RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-riżultat tal-programmi kofinanzjati tal-UE għall-eradikazzjoni, il-kontroll u l-monitoraġġ ta’ mard tal-annimali u żoonożi matul il-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2011 /* COM/2014/0115 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-riżultat tal-programmi
kofinanzjati tal-UE għall-eradikazzjoni, il-kontroll u
l-monitoraġġ ta’ mard tal-annimali u żoonożi matul
il-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2011 Sommarju Eżekuttiv Dan ir-rapport jiffoka fuq ir-riżultat
tal-implimentazzjoni tal-programmi kofinanzjati tal-UE
għall-eradikazzjoni, il-kontroll u l-monitoraġġ ta’ mard
tal-annimali u żoonożi, kif mitlub mill-Artikolu 41
tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE dwar in-nefqa fil-kamp
veterinarju[1].
Il-kofinanzjament ta’ programmi ta’
eradikazzjoni, kontroll u monitoraġġ tal-mard tal-annimali (minn hawn
’il quddiem “il-programmi veterinarji”) jirrappreżenta bil-qabda l-akbar
ammont ta’ nefqa fil-baġit tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel[2]. Matul il-perjodu
taħt evalwazzjoni, aktar minn EUR 1.17 biljun intefqu mill-UE —
għall-kofinanzjament tal-implimentazzjoni tal-programmi bi tlettax-il
marda fil-mira[3].
Matul dawn is-seba' snin, is-27 Stat Membru (UE-25
sal-31 ta' Diċembru 2006) gawdew mill-kontribuzzjoni
tal-UE. Minkejja xi oqsma ta’ tħassib,
il-programmi veterinarji għad għandhom rwol kruċjali
fil-ġestjoni effettiva tal-mard tal-annimali fil-mira, billi jiżguraw
is-sorveljanza u l-eradikazzjoni tal-mard, immirar aħjar tal-kontroll ta’
mard transkonfinali ta’ rilevanza kbira għall-UE kif ukoll il-prevenzjoni
ta' mard tal-annimali li qed ifeġġ jew li qed jerġa'
jfeġġ, u r-reazzjoni rapida f'każ tat-tfaqqigħ tiegħu,
li huma l-qofol tal-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa
tal-Annimali. Din, min-naħa tagħha, toffri benefiċċji
ekonomiċi netti ċara lis-setturi rilevanti tal-ekonomija tal-UE u
għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, kif ukoll il-protezzjoni
tal-konsumaturi u tas-saħħa pubblika (fil-każ ta’
żoonożi), li jirrappreżentaw beni pubbliċi ewlenin
għas-soċjetà tal-UE. Hija u tqis it-theddid u l-isfidi tal-futur
għall-programmi veterinarji kofinanzjati mill-UE, l-analiżi li saret
tippermetti ċertu numru ta’ konklużjonijiet dwar azzjonijiet futuri
meħtieġa biex itejbu l-ġestjoni tal-programmi, b’mod
partikolari: prijoritizzazzjoni aħjar, it-tnaqqis tal-ispejjeż
għall-ġestjoni tal-programmi kemm għall-Kummissjoni kif ukoll
għall-Istati Membri, tfassil aħjar, l-implimentazzjoni u
l-analiżi tal-kosteffettività tal-programmi veterinarji kofinanzjati
mill-UE. Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni
pproponiet regolament ġdid[4]
li jkopri l-qasam sħiħ tal-infiq fuq is-sikurezza tal-ikel.
L-għan huwa li jittejjeb il-qafas finanzjarju eżistenti, biex iwassal
għal iżjed simplifikazzjoni, trasparenza, flessibbiltà, u li tintwera
l-kosteffettività tal-infiq fuq is-sikurezza tal-ikel, inklużi l-programmi
veterinarji. Il-proposta se tiġi adottata formalment mill-koleġiżlaturi
fl-ewwel nofs tal-2014. 1. Introduzzjoni L-Artikolu 41 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill
2009/470/KE dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju jipprevedi li "Kull erba’
snin il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill rapport dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali u
dwar il-kosteffettività tal-implimentazzjoni tal-programmi fid-diversi Stati
Membri, inklużi dettalji dwar il-kriterji adottati”[5]. Fi ħdan is-sistema ta’ monitoraġġ u
evalwazzjoni attwali, ma ġewx implimentati għodod speċifiċi
biex ikejlu l-kosteffettività tal-infiq fuq l-ikel u l-għalf, u
għalhekk dan ir-rapport jirrigwarda l-iktar l-analiżi preliminari
tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-programmi implimentati. Ta’ min jinnota li ħafna programmi
veterinarji, speċjalment l-attivitajiet ta’ eradikazzjoni (eż.
it-tuberkolożi), min-natura tagħhom huma attivitajiet fit-tul.
Għalhekk, ir-riżultati ta’ sikwit jinkisbu żmien twil wara
l-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi. Ir-rapport preżenti, li huwa l-ewwel
wieħed f’dan il-qafas, jestendi l-perjodu ta’ evalwazzjoni għas-seba’
snin bejn l-2005 u l-2011. 2. Sfond Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għal
programmi ta’ eradikazzjoni, kontroll u monitoraġġ tal-mard
tal-annimali tirrappreżenta bil-qabda l-akbar ammont ta’ nfiq
fil-baġit tal-UE għas-sikurezza tal-ikel. Din il-kontribuzzjoni
għandha l-għan li progressivament telimina l-mard tal-annimali u li
timplimenta l-miżuri għall-monitoraġġ tal-mard fl-Istati
Membri u l-UE kollha kemm hi. Hija wkoll parti mill-istrateġija
sħiħa tal-UE għas-Saħħa tal-Annimali[6] bil-għan li jkun
żgurat livell għoli ta’ saħħa tal-annimali,
tas-saħħa pubblika u tal-protezzjoni tal-konsumaturi.
L-għanijiet aħħarija tal-programmi veterinarji huma li
jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa
tal-annimali u kif ukoll tas-saħħa pubblika, li
jinkoraġġixxu titjib fil-produttività tas-settur tal-bhejjem u li
jikkontribwixxu għas-sostenibilità ekonomika tas-setturi li, direttament
jew indirettament, huma affettwati minn tifqigħa ta' marda tal-annimali[7]. Il-mard tal-annimali u ż-żoonożi li
huma eliġibbli għall-kofinanzjament mill-UE huma elenkati fl-Anness I
tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE. Il-prijoritizzazzjoni tal-finanzjament tiġi
deċiża u aġġustata mill-Kummissjoni fuq bażi annwali
biex jiġi żgurat li tkun kompletament xierqa għas-sitwazzjoni
prevalenti tabilħaqq. L-akbar importanza tingħata lil mard ta’
importanza għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa
pubblika (bħaż-żoonożi) u lil dawk li għandhom impatt
ekonomiku maġġuri minħabba l-implikazzjonijiet fuq
il-kummerċ u t-telf tad-dħul lis-settur tal-bhejjem fl-UE.
