52014DC0025

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali /* COM/2014/025 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

Fl-2012, l-Unjoni ċċelebrat l-għoxrin anniversarju tas-suq uniku li jiżgura l-moviment liberu ta’ prodotti, servizzi, nies u kapital fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE). L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li ssawwar numru ta’ rakkomandazzjonijiet għal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern għall-prodotti industrijali, u li tfassal viżjoni usa’ għad-deċennju li jmiss. Ser tintbagħat lill-Kunsill Ewropew, kif mitlub fil-laqgħa tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Marzu 2013.

It-tisħiħ tal-effettività tas-suq intern għall-prodotti industrijali ntgħażel bħala prijorità fl-aġġornament ta’ Ottubru 2012 dwar Politika Industrijali Integrata[1]. Dan ippropona r-riindustrijalizzazzjoni tal-UE, fuq il-bażi ta’ strateġija msejsa fuq erba’ pilastri, fosthom it-titjib tal-aċċess għas-swieq.

Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea għamlet evalwazzjoni tal-liġi tal-UE fil-qasam tal-prodotti industrijali biex tivvaluta l-koerenza ġenerali tal-qafas regolatorju u "l-idoneità tiegħu għall-iskop", kif ukoll biex tiżviluppa bażi ta’ evidenza fuq l-effetti regolatorji kumulattivi minn perspettiva industrijali. B’mod parallel, il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati. Din il-Komunikazzjoni tibni fuq ir-riżultati tal-evalwazzjoni u l-konsultazzjoni pubblika, u tanalizza l-ambjent regolatorju tas-suq intern għall-prodotti industrijali. Ir-riżultati dettaljati tal-evalwazzjoni, il-konsultazzjoni pubblika u għadd ta’ studji tal-każijiet huma stabbiliti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.

Is-suq intern għall-prodotti kien minn ta’ quddiem nett fl-integrazzjoni ekonomika tal-UE. Ix-xkiel regolatorju fi ħdan l-Unjoni huwa evitat bid-Direttiva 98/34/KE[2] jew eliminat permezz tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, jew permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni. L-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni jinqasam fi tnejn: l-ewwel nett, li jiżgura li l-prodotti mqegħdin fis-suq Ewropew jiggarantixxu livelli għoljin ta’ protezzjoni għas-saħħa u s-sikurezza u għall-ambjent; u t-tieni nett, li jiżgura l-moviment liberu tal-prodotti billi jibdel ir-regoli nazzjonali ma’ sett uniku armonizzat ta’ kundizzjonijiet għat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq intern sabiex dawn ikunu jistgħu jiċċirkolaw bil-libertà. 

L-enfasi ta’ din il-Komunikazzjoni hija fuq il-prodotti industrijali, jiġifieri prodotti mhux tal-ikel manifatturati permezz ta’ proċess industrijali[3]. Tkopri firxa wiesgħa ta’ prodotti bħal tipi differenti ta’ magni, tagħmir tar-radju, apparati elettriċi u elettroniċi, ġugarelli u ħafna oħrajn. L-acquis tal-UE għall-prodotti industrijali espanda b’mod gradwali, u llum hemm iktar minn 30 direttiva u regolament[4]; it-tnejn li huma jkopru prodotti industrijali speċifiċi (eż. tagħmir tal-pressjoni, apparati tal-gass) u dawk li japplikaw orizzontalment fost firxa wiesgħa ta’ gruppi ta’ prodotti, bħar-REACH (sustanzi kimiċi) u d-Direttiva dwar l-Ekodisinn.

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li dan l-aħħar kienet soġġetta għal reviżjoni fil-fond, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar l-apparat mediku, il-kożmetiċi, il-prodotti tal-kostruzzjoni, u s-sikurezza tal-prodotti għall-konsumaturi u s-sorveljanza tas-suq, mhijiex ikkonċernata minn din il-Komunikazzjoni. Anki l-prodotti kimiċi u l-vetturi bil-mutur jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-analiżi, peress li dan l-aħħar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dawn is-setturi ġiet evalwata jew soġġetta għal kontroll tal-idoneità regolatorja. Finalment, il-prodotti farmaċewtiċi mhumiex affettwati minħabba n-natura ferm speċifika tagħhom.

2.           X’inhuma l-benefiċċji tas-suq intern għall-prodotti industrijali?

Minn meta s-Suq Uniku sar realtà fl-1993, il-kummerċ fi ħdan l-UE fil-prodotti kiber bħala sehem mill-PDG b’madwar 5 punti perċentwali. Il-kummerċ fi ħdan l-UE kien jirrappreżenta madwar 17% tal-PDG tal-UE fl-1999 u kważi 22% fl-2011. Barra minn hekk, il-kummerċ fi ħdan l-UE jirrappreżenta perċentwal għoli ħafna tal-PDG f’ħafna mill-Istati Membri.

Figura 1 – L-evoluzzjoni tal-kummerċ fi ħdan l-UE fi prodotti bħala sehem mill-PDG tal-UE, 1999-2011 (medja ta’ esportazzjoni u importazzjoni) - Sors: Eurostat

L-evoluzzjoni tal-kummerċ fi ħdan l-UE fit-tliet kategoriji wisgħin ta’ prodotti industrijali skont il-klassifikazzjoni tal-SITC (Makkinarju u tagħmir tat-trasport, prodotti manifatturati klassifikati skont il-materjali u prodotti manifatturati oħrajn) qabżet ir-rata ta’ tkabbir tal-valur totali miżjud tal-manifattura fl-UE bejn l-2000 u l-2012 (ara l-figura ta’ hawn taħt).

Figura 2 - Evoluzzjoni tal-kummerċ fi ħdan l-UE (esportazzjonijiet, 2000=100) f’setturi tal-manifattura partikolari fir-rigward tal-valur miżjud gross tal-manifattura - Sors: Eurostat

Filwaqt li hemm differenzi importanti bejn is-setturi koperti mil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni dwar prodotti industrijali, ħafna raw żieda fil-livell ta’ kummerċ fi ħdan l-UE, b’mod partikolari bejn l-2003 u l-2008. Għad li tliet setturi raw tnaqqis fil-livell ta’ kummerċ fi ħdan l-UE mill-1999 ’l hawn (jiġifieri magni tal-uffiċċju u pproċessar awtomatiku ta’ dejta, makkinarju għax-xogħol tal-metall u apparat fotografiku), ħafna minnu aktarx li jista’ jkun attribwit għall-bidu tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fl-2008, iżda anki għal dinamiki oħrajn marbutin, pereżempju, mal-emerġenza ta’ smartphones u tablets.

Figura 3 - L-evoluzzjoni tal-kummerċ fi ħdan l-UE f’setturi tal-manifattura partikolari (valur tal-importazzjonijiet; 1999=100) - Sors: Eurostat

Aċċess aħjar għas-suq intern u s-swieq globali wassal għal ekonomiji tal-kobor u kamp ta’ applikazzjoni ikbar u b’hekk saħħaħ il-kompetittività u l-kosteffiċjenzi fil-livell tad-ditti permezz ta’ konverġenza regolatorja u tal-prodotti fil-livell tal-UE u, sa ċertu punt, anki fil-livell globali. Qabel ma twaqqaf is-suq uniku, kull Stat Membru tal-UE kien jimponi obbligi fuq in-negozji fl-interessi tas-sikurezza, is-saħħa u l-ħarsien tal-konsumaturi. Dan fisser li kien hemm ostakoli regolatorji konsiderevoli għall-kummerċ fil-prodotti minħabba r-regoli u r-rekwiżiti differenti, jiġifieri n-negozji kellhom jittrattaw lil kull Stat Membru tal-UE bħala suq separat u joffru prodotti differenti.

