24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/389


P7_TA(2014)0095

Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek ***I

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-6 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2013)0520 – C7-0223/2013 – 2013/0253(COD)) (1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2017/C 093/62)

Emenda 1

EMENDI MRESSQA MILL-PARLAMENT (*1)

għall-proposta tal-Kummissjoni


(1)  Il-każ ġie mgħoddi lura lill-kumitat responsabbli biex jerġa' jiġi eżaminat skont l-Artikolu 57(2), it-tieni subparagrafu (A7-0478/2013).

(*1)  Emendi politiċi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u qawwija; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.


REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Huwa essenzjali li jkun hemm suq intern integrat aħjar għas-servizzi bankarji sabiex fl-Unjoni jitrawwem l-irkupru ekonomiku. Madankollu, il-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali wriet li l-funzjonament tas-suq intern f’dan il-qasam huwa mhedded u li hemm riskju li dejjem qed jiżdied ta' frammentazzjoni finanzjarja. Is-swieq interbankarji saru inqas likwidi u l-attivitajiet bankarji transfruntiera qegħdin jonqsu minħabba l-biża’ ta’ kontaġju, in-nuqqas ta’ fiduċja f’sistemi bankarji nazzjonali oħra u fl-abbiltà tal-Istati Membri li jappoġġaw il-banek. Dan jikkostitwixxi tħassib reali f'suq intern fejn l-istituzzjonijiet bankarji jibbenefikaw minn passaport Ewropew u fejn il-maġġoranza ta' dawk l-istituzzjonijiet joperaw f'bosta Stati Membri.

(2)

Id-diverġenzi fir-regoli nazzjonali dwar ir-riżoluzzjoni bejn Stati Membri differenti u l-prattiki amministrattivi li jikkorrispondu u n-nuqqas ta’ proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet unifikat fil-livell tal-Unjoni għar-riżoluzzjoni ta’ banek transfruntieri jikkontribwixxu għal dan in-nuqqas ta’ fiduċja u l-instabbiltà tas-suq, minħabba li ma jiżgurawx ċertezza u prevedibbiltà dwar l-eżitu possibbli ta’ falliment ta’ bank. Id-deċiżjonijiet dwar riżoluzzjoni meħuda fil-livell nazzjonali biss u skont oqfsa legali mhux armonizzati jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, għat-tidgħjif tas-suq intern.

(3)

B’mod partikolari, il-prattiki differenti tal-Istati Membri fit-trattament tal-kredituri tal-banek f’riżoluzzjoni u fis-salvataġġ tal-banek f'diffikultà għandhom impatt fuq il-perċezzjoni tar-riskju tal-kreditu, is-sodezza finanzjarja u s-solvenza tal-banek tagħhom. Dan idgħajjef l-fiduċja pubblika fis-settur bankarju u jostakola l-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment u l-provvista libera ta’ servizzi fis-suq intern minħabba li l-kostijiet ta’ finanzjament ikunu aktar baxxi mingħajr tali differenzi fil-prattiki tal-Istati Membri.

(4)

Id-diverġenzi fir-regoli nazzjonali dwar ir-riżoluzzjoni bejn Stati Membri differenti u l-prattiki amministrattivi li jikkorrispondu jistgħu jwasslu lill-banek u lill-klijenti li jkollhom kostijiet ogħla tas-self biss minħabba l-post tal-istabbiliment tagħhom u irrispettivament mill-affidabbiltà kreditizja reali tagħhom. Barra minn hekk, il-klijenti tal-banek f’ċerti Stati Membri qegħdin jaffaċċaw rati tas-self ogħla minn dawk li jħallsu l-klijenti tal-banek fi Stati Membri oħra irrispettivament mill-affidabbiltà kreditizja tagħhom.

(4a)

In-nuqqas ta’ kapaċità ta’ ċerti Stati Membri li jkollhom istituzzjonijiet li joperaw sew fil-qasam tar-riżoluzzjoni ta’ bank żied il-ħsara tal-kriżi bankarja f’dawn l-aħħar snin.

(4b)

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jkollhom inċentivi ta’ salvataġġ tal-banek b'fondi pubbliċi qabel ma jidħlu fi proċess ta’ riżoluzzjoni, u b’hekk il-ħolqien ta’ Mekkaniżmu uniku ta’ Riżoluzzjoni Ewropew se jkun fundamentali sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali u approċċ aktar newtrali biex jiġi deċiż jekk bank għandux jiġi riżolt.

