KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Politika u l-Governanza tal-Internet Ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal-Governanza tal-Internet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) /* COM/2014/072 final */
1. Introduzzjoni Għal iktar minn ħmistax-il sena,
l-UE għenet biex issostni u tiżviluppa l-internet: bħala parti
essenzjali tal-ħajja u pilastru fundamentali tas-Suq Uniku Diġitali,
l-internet kattar l-innovazzjoni, it-tkabbir, il-kummerċ, id-demokrazija u
d-drittijiet tal-bniedem[1].
Huwa mbassar li t-tkabbir marbut mal-ekonomija tal-internet huwa kważi
11 % fl-UE u l-kontribut għall-PDG mistennija li tiżdied minn
3,8 % fl-2010 għal 5,7 % fl-2016.[2]
L-intrapriżi żgħar u medji li jużaw l-internet b’mod intensiv
jikbru b'rata ta' kważi darbtejn aktar mgħaġġla
mill-oħrajn[3].
Jinħtieġ li dan il-potenzjal ekonomiku jiġi sfruttat iktar biex
l-individwi jkollhom aċċess għall-kontenut, il-prodotti u
s-servizzi li jridu, u jkollhom il-kontroll fuq liema dejta personali jixtiequ
jaqsmu jew le. In-netwerks siguri, stabbli u reżiljenti jiffurmaw
il-bażi ta’ ekonomija tal-internet li n-nies jafdaw u li tkun sejra tajjeb[4]. Internet
miftuħ u ħieles fejn id-drittijiet u l-libertajiet kollha li n-nies
għandhom offlajn japplikaw ukoll onlajn, jiffaċilita l-progress
soċjali u demokratiku madwar id-dinja. Biex dawn
il-benefiċċji ma jintilfux, huwa essenzjali li jkun hemm governanza
sostenibbli tal-internet li tinvolvi l-partijiet interessati[5] kollha.
Il-governanza tal-internet tinvolvi varjetà kbira ta' organizzazzjonijiet[6], u b'mod
ġenerali tinftiehem li tirreferi għal "l-lżvilupp u
l-applikazzjoni mill-Gvernijiet, is-settur privat u s-soċjetà ċivili,
fir-rwoli rispettivi tagħhom, tal-prinċipji, in-normi, ir-regoli,
il-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet u
l-programmi komuni li jiffurmaw l-evoluzzjoni u l-użu tal-internet"[7]. Dan l-aħħar, intensifikaw
il-viżjonijiet konfliġġenti dwar il-futur tal-internet u dwar
kif tista' tissaħħaħ il-governanza plurilaterali tiegħu
b’mod sostenibbli. Barra minn hekk, ir-rapporti li ħarġu dwar
programmi ta’ sorveljanza fuq skala kbira u l-biża’
miċ-ċiberkriminalità affettwaw b’mod negattiv il-fiduċja
fl-Internet. Kollox ma' kollox, jekk tibqa' tonqos il-fiduċja fl-internet
u fil-governanza attwali tiegħu, dan jista’ jnaqqas ir-rata
tal-innovazzjoni u t-tkabbir tal-kumpaniji tal-internet Ewropej. Dan jista’
jwassal ukoll għal pressjoni fuq l-istrutturi nazzjonali u reġjonali
ġodda tal-governanza li tista’ twassal għall-frammentazzjoni
tal-internet. Din il-Komunikazzjoni tipproponi bażi
għal viżjoni Ewropea komuni għall-governanza tal-internet l
biex tiddefendi u tippromwovi d-drittijiet
fundamentali u l-valuri demokratiċi, u strutturi plurilaterali ta’
governanza li jkunu bbażati fuq regoli ċari li jirrispettaw dawk
id-drittijiet u l-valuri[8],
l
bħala netwerk uniku, mhux frammentat,
soġġett għall-istess liġijiet u normi li japplikaw f’oqsma
oħra tal-ħajja tagħna ta’ kuljum; u fejn l-individwi
jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom u, jekk dawn id-drittijiet
jinkisru, ikollhom aċċess għal rimedji ġudizzjarji.
l
irregolat permezz ta’ mudell plurilaterali
ġenwin ·
fejn id-diskussjonijiet intergovernattivi
meħtieġa jkunu ankrati f'kuntest plurilaterali msejjes fuq
l-għarfien sħiħ li l-internet huwa mibni u miżmum minn
varjetà ta’ partijiet interessati, minbarra l-gvernijiet; ·
fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu
abbażi tal-prinċipji ta’ governanza tajba, li jinkludu t-trasparenza,
ir-responsabbiltà u l-inklużjoni tal-partijiet interessati relevanti
kollha; l
b’Forum dwar il-Governanza tal-Internet
imsaħħaħ u riformat; l
b'Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u
n-Numri Assenjati u Awtorità għan-Numri Assenjati tal-Internet (IANA)
globalizzati. Din il-Komunikazzjoni tibni fuq
il-Komunikazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Governanza
tal-Internet fl-2009, b’mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam
mat-tisħiħ tal-mudell plurilaterali. Il-Komunikazzjoni ma titlobx li
jiġi adottat xi strument legali internazzjonali ġdid biex jiġu
indirizzati l-kwistjonijiet tal-governanza tal-Internet[9]. Din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq it-tliet
oqsma prinċipali tal-politika li huma rilevanti għall-ekosistema
kumplessa tal-governanza tal-internet. L-oqsma ewlenin tad-dibattitu attwali,
jiġifieri l-iżvilupp tal-prinċipji tal-governanza tal-internet,
l-oqfsa ta’ kooperazzjoni u l-funzjonijiet ewlenin tal-internet, huma
indirizzati fit-Taqsimiet 2, 3 u 4. It-Taqsima 5 tagħmel
proposti konkreti dwar kif għandu jissaħħaħ il-mudell
plurilaterali attwali. It-Taqsimiet 6, 7 u 8 jagħtu ħarsa
'l quddiem lejn xi wħud mill-kwistjonijiet ewlenin li għandhom
jiġu indirizzati fil-kuntest tal-governanza tal-internet
fil-ġejjieni, jiġifieri l-interazzjoni qawwija bejn in-normi
tekniċi u l-politika dwar l-internet, l-isfidi ewlenin fil-ħolqien mill-ġdid
tal-fiduċja u l-kunflitti tal-ġurisdizzjonijiet u l-liġijiet.