Il-prijoritizzazzjoni proposta tiġi diskussa mal-Istati Membri permezz
tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa
tal-Annimali[8]
(SCoFCAH). Il-valutazzjoni interna tal-Kummissjoni tkun ibbażata fuq dejta
ppreżentata mill-Istati Membri, rapporti tal-Uffiċċju Alimentari
u Veterinarju (FVO)[9],
rapporti tal-awditjar finanzjarju[10],
u r-riżultati tat-Task Force għall-monitoraġġ
tal-eradikazzjoni tal-mard[11]
(TF). Fl-2006, sabiex l-għanijiet tagħhom
jinkisbu b'mod iktar effiċjenti u effikaċji, iddaħħal
approċċ multiannwali għall-programmi veterinarji. Il-programmi veterinarji kofinanzjati mill-UE
ikopru firxa wiesgħa ta’ miżuri li tinkludi t-tlaqqim, l-ittestjar
ta’ annimali u kumpens għal tbiċċir jew qtil. Ġeneralment,
il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE tkun bir-rata ta’ 50 %
tal-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri biex jimplimentaw
miżuri speċifiċi[12]
sa ammont massimu, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż
tal-monitoraġġ, l-ittestjar u l-ġenotipar tal-Enċefalopatiji
Sponġiformi li Jittieħdu (TSE) li ġew iffinanzjati 100 % sa
ċertu limitu, u l-ispejjeż assoċjati ma’ programmi tar-rabja
(ix-xiri u d-distribuzzjoni ta’ vaċċini, testijiet tal-laboratorju)
li ġew kofinanzjati b’rata ta' 75 % mill-2010 'l hawn. Fl-2011,
il-mard kollu li qabel kien kofinanzjati b’rata ta' 50 % ġie
kofinanzjat b’rata ogħla, jiġifieri 60 %, bħala kontribut
lejn l-irkupru baġitarju tal-Istati Membri li qegħdin jissiltu ma'
kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi. Fil-perjodu ta’ bejn l-2005 u
l-2011, il-pagamenti totali tal-UE ammontaw għal aktar minn EUR 1,17 biljuni[13] u koprew programmi ta'
tlettax-il marda. Ta' min jinnota li l-ammont totali ta’
finanzjament varja ħafna skont in-natura tal-marda kif ukoll skont
in-numru ta’ programmi approvati għal kull marda. Matul dawn is-seba' snin, is-27 Stat Membru (UE-25
sal-31 ta' Diċembru 2006) gawdew mill-kofinanzjament
tal-UE. Id-distribuzzjoni tal-fondi fil-perjodu meqjus kull marda kofinanzjata
u Stat Membru, rispettivament, tinwera fil-Figura 1 u l-Figura 2 tad-Dokument
ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SANCO/11377/2013, Kapitolu III.[14] Figura 1 Distribuzzjoni tal-pagamenti skont l-Istat Membru (2005-2011) Figura 2 Distribuzzjoni tal-pagamenti skont il-marda (2005 2011) Figura 3
L-evoluzzjoni tal-finanzjamenti (2005-2011) L-evoluzzjoni tal-finanzjament (Figura 3)
turi li kien hemm żieda sostanzjali mill-2009 'l hawn: din ix-xejra ‘l fuq
hija prinċipalment dovuta għal żieda sinifikanti
fil-finanzjament tal-programmi ta’ eradikazzjoni għall-marda tal-ilsien
blu, notevolment fi Franza u Spanja (ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni SANCO/11377/2013, Kapitolu IV.2 għal aktar dettalji) u
t-tuberkolożi bovina, partikolarment fl-Irlanda u r-Renju Unit (ara
d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SANCO/11377/2013,
Kapitolu IV.3 għal aktar dettalji). Hija wkoll riżultat
taż-żieda fir-rata ta’ finanzjament għall-mard kollu fl-2011,
kif spjegat hawn fuq. Matul il-perjodu meqjus, żewġ Stati
Membri, notevolment Franza u Spanja, assorbew kważi 38 %
tal-kontribuzzjoni totali tal-UE, kif muri fil-Figura 1. Ir-riċevituri
ewlienin l-oħra, li l-assorbiment totali tagħhom kien
jirrappreżenta 35 % oħra tal-pagamenti tal-UE kienu: l-Italja
(9,5 %), ir-Renju Unit (10,1 %), il-Ġermanja (7,7 %) u
l-Irlanda (7,7 %). Is-27 % tan-nefqa li jifdal kienu mqassmin
bejn 21 Stat Membru ieħor, fejn l-allokazzjoni individwali tagħhom
kien jaqbeż it-3 % fil-każijiet tal-Polonja, il-Portugall u
l-Pajjiżi l-Baxxi biss. L-evoluzzjoni tal-pagamenti li tirrigwarda s-sitt
pajjiżi riċevituri ewlenin jidher fil-Figura 4, li tipprovdi wkoll
informazzjoni dwar id-distribuzzjoni tal-pagamenti għal kull marda fi
ħdan kull Stat Membru[15]. Figura 4 L-Istati Membri li kienu l-benefiċjarji ewlenin
tal-programmi veterinarji (2005-2011) Kif jidher fil-Figura 2, aktar minn
74 % tal-pagamenti tal-UE li saru fil-perjodu meqjus kienu jirrigwardaw
tliet programmi veterinarji ewlenin. Fil-monitoraġġ tat-TSE u
l-eradikazzjoni tal-Enċefalopatiji Sponġiformi li Jittieħdu (BSE)
u l-Iscrapie l-UE investiet madwar 44,5 % tal-kofinanzjament
sħiħ. It-tieni allokazzjoni importanti (li tammonta għal madwar
15,5 % tal-kofinanzjament tal-UE) kopriet l-eradikazzjoni
tat-Tuberkolożi Bovina, segwita mill-eradikazzjoni tal-Marda tal-Ilsien
Blu (aktar minn 14 %). 20,5 % oħra kienu mqassmin bejn erba’
mardiet, jiġifieri: l-eradikazzjoni tal-Bruċellożi Bovina
(6 %), ir-Rabja (5,5 %), il-Bruċellożi Ovina u Kaprina
(4,7 %); il-kontroll tas-Salmonella (4,3 %). Il-kofinanzjament ta’ programmi għas-seba'
mardiet li jifdal jirrappreżenta l-5,2 % residwali tal-infiq tal-UE. 3. Is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali tal-UE
fil-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2011 B’mod ġenerali, l-evalwazzjoni kwalitattiva u
kwantitattiva tal-programmi veterinarji kofinanzjati fil-livell tal-UE u
implimentati fil-perjodu bejn l-2005 u l-2011, turi li dawn kellhom kontribut
effettiv fit-titjib tal-istatus ta’ saħħet l-annimali fl-UE, u b’hekk
taw valur tajjeb għall-flus. Kien hemm riżultati pożittivi
fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ħlief għal ċertu
mard f’uħud mill-Istati Membri fejn għad hemm oqsma ta’ tħassib.