(5)

Sakemm ir-regoli, il-prattiki u l-approċċi tar-riżoluzzjoni għall-kondiviżjoni tal-piż jibqgħu nazzjonali u r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-iffinanzjar tar-riżoluzzjoni jinġabru u jintefqu fil-livell nazzjonali, is-suq intern jibqa' frammentat. Barra minn hekk, is-superviżuri nazzjonali għandhom inċentivi qawwija biex inaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt potenzjali tal-kriżijiet bankarji fuq l-ekonomiji nazzjonali tagħhom billi jadottaw azzjoni unilaterali li tiddelimita l-operazzjonijiet bankarji, pereżempju bil-limitazzjoni tat-trasferimenti u s-self bejn il-gruppi, jew billi jiġu imposti aktar rekwiziti ta' likwidità u kapital fuq is-sussidjarji fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom ta’ impriżi prinċipjali li potenzjalment ifallu. Il-kwistjonijiet nazzjonali u kontenzjużi bejn il-pajjiżi ta' oriġini u dawk ospitanti jnaqqsu b'mod sostanzjali l-effiċjenza fil-proċeduri ta' riżoluzzjoni transfruntiera. Dan jirrestrinġi l-attivitajiet transfruntiera tal-banek u b’hekk joħloq ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali u jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq intern.

(6)

Id-Direttiva [] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) hija pass deċiżiv lejn l-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar ir-riżoluzzjoni tal-banek u pprevediet il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni meta jiġi indirizzat il-falliment tal-banek transfruntiera. Madankollu, l-armonizzazzjoni prevista fid-Direttiva [] mhijiex assoluta u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet mhuwiex iċċentralizzat. Id-Direttiva [] essenzjalment tipprevedi għodod komuni ta’ riżoluzzjoni u setgħat disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru imma tħalli ċertu livell ta' diskrezzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali fl-applikazzjoni tal-għodod u fl-użu tal-arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament b’appoġġ tal-proċeduri ta’ riżoluzzjoni. Minkejja li tattribwixxi kompiti regolatorji u ta' medjazzjoni lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (“EBA”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (5), id-Direttiva [] ma tevitax kompletament li l-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet separati u potenzjalment inkonsistenti fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta’ gruppi transfruntiera li jistgħu jaffettwaw il-kostijiet kumplessivi tar-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, peress li tipprevedi arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament, din ma tnaqqasx biżżejjed id-dipendenza tal-banek fuq l-appoġġ mill-baġits nazzjonali u ma tevitax kompletament approċċi differenti mill-Istati Membri fl-użu tal-arranġamenti ta’ finanzjament.

(7)

L-iżgurar ta' deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni uniformi effettivi għall-banek f'diffikultà fl-Unjoni, inkluż dwar l-użu ta’ finanzjament miġbur fil-livell tal-Unjoni, huwa essenzjali għat-tlestija tas-suq intern fis-servizzi finanzjarji. Fis-suq intern, il-falliment tal-banek fi Stat Membru wieħed jista' jaffettwa l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni kollha kemm hi. L-iżgurar ta' regoli effettivi u uniformi dwar ir-riżoluzzjoni u kundizzjonijiet indaqs għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni fl-Istati Membri kollha huwa fl-aħjar interess mhux biss tal-Istati Membri fejn joperaw il-banek, iżda wkoll tal-Istati Membri kollha inġenerali bħala mezz sabiex tiġi preservata l-kompetizzjoni u biex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern. Is-sistemi bankarji fis-suq intern huma interkonnessi ħafna, il-gruppi bankarji huma internazzjonali u l-banek għandhom perċentwali kbir ta’ assi barranin. Fin-nuqqas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni, il-kriżijiet bankarji fl-Istati Membri li qed jieħdu sehem fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) jkollhom impatt sistemiku negattiv aktar b’saħħtu anki fi Stati Membri mhux parteċipanti. L-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni se jżid l-istabbiltà tal-banek tal-Istati Membri parteċipanti u jevita li l-kriżijiet jinxterdu fl-Istati Membri mhux parteċipanti u għalhekk se jiffaċilita il-funzjonament tas-suq intern kollu. Il-mekkaniżmi għal kooperazzjoni dwar istituzzjonijiet stabbiliti kemm fi Stati Membri parteċipanti kif ukoll fi Stati Membri mhux parteċipanti għandhom ikunu ċari, u huwa importanti li jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontra l-Istati Membri mhux parteċipanti.

(7a)

Sabiex jiġu restawrati l-fiduċja u l-kredibilità fis-settur bankarju, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) se jwettaq valutazzjoni komprensiva tal-karti tal-bilanċ tal-banek kollha sorveljati direttament. Għal dawk il-banek fl-Istati Membri parteċipanti li mhumiex soġġetti għal superviżjoni diretta mill-BĊE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, b’kooperazzjoni mal-BĊE, iwettqu valutazzjoni ekwivalenti tal-karti tal-bilanċ li tkun proporzjonata għad-daqs u l-mudell kummerċjali tal-bank. Dan jikkontribwixxi wkoll sabiex tiġi restawrata l-kredibilità u jiġi żgurat li l-banek kollha se jkunu soġġetti għal reviżjoni.

