5.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 266/342


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-3 ta’ April 2014

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2012

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2012,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali definittivi tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2012 għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2014 (05851/2014 — C7-0053/2014),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2007/198/Euratom tas-27 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferilha vantaġġi (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5),

wara li kkunsidra r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u b’mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza preċedenti tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0198/2014),

A.

billi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (“l-Impriża Konġunta”) twaqqfet f’Marzu 2007 għal perjodu ta’ 35 sena,

B.

billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma Euratom, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-Euratom u pajjiżi oħra li kkonkludew ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-Euratom fil-qasam tal-fużjoni nukleari kontrollata,

C.

billi l-Impriża Konġunta bdiet tiffunzjona b’mod awtonomu f’Marzu 2008,

D.

billi l-Qorti tal-Awdituri tiddikjara li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2012 huma affidabbli u li l-operazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,

E.

billi, fid-9 ta’ Ottubru 2008, il-Qorti tal-Awdituri ressqet l-Opinjoni Nru 4/2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta,

F.

billi, meta nħolqot l-Impriża Konġunta, it-total indikattiv tar-riżorsi meqjusa meħtieġa għall-perjodu mill-2007 sal-2014 kien ta’ EUR 9 653 000 000,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li wara żewġ emendi li naqqsu l-baġit tal-2012, ir-rati ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament disponibbli kienu 99,9 % u 94,5 %, rispettivament;

2.

Jinnota, madankollu, li l-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2012 fil-bidu ġie adottat għall-ammont kollettiv ta’ EUR 503 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u li għalhekk mingħajr dak it-tnaqqis ir-rata ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kien ikun 71 %;

3.

Jinnota li mill-ammont ta’ EUR 1 440 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli għal attivitajiet operattivi, 55,4 % ġew implimentati permezz ta’ impenji individwali diretti fl-2012, filwaqt li l-kumplament ġie impenjat globalment għal kuntratti kumplessi kbar li jeħtieġu żmien twil ta’ negozjati u b’impenji individwali li jsegwu fl-2013;

4.

Jinnota bi tħassib il-bilanċ kbir ta’ flus, li kien jammonta għal EUR 51 833 097 fi tmiem is-sena, somma li tirrappreżenta 14 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament finali disponibbli fl-2012;

Sistemi ta’ kontroll intern

5.

Jagħraf mill-Qorti tal-Awdituri li s-sistemi ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta għadhom mhumiex stabbiliti u implimentati kompletament għalkemm sar progress sinifikanti matul l-2012;

6.

Jieħu nota li l-azzjonijiet li ġejjin għad iridu jiġu implimentati:

sistema ta’ ġestjoni biex timmonitorja regolarment il-validità tal-istimi tal-ispejjeż tal-proġetti u tirrapporta dwar id-devjazzjonijiet fl-ispejjeż,

hemm bżonn sforzi ulterjuri fir-rigward tal-verifikazzjoni sistematika, qabel isiru il-pagamenti, tar-rapporti ta’ aċċettazzjoni teknika u taċ-ċertifikati tal-awditjar dwar ir-rapporti finanzjarji,

sistema ta’ kontroll u monitoraġġ komprensiva u globali għal għotjiet u kuntratti operazzjonali,

il-pjanijiet ta’ azzjoni adottati mill-Impriża Konġunta b’rispons għal awditi interni ma ġewx implimentati bis-sħiħ,

l-azzjonijiet mitiganti għas-sistema għall-ġestjoni tar-riskju korporattiv għad iridu jiġu implimentati;

7.

Japprezza li l-Impriża Konġunta stabbiliet sistema biex twettaq awditi fil-livell ta’ kuntratturi bil-għan li tiċċekkja l-konformità mar-rekwiżiti tal-garanzija tal-kwalità; jinnota li s-sitt awditi li saru fuq ftehimiet ta’ għotja, għal kontrolli finanzjarji u ta’ konformità ex post, kixfu żbalji li jammontaw għal 1,3 % tat-total tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż awditjati (EUR 8,3 miljun);

8.

Jiddispjaċih li s-CVs tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija u tad-Direttur Eżekuttiv mhumiex disponibbli pubblikament; jitlob lill-Impriża Konġunta tirrimedja din is-sitwazzjoni b’urġenza; jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta adottat Deċiżjoni fl-2013 li tistipula regoli fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interessi;

9.