In-negozju fuq bażi transfruntiera f’dan l-ambjent operattiv kien jimponi kostijiet konsiderevoli għall-konformità regolatorja fuq in-negozji. Għalhekk, l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni suċċessiva vertikali u orizzontali tal-Unjoni indirizzat direttament il-ħtiġijiet tal-industrija Ewropea.

F’ċerti waqtiet, ma kien hemm fis-seħħ l-ebda regola nazzjonali qabel ma ġiet adottata l-leġiżlazzjoni tal-UE li indirizzat diskrepanzi regolatorji, u b’hekk in-negozji setgħu jiżviluppaw suq ikbar għall-prodotti tagħhom, filwaqt li jiżguraw livelli għoljin ta’ sikurezza tal-prodotti u protezzjoni. Pereżempju, sal-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Makkinarji[5] fl-1989, ħafna oqfsa legali nazzjonali ma kinux jirregolaw b’mod adegwat is-sikurezza u l-użu tal-makkinarju elettriku u mekkaniku, minkejja l-livell għoli ta’ riskju involut għal dawk li jħaddmu tali makkinarju. F’dawn is-setturi, il-leġiżlazzjoni tal-UE ssawret ferm qabel l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u b’hekk evitat li jfeġġu regolamenti nazzjonali differenti li kienu jwasslu għal frammentazzjoni tas-suq, ostakoli għall-moviment liberu tal-prodotti u piżijiet amministrattivi ikbar għall-konformità regolatorja.

L-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti permezz tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern kienet relevanti fil-promozzjoni tal-kompetittività industrijali, għaliex il-konverġenza regolatorja fil-livell tal-UE sostnuta minn standards tekniċi volontarji ppromwoviet l-aċċess għal swieq ġodda fi ħdan is-suq intern, u wasslet għal kompetizzjoni iktar ġusta u kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi ekonomiċi. Il-leġiżlazzjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-Unjoni ssaħħaħ ukoll il-kompetittività b’modi oħrajn, eż. permezz tal-effetti fuq il-konverġenza globali regolatorja u tal-prodotti, tisħiħ tal-innovazzjoni u riżultati tal-RTD (permezz ta’ approċċ newtru għat-teknoloġija), il-promozzjoni ta’ konsolidazzjoni tal-industrija li twassal għal ekonomiji ta' skala ikbar, bid-ditti tal-manifattura li jkunu kapaċi joperaw fi ħdan is-suq intern u lil hinn.

3.           L-evoluzzjoni tal-Liġi tal-Unjoni dwar il-prodotti industrijali

3.1.        L-UE tirregola biss l-elementi essenzjali…

Mill-1985, l-Unjoni applikat mekkaniżmu uniku għal-leġiżlazzjoni armonizzata dwar il-prodotti: il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi r-“rekwiżiti essenzjali” fir-rigward tas-sikurezza, is-saħħa u interessi pubbliċi oħrajn li n-negozji jridu jikonformaw magħhom meta jqiegħdu prodotti fis-suq tal-Unjoni. Il-prinċipju fundamentali huwa li n-negozji jridu juru li kkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, possibbilment bl-għajnuna ta’ standards armonizzati żviluppati mill-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni. Imbagħad, il-prodotti jkunu jistgħu jinbiegħu fis-suq intern.

L-hekk imsejjaħ "approċċ ġdid" għar-regolamentazzjoni tal-prodotti naqqas b’mod konsiderevoli d-diverġenza fir-regolamenti tekniċi nazzjonali dwar il-prodotti, u nissel suq uniku mingħajr fruntieri għall-prodotti industrijali armonizzati. Kisser l-ostakoli għall-aċċess għas-suq għall-industrija u għamilha faċli sabiex in-negozji joperaw fi swieq pan-Ewropej. Is-suq intern fil-prodotti industrijali ġab miegħu benefiċċji ekonomiċi u għall-impjiegi, permezz tal-kontribuzzjoni tiegħu għal iktar kummerċ fi ħdan l-UE. B’hekk, spiss jiġi rikonoxxut bħala wieħed mill-iktar ġrajjiet ta’ suċċess tal-UE.

3.2.        … ma’ u għan-nies, in-negozji, u l-Istati Membri…

Ir-regoli Ewropej dwar il-prodotti industrijali jiddependu ħafna mill-kontribut ferm siewi ta’ diversi gruppi importanti ta’ atturi:

· Manifatturi u negozji oħrajn fil-katina tal-provvista huma mistennija jieħdu l-passi li jmiss biex il-prodotti tagħhom isiru konformi mar-rekwiżiti legali. Il-manifatturi jridu jsegwu d-diversi proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità filwaqt li – b’mod partikolari permezz tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija – ikunu jistgħu jieħdu sehem fl-iżvilupp ta’ standards tekniċi u jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Anki partijiet interessati rilevanti oħrajn – eż. gruppi tal-konsumaturi, gruppi ambjentali u trade unions – jieħdu sehem b’mod attiv f’dan il-proċess.

· Numru ta’ mekkaniżmi u strutturi li jsostnu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. L-Istati Membri huma responsabbli għall-iżvilupp ta’ regoli ta’ implimentazzjoni nazzjonali u sabiex jagħżlu l-korpi kompetenti għall-valutazzjoni tal-konformità, l-hekk imsejħa "korpi notifikati" – inkluża d-determinazzjoni ta’ jekk mekkaniżmi ta’ akkreditazzjoni humiex meħtieġa, u għall-monitoraġġ tal-operat tal-korpi notifikati. Jappoġġjaw u jiggwidaw ukoll lin-negozji sabiex jiżguraw implimentazzjoni, sorveljanza tas-suq u infurzar effettivi. 

· Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni għandha rwol komprensiv importanti fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni dwar il-prodotti industrijali, fil-valutazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-bidliet regolatorji possibbli, u t-tiftix ta’ ksur possibbli tal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni hija responsabbli wkoll li titlob lill-korpi ta’ standardizzazzjoni tal-UE jiżviluppaw standards tekniċi b’appoġġ tal-leġiżlazzjoni, skont il-prijoritajiet identifikati fil-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Unjoni dwar l-istandardizzazzjoni[6]. Programmi Qafas Ewropej suċċessivi tar-Riċerka taw is-sehem tagħhom għall-iżvilupp ta’ standards għal teknoloġiji u prodotti li ser ikomplu fil-Programm Orizzont 2020.

3.3.        … iżda ma toqgħodx lura minn riformi kbar meta jkun hemm bżonnhom

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar prodotti industrijali tistabbilixxi r-rekwiżiti ewlenin għan-negozji. Eżempji ta’ dawn huma l-marka CE li tindika l-konformità tal-prodott mal-leġiżlazzjoni tal-UE, u l-passi obbligatorji li jridu jittieħdu qabel ma prodott ikun jista’ jġorr il-marka CE, bħat-tressiq ta’ dikjarazzjoni tal-konformità.

