RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud /* COM/2014/071 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U
LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-applikazzjoni tar-Regolament
tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u
l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud 1. Introduzzjoni Skont l-Artikolu 59 tar-Regolament
tal-Kunsill Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam
tal-VAT, il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport
sal-1 ta' Novembru 2013, u wara din id-data kull ħames
snin, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan
ir-Regolament. Dan ir-rapport huwa l-ewwel wieħed mill-adozzjoni u
d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill Nru 904/2010.
Dan tal-aħħar huwa riformulazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1798/2003
preċedenti, u joffri lill-Istati Membri aktar għodda ta’
kooperazzjoni amministrattiva msaħħa sabiex tiġi
appoġġjata l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Ir-regolament irriformulat kien imfassal sabiex
ittejjeb b’mod konsiderevoli l-qafas legali li jirregola l-kooperazzjoni
amministrattiva u li jaġixxi bħala għodda importanti
fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. B’mod partikolari, ir-Regolament
introduċa titjib fir-rigward ta’: · Il-kwalità tal-informazzjoni maħżuna fil-bażijiet
tad-dejta; · It-twaqqif tan-netwerk Eurofisc li jipprovdi skambju multilaterali,
rapidu u mmirat ta’ informazzjoni relatata mal-frodi fil-VAT; · L-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ feedback; · L-aċċess awtomatizzat għall-bażijiet tad-dejta ta’
Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni tisħaq li r-rapport
għandu jitqies bħala opportunità sabiex l-esperjenza tal-Istati
Membri tinqasam bejniethom bl-għan li l-operat u l-użu ta’ dawn
l-arranġamenti jitjiebu. (Artikolu 49, Paragrafu 1). Dan ir-rapport jivvaluta l-funzjoni
tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qafas legali attwali u jiffoka b’mod
partikolari fuq l-analiżi ta’ kemm ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti
ġew ikkunsidrati sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva, kif
ukoll fuq l-użu li jsir tal-arranġamenti ġodda li ġew
introdotti sabiex jiġi evalwat jekk dawn it-tibdiliet ma kinux effettivi.
Barra minn hekk, ir-rapport jitratta ideat ġodda dwar il-kooperazzjoni
amministrattiva fil-qasam tal-VAT, bħal awditi konġunti. Barra minn hekk, dan ir-rapport ma għandux
jitqies biss bħala ħarsa ġenerali lejn l-applikazzjoni tar-regolament
bħala tali, iżda aktar importanti minn hekk, bħala bażi
għal djalogu permanenti u strutturat bejn il-Kummissjoni, il-Parlament
Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri sabiex titjieb l-effiċjenza
tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT fejn l-objettiv
speċifiku jkun il-ġlieda b’mod aktar effettiv kontra l-frodi tal-VAT. Ta' min jinnota
wkoll li r-rapport attwali jifforma parti minn pakkett usa’ ta’ dokumenti dwar
dan is-suġġett. Reċentement,
fid-19 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni ppubblikat l-istudju
li jikkwantifika u janalizza d-differenza fil-VAT. Id-differenza fil-VAT
għas-26 Stat Membru ġiet ivvalutata fl-2011 li hija qrib
il-EUR 193 biljun, li jirrappreżentaw madwar 18 % tal-obbligu
tal-VAT jew 1,5 % tal-PDG ta’ dawn l-Istati Membri. Kif indikat f’dan
ir-rapport, il-valur tad-differenza fil-VAT ma għandux ikun direttament
assoċjat mal-frodi u mal-evażjoni billi ċ-ċifra tinkludi
wkoll l-effetti ta’ żbalji (pereż. fl-istatistika tal-kontijiet
nazzjonali) sempliċi (statistiċi jew ta' rappurtar) kif ukoll
insolvenzi finanzjarji u problemi ta' pagament. Madankollu, kif studji
oħra wrew ukoll b’mod ċar, il-frodi tal-VAT jibqgħu problema
serja għall-Istati Membri. . Għaldaqstant
ir-rapport attwali wasal fi żmien ideali billi jagħti ħarsa
ġenerali tal-użu li l-Istati Membri jagħmlu mill-għodda ta’
kooperazzjoni amministrattiva u tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT offruta
lilhom permezz ta’ dan ir-Regolament. Flimkien ma’ dan
ir-rapport, il-Kummissjoni tippubblika rapport ieħor dwar
il-ġbir u l-monitoraġġ tal-VAT skont l-Artikolu 12(3)
tar-Regolament tal-Kunsill 1553/89 (l-hekk imsejjaħ ir-rapport
tal-Artikolu 12). L-istudju dwar
id-differenza fil-VAT, flimkien maż-żewġ rapporti
tal-Kummissjoni, jagħti ħarsa ġenerali dwar x'għadha
tirrappreżenta l-problema tal-frodi tal-VAT fl-UE, filwaqt li jara wkoll
kemm il-mod ta' kif l-Istati Membri jindirizzaw din problema transfruntiera
permezz tal-għodda offruta lilhom bil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar
il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT u tal-ġbir tal-VAT, kif
ukoll jara l-proċeduri ta’ kontroll użati fl-Istati Membri, biex
b'hekk dawn ikunu jistgħu jivvalutaw ir-riskji u jidentifikaw
l-opportunitajiet sabiex itejbu l-kontroll tal-VAT u s-sistemi ta’ ġbir
nazzjonali tagħhom. Fl-aħħar nett, ir-rapport attwali ma
jistax jinfatam mill-kuntest usa' tal-istrateġija kkoordinata sabiex
tittejjeb il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT stipulata fil-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett[1],
kif ukoll fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-VAT – għal
sistema tal-VAT aktar sempliċi, robusta u effiċjenti, imfassla
għas-suq uniku[2].
F’din tal-aħħar, Azzjoni Nru 14 tindika li l-Kummissjoni se
tiżgura u żżomm taħt monitoraġġ
l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri kontra l-frodi u se
tirrapporta dwar l-effiċjenza tagħhom u l-ħtieġa ta’ aktar
azzjoni fl-2014. Bl-istess mod, Azzjoni Nru 16 tirreferi
għall-possibilità li jinħolqu timijiet transfruntieri tal-awditjar
tal-UE li jiffaċilitaw u jtejbu l-kontrolli multilaterali transfruntieri,
filwaqt li Azzjoni Nru 19 tindika li l-Kummissjoni se tkompli ssegwi
x-xogħol tal-Eurofisc u se tkompli tinkoraġġixxi lill-Istati
Membri biex ikomplu jiżviluppaw din l-għodda sabiex jippruvaw
jiskopru skemi ġodda ta’ frodi jew jimpedixxu milli dawn jiżviluppaw.
2. sorsi ta' informazzjoni
użati għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament
Nru 904/2010. Billi dan ir-rapport għandu jirrifletti
l-użu prattiku tal-istrumenti differenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva
u l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT magħmula mill-awtoritajiet
tat-taxxa nazzjonali, evalwazzjoni tista’ ssir biss abbażi ta’ kontribut
sostanzjali mill-Istati Membri. Għalhekk, qabel ma tfassal dan ir-rapport,
il-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni meħtieġa għal
valutazzjoni komprensiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva skont
ir-Regolament il-ġdid l-aħjar li tinġabar permezz ta’ kwestjonarju
indirizzat lill-Istati Membri. Id-dokument ta’ ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-Rapport jipprovdi analiżi u
ħarsa ġenerali ddettaljati tat-tweġibiet mogħtija
mill-Istati Membri għall-kwestjonarju[3].
L-Istati Membri ġew mogħtija
l-opportunità biex jelaboraw aktar fuq ċerti tweġibiet mogħtija
fil-kwestjonarju, u b’mod aktar ġenerali, biex jaqsmu l-fehmiet
tagħhom dwar il-funzjonament tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam
tal-VAT kif ukoll dwar il-possibilità ta' aktar titjib. Madankollu Stat Membru
wieħed biss wera interess li jkun hemm diskussjoni dwar din il-kwistjoni
mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ġabret ukoll informazzjoni minn
diskussjonijiet li kellhom x'jaqsmu mal-kooperazzjoni amministrattiva u
l-ġlieda kontra l-frodi fiskali li nżammu waqt bosta laqgħat
tal-grupp tal-esperti għall-Istrateġija Kontra l-Frodi Fiskali (ATFS)
u waqt il-laqgħat tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni
Amministrattiva (SCAC), kif ukoll mir-rapporti annwali tan-netwerk EUROFISC. Sors interessanti ieħor ta’ informazzjoni
kienet l-istatistika annwali mibgħuta mill-Istati Membri skont
l-Artikolu 49(3) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010. Sabiex jinġabru
għadd ta’ konklużjonijiet ġiet ikkunsidrata b'mod partikolari
l-informazzjoni relatata mal-istatistiċi tal-2011 u tal-2012. 3. Is-sejbiet ewlenin 3.1. L-iskambju tal-informazzjoni
meta tintalab (l-Artikoli 7 sa 12) 3.1.1. Il-problemi identifikati
mir-rapport preċedenti Ir-rapport preċedenti dwar il-funzjonament
tal-kooperazzjoni amministrattiva[4]
identifika għadd ta’ problemi marbutin mal-iskambju tal-informazzjoni.
