12.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/36


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Opportunitajiet għall-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tal-bini

(2015/C 195/06)

Relatur

:

Is-Sur Borboly (RO/PPE), President tal-Kunsill Reġjonali ta' Harghita

Dokument ta' referenza

:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar Opportunitajiet għall-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tal-bini COM(2014) 445 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jappoġġja bis-sħiħ it-tentattiv tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu żviluppati għanijiet komuni u indikaturi bħala bażi għal standards Ewropej komuni għall-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tal-bini u b'hekk tissaħħaħ il-koordinazzjoni politika u l-koerenza. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma msieħba ewlenin fil-promozzjoni ta' effiċjenza ikbar fir-riżorsi, peress li din tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli permezz tal-impatt pożittiv u ġġib magħha konsegwenzi favorevoli għall-ambjent, il-klima, l-ekonomija u s-soċjetà. B'mod simili, dawn l-awtoritajiet jistgħu jieħdu azzjoni permezz ta' strumenti bħall-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku, u b'hekk jiġi xprunat is-suq tal-prodotti mfassla mill-iskart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ tal-bini;

2.

jiddikjara, għaldaqstant, li huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Kummissjoni fl-ebda parti tal-Komunikazzjoni ma ssemmi r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għad li ġibed l-attenzjoni għal dan l-aspett f'opinjonijiet oħra dwar suġġetti simili. Jisħaq dwar ir-rwol ċentrali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala investituri, mhux l-inqas fis-settur tal-bini, iżda anke f'dak li jikkonċerna l-akkwist pubbliku, l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar il-binjiet, l-appoġġ għall-intrapriżi lokali u għall-innovazzjoni, u l-informazzjoni tal-investituri u tal-pubbliku inġenerali. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza l-mod kif il-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jiġu involuti fil-konsultazzjonijiet li jmiss b'segwitu għal din il-komunikazzjoni;

3.

jenfasizza li b'kunsiderazzjoni tad-daqs u l-kumplessità tal-kwistjoni tal-bini sostenibbli fil-livell politiku, l-interventi għandhom ikunu msejsa fuq approċċ komprensiv li jqis l-aspetti kollha li jikkonċernaw il-bżonnijiet u t-tħassib tal-individwi, il-komunitajiet u l-istituzzjonijiet li jkunu ser jibbenefikaw minnhom; iċ-ċirkostanzi lokali u l-benefiċċji għall-ekonomija għandhom jitqiesu bħala aspetti importanti tas-sostenibbiltà, pereżempju, ir-rispett tal-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu, permezz tal-promozzjoni ta' materjali ta' kostruzzjoni lokali li spiss huma meqjusa bħala iktar effiċjenti u jista' jkollhom effetti pożittivi fuq l-ekonomija lokali;

A.    Problemi fundamentali

4.

iqis inaċċettabbli li l-iskart riċiklabbli mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ tal-bini (CDW) ta' binjiet terzjarji spiss jintefa' fil-miżbliet mingħajr valutazzjoni minn qabel tal-vijabbiltà ekonomika tal-ġbir u r-riċiklaġġ tiegħu. Il-KtR iqis li għandha tingħata prijorità biex jingħalaq iċ-ċirkuwitu tar-riċiklaġġ, pereżempju, billi jiġu stabbiliti miri individwali għal tipi speċifiċi ta' skart, u dispożizzjonijiet obbligatorji għall-awditjar, żarmar u għażla tas-CDW, qabel it-twaqqigħ jew ir-rinnovazzjoni ta' binjiet terzjarji kif inhu indikat diġà f'xi leġislazzjonijiet reġjonali jew lokali;

5.

