52014DC0029

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport dwar il-Progress fil-Garanzija tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja /* COM/2014/029 final */


WERREJ

1........... INTRODUZZJONI...................................................................................................... 3

2........... IT-TENDENZI FIL-GARANZIJA TAL-KWALITÀ MILL-2009............................ 4

2.1........ Il-QA kif appoġġjat lill-komunità akkademika, lill-istudenti u partijiet interessati oħrajn biex jilħqu l-miri tagħhom?...................................................................................................................... 4

2.2........ Il-QA kif għemet lill-ististuzzjonijiet iwessgħu l-aċċess u jiżguraw li l-istudenti ma jiqfux jistudjaw qabel jiggradwaw?................................................................................................................. 6

2.3........ Il-QA kif appoġġat lill-HEIs fil-forniment tal-ħiliet ta’ kwalità għolja lill-istudenti?.. 7

2.4........ Il-QA appoġġjat il-mobilità waqt l-istudju u l-internazzjonalizzazzjoni?..................... 8

3........... KONKLUŻJONIJIET – APPOĠĠ MILL-UE GĦAT-TITJIB TAL-KWALITÀ FL-EDUKAZZJONI GĦOLJA.................................................................................................................... 10

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar il-Progress fil-Garanzija tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

L-edukazzjoni għolja fl-Ewropa qiegħda taffaċċja sfidi sinifikanti. Il-Kummissjoni Ewropea, f’serje ta’ dokumenti ta’ strateġija reċenti, enfasizzat dawn l-isfidi – it-tkabbir sostanzjali tal-popolazzjoni tal-istudenti, it-titjib fil-kwalità u l-allinjament tat-tagħlim aktar mill-qrib mal-bżonnijiet usa’ tas-soċjetà u tas-suq[1]; l-adattament għall-globalizzazzjoni u ż-żieda kbira fl-istudenti u fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja madwar id-dinja, li joħolqu kompetizzjoni għall-Ewropa bħala mexxejja dinjija fl-edukazzjoni[2]; u t-titjib u t-twessigħ tat-twassil ta’ edukazzjoni għolja bl-ixprunar ta’ teknoloġiji ġodda bħall-MOOCs u t-tagħlim virtwali jew imħallat[3]. L-istħarriġ tal-PIAAC dwar il-ħiliet tal-adulti[4] wera d-differenzi fil-livelli tal-ħiliet tal-gradwati f'pajjiżi differenti. Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi, huwa kruċjali li l-kwalità tal-edukazzjoni għolja tinżamm u titjieb, bl-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs - higher education institutions) modernizzati li jfornu lin-nies b’ħiliet ta’ livell għoli u li jinstigaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, biex b’hekk jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020 għal impjiegi aħjar u tkabbir aktar b’saħħtu.

L-HEIs għandhom ir-responsabbiltà aħħarija mill-kwalità tal-offerta tagħhom (it-twaqqif, il-monitoraġġ u t-tiġdid tal-miri tagħhom ta’ kwalità permezz ta’ garanzija tal-kwalità “interna”). L-HEIs jingħataw appoġġ minn aġenziji esterni (QAAs – quality assurance agencies) li jivvalutaw l-istandards tal-kwalità, billi jevalwaw l-istituzzjonijiet, jakkreditaw il-programmi jew jassenjaw valur referenzjarju lill-prestazzjoni meta jitqabblu ma’ HEIs oħrajn (garanzija tal-kwalità “esterna”). Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom id-dmir li jiżguraw li l-kwalità tal-istituzzjonijiet individwali, u tas-sistema edukattiva għolja tagħhom b’mod ġenerali, tkun tajba biżżejjed biex jintlaħqu l-miri previsti għaliha. Qafas ta’ għodod nazzjonali u Ewropej u ta’ kooperazzjoni għandu jtejjeb il-fiduċja fis-sistemi. Il-mekkaniżmi ta’ garanzija tal-kwalità huma, għalhekk, essenzjali biex jgħinu lill-istituzzjonijiet u lil min ifassal il-politika jwettqu riformi li jirnexxu.

Dan ir-rapport isegwi dak li ġie ppubblikat l-ewwel darba fl-2009[5], bħala reazzjoni għall-istedina mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-2006 biex isir rapport dwar il-progress fil-garanzija tal-kwalità[6]. Dan jissejjes fuq is-sejbiet tar-rapport tal-2009 – li identifikaw il-bżonn li l-garanzija tal-kwalità ssir aktar effiċjenti u trasparenti għall-utenti; li din tintrabat b’mod miftuħ mal-prijoritajiet usa’ tal-edukazzjoni għolja; u li tiġi żviluppata kooperazzjoni transfruntiera biex tittejjeb il-kwalità – u b’referenza għal firxa wiesgħa ta’ sorsi, jenfasizza l-potenzjal li l-garanzija tal-kwalità jista’ jkollha fi rwol aktar attiv ta’ appoġġ għar-riforma f’livelli ta’ sistema u ta’ istituzzjoni, filwaqt li jipproponi azzjonijiet tal-UE biex jappoġġjaw lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri.

