|
20.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 415/23 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-pakkett għal Arja Nadifa għall-Ewropa
2014/C 415/06
|
Relatur |
is-Sur Lamers (NL/PPE), Sindku ta' Schiedam |
|
Dokumenti ta' referenza |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa COM(2013) 918 final Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti medji tal-kombustjoni COM(2013) 919 final – 2013/0442 (COD) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE COM(2013) 920 final – 2013/0443 (COD) |
I. I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
A. Kummenti ġenerali
|
1. |
ħa nota tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar pakkett ġdid għal arja iktar nadifa fl-Ewropa u jappoġġjahom b'mod ġenerali, jinsab sodisfatt b'mod globali għall-approċċ lejn is-sorsi tat-tniġġis (implimentazzjoni aħjar taċ-ċiklu ta' testjar għall-vetturi privati li jagħmlu parti mill-istandard Euro 6, l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-2020 u għall-2030, ir-regolazzjoni tal-emissjonijiet ta' impjanti medji ta' kombustjoni eċċ.); |
|
2. |
iqis li t-tniġġis tal-arja huwa fenomenu transkonfinali li għandu jiġi indirizzat fil-livell Ewropew u għalhekk iqis li l-inizjattivi u l-leġislazzjoni l-ġdida proposti mill-Kummissjoni Ewropea huma konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; |
|
3. |
bħall-Kummissjoni Ewropea jqis li din hija problema kbira: it-tniġġis tal-arja huwa l-kawża ambjentali ewlenija ta' mwiet prematuri fl-UE, u huwa responsabbli għal għaxar darbiet iktar imwiet mill-inċidenti tat-traffiku u huwa assoċjat ma' mard fil-pulmuni, mard kardjovaskulari, puplesiji u kankri. It-tniġġis tal-arja joriġina l-iktar fiż-żoni urbani, fejn id-densità tal-popolazzjoni hija għolja, anke fiż-żoni fejn l-effetti tal-emissjonijiet, minħabba karatteristiċi ġeografiċi partikolari, bħall-passaġġi dojoq ta' ċerti widien (tax-xmajjar) flimkien ma' kundizzjonijiet atmosferiċi predominanti, jistgħu jwasslu għal konċentrazzjonijiet ogħla ta' sustanzi li jniġġsu l-ambjent. Is-saħħa tal-poplu u l-ambjent għandhom jibqgħu l-bażi tal-politika Ewropea dwar l-arja; |
|
4. |
jikkonkludi li l-kwalità tal-arja fl-Ewropa kompliet titjieb tul l-aħħar snin, imma mhux b'mod rapidu biżżejjed. Għadd kbir ta' Stati Membri ma jistgħux jissodisfaw l-istandards tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja u bħalissa hemm proċeduri ta' ksur kontra 17-il Stat Membru; |
|
5. |
jinnota bi pjaċir il-livell ta' ambizzjoni segwit mill-Kummissjoni għall-perjodu iktar fit-tul, iżda jinnota li abbażi tal-politika proposta tal-emissjonijiet, iċ-ċittadin Ewropew ser ikollu jistenna madwar żewġ ġenerazzjonijiet biex ikun jista' jieħu nifs f'arja vera nadifa u tajba għas-saħħa. Din is-sitwazzjoni hija ta' tħassib kbir; |
|
6. |
jenfasizza l-karattru transkonfinali tat-tniġġis tal-arja u huwa tal-fehma li din il-problema titlob approċċ f'diversi livelli fejn kull livell ta' gvern (Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali) jassumi r-responsabbiltà tiegħu. Dan jeħtieġ approċċ komprensiv li jqis ir-responsabbiltà ta' min iniġġes, il-kompetenzi legali u t-tqassim ġust tal-ispejjeż. Tul dawn l-aħħar snin il-livelli kollha ta' gvern ħadu – u għadhom qed jieħdu – għadd ta' miżuri biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-arja fil-livell lokali iżda jeħtieġu appoġġ finanzjarju adegwat kif ukoll politika effettiva u għodod regolatorji li jiksbu r-riżultati mixtieqa (pereżempju standards tal-emissjonijiet Euro 