iqis li biex is-settur tal-bini jsir ekoloġiku (l-attivitajiet ta' bini jkunu aktar favur l-ambjent), hemm bżonn li l-awtoritajiet pubbliċi joffru qafas lill-klijenti, lill-kuntratturi u lill-iżviluppaturi tas-settur tal-bini ħalli ssir tranżizzjoni lejn prattiki iktar favur l-ambjent, peress li l-fażi tal-kostruzzjoni hija kruċjali għall-prestazzjoni ambjentali ta' kwalunkwe bini tul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu. Tranżizzjoni bħal din ma sseħħx malajr daqs kemm imiss fl-assenza ta' indikaturi u standards komuni għall-UE, iżda wkoll meta ma jkunx hemm mudelli ta' negozju vijabbli ħalli jintgħażlu tekniki u materjali tal-bini aktar ekoloġiċi u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali;

6.

iqis neċessarju li jiġi ċċarat li l-iskart mid-demolizzjoni jista' jirriżulta jew minn demolizzjoni totali tal-bini jew mir-riabilitazzjoni, u għalhekk jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta' demolizzjoni jinkludi d-demolizzjoni parzjali tal-bini waqt li tkun għaddejja r-riabilitazzjoni. Fil-maġġoranza tar-reġjuni, l-iskart globali ġġenerat waqt ir-riabilitazzjoni jisboq l-iskart totali ġġenerat mid-demolizzjoni totali tal-binjiet;

7.

jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-intenzjoni tagħha li tħeġġeġ lis-suq tar-riċiklaġġ tal-iskart tal-bini u d-demolizzjoni billi tagħti appoġġ ikbar għall-proġetti ta' riċerka u demostrazzjoni. Proġetti bħal dawn, anke fi ħdan il-programm ta' qafas Orizzont 2020 u mwettqa f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandhom jimmiraw għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet dwar kif iżidu l-attraenza ekonomika tar-riċiklaġġ. Barra minn hekk, il-KtR huwa favur l-introduzzjoni ta' miżuri li jappoġġjaw it-tqegħid fis-suq ta' materjali sekondarji prodotti mis-CDW;

B.    L-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-appoġġ għall-politika dwar l-effiċjenza fir-riżorsi

8.

iqis li, mil-lat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni kollha, il-mira prinċipali ser tkun li jagħmlu progress fl-isforzi tagħhom biex jiġu żviluppati indikaturi li huma prerekwiżit għall-iżvilupp ta' għanijiet u standards komuni biex is-settur tal-kostruzzjoni isir iktar ekoloġiku. Huwa fl-interess tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li tiġi enfasizzata l-importanza tal-isfidi ekoloġiċi u ekonomiċi li qed jikkonfrontaw il-proċess ta' titjib fl-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tal-bini;

9.

jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali diġà għandhom rwol sinifikanti fil-promozzjoni tal-bini sostenibbli bi ftit jew l-ebda spejjeż permezz tal-kodiċijiet ta' bini lokali jew reġjonali. L-aħjar prattiki li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dawn il-kodiċijiet, bħar-rekwiżiti minimi dwar il-livelli ta' dawl matul il-jum, l-effiċjenza enerġetika jew il-materjali tal-kostruzzjoni, jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-promozzjoni ta' bini ġenwinament sostenibbli fl-Ewropa, u għalhekk għandhom jiġu promossi;

10.

ifakkar li fil-qasam tat-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-bini l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni, hekk kif fl-ambitu tar-responsabbiltà tagħhom jiżviluppaw miżuri adegwati u jimplimentaw strateġiji adottati favur l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu effiċjenti tar-riżorsi billi janalizzaw bir-reqqa l-partikolaritajiet u l-aspetti lokali;

11.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu użu mill-għodod u l-prattiki tal-ippjanar territorjali u l-ippjanar tal-bliet meta jifformolaw il-politika tal-bini sostenibbli. Għandhom jitqiesu wkoll l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ġestjoni tal-iskart u kwistjonijiet ta' operazzjoni u manutenzjoni;

12.