(7b)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali fis-suq intern kollu kemm hu, kull qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni bankarja fl-Unjoni għandu jkun irregolat bid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] u permezz ta' kwalunkwe att delegat adottat skontha. Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jaġixxu skont ir-rekwiżiti ta' dik id-Direttiva u ta' dawk l-atti delegati. Id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] għandha tirregola l-ippjanar ta’ rkupru u riżoluzzjoni, l-intervent bikri, il-kundizzjonijiet u l-prinċipji ta' riżoluzzjoni kif ukoll l-użu tal-għodod ta’ riżoluzzjoni mill-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni. L-għan ewlieni ta' dan ir-Regolament huwa li jkopri dawk l-aspetti meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni jimplimenta dik id-Direttiva u li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-finanzjament xieraq meħtieġ. Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom ikunu suġġetti wkoll għal kwalunkwe liġi rilevanti oħra tal-Unjoni inklużi l-istandards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni żviluppati mill-EBA u adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 10 sa 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. Il-Bord għandu jkun soġġett għal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-EBA b’rabta mad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] skont l-Artikolu 16 ta' dak ir-Regolament u, fejn applikabbli, skont kwalunkwe deċiżjoni tal-EBA meħuda waqt medjazzjoni vinkolanti skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(8)

Wara l-istabbiliment tal-MSU bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013  (6) meta l-banek fl-Istati Membri parteċipanti jkunu taħt superviżjoni ċentrali mill-BĊE, ikun hemm allinjament ħażin bejn is-superviżjoni tal-Unjoni tat-tali banek u t-trattament nazzjonali ta’ dawk il-banek fil-proċeduri ta' riżoluzzjoni skont id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

(8a)

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jippermetti l-possibilità li Stat Membru parteċipanti mhux fiż-żona tal-euro jtemm il-kooperazzjoni mill-qrib tiegħu mal-MSU. B’hekk jista’ jiġri li Stat Membru jiddeċiedi li jitlaq mill-MSU iżda jkollu istituzzjoni fit-territorju tiegħu li tibbenefika minn finanzjament ta’ riżoluzzjoni mill-fond tal-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni. Dan ir-regolament jista', meta jiġi rivedut, jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-indirizzar ta’ tali sitwazzjoni.

(9)

Filwaqt li l-banek fl-Istati Membri li jibqgħu barra mill-MSU jibbenefikaw fil-livell nazjonali minn arranġamenti ta' superviżjoni, riżoluzzjoni u salvagwardja finanzjarja li huma allinjati, il-banek fl-Istati Membri parteċipanti fl-MSU tal-Unjoni huma soġġetti għal arranġamenti tal-Unjoni għas-superviżjoni u arranġamenti nazzjonali għar-riżoluzzjoni u s-salvagwardji finanzjarji. Dan l-allinjament ħażin joħloq żvantaġġ kompetittiv għall-banek fl-Istati Membri li qed jieħdu sehem fl-MSU meta mqabbla ma’ dawk fl-Istati Membri l-oħra. Peress li s-superviżjoni u r-riżoluzzjoni qegħdin fuq żewġ livelli differenti mal-MSU, l-intervent u r-riżoluzzjoni fil-banek fl-Istati Membri li qed jieħdu sehem fl-MSU ma jkunux rapidi, konsistenti u effettivi daqs fil-banek fl-Istati Membri barra mill-MSU. Dan għandu riperkussjonijiet negattivi fuq il-kostijiet tal-finanzjament għal dawn il-banek u joħloq żvantaġġ kompetittiv b’effetti detrimentali għall-Istati Membri li fihom joperaw dawk il-banek u għall-funzjonament globali tas-suq intern. Għalhekk, mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni ċentralizzat għall-banek kollha li joperaw fl-Istati Membri li qed jieħdu sehem fl-MSU huwa essenzjali biex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ugwali.

(10)

Il-kondiviżjoni tar-responsabilitajiet tar-riżoluzzjoni bejn il-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni għandha tiġi allinjata mal-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet ta' superviżjoni bejn dawk il-livelli. Sakemm is-superviżjoni tibqa’ nazzjonali fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jibqa’ responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji ta’ falliment ta’ bank. Il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni għalhekk għandu jkun estiż biss għall-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti fil-MSU u soġġetti għas-superviżjoni tal-BĊE fil-qafas tal-MSU. Il-banek stabbiliti fl-Istati Membri mhux parteċipanti fl-MSU ma għandhomx ikunu soġġetti għall-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni. Jekk tali Stati Membri isiru soġġetti għall-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni, dan joħloq l-inċentivi żbaljati għalihom. B’mod partikolari, is-superviżuri f’dawn l-Istati Membri jistgħu jsiru aktar klementi lejn il-banek fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom peress li ma jkollhomx iġorru r-riskju finanzjarju sħiħ tal-fallimenti tagħhom. Għalhekk, biex ikun żgurat paralleliżmu mal-MSU, il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni għandu japplika għall-Istati Membri parteċipanti fl-MSU. Meta l-Istati Membri jingħaqdu mal-MSU, dawn għandhom awtomatikament isiru soġġetti għall-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni wkoll. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni huwa mistenni li jiġi estiż għas-suq intern kollu kemm hu.

