KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Li tindirizza l-konsegwenzi tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot taċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu /* COM/2014/033 final */
1. Introduzzjoni Il-possibbiltà għaċ-ċittadini
li jesprimu r-rieda politika tagħhom billi jeżerċitaw id-dritt
tagħhom għall-vot, li huwa wieħed mid-drittijiet politiċi
fundamentali taċ-ċittadinanza, hija parti min-nisġa
tad-demokrazija stess. L-Unjoni Ewropea nnifisha hija bbażata fuq il-valur
tar-rispett għad-demokrazija[1].
Kull cittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja
demokratika tal-Unjoni[2].
Il-Kummissjoni tqis bħala prijorità li tħeġġeġ
il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja demokratika
tal-Unjoni[3].
Id-drittijiet politiċi taċ-ċittadini tal-UE kienu prominenti
matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, iddedikata
għall-promozzjoni ta' dibattitu u s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet
u r-responsabbiltajiet li jiġu maċ-ċittadinanza tal-UE. Wieħed mill-ostakli li jħabbtu
wiċċhom miegħu ċ-ċittadini tal-UE minn ċerti
Stati Membri bħala atturi politiċi fl-Unjoni, identifikat fir-Rapport
tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE[4],
hija li jitilfu d-dritt li jivvutaw (“jitneħħielhom id-dritt għall-vot”)
fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom
ladarba jkunu residenti f'pajjiż ieħor għal ċertu perjodu
ta’ żmien, anke meta jkunu residenti fi Stat Membru ieħor. Bħala
konsegwenza, dawn iċ-ċittadini ma jkunux jistgħu
jipparteċipaw fl-elezzjonijiet nazzjonali, la fl-Istat Membru ta’
oriġini u lanqas fl-Istat Membru ta’ residenza. Skont l-Artikolu 4(2) tat-TUE, l-Unjoni
għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti
fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom.
Għalhekk, hija kwistjoni għal kull Stat Membru, filwaqt li jiġi
rispettat il-valur tar-rispett għad-demokrazija, komuni għall-Istati
Membri kollha, li jiddeċiedi huwa biss dwar il-kompożizzjoni tal-elettorat
għall-elezzjonijiet nazzjonali tiegħu. Madankollu, irid jitqies li l-politiki
nazzjonali li jwasslu għat-tneħħija tad-dritt għall-vot
liċ-ċittadini jistgħu jitqiesu li jillimitaw it-tgawdija
tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE, bħad-dritt
tal-libertà ta' moviment u ta' residenza fl-UE, li huwa dritt fundamentali ta’
kull ċittadin tal-UE. Dan imur
kontra l-premessa kostituttiva taċ-ċittadinanza tal-UE,
jiġifieri li din tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u li
hija mfassla biex tagħti drittijiet addizzjonali liċ-ċittadini
tal-UE, filwaqt li f’dan il-każ l-eżerċizzju tad-dritt
tal-moviment liberu jista’ jwassal għal telf ta’ dritt ta’
parteċipazzjoni politika. Politiki bħal dawn imorru kontra x-xejra
globali kurrenti li ċittadini mhux residenti jitħallew jivvutaw.[5] Barra minn hekk,
iċ-ċittadini tal-UE residenti fi Stat Membru ieħor jistgħu
jżommu rabtiet mill-qrib matul ħajjithom mal-pajjiż ta'
oriġini tagħhom u jkomplu jiġu direttament milquta minn atti
adottati mil-leġiżlatura hemmhekk (pereżempju ħlas ta'
taxxi, drittijet għall-pensjoni). B’mod partikulari,
l-aċċess mifrux għal xandiriet televiżivi bejn il-fruntieri[6] u d-disponibbiltà
tal-internet u teknoloġiji ta’ komunikazzjoni mobbli oħra
bbażati fuq l-internet, inkluża l-midja soċjali, jagħmluha
aktar faċli minn qatt qabel li wieħed jibqa' f'kuntatt mal-politika
lokali barra mill-pajjiż u li jieħu sehem fl-iżviluppi
soċjali u politiċi hemmhekk. Il-petizzjonijiet rikorrenti, il-mistoqsijiet
mill-Membri tal-Parlament Ewropew u l-korrispondenza mill-pubbliku
ġenerali jiżvelaw li ċ-ċittadini tal-UE huma
kkonċernati b’dak li huma jqisu bħala nuqqas fid-drittijiet
politiċi tagħhom. Ġeneralment, l-Ewropej jaħsbu li
ċ-ċittadini tal-UE ma għandhomx jitilfu d-dritt tagħhom li
jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali fil-pajjiż ta' nazzjonalità
tagħhom sempliċement minħabba li jkunu marru jgħixu
f’pajjiż ieħor tal-UE[7]. Għal dawn ir-raġunijiet, —
fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-2010 — il-Kummissjoni
ħabbret li se tniedi diskussjoni biex tidentifika l-għażliet
politiċi biex tevita li ċ-ċittadini tal-UE jitilfu d-drittijiet
politiċi tagħhom minħabba li jeżerċitaw id-dritt
tagħhom għal moviment liberu (l-azzjoni 20). Bħala segwitu, il-Kummissjoni kitbet lil
ċerti Stati Membri, u spjegat il-fehmiet tagħha dwar l-impatt
negattiv fuq id-drittijiet tal-UE li jirriżulta mit-tneħħija
tad-drittijiet għall-vot u staqsiet għall-kontribuzzjonijiet
tagħhom għal riflessjoni komuni dwar is-suġġett.