Dawn kienu jikkonċernaw problemi li kienu jeżistu fl-Istat Membru li
dwaru saret it-talba, iżda osservati mill-Istat Membru li kien qed
jagħmel it-talba, dwar l-identifikazzjoni ta’ uffiċċju
ċentrali ta' kollegament (CLO), in-nuqqas ta’ risposti fil-ħin u
n-nuqqas ta’ notifika dwar id-dewmien għax mhux se tinżamm id-data
tal-iskadenza sabiex jitwieġbu t-talbiet għall-iskambju
tal-informazzjoni. Il-fattur ewlieni għall-iskambju effettiv
tal-informazzjoni huwa li jkun hemm sistema ta’ amministrazzjoni u ta'
proċedura interna effiċjenti f’kull Stat Membru, sabiex ikun
żgurat it-trattament xieraq u f’waqtu ta’ dawn it-talbiet
għall-informazzjoni. Jidher li ma għadx hemm problemi sabiex
jiġu identifikati l-punti ta’ kuntatt fis-CLO jew sabiex jiġu
definiti r-responsabbiltajiet ta' kull uffiċċju ta’ kollegament.
Madankollu għad hemm is-sitwazzjoni fejn l-informazzjoni rilevanti, li hi
disponibbli fuq CIRCABC (il-websajt –taċ-Ċentru tar-Riżorsi
tal-Komunikazzjoni u l-Informazzjoni għall-Amministrazzjonijiet,
in-Negozji u ċ-Ċittadini) trid tiġi aġġornata
kontinwament. Fir-rigward tar-risposti fil-ħin u
l-proċedura ta’ notifika, jidher li ħafna Stati Membri għadhom
ma jistgħux jagħtu t-tweġibiet fiż-żmien preskritt, u
li Stati Membri li jkunu qed jagħmlu t-talba rari jiġu infurmati
bir-raġunijiet għal dan in-nuqqas. L-istatistika turi li l-għadd
totali ta’ tweġibiet tard laħaq livell inaċċettabbli
(madwar 43 %). Il-gravità tal-problema tvarja bejn Stat Membru u
ieħor, iżda s-sitwazzjoni ġenerali trid titjieb b’mod
partikolari billi jitqiesu s-suġġerimenti magħmula mill-Istati
Membri nnifishom (dan is-suġġett huwa elaborat iktar
fil-kapitolu 3.1.3). Il-Kummissjoni tqis li huwa f’idejn l-Istati
Membri biex jieħdu azzjoni dwar din il-kwistjoni. F’xi Stati Membri
d-dewmien tat-tweġibiet jista' joħloq problemi serji jekk ikun hemm
limitu legali ta’ żmien sabiex jitwettqu l-awditi jew jekk l-informazzjoni
tkun meħtieġa b’mod urġenti pereż. f’każijiet ta’
frodi jew meta jkun hemm limitu ta’ żmien għall-valutazzjoni
tat-taxxa. Sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jtejbu l-iskambju
tal-informazzjoni, ġew imħejjija formoli elettroniċi ġodda.
Dawn il-formoli elettroniċi ġodda issa ġew introdotti u
l-Kummissjoni tistenna li dawn se jgħinu lill-amministrazzjonijiet
tat-taxxa biex jittrattaw aktar malajr it-talbiet. Barra minn hekk, il-possibbiltà, introdotta
reċentement, għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex
ikollhom aċċess awtomatizzat għal ċertu tip ta’
informazzjoni li tkun disponibbli fil-bażijiet tad-dejta ta’ Stati Membri
oħra, għandha tnaqqas b’mod sostanzjali l-għadd ta’ talbiet
għal informazzjoni “standard” u tiffaċilita u tħaffef
il-kooperazzjoni amministrattiva, u b’hekk jiġi ffrankat
iż-żmien u riżorsi meħtieġa għall-inkjesti
profondi ta' talbiet aktar ikkumplikati. 3.1.2. Talba għal informazzjoni
u għal inkjesti amministrattivi (l-Artikolu 7) L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE)
Nru 904/2010 jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jibagħtu
talbiet għal informazzjoni u talbiet għal inkjesti amministrattivi
lil xulxin. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri,
kważi t-talbiet kollha għall-informazzjoni xprunaw inkjesta
amministrattiva. Jidher li qed isir użu tajjeb tal-aħjar prattiki[5] approvati mill-SCAC
sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn f’dan
ir-rigward. Ftit kienu t-talbiet li ġew miċħuda sabiex titwettaq
inkjesta amministrattiva. Hemm xi raġunijiet speċifiċi u
validi l-għala inkjesta amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 7
tar-Regolament xi kultant tista' tkun aktar diffiċli sabiex Awtorità
tat-Taxxa twettaqha meta titqabbel ma’ inkjesta amministrattiva nazzjonali,
pereżempju għaliex ikun hemm nieqsa l-informazzjoni relevanti u
ċara fit-talba tal-Artikolu 7, jew it-talba trid tiġi tradotta.
Dawn il-fatturi jistgħu jikkawżaw dewmien konsiderevoli
fit-tweġibiet ta' dawn it-talbiet. Madankollu, il-Kummissjoni hija konvinta li
għall-inqas il-problema tat-traduzzjoni se tkun prinċipalment solvuta
bl-introduzzjoni tal-formoli elettroniċi l-ġodda, applikabbli minn
Lulju 2013, fejn ħafna mill-informazzjoni tista’ tkun disponibbli
f'sezzjonijiet fissi. 3.1.3. Terminu preskrittiv sabiex
tingħata l-informazzjoni (l-Artikoli 10 – 12) It-terminu preskrittiv sabiex tingħata
l-informazzjoni huwa stabbilit fl-Artikoli 10 – 12
tar-Regolament 904/2010. Dan il-perjodu ta’ żmien huwa jew 3 xhur jew
xahar (1). Sabiex jiġu miġġielda l-frodi tal-VAT b’mod
effiċjenti u sabiex tal-VAT tinġabar kif suppost, huwa importanti li
l-Istati Membri jaqsmu l-informazzjoni kemm jista' jkun malajr. Fir-rapport preċedenti, l-Istati Membri
kollha ddikjaraw li permezz tal-intranet tagħhom għandhom sistema ta’
monitoraġġ, jew għandhom softwer speċifiku ieħor
sabiex jiġu segwiti talbiet bħal dawn; Huwa normalment is-CLO li
jagħmel monitoraġġ tal-proċess. Madankollu, l-aktar dejta statistika reċenti
riċevuta mill-Istati Membri turi biċ-ċar li l-biċċa
l-kbira tal-Istati Membri għad għandhom problemi biex iżommu
mad-dati tal-għeluq għat-talbiet kollha, u li huma konxji sew
tan-nuqqasijiet fl-amministrazzjoni u l-proċeduri interni tagħhom.
Uħud mill-Istati Membri ħadu miżuri konkreti jew għandhom
l-intenzjoni li jiħduhom sabiex jagħtu aktar it-tweġibiet
tagħhom fil-ħin. Il-konklużjoni li t-talbiet
għall-informazzjoni ma jitwiġbux fiż-żmien preskritt
minħabba fatturi interni (bħan-nuqqas ta’ riżorsi) diġà
kienet spikkat fir-raport preċedenti dwar il-funzjonament tal-arranġamenti
għall-kooperazzjoni amministrattiva. Ir-regolament irriformulat inkluda xi
karatteristiċi ġodda bbażati fuq suġġerimenti li saru
dak iż-żmien sabiex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet,
bħal li jingħata aċċess dirett għal ċerta dejta
li tinsab fil-bażijiet tad-dejta nazzjonali, madankollu tibqa' l-kwistjoni
li l-problema trid tiġi indirizzata fil-livell ta’ maniġment
fl-Istati Membri. Dan jista’ jsir pereżempju billi l-uffiċjali lokali
jkunu aktar konxji dwar il-ħtieġa li fl-ippjananr taghhom jagħtu
prijorità skont it-talba, billi sabiex isolvu l-problemi, jikkuntattjaw
direttament lill-punti ta’ kuntatt fi Stati Membri oħra, jew billi
jiġu rikonoxxuti l-isforzi meħuda minn uffiċjali lokali
fl-evalwazzjonijiet tax-xogħol tagħhom, eċċ. Waħda mill-karatteristiċi ewlenin
tal-frodi karużell hija l-ħeffa tat-tranżazzjonijiet u l-mod li
bih in-negozjanti neqsin jgħosfru wara li jkun sar akkwist
intra-Komunitarju. Bħala konsegwenza, l-iskambju ħafif u bla xkiel
tal-informazzjoni huwa essenzjali sabiex dawn il-frodi jieqfu. Il-Kummissjoni tqis li r-rispett tad-dati
tal-għeluq impost bir-Regolament huwa punt fundamentali li
l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jridu jikkonformaw miegħu. Ċerti
Stati Membri, f’dan il-kuntest, għadhom lura sew. Is-suċċess
tal-kooperazzjoni amministrattiva inevitabbilment se jiddependi fuq
it-treġġigħ lura ta' din it-tendenza u fuq sforzi akbar
mill-Istati Membri sabiex jipprovdu tweġibiet preċiżi u
fil-ħin għat-talbiet għall-informazzjoni li jiġu
mingħand il-kollegi tagħhom fi Stati Membri oħra. Sabiex
l-Istati Membri jiġu megħjuna jilħqu dan l-għan,
il-Kummissjoni se tkompli teżamina din il-kwistjoni magħhom u, jekk
ikun meħtieġ, b’mod bilaterali mal-amministrazzjonijiet tat-taxxa
individwali. Il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri jridu jieħdu azzjoni
urġenti sabiex jiżguraw li l-proċeduri domestiċi
tagħhom jiggarantixxu li t-talbiet għal informazzjoni jitwieġbu
fil-ħin. 3.2. L-iskambju ta’ informazzjoni
mingħajr talba minn qabel (l-Artikoli 13-15) Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni
tal-Kummissjoni Nru 79/2012[6]
il-ġdid, tnaqqset il-lista ta’ kategoriji koperti mill-iskambju ta’
informazzjoni mingħajr talba minn qabel. Bħala riżultat,
l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament attwalment jistipula żewġ (2)
katgoriji biss li għalihom l-informazzjoni għandha tiġi
skambjata awtomatikament, filwaqt li xorta jippermetti l-possibbiltà li
l-Istati Membri jastjenu milli jipparteċipaw fi skambji awtomatiċi
ta’ informazzjoni bħal dawn. Il-fatt li l-lista tnaqqset jimplika wkoll li
l-Istati Membri kollha jqisu l-kategoriji li jifdal bħala informazzjoni
importanti li huwa utli/meħtieġ l-iskambju awtomatiku tagħha
sabiex jiġi żgurat il-ġbir u l-kontroll kif suppost tal-VAT.