Ħafna mill-kwistjonijiet ippreżentati se jkunu soġġetti
għal aktar konsultazzjonijiet speċifiċi mal-partijiet
interessati. 2. Approċċ
Ibbażat fuq il-Prinċipji Is-saħħa tal-internet tinsab
fin-natura mifituħa u mifruxa tiegħu, abbażi tal-istandards mhux
proprjetarji li joħolqu ostakli baxxi għad-dħul. L-Unjoni
Ewropea minn dejjem kienet temmen li l-internet għandu jkun spazju
wieħed, mhux frammentat, fejn ir-riżorsi kollha jkunu
aċċessibbli bl-istess mod, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu
l-utent u l-fornitur. Dan huwa l-każ partikolarment f'dak li għandu
x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem u xi Stati, bl-iskuża tas-sigurtà,
jippruvaw irażżnu l-konnettività globali taċ-ċittadini tagħhom
permezz taċ-ċensura u restrizzjonijiet oħra. Li wieħed
jimblokka, inaqqas il-veloċità jew jiddiskrimina fil-kontenut,
l-applikazzjonijiet jew is-servizzi huwa kontra n-natura miftuħa
tal-internet[10].
Anki meta wieħed ikun qed jaffaċċja sfidi politiċi jew
regolatorji kumplessi, l-iffiltrar tat-traffiku oħra fil-fruntieri jew
approċċi oħra purament nazzjonali jistgħu jwasslu
għall-frammentazzjoni tal-internet u jistgħu jikkompromettu t-tkabbir
ekonomiku u l-fluss ħieles tal-informazzjoni. Dan ma jeskludix li jkun
hemm aktar sforzi fid-diversifikazzjoni tal-infrastruttura sottostanti
bħall-punti lokali tal-iskambju tal-internet u l-kapaċità
tat-trażmissjoni, li jistgħu jsaħħu r-reżiljenza u
r-robustezza tal-internet, u lanqas ma jeskludi t-teħid tal-miżuri
meħtieġa għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u biex
jindirizzaw it-tħassib li rriżulta mir-rivelazzjonijiet dwar
attivitajiet fuq skala kbira ta’ sorveljanza u intelliġenza. Għal aktar minn sentejn, il-Kummissjoni
appoġġat approċċ imqassar bl-akronimu COMPACT[11]: l-internet
bħala spazju ta’ responsabbiltajiet ċiviċi, riżorsa
waħda, mhux frammentata, irregolata permezz ta’ approċċ
plurilaterali għall-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet
tal-bniedem, ibbażat fuq arkitettura teknoloġika solida li tiġġenera
l-fiduċja u tiffaċilita governanza trasparenti tal-infrastruttura
sottostanti tal-internet u tas-servizzi li jimxu fuqha. COMPACT ikompli jibni fuq l-Aġenda ta’
Tuneż tal-2005. Minn dak iż-żmien 'l hawn kien hemm
proliferazzjoni ta’ prinċipji tal-governanza tal-internet f’diversi fora
iżda fil-biċċa l-kbira tal-każijiet kull wieħed
minnhom kien appoġġjat minn sett limitat ta’ partijiet interessati,
jew kien limitat fl-ambitu ġeografiku tiegħu[12]. Biex jinstab ftehim
komuni, ikun ta' għajnuna proċess li jwassal għal sett ta'
prinċipji koerenti u appoġġjati b’mod aktar wiesa’
għall-governanza tal-Internet. Il-Kummissjoni
tappoġġja l-istabbiliment ta’ sett koerenti ta’ prinċipji ta’
governanza tal-internet globali, konsistenti mad-drittijiet fundamentali u
l-valuri demokratiċi, mal-partijiet interessati kollha. Il-Kummissjoni se
tiffaċilita d-diskussjonijiet fost il-partijiet interessati, inkluż
permezz ta’ pjattaformi plurilaterali u l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar
il-Governanza tal-Internet[13].
Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex
jikkontribwixxu għal pożizzjoni Ewropea komuni fil-fora xierqa
kollha. 3. Qafas ta’ Governanza
Kooperattiva Id-djalogi b’rispett reċiproku bejn
il-partijiet interessati kollha dwar il-futur tal-iżvilupp tal-governanza
tal-internet globali, huma essenzjali minħabba l-importanza soċjali u
ekonomika globali tal-internet. Il-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF)
ħareġ mis-Samit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS)
biex jiffaċilita d-diskussjonijiet innovattivi fost il-partijiet
interessati kollha, li ħafna minnhom ma kinux ikkooperaw mill-qrib qabel.
Huwa importanti, madankollu, li l-kwalità u l-format tar-riżultati tal-IGF
jittejbu sabiex jissaħħaħ l-impatt tiegħu fuq il-governanza
u l-politika tal-Internet. L-interazzjonijiet aktar b’saħħithom
bejn il-partijiet interessati involuti fil-governanza tal-internet
għandhom jitrawmu permezz ta’ djalogi dwar kwistjonijiet
speċifiċi, u mhux permezz ta’ korpi ġodda. Dan jippermetti lill-partijiet
interessati rilevanti biex jindirizzaw l-isfidi speċifiċi lil hinn
mill-fruntieri organizzazzjonali u strutturali. Dawn l-arranġamenti
jistgħu jkunu ispirati mill-arkitettura mifruxa tal-internet li
għandha sservi ta’ mudell għal interazzjonijiet aħjar bejn
il-partijiet kollha. Barra minn hekk, mudell sostenibbli
jeħtieġ li jiddefinixxi biċ-ċar ir-rwoli tal-atturi
fil-proċess ta’ governanza, inkluż ir-rwol tal-awtoritajiet
pubbliċi fil-qadi tar-responsabbiltajiet tagħhom fil-politika pubblika
f'mod li jkun konsistenti mad-drittijiet tal-bniedem onlajn[14]. Din
is-sostenibbiltà teħtieġ ukoll impenn komuni mill-partijiet
interessati kollha għal sett koerenti ta’ prinċipji tal-governanza
tal-internet. Fl-ispazju tal-internet, l-mekkaniżmi ta’
responsabilità huma essenzjali għall-atturi, inkluż
l-organizzazzjonijiet responsabbli mill-kompiti ewlenin tal-internet.