(11)

Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Fond”) huwa element essenzjali li mingħajru mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni ma jistax jaħdem kif suppost. Sistemi differenti ta’ finanzjament nazzjonali ifixklu l-applikazzjoni ta’ regoli uniċi dwar ir-riżoluzzjoni tal-banek fis-suq intern. Jekk il-finanzjament ta' riżoluzzjoni jibqa' nazzjonali, ir-rabta bejn is-sovrani u s-settur bankarju ma tiġix eliminata, u l-investituri jkomplu jistabbilixxu kundizzjonijiet ta' self skont il-post ta' stabbiliment tal-banek minflok skont l-affidabbiltà kreditizja tagħhom. Il-frammentazzjoni serja attwali tas-suq finanzjarju wkoll ma tiġix eliminata. Il-Fond għandu jgħin sabiex tiġi żgurata prattika amministrattiva uniformi fil-finanzjament tar-riżoluzzjoni u jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern minħabba prattiki nazzjonali. Il-Fond għandu jkun iffinanzjat direttament mill-banek u għandu jinġabar fil-livell tal-Unjoni sabiex ir-riżorsi tar-riżoluzzjoni jkunu jistgħu jiġu oġġettivament allokati fl-Istati Membri biex b’hekk tiżdied l-istabbiltà finanzjarja u tiġi limitata r-rabta bejn il-perċezzjoni tal-pożizzjoni fiskali tal-Istati Membri individwali u l-kostijiet tal-iffinanzjar tal-banek u l-impriżi li joperaw f’dawk l-Istati Membri. Sabiex tkompli titkisser dik ir-rabta, għandu jkun hemm projbizzjoni kontra d-deċiżjonijiet tal-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni li jaffettwaw direttament ir-responsabbiltajiet fiskali tal-Istati Membri.

(12)

Għalhekk huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri biex jinħoloq Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni għall-Istati Membri kollha parteċipanti f’Mekkaniżmu Superviżorju Uniku sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament xieraq u stabbli tas-suq intern.

(13)

Applikazzjoni ċentralizzata tar-regoli dwar ir-riżoluzzjoni tal-banek stabbiliti fid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] minn awtorità tar-riżoluzzjoni unika tal-Unjoni fl-Istati Membri parteċipanti tista’ tkun żgurata biss fejn ir-regoli li jirregolaw l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni huma direttament applikabbli fl-Istati Membri sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet diverġenti fost l-Istati Membri. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni armonizzata tal-għodda ta’ riżoluzzjoni, il-Bord, flimkien mal-Kummissjoni, għandu jadotta manwal ta’ riżoluzzjoni li jistabbilixxi gwida ċara u dettaljata għall-użu tal-għodda ta’ riżoluzzjoni stabbilita fid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek]. Dan għandu jġib benefiċċji għas-suq intern kollu kemm hu għaliex se tikkontribwixxi biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u biex jiġu evitati ostakoli għall-eżerċizzju liberu tal-libertajiet fundamentali mhux biss fl-Istati Membri parteċipanti iżda fis-suq intern kollu.

(14)

B'riflessjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni għandu jkopri l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti. Madankollu, fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni, għandu jkun possibbli li tiġi riżolta direttament kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu ta’ Stat Membru parteċipanti sabiex jiġu evitati assimetriji fis-suq intern fit-trattament ta’ istituzzjonijiet u kredituri f'diffikultà matul proċess ta’ riżoluzzjoni. Sal-punt li l-impriżi prinċipali, id-ditti tal-investiment u l-istituzzjonijiet finanzjarji jiġu inklużi fis-superviżjoni konsolidata mill-BĊE, dawn għandhom ikunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni. Għalkemm il-BĊE mhux se jwettaq superviżjoni ta' dawk l-istituzzjonijiet waħdu, se jkun l-uniku superviżur li se jkollu perċezzjoni globali tar-riskju li grupp, u indirettament il-membri individwali, se jkunu esposti għalih. L-esklużjoni tal-entitajiet li jiffurmaw parti mis-superviżjoni konsolidata fil-kamp ta' applikazzjoni tal-BĊE mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni tagħmilha impossibbli li wieħed jippjana għar-riżoluzzjoni ta’ gruppi bankarji u li tiġi adottata strateġija ta' riżoluzzjoni ta’ grupp, u tagħmel kwalunkwe deċiżjoni ta' riżoluzzjoni ħafna inqas effettiva.

(15)

Fil-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell l-aktar xieraq. Il-Bord, u b’mod partikolari s-sessjoni eżekuttiva tiegħu, għandu jkollu s-setgħa li jipprepara u jieħdu d-deċiżjonijiet kollha dwar il-proċedura ta’ riżoluzzjoni bl-iktar mod sħiħ, filwaqt li jirrispetta r-rwol tal-Kummissjoni kif stabbilit fit-TFUE, b’mod partikolari fl-Artikoli 114 u 107 tiegħu.