Għad li fil-prinċipju r-rekwiżiti amministrattivi għan-negozji huma ċari (il-marka CE, id-dikjarazzjoni tal-konformità, l-awtoċertifikazzjoni jew valutazzjoni tal-konformità ta’ partijiet terzi skont it-tip ta’ Direttiva jew Regolament u l-livell ta’ sikurezza jew riskju ieħor involut), fil-prattika, feġġew anomaliji u differenzi bejn testi legali tal-UE. Dan huwa parzjalment dovut għall-fatt li l-volum ġenerali tal-leġiżlazzjoni żdied, u l-fatt li siltiet individwali tal-leġiżlazzjoni evolvew b’mod indipendenti. Pereżempju, ir-rekwiżiti għad-dikjarazzjonijiet ta’ konformità kienu jvarjaw bejn id-Direttivi, kemm fir-rigward tal-informazzjoni li kellha tiġi pprovduta, u kemm fir-rigward ta' jekk id-dikjarazzjonijiet ta’ konformità kellhomx jitqiegħdu flimkien mal-prodott jew setgħux ikunu fil-manwal ta’ akkumpanjament biss.

Għalhekk, kien hemm bżonn urġenti ta’ standardizzazzjoni, u li tiġi żgurata konsistenza ikbar f’termini ta’ rekwiżiti għan-negozji u l-awtoritajiet nazzjonali. Mill-2009, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prodotti industrijali għaddiet minn riformi kbar biex jiġu eliminati inkonsistenzi żejda bejn bosta siltiet tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, u biex jiġu minimizzati l-piżijiet fuq in-negozji:

· Matul il-perjodu 2009-2013 ser ikunu ġew proposti u/jew adottati iktar minn ħmistax-il proposta differenti għar-reviżjoni ta’ direttivi fuq medda wiesgħa ta’ prodotti industrijali, li jvarjaw minn ġugarelli sa installazzjonijiet ta’ rotot b’kablaġġ[7]. Ħafna minn dawn id-direttivi u r-regolamenti l-ġodda ser ikollhom jiġu trasposti jew applikati sa mhux iktar tard mill-2015.

· Ir-Regolament dwar il-Prodotti tal-Kostruzzjoni[8] ġie adottat fl-2011 u beda japplika mill-2013.

· Ir-Regolament ta’ Standardizzazzjoni[9] ġie adottat fl-2012 u beda japplika mill-2013.

· Barra minn hekk, tressqu żewġ proposti leġiżlattivi orizzontali għal regolamenti dwar is-sorveljanza tas-suq u s-sikurezza tal-prodotti għall-konsumatur, u dawn huma mistennija jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-2014.

· Analiżi preliminari tindika li l-partijiet interessati jidhru sodisfatti bir-regoli attwali tal-Unjoni dwar il-makkinarji u l-ġugarelli. Madankollu, il-Kummissjoni ser tvara evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Makkinarji fl-2015 u, fuq il-bażi tal-kontribut mill-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha fl-2014, ser tanalizza jekk ir-regoli dwar is-sikurezza tal-ġugarelli għandhomx isiru iktar effettivi.

· Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa wieħed mill-pilastri tas-suq intern, u fil-qasam tal-prodotti industrijali, huwa stipulat u spjegat fir-"Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku"[10]. Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2013[11], il-Kummissjoni ser tvara evalwazzjoni tal-funzjonament tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u tirrapporta lill-Kunsill fl-2015.

4.           Reviżjoni tal-Leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prodotti industrijali

Valutazzjoni dettaljata u indipendenti tal-funzjonament ta’ kuljum tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prodotti industrijali ħarset lejn l-impatt tagħha fuq in-negozji, l-amministrazzjonijiet nazzjonali u partijiet interessati oħrajn. Il-konklużjonijiet globali juru li l-leġiżlazzjoni tas-suq intern hija rilevanti għall-ilħiq tal-għanijiet tal-UE fir-rigward tal-bżonn ta' miżuri ta' armonizzazzjoni teknika, b'livelli għoljin ta' protezzjoni għas-saħħa u s-sikurezza, għall-konsumaturi u għall-ambjent. Il-qafas leġiżlattiv tas-suq intern iħaddan fih il-kapaċità li jwieġeb mill-ewwel biex jadatta għat-tibdil.

Madankollu, il-valutazzjoni u l-konsultazzjoni pubblika identifikaw serje ta’ problemi jew punti li jridu jittejbu, u wasslu għal numru ta’ rakkomandazzjonijiet. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet, li jiġbru fil-qosor il-fehmiet tal-partijiet interessati u l-evalwazzjoni indipendenti tal-leġiżlazzjoni, huma dawn li ġejjin:

4.1.        Titjib fl-arkitettura tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni

(1) Regolamenti flok direttivi għandhom ikunu l-istrument preferut għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. Dan jelimina d-differenzi fl-iskedar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tidħol fis-seħħ madwar l-Unjoni, u jonqos ir-riskju ta’ traspożizzjoni, interpretazzjoni u applikazzjoni diverġenti. Madankollu, il-fattibbiltà ta’ dan l-approċċ għandha tiġi kkonfermata fuq valutazzjoni ta’ każ b’każ, billi jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ regolamentazzjoni aħjar kif ukoll il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Wara analiżi pożittiva, il-Kummissjoni fost l-oħrajn ipproponiet regolament fil-qasam tat-tagħmir tar-radju[12].

(2) Għandhom isiru analiżijiet perjodiċi tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti industrijali sabiex jiġi żgurat li l-qafas regolatorju jkun konsistenti, u li ma hemm l-ebda diskrepanza, inkonsistenza, jew piż regolatorju kbar li jistgħu jitnaqqsu jew xi xogħol doppju fil-leġiżlazzjoni stess jew bejn siltiet differenti tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti industrijali. Dawn l-analiżijiet għandhom iseħħu b’mod regolari biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tibqa’ aġġornata, li qed tilħaq l-għanijiet tagħha biżżejjed, u li tirrifletti l-iżviluppi fl-industrija u l-innovazzjoni tal-prodotti.

(3) Għandu jiġi kkunsidrat Regolament orizzontali msejjes fuq id-Deċiżjoni 768/2008/KE, li jistabbilixxi definizzjonijiet komuni u elementi komuni oħrajn li japplikaw fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni ta’ madwar l-Unjoni. Regolament bħal dan idaħħal iktar koerenza fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni.

(4) Għandu jsir aġġornament regolari ta’ gwida mhux vinkolanti dwar il-konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni bħal “The ‘Blue Guide’ on the implementation of EU product rules” (“Il-‘Gwida Blu’ dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-prodotti”)[13]. Fejn possibbli, il-gwida għandha tagħti kontribut fuq ir-raġuni wara rekwiżiti jew standards partikolari.

(5) F’għadd ta’ oqsma li jaqgħu taħt prodotti professjonali, il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-fażi tal-użu (eż. installazzjonijiet, manutenzjoni) stabbiliti fil-livell nazzjonali timponi iktar ostakoli li jnaqqsu l-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni. Filwaqt li t-tali aspetti jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti industrijali, l-iżvilupp u d-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni t-tali aspetti bil-għan li jnaqqsu kemm jista’ jkun kwalunkwe xkiel.

