussemburgu, ir-rappreżentanti
tal-persunal jistgħu jaċċessaw il-kuntratti konklużi bejn
l-impriża tal-utenti u l-aġenzija tax-xogħol temporanju
għall-assenjazzjoni tal-ħaddiema. F'dan
l-istadju, il-Kummissjoni ma tafx dwar xi problema partikolari
fl-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni. 7. Pieni (Artikolu 10) L-ewwel eżaminazzjoni
tal-leġiżlazzjoni ta' traspożizzjoni adottata mill-Istati
Membri, turi li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pieni prinċipalment
għandha x'taqsam mad-dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk
adottati biex tiġi trasposta d-Direttiva (eż., il-ġestjoni ta'
aġenzija mingħajr awtorizzazzjoni xierqa, in-nuqqas ta' notifika
tal-awtoritajiet pubbliċi dwar il-kuntratti ta' impjieg iffirmati
mill-aġenzija ...). Din il-kwistjoni jeħtieġ li tiġi
eżaminata f'aktar dettall fix-xhur li ġejjin, b'mod partikolari biex
jiġi vverifikat jekk il-pieni jintużawx fi ħdan il-kamp ta'
applikazzjoni tad-Direttiva. Peress li huma biss ftit dawk l-Istati Membri li
pprovdew tabelli ta' konkordanza, għadu ma kienx possibbli li
tingħata ħarsa ġenerali komprensiva tas-sitwazzjoni fil-livell
nazzjonali. 8. Spejjeż
Regolatorji F'konsultazzjoni
pubblika onlajn imwettqa mill-Kummissjoni f'Ottubru-Diċembru 2012,
id-Direttiva ġiet allokata mill-impriżi żgħar u medji
(SMEs) u l-organizzazzjonijiet tal-SMEs li rrispondew għall-konsultazzjoni
bħala waħda mill-biċċiet l-aktar ta' piż
tal-leġiżlazzjoni tal-UE.[7]
Ir-riżultati kienu ppubblikati f'Dokument ta' Ħidma tal-Persunal[8] tas-7 ta' Marzu 2013 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni
dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti. Il-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2013[9]
dwar is-segwitu għall-konsultazzjoni tal-"Aqwa Għaxra"
tal-SMEs dwar ir-Regolament tal-UE wriet dawn il-pretensjonijiet kienu
fil-biċċa l-kbira tagħhom relatati ma' ostakoli
għall-operat ta' aġenziji tax-xogħol temporanju u l-obbligu li
ssir reġistrazzjoni kull darba li aġenzija tkun trid topera fi Stat
Membru differenti. Il-Komunikazzjoni indikat li dan ir-rapport iqis
it-tħassib tal-SMEs u l-aspetti ta' piż regolatorju. F'dan
il-kuntest, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Istati Membri u s-sħab
soċjali fil-livell Ewropew biex tfittex l-opinjonijiet tagħhom dwar
il-kwistjoni tal-ispejjeż imġarrba fir-rigward tad-Direttiva. Il-Kummissjoni
saqsiet l-ewwel jekk id-Direttiva għandhiex piż amministrattiv
sinifikanti fuq l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u jekk dawk
l-ispejjeż ġewx ivvalutati fl-Istati Membri. Fost
is-sebgħa u għoxrin Stat Membru li wieġbu, kollha ħlief tnejn
qalu li d-Direttiva fiha nnifisha ma ħolqitx piż amministrattiv
sinifikanti għall-awtoritajiet nazzjonali, jew li ma jkunux ivvalutawha b'mod
speċifiku. Il-Belġju għamel referenza għal
spejjeż amministrattivi sinifikanti biex titwettaq ir-reviżjoni
tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet. Ir-Renju Unit ippubblika
valutazzjoni tal-impatt qabel l-implimentazzjoni tad-Direttiva, skont liema