(15a)

Il-Kummissjoni, fit-twettiq tal-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, għandha taġixxi b'mod separat mill-kompiti l-oħra tagħha, u strettament skont l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti f'dan ir-Regolament u fid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek]. Is-separazzjoni tal-kompiti għandha tkun garantita permezz ta' separazzjoni organizzattiva.

(16)

Il-BĊE, bħala s-superviżur fl-MSU, huwa fl-aqwa pożizzjoni biex jevalwa jekk istituzzjoni ta’ kreditu hijiex qed tfalli jew x'aktarx li tfalli u jekk ma hemm l-ebda prospett raġonevoli li azzjoni alternattiva mis-settur privat jew superviżorja tkun tista' tevita li din tfalli fi żmien raġonevoli. Il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, malli jsiru n-notifika tal-BĊE u l-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' riżoluzzjoni , għandu jipprovdi abbozz ta' deċiżjoni lill-Kummissjoni biex istituzzjoni titqiegħed taħt riżoluzzjoni . Dan l-abbozz ta’ deċiżjoni għandu jinkludi rakkomandazzjoni għal qafas ċar u dettaljat tal-għodod tar-riżoluzzjoni u, fejn applikabbli, tal-użu tal-fond . F’dan il-qafas, il-Bord , fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, għandu jiddeċiedi dwar skema ta’ riżoluzzjoni u jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni dwar l-għodod u s-setgħat ta’ riżoluzzjoni li għandhom jiġi eżegwiti fil-livell nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għall-effettività tal-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Bord, il-membri tal-Bord għandhom jirsistu biex jinstab kunsens fit-teħid ta' deċiżjonijiet.

(17)

Il-Bord għandu jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet, partikolarment, f'konnessjoni mar-riżolvibbiltà u tneħħija tal-impedimenti għar-riżolvibbiltà u t-tħejja għall-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jassistu l-Bord fl-ippjanar u fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet tar-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, peress li l-eżerċizzju tas-setgħat tar-riżoluzzjoni jinvolvi l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tar-riżoluzzjoni.

(18)

Huwa strumentali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern li l-istess regoli japplikaw għall-miżuri tar-riżoluzzjoni kollha, irrispettivament minn jekk jittieħdux mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ risoluzzjoni skont id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] jew fil-qafas tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni. Il-Kummissjoni se tivvaluta dawk il-miżuri skont l-Artikolu 107 TFUE. Meta l-użu ta' arranġamenti tal-finanzjament ta' riżoluzzjoni ma jinvolvix l-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha, sabiex tiżgura kundizzjonijiet indaqs fis-suq intern, tivvaluta dawk il-miżuri b'analoġija mal-Artikolu 107 TFUE. Jekk ma tkunx meħtieġa notifika skont l-Artikolu 108 TFUE billi l-ebda għajnuna mill-istat skont l-Artikolu 107 TFUE ma tkun involuta fl-użu propost tal-Fond mill-Bord, kif previst fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, sabiex tiġi żgurata l-integrità tas-suq intern bejn l-Istati Membri parteċipant u dawk li mhumiex, il-Kummissjoni għandha tapplika r-regoli rilevanti tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 TFUE b’analoġija meta tivvaluta l-użu propost tal-Fond. Il-Bord ma għandux jiddeċiedi dwar skema ta' riżoluzzjoni qabel ma l-Kummissjoni tkun żgurat, b'analoġija mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat li l-użu tal-Fond isegwi l-istess regoli bħall-interventi minn arranġamenti nazzjonali tal-finanzjament.

(19)