4.2.        Tisħiħ tal-effettività tal-qafas regolatorju

(6) Il-Kummissjoni għandha tkompli tieħu f’kunsiderazzjoni modi kif issaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-partijiet interessati mis-soċjetà ċivili (eż. assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u assoċjazzjonijiet ta’ utenti professjonali) fit-tħejjija ta’ inizjattivi għal azzjoni leġiżlattiva tal-UE u fil-proċessi ta’ standardizzazzjoni. Possibbiltà minnhom tkun li tiżgura li l-assoċjazzjonijiet tal-industrija li jiffokaw fuq l-SMEs ikunu rappreżentati aħjar fi gruppi ta’ ħidma dwar leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni speċifika tal-Unjoni għal prodotti industrijali, bl-appoġġ ipprovdut għall-kostijiet ta’ parteċipazzjoni tagħhom fejn dan ikun possibbli.

(7) L-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-istandards għandhom jitħeġġu jagħmlu sommarji tal-istandards armonizzati disponibbli b’xejn fuq il-websajts tagħhom. Il-manifatturi, b’mod partikolari l-SMEs, mhux bilfors ikunu jafu minn qabel eżattament liema standards jeħtieġu. It-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-sommarji b’xejn inaqqas iż-żmien u l-kostijiet relatati max-xiri ta’ standards mhux adattati.

(8) Għandu jkun hemm tranżizzjoni mgħaġġla lejn “sorveljanza tas-suq elettroniku” li fiha l-operaturi ekonomiċi jagħmlu informazzjoni dwar il-konformità disponibbli fuq l-internet kemm jista’ jkun. Dokumentazzjoni u dejta teknika iktar sensittiva mitluba mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod elettroniku permezz ta’ trażmissjoni sigura tad-dejta. Dan jippromwovi modi iktar effiċjenti ta’ żgurar ta’ trasparenza u forniment bidirezzjonali ta’ informazzjoni u dejta dwar il-konformità bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq u n-negozji.

(9) Sabiex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ġejjieni bla karti għas-sorveljanza tas-swieq, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq (u, fejn xieraq, l-awtoritajiet doganali) għandhom ikunu mgħammra b’apparat għat-tgħarbil jew qarrejja ta’ smartphones li jikkollegaw mat-taqsima ta’ konformità tal-websajt tal-operaturi ekonomiċi jew websajt awtonoma ddedikata. Dan huwa soġġett għall-identifikazzjoni tar-riżorsi u jeħtieġ investiment konġunt mill-industrija u mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq.

(10) In-negozji għandhom jingħataw flessibbiltà ikbar fl-ilħuq tar-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà sabiex jippromwovu użu ikbar tat-tikkettar elettroniku. Dan jgħin sabiex jitħaffef it-tħassib il-kbir li n-negozji għandhom fir-rigward tar-rekwiżiti attwali dwar it-traċċabbiltà għall-prodotti u għall-imballaġġ biex jipprovdu informazzjoni sħiħa dwar id-destinatarju. Dawn jitqiesu żejda, u jitqiesu li jnaqqru mill-estetika tal-prodott u d-disinn industrijali. It-tikkettar elettroniku jipprovdi rotta alternattiva vijabbli għall-ilħuq tal-istess rekwiżiti.

(11) Meta grupp ta’ prodotti li attwalment ma jkunux armonizzati isir parti minn grupp ta’ prodotti armonizzati, għandha tingħata kunsiderazzjoni dwar jekk huwiex possibbli li jiġu integrati gruppi ta’ prodotti ġodda f’siltiet eżistenti tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti industrijali, minflok ma tiġi proposta leġiżlazzjoni ġdida. Eżempju tajjeb f’dan ir-rigward kien il-makkinarju agrikolu biex jitferrxu pestiċidi, li ġie inkorporat fid-Direttiva dwar il-Makkinarju.

4.3.        Tisħiħ tal-iskema ta’ implimentazzjoni għal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni

(12) Il-mekkaniżmi biex jitħaffu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq u l-Kummissjoni, bħal RAPEX[14] u ICSMS[15], għandhom ikomplu jiġu sostnuti. Il-koordinazzjoni u l-azzjonijiet ta’ appoġġ tal-UE relatati mas-sorveljanza tas-suq permezz tal-"Pakkett dwar is-Sikurezza tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq"[16] huma fundamentali u għandhom jinżammu f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq bl-għan tal-iktar użu effiċjenti tar-riżorsi.

(13) L-użu ta’ akkreditazzjoni għandu jissaħħaħ iktar permezz ta’ approċċ konsistenti fil-qasam irregolat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008[17].

(14) Is-sinerġiji għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ bejn strutturi differenti fl-iskema ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni għal prodotti industrijali. Hemm bżonn ta’ sinerġiji ikbar bejn SOLVIT, li jsolvi problemi ġenerali relatati mal-funzjonament ħażin tas-suq intern, in-Netwerk Enterprise Europe, li jgħin lill-SMEs jibbenefikaw minn opportunitajiet fis-suq intern, u l-Punti ta’ Kuntatt dwar il-Prodotti, li għandhom għarfien iktar speċjalizzat dwar il-leġiżlazzjoni tal-prodotti mhux armonizzati. Pereżempju, jista’ jkun hemm riferimenti ta’ każijiet bejn SOLVIT, in-Netwerk Enterprise Europe u l-Punti ta’ Kuntatt dwar il-Prodotti. Għandha tiġi mistħarrġa wkoll il-possibbiltà li tintuża s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern[18] għall-kollegament tal-Punti ta’ Kuntatt nazzjonali dwar il-Prodotti. Persunal li jaħdem fl-istrutturi differenti jista’ jiġi mgħarraf iktar dwar il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u l-punti ta’ kuntatt għall-industrija li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet relatati mas-suq intern tal-prodotti industrijali.

(15) Ir-rwol tal-Punti ta’ Kuntatt dwar il-Prodotti stabbilit mir-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku[19] għandu jitwessa' għall-prodotti armonizzati sabiex jipprovdu l-ewwel punt ta’ kuntatt għad-ditti. Ħafna ditti ma jafux lil minn jikkuntattjaw, u hemm livell baxx ta’ għarfien fost id-ditti ż-żgħar u l-mikroimpriżi fuq il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern, u anki fuq jekk leġiżlazzjoni armonizzata jew mhux armonizzata tapplikax għall-prodott tagħhom. Dan isaħħaħ il-viżibbiltà tal-Punti ta’ Kuntatt dwar il-Prodotti, u jipprovdi lill-SMEs b’sors ta’ informazzjoni ċara.

4.4.        Tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għan-negozji

(16) Peress li l-prodotti kollha jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti legali dwar is-sikurezza, is-saħħa u interessi pubbliċi oħrajn, hemm kamp ta’ applikazzjoni limitat għall-eżenzjonijiet tal-SMEs mid-dispożizzjonijiet legali fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti industrijali. Minkejja dan, it-Test tal-SMEs[20] dejjem għandu jiġi applikat sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti amministrattivi ma jimponux piżijiet sproporzjonati fuq l-SMEs, filwaqt li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tilħaq l-għanijiet tagħha.

