52014DC0002

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Konġunt dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità ("id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali") u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ("id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg"). /* COM/2014/02 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Konġunt dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità ("id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali") u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ("id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg").

1. Introduzzjoni

Il-protezzjoni minn diskriminazzjoni hija waħda mill-oqsma li fihom il-liġi tal-UE taffettwa mill-qrib il-ħajja ta’ kuljum tan-nies fl-UE. Il-qafas komprensiv ipprovdut miż-żewġ Direttivi tal-UE kontra d-diskriminazzjoni[1] affettwa l-qafas tal-liġi Ewropea kontra d-diskriminazzjoni għal aktar minn għaxar snin. Xi Stati Membri ma kellhom kważi l-ebda leġiżlazzjoni f’dan il-qasam qabel it-traspożizzjoni taż-żewġ Direttivi, u d-Direttivi introduċew elementi ġodda bħall-protezzjoni minn diskriminazzjoni minħabba l-età fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kollha.

Id-Direttivi kontra d-diskriminazzjoni: - jipprojbixxu d-diskriminazzjoni minħabba raġunijiet ta’ oriġini tar-razza jew l-etniċità (id- Direttiva 2000/43/KE) u reliġjon jew twemmin, diżabilità, età u orjentazzjoni sesswali (Direttiva 2000/78/KE); - jipprovdu protezzjoni f'numru ta' oqsma ewlenin tal-ħajja: l-impjieg u t-taħriġ vokazzjonali (iż-żewġ Direttivi); l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, u l-aċċess għal u l-povvista ta’ oġġetti u servizzi, inkluż l-akkomodazzjoni (Direttiva 2000/43/KE); - jipprojbixxu diversi forom ta' diskriminazzjoni: diskriminazzjoni diretta u indiretta, fastidju, istruzzjoni biex issir diskriminazzjoni u l-vittimizzazzjoni; - jeħtieġu li l-Istati Membri jipprovdu sanzjonijiet u rimedji effiċjenti.

L-ewwel rapporti ta’ implimentazzjoni ġew adottati fl-2006[2] u fl-2008[3] rispettivament. Minħabba li jrid isir rapport b'mod regolari fuq iż-żewġ Direttivi kontra d-diskriminazzjoni[4], dan id-dokument huwa rapport konġunt minħabba li l-approċċ regolatorju u l-kontenut ta’ ħafna mid-dispożizzjonijiet huma identiċi. Barra minn hekk, bosta Stati Membri ttrasponew iż-żewġ Direttivi f’att nazzjonali wieħed. L-ewwel rapporti ġew adottati fi żmien meta bosta Stati Membri kienu għadhom kemm ittrasponew id-Direttivi kontra d-diskriminazzjoni fil-liġi nazzjonali tagħhom u għalhekk ftit kellhom esperjenza fl-applikazzjoni tagħhom.

Illum, it-28 Stat Membru kollha ttrasponew id-Direttivi u kisbu esperjenza fl-applikazzjoni tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) żviluppat wkoll l-interpretazzjoni tad-Direttivi permezz tal-ġurisprudenza tagħha. Dan ir-rapport jipprovdi opportunità biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni tad-Direttivi, biex isir bilanċ tal-interpretazzjoni mogħtija mill-QĠUE u l-qrati nazzjonali u biex jiġu identifikati l-isfidi tal-ġejjieni. [5]

Skont id-Direttivi[6], l-Istati Membri kollha taw lill-Kummissjoni informazzjoni li tikkontribwixxi għal dan ir-rapport. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonsultat korpi nazzjonali dwar l-ugwaljanza[7], in-Netwerk Ewropew ta’ Korpi ta’ Ugwaljanza (Equinet), l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, l-imsieħba soċjali[8], l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili[9] u n-Netwerk Ewropew ta’ Esperti Legali fil-Qasam tan-Non-Diskriminazzjoni[10].

2. L-Istat ta' Traspożizzjoni u l-proċeduri minħabba ksur

Iż-żewġ Direttivi ġew trasposti fil-liġijiet nazzjonali fit-28 Stat Membru kollha[11] u l-konformità ta’ dawk il-liġijiet kollha mad-Direttivi ġiet verifikata mill-Kummissjoni. Bejn l-2005 u l-2007 ġew imnedija proċedimenti ta’ ksur minħabba nuqqas ta’ konformità maż-żewġ Direttivi kontra 25 Stat Membru[12]. Il-fatt li fil-bidu ħafna Stati Membri kellhom problemi bit-traspożizzjoni jista’ jiġi spjegat minħabba n-novità taż-żewġ Direttivi f’dak iż-żmien. Problemi tipiċi kienu jikkonċernaw id-definizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta, il-fastidju, il-vittimizzazzjoni, il-pożizzjoni ġuridika ta’ organizzazzjonijiet interessati, il-limitazzjonijiet fl-ambitu u l-interpretazzjoni wisq estensiva tad-derogi li huma permessi skont id-Direttivi. Kważi kull wieħed minn dawn il-każijiet ta’ ksur "tal-ewwel ġenerazzjoni" issa ngħalqu minħabba li l-Istati Membri ressqu l-leġiżlazzjoni tagħhom f’konformità mad-Direttivi[13]. F’każ wieħed, proċedimenti ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni wasslu għal deċiżjoni mill-QĠUE li sabet lill-Istat Membru ħati ta' ksur tal-obbligu tiegħu li jimplimenta kif xieraq id-Direttiva 2000/78/KE fir-rigward ta’ akkomodazzjoni raġjonevoli għal persuni b’diżabilità fuq ix-xogħol.[14]

Il-Kummissjoni tkompli tissorvelja l-iżviluppi fl-Istati Membri u tressaq proċeduri ta’ ksur meta jkun meħtieġ.[15]

Il-Kummissjoni tirċievi numru ta’ lmenti kull sena dwar dawn id-Direttivi (madwar 20-30 bħala medja), iżda l-maġġoranza huma każijiet individwali ta’ diskriminazzjoni, li mhumiex dwar traspożizzjoni jew applikazzjoni inkorretta tad-Direttivi u għalhekk ma jwasslux għal proċedimenti ta’ ksur. Numru ferm akbar ta’ lmenti jiġu indirizzati fuq livell nazzjonali. Filwaqt li r-rimedji għad-diskriminazzjoni f’każijiet individwali huma disponibbli biss skont il-liġi nazzjonali u jistgħu jintalbu biss quddiem il-qrati nazzjonali, huwa r-rwol tal-Kummissjoni li tanalizza jekk ilment huwiex riżultat ta' traspożizzjoni jew applikazzjoni inkorretta tad-Direttivi mill-Istat Membru kkonċernat. Tliet każijiet abbażi ta' lment skont id-Direttiva 2000/78/KE huma attwalment pendenti fi proċedimenti ta’ ksur[16].

3. Implimentazzjoni u applikazzjoni sħiħa tad-Direttivi

Iż-żewġ Direttivi ġew trasposti fil-liġi nazzjonali, iżda l-analiżi tal-esperjenzi nazzjonali turi li għad hemm sfidi fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni, in-Netwerk Ewropew ta’ Korpi ta’ Ugwaljanza (EQUINET), l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-Istati Membri individwali konsegwentement kollha ppubblikaw gwida relevanti għall-applikazzjoni taż-żewġ Direttivi biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.[17] Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipprovdi fondi għat-taħriġ tal-imħallfin u l-prattikanti l-oħra tal-liġi bl-għan li tippromwovi l-applikazzjoni korretta tad-Direttivi billi ttejjeb l-għarfien tagħhom tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trattament ugwali.[18]

3.1 L-għarfien dwar id-drittijiet

Iż-żewġ Direttivi[19] jenfasizzaw l-importanza tat-tixrid ta’ informazzjoni sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jafu dwar id-drittijiet tagħhom għal trattament ugwali. L-Ewropej kollha, mhux biss il-popolazzjonijiet f'minoranza, għandhom it-tendenza li ma jkunux jafu dwar id-drittijiet tagħhom.[20] Pereżempju, in-nies jistgħu ma jkunux jafu li d-diskriminazzjoni fl-impjieg hija pprojbita anke fl-istadju ta’ applikazzjoni għal impjieg.[21] Ħafna Stati Membri jqisu tali nuqqas ta’ għarfien bħala sfida importanti u rrappurtaw il-metodi ta' kif qed jindirizzaw din il-kwistjoni, bħal informazzjoni u dokumenti ta’ gwida, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u portali ta’ informazzjoni, inkluż għal gruppi fil-mira speċifiċi (minoranzi, iż-żgħażagħ).[22] L-immirar ta' persuni li huma l-aktar f’riskju kif ukoll dawk li jkunu f’pożizzjoni li jwettqu ksur, bħal min iħaddem, jidher li jirrappreżenta użu effettiv tar-riżorsi.[23]