F’xi każijiet, minkejja l-progress,
ir-riżultati għandhom tendenza li jvarjaw skont il-marda u għad
hemm xi reġjuni tal-UE fejn qed jippersistu l-problemi lokali.
Ir-raġunijiet għal dan jinkludu fatturi epidemjoloġiċi —
notevolment ir-rwol ta' annimali selvaġġi jew vetturi — li jaffettwaw
l-effettività tal-miżuri meħuda fi ħdan ċerti programmi,
iżda wkoll il-kwistjonijiet speċifiċi fl-implimentazzjoni
tal-programmi fil-livell tal-Istati Membri. L-Istati Membri milquta spiss ħabbtu
wiċċhom ma' diffikultajiet strutturali, u anke baġitarji jew
problemi tal-persunal (nuqqas ta' persunal jew allokazzjonijiet żbaljati
tal-persunal) li, minkejja l-isforzi kollha, fixklu l-implimentazzjoni xierqa
tal-azzjonijiet definiti fil-programmi. Il-Kummissjoni għandha l-għan
li tappoġġa iktar lill-Istati Membri fl-indirizzar ta' dawn
in-nuqqasijiet permezz ta', pereżempju, it-tnaqqis tal-ispejjeż
marbutin mal-ġestjoni tal-programmi, u t-titjib tal-prijoritizzazzjoni tal-mard. Raġunijiet oħra huma wkoll
il-kwistjonijiet soċjokulturali, bħal koordinazzjoni mhux adegwata
bejn l-atturi nazzjonali u reġjonali/lokali, jew nuqqas ta’ djalogu
(komunikazzjoni) bejn il-partijiet interessati tas-settur privat u dak
pubbliku. Biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet, se
jissaħħaħ ir-rwol tat-Task Force fit-tixrid tal-aqwa prattiki u
l-qsim tal-esperjenzi tal-Istati Membri. Ir-riżultati tal-analiżi huma diskussi
għal kull marda fit-taqsimiet li ġejjin. 3.1. Kisbiet notevoli Fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-mardiet
indirizzati kienu kkontrollati b’mod effikaċi u l-inċidenza jew
il-preżenza nġiebet taħt kontroll. Ħafna minnhom ġew
progressivament eradikati minn żoni kbar tal-UE. Dan tixhdu espansjoni
sinifikanti ta’ “żoni ħielsa mill-mard” fl-UE matul dan il-perjodu
(eż. it-tuberkulożi bovina, il-bruċellożi bovina, u d-deni
klassiku tal-ħnieżer)[16]. • L-implimentazzjoni
tal-programmi obbligatorji ta’ monitoraġġ u eradikazzjoni tal-BSE
fil-bhejjem tal-ifrat kienet element neċessarju f’sensiela ta’ miżuri
meħuda fil-livell tal-UE li wasslu għal tnaqqis drammatiku
fil-każijiet ta’ BSE individwati fil-perjodu 2005-2011 u ġie osservat
tnaqqis annwali medju ta’ 38 %. Sal-2011, 28 każ pożitti biss
instabu mis-6,3 miljun test u fuqhom li saru. Il-kummerċ f’bhejjem
ħajjin, u fiċ-ċanga u prodotti bovini mill-Istati Membri l-aktar
milquta ġie restawrat u l-konsumatur reġa' għandhom
fiduċja. Il-miżuri obbligatorji tal-UE għall-monitoraġġ
u l-eradikazzjoni tal-marda Scrapie fil-merħliet infettati tan-nagħaġ
u l-mogħoż, wasslu għal għarfien aħjar ferm dwar
id-distribuzzjoni tal-marda u, permezz ta’ ttestjar diskriminatorju,
l-assigurazzjoni li l-inċidenza tal-BSE fin-nagħaġ u
l-mogħoż issa hija xejn jew negliġibbli. • Il-programmi
tal-Marda tal-Ilsien Blu kellhom rwol importanti fil-kontroll u l-eradikazzjoni
ta’ din il-marda, speċjalment għall-kontroll tal-epidemiji
kkawżati mis-serotipi BTV-8 u BTV-1 li feġġew
għall-għarrieda fl-2006 u l-2007. L-UE mmobilizzat riżorsi
finanzjarji sinifikanti biex l-Istati Membri jniedu kampanja kkoordinata ta’
tilqim fiż-żoni infettati kollha. Din il-kampanja kellha
suċċess kbir billi l-marda tal-ilsien blu issa nġiebet
effettivament taħt kontroll u s-serotipi BTV-1 u BTV-8 spiċċaw
kważi għal kollox mill-Ewropa kollha. • Fil-każ
tar-Rabja, il-programmi kofinanzjati ta’ tilqim orali, imnedija
fl-aħħar tat-tmeninijiet, kellhom suċċess kbir, billi
wasslu għall-eradikazzjoni progressiva tar-rabja minn diversi Stati
Membri. Bejn l-2005 u l-2011, l-għadd
totali ta’ każijiet ta’ rabja pożittivi fil-livell tal-UE naqas b’mod
sinifikanti ħafna minn 2,575 każ għal 518 każ. L-eradikazzjoni tar-rabja mill-Ewropa issa hija
possibilità realistika. Din hija sitwazzjoni unika fid-dinja billi l-UE kisbet
l-eradikazzjoni tar-rabja fuq skala li qatt ma ġiet esperjenzata imkien
ieħor qabel[17]. Il-marda issa ġiet limitata għal-Lvant tal-UE u
l-Kummissjoni qed tiffinalizza l-għoti ta’ finanzjament
għall-ħolqien ta’ żoni ta’ tilqim permezz ta0’ ftehimiet
bilaterali bejn l-Istati Membri interessati mal-ġirien rispettivi
tagħhom fejn l-idrofobija għadha theddida[18]. • Il-programmi
kofinanzjati obbligatorji għall-kontroll tas-Salmonella, li
ġew implimentati pass pass mill-2007, wasslu għal titjib notevoli
tas-sitwazzjoni tat-tjur tal-irziezet. In-numru ta’ każijiet rappurtati
fil-bnedmin fl-UE naqas b’50 %. Ix-xejra negattiva fil-livell tal-UE
tal-każijiet fil-bnedmin, bejn l-2005 u l-2011, kienet statistikament
sinifikanti, bi tnaqqis annwali medju ta' 12 % (Dejta tal-Awtorità Ewropea
dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA))[19].