Ħafna jaħsbu li l-garanzija tal-kwalità (Quality assurance - QA) tiffoka fuq il-proċess aktar milli fuq il-kontenut. Iżda l-QA għandha potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat biex tappoġġja lill-istituzzjonijiet biex jilħqu l-objettivi tagħhom. Il-QA li tkun imfassla apposta għal kull viżjoni u prijorità tal-HEIs tinkoraġġixxi aktar diversità u speċjalizzazzjoni tal-HEIs, u tippromwovi involviment usa’ u responsabbiltà lill-partijiet interessati, billi b’mod sistematiku tintroduċi mill-ġdid ir-riżultati fit-teħid tad-deċiżjonijiet strateġiċi, b’enfasi fuq it-titjib kontinwu. U l-bidla qed issir. Il-mandat tal-QAAs qed jiġi estiż biex jiġu riveduti objettivi usa’ tal-edukazzjoni għolja bħat-twessigħ tal-aċċess, it-tagħlim tul il-ħajja, l-internazzjonalizzazzjoni, eċċ.[7] F’ċerti każijiet, anki t-taħriġ biex wieħed jikseb dottorat[8] u l-istrateġiji tar-riżorsi umani[9] jkunu soġġetti għal reviżjonijiet tal-kwalità. Hemm tranżizzjoni kontinwa, fil-QA esterna, mill-fokus tradizzjonali fuq l-akkreditazzjoni tal-programmi individwali offruti minn istituzzjoni lejn l-evalwazzjoni tal-istituzzjoni kollha. Il-maġġoranza l-kbira (69%) tas-sistemi ta’ QA issa jiffukaw fuq taħlita ta’ evalwazzjoni istituzzjonali u akkreditazzjoni tal-programmi, u minoranza li qed tiżdied qed tiffoka esklussivament fuq l-evalwazzjoni istituzzjonali[10]. Dan jawgura tajjeb għad-direzzjoni futura tal-QA – l-evalwazzjoni istituzzjonali tagħti s-setgħa lill-akkademiċi u lill-HEIs sabiex jibnu l-curricula tagħhom u jiżguraw il-kwalità tagħhom, filwaqt li jevitaw il-bżonn ta' akkreditazzjoni formali u esterna ta’ kull programm individwali, u jkunu jistgħu jadattaw it-twassil b’mod rapidu għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u għal bidliet fil-kompożizzjoni tal-popolazzjoni tal-istudenti.

2.           IT-TENDENZI FIL-GARANZIJA TAL-KWALITÀ MILL-2009

2.1.        Il-QA kif appoġġjat lill-komunità akkademika, lill-istudenti u partijiet interessati oħrajn biex dawn jilħqu l-miri tagħhom?

Il-maġġoranza l-kbira tal-HEIs stabbilixxew strutturi u proċessi espliċiti tal-QA (fi stħarriġ tal-2010, 5% biss ma kellhomx dikjarazzjoni dwar il-politika tal-kwalità)[11]. Aktar minn 75% tal-HEIs għandhom strateġija pubblika għal titjib kontinwu tal-kwalità, u fir-CZ, DK, ES, IT, FI, LU u NL dan il-perċentwal jilħaq il-100%[12]. Iżda l-istituzzjonijiet qed jissaraw biex jaraw kif jistgħu jitbiegħdu mill-orjentazzjoni lejn il-proċess biex jistabbilixxu kultura ġenwina ta’ titjib kontinwu fil-kwalità[13]. It-tfassil ta’ QA biex toħloq proċess ta’ feedback kontinwu fl-orjentazzjoni strateġika ta’ istituzzjoni, b’responsabbiltà ċara fil-livelli kollha, jibqa’ ta’ sfida[14].

L-involviment tal-istudenti fit-titjib tal-kwalità qed jitjieb, skont l-istħarriġ QUEST, fejn madwar 85% tal-istudenti qed ikollhom iċ-ċans jipparteċipaw f’evalwazzjonijiet tal-istudenti u għadd sinifikanti jemmnu li dawn ikollhom impatt fuq il-kwalità tal-edukazzjoni[15]. L-istudenti kienu “tassew involuti” jew “sħab indaqs” fil-QA fi 17-il pajjiż fl-2012, meta mqabbel ma’ disa’ pajjiżi fl-2009 – iżda l-involviment tagħhom ivarja mhux biss minn sistema nazzjonali għal oħra, iżda anki f’sistema partikolari stess; f’ħafna HEIs l-involviment huwa limitat għal preżenza u osservazzjoni formali.[16]

Ħafna pajjiżi għandhom rekwiżit formali li min iħaddem jipparteċipa fil-garanzija tal-kwalità esterna (BE-fr, BG, CZ, DE, DK, EE, EL, FR, IT, LT, LV, PT, UK-Sc). [17] Madankollu, l-involviment attiv tagħhom fit-titjib tal-kwalità permezz ta’ parteċipazzjoni f’awditi istituzzjonali, pereżempju, mhuwiex mifrux: min iħaddem jipparteċipa f’timijiet ta’ reviżjoni esterna biss fil-BE(fr), DE, EL, FI, LV (għall-programmi professjonali), LT u UK (skont l-istituzzjonijiet)[18].

Huwa aktar probabbli wkoll li partijiet interessati esterni jkunu involuti f’livell ta’ qsim tal-informazzjoni aktar milli sħab attivi fil-QA interna tal-istituzzjoni stess.

Il-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-QA tistimola t-titjib tal-kwalità u tgħin fil-bini tal-fiduċja u t-trasparenza, madankollu t-tendenza li jiġu ppubblikati biss l-evalwazzjonijiet pożittivi (BE-nl, CY, CZ, l-ES, FR, HR, LT, MT, PL, UK) ma tgħinx. Fi 12-il każ biss (BE-de, BE-fr, DK, EE, FI, HR, IE, IT, LU, LV, PT, SK) aktar minn kwart tal-istituzzjonijiet jippubblikaw ukoll ir-rapporti kritiċi tagħhom.[19] Ħafna drabi l-informazzjoni ma tinftihemx faċilment jew ma tkunx faċilment aċċessibbli, u dan jillimita l-valur tagħha.[20]