Sabiex jiġi żgurat proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet mingħajr dewmien u effettiv fir-riżoluzzjoni, il-Bord għandu jkun aġenzija tal-Unjoni speċifika bi struttura speċifika, li tikkorrispondi għall-kompiti speċifiċi tiegħu, u li tkun ibbażata fuq il-mudell ta’ kull aġenzija oħra tal-Unjoni. Il-kompożizzjoni tiegħu għandha tiżgura li jitqiesu kif dovut l-interessi rilevanti kollha involuti fil-proċedimenti ta' riżoluzzjoni. Il-Bord għandu jopera f'sessjonijiet eżekuttivi u plenarji. Fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, għandu jkun magħmul minn Direttur Eżekuttiv, Viċi Direttur Eżekutti u  membri maħtura mill-Kummissjoni u l-BĊE , li għandhom jaġixxu indipendentement u oġġettivament fl-interessi tal-Unjoni kollha kemm hi . Minħabba l-missjonijiet tal-Bord, id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur Eżekuttiv għandhom jinħatru abbażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien dwar kwistjonijiet bankarji u finanzjarji, u l-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja . Id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur għandhom jintgħażlu abbażi ta' proċedura ta' għażla miftuħa li dwarha għandhom ikunu infurmati debitament il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-proċedura tal-għażla għandha tirrispetta l-prinċipju ta' bilanċ bejn is-sessi. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew b'lista mqassra ta' kandidati għall-karigi ta' Direttur Eżekuttiv u Viċi Direttur Eżekuttiv. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv u tal-Viċi Direttur Eżekuttiv lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni . Wara li l-Parlament Ewropew japprova dik il-proposta, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni biex jinħatru d-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur Eżekuttiv. Meta tkun qed tiddelibera dwar riżoluzzjoni ta' bank jew grupp stabbilit fi Stat Membru parteċipanti wieħed, is-sessjoni eżekuttiva tal-Bord għandha ssejjaħ u tinvolvi wkoll fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet il-membru maħtur mill-Istat Membru konċernat li jirrappreżenta lill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni tiegħu. Meta tiddelibera dwar grupp transfruntiera, il-membri maħtura kemm mill-Istat Membru tad-domiċilju kif ukoll mill-Istati Membri ospitanti kollha kkonċernati li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni rilevanti għandhom jissejħu wkoll u jkunu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-sessjoni eżekuttiva tal-Bord. Madankollu, l-awtoritajiet tad-domiċilju u dawk ospitanti għandu jkollhom influwenza bbilanċjata fuq id-deċiżjoni, u għalhekk l-awtoritajiet tad-domiċilju għandu jkollhom vot wieħed b’mod konġunt. Fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, għandha tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta fir-rigward tad-daqs u l-importanza relattivi tas-sussidjarja, il-fergħa jew l-entità koperta minn superviżjoni kkonsolidata fl-ekonomiji tal-Istati Membri differenti u fil-grupp kollu kemm hu.

(19a)

Peress li l-parteċipanti fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Bord fis-sessjonijiet eżekuttivi tiegħu jinbidlu skont l-Istat(i) Membru/i fejn joperaw i-istituzzjoni jew il-grupp rilevanti, il-parteċipanti permanenti – id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur Eżekuttiv u l-membri maħtura mill-Kummissjoni u mill-BĊE – għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet fil-formazzjonijiet differenti kollha tas-sessjonijiet eżekuttivi tal-Bord ikunu koerenti, xierqa u proporzjonati.

(19b)

L-EBA għandha tattendi l-laqgħat tal-Bord bħala osservatur. Osservaturi oħrajn, bħal pereżempju rappreżentant tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), jistgħu, kull fejn ikun proporzjonat, ikunu mistiedna wkoll għal-laqgħat tal-Bord. L-osservaturi għandhom ikunu soġġetti għall-istess rekwiżiti ta' segretezza professjonali bħall-membri u l-persunal tal-Bord persunal skambjat jew issekondat mill-Istati Membri parteċipanti li jkunu qed iwettqu kompiti ta' riżoluzzjoni.

(19c)

Il-Bord għandu jkun jista' jistabbilixxi timijiet ta' riżoluzzjoni interna magħmula minn persunal proprju u minn persunal tal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti, li jkunu mmexxija minn Koordinaturi maħtura mill-persunal superjuri tal-Bord, li jistgħu jkunu mistiedna bħala osservaturi biex jipparteċipaw fis-sessjonijiet eżekuttivi tal-Bord, iżda ma jingħataw l-ebda dritt tal-vot.

(19d)

Il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni hu minqux fit-Trattati, b'mod partikolari fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(20)

Fid-dawl tal-missjonijiet tal-Bord u  tal-Kummissjoni skont dan ir-Regolament u l-objettivi tar-riżoluzzjoni li jinkludu l-protezzjoni tal-fondi pubbliċi, il-funzjonament tal-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni għandu jiġi ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet imħallsa mill-istituzzjonijiet fl-Istati Membri parteċipanti. Fl-ebda ċirkostanza m’għandu jiġi involut l-obbligu baġitarju tal-Istati Membru jew tal-Unjoni sabiex jintlaħqu dawk l-ispejjeż.

(21)

Il-Kummissjoni u l-Bord, fejn rilevanti, għandhom jissostitwixxu l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni maħtura skont id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] fir-rigward tal-aspetti kollha relatati mal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tar-riżoluzzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni maħtura skont id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] għandhom ikomplu jwettqu attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni tal-iskemi tar-riżoluzzjoni adottati mill-Bord. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-kontroll demokratiku, kif ukoll sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-Bord għandu jagħti rendikont lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal kull deċiżjoni meħuda fuq il-bażi ta’ din il-proposta. Għall-istess raġunijiet ta’ trasparenza u kontroll demokratiku, il-parlamenti nazzjonali għandu jkollhom ċerti drittijiet biex jiksbu informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Bord u biex jidħlu fi djalogu miegħu.