6). Il-miżuri lokali u reġjonali huma importanti imma għandhom biss impatt (lokali) pożittiv limitat u ħafna drabi jeħtieġu investiment kbir. L-awtoritajiet lokali sikwit għandhom livell limitat ta' influwenza, fondi u flessibbiltà politika. Il-politika Ewropea għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors u l-leġislazzjoni nazzjonali fil-biċċa l-kbira għandhom impatt ħafna iktar pożittiv fuq il-kwalità tal-arja u, barra minn hekk, fil-maġġoranza tal-każijiet huma iktar kosteffiċjenti. Għalhekk, il-politika għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors għandha tiġi qabel ma jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tal-immissjonijiet; |
|
7. |
jirreferi għall-opinjoni esploratorja tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-2012 dwar ir-reviżjoni tal-politika tal-UE dwar l-arja. F'din l-Opinjoni kien talab biex tingħata attenzjoni biex il-politika tkun tista' tiġi implimentata aħjar, u b'hekk għal approċċ komprensiv, politika Ewropea ambizzjuża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors u akkoppjar mal-politika Ewropea dwar l-emissjonijiet u l-immissjonijiet, kemm fir-rigward tal-ambizzjonijiet kif ukoll tal-iskedi; |
|
8. |
jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-prinċipji importanti tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-Opinjoni relatata tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar integrazzjoni aħjar, implimentazzjoni aħjar u kooperazzjoni aħjar bejn il-livelli ta' gvern fir-rigward tal-politika tal-ambjent u jinkludi dawn il-prinċipji f'din l-Opinjoni; |
|
9. |
jinnota li l-proposti tal-Kummissjoni jfissru passi konkreti fir-rigward tal-politika għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors, imma li minħabba l-perjodi proposti r-riżultati pożittivi ta' din il-politika ser idumu wisq biex joħorġu fid-dieher. Il-politika proposta ma tgħinx lill-Istati Membri u l-awtoritajiet territorjali biex jissodisfaw fil-ħin l-istandards tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja. Għalhekk, il-Kumitat jikkonkludi li għad hemm lok għal nuqqas ta' qbil kbir bejn il-politika Ewropea dwar l-emissjonijiet u dik dwar l-immissjonijiet. Għahekk hemm bżonn li tinstab soluzzjoni; |
B. Il-Komunikazzjoni
B.1 Nuqqas ta' qbil bejn il-politika dwar l-emissjonijiet u l-politika dwar l-immissjonijiet
|
10. |
il-Kumitat jappoġġja l-ambizzjonijiet għoljin tal-Kummissjoni Ewropea fejn qed timmira biex fit-tul ikun hemm sitwazzjoni fejn il-kwalità tal-arja ma jkollhiex iktar effetti (negattivi) fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ekosistemi. Il-Kummissjoni hawnhekk tirreferi għall-valuri ta' referenza stretti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), iżda ma ssemmi l-ebda data sa meta dawn għandhom jinkisbu; |
|
11. |
il-Kummissjoni Ewropea tqis li d-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja mhijiex qed tiġi rispettata biżżejjed. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-istandards mhux qed jiġu rispettati (fil-ħin) u hemm proċeduri ta' ksur kontra 17-il Stat Membru. Għalhekk, fil-perjodu l-qasir il-Kummissjoni mhijiex se tirrevedi d-Direttiva. Hija għandha l-għan li tiżgura l-implimentazzjoni aħjar ta' din id-Direttiva sabiex l-istandards attwali jiġu rrispettati kullimkien mhux aktar tard mill-2020. Madankollu, formalment mhu ser jinbidel xejn: ma jissemma l-ebda posponiment tal-obbligu (legali) biex il-limiti fis-seħħ jintlaħqu fil-ħin; |
|
12. |