l-ispejjeż totali għall-impjegaturi tas-settur pubbliku f'termini ta'
żieda fil-pagi jkunu bejn GBP 157 miljun u GBP 259 miljun
fis-sena, iżda mhuwa disponibbli l-ebda aġġornament. L-ebda Stat
Membru ma vvaluta l-piż amministrattiv maħluq mid-Direttiva. Il-Kummissjoni saqsiet ukoll jekk id-dispożizzjonijiet
sostantitivi tad-Direttiva jfissrux spejjeż sinifikanti jew ostakli
għal aġenziji tax-xogħol temporanju jew impriżi tal-utenti,
u jekk dawk l-ispejjeż ġewx ivvalutati. Uħud
mill-Istati Membri sabu li d-Direttiva kienet tfisser spejjeż minuri
għall-aġenziji tax-xogħol temporanju (l-Awstrija,
il-Ġermanja) u/jew l-impriżi tal-utenti (il-Finlandja, il-Ġermanija, il-Polonja), filwaqt li r-Renju
Unit iċċita spejjeż tal-pagi miżjuda
għall-aġenziji, kif ukoll għall-aġenziji u l-impriżi tal-utenti minħabba obbligi ta'
informazzjoni. L-Istati Membri ma għamlu referenza għal ebda
spiża sinifikanti jew ostakli għall-aġenziji jew l-utenti.
L-ebda Stat Membru ma għandu xi informazzjoni aġġornata dwar
il-livell ta' spejjeż imġarrba. Ċipru ddikjara li l-ebda aġenzija
tax-xogħol temporanju ma kienet għadha bdiet topera fit-territorju
tiegħu. Fir-rigward
tas-sħab soċjali Ewropej, il-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej
għamlet referenza għall-ispejjeż ta' konformità sostanzjali
għall-aġenziji tax-xogħol temporanju f'xi Stati Membri u
għal spejjeż soċjali konsiderevoli li jirriżultaw minn
implimentazzjoni ħażina jew nuqqas ta' implimentazzjoni tal-Artikolu 4.
Eurociett semmiet l-ispejjeż miżjuda għall-aġenziji f'pajjiżi
bħar-Renju Unit u l-Irlanda u enfasizzat li
aċċettat u appoġġjat din iż-żieda peress li
appoġġjat l-adozzjoni tad-Direttiva. Għamlet referenza wkoll
għall-ispejjeż marbuta mat-traspożizzjoni insuffiċjenti ta'
ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva, filwaqt li għas-CEEP[10], id-Direttiva
żiedet b'mod sinifikanti l-ispejjeż għall-impjegaturi, b'mod
partikolari fejn ma kienx fis-seħħ trattament indaqs qabel
it-traspożizzjoni tad-Direttiva. Madankollu, l-ebda organizzazzjoni
tal-impjegaturi ma kkwantifikat l-ispejjeż imsemmija. L-UEAPME[11] ma kinitx taf dwar xi
regola li tiswa ħafna għall-impriżi tal-utenti. Il-KETU[12] qalet li l-Artikolu 12
tad-Direttiva, li huwa l-bażi legali għal dan ir-rapport, ma kienx
jipprevedi valutazzjoni tal-ispejjeż u li ma kien hemm ebda studju li juri
żieda fl-ispejjeż għall-aġenzija minħabba
t-traspożizzjoni tad-Direttiva. Fid-dawl tal-UNI-Europa, l-ispejjeż ma
joħolqux xi ostaklu għall-aġenziji tax-xogħol temporanju
jew l-impriżi tal-utenti. Fir-rigward
tal-mistoqsija dwar jekk hemmx xi informazzjoni disponibbli dwar
l-ispejjeż imġarrba mill-SMEs u/jew il-mikroimpriżi, l-ebda
Stat Membru ma għandu tali informazzjoni. Il-Ġermanja qalet li
d-Direttiva kienet tfisser spejjeż kemm għall-aġenziji
tax-xogħol temporanju kif ukoll l-impriżi tal-utenti. Fid-dawl tal-Awstrija u l-Belġju, id-Direttiva ma
tistax titqies partikolarment ta' piż għall-SMEs. Is-sħab
soċjali Ewropej ma pprovdew ebda informazzjoni dwar din il-kwistjoni.