Fil-qasam tal-impjiegi, it-trade unions u s-sħab soċjali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fit-trawwim ta’ kuxjenza kontra d-diskriminazzjoni kemm tal-ħaddiema kif ukoll ta' min iħaddem[24]. Ħafna Stati Membri jipprovdu wkoll gwida utli u prattika dwar il-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni tagħhom li tkopri sitwazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol. [25]

3.2 Nuqqas ta’ dejta dwar l-ugwaljanza

Id-Direttivi ma jeħtiġux li l-Istati Membri jiġbru dejta dwar l-ugwaljanza.[26] Madankollu, il-ġbir u l-analiżi ta’ tali dejta, kompitu li huwa r-responsabbiltà tal-Istati Membri, jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u jippromwovi l-ugwaljanza billi jipprovdi evidenza ta’ diskriminazzjoni eżistenti, li ssir trasparenti u tista tiġi kkwantifikata. B’kuntrast ma’ dan, in-nuqqas ta’ dejta dwar l-ugwaljanza jagħmilha aktar diffiċli li jiġu vvalutati sitwazzjonijiet u ppruvata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni.[27] Dan jikkonċerna, b’mod partikulari, diskriminazzjoni indiretta fejn l-evidenza statistika ta’ spiss ikollha rwol kruċjali fejn turi l-effetti negattivi ta’ dik li tidher bħala miżura newtrali għal grupp speċifiku. L-ewwel rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43/KE qajjem tħassib minħabba li "n-nuqqas ta' dejta etnika fil-maġġoranza tal-Istati Membri jista' jfixkel is-sorveljanza xierqa tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja." Is-sitwazzjoni essenzjalment ma nbidlitx u hija rilevanti għaż-żewġ Direttivi. Din il-problema ġiet indikata minn ħafna minn dawk li wieġbu (korpi nazzjonali dwar l-ugwaljanza[28], FRA, NGOs) u l-Kummissjoni għandha l-istess tħassib tagħhom.

Ħafna mill-Istati Membri jaċċettaw evidenza statistika li turi d-diskriminazzjoni u jaċċettaw ukoll ittestjar tas-sitwazzjoni[29] bħala prova. Madankollu, ħafna Stati Membri ma jiġbrux dejta dwar l-ugwaljanza jew jiġbruha b’mod limitat ħafna, billi, pereżempju, jsemmu r-rekwiżiti tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta bħala raġuni biex ma jiġbrux din id-dejta. Għandu jiġi enfasizzat li l-liġi tal-UE, speċifikament id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta[30], ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jiġbru d-dejta biex jipproduċu statistika bil-kondizzjoni li s-salvagwardji stipolati fid-Direttiva jiġu mħarsa[31]. L-għoti ta' gwida prattika jew it-tfassil ta' standards għall-ġbir tad-dejta dwar l-ugwaljanza fuq livell nazzjonali hija prattika tajba li tidher li toffri mill-inqas punt ta’ tluq biex tiġi trattata din il-kwistjoni.[32]

3.3 Nuqqas ta' rapporti

L-informazzjoni kollha disponibbli tikkonferma l-livelli baxxi ta’ rappurtar ta' inċidenti ta’ diskriminazzjoni. Dan jikkonċerna kemm ir-rappurtaġġ inizjali, pereżempju lill-korp ta’ ugwaljanza jew lill-pulizija, u t-tmexxija ta' każ permezz ta’ proċedimenti l-qorti. Dejta reċenti turi li fost il-gruppi kollha etniċi u ta’ migranti mistħarrġa, 82 % ta’ dawk li ġew diskriminati ma rrappurtawx l-esperjenza tagħhom.[33] Ir-raġunijiet l-aktar komuni mogħtija kienu t-twemmin li ma kien se jseħħ xejn bħala riżultat tar-rappurtaġġ, in-nuqqas ta’ għarfien dwar kif u lil min irid isir l-ilment, u l-esperjenzi negattivi minħabba l-inkonvenjenza, il-burokrazija jew it-tul tal-proċess. Minkejja xi tħassib espresss qabel l-adozzjoni tad-Direttivi, huwa ċar illi ma kien hemm l-ebda żieda sostanzjali fil-proċedimenti tal-qorti dwar id-diskriminazzjoni. L-għadd ta’ każijiet irrappurtati huwa ġeneralment baxx u stmat li jirrappreżenta biss perċentwal żgħir ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni reali madwar l-UE kollha. F’xi Stati Membri, in-numri saħansitra jistgħu jkunu baxxi wisq, għaliex każijiet ċari ta’ diskriminazzjoni ma jiġux irrapportati u mressqa l-qorti. Dan jenfasizza l-bżonn li jsiru aktar sforzi dwar is-sensibilizzazzjoni u r-rappurtar u titjib fl-aċċess għall-mekkaniżmi ta' lment u għall-ġustizzja. Il-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza jista’ jkollhom rwol[34] fejn jgħinu biex il-proċess tal-ilment isir aktar “faċli biex jintuża” u sabiex jiffaċilitaw ir-rappurtar ta’ diskriminazzjoni għall-vittmi.

3.4 Aċċess għall-ġustizzja

L-aċċess għal ġustizzja effettiva u mgħaġġla huwa ta’ importanza fundamentali għall-vittmi ta’ diskriminazzjoni. L-ostakoli għall-aċċess għall-ġustizzja jinkludu preskrizzjoni qasira sabiex isir ilment ta' diskriminazzjoni, it-tul u l-ispiża tal-proċedimenti, inkluż l-effett tal-prinċipju “il-parti telliefa tħallas” li potenzjalment jista' jaqta' qalb il-vittmi, u d-disponibbiltà limitata ta’ għajnuna legali[35].

L-Anness I ta’ dan ir-rapport jipprovdi gwida konkreta dwar kif għandha titressaq talba kontra d-diskriminazzjoni, bl-għan li d-drittijiet tal-vittmi jiġu spjegati f’lingwa u format sempliċi u jingħataw pariri prattiċi dwar kif għandu jinbeda l-każ kontra d-diskriminazzjoni.

3.5. Sanzjonijiet u rimedji

Iż-żewġ Direttivi ma jarmonizzawx is-sanzjonijiet u r-rimedji fir-rigward ta’ diskriminazzjoni, iżda jeħtieġu li l-Istati Membri jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi u jiżguraw illi jkunu disponibbli proċeduri ġudizzjarji għall-infurzar tal-obbligi skont dawn id-Direttivi, possibbilment preċeduti minn proċedura amministrattiva qabel issir il-litigazzjoni. Il-problemi inizjali li kellhom ħafna Stati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni korretta tar-regoli dwar is-sanzjonijiet[36] issa ġew indirizzati u s-sanzjonijiet previsti mil-liġi huma ġeneralment adattati. Madankollu, għad hemm raġunijiet potenzjali għal tħassib fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ rimedji fil-prattika u dwar jekk is-sanzjonijiet li huma imposti f’każijiet konkreti jikkonformawx bis-sħiħ mal-ħtiġiet tad-Direttivi.[37] Jidher illi l-qrati nazzjonali għandhom tendenza li japplikaw l-iżgħar skala tas-sanzjonijiet previsti mil-liġi u f’termini tal-livell u l-ammont ta’ kumpens mogħti[38]. Fil-kawża ACCEPT, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE qalet illi d-Direttiva 2000/43/KE ma tippermettix il-liġi nazzjonali li tipprovdi għal sanzjonijiet purament simboliċi u li taħt ċerti kundizzjonijiet, hemm ksur tad-Direttiva jekk huwa possibbli li tingħata biss twissija f’każ ta’ diskriminazzjoni[39]. Fid-dawl ta’ dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-istandards applikati fl-użu ta’ sanzjonijiet u rimedji fl-Istati Membri.

3.6 L-interpretazzjoni mill-qrati

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-ġurisprudenza tagħha ċċarat l-interpretazzjoni taż-żewġ Direttivi. Ħafna mill-kawżi jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE fir-rigward tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1), li jipprovdi li differenzi ta’ trattament ibbażati fuq l-età jistgħu jkunu ġġustifikati jekk ikun hemm għan leġittimu u l-mezzi li jintużaw biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa.

Il-ġurisprudenza dwar id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentament sesswali, id-diżabilità u l-oriġini razzjali jew etnika hija inqas żviluppata minħabba li jiġu riferuti inqas kawżi. Fil-kawżi li jikkonċernaw dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ttrattat kwistjonijiet bażiċi bħall-projbizzjoni ta’ tħabbir ġenerali minn min iħaddem li se jiddisrimina, id-definizzjoni ta’ diżabilità, jew l-esklużjoni ta’ partners tal-istess sess minn benefiċċji relatati max-xogħol riżervati għal koppji eterosesswali . Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għadha ma kelliex l-opportunità li tesprimi ruħha dwar id-diskriminazzjoni minħabba raġunijiet ta’ reliġjon jew twemmin.