(17) Sors uniku ta’ referenza dwar it-tibdiliet li jsiru fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti industrijali u aġġornamenti għall-istandards, u li jindikaw meta dawn jidħlu fis-seħħ, għandhom ikunu disponibbli għad-ditti. Tali informazzjoni tiffranka ħin u riżorsi għall-industrija, b’mod partikolari l-SMEs. Imbagħad, in-negozji li jabbonaw għas-servizz ikunu jistgħu jirċievu aġġornamenti bil-posta elettronika li jispjegaw il-bidliet li jkunu se jsiru u li jgħarrfuhom meta se jseħħu. Madankollu, iċ-ċaqliq minn approċċ imsejjes fuq il-leġiżlazzjoni għal wieħed fuq il-prodotti biex l-operaturi ekonomiċi jkunu mgħarrfin dwar il-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni applikabbli tal-Unjoni għall-prodotti industrijali u standards volontarji jkun eżerċizzju intensiv fit-teknika u l-użu tar-riżorsi. Ikun jeħtieġ ukoll kooperazzjoni u appoġġ b’saħħithom tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija u l-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni, bi wħud minnhom diġà jwettqu ħidma relevanti f’dan il-qasam.

(18) In-negozji għandhom jitħallew ikomplu jagħżlu bejn il-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni unika ta’ konformità u dikjarazzjoni differenti ta’ konformità għal kull silta ta’ leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni applikabbli tal-Unjoni għall-prodotti.

(19) Huwa kruċjali li l-industrija ma jingħatalhiex wisq piż xi ġġorr b’bidliet leġiżlattivi spissi wisq, peress li saru ħafna bidliet fl-aħħar għaxar snin, b’oħrajn li għad iridu jidħlu fis-seħħ fil-futur qarib. Azzjoni jew miżuri regolatorji għandhom jibqgħu jkunu soġġetti għal konsultazzjoni pubblika, u jiġu sostnuti minn valutazzjonijiet tal-impatt.

4.5.        Estensjoni tal-kopertura tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni dwar il-prodotti

(20) Il-Kummissjoni għandha tippromwovi konverġenza internazzjonali fil-leġiżlazzjoni u standards tekniċi għall-prodotti industrijali, peress li din tista’ tgħin sabiex jonqsu l-kostijiet tal-konformità għall-industrija, u b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività industrijali. Is-Sħubija fil-Kummerċ u l-Investiment (TTIP) li qed tiġi nnegozjata bejn l-UE u l-Istati Uniti hija pass importanti fid-direzzjoni t-tajba, u għandha tiġi mixtarra kooperazzjoni msaħħa mar-regolaturi u korpi tal-istandards f’pajjiżi terzi oħrajn li huma swieq ta’ esportazzjoni ewlenin għall-Ewropa, speċjalment f'pajjiżi li spiss jibbażaw l-istandards fuq standards Ewropej jew inkella fuq standards internazzjonali tal-ISO u l-IEC.

5.           Viżjoni għall-ġejjieni

L-importanza tal-indirizzar tal-ostakli regolatorji sejra biss tiżdied mal-pass tal-bidla teknoloġika u hekk kif id-dinja u l-ktajjen tal-provvista globali jsiru dejjem iktar integrati. F’dan il-kuntest, u filwaqt li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa fundamentali li jiġu minimizzati l-piżijiet amministrattivi, speċjalment għall-SMEs, l-oqsma li ġejjin jidhru li huma dawk li fuqhom għandha tiġi ffokata l-attenzjoni.

5.1.        Suq intern li jaħdem sew għall-prodotti jeħtieġ mekkaniżmi ta’ infurzar b’saħħithom

It-tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq, u l-iżgurar li l-Istati Membri jinvestu r-riżorsi umani u finanzjarji neċessarji fis-sorveljanza tas-suq, huma importanti għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ infurzar. L-isfida hija doppja. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet iridu jiżguraw li l-leġiżlazzjoni hija infurzata bħala għodda għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi importanti bħas-saħħa u s-sikurezza, il-protezzjoni tal-ambjent u s-sigurtà, u l-ħarsien tal-konsumaturi. Min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi ta’ infurzar jgħinu biex tiġi eliminata kompetizzjoni inġusta u jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi. Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ infurzar fis-suq intern huma essenzjali wkoll.

Kważi l-organizzazzjonijiet kollha tan-negozji laqgħu bi ħġarhom il-"Pakkett ta’ Sorveljanza tas-Suq" il-ġdid tal-Kummissjoni, iżda ddispjaċiehom li s-sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli armonizzati ma kinux applikati b’mod koerenti. Dawn is-sanzjonijiet mhumiex minnhom infushom parti mis-sorveljanza tas-suq iżda iktar huma konsegwenza tagħha. Uħud mill-partijiet interessati jargumentaw li sistema diżaggregata u mferrxa tas-sanzjonijiet ekonomiċi tirriżulta f’nuqqas ta’ konformità mal-liġi tal-UE li dejjem tmur lejn il-qasam fejn is-sanzjonijiet huma l-iktar ħfief f'mument determinat. Din is-sitwazzjoni tista’ tiġi evitata li kieku l-penali ekonomiċi tal-Istati Membri differenti jiġu simplifikati jew armonizzati, tal-inqas b’tali mod li jevita diskrepanzi kbar u jittratta l-ksur kollu tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti b’mod simili mal-UE kollha.

Għalhekk, il-Kummissjoni ser tikkunsidra t-tfassil ta' proposta leġiżlattiva fuq kif jiġu ssimplifikati u armonizzati s-sanzjonijiet ekonomiċi ta’ natura amministrattiva u ċivili għan-nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni biex jiġi żgurat trattament indaqs tan-negozji kollha fi ħdan is-suq intern għall-prodotti industrijali. Pjattaforma tal-awtoritajiet ta’ infurzar li tiffaċilita l-ħidma tagħhom u l-kooperazzjoni reċiproka ser tkun ta’ valur miżjud.

5.2.        Leġiżlazzjoni ‘orizzontali’ dwar il-prodotti

Ħafna partijiet interessati talbu li jkun hemm inqas regoli settorjali u aktar regoli orizzontali fost is-setturi tal-prodotti industrijali, sabiex jiġu evitati rekwiżiti li jidħlu f’xulxin jew f’kunflitt. Leġiżlazzjoni “ġenerika” orizzontali legalment vinkolanti li tistabbilixxi l-elementi komuni fost is-setturi kienet rakkomandata minn ħafna partijiet interessati. Madankollu, kien hemm ukoll ħafna fehmiet differenti fuq dan il-punt, bi wħud mill-partijiet interessati jippreferu li t-test relevanti kollu jiġi inkluż f’kull Direttiva. Bosta awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq u assoċjazzjonijiet tal-industrija kienu favur it-trasformazzjoni tad-Direttiva 768/2008/KE f’Regolament, peress li Regolament orizzontali bħal dan inaqqas il-volum tal-leġiżlazzjoni attwali, li spiss jitqies li huwa xogħol doppju u mhux adattat għall-SMEs. Għall-kuntrarju tad-Deċiżjoni 768/2008/KE li fiha biss dispożizzjonijiet ta’ referenza, ir-regolament “ġeneriku” orizzontali jkun legalment vinkolanti u direttament applikabbli wkoll.