Jemmen li livell għoli ta’ trasparenza hu element ewlieni għall-mitigazzjoni tar-riskji tal-kunflitti ta’ interessi; jistieden, għaldaqstant, lill-Impriża Konġunta biex tagħmel disponibbli fuq is-sit tal-Internet tagħha l-politiki u/jew l-arranġamenti tagħha dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interessi u tar-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha, kif ukoll il-lista tal-membri tal-bordijiet ta’ tmexxija u s-CVs rispettivi tagħhom;

10.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri timmonitorja l-politiki tal-Impriża Konġunta fir-rigward tal-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi billi tagħmel abbozz ta’ Rapport Speċjali dwar il-kwestjoni sal-proċedura ta’ kwittanza li jmiss;

Għotjiet u kuntratti ta’ akkwist operazzjonali

11.

Jagħraf li l-Qorti tal-Awdituri eżaminat kampjun ta’ ħames proċeduri ta’ akkwist operazzjonali; jinnota fir-rigward tal-għotjiet, l-għadd medju ta’ proposti rċevuti kien wieħed biss għal kull sejħa iżda dan jirrifletti n-natura speċjalizzata ħafna tas-sejħiet u l-eżitu tal-programm ta’ fużjoni tal-Unjoni biex joħloq żona Ewropea tar-riċerka fil-fużjoni bi b’duplikazzjoni minima tal-isforzi u kooperazzjoni mill-qrib fost it-timijiet attivi f’qasam partikolari; josserva li dan tal-aħħar jimmanifesta ruħu f’konsorzju pan-Ewropew essenzjalment wara kull proposta bħala azzjoni fil-konfront ta’ sejħiet F4E; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tiżviluppa Pjan ta’ Azzjoni b’miżuri konkreti u bi skadenzi ħalli timmassimizza l-kompetizzjoni u timxi fuq il-prinċipju ta’ valur għall-infiq fil-fażijiet ta’ tħejjija, pubblikazzjoni, evalwazzjoni, kif ukoll fil-fażijiet ta’ kuntratt u ġestjoni tas-sejħa;

12.

Jiddispjaċih li ġie infurmat li l-Impriża Konġunta għadha ma żviluppatx proċedura interna sabiex tevalwa sistematikament ir-riskju li jsir pagament waqt li rapport ta’ nuqqas ta’ konformità jinsab taħt rieżami mill-organizzazzjoni ITER fid-data li fiha sar il-pagament; jistieden lill-Impriża Konġunta tieħu l-miżuri meħtieġa biex issaħħaħ il-kontrolli qabel ma jsiru l-pagamenti biex tiġi pprovduta assigurazzjoni rigward il-konformità mar-rekwiżiti finanzjarji tal-Impriża Konġunta u l-konformità tal-ispejjeż sottostanti;

Kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-fażi ta’ kostruzzjoni tal-ITER

13.

Ifakkar li, f’Lulju 2010, il-Kunsill irreveda l-ispiża finali al-baġit tal-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta għall-fażi ta’ kostruzzjoni għal EUR 6 600 000 000 (valur tal-2008), biex b’hekk irdoppja l-istima inizjali;

14.

Jieħu nota li fl-2012, ir-rapport tal-awditur intern dwar l-attivitajiet ta’ qabel l-akkwist għall-proġett tal-ITER innota li:

l-ebda wieħed miż-żewġ eżerċizzji ta’ stima tal-ispiża mwettqa sa dik id-data ma kienu għamlu ripartizzjoni tal-istimi tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-fażi ta’ kostruzzjoni tal-ITER skont il-kuntratti,

l-Impriża Konġunta kienet esposta għal riskji finanzjarji sinifikanti marbuta mal-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-komoditajiet,

l-Impriża Konġunta kien għad ma kellhiex għodda stabbilita għall-monitoraġġ regolari tal-validità tal-istimi u għar-rappurtar ta’ devjazzjonijiet potenzjali fl-ispejjeż;

15.

Jinnota, barra minn hekk, li fir-rapport ta’ progress tagħha ta’ Settembru 2012 lill-Kunsill Ewropew tal-Kompetittività, l-Impriża Konġunta enfasizzat li kien hemm riskju ta’ devjazzjonijiet tal-ispiża ta’ bejnEUR 180 miljun u EUR 250 miljun, jew 3 % tal-aħħar stima tal-ispejjeż tal-proġett ta’ EUR 6,6 biljun;

16.

Jinnota li, f’Ġunju 2013, l-Impriża Konġunta lestiet eżerċizzju biex taġġorna l-istima tal-ispiża tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-fażi ta’ kostruzzjoni tal-proġett li testima r-riskju attwali ta’ żieda għal EUR 290 miljun, jew 4,4 % tal-baġit approvat mill-Kunsill; jinnota li eskalazzjoni sinifikanti fl-ambitu tal-komponenti li għandhom jiġu pprovduti għall-proġett ITER huwa l-oriġini ta’ din iż-żieda stmata;

17.