f'dan il-kuntest, jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jadottaw approċċ olistiku tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-bini inklużi l-prodotti tal-kostruzzjoni, id-disinn u l-kostruzzjoni ta' bini, il-manutenzjoni u r-rinnovazzjoni tiegħu sabiex jiġi promoss użu iżjed effiċjenti tal-materjali, l-enerġija u l-konsum tal-ilma kif ukoll ġestjoni aħjar tal-iskart;

13.

iqis bħala ħaġa estremament importanti l-isforzi li saru s'issa mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa, bħal pereżempju l-istrateġija tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tar-reġjun tal-Emilia-Romagna u l-pjan dwar il-klima “Enerġija – Alto Adige 2050” tal-provinċja awtonoma ta' Bolzano, il-programmi li jidentifikaw it-teknoloġiji u l-approċċi l-ġodda bbażati fuq l-arkitettura tradizzjonali lokali tar-reġjun (judeţ) ta' Harghita jew l-attivitajiet ta' innovazzjoni tal-belt ta' Rakvere, fl-Estonja u tal-komunità ta' Anavra, muniċipalità ta' Almyros, Magnisia, il-Greċja – din l-inizjattiva, bħal oħrajn tal-istess tip, hija rimarkabbli fil-qasam tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-bini sostenibbli;

14.

jinnota li l-attivitajiet industrijali relatati mal-materjali tal-kostruzzjoni li joriġinaw fis-settur tal-bini ekoloġiku u d-demolizzjoni għandhom joħolqu bosta impjiegi. It-tħejjija fil-livell reġjonali u lokali ta' pjani ta' azzjoni dwar dawn l-attivitajiet, flimkien ma' użu adatt tar-riżorsi umani, tikkontribwixxi sostanzjalment għat-twettiq tal-għanijiet relatati mal-effiċjenza fir-riżorsi;

15.

jemmen li inizjattiva bħall-Patt tas-Sindki tista' tkun siewja biex tindirizza wkoll l-isfida tal-effiċjenza fir-riżorsi. Il-Kumitat huwa konvint li għandhom jiġu mistħarrġa modi adatti għal dan ladarba jkunu ġew approvati l-għanijiet ta' politika tal-UE għall-effiċjenza fir-riżorsi;

16.

ifakkar ukoll li l-użu tar-riżorsi huwa ddeterminat fil-biċċa l-kbira mid-deċiżjonijiet relatati mad-disinn u mill-għażla tal-materjal tal-kostruzzjoni. Għalhekk, kif enfasizzat mill-Kummissjoni, sabiex jiġi garantit titjib fl-effiċjenza fir-riżorsi, l-inġiniera, id-disinjaturi, il-fabbrikanti, il-kuntratturi, l-awtoritajiet u l-utenti aħħarin jeħtieġu informazzjoni affidabbli u li tista' tintuża sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni abbażi ta' kriterju tad-disinn sostenibbli. Għaldaqstant, u fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-korpi li joħorġu l-liċenzji li huma l-eqreb tal-partijiet interessati, huwa f'idejn dawn l-awtoritajiet li jiżviluppaw sessjonijiet ta' sensibilizzazzjoni, kif ukoll politiki u mekkaniżmi konkreti ta' informazzjoni u l-mekkaniżmi biex jappoġġjaw u jinkoraġġixxu l-użu ta' dawn ir-riżorsi. Għalhekk iridu jkunu jistgħu jiddependu mill-finanzjament mill-fondi Ewropej. Dawn il-politiki għandhom ikunu parti minn approċċ komuni Ewropew għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-binjiet, li għandu jħaddan l-indikaturi ewlenin identifikati kollha;

17.

jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi b'mod attiv lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta' qafas b'indikaturi fundamentali li jivvalutaw il-prestazzjoni ambjentali tal-bini tul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu konsultati u jiġu involuti fit-tħejjija ta' dawn l-indikaturi tul il-proċess sħiħ;

18.

jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti mhux biss bħala l-livell politiku li jwettaq ċerti investimenti finanzjarji ta' politika fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-bini sostenibbli, iżda li għandhom ukoll rwol essenzjali bħala proprjetarji tal-binjiet u d-djar pubbliċi jew in-netwerks ta' infrastruttura ta' utilità pubblika;

19.

jenfasizza mill-ġdid l-oppożizzjoni tiegħu għas-sistema ta' kundizzjonalità makroekonomika meta Stat Membru ma jissodisfax l-obbligi skont il-liġi tal-UE (pereżempju l-miri dwar l-iskart jew l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija), li tippermetti li Stat Membru jiġi penalizzat permezz tas-sospensjoni parzjali jew totali tal-fondi mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment (Fond SIE) peress li din is-sistema toħloq ir-riskju li jiġu penalizzati l-awtoritajiet lokali u reġjonali, irrispettivament mid-daqs tal-kontribut tagħhom għall-għanijiet ta' politika;

20.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex isaħħu l-kooperazzjoni fil-qafas tal-akkwist pubbliku, u b'hekk jikkontribwixxu wkoll għat-titjib tal-kuntest lokali u reġjonali biex jitwettqu l-għanijiet ambizzjużi tal-UE fir-rigward tal-bini sostenibbli;

C.    Definizzjonijiet, indikaturi, riċerka u żvilupp

21.

ifakkar li l-industrija tal-bini hija strument, u li l-binjiet jista' jkollhom impatti kemm pożittivi kif ukoll negattivi f'kuntest partikolari urban, arkitettoniku, soċjali, ekonomiku u ambjentali. Attenzjoni partikolari għalhekk għandha tingħata lill-problema tas-sostenibbiltà f'dan il-qafas kumpless ta' interkonnessjonijiet;

22.

ifakkar li l-karatteristiċi tekniċi u tal-prestazzjoni ta' ċerti materjali tal-bini jinbidlu b'mod rapidu wara li jiġu manifatturati u dan il-proċess ikompli f'xi każijiet anke wara li jintużaw fil-kostruzzjoni. F'dan is-sens huwa partikolarment importanti li jiġi analizzat jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, wara d-demolizzjoni, dawn il-materjali jkunux adatti biżżejjed biex jintużaw mill-ġdid, u jekk ikunx meħtieġ li jinħolqu sistemi ta' ċertifikazzjoni apparti għal dawn il-materjali;

23.

madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi segwita r-riċerka fil-qasam taż-żamma u l-manutenzjoni tal-binjiet u l-impjanti korrispondenti, bħala possibbiltà biex jiġi estiż iċ-ċiklu tal-ħajja. B'mod aktar konkret għandhom jiġu promossi l-kuntratti ta' provvista tal-enerġija kif ukoll it-titjib u l-manutenzjoni tal-installazzjonijiet li jitwettqu mill-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija;

24.

jenfasizza li l-użu fuq skala kbira ta' materjali tal-bini li jirriżultaw mid-demolizzjoni, pereżempju fil-bini tat-toroq, għandu jiġi ttrattat bħala qasam ta' riċerka tal-ikbar importanza. Ħafna mill-materjali tal-bini jinkludu bosta elementi tossiċi, perikolużi u li jikkontaminaw, u la l-valutazzjoni tal-impatt tagħhom u lanqas, jekk hemm bżonn, it-tnaqqis tar-riskji li jirriżultaw minnhom għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem m'huma kwistjonijiet riżolti;

25.

iqis li l-iskoperta mill-ġdid tat-tekniki u l-materjali tal-bini tradizzjonali tista' tippreżenta potenzjal konsiderevoli għas-settur Ewropew tal-bini: huma spiss jikkostitwixxu mudell għall-mod li bih ir-riżorsi lokali jistgħu jintużaw għas-servizz ta' soluzzjonijiet effiċjenti u adatti għall-kundizzjonijiet lokali mingħajr diffikultà ta' kompatibilità mal-użu tal-art, il-ftuħ ta' barrieri ġodda fejn dawn ma jkunux f’kuntest omoġenju;