Huwa fatt li t-titjib ewlieni jrid jiġi mill-politika Ewropea għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors. Fis-snin li għaddew din il-politika ma waslitx biżżejjed għar-riżultati mixtieqa. Dan jidher mill-emissjonijiet minn diversi kategoriji ta' vetturi li fil-prattika jidhru li huma ogħla mir-rekwiżiti Ewropej applikabbli għal dawn il-kategoriji ta' vetturi, u dan jgħodd ukoll għall-emissjonijiet fil-prattika ta' vetturi privati tal-iktar kategorija ġdida Euro 6. Dan qed iwassal għal problemi kbar, l-iktar fiż-żoni urbani u fir-rotot ta' tranżitu. Madankollu, il-KtR jenfasizza li l-politiki u l-leġislazzjoni tal-UE, ħafna drabi ma kinux ambizzjużi biżżejjed; |
|
13. |
Il-Kumitat jappoġġja b'mod ġenerali l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors (implimentazzjoni aħjar taċ-ċiklu ta' testjar għall-vetturi privati li jagħmlu parti mill-istandard Euro 6, tnaqqis tan-NEC (livelli limiti nazzjonali għall-emissjonijiet), ir-regolazzjoni tal-impjanti medji tal-kombustjoni eċċ.). Il-vetturi heavy-duty għandhom jiġu ttestjati għall-adegwatezza tal-mudell billi jitħaddmu fi traffiku reali u jitkejlu l-emissjonijiet fuq il-post, filwaqt li l-livelli massimi m'għandhomx jinqabżu fl-ebda ċirkustanza. Huwa jenfasizza wkoll li l-miżuri eżistenti u ppjanati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors (bħad-Direttiva dwar l-ekoloġija, il-miżuri agrikoli, id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u d-Direttiva dwar il-makkinarju mobbli mhux tat-triq, fosthom in-navigazzjoni interna) jistgħu jagħtu kontribut importanti biex isir it-tnaqqis meħtieġ. Għalhekk huwa importanti wkoll li fis-snin li ġejjin jintwerew l-ambizzjonijiet meħtieġa u li dawn jissarrfu f'dokumenti tekniċi ta' referenza (dokumenti BREF); |
|
14. |
Madankollu, il-politika proposta għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors mhijiex sinkronizzata mal-obbliġi tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja, la mil-lat ta' żmien u lanqas ta' ambizzjoni. L-effetti pożittivi dwar din il-politika għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors mhumiex ser ikunu evidenti biżżejjed fil-ħin. Fl-Opinjoni preċedenti tal-2012, il-Kumitat kien talab biex il-politika Ewropea dwar l-immissjonijiet tiġi koordinata mal-politika Ewropea dwar l-emissjonijiet. Il-Kummissjoni għażlet li ma tirrevedix id-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja qabel ma l-politika għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors tkun tat il-frott. Iżda fid-dawl tal-iskedi, irridu nistennew sal-perjodi bejn l-2020 u l-2030 biex naraw l-effetti pożittivi tal-politika għat-tnaqqis fis-sors. Dan jissuġġerixxi li l-ambizzjonijiet għoljin tal-Kummissjoni mhux se jsiru realtà qabel il-perjodu 2030-2050; |
|
15. |
jinnota li l-Kummissjoni Ewropea xorta bdiet proċeduri ta' ksur kontra 17-il Stat Membru għalkemm l-iskedi ma jqisux biżżejjed kemm jgħaddi żmien qabel mal-politiki għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors jilħqu l-effetti tagħhom. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex toqgħod partikolarment attenta fl-implimentazzjoni ta' proċeduri bħal dawn u biex tagħżel approċċ iktar kostruttiv ibbażat fuq skedi realistiċi; |
|
16. |
il-Kumitat jipproponi li l-Istati Membri jingħataw “perjodu ta' rimedju” itwal, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jqis il-perjodi li fihom ikunu mistennija riżultati mill-politika proposta mill-Kummissjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors. Il-kundizzjonijiet jinkludu t-tfassil ta' programm ta' rimedju b'miżuri li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu biex il-valuri limiti tal-immissjonijiet jiġu rispettati. |