(21a)

L-awtoritajiet rilevanti kollha għandhom iqisu l-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Il-prinċipju ta' proporzjonalità jimplika, b'mod partikolari, il-valutazzjoni tal-impatt li l-falliment ta' istituzzjoni jista' jkollu, minħabba n-natura tan-negozju tagħha, l-istruttura azzjonarja tagħha, il-forma ġuridika tagħha, il-profil ta' riskju tagħha, id-daqs tagħha u l-istat legali tagħha, pereżempju jekk tibbenefikax minn rinunzja skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-interkonnettività tagħha ma’ istituzzjonijiet oħrajn jew mas-sistema finanzjarja inġenerali, l-ambitu u l-komplessità tal-attivitajiet tagħha u s-sħubija tagħha fi skema ta' protezzjoni istituzzjonali (IPS) li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew ta' sistemi oħra koperattivi ta’ solidarjetà reċiproka kif imsemmi fl-Artikolu 113(6) ta' dak ir-Regolament, u jekk teżerċitax xi servizz jew attività ta' investiment kif definit fl-Artikolu 4(1)(2) tad-Direttiva 2004/39/KE.

(21b)

Fuq it-talba tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti, għandu jkun possibbli li l-kumitati rilevanti ta' dawk il-parlamenti jkollhom seduta ta' smigħ, fil-preżenza tal-awtorità kompetenti nazzjonali, b'rappreżentant tal-Bord.

(22)

Fejn id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] tipprevedi l-possibbiltà li jiġu applikati obbligi ssimplifikati jew eżenzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni fir-rigward tar-rekwiżit tal-abbozzar tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, għandu jkun ipprovdut għal proċedura li biha l-Bord ikun jista' jawtorizza al-applikazzjoni tat-tali obbligi simplifikati.

(23)

Biex jiġi żgurat approċċ uniformi għall-istituzzjonijiet u l-gruppi l-Bord għandu jingħata s-setgħa li jfassal pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal tali istituzzjonijiet u gruppi b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, li l-Bord jista' jitlobhom iwettqu kompiti relatati mat-tfassil ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni . Il-Bord għandu jivvaluta r-riżolvabbiltà tal-istituzzjonijiet u l-gruppi, u jieħu miżuri bil-għan li jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà, jekk ikun hemm. Il-Bord għandu jeħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni japplikaw it-tali miżuri xierqa mfassla biex ineħħu l-impedimenti għar-riżolvibbiltà sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u r-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet ikkonċernati. Minħabba n-natura speċifika għall-istituzzjonijiet u kunfidenzjali tal-informazzjoni li tinsab fil-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, deċiżjonijiet dwar it-tfassil, il-valutazzjoni, u l-applikazzjoni tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-applikazzjoni ta’ miżuri xierqa għandhom jittieħdu mill-Bord fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu.

(24)

L-ippjanar tar-riżoluzzjoni huwa komponent essenzjali ta' riżoluzzjoni effettiva. Il-Bord għalhekk għandu s-setgħa jitolob bidliet fl-istruttura u l-organizzazzjoni ta' istituzzjonijiet jew gruppi sabiex ineħħu impedimenti prattiċi għall-applikazzjoni tal-għodod tar-riżoluzzjoni u jiżguraw ir-riżolvibbiltà tal-entitajiet konċernati. Minħabba n-natura potenzjalment sistemika tal-istituzzjonijiet kollha, huwa kruċjali, sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, li l-awtoritajiet ikollhom il-possibbiltà jirriżolvu kwalunkwe istituzzjoni. Sabiex jiġi rispettat id-dritt li jitwettaq negozju stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-diskrezzjoni tal-Bord għandha tkun limitata biss għal dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu ssimplifikati l-istruttura u l-operati tal-istituzzjoni biex titjieb r-riżoluzzjoni tagħha. Barra minn dan, kwalunkwe miżura imposta għal dawn l-għanijiet għandha tkun konsistenti mal-liġi tal-UE. Il-miżuri la għandhom ikunu direttament u lanqas indirettament diskriminatorji abbażi tan-nazzjonalità, u għandhom jiġu ġġustifkati mir-raġuni prevalenti tal-interess pubbliku fl-istabbiltà finanzjarja. Sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni tteħditx fl-interess pubbliku ġenerali, il-Bord, li jaġixxi fl-interess pubbliku ġenerali, għandu jkun jista' jilħaq l-objettivi tiegħu ta' riżoluzzjoni mingħajr ma jiltaqa' ma' impedimenti għall-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni jew għall-abbiltà tiegħu li jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu. Barra minn hekk, azzjoni ma għandhiex tmur lil hinn mill-minimu meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi.

(24a)

Il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għandhom iqisu l-impatt fuq l-impjegati u, b'konformità mad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], għandhom jinkludu proċeduri ta’ informazzjoni u konsultazzjoni tal-impjegati jew ir-rappreżentanti tagħhom matul il-proċess ta’ riżoluzzjoni. Fejn applikabbli, il-ftehimiet kollettivi, jew l-arranġamenti l-oħra pprovduti mis-sħab soċjali, għandhom jiġu rispettati f’dan ir-rigward. L-informazzjoni dwar il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, inkluż kwalunkwe aġġornament, għandha tiġi kkomunikata lill-impjegati jew lir-rappreżentanti tagħhom kif previst fid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

(25)

Il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni għandu jkun ibbażat fuq l-oqfsa tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] u l-MSU. Għalhekk, il-Bord għandu jingħata s-setgħa li jintervjeni fi stadju bikri fejn is-sitwazzjoni finanzjarja jew is-solvenza ta’ istituzzjoni tkun qiegħda tiddeterjora. L-informazzjoni li l-Bord jirċievi mingħand ▐ il-BĊE f’dan l-istadju hija strumentali biex issir determinazzjoni dwar l-azzjoni li jista’ jieħu sabiex iħejji għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata.