Fil-livell Ewropew, l-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej (ESG), żviluppati fl-2005, għenu biex ikun hemm il-konverġenza tal-QA fil-pajjiżi differenti, u pprovdew qafas għall-kooperazzjoni bejn il-QAAs. Madankollu, in-natura ġenerika attwali tagħhom tfisser li dawn jiġu interpretati b’modi differenti u jiġu applikati b’mod mhux uniformi. Fil-livell istituzzjonali, il-penetrazzjoni u l-impatt tagħhom jibqgħu limitati. 12% biss ta’ dawk li pparteċipaw fi stħarriġ tal-EURASHE kkunsidraw l-ESG bħala utli għall-akkademiċi; 10% biss ikkunsidrawhom utli għall-istudenti, l-alumni jew dawk li jħaddmu[21]. Ħafna HEIs jikkunsidraw li għalkemm il-qafas ġeneriku jeżisti, ma jeżistux biżżejjed pariri prattiċi dwar kif tiġi żviluppata kultura ta’ kwalità b’saħħitha[22]. Ħafna mill-istudenti mhumiex konxji minnhom (59,7 % irrappurtaw li ma kellhom l-ebda għarfien; 23,9 % kellhom għarfien limitat ħafna)[23]. L-ESG qed jiġu riveduti, kif intalab fil-konferenza tal-Ministri f’Bucharest fl-2012, biex jittejbu ċ-ċarezza, l-applikabbiltà, l-utilità u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom[24]. Ir-rieżami huwa opportunità biex jissaħħaħ ir-rispons istituzzjonali għal sfidi bħat-twessigħ tal-parteċipazzjoni, it-tnaqqis ta’ persuni li jieqfu mill-istudju qabel iż-żmien, it-titjib tal-impjegabbiltà eċċ., u biex jiġi żgurat li l-QA tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ kultura ta’ kwalità b’saħħitha u l-involviment ġenwin tal-komunità akkademika.

2.2.        Il-QA kif għenet lill-istituzzjonijiet iwessgħu l-aċċess u jiżguraw li l-istudenti ma jiqfux jistudjaw qabel jiggradwaw?

Sabiex jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020 u dawk nazzjonali biex jiżdied in-numru ta’ gradwati biex b’hekk tiġi indirizzata d-domanda għall-ħiliet, jeħtieġ li l-Ewropa tiġbed sezzjoni trażversali usa’ tas-soċjetà lejn l-edukazzjoni għolja. Jeħtieġ li l-QA tappoġġja lill-istituzzjonijiet fir-rieżami u t-tisħiħ tal-kwalità u tal-impatt tal-politiki tagħhom biex jirreklutaw lill-istudenti, u fis-segwiment ta' kif dawn iħallu impatt fuq it-twessigħ tal-aċċess. Madankollu, ir-riċerka inizjali tipprovdi biss ftit evidenza li l-aġenziji tal-QA jappoġġjaw lill-istituzzjonijiet fit-twessigħ tal-aċċess permezz ta’ approċċi aktar innovattivi lejn l-ammissjoni, pereżempju, permezz tar-rikonoxximent tal-edukazzjoni preċedenti, l-għoti tal-opportunità li l-istudenti jiddokumentaw u jittrasferixxu krediti minn programmi li ma jkunux segwew sal-aħħar, jew billi jiżviluppaw mogħdijiet ta’ aċċess mill-VET u subsetturi oħra tal-edukazzjoni[25].

Il-kwalità tal-istrateġiji tal-HEIs biex jipprevjenu li persuni jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien[26] u jħeġġu lill-persuni jibqgħu jistudjaw, b’indikaturi jew miri biex ikejlu l-progress, tinfluwenza ċ-ċans li l-istudenti jirnexxilhom jispiċċaw l-istudji tagħhom. L-involviment tal-istudenti fit-tfassil tal-programmi u l-iżvilupp tal-kurrikulu jista’ jwassal għal riżultati aħjar għall-istudenti. Madankollu, 50% biss tal-HEIs jagħmlu dan, u 40% biss jużaw stħarriġ fost l-istudenti biex ikejlu l-ammont tax-xogħol.[27] Is-sistemi li jżommu rekord tal-progress tal-istudenti – bħal fil-BE-nl, DK, DE, IE u UK – jistgħu jidentifikaw l-elementi ta’ riskju, filwaqt li jimmiraw lejn l-intervent biex itejbu s-suċċess tal-istudju. Il-monitoraġġ tal-istadji ta’ tlestija, kif jagħmlu nofs is-sistemi tal-QA tal-UE (BE-de, BE-fr, BE-nl, EE, EL, FI, IT, LT, HU, PT, SI, IS, LI, NO), jew ir-rabta tar-rati ta’ tlestija mal-finanzjament, bħal f’minoranza ta’ pajjiżi (AT, BE-nl, CZ, DK, I, DE, IT, NL, SE, UK-Sc)[28], jagħti inċentiv lill-HEIs biex jimmonitorjaw u jtejbu is-suċċess tagħhom fil-prevenzjoni tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien.

Attwalment, 40% biss tal-HEIs jevalwaw b’mod regolari s-servizzi ta’ appoġġ tagħhom għall-istudenti.[29] Filwaqt li kważi kollha joffru appoġġ edukattiv bħal tuturi, mentors, gwida u għoti ta’ pariri, ftit aktar minn nofs biss jevalwaw kemm tkun tajba il-prestazzjoni tagħhom. Tendenza simili tista’ tiġi osservata għall-appoġġ li jingħata fil-libreriji, fl-informatika u fil-laboratorji.

2.3.        Il-QA kif appoġġjat lill-HEIs fil-forniment ta’ ħiliet relevanti u ta’ kwalità għolja lill-istudenti?

It-tranżizzjoni lejn tagħlim iffukat fuq l-istudent hija waħda mir-riformi reċenti l-aktar ta’ sfida. Filwaqt li ħafna mill-HEIs jiddefinixxu l-programmi ta’ studju f’termini ta’ riżultati ta’ tagħlim previsti għall-istudenti, tibqa’ l-isfida tal-inkorporazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim fit-tagħlim u l-valutazzjoni. Il-QA tista’ tinkoraġġixxi lill-HEIs jappoġġjaw lill-akkademiċi f’dan ir-rigward (pereżempju taħriġ obbligatorju għall-akkademiċi fl-użu tar-riżultati tat-tagħlim mogħtija mill-AT, BE-fr, CZ, IE, LV, RO, UK)[30]. L-applikazzjoni tal-QA fit-tfassil tal-programmi tista’ tgħin lill-akkademiċi jfasslu u jivvalutaw il-korsijiet tal-istudju b’kunsiderazzjoni ta’ riżultati ċari u relevanti, u tgħinhom ukoll jassenjaw il-krediti b’mod konsistenti. Madankollu, ġeneralment, dan ma jsirx fl-akkreditazzjoni tal-programmi esterni.[31] Bl-iżgurar tal-applikazzjoni adattata ta’ għodod oħra tat-trasparenza bbażati fuq ir-riżultati tat-tagħlim – oqfsa tal-kwalifiki, is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS), is-Suppliment għad-Diplomi – il-QA tista’ tappoġġja r-riżultati tat-tagħlim bħala l-pedamenti tat-twassil tal-edukazzjoni għolja – u b’hekk tappoġġja wkoll ir-rikonoxximent aħjar ta’ kwalifiki akkademiċi minn pajjiżi oħra[32].

