KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Aġenda tal-Ġustizzja tal-UE għall- 2020 - It-Tisħiħ tal-Fiduċja. tal-Mobbiltà u tat-Tkabbir fl-Unjoni /* COM/2014/0144 final */
1.
Introduzzjoni
Matul
dawn l-aħħar 15-il sena, fuq il-bażi tat-Trattati ta’
Maastricht, ta’ Amsterdam u ta’ Nizza, l-UE żviluppat progressivament
spazju Ewropew ta’ ġustizzja u politika tal-UE għall-ġustizzja.
Qabel l-2009, l-azzjoni f’dawn l-oqsma kienet ikkaratterizzata minn struttura
istituzzjonali li kienet differenti minn dik għal oqsma oħra ta’
politika tal-UE. B’mod partikolari, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma kinux
għadhom fuq livell ugwali, filwaqt li l-prijoritajiet kienu prinċipalment
stabbiliti mill-Kunsill Ewropew, permezz tal-adozzjoni ta’ programmi ta’
ħames snin parzjalment dettaljati ħafna (il-programmi ta' Tampere,
tal-Aja u ta’ Stokkolma). Illum,
il-politika tal-UE għall-ġustizzja saret qrib il-politiki l-oħra
tal-UE, wara tibdil suċċessiv għat-Trattati tal-UE, b’mod
partikolari d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona
fl-1 ta’ Diċembru 2009. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill
saru koleġiżlaturi f’bosta oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja
fi kwistjonijiet ċivili u kriminali. Mill-1 ta’ Diċembru 2014,
se tintemm fażi tranżizzjonali finali. Din se tneħħi
l-limitazzjonijiet attwali għall-kontroll ġudizzjarju tal-Qorti
Ewropea tal-Ġustizzja u għas-setgħa tal-Kummissjoni li tniedi
ksur, bħala l-gwardjana tat-Trattat fuq iż-żona ta’ koperazzjoni
ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. Il-Kummissjoni se tkompli
tiżgura l-implimentazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni tal-UE
fl-oqsma tal-ġustizzja. Billi
anke l-Programm tal-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma[1] u l-pjan ta' azzjoni li
ġej tal-Kummissjoni[2]
jintemmu fl-aħħar tas-sena 2014, wasal iż-żmien li
jittieħed kont tal-progress li sar u li jiġu identifikati l-isfidi
ewlenin quddiemna u kif dawn għandhom jingħelbu. Din
il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet politiċi li għandhom
jiġu segwiti sabiex isir iktar progress lejn spazju Ewropew komuni ta'
ġustizzja li jiffunzjona bis-sħiħ u orjentat lejn
il-fiduċja, il-mobbiltà u tkabbir ekonomiku sal-2020. Fit-tħejjija
ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni involviet firxa wiesgħa ta’
partijiet interessati, b’mod partikolari permezz tal-konferenza "Assises
de la Justice"[3]
u rċeviet għadd kbir ta’ kontributi bil-miktub. Saru wkoll
diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew[4],
fil-Kunsill[5]
u fil-Kumitat tar-Reġjuni[6]. L-orjentazzjonijiet
tal-Kummissjoni relatati speċifikament mal-kooperazzjoni ġudizzjarja
fi kwistjonijiet ċivili u kriminali huma maħsuba biex jikkontribwixxu
għal-linji gwida strateġiċi li jridu jiġu definiti
mill-Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 68 tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea (TFUE); u anke għall-għażliet
strateġiċi li l-Parlament Ewropew se jkun irid jagħti
għall-iżvilupp ulterjuri tal-ispazju Ewropew ta' ġustizzja.
2.
Il-progress li sar sa issa: il-bażi
tal-Ispazju Ewropew ta' Ġustizzja
L-UE ħadet azzjoni biex tistabbilixxi l-bażi
ta’ “spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri
interni”. Sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u
bħala riżultat ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew u
mal-Kunsill, sar progress sostanzjali lejn spazju Ewropew ta' ġustizzja li
jaħdem aħjar. It-tisħiħ
tal-fiduċja reċiproka Il-politika tal-UE għall-Ġustizzja
fittxet li tiżviluppa spazju Ewropew ta’ ġustizzja bbażat fuq
għarfien reċiproku u fiduċja reċiproka permezz
tal-ħolqien ta' rabtiet bejn id-diversi sistemi ġudizzjarji
tal-Istati Membri. Dan kien jeħtieġ li jinbnew salvagwardji legali
xierqa, biex ikun żgurat li r-rabtiet mibnija bejn is-sistemi legali
tal-Istati Membri jkunu strutturalment sodi. Fil-qasam tal-ġustizzja
kriminali, il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri
ssaħħet permezz tal-istabbilizzazzjoni progressiva, madwar l-UE, ta'
sett ta’ drittijiet għal proċess ġuridiku ġust permezz ta’
standards minimi komuni, madwar l-UE kollha kemm hi, biex jipproteġu
persuni suspettati jew akkużati b’reat[7].