L-Istati Membri rrapurtaw livvelli differenti ta’ ġurisprudenza nazzjonali. F’xi Stati Membri, id-Direttivi taw lok għal ġurisprudenza importanti[40] u l-kawżi jiġu regolarment riferuti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE[41]. Stati Membri oħra jirraportaw għadd żgħir ta’ kawżi.[42]

L-Anness II ta' dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-aktar ġurisprudenza importanti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u jenfasizza xi każijiet interessanti mismugħa minn qrati nazzjonali.

4. ASPETTI KOMUNI GĦAŻ-ŻEWĠ DIRETTIVI

Minkejja xi karatteristiċi li huma speċifiċi għal raġunijiet individwali ta’ diskriminazzjoni[43], l-istruttura taż-żewġ Direttivi u l-kunċetti bażiċi huma simili (definizzjonijiet, azzjoni pożittiva, rekwiżiti minimi, id-difiża tad-drittijiet, l-oneru tal-prova, id-disseminazzjoni ta’ informazzjoni, id-djalogu mal-imsieħba soċjali u l-NGOs, is-sanzjonijiet).

4.1 Diskriminazzjoni indiretta

Id-diskriminazzjoni indiretta sseħħ f’każ fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li jidher newtrali jpoġġi lill-persuni b'ċertu karatteristika fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma' persuni oħrajn, sakemm ma jkunux oġġettivament iġġustifikati permezz ta’ għan leġittimu u l-mezzi biex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u meħtieġa. Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta huwa kumpless u ħafna Stati Membri kellhom diffikultajiet inizjali biex jagħmlu t-traspożizzjoni b’mod korrett. Issa huwa mnaqqax fil-liġi, iżda l-applikazzjoni tiegħu fil-prattika tibqa’ sfida. Bħala eżempju tal-problema, xi Stati Membri[44] jirrapportaw li ġie espress tħassib dwar in-nuqqas ta’ ċarezza jew nuqqas ta’ fehim tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta fil-qrati nazzjonali. Stati Membri oħra[45] jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li s’issa għad ma għandhomx ġurisprudenza li tagħti interpretazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta. [46] L-Anness I ta’ dan ir-rapport jipprovdi eżempji ta’ sitwazzjonijiet tipiċi ta’ diskriminazzjoni indiretta. 

4.2 L-oneru tal-prova

Element ewlieni meħtieġa biex jiżgura t-trattament korrett ta’ talbiet ta’ diskriminazzjoni huwa t-trasferiment tal-oneru tal-prova fil-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti oħrajn[47]. Dan ifisser li fejn persuna li tistqarr li hi vittma ta’ diskriminazzjoni tista’ tistabbilixxi fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li seħħet id-diskriminazzjoni, huwa l-konvenut li jrid jipprova li ma kienx hemm diskriminazzjoni. Inizjalment tmien Stati Membri kellhom problemi bit-traspożizzjoni korretta tal-kunċett tal-oneru tal-prova.[48] Uħud mill-Istati Membri[49] rrappurtaw li l-applikazzjoni korretta tal-inverżjoni tal-obbligu ta’ provi tibqa’ sfida u mhix daqstant magħrufa mill-qrati nazzjonali. Bħala eżempju ta’ mod ta' kif tista' tiġi indirizzata din il-problema, ir-rapport ta' Stat Membru minnhom jgħid illi li qed jikkunsidra l-inklużjoni mill-ġdid tal-bdil tal-oneru tal-prova direttament fir-Regoli tal-Proċedura Ċivili (u mhux biss fil-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali)[50]. Il-Kummissjoni qed tippromwovi l-applikazzjoni korretta ta’ dan il-kunċett billi tipprovdi taħriġ għall-imħallfin nazzjonali u l-prattikanti legali[51]. 

4.3 Azzjoni pożittiva

Id-Direttivi jippermettu b’mod speċifiku iżda ma jobbligawx lill-Istati Membri sabiex iżommu fis-seħħ jew jadottaw miżuri speċifiċi biex jipprevjenu jew jikkumpensaw għall-iżvantaġġi marbuta ma’ xi raġunijiet koperti mid-Direttivi[52]. Mit-tifsira tagħha azzjoni pożittiva għandha tkun ta’ benefiċċju għall-gruppi fil-mira. Kważi l-Istati Membri kollha ħadu xi forma ta’ azzjoni pożittiva fl-ambitu taż-żewġ Direttivi[53], pereżempju favur il-persuni b’diżabilità jew ir-Roma[54].

4.4 Diskriminazzjoni multipla

Id-Direttivi ma fihom l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar id-diskriminazzjoni multipla, iżda t-tnejn jirreferu għall-fatt li "n-nisa huma ħafna drabi vittmi ta’ diskriminazzjoni multipla"[55] Madankollu, id-Direttivi diġà jippermettu li kombinazzjoni ta’ żewġ raġunijiet ta’ diskriminazzjoni jew aktar jiġu indirizzati fl-istess sitwazzjoni għalkemm jistgħu jinqalgħu problemi minħabba differenzi fil-livell tal-protezzjoni mogħtija għal raġunijiet differenti taħt iż-żewġ direttivi minħabba li l-ambitu tad-Direttiva 2000/78/KE huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ impjieg biss. Il-Kummissjoni fittxet li tnaqqas din id-diskrepanza bil-proposta tagħha tal-2008 għal Direttiva ġdida[56].

4.5 Diskriminazzjoni minħabba assoċjazzjoni, preżunzjoni u perċezzjoni

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà ddeċidiet li, f’ċerti ċirkostanzi, id-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità tista tinkludi diskriminazzjoni bbażata fuq l-assoċjazzjoni tar-rikorrent ma’ persuna li jkollha diżabilità, għalkemm ir-rikorrent ma jkollu l-ebda diżabilità[57]. Dan ir-raġunament jidher li huwa ta’ natura ġenerali u applikabbli wkoll għal raġunijiet oħra ta’ diskriminazzjoni koperti miż-żewġ Direttivi.

Kif issuġġerit mill-ġurisprudenza nazzjonali eżistenti[58], il-Kummissjoni tqis li d-Direttivi jipprojbixxu wkoll sitwazzjoni fejn persuna tkun direttament iddiskriminata abbażi ta’ perċezzjoni żbaljata jew assunzjoni ta’ karatteristiċi protetti, pereżempju, jekk kandidat għal impjieg ma jkunx magħżul minħabba li min iħaddem jaħseb b'mod żbaljat li hu/hi huwa ta’ oriġini etnika speċifika jew omosesswali.

4.6 Protezzjoni għal kulħadd fl-UE

Iż-żewġ Direttivi jagħmluha ċara li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tapplika wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, imma ma tkoprix id-differenzi ta’ trattament ibbażati fuq iċ-ċittadinanza, u hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul u r-residenza[59]. Dan huwa element importanti tad-Direttivi, li jenfasizza l-fatt illi l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tħares lil kulħadd fl-Unjoni Ewropea u mhux biss liċ-ċittadini tal-UE. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi l-persuni mingħajr stat[60], ħafna drabi huma partikolarment vulnerabbli għad-diskriminazzjoni minħabba s-sitwazzjoni tagħhom[61]. Xi problemi, madankollu, ma jirriżultawx direttament mil-leġiżlazzjoni, imma minn kif tiġi applikata dik il-leġiżlazzjoni rilevanti fil-prattika. Il-leġiżlazzjoni teħtieġ ukoll li tiġi kkombinata ma’ miżuri finanzjarji u ta’ politika xierqa.[62] L-Istati Membri jirrappurtaw li l-protezzjoni minn diskriminazzjoni tapplika għal kulħadd f’pajjiżhom minħabba r-raġunijiet protetti taħt iż-żewġ Direttivi. Diversi Stati Membri jiddeskrivu l-politiki tal-integrazzjoni tagħhom għall-migranti u ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħala xogħol preventiv kontra d-diskriminazzjoni.