It-tweġibiet ipprovdew kjarifiki dwar il-liġijiet u l-politiki
kurrenti u dwar dibattiti fil-livell nazzjonali. Fid-19 ta’ Frar 2013,
il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni flimkien organizzaw smigħ
konġunt dwar iċ-ċittadinanza tal-UE. Il-parteċipanti,
fosthom iċ-ċittadini affettwati tal-UE, ir-rappreżentanti tas-soċjetà
ċivili, il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-esperti enfasizzaw
il-ħtieġa li jiġu vvalutati mill-ġdid il-politika
eżistenti li jneħħu d-drittijiet għall-vot
liċ-ċittadini — u l-ġustifikazzjonijiet li huma bbażati
fuqhom — fid-dawl tal-iżviluppi kurrenti lejn parteċipazzjoni
demokratika aktar inklużiva fl-UE. Fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza
tal-UE tal-2013 "Ċittadini tal-UE: id-drittijiet tagħkom,
il-futur tagħkom"[8]
il-Kummissjoni enfasizzat li l-parteċipazzjoni sħiħa
taċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja demokratika tal-UE fil-livelli
kollha hija l-essenza taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Għaldaqstant,
hija ħabbret li kienet se tipproponi modi kostruttivi biex tippermetti
liċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor sabiex
jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja demokratika tal-UE billi
jżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali
fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom (l-azzjoni 12). Din il-Komunikazzjoni tagħti effett lil
dan l-impenn. Hija tibbaża fuq ir-riżultat ta’ dibattiti kontinwi
fil-livell nazzjonali u tal-UE, li jinvolvu s-soċjetà ċivili, l-akkademiċi
u ċ-ċittadini tal-UE infushom. Hija għandha l-għan li
tissuġġerixxi modi kostruttivi biex issaħħaħ id-dritt
taċ-ċittadini tal-UE li jipparteċipaw f'ħajja demokratika
tal-Unjoni u d-dritt tagħhom għal moviment liberu, billi tillimita
l-konsegwenzi fuq il-politiki, miżuri u prattiki amministrattivi
nazzjonali ta’ tneħħija tad-drittijiet għall-vot, li
għandhom jiġu esplorati f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Din
il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn Rakkomandazzjoni li tipproponi
soluzzjonijiet inklużivi u proporzjonali għal dan l-għan. 2. Is-Sitwazzjoni Attwali
fl-Istati Membri Ħafna
mill-Istati Membri għandhom regoli li jċaħħdu
liċ-ċittadini mid-drittijiet għall-vot tagħhom għal
raġunijiet ta’ kundanni kriminali għal offiżi serji jew
għal raġunijiet ta’ telf ta’ kapaċità ġuridika marbutin ma’
problemi ta’ saħħa mentali u persuni b’diżabilitajiet
intellettwali. Skont l-informazzjoni disponibbli
għall-Kummissjoni, f'ħames Stati Membri r-reġimi legali li huma
attwalment applikabbli jistgħu jwasslu għal sitwazzjoni fejn
iċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stati Membri oħrajn
jistgħu jitilfu d-dritt tagħhom għall-vot sempliċiment fuq
il-bażi li huma ilhom residenti barra mill-pajjiż għal ċertu
perjodu ta’ żmien.[9]
Il-karatteristiċi ewlenin ta' dawn ir-reġimi jistgħu jitqassru
kif ġej: Fid-Danimarka, iċ-ċittadini
Daniżi li jħallu l-pajjiż jitħallew jibqgħu
fir-reġistru elettorali jekk huma jirreġistraw l-intenzjoni
tagħhom li jirritornaw fi żmien sentejn[10] — regola li
tirrifletti r-rekwiżit minqux fil-Kostituzzjoni ta’ residenza permanenti
bħala prekundizzjoni għal votazzjoni fl-elezzjonijiet nazzjonali.[11] Xi votanti[12] jitqiesu li
għandhom residenza permanenti fid-Danimarka irrispettivament minn jekk
jgħixux barra mill-pajjiż. Bl-istess mod, iċ-ċittadini Irlandiżi
li jitilqu mill-Irlanda huma permessi li jibqgħu fir-reġistru
elettorali biss jekk huma jirreġistraw l-intenzjoni tagħhom li
jirritornaw fi żmien 18-il xahar[13].