Il-pożizzjoni tal-vittmi matul il-proċedura kriminali tjiebet ukoll
permezz tal-provvediment ta' drittijiet minimi, appoġġ, parir u
protezzjoni għall-vittmi u l-qraba viċini tagħhom. Il-Ġustizzja għat-Tkabbir:
il-kontribuzzjoni għat-tkabbir ekonomiku Matul l-aħħar snin, notevolment
taħt l-impressjoni tal-kriżi finanzjarja u tad-dejn sovran u
b’konformità mal-istrateġija Ewropa 2020, il-politika
tal-Ġustizzja tal-UE saret ukoll appoġġ għall-irkupru
ekonomiku, għat-tkabbir u għar-riformi strutturali.[8] L-UE ħadet azzjoni
biex progressivament tinbena l-fiduċja meħtieġa
għan-negozji u l-konsumaturi biex igawdu suq uniku li verament jaħdem
bħala suq domestiku. Il-burokrazija żejda u l-ispejjeż
inqatgħu: sentenza li tingħata fi Stat Membru wieħed tista' issa
tiġi rikonoxxuta u infurzata fi Stat Membru ieħor mingħajr
proċeduri intermedjarji (il-formalità ta' "exequatur"[9] tneħħiet
progressivament kemm fil-proċedimenti ċivili kif ukoll f'dawk
kummerċjali). Fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta, Regolament panEwropew
ġdid huwa attwalment is-suġġett tan-negozjati avvanzati bejn
il-Parlament Ewropew u l-Kunsill li se jissostitwixxi t-28 liġi
nazzjonali eżistenti li jirregolaw il-protezzjoni tad-dejta personali
permezz ta’ sett wieħed ta’ regoli. Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur,
li f'Ġunju 2014 se tkun effettiva bis-sħiħ madwar
it-28 Stat Membru kollha kemm huma, se żżid il-protezzjoni
tal-konsumatur, filwaqt li n-negozji se jibbenefikaw minn sett wieħed ta’
regoli ewlenin, billi jinqatgħu l-ispejjeż tal-konformità b’mod
sostanzjali għan-negozjanti madwar l-UE kollha. Bħala l-ewwel pass
lejn kultura tal-UE "ta' salvataġġ u ta' rkupru" biex
il-kumpaniji u l-individwi f’diffikultajiet finanzjarji jingħataw
l-għajnuna, ir-regoli Ewropej eżistenti dwar l-insolvenza transfruntiera
qed jiġu emendati. It-titjib tal-indipendenza, il-kwalità u
l-effiċjenza tas-sistemi nazzjonali ġudizzjarji huwa parti
mill-programmi ta’ aġġustament ekonomiku u tas-Semestru Ewropew.
It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE qed tgħin lill-Istati
Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE billi tipprovdi dejta
oġġettiva, affidabbli u komparabbli dwar l-effettività tas-sistemi
nazzjonali tal-ġustizzja. L-istituzzjonijiet tal-UE ħadu wkoll
azzjoni biex jipproteġu aħjar l-interessi finanzjarji tal-flus tal-UE
u tal-kontribwenti kontra l-frodi. Dan ix-xogħol kien jinkludi b’mod
partikolari l-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Uffiċċju
tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, bl-għan li jistabbilixxi korp li
jiżgura li r-reati kriminali kontra l-baġit tal-UE jiġu
effettivament investigati u mħarrka sabiex il-kriminali jitressqu quddiem
il-qorti u l-flus jiġu rkuprati. Ġustizzja
għaċ-Ċittadini: Nagħmlu l-ġustizzja sempliċi
għaċ-ċittadini L-UE ħadet azzjoni biex tiżgura li
ċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ
mid-dritt tagħhom li jmorru minn post għal ieħor, biex jixtru
prodotti u servizzi, u biex jgħixu fi Stat Membru ieħor.
Iċ-ċittadini għandhom igawdu bis-sħiħ
iċ-ċittadinanza tal-UE tul ħajjithom u jħossuhom komdi kull
fejn ikunu fl-UE. Dan sar pereżempju permezz tal-faċilità
għalihom li jimmaniġġaw l-implikazzjonijiet legali
tas-suċċessjonijiet u d-divorzju transfruntiera jew bil-proposta li
titnaqqas il-burokrazija li tiswa ħafna fl-Istati Membri permezz tat-tneħħija
ta' formalitajiet ta' timbri skaduti bħall-Apostille jew
it-traduzzjonijiet awtentikati bejn l-Istati Membri. Il-protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali Bħala l-gwardjana tat-Trattati,
il-Kummissjoni intervjeniet biex tiżgura r-rispett tal-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (il-“Karta”), inklużi d-drittijiet
taċ-ċittadini tal-UE, u tal-istat tad-dritt. Il-Karta legalment
vinkolanti saret boxxla għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE.
Il-Kummissjoni intervjeniet ukoll biex tiżgura r-rispett ta’ drittijiet speċifiċi
stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE, b’mod partikolari d-dritt
tal-ugwaljanza, il-protezzjoni tad-dejta personali, u l-protezzjoni
tal-konsumatur. Dan kien jinkludi l-azzjoni għat-tisħiħ
tal-ugwaljanza bejn is-sessi billi ġew promossi n-nisa fit-teħid
tad-deċiżjonijiet.
3.
L-Isfidi: It-tisħiħ tal-fiduċja,
il-mobilità u t-tkabbir ekonomiku ġewwa l-Unjoni
Għalkemm sar progress tanġibbli
sal-lum lejn spazju Ewropew komuni bis-sħiħ fil-qasam
tal-ġustizzja, jeħtieġ li jsir aktar wara t-tmiem tal-perjodu
tranżizzjonali fl-1 ta’ Diċembru 2014. Il-fiduċja Il-fiduċja reċiproka hija l-pedament li fuqu għandha
tinbena l-politika tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja. Filwaqt li l-UE
poġġiet is-sisien importanti għall-promozzjoni ta’ fiduċja
reċiproka, jeħtieġ li din tal-aħħar
tissaħħaħ aktar biex jiġi żgurat li
ċ-ċittadini, il-ġuristi u l-imħallfin ikollhom fiduċja
sħiħa fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji irrispettivament
mill-Istat Membru fejn ikunu ttieħdu. Strumenti tal-UE bħalma huma
l-mandat ta' arrest Ewropew jew ir-regolamenti dwar il-kunflitt
fil-kwistjonijiet ta' liġi bejn l-Istati Membri jeħtieġu livell
għoli ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet
tal-ġustizzja minn Stati Membri differenti. Il-fiduċja reċiproka
bejn il-qrati u l-amministrazzjonijiet tgħinhom biex jirrikonoxxu u
jinfurzaw id-deċiżjonijiet ta’ xulxin u tiffaċilita
l-aċċess għall-ġustizzja fuq termini ugwali fl-Istati
Membri kollha. Rekwiżit prinċipali għall-fiduċja
reċiproka huwa l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi
ġudizzjarji[10]
u r-rispett lejn l-istat tad-dritt[11].