Ħafna mill-HEIs jużaw il-QA biex jevalwaw u jiżviluppaw il-ħiliet tat-tagħlim u l-kwalifiki, iżda l-attività ta’ riċerka għad għandha t-tendenza li tisboq it-tagħlim fil-promozzjoni akkademika, u kwart biss tal-HEIs jipprovdu taħriġ obbligatorju għall-għalliema tagħhom[33]. Il-QA tista’ tappoġġja l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali u istituzzjonali li jippromwovu t-taħriġ tal-persunal; tirrikonoxxi l-ħiliet tat-tagħlim fl-iżvilupp tal-karrieri; tippromwovi premji għat-tagħlim jew fellowships; tuża l-feedback tal-istudenti; u tixpruna l-ġbir ta' esperjenza internazzjonali[34].

Modi ġodda tat-twassil tat-tagħlim, bħat-tagħlim imħallat jew korsijiet onlajn miftuħin massivi (MOOCs - massive open online courses), għandhom il-potenzjal li jibdlu l-mod kif titwassal l-edukazzjoni. L-oqfsa u l-istituzzjonijiet tal-QA jeħtieġ li jkunu flessibbli sabiex jappoġġjaw l-istituzzjonijiet fl-adozzjoni ta’ modi differenti ta’ għoti ta’ korsijiet b’mod innovattiv, fejn jadattaw il-kunċetti tagħhom ta’ kwalità u jiżviluppaw indikaturi ġodda biex jippermettu dawn il-bidliet. L-evalwazzjoni istituzzjonali għandha tappoġġja lill-istituzzjonijiet fl-ippjanar u l-allokazzjoni tar-riżorsi biex jiżviluppaw modi ġodda biex isiru aktar attraenti, jiżviluppaw servizzi niċċa jew jilħqu lill-istudenti li ma jkunux parti mill-edukazzjoni formali. Attwalment ċerti pajjiżi – ES, IT, NO – qed jinvestigaw il-potenzjal li korpi tal-QA jivvalutaw il-MOOCs.

Ħafna istituzzjonijiet isibuha diffiċli li jinvolvu lill-impjegati b’mod sistematiku fit-tfassil tal-kurrikulu u f’kif jitwassal, pereżempju fl-iżgurar li l-kollokamenti jwasslu għal riżultati ċari fit-tagħlim. Il-QA tista’ tappoġġja lill-istituzzjonijiet biex dawn jinvolvu lill-impjegati fit-tfassil ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol madwar riżultati tat-tagħlim u metodi ta’ valutazzjoni relevanti. F’ċerti pajjiżi (BE-fr, BG, DK, EE, AT, NO, CH) il-HEIs ikollhom juru li jinvolvu lil min iħaddem fl-iżvilupp tal-programmi[35]. Kooperazzjoni aktar sistematika mat-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali, kemm mill-HEIs u kemm mill-QAAs, tista’ tappoġġja din il-mira u tgħin fl-iżvilupp ta’ mogħdijiet ta’ tagħlim aktar flessibbli.

Biex jiġi żgurat li l-gradwati jkollhom il-ħiliet it-tajba għas-suq tax-xogħol, u biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet, il-QA tista’ tintuża biex turi li l-programmi ta’ studju jindirizzaw il-bżonnijiet tas-suq. Fil- BG, CZ, IT, AT u SI, l-HEIs jistgħu jintalbu juru li l-programmi tagħhom jindirizzaw domanda eżistenti[36]. Il-QA tista’ tappoġġja wkoll lill-HEIs biex dawn jintroduċu l-għarfien dwar il-mogħdijiet tal-karrieri tal-gradwati fit-tfassil u t-twassil tal-programmi – pereżempju, l-irbit tal-ittraċċar tal-gradwati mal-finanzjament (CZ, IT, SL, UK) jew mal-akkreditazzjoni (mill-ġdid) (AT, BE-nl, BG, DE, DK, NL)[37]. F’diversi pajjiżi (fosthom BG, DK, EE, IE, EL, FR, IT, LV, LT, HU), l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jissottomettu b’mod regolari d-dejta jew juru li jimmonitorjaw jew jittraċċaw l-impjieg fost il-gradwati.[38]

Minkejja dawn is-sejbiet, b’mod ġenerali, huma biss ftit HEIs li attwalment jittraċċaw jew jistħarrġu lill-alumni tagħhom biex itejbu l-programmi edukattivi u l-impjegabbiltà tal-gradwati[39]. Dawk li jagħmlu dan, fil-fatt jaraw bosta benefiċċji – l-iżvilupp ta’ approċċ aktar sistematiku lejn il-QA, it-titjib tar-responsabbiltà, il-kontribut attiv lejn Ewropa ta’ għarfien, u t-titjib tar-rabtiet mal-partijiet interessati[40].