Jinnota bi tħassib kbir li l-Impriża Konġunta tqis l-iskeda attwali ta’ referenzi ITER mhuwiex realistiku; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta biex taħdem mas-sħab ITER tagħha jistabbilixxu skeda ġdida u affidabbli u tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li l-iskeda tinżamm filwaqt li jiġu evitati devjazzjonijiet tal-baġit;

Aspetti orizzontali ta’ Impriżi Konġunti tar-Riċerka Ewropea

18.

Jinnota li l-approċċ ta’ awditjar li ħadet il-Qorti tal-Awdituri jinkludi proċeduri ta’ awditjar analitiku, l-evalwazzjoni ta’ kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll u l-ittestjar ta’ tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta iżda mhux fil-livell tal-membri jew benefiċjarji finali tal-Impriża Konġunta;

19.

Jinnota li l-ittestjar ta’ awditjar fil-livell tal-membri jew il-benefiċjarji finali jitwettqu jew mill-Impriża Konġunta jew minn ditti esterni ta’ awditjar kuntrattati u mmonitorjati mill-Impriża Konġunta;

20.

Jilqa’ r-Rapport Speċjali 2/2013 tal-Qorti tal-Awdituri; “Il-Kummissjoni żgurat implimentazzjoni effiċjenti tas-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka?” li fih il-Qorti tal-Awdituri eżaminat jekk il-Kummissjoni żgurat implimentazzjoni effiċjenti tas-Seba’ Programm għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (FP7);

21.

Jinnota li l-awditu kopra wkoll l-istabbiliment ta’ Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (ITK);

22.

Jaqbel mal-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-ITK ġew stabbiliti biex jappoġġaw l-investiment industrijali fit-tul, b’mod partikolari f’oqsma ta’ riċerka; jinnota, madankollu, li fil-medja kellhom jgħaddu sentejn sabiex ITK tingħata l-awtonomija finanzjarja, fejn il-Kummissjoni normalment tibqa’ responsabbli għal terz tal-ħajja operattiva mistennija tal-ITK;

23.

Jinnota, barra minn hekk, li skont il-Qorti tal-Awdituri, xi ITK kellhom suċċess partikolari biex jinvolvu intrapriżi żgħar u medji (SMEs) fil-proġetti tagħhom u kważi 21 % tal-finanzjament ipprovdut mill-ITK marret għall-SMEs;

24.

Jiġbed l-attenzjoni għar-reputazzjoni tar-riżorsi totali indikattivi li jitqiesu meħtieġa għal seba’ Impriżi Konġunti Ewropej għar-Riċerka li s’issa ġew stabbiliti mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew — bl-eċċezzjoni notevoli tal-Impriża Konġunta Galileo — peress li l-ammont għal perjodu ta’ eżistenza tagħhom jammonta għal EUR 21 793 000 000;

25.

Jinnota li t-total tad-dħul baġitjat tal-Impriżi Konġunti previst għall-2012 kien jammonta għal madwar EUR 2,5 biljun jew madwar 1,8 % tal-baġit ġenerali tal-Unjoni 2012, filwaqt li madwar EUR 618 miljun ġew mill-baġit ġenerali (kontribuzzjoni fi flus mill-Kummissjoni) u madwar EUR 134 miljun ġew mis-sħab industrijali u mill-membri tal-Impriżi Konġunti;

26.

Jinnota li l-Impriżi Konġunti jimpjegaw 409 membru tal-persunal permanenti u temporanju, jew inqas minn 1 % tat-total tal-uffiċjali tal-Unjoni awtorizzati taħt il-baġit ġenerali (pjan għall-istabbliliment tal-persunal);

27.

Ifakkar li l-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni meqjusa neċessarja għall-Impriżi Konġunti kemm idumu jeżistu tammonta għal EUR 11 489 000 000;

28.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tanalizza b’mod komprensiv l-ITK u l-Impriżi Konġunti oħra f’rapport separat fid-dawl tal-ammonti sostanzjali involuti u r-riskji — b’mod notevoli dawk reputazzjonali – ippreżentati; ifakkar li l-Parlament kien diġà talab li l-Qorti tal-Awdituri tfassal rapport speċjali dwar il-kapaċità tal-impriżi konġunti, flimkien mal-imsieħba privati tagħhom biex jiżguraw il-valur miżjud u l-eżekuzzjoni effiċjenti tar-riċerka tal-Unjoni, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-programmi ta’ turija; jinnota li l-impriżi konġunti jitqiesu li jiżguraw finanzjament għal investimenti industrijali fit-tul u biex iħeġġu investimenti privati fir-riċerka.


(1)  ĠU C 369, 17.12.2013, p. 35.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.