5.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 266/140


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-3 ta’ April 2014

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima VIII — L-Ombudsman Ewropew

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 (COM(2013) 570 — C7-0280/2013) (2),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2012 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6), u b’mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza preċedenti tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0225/2014),

1.   

Jinnota b’sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha dwar l-2012, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta’ akkwist għall-Ombudsman Ewropew (“l-Ombudsman”);

2.   

Jilqa’ l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta’ awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 għan-nefqa amministrattiva u ta’ tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

3.   

Jenfasizza li l-baġit tal-Ombudsman huwa wieħed purament amministrattiv u fl-2012 kien jammonta għal EUR 9 516 500, li minnhom EUR 7 275 000 kienu allokati għat-Titolu 1 (infiq relatat ma’ persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni), EUR 1 656 500 attribwiti għat-Titolu 2 (bini, għamara, tagħmir u nfiq għal operat ieħor) u EUR 585 000 għat-Titolu 3 (infiq riżultat minn funzjonijiet ġenerali mħarrġa mill-istituzzjoni);

4.   

Jieħu nota li mill-approprjazzjonijiet totali, 98,30 % kienu impenjati (92,54 % fl-2011) u 88,69 % imħallsa (85,62 % fl-2011) b’rata ta’ utilizzazzjoni ta’ 95,88 % (meta mqabbla ma’ 92,54 % għall-2011); jilqa’ t-titjib tar-rata ta’ utilizzazzjoni;

5.   

Japprova t-titjib fl-ippjanar finanzjarju sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni iktar effiċjenti tal-baġit; jitlob it-tkomplija ta’ dan l-isforz fl-eżerċizzji baġitarji li jmiss;

6.   

Ifaħħar il-Pjan ta’ Ġestjoni Annwali għall-2012 tal-Ombudsman fejn huma inklużi indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin biex titkejjel il-prestazzjoni tal-uffiċċju fil-kisba tal-objettivi tiegħu;

7.   

Jistieden lill-Ombudsman iqiegħed ir-rata mhux użata tas-servizzi tal-interpretazzjoni mitluba matul dik is-sena fir-rapport annwali tal-attività li jmiss;

8.   

Jitlob lill-Ombudsman jikkoopera ma’ istituzzjonijiet oħra sabiex joħorġu b’metodoloġija unifikata għall-preżentazzjoni tal-ispejjeż tat-traduzzjoni bil-għan li jiġu ssimplifikati l-analiżi u t-tqabbil tal-ispejjeż;

9.   

Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-awditur intern dwar l-azzjonijiet miftuħa mir-rapporti tal-awditjar intern; jinnota li żewġ azzjonijiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-istandards minimi għal kontroll intern u l-ġestjoni tal-proċeduri ta’ akkwist għadhom miftuħa; jitlob li jiġu implimentati mingħajr dewmien ir-rakkomandazzjonijiet tal-awditur intern tal-Ombudsman dwar dawn l-azzjonijiet;

10.   

Iqis bħala pożittiva ż-żieda tal-perċentwal ta’ deċiżjonijiet dwar l-ammissibilità meħuda fi żmien xahar mill-wasla ta’ lment, li kien ta’ 85 % fl-2012, u jitlob objettiv saħansitra aħjar għas-snin li ġejjin; jemmen li r-ristrutturar tal-uffiċċju tal-Ombudsman, flimkien ma’ proċedura iktar simplifikata fir-Reġistru, kienu ta’ kontribut għal prestazzjoni aħjar tal-Unità għall-Ilmenti fl-2012 u se jkomplu jkunu ta’ kontribut fis-snin li ġejjin;

11.   

Jieħu nota tal-fatt li t-tul ta’ żmien medju tal-inkjesti naqas, anki jekk għall-inkjesti magħluqa fi żmien 18-il xahar, ir-riżultati kienu inqas mill-mira stabbilita u kienu inqas miċ-ċifra ta’ 80 % miksuba fl-2011; jitlob lill-Ombudsman jispeċifika l-għadd ta’ każijiet li jinvolvu iktar minn ċiklu wieħed ta’ inkjesti u meta jkun hemm bżonn tat-tieni ċiklu ta’ inkjesti;

12.   

Jitlob li jkun infurmat dwar l-azzjonijiet meħuda biex tingħeleb id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-organizzazzjoni ta’ awditjar estern indipendenti tal-Iskejjel Ewropej;

13.   

Jilqa’ l-involviment tal-Ombudsman mal-Fondazzjoni Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kwalità sabiex tiżdied il-kwalità tal-ħidma tiegħu;

14.   

Jifraħ lill-Ombudsman għall-kwalità konsistenti tar-rapport annwali tal-attività tiegħu u talli jipprovdi rapport annwali tal-impatt komprensiv, li huwa għodda importanti biex tiġi vvalutata l-ħidma tiegħu;

15.   

Jitlob lill-Ombudsman jiddikjara fid-dettall, fir-rapport annwali tal-attività tiegħu, kemm jonfoq mill-baġit tiegħu biex jippromwovi lilu nnifsu u biex ikun eqreb iċ-ċittadini;

16.   

Jinnota li r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman fl-2012 kien adottat mill-plenarja f’Settembru 2013 u jinsab sodisfatt bl-osservazzjonijiet li saru fih;

17.   

Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri tinkludi fir-rapport annwali li jmiss tagħha rieżami tas-segwitu min-naħa tal-Ombudsman Ewropew għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament li jinsabu f’din ir-riżoluzzjoni.


(1)   ĠU L 56, 29.2.2012.

(2)   ĠU C 334, 15.11.2013, p. 1.

(3)   ĠU C 331, 14.11.2013, p. 1.

(4)   ĠU C 334, 15.11.2013, p. 122.

(5)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)   ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.