Ingredjent importanti ħafna ta’ fiduċja huwa li l-progress
fil-liġijiet isir realtà fuq il-post. Dan jeħtieġ liġijiet
diġà miftehmin f’livell tal-UE li jiġu trasposti u applikati b’mod
effettiv. Dan jitlob ukoll għodda effettivi għall-infurzar fuq livell
nazzjonali biex jiġi żgurat aċċess aħjar
għall-ġustizzja fl-Istati Membri kollha. Il-mobbiltà. L-Ewropej qegħdin dejjem aktar jieħdu vantaġġ
mid-drittijiet mogħtija lilhom mit-Trattati tal-UE. Bħalissa hemm
kważi 14-il miljun ċittadin tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li
tiegħu mhumiex ċittadini (iktar minn 12,1-il miljun fl-2009).[12] Iċ-ċittadini
tal-UE dejjem aktar qegħdin jivvjaġġaw[13], jistudjaw, jivvutaw[14], jaħdmu,
jibbenefikaw mill-kura tas-saħħa, jiżżewġju[15], jkollhom it-tfal,
jixtru l-proprjetà, jiddivorzjaw[16]
u jmutu[17]
fi Stat Membru li mhuwiex dak li twieldu fih. Anki minn djarhom stess,
il-konsumaturi[18]
jixtru l-prodotti u s-servizzi minn fruntiera għal oħra, inkluż
onlajn. Minkejja l-progress fid-dgawdija tad-drittijiet tagħhom,
iċ-ċittadini tal-UE għadhom jiffaċċjaw xi ostakli.
Dawn għadhom jesperjenzaw diffikultajiet prattiċi u legali meta
jippruvaw igawdu mill-istess drittijiet li għandhom id-dar fi Stat Membru
ieħor. Jeħtieġ li l-UE tindirizza dawn l-ostakli
b’determinazzjoni, filwaqt li tkompli tippermetti l-ġlieda kontra
l-abbuż, b’mod partikolari fi żmien meta d-dritt għall-moviment
liberu taċ-ċittadini tal-UE qed jiġi sfidat minn xi wħud.
Id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqalqu liberament u
jgħixu fi kwalunkwe pajjiż tal-UE huwa wieħed mill-erba'
libertajiet fundamentali mħaddna fil-liġi tal-UE u s-sisien
tal-integrazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ fruntieri fid-dinja
diġitali onlajn huwa mutur biex l-UE tindirizza l-interazzjoni bejn
il-liġijiet sostantivi. It-tkabbir. Il-politika tal-ġustizzja tal-UE għandha tkompli
tappoġġja l-irkupru ekonomiku, it-tkabbir u t-trattament
tal-qgħad. Jeħtieġ li r-riformi strutturali jiġu segwiti
biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-ġustizzja jkunu kapaċi
jwasslu ġustizzja affidabbli, ta’ malajr u ta' min joqgħod fuqha, li
tkun b’mod partikolari tnaqqas it-tul tal-proċedimenti ġudizzjarji u
b’hekk tappoġġja l-effettività ta’ politiki oħrajn. In-negozji u
l-konsumaturi jeħtieġu li jkunu kunfidenti li se jkunu jistgħu
jinfurzaw b’mod effettiv il-kuntratti u jittrattaw it-tilwim fil-qorti, jew
fejn possibbli barra mill-qorti, madwar l-UE, fi żmien raġonevoli u
mingħajr ma jiltaqgħu mal-varjetà ta’ ostakli li għadhom qed
jiffaċċjaw illum. It-tkabbir fl-ekonomija diġitali
jeħtieġ ukoll il-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini,
billi dawn huma mħassba dwar l-ipproċessar jew is-sorveljanza fuq
skala kbira tad-dejta personali tagħhom meta jużaw is-servizzi
onlajn.
4.
nindirizzaw l-isfidi: Nikkonsolidaw, Nikkodifikaw,
Nikkomplementaw
Biex jiġu indirizzati
l-isfidi identifikati għall-funzjonament sħiħ fl-ispazju Ewropew
ta' ġustizzja, l-enfasi tal-politika tal-ġustizzja tal-UE fis-snin li
ġejjin għandu jkun li tikkonsolida dak li nkiseb diġà, u,
meta jkun meħtieġ u xieraq, li tikkodifika l-liġi u
l-prattika tal-UE u tikkumplementa l-qafas eżistenti b’inizjattivi
ġodda. Skont it-tip ta’ sfidi, il-politika futura tal-ġustizzja
tal-UE għandha tuża kombinazzjoni ta’ dawn il-metodi, abbażi ta’
analiżi każ b’każ u valutazzjoni tal-impatt. Fl-applikazzjoni ta'
kwalunkwe wieħed minn dawn il-metodi, l-UE għandha tqis
bis-sħiħ il-fatt li d-diversità tas-sistemi u t-tradizzjonijiet
ġuridiċi fl-UE jridu jiġu ppreżervati; li s-sussidjarjetà u
l-proporzjonalità jiġu rrispettati kif ukoll il-ħtieġa li
l-azzjonijiet kollha tal-UE, u notevolment l-azzjoni tal-UE fil-qasam
tal-politika tal-ġustizzja, jkunu bbażati fis-sod fuq il-Karta tal-UE
tad-Drittijiet Fundamentali.
4.1.