Għalhekk, huwa ċar li l-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw
milli jaqsmu ċerta informazzjoni f’każijiet eċċezzjonali u
ġġustifikati kif dovut biss. Skont "in-notifiki –
tal-Artikolu 4" riċevuti minn Stati Membri — minoranza tastjeni
milli tipparteċipa fi skambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar persuni
taxxabbli mhux stabbiliti jew għaliex huma jesperjenzaw diffikultajiet
tekniċi sabiex jiġbru din l-informazzjoni jew huma jqisu li din
tikkawża piż amministrattiv sproporzjonat sabiex jiġbruha. Din l-informazzjoni hija kkunsidrata utli
għaliex tikkumplimenta dejta li għandha tiġi skambjata fil-qafas
tad-Direttiva dwar ir-Rifużjoni tal-VAT. Barra minn hekk, informazzjoni li
tikkonċerna persuni taxxabbli mhux stabbiliti hija wkoll relevanti
għal skopijiet ta’ taxxa diretta. Abbażi "tan-notifiki –
tal-Artikolu 4" għaxar Stati Membri jastjenu milli jieħdu
sehem fl-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar mezzi ġodda
tat-trasport (b’mod partikolari tal-karozzi), għaliex huma jikkunsidraw li
din l-informazzjoni la hija disponibbli u lanqas ma tinġabar, jew li
l-ġbir ta’ informazzjoni bħal din se jwassal għall-introduzzjoni
ta’ obbligi ġodda għall-kontribwenti, jew li se jwassal għal
żieda inaċċettabbli fil-piżijiet amministrattivi u
finanzjarji. Madankollu, kif diġà ssemma hawn fuq,
l-iskambju taż-żewġ tipi ta’ informazzjoni huwa estremament utli
u meħtieġa għall-Istati Membri sabiex jiżguraw tassazzjoni
korretta, u għall-ġlieda kontra t-tranżazzjonijiet frawdolenti
speċjalment fil-qasam tal-mezzi ġodda tat-trasport. Dan
it-tagħrif ma jistax jinkiseb fil-livell nazzjonali, u informazzjoni minn
Stati Membri oħra dwar fejn il-fornituri jkunu stabbiliti hija
fundamentali. Għalkemm l-Artikolu 14 jippermetti lill-Istati Membri
li jastjenu minn dan l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni f’każijiet
iġġustifikati kif dovut, xi Stati Membri ma ġġustifikawx
l-astensjoni tagħhom. Minħabba li l-maġġoranza tal-Istati
Membri jqisu li l-informazzjoni rċevuta hija utli u fil-prattika ta’
benefiċċju kemm għal skop ta' analiżi tar-riskju kif ukoll
għal skop ta’ kontroll, il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri għandhom
jimplimentaw proċeduri effiċjenti għall-ġbir tad-dejta ta'
kategoriji differenti, u mhux jastjenu minn dan l-iskambju awtomatiku. Dan
il-punt kien diġà ssemma fir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri tal-2008 dwar
il-funzjonament tal-kooperazzjoni amministrattiva[7]. L-Istati Membri li ma
jistgħux jiġbru l-informazzjoni dwar mezzi ġodda tat-trasport
huma rrakkomandati li jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ prattiki tajbin ta’
Stati Membri oħra li huma attivi f’dan il-qasam, pereżempju mal-Belġju
li offra lil Stati Membri oħra sabiex jaqsam l-esperjenza tiegħu fuq
il-ġbir tal-informazzjoni għal tranżazzjonijiet bħal dawn. Il-Kummissjoni tilmenta li wħud mill-Istati Membri għadhom
jirrinunzjaw milli jaqsmu informazzjoni bħal din, speċjalment billi
l-lista tad-dejta li għaliha japplika dan l-iskambju ta’ informazzjoni
tnaqqset b’mod konsiderevoli. 3.3. Feedback (kif deskritt skont
l-Artikolu 16) Il-feedback huwa miżura ġdida li
ġiet introdotta fl-2012 permezz ta' Regolament fuq talba speċifika
ta’ diversi Stati Membri. Huma jqisu li l-feedback se jgħin
lill-maniġment biex jindirizza n-nuqqasijiet fil-proċeduri u biex
jimmotiva lill-awdituri tat-taxxa ħalli jżidu l-kwalità
tal-informazzjoni skambjata. Madankollu, il-maġġoranza tal-Istati
Membri ma użawx il-mekkaniżmu ta’ feedback fl-2012, l-ewwel sena ta’
implimentazzjoni tagħha. L-Istati Membri kollha jaqblu li l-feedback ma
għandux jintalab sistematikament iżda biss fuq il-bażi ta' kull
każ għalih, sabiex ix-xogħol addizzjonali li jinħoloq
bl-għodda tal-feedback jinżamm f'limiti aċċettabbli. Madankollu, il-maġġoranza tal-Istati
Membri jqisu li għadu kmieni wisq sabiex wieħed jasal għal
konklużjonijiet konkreti rigward l-effettività u l-kwalità tal-feedback.