Il-KETU qieset li mhux xieraq li jintużaw ir-riżultati
tal-konsultazzjoni tal-"Aqwa
Għaxra" bħala bażi għax-xogħol fil-futur. Barra
minn hekk, meta ġew ikkonsultati, bosta Stati Membri semmew li kull valutazzjoni
globali tal-ispejjeż li jirriżultaw mid-Direttiva għandha tqis
ukoll il-benefiċċji li ġġib magħha. 9. Ir-relazzjoni
bejn id-Direttiva dwar ix-xogħol temporanju u leġiżlazzjoni
oħra tal-UE L-Artikolu 3(2),
it-tieni subparagrafu, jiddikjara li l-Istati Membri ma għandhomx jeskludu
l-ħaddiema jew ir-relazzjonijiet ta' impjieg mill-kamp ta' applikazzjoni
tad-Direttiva unikament peress li għandhom x'jaqsmu ma' ħaddiema
part-time, ħaddiema b'kuntratt għal terminu fiss jew persuni b'relazzjoni
ta' impjieg ma' aġenzija tax-xogħol temporanju. Din
id-dispożizzjoni tagħmilha ċara li l-ħaddiema
tal-aġenzija li jaħdmu fuq bażi part-time jew b'kuntratt ma
jistgħux jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni
tad-Direttiva 2008/104/KE fid-dawl tal-fatt li huma ħaddiema "atipiċi".
Il-Qorti tal-Ġustizzja
kkonfermat li d-Direttiva 1999/70/KE dwar ix-xogħol għal
żmien twil ma tapplikax għar-relazzjonijiet ta' xogħol għal
żmien twil bejn ħaddiem tal-aġenzija u aġenzija
tax-xogħol temoranju.[13] Għaldaqstant, anki jekk il-ħaddiema tal-aġenzija jkunu
impjegati b'kuntratt għal terminu fiss, ir-relazzjoni ta' xogħol
trijangolari mhijiex irregolata mid-Direttiva dwar ix-xogħol għal terminu
fiss, li tapplika biss għal relazzjonijiet ta' impjieg diretti bejn
impjegatur u ħaddiem. Fir-rigward tar-relazzjoni
bejn id-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta'
aġenzija u d-Direttiva 96/71/KE[14]
dwar il-postazzjoni tal-ħaddiema, premessa 22
tad-Direttiva 2008/104/KE tiddikjara li għandha tiġi
implimentata f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà
li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta' stabbiliment u mingħajr
preġudizzju għad-Direttiva 96/71/KE. Id-Direttiva dwar
ix-xogħol temporanju fil- prinċipju tkopri s-sitwazzjonijiet
nazzjonali, filwaqt li d-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema hija
speċifikament immirata lejn sitwazzjonijiet transfruntieri. Id-Direttiva
dwar ix-xogħol temporanju tapplika b'mod sħiħ
għall-ħaddiema mobbli li jaħdmu fi Stat Membru għajr dak
tagħhom stess bħallikieku kienu ħaddiema nazzjonali, filwaqt li
d-Direttiva dwar il-postazzjoni tapplika biss għall-ħaddiema ppostjati,
jiġifieri l-ħaddiema li, għal perjodu limitat, iwettqu
xogħolhom fit-territorju ta' Stat Membru għajr l-Istat li
ġeneralment jaħdmu fih. Skont l-Artikolu 1(3)(c)
tagħha, id-Direttiva dwar il-postazzjoni tal-ħaddiema b'mod
partikolari tapplika għal impriża ta' impjiegi temporanji jew
aġenzija ta' postazzjoni li tikri ħaddiem lill-impriża tal-utenti stabbilita jew li topera fit-territorju
ta' Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta' impjieg bejn l-impriża
tal-impjiegi temporanji jew aġenzija ta' postazzjoni u l-ħaddiem
matul il-perjodu ta' postazzjoni. F'konformità mal-Artikolu 3(1)
tal-istess Direttiva, fir-rigward tal-ħaddiema ppostjati, ċerti
termini u kundizzjonijiet ta' impjieg, li jinkludu "r-rati minimi ta'
paga, inkluż ir-rati ta' sahra" u "l-kundizzjonijiet
għall-kiri tal-ħaddiema, b'mod partikolari l-provvista ta'
ħaddiema mill-impriżi ta' impjieg", iridu jiġu rispettati
skont kemm jistabbilixxu l-liġi jew ftehimiet kollettivi applikabbli
universalment. Kif tniżżel fil-premessa 22 tad-Direttiva 2008/104/KE
msemmija hawn fuq, id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq tad-Direttiva
dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema għandha preċedenza fuq
id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ix-xogħol temporanju.
Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-ħaddiema
temporanji tal-aġenzija mibgħuta fit-territorju tagħhom
għandhom jingħataw trattament indaqs fir-rigward tat-termini u
kundizzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema temporanji fl-Istat Membru
fejn jitwettaq ix-xogħol, f'konformità mal-Artikolu 3(9)
tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. 10. Emendi
possibbli Il-kwestjonarju li saret
referenza għalih fil-punt 8 qajjem ukoll il-kwistjoni jekk
abbażi tal-esperjenza miksuba minn mindu d-Direttiva saret applikabbli b'mod
sħiħ f'Diċembru 2011, laħaqx il-miri politiċi
soċjali tiegħu kif stabbilit fl-Artikolu 2. F'konformità mal-Artikolu 12,
dan ir-rapport għandu jikkunsidra kwalunkwe emenda fid-Direttiva li tista'
titqies xierqa. Il-Kummissjoni qajmet ukoll dan il-punt fil-kwestjonarju billi
ssaqsi jekk xi dispożizzjoni mid-Direttiva teħtieġx kjarifika
u, jekk iva, liema dispożizzjonijiet u x'inhuma l-problemi li jiġu
ffaċċjati. Fir-rigward tal-ewwel
mistoqija, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkunsidraw li
d-Direttiva fil-fatt laħqet il-miri politiċi soċjali tagħha
jew li rrappreżentat pass importanti fl-iżvilupp ta' Ewropa
soċjali. Xi wħud minnhom indikaw id-diffikultajiet prattiċi li
ġew iffaċċjati għal raġunijiet mhux relatati
mad-Direttiva (is-Slovakkja, is-Slovenja), iżda l-ebda Stat Membru
ma wieġeb li d-Direttiva naqset milli tikseb il-miri tagħha. Il-Bulgarija
sabitha diffiċli biex twieġeb il-mistoqsija peress li l-aġenziji
tax-xogħol temporanju ilhom joperaw biss għal perjodu qasir, filwaqt
li r-Renju Unit ma kellhiex dejta li tgħinha twieġeb
il-mistoqsija. Ċipru wkoll ma setax iwieġeb, fin-nuqqas ta' xi
aġenzija tax-xogħol temporanju fil-pajjiż. Madankollu,
għall-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej u Eurociett, l-objettivi
tad-Direttiva ma ntlaħqux b'mod sħiħ. Dawn wieġbu li numru
sostanzjali ta' restrizzjonijiet mhux ġustifikati għax-xogħol
temporanju baqgħu fis-seħħ f'xi Stati Membri, jew ġew
introdotti reċentement. L-eżempji jinkludu sanzjonijiet settorjali,
limiti mhux raġonevoli fuq it-tul massimu tal-assenjazzjonijiet,
raġunijiet limitati wisq għall-użu u kwoti fuq in-numru massimu
ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija. Dawn qalu li tali
restrizzjonijiet għandhom jitneħħew. Għall-parti
tagħhom, l-UEAPME u, sa ċertu punt, is-CEEP kienu tal-fehma li
d-Direttiva kienet laħqet l-objettivi politiċi soċjali
tagħha. Il-KETU enfasizzat li d-data
ta' skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kienet relattivament
riċenti u li bosta Stati Membri wettqu t-traspożizzjoni tard.