Il-mekkaniżmi bħall-awtovalutazzjoni u r-reviżjoni indipendenti
(esperta) jistgħu jsaħħu l-implimentazzjoni u jirrakkomandaw
it-titjib. L-Affermazzjoni tal-Impenji tal-Korporazzjoni
tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN), u l-użu
tagħha tal-bordijiet ta’ reviżjoni plurilaterali, tista’ tkun
ispirazzjoni waħda għal organizzazzjonijiet u proċessi oħra. Il-Kummissjoni
se timpenja ruħha mal-partijiet interessati biex: -
issaħħaħ il-Forum dwar il-Governanza tal-Internet, filwaqt li
tikkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Titjib
lill-IGF[15];
-
tiddefinixxi b’mod ċar ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kuntest
plurilaterali, b'mod konsistenti ma' internet miftuħ u liberu; -
tiffaċilita djalogu plurilaterali bbażat fuq kwistjonijiet
speċifiċi u t-teħid ta’ deċiżjonijiet lil hinn
mill-fruntieri tal-organizzazzjonijiet. 4. Il-Globalizzazzjoni
tad-Deċiżjonijiet Ewlenin tal-Internet L-internet sar infrastruttura ewlenija
b’dimensjonijiet globali. Jaħdem tajjeb mingħajr sorveljanza
strutturali mill-entitajiet intergovernattivi internazzjonali. Fl-istess
ħin, bilanċ internazzjonali akbar fi ħdan l-istrutturi eżistenti
jista' jżid il-leġittimità tal-arranġamenti ta’ governanza
attwali. Fl-2005, il-Gvern tal-Istati Uniti impenja
ruħu biex jaħdem flimkien mal-komunità internazzjonali biex
jindirizza t-tħassib tal-politika pubblika fir-rigward tat-tmexxija ta’
dominji tal-ogħla livell nazzjonali (country-code top-level domains -
ccTLD)[16].
Madankollu, dan għadu ma ġiex implimentat bis-sħiħ.
Fil-Komunikazzjoni[17]
tagħha tal-2009, il-Kummissjoni Ewropea semmiet l-internazzjonalizzazzjoni
mhux kompluta ta’ funzjonijiet u organizzazzjonijiet ewlenin tal-Internet. Mill-2009, l-ICANN ħadet passi f’din
id-direzzjoni, partikolarment bil-ħolqien ta’ ċentri operazzjonali
f’Istanbul u Singapor fl-2013. Dawn il-passi huma pożittivi. Madankollu,
l-istatus tal-ICANN fil-liġi ta' Kalifornja b’relazzjoni kuntrattwali ma'
pajjiż wieħed ma nbidilx. Ir-relazzjoni esklussiva tal-ICANN ma’
gvern wieħed - kif muri bl-Affermazzjoni tal-Impenji tagħha -
toriġina mill-istorja tal-internet u għandha ssir iktar globali
fl-era tal-internet billi saret funzjoni ta’ appoġġ vitali
għas-soċjetajiet u l-ekonomiji fid-dinja kollha. F’Ottubru 2013,
il-mexxejja ta’ organizzazzjonijiet responsabbli mill-koordinazzjoni
tal-infrastruttura teknika tal-Internet sejħu
għall-aċċellerazzjoni tal-globalizzazzjoni tal-funzjonijiet ta'
ICANN u IANA fid-dikjarazzjoni ta’ Montevideo[18]
tagħhom dwar il-futur tal-kooperazzjoni tal-internet. Il-Laqgħa
Plurilaterali Globali dwar il-Ġejjieni tal-Governanza tal-Internet, li se
jospita l-Brażil f’April 2014, għandha tidentifika l-passi konkreti u
li jistgħu jitwettqu biex jindirizzaw il-globalizzazzjoni tal-funzjonijiet
ta' ICANN u IANA[19]. Il-Kummissjoni
se taħdem mal-partijiet interessati kollha biex -
tidentifika kif se tigglobalizza l-funzjonijiet ta' IANA, filwaqt li
tħares l-istabbiltà u s-sigurtà tas-sistema tal-ismijiet tad-dominji; -
tistabbilixxi skeda ta’ żmien ċara għall-globalizzazzjoni ta'
ICANN, inkluż l-Affermazzjoni tal-Impenji tagħha. 5. Proċess Plurilaterali Il-proċessi plurilaterali fir-rigward
tal-internet ħadu diversi forom li varjaw minn sempliċi netwerking
għal deċiżjonijiet b'impatt globali bħal dawk meħuda
minn ICANN u l-proċessi tal-iffissar tal-ispeċifikazzjonijiet
tal-Internet Engineering Task Force (IETF)[20].