Xi Stati Membri raw li kien hemm influwenza pożittiva fuq il-motivazzjoni
tal-persunal kif ukoll żieda fl-informazzjoni spontanja. Din kienet ukoll
il-konklużjoni tal-grupp ta' esperti[8]
li wettaq taħriġ ta' brainstorming dwar il-vantaġġi li
jitwaqqaf mekkaniżmu ta' feedback, u li qies li l-feedback jista' jkollu
rwol validu biex jimmotiva uffiċjali tal-awditjar u biex
jinkuraġġixxi livell ogħla ta' skambju spontanju
tal-informazzjoni. L-Istati Membri li jużaw l-għodda
tal-feedback għarrfu li l-informazzjoni rċevuta jista' jkollha impatt
pożittiv fuq l-awditi tal-VAT tagħhom u d-dħul mit-taxxa. Fil-kuntest ta’ kooperazzjoni amministrattiva
tajba u tal-aħjar prattiki, il-feedback għandu jkun
inkoraġġit, peress li dan huwa l-aħjar mod li bih
l-uffiċjali tat-taxxa ta' Stat Membru ieħor jiġu infurmati li
l-informazzjoni li għaddew kienet ta’ benefiċċju, u li sforz
addizzjonali tagħhom wassal għal riżultat pożittiv jew
għall-inqas kien utli għal tal-Istat Membru li jagħmel it-talba. Il-Kummissjoni bi pjaċir tinnota wkoll li xi
Stati Membri jipprovdu feedback b'mod spontanju mhux biss meta din tkun
mitluba, iżda wkoll meta l-informazzjoni miksuba minn Stati Membri
oħra tkun instabet utli f'livell nazzjonali. Dan jirrifletti l-attitudni
pożittiva ta’ dawn l-Istati Membri dwar kif il-kooperazzjoni
transfruntiera għandha taħdem. Billi l-feedback huwa importanti sabiex titjieb l-effiċjenza
tal-iskambji tal-informazzjoni, l-Istati Membri għandhom jużaw aktar
dan il-mekkaniżmu u jiżguraw li dan il-feedback jingħata kull
darba li jiġi mitlub kif ukoll jipprovduh f’każijiet fejn ma jkunx
mitlub għax ikun utli għal Stati Membri oħra. Sabiex jintlaħaq dan, il-maniġment għandu jtejjeb
it-taħriġ tal-awdituri tat-taxxa sabiex dawn isiru konxji dwar
l-importanza li jagħtu feedback u dwar l-iskambju spontanju
tal-informazzjoni marbut mal-isforz tal-ġbir tat-taxxa ta’ Stati Membri
oħra. 3.4. Il-ħżin u
l-iskambju ta’ informazzjoni speċifiċi
għat-tranżazzjonijiet tal-IC (l-Artikoli 17-24) 3.4.1. Il-bażi tad-dejta
tal-VIES Id-dispożizzjonijiet li għandhom
x’jaqsmu mal-bażi tad-dejta tal-VIES ġew emendati sabiex
jiżdiedu l-ammont u l-kwalità tal-informazzjoni maħżuna u
skambjata. Ġiet imfassla lista ġdida ta’ informazzjoni li
għandha tinħażen u tiġi pproċessata. Madankollu, ftit
mill-informazzjoni tista' tkun disponibbli mill-2015 ’il quddiem. Il-maġġoranza tal-Istati Membri huma
ġeneralment sodisfatti bil-bidliet, u indikaw għadd inqas ta’
korrezzjonijiet u d-diskrepanzi retroattivi, aġġornamenti aktar
veloċi u dejta dwar il-fatturat aktar affidabbli. Barra minn hekk,
it-tnaqqis fil-perjodi taż-żmien għas-sottomissjoni u
t-trażmissjoni tad-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi ħaffef
il-veloċità tal-iskambju ta’ informazzjoni, biex b’hekk ipprovda
lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa b'vantaġġ importanti. Fil-passat, numri tal-VAT invalidi u dewmien fil-korrezzjoni
tad-dejta kienu ta’ spiss iddikjarati bħala dawk li jikkawżaw
problemi fil-kwalità tal-informazzjoni li tinsab fil-bażi tad-dejta. Ir-rapport preċedenti tal-Kummissjoni
ddikjara li "l-aġġornar frekwenti, li għandu jsir ta’
kuljum, iżid il-kwalità tal-informazzjoni li tinsab fil-bażi
tad-dejta". Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri issa
japplikaw sistema ta’ aġġornament ta’ kuljum. Għalkemm il-maġġoranza ta’ dawn
l-Istati Membri li jevalwaw il-kwalità u l-affidabbiltà huma ġeneralment
sodisfatti bil-bidliet implimentati bir-Regolament Irriformulat, madankollu
jidher li għad hemm diskrepanzi u korrezzjonijiet retroattivi li jsiru
lid-dejta tal-VIES. Il-Kummissjoni tinnota li, b’mod ġenerali,
l-amministrazzjonijiet tat-taxxa ma għandhom l-ebda dejta rilevanti jew
preċiża rigward in-numru ta’ diskrepanzi disponibbli. Tibqa’
l-kwistjoni jekk il-kontrolli tal-kwalità tal-Istati Membri humiex adattati
sabiex titjieb l-affidabilità tal-bażi tad-dejta tal-VIES. Fir-rigward tal-ikkanċellar retroattiv
tan-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT, il-Kummissjoni tirrepeti dak li
diġà ġibdet l-attenzjoni dwaru f’diversi okkażjonijiet,
jiġifieri li prattiki bħal dawn jipperikolaw iċ-ċertezza
legali għan-negozjanti, u li għandhom jiġu evitati.
Ir-Regolament jiddikjara b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom
iżommu l-bażijiet tad-dejta tagħhom aġġornati; li
għall-kredibilità tas-sistema tal-VIES hija essenzjali l-informazzjoni
affidabbli. Il-Kummissjoni tirrakkomanda għalhekk, li l-Istati Membri kollha
jintroduċu miżuri sabiex iżommu l-bażi tad-dejta tal-VIES
aġġornata. Dawn, flimkien ma’ tnaqqis fil-perjodi
taż-żmien, se jwasslu għal sistema affidabbli u
aġġornata tal-VIES, li se tagħmel disponibbli malajr kemm jista’
jkun id-dejta dwar it-tranżazzjonijiet intrakomunitarji. 3.4.2. Aċċess awtomatizzat
għall-bażijiet tad-dejta Ir-Regolament issa jistipula li l-awtoritajiet
kompetenti għandhom jingħataw aċċess awtomatizzat għal
ċerta informazzjoni miżmuma f'bażijiet tad-dejta ta' Stati
Membri oħrajn. L-iskop ta' dan l-aċċess awtomatizzat huwa li
jitnaqqas l-għadd ta’ talbiet li jiġu trattati mill-Istat Membru li
dwaru saret it-talba, u biex jipprovdi aċċess aktar malajr
għad-dejta meħtieġa. L-Istati Membri implimentaw dan b'mod differenti:
xi wħud jieħdu l-informazzjoni meħtieġa minn bażijiet
tad-dejta li jeżistu filwaqt li oħrajn ħolqu bażijiet
tad-dejta għal dan l-għan, bil-proporzjon ta' bejniethom ikun xi ftit
jew wisq l-istess. Wieħed ma jistax jikkonkludi madankollu, jekk il-maġġoranza
tal-Istati Membri jippreferux biċ-ċar li jużaw il-bażijiet
tad-dejta eżistenti jew le. Wieħed għandu jżomm
f’moħħu li l-kosteffiċjenza jew limitazzjonijiet tekniċi
oħra jistgħu jkollhom rwol f’deċiżjoni ta' Stat Membru partikolari
meta jiġi biex juża l-bażijiet tad-dejta eżistenti. Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota
li l-Istati Membri kollha se jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti
tal-Istati Membri l-oħra kollha aċċess awtomatizzat
għad-dejta elenkata fl-Artikolu 21(2) tar-Regolament 904/2010 skont
il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu. Billi din l-għodda
ġiet implimentata biss fl-1 ta’ Jannar 2013, għadu
kmieni wisq biex toħroġ stampa ċara dwar l-użu tagħha.
Il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ fuq l-applikazzjoni
korretta tal-aċċess awtomatizzat, u se tipprovdi aktar dettalji dwar
l-utilità u l-effikaċja ta’ din l-għodda f’rapport futur. 3.5. Il-preżenza
tal-uffiċjali fl-uffiċċji amministrattivi u
l-parteċipazzjoni fl-inkjesti amministrattivi fi Stat Membru ieħor
(l-Artikolu 28) Ir-rapport preċedenti identifika għadd
ta’ problemi fl-użu ta’ dan l-istrument. L-istatistiċi sottomessi annwalment juru li
l-użu prattiku magħmul minn dan l-istrument huwa limitat,
għalkemm għadu meqjus bħala għodda utli, b’mod partikolari
f’reġjuni tal-fruntiera. L-ostakli, li huma l-aktar kwistjonijiet li jridu
jiġu indirizzati f'livell nazzjonali (bħall-iżvilupp ta'
ħiliet lingwistiċi, ir-riżorsi umani, il-proċeduri
interni), kienu l-istess bħal dawk li diġà ssemmew fir-rapport
preċedenti. L-aktar raġunijiet importanti u komuni
għal dan l-użu limitat kienu n-nuqqas ta’ bażi legali nazzjonali
li tippermetti l-parteċipazzjoni f’inkjesti nazzjonali, kundizzjonijiet
nazzjonali speċifiċi li fixklu l-użu tal-istrument kif ukoll
problemi ta’ lingwa. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri
jippermettu li uffiċjali ta’ Stati Membri oħra jkunu preżenti
fl-uffiċċji tal-amministrazzjoni tat-taxxa, u li jipparteċipaw
f’inkjesti amministrattivi, meta l-kundizzjonijiet imsemmija
fl-Artikolu 28, jiġu rispettati. Il-problemi baġitarji li jirriżultaw
minn riżorsi finanzjarji limitati se jiġu indirizzati fil-Programm
il-ġdid ta' Fiscalis 2020, li jinkludi l-finanzjament għal
żjarat bħal dawn fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, hija
meħtieġa s-sensibilizzazzjoni tal-uffiċjali dwar l-użu
potenzjali ta’ dan l-istrument. L-Istati Membri għandhom jippromwovu
l-użu ta’ din l-għodda f'livell nazzjonali, biex b'hekk
jippubbliċizzaw il-benefiċċji tagħha. Jistgħu wkoll