Għal dawk ir-raġunijiet, kien għadu kmieni wisq għal
evalwazzjoni diċenti tas-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali. UNI-Europa
kienet tal-fehma li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-objettivi
stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva kienu diġà fil-parti l-kbira
tagħhom intlaħqu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali qabel ma
d-Direttiva daħlet fis-seħħ. Fir-rigward tat-tieni
mistoqsija, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri sabu li f'dan
l-istadju, ma kien hemm ebda bżonn ta' kjarifika jew reviżjoni ta' xi
waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Għall-Bulgarija
u l-Polonja, kien prematur li jitqajmu tali kwistjonijiet. Flimkien ma' Ċipru,
il-Bulgarija indikat nuqqas ta' esperjenza prattika ta' xogħol
temporanju. Il-Portugall enfasizza l-importanza li jiġi ggarantit
li d-Direttiva kienet trasposta b'mod korrett fl-Istati Membri kollha. Il-Finlandja qalet li
l-Artikolu 4 tad-Direttiva ma kienx ċar, b'mod partikolari
fir-rigward jekk jobbligax l-Istati Membri jadottaw il-leġiżlazzjoni
nazzjonali skont l-Artikolu 4(1) li jiċċita r-raġunijiet li
jistgħu jiġġustifikaw il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq
l-użu tax-xogħol tal-aġenzija. Fid-dawl tal-Konfederazzjoni
tan-Negozji Ewropej, id-Direttiva ma kellhiex bżonn ta' reviżjoni,
iżda implimentazzjoni xierqa tal-Artikolu 4 fl-Istati Membri fejn
jibqgħu fis-seħħ ostakli mhux ġustifikati
għall-użu tax-xogħol tal-aġenzija. Il-Konfederazzjoni
tan-Negozji Ewropej stiednet lill-Kummissjoni tadotta komunikazzjoni
interpretattiva dwar l-Artikolu 4 u biex tħeġġeġ
it-tneħħija ta' restrizzjonijiet mhux iġġustifikati
fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, jekk ikun
meħtieġ, permezz ta' proċeduri ta' ksur. Eurociett ma
ħassitx il-ħtieġa li tirrevedi d-Direttiva lanqas. Madankollu,
hija kompliet tgħid li jekk ma kienx possibbli li jkun hemm progress
sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 4, hija taf tikkunsidra
titlob reviżjoni kundizzjonali u limitata ta' dan l-Artikolu. L-UEAPME ma
rat l-ebda ħtieġa għal reviżjoni tad-Direttiva f'dan
l-istadju, filwaqt li s-CEEP għamel referenza għal ħtieġa
li jiġu ċċarati ċerti miżuri ta' implimentazzjoni
nazzjonali aktar milli d-Direttiva nnifisha. Il-KETU qalet li fid-dawl
tat-traspożizzjoni mdewma f'għadd ta' Stati Membri, kien għadu
kmieni wisq biex jiġi deċiż jekk id-Direttiva kellhiex bżonn
tiġi riveduta. Madankollu, issib id-derogi għall-prinċipju ta'
trattament indaqs problematiċi ħafna, speċjalment l-Artikolu 5(2)
kif applikat f'xi Stati Membri. L-UNI-Europa hija
tal-opinjoni li d-Direttiva għandha tiġi riveduta. Tikkunsidra li
d-derogi pprovduti fl-Artikoli 5(3) u 5(4) jeħtieġ li
jitneħħew, peress li jiksru b'mod dirett il-prinċipju ta'
trattament indaqs. Minbarra dan, fin-nuqqas ta' xi limitazzjoni fuq
l-assenjazzjonijiet suċċessivi fid-Direttiva, il-kunċett ta' "użu
ħażin" fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5 għandu
jiġi ċċarat. 11. Konklużjonijiet Id-Direttiva għandha