5. Aspetti speċifiċi għad-Direttiva dwar l-ugwaljanza tar-razza (2000/43/KE)

5.1 Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba l-oriġini tar-razza jew etniċità

Id-Direttiva 2000/43/KE ma tagħtix definizzjoni tal-kunċetti ta’ razza jew oriġini etnika. Huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jagħtux definizzjoni ta' dawn il-kunċetti fil-liġi nazzjonali tagħhom[63]. Xi Stati Membri jirreferu biss għal "oriġini etnika" jew "l-etniċità" u ma jużawx il-kunċett ta’ "razza" jew "oriġini razzjali" fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Fil-prinċipju, il-Kummissjoni ma tara l-ebda problema b’dan l-approċċ fid-dawl tal-applikazzjoni tad-Direttiva sakemm jibqgħa ċar li dan ma jimplika l-ebda limitazzjoni għall-ambitu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali meta mqabbla mad-Direttiva.

Kultanti ikun hemm koinċidenza bejn l-oriġini tar-razza jew l-etniċità u raġunijiet oħra, b’mod partikolari in-nazzjonalità, ir-reliġjon u l-lingwa. Id-Direttiva 2000/43/KE ma tkoprix diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità (sakemm id-differenzi fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew il-lingwa jirriżultaw f'diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi ta’ oriġini etnika) u r-raġuni tar-reliġjon hija protetta skont id-Direttiva 2000/78/KE.[64]

5.2 L-ambitu materjali tad-Direttiva

Skont l-Artikolu 3(1)(h), id-diskriminazzjoni hija pprojbita fir-rigward ta’ "l-aċċess għal u l-provvista ta' oġġetti u servizzi li huma disponibbli għall-pubbliku, inkluż l-akkomodazzjoni". Id-Direttiva tapplika kemm għas-setturi pubbliċi kif ukoll dawk privati, iżda ċerti azzjonijiet mill-Istati Membri (eż. il-pulizija) jistgħu jinvolvu l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika mingħajr kwalunkwe element ta’ provvista ta’ "servizz" skont it-tifsira mogħtija lil dak il-kunċett fit-Trattati u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Kunċett ieħor li xi kultant iqajjem mistoqsijiet hija r-referenza għal oġġetti u servizzi "disponibbli għall-pubbliku”. Il-kundizzjoni ta’ "disponibbiltà għall-pubbliku" tidher li teskludi sitwazzjonijiet fejn l-offerta biex jiġi pprovdut oġġett jew servizz partikolari ma tkunx saret fid-dominju pubbliku (eż. b’reklam f’gazzetta jew fuq websajt aċċessibbli mill-pubbliku), iżda biss lil ċirku limitat ta’ membri tal-familja.

5.3 L-irwol tal-korpi tal-ugwaljanza

L-Istati Membri huma meħtieġa skont id-Direttiva biex iwaqqfu korp jew korpi li l-ħidma tagħhom tinkludi l-għoti ta’ assistenza indipendenti lil vittmi ta’ diskriminazzjoni u t-twettiq ta’ rappurtaġġ u stħarriġ indipendenti, u l-Istati Membri kollha għamlu dan[65]. Dan l-obbligu jikkonċerna biss ir-raġuni ta’ razza jew oriġini etnika (u s-sess taħt id-Direttivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi[66]), iżda mhux raġunijiet ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età u orjentazzjoni sesswali. Madankollu, f’bosta Stati Membri l-mandat tal-korp nazzjonali tal-ugwaljanza jestendi għal dawn ir-raġunijiet kollha[67], u fi 15 il-Istat Membru dan jestendi wkoll għal raġunijiet lil hinn minn dawk koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE (eż. nazzjonalità, lingwa, opinjoni politika). F’ħafna Stati Membri l-korp tal-ugwaljanza għandu wkoll setgħat usa’ minn dawk rikjesti mid-Direttiva jew, fir-rigward ta' raġunijiet ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età u orjentazzjoni sesswali, għandu kompetenza lil hinn mill-impjieg.

Hemm differenzi ċari bejn l-Istati Membri fil-kompetenzi u r-riżorsi ta’ dawn il-korpi u fl-istruttura tagħhom. Uħud mill-korpi tal-ugwaljanza għandhom rwol ta’ konsulenza u promozzjonali filwaqt li oħrajn għandhom kompetenza semi-ġudizzjarja. Id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-korpi ta’ ugwaljanza jkollhom is-setgħat u r-riżorsi meħtieġa biex iwettqu b'mod effettiv il-kompiti tagħhom inkluż l-element kruċjali tal-għoti ta' assistenza lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni. Fid-dawl ta’ għadd dejjem jikber ta’ tħassib f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bħalissa qed teżamina bir-reqqa b’mod aktar wiesa’ l-konformità tal-Istati Membri mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva (u d-Direttivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi) fir-rigward tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza. Dan jinvolvi li jsiru kontrolli li kull korp ta’ ugwaljanza jkollu l-mandat u s-setgħat meħtieġa, iżda wkoll li verament iwettaq b'mod effettiv il-kompiti kollha stabbiliti fid-Direttiva[68].

5.4 Protezzjoni għar-Roma skont id-Direttiva

Id-Direttiva 2000/43/KE tittratta kull diskriminazzjoni fuq raġunijiet ta’ oriġini razzjali jew etnika b’mod komprensiv. Ir-Roma, bħala grupp etniku partikolarment vulnerabbli u mdaqqas, jaqgħu perfettament fl-ambitu tad-Direttiva.

Il-Kummissjoni diġà indirizzat problemi li huma direttament imsejsa fuq dispożizzjonijiet nazzjonali, anke permezz ta’ proċedimenti ta’ ksur meta jkun meħtieġ[69]. Madanakollu, il-problemi speċifiċi tar-Roma rari jirriżultaw kaġun dirett tal-leġiżlazzjoni[70], iżda minn kif tiġi applikata l-leġiżlazzjoni[71] rilevanti fil-prattika. Dan jenfasizza l-ħtieġa li jiġi estiż l-iskrutinju tal-Kummissjoni, fejn xieraq, għall-prattiki nazzjonali li jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Filwaqt li inċidenti individwali ta’ diskriminazzjoni għandhom jiġu ttrattati skont il-liġi nazzjonali u permezz tal-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni tara li jkun hemm konformità sistematika mad-Direttiva mill-Istati Membri fil-prattika amministrattiva.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll li l-leġiżlazzjoni waħedha mhix biżżejjed biex tiġġieled l-esklużjoni soċjali profonda tar-Roma u l-preġudizzji li għadhom jiffaċċjaw. Il-leġiżlazzjoni trid tiġi kkombinata ma’ miżuri politiċi u finanzjarji. Element ewlieni fl-ispinta biex tiġi ttrattata d-diskriminazzjoni tar-Roma fil-livell tal-UE kien l-adozzjoni ta’ Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma sal-2020.[72] Dan ġie segwit mill-monitoraġġ annwali tal-Kummissjoni tal-istrateġiji nazzjonali żviluppati mill-Istati Membri. L-erba’ oqsma ewlenin tal-istrateġiji nazzjonali dwar ir-Roma (l-edukazzjoni, l-impjieg, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni) huma kollha koperti mid-Direttiva. Il-kisba tal-ugwaljanza sħiħa fil-prattika tista' f’ċerti ċirkostanzi teħtieġ azzjoni pożittiva favur ir-Roma, b’mod partikolari fl-erba’ oqsma ewlenin imsemmija hawn fuq.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni kompliet tiżviluppa l-protezzjoni legali permezz tal-proposta tagħha għal Rakkomandazzjoni tar-Roma tal-Kunsill, li ġiet adottata mill-Kunsill fid-9 ta’ Diċembru 2013.[73] Din ir-Rakkomandazzjoni tippromwovi firxa wiesgħa ta’ miżuri speċifiċi f’dawn l-erba’ oqsma ewlenin, kif ukoll miżuri orizzontali biex titjieb is-sitwazzjoni tar-Roma u tqiegħed enfasi partikolari fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat l-infurzar effettiv fil-prattika tad-Direttiva, notevolment billi tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jieħdu aktar passi biex jiżguraw li r-regolamenti amministrattivi nazzjonali, reġjonali u lokali tagħhom ma jkunux diskriminatorji u ma jirriżultawx fi prattiki ta' segregazzjoni.[74] Din ir-Rakkomandazzjoni se ssaħħaħ l-effikaċja tal-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u tippromwovi miżuri proattivi.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għadha ma tatx sentenzi f'każijiet speċifiċi tar-Roma[75]  iżda hemm xi ġurisprudenza interessanti fuq livell nazzjonali (ara l-Anness II).