jibbenefikaw mill-esperjenza pożittiva ta' Stati Membri oħra li
użaw din l-għodda. Jekk tinqala' xi kwistjoni fl-organizzazzjoni ta'
avveniment tal-Artikolu 28, l-Istati Membri għandhom jippruvaw isolvu
dan fuq bażi bilaterali. L-użu ta’ din l-għodda għad jista'
jittejjeb peress li għadd sinifikanti ta’ Stati Membri għadhom mhux
jużawha ta' spiss. Madankollu, il-ħidma kollettiva fi ħdan
il-kontroll multilaterali, inkluża permanenza fl-uffiċċju
tal-kontribwenti, tista' tiffranka ħafna ħin (inkluż il-ħin
tal-kontribwenti) peress li l-kwistjonijiet ikunu jistgħu jiġu
solvuti permezz ta’ kooperazzjoni reċiproka. Il-Kummissjoni tittama li din l-għodda tintuża aktar spiss
fil-futur. 3.6. Il-kontrolli simultanji –
il-kontrolli multilaterali (l-Artikoli 29-30) 3.6.1. L-organizzazzjoni
tal-kontrolli multilaterali (MLC) L-Istati Membri jirrikonoxxu l-valur miżjud
ta’ dan l-istrument. Huma sodisfatti b'kif twaqqfu l-pjattaforma tal-MLC u
l-gwida tal-MLC. L-għadd ta' MLCs mibdija ta' kull sena għadu
l-istess. Fost ir-raġunijiet li ssemmew mill-Istati Membri
għall-għadd kemxejn baxx ta’ MLCs mibdija hemm id-dikjarazzjonijiet
li huwa diffiċli li inizjattivi tal-MLC jiddaħħlu fi programmi
stabbiliti ta' pjanijiet tal-awditu annwali, li jinvolvu aktar xogħol
għall-uffiċjali lokali li m’għandhomx l-esperjenza, u li huwa
diffiċli biex tikkonvinċi l-maniġment li l-investiment
fl-awditi, li jistgħu jkunu biss ta' benefiċċju
għall-Istati Membri l-oħra involuti, huwa utli. 3.6.2. Il-komunikazzjoni bejn id-dipartimenti
tal-MLC u dipartimenti oħra Ir-rapport preċedenti semma li għad hemm
lok għal titjib fil-komunikazzjoni ta' bejn il-kooordinaturi tal-MLC u
dipartimenti oħra (pereżempju l-unitajiet tas-CLO u ta' kontra
l-frodi fiskali), possibilment billi jiġu adattati proċeduri
eżistenti tal-MLC sabiex ikun hemm reazzjoni veloċi u anqas
burokratika f'każijiet speċifiċi relatati ma' frodi. B’mod ġenerali, l-Istati Membri stabbilixxew
kanali xierqa ta’ komunikazzjoni bejn l-unitajiet/il-persuni li jitrattaw il-prevenzjoni
tal-frodi u l-unitajiet ta' koordinazzjoni/il-koordinaturi tal-MLC. Il-mod kif
din il-Komunikazzjoni tiġi organizzata jiddependi ħafna fuq
l-organizzazzjoni amministrattiva tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istat
Membru kkonċernat; dan jista’ jvarja minn kuntatti diretti fl-istess
dipartiment sa kuntatti bejn dipartimenti separati fi struttura
deċentralizzata. L-Istati Membri jifhmu li sistema stabbilita ta’
komunikazzjoni diretta bejn l-unità li tikkoordina l-kontrolli multilaterali u
l-unità ta' kontra l-frodi li hi marbuta mal-kontroll għandha valur
miżjud, billi taġixxi malajr f’każijiet ta’ frodi. Rigward l-interazzjoni mal-Eurofisc, informazzjoni
mmirata min-netwerk tal-EUROFISC tista' tgħin biex jingħata bidu
għall-MLCs. Aċċess għan-netwerk tal-EUROFISC huwa
r-responsabbiltà unika tal-Uffiċjal ta’ Kuntatt tal-Eurofisc, iżda
l-informazzjoni li hu jikkonsidra bħala utli għall-kontrolli
multilaterali tista' tiġi trażmessa lill-koordinatur tal-MLC. Kooperazzjoni
bejn il-Eurofisc u l-funzjoni tal-MLC ta’ koordinazzjoni jistgħu jiġu
definiti fi Protokoll. Reċentement, il-grupp għall-proġett[9] ressaq xi
rakkomandazzjonijiet sabiex jissaħħaħ l-użu ta’ din
l-għodda, inkluż anki l-qasam tad-dazji tas-sisa. Xi wħud minn
dawn ir-rakkomandazzjonijiet jippuntaw ukoll lejn kooperazzjoni aktar
mill-viċin bejn l-amministrazzjonijiet doganali u tat-taxxa f’dawk
l-Istati Membri fejn iż-żewġ taxxi huma ġestiti minn
dipartimenti nazzjonali differenti. Il-Belġju waqqaf proġett pilota biex jifforma tim ta'
analiżi veloċi f'livell Ewropew sabiex jirreaġixxi
għat-twissijiet bikrin u sabiex jibni mill-ġdid il-katina globali
tat-tranżazzjonijiet frawdolenti. Dan jista’ jkun sors ta’ informazzjoni
utli għall-MLCs. Dan il-proġett pilota Belġjan, mfassal biex isaħħaħ
il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT se jkompli jiġi diskuss
fil-pjattaforma tal-Eurofisc. Il-kontrolli multilaterali u l-preżenza ta’
uffiċjali f’uffiċċji amministrattivi ta’ Stati Membri oħra
huma għodod li għandhom jintużaw iktar ta' spiss mill-Istati Membri,
speċjalment billi l-ispejjeż relatati mal-użu tagħhom minn
issa 'l quddiem se (jkomplu) jiġu ffinanzjati permezz tal-programm
Fiscalis. Huwa diffiċli biex wieħed jifhem għaliex l-użu
tal-għodda ta’ kontroll multilaterali għadu pjuttost limitat, u saħansitra
naqas fis-snin reċenti, anke jekk din l-għodda tista’ perfettament
turi l-benefiċċji li tista' tiġġenera għall-Istati
Membri kkonċernati kollha. L-Istati Membri għandhom jallokaw aktar riżorsi
għall-użu ta’ din l-għodda, u l-Istati Membri kollha
għandhom jiżguraw li jew iniedu dawn il-kontrolli multilaterali jew
jipparteċipaw fihom b’mod attiv. Iż-żieda għal madwar 75
MLC għall-2014 għandha tintlaħaq speċjalment billi dan ikun
jinvolvi biss medja ta’ madwar 3 kontrolli multilaterali għal kull Stat
Membru. 3.6.3. Approċċ futur
possibbli: l-awditu konġunt L-OECD tiddeskrivi l-awditu konġunt
bħala żewġ pajjiżi jew aktar li jingħaqdu flimkien
biex jiffurmaw tim wieħed ta’ awditjar li jeżamina
kwistjoni(jiet)/tranżazzjoni(jiet) ta’ persuna taxxabbli relatata jew
aktar (kemm entitajiet ġuridiċi kif ukoll individwi) b’attivitajiet
ta' negozju transfruntieri, forsi inklużi wkoll it-tranżazzjonijiet
transfruntieri li jinvolvu kumpaniji affiljati relatati organizzati
fil-pajjiżi parteċipanti, u li l-pajjiżi għandhom interess
komuni jew komplimentari fihom; fejn il-kontribwent jagħmel
preżentazzjonijiet konġunti u jaqsam l-informazzjoni
mal-pajjiżi, u t-tim ikun jinkludi rappreżentanti tal-Awtoritajiet
Kompetenti minn kull pajjiż.[10] Tliet Stati Membri biss kellhom esperjenza
b’awditi konġunti kif iddefiniti hawn fuq. Stat Membru wettaq awditi
konġunti ma’ pajjiż terz filwaqt li l-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju
Unit bdew proġett pilota f’dan il-qasam. Minn din l-esperjenza limitata,
jista’ jiġi nnutat li r-responsabbiltajiet, il-koordinazzjoni,
is-setgħat u r-restrizzjonijiet ta' tim ta’ awditu konġunt huma
stabbiliti fi ftehimiet (bilaterali) dwar l-assistenza amministrattiva
reċiproka u l-iskambju tal-informazzjoni fi kwistjonijiet tat-taxxa. L-Istati Membri taw risposti diverġenti
ħafna għall-mistqosija dwar jekk l-awditi konġunti jkunux
għodda utli meta mqabbla ma' pereżempju MLC f’ċerti
ċirkostanzi. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma
tal-opinjoni li hemm wisq mistoqsijiet legali kif ukoll dwar l-organizzazzjoni
li jibqgħu mhux imwieġba (pereżempju n-nuqqas ta’ bażi
legali, proċeduri nazzjonali mhux adattati għal dan,
ġuriżdizzjonijiet separati, il-kunsens tal-persuna taxxabbli) sabiex
jiġi konkluż jekk l-awditi konġunti minn tim ta’ awditjar
wieħed f’ċerti każijiet ma jistgħux ikunu aktar
effiċjenti mill-MLC. Madankollu, xi Stati Membri indikaw li awditu
konġunt jista' jkun effettiv f’każijiet fejn huwa meħtieġ
l-iskambju ta' malajr tal-informazzjoni, b'mod partikolari f'każijiet ta'
tassazzjoni diretta fejn kumpaniji kbar ħafna b’sussidjarji jistgħu
jkunu involuti (pereż. l-ipprezzar tat-trasferimenti). Dawk l-Istati Membri li jistabbilixxu proġett
pilota xorta jridu jivverifikaw jekk tim wieħed ta’ awditjar jistax
iħaffef il-komprensjoni komuni fil-kwistjonijiet involuti
(pereżempju, il-kjarifika ta’ inċertezzi fi kwistjonijiet ta' taxxa
internazzjonali, il-ġudizzju tajjeb fir-riskju internazzjonali tat-taxxa,
l-indirizzar ta’ riskji transfruntieri b’mod aktar effiċjenti) u jekk
jirriżultax orħos kemm għall-amministrazzjonijiet kif ukoll
għall-kontribwenti, minħabba li se jkun hemm awditu wieħed
b’riżultat wieħed biss. Għalkemm il-biċċa l-kbira
tal-Istati Membri ma għandhom l-ebda esperjenza dwar l-awditi
konġunti, jidher li dawn fil-prinċipju mhumiex kontra l-idea (b’mod
partikolari fil-qasam tat-tassazzjoni diretta). Il-ħafna mistoqsijiet legali u organizzattivi li għadhom ma
twiġbux jistgħu jkomplu jiġu diskussi iktar 'il quddiem waqt
il-grupp tal-Proġett Fiscalis, abbażi tal-esperjenza eżistenti u
tal-proġett pilota attwalment organizzat minn żewġ Stati Membri.