Il-konsolidazzjoni
Biex l-aġenda tal-UE
għall-ġustizzja timxi 'l quddiem, l-UE għandha l-ewwel u qabel
kollox tikkonsolida l-progress miksub, filwaqt li tiżgura li d-drittijiet
fundamentali jiġu rispettati u li d-drittijiet mogħtija
bil-leġiżlazzjoni tal-UE jsiru realtà. L-istrumenti miftiehma
fil-livell tal-UE jridu jiġu trasposti mill-Istati Membri, implimentati u
użati b’mod effettiv. Meta dawn id-drittijiet ma jiġux rispettati,
għandu jkun hemm rimedji effettivi disponibbli. i)
Il-ħarsien tad-Drittijiet Fundamentali L-UE għandha ssegwi l-isforzi tagħha
biex tiżgura li tibqa’ eżemplari fl-applikazzjoni tagħha
tal-Karta. Dan jeħtieġ azzjoni mill-istituzzjonijiet Ewropej kollha u
l-Istati Membri kollha meta jimplimentaw il-liġi tal-UE biex tiġi
promossa applikazzjoni effettiva tal-Karta u tal-leġiżlazzjoni
sekondarja li tindirizza drittijiet speċifiċi, bħall-protezzjoni
tad-dejta personali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet
taċ-ċittadini, id-drittijiet għal proċess ġust jew
id-drittijiet tat-tfal. L-iżgurar tal-protezzjoni effettiva ta’ dawn
id-drittijiet madwar l-UE huwa kruċjali għall-fiduċja
taċ-ċittadini fil-funzjonament xieraq taż-żona Ewropea
tal-ġustizzja. Dan jinkludi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti
minn minoritajiet jew dawk ta’ persuni f’sitwazzjonijiet partikolarment
vulnerabbli bħat-tfal, il-vittmi tal-kriminalità u l-persuni
b’diżabbiltà. Barra minn hekk, għandu jkun hemm determinazzjoni
komuni kontinwa fil-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda razzjali jew
ksenofobika u d-delitti fl-UE. Il-parir u l-kompetenza tal-Aġenzija
tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE huma importanti biex jikkontribwixxu
għall-iżvilupp tal-politiki tal-UE, inkluż fi kwistjonijiet
kriminali. L-UE għandha wkoll tkompli l-ħidma
tagħha biex tiżgura l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel
fis-salarji, fil-pensjonijiet u fil-parteċipazzjoni fis-suq
tax-xogħol, inkluż f’pożizzjonijiet ta’ maniġment
superjuri. Din l-azzjoni għandha tgħin biex tiżgura li l-Ewropa
qed tagħmel użu sħiħ mit-talenti kollha disponibbli. ii)
Niżguraw rimedji effettivi Ma hemm l-ebda drittijiet mingħajr
rimedji effettivi. L-UE għandha ssegwi l-isforzi tagħha biex
tiżgura r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal
f’każ ta’ ksur tal-liġi tal-UE (Artikolu 47 tal-Karta),
inkluż f’każijiet fejn il-proċeduri nazzjonali jagħmluha
eċċessivament diffiċli għaċ-ċittadini li jfittxu
d-drittijiet mogħtija lilhom mil-liġi tal-UE f’każijiet
transfruntiera. Biex ikomplu jiffaċilitaw
ir-riżoluzzjoni rapida tat-tilwim, l-Istati Membri għandhom
jippromwovu l-użu ta’ tipi oħra ta’ mekkaniżmi ta’ rimedji mhux
ġudizzjarji żviluppati fl-UE li jistgħu joffru soluzzjoni għal
tilwim imħaffa, effiċjenti u irħas . Dawn il-mekkaniżmi u
l-istrumenti jinkludu, pereżempju, medjazzjoni, ir-riżoluzzjoni
alternattiva tat-tilwim, ir-riżoluzzjoni onlajn tat-tilwim, SOLVIT,
il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u l-Ordni Ewropea
tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet li għadu kemm kien hemm qbil dwarha. Ir-rieżami amministrattiv, ix-xogħol
tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar kif ukoll il-proċeduri quddiem
il-korpi ta’ ugwaljanza, jistgħu jkollhom rwol ukoll. Il-kooperazzjoni
mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali jew il-korpi amministrattivi hija
partikolarment importanti għall-effettività ta’ ċerti drittijiet
tal-UE, bħal pereżempju d-dritt għall-moviment liberu jew
il-protezzjoni tad-dejta personali. Sabiex jiġi indirizzat aħjar il-ksur
tal-liġi tal-protezzjoni tal-konsumaturi madwar l-UE, jeħtieġ li
tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali
tal-infurzar. L-indipendenza tal-awtoritajiet ta’ infurzar, meta
meħtieġa mil-liġi tal-UE, kif inhu l-każ
għall-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta, trid tkun żgurata. Is-sistemi tal-ġustizzja li jiffunzjonaw
tajjeb li jittrattaw każijiet amministrattivi huma wkoll kruċjali
għall-effettività tal-liġi tal-UE.