Madankollu, fil-kuntest tal-pjan tagħha għal riforma kostituzzjonali,
fl-2013 il-Konvenzjoni Kostituzzjonali tal-Irlanda eżaminat il-kwistjoni
li tneħħi din il-limitazzjoni u ssuġġeriet, fir-rapport
tagħha sottomess lill-Gvern Irlandiż
fil-25 ta’ Novembru 2013[14],
li tagħti liċ-ċittadini Irlandiżi d-dritt għall-vot
fl-ambaxxati Irlandiżi għall-elezzjonijiet presidenzjali
mingħajr din il-limitazzjoni. Il-Gvern Irlandiż huwa mistenni li
jippubblika t-tweġiba tiegħu għar-rapport f’Marzu 2014. Iċ-ċittadini Ċiprijotti jitilfu
d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali jekk ma jkunux residenti
f’Ċipru matul is-sitt xhur immedjatament qabel dawn l-elezzjonijiet,
sakemm ma jkunux residenti barra minn pajjiżhom għax ikunu qed
jistudjaw jew jaħdmu temporanjament hemm, jew għal raġunijiet
ta’ saħħa[15]. Skont il-Kostituzzjoni Maltija,
iċ-ċittadini Maltin jitilfu d-dritt tagħhom li jivvutaw jekk ma
jkunux residenti hemmhekk għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur f’perjodu
ta’ tmintax-il xahar immedjatament qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom li
jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali[16]. Iċ-ċittadini Brittaniċi jitilfu
d-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet parlamentari tar-Renju Unit jekk ma jkunux
ġew irreġistrati biex jivvutaw b'indirizz fir-Renju Unit f'xi
ħin fil-15-il sena preċedenti[17].
Matul dawn l-aħħar snin, il-gvernijiet u l-parlamenti
suċċessivi qiesu li, fil-prinċipju, din ir-restrizzjoni hija
meħtieġa u ġustifikata. Din ir-restrizzjoni kienet ikkontestata
quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li, skont
il-ġurisprudenza preċedenti, ma ħassitx li kien kuntrarju
għall-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea
dwar id-Drittijiet tal-Bniedem[18].
Il-kompatibbiltà ta' din ir-regola għadha ma ġietx stabbilita
mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[19]. Ftit Stati Membri jimponu ċerti
kundizzjonijiet oħrajn biex iżommu d-dritt li jivvutaw
fl-elezzjonijiet nazzjonali. Iċ-ċittadini
Ġermaniżi residenti barra mill-pajjiż huma eliġibbli li
jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali sakemm dawn jissodisfaw waħda
mill-kunidizzjonijiet li ġejjin: i) li kienu residenti fil-Ġermanja għal
perjodu mhux interrott ta' mill-inqas tliet xhur wara li jkunu għalqu
l-erbatax-il sena u dan il-perjodu ma jmurx lura aktar minn 25 sena; jew
ii) li jkunu familjari, personalment u direttament, mas-sitwazzjoni politika
fil-Ġermanja u jkunu affettwati minnha[20]. Il-liġi Awstrijaka[21] teħtieġ
liċ-ċittadini li japplikaw qabel ma jħallu l-pajjiż sabiex
jibqgħu rreġistrati fir-reġistru elettorali u biex iġeddu
din l-applikazzjoni kull għaxar snin, — tiġdid li jista’ jsir b’mezzi
elettroniċi. L-awtoritajiet huma obbligati li jagħmlu
liċ-ċittadini li jgħixu barra mill-pajjiż konxji
mit-tneħħija tagħhom mir-reġistru elettorali u
jiżguraw il-pubbliċità dwar id-dritt taċ-ċittadini barra
mill-pajjiż biex jirreġistraw fir-reġistru.
3. Il-Perspettiva tal-Kunsill
tal-Ewropa L-Istati għandhom id-dritt sovran li
jiddeterminaw, b’konformità man-normi internazzjonali li huma marbutin bihom,
il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju miċ-ċittadini
tagħhom tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali, inklużi
l-kundizzjonijiet li jeħtieġu residenza fil-pajjiż. Il-Qorti
Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ivvalutat tali kundizzjonijiet ta’ residenza
fid-dawl tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 għall-Konvenzjoni
Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem[22]
u aċċettat, fil-każijiet kollha li eżaminat s’issa, li
fil-prinċipju, mhumiex restrizzjoni arbitrarja tad-dritt għall-vot[23]. Il-Qorti elenkat
il-fatturi li jistgħu jiġġustifikaw dawn il-kundizzjonijiet:[24] ·
is-suppożizzjoni li ċittadin li mhuwiex
residenti huwa inqas direttament jew kontinwament ikkonċernat bil-problemi
ta' kuljum tal-pajjiż u għandu anqas għarfien minnhom; ·
li ma jkunx prattikabbli għall-kandidati li
jippreżentaw il-kwistjonijiet liċ-ċittadini barra minn
pajjiżhom u li dawn tal-aħħar ma għandhom l-ebda influwenza
fuq l-għażla tal-kandidati jew fuq il-formulazzjoni tal-programmi
elettorali tagħhom; ·
ir-rabta mill-qrib bejn id-dritt għall-vot
fl-elezzjonijiet parlamentari u li jiġu affettwati direttament mill-atti
ta’ korpi politiċi eletti; u ·
it-tħassib leġittimu li tiġi
llimitata l-influwenza fl-elezzjonijiet ta’ ċittadini li jgħixu barra
mill-pajjiż fuq kwistjonijiet li, avolja huma fundamentali, primarjament