Abbażi tar-riżultat, il-Kummissjoni tista’ tagħmel proposta
sabiex toħloq bażi legali għall-użu ta’ din l-għodda
fil-livell tal-UE. 3.7. L-għoti
tal-informazzjoni lill-persuni taxxabbli (l-Artikoli 31-32) Sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali
għall-operaturi tas-suq, dawn tal-aħħar jistgħu jiksbu
konferma tal-validità tan-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT (in-nru tal-VAT)
f’xi Stati Membri, jekk huma jagħtu n-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT
tagħhom. Is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni tal-VAT
(VIES) inħoloq ħafna snin ilu mill-Istati Membri, bl-għajnuna
tal-Kummissjoni, bl-għan li tipprovdi informazzjoni lill-persuni
taxxabbli. Sal-lum, l-Istati Membri kollha, minbarra wieħed, jużaw
il-VIES sabiex jikkonfermaw il-validità kemm tan-nru tal-ID tal-VAT, kif ukoll
l-isem u l-indirizz tal-operaturi tas-suq. Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn
id-dispożizzjonijiet, Stat Membru wieħed biss għadu mhux
jagħti konferma tan-nru tal-ID tal-VAT tal-operaturi tas-suq lil persuni
taxxabbli tal-UE fis-sistema tal-VIES ta' fuq l-internet; minflok, jesiġi
li persuni taxxabbli li jkunu qed ifittxu din l-informazzjoni jmorru għand
is-CLO nazzjonali sabiex jiksbu konferma ta’ din id-dejta. Stat Membru ieħor
indika li bħala konsegwenza din kienet l-unika raġuni għaliex
qed jibqa' jżomm is-sistema nazzjonali. Jista’ jiġi konkluż li rigward
il-forniment ta’ dejta lil persuni taxxabbli sabiex jiġi vvalidat in-numru
ta' identifikazzjoni tal-VAT tal-klijenti tagħhom, l-Istati Membri kollha
għandhom imwaqqfa sistema bħal din. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema tal-VIES ta'
fuq l-internet hija aġġornata sistematikament. 3.8. Eurofisc (l-Artikoli 33-37) In-netwerk tal-EUROFISC huwa mekkaniżmu
introdott reċentement għall-kooperazzjoni rapida, maħluq biex
jittratta metodi ġodda ta' frodi jew ta' fuq skala kbira. In-Netwerk
stabbilixxa erba’ oqsma ta’ ħidma u ppubblika l-ewwel rapporti tiegħu
f’Marzu 2012 u f'April 2013. Id-dispożizzjonijiet li ħolqu
n-netwerk daħlu fis-seħħ f’Novembru 2010. Bħalissa hemm erba’ oqsma ta’ ħidma li
jkopru setturi differenti li huma affettwati minn frodi tal-VAT. Attwalment,
mhi qed tiġi pperċepita l-ebda ħtieġa reali sabiex
jinħolqu oqsma oħra ta' ħidma, sakemm ma jfiġġx
f’settur speċifiku għadd sinifikanti ta' każijiet ta' frodi. Uħud mill-Istati Membri jqisu li analiżi
konġunta tar-riskju fil-livell tal-Eurofisc tista’ tintuża sabiex
tiġi analizzata b'mod komparattiv id-dejta fl-oqsma ta' ħidma kollha.
Huma jixtiequ jistitwixxu proġett pilota sabiex iwettqu analiżi
konġunta tar-riskju. Ir-riżultat ta’ din l-analiżi
jiġġenera informazzjoni mmirata li għandha tiġi kkomunikata
lill-Istati Membri kollha kkonċernati, u jista’ eventwalment iwassal
għal Kontrolli Multilaterali ġodda. Analiżi konġunta ta’
riskju bħal din tista’ titwaqqaf bħala qasam ta’ ħidma separat.
Id-diskussjonijiet dwar din il-kwistjoni għadhom għaddejjin bejn
l-Istati Membri fil-Eurofisc. Sfortunatament, diskussjonijiet riċenti dwar
din l-idea fil-Grupp għall-Istrateġija Kontra l-Frodi tat-Taxxa wrew
li mhux l-Istati Membri kollha huma konvinti li l-Eurofisc għandha ssegwi
l-alternattiva tal-analiżi konġunta tar-riskju f’dan l-istadju, u
jikkunsidraw li l-attivitajiet tagħha għandhom ikunu limitati u
mmirati fuq it-titjib tal-proċeduri ta’ ħidma attwali. Sabiex titjieb l-effettività tan-Netwerk,
il-Kummissjoni tqis li l-analiżi tar-riskju u l-feedback huma l-oqsma
ewlenin fejn l-affarijiet jistgħu jitjiebu: –
L-informazzjoni rċevuta għandha tkun
aktar immirata. Il-volum kbir ta’ informazzjoni li xi kultant jintbagħat
huwa diffiċli biex jiġi vvalutat. Għalhekk, bosta Stati Membri
ssuġġerew li l-Istati Membri kollha għandhom jużaw
għodda nazzjonali għall-analiżi tar-riskju effettiva li
tippermetti li l-volum tad-dejta jiġi ffiltrat aħjar u sabiex
jiżguraw li każijiet suspettużi biss jiġu trażmessi. –
Il-bażijiet tad-dejta tal-VIES jistgħu
wkoll jintużaw għal skopijiet ta’ analiżi tar-riskju. Dan jista’
jkun mod ta' kif tinġabar malajr l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’
netwerk karużell, minħabba li d-dejta tista’ tkun disponibbli qabel
ma jiġu ppreżentati d-dikjarazzjonijiet tal-VAT jew
id-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi. Dawk l-Istati Membri li jiżviluppaw
għodda ta’ tiftix li tanalizza din it-tip ta’ informazzjoni jistgħu jiskambjaw
l-aħjar prattiki. –
Huwa meħtieġ mekkaniżmu pront u
ċar ta' feedback fi ħdan in-netwerk. Il-feedback għandu
jintuża sabiex titjieb l-analiżi tar-riskju li twassal għal
dejta aktar immirata. Il-mekkaniżmu ta’ feedback użat bħalissa
fi ħdan il-Eurofisc jgħin lill-Istati Membri biex jivverifikaw
il-kwalità tat-twissijiet maħruġa rigward ċerti kumpaniji
ġaladarba l-Istat Membru li tasallu t-twissija jista’ jirrapporta lura
dwar ir-riżultati lill-Istat Membru li ħareġ it-twissija. Barra minn hekk, abbażi tal-informazzjoni li
tasal mingħand il-Eurofisc, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jistgħu
jibdew awditi li jistgħu jirriżultaw fl-invalidazzjoni tan-numru
tal-identifikazzjoni tal-VAT. Kwalità ogħla tal-informazzjoni
trażmessa u netwerk aktar effettiv jistgħu jintlaħqu billi
l-funzjonament intern, li jista’ jiġi miftiehem waqt laqgħat
tal-Eurofisc, jittejjeb. Feedback malajr u preċiż huwa essenzjali
għall-effikaċja tan-netwerk. Stat Membru argumenta li l-ħolqien
ta’ tim għall-analiżi konġunta tar-riskju f'qasam ta' ħidma
separat għandu jkun iġġustifikat mill-fatt li jkun sinjal
politiku importanti, li l-Istati Membri bis-serjetà, iridu jaraw progress
fil-ġlieda kontra l-frodi. Il-Kummissjoni tinnota li bosta Stati Membri
jixtiequ jsaħħu aktar il-kooperazzjoni amministrattiva u jippermettu
lill-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc li jagħmlu użu
aħjar mill-informazzjoni disponibbli fuq in-netwerk. Dan ikompli
jgħin lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-frodi
tal-VAT qabel ma fil-fatt iseħħu. Minkejja dan, għad hemm xi
Stati Membri li jippreferu jżommu l-analiżi tar-riskju f'livell
nazzjonali. Il-Kummissjoni tqis li dawk l-Istati Membri li huma lesti li
jagħmlu dan, għandhom ifittxu fil-kwistjoni li jagħmlu
l-aħjar użu tal-informazzjoni disponibbli. Il-Kummissjoni temmen li l-iżvilupp ta’
analiżi konġunta tar-riskju fi ħdan il-Eurofisc jista’ jkun pass
importanti lejn l-iskambju ta’ aktar informazzjoni mmirata. In-netwerk
għalhekk għandu jesplora l-benefiċċji ta’ din
l-analiżi konġunta tar-riskju. 3.9. Ir-relazzjonijiet
mal-Kummissjoni (l-Artikolu 49) L-Artikolu 49 tar-Regolament jesiġi li
l-Istati Membri jeżaminaw u jevalwaw kif qed jaħdmu
l-arranġamenti għall-kooperazzjoni amministrattiva. Fir-rapport
preċedenti ġie nnutat li l-maġġoranza vasta tal-Istati
Membri ma jidhrux li jwettqu xi evalwazzjoni interna sistematika
tal-arranġamenti tagħhom, iżda pjuttost jidhru li qed
jibbażaw l-awtovalutazzjoni tagħhom unikament fuq l-istatistiċi
annwali li huma għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.