|
17. |
jisħaq li l-proposta ma tippermettix lill-Istati Membri jevitaw id-dmir li jieħdu miżuri. F'dan il-kuntest, b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi, il-Kummissjoni dejjem tista' tipproponi kundizzjonijiet simili għal dawk li tapplika (u diġà applikat) fil-qafas tal-għoti ta' derogi (1). L-għan huwa li l-Istati Membri affettwati jadottaw politiki u miżuri b'mod adegwat biex fi żmien raġonevoli jilħqu l-livelli ta' konċentrazzjoni bħal dawk imfissra fid-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja; |
|
18. |
l-alternattiva proposta hawn fuq hija differenti mill-perjodu ta' transizzjoni tad-deroga li l-Kummissjoni qed tapplika bħalissa. Hawnhekk jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll il-perjodi li fihom jidhru l-effetti tal-politika Ewropea proposta mill-Kummissjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors; |
|
19. |
Il-Kumitat jinnota hawnhekk li t-tniġġis tal-arja lokali jinbet minn taħlita ta' sorsi internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali u l-emissjonijiet relatati tagħhom. Kull livell ta' gvern huwa responsabbli u l-Kumitat huwa tal-fehma li l-programmi ta' rimedju stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jitfasslu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet territorjali. Dawn it-tipi ta' pjani jistgħu pereżempju jinkludu li Stat Membru jirranġa biex is-sistema tat-taxxi tiegħu tkun iktar orjentata biex tistimula trasport iktar nadif u tiskoraġġixxi traffiku li jniġġes. L-awtoritajiet territorjali mbagħad jistgħu jaqdu rwol billi pereżempju jintroduċu żoni ambjentali; |
|
20. |
It-trażżin fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-proċeduri ta' ksur huwa importanti wkoll għax proċeduri bħal dawn jistgħu jinbidlu f'multi u l-leġislazzjoni (li qed titħejja) f'ħafna Stati Membri tipprevedi li jistgħu jgħaddu dawn il-multi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Fl-Opinjoni tal-2012, il-Kumitat tar-Reġjuni stqarr li kull trasferiment ta' multi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali ma kienx ġust. Fir-rigward tal-kwalità tal-arja, ir-responsabbiltajiet bejn id-diversi livelli ta' gvern għandhom ikunu reċiproċi. Mhijiex ħaġa ġusta li jkun hemm biss livell wieħed ta' gvern responsabbli u li l-multi jingħataw biss lil livell wieħed ta' gvern. Barra minn hekk mhuwiex ġustifikabbli li l-livell ta' gvern bl-inqas influwenza jinżamm responsabbli, filwaqt li d-deċiżjonijiet prinċipali f'ħafna Stati Membri jsiru fil-livell nazzjonali. |
B.2 Riċerka, innovazzjoni, skambju ta' għarfien u riżorsi
|
21. |
fl-Opinjoni tal-2012, il-Kumitat tar-Reġjuni kien stqarr li kien importanti li jsir stħarriġ dwar jekk huwiex possibbli li l-karbonju elementali ikun indikatur aħjar fir-rigward tas-saħħa minn PM 2.5 u PM 10. Il-Kummissjoni Ewropea ma tqisx tali investigazzjoni iktar dettaljata fil-proposti tagħha. Il-Kumitat tar-Reġjuni jibqa' jenfasizza l-importanza li ssir iktar riċerka f'dan il-qasam. Fil-Programm Arja Nadifa għall-Ewropa l-Kummissjoni fil-fatt tagħti attenzjoni lill-karbonju elementali u l-Kumitat jilqa' din il-wegħda: “Fl-implimentazzjoni tat-tnaqqis PM2.5, se jkun hemm enfasi partikolari fuq it-tnaqqis tal-karbonju iswed (KI), is-sustanza l-oħra li tniġġes il-klima u li għandha ħajja qasira”; |
|
22. |