jaffettwaw persuni li jgħixu fil-pajjiż. Madankollu, dawn il-ġustifikazzjonijiet
għandhom jitqiesu kontra l-prinċipji li jsaħħu
l-parteċipazzjoni politika. Kif rikonoxxut mill-Qorti Ewropea
tad-Drittijiet tal-Bniedem, "Id-dritt għall-vot mhuwiex
privileġġ. Fis-seklu 21, is-suppożizzjoni fi Stat
demokratiku trid issir favur l-inklużjoni [...] Kwalunkwe tbegħid
ġenerali, awtomatiku u indiskriminat mill-prinċipju tal-vot
universali għandi r-riskju li jimmina l-validità demokratika
tal-leġiżlatura eletta b'dan il-mod u l-liġijiet li
tippromulga.”[25] Skont il-Kummissjoni Ewropea
għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja), fejn hemm
limitu ta’ żmien stabbilit għaż-żamma tad-dritt
għall-vot wara li ċittadin jemigra, huwa preferibbli li s-sitwazzjoni
tiġi "kkunsidrata mill-ġdid” mal-iskadenza tal-perjodu minfolk
ma d-dritt għall-vot purament u sempliċement jintilef. L-Istati
jistgħu jpoġġu ċerti restrizzjonijiet formali fuq
id-drittijiet għall-vot taċ-ċittadini residenti barra
mill-pajjiż, bħar-rekwiżit li jirreġistraw fuq
reġistru elettorali, li normalment jibqa’ validu biss għal perjodu
limitat. Dan jippermetti l-esklużjoni ta' persuni bla ebda rabtiet
mal-pajjiż ta' oriġini filwaqt li jirrispetta l-prinċipju
tal-proporzjonalità[26]. Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea
tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat l-eżistenza ta’ xejra kurrenti li
ċ-ċittadini li mhumiex residenti jitħallew jivvutaw. Hi u
tirrevedi l-liġijiet tal-Istati li huma membri tal-Kunsill tal-Ewropa,
il-Qorti sabet li “l-qawmien ta' teknoloġiji ġodda u trasport
orħos ippermetta li l-migranti jżommu livell ogħla ta’ kuntatt
mal-Istat ta' nazzjonalità tagħhom milli kien ikun possibbli għal
ħafna migranti erbgħin, anke tletin, sena ilu. Dan wassal għal
għadd ta' Stati […] li jemendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom
biex jippermettu għall-ewwel darba lil dawk li mhumiex residenti li jivvutaw
fl-elezzjonijiet nazzjonali." Għaldaqstant, hija kkonkludiet li hemm
xejra ċara favur il-permess għall-vot għaċ-ċittadini
li mhumiex residenti, anke jekk għadu ma jeżisti l-ebda
approċċ Ewropew komuni[27]. 4. Il-Kuntest tal-UE Kif il-Qorti tal-Ġustizzja
ddeċidiet, meta kwistjoni taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri –
bħad-definizzjoni tal-għamla tal-elettorat għall-elezzjonijiet
nazzjonali – l-Istati Membri xorta jridu jeżerċitaw dik il-kompetenza
skont il-liġi tal-UE, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat
dwar id-dritt ta’ kull ċittadin tal-UE li jiċċaqlaq u jgħix
liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u għaldaqstant jevita kull
diskriminazzjoni ċara jew moħbija fuq il-bażi tan-nazzjonalità[28]. F’dan ir-rigward, il-Qorti, pereżempju,
irrikonoxxiet, fir-rigward tal-elezzjonijiet Ewropej, li kriterju marbut
mar-residenza fil-prinċipju mhuwiex xieraq biex jiddetermina min
għandu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat,
filwaqt li għamlitha ċara li dan il-kriterju ma għandux
jirriżulta fi ksur tal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-UE,
b’mod partikulari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni[29]. Il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar
il-kompożizzjoni tal-elettorat għall-elezzjonijiet huma differenti.
Billi, bħalissa, l-ebda Stat Membru ma għandu politika ġenerali
li tagħti liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn residenti
fit-territorju tiegħu d-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali[30],
iċ-ċittadini tal-UE li jitneħħielhom id-dritt
għall-vot normalment jispiċċaw mingħajr dritt li jivvutaw
fl-elezzjonijiet nazzjonali f'kull Stat Membru. Madankollu, billi l-Unjoni
għadha ma użatx il-possibbiltà tal-Artikolu 25 tat-TFUE li
tikkumplimenta l-lista ta' drittijiet li jgawdu minhom iċ-ċittadini
tal-Unjoni, il-liġi tal-UE ma tistax tiggarantixxi lil ċittadin tal-UE
li trasferiment tar-residenza tiegħu lejn Stat Membru ieħor se tkun
kompletament newtrali fir-rigward tad-dritt tiegħu li jivvota
fl-elezzjonijiet nazzjonali.[31]
Madankollu, din is-sitwazzjoni tista’
tirriżulta fi tfixkil mit-tgawdija sħiħa tad-drittijiet u
l-benefiċċji li ġġibilhom iċ-ċittadinanza tal-UE
fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. L-ewwel nett, is-sitwazzjoni attwali tista'
tinħass inkompatibbli mal-premessa kostituttiva taċ-ċittadinanza
tal-UE. Skont l-Artikolu 20 tat-TFUE, l-istatus
taċ-ċittadinanza tal-Unjoni jiżdied
maċ-ċittadinanza nazzjonali u mhux jissostitwixxiha. Id-drittijiet