26.

ifakkar li l-kwistjoni dwar jekk ir-riabilitazzjoni tal-binjiet eżistenti hijiex soluzzjoni adatta fil-każijiet kollha jistħoqqilha tiġi analizzata: il-binjiet eżistenti f'bosta reġjuni tal-Ewropa, b'mod partikolari l-binjiet kummerċjali, residenzjali u pubbliċi, ma jistgħux jiġu rinnovati biex joffru livell ta' kumdità adegwat ħlief bi prezzijiet ta' investiment konsiderevoli. Dawn is-sitwazzjonijiet jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li, anke jekk ir-riabilitazzjoni tal-binjiet eżistenti, mil-lat tal-użu effiċjenti tar-riżorsi tal-bini individwali, għadhom soluzzjoni aħjar mid-demolizzjoni tagħhom jew il-bini ta' binjiet ġodda, il-valur estetiku, arkitettoniku u soċjali ta' kostruzzjoni ġdida kultant ikun ħafna ogħla, b'mod partikolari mill-perspettiva tal-okkupant. Għalhekk, sabiex ikun magħruf jekk ir-riabilitazzjoni tal-binjiet eżistenti hijiex soluzzjoni adegwata minbarra l-aspetti purament tekniċi, għandhom jitqiesu wkoll il-kunsiderazzjonijiet arkitettoniku, soċjali, ekonomiċi u ambjentali, u l-perspettiva tal-okkupant;

27.

ifakkar ukoll fil-potenzjal kbir li jista' jkollu s-settur tal-bini sostenibbli fil-ħolqien ta’ impjiegi, b’mod partikolari f’settur ekonomiku, dak tal-kostruzzjoni, tant milqut mill-kriżi. B'appoġġ u taħriġ xieraq fil-metodi ġodda ta' bini ekoloġiku sostenibbli, jistgħu jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ħafna persuni qiegħda tas-settur;

28.

jirrakkomanda li l-materja prima rinnovabbli, preferibbilment dik lokali jew indiġena li għaliha japplikaw il-mekkaniżmi tat-traċċabbiltà, tiġi kkunsidrata b'mod espliċitu fl-iżvilupp ta' kriterji komuni għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali tal-bini (bħala indikaturi ewlenin). Jisħaq li l-użu ta' materja prima rinnovabbli jista' jikkontribwixxi b'mod konsiderevoli għall-konservazzjoni tar-riżorsi fil-bini; l-użu tar-riżorsi f'dan il-qasam mhuwiex limitat biss għall-kostruzzjoni (pereżempju l-bini bl-injam) u l-iżolament, iżda jħaddan ukoll l-ikkompletar tal-bini intern (il-wiċċ tal-art, il-ħitan u l-uċuħ) eċċ. Dan jgħodd b'mod partikolari fil-każ tal-“użu kaskata” tal-materja prima rinnovabbli li jinkludi l-użu multidimensjonali f'diversi livelli. Il-materja prima rinnovabbli tista' wkoll tissostitwixxi l-karburanti fossili għat-tisħin u b'dan il-mod tnaqqas l-impatt ambjentali;

29.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li f'dak li jirrigwarda l-binjiet, id-dokument tal-Kummissjoni ma jsemmix l-użu tal-enerġija rinnovabbli, minkejja l-kontribut evidenti li ġġib magħha għan-natura sostenibbli tal-bini. L-istrumenti fotovoltajċi, tal-enerġija solari u tar-riħ integrati fil-binjiet u anke l-użu tal-bijomassa għat-tisħin tal-binjiet, inkluż it-tisħin tal-ilma għad-dar, jistgħu jikkontribwixxu sew biex jitnaqqas l-impatt ambjentali u dan tul iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju. Ta' min isemmi wkoll teknoloġiji oħra, bħall-enerġija ġeotermali, il-potenzjal għall-ġenerazzjoni ċentralizzata, infrastruttura distrettwali effiċjenti tat-tisħin u t-tkessiħ, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, is-sħana mill-iskart jew il-koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja. Sabiex l-analiżi tkun korretta, għandhom jitqiesu wkoll il-materjali u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-unitajiet tal-elettriku u l-enerġija;