Madankollu, il-fatt li proċess jingħad li huwa plurilaterali, ma
jiggarantix li se jipproduċi riżultati li jitqiesu bħala
leġittimi b'mod wiesa'. Il-Kummissjoni qed tkompli tappoġġja
approċċ plurilaterali ġenwin għall-governanza tal-internet,
li jista' jipprovdi din il-leġittimità. Sabiex tkompli ssaħħaħ
il-mudell plurilaterali, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li l-proċessi
plurilaterali marbuta mal-politiki tal-internet - minbarra mill-konsistenza
tagħhom mad-drittijiet fundamentali - għandhom mill-inqas jissodisfaw
ir-rekwiżiti li ġejjin: ·It-Trasparenza. Il-partijiet interessati kollha għandu jkollhom aċċess
sinifikattiv għall-proċessi u l-proċeduri organizzazzjonali li
taħthom jopera l-korp, u informazzjoni dwarhom. Dan għandu
jipprevjeni, b’mod partikolari, kwalunkwe attività bi prokura ta' partijiet
interessati li mhux involuti fil-ġestjoni. ·L-Inklussività u
l-Bilanċ. Dawk responsabbli għal
proċess inklussiv għandhom jagħmlu sforz raġonevoli biex
jilħqu l-partijiet kollha affettwati minn tema speċifika, u joffru
opportunitajiet ġusti u aċċessibbli biex jipparteċipaw u
jikkontribwixxu fl-istadji ewlenin kollha tat-teħid
tad-deċiżjonijiet, filwaqt li jevitaw li l-proċess jiġi
monopolizzat minn xi parti interessata dominanti jew mill-interessi personali. ·Ir-Responsabbiltà. Għandu jkun hemm impenji ċari u pubbliċi sabiex
il-partijiet interessati jew l-entitajiet superviżorji indipendenti
jirċievu rendikonti regolari, u sabiex kwalunkwe parti tkun tista' tfittex
rimedju permezz ta' mekkaniżmi effettivi għar-riżoluzzjoni
tat-tilwim. Barra minn hekk, l-approċċi
plurilaterali għandhom jagħmlu l-isforzi xierqa biex jagħmlu
tajjeb għad-differenzi sinifikanti fil-kapaċità
tal-parteċipazzjoni fost il-gruppi differenti tal-partijiet interessati
sabiex ikun hemm l-aħjar rappreżentattività, eż. billi tiġi
permessa l-parteċipazzjoni remota b’mod awtomatiku. Ukoll, għandu
jkun rikonoxxut li l-istadji differenti tal-proċessi tat-teħid
tad-deċiżjonijiet kollha għandhom il-bżonnijiet partikolari
tagħhom u jistgħu jinvolvu settijiet differenti ta’ partijiet
interessati. Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li xi gruppi ta’
partijiet interessati qed jaħdmu fuq l-iżvilupp ta’ linji gwida
plurilaterali u tinkoraġġixxi aktar sforzi bħal dawn.
Il-proċessi plurilaterali solidi għadhom essenzjali għall-governanza
futura tal-internet. Fl-istess ħin, ma għandhomx jaffettwaw l-abilità
tal-awtoritajiet pubbliċi, li s-setgħat u l-leġittimità
tagħhom huma msejsa fuq proċessi demokratiċi, li jwettqu
r-responsabbiltajiet pubbliċi tagħhom fejn dawn ikunu kompatibbli
mad-drittijiet universali tal-bniedem. Dan jinkludi d-dritt tagħhom li
jintervjenu,fejn ikun meħtieġ, b'azzjoni regolatorja. Il-Kummissjoni
Ewropea għadha temmen bis-sħiħ fil-mudell plurilaterali
tal-governanza tal-Internet. Il-Kummissjoni tappella biex il-partijiet
interessati jkomplu jsaħħu s-sostenibilità tal-mudell billi
jagħmlu l-atturi u l-proċessi aktar inklussivi, trasparenti u
responsabbli. Il-Kummissjoni
se taħdem mal-partijiet interessati dwar l-iskambju tal-aħjar
prattika. Il-faċilitazzjoni
tal-parteċipazzjoni inklussiva Il-firxa wiesgħa ta’ oqsma politiċi
relatati mal-internet, flimkien mal-qafas istituzzjonali kumpless tiegħu,
jirrappreżentaw ostakolu għall-parteċipazzjoni effettiva ta'
ħafna partijiet interessati fil-proċess tat-teħid
tad-deċiżjonijiet. Dan il-fattur jista’ jwassal biex jinħoloq
sens ġenerali ta’ esklużjoni u ta’ tneħħija tad-drittijiet.
F’dan il-kuntest, il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità
għandhom jitqiesu wkoll[21].