2.4.        Il-QA appoġġjat il-mobbiltà waqt l-istudju u l-internazzjonalizzazzjoni?

Il-kooperazzjoni internazzjonali li baqgħet tiżdied fl-edukazzjoni għolja ħolqot pressjoni fuq il-pari biex l-istituzzjonijiet jiżviluppaw QA b’saħħitha, u l-HEIs li jkun beħsiebhom jiżviluppaw il-profil internazzjonali tagħhom ikunu jridu juru l-istandards ta’ kwalità tagħhom, bħala prerekwiżit għall-fiduċja li hija sottostanti għas-sħubijiet internazzjonali[41]. L-istudenti jagħtu valur lill-fatt li l-istandards tal-kwalità jkunu magħrufin meta jkunu qed jagħmlu l-għażliet tagħhom tal-istudju, fejn jiżguraw li jevitaw fornituri ta’ kwalità baxxa u istituzzjonijiet li joffru jew jakkreditaw lawrji ffalsifikati jew lawrji ta’ kwalità baxxa mingħajr awtorizzazzjoni. Impenn lejn il-QA jista’ jgħin ukoll biex inaqqas it-tħassib (kif tqajjem fost l-oħrajn mill-istħarriġ tal-PIAAC) dwar il-kwalità tal-lawrji barranin, li jista’ jxekkel ir-rikonoxximent u l-mobbiltà tal-istudenti.

L-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Garanzija ta’ Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (ENQA - European Association for Quality Assurance in Higher Education) u r-Reġistru Ewropew tal-Garanzija tal-Kwalità (EQAR - European Quality Assurance Register) irawmu l-kooperazzjoni fir-rigward tal-QA fil-livell Ewropew. Permezz tas-sħubija fl-ENQA, huwa rikonoxxut li madwar żewġ terzi tal-QAAs fl-EHEA (żieda minn madwar nofs fl-2009)[42] qed jaġixxu f’konformità mal-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej. Madankollu, 10 pajjiżi tal-UE (CY, EL, IT, LV, LU, MT, PT, SE, SI, SK) ma għandhomx aġenzija li hija membru sħiħ tal-ENQA[43].

L-EQAR żdied ukoll fl-għadd (minn 19-il membru governattiv meta tnieda fl-2008 għal 32 fl- 2013[44]). Ir-reġistru jappoġġja approċċ pan-Ewropew lejn il-garanzija tal-kwalità esterna, fejn l-istituzzjonijiet jistgħu jagħżlu li jiġu evalwati minn kwalunkwe QAA barra minn pajjiżhom, filwaqt li jistimola dimensjoni Ewropea li ttejjeb il-kwalità tal-QA. Sa issa, 39 aġenzija tal-EHEA (84% tal-QAAs eliġibbli kollha – dawk li ġew riveduti meta mqabblin mal-ESG) applikaw biex jidħlu fl-EQAR u minn dawn ġew approvati 35 applikazzjoni[45]. L-utenti ewlenin tar-Reġistru issa huma aktar kunfidenti li l-EQAR qed jgħin lis-sistemi nazzjonali tal-QA biex jinfetħu għal aġenziji minn barra (60% tas-sindikati nazzjonali tal-istudenti fl-2012, meta mqabbel ma’ 41% fl-2009)[46].

Madankollu, il-ministeri nazzjonali għandhom tendenza li jippreferu li jaħdmu ma’ aġenziji nazzjonali milli ma’ dawk barranin. Sa issa, żewġ QAAs minn kull ħamsa li huma rreġistrati fl-EQAR fil-fatt joperaw b’mod transfruntier, u għal dawk li joperaw b’dan il-mod, id-differenzi nazzjonali fil-QA u n-nuqqas ta’ dimensjoni Ewropea komuni tal-QA jippreżentaw sfidi. Sitt pajjiżi tal-UE (AT, BE-nl, BG, LT, PL, RO) jippermettu li l-HEIs tagħhom jaħdmu ma’ aġenziji barranin irreġistrati għal evalwazzjoni, awditu jew akkreditazzjoni regolari. Żewġ pajjiżi oħra (DE, DK) jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet dwar il-QA tal-aġenziji rreġistrati fl-EQAR kollha fir-rigward tal-programmi konġunti[47].

Il-QA u l-akkreditazzjoni esterni tal-programmi konġunti huma sfidi billi normalment dawn jinkludu diversi proċeduri nazzjonali ta’ akkreditazzjoni. Il-gvernijiet ħadu l-impenn li jeżaminaw il-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali relatati mal-programmi u l-lawrji konġunti, bħala pass lejn it-tneħħija tal-ostakoli għall-kooperazzjoni u l-mobbiltà. Inizjattiva attwali tal-Proċess ta’ Bolonja biex jiġi żviluppat approċċ Ewropew għall-akkreditazzjoni tal-lawrji konġunti, tista’ tgħin biex timminimizza l-burokrazija u tiffaċilita t-tkabbir tal-lawrji konġunti. Sadanittant, il-proġetti tal-ECA[48] huma pass lejn is-simplifikazzjoni u l-fiduċja reċiproka.

Ir-restrizzjonijiet fil-baġit fissru li ħafna QAAs ikkonċentraw fuq attivitajiet prinċipali fis-sistemi nazzjonali tagħhom.[49] Iżda hekk kif l-edukazzjoni għolja ssir aktar konnessa b’mod globali, il-QA jeħtieġ li tiżviluppa biex toħloq il-fiduċja meħtieġa mill-HEIs biex dawn jikkooperaw b’mod internazzjonali. Żvilupp pożittiv li sar mill-2009 huwa t-tendenza li jiġu inklużi esperti internazzjonali fil-panils tal-QA. L-ENQA u l-EQAR jista’ jkollhom rwol ewlieni fil-bini tal-fiduċja, inkluż permezz tal-involviment tal-ministeri u partijiet interessati oħrajn, il-ġbir tad-dejta dwar l-attivitajiet transfruntiera tal-QAAs, u l-promozzjoni ta’ standards u approċċi komuni (inkluż il-ġbir tad-dejta fil-livell nazzjonali, standards paragunabbli, dokumenti u rapporti strateġiċi).[50]

Il-kooperazzjoni transfruntiera fil-QA hija partikolarment essenzjali għall-edukazzjoni għolja transfruntiera (CBHE – il-franchising u l-fergħat tal-campus). Għalkemm dan jaffettwa biss lil għadd żgħir ta’ studenti fl-Ewropa, dan qed jiżdied u l-arranġamenti tal-garanzija tal-kwalità jvarjaw sostanzjalment bejn il-pajjiżi u l-fornituri. Permezz tal-monitoraġġ tal-kwalità tal-esportazzjonijiet tas-CBHE tal-istituzzjonijiet tagħhom, il-QAAs jistgħu jgħinu fl-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja u b’hekk jissalvagwardjaw ir-reputazzjoni tas-sistema tal-HE tagħhom u l-abbiltà usa’ tagħhom li jiġbdu studenti ġodda.