ewlenin marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE għandhom jingħataw
liċ-ċittadini tal-UE flimkien ma' dawk li ġejjin
miċ-ċittadinanza nazzjonali tagħhom. Wieħed ma għandux
jistenna li l-eżerċizzju tad-drittijiet marbut
maċ-ċittadinanza tal-Unjoni jirriżulta mit-telf tad-dritt
għall-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali, li huwa ġeneralment marbut
maċ-ċittadinanza nazzjonali. It-tieni, politiki nazzjonali
tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot jistgħu jinfluwenzaw
il-mod kif iċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw id-dritt
tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju
tal-Istati Membri. Pereżempju, dawn iċ-ċittadini
jistgħu jqisu li ma jiddikjarawx iċ-ċaqliq tagħhom
lill-awtoritajiet amministrattivi sabiex jiżguraw li ma jitilfux
id-drittijiet politiċi tagħhom fil-pajjiż ta' oriġini
tagħhom. It-tielet, il-politiki
tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot iwasslu għal nuqqas
fid-drittijiet politiċi taċ-ċittadini tal-UE kkonċernati li
huwa inkonsistenti mal-isforzi biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni
taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Għalkemm iċ-ċittadini tal-UE li
jitneħħewlhom id-drittijiet għall-vot iżommu d-dritt li
jeleġġu l-membri tal-Parlament Ewropew, dawn ma għandhomx
id-dritt li jipparteċipaw fil-proċessi nazzjonali li jwasslu
għall-kompożizzjoni tal-gvernijiet nazzjonali, li l-Membri
tagħhom jiffurmaw il-Kunsill, il-koleġiżlatur l-ieħor
tal-Unjoni, u dan huwa inkonsistenti mal-isforzi biex jittejbu
l-kundizzjonijiet għall-involviment taċ-ċittadini fl-isfera
pubblika nazzjonali u Ewropea. Għal dawn ir-raġunijiet,
il-Kummissjoni ssuġġeriet xi għażliet li jikkontribwixxu
għat-tnaqqis tar-riskju ta' tneħħija tad-drittijiet
għall-vot taċ-ċittadini tal-UE li sempliċiment jagħmlu
użu mid-dritt tagħhom għal moviment liberu. Dawn l-għażliet huma mingħajr
preġudizzju għar-rwol tal-Kummissjoni bħala l-gwardjana
tat-Trattati u għar-regoli tat-Trattat dwar id-dritt għall-moviment
liberu taċ-ċittadini tal-UE, kif interpretati mill-Qorti
tal-Ġustizzja. 5. Għażliet
biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tneħħija tad-drittijiet
għall-vot 5.1. Għażliet
mhux xierqa minn perspettiva tal-UE Waħda mill-għażliet imressqa
f’dawn l-aħħar snin biex tirrimedja t-telf tad-drittijiet
politiċi fil-pajjiż ta’ oriġini hija n-naturalizzazzjoni
fil-pajjiż ta’ residenza, li twassal għall-akkwist tad-drittijiet
politiċi hemmhekk. Madankollu, il-promozzjoni tan-naturalizzazzjoni
fil-pajjiż ospitanti bħala mezz biex jiżdiedu d-drittijiet
politiċi tikkontradixxi r-rwol taċ-ċittadinanza tal-UE
bħala l-mezz primarju għall-promozzjoni tar-rispett
għall-identità nazzjonali u d-diversità, u tiżgura l-ugwaljanza
tat-trattament irrispettivament min-nazzjonalità. Barra minn hekk, din
l-għażla ma tikkunsidrax il-kumplessità tal-mobilità fl-UE.
L-individwi jistgħu jgħixu f’diversi pajjiżi għal perjodi
itwal jew iqsar— eventwalment anke jirritornaw lejn il-pajjiż ta'
oriġini tagħhom. Huma ma jistgħux ikunu mistennija jakkwistaw
nazzjonalitajiet multipli jew suċċessivi biex iżommu
d-drittijiet politiċi biss. Għażla oħra, notevolment
promossa mill-akademiċi[32],
tkun li jitwaqqaf djalogu strutturat jew metodu miftuħ ta' koordinazzjoni
biex l-Istati Membri jitħeġġu jiżguraw ir-rikonoxximent
reċiproku — fuq bażi bilaterali jew multilaterali — tad-drittijiet
għall-vot għaċ-ċittadini tagħhom li jgħixu fi
Stati Membri oħrajn (speċjalment pajjiżi tal-viċinat jew
dawk li jkollhom rabtiet b'saħħithom magħhom). Madankollu, dan
l-approċċ jirriżulta fi frammentazzjoni u drittijiet
għall-vot asimetriċi għaċ-ċittadini tal-UE madwar l-UE[33]. 5.2. Soluzzjonijiet
xierqa fil-qafas tal-UE 5.2.1. Soluzzjonijiet proporzjonati
ta' terminu qasir Ir-regoli li bħalissa huma applikabbli
f'ċerti Stati Membri huma bbażati fuq il-preżunzjoni li li tkun
residenti barra mill-pajjiż għal tul ta' żmien partikulari
jfisser li l-konnessjoni mal-proċess politiku fil-pajjiż ta'
oriġini tagħhom tkun intilfet. Madankollu, din il-preżunzjoni
mhijiex korretta f’kull każ individwali. Għaldaqstant, jista’ jkun
xieraq li ċ-ċittadini b'riskju li jitneħħielhom id-dritt
għall-vot jinagħataw il-possibbiltà li juru l-interess kontinwu
tagħhom fil-ħajja politika fl-Istat Membru li tiegħu huma
ċittadini. Illum jeżistu possibbiltajiet għal
ċittadini tal-UE sabiex jibqgħu konnessi mal-ħajja politika
fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u x-xejriet kurrenti huma lejn
aktar strateġiji inklużivi għall-parteċipazzjoni politika.