Il-Kumitat bi pjaċir jinnota l-approċċ komprensiv rakkomandat mill-Kumissjoni Ewropea u jfakkar kemm huwa importanti li jkun hemm koordinazzjoni mal-politika relatata bħall-politika tal-klima u l-enerġija, il-politika ekonomika u industrijali, il-politika tal-agrikoltura u l-politika tat-trasport; |
|
23. |
dan l-approċċ integrat għandu impatt ukoll fuq il-fondi Ewropej. Bis-saħħa ta' iktar flessibbiltà u prijoritizzazzjoni fil-fondi Ewropej għall-miżuri tal-kwalità tal-arja, dawn il-fondi jagħmlu t-twettiq tal-għanijiet tal-arja iktar fattibbli u l-Kummissjoni tkun tista' tissodisfa b'mod tajjeb ix-xewqa għal approċċ integrat. Il-KtR iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex japplikaw b'mod proattiv għall-fondi Ewropej; |
|
24. |
Il-Kumitat jappoġġja l-importanza li l-Kummissjoni Ewropea tabbina mal-innovazzjoni u l-iskambju tal-għarfien fil-qasam tal-kwalità tal-arja pereżempju fil-forma ta' proġetti pilota u d-disseminazzjoni tas-sett ta' strumenti (toolbox) lokali u reġjonali għall-ġestjoni tal-kwalità tal-arja; |
|
25. |
it-tniġġis tal-arja huwa kkawżat fil-biċċa l-kbira mit-traffiku li jinħoloq mill-vetturi fit-triq. B'konformità mal-Opinjoni tal-2012, huwa importanti li jkompli jiġi offrut appoġġ għar-riċerka u jitħeġġeġ l-użu ta' teknoloġiji alternattivi ta' propulsjoni, bħall-vetturi ibridi plug-in, vetturi li jaħdmu bl-elettriku, vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, eċċ. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jirreferi wkoll għar-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni CARS 2020; |
|
26. |
Anke fil-ġejjieni ser ikun importanti li għal din l-inizjattiva u oħrajn relatati mal-kwalità tal-arja jkun hemm riservati biżżejjed mezzi finanzjarji, pereżempju permezz tal-fondi strutturali, Orizzont 2020 u Life; |
C. Proposta għal Direttiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja
|
27. |
Il-politika Ewropea għat-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja hija strument importanti biex jitrażżan it-tniġġis tal-arja fl-UE. Hija tistimula l-approċċ ferm meħtieġ ta' sorsi kbar li jniġġsu bħal emissjonijiet mill-agrikoltura u mill-industrija; |
|
28. |
F'dan il-kuntest, il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex mill-2020 u għall-2030 l-Istati Membri jkollhom obbligi nazzjonali komplementari għat-tnaqqis. Dan huwa ferm importanti biex jitrażżnu l-konċentrazzjonijiet (fl-isfond) fil-livell lokali u reġjonali; |
|
29. |
Huwa jagħraf il-bżonn li jiġu stabbiliti għanijiet internazzjonali ġodda għall-2020 permezz tal-protokoll rivedut ta' Göteborg, li jħeġġeġ anke lill-pajjiżi barra l-Ewropa biex jimplimentaw politika dwar il-kwalità tal-arja. L-emendar tal-protokoll ta' Göteborg madankollu ma jeħtieġ l-ebda miżura komplementari mill-Istati Membri sal-2020 u l-obbligi nazzjonali komplementari għat-tnaqqis huma previsti biss fit-tul; |
|
30. |
dan ifisser li tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu fl-arja jibqa' proviżorjament eskluż u li sakemm jidher l-effett tar-rekwiżiti nazzjonali iktar stretti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali mhux ser jingħataw appoġġ addizzjonali biex jilħqu fil-ħin ir-rekwiżiti tal-immissjoni stabbiliti fid-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja; |
|
31. |
jilqa' bi pjaċir id-dispożizzjoni tal-Artikolu 6 propost li Stati Membri fil-programmi nazzjonali ta' kontroll tat-tniġġis tal-arja jridu jevalwaw sa liema punt is-sorsi ta' emissjonijiet nazzjonali jistgħu jħallu impatt fuq il-kwalità tal-arja fit-territorji tagħhom u fl-Istati Membri tal-viċinat, u biex jitqies il-bżonn biex jitnaqqsu l-emissjonijiet li jniġġsu l-arja sabiex tintlaħaq konformità tal-objettivi tal-kwalità tal-arja fit-territorji tagħhom u fejn huwa adatt, fl-Istati Membri tal-viċinat. Il-KtR jixtieq li din id-dispożizzjoni tinżamm fid-Direttiva aħħarija; |