Jinħtieġu wkoll aktar sforzi biex l-istrutturi plurilaterali
fil-pajjiżi li attwalment il-partijiet interessati tagħhom mhumiex
rappreżentati biżżejjed, jitwessgħu. L-appoġġ
tar-Reġistri tal-Internet Reġjonali Ewropej u tal-Amerika ta’ Fuq
għat-twaqqif tar-Reġistru tal-Internet Reġjonali Afrikan huwa
eżempju tajjeb. Wieħed mill-modi kif tista’ tiġi
megħluba din l-isfida huwa l-faċilitazzjoni tal-aċċess
għall-fora u l-informazzjoni permezz tal-parteċipazzjoni
mill-bogħod fil-laqgħat bħala regola ġenerali. Iktar’ il
quddiem, permezz tal-għodod tal-estrazzjoni tad-dejta u
tal-viżwalizzazzjoni tad-dejta applikati lil dejta u informazzjoni
disponibbli b'mod miftuħ dwar il-politika u l-governanza tal-Internet
tista' tkun possibbli parteċipazzjoni aktar wiesgħa tal-partijiet
interessati. Il-Kummissjoni qed tippjana li tiżviluppa
pjattaforma onlajn, imsejħa l-Osservatorju Globali tal-Politika
tal-Internet (Global Internet Policy Observatory (GIPO)),[22] li minnha
l-informazzjoni tkun tista' tiġi diretta u magħmula
aċċessibbli b’mod wiesa’. GIPO għandu l-għan li jkun
riżorsa onlajn globali għall-monitoraġġ tal-tfassil
tal-politika, ir-regolamenti u t-teknoloġija marbuta mal-internet, biex
jgħin fl-identifikazzjoni tar-rabtiet bejn il-fora u d-diskussjonijiet
differenti, sabiex jingħelbu “s-silos” politiċi u jgħin
fil-kontestwalizzazzjoni tal-informazzjoni. B'hekk ikun iktar faċli
għall-partijiet interessati b’riżorsi limitati biex isegwu, jifhmu u
jipparteċipaw fil-governanza u l-politika tal-internet.[23] Il-Kummissjoni
qed tipproponi li tniedi l-iżvilupp tekniku tal-Osservatorju Globali
tal-Politika tal-Internet (GIPO) fl-2014 bħala riżorsa
għall-komunità globali. Il-Kummissjoni
tistieden lill-partijiet interessati biex iżidu l-kapaċità
tagħhom bil-għan li jistabbilixxu u jippromwovu l-proċessi
plurilaterali fil-pajjiżi u r-reġjuni fejn dawn il-proċessi ma jeżistux
jew huma inqas żviluppati. Flimkien
mar-riċevituri, fl-2014 l-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ
il-programmi tagħha ta' għajnuna fl-iżvilupp li
jappoġġaw l-iżvilupp tal-midja u l-libertà tal-espressjoni, kif
ukoll ta’ kapaċitajiet teknoloġiċi, regolatorji u ta’ politika
relatati mal-internet. Fil-livell nazzjonali hemm xi esperjenza
bit-tħaddim ta’ mudell plurilaterali għall-formulazzjoni ta’ politiki
relatati mal-Internet. Fl-UE, nistgħu nsemmu l-eżempji tal-Conseil
national du numérique Franċiż u l-Multistakeholder Advisory Group on
Internet Governance tar-Renju Unit. Barra mill-Unjoni, il-Comitê Gestor da
Internet Brażiljan huwa eżempju importanti fejn il-proċess
plurilaterali jintuża fit-tħejjija konsultattiva tal-politiki marbuta
mal-Internet[24].
Fil-livell Ewropew jistgħu jiġu użati b'mod utli
approċċi simili sabiex inaqqsu kemm jista' jkun il-frammentazzjoni
futura tal-politiki relatati mal-governanza tal-internet, possibbilment billi
wieħed jibni fuq l-esperjenza tan-netwerks eżistenti[25]. Dan iwieġeb
għall-bżonn li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu ta’
konsultazzjoni avvanzata bikrija li jkun adattat għall-pass
mgħaġġel tal-bidla teknoloġika u l-implikazzjonijiet li
jirriżultaw dwar il-politiki relatati mal-governanza tal-internet, permezz
ta’ djalogu kontinwu ma' firxa wiesgħa u kumplessa ta’ gruppi ta’
partijiet interessati. Funzjoni oħra importanti tista’ tkun għajnuna
għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-korpi konsultattivi
eżistenti fl-UE, kull meta dan ikun rilevanti. Il-Kummissjoni
jeħtiġilha tkun tista’ tinvolvi ruħha b’mod sinifikattiv
mas-sett varju ta' partijiet interessati tal-internet fl-Ewropa, b'mod li
jinkludi wkoll inizjattivi bażiċi li jiffurmaw parti integrali
mill-ekosistema tal-Internet. Il-Kummissjoni
se tniedi konsultazzjoni wiesgħa, mas-soċjetà ċivili,
il-komunitajiet tekniċi u akkademiċi u l-industrija Ewropea, kif
ukoll mal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri, dwar kif għandu jiġi
żgurat l-involviment plurilateral adegwat u trasparenti fil-formulazzjoni
tal-politika futura Ewropea dwar tal-governanza tal-Internet. 6. In-Normi
Tekniċi li Jagħtu Forma lill-Internet Id-dettalji tekniċi tal-protokolli
tal-internet u speċifikazzjonijiet oħra tat-teknoloġija
tal-informazzjoni jista’ jkollhom implikazzjonijiet sinifikanti fuq il-politika
pubblika. Id-disinn tagħhom jista' jkollu impatt fuq id-drittijiet
tal-bniedem bħad-drittijiet u s-sigurtà tal-ħarsien tad-dejta
tal-utenti, il-kapaċità tal-utenti li jaċċessaw informazzjoni u
għarfien varjat, u l-libertà tal-espressjoni onlajn tagħhom.
Id-disinn jaffettwa wkoll partijiet interessati oħra, fost l-oħrajn
il-kumpaniji li jagħmlu n-negozju onlajn, u l-kwistjonijiet dwar s-sigurtà
tagħhom dawn għandhom jitqiesu wkoll. Il-Kummissjoni tilqa’ l-isforzi tal-komunità
teknika li tistabbilixxi l-approċċi għall-iffissar
tal-ispeċifikazzjonijiet abbażi tal-kwistjonijiet tal-politika
pubblika. Xi eżempji pożittivi jinkludu gwida teknika
għall-kunsiderazzjonijiet tal-privatezza fi protokolli ġodda[26], ir-rikonoxximent
tal-multilingwiżmu għall-ismijiet tad-dominji internazzjonalizzati,
jew standards ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità.