Flimkien mal-importanza ewlenija tad-dritt għall-moviment liberu fl-UE,
din turi li għandhom jitpoġġew fis-seħħ soluzzjonijiet
proporzjonati ta' terminu qasir. Dawn għandhom jagħtu s-setgħa
liċ-ċittadini tal-UE biex jiddeċiedu huma stess
is-saħħa tar-rabtiet li jżommu mal-pajjiż ta’ oriġini. Fir-rigward ta’ kriterji xierqa li jagħtu
evidenza ta’ dawn ir-rabtiet, azzjoni pożittiva min-naħa
tal-individwi bħall-applikazzjoni tagħhom li jibqgħu
reġistrati fir-reġistru elettorali għandha titqies
biżżejjed għal dan l-għan – u jidher li tkun l-aktar
soluzzjoni sempliċi u l-anqas waħda skomda
għaċ-ċittadini stess. L-Istati
Membri li jillimitaw id-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom li
jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi esklużiva ta'
kundizzjoni ta’ residenza għandhom jippermettu liċ-ċittadini
tagħhom li jużaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’
residenza fl-Unjoni Ewropea li jżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw
jekk juru interess kontinwu fil-ħajja politika fl-Istat Membru li
tiegħu huma ċittadini, inkluż permezz ta’ applikazzjoni biex
jibqgħu rreġistrati fir-reġistru elettorali. Il-possibbiltà li ċ-ċittadini
jintalbu applikazzjoni biex jibqgħu reġistrati fir-reġistru
elettorali għandha tkun mingħajr preġudizzju
għall-possibbiltà li l-Istati Membri jitolbu liċ-ċittadini tagħhom
li jġeddu dawn l-applikazzjonijiet f'intervalli xierqa, b'hekk
jikkonfermaw il-persistenza ta' dan l-interess.[34] F'każijiet
fejn l-Istati Membri jippermettu liċ-ċittadini tagħhom residenti
fi Stat Membru ieħor li jżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw
fl-elezzjonijiet nazzjonali permezz ta’ applikazzjoni biex jibqgħu
rreġistrati fir-reġistru elettorali, dawn l-Istati Membri
jistgħu jwaqqfu arranġamenti proporzjonati ta’ akkumpanjament,
bħal applikazzjoni mill-ġdid f’intervalli xierqa. Biex jiġi mminimizzat il-piż
għal ċittadini barra minn pajjiżhom, is-sottomissjoni
tal-applikazzjonijiet tagħhom li jirreġistraw jew li jibqgħu
reġistrati fir-reġistri elettorali għandha tkun possibbli
permezz ta’ mezzi elettroniċi. L-Istati
Membri li jippermettu liċ-ċittadini tagħhom residenti fi Stat
Membru ieħor li jżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw
fl-elezzjonijiet nazzjonali permezz ta’ applikazzjoni jew ta’ applikazzjoni
mill-ġdid biex jibqgħu rreġistrati fir-reġistru elettorali
għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet rilevanti kollha jistgħu
jiġu sottomessi b'mod elettroniku. Fl-aħħar nett, huwa importanti li
tiġi żgurata informazzjoni xierqa dwar iċ-ċittadini li
jiċċaqalqu lejn jew li huma residenti fi Stat Membru ieħor dwar
il-kundizzjonijiet biex iżommu d-drittijiet tal-vot tagħhom. Din
l-informazzjoni tista’ tkun disponibbli f’fuljetti, xandiriet u informazzjoni
mmirata minn konsulati, ambaxxati u organizzazzjonijiet ta’ espatrijati. L-Istati
Membri li jipprovdu għat-telf tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet
nazzjonali miċ-ċittadini tagħhom residenti fi Stat Membru
ieħor għandhom jinfurmawhom b’mezzi xierqa u b'mod f'waqtu dwar
il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti prattiċi biex iżommu d-dritt
tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali. Viżjoni
ta' terminu itwal Din ir-riflessjoni dwar it-tisħiħ
tal-parteċipazzjoni politika taċ-ċittadini tal-UE billi
jiġu trattati l-konsegwenzi tat-tneħħija tad-drittijiet
għall-vot ma għandhiex tipprevjeni riflessjoni ta' terminu itwal dwar
kif jiġi rimedjat in-nuqqas fil-parteċipazzjoni għaċ-ċittadini
tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-livell
nazzjonali u, fejn rilevanti, dak reġjonali. Fil-fatt, l-għoti
tad-drittijiet għall-vot fil-pajjiż ospitanti hija ppreżentata
f’dibattiti kurrenti anke bħala kontribut lejn it-titjib tal-parteċipazzjoni
politika ta’ ċittadini tal-UE li tneħħewlhom id-drittijiet
għall-vot li jispiċċaw mingħajr dritt li jivvutaw
fl-elezzjonijiet nazzjonali f'kull parti tal-UE. B’mod ċar, din hija kwistjoni ħafna
usa', — waħda li tikkontribwixxi biex jingħata effett sħiħ
lid-dritt ta’ kull ċittadin li jipparteċipa fil-ħajja
demokratika tal-Unjoni, tagħti lok lil ċittadini mobbli tal-UE biex
jintegraw aħjar fil-pajjiż ospitanti tagħhom u
ssaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-UE. Kif imħabbar fir-Rapport tal-2013 dwar
iċ-Ċittadinanza tal-UE, huwa xieraq li tiġi eżaminata din
il-kwistjoni fil-kuntest tar-riflessjonijiet usa’ li jmiss dwar il-futur
tal-UE. 6. Konklużjoni Meta wieħed iqis id-djalogu politiku dwar
it-tneħħija tad-drittijiet għall-vot mal-partijiet interessati
rilevanti kollha, l-atturi istituzzjonali u s-soċjetà ċivili u
b’reazzjoni għall-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE infushom,
kif intqal fil-konsultazzjonijiet pubbliċi u d-Djalogi
maċ-ċittadini dwar il-futur tal-UE, il-Kummissjoni qed
tissuġġerixxi soluzzjonijiet xierqa. Ir-raġunament tal-politiki
kurrenti tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot għandu
jiġi vvalutat mill-ġdid fid-dawl tar-realtajiet
soċjoekonomiċi u teknoloġiċi, l-istat preżenti ta’
integrazzjoni Ewropea u x-xejriet kurrenti lejn parteċipazzjoni politika
inklużiva. Ir-rwol fundamentali taċ-ċittadinanza tal-UE huwa ta’
rilevanza f’dan ir-rigward biex jippermetti li ċ-ċittadini jiġu
trattati bħala membri ugwali u vvalutati tal-komunità, kemm
fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom kif ukoll fil-pajjiż ta’
residenza tagħhom. Din il-Komunikazzjoni tidentifika
soluzzjonijiet kostruttivi possibbli li hija tissuġġerixxi
lill-Istati Membri kkonċernati biex jesplorawhom. Fir-Rakkomandazzjoni li
takkumpanjaha, il-Kummissjoni tipproponi approċċi inklużivi u
proporzjonati lejn id-drittijiet politiċi taċ-ċittadini li
jeżerċitaw id-drittijiet ta’ moviment liberu tagħhom, fuq
il-bażi tal-premessa li dawn iċ-ċittadini għandu jkollhom
is-setgħa li jiddeterminaw huma stess jekk iżommux interess qawwi
fil-ħajja politika tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-iżviluppi
lejn l-indirizzar tal-konsegwenzi tat-tneħħija tad-drittijiet
għall-vot taċ-ċittadini tal-UE li jeżerċitaw id-dritt
tagħhom għal moviment liberu meta jirrappurtaw dwar il-progress lejn
iċ-ċittadinanza effettiva tal-UE. [1] L-Artikolu 2
tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). [2] L-Artikolu 10(3)
tat-TUE. [3] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Tħejjija
għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014: aktar titjib fit-twettiq demokratiku
u effiċjenti tagħhom" tat-12 ta' Marzu 2013
(COM(2013) 126) u Rakkomandazzjoni dwar "It-tisħiħ
tal-kondotta demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament
Ewropew" tat-12 ta' Marzu 2013 (C(2013) 1303). [4] COM(2010)603. [5] Is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem
tas-7 ta' Mejju 2013 fil-kawża Shindler v. ir-Renju
Unit, il-paragrafi 110 u 115. [6] Iffaċilitata bid-Direttiva 2010/13/UE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar
il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti
bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar
il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar
is-Servizzi tal-Midja awdjoviżiva), [7] Kważi żewġ terzi (65 %) tal-Ewropej
iqisu mhux ġustifikat li ċ-ċittadini tal-UE residenti
f’pajjiż tal-UE li mhux il-pajjiż ta' oriġini tagħhom
jitilfu d-drittijiet għall-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali:
L-istħarriġ tal-Ewrobarometru 2012 nru 364 dwar
"Id-drittijiet elettorali", http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_364_en.pdf. Din kienet il-fehma ta' proporzjon similment għoli ta’ dawk li
wieġbu (62 %) għal konsultazzjoni pubblika onlajn dwar
iċ-ċittadinanza tal-UE: Konsultazzjoni Pubblika tal-2012
"Ċittadini tal-UE — id-drittijiet tagħkom, il-futur
tagħkom", http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/report_eucitizenship_consultation_en.pdf. [8] COM(2013) 269. [9] Ċipru, id-Danimarka, l-Irlanda, Malta u r-Renju
Unit. [10] L-Artikolu 2(3) tal-Kapitolu I, il-Parti I,
tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Parlamentari Nru 271
tat-13 ta’ Mejju 1987, kif emendat l-aħħar fl-2009. [11] Il-paragrafu 29 tal-Parti IV tal-Att
Kostituzzjonali tal-5 ta’ Ġunju 1953. [12] Prinċipalment diplomatiċi, impjegati ta’
aġenziji pubbliċi jew kumpaniji privati, jew organizzazzjonijiet
internazzjonali jew organizzazzjonijiet Daniżi għall-għajnuna,
studenti li jistudjaw barra mill-pajjiż, jew persuni li jgħixu barra