l-għan li ssib bilanċ ġust bejn, minn naħa, it-titjib
tal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, b'mod
partikolari billi tistabbilixxi l-prinċipju ta' trattament indaqs, u,
min-naħa l-oħra, tappoġġja r-rwol pożittiv li
x-xogħol tal-aġenzija jista' jkollu billi tipprovdi
biżżejjed flessibbiltà fis-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi
l-ħidma sinifikanti li twettqet fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva,
b'mod partikolari fl-Istati Membri fejn ma kien hemm ebda
leġiżlazzjoni li tirregola b'mod speċifiku x-xogħol
temporanju, jew fejn il-prinċipju ta' trattament indaqs ġie
rikonoxxut fil-liġi nazzjonali għall-ewwel darba. L-analiżi t'hawn fuq
turi li b'mod ġenerali d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jidher li
ġew implimentanti u applikati b'mod korrett. Madankollu l-analiżi
wriet anki li l-għan doppju tad-Direttiva għadu ma ntlaħaqx
għalkollox. Min-naħa, il-qies kemm jintużaw ċerti derogi
tal-prinċipju tat-trattament indaqs jaf xi drabi ma jħallix
l-applikazzjoni tad-Direttiva tħalli effetti reali biex titjieb
il-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija.
Min-naħa l-oħra, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet,
ir-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u tal-projbizzjonijiet milli
jintuża x-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija serviet biex
tilleġittima l-istatus quo minflok biex tħajjar li jerġa'
jiġi studjat ir-rwol tax-xogħol permezz ta' aġenzija fi swieq
tax-xogħol flessibbli u moderni. Il-kummissjoni se tibqa'
timmonitorja mill-qrib l-applikazzjoni tad-Direttiva filwaqt li tqis aktar
titjib fl-oqsma tal-liġi tax-xogħol u x-xogħol temporanju
permezz ta' aġenzija, ħalli tiżgura li jintlaħqu
l-għanijiet tagħha kif jixraq u li d-dispożizzjonijiet
tagħha jiġu trasposti sew u għalkollox f'kull Stat Membru.
F'dal-kuntest il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u bosta
sħab soċjali fil-grupp ta' ħidma li se jsegwu l-applikazzjoni
tad-Direttiva kif ukoll fora oħrajn. Barra minn hekk il-Kummissjoni
beħsiebha tindirizza b'mezzi xierqa kull problema fl-implimentazzjoni
tad-Direttiva, inkluż meta meħtieġ, il-proċeduri ta' ksur.
L-ilmenti mressqa quddiem il-Kummissjoni kontra l-Istati Membri,
il-petizzjonijiet u l-mistoqsijiet preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja
jistgħu jikkostitwixxu wkoll sors importanti ta' informazzjoni fir-rigward
tal-miżuri u l-prattiki nazzjonali li jkunu inkompatibbli mad-Direttiva. Fil-kuntest tat-Trimestru
Ewropew, jekk il-Kummissjoni tidentifika aspetti ta' piż regolatorju speċifiku
bħala ostakli għat-tkabbir u l-kompetittività fil-valutazzjoni
tagħha tal-ostakli nazzjonali għall-attività tal-aġenziji
tax-xogħol temporanju, din se tqis ukoll ir-rakkomandazzjonijiet
lill-Istati Membri dwar il-miżuri speċifiċi
għall-pajjiżi. Fir-rigward tal-emendi
possibbli għad-Direttiva, huwa meħtieġ aktar żmien biex
tiġi akkumulata l-esperjenza fl-applikazzjoni tagħha u biex jiġi
stabbilit jekk laħqitx b'mod sħiħ l-objettivi tagħha.