Sadanittant din is-sitwazzjoni ma nbidlitx. Matul id-diskussjonijiet li wasslu
għall-adozzjoni tar-Regolament il-ġdid, il-Kunsill kien tal-opinjoni
li ma kienx hemm bżonn li jiġi speċifikat, fir-riformulazzjoni,
li l-Istati Membri għandhom iwettqu awditi tal-operat tal-kooperazzjoni
amministrattiva f’intervalli regolari. Madankollu, il-Kummissjoni għadha temmen li
din l-analiżi nazzjonali tkun utli ħafna għall-Istati Membri
stess sabiex jevalwaw l-importanza, l-utilità u l-effettività tal-għodod
għall-kooperazzjoni amministrattiva għalihom stess. B’mod partikolari
fir-rigward tan-netwerk tal-EUROFISC, li nħoloq speċifikament biex
il-frodi jiġu miġġielda b'mod aktar effiċjenti, l-Istati
Membri għandhom interess kbir f'li jiġi evalwat sa fejn dan
in-netwerk kkontribwixxa sabiex jitnaqqas l-introjtu mitluf minħabba
l-frodi tal-VAT. Billi l-Kummissjoni jista’ jkollha biss rwol ta’
appoġġ fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam
tal-VAT, huma l-Istati Membri stess li qegħdin fl-aħjar
pożizzjoni biex jevalwaw l-effikaċja tal-għodod differenti. Il-Kummissjoni
għalhekk tirrakkomanda li l-Istati Membri jadottaw din il-proċedura
sabiex twettaq analiżi reali tal-ispiża u tal-benefiċċju
għall-għodod differenti. 3.10. Relazzjonijiet ma' pajjiżi
terzi (l-Artikolu 36) L-Istati Membri jqisu li l-informazzjoni li tkun
ġejja minn pajjiżi terzi tista' tkun utli sabiex jiġu
ffaċilitati l-valutazzjoni tat-taxxa jew id-detezzjoni tal-frodi.
Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha kkonkludew trattati dwar it-taxxa li
jkopru kwistjonijiet marbutin mal-VAT, u għalhekk mhux possibbli
għalihom li jgħaddu informazzjoni mibgħuta minn pajjiżi
terzi lil Stati Membri oħra. L-Istati Membri ma għandhomx
approċċi uniformi għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi
terzi. Xi Stati Membri ffirmaw/irratifikaw il-konvenzjoni tal-OECD, li
prinċipalment kienet maħsuba għal raġunijiet ta'
tassazzjoni diretta. Barra minn hekk xi Stati Membri għandhom għadd
ta’ ftehimiet ta’ skambju tal-informazzjoni dwar it-taxxa filwaqt li
oħrajn ffirmaw jew irratifikaw konvenzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja. Abbażi ta' ċifri pprovduti mill-Istati
Membri, jista’ jiġi konkluż biss li kollox ma' kollox ftit hemm
esperjenza rigward l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-VAT ma’ pajjiżi
terzi. Il-Kummissjoni għalhekk hija konvinta li
approċċ ikkoordinat fil-livell tal-UE sabiex jiġu stabbiliti
arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva ma’ pajjiżi terzi
fil-qasam tal-VAT huwa t-triq’ il quddiem. Ftehim multilaterali tal-UE jista’
jitqies bħala proġett fuq terminu twil. L-arranġamenti
l-ġodda mwaqqfa sabiex jimplimentaw punt uniku ta' servizz fuq skala
żgħira li se jidħol fis-seħħ fl-2015 se jipprovdi
argument addizzjonali li jappoġġja ftehim multilaterali tal-UE. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tissottometti proposta biex
tikiseb l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill sabiex tibda negozjati ma’ ċerti
pajjiżi terzi dwar ftehim bilaterali marbut mal-kooperazzjoni
amministrattiva fil-bidu tal-2014. 4. Suġġett
speċjali: il-punt uniku ta' servizz fuq skala żgħira (moss) Bħala
miżura ta' simplifikazzjoni għal ċerti operaturi tas-suq,
mill-1 ta’ Jannar 2015, se jiġi introdott punt uniku ta'
servizz fuq skala żgħira li jkun fakultattiv (MOSS). Dan se
jippermetti lil fornitur, li flok jirreġistra għall-VAT f’kull Stat
Membru li fih għandu klijent, jirreġistra, jiddikjara u jħallas
il-VAT dovuta fuq il-fornimenti ta’ telekomunikazzjoni, xandir u servizzi
elettroniċi fi Stati Membri oħra permezz ta’ portal tal-Internet
uniku fi Stat Membru wieħed biss - l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni. Il-MOSS se jkollu
wkoll effett fuq kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri fil-qasam
tal-awditjar u l-kontroll tal-kontribwent. Ix-xogħol
legali u prattiku preparatorju kważi lest. Il-Kummissjoni waqqfet ukoll
il-grupp tal-proġett Fiscalis (FPG 86) sabiex iħares lejn
kwistjonijiet ta’ awditu u ta' kontroll fil-kuntest tal-Moss. Il-membri ta’ dan
il-grupp ħejjew lista ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif l-informazzjoni
tista’ tintalab minn operaturi tas-suq li jużaw fajl standard tal-awditjar
għall-iskema tal-MOSS u dwar kif dawn in-negozji jistgħu jiġu
kkuntattjati bl-aħjar mod f’każ li tkun meħtieġa aktar
informazzjoni jew hemm il-mistoqsijiet. Peress li m’hemm l-ebda obbligu fuq
l-Istati Membri biex jaċċettaw dawn il-linji gwida b’mod unanimu,
il-Kummissjoni tittama li huma se japplikaw dawn il-linji gwida fil-forma ta’
ftehim ta' bejn l-irġiel, sabiex b’hekk jitnaqqas il-piż fuq
in-negozju, u jiġi ffaċilitat l-użu tal-mekkaniżmu ta’
simplifikazzjoni. 5. Apprezzament ġenerali
tal-funzjonament tal-kooperazzjoni amministrattiva B’mod ġenerali, il-valutazzjoni globali
tal-funzjonament tal-kooperazzjoni amministrattiva tidher li hi pożittiva.