It-tnaqqis tal-prevalenza tas-serovari tas-Salmonella ta' relevanza
għas-saħħa pubblika sar permezz tal-implimentazzjoni effettiva u
kkoordinata tal-programmi nazzjonali ta' kontroll tas-salmonellożi
(inkluż, fost l-oħrajn, il-programmi ta' monitoraġġ ta'
rutina mill-bdiewa u wkoll mill-awtorità kompetenti) f'popolazzjonijiet
speċifikati tat-tjur tal-irziezet b'attenzjoni partikolari lis-serovari li
huma dawk l-aktar responsabbli għall-infezzjonijiet fil-bnedmin. • L-Influwenza
Avjarja (AI), li għamlet inkursjonijiet dejjem ikbar fl-UE f’dawn
l-aħħar snin l-aktar permezz tal-għasafar selvaġġi,
issa trażżnet b’suċċess bl-appoġġ tal-programmi
obbligatorji ta’ sorveljanza. L-implimentazzjoni tagħhom kienet effettiva
fl-għoti ta' twissija bikrija għal sejbien f'waqtu tat-tifqigħat
ta’ varjanti b’patoġeniċità għolja kif ukoll baxxa, u b’hekk
tnaqqas ir-riskju ta’ telf ekonomiku lill-bdiewa, u wkoll ir-riskju li
jitfaċċa varjant żoonotiku perikoluż għall-bnedmin.
Wara l-kriżijiet, dawn ukoll kienu estremament utli sabiex jippermettu
s-sejba minn kmieni tal-Influwenza Avjarja b’Patoġeniċità għolja
(HPAI) fit-tjur slavaġ, sabiex b'hekk ġie evitat iktar tifrix
fil-qatgħat kummerċjali u tnaqqas ir-riskju ta’ espożizzjoni
għall-bniedem. Mill-2008, in-numru ta’ għasafar selvaġġi u
għasafar domestiċi mistħarrġa naqas. It-tnaqqis fin-numru
ta’ għasafar mistħarrġa għandu jitqies f’rabta max-xejra
pożittiva fl-għadd ta’ tifqigħat li jseħħu fejn seta'
jiġi osservat tnaqqis sinifikanti mill-2007 kemm għall-għasafar
domestiċi u wkoll għal dawk selvaġġi. Fl-2007, kien hemm 25
tifqigħa tal-HPAI fl-għasafar domestiċi filwaqt li, fl-2011, ma
kien hemm ebda waħda. Ma kien hemm l-ebda tifqigħa fl-għasafar
slavaġ mill-2010. • Id-Deni
Klassiku tal-Ħnieżer (CSF) ġie eradikata fil-biċċa
l-kbira tal-UE15 sal-2004, ħlief għal ċerti żoni
fil-Ġermanja, il-Lussemburgu u Franza fejn il-marda xorta feġġet
fil-ħnieżer selvaġġi. It-tkabbir tal-UE wassal għal żieda
fir-riskji, minħabba żoni ta' deni klassiku tal-ħnieżer
fl-Ewropa Ċentrali, ir-reġjun Balkan u wkoll sitwazzjoni endemika ta’
CSF fil-Bulgarija u r-Rumanija fil-waqt tal-adeżjoni tagħhom mal-UE.
Wara ż-żieda fil-finanzjament biex jimplimentaw miżuri ta’
kontroll, f’dawn l-aħħar snin, sar progress tajjeb fl-eradikazzjoni
tad-deni klassiku tal-ħnieżer f'dawn ir-reġjuni. L-akbar
tifqigħat f'dan il-perjodu kienu fil-ħnieżer domestiċi
fir-Rumanija bejn l-2006 u l-2007 u fil-ħnieżer selvaġġi
fl-Ungerija fl-2008. Fl-2009, ma kien hemm l-ebda tifqigħa
fil-ħnieżer domestiċi u, fl-2010 u l-2011, l-ebda tifqigħa
ma ġiet irrappurtata għall-annimali domestiċi u
salvaġġi. • Fil-każ
tat-Tuberkulożi Bovina (TB), id-dejta epidemjoloġika
għall-Istati Membri appoġġjati minn programmi kofinanzjati,
jindikaw li bejn l-2005 u l-2011 sar xi progress fl-eradikazzjoni tal-marda. Fi
Spanja, l-Italja, il-Portugall u l-Polonja, kien hemm tnaqqis ċar
fil-każijiet tat-tuberkulożi bovina u l-Polonja kisbet l-istatus li
hija "uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi" (OTF)
fl-2009, l-istess bħal diversi reġjuni tal-Italja fl-aħħar
ftit snin. Kien hemm progress fis-sitwazzjoni epidemjoloġika
tat-tuberkulożi fl-Irlanda (il-programmi kofinanzjati tal-UE bdew
fl-2009). Is-sitwazzjoni teħtieġ li tiġi konfermata fis-snin li
ġejjin. B’mod ġenerali, sar progress sinifikanti
wkoll fl-eradikazzjoni tal-Bruċellożi Bovina u l-Bruċellożi
Ovina u Kaprina, u ftit partijiet tal-UE biss għadhom affettwati minn
dan il-mard. • Il-Bruċellożi
Bovina (BB) ġiet kważi kompletament eradikata fil-biċċa
l-kbira tal-pajjiżi tal-UE: mill-2005 'l hawn, il-prevalenza tal-BB
fil-bovini ttestjati f’dawk l-Istati Membri bi programmi kofinanzjati naqset
jew baqgħet f’livell baxx fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi
(Ċipru, l-Irlanda, Spanja u fit-territorju tal-Ażores). Fl-Irlanda
ta’ Fuq, kienet osservata żieda wara l-2005, għalkemm minn bażi
inizjali baxxa ferm, bi tnaqqis fil-livell tal-iinċidenza mill-2009.