Fokus intensifikat mill-QAAs fuq il-kwalità tal-kooperazzjoni transfruntiera, bl-aġenziji jsaħħu r-rabtiet internazzjonali tagħhom stess, se jżid il-kredibbiltà, it-trasparenza u l-konsistenza tal-valutazzjonijiet tagħhom. Biex dan il-proċess jiġi ffaċilitat, il-QAAs fil-pajjiż ospitanti jistgħu jiġu infurmati dwar il-valutazzjonijiet tal-kwalità tal-istituzzjonijiet tas-CBHE li jinsabu f’pajjiżhom, jew jistgħu jwettqu valutazzjonijiet konġunti. Il-ftehimiet bilaterali li jagħtu mandat lill-aġenziji tal-QA fil-pajjiż ospitanti biex jaġixxu f’isem l-aġenzija tal-QA tal-oriġini, jew biex tippermetti lil aġenzija rreġistrata fl-EQAR tevalwa l-istituzzjoni tas-CBHE, jistgħu jgħinu biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-kwalità, u għandhom il-vantaġġ miżjud li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni transfruntiera u t-tagħlim reċiproku.

3.           KONKLUŻJONIJIET – APPOĠĠ MILL-UE GĦAT-TITJIB TAL-KWALITÀ FL-EDUKAZZJONI GĦOLJA

Dan ir-rapport juri li sar xi progress mill-2009, iżda jiżvela wkoll li hemm nuqqasijiet f’kif il-QA tappoġġja r-riformi fl-edukazzjoni għolja bħat-twessigħ tal-aċċess, it-titjib fl-impjegabbiltà u l-internazzjonalizzazzjoni, jew bit-titjib fit-taħriġ f’livell ta’ dottorat u fl-istrateġiji tar-riżorsi umani. Biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet, il-QA għandha ssir sors ta’ appoġġ għall-ħolqien ta’ kultura ta’ kwalità interna aktar milli proċedura biex jiġi vverifikat li kollox ikun qed isir. Għandha tinteraġixxi mal-oqsma kollha tal-attivitajiet ta’ istituzzjoni, biex iżżomm ruħha aġġornata mal-bidliet f’kif titfassal u titwassal l-edukazzjoni għolja, u tinvolvi lill-istituzzjoni kollha fil-ħolqien ta’ kultura ta’ kwalità li sservi ta’ bażi għat-tagħlim.

Barra minn hekk, b’mod aktar frekwenti ċ-ċittadini qegħdin jiċċaqilqu bejn is-sistemi – kemm fil-mogħdijiet edukattivi tradizzjonali u kemm biex jaġġornaw u jwessgħu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom tul ħajjithom. Għadd akbar ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim ma għadhomx jikkonformaw mal-arranġamenti konvenzjonali tal-klassifikazzjoni. L-istudenti qed jingħataw dejjem aktar offerti – kif inhu xieraq – li jagħtuhom ċans ifasslu l-mogħdija tat-tagħlim tagħhom billi jagħżlu opportunitajiet minn subsistemi u forom ta’ twassil differenti, inkluż permezz ta’ riżorsi tat-tagħlim disponibbli permezz tal-ICT, u għandhom ikunu jistgħu jafdaw il-kwalità tagħhom.

L-emerġenza ta’ oqfsa ta’ kwalifiki li jkollhom kwalità garantita għat-tagħlim tul il-ħajja, li ġiet promossa bis-sħiħ mill-EQF, tagħti lok għal riflessjonijiet fuq approċċ ibbażat fuq is-setturi lejn il-garanzija tal-kwalità, u dwar jekk huwiex possibbli li jiġu identifikati xi prinċipji u linji gwida bażiċi li jkunu validi għas-setturi kollha u applikabbli għall-kwalifiki kollha. Biex tali sfidi jiġu indirizzati, ikun utli li tiġi diskussa l-QA fl-edukazzjoni għolja f’kuntest komprensiv tal-istrumenti kollha għall-garanzija tat-trasparenza u l-kwalità. Il-każ għal koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-istrumenti Ewropej kollha għall-garanzija tat-trasparenza u l-kwalità, qed jiġi esplorat mill-Kummissjoni bħala mezz biex tiġi stabbilita żona Ewropea sħiħa ta’ ħiliet u kwalifiki. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-garanzija tal-kwalità għandu jitwessa’ biex ikopri firxa usa’ ta’ suġġetti relevanti għall-edukazzjoni għolja.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tippjana li twettaq l-azzjonijiet li ġejjin bil-għan li jkun hemm kooperazzjoni Ewropea aħjar fir-rigward tal-garanzija tal-kwalità għat-tagħlim tul il-ħajja:

· Konsultazzjoni mal-partijiet interessati dwar is-sejbiet ta’ dan ir-rapport u dwar il-bżonn u l-fattibbiltà tat-titjib tal-koerenza bejn il-garanzija tal-kwalità fis-subsetturi edukattivi differenti, bħala parti mill-konsultazzjoni li se ssir dwar żona Ewropea ta’ ħiliet u kwalifiki, fejn jitfittxu aktar sinerġiji u konverġenza tal-għodod tal-UE tat-trasparenza u r-rikonoxximent[51].