6. Aspetti speċifiċi għad-Direttiva dwar l-ugwaljanza fl-impjieg (2000/78/KE)

6.1 L-età

Meta d-Direttiva kienet ġiet adottata, il-kunċett ta’ diskriminazzjoni skont l-età fl-impjieg u fix-xogħol kien ġdid f’ħafna Stati Membri u kien hemm bżonn bidla fl-approċċ ta' min iħaddem fi kwistjonijiet marbuta mal-età. Id-diskriminazzjoni tal-età lejn ħaddiema anzjani qed issir dejjem aktar rilevanti minħabba l-bidliet demografiċi fl-Ewropa li huma l-kawża tal-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni riċenti relatata mal-età bħal pereżempju t-tneħħija jew iż-żieda fl-etajiet obbligatorji tal-irtirar, id-diżinċentivi għall-irtirar kmieni u miżuri oħra sabiex iżommu ħaddiema anzjani fis-suq tax-xogħol.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva jipprovdi, f’ċerti sitwazzjonijiet, ġustifikazzjoni għal trattament differenti minħabba l-età[76]. Madankollu, kull deroga trid tkun ġustifikata oġġettivament u raġonevolment permezz ta' għan leġittimu, inkluż il-politika tal-impjiegi, kif ukoll objettivi tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali, u l-mezzi biex jintlaħaq l-għan għandhom ikunu adatti u meħtieġa. Billi din id-deroga tħalli flessibbiltà konsiderevoli lill-Istati Membri, hija tat lok għal għadd sostanzjali ta’ sentenzi importanti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u mill-qrati nazzjonali, li tefgħu aktar dawl fuq ir-rekwiżiti għall-ammissibbiltà ta’ trattament differenti.

Minħabba l-importanza partikolari u r-rilevanza fil-prattika ta’ dan il-qasam, l-Anness III ta’ dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-kwistjonijiet relatati mal-età[77].

6.2 Id-Diżabilità

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà tat xi sentenzi ewlenin fuq il-bażi ta’ diżabilità. F’Chacon Navas[78], il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddefiniet il-kunċett ta’ diżabilità u ddeċidiet li l-mard ma jaqax taħt din id-definizzjoni. Aktar reċenti, fil-kawżi Ring and Skouboe Werge[79] il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewroepa, madankollu, ċċarat li l-kunċett ta’ diżabilità jista' f’ċerti ċirkostanzi jinkludi kundizzjonijiet ikkawżati minn mard inkurabbli jew mard li jista’ jitfejjaq fit-tul. Fl-interpretazzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea integrat fl-interpretazzjoni tagħha wkoll il-kunċett ta’ diżabilità, kif stipulat mill-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità.

Il-Konvenzjoni hija l-ewwel strument internazzjonali vinkolanti għad-drittijiet tal-bniedem li tiegħu saret parti kontraenti l-Unjoni Ewropea[80]. Għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea hija marbuta mill-Konvenzjoni fil-limiti tal-kompetenzi[81]  tagħha u d-Direttiva 2000/78/KE għandha, sa fejn hu possibbli, tiġi interpretata b’mod li huwa konsistenti mal-Konvenzjoni[82].

L-għoti ta’ akkomodazzjoni raġonevoli għal persuni b’diżabilità minn min iħaddem[83] huwa wieħed mill-elementi ewlenin tad-Direttiva u l-Kummissjoni ssorveljat sew ħafna t-traspożizzjoni korretta tagħha fil-liġijiet nazzjonali. Għal bidu għadd ta’ Stati Membri kellhom problemi f’dan ir-rigward[84]. Stat Membru nstab ħati ta' ksur tad-Direttiva mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-4 ta' Lulju 2013[85] minħabba li naqas li jittrasponi korrettament id-dispożizzjoni għaliex ma kopriex il-persuni kollha b'diżabilità iżda l-każijiet l-oħra issa ngħalqu.

6.3 Orjentament sesswali

Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni sesswali kienet ġdida għal kważi l-Istati Membri kollha fi żmien it-traspożizzjoni tad-Direttiva. Il-Kummissjoni kellha tniedi proċedimenti ta’ ksur kontra għadd ta’ Stati Membri[86] minħabba nuqqasijiet fil-protezzjoni għal din ir-raġuni. Dawn il-każijiet kollha issa ġew magħluqa u l-Istati Membri kollha jipprovdu l-protezzjoni meħtieġa.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea interpretat il-konfini tal-bażi ta’ orjentazzjoni sesswali fi ftit sentenzi ewlenin bħal Maruko  u Römer [87], li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonkludiet li, meta liġi nazzjonali tpoġġi persuni tal-istess sess f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ konjuġi, ir-regoli nazzjonali li jċaħħdu lill-imsieħba tul il-ħajja mill-istess sess benefiċċji li ġew imħallsa lil konjuġi jidħlu fl-ambitu tad-Direttiva. Il-kawża riċenti ACCEPT [88] turi l-isfidi li għad fadal f’dan il-qasam u l-ħtieġa għal sorveljanza kostanti fl-infurzar tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni[89]. Din kienet kawża fejn il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewopea sabet li l-avviżi pubbliċi tas-sid ta’ klabb tal-futbol professjonali fir-Rumanija kiser id-Direttiva 2000/78/KE, meta huwa qal li kien qatt ma jimpjega plejer omosesswali.

6.4 Reliġjon jew twemmin

Id-Direttiva tipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ reliġjon jew twemmin fil-qasam tal-impjiegi u tipprovdi din il-protezzjoni lill-persuni kollha li jħaddnu kwalunkwe reliġjon jew twemmin. Madankollu, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva jippermetti deroga għal knejjes u organizzazzjonijiet reliġjużi jew organizzazzjonijiet oħra bbażati fuq it-twemmin fil-kapaċità tagħhom bħala prinċipali. Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi  bbażati fuq ir-reliġjon jew twemmin tal-impjegati tagħhom. Dawn ir-rekwiżiti (imsejħa “il-ħtiġijiet tax-xogħol)” għandhom ikunu ġenwini, leġittimi u ġġustifikati u ma jistgħux ikunu bbażati fuq kriterji oħra (pereżempju l-orjentazzjoni sesswali tal-impjegat). Il-Kummissjoni mmonitorjat il-konsistenza tal-liġijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali ma’ din id-deroga, li għandha tiġi interpretata b’mod ristrett billi tikkonċerna eċċezzjoni. Għall-bidu, sitt Stati Membri[90] kellhom problemi bl-implimentazzjoni korretta tad-deroga, iżda l-proċeduri ta’ ksur kollha issa ġew magħluqa.

7. Il-Konklużjonijiet u l-passi li jmiss

Sa llum, l-Istati Membri kollha ħadu l-miżuri meħtieġa biex jittrasponu ż-żewġ Direttivi fis-sistemi ġuridiċi domestiċi rispettivi tagħhom u biex jistabbilixxu l-proċeduri u l-korpi li huma indispensabbli għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-Direttivi. L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri, kif ukoll il-korpi tal-ugwaljanza tagħhom, issa huma fuq quddiem nett biex jipprovdu sistematikament protezzjoni sħiħa lil kull individwu fil-prattika. Il-Kummissjoni Ewropea se timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni u tappoġġja l-awtoritajiet tal-Istati Membri f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll il-monitoraġġ tagħha fil-kuntest tar-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

L-isfida ewlenija issa hija li jiżdied l-għarfien tal-protezzjoni li diġà teżisti u li tkun żgurata l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni fil-prattika aħjar tad-Direttivi. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-korpi għall-ugwaljanza tagħhom, ser jagħmlu sforz koordinat biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tad-Direttivi f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għal trattament ugwali fl-UE. L-għan tat-tliet Annessi ta’ dan ir-rapport huwa li jagħtu sehemhom għal dawn l-isforzi. Madankollu, il-leġiżlazzjoni waħedha mhix biżżejjed biex tiżgura l-ugwaljanza sħiħa, u għalhekk għandha tkun ikkumbinata ma’ azzjoni politika xierqa. Il-finanzjament għal attivitajiet biex jitqajjem għarfien u ta’ taħriġ huwa diġà disponibbli skont il-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u s-Solidarjetà Soċjali (Progress), iżda dan ix-xogħol jeħtieġ li jissaħħaħ aktar mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri biex jiġi żgurat titjib tanġibbli fl-għarfien dwar id-drittijiet fl-UE kollha.

It-tisħiħ tal-irwol tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza bħala għassiesa tal-ugwaljanza jista’ jagħti kontribuzzjoni kruċjali għal implimentazzjoni u applikazzjoni aktar effettiva tad-Direttivi. It-titjib tal-effettività tal-korpi ta’ ugwaljanza u l-possibiltajiet sabiex huma jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom jistgħu jkunu ta' siwi kbir biex jippromwovu t-trattament ugwali b’mod li jkun faċilment aċċessibbli għal kulħadd fl-UE, aktar mgħaġġel kif ukoll anqas għali mill-infurzar permezz tal-qrati għall-partijiet kollha kkonċernati (inklużi l-Istati Membri).