30.

iqis li għandhom jiġu ċċarati u jingħataw definizzjonijiet komuni mill-iktar fis possibbli fil-livell tal-UE għall-kunċetti li bosta drabi jintużaw bħala sinonimi: “dar passiva”, “dar ekoloġika”, “dar sostenibbli”, “dar b'użu ekonomiku tal-enerġija”, jew “dar bi kważi l-ebda konsum tal-enerġija”. Jeħtieġ li b'mod urġenti jintlaħaq progress permezz ta' inizjattivi tar-riċerka u l-iżvilupp u konsultazzjonijet peress li dawn id-definizzjonijiet ser ikunu l-bażi għal standards komuni u miżuri ta' politika f'dan il-qasam fil-futur;

31.

jenfasizza li, minbarra l-użu mill-ġdid tal-metall u l-ħġieġ, suġġett li daħlet fih sew il-Komunikazzjoni, ir-riċerka tagħti evidenza dwar informazzjoni interessanti dwar il-konkrit u l-injam. Fir-rigward tal-materjal tal-kostruzzjoni, il-konkrit u l-injam għandhom karatteristiċi favorevoli għall-użu mill-ġdid, huma għażla faċli u sempliċi biex jiġu riċiklati u/jew jintużaw. Għalhekk, l-analiżijiet li saru fil-livell reġjonali u lokali dwar l-użu mill-ġdid tagħhom għandhom jingħataw prijorità;

32.

iqis li fir-rigward tal-użu tal-injam jew ta' materjali naturali oħra ta' kostruzzjoni, jeħtieġ li nżommu quddiemna li l-ħtiġiet dejjem ikbar tal-industrija tal-bini ser ifissru bidliet diretti jew indiretti fl-użu tal-art u fl-ekosistemi. F'dan ir-rigward għandu jiġi evitat li f'dan is-settur jiġu ripetuti l-iżbalji li saru fil-passat fil-qafas tal-produzzjoni tal-bijomassa għall-enerġija. Għandhom jiġu analizzati fid-dettall il-problemi relatati mat-tibdil fl-użu tal-art u fl-ekosistemi, u jiġu kkunsidrati meta jiġu żviluppati l-objettivi u l-indikaturi komuni għall-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tal-bini;

33.

jipproponi li, fil-kurrikula universitarji tal-inġiniera, il-periti u l-ekonomisti, minbarra l-proċeduri għall-użu effiċjenti tar-riżorsi, jiġu inklużi wkoll proċeduri intiżi biex jitnaqqas l-użu addizjonali tal-materjali u l-ħolqien tal-iskart li joriġinaw mill-bidliet tal-pjan inizjali;

34.

iqis li fil-qafas tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u iktar u iktar fil-każ tar-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni, għandhom jitqiesu l-ispejjeż u l-impatt tal-għażla u tat-trasport. Għal dan il-għan, il-proċeduri ta' analiżi standardizzati huma meħtieġa u l-proċessi ta' politika u r-riċerka u l-iżvilupp għandhom jintegraw ukoll it-tqabbil tal-possibbiltajiet kundizzjonati mit-trasport u l-kapaċitajiet tar-riċiklaġġ fuq il-post jew dawk lokali;

D.    Il-governanza, is-sħubija, it-trasferiment tal-għarfien

35.