Bosta Stati Membri indikaw li huwa essenzjali li tkun żgurata l-kwalità tajba
tal-forom ta’ rikjesta tal-SCAC, u li jiġu rrispettati d-dati
tal-għeluq sa meta jistgħu jitwieġbu dawn it-talbiet. Barra minn
hekk, xi Stati Membri għadhom qed jirreferu għal kwistjonijiet
nazzjonali (bħalma huwa n-nuqqas ta’ riżorsi) u għal problemi li
ilhom dwar l-iskambju tal-informazzjoni (dejta bażika mhux kompluta
f’talbiet għall-informazzjoni; diskrepanzi fl-informazzjoni
tal-istatistika; bidliet retroattivi lill-bażijiet tad-dejta tal-VIES;
regoli differenti dwar id-data tal-għeluq għar-risposti). Xi Stati Membri għamlu għadd ta’
suġġerimenti sabiex titjieb il-kooperazzjoni amministrattiva
fil-qasam tal-VAT. L-ewwel sett ta’ suġġerimenti jaqa'
taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u se jkun jeħtieġ
azzjoni nazzjonali (pereżempju, żieda fis-sensibilizzazzjoni
tal-maniġment, it-talbiet għall-informazzjoni għandhom isiru
biss wara li r-riżorsi kollha possibbli jkunu ġew eżawriti
fl-Istat Membru li qed jagħmel it-talba). Suġġerimenti oħra jkunu
jeħtieġu tibdil fil-leġiżlazzjoni, pereżempju sabiex
il-feedback isir obbligatorju, jiġu imposti penali għal prestazzjoni
fqira fiż-żamma tal-iskadenzi, jew żieda fil-livelli stabbiliti
għat-talbiet. Madankollu, minbarra d-diffikultà sabiex jiġu adottati
dawn il-miżuri leġiżlattivi, il-Kummissjoni tantiċipa wkoll
xi problemi prattiċi, pereżempju kif se jiġu imposti l-penali u
minn min; kif se tiġi kkalkulata l-penali, eċċ. Suġġerimenti oħra jkunu
jeħtieġu bidliet fit-trażmissjoni tad-dejta lill-Kummissjoni,
pereżempju l-ġbir tal-istatistiċi sabiex issir klassifikazzjoni
tal-iskadenzi mhux miżmuma (3-6-9 xhur tard). Il-Kummissjoni tikkunsidra
li jista’ jkun possibbli li jintlaħaq ftehim komuni dwar dan il-punt
fis-SCAC. Idea oħra li kienet li l-Kummissjoni
għandha tieħu azzjoni rigward l-Istati Membri li jonqsu
sistematikament milli jwettqu l-impenji tagħhom skont
ir-Regolament 904/2010. Hawnhekk il-Kummissjoni tista’
tissuġġerixxi azzjoni permezz tal-għoti ta’ miżuri ta’
assistenza teknika jew permezz ta’ monitoraġġ kostanti skont
l-Artikolu 12(3) tar-Regolament 1553/89. Id-disseminazzjoni
tal-aħjar prattiki u s-seminars tas-CLO ta' Fiscalis ġew indikati
bħala għodda tajba li ttejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva. Xi wħud minn dawn is-suġġerimenti ġew diskussi
fil-passat mingħajr suċċess. Madankollu, il-Kummissjoni
biħsiebha tkompli ssegwi dawn is-suġġerimenti fil-livell xieraq
sabiex jitjieb il-funzjonament tal-kooperazzjoni amministrattiva, dejjem jekk
ikun garantit biżżejjed appoġġ mill-Istati Membri. 6. Konklużjoni Kif diġà ntqal f’diversi okkażjonijiet u
aktar reċentement fl-istrateġija kkoordinata, sabiex titjieb
il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT stipulata fil-Komunikazzjoni reċenti
tal-Kummissjoni li tippreżenta pjan ta’ azzjoni sabiex
tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u
l-evażjoni tat-taxxa (COM(2012 722 finali tas-6.12.2012), l-Istati Membri
jistgħu biss jindirizzaw il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa
b’mod effettiv jekk jaħdmu flimkien. It-titjib tal-kooperazzjoni
amministrattiva bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri huwa
għalhekk l-objettiv ewlieni tal-istrateġija tal-Kummissjoni f’dan
il-qasam. Ir-rapport enfasizza l-oqsma fejn il-kooperazzjoni
amministrattiva għad tista' tiġi intensifikata billi jsir aktar
użu tal-possibiltajiet imtejba offruti mir-Regolament 904/2010: · b’mod ġenerali, għandu jkun hemm tweġiba aktar malajr
għal talbiet għal informazzjoni, peress li d-dewmien
fit-tweġibiet huwa kwistjoni kritika; · xi Stati Membri għadhom iżommu lura milli jipparteċipaw
fl-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar persuni taxxabbli mhux stabbiliti
u mezzi ġodda ta’ trasport, minkejja li jikkunsidraw l-informazzjoni utli
ħafna. Dan huwa problematiku ħafna u għalhekk il-Kummissjoni
għandha l-ħsieb li ssaħħaħ il-monitoraġġ
mill-qrib tal-iżviluppi f’dan il-qasam; · il-feedback mogħti spontanjament jew fuq talba, huwa
approċċ li għandu jiġi inkuraġġit fil-kuntest ta’
kooperazzjoni tajba u tal-aħjar prattiki, billi dan huwa l-aħjar mod
kif l-uffiċjali tat-taxxa jiġu infurmati li xogħolhom kien (sa
ċertu punt) ta’ benefiċċju; · l-Istati Membri jridu jippromwovu l-parteċipazzjoni f’inkjesti
amministrattivi billi jagħmlu użu minn dispożizzjonijiet legali
eżistenti fir-Regolament. Din hija għodda utli ħafna, li
nżammet fir-Regolament rivedut, u għalhekk hija ħasra li ftit li
xejn qed isir użu minn din l-għodda mill-Istati Membri; · il-kontrolli multilaterali wrew l-utilità tagħhom. Madankollu,
jidher li l-Istati Membri għamlu anqas użu minnhom f’dawn
l-aħħar żminijiet. Impenn imġedded mill-Istati Membri dwar
il-MLCs huwa meħtieġ, u l-ostakli għall-kontrolli multilaterali
identifikati f’dan ir-rapport iridu jintgħelbu; · l-awditi konġunti huma strument li għandu jiġi
żviluppat aktar permezz tal-Grupp tal-Proġett Fiscalis abbażi
tal-esperjenza miksuba fil-proġett pilota stabbilit mill-Pajjiżi
l-Baxxi u r-Renju Unit. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se
tieħu l-inizjattiva li tipprovdi bażi legali sabiex tuża
l-għodda fil-livell tal-UE; · fi ħdan il-Eurofisc, l-analiżi komuni tar-riskju u
l-mekkaniżmu ta’ rispons effettiv se jkunu reazzjoni xierqa
għall-ħtieġa ta' aktar tagħrif immirat disponibbli, u
sabiex isir aktar użu mill-informazzjoni li hija diġà disponibbli
fin-netwerk. Dan jippermetti wkoll biex in-netwerk ikompli jtejjeb ir-rwol
tal-amministrazzjonijiet fiskali li jirreaġixxu mill-ewwel kontra l-frodi
tal-VAT transfruntieri; · approċċ ikkoordinat f'livell ta' UE biex tiġi stabbilita
kooperazzjoni amministrattiva ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-VAT jista'
jkun tweġiba għall-mod diffferenti ta' kif l-Istati Membri attwalment
jagħmlu l-arranġamenti ta' kuntatti tagħhom ma’ pajjiżi
terzi. Il-Kummissjoni, fi żmien qasir, se tissottomenti proposta biex
tikiseb l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill sabiex tibda negozjati ma’ ċerti
pajjiżi terzi dwar ftehim bilaterali marbut mal-kooperazzjoni amministrattiva
fil-qasam tal-VAT. Il-Kummissjoni tista’ tgħin sabiex titwitta
t-triq għall-kooperazzjoni amministrattiva effettiva bejn l-Istati Membri,
sabiex jintgħelbu l-frodi tal-VAT. Hija lesta tappoġġja kull
inizjattiva li ttejjeb il-kooperazzjoni kif ukoll tieħu azzjoni legali
kull meta jiġi ppruvat li din hija meħtieġa. Madankollu, l-Istati Membri jridu juru r-rieda
politika meħtieġa li se jsegwu din il-linja. Iridu jagħmlu
l-isforzi meħtieġa f'livell nazzjonali sabiex itejbu l-funzjonament
prattiku tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva, sabiex
jieħdu l-benefiċċji kollha ta’ dawn l-għodod. Il-kooperazzjoni transfruntiera hija
tabilħaqq l-uniku rispons adegwat kontra l-frodi transfruntieri tal-VAT, u
jeħtieġ li l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi skont
il-prijorità, fil-klima ekonomika diffiċli attwali. Il-Kummissjoni hija
konvinta li huwa biss permezz tal-użu sħiħ ta’ dawn
l-għodod flimkien ma’ biżżejjed riżorsi li jkunu
disponibbli f'livell domestiku li t-telf għall-erarji nazzjonali
bħala riżultat tal-frodi tal-VAT jista' jitnaqqas. Il-Kummissjoni se tħejji rapport dwar
il-progress li sar mill-Istati Membri fl-oqsma identifikati f’dan ir-rapport.
Minħabba s-serjetà tal-problema tal-frodi tal-VAT, mhux se tistenna biss
li tagħti r-rapport li jmiss fi tmiem l-2018, iżda għandha
l-intenzjoni li tagħti sal-aħħar tal-2015 evalwazzjoni
tas-sitwazzjoni attwali lill-SCAC, li tkun tiffoka fuq l-isforzi magħmula
mill-Istati Membri sabiex jegħlbu n-nuqqasijiet elenkati f’dan ir-rapport
u sabiex ikomplu jtejbu l-kooperazzjoni transfruntiera fil-qasam tal-VAT. [1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Strateġija
kkoordinata biex tittejjeb il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fl-UE,
COM(2008)807 finali, 1.12.2008. [2] COM(2011) 851, 6.12.2011. [3] Sebgħa u għoxrin (27) Stat Membru wieġbu
għall-kwestjonarju li ntbagħat mal-ittra 1763918 tad-19.12.2012 [4] RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT
EWROPEW dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003
dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur
miżjud, COM (2009) 428 finali tat-18.8.2009. [5] Ara d-Dokument ta’ Ħidma Nru 562 tal-SCAC. [6] ĠU L 29, 1.2.2012, p13 [7] Ir-Rapport speċjali tal-ECA 08/2007, ĠU
C 20, 25.1.2008, Kapitolu 51 [8] Il-grupp tal-proġett Fiscalis 43 “L-iskambju ta’
informazzjoni u l-ħtieġa għal feedback” [9] Il-grupp tal-proġett Fiscalis 84 “L-MLCs fil-qasam
tad-dazji tas-sisa” [10] Ir-rapport tal-awditu konġunt, OECD, FTA,
Settembru 2010