52014DC0030

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazjzoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali /* COM/2014/030 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazjzoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................ 3

2........... Kisbiet fil-garanzija tal-kwalità fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ........................ 4

2.1........ Mekkaniżmi ta’ garanzija tal-kwalità fil-livell tas-sistema tal-ETV.............................. 4

2.2........ Mekkaniżmi ta’ garanzija tal-kwalità fil-livell ta’ fornitur tal-ETV.............................. 5

3........... Sfidi li jridu jingħelbu................................................................................................... 7

3.1........ Il-kontribuzzjoni tal-EQAVET għat-trasparenza fl-ETV............................................. 7

3.2........ Governanza................................................................................................................... 8

4........... Il-konklużjonijiet u l-passi li jmiss................................................................................. 8

4.1........ Konklużjonijiet evalwattivi........................................................................................... 8

4.2........ It-tlestija tal-EQAVET................................................................................................. 9

4.3........ Lil hinn mill-EQAVET............................................................................................... 10

1.           Introduzzjoni

Sabiex toħroġ mill-kriżi ekonomika l-Ewropa teħtieġ tkabbir intelliġenti[1], li jeħtieġ nies b’ħiliet aħjar. It-tbassir tas-CEDEFOP jikkonferma li d-domanda għal dawk b’ħiliet baxxi se tonqos, filwaqt li d-domanda għal ħiliet ogħla se tiżdied, u l-ogħla domanda ser tkun għal nies b’ħiliet medji[2].

F’dan il-kuntest, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), għandhom rwol kruċjali kif enfasizzat f’serje ta’ dokumenti ta’ strateġija reċenti tal-Kummissjoni. Minkejja l-fokus politiku qawwi li ngħata lill-ETV, l-isfidi għadhom sinifikanti: li tiżdied l-attrattività tiegħu, li jiġi integrat fih element akbar tat-tagħlim fuq ix-xogħol, li titjieb ir-relevanza tiegħu fis-suq tax-xogħol, li tiġi żviluppata gwida aħjar fil-karrieri u l-edukazzjoni, li jiġi integrat l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u ta' dawk li jħarrġu, u li jittejbu r-rikonoxximent u t-trasparenza tar-riżultati tat-tagħlim tal-ETV bejn il-pajjiżi u fil-mogħdijiet kollha differenti tal-edukazzjoni.

Il-garanzija tal-kwalità (Quality Assurance) għandha rwol importanti fit-taħlil ta’ dawn l-isfidi, b’mod partikolari biex jingħeleb in-nuqqas ta’ tlaqqigħ bejn il-ħiliet u tittejjeb l-impjegabilità taż-żgħażagħ sabiex finalment ikun hemm fehim komuni tal-eċċellenza tal-ETV, jitħaffef ir-rikonoxximent reċiproku ta’ tagħlim miksub f’diversi pajjiżi u biex b’hekk ikun hemm aktar mobbiltà u rispons aħjar tal-isfidi ekonomiċi u tas-soċjetà.

Dan hu l-ewwel rapport dwar il-progress tal-garanzija tal-kwalità fl-ETV fl-Unjoni Ewropea, wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali[3] (minn hawn 'il quddiem ir-Rakkomandazzjoni dwar l-EQAVET) Dan jiġbor fil-qosor l-esperjenza miksuba u jippreżenta l-proposti tal-Kummissjoni għall-ġejjieni.

Ir-Rakkomandazzjoni dwar l-EQAVET tistabbilixxi strument ta’ referenza sabiex jgħin lill-Istati Membri jippromwovu u jissorveljaw it-titjib kontinwu tas-sistemi tal-ETV. Il-qafas għandu jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità fl-ETV u għal aktar trasparenza, u konsistenza fl-iżviluppi tal-politika tal-ETV fost l-Istati Membri, u b'hekk jippromwovi l-fiduċja reċiproka, il-mobilità tal-ħaddiema u l-istudenti, u t-tagħlim tul il-ħajja.

Il-qafas jinkludi ċiklu ta’ erba’ fażijiet (ippjanar, implimentazzjoni, valutazzjoni u reviżjoni); kull wieħed hu appoġġat minn kriterji tal-kwalità u deskritturi indikattivi[4], li għandhom jiġu applikati fuq il-livelli tas-sistema tal-ETV, il-fornitur u l-għoti tal-kwalifiki. Dan jipprovdi approċċ sistematiku għall-kwalità u jagħti enfasi qawwija lill-monitoraġġ u t-titjib tal-kwalità billi jamalgama l-evalwazzjoni interna u esterna, ir-reviżjoni u l-proċessi l-oħra għat-titjib, appoġġati mill-kejl u l-analiżi kwalitattiva.

Il-qafas għandu jitqies bħala “kaxxa tal-għodda”, li minnha utenti varji jistgħu jagħżlu dawk l-elementi li huma jqisu l-aktar rilevanti għas-sistemi speċifiċi tagħhom. L-indikaturi proposti għall-kejl tat-titjib fil-kwalità fl-ETV jikkonċernaw dejta bħalma huma investiment fit-taħriġ tal-għalliema u ta’ min iħarreġ, il-parteċipazzjoni, ir-rata ta' dawk li jlestu u jiġu allokati fil-programmi tal-ETV, l-utilizzazzjoni tal-ħiliet miksuba fuq il-post tax-xogħol, ir-rata tal-qgħad, il-prevalenza ta’ gruppi vulnerabbli, il-mekkaniżmi għall-identifikar tal-ħtiġijiet tat-taħriġ fis-suq tax-xogħol u skemi użati għall-promozzjoni tal-aċċess għall-ETV.