jilqa' l-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tisħaq b'mod ċar fuq ir-rwol importanti li jirriżulta mill-iskambju tal-aħjar prattiki fost il-miżuri previsti. F'dan ir-rigward, il-proġetti ta' kooperazzjoni bejn il-gruppi ta' reġjuni bi speċifiċitajiet simili komuni għandhom jingħataw prijorità. F'dan il-qasam mhuwiex previdibbli li nagħżlu l-aħjar prattika jew approċċ universali: l-atturi reġjonali u lokali għandhom jitgħallmu minn xulxin liema huma l-aktar soluzzjonijiet adatti u l-iskambju tal-għarfien lokali tar-reġjuni differenti jista' jagħti valur miżjud ogħla;

36.

jenfasizza li ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali nnotaw li l-Istati Membri jqisu l-awtoritajiet li nħolqu fil-qafas tar-regolamentazzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija b'mod purament formali, bħala strument barrani għall-kultura tad-disinn fir-reġjuni jew il-pajjiż konċernat. Għal dan il-għan, il-Kumitat jissuġġerixxi li titħejja xi forma ta' rapport interim dwar l-istat ta' implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija mingħajr ma jinħolqu obbligi ġodda ta' rappurtar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda jkunu involuti fuq bażi volontarja fil-formulazzjoni tar-rapport;

37.

ifakkar li bosta reġjuni m'għandhomx l-għarfien u lanqas il-kompetenzi adegwati, li jfisser li, b'mod partikolari fir-reġjuni sottożviluppati, ikun hemm distakk teknoloġiku ikbar meta mqabbel mar-reġjuni żviluppati. Sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-problema, dawn ir-reġjuni għandhom jiddaħħlu wkoll fil-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bbażati b'mod iktar speċifiku fuq id-diffikultajiet marbuta mat-trasferiment tal-għarfien. Għandha ssir enfasi fuq il-possibbiltà li jiġi ottimizzat it-trasferiment tal-għarfien dwar il-kostruzzjoni u l-materjal tal-bini lejn ir-reġjuni b'kompetenzi inadegwati;

E.    Mekkaniżmu ta' kumpens

38.

iqis li l-mexxejja politiċi għandhom ikunu konxji li kwalunkwe bidla radikali fis-settur tal-bini ser teħtieġ rieda politika u tmexxija b'saħħitha fil-livelli għoljin tal-amministrazzjoni lokali u reġjonali; dawn ma jistgħux jinjoraw il-problemi tal-baġits operattivi lokali u reġjonali, li għadhom limitati u li joffru biss flessibbiltà limitata għall-investimenti fit-titjib tal-binjiet, anke jekk għandhom rendiment tajjeb u jekk jintroddu lura malajr;

39.

jindika mhux biss il-benefiċċji ambjentali imma wkoll il-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tal-bini sostenibbli meta mqabbla mal-ispejjeż tal-kostruzzjoni u l-manutenzjoni, u jenfasizza li abbażi tal-informazzjoni mill-analiżi tas-suq li għaliha tagħmel referenza l-Kummissjoni, l-ispejjeż ta' investiment fl-hekk imsejjaħ bini “ekoloġiku” mhumiex ogħla minn xi punti perċentwali ta' dawk l-ispejjeż li jinġarrbu fil-bini tradizzjonali;

40.

iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-problemi speċifiċi tar-reġjuni rurali u lill-bliet iż-żgħar u ta' daqs medju. Għandhom jiġu rikonoxxuti l-karatteristiċi proprji fid-definizzjoni tal-istandards, fil-miri u l-miżuri ta' implimentazzjoni l-oħrajn, biex jiġi evitat li jiġu żvantaġġati b'mod sproporzjonat jew li jkun possibbli li jingħataw kumpens fejn ikun meħtieġ. Għaldaqstant, il-prijorità tar-riċerka fil-qafas tal-inizjattiva Bliet Intelliġenti fi ħdan l-Orizzont 2020 minflok għandha tissejjaħ Bliet u Reġjuni Intelliġenti, u tiġi kkomplementata minn prijorità ġdida msejħa Reġjuni u Bliet Rurali Intelliġenti.

Brussell, 17 ta' April 2015

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA