5.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 266/243


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-3 ta’ April 2014

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2012

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2012,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2014 (05849/2014 — C7-0054/2014),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (“Ir-Regolament Finanzjarju”), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5),

wara li kkunsidra r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u b’mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza preċedenti tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0185/2014),

A.

billi, skont l-istqarrijiet finanzjarji tagħha, il-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (“iċ-Ċentru”) għas-sena finanzjarja 2012 kien ta’ EUR 16 317 000, u dan jirrappreżenta żieda ta’ 0,26 % meta mqabbel mal-2011,

B.

billi l-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni għall-baġit taċ-Ċentru għall-2012 kienet tammonta għal EUR 15 550 920, u dan jirrappreżenta żieda ta’ 0,98 % meta mqabbel mal-2011,

C.

billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2012 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,

Segwitu għall-kwittanza għall-2011

1.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri li erba’ azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’reazzjoni għall-kummenti tas-sena preċedenti huma mmarkati bħala “kkompletati”, waħda bħala “pendenti u waħda bħala “għadha għaddejja”;

2.

Jirrikonoxxi miċ-Ċentru li:

ma nstabet l-ebda soluzzjoni għall-problema ta’ bejgħ jew kiri tal-ispazju għall-uffiċċji li mhux qed jintuża, allavolja iċ-Ċentru qed ifittex attivament soluzzjoni xierqa; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li ċ-Ċentru kompla jirrazzjonalizza u jnaqqas l-ispejjeż ta’ manutenzjoni tiegħu billi rriveda l-konfigurazzjonijiet ta’ sigurtà u naqqas il-konsum tal-enerġija,

it-tielet evalwazzjoni taċ-Ċentru mill-Kummissjoni tlestiet fl-2012 u li l-pjan ta’ azzjoni biex jingħata segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li rriżultaw mill-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tħejja miċ-Ċentru u ġie approvat mill-Bord ta’ Ġestjoni tiegħu, b’definizzjoni tal-miżuri dettaljati li għandhom jittieħdu matul il-programm ta’ ħidma 2013-2015,

saret reviżjoni tal-proċessi interni taċ-Ċentru biex jitnaqqas il-volum ta’ riporti li rriżultat fi tnaqqis ta’ 16 % tal-approprjazzjonijiet riportati mill-2012 għall-2013, meta mqabbel mas-sena preċedenti,

ġiet implimentata politika dwar it-teżor, relatata ma’ minimizzazzjoni u tferrix tar-riskju finanzjarju u mmirata lejn monitoraġġ perjodiku tar-riskju possibbli,

ġiet implimentata reviżjoni tal-politika taċ-Ċentru rigward l-eċċezzjonijiet sabiex tkopri espliċitament kwalunkwe eċċezzjoni li tirrifletti devjazzjoni minn kwalunkwe regola adottata formalment u fis-seħħ fiċ-Ċentru,

il-proċessi ta’ reklutaġġ tiegħu ġew aġġustati biex jipprevedu d-definizzjoni tal-kontenut tat-testijiet bil-miktub u l-intervisti qabel ma l-bord tal-għażla jeżamina l-applikazzjonijiet li jkun irċieva;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.

Jinnota li l-isforzi għall-monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2012 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni baġitarja ta’ 99,74 % u li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 98,5 %;

Impenji u riporti

4.

Jirrikonoxxi li l-eżerċizzju ta’ awditjar annwali tal-Qorti tal-Awdituri ma sab l-ebda kwistjonijiet notevoli fir-rigward tal-livell ta’ riporti fl-2012; ifaħħar liċ-Ċentru talli mexa mal-prinċipju tal-annwalità u għall-eżekuzzjoni puntwali tal-baġit tiegħu;

Trasferimenti

5.

Jinnota b’sodisfazzjon li, skont ir-rapport annwali tal-attività, kif ukoll skont ir-riżultati tal-eżerċizzju ta’ awditjar li għamlet il-Qorti tal-Awdituri, il-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2012 baqgħu fil-limiti tar-regoli finanzjarji; ifaħħar liċ-Ċentru għall-ippjanar baġitarju tajjeb tiegħu;

Proċeduri ta’ akkwist u reklutaġġ

6.

Jinnota li, għas-sena 2012, la t-tranżazzjonijiet li ttieħed kampjun tagħhom u lanqas is-sejbiet l-oħra tal-eżerċizzju ta’ awditjar ma wasslu għal xi kumment dwar il-proċeduri ta’ akkwist taċ-Ċentru fir-rapport tal-awditjar annwali tal-Qorti tal-Awdituri;

7.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ma għamlet l-ebda kumment fir-rapport tal-awditjar annwali tagħha għall-2012 fir-rigward tal-proċeduri ta’ reklutaġġ taċ-Ċentru;

Kummenti dwar il-kontrolli interni

8.

Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-awditjar annwali tal-Qorti tal-Awdituri, iċ-Ċentru normalment ma jikseb l-ebda dokumenti mill-benefiċjarji biex jiġġustifikaw l-eliġibilità u l-preċiżjoni tal-ispejjeż iddikjarati fir-rigward tal-għotjiet għall-appoġġ tal-kooperazzjoni taħt in-netwerk Reitox u li l-verifiki fuq il-post ex post tal-ispejjeż fil-livell tal-benefiċjarji huma rari; jistieden liċ-Ċentru jindirizza l-kwistjoni billi jaċċetta r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li ssir verifika aleatorja tad-dokumenti ta’ appoġġ u jkun hemm kopertura akbar tal-benefiċjarji permezz ta’ verifiki fuq il-post li kieku jżidu b’mod konsiderevoli l-assigurazzjonijiet; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza, fi ħdan il-qafas tas-segwitu għall-kwittanza għall-2012, dwar il-passi li jkun ħa;

9.

Jinnota bi tħassib li ma saru l-ebda verifiki ex post għall-ebda tranżazzjoni li twettqet wara l-2008, ħlief għall-għotjiet; jistieden liċ-Ċentru jindirizza l-kwistjoni u jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza, fi ħdan il-qafas tas-segwitu għall-kwittanza għall-2012, dwar il-passi li jkun ħa;

Kummenti oħra

10.

Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-awditjar annwali tal-Qorti tal-Awdituri li attwalment iċ-Ċentru jġarrab spiża annwali ta’ madwar EUR 200 000 għall-ispazju għall-uffiċċji li mhux qed jintuża fil-bini preċedenti tiegħu u fis-sede ċentrali l-ġdida; jappella liċ-Ċentru biex, bħala kwistjoni prijoritarja, jaħdem b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, biex isib soluzzjonijiet xierqa għal dan l-ispazju għall-uffiċċji li mhux qed jintuża u jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza, fi ħdan il-qafas tas-segwitu għall-kwittanza għall-2012, dwar il-passi li jkun ħa;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interessi u t-trasparenza

11.

Jirrikonoxxi li ċ-Ċentru se jivvaluta l-politika tiegħu dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interessi abbażi tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġestjoni tal-Kunflitti ta’ Interess fl-Aġenziji Deċentralizzati tal-UE; jappella liċ-Ċentru biex jinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni ladarba jkunu disponibbli;

12.

Josserva li s-CVs u d-Dikjarazzjonijiet ta’ Interessi tal-membri tal-Bord ta’ Ġestjoni u l-maniġment superjuri taċ-Ċentru, kif ukoll id-Dikjarazzjoni ta’ Interessi tad-Direttur Eżekuttiv, mhumiex disponibbli pubblikament; jappella liċ-Ċentru biex jirrimedja din is-sitwazzjoni b’mod urġenti;

Awditjar intern

13.

Jirrikonoxxi miċ-Ċentru li, fl-2012, is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ppreżenta pjan għal awditjar strateġiku fuq tliet snin għaċ-Ċentru fis-27 ta’ Novembru 2012 u li dan ġie approvat mill-Bord ta’ Ġestjoni taċ-Ċentru waqt il-laqgħa tiegħu tas-6-7 ta’ Diċembru 2012; jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern ma wettaq ebda eżerċizzju ta’ awditjar fiċ-Ċentru fl-2012; jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern wettaq segwitu għar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu u sab li fid-data ta’ limitu tal-31 ta’ Diċembru 2012, rakkomandazzjoni waħda importanti ħafna kienet għadha qed tiġi implimentata, waqt li tnejn kienu ġew implimentati imma kienu soġġetti għal konferma mis-Servizz tal-Awditjar Intern;

Prestazzjoni

14.

Jitlob liċ-Ċentru jikkomunika r-riżultati u l-impatt li l-ħidma tiegħu għandha fuq iċ-ċittadini Ewropej b’mod aċċessibbli, prinċipalment permezz tas-sit tal-Internet tiegħu;

15.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ April 2014 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 365, 13.12.2013, p. 158.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2014)0299 (ara l-paġna 359 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).