Dawn l-isforzi huma partikolarment importanti billi t-teknoloġiji
bbażati fuq il-protokolli tal-internet qed jintużaw dejjem iktar
fis-setturi ekonomiċi tradizzjonali bħall-enerġija, it-trasport,
il-finanzi u s-saħħa. Madankollu, anke fejn il-proċess
tad-diskussjoni teknika huwa miftuħ, id-deċiżjonijiet ewlenin
ta’ spiss isiru mill-esperti tekniċi fin-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni
wiesgħa tal-partijiet interessati. Approċċ plurilaterali
effettiv għall-iffissar tal-ispeċifikazzjonijiet fuq l-internet ikun
ibbażat fuq l-interazzjonijiet reċiproċi effiċjenti bejn
il-kunsiderazzjonijiet tekniċi u dawk tal-politika pubblika[27]
sabiex l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jqisu b’mod aktar sistematiku
it-tħassib tal-politika pubblika. Dan huwa partikolarment importanti meta
jkun hemm impatt ċar fuq id-drittijiet legali tal-individwi,
speċjalment id-drittijiet tal-bniedem tagħhom. Fl-istess ħin,
it-tqassim u l-amministrazzjoni tar-riżorsi tal-internet isegwu regoli li
huma maħluqa fi proċessi plurilaterali. L-implikazzjonijiet ta’ din l-evoluzzjoni
fid-definizzjoni tan-normi f'rabta mal-internet jeħtieġu dibattitu
pubbliku fil-beraħ ma' dawk kollha kkonċernati. Huwa importanti wkoll li tiġi
appoġġjata l-implimentazzjoni ta’ standards miftuħa
mill-industrija tal-Internet Ewropea u l-involviment tal-industrija
tal-internet Ewropea fl-iżvilupp ta’ standards tal-internet miftuħa. Il-Kummissjoni,
flimkien mal-partijiet interessati, inkluż l-industrija tal-Internet
Ewropea, tipproponi li tlaqqa’ sensiela ta’ workshops ma’ esperti
internazzjonali fil-liġi, l-etika[28],
ix-xjenzi soċjali, l-ekonomija, ir-relazzjonijiet internazzjonali u
t-teknoloġija. Dan ir-riżultat mistenni jkun rakkomandazzjonijiet
konkreti u li jistgħu jitwettqu biex tiġi żgurata l-koerenza
bejn l-oqfsa normattivi eżistenti u l-forom ġodda ta’ definizzjoni
tan-normi tal-internet. Il-Kummissjoni
tinkoraġġixxi lill-partijiet interessati kollha biex isaħħu
(u, fejn xieraq, joħolqu) il-mekkaniżmi li jippermettuhom
jipparteċipaw, jirrevdu u jikkummentaw f'livell avvanzat b'mod regolari,
bikri u inklussiv tassew fid-deċiżjonijiet tekniċi. Dawn
il-mekkaniżmi strutturati għandhom jirsistu wkoll għall-konsistenza
tad-deċiżjonijiet tekniċi mad-drittijiet tal-bniedem 7. Il-Bini tal-Fiduċja Il-fiduċja fl-internet u l-governanza
tiegħu hija prerekwiżit għat-twettiq tal-potenzjal tal-internet
bħala mutur għat-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni. Is-sikurezza,
is-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tal-internet huma essenzjali biex
jippreservaw u jrawmu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali
tal-ekosistema diġitali. Il-Kummissjoni qed tindirizza dawn l-isfidi,
notevolment permezz tar-riforma tal-qafas tal-UE għall-ħarsien
tad-dejta[29],
tal-ġlieda effettiva kontra ċ-ċiberkriminalità u ta'
approċċ ambizzjuż għaċ-ċibersigurtà,
bħall-istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE[30]. Din
l-istrateġija għandha l-għan li l-ambjent onlajn tal-UE
tagħmlu wieħed mill-aktar sikuri fid-dinja, filwaqt li tippreserva u
tkompli tippromwovi d-drittijiet fundamentali[31].
Għadd dejjem akbar ta’ attivitajiet onlajn jiksru direttament
l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali. Ir-reati ċibernetiċi, li jinkludu
l-abbuż tat-tfal fuq l-internet[32],
is-serq tal-identità, l-attakki ċibernetiċi u l-frodi ta’ pagamenti
mhux bi flus kontanti u forom oħra ta’ pproċessar illegali ta’ dejta
personali joħolqu theddida serja għall-fiduċja fl-użu
tal-internet. Il-Kummissjoni hija impenjata li tnaqqas drastikament iċ-ċiberkriminalità.
Ir-rwol tal-komunità teknika huwa
kruċjali, inkluż billi jiżgura l-fiduċja
fil-komunikazzjonijiet ibbażati fuq l-IP u r-reżiljenza
tal-kriptosistemi biex tiżdied l-affidabbiltà tal-komunikazzjonijiet
ibbażati fuq l-IP. Dan ikun ta’ appoġġ fil-ġlieda effettiva
kontra ċ-ċiberkriminalità u jgħin biex jiżgura l-privatezza
tal-utenti. L-attivitaijet ta' sorveljanza u
intelliġenza fuq skala kbira wasslu wkoll għal telf ta’ fiduċja
fl-internet u għall-arranġamenti ta’ governanza attwali tiegħu.
Il-Kummissjoni indirizzat xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet, b’mod
partikolari fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-ħolqien mill-ġdid
tal-fiduċja fit-trasferimenti internazzjonali tad-dejta personali[33].