|
32. |
il-Kumitat jappella għal livell ta' ambizzjoni għoli biżżejjed fid-dawl tal-obbligi nazzjonali ta' tnaqqis iktar stretti għall-2030. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea turi li hemm lok li jintlaħaq livell ta' ambizzjoni ogħla minn dak immirat fil-proposti bħalissa b'mod kosteffiċjenti. Il-Kumitat għalhekk jappella biex għall-inqas jinżammu l-obbligi tat-tnaqqis proposti għall-2030 u jitlob biex, fejn possibbli, l-obbligi għat-tnaqqis isiru iktar stretti. Madankollu, il-livelli tat-tnaqqis mitluba għandhom ikunu fattibbli ekonomikament u jkunu aġġustati għall-possibbiltajiet teknoloġiċi li jistgħu jiġu applikati bl-użu ta' kriterji ekonomiċi; |
|
33. |
Il-Kumitat jirrakkomanda li jintgħażlu għanijiet intermedji għall-2025 li jibqgħu vinkolanti daqs l-għanijiet għall-2020 u l-2030. Dan joħloq iktar kontroll, li permezz tiegħu l-Istati Membri jkunu obbligati li jibdew fil-ħin bit-trażżin ta' emissjonijiet dannużi; |
|
34. |
Filwaqt li jappoġġja l-mekkaniżmi ta' flessibbiltà proposti, huwa jindika li dawn m'għandhomx jintużaw biex ma jkollux isir intervent f'każ ta' effetti negattivi tal-politika; |
D. Proposta għal Direttiva dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja ta' impjanti medji ta' kombustjoni
|
35. |
Il-Kumitat jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar proposta għal leġislazzjoni għal rekwiżiti ta' emissjoni (id-dijossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u l-materja partikolata) għall-impjanti medji tal-kombustjoni b'kapaċità termika bejn 1 u 50 MW, li minnhom fl-UE hemm madwar 1 42 986. Din il-proposta tipprevedi għalhekk l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea għal din il-kategorija ta' impjanti tal-kombustjoni, li s'issa kienet nieqsa. Il-Proposta tal-Kummissjoni ssemmi biss id-dijossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u l-materja partikolata. Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni Ewropea, fid-dawl tar-regoli futuri, għandha tinvestiga jekk ir-rekwiżiti tal-emissjonijiet għall-monossidu tal-karbonju humiex rilevanti. |
|
36. |
għanijiet ambizzjużi għall-impjanti tal-kombustjoni huma ta' importanza konsiderevoli biex jinkisbu l-għanijiet tal-obbligi nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja iżda jirrikonoxxi wkoll l-importanza ta' sorsi ta' enerġija li qed jinbidlu minn karburanti fossili għall-bijomassa, f'xi każijiet, billi jitwaqqfu l-mekkaniżmi u s-sistemi neċessarji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jkunu ġejjin mill-kombustjoni tal-bijomassa. Għalhekk huwa kruċjali li jiġu preskritti l-aħjar tekniki disponibbli. Għall-impjanti l-ġodda hemm mudelli tajbin, li permezz tagħhom jistgħu jintlaħqu livelli ta' emissjoni stretti permezz ta' miżuri primarji, pereżempju għall-bojlers u t-turbini li jaħdmu bil-gass; |
|
37. |
jemmen li, fir-rigward ta' kosteffettività tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, għandu jkun possibbli li jitqies il-kontribut lejn l-emissjonijiet netti nazzjonali tal-emissjonijiet mill-impjanti tal-kombustjoni żgħar u ta' daqs medju għall-produzzjoni tal-enerġija; għal |
|
38. |
jistenna li l-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja tipprovdi previdibilità, approċċ għal perjodu ta' żmien twil u koerenza naturali mal-politiki tal-UE dwar il-klima, l-enerġija u oħrajn; |