Eżempju fil-livell nazzjonali jeżisti fir-regolament nazzjonali orizzontali adottat fil-Ġermanja bbażat fuq id-Deċiżjoni 768/2008/KE. Dan jipprovdi umbrella regolatorja u qafas ġenerali li skonthom trid tiġi strutturata l-leġiżlazzjoni settorjali fil-livell nazzjonali mnissla mil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-prodotti.

Il-proposta dwar kif jiġu ssimplifikati u armonizzati s-sanzjonijiet ekonomiċi ta’ natura amministrattiva jew ċivili għan-nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni għandha tieħu pass ġdid fis-simplifikazzjoni u t-tħaffif tal-qafas legali komuni eżistenti għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti industrijali, inklużi l-manutenzjoni u s-servizz ta’ wara l-bejgħ tagħhom.

5.3.        L-innovazzjoni u l-ġejjieni diġitali

Is-soċjetà diġitali qed tevolvi b’rata dejjem iktar mgħaġġla. Ngħidu aħna, ir-robotika tal-ġejjieni u t-teknoloġiji ġodda fil-manifattura, bħall-manifattura adittiva, magħrufa wkoll bħala “stampar 3-D”, jistgħu jġibu ammont importanti tal-produzzjoni ta’ żminijietna lura lejn dimensjoni lokali, forsi iktar sostenibbli. L-istampar 3-D għandu l-potenzjal li jġib kundizzjonijiet ekwi bejn l-SMEs u l-industrija l-kbira billi jnaqqas il-kostijiet tal-iżvilupp u jippermetti lid-ditti jiżviluppaw prototipi u disinji inizjali huma stess, minflok ma jkollhom jesternalizzawhom bi spiża għolja wisq. Fl-istess waqt, ir-revoluzzjoni tal-mowbajls se tibqa' għaddejja, b'firxa sħiħa ta' apparat intelliġenti u li wieħed jista' jilbes, bħal arloġġi jew nuċċalijiet intelliġenti, tessili intelliġenti, eċċ..

F'kelma waħda, id-dinja miexja dejjem iktar lejn l-"internet tal-oġġetti", li bih l-oġġetti kollha ser ikunu mgħammrin b’apparati ta’ identifikazzjoni ċkejknin. Jekk l-oġġetti kollha fil-ħajja ta’ kuljum ikunu mgħammrin b’tags tar-radju, ikunu jistgħu jiġu identifikati u jiddaħħlu f’inventarji b’kompjuters. Is-softwer ser jieħu ħsieb kull ma hemm bżonn biex il-prodotti jkunu jistgħu jiġu ttraċċati u magħduda, u l-ħela, it-telf u l-kostijiet jistgħu jitnaqqsu sew. Is-softwer se jgħarraf lill-utenti meta l-affarijiet ikunu jeħtieġu li jinbidlu, li jissewwew jew li jissejħu lura, u jekk humiex friski jew għaddiex żmienhom.

Madankollu, meta ġiet adottata l-biċċa l-kbira mil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, ftit li xejn kien hemm għodod elettroniċi disponibbli. Il-konformità mar-regoli għadha tinvolvi mili ta’ dokumenti għan-negozji u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq.

Sabiex jibqa’ kompetittiv, is-suq Ewropew għall-prodotti industrijali jeħtieġ qafas regolatorju li jiffaċilita l-innovazzjoni u ma joħloqx xkiel żejjed għall-użu fil-ħin ta’ teknoloġiji ġodda u l-introduzzjoni fis-suq ta’ innovazzjonijiet. Il-leġiżlazzjoni u l-istandards tal-UE jridu jippermettu lill-prodotti u t-teknoloġiji l-ġodda jkunu disponibbli fis-suq malajr, sabiex l-Ewropa tkun tista’ tisfrutta l-vantaġġ bħala pijuniera fis-suq tax-xogħol globali. Fl-istess waqt, sfidi ġodda miġjuba mit-teknoloġiji l-ġodda se jkollhom jitqiesu dejjem aktar, bħar-riskju ta' produzzjoni mhux irregolata ta' prodotti perikolużi mill-istampaturi 3-D, jew bħall-impatt ta' tagħmir għar-reġistrazzjoni awdjoviżiva potenzjalment mistur f'apparati intelliġenti, li se kulma jmur se jkunu aktar preżenti.

Il-Kummissjoni ser tieħu f’kunsiderazzjoni l-innovazzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi fit-tfassil ta’ kwalunkwe proposta ġdida fis-suq intern għall-isfera tal-prodotti. Ser tvara wkoll inizjattiva dwar il-konformità elettronika li biha l-konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni tista’ tintwera b’mod elettroniku u f’diversi lingwi, pereżempju permezz tat-tikkettar elettroniku, is-sorveljanza tas-suq diġitali u dikjarazzjonijiet elettroniċi ta’ konformità fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

5.4.        Id-distinzjoni li qed tgħib bejn il-prodotti u s-servizzi kollegati tagħhom (installazzjoni, manutenzjoni, eċċ.)

Id-ditti tal-manifattura qed joffru dejjem iktar servizzi flimkien mal-prodotti tradizzjonali tagħhom. L-interazzjoni bejn il-manifattura u s-servizzi saret iktar kumplessa. Is-servizzi u l-prodotti manifatturati jintużaw bħala inputs intermedji biex jiġi prodott numru ikbar ta’ prodotti finali u servizzi. Il-kontenut tas-servizzi tal-manifattura ilu jikber fl-UE u f’partijiet oħrajn tad-dinja. Fl-2011, iktar minn terz tal-valur miżjud inkorporat fil-produzzjoni finali tal-manifattura kien ġej mis-servizzi.

Għad li l-prodotti tal-manifattura jintużaw ukoll għall-produzzjoni ta’ servizzi, il-kontenut tal-manifattura tas-servizzi huwa kważi tliet darbiet iżgħar mill-kontenut tas-servizzi tal-manifattura, u żdiedet ferm inqas maż-żmien. Il-kontenut medju tal-manifattura tas-servizzi prodott fl-UE huwa madwar 10%.

Hemm grad għoli ta’ komplimentarjetà bejn il-prodotti u s-servizzi tal-manifattura[21]. Servizzi bħall-manutenzjoni u t-taħriġ huma elementi ferm importanti fil-forniment ta’ prodotti manifatturati kumplessi. Servizzi oħrajn, bħat-trasport, huma essenzjali għat-tlestija ta’ prodotti manifatturati, iżda għadhom soġġetti għal ċerti restrizzjonijiet tas-suq. Fl-istess ħin, l-importanza tas-servizzi speċjalizzati bħal intermedjazzjoni finanzjarja, komunikazzjonijiet, assigurazzjoni u servizzi kummerċjali speċjalizzati b’intensità għolja ta’ għarfien (KIBS) qed isiru inputs importanti fil-produzzjoni sofistikata tal-manifattura. Dan il-proċess huwa wieħed mill-bosta spjegazzjonijiet għall-kontribuzzjoni dejjem ikbar tas-servizzi għall-produzzjoni ġenerali ta’ ekonomija[22].