L-implikazzjonijiet għall-governanza globali tal-internet għandhom
jiġu indirizzati wkoll. Il-Kummissjoni
se taħdem mal-Kunsill u l-Parlament għall-adozzjoni u
l-implimentazzjoni ta’ malajr tal-leġiżlazzjoni ewlenija, inkluż
ir-riforma tal-qafas tal-ħarsien tad-dejta u d-Direttiva proposta dwar
is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, sabiex tissaħħaħ
il-fiduċja onlajn. Il-Kummissjoni
tinsab impenjata li taħdem mas-sħab biex tinbena mill-ġdid
il-fiduċja fl-internet, anke permezz tat-tisħiħ tal-governanza
globali tagħha, li hija prerekwiżit essenzjali għal futur
sostenibbli ta' internet miftuħ. 8. Il-Kunflitti
tal-ġurisdizzjonijiet u l-liġijiet Bħal attivitajiet transfruntieri
oħrajn simili, l-internet joħloq sensiela ta’ sfidi
għall-applikazzjoni tal-liġijiet. Filwaqt li dawn l-isfidi mhux
dejjem ikunu speċifiċi għall-internet, is-sempliċi kwantità
tat-tranżazzjonijiet transfruntieri ta’ tipi varji li jsiru online,
tirrikjedi riflessjonijiet aktar profondi dwar kif japplikaw ir-regoli
eżistenti fuq l-internet. L-applikazzjoni ekstraterritorjali
tal-liġi nazzjonali, li ħafna drabi tkun ibbażata fuq
il-ġeografiji tas-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominju, wasslet għal
għadd ta’ deċiżjonijiet legali kontradittorji[34]. Dan jista’ jwassal,
pereżempju, għal każijiet fejn l-ismijiet tad-dominju li
ntużaw f’ġuriżdizzjoni waħda jiġu revokati abbażi
tad-dispożizzjonijiet f'ġurisdizzjoni oħra, skont
il-pożizzjoni ġeografika tar-reġistratur jew tar-reġistru. Ħafna attivitajiet
fuq l-internet huma dejjem aktar regolati minn ftehimiet kuntrattwali bejn
il-kumpaniji privati u l-utenti fuq l-internet. L-obbligi mhux kuntrattwali
tan-negozjanti u l-intermedjarji tal-kummerċ elettroniku huma wkoll
rilevanti f’dan il-kuntest. Il-kumplessità u, f’xi każijiet,
l-opaċità ta’ dawn l-arranġamenti, anki f'dak li għandu x'jaqsam
mad-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni u l-liġi
applikabbli, jistgħu jagħtu lok għal ċertu livell ta’
inċertezza legali. Mil-lat tal-liġi
privata, f'xi setturi jeżistu regoli uniformi Ewropej dwar
il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi u
r-regoli dwar il-kunflitti, b’mod partikolari rigward l-obbligi kuntrattwali u
ekstrakuntrattwali. Dawn ir-regoli jirregolaw dan it-tip ta' problemi fl-Unjoni
Ewropea. Fil-livell internazzjonali, ir-regoli dwar il-kunflitti mhumiex
żviluppati biżżejjed, u dan iwassal biex, lil hinn mill-Unjoni,
ikun hemm kunflitti mhux solvuti tal-liġijiet. Partikolarment
għas-servizzi relatati mal-internet li huma transfruntieri min-natura
tagħhom stess, bħas-servizzi tal-cloud computing, din il-kumplessità
fil-livell internazzjonali tista' xxekkel it-tkabbir. It-tensjoni bejn
il-ġurisdizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tal-internet
għandha tiġi indirizzata b'tali mod li titqies ukoll id-diversità
tal-każijiet li jaf ikunu soġġetti għal dawn il-kunflitti,
u li s-soltu ma jindirizzahomx wieħed waħdu. Il-Kummissjoni
Ewropea se tniedi reviżjoni dettaljata tar-riskji, fuq livell
internazzjonali, tal-kunflitti tal-liġijiet u l-ġurisdizzjonijiet li
jirriżultaw fl-internet u se tivvaluta l-mekkaniżmi, il-proċessi
u l-għodod kollha disponibbli u meħtieġa biex jissolvew
kunflitti bħal dawn. L-għażliet kollha għal azzjoni fuq
livell internazzjonali jew fil-livell tal-Unjoni se jiġu sussegwentement
ikkunsidrati bir-reqqa, inkluż l-inizjattivi leġiżlattivi
possibbli jew il-gwida addizzjonali skont kif meħtieġ,
soġġetti għal valutazzjonijiettal-impatt xierqa. Dan
ix-xogħol se jibni fuq il-politiki eżistenti. 9. Konklużjonijiet L-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-bqija
tad-dinja, jeħtieġu li jieħdu pożizzjoni konxja dwar
l-għamla u l-iżvilupp tal-governanza tal-internet fil-ġejjieni.
Il-Kummissjoni temmen li l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE
jeħtieġu viżjoni komuni għall-mudell futur tal-governanza
tal-internet. Il-Kummissjoni tippjana li tippubblika rapport dwar il-progress
fl-2015 dwar l-elementi ewlenin deskritti f’din il-Komunikazzjoni fil-kuntest
tal-iżviluppi globali fil-Governanza tal-Internet. L-Internet għandu jibqa’ netwerk wieħed,
miftuħ, bla ħlas, u mhux frammentat ta' bosta netwerks, li jkun
soġġett għall-istess liġijiet u normi li japplikaw f’oqsma
oħra tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Il-governanza tiegħu
għandha tkun ibbażata fuq mudell plurilaterali inklussiv,
trasparenti u responsabbli ta’ governanza, mingħajr preġudizzju
għal kwalunkwe intervent regolatorju li jista' jittieħed fid-dawl
tal-għanijiet identifikati ta’ interess pubbliku, bħall-ħarsien
tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-valuri
demokratiċi kif ukoll id-diversità lingwistika u kulturali u
l-ħarsien ta' persuni vulnerabbli. Arkitettura sikura, solida u
reżiljenti hija l-bażi għall-fiduċja u l-kunfidenza
tal-utenti tal-internet. Fl-istess ħin, is-setgħa tal-innovazzjoni
tal-internet għandha titħares bil-parteċipazzjoni
sħiħa tal-ekonomija tal-internet Ewropea, billi tinbena fuq suq uniku
diġitali msaħħaħ interkonness mad-dinja. Dan jirrikjedi
amministrazzjoni bir-reqqa iżda soda. L-Unjoni Ewropea qiegħda
f’pożizzjoni tajba biex tagħmel il-parti tagħha fil-governanza
tajba tal-internet, hekk kif tkompli tevolvi lejn soċjetà moderna li
taħdem f’netwerk, b’ċentri mifruxa ta' poter u teħid
tad-deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u
lill-Parlament, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, lill-Kumitat
tar-Reġjuni, u kif ukoll lill-Istati Membri, biex jaqblu dwar viżjoni