|
39. |
fir-rigward tal-Anness IV huwa importanti li d-Direttiva tiċċara iktar il-frekwenza tal-kejl, il-parametri u l-metodi tal-kejl. Din l-informazzjoni hija kruċjali biex tkun tista' ssir diskussjoni dwar il-fattibbiltà tal-implimentazzjoni u magħha r-rekwiżiti ta' emissjoni tad-Direttiva. |
|
40. |
Uħud mill-Istati Membri diġà għandhom leġislazzjoni nazzjonali għall-impjanti medji tal-kombustjoni. F'ċerti każijiet ir-rekwiżiti ta' emissjoni huma iktar stretti mir-rekwiżiti proposti fil-livell Ewropew. Iżda f'każijiet oħra mhumiex. Mil-lat tal-ambjent u tas-saħħa huwa importanti li fl-Istati Membri fejn ir-rekwiżiti huma iktar stretti, dawn ir-rekwiżiti jkunu jistgħu jinżammu; |
|
41. |
iqis li huwa essenzjali li d-Direttiva dwar l-impjanti medji tal-kombustjoni tikkunsidra l-kosteffettività meta tistabbilixxi l-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet, bħalma hi l-materja partikolata, li jkunu japplikaw kemm għall-impjanti eżistenti kif ukoll għal dawk ġodda; |
|
42. |
il-Kumitat jitlob li, għall-fattibbiltà tal-implimentazzjoni u l-proporzjonalità, tingħata ħarsa lejn iktar possibbiltajiet għad-divrenzjar estensiv. Dan jista' jsir abbażi tal-kapaċità u tal-karburant użat, ċertament tat-tip fejn il-miri tal-valur jistgħu jinkisbu biss b'teknika fil-punt tar-rimi (end-of-pipe) u fejn l-ispejjeż relattivi jistgħu jkunu ta' piż ikbar għall-impjanti ta' tip iżgħar. Fil-każ ta' karburanti li mhumiex standard (bħall-gassijiet ta' proċessar u likwidi, bijogass eċċ.) għandhom jiġu analizzati l-possibbiltajiet għal approċċ iktar immirat. Barra minn hekk, fid-dawl tad-differenzi kbar fit-teknika bażi, għandha tingħata ħarsa lejn id-divrenzjar f'termini tat-tipi ta' impjanti (pereżempju b'kategorizzazzjoni ta' turbini tal-gass, muturi bojlers u oħrajn). B'approċċ ta' universalità strett wisq hemm ir-riskju li kultant ir-rekwiżiti jkunu stretti żżejjed għal ċerti tipi ta' impjanti; |
|
43. |
jinnota li r-rekwiżiti proposti għar-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ xi kultant jistgħu jwasslu għal piżijiet amministrattivi (addizzjonali) għall-awtoritajiet u l-kumpaniji. Dan għandu jiġi analizzat b'mod kritiku. Eżempju wieħed konkret huwa l-bojler, li mil-lat tekniku, il-kejl frekwenti għandu ftit valur miżjud għax it-tixjiħ u t-tniġġis tal-bojler għandhom rwol inqas importanti minn pereżempju l-muturi. |
II. RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI
Emenda 1
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE – COM(2013) 920 final, 2013/0443(COD), Artikolu 4(1)
|
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
|
Bħala minimu, l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-emissjonijiet antropoġeniċi annwali tagħhom ta' diossidu tal-kubrit (SO2), ta' ossidi tan-nitroġenu (NOx), ta' komposti organiċi volatili għajr il-metan (NMVOC), ta' ammonja (NH3), ta' materja partikulata (PM2,5) u ta' metan (CH4) b'konformità mal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis ta' emissjonijiet applikabbli mill-2020 u l-2030, kif stabbilit fl-Anness II. |
Bħala minimu, l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-emissjonijiet antropoġeniċi annwali tagħhom ta' diossidu tal-kubrit (SO2), ta' ossidi tan-nitroġenu (NOx), ta' komposti organiċi volatili għajr il-metan (NMVOC), ta' ammonja (NH3), ta' materja partikulata (PM2,5) u ta' metan (CH4) b'konformità mal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis ta' emissjonijiet applikabbli mill-2020, l-2025 u l-2030, kif stabbilit fl-Anness II. |