Il-kwistjoni ta’ komplimentarjetà tal-prodotti u s-servizzi għandha importanza dejjem ikbar għall-ekonomija. Il-Kummissjoni ser tanalizza kif tista' ttejjeb l-interfaċċja bejn il-prodotti tal-manifattura u s-servizzi fi ħdan is-suq intern. 

5.5.        Iktar Regolamenti, inqas Direttivi…

Id-Direttivi kienu l-istrumenti ppreferuti għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-prodotti u għamlu s-suq intern tal-prodotti industrijali realtà. Madankollu, illum, minħabba l-livell għoli ta’ integrazzjoni tas-swieq, l-isfidi huma ġodda u l-għanijiet tal-politiki saru saħansitra iktar ambizzjużi.

F’dinja dejjem iktar kumplessa, l-aċċess għall-informazzjoni dwar ir-regoli għall-prodotti huwa ferm importanti. Il-kostijiet assoċjati mas-sejbien tal-informazzjoni t-tajba jistgħu jkunu konsiderevoli. Dan huwa minnu speċjalment għall-kummerċ transfruntier. L-aċċess għall-informazzjoni jista’ jibqa’ problema fis-suq uniku għal prodotti fejn id-Direttivi huma vinkolanti fuq ir-riżultat li jrid jinkiseb, iżda jħallu f’idejn l-Istati Membri l-għażla tal-forma u l-metodi. Minħabba din il-flessibbiltà, it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UE u l-implimentazzjoni tagħhom jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor, u jistgħu jipperikolaw il-koerenza tal-qafas regolatorju ġenerali għall-prodotti. Ir-riskju huwa partikolarment għoli meta l-kunċetti huma vagi jew id-dispożizzjonijiet ikunu impreċiżi, kif spiss jirriżulta mill-konċiljazzjoni tal-interessi ta’ 28 pajjiż jew iktar. Fil-fatt, nuqqas ta’ informazzjoni jew differenzi regolatorji jistgħu jikkostitwixxu ostakolu ferm sinifikanti għall-kummerċ fi ħdan l-UE, u, ovvjament, dan iseħħ l-iktar għall-SMEs. Dan ma jsirx eħfef jekk in-negozji jkollhom bżonn jikkomunikaw ma’ għadd kbir ta’ awtoritajiet governattivi f’bosta lingwi differenti.

Il-qlib minn Direttivi għal Regolamenti jwassal għal inqas burokrazija u iktar ċertezza għan-negozji. Soġġetta għal valutazzjoni każ b’każ, minn issa l-Kummissjoni ser tibda tagħti prijorità għall-forma ta’ Regolament bħala s-sors ewlieni tal-liġi tal-Unjoni għan-negozji u l-awtoritajiet, sabiex ma jkunx hemm regolamentazzjoni żejda u l-għadd ta’ każijiet ta’ ksur jonqos għall-minimu.

5.6.        … u approċċ favorevoli għan-negozji fir-regoli dwar il-prodotti

Għandu jsir iktar biex in-negozji jkunu megħjuna fil-konformità mal-liġi tal-UE dwar il-prodotti industrijali. Huwa essenzjali li jinżamm il-bilanċ it-tajjeb bejn il-kostijiet tar-regolament u l-għanijiet fil-mira tiegħu. Bħalissa, in-negozji jħabbtu wiċċhom ma’ diversi atti leġiżlattivi li japplikaw għall-istess prodotti / manifatturi u d-distinzjoni bejn ħafna minn dawn l-atti kultant ma tkunx ċara. Il-liġi dwar is-suq intern hija maqsuma fuq mijiet ta’ Direttivi li jista’ jkollhom kamp ta’ applikazzjoni, proċeduri, approċċi, eċċ. differenti u jirrekjedu miżuri ta’ traspożizzjoni addizzjonali.

Għalhekk, simplifikazzjoni u kjarifika tar-regoli dwar il-prodotti huma fil-qalba tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni. Hemm bżonn ta’ integrazzjoni regolatorja msaħħa tas-suq intern għall-prodotti. Idealment, l-approċċ regolatorju li bih il-prodotti jkunu soġġetti għal diversi Direttivi li jkollhom fil-mira interessi pubbliċi simili jew differenti u trasposti b’mod differenti fl-Istati Membri, jista’ jitnaqqas billi jinħolqu “punti uniċi ta’ servizz” leġiżlattivi għall-manifatturi ta’ kategorija partikolari ta’ prodotti. Approċċ bħal dan ikun ifisser li bosta rekwiżiti applikabbli għal grupp wieħed ta’ prodotti jista’ jkun kopert minn approċċ leġiżlattiv uniku u koerenti. Simplifikazzjonijiet regolatorji kbar għandhom ikunu objettiv fuq żmien medju sa twil. Għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati u sinkronizzati mal-analiżijiet perjodiċi tal-leġiżlazzjoni. B’hekk, il-Kummissjoni tagħraf l-effetti kumulattivi tal-frekwenza tal-bidliet għal-leġiżlazzjoni Ewropea, kif ukoll it-talba ċara tal-industrija għal perjodi ta’ stabbiltà regolatorja b’bidla inkrementali, minflok rivoluzzjoni qawwija spissa tal-leġiżlazzjoni armonizzata dwar il-prodotti.

Minbarra regoli favorevoli għan-negozji, importanti wkoll li l-istandards ma joħolqux frammentazzjoni tas-suq. Minħabba l-possibbiltà limitata għall-Kummissjoni li tintervjeni fil-proċess ta’ standardizzazzjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma mħeġġin jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-iżvilupp tal-istandards, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom l-istandards huma appellati biss fi tmiem il-proċess.

Meta ssir analiżi perjodika tal-leġiżlazzjoni settorjali, il-Kummissjoni ser tikkunsidra jekk huwiex fattibbli li tgħaqqadha ma’ leġiżlazzjoni oħra applikabbli għall-istess kategorija ta’ prodotti.

5.7.        Is-suq globali

L-importanza tal-indirizzar tal-ostakoli regolari sejra biss tiżdied hekk kif id-dinja ssir iktar multipolari u hekk kif ċentri ġodda għall-iżvilupp ekonomiku u l-kummerċ, bl-ambjent regolatorju tagħhom, ifeġġu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u li qed jikbru b’rata mgħaġġla.

Qabel, l-UE setgħet isserraħ rasha mill-attrazzjoni tal-mudell regolatorju tagħha, peress li konformità mar-regolamentazzjoni tal-UE kienet tfisser li l-imsieħba kummerċjali jiksbu aċċess għall-ikbar importatur ta’ prodotti fid-dinja. Minħabba d-daqs tas-suq intern, l-UE kienet “tistabbilixxi l-istandards” fix-xena internazzjonali. Madankollu, biex tibqa’ kompetittiva u tiżgura li l-kumpaniji tal-UE għandhom l-aqwa opportuntiajiet, l-UE trid tagħraf li din is-sitwazzjoni qed tinbidel u trid tadatta għar-realtà l-ġdida. Il-kompetittività internazzjonali tan-negozji tal-UE jrid ikollha rwol ikbar fl-evalwazzjoni tar-regolamentazzjoni eżistenti tal-UE u l-kunsiderazzjoni tal-alternattivi għal inizjattivi ġodda.