iii) Taħriġ Ġudizzjarju
L-impatt tal-liġi tal-UE fuq
il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej u n-negozji huwa tali
li kull ġurista nazzjonali – mill-avukati u l-bailiffs fuq naħa
waħda, sal-imħallfin u l-prosekuturi fuq in-naħa l-oħra –
għandu jkun ukoll espert fil-liġi tal-UE u kapaċi li jinterpreta
u jinforza b'mod effettiv il-liġi tal-UE, flimkien mal-liġi domestika
tiegħu jew tagħha stess. Fis-sistema ġuridika
deċentralizzata tal-Unjoni, jeħtieġ li ta' sikwit
l-imħallfin nazzjonali jsiru “mħallfin tal-liġi tal-Unjoni”
sabiex ikunu jistgħu jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom. It-taħriġ tal-ġuristi
fil-liġi tal-UE huwa għalhekk ta’ importanza kbira biex jiżgura
li l-liġi tal-UE tiġi implimentata u applikata b’mod korrett, biex
tinbena l-fiduċja fis-sistemi ġudizzjarji ta’ xulxin u biex
jippermetti li l-ġuristi jikkooperaw u jkollhom fiduċja f’xulxin
min-naħa għal oħra tal-fruntieri. Aktar minn 130,000 ġurista
rċevew taħriġ fil-liġi tal-UE fl-2011 u l-2012. Dan
jinkludi kwart tal-imħallfin u l-prosekuturi kollha tal-UE. Wasal
iż-żmien li t-taħriġ jittieħed pass 'il quddiem u jinvolvi
b’mod attiv il-persunal tal-qorti u l-ġuristi fil-liġi tal-UE
mill-bidu nett. L-esperjenza min-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ
Ġudizzjarju għandha tiġi kkonsolidata u estiża biex
tinkludi l-imħallfin u l-prosekuturi ġodda kollha. Il-potenzjal
tat-tagħlim elettroniku‑għandu wkoll jiġi sfruttat
bis-sħiħ. L-UE għandha tagħmel użu
sħiħ min-netwerks eżistenti biex jiġi ffaċilitat
it-taħriġ tal-ġuristi u biex jintlaħaq l-għan ta’
taħriġ għal 50 % minnhom – total ta’ 700,000 –
fil-liġi tal-UE sal-2020. Il-Kummissjoni hija lesta li tappoġġa
dawn l-isforzi: il-programm finanzjarju tal-Ġustizzja 2014-2020
jirrifletti l-importanza li l-Kummissjoni tagħti lit-taħriġ.
35 % tal-baġit globali tal-programm ta’ EUR 378 miljun se
jappoġġa proġetti ta’ taħriġ Ewropej ta’ kwalità
għolja għall-professjonijiet kollha fil-qasam tal-ġustizzja u se
jgħin biex jinqasmu l-aħjar prattiki f'suġġetti
bħall-kurrikula jew il-metodoloġija interattiva tat-taħriġ. iv) It-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni It-teknoloġiji tal-informazzjoni u
l-komunikazzjoni (e-Justice), jiffaċilitaw l-aċċess
għall-ġustizzja għaċ-ċittadini u n-negozji. Il-portal tal-Ġustizzja elettronika[19] u portali oħra
rilevanti li jinfurmaw liċ-ċittadini u lin-negozji dwar id-drittijiet
tagħhom bħal L-Ewropa Tiegħek[20],
għandhom ikomplu jiżviluppaw f'għodda operazzjonali li
jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja, u
jneħħu l-burokrazija żejda u l-proċeduri mhux
meħtieġa fl-Istati Membri b'mod partikolari fi proċedimenti
ċivili u kummerċjali. Il-portal tal-Ġustizzja elettronika jista’
wkoll jagħmel il-kooperazzjoni transfruntiera aktar faċli,
pereżempju billi jipprovdi liċ-ċittadini u lill-ġuristi
b’mudelli u b'forom tradotti fil-lingwi uffiċjali l-oħrajn kollha
tal-UE. L-interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali fil-livell tal-UE
għandha tiżgura li l-ġuristi, iċ-ċittadini u n-negozji
jkollhom aċċess għall-informazzjoni li jeħtieġu fi
Stati Membri oħra. Reġistri bħal dawn jinkludu reġistri
tan-negozji, tal-art u tal-insolvenza, kif ukoll reġistri ta’ testmenti. Il-benefiċċji tal-għodod
tal-ġustizzja elettronika mhumiex limitati għal kuntesti
transfruntiera biss. Il-komunikazzjoni elettronika diretta bejn
iċ-ċittadini, il-ġuristi, in-negozji u l-qrati qed issir realtà
madwar il-ispazju Ewropew ta’ ġustizzja u l-UE għandha
tappoġġa inizjattivi f’dan il-qasam. Fil-kuntest ta’ riformi
strutturali kontinwi u l-ħidma fuq amministrazzjoni pubblika moderna,
id-diġitizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja qed issir
strument ewlieni għall-iżgurar tas-sistemi ġudizzjarji
nazzjonali effettivi. L-UE għandha tinkoraġġixxi
l-użu ta’ għodod elettroniċi, li jistgħu jipprovdu
benefiċċju addizzjonali reali għaċ-ċittadini,
għan-negozji, għall-ġuristi u l-qrati, inklużi għodod
għall-aċċess tal-ġurisprudenza tal-qrati fi Stati Membri
oħra. v)
Il-Kooperazzjoni Operattiva Prattikanti madwar l-Ewropa jeħtieġ
li jaħdmu flimkien biex jiskambjaw informazzjoni malajr u sigura u biex
jiksbu l-għajnuna mill-kontropartijiet tagħhom. It-titjib
tal-kooperazzjoni operattiva bejn il-partijiet kollha involuti huwa
kruċjali, b’mod partikolari biex tiġi stabbilita fiduċja
reċiproka. Il-mekkaniżmi u n-netwerks eżistenti
fi kwistjonijiet ċivili u kriminali, bħalma huma n-Netwerks
Ġudizzjarji Ewropej, għandhom jiġu msaħħa u
l-potenzjal tagħhom sfruttat bis-sħiħ, inkluż onlajn. L-Eurojust għandu jaqdi r-rwol
tiegħu bis-sħiħ, waqt li jibbenefika mir-riforma kontinwa
tiegħu, billi se jibqa’ korp importanti tal-UE fil-koordinazzjoni u
l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali wkoll wara l-istabbiliment
tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li se jiffoka
l-attivitajiet tiegħu, għall-inqas inizjalment, fuq il-ġlieda
kontra l-frodi għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
Għal reati transnazzjonali oħra, l-Eurojust se jkollu rwol ewlieni
x'jaqdi u għalhekk jeħtieġ li jissaħħaħ aktar
fl-effettività. F’dan il-kuntest, il-potenzjal ta’ timijiet ta’ investigazzjoni
konġunti għandu jintuża sal-massimu possibbli.
4.2.