Ir-Rakkomandazzjoni stiednet lill-Istati Membri biex ifasslu approċċ nazzjonali bl-għan li jtejbu s-sistemi tal-garanzija tal-kwalità fil-livell nazzjonali, jaħtru Punt Nazzjonali ta' Referenza ta' Garanzija tal-Kwalità (NRP) u li jipparteċipaw fin-netwerk Ewropew (in-netwerk EQAVET).

2.           Kisbiet fil-garanzija tal-kwalità fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ

2.1.        Mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità fil-livell tas-sistema tal-ETV

L-eċċellenza tal-ETV fil-livell tas-sistema timplika strateġija ta' żvilupp kontinwu tal-ħiliet, li timmira lejn riżultati ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja, mobilità, rikonoxximent u permeabilità reċiproċi, kif ukoll il-ħolqien ta’ politiki bbażati fuq l-evidenza li jtejbu l-effettività u l-effiċjenza tas-sistema; din timplika wkoll kooperazzjoni u investiment konġunt u l-integrazzjoni tal-ETV fis-sistema ġenerali tal-edukazzjoni u t-taħriġ[5].

Skont ir-riżultati tal-istħarriġ tas-segretarjat tal-EQAVET[6] u tal-evalwazzjoni esterna[7], aktar minn 20 pajjiż ikkonsolidaw l-approċċi tal-garanzija tal-kwalità tagħhom u l-EQAVET ikkontribwixxa direttament fit-tfassil tas-sistema nazzjonali f’14-il pajjiż (BG, CZ, EL, HU, HR, MT, RO, FYROM, u BE fr, ES, IT, LV, LT, SI fejn għaddejjin ir-riformi). Il-maġġoranza tal-approċċi jkopru kemm l-ETV[8] inizjali u kemm l-ETV li jkompli[9], u fil-biċċa l-kbira l-forniment istituzzjonali ffinanzjat pubblikament. Xi pajjiżi diġà kellhom approċċi kompatibbli mal-EQAVET u għalhekk ma kienx hemm bżonn li jinbidlu b’mod sinifikanti.

Ilum il-ġurnata, ħafna mis-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE għandhom standards ta’ kwalità għall-fornituri tal-ETV[10] li jintużaw prinċipalment bħala kundizzjoni għall-finanzjament, l-akkreditazzjoni u/jew ikunu meħtieġa bħala parti mill-leġiżlazzjoni.

Kważi l-Istati Membri kollha jiġbru dejta biex itejbu l-effettività u l-effiċjenza tas-sistemi tagħhom u ħasbu għal metodoloġiji xierqa tal-ġbir tad-dejta, pereżempju, kwestjonarji u indikaturi/metrika. Madankollu, dan ma jfissirx awtomatikament li l-proċessi jiġu eżaminati mill-ġdid b'mod regolari u li tfasslu pjanijiet ta’ azzjoni għall-bidla, billi l-istħarriġ juri li madwar terz biss tal-pajjiżi dejjem iwettqu reviżjonijiet regolari u jfasslu pjanijiet ta’ azzjoni. Fil-maġġoranza tal-każijiet, l-Istati Membri jippubblikaw l-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-valutazzjonijiet disponibbli.[11]

Fir-rigward tal-użu tal-indikaturi, il-prattiki fil-pajjiżi kollha huma pjuttost differenti. Filwaqt li xi indikaturi jidhru li jintużaw mill-maġġoranza tal-Istati Membri (pereżmpju, ir-rata tal-parteċipazzjoni u t-tlestija fil-programmi tal-ETV) indikaturi ewlenin oħra orjentati lejn ir-riżultat, bħalma huma “l-utilizzazzjoni ta’ ħiliet fuq il-post tax-xogħol” jew “is-sehem tal-istudenti impjegati f'mument magħżul wara t-tlestija tat-taħriġ” jintużaw inqas, anke jekk dawn jistgħu jipprovdu evidenza ewlenija dwar kif jista’ jiġi żgurat li jkun hemm allinjament aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. B’mod ġenerali, dawn l-indikaturi huma dawk li dejta dwarhom hi l-aktar diffiċli li tinkiseb.

Skont stħarriġ reċenti fost il-punti nazzjonali ta’ referenza għall-EQAVET, 75 % minnhom isibuha utli li kieku tiżdied il-kooperazzjoni tal-UE bil-ħsieb li jaħdmu fuq kundizzjonijiet ta’ valutazzjoni komparattiva bl-użu ta’ wieħed jew aktar mill-indikaturi tal-EQAVET[12].

L-istess stħarriġ jinnota li d-deskritturi indikattivi tal-EQAVET jintużaw għall-immaniġġjar tal-kwalità fi 22 sistema tal-ETV inizjali. L-evalwazzjoni esterna ssemmi d-diffikultà li l-miżuri nazzjonali tal-QA jitqabblu mad-deskritturi tal-EQAVET minħabba li d-deskritturi huma ġenerali ħafna u ta' spiss ikopru aspetti li mhumiex koperti minn miżuri speċifiċi tal-QA iżda pjuttost jidhru f'politiki tal-ETV u approċċi ta' tfassil tal-politika.[13] Madankollu dan l-approċċ globali jgħin ukoll biex nitbiegħdu mill-approċċ tal-"kaxxa tal-għodda" lejn kultura ta’ titjib tal-kwalità.