L-approċċ tal-UE lejn l-imsieħba kummerċjali tagħha jvarja. Minn naħa, l-għan fir-rigward tal-pajjiżi li jaspiraw li jissieħbu fl-UE, u msieħba ġirien oħrajn, huwa li jinkiseb allinjament sħiħ mal-mudell regolatorju tal-UE. Min-naħa l-oħra, għad li l-approċċ lejn imsieħba iktar distanti ma jistax ikun daqstant ieħor ambizzjuż, xorta għadu mmirat lejn konverġenza regolatorja. Mill-perspettiva tal-operaturi ekonomiċi, il-konverġenza regolatorja tippreżenta vantaġġi kbar meta mqabbla ma’ ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku, b’mod partikolari f’termini ta’ ċertezza legali.

F’ambjent globali li qed isir dejjem iktar iffokat fuq tariffi baxxi, ostakoli regolatorji jew “wara l-fruntieri” huma responsabbli għal kostijiet amministrattivi relattivament ogħla u kostijiet tal-konformità sostantivi għall-industrija. L-UE għandha ttejjeb id-djalogi strateġiċi tagħha ma’ pajjiżi terzi ewlenin bħala mezz kif tibni fiduċja reċiproka u ttejjeb il-prevedibbiltà tal-iżviluppi regolatorji. Din hija għodda essenzjali sabiex l-industrija tippjana bil-quddiem.

L-UE diġà qed tinnegozja ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ma’ pajjiżi industrijalizzati importanti. Dawn in-negozjati fetħu opportunitajiet biex jonqsu l-ostakoli regolatorji bejn imsieħba kummerċjali ewlenin, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi pubbliċi. Jikkontribwixxu għal riflessjoni ġenerali dwar regoli komuni u globali dwar il-prodotti. Għall-UE dan ifisser aċċess usa’ għal swieq emerġenti ewlenin fejn hemm tkabbir ekonomiku u domanda kbar.

Ftehim Trans-Atlantiku għall-Kummerċ li jelimina l-ostakoli tradizzjonali għall-kummerċ għall-prodotti u s-servizzi jkun pass kbir lejn regoli globali bħal dawn. Jista’ jnaqqas il-kostijiet relatati mal-konformità regolatorja għall-kumpaniji fi ħdan l-ekonomija. L-adozzjoni ta’ regolamenti trans-Atlantiċi komuni għal teknoloġiji ġodda tista’ tiffranka miljuni, u tista' tgħin biex jiġu ddefiniti standards u regolamenti globali miftuħin għall-industriji tal-ġejjieni.

L-UE għandha tkompli tippromwovi l-konverġenza internazzjonali fil-leġiżlazzjoni u fl-istandards tekniċi għall-prodotti industrijali, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ produzzjoni tal-interessi pubbliċi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura enfasi ikbar fuq l-impatt tar-regolamentazzjoni tal-UE fuq il-kompetizzjoni internazzjonali tan-negozju tal-UE.

6.           Konklużjoni

Minkejja l-istadju ta’ żvilupp u integrazzjoni avvanzata li jinsab fih, is-suq intern għall-prodotti jrid jibqa’ jevolvi biex iżomm il-pass mal-isfidi teknoloġiċi u soċjetarji tas-seklu wieħed u għoxrin. Madankollu, dan irid jiġi bbilanċjat mat-talba tal-partijiet interessati industrijali għal perjodi ta’ stabbiltà regolatorja mingħajr rivoluzzjoni profonda tar-regoli. Għalhekk, fit-terminu qasir, il-Kummissjoni ser tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq il-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni u fuq it-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ infurzar, bla ma jiżdied il-piż fuq l-industrija. Il-Kummissjoni ser taħdem fuq proposta li tikkonsisti f’approċċ armonizzat lejn sanzjonijiet ekonomiċi u qafas komuni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti industrijali fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 768/2008/KE.

[1]               COM(2012) 582 finali “Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku - Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali”.

[2]               Id-Direttiva 98/34/KE tistabbilixxi proċedura li timponi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lil xulxin bl-abbozzi kollha tar-regolamenti tekniċi li jikkonċernaw prodotti, u dalwaqt ukoll lis-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni, qabel ma jiġu adottati fil-liġi nazzjonali.

[3]               Il-kunċett ta’ "prodott industrijali" ma għandux jitqies f’kuntrast ma' "prodott għall-konsumatur". Filwaqt li l-ewwel definizzjoni hija msejsa fuq il-proċess tal-produzzjoni, tal-aħħar hija msejsa fuq l-użu finali. Għalhekk ħafna prodotti industrijali huma prodotti għall-konsumatur ukoll, għad li mhux kollha (uħud huma għall-użu professjonali biss).

[4]               Lista indikattiva tal-atti ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/documents/internal-market-for-products/new-legislative-framework/index_en.htm#h2-2

[5]               ĠU L 157/24, 9.6.2006.

[6]               COM(2013) 561 finali.

[7]               Id-Direttiva 2013/29/UE dwar l-oġġetti pirotekniċi diġà ġiet adottata u l-leġiżlatur laħaq ukoll ftehim dwar id-Direttiva tas-Snajja’ ta’ rikreazzjoni. Il-proposti dwar it-tagħmir tar-radju, il-kompatibbiltà elettromanjetika, prodotti b’vultaġġ baxx, lifts, tagħmir użat f’atmosferi splussivi (ATEX), splussivi ċivili, strumenti ta’ tkejjil, strumenti ta’ tkejjil mhux awtomatiċi, reċipjenti sempliċi taħt pressjoni, tagħmir tal-pressjoni, tagħmir personali protettiv, rotot b’kablaġġ, u apparati tal-gass għadhom pendenti.

[8]               ĠU L 88/5, 4.4.2011.

[9]               ĠU L 316/12, 14.11.2012.

[10]             Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE.

[11]             Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika dwar is-Suq Uniku (16443/13).

[12]             COM(2012) 584 finali.

[13]             http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/documents/internal-market-for-products/new-legislative-framework/index_en.htm#h2-3

[14]             Is-Sistema ta’ Twissija Bikrija għal prodotti perikolużi mhux tal-ikel. Iktar informazzjoni dwar RAPEX hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/consumers/safety/rapex/index_en.htm

[15]             Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni dwar is-Sorveljanza tas-Suq. Iktar informazzjoni dwar l-ICSMS hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/internal-market-for-products/icsms/index_en.htm

[16]             http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/internal-market-for-products/market-surveillance/index_en.htm#h2-1

[17]             ĠU L 218/30, 13.8.2008.

[18]             Sir af iktar dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Suq Intern hawn: http://ec.europa.eu/imi-net

[19]             ĠU L 218/21, 13.8.2008.

[20]             Analiżi tal-effetti ta’ proposta leġiżlattiva fuq l-SMEs. Hemm iktar informazzjoni disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/small-business-act/sme-test/

[21]             Il-grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Servizzi Kummerċjali propost fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Att dwar is-Suq Uniku” (COM(2010) 608) jiddiskuti l-komplimentarjetà bejn il-prodotti u s-servizzi. Ir-rapport finali huwa mistenni fir-rebbiegħa tal-2014.

[22]             Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2013.