L-implimentazzjoni b’suċċess tal-programmi rriżultat
fl-għoti tal-istatus li hija “uffiċjalment ħielsa
mill-bruċellożi” (OBF) lir-Repubblika tal-Irlanda kollha kemm hi
fl-2009, kif ukoll lil diversi reġjuni u provinċji tal-Italja, u
l-Gżejjer Kanarji ta' Spanja. • L-implimentazzjoni
tal-programmi ta’ eradikazzjoni għall-Bruċellożi Ovina u
Kaprina kellha progress eċċellenti f’Ċipru, fit-Tramuntana u
ċ-ċentru tal-Italja, fil-Portugall u fi Spanja, fejn il-prevalenza
tal-merħliet naqset b’mod konsiderevoli bejn l-2005 u l-2011. Jekk
jiġi estiż il-perjodu ta’ żmien tal-analiżi
epidemijoloġika, is-suċċess fi Spanja huwa aktar impressjonanti:
il-pajjiż irrapporta tnaqqis konsiderevoli fil-prevalenza
tal-merħliet, bi tnaqqis minn madwar 30 % fl-1999 għal
0,54 % fl-2011. • L-implimentazzjoni
b’suċċess tal-programmi għall-eradikazzjoni tal-Lewkożi
Enżootika Bovina (EBL) irriżulta fi tnaqqis sinifikanti
fl-inċidenza tal-marda f’dawk il-pajjiżi fir-riskju, notevolment
il-Portugall, il-Polonja u l-Italja. • Xejra
pożittiva simili hija osservat għall-marda ta’ Aujeszky (AD),
u għadd dejjem akbar ta' Stati Membri saru ħielsa mill-marda.
Fil-perjodu bejn l-2005 u l-2011, ir-riżultat ewlieni tal-programmi ta’
eradikazzjoni huwa li l-marda ġiet eradikata fil-Ġermanja,
is-Slovakkja, u ħafna reġjuni tar-Renju Unit, filwaqt li sar ukoll progress
f’diversi reġjuni oħra. Wara s-suċċess tal-implimentazzjoni
ta’ dawn il-programmi u prijoritizzazzjoni mill-ġdid tal-mard mill-Kunsill
fl-2006[20], il-kofinanzjament tal-UE twaqqaf fl-2010. 3.2. Suċċess parzjali • Bruċellożi Bovina: Fil-Portugall u l-Italja, minħabba ċirkostanzi partikolari
relatati mal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ eradikazzjoni
tal-bruċellożi bovina f’ċerti reġjuni, hemm bosta
varjazzjonijiet sinifikanti fir-rendiment fil-livell reġjonali. Fl-Italja,
il-preżenza tal-bruċellożi bovina/tal-bufli tvarja b’mod sinifikanti
skont ir-reġjun. Fit-tramuntana u fiċ-ċentru tal-Italja diversi
reġjuni u provinċji huma uffiċjalment ħielsa, filwaqt li
fir-reġjuni tan-nofsinhar il-prevalenza u l-inċidenza tal-marda
għadhom għoljin fil-bovini u l-bufli. Fil-Portugall kontinentali,
hemm ukoll varjazzjonijiet ġeografiċi f’termini tal-prevalenza
tal-marda, li hija ogħla f’ċerti reġjuni meta mqabbel mal-bqija
tal-pajjiż. Madankollu, hemm titjib notevoli, partikolarment, fejn
l-implimentazzjoni tal-programm ta’ tilqim fl-Azores wasslet għal
riżultati eċċellenti fejn il-prevalenza tal-merħla naqset
minn aktar minn 3 % fl-2006 għal ftit aktar minn 1 % fl-2011. 3.3. Oqsma ta’ tħassib • Bruċellożi Ovina
u Kaprina: Il-Greċja u n-Nofsinhar
tal-Italja huma ż-żoni ewlenin ta’ tħassib f’dik li hija
l-eradikazzjoni tal-marda, bi kwistjonijiet partikolari ta’ implimentazzjoni
tal-programmi li affettwaw b’mod ħażin ir-rendiment ġenerali
tal-programmi. Huwa importanti li wieħed jinnota li fejn il-programmi ma
ħadmux minħabba implimentazzjoni dgħajfa jew ħażina fi
Stat Membru jew fil-livell lokali, il-Kummissjoni ħadet azzjoni korrettiva
effettivament jew imponiet penali bħan-nuqqas ta' approvazzjoni
tal-programm jew it-tnaqqis tal-finanzjament fis-snin sussegwenti jew it-tnaqqis
tal-kontribuzzjoni għas-snin ikkonċernati. • Tuberkulożi Bovina fir-Renju
Unit: ġew implimentati programmi ta’
eradikazzjoni kofinanzjati madwar il-pajjiż mill-2010, li koprew
it-territorju kollu ħlief l-Iskozja (uffiċjalment ħielsa
mill-marda mill-2009). Is-sitwazzjoni epidemjoloġika kienet kawża ta’
tħassib matul il-perjodu meqjus u tkompli titlob attenzjoni partikolari,
speċjalment fl-Ingilterra: il-miżuri tal-programmi approvati jridu
jiġu implimentati sewwa. • Id-deni Afrikan tal-ħnieżer
fl-Italja (Sardinja): il-marda ġiet eradikata
għal kollox mit-territorju tal-UE, ħlief għal Sardinja. Minkejja
xejra favorevoli fis-snin preċedenti, kien hemm żieda serja
fl-okkorrenza tal-marda matul it-tieni nofs tal-2011, fil-biċċa
l-kbira minħabba implimentazzjoni ħażina tal-programmi approvati. 4. Analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-programmi veterinarji fil-perjodu bejn
l-2005 u l-2011 Ir-rendiment tal-miżuri implimentati
bil-kofinanzjament tal-UE matul il-perjodu 2005-2010 ġiet ivvalutata kemm
internament kif ukoll permezz ta’ studji esterni mwettqa f’dawn
l-aħħar ftit snin[21],
abbażi tar-riżultati tanġibbli tal-azzjoni tal-UE biex
tappoġġja l-Istati Membri fl-eradikazzjoni, il-kontroll u
l-monitoraġġ ta’ ċertu mard tal-annimali. Dawn l-istudji wrew
is-suċċess komplessiv tal-programmi veterinarji iżda enfasizzaw
ukoll għadd ta’ dgħjufijiet fejn kwistjonijiet partikolari
tal-implimentazzjoni affettwaw b’mod ħażin ir-riżultat
tal-programm, kif deskritt diġà fit-Taqsima 3. Dawn l-iżvantaġġi
huma mistennija li jiġu indirizzati, pereżempju, permezz
tal-modernizzazzjoni li għaddejja tal-għodod tal-ġestjoni
finanzjarja u l-ottimazzjoni tal-attivitajiet imwettqa mit-task force. Wieħed irid jiftakar (ara t-Taqsima 2) li
fl-2011, il-miżuri eliġibbli, li qabel kienu kofinanzjati b’rata ta'
50 %, ġew kofinanzjati b’rata ogħla, jiġifieri 60 % u
ġiet kofinanzjata miżura addizzjonali[22]. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni SANCO/11377/2013, Kapitolu IV jippreżenta r-riżultati
tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji għall-mard li
jirrappreżentaw ammont akbar tal-kontribut finanzjarju tal-UE
għall-programmi veterinarji. 5. Il-piż amministrattiv marbut ma’ programmi
veterinarji kofinanzjati mill-UE L-amministrazzjoni tal-fondi tal-UE u l-infiq
tagħhom jirrikjedu riżorsi konsiderevoli, kemm fil-livell nazzjonali
kif ukoll fil-livell tal-UE. Ir-riżorsa meħtieġa ma tinbidilx
sinifikament fi proporzjon mad-daqs tal-programmi. F’kull każ hemm
rekwiżit għall-preparazzjoni u l-iskrutinju tal-programm,
it-tħejjija u l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni
tal-Kummissjoni, amministrazzjoni finanzjarja u kontrolli tar-rendiment. Minkejja l-ispejjeż konsiderevoli
assoċjati mal-applikazzjoni u r-riċeviment ta' kontribuzzjonijiet
finanzjarji żgħar, l-Istati Membri jirrikonoxxu
l-benefiċċji ta’ dawk il-pagamenti b’mod partikolari fir-rigward
tal-bini tal-kapaċità u ta’ kunsens. Mill-2005 sal-2011, saru 825 pagament,
b'kofinanzjament tal-UE totali ta’ EUR 1.174.253.269,46. Il-Figura ta’
hawn taħt tagħti l-evoluzzjoni tal-finanzjament matul dan il-perjodu,
u tiġbor il-pagamenti skont il-valur tagħhom. Kif jista’ jiġi osservat, il-pagamenti ta’
anqas minn jew daqs EUR 200.000 (l-erba' limiti baxxi) kienu
jirrappreżentaw sehem żgħir ħafna mill-kofinanzjament
totali tal-UE matul il-perjodu - kemxejn aktar minn 1,5 % tal-ammont
globali. Min-naħa l-oħra, is-somma ta’ dawn l-erba’ kategoriji
l-iktar baxxi kienet tammonta għal kważi 42 % tan-numru totali
ta’ pagamenti. Figura 5 Distribuzzjoni tal-pagamenti skont l-ammonti progressivi
(2005-2011) Min-naħa l-oħra, il-pagamenti
tal-ogħla limitu (pagamenti ta’ iktar minn EUR 10.000.0000),
waħidhom jammontaw għal aktar minn 35 % tal-finanzjament tal-UE
matul il-perjodu, filwaqt li jikkorrispondu biss għal 2,6 % tal-għadd
ta’ pagamenti magħmula. Dan ifisser li ammont sinifikanti ta’ pagamenti
huma ta’ valur relattivament żgħir, b’mod partikolari: • kważi
19 % tal-pagamenti kienu inqas minn jew daqs EUR 25.000, li
jikkorrispondu għal madwar 0,1 % tal-finanzjament totali; • iktar minn
26 % tal-pagamenti ma kinux iktar minn EUR 50 000, li
jirrappreżentaw madwar 0,3 % tal-ammont kofinanzjat fil-perjodu
meqjus. Aktar informazzjoni dettaljata dwar il-valur
individwali tal-pagamenti fil-qafas tal-kofinanzjament tal-UE
għall-programmi veterinarji tista' tinstab fid- Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni SANCO/11377/2013, Kapitolu V. 6. Konklużjonijiet u passi li
jmiss Matul il-perjodu meqjus, il-programmi veterinarji
kkofinanzjati mill-UE wrew li għandhom effett katalitiku fil-ksib ta': • titjib tas-saħħa pubblika u
dik tal-annimali: tnaqqis
tal-inċidenza/prevalenza tal-mard; ħarsien tas-saħħa
pubblika (fil-każ taż-żoonożi); twettiq tar-rwol
tagħhom bħala għodda ewlenija fil-prevenzjoni/ġestjoni
tal-mard fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Saħħa
tal-Annimali; • benefiċċji f’termini
ekonomiċi għall-UE bħala entità sħiħa: ħarsien tal-valur tas-settur; kontribut għall-istabbiltà
tas-suq; żgurar ta' kummerċ sikur; żieda fil-kummerċ minn
barra l-UE; tnaqqis fl-ispejjeż tas-saħħa tal-bniedem[23]. Il-karatteristiċi ewlenin li
kkontribwew għas-suċċess tal-programmi veterinarji kofinanzjati
mill-UE kienu: • Approċċ
"minn isfel għal fuq" fl-identifikazzjoni u l-indirizzar ta'
kwistjonijiet marbutin mas-Saħħa tal-Annimali-, il-fatt li huma programmi mfassal fil-livell tal-Istati Membri u
b'approċċ "minn fuq għal isfel" li jiżgura
r-rispett tar-regoli u l-kriterji tal-UE, u l-fatt li l-programmi huma
approvati mill-Kummissjoni. • Flessibilità
fl-allokazzjoni tar-riżorsi disponibbli bis-saħħa
tal-aġġustamenti annwali (skont is-sitwazzjoni epidemjoloġika u
l-prijoritizzazzjoni tal-mard) u tal-possibbiltà li jiġu applikati rati
finanzjarji differenti. • Il-kapaċità
tas-sistema tal-UE li tirreaġixxi għal sitwazzjonijiet
eċċezzjonalment serji fil-qasam tas-saħħa (eż.
il-kriżijiet tal-BSE, epidemiji tal-marda tal-ilsien blu) bl-użu ta’
riżorsi finanzjarji limitati meta mqabbel mal-valur ekonomiku għoli
ġenerali tas-setturi tal-annimali. • Is-sostenibbiltà
tal-UE tal-kontribuzzjoni finanzjarja li tippermetti ppjanar fuq żmien
medju u fit-tul għal-programmi veterinarji fl-Istati Membri. • Il-metodu
ta’ kooperazzjoni reġjonali li jipprovdi għajnuna siewja
lill-pajjiżi kandidati u lill-pajjiżi terzi li jinsabu fuq
il-fruntiera mal-UE, li rriżulta fil-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-mard
fl-UE (u wkoll l-iżgurar tas-sostenibbiltà tar-riżultati miksuba
sal-lum fl-Istati Membri). • Il-qsim
tal-għarfien, l-esperjenza u l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri,
anki fil-kuntest tat-Task Forces għall-monitoraġġ
tal-eradikazzjoni tal-mard. Madankollu, ġew enfasizzati ċerti
dgħufijiet: xi wħud minnhom diġà ġew parzjalment
indirizzati mill-Kummissjoni; oħrajn għad iridu jiġu indirizzati
fil-futur qrib: • Nuqqas ta’
approċċ sistematiku, ibbażat fuq sett ċar ta’
għanijiet u indikaturi, li jgħin biex jiġi evalwat ir-rendiment
tal-programmi implimentati. Dan jillimita wkoll il-possibbiltà li tiġi
murija l-kosteffettività tal-miżuri differenti. • Differenzi
sinifikanti fis-sistemi veterinarji tal-Istati Membri u l-istrutturi
tal-bhejjem li jwasslu għal varjabilità fl-implimentazzjoni tal-programmi,
bir-riskju li jikkompromettu r-riżultati miksuba fil-livell tal-UE, b’mod
partikolari fil-każ tal-mard transkonfinali. • Is-sottomissjoni
tal-programmi multiannwali tal-Istati Membri għadha mhix
biżżejjed, u b'hekk tillimita l-possibbiltà li wieħed jiffoka
fuq il-progress li jkun qed isir biex jinkisbu l-għanijiet fuq żmien
medju u biex jitnaqqsu l-isforzi meħtieġa għall-amministrazzjoni
tal-programm. Sadanittant, matul il-perjodu sal-2020, l-UE se
tiffaċċja wkoll għadd ta’ sfidi speċifiċi, li
possibbilment jikkompromettu l-effikaċja tas-programmi tal-Istati Membri.
Dawn huma marbutin l-aktar ma': • Il-potenzjal li jerġa'
jfeġġ mard ta’ prijorità kurrenti: –
Il-moviment transkonfinali tal-annimali
selvaġġi suxxettibbli (partikolarment id-deni klassiku
tal-ħnieżer, id-deni Afrikan tal-ħnieżer u r-rabja
fl-Istati Membri tal-Lvant u tal-Baltiku). –
L-importazzjonijiet illegali tal-laħam minn
pajjiżi terzi mhux membri tal-UE (partikolarment id-deni klassiku
tal-ħnieżer u d-deni Afrikan tal-ħnieżer tul il-fruntiera
tal-Lvant tal-UE). –
Is-sejbien ta’ każijiet sporadiċi ta’
BSE, u inċertezzi fir-rigward tal-"BSE atipika" (l-Istati Membri
kollha). • L-introduzzjoni potenzjali ta’ mard
li qed jitfaċċa: –
Ir-riskju tal-inkursjoni fir-reġjuni fuq
il-fruntiera tal-UE ta' mard preżenti f’pajjiżi terzi ġirien. –
Ir-riskju relatat mal-introduzzjoni possibbli ta’
mard li qed jitfaċċa u l-introduzzjoni mill-ġdid ta’
patoġeni magħrufa fl-UE minn pajjiżi terzi ġirien. • Fatturi prinċipali ta’ riskju li
qed jinbidlu: –
Il-kumplessità dejjem ikbar tal-ktajjen
internazzjonali tal-provvista. –
Iż-żieda fir-riskju ta’ mard li
jinġarr minn vettur u l-effetti possibbli tat-tibdil fil-klima f’termini
ta’ tibdil fix-xejriet ta' kif ifeġġu u jinxterdu l-mard
tal-annimali. –
Il-laxkar potenzjali tal-miżuri ta’
sorveljanza meta s-sitwazzjoni tal-marda tkun kisbet l-għan primarju. –
L-isforzi biex tiżdied is-sostenibbiltà
tal-finanzi pubbliċi kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll
fil-livell tal-UE, tista’ twassal għal tnaqqis fil-baġit li jista’
tkun ta’ detriment għas-sostenibilità tal-programmi. Dan jaffettwa l-aktar
il-programmi li jeħtieġu żmien twil ta’ kontinwità sabiex
jinkisbu r-riżultati mixtieqa. Ir-riżultati u l-impatti tal-programmi
jeħtieġ jiġu vvalutati fuq perjodu ta' żmien medju/fit-tul
biex wieħed jivvaluta bis-sħiħ ir-rendiment tal-programmi:
it-tnissil ta' konklużjonijiet mit-tqabbil tar-riżultati fuq
bażi ta’ perjodu ta’ żmien qasir jista’ jkun qarrieqi, billi
l-kisbiet fil-qasam tas-saħħa tal-annimali jistgħu jintwerew
biss fuq ċertu perjodu ta’ żmien (skont l-epidemjoloġija
tal-marda). Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni
pproponiet regolament ġdid li jkopri l-qasam kollu tal-infiq fuq
is-sikurezza tal-ikel. L-għan huwa li jittejjeb il-qafas finanzjarju
eżistenti, biex iwassal għal iżjed simplifikazzjoni,
trasparenza, flessibbiltà, u li tintwera l-kosteffettività tal-infiq fuq
is-sikurezza tal-ikel, inklużi l-programmi veterinarji. Il-proposta se
tiġi adottata formalment mill-koleġiżlaturi fl-ewwel nofs
tal-2014. [1] ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30. Wara bosta emendi,
id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE kkodifikat, ħassret u
ħadet post id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE dwar
in-nefqa fil-kamp veterinarju. [2] Fl-2011, madwar 75 % tal-baġit totali għall-ikel
u l-għalf ġie allokat għall-programmi veterinarji. [3] L-Influwenza Avjarja, id-Deni Afrikan
tal-Ħnieżer, il-Marda ta’ Aujeszky, il-Bruċellożi Bovina,
it-Tuberkulożi Bovina, il-Marda tal-Ilsien Blu, id-Deni Klassiku
tal-Ħnieżer, il-Lewkosi Enżootika tal-Bovini, ir-Rabja,
is-Salmonellożi Enżootika, il-Bruċellożi Ovina u Kaprina,
il-Marda Vesikulari tal-Ħnieżer, it-TSEs (BSE u Scrapie). [4] COM(2011) 398 finali. [5] Ir-rapport huwa bbażat ukoll fuq l-eżitu
taż-żewġ evalwazzjonijiet imwettqa f’dan il-qafas:
“Preparazzjoni ta’ rapport dwar l-eżitu tal-programmi ta' eradikazzjoni u
monitoraġġ tal-mard tal-annimali kofinanzjati mill-UE fl-Istati
Membri u l-UE bħala entità sħiħa” (2011, Konsorzju
tal-Evalwazzjoni tal-Katina Alimentari).