L-ikkodifikar
Il-kodifikazzjoni tal-liġijiet
eżistenti u l-prattiki tista’ tiffaċilita l-għarfien, il-fehim u
l-użu tal-leġiżlazzjoni, it-tisħiħ tal-fiduċja
reċiproka kif ukoll il-konsistenza u ċ-ċertezza legali filwaqt
li tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis ta’ burokrazija
żejda. F’għadd ta’ każijiet, il-kodifikazzjoni ta’ ċerti
partijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE li tikkonċerna
l-ġustizzja jew il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja
tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-Ġustizzja tista’ tkun ta’
benefiċċju f’li tipprovdi konsistenza tal-leġiżlazzjoni u
ċarezza għaċ-ċittadini u l-utenti tal-liġi b’mod
ġenerali: ·
Il-liġi ċivili u kummerċjali: Mill-2000, l-UE adottat għadd sinifikanti ta’ regoli fi
kwistjonijiet ċivili u kummerċjali kif ukoll dwar il-kunflitt
tal-liġijiet. L-UE għandha teżamina jekk il-kodifikazzjoni
tal-istrumenti eżistenti tistax tkun utli, notevolment fil-qasam ta’
kunflitt tal-liġijiet; ·
Il-liġi dwar id-drittijiet tal-konsumatur: Wara valutazzjoni tal-funzjonament kumplessiv tad-Direttiva dwar
id-Drittijiet tal-Konsumatur u l-acquis relatat fil-qasam
tal-leġiżlazzjoni tal-konsumatur, l-inizjattivi ta' kodifikazzjoni
bbażati fuq leġiżlazzjoni eżistenti għandhom jiġu
esplorati u evalwati. L-għan għandu jkun li tiżdied
is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom, li
jiġu ssimplifikati d-direttivi li jikkoinċidu parzjalment u li
l-kumpaniji jingħataw l-għajnuna biex japplikaw l-istess sett ta’
regoli f’kuntesti differenti; ·
Il-liġi kriminali:
Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar drittijiet proċedurali fi
kwistjonijiet kriminali attwalment tinsab f’għadd konsiderevoli ta’
strumenti differenti li ġew żviluppati u adottati pass pass matul
l-aħħar snin. Biex il-livell ekwu u l-konsistenza tal-protezzjoni
tad-drittijiet ta’ persuni suspettati jissaħħu, il-ħtieġa
li jiġu kkodifikati d-drittjiet proċedurali kriminali fi strument
wieħed tista’ tiġi eżaminata. Biex jiġu ffaċilitati l-fiduċja
u l-kooperazzjoni reċiproka għandha tingħata attenzjoni wkoll
lill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni relatata
mar-regoli u l-prinċipji li għandhom jiġu applikati
mill-amministrazzjonijiet nazzjonali meta jimplimentaw il-liġi tal-UE.
4.3.
Il-komplementazzjoni
Il-politika tal-ġustizzja hija qasam
dinamiku, iffurmata b’mod partikolari permezz tal-mobilità li dejjem qed
tiżdied taċ-ċittadini u n-negozji. Inizjattivi biex
jikkumplimentaw il-politiki u l-istrumenti legali eżistenti
tal-ġustizzja jistgħu għalhekk jiġu kkunsidrati fejn xieraq.
Dan għandu dejjem ikun magħmul bl-għan li
tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka,
għall-faċilità tal-ħajja taċ-ċittadini u għal
aktar kontribut f'dak li għandu x'jaqsam mat-tkabbir. Il-ħtieġa
u l-valur miżjud ta’ tali inizjattivi komplementari se jkollhom jiġu
vvalutati bir-reqqa bħal f’oqsma oħra ta’ politika tal-UE. Barra minn
hekk, id-diversità tas-sistemi legali tal-Istati Membri u tat-tradizzjonijiet
dejjem se jkollha tiġi kkunsidrata. L-approċċi li għandhom
jintgħażlu — pereżempju, ir-rikonoxximent reċiproku,
l-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli, l-armonizzazzjoni tradizzjonali,
l-armonizzazzjoni fakultattiva tal-liġi sostantiva jew tar-reġim
tal-liġi proċedurali – jiddependu fuq il-kwistjoni prinċipali. Żieda fil-fiduċja reċiproka.
Il-fiduċja reċiproka tirrikjedi sistemi
tal-ġustizzja li huma indipendenti, ta’ kwalità u effiċjenti.