· L-enfasi fuq il-bżonn li ssir rieżami bir-reqqa tal-ESG li tiffoka b’mod partikolari fuq l-istabbiliment ta’ standards ta’ kwalità aktar milli fuq approċċi proċedurali, twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biex jinkludi kwistjonijiet imqajmin f’dan ir-rapport u jinfetaħ għall-kooperazzjoni dwar il-garanzija tal-kwalità ma’ setturi oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

· Tkomplija fit-titjib tal-artikolazzjoni tal-għodod tat-trasparenza Ewropej li jappoġġjaw il-garanzija tal-kwalità, ir-rikonoxximent u l-mobbiltà, fost l-oħrajn fis-segwitu għall-evalwazzjonijiet tal-2013 tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, l-EQAVET u l-Europass; permezz ta’ appoġġ lin-netwerk ENIC-NARIC, il-Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-EQF u ċ-Ċentri tal-Europass; u fir-reviżjoni tal-Gwida tal-Utenti tal-ECTS.

· Ħidma mal-Istati Membri biex aktar aġenziji ta’ garanzija tal-kwalità[52] jiġu inkoraġġuti japplikaw għar-reġistrazzjoni tal-EQAR,; u biex jippermettu lil aġenziji barranin irreġistrati mal-EQAR joperaw fis-sistemi tal-HE tagħhom.

· Tkomplija tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-QA fil-livell internazzjonali, permezz ta’ djalogu politiku ma’ sħab internazzjonali prinċipali u bħala bażi għas-sħubijiet mal-HEIs madwar id-dinja.

Permezz ta’ Erasmus+, l-UE ser tipprovdi:

· Appoġġ għall-kooperazzjoni transfruntiera fil-QA permezz ta’:

· Sħubijiet strateġiċi u alleanzi tal-għarfien, li jippermettu lill-HEIs jitgħallmu minn xulxin fl-iżvilupp ta’ kulturi ta’ kwalità u fl-appoġġ għall-involviment ta’ min iħaddem u ta’ partijiet interessati ġodda bħal riċerkaturi, impjegati, eċċ.

· Għoti ta’ appoġġ lill-QAAs u lill-HEIs biex jaħdmu flimkien sabiex jiżviluppaw proċessi ta’ garanzija tal-kwalità biex jindirizzaw l-isfidi ewlenin u jiżguraw impatt aħjar tal-ESG rivedut fil-livell istituzzjonali.

· Titjib tad-djalogu transsettorjali mal-VET dwar it-tema tal-QA.

· L-iskambju ta’ prattiki tajbin biex jitrawmu proċeduri aktar sempliċi għall-akkreditazzjoni tal-programmi konġunti, permezz ta’ inizjattivi appoġġjati mill-Ewropa.

· Appoġġ għal riforma fl-edukazzjoni għolja, inkluż permezz ta’:

· Inizjattiva biex tippromwovi riforma fl-edukazzjoni għolja, inkluż fir-rigward tal-iżvilupp ta’ kultura ta’ kwalità, permezz ta’ tagħlim u reviżjoni tal-pari u studji jew għodod tal-partijiet interessati, manwali, eċċ.

· Proġetti innovattivi biex itejbu l-kapaċità tal-garanzija tal-kwalità biex tiġi appoġġjata riforma sostenibbli.

Il-Kummissjoni tilqa’ l-enfasi li għamlu għadd ta’ pajjiżi fuq il-kwalità tas-sistemi tagħhom tal-edukazzjoni għolja fl-abbozzi tal-Ftehimiet dwar is-Sħubijiet li qed jitressqu sabiex jipprovdu qafas għan-nefqa mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment għal bejn l-2014 u l-2020. Huwa kruċjali li dawn l-impenji jiġu msaħħin minn inizjattivi ffukati fil-programmi operattivi li ser jimplimentaw il-Ftehimiet, u t-tisħiħ ta’ arranġamenti ta’ garanzija tal-kwalità għandu jkun objettiv ċar ta’ inizjattivi bħal dawn.

[1]               COM(2011) 567 finali.

[2]               COM(2013) 499 finali.

[3]               COM(2013) 654 finali.

[4]               Previżjoni tal-Ħiliet tal-OECD għall-2013: L-Ewwel Riżultati mill-Istħarriġ tal-Ħiliet tal-Adulti. http://skills.oecd.org/documents/OECD_Skills_Outlook_2013.pdf

[5]               COM(2009) 487 finali.

[6]               Rakkomandazzjoni 2006/143/KE tal-15 ta’ Frar 2006 (ĠU L 64, 4.3.2006).

[7]               Rauhvargers, Andrejs (2012): Report by the EHEA Working Group on Recognition (Rapport mill-Grupp ta’ Ħidma EHEA dwar ir-Rikonoxximent), p. 23. Disponibbli onlajn fuq http://www.ehea.info/Uploads/%281%29/Recognition%20WG%20Report.pdf

[8]               http://www.eua.be/Libraries/Publications_homepage_list/Salzburg_II_Recommendations.sflb.ashx

                http://ec.europa.eu/euraxess/pdf/research_policies/Principles_for_Innovative_Doctoral_Training.pdf

[9]               http://ec.europa.eu/euraxess/index.cfm/rights/strategy4Researcher

[10]             EACEA (2012): Iż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja fl-2012: Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tar-Rapport ta’ Bolonja, p. 60.

http://www.ehea.info/Uploads/%281%29/Bologna%20Process%20Implementation%20Report.pdf

[11]             Loukkola, Tia; Zhang, Thérèse (2010): Examining Quality Culture: Part 1 (Neżaminaw il-Kultura ta’ Kwalità: L-ewwel Parti). EUA. Brussell, p. 33. http://www.eua.be/pubs/Examining_Quality_Culture_Part_1.pdf

[12]             EACEA, op.cit, p. 68.

[13]             IBAR (2012): Identifikazzjoni tal-Ostakoli fil-Promozzjoni tal-ESG għall-Garanzija tal-Kwalità fil-Livell Istituzzjonali. Pakkett tax-Xogħol 8, p. 4.

http://www.ibar-llp.eu/assets/files/wp8/WP8%20Cross-country%20comparative%20study.pdf

[14]             Ibid., p. 38.