[1]               Id-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità, ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22 u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

[2]               COM(2006) 643 final, 30.10.2006, dwar id-Direttiva 2000/43/KE.

[3]               COM(2008) 225 final/2, 8.7.2008, dwar id-Direttiva 2000/78/KE.

[4]               L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2000/78/KE.

[5]               Skont l-Artikolu 25 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kummissjoni tagħmel rapport kull tliet snin dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar “Non-diskriminazzjoni u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni”, ara COM(2013) 270, 8.5.2013 għall-perjodu ta’ rapportaġġ 2011-2013. Ir-rapport dwar l-Artikolu 25 jirreferi għal dan ir-rapport fir-rigward ta’ non-diskriminazzjoni skont l-Artikolu 19 tat-TFUE.

[6]               Artikoli msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

[7]               Il-korpi ta’ ugwaljanza tal-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Awstrija, l-Iżvezja u r-Renju Unit wieġbu b’mod separat.

[8]               Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Min Iħaddem u l-Intrapriżi li Jipprovdu Servizzi Pubbliċi (CEEP), BusinessEurope, il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), EUROCADRES u Unjoni Ewropea għall-artiġjanat u tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (UEAPME).

[9]               Lobby tan-Nisa Ewropej, il-Pjattaforma tal-NGOs Soċjali Ewropej (Pjattaforma Soċjali), Netwerk Ewropew ta’ Reliġjon u Twemmin (ENORB), Netwerk Ewropew kontra r-Razziżmu (ENAR), l-ILGA-Ewropa, il-Pjattaforma AGE Ewropa, il-Forum Ewropew tad-Diżabilità (EDF), is-Soċjetà Miftuħa, Amnesty International u ċ-Ċentru Ewropew għad-Drittijiet tar-Roma (ERRC). Barra minn hekk, il-Pjattaforma għall-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar Immigranti bla Dokumenti (PICUM) u l-Forum Ewropew tan-Nisa Musulmani bagħtu kontribuzzjonijiet fuq inizjattiva tagħhom stess.

[10]             Dan in-netwerk jgħin lill-Kummissjoni fil-qasam tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni.

[11]             Id-Direttiva 2000/43/KE kellha tiġi trasposta sad-19 ta’ Lulju 2003 mill-UE-15, sal-1 ta’ Mejju 2004 mill-UE-10, sal-1 ta’ Jannar 2007 mir-Rumanija u l-Bulgarija, u sal-1 ta’ Lulju 2013 mill-Kroazja; Id-Direttiva 2000/78/KE kellha tiġi trasposta sat-2 ta’ Diċembru 2003 mill-UE-15 u kif imsemmi hawn fuq għall-Istati Membri l-ġodda. Madankollu, id-Direttiva 2000/78/KE pprevediet sa tliet snin addizzjonali għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-età u d-diżabilità.

[12]             Ma kien hemm l-ebda proċedimenti kontra l-Lussemburgu; l-eżaminazzjoni tat-traspożizzjoni Bulgara u Kroata għadha għaddejja.

[13]             Bħalissa jinsabu pendenti każijiet ta’ ksur kontra l-Belġju u r-Rumanija (il-Belġju dwar iż-żewġ Direttivi, ir-Rumanija dwar id-Direttiva 2000/78/KE).

[14]             Kawża C-312/11, Il-Kummissjoni vs. l-Italja, sentenza tal-4 ta’ Lulju 2013.

[15]             Dan jidher permezz ta' proċeduri ta’ ksur aktar riċenti kontra żewġ Stati Membri (l-Ungerija dwar id-Direttiva 2000/78/KE fl-2012 u l-Finlandja dwar id-Direttiva 2000/43/KE fl-2013). L-ewwel każ huwa relatat mat-tnaqqis tal-età tal-irtirar obbligatorja ta’ imħallfin, prosekuturi u nutara; it-tieni każ huwa relatat man-nuqqas ta' kompetenzi tal-korp nazzjonali tal-ugwaljanza skont id-Direttiva 2000/43/KE. Il-QĠUE sabet illi l-Ungerija naqset milli tissoddisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 2000/78/KE minħabba tnaqqis sinifikanti fl-età ta' irtirar obbligatorja għall-imħallfin, il-prosekuturi u n-nutara pubbliċi (Kawża C-286/12 il-Kummissjoni v. l-Ungerija, sentenza tas-6 ta' Novembru 2012). Wara s-sentenza, l-Ungerija adottat il-Liġi T-9598 fil-11.3.2013 biex tiżgura l-konformità mad-Direttiva u dan il-każ ingħalaq fl-20.11.2013.

[16]             Żewġ każijiet jikkonċernaw il-Greċja u l-limiti tal-età diskriminatorji fis-servizz pubbliku, u każ ieħor jikkonċerna r-Repubblika Ċeka u l-protezzjoni mhux suffiċjenti kontra diskriminazzjoni għal persuni b’diżabilità li jkunu qegħdin ifittxu impjieg.

[17]             Il-pubblikazzjonijiet tal-Kummissjoni tħejjew min-Netwerk Ewropew ta’ Esperti Legali fil-Qasam tan-Non-Diskriminazzjoni u huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/discrimination/document/index_en.htm#h2-7, Equinet reports fuq http://www.equineteurope.org u rapporti tal-FRA fuq http://fra.europa.eu.

[18]             L-iffinzjar huwa provdut mill-programm PROGRESS 2007-13, id-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Komunitarju Għal-Impjiegi u l-Progress tas-Solidarjetà Soċjali, — ĠU L 315 tal-15.11.2006. Bħalissa t-taħriġ huwa organizzat mill-Akkademja tal-Liġi Ewropea fi Trier taħt kuntratt mal-Kummissjoni, ara http://www.era.int.

[19]             L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/78/KE.

[20]             Skont l-istħarriġ EU-MIDIS mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali fl-2010, 25 % biss ta’ dawk li wieġbu qalu li kienu jafu bil-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, disponibbli fuq http://fra.europa.eu/en/publications-and-resources

[21]             Ir-reklamar tal-impjieg m’għandux ikun fih xi rekwiżiti diskriminatorji marbuta ma', pereżempju, l-età jew l-oriġini etnika tal-applikanti. Xi Stati Membri esperimentaw bl-użu ta' CVs anonimi f’applikazzjonijiet tax-xogħol biex jiġi evitat kull preġudizzju meta jintagħżlu l-kandidati għal intervista tax-xogħol, eż. il-proġett pilota Ġermaniż:

http://www.antidiskriminierungsstelle.de/DE/ThemenUndForschung/anonymisierte_bewerbungen/anonymisierte_bewerbungen_node.html

[22]             Pereżempju l-Bulgarija, l-Irlanda, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja. Barra minn hekk, il-korpi ta’ ugwaljanza tal-Awstrija, ir-Renju Unit u l-Polonja pprovdew informazzjoni dettaljata f’dan ir-rigward. Diversi Stati Membri semmew illi l-finanzjament Progress tal-UE intuża għal proġetti ta’ ħolqien ta’ għarfien.

[23]             Din kienet ukoll waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-FRA fl-Opinjoni 1/2013 dwar iż-żewġ Direttivi, disponibbli fuq:  http://fra.europa.eu/en/opinion/2013/fra-opinion-situation-equality-european-union-10-years-initial-implementation-equality.

[24]             L-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva 2000/78/KE jenfasizzaw ir-rwol tal-isħab soċjali u l-NGOs fil-promozzjoni tat-trattament ugwali.

[25]             Pereżempju, il-gwida onlajn tal-Kummissjoni tar-Renju Unit għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tal-Bniedem għal min iħaddem u l-ħaddiema, disponibbli fuq:  http://www.equalityhumanrights.com/advice-and-guidance/new-equality-act-guidance/

[26]             Id-dejta dwar l-ugwaljanza tirreferi għal dejta miġbura fir-rigward tal-ugwaljanza u d-diskriminazzjoni.

[27]             Dan ma jikkonċernax biss dejta relatata ma’ raġunijiet koperti miż-żewġ Direttivi, iżda wkoll dejta skont is-sess. Jekk l-Istati Membri ma jiġbrux dejta skont is-sess, mhux se jkunu kapaċi jaraw sew jekk in-nisa aktar milli l-irġiel humiex vittmi ta’ ċerti tipi ta’ diskriminazzjoni.

[28]             Ara wkoll ir-rapport Equinet “Statistika dwar id-Diskriminazzjoni u l-Bażi tad-Dejta dwar l-Ilmenti. Kontribuzzjoni mill-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza", Diċembru 2009, disponibbli fuq: http://www.equineteurope.org.