In-nuqqasijiet eżistenti jew innutati għandhom jiġu indirizzati
sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jistrieħu għal
kollox fuq is-sistema ġudizzjarja li qed jittrattaw. L-assigurazzjoni li
d-drittijiet proċedurali taż-żewġ partijiet ikunu protetti
hija wkoll element kruċjali biex tkun żgurata l-fiduċja
reċiproka kemm fi kwistjonijiet ċivili kif ukoll f’dawk kriminali. Il-ħtieġa
li jissaħħu d-drittijiet proċedurali ċivili għandha
tiġi eżaminata, pereżempju rigward is-servizz ta’ dokumenti jew
fit-teħid ta’ evidenza u fl-iżgurar li l-aħjar interessi
tat-tfal jitqiesu bħala ta’ importanza primarja. Sabiex tiġi
ffaċilitata kooperazzjoni bla xkiel fi kwistjonijiet kriminali,
ir-rikonoxximent reċiproku ta’ strumenti jista' jkompli jiġi
msaħħaħ, waqt li wieħed jibni fuq xogħol li sar sa
issa, f’oqsma bħalma huwa r-rikonoxximent ta’ penali finanzjarji,
l-ordnijiet ta’ konfiska u l-iskwalifiki. Ladarba l-Uffiċċju
tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġi stabbilit, il-prassi se turi
l-ħtieġa possibbli għal miżuri komplementari. Il-kontribut għat-tkabbir ekonomiku. Jistgħu jkunu meħtieġa wkoll inizjattivi ta’ politika
tal-ġustizzja kumplimentari sabiex jagħtu kontribut ulterjuri lit-tkabbir,
pereżempju, billi wieħed imur pass’ il quddiem lejn l-iżvilupp
ta’ kultura tal-UE "ta' salvataġġ u ta' rkupru"
għall-fallimenti. L-istandards minimi fil-qasam tal-liġi sostantiva
tal-insolvenza jistgħu jsiru mixtieqa għall-Istati Membri kollha biex
jippermettu n-negozji vijabbli li jkunu f’diffikultajiet finanzjarji
jgħaddu minn ristrutturar fi stadju bikri. Żviluppi
teknoloġiċi, b’mod partikolari fi swieq b’potenzjal sinifikanti
għat-tkabbir (bħas-suq cloud), jeħtieġu liġi
ċivili tal-UE li għandha tkun aġġornata. Qafas ta'
liġi ċivili u kuntrattwali aktar ċar u konsistenti, inkluż
permezz ta’ sistemi fakultattivi li jirrispettaw is-sussidjarjetà u d-diversità
tas-sistemi ġuridiċi nazzjonali, jista’ jwieġeb għal din
l-isfida billi jipprovdi lin-negozji b’kundizzjonijiet ekwi filwaqt li
jissalvagwardja l-interessi tal-konsumaturi. L-infurzar tad-drittijiet ta’
protezzjoni tal-konsumatur jibqa’ nazzjonali filwaqt li x-xiri transfruntier
jiżdied. It-tisħiħ tal-infurzar jew l-iċċarar
tal-liġijiet eżistenti għall-protezzjoni tal-konsumaturi
għandhom jgħinu biex isaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi. L-iffaċilitar tal-ħajja
taċ-ċittadini. Sabiex jingħata effett
sħiħ lid-dritt ta’ kull ċittadin li jipparteċipa
fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u jippermetti liċ-ċittadini
mobbli tal-UE jintegraw aħjar fil-pajjiż ospitanti tagħhom,
tista' tiġi eżaminata l-ħtieġa li jiġu adottati
dispożizzjonijiet li jżidu d-drittijiet taċ-ċittadinanza
msemmija fit-Trattati tal-UE. Sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn
iċ-ċittadini jiltaqgħu ma’ problemi, pereżempju, relatati
ma’ rekords dwar l-istat ċivili, l-UE għandha tivvaluta
l-ħtieġa għal azzjoni ulterjuri, bħal regoli dwar
kunjomijiet biex tikkumplimenta l-proposti eżistenti biex tiġi
ffaċilitata l-aċċettazzjoni ta’ dawk id-dokumenti pubbliċi
li huma ta’ rilevanza prattika partikolari meta ċ-ċittadini jew
l-impriżi jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom ta’ moviment
liberu. Fi kwistjonijiet kriminali, il-vittmi mhux dejjem jibbenefikaw minn livell
sodisfaċenti ta’ kumpens, b’mod partikolari mingħand min ikun wettaq
ir-reat. Għandha tiġi esplorata azzjoni għar-rimedju ta' dan.
Barra minn hekk, l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni
tar-Roma għandhom jiġu tradotti f’azzjonijiet konkreti fil-livell
nazzjonali u lokali. Dan jinkludi l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-fondi
tal-UE u li jiġi investigat kif jista’ jiġi żgurat immirar
aħjar tal-fondi tal-UE espliċitament għall-inklużjoni
tar-Roma. Li wieħed ikun attiv fil-fora
internazzjonali u l-involviment mas-sħab tal-UE huwa kruċjali biex
jiżgura li ċ-ċittadini tal-UE u n-negozji jkunu mħarsa
fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi. L-għan għandu
jkun li dak li jkun inkiseb fil-livell tal-UE fl-oqsma tal-ġustizzja
għad-difiża tad-drittijiet u l-istabbiliment ta’ standards, bħal
fil-qasam tal-protezzjoni ta’ dejta personali, jsib l-appoġġ u jmexxi
r-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi. Se tingħata attenzjoni
speċjali lill-promozzjoni ta’ sistemi ta’ ġustizzja effettiva b’mod
partikolari fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi ġirien. Fuq livell
multilaterali, l-enfasi se tkun fuq kooperazzjoni aktar effiċjenti
mal-Konferenza tal-Aja dwar il-Liġi Internazzjonali Privata, fejn l-UE
titkellem b’vuċi waħda f’oqsma ta’ liġi ċivili u
kummerċjali. Fid-dawl tal-importanza tagħha
għall-arkitettura kumplessiva tad-drittijiet fundamentali madwar
iż-żona Ewropea tal-ġustizzja, l-adeżjoni tal-UE
mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem – innegozjata
mill-Kummissjoni bejn l-2010 u l-2014 fuq il-bażi ta’ mandat mogħti
lilha mill-Kunsill – teħtieġ li tegħleb l-aħħar
ostakli. Ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja se tkun ħarġet l-opinjoni
tagħha dwar ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati, l-UE,
b’kunsiderazzjoni sħiħa ta’ din l-opinjoni, għandha tieħu
kull azzjoni meħtieġa biex malajr tikkonkludi n-negozjati u jitlesta
l-proċess ta’ ratifika fl-Istati Membri kollha tal-UE, biex jiġi
ssodisfat l-obbligu li jinsab fit-Trattati.
5.