Sistema tal-ETV ta’ kwalità għolja tiffaċilita wkoll l-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet, il-mobilità u l-permeabilità bejn il-VET u l-edukazzjoni għolja (HE). Kważi nofs il-pajjiżi jiddikjaraw li l-garanzija tal-kwalità fis-sistemi tal-ETV tagħhom tgħin biex jinkiseb aċċess għall-edukazzjoni għolja permezz ta' mekkaniżmi differenti: kwalifiki tal-ETV b'garanzija ta' kwalità huma rikonoxxuti jew bħala kwalifika normali ta' dħul għall-edukazzjoni għolja (pereżempju, IE, NL) jew bi status doppju, edukattiv u vokazzjonali (pereżempju, PT) Madankollu, dan jindika wkoll il-fatt li f’ħafna pajjiżi l-permeabilità għadha biss għan u hemm bżonn li jsiru sforzi sinifikanti biex din titwettaq.

Fil-maġġoranza kbira tal-pajjiżi ġew stabbiliti mekkaniżmi u proċeduri biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet tat-taħriġ fl-ETV inizjali (IVET) u ħafna minnhom għandhom dawn il-mekkaniżmi wkoll għall-ETV Kontinwu (CVET)[14]. Madankollu, hemm bżonn ta’ analiżi fil-fond biex tiġi eżaminata l-effiċjenza ta’ dawn is-sistemi, is-sinerġiji tagħhom mal-Panorama ta’ Ħiliet[15] tal-UE u jekk l-involviment fil-qasam professjonali (b’mod partikolari organizzazzjonijiet professjonali u l-intrapriżi) iseħħx f’mod kollaborattiv/deliberattiv[16] peress li din hi importanti għat-tfassil ta' kwalifiki bbażati fuq riżultat ta' tagħlim ta’ kwalità għolja li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

2.2.        Mekkaniżmi ta’ granazija tal-kwalità fil-livell ta’ fornitur tal-ETV

Appoġġ għal tagħlim u għalliema u dawk li jħarrġu ta’ kwalità għolja, u tmexxija effiċjenti permezz ta' mexxej ta' skola ta' sengħa huma kollha fatturi importanti, iżda l-fornituri tal-ETV huma aħjar biex jipprovdu ETV eċċellenti anki meta jkun hemm rabtiet strateġiċi u netwerking mal-komunità ekonomika usa’ fuq livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali.[17]

Bosta pajjiżi għandhom jew qegħdin fil-proċess li jakkwistaw qafas komuni ta’ garanzija ta' kwalità għall-fornituri tal-ETV li jkun kompatibbli mal-qafas ta’ referenza Ewropew għall-garanzija tal-kwalità fl-ETV. Kważi l-pajjiżi kollha għandhom evalwazzjoni esterna statutorja tal-fornituri l-ETV, filwaqt li 22 pajjiż[18] jitolbu lill-fornituri tal-ETV li jkollhom mekkaniżmi ta' garanzija tal-kwalità interna u f’sitt pajjiżi oħra (BE FR, BG, FR, IT, LT, SK) din hija volontarja iżda mħeġġa.

L-aktar forma frekwenti ta’ reviżjoni esterna hija l-ispezzjoni. B’mod ġenerali dawn huma servizzi tal-ispezzjoni tal-iskejjel u jkopru kemm l-IVET u l-edukazzjoni ġenerali. Jintużaw forom oħra esterni ta’ valutazzjoni, iżda tipikament l-aktar fis-CVET u huma inqas komuni fl-IVET. Pereżempju xi Länder fil-Ġermanja jobbligaw lill-fornituri li jimplimentaw sistemi ta’ mmaniġġjar tal-kwalità bħalma huma l-Q2E, l-EFQM, il-QZS jew l-ISO 9001. Malta teżiġi li l-fornituri jgħaddu minn awditjar ta’ kwalità minn esperti esterni. Xi pajjiżi għandhom aġenziji speċifiċi għall-garanzija tal-kwalità jewl-evalwazzjoni, pereżempju, fil-Komunità Fjamminga tal-Belġju, l-aġenzija għall-garanzija tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ tkopri l-edukazzjoni u t-taħriġ kollu ħlief l-edukazzjoni ogħla, l-istitut Daniż għall-evalwazzjoni — li jkopri s-sistema edukattiva kollha, u l-Istitut Nazzjonali Spanjol għall-evalwazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

F’ħafna pajjiżi l-leġiżlazzjoni tirrikjedi lill-fornituri tal-ETV biex jevalwaw sistematikament l-attivitajiet tagħhom, kif ukoll il-kwalità u l-efettività tat-taħriġ li joffru. Fil-BG, HR, CZ, DK, EE, HU, RO, SI u SK dan jinkludi rapporti obbligatorji ta' awtoevalwazzjoni u pjanijiet għat-titjib li jinformaw l-evalwazzjonijiet esterni. L-awtoevalwazzjoni tintuża b’mod wiesa’ mill-fornituri tal-IVET fl-Awstrija minkejja li mhix obbligatorja.

Filosofija importanti fit-tfassil tal-awtoevalwazzjoni fil-livell ta’ fornitur hija l-iżvilupp ta’ kultura ta’ kwalità fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Hemm ukoll effetti pożittivi f’termini ta’ kontabbiltà u governanza tal-fornituri tal-ETV, li jrsiru responsabbli li jipprovdu riżultati ta’ kwalità. Peress li l-kuntest ta’ kull fornitur tal-ETV hu differenti, l-awtoevalwazzjoni tippermetti li kull organizzazzjoni tiżżviluppa qafas u sett ta’ miżuri li huma adattati għall-kuntest u r-realtà tagħha.

Fl-Istati Membri, hemm varjetà kbira ta’ prattiki rigward ir-reviżjoni interna. Xi pajjiżi jitolbu lill-fornituri tal-ETV biex jiffokaw ir-reviżjoni interna fuq oqsma speċifiċi ta’ attivitajiet. Oħrajn ma jagħtux gwida dwar kif għandha titwettaq il-garanzija tal-kwalità, filwaqt li diversi pajjiżi żviluppaw manwali, metodoloġiji jew websajts li jappoġġaw dan il-proċess[19]. Xi pajjiżi stabbilixxew xi forma ta’ reviżjoni/tagħlim bejn il-pari fost il-fornituri tal-ETV, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ibbażata fuq metodoloġija Ewropea żviluppata skont proġett Leonardo da Vinci[20].

B’mod ġenerali il-fornituri tal-ETV għandhom it-tendenza li jagħmlu anqas użu mid-deskritturi milli hu evidenti fil-livell tas-sistema[21]. Il-fornituri tal-ETV ħafna drabi jgħaddu minn proċess ta' akkreditazzjoni[22] u reviżjonijiet esterni jew interni, iżda l-użu mifrux taċ-ċiklu tal-EQAVET mhux komuni. Dan juri li għad hemm lok għal titjib biex jintlaħaq il-livell tal-fornitur tal-ETV, partikolarment permezz ta’ multiplikaturi. F’dak is-sens, il-proġetti tal-EQAVET jistgħu jservu bħala prattiki tajbin. Bħala eżempju, il-proġett Malti QA-VET irriżulta f’linji gwida għall-istituzzjonijiet tal-ETV biex japplikaw l-indikaturi; proġett Olandiż żviluppa approċċ minn isfel għal fuq lejn il-QA billi sar xogħol ma’ fornituri tal-ETV u ġiet promossa kultura ta’ kwalità.[23]

Sfida sinifikanti għall-garanzija tal-kwalità hija d-dimensjoni ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol. Ta' spiss it-taħriġ ta’ min iħarreġ mhux garantit u ħafna drabi l-valutazzjoni ta' dawn l-arranġamenti tkun batuta.

Il-kriterji, id-deskritturi u l-indikaturi tal-EQAVET ma jipprovdux gwida speċifika dwar il-garanzija tal-kwalità għat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol. Dan in-nuqqas relattiv ġie indirizzat fuq il-livell politiku permezz tal-Communiqué ta’ Bruges li tistieden lill-pajjiżi parteċipanti sabiex jiżviluppaw qafas komuni ta’ garanzija tal-kwalità għall-fornituri tal-ETV sal-2015, applikabbli wkoll għat-tagħlim marbut mal-post tax-xogħol u kompatibbli mal-EQAVET[24]. In-netwerk tal-EQAVET waqqaf grupp ta’ ħidma u bħalissa qed jiżviluppa linji gwida f’dan ir-rigward.

3.           Sfidi li jridu jingħelbu

L-istħarriġ u l-evalwazzjoni esterna tal-EQAVET juru li xi karatteristiċi tal-EQAVET huma integrati fil-kulturi tal-QA tal-Istati Membri. Madankollu, jibqa’ lok sinifikanti għal titjib biex jintlaħaq fehim komuni li jiffaċilita ħafna r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u ż-żieda fil-mobilità.

3.1.        Kontribuzzjoni tal-EQAVET għat-trasparenza fl-ETV

Li l-potenzjal tal-EQAVET għall-finijiet ta' trasparenza – appoġġ lill-fiduċja reċiproka, mobilità fil-pajjiżi kollha u tagħlim matul il-ħajja – għadu ma ġiex sfruttat bis-sħiħ, jista' jidher mis-sinerġija limitata mal-għodod Ewropej li jindirizzaw b'mod speċifiku t-trasparenza tal-kwalifiki u l-kompetenzi: il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF)[25], is-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET)[26], u l-qafas tal-Europass[27], li jiffukaw fuq ir-riżultati tal-proċess tat-tagħlim –  dak li n-nies taf u x'kapaċi tagħmel. Filwaqt li l-kwalità tar-riżultati hija l-kriterju aħħari biex ikun hemm deċiżjoni dwar il-kwalità ta' opportunità ta' tagħlim, dan l-aspett mhux indirizzat b'mod reali mill-EQAVET, li ma jkoprix b'mod speċifiku l-garanzija tal-kwalità tat-tfassil tal-kwalifika, il-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, minkejja li r-Rakkomandazzjoni tistipula li l-qafas għandu jkun applikat ukoll fil-livelli tal-għoti taċ-ċertifikati. Dan jenfasizza l-bżonn ta' relazzjoni eqreb mal-oqfsa tal-kwalifiki fuq livell nazzjonali u Ewropew.

Hemm arranġamenti biex ir-rikonoxximent reċiproku jitħeffef għall-ETV (iċ-ċertifikati internazzjonali għal xi pożizzjonijiet) u l-HE (in-netwerks ENIC/NARIC). Madankollu, huwa ċar li dawn l-arranġamenti għadhom ma laħqux il-maturità. Qasam ieħor ta' żvilupp potenzjali se jkun dak ta'rabtiet aktar b'saħħithom bejn l-EQAVET u l-ECVET. Fil-fatt, wieħed mill-għanijiet tal-EQAVET oriġinarjament kien li jappoġġa t-twaqqif tal-ECVET. Madankollu, ftit pajjiżi biss żviluppaw sistemi tal-krediti tal-ETV (FI, IE, UK, EE, SE, SL u LU, IT għall-IVET)[28] u f’ħafna pajjiżi, l-ECVET għadu fi stadju ta’ żvilupp[29].

Il-kwistjoni tal-mobilità bejn is-sottosetturi tal-edukazzjoni hija ta’ importanza kruċjali. Il-permeabilità lejn l-edukazzjoni għolja tirrappreżenta element ewlieni għall-attrattività tal-ETV u fid-dawl tal-isforzi mmirati lejn l-eċċellenza tal-ETV. Ilum għad hemm lok għal żvilupp f’dan ir-rigward. Il-linji gwida u l-istandards Ewropej (ESG) għall-garanzija tal-kwalità fil-qasam Ewropew tal-Edukazzjoni Għolja[30] fihom prinċipji komuni, iżda jippermettu approċċi operattivi differenti u, ta' min josservali ftit hemm koordinazzjoni bejn l-għodod. Madankollu, dan l-aħħar id-djalogu u l-kooperazzjoni żdiedu bl-organizzazzjoni ta’ diversi avvenimenti konġunti. L-Anness 3 tal-EQF jipproponi prinċipji ta’ garanzija ta’ kwalità komuni kemm għall-edukazzjoni għolja u kif ukoll għall-ETV iżda espliċitament la jirreferi għall-ESG u lanqas għall-EQAVET[31].

Żvilupp xieraq tal-mudell tal-EQAVET, possibbilment b'enfasi akbar fuq il-kwalità tar-riżultati tat-tagħlim, huwa miżura ssuġġerita mill-grupp ta’ ħidma Ewropew dwar kwalità fit-tagħlim tal-adulti (għalhekk ukoll fl-ETV kontinwu), bil-ħsieb tal-approċċ ta’ garanzija tal-kwalità globali tat-tagħlim tul il-ħajja fuq medda ta’ żmien itwal[32].

3.2.        Governanza

Filwaqt li r-rakkomandazzjoni dwar l-EQAVET titlob l-involviment tal-partijiet interessati kollha fiċ-ċiklu kollu tal-garanzija tal-kwalità, fil-livell Ewropew, l-istruttura tal-governanza tidher li trid tkun magħmula l-aktar minn rappreżentanti mis-settur tal-ETV inizjali. Meta niġu għal strutturi ta’ governanza nazzjonali, l-istħarriġ tas-segretarjat tal-EQAVET jindika l-bżonn sabiex jiġi żgurat it-titjib u l-involviment sostnut ta’ ċerti kategoriji tal-partijiet interessati, b’mod partikolari tal-istudenti, is-settur tal-edukazzjoni għolja, l-impjegaturi u l-atturi tas-suq tax-xogħol kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u lokali.

Jekk l-EQAVET ikkontribwixxa għal garanzija aħjar tal-kwalità tas-sistemi nazzjonali tal-ETV, huwa ħeffef ukoll il-komunikazzjoni u l-iskambju bejniethom, filwaqt li ppromwova l-konsistenza tal-iżviluppi tal-ETV fil-pajjiżi kollha. Sa ċertu punt, dan jikkontribwixxi għall-għan ġenerali li tiġi promossa t-trasparenza, u l-konsistenza fl-iżviluppi tal-politika tal-ETV fost l-Istati Membri.

Madankollu, dan ma wassalx għal deskrizzjonijiet faċilment komparabbli ta’ miżuri nazzjonali tal-garanzija tal-kwalità, li spiss mhumiex ippreżentati f’dokumenti komprensivi u mhux neċessarjament jadottaw l-istruttura tal-EQAVET. Il-pajjiżi jiddeskrivu l-aktar is-sistemi tal-garanzija tal-kwalità tagħhom billi jirreferu għall-evalwazzjoni interna u esterna tal-fornituri tal-ETV, evalwazzjoni fuq il-livell tas-sistema għal finijiet ta’ żvilupp ta’ politika, u l-kwalità tat-tfassil u tal-għoti ta’ kwalifika.

Sa ċertu punt dan huwa minħabba l-approċċ flessibbli tar-Rakkomandazzjoni dwar l-EQAVET, li jippermetti li l-pajjiżi ul-fornituri tal-ETV jagħżlu għodod u elementi minn firxa aktar wiesgħa u jaġġustawhom. Min-naħa, dan kien tabilħaqq effettiv sabiex jinfirex l-użu ta' dawn l-għodod, iżda min-naħa l-oħra, dan ma wassalx għall-adozzjoni ta’ approċċ komuni bejn il-pajjiżi biex jiddeskrivu miżuri tal-garanzija tal-kwalità u l-iżviluppi tal-ETV.

L-użu dirett tal-EQAVET bħala referenza biex jiġu deskritti miżuri nazzjonali jista’ jkun diffiċli minħabba li l-EQAVET jipproponi terminoloġiji differenti għall-kwalità tas-sistema tal-ETV u fil-livell tal-fornitur tal-ETV[33]. Dan mhuwiex kompatibbli mal-prattika fil-livell nazzjonali, fejn miżura klassika bħall-ispezzjonijiet tista' tindirizza kemm is-sistema kif ukoll il-fornitur individwali.

4.           Il-konklużjonijiet u l-passi li jmiss

4.1.        Konklużjonijiet evalwattivi

Il-konsiderazzjonijiet fit-taqsimiet preċedenti jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

– L-EQAVET ikkontribwixxa għall-promozzjoni ta’ kultura tal-kwalità fl-ETV fil-pajjiżi Ewropej, kif ukoll l-implimentazzjoni prattika tiegħu permezz ta’ żvilupp, partikolarment tal-miżuri operattivi ta' kwalità fi ħdan in-netwerk tal-EQAVET[34].

– Madankollu, dawn il-miżuri ffukaw fuq il-forniment istituzzjonali bbażat fl-iskejjel (ħafna mill-ETV inizjali u parti mill-VET kontinwu), b’impatt anqas viżibbli fuq tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u l-forniment mhux formali (li jifforma ħafna mill-ETV kontinwi iżda jista’ jkollu wkoll rwol ewlieni fl-ETV inizjali f’sistemi doppji);

– L-approċċ flessibbli tal-EQAVET, li jagħmel disponibbli l-għodod għall-għażla u l-aġġustament, ħaffef l-użu tiegħu, iżda fl-istess ħin naqqas il-potenzjal tiegħu bħala lingwa komuni u qafas kunċettwali fil-pajjiżi kollha.

Għalhekk joħroġ ċar li hemm bżonn ta' kooperazzjoni msaħħa ma’ strumenti oħra Ewropej għall-garanzija tal-kwalità u t-trasparenza.

L-EQAVET jimplimenta qafas ta’ referenza li jippermetti użu flessibbli. Jista’ jiġi esplorat sa liema punt id-dimensjoni tal-qafas hija meħtieġa biex jiġu organizzati kriterji, deskritturi u indikaturi ta’ kwalità — billi l-użu tagħhom xorta waħda huwa flessibbli. L-esperjenza tal-istandard u l-linji gwida Ewropej għall-garanzija tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja (ESG) jistgħu jiġu kkunsidrati anke f'dak li jirrigwarda l-kamp ta' applikazzjoni (l-ESG jappoġġaw b’mod speċifiku l-kwalità tal-istituzzjonijiet, mhux tas-sistema), filwaqt li jkun hemm kuxjenza dwar xi nuqqasijiet tal-ESG.

4.2.        It-tlestija tal-EQAVET

L-għan aħħari tal-miżuri tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ huwa l-kwalità tar-riżultati tal-proċess tat-tagħlim — jiġifieri, dawk l-istudenti tal-ETV għandhom jiksbu ħiliet vokazzjonali u transversali tajba. Dan l-aħħar, ir-relevanza tal-livelli tal-ħiliet ġiet enfasizzata minn sejba speċifika tal-Istħarriġ dwar il-Ħiliet tal-Adulti (PIAAC): fil-pajjiżi kollha, l-adulti li għandhom kwalifika fl-istess livell juru ħiliet f'livelli differenti b'mod sinifikattiv[35].

Aktar attenzjoni espliċita lill-garanzija tal-kwalità tat-tfassil u l-għoti tal-kwalifiki, permezz tal-kollaborazzjoni mal-EQF, l-ECVET u s-Suppliment taċ-Ċertifikat tal-Europass, jistgħu jippermettu li l-EQAVET jindirizza aħjar l-ETV mhux formali u dak ibbażat fuq ix-xogħol u jindirizza wkoll il-kwistjoni emerġenti tar-riżorsi edukattivi miftuħa (OER) jew il-korsijiet onlajn miftuħa massivi (MOOCs) u li jittejjeb l-impatt tiegħu fuq it-trasparenza u l-għarfien reċiproku, b’kunsiderazzjoni għall-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali[36].

Filwaqt li tinvolvi l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet interessati rilevanti, il-Kummissjoni qed tippjana li twettaq l-azzjoni li ġejja għal implimentazzjoni aktar komprensiva tal-EQAVET:

– Tiżviluppa deskritturi, indikaturi u linji gwida relatati biex tindirizza aħjar il-kwalità u l-livell xieraq ta’ profiċjenza tar-riżultati akkwistati mill-istudenti tal-ETV. Dan jeħtieġ koordinazzjoni ma’ inizjattivi oħra tal-garanzija tal-kwalità u strumenti tat-trasparenza, u kooperazzjoni ma’ korpi u netwerks rilevanti.

– Tiżviluppa u tittestja linji gwida tat-test għal dawk li jfasslu l-politika u l-fornituri, flimkien ma’ listi ta’ kontroll ta’ sostenn, deskritturi u indikaturi mmirati lejn ir-realtà diversa tal-ETV kontinwu u għall-karatteristiċi speċifiċi tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol. Dan jirrikjedi kooperazzjoni ma’ partijiet interessati diversi u koordinazzjoni ma’ żviluppi relatati mal-kwalità fit-tagħlim tal-adulti.

– Tittestja l-opportunità għal arranġamenti Ewropej biex jagħmlu l-miżuri nazzjonali tal-garanzija tal-kwalità aktar trasparenti fl-pajjiżi kollha. Dan jista’ jinkludi l-iżvilupp ta’ suppliment ta’ informazzjoni biex jitħaffef il-fehim komuni tal-proċessi tal-akkreditazzjoni nazzjonali tal-fornituri tal-ETV, il-promozzjoni ta' linji gwida komuni dwar kif jiġu deskritti proċeduri tal-garanzija tal-kwalità kompatibbli mal-EQAVET, jew biex nersqu lejn template komuni għall-akkreditazzjoni tal-fornituri tal-ETV abbażi wkoll tal-esperjenza tar-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni Ogħla (EQAR)[37] u r-rapporti nazzjonali dwar ir-referenzar tal-QEK[38].

Permezz tal-Erasmus +, l-UE se tipprovdi:

· Appoġġ għall-kooperazzjoni transfruntiera fil-QA tal-ETV permezz ta’ sħubijiet strateġiċi u alleanzi tal-ħiliet settorjali li jappoġġaw l-involviment sinifikanti ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, u djalogu transettorjali mtejjeb mal-edukazzjoni għolja u t-tagħlim tal-adulti fuq it-tema tal-QA

· Appoġġ għal aktar djalogu fuq il-livell Ewropew permezz:

– tan-netwerk tal-EQAVET dwar l-iżvilupp ta’ kultura tal-kwalità billi jiġu appoġġati gruppi ta’ ħidma, seminars, Attivitajiet ta’ Tagħlim bejn il-Pari li jinvolvu partijiet interessati fil-garanzija tal-kwalità fl-ETV;

– l-iżvilupp ta' materjali ta’ appoġġ bħalma huma għodod u manwali tal-IT;

– proġetti innovattivi biex tittejjeb il-kapaċità ta’ garanzija tal-kwalità sabiex ikun appoġġat it-titjib tal-ETV.

Permezz tal-programm Orizzont 2020, l-UE se:

· Tavvanza l-għarfien dwar l-effettività ta’ politiki pubbliċi dwar is-CVET u forom oħra tal-edukazzjoni għall-adulti (inklużi aspetti tal-garanzija tal-kwalità) fl-UE u l-kumplimentarjetà tagħhom mad-dinamika tas-swieq privati.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li ċertu numru ta’ pajjiżi qed jimmiraw li jużaw sehem mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għall-finanzjament ta’ riformi tas-sistemi tal-ETV. Huwa vitali li biex jitmexxew 'il quddiem dawn l-inizjattivi, it-tisħiħ tal-garanzija tal-kwalità tal-ETV jilgħab rwol ċentrali.

4.3.        Lil hinn mill-EQAVET

Iċ-ċittadini qegħdin aktar jgħaddu minn sistema għal oħra — kemm fil-mogħdija tradizzjonali tal-edukazzjoni inizjali kif ukoll biex jaġġornaw u jwessgħu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom matul ħajjithom kollha. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar opportunitajiet ta’ tagħlim ma għadhomx tajbin għal arranġamenti ta’ klassifikazzjoni konvenzjonali. Kulma jmur l-istudenti qed ikunu offruti — u bix-xieraq — aktar ċansijiet li jgħaqqdu t-triq tat-tagħlim tagħhom billi jagħżlu opportunitajiet minn diversi sottosistemi u forom ta’ forniment, inkluż permezz ta’ riżorsi ta’ tagħlim imwassla permezz tal-ICT, u għandhom bżonn ikunu kapaċi li jafdaw il-kwalità tagħhom.

Il-wasla tal-oqsfa tal-kwalifiki bil-garanzija tal-kwalità għat-tagħlim tul il-ħajja, promossi ħafna mill-QEK, titlob riflessjonijiet dwar approċċ ibbażat skont is-settur għall-garanzija tal-kwalità u dwar jekk hux possibbli li jiġu identifikati xi prinċipji u linji gwida bażiċi validi għas-setturi kollha u applikabbli għall-kwalifiki kollha. Biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, ikun utli li jiġi diskuss l-EQAVET fil-kuntest komprensiv tal-istrumenti kollha għat-trasparenza u l-garanzija tal-kwalità. Il-każ għal koordinazzjoni eqreb tal-istrumenti Ewropej kollha għat-trasparenza u l-garanzija tal-kwalità qed jiġi esplorat mill-Kummissjoni bħala mezz biex jinkiseb qasam sħiħ Ewropew tal-ħiliet u l-kwalifiki[39].

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni qed tippjana li tniedi l-azzjonijiet li ġejjin biex ikun hemm kooperazzjoni Ewropea aħjar fil-garanzija tal-kwalità għat-tagħlim tul il-ħajja:

– Konsultazzjoni mal-partijiet interessati dwar is-sejbiet ta’ dan ir-rapport u dwar il-bżonn u l-vijabilità ta' koerenza mtejba bejn l-garanzija tal-kwalità fis-sottosetturi differenti tal-edukazzjoni, bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar żona Ewropea tal-ħiliet u l-kwalifiki biex jinstabu aktar sinerġiji u konverġenza tat-trasparenza u l-għodod ta’ rikonoxximent tal-UE.

– L-eżami ta' kif l-għanijiet tal-EQAVET jistgħu jiġu segwiti permezz ta’ approċċ komprensiv għall-garanzija tal-kwalità għat-tagħlim tul il-ħajja:

– F’koordinazzjoni mal-inizjattivi l-oħra tal-garanzija tal-kwalità u ma' strumenti ta’ trasparenza, l-esplorazzjoni tar-rekwiżiti prattiċi marbuta mal-iżvilupp ta’ prinċipji u linji gwida transsettorjali għall-garanzija għall-kwalità tat-tagħlim tul il-ħajja u l-kundizzjonijiet biex jitħarsu l-ispeċifiċitajiet xierqa tas-sottosistemi jew is-sitwazzjonijiet nazzjonali.