Il-perjodu ta' traspożizzjoni tagħha skada f'Diċembu 2011 u
xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali
tad-Direttiva ġew adottati biss fir-Rebbiegħa 2013. Għad m'hemmx
każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tagħha. F'dan il-kuntest u fid-dawl
tal-valutazzjoni proprja tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva,
filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet espressi mill-Istati Membri u s-sħab
soċjali Ewropej matul il-proċess ta' konsultazzjoni għal dan
ir-rapport, il-Kummissjoni hija tal-fehma li mhuma meħtieġa l-ebda
emendi f'dan l-istadju. Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni li jakkumpanja jagħti: - ħarsa ġenerali lejn l-għażliet li għamlu l-Istati
Membri għall-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali, u - ħarsa ġenerali lejn ir-rapporti tal-Istati Membri dwar ir-riżultati
tar-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet fuq l-użu
tax-xogħol temporanju. [1] Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta'
aġenzija, ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9. [2] Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern,
ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36. [3] L-ebda parti minn dan ir-rapport ma għandha tinftiehem li
tippreġudika pożizzjoni li l-Kummissjoni tista'
tieħu fil-futur f'xi proċedura legali. [4] F'konformità mar-regoli tat-Trattat dwar is-suq intern, is-servizzi
kollha pprovduti b'rimunerazzjoni għandhom jiġu kklassifikati
bħala attivitajiet ekonomiċi. F'konformità mal-Każistika
tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-servizz mhux bilfors għandu
jitħallas minn dawk li jkun qed jitwettqilhom, iżda għandu jkun hemm konsiderazzjoni
għas-servizz inkwistjoni. L-attivitajiet li ma jitwettqux bi tpattija
għal konsiderazzjoni, eż. mill-Istat jew f'ismu fil-qafas tal-missjonijiet
tiegħu fil-qasam soċjali (pereżempju, korsijiet mogħtija fis-sistema edukattiva nazzjonali jew f'istituzzjoni ta' edukazzjoni
għolja ffinanzjata essenzjalment mill-fondi pubbliċi) ma
jikkostitwixxux attivitajiet ekonomiċi (ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni "Gwida għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni
Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist pubbliku u s-suq intern
għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, u b'mod partikolari
għas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali" (SEC (2010)
1545 finali tas-7.12.2010), b'mod partikolari l-punti 6.1 sa 6.3). [5]
Il-konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE
tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri
biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq
il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li
welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU L 348,
28.11.1992, p. 1),
id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju
ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi
kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p.
23), id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE
tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju
tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini
tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22) u
d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000
li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament
fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16) ma
ġietx issorveljata f'dan ir-rapport. [6] Id-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE
tal-25 ta' Ġunju 1991 li tissupplementa l-miżuri biex
jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa
fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' mpjieg
b'dewmien fiss jew ta' mpjieg temporanju, ĠU L 206, 29.7.1991, p. 19. [7] Minn total ta' 995 tweġiba, li 768 minnhom kienu mingħand
SMEs ibbażati fl-UE jew organizzazzjonjiet li
jirrappreżentaw l-interessi tal-SMEs fl-UE, 59 identifikaw
id-Direttiva 2008/104/KE
bħala waħda mill-biċċiet ta' leġiżlazzjoni li
għandhom l-aktar piż fl-UE. [8] Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal "Monitoraġġ
u Konsultazzjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti
għall-SMEs" (SWD(2013) 60 finali) li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni
lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali
Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "Regolamentazzjoni
Intelliġenti - nirrispondu għall-ħtiġijiet ta' impriżi
żgħar u medji" (COM(2013) 122 finali). [9] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew,
lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat
tar-Reġjuni "Is-segwitu tal-Kummissjoni għall-Konsultazzjoni
tal-'Aqwa Għaxra' tal-SMEs dwar ir-Regolament tal-UE",
COM(2013) 446 finali tat-18 ta' Ġunju 2013. [10] Ċentru Ewropew ta' Intrapriżi b'Parteċipazzjoni
Pubblika u ta' Intrapriżi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali. [11] Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u
tal-Intrapriżi Żgħar u Medji. [12] Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions. [13]
ECJ 11 ta' April 2013, Każ C-290/12 Oreste Della Rocca v
Poste Italiane SpA.. [14] Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema
fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi, ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.