Konklużjoni
Il-politika tal-ġustizzja tal-UE saret
dejjem aktar ċentrali għall-integrazzjoni tal-UE u tanġibbli
ħafna għal bosta ċittadini. Hija għandha rwol importanti
x’taqdi fl-infurzar tal-valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni,
fit-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku u fil-kontribuzzoni favur
l-effikaċja ta’ politiki oħra tal-UE. Politika tal-UE fil-qasam
tal-ġustizzja mfassla sew tista' tiżgura li l-individwi u n-negozji,
notevolment dawk li jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom ta’
moviment liberu, jibbenefikaw b’mod effettiv minn żona tal-ġustizzja
komuni Ewropea ta' fiduċja li tiffunzjona bis-sħiħ. Din l-Aġenda tal-UE
għall-Ġustizzja għall-2020 tistipula l-orjentazzjonijiet
tal-Kummissjoni għad-direzzjoni politika tax-xogħol tal-UE fis-snin
li ġejjin, li issa se tiġi diskussa mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill
kif ukoll mal-pubbliku b’mod ġenerali. Ir-riżultat ta’ din id-diskussjoni
għandu jispira wkoll il-linji gwida strateġiċi li għandhom
jiġu pprovduti mill-Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 68 tat-TFUE. Biex dawn
l-orjentazzjonijiet isiru realtà se jkunu meħtieġa l-isforzi
determinati u kontinwi tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u tal-Istati Membri
kollha, kif ukoll l-involviment sħiħ ta’ dawk kollha interessati,
b’mod partikolari ċ-ċittadini bħala utenti finali tas-sistemi
tal-ġustizzja, il-ġudikatura u l-ġuristi. Dan l-involviment huwa
kruċjali għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet li jirrispondu
għal sfidi prattiċi reali fil-ħajja ta’ kuljum
taċ-ċittadini u tan-negozji u biex jintlaħqu l-aspettattivi
tagħhom. Bħala riżultat, sal-2020, il-ġustizzja u
d-drittijiet taċ-ċittadini ma għandu jkollhom l-ebda fruntiera
fl-UE. [1] Il-Programm ta’ Stokkolma - Ewropa miftuħa
u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini – ĠU
C 115, tal-4.5.2010. [2] Il-kisba ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u
ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa - Pjan ta’ Azzjoni li
Jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma, COM(2010) 171 finali tal-20.4.2010 [3] Assises de la Justice – It-tfassil tal-politiki tal-Ġustizzja fl-Ewropa
għas-snin li ġejjin – il-21 u 22 ta’ Novembru 2013 –
Ir-riżultati tal-proċedimenti, id-dokumenti ta’ diskussjoni u
l-kontributi bil-miktub huma disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice/events/assises-justice-2013/index_en.htm. [4] F’laqgħa plenarja tal-Parlament Ewropew
kif ukoll f’għadd ta’ laqgħat tal-kumitati tiegħu, b’mod
partikolari, JURI, LIBE, AFCO, DROI. [5] F’żewġ laqgħat informali u
żewġ laqgħat formali tal-Kunsill tal-Ġustizzja u
l-Affarijiet Interni kif ukoll f'livell ta’ grupp ta’ ħidma (CATS, FREMP u
gruppi ta' ħidma dwar Kwistjonijiet Ċivili). [6] Fil-Kumitat CIVEX. [7] Il-proċedimenti kriminali fl-UE
jaqbżu t-tmien (8) miljun fis-sena. [8] Ingħatat
spinta ewlenija notevoli lil din il-perspettiva ta' "ġustizzja
għat-tkabbir" mill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill fl-2010
(il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja
għall-appoġġ tal-attività ekonomika – 23.4.2010) kif ukoll
mill-Presidenza Irlandiża fl-2013
- http://eu2013.ie/media/eupresidency/content/documents/EU-Pres_Prog_A4.pdf - paġna 21. [9] Exequatur, kunċett speċifiku għal-liġi
internazzjonali privata, jirreferi għar-rekwiżit ta’
deċiżjoni tal-qorti li tawtorizza l-infurzar f’dak il-pajjiż ta’
sentenza jew ta' soluzzjoni bil-qorti mogħtija barra mill-pajjiż. [10] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – “It-Tabella ta'
Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE Għodda għall-promozzjoni ta'
ġustizzja u tkabbir effettivi” — COM(2013)160 u l-Komunikazzjoni
mill-Kummissjoni — “It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja
tal-UE 2014”– COM(2014)155. [11] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Qafas ġdid
tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt” –, COM(2014) 158. [12] Hemm 13,7-il miljun ċittadin Ewropew li
jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini (iktar minn
12,1-il miljun fl-2009 (dejta tal-Eurostat). [13] L-Ewropa hija l-akbar suq ta’ vvjaġġar
b’bejgħ ta’ aktar minn 550 miljun vjaġġ kull sena, li
tkopri wkoll vjaġġi barra l-UE — sors: (dejta mill-Eurostat, riflessa
f’SWD(2013) 263 finali). [14] Il-proporzjon ta’ ċittadini li jgħixu fi Stat
Membru ieħor u li huma rreġistrati biex jivvutaw hemm kien ta'
5,9 % fl-1994. Iċ-ċifra żdiedet għal 11,6 %
fl-2009. [15] Madwar 16-il miljun (13 %) mill-122 miljun
żwieġ fl-Unjoni għandhom dimensjoni transfruntiera.
Mit-2,4 miljun żwieġ iċċelebrat fl-Unjoni fl-2007,
300,000 kellhom dimensjoni transfruntiera – sors: SEC(2011) 327. [16] Fl-Ewropa hemm madwar 16-il miljun koppja
internazzjonali, u kull sena minn tal-anqas 650,000 minnhom iħabbtu
wiċċhom mal-kwistjoni dwar kif jaqsmu l-proprjetà tagħhom meta
ż-żwieġ jew l-unjoni tagħhom jintemmu — sors:
SEC(2011) 327. [17] Madwar 450,000 familja Ewropea jittrattaw
suċċessjoni internazzjonali kull sena, b’valur ta’ aktar minn
EUR 120 biljun – sors: SEC(2009) 410. [18] Hemm aktar minn 500 miljun konsumatur fl-Ewropa.
In-nefqa tal-konsumatur, li tammonta għal 56 % tal-PDG tal-UE,
tirrifletti s-saħħa enormi li għandu l-konsumatur biex imexxi ’l
quddiem l-ekonomija Ewropea – sors: L-Aġenda tal-Konsumatur tal-UE tal-2012,
COM(2012) 225. [19] https://e-justice.europa.eu/ [20] http://europa.eu/youreurope/