[1]               Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, "Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku - Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali”, COM(2012)582 final, 10.10.2012.

[2]               CEDEFOP, Roads to recovery: three skill and labour market scenarios for 2025, Ġunju 2013.

[3]               ĠU C 155, 8.07.2009, p. 1.

[4]               Pereżempju, fl-istadju tal-ippjanar fil-livell tas-sistema d-deskritturi jipprovdu miri bħalma huma deskrizzjonijiet tal-għanijiet fuq perjodu twil u medju tas-sistema ETV b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati, li jiddefinixxu l-miri u l-indikaturi tal-monitoraġġ u jidentifikaw il-ħtiġijiet tat-taħriġ.

[5]               Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2012)375, 20.11.2012 p. 38.

[6]               EQAVET, Supporting the implementation of the European quality assurance reference framework: Ir-riżultati tal-Istħarriġ tas-Segretarjat tal-EQAVET, 2012, p. 20. Disponibbli fuq il-websajt tas-segretarjat tal-EQAVET, http://www.eqavet.eu/gns/what-we-do/annual-forum.aspx

[7]               ICF GHK, Evaluation of implementation of EQAVET Final report, (minn hawn 'il quddiem Evalwazzjoni Esterna) 2013 p. 51.

[8]               "Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali mwettqa fis-sistema tal-edukazzjoni inizjali, ġeneralment qabel id-dħul fil-ħajja tax-xogħol" ispirat mis-CEDEFOP, Terminology of European education and training policy, il-Lussemburgu, UP, 2008

[9]               “Edukazzjoni jew taħriġ wara l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali — jew wara d-dħul fil-ħajja tax-xogħol [...]”, CEDEFOP, idem hawn fuq.

[10]             L-Istħarriġ tas-Segretarjat tal-EQAVET, cit. , p. 29.

[11]             Ibid, p. 68: BE (nl), BG, DK, DE, EE, IE, ES, LV, LT, NL, AT, PL, RO, SK, FI, SE, UK, HR.

[12]             L-Istħarriġ tas-Segretarjat tal-EQAVET, cit. Il-Kap. 5.

[13]             Evalwazzjoni Esterna, cit., p. 32.

[14]             L-Istħarriġ tas-Segretarjat tal-EQAVET, cit. p. 61 u p. 72.

[15]             Cf. http://euskillspanorama.ec.europa.eu/.

[16]             Diversi proġetti ta’ riċerka tal-FP 7 indirizzaw is-CVET u l-edukazzjoni tal-adulti. Ara: “Adult and continuing education in Europe. Using public policy to secure a growth in skills”, il-Kummissjoni Ewropea 2013.

[17]             SWD(2012)375, cit. p. 38.

[18]             AT, BE, NL, CY, CZ, DK, EE, FI, HU, IE, LU, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SI, UK, HR, IC u FYROM, l-Istħarriġ tas-Segretarjat tal-EQAVET, cit. p. 24.

[19]             Evalwazzjoni Esterna, cit. p. 25

[20]             http://www.peer-review-education.net/

[21]             L-Istħarriġ tas-Segretarjat tal-EQAVET, cit. p.104.

[22]         Il-kelma "akkreditazzjoni" f'dan id-dokument għandha tinftiehem bħala akkreditazzjoni edukattiva u mhux fit-tifsira ta' "akkreditazzjoni" kif użta fir-Regolament (KE) 765/2008.

[23]             Cf. http://eqavetprojects.eu/

[24]             Ara Bruges Communiqué on enhanced European cooperation in vocational education and training, 7.12.2010, oġġettiv strateġiku 2b.

[25]             Ir-Rakkomandazzjoni Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April, ĠU 2008/C 111/01, tas-6.5.2008.

[26]             Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009, ĠU 2009/C 155/02, tat-8.7.2009.

[27]             Id-Deċiżjoni Nru. 2241/2004/KE, ĠU L 390/6, tal-31.12.2004.

[28]             EQAVET, Serban Iosifescu, Quality assurance procedures in the processes of certification, curricula setting, accreditation and training of trainers in European VET systems, 2011.

[29]             CEDEFOP, Trends in VET policy in Europe 2010-12,2012, p. 59.

[30]             ENQA, European Standards and Guidelines for Quality Assurance in the European Higher Education Area, 2005.

[31]             Minkejja li l-EQAVET ma kienx jeżisti, kien hemm diġà Qafas Komuni ta’ Garanzija tal-Kwalità għall-ETV.

[32]             Final report of the Thematic Working Group on quality in adult learning. Ara l-istudju parallel dwar il-kwalità fit-tagħlim għall-adulti, http://ec.europa.eu/education/adult/doc/qualityannex_en.pdf..

[33]             Dan jartikola differenza sinifikanti bejn l-EQAVET u l-ESG li jindirizzaw biss il-livell istituzzjoniali.

[34]             http://www.eqavet.eu – Ara b'mod partikolari l-għodda tal-IT għaċ-ċiklu tal-kwalità.

[35]             OECD, Skills Outlook 2013, b'mod partikolari p. 204.

[36]             Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2012/C 398/01)

[37]             Cf. http://www.eqar.eu/.

[38]             Cf. http://ec.europa.eu/eqf/documentation_en.htm.

[39]             Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar, COM(2012) 669 final, 2012.