[29]             L-ittestjar tas-sitwazzjoni huwa metodu li qed jitfa' dawl fuq id-diskriminazzjoni permezz ta’ ttestjar li jqabbel il-karatteristiċi ta' żewġ persuni eż. test fuq l-applikazzjoni ta' żewġ persuni għal impjieg battal, bl-użu ta’ applikazzjoni identika li tvarja biss fir-rigward ta' karatteristika partikolari taħt eżami (eż. l-età).

[30]             Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31-50. Ir-riforma li ġejja tal-qafas legali tal-UE kif ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali mhux ser twassal għal bidla f’dan ir-rigward.

[31]             Ir-referenzi kollha għad-dejta dwar l-ugwaljanza f’dan ir-rapport għandhom jinftiehmu li jfissru dejta anonima għall-finijiet ta' evidenza u statistika minbarra l-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi kkonċernati.

[32]             Eż. il-Ġermanja, l-Irlanda, Franza, il-Kroazja u l-Ungerija ppubblikaw stħarriġ, rapporti jew manwali dwar il-ġbir tad-dejta dawr l-ugwaljanza.

[33]             Stħarriġ tal-EU-MIDIS dwar 2010 mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, disponibbli fuq http://fra.europa.eu/en/publications-and-resources

[34]             Ara r-Rapport Equinet 2012 li jindirizza “Il-mhux Magħruf Magħruf” Kif il-Korpi ta’ Ugwaljanza Jistgħu Jindirizzaw in-Nuqqas ta’ Rappurtaġġ ta’ Diskriminazzjoni Permezz tal- Komunikazzjoni, disponibbli fuq:http:// www.equineteurope.org.

[35]             Dawn l-ostakli ġew identifikati fi studji rilevanti, eż. fl-2011 fi "Studju kumparat dwar l-aċċess għall-ġustizzja fl-ugwaljanza bejn is-sessi u l-liġi kontra d-diskriminazzjoni" mitlub mill-Kummissjoni Ewropea, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice/gender- equality/files/conference_sept_2011/final_report_access_to_justice_final_en.pdf u r-rapport tal-FRA dwar "L-Aċċess għall-ġustizzja f'każijiet ta' diskriminazzjoni fl-UE – Passi biex l-ugwaljanza timxi l-quddiem" disponibbli fuq: http://fra.europa.eu/en/publications-and-resources.

[36]             Eż. bosta Stati Membri inkorrettament kellhom limitu massimu għall-kumpens f’każijiet ta’ diskriminazzjoni.

[37]             L-istudji msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 kif ukoll ir-rapporti nazzjonali ta’ esperti legali indipendenti fil-qasam tan-non diskriminazzjoni, korpi nazzjonali dwar l-ugwaljanza u l-Equinet.

[38]             Pereżempju id-dejta miġbura minn esperti legali indipendenti mill-Istati Membri kollha, li ġiet imqabbla u miġbura fil-qosor fir-rapport “L-Iżvilupp ta’ Liġi kontra d-diskriminazzjoni fl-Ewropa”, Ottubru 2012, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/discrimination/document/index_en.htm#h2-7.

[39]             Kawża C-81/12 Asociatia Accept v Consiliul National pentru Combaterea Discriminarii, sentenza tal-25 ta' Marzu 2013. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ħalliet l-evalwazzjoni ta’ jekk dan kienx il-każ lill-qorti nazzjonali.

[40]             eż. il-Ġermanja

[41]             eż. id-Danimarka u l-Ġermanja.

[42]             Eż. l-Estonja tirraporta illi matul il-perjodu 2007-2011, il-Qrati tal-Estonja taw biss tliet sentenzi dwar każijiet ta' diskriminazzjoni fl-impjieg; Il-Finlandja tirraporta illi ma tantx hemm ġurisprudenza dwar l-Att dwar fuq in-Non-Diskriminazzjoni u kważi l-ebda każijiet ta’ diskriminazzjoni ma ġew mismugħa mill-qrati superjuri. Il-Latvja ma rraportat l-ebda każijiet kriminali matul il-perjodu 2009-2012 iżda kien hemm bejn 44 u 57 każ fis-sena li huma ġeneralment relatati mad-diskriminazzjoni u t-trattament differenzjali. Malta wieġbet illi mhemm kważi l-ebda ġurisprudenza.

[43]             Pereżempju l-kunċett ta’ akkomodazzjoni raġonevoli li japplika biss fil-qasam ta’ diżabilità.

[44]             Pereż. l-Irlanda u d-Danimarka.

[45]             Pereż. l-Estonja, is-Slovenja u l-Finlandja.

[46]             Il-korpi tal-ugwaljanza fil-kontribuzzjoni komuni tagħhom indikaw ħtieġa speċifika għal monitoraġġ sabiex jiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ diskriminazzjoni indiretta. Ara r-Rapport il-Liġi tal-Ugwaljanza fil-Prattika – dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttivi ta' Qafas Ġenerali u dwar ir-Razza, Rapport Equinet, Mejju 2013, disponibbli fuq: http://www.equineteurope.org.

[47]             Dan japplika biss fi proċedimenti ċivili u mhux kriminali.

[48]             Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Italja, Ċipru, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta u r-Rumanija.

[49]             Il-Belġju, Malta u s-Slovakkja.

[50]             Is-Slovakkja.

[51]             Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna Nru 18. Waħda mill-kwistjonijiet indirizzati speċifikament fit-taħriġ huwa l-oneru tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni.

[52]             L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78/KE. Huma jipprovdu li “bil-ħsieb li tiġi żgurata l-ugwaljanza sħiħa fil-prattika, il-prinċipju tat-trattament ugwali ma għandux iżomm Stat Membru milli jżomm fis-seħħ jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjenu jew jikkompensaw għall-iżvantaggi marbuta mal-oriġini tar-razza jew l-etniċità jew reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali rispettivament."

[53]             Il-Litwanja biss irrappurtat illi l-ebda miżuri bħal dawn ma ġew adottati.

[54]             Rigward azzjoni pożittiva għal persuni b’diżabilità, l-Istati Membri jirrappurtaw illi għandhom miri għal min iħaddem fis-settur pubbliku biex jimpjegawhom. L-azzjoni pożittiva irrappurtata għar-Roma hija aktar varja, u tinkludi l-erba’ setturi ewlenin tal-istrateġiji nazzjonali dwar ir-Roma (l-impjiegi, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u s-saħħa). Fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri ta' integrazzjoni effettiva tar-Roma fl-Istati Membri adottata fid-9 ta' Diċembru 2013, dokument tal-Kunsill Nru 16970/13 disponibbli fuq:  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/lsa/139979.pdf (ir-referenza għall-ĠU għadha mhix disponibbli), huwa rakkmandat illi l-Istati Membri "sabiex jippromwovu l-ugwaljanza sħiħa tar-Roma fil-prattika, jieħdu miżuri ta' politika effettiva sabiex jiżguraw it-trattament indaqs u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluż l-aċċess indaqs għall-edukazzjoni, l-impjieg, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni" (punt 1.1).

[55]             Il-Premessa 14 tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Premessa 3 tad-Direttiva 2000/78/KE. Iż-żewġ Direttivi jirreferu wkoll għall-ħtieġa li jiġi evalwat, skont il-prinċipju tal-inklużjoni ugwali tas-sessi, l-impatt tal-miżuri meħuda dwar in-nisa u l-irġiel (l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Artikolu 19(2) tad- Direttiva 2000/78/KE). Ħafna Stati Membri stqarrew li ma kellhom l-ebda informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward, iżda l-Irlanda, Spanja, Franza, il-Pajjiżi Baxxi u l-Polonja pprovdew informazzjoni komprensiva.

[56]             Proposta għal Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, COM(2008) 426 finali.

[57]             Kawża C-303/06 Coleman, sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2000/78/KE tħares lil omm ta’ tifel b’diżabilità minn fastidju u d-diskriminazzjoni fl-impjieg, meta l-problemi nqalgħu minħabba l-fatt li l-omm kellha bżonn aktar ħin frank biex tieħu ħsieb it-tifel.

[58]             Ara l-Anness II, punt 2c.

[59]             L-Artikolu 3(2) taż-żewġ Direttivi, il-Premessa 13 tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Premessa 12 tad-Direttiva 2000/78/KE.

[60]             “Ċittadin ta’ pajjiż terz” huwa persuna li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1) tat-TFUE, pereżempju fid-Direttiva 2011/98/UE.

[61]             Eżempji ta’ Direttivi li speċifikament jistabbilixxu d-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal trattament ugwali meta mqabbla maċ-ċittadini huma: Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44), kif emendata mid-Direttiva 2011/51/UE (ĠU L 132, 19.5.2011, P.1) biex testendi l-ambitu tal-applikazzjoni għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u d-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU L 343, 23.12.2011, p.1). Din tal-aħħar tirreferi speċifikament għad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE fil-premessa 29.