Raġuni
Huwa importanti li l-għanijiet intermedji għall-2025 ikollhom saħħa vinkolanti daqs l-għanijiet għall-2020 u l-2030. Dan huwa importanti ħafna biex l-Istati Membri jiġu mħeġġa li fl-2030 jilħqu kompletament l-obbligi nazzjonali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal dik is-sena. Din l-emenda għandha tirrifletti l-impatt tagħha, fost oħrajn fl-Anness II, permezz ta' perkors ta' tnaqqis lineari stabbilit bejn il-livelli tal-emissjonijiet tagħhom għall-2020 u l-livelli ta' emissjonijiet definiti mill-obbligi għat-tnaqqis ta' emissjonijiet għall-2030.
Emenda 2
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE – COM(2013) 920 final, 2013/0443(COD), Artikolu 4(2)
|
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
|
Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li ma jinvolvux spejjeż sproporzjonati sabiex jillimitaw l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-2025 annwali tagħhom ta' SO2, NOx, NMVOC, NH3, PM2,5 u CH4. Il-livelli ta’ dawk l-emissjonijiet għandhom jiġu determinati fuq il-bażi ta’ fjuwils mibjugħin, permezz ta' perkors ta' tnaqqis lineari stabbilit bejn il-livelli tal-emissjonijiet tagħhom għall-2020 u l-livelli ta’ emissjonijiet definiti mill-impenji għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet għall-2030. Meta l-emissjonijiet għall-2025 ma jkunux jistgħu jiġu limitati skont il-perkors iddeterminat, l-Istati Membri għandhom jispjegaw ir-raġunijiet tagħhom fir-rapporti tagħhom ippreżentati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9. |
Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li ma jinvolvux spejjeż sproporzjonati sabiex jillimitaw l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-2025 annwali tagħhom ta' SO2, NOx, NMVOC, NH3, PM2,5 u CH4. Il-livelli ta’ dawk l-emissjonijiet għandhom jiġu determinati fuq il-bażi ta’ fjuwils mibjugħin, permezz ta' perkors ta' tnaqqis lineari stabbilit bejn il-livelli tal-emissjonijiet tagħhom għall-2020 u l-livelli ta’ emissjonijiet definiti mill-impenji għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet għall-2030. Meta l-emissjonijiet għall-2025 ma jkunux jistgħu jiġu limitati skont il-perkors iddeterminat, l-Istati Membri għandhom jispjegaw ir-raġunijiet tagħhom fir-rapporti tagħhom ippreżentati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9. |
Raġuni
L-Artikolu 4(2) jinkludi dispożizzjonijiet għall-2025 iżda ma jibqax rilevanti meta jiġu stabbiliti għanijiet intermedji vinkolanti għall-2025.
Emenda 3
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE – COM(2013) 920 final, 2013/0443(COD), Artikolu 5(6)
|
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
|
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ir-regoli dettaljati għall-użu tal-flessibbiltajiet kif imsemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3, b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14. |
Il-Kummissjoni tista' trid tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ir-regoli dettaljati għall-użu tal-flessibbiltajiet kif imsemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3, b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14. |
Raġuni
Sabiex il-mekkaniżmi ta' flessibbiltà jiġu żviluppati iktar jeħtieġ li tittieħed deċiżjoni ta' implimentazzjon (minflok li tista' tittieħed).
Brussell, 7 ta' Ottubru 2014
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Michel LEBRUN
(1) Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, l-Artikoli 22 u 23 u l-Anness XV.