RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tar-Regolament (UE) Nru 1342/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1931/2006 rigward l-inklużjoni taż-żona ta’ Kaliningrad u ta’ ċerti distretti amministrattivi Pollakki fiż-żona eliġibbli tal-fruntiera u dwar il-ftehim bilaterali konkluż f'dan ir-rigward bejn il-Polonja u l-Federazzjoni Russa /* COM/2014/074 final */
1. Introduzzjoni Il-Parlament
Ewropew u l-Kunsill fl-2006 adottaw Regolament li jistabbilixxi regoli dwar
it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati
Membri ("Regolament dwar it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera")[1]
li jippermetti li jsiru derogi, għal persuni li joqogħdu f'żona ta'
mal-fruntiera, mir-regoli ġenerali dwar il-kontrolli tal-fruntiera ddikjarati
fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Ir-Regolament jawtorizza lill-Istati
Membri jikkonkludu ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi ġirien li mhumiex parti
mill-UE, dment li dawn il-ftehimiet ikunu konformi għal kollox mal-parametri
ffissati mir-Regolament. Fi
Frar 2011 il-Kummissjoni kkonkludiet, fit-tieni rapport tagħha dwar
l-implimentazzjoni u l-funzjonament tat-traffiku lokali tal-fruntiera[2] li
din is-sistema tagħmel il-ħajja eħfef b’mod sinifikanti għal dawk li joqogħdu
ħdejn il-fruntieri esterni fuq l-art, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà interna
fiż-żona Schengen. Fir-rapport
il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li minħabba l-pożizzjoni speċifika ta’
Kaliningrad, sabiex jiġi evitat l-iżolament tiegħu minn mal-ġirien immedjati u
jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar għall-abitanti tiegħu, emenda tar-Regolament dwar
it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera kienet ġustifikata. Kaliningrad huwa reġjun
tal-Federazzjoni Russa b’popolazzjoni ta’ kważi miljun abitant li sar l-uniku
territorju fl-UE imdawwar minn żewġ Stati Membri bħala konsegwenza tat-tkabbir
tal-UE fl-2004. Emenda bħal din tippermetti li ż-żona kollha ta’ Kaliningrad
tkun eliġibbli bħala żona tal-fruntiera fi ftehim bilaterali bejn Stat Membru u
l-Federazzjoni Russa. Minkejja li
l-ftehim bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-viża, li ilu
fis-seħħ mill-2007 'l hawn diġà kien jirrappreżenta pass sinifikanti 'l quddiem
biex jitjiebu l-opportunitajiet għall-mobbiltà, is-sistema tat-traffiku lokali
tal-fruntiera toffri faċilitajiet addizzjonali speċifikament għall-ħtiġijiet
regolari, u saħansitra ta' kuljum, għall-ivvjaġġar fiż-żona lokali. Residenti
fuq il-fruntiera mhux se jkollhom bżonn jagħtu prova li għandhom biżżejjed
mezzi biex jgħixu, il-permessi jistgħu jinħarġu mingħajr ma jintalab ħlas, jew
jistgħu jiġu rriżervati jew isiru lejns separati u/jew punti speċifiċi minn
fejn wieħed jaqsam il-fruntiera għat-traffiku lokali tal-fruntiera. Barra minn
hekk, kieku, ir-residenti kollha taż-żona ta' Kaliningrad, inklużi l-abitanti
tal-belt ta' Kaliningrad, ikunu jgawdu minn dawn il-faċilitazzjonijiet, filwaqt
li xi faċilitazzjonijiet fil-ftehim bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa dwar
l-iffaċilitar tal-viża japplikaw għal ċerti kategoriji ta' nies biss. Fid-dawl ta’ din
is-sitwazzjoni partikolari, eċċezzjoni għall-Artikolu 3 paragrafu 2
tar-Regolament (KE) Nru 1931/2006 ġiet introdotta li tippermetti li
l-oblast ta’ Kaliningrad kollu kemm hu jitqies bħala żona tal-fruntiera. Żona speċifika
tal-fruntiera fuq in-naħa Pollakka ġiet inkluża wkoll fiż-żona eliġibbli
tal-fruntiera, sabiex tiġi ffaċilitata u mtejjba l-kooperazzjoni bejn l-oblast
ta' Kaliningrad fuq naħa u ċ-ċentri ewlenin fit-Tramuntana tal-Polonja fuq
in-naħa l-oħra. Din l-estensjoni
eċċezzjonali taż-żona tal-fruntiera fiż-żona ta’ Kaliningrad ma taffettwax
id-definizzjoni ġenerali taż-żona eliġibbli tal-fruntiera (iż-żona
ta’ 30/50 km) jew xi regoli u kundizzjonijiet oħra stabbiliti
fir-Regolament dwar it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera biex tkun garantita
s-sigurtà taż-żona Schengen kollha kemm hi. Ir-Regolament
tal-Kunsill 1342/2011/UE tat-13 ta’ Diċembru 2011[3]
li jemenda r-Regolament 1931/2006/KE daħal fis-seħħ f’Jannar 2012.
Il-Ftehim bilaterali bejn il-Polonja u l-Federazzjoni Russa daħal fis-seħħ
fis-27 ta’ Lulju 2012. Mal-adozzjoni
ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ħarġu dikjarazzjoni konġunta,
li tiddikjara kif ġej (estratt): '(...)
Ser tingħata attenzjoni partikolari għal miżuri ta’ sigurtà marbuta
mal-implimentazzjoni prattika tar-Regolament emendat fit-territorju
tar-Repubblika tal-Polonja. L-awtoritajiet Pollakki rilevanti ser jiżguraw
l-applikazzjoni tas-salvagwardji tas-sigurtà, f'konformità mal-istandards
stabbiliti fir-Regolament. Il-Kummissjoni ser tippreżenta darba kull sentejn u
għall-ewwel darba sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament rapport
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament
ta' din l-emenda u dwar il-ftehim bilaterali konkluż f'konformità miegħu, b'mod
partikolari biex jiġi evalwat l-impatt tagħhom fil- qasam tas-sigurtà
u l-migrazzjoni (...).' 2. il-funzjonament tar-reġim
tat-traffiku lokali tal-fruntiera fil-prattika Dan ir-rapport
tfassal fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Polonja u fuq ir-riżultati
taż-żjara ta’ delegazzjoni konġunta bejn l-UE u r-Russja fil-punti ta’ qsim
bejn il-fruntieri ta’ Mamonovo II (FR) u Grzechotki (il-Polonja)
f’Lulju 2013. Skont
il-Polonja, l-implimentazzjoni tal-ftehim mal-Federazzjoni Russa dwar
it-traffiku lokali tal-fruntiera, sena wara li daħal fis-seħħ, kienet pożittiva
ħafna u ma ġie rreġistrat l-ebda ksur serju. Qabel ma daħal
fis-seħħ ir-reġim il-ġdid, saret kampanja ta’ informazzjoni importanti. Matul
din il-kampanja, ingħatat informazzjoni dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera
lill-abitanti tar-reġjun b’mod partikolari permezz ta’ assoċjazzjonijiet
tat-trasportaturi tal-merkanzija, operaturi turistiċi u tal-ġiti. Barra minn
hekk, fuljett ta’ informazzjoni, bil-Pollakk u bir-Russu ġie ċirkolat u mibgħut
elettronikament lill-korpi ta’ gvern lokali kollha li ż-żoni tagħhom huma
koperti mill-ftehim dwar it-TLF (Traffiku Lokali tal-Fruntiera). Ġew imħejjija
tabelli ta’ informazzjoni li juru l-aktar informazzjoni importanti dwar
s-sistema tat-TLF tqiegħdu f’postijiet xierqa bħall-qsim tal-fruntieri u matul
toroq nazzjonali u distrettwali. Għadd ta’ miżuri
ġew adottati biex jiġi żgurat li d-drittijiet skont il-ftehim dwar it-TLF qed
jintużaw b’mod korrett. Dan huwa l-każ ta’ modulu TLF ‘speċjali’ marbut
direttament mal-bażi tad-dejta tat-TLF fl-Uffiċċju għall-Barranin, li huwa
l-awtorità ċentrali responsabbli għal dawn l-oqsma fil-Polonja. Din is-sistema
tippermetti biex l-uffiċjali tal-Gwardja tal-Fruntieri jikkontrollaw il-qsim
tal-fruntieri u t-tul tas-soġġorn tad-detenturi ta’ permessi TLF u biex
jirreġistraw każijiet ta’ nuqqas konformità mar-rekwiżiti ta’ dan il-ftehim jew
kwalunkwe deċiżjoni jew miżura meħuda b’rabta miegħu. Movimenti ta’ qsim
tal-fruntiera skont ir-reġim tat-TLF huma sistematikament irrekordjati kemm
mill-Polonja, ħlief għaċ-ċittadini tiegħu stess, u mir-Russja fis-sistemi ta’
dħul/ħruġ rispettivi tagħhom. 2.1. Miżuri ta’ faċilitazzjoni
applikati mill-Istat Membru 2.1.1. Għadd ta' permessi li nħarġu Sal-31 ta’ Jannar 2013,
il-Konsulat-Ġenerali Pollakk f’Kaliningrad irċieva 29 000 applikazzjoni u
ħareġ kważi 19 000 permess għall-qsim tal-fruntiera skont il-ftehim dwar
it-TLF. Matul l-2013, ġiet innotata żieda sinifikanti f'dawn iċ-ċifri
bl-istatistika tindika, mill-31 ta’ Ottubru, li wasal total ta’ aktar
minn 160 000 applikazzjoni u nħarġu aktar minn 140 000 permess minn
meta daħal fis-seħħ il-ftehim. Ir-raġunijiet
ewlenin mogħtija għall-applikazzjonijiet għall-permessi huma x-xewqa li jsir
użu mis-servizzi tal-konsumatur, it-turiżmu u żjarat lil ħbieb u familja. Iż-żewġ
partijiet jagħmlu użu effettiv ta’ esternalizzazzjoni biex jipproċessaw
il-maġġoranza tal- applikazzjonijiet għal permessi TLF. Entità esterna
magħżula permezz ta’ proċedura ta’ offerti stabbiliet ċentri ta’ applikazzjoni
f’Kaliningrad, Chernyakhovsk u Sovetsk. Dawn iċ-ċentri ta’ applikazzjoni
jirċievu madwar 90 % tal-applikazzjonijiet, u l-bqija jirċevihom
direttament il-Konsulat. Ir-Russja stabbiliet ċentri ta’ applikazzjoni
esternalizzati f’Olsztyn u Gdansk, li jirċievu żewġ terzi tal-applikazzjonijiet
kollha għal permessi TLF fil-Polonja. Il-perjodu ta’ stennija għall-iffajljar
ta’ applikazzjonijiet huwa ta’ madwar ġimagħtejn. Fi tmiem
Jannar 2013, il-Konsulat Ġenerali Russu fi Gdansk irċieva 15 500
applikazzjoni u ħareġ 14 500 permess lil ċittadini Pollakki. Sa
Awwissu 2013, l-għadd totali ta’ permessi maħruġa mill-awtoritajiet Russi
kien ta’ 22 589. Il-permessi
lokali tal-fruntiera Pollakki jinħarġu f’format ID1 u bħalissa ma fihomx ċipp ta’ kuntatt.
Il-Kummissjoni bħalissa qed tivvaluta l-konformità tal-ftehimiet tat-TLF kollha
eżistenti mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002
tat-13 ta’ Ġunju 2002[4]
li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’
pajjiż terz, inkluż l-użu tal-bijometrija. Skont
l-Att Pollakk il-ġdid tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-Barranin,
il-bijometrija se tiġi introdotta fil-permessi TLF mill-1 ta' Mejju 2014.
2.2. L-użu li jagħmlu r-residenti
ta' mal-fruntiera mill-ftehim bilaterali Minn meta
l-partijiet bdew joħorġu permessi TLF, ġiet innutata żieda kostanti fl-għadd
ta’ persuni li jaqsmu l-fruntiera b'permessi bħal dawn. Fl-2012, l-ammont
totali ta’ traffiku ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera Pollakka
mill-Oblast ta' Kaliningrad laħaq il-livell, li kellu qabel ma l-Polonja
ngħaqdet maż-żona Schengen, li huwa meqjus ukoll ir-riżultat
tal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar it-TLF. 2.2.1. Għadd ta’ vjaġġi Minn
Lulju 2012 sa Jannar 2013, aktar minn 1,2 miljun ċittadin
mhux Pollakk qasmu l-fruntiera Russo-Pollakka lejn il-Polonja li
minnhom 43 653 persuna (madwar 3,6 %) qasmu abbażi ta' permessi TLF.
F’Diċembru 2012 l-għadd ta’ dawn il-persuni żdied bi kważi 100 % meta
mqabbel max-xahar ta’ qabel. F’Jannar 2013, ċittadini mhux Pollakki li
qasmu l-fruntiera fuq il-bażi ta’ permessi TLF kienu jammontaw għal madwar
8 % tal-għadd totali ta’ vjaġġaturi mhux Pollakki fiż-żona. Dawn in-numri
kibru b’mod esponenzjali matul l-2013 u sa Ottubru aktar minn 400 000
ċittadin mhux Pollakk b'permessi TLF daħlu fil-Polonja; għadd li jirrappreżenta
31 % tat-traffiku total lejn il-Polonja fil-fruntiera tal-art mar-Russja.
Minn Novembru 2012 sal-aħħar ta’ Jannar 2013, kien hemm aktar minn
150 000 qsim b'permessi TLF minn ċittadini Pollakki, li jammonta għal
madwar 31,2 % tat-traffiku totali ta’ ċittadini Pollakki. L-għadd ta’
vjaġġi kien diġà aktar minn 350 000 sal-aħħar ta’ Ottubru 2013. 2.2.2. Każijiet ta' abbuż u rtirar
tal-permessi La r-Russja u
lanqas il-Polonja s’issa ma rrappurtaw ksur serju tar-regoli rigward soġġorni
TLF fi-żoni tal-fruntiera, inklużi każijiet fejn it-tul permess tas-soġġorn
kien inqabeż jew fejn iċ-ċittadini ġew irreġistrati bħala awturi jew vittmi ta’
reati kriminali. B’mod ġenerali l-Polonja indikat 25 każ[5]
biss ta’ ċaħda ta’ dħul. Skont
l-informazzjoni pprovduta s'issa, kienu biss 14 il-każi li nkixfu mid-dħul
fis-seħħ tal-ftehim. Disa’ każijiet kienu jirrigwardaw ċittadini Russi li
nstabu barra miż-żona tal-fruntiera u l-ħamsa l-oħra kienu jikkonċernaw persuni
li damu aktar mill-perjodu awtorizzat. Dawk iċ-ċittadini barranin kellhom
il-permessi tagħhom revokati, ġew immultati, u kienu ordnati biex jitilqu
mit-territorju tal-Polonja u pprojbiti milli jidħlu għal darba oħra din għal
perjodu ta’ sitt xhur. Qabel ma daħal fis-seħħ il-ftehim dwar it-TLF,
il-viċinanza tal-qsim tal-fruntiera (fuq in-naħa Russa) kienet karatterizzata
minn inċidenti li kienu jinvolvu persuni li kienu qed jistennew biex jidħlu, li
minn dak iż-żmien waqfu. Il-Kummissjoni
ma rċeviet l-ebda rapport mill-Istati Membri jew ilment mingħand partijiet
interessati oħra dwar abbużi possibbli tas-sistema. L-informazzjoni
disponibbli tissuġġerixxi li l-Ftehim dwar it-TLF bejn il-Polonja u r-Russja
naqqset l-għadd ta' vjaġġi illegali fil-fruntiera jew attentati ta' qsim
illegali fil-fruntiera Pollakka–Russa. 2.3. Il-fluss ta’ passiġġieri
fil-fruntiera Ma hemmx lejns
speċifiċi ddedikati biss għal benefiċjarji tat-TLF fil-punti ta’ qsim
tal-fruntiera Pollakka tul il-fruntiera mar-Russja. Skont
il-Polonja, il-kjuwijiet f’punti ta’ qsim tal-fruntiera huma temporanji u
marbutin ma’ traffiku personali li jinġabar f'ċerti ħinijiet tal-jum jew
tal-ġimgħa. Minkejja ż-żieda ta’ 80 % din is-sena fl-għadd ta’ vetturi li
ġew ikklerjati, m’hemmx kjuwijiet matul 95 % tax-xiftijiet doganali u
bħala medja kontroll fuq il-fruntieri ma jdumx aktar minn siegħa b’kollox.
Fil-ħinijiet tal-ogħla ammonti ta' qsim, il-kontrolli jistgħu jieħdu madwar
sagħtejn. It-tendenza ġenerali hija li qed jiżdied tat-traffiku fil-fruntiera
filwaqt li ż-żmien medju biex jitwettqu kontrolli fil-punti ta’ qsim
tal-fruntiera qed jonqos. Ġie organizzat
taħriġ mill-Polonja dwar drittijiet u responsabbiltajiet skont ir-regoli
tat-TLF għal istituzzjonijiet, korpi u servizzi individwali involuti. Dan ħadet
il-forma ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ għal uffiċjali tal-pulizija mid-distretti
kollha fiż-żona, l-uffiċjali tal-Ispettorat tat-Trasport bit-Triq ta'
Warmińsko-Mazurskie u l-uffiċjali tal-pulizija tal-ferroviji.
Il-Konsulat-Ġenerali Pollakk f’Kaliningrad organizza taħriġ għal VFS Global,
il-kumpanija li rebħet il-kuntratt biex tirċievi l-applikazzjonijiet u toħroġ
il-permessi TLF. Il-Ftehim dwar it-TLF
mal-Federazzjoni Russa huwa wkoll element standard tat-taħriġ ipprovdut
lill-persunal konsulari mill-Ministeru Pollakk tal-Affarijiet Barranin. 3. Kalkolu tat-tul ta’ żmien tas-soġġorn
fiż-żona tal-fruntiera Skont
is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-254/11 (Shomodi),
l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar it-TLF ifisser li d-detentur tal-permess
lokali tal-fruntiera huwa intitolat li, f’kull daħla, jibqa' fiż-żona
tal-fruntiera għal perjodu mhux interrott ta’ mhux aktar minn tliet xhur. Barra
minn hekk, din il-persuna għandha dritt mill-ġdid għall-istess perjodu ta’
soġġorn ta’ mhux aktar minn tliet xhur kull darba li s-soġġorn tiegħu/tagħha
jiġi interrott. L-Artikolu 4 tal-ftehim Pollakk/Russu tat-TLF jawtorizza
persuna li tibqa' fiż-żona tal-fruntiera tal-Parti Kontraenti l-oħra sa 30 jum
kull darba, ‘iżda mhux aktar minn total ta’ 90 jum matul kull 6 xhur mid-data
tal-ewwel qsim tal-fruntiera. Huwa għalhekk iktar restrittiv fil-konfront
tad-detenturi ta' permess TLF minn dak li jippermetti r-Regolament. Għaddejjin
diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Polonja biex jiġi żgurat li l-Ftehim
jiġi applikat skont s-sentenza. 4. Konklużjoni Minħabba ż-żmien
qasir mid-dħul tiegħu fis-seħħ, kwalunkwe valutazzjoni tal-implimentazzjoni u
l-funzjonament tal-Ftehim jista’ jkun biss limitat f’dan il-punt. Fin-nuqqas ta’
rapporti ta’ abbuż u mill-informazzjoni disponibbli, r-reġim tat-TLF fil-każ
speċifiku ta’ Kaliningrad jidher li qed jaħdem tajjeb, billi qed
jikkontribwixxi għal żieda fil-vjaġġi qsim tal-fruntiera ta’ persuni li jgħixu
fiż-żona tal-fruntiera. Skont
l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-Polonja, l-implimentazzjoni tal-ftehim
irriżultat f’żieda fl-għadd ta’ persuni li jiġu l-Polonja biex jixtru,
għat-turiżmu, jew għal servizzi mediċi u tal-kura filwaqt li kellu effetti
pożittivi fuq l-ekonomija ta’ dawn iż-żoni. Din
il-valutazzjoni pożittiva tal-funzjonament il-ftehim jaqblu magħha ż-żewġ
partijiet, kif ikkonfermat fir-rieżami interministerjali Pollakk-Russu li sar
fi Gdansk fid-29 ta’ Novembru 2012 u ddikjarat mill-missjoni
konġunta f’Lulju 2013. Il-Kummissjoni
se tkompli ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-Ftehim. Għal dan
l-għan, qed titlob il-kollaborazzjoni tal-Istati Membri u tfakkar il-ħtieġa li
jirrappurtaw kwalunkwe abbuż minnufih. Sadanittant
il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Polonja u lill-Federazzjoni Russa biex ikomplu
bl-isforzi tagħhom li jnaqqsu l-ħin ta’ stennija fuq il-fruntiera filwaqt li
jiżguraw li s-salvagwardji kollha tas-sistema jiġu għal kollox rispettati. [1] Ir-Regolament Nru 1931/2006
tal-20 ta’ Diċembru 2006, ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1. [2] COM(2011)47 finali 3
ĠU L 347, 30.12.2011, p. 41 [4] ĠU L 157, 15.06.2002, p. 1. [5] 7 każijiet: permess TLF nieqes jew iffalsifikat 8 każijiet: allert fis-sistema SIS
għal ċaħda ta' dħul 10 każijiet: inqabeż it-tul massimu
tas-soġġorn