[15]             Jungblut, Jens; Vukasovic, Martina (2013): QUEST FOR QUALITY FOR STUDENTS - Survey on Students’ perspectives (IT-TFITTXIJA GĦALL-KWALITÀ GĦALL-ISTUDENTI – Stħarriġ dwar il-perspettivi tal-Istudenti) ESU, Brussell, p. 68. http://www.esu-online.org/resourcehandler/30010f4b-c7a9-4827-93a5-84aaaaa91709/

[16]             Bischof, Lukas; Gajowniczek, Joanna; Maikämper, Moritz (2013): Study to Prepare the Report on Progress in the Development of Quality Assurance Systems in the Various Member States and on Cooperation Activities at European Level (Studju biex Jitħejja Rapport dwar il-Progress fl-Iżvilupp tas-Sistemi ta’ Garanzija tal-Kwalità fid-Diversi Stati Membri u dwar l-Attivitajiet ta’ Kooperazzjoni fil-Livell Ewropew), p. 27.

[17]             Il-Modernizzazzjoni tal-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa: aċċess, żamma u impjegabbiltà – riċerka tal-Eurydice, li għandha tiġi ppubblikata fl-ewwel semestru tal-2014. BE-de u IS jinvolvu lil min iħaddem fi QA esterna mingħajr ebda rekwiżiti formali.

[18]             Id-dejta tas-sors tal-Eurydice għar-rapport ta’ Implimentazzjoni ta’ Bolonja.

[19]             EACEA, op.cit., p. 69.

[20]             Bischof et al., op.cit., p. 39. Vercruysse, Proteasa, 2012.

[21]             ENQA (2011): IMMAPPJAR TAL-IMPLIMENTAZZJONI U L-APPLIKAZZJONI TAL-ESG (PROĠETT TA’ MMAPJAR TAL-ESG). ENQA. Brussell, p. 56. http://www.enqa.eu/files/op_17_web.pdf

[22]             IBAR (2012): Pakkett tax-Xogħol 5, p. 12.

http://www.ibar-llp.eu/assets/files/wp5/WP5%20Cross-country%20comparative%20study.pdf

[23]             Jungblut, Vukasovic, op.cit., p. 67.

[24]             Il-Konferenza Ministerjali tal-EHEA (2012): Bucharest Communiqué, p 2. Reviżjoni mwettqa mill-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati (l-ENQA; l-ESU; l-EUA; l-EURASHE, Education international; l-EQAR; Business Europe) għall-approvazzjoni mill-Ministri fl-2015

[25]             Eurydice, op. cit.

[26]             Il-medja tal-OECD fl-2011 kienet 68,4 % ta’ dawk f’livell tal-ewwel lawrja li spiċċaw il-kors tagħhom

[27]             Loukkala, Zhang, op.cit., pp. 11, 30.

[28]             EACEA, op.cit., p. 112.

[29]             Sursock, Andrée; Smidt, Hanne (2010): Trends 2010: A decade of change in European Higher Education. (Tendenzi 2010: Deċennju ta’ bidla fl-Edukazzjoni Għolja Ewropea) EUA. Brussell, p. 86.

http://www.eua.be/typo3conf/ext/bzb_securelink/pushFile.php?cuid=2756&file=fileadmin/user_upload/files/Publications/Trends_2010.pdf

[30]             EACEA, op.cit., p. 51.

[31]             Ibid., p. 51.

[32]             Cf. Bucharest Communiqué, p. 4.

[33]             Loukkala, Zhang, op.cit., p. 34.

[34]             Rapport dwar il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Modernizzazzjoni tal-Edukazzjoni Għolja, http://ec.europa.eu/education/higher-education/modernisation/index.html

[35]             Eurydice, mhux ippubblikat.

[36]             Ibid.

[37]             Gaebel, Michael et al (2012): Tracking Learners’ and Graduates’ Progression Paths (TRACKIT). (L-Ittraċċar tal-Meded ta’ Progress tal-Istudenti u l-Iggradwati) EUA. Brussels, pp 27-28.

http://www.eua.be/Libraries/Publications_homepage_list/EUA_Trackit_web.sflb.ashx

[38]             Eurydice, mhux ippubblikat.

[39]             Gaebel et al., op.cit, p. 26.

[40]             Ibid, p. 44.

[41]             Sursock, Smidt, op.cit, p. 21.

[42]             Bischof, op.cit, p. 50.

[43]             http://www.enqa.eu/agencies.lasso, ġie vverifikat fl-4.11.2013 (għalkemm jinkludi pajjiżi żgħar li jista’ jkun li ma għandhomx QAA nazzjonali).

[44]             Il-Membri Governattivi tal-UE: AT, BE-nl, BG, HR, CY, CZ, DK, EE, ES, FR, DE, IE, PT, LV, LU, MT, NL, PL, PT, RO, SI - http://www.eqar.eu/association/members.html#c28

[45]             http://www.eqar.eu/fileadmin/documents/eqar/information/EQAR_AR12_screen.pdf

[46]             Bischof, op.cit., p. 56.

[47]             Tück, Colin (2013): Rapport Annwali tal-EQAR tal-2012, pp. 15-17. http://www.eqar.eu/fileadmin/documents/eqar/information/EQAR_AR12_print.pdf

[48]             Ibid. Ara wkoll MULTRA fuq: http://www.ecaconsortium.net/main/documents/mutual-recognition-agreements

[49]             Bischof, op. cit., p. 52.

[50]             L-ENQA u l-EQAR mexxew proġetti li wasslu għar-rapport fl-2014.

[51]             COM(2012) 669 finali.

[52]             Pjan Strateġiku għal bejn l-2013 u l-2017 (Tück, op.cit, pp 25-29) jissuġġerixxi, fost l-oħrajn, li dan isir permezz ta’ reviżjoni tal-ESG.