komuni kif enfasizzat f’din il-Komunikazzjoni u biex jiddefenduha flimkien
fid-dibattiti internazzjonali li jmiss. [1] Ara COM(1998) 111, COM(1998) 476,
COM(2000) 202, ĠU C 293, 14.10.2000, COM(2009) 277,
Riżoluzzjoni tal-PE 15.6.2010 (2009/2229(INI)) [2] Boston Consulting Group, "The $4.2 Trillion Opportunity
– the Internet Economy in the G-20", 3/2012 [3] McKinsey Global Institute "Internet matters: The
Net's sweeping impact on growth, jobs, and prosperity", l-2011 [4] Join(2013)1, "Cybersecurity Strategy of the
European Union: An Open, Safe and Secure Cyberspace", 7.2.2013 [5] Skont l-Aġenda ta’ Tuneż, il-Governanza
tal-Internet għandha tinvolvi lill-gvernijiet, lis-settur privat u
lis-soċjetà ċivili (il-para. 34), kif ukoll lil
organizzazzjonijiet intergovernattivi u internazzjonali (il-para. 35(d),
(e)), u għandha tinkludi l-kontribut tal-komunità akkademika u
tal-komunità teknika (il-para. 36). [6] Ara pereżempju "Introduction to Internet
Governance", http://www.diplomacy.edu/IGBook;
Il-proġett "Mapping Internet Governance" fi http://idgovmap.org/;
http://www.icann.org/sites/default/files/assets/governance-2500x1664-21mar13-en.png [7] Definizzjoni provviżorja tal-Governanza
tal-Internet, kif inkluża fil-konklużjonijiet ta' WSIS, ara
http://www.itu.int/wsis. [8] Kif minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali tal-UE [9] Barra minn hekk, l-azzjonijiet previsti f’din
il-Komunikazzjoni ma jeħtiġux xi baġit addizzjonali lil hinn
mill-approprjazzjonijiet attwali li diġà huma previsti fil-qafas
finanzjarju pluriennali attwali. [10] COM(2013) 627. Proposta għal Regolament
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta
s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb
Kontinent Konness. [11] Ippreżentat fl-okkażjoni tal-Laqgħa ta'
Livell Għoli tal-OECD dwar l-Ekonomija tal-Internet, 28.06.2011, http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/en/blog/i-propose-a-compact-for-the-internet [12] eż. Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar
il-Prinċipji għat-Tfassil tal-Politika dwar l-Internet (2011);
Id-Dikjarazzjoni tal-G8 ta' Deauville (l-2011) [13] Il-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni se jiżgura
l-koordinazzjoni fil-livell Ewropew fis-segwitu tal-WSIS [14] Ara l-paragrafi 35 u 36 tal-Aġenda ta’ Tuneż u
COM(2009) 277, il-para. 2. [15] Ara http://unctad.org/meetings/en/SessionalDocuments/a67d65_en.pdf
[16] Ara http://www.ntia.doc.gov/other-publication/2005/us-principles-internets-domain-name-and-addressing-system
[17] COM(2009) 277 [18] Ara http://www.internetsociety.org/news/montevideo-statement-future-internet-cooperation [19] Il-funzjonijiet ta' IANA jinkludu (1) il-koordinazzjoni
tal-assenjazzjoni tal-parametri tekniċi għall-protokolli
tal-internet; (2) l-amministrazzjoni ta' ċerti responsabbiltajiet marbuta
mal-ġestjoni tar-root zone DNS tal-internet; (3) l-allokazzjoni
tar-riżorsi numeriċi tal-internet; u (4) servizzi oħra marbuta
mal-ġestjoni tad-dominji tal-ogħla livell (TLDs) tal-ARPA u INT. [20] Ara http://www.ietf.org/about/ [21] Dan għandu jirrifletti l-impenn li ħadet l-UE
meta kkonkludiet il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni
b’Diżabilità, ara http://www.un.org/disabilities/convention/conventionfull.shtml [22] Ara http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/commission-plans-guide-through-global-internet-policy-labyrinth.
[23] Għall-iżvilupp tekniku ta' GIPO, ġiet
allokata kontribuzzjoni indikattiva mingħand l-Unjoni Ewropea ta’
EUR 500 000 fil-programm ta' ħidma ta' Orizzont 2020
għall-2014-2015. [24] Eżempji rilevanti oħra jinkludu l-kumitati
konsultattivi tal-“Internet” għall-OECD, kif ukoll il-KICTAnet Kenjana. [25] Eż. EuroDIG, http://www.eurodig.org/ [26] Ara http://tools.ietf.org/html/rfc6973 [27] Ara r-Regolament 1025/2012 tal-25.10.2012 dwar
l-istandardizzazzjoni Ewropea, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tat-28.11.2011 li tistabbilixxi pjattaforma Plurilaterali Ewropea dwar
l-istandardizzazzjoni tal-ICT, ara https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/european-multistakeholder-platform-ict-standardisation
[28] Ara wkoll l-opinjoni ta’ Gruppi Ewropej dwar l-Etika
fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda,
http://ec.europa.eu/bepa/european-group-ethics/docs/publications/ict_final_22_february-adopted.pdf [29] COM(2012) 11, 25.1.2012, "Proposta għal
Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni
tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar
il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta
Ġenerali)" [30] JOIN(2013) 1, "L-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà
tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur", 7.2.2013
u COM(2013) 48, "Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar miżuri li jiżguraw livell għoli komuni ta’
sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni" [31] Kif minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali tal-UE [32] Id-Direttiva 2011/93/UE
tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra
l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija,
u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/JHA u COM(2012) 196
finali, "Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar
għat-Tfal", 2.5.2012 [33] il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew
u lill-Kunsill: Il-Bini mill-Ġdid tal-Fiduċja fil-Flussi tad-Dejta
bejn l-UE u l-Istati Uniti, COM(2013) 846. [34] Inventarju utli ta’ eżempji huwa disponibbli
mill-Proġett tal-Internet u l-Ġurisdizzjoni. Ara http://www.internetjurisdiction.net/