“Evalwazzjoni tal-Programmi ta’ Eradikazzjoni, Monitoraġġ u Kontroll
tal-Mard tal-Annimali” (2013, ICF - GHK). [6] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill,
lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat
tar-Reġjuni COM 539 (2007) finali - Strateġija ġdida
tas-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) fejn
“Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura”. [7] Xi ċifri dwar is-sinifikat ekonomiku tas-settur
tal-bhejjem fl-UE matul il-perjodu meqjus jingħataw fid-Dokument ta’
Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SANCO/11377/2013, Kapitolu VIII. [8] Il-kumitat ġie mwaqqaf mir-Regolament (KE)
Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-28 ta' Jannar 2002 lli jistabilixxi l-prinċipji
ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li
jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi
l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà, ĠU L 31, 1.2.2002,
sabiex jgħin lill-Kummissjoni tassigura approċċ iktar effettiv u
komprensiv lill-katina alimentari. Huwa magħmul minn rappreżentanti
tal-Istati Membri u ppresjedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. [9] L-FVO huwa parti mid-Direttorat Ġenerali
għas-Saħħa u l-Konsumaturi. Il-missjoni tiegħu hi li
jiżgura, permezz ta’ verifiki, spezzjonijiet u attivitajiet relatati, li
jkun hemm sistemi ta’ kontroll effettivi u sabiex jivvaluta l-konformità
mal-istandards tal-UE fi ħdan l-UE, u f’pajjiżi terzi fir-rigward
tal-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE. [10] Ir-rapporti ta’ verifika huma indirizzati
lill-maniġment u lil partijiet interessati oħra u jiġbru
fil-qosor ir-riżultati tax-xogħol ta’ verifika mwettaq mis-Servizz
tal-Verifika Finanzjarja tal-Kummissjoni (DĠ Saħħa u
Konsumaturi). [11] Din it-Task Force (TF) twaqqfet f’Marzu 2000 skont
l-azzjoni 29 tal-White Paper dwar is-Sikurezza tal-Ikel. It-Task Force hija ffurmata
minn rappreżentanti ta’ kull Stat Membru taħt ir-responsabbiltà
tal-Kummissjoni u ssir laqgħa annwali jew biannwali fi Brussell.
L-għanijiet tagħha huma: (a) it-titjib tal-eradikazzjoni tal-mard
tal-annimali u (b) it-titjib tal-proporzjon bejn l-ispejjeż u
l-benefiċċji tal-programmi għall-eradikazzjoni tal-mard
tal-annimali li huma kofinanzjati mill-UE. Barra minn hekk, inħolqu sitt
sottogruppi tat-taskforce: tuberkulożi bovina, bruċellożi
bovina, bruċellożi ovina u kaprina, rabja, salmonellożi, u deni
klassiku tal-ħnieżer, biex jittrattaw mardiet speċifiċi u
jagħtu appoġġ tekniku. Ir-rapporti tal-laqgħat
tat-taskforce jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/index_en.htm [12] Mhux il-miżuri kollha implimentati mill-Istati Membri
huma kofinanzjati mill-UE, billi din tista’ tikkontribwixxi biss għal
miżuri speċifiċi, skont il-marda, kif imniżżel
fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li japprovaw il-programmi
veterinarji kull sena. Għal aktar dettalji ara d-Deċiżjoni ta'
Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/761/UE - ĠU L 336, 8.12.2012,
p. 83. [13] Il-bilanċ għall-2011 jeskludi xi programmi li
għadhom qed isirulhom il-verifiki finanzjarji. [14] Il-pagamenti finali tal-UE għall-programmi
veterinarji implimentati mill-Istati Membri u approvati minn qabel
mill-Kummissjoni Ewropea huma ppreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni SANCO/11377/2013, Kapitolu III. [15] Id-dettalji tal-kofinanzjament tal-UE fil-21 Stat Membru
li jifdal huma ppreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni SANCO/11377/2013, Kapitolu VI. [16] Aktar dettalji dwar iż-żoni uffiċjalment
ħielsa mill-mard jingħataw fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni SANCO/11377/2013, il-Kapitolu IX. [17] F’dawn l-aħħar snin, minħabba pressjoni
għolja ta' infezzjoni mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-UE qed
tiffinanzja wkoll attivitajiet ta’ kooperazzjoni dwar ir-Rabja (u CSF)
mal-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fi ħdan l-Istrument
għall-Assistenza ta’ Qabel l-adeżjoni (IPA). [18] Il-pajjiżi terzi li
bħalissa qed jiġu kkunsidrati f'dan il-pjan jinkludi r-Russja,
l-Ukraina u l-Belarus. [19] L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) twaqqfet
f’Jannar 2002 bħala sors indipendenti ta’ pariri xjentifiċi u
komunikazzjoni dwar ir-riskji assoċjati mal-katina alimentari.
Inħolqot bħala parti minn programm komprensiv biex itejjeb
is-sikurezza tal-ikel tal-UE, tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni
tal-konsumatur u terġa’ tistabbilixxi u żżomm il-fiduċja
fil-provvista tal-ikel tal-UE. [20] Id-Deċiżjoni
tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2006 li temenda d-Deċiżjoni
90/424/KEE dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju ĠU L 397, 30.12.2006,
P. 22-27. [21] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 2. [22] Ġiet introdotta somma ta’ flus f’daqqa għal kull
annimal domestiku fil-kampjun. [23] Għal aktar dettalji ara t-tħejjija ta’ rapport
dwar l-eżitu tal-programmi ta' eradikazzjoni u monitoraġġ
tal-mard tal-annimali kofinanzjati mill-UE fl-Istati Membri u l-UE bħala
entità sħiħa (2011, Konsorzju tal-Evalwazzjoni tal-Katina
Alimentari).