[62]             Il-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-politika ta' integrazzjoni jipprovdu qafas fuq livell tal-UE għal kooperazzjoni politika dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkluż ir-rispett għall-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni, li ġiet żviluppata aktar permezz tal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni, l-iskambju bejn l-Istati Membri u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti. Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Politika ta’ Integrazzjoni tal-Immigranti fl-Unjoni Ewropea, adottati fid-19 ta’ Novembru 2004, Dok 14615/04 u l-Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni, COM(2005) 389 finali; L-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni, COM(2011) 455 finali.

[63]             Ir-rapporti tar-Renju Unit jagħtu definizzjoni ta' "razza" fit-Taqsima 9(1) tal-Att dwar l-Ugwaljanza 2010 (it-test jgħid "Razza tinkludi (a) l-kulur; (b) in-nazzjonalità; (c) l-oriġini tar-razza jew l-etniċità.") filwaqt li l-kunċett ta' "l-oriġini tar-razza jew l-etniċità" huwa inkluż fid-definizzjoni ta' "razza" u jieqaf hemm. L-Isvezja tagħti definizzjoni ta’ "identità etnika" bħala "oriġini nazzjonali jew etniku, il-kulur tal-ġilda jew ċirkostanzi simili oħra” fl-Att dwar id-Diskriminazzjoni tagħha. Xi Stati Membri oħra jirreferu għall-interpretazzjoni mogħtija f’dokumenti nazzjonali ta' tħejjija, fil-ġurisprudenza nazzjonali jew konvenzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali, li hija msemmija wkoll fil-preambolu tad-Direttiva.

[64]             Ir-rapport Equinet "Il-liġi dwar l-Ugwaljanza fil-Prattika –  Analiżi komparattiva ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni fl-Ewropa" juri fi studju ta' każ evalwat minn entitajiet għall-ugwaljanza nazzjonali kemm tista' tkun diffiċli li tinstab linja ta’ demarkazzjoni bejn raġunijiet differenti, disponibbli fuq http://www.equineteurope.org.

[65]             Madankollu, proċeduri ta’ ksur kontra l-Belġju u l-Finlandja huma pendenti minħabba nuqqasijiet fil-kompetenzi tal-korp jew korpi ta’ ugwaljanza nazzjonali, iżda l-kwistjoni hija mistennija li tissolva dalwaqt fil-Belġju.    

[66]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi, ĠU L 373,21.12.2004, p.37 u d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid), ĠU L 204, 26.7.2006, p.23.

[67]             Kollha minbarra d-Danimarka, l-Italja, Malta, il-Portugall, Spanja u l-Finlandja. Madankollu, fid-Danimarka, il-Bord Daniż għat-Trattament Ugwali, li huwa korp amministrattiv indipendenti għall-ilmenti, għandu kompetenza fuq firxa wiesgħa ta’ raġunijiet, inklużi r-raġunijiet kollha tad-Direttiva 2000/78/KE.

[68]             Bosta Stati Membri ġew ikkuntattjati matul dan l-iscreening b'talba biex jagħtu prova tal-assistenza lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni u tar-rappurtar u stħarriġ magħmul. S’issa, infetħu proċedimenti ta’ ksur kontra l-Finlandja (rigward in-nuqqas ta’ korp ta’ ugwaljanza kompetenti fil-qasam tal-impjiegi skont id-Direttiva 2000/43/KE).

[69]             Pereżempju, il-Kummissjoni kkontestat dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni Rumena li kienet tidher li tippermetti kategorija speċjali ta’ diskriminazzjoni indiretta fil-qasam tal-ġestjoni tal-art u l-ippjanar. Id-dispożizzjoni ġiet ifformulata b’mod newtrali iżda jidher li kienet taffettwa b’mod partikolari r-Roma.

[70]             Fid-determinazzjoni jekk kienx hemm leġiżlazzjoni jew miżuri diskriminatorji speċifikament għar-Roma, huwa irrilevanti jekk il-leġiżlazzjoni jew il-miżuri jirreferux b’mod espliċitu għar-Roma jew jużawx terminoloġija differenti (eż. "Nomadi”) jekk huwa ċar li l-miżuri huma mmirati lejn ir-Roma.

[71]             Mhux neċessarjament biss leġiżlazzjoni dwar trattament ugwali imma wkoll liġijiet oħra li jaffettwaw it-trattament ugwali fl-oqsma koperti mid-Direttiva (eż. l-leġiżlazzjoni dwar djar soċjali rigward l-aċċess għall-akkomodazzjoni).

[72]             COM(2011) 173 finali tal-5.4.2011.

[73]          Dokument tal-Kunsill Nru. 16970/13 disponibbli fuq:             http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/lsa/139979.pdf  (Ir-Referenza tal-ĠU           tar-Rakkomandazzjoni għadha mhix disponibbli).

[74]             Punt 2.1 tar-Rakkomandazzjoni.

[75]             Kawża C-394/11 Belov, l-ewwel każ ta' diskriminazzjoni speċifika kontra r-Roma, imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kien ġie ddikjarat “mhux ammissibbli” mill-Qorti fil-31 ta’ Jannar 2013, billi l-Korp ta’ Ugwaljanza Bulgaru (li rrefera l-każ lill-Qorti) ma ġiex meqjus bħala qorti jew tribunal skont it-tifsira tat-Trattat.

[76]             Kundizzjonijiet speċifiċi għal ħaddiema żgħażagħ u dawk ikbar fl-età, l-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità u l-iffissar ta’ età massima għar-reklutaġġ.

[77]             Ibbażat fuq kontribuzzjonijiet minn Stati Membri, partijiet interessati rilevanti u rapport ippubblikat mill-Kummissjoni fl-2011 dwar “L-Età u l-Impjiegi”, disponibbli fuq:  http://ec.europa.eu/justice/discrimination/document/index_en.htm#h2-7.

[78]             Kawża C-13/05, Chacon Navas, sentenza tal-11 ta' Lulju, 2006.

[79]             Kawżi Konġunti C-335/11 u C-337/11 Ring and Skouboe Werge, sentenza tal-11 ta’ April 2013.

[80]             L-Unjoni Ewropea ffirmat il-Konvenzjoni fit-30 ta’ Marzu 2007 u l-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ rigward l-UE fit-22 ta’ Jannar 2011. L-ewwel rapport perjodiku tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità huwa previst għall-2014.

[81]             Dawn huma illustrati fl-Anness II għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, ĠU L 23, tas-27.1.2010, p.35.

[82]             Ara l-paragrafi 28-32 fil-kawżi Ring and Skouboe Werge iċċitati hawn fuq fin-nota ta' qiegħ il-paġna 79.

[83]             L-akkomodazzjoni raġjonevoli tinvolvi obbligu fuq min iħaddem biex jieħu mizuri xierqa biex jippermetti persuna b'diżabilità li jkollha aċċess għal, tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem.

[84]             Il-Belġju, l-Estonja, Ċipru, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja.

[85]             l-Italja. Kawża C-312/11, Il-Kummissjoni vs. l-Italja , sentenza tal-4 ta’ Lulju 2013. Wara din is-sentenza, l-Italja bidlet il-leġiżlazzjoni tagħha u l-emenda bħalissa qed tkun analizzata mill-Kummissjoni.

[86]             Ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Polonja, is-Slovakkja, il-Finlandja u r-Renju Unit.

[87]             Kawżi C-267/06, Maruko v Versorgungsanstalt der deutschen Bühnen sentenza tal-1 ta’ April 2008 u C-147/08 Römer v Freie und Hansestadt Hamburg, sentenza tal-10 ta’ Mejju 2011.

[88]             Kawża C-81/12 Asociatia Accept v Consiliul National pentru Combaterea Discriminarii, sentenza tal-25 ta' Marzu 2013.

[89]             Ara r-rapport riċenti tal-istħarrig li sar madwar l-UE kollha fuq l-esperjenzi ta' diskriminazzjoni, vjolenza u fastidju mġarrba minn persuni LGBT li ġie ppubblikat f'Mejju 2013, disponibbli fuq: http://fra.europa.eu/en/publication/2013/eu-lgbt-survey-european-union-lesbian-gay-bisexual-and-transgender-survey-results u l-perspettiva Equinet tal-2013 "Korpi tal-Ugwaljanza li jippromwovu l-ugwaljanza u non-diskriminazzjoni għall-persuni LGBTI", disponibbli fuq www.equineteurope.org, li għandu l-għan li jtejjeb il-ħidma tal-korpi tal-ugwaljanza biex jippromwovu l-ugwaljanza għal u jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI.

[90]             Il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, il-Finlandja u r-Renju Unit.