mill-pajjiż għal raġunijiet ta’ saħħa. [13] L-Artikolu 11(3) lit a) tal-Parti II
tal-Att Elettorali Nru 23 tal-1992. [14] Il-Ħames Rapport sottomess lil Oireachtas huwa
disponibbli fuq https://www.constitution.ie/Default.aspx [15] L-Artikolu 5 tal-Att 72/1979 u
l-Artikolu 11 tal-Att 40/1980, kif emendat l-aħħar
bl-Att 4(i)/2003). [16] Il-paragrafu 57 tal-Kostituzzjoni, kif emendat
bl-Att LVIII.1974.23. [17] It-Taqsima 1(3) lit c) tal-Att dwar
ir-Rappreżentazzjoni tal-Poplu tal-1985, kif emendat mill-Att dwar
il-Partiti Politiċi u r-Referendum tal-2000. [18] Il-kawża Shindler, iċċitata hawn
fuq. [19] Din ir-regola ġiet ikkontestata
miċ-ċittadini quddiem il-qrati nazzjonali: dawn il-kontestazzjonijiet
kienu bla suċċess. Madankollu, s'issa, ma ġiet indirizzata
l-ebda mistoqsija preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. [20] L-Artikolu 1, il-21 Att li jemenda l-Att dwar
l-Elezzjonijiet Federali tas-27 ta’ April 2013, il-Gazzetta
tal-Liġi Federali I p. 962. Din il-liġi ġiet adottata
wara sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża li, wara li
vvalutat il-liġi nazzjonali applikabbli qabel, kienet iddeċidiet li
l-uniku kriterju preċedenti ta’ soġġorn ta’ tliet xhur fi
kwalunkwe żmien fil-Ġermanja bħala kundizzjoni għal
ċittadini mhux residenti li jżommu d-dritt għall-vot ma kienx
xieraq, fih innifsu, biex juri li l-persuni kkonċernati huma familjari
mas-sitwazzjoni politika nazzjonali u affettwati minnha. Minflok, il-Qorti
kienet għamlet enfasi, b’mod partikulari, fuq jekk il-persuni kinux
familjari mas-sistema politika mhux biss permezz ta’ informazzjoni miksuba
permezz ta’ midja moderna iżda anke b'mod dirett, pereżempju permezz
ta' sħubija ma' assoċjazzjonijiet jew partiti, u fuq jekk l-Istat
setax jimponi dazji fuqhom; Is-Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2012 (2
BvC 1/11 u 2 BvC 2/11, il-paragrafi 44, 45, 47, 50, 52, 56. [21] L-Artikoli 2(3) u 2a(1) tal-Att dwar ir-Reġistru
Elettorali 1973. [22] L-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 jagħti
d-dritt għal elezzjonijiet ħielsa billi jimponi fuq il-partijiet
kontraenti obbligu li “jżommu elezzjonijiet liberi f’intervalli xierqa
b’votazzjoni sigrieta, taħt kundizzjonijiet li jiżguraw l-espressjoni
libera tal-opinjoni tal-poplu fl-għażla tal-leġislatura". [23] L-aktar riċentement fil-Kawża Shindler,
iċċitata hawn fuq. [24] Ara b’mod partikulari s-sentenza
tas-7 ta’ Settembru 1999, Hilbe v Liechtenstein, u
l-Kawża Shindler, iċċitata hawn fuq, il-para. 105 [25] Il-kawża Shindler, iċċitata hawn
fuq, il-para. 103 [26] Ir-Rapport dwar il-Votazzjoni Barra mill-Pajjiż,
l-24 ta’ Ġunju 2011 (CDL-AD (2011) 022), il-paragrafi 72 u
76. [27] Il-kawża Shindler, iċċitata hawn
fuq, il-paragrafi 110, 115. [28] Il-Kawża C-403/03, Schempp, il-para. 19. [29] Il-Kawża C-300/04, Eman and Sevinger,
il-paragrafi 55 u 61. [30] L-uniċi eċċezzjonijiet huma l-possibbiltà
għaċ-ċittadini Irlandiżi u għaċ-ċittadini
ta’ Ċipru u ta' Malta (meqjsuin bħala "Ċittadini
kwalifikanti tal-Commonwealth”) li jivvutaw fl-elezzjonijiet parlamentari
nazzjonali fir-Renju Unit u l-possibbiltà għaċ-ċittadini
tar-Renju Unit li jivvutaw fl-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali fl-Irlanda. [31] Skont l-Artikolu 25 (2) tat-TFUE, il-Kunsill, li
jaġixxi b'mod unanimu skont proċedura leġiżlattiva
speċjali u wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, jista' jadotta
dispożizzjonijiet biex isaħħaħ jew biex iżid
id-drittijiet li jgawdu minnhom iċ-ċittadini tal-Unjoni skont
l-Artikolu 20 (2) tat-TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet
jidħlu fis-seħħ wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Istati
Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom. [32] J. Shaw, E.U. citizenship and
political rights in an evolving European Union, Fordham L. Rev., Vol.
75 2549, 2567 (2007). [33] Iċ-ċittadini ta’ Stati Membri li
jneħħu d-drittijiet għall-vot jistgħu jakkwistaw id-dritt
għall-vot f’xi Stati Membri oħrajn jew kollha kemm huma, imma ma jkun
hemm l-ebda garanzija ta’ tali dritt għaċ-ċittadini
tat-23 Stat Membru li ma jneħħux id-drittijiet għall-vot. [34] Din hija s-sistema fl-Awstrija, fejn tali applikazzjoni
mill-ġdid hija meħtieġa kull għaxar snin.