(26)

Sabiex tiġi żgurata azzjoni ta’ riżoluzzjoni rapida meta issir neċessarja, il-Bord għandu jimmonitorja mill-qrib, f’kooperazzjoni mal-awtorità kompetenti rilevanti jew il-BĊE, is-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati u l-konformità ta’ dawk l-istituzzjonijiet ma' kwalunkwe miżura ta' intervent bikri meħuda fir-rigward tagħhom.

(27)

Sabiex jiminimizza t-tħarbit tas-suq finanzjarju u l-ekonomija, il-proċess tar-riżoluzzjoni għandu jitwettaq f’perjodu ta’ żmien qasir. L-aċċess tad-depożitaturi għandu jingħata mill-anqas għad-depożiti garantiti kemm jista’ jkun malajr, u fi kwalunkwe każ qabel ma d-depożituri jingħataw aċċess għal depożiti garantiti fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, skont id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek]. Il-Kummissjoni għandha, matul il-proċedura ta’ riżoluzzjoni, ikollha aċċess għal kwalunkwe informazzjoni li tqis meħtieġa sabiex tieħu deċiżjoni infurmata fil-proċess tar-riżoluzzjoni. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta l-abbozz ta' deċiżjoni ppreparat mill-Bord sabiex tqiegħed istituzzjoni f’riżoluzzjoni, il-Bord għandu minnufih jadotta skema ta’ riżoluzzjoni li tistabbilixxi d-dettalji tal-għodod u s-setgħat tar-riżoluzzjoni li għandhom jiġu applikati, u l-użu ta’ kwalunkwe arranġamenti ta’ finanzjament.

(28)

Il-likwidazzjoni ta' istituzzjoni f'diffikultà skont proċeduri normali ta’ insolvenza tista’ tipperikola l-istabbiltà finanzjarja, titterrompi l-provvista ta’ servizzi essenzjali u taffettwa l-protezzjoni tad-depożituri. F’dan il-każ hemm interess pubbliku fl-applikazzjoni ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni. L-objettivi tar-riżoluzzjoni għandhom għalhekk ikunu li tiġi żgurata l-kontinwità ta’ servizzi finanzjarji essenzjali, li tinżamm l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, li jitnaqqas il-periklu morali billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika għal istituzzjonijiet f'diffikultà, u li jiġu protetti d-depożituri.

(29)

Madankollu, dejjem għandu jitqies l-istralċ ta' istituzzjoni insolventi permezz ta' proċeduri normali ta' insolvenza qabel ma tkun tista' tittieħed deċiżjoni li l-istituzzjoni tinżamm bħala negozju avvjat. Istituzzjoni insolventi għandha tinżamm bħala negozju avvjat għal skopijiet ta' stabbiltà politika, u kemm jista' jkun bl-użu ta’ fondi privati. Dan jista’ jinkiseb jew permezz ta’ bejgħ jew fużjoni ma’ akkwirent mis-settur privat jew permezz ta’ tnaqqis fil-valur tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni jew wara l-konverżjoni tad-dejn tagħha għal ekwità, sabiex isseħħ rikapitalizzazzjoni.

(30)

Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' riżoluzzjoni, il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jaċċertaw ruħhom li l-azzjonisti u l-kredituri jġarrbu sehem xieraq mit-telf, li l-maniġers jiġu ssostitwiti jew li jiżdiedu iktar maniġers , li l-kostijiet tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni jiġu mminimizzati, u li l-kredituri kollha tal-istituzzjoni insolventi li huma tal-istess klassi jiġu ttrattati b’mod simili b'konformità ma' dan ir-Regolament u d-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

(31)

Il-limitazzjonijiet fuq id-drittijiet tal-azzjonisti u l-kredituri għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-għodod tar-riżoluzzjoni għandhom għalhekk jiġu applikati biss lil dawk l-istituzzjonijiet li jkunu qed ifallu jew x'aktarx li jfallu, u dan biss meta jkun neċessarju biex jintlaħaq l-objettiv tal-istabbiltà finanzjarja fl-interess ġenerali. Partikolarment, l-għodod ta' riżoluzzjoni għandhom jiġu applikati fejn l-istituzzjoni ma tistax tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza mingħajr ma tiġi distabbilizzata s-sistema finanzjarja u l-miżuri jkunu neċessarji sabiex jiġi żgurat trasferiment rapidu u l-kontinwazzjoni ta' funzjonijiet sistemikament importanti u fejn ma hemm l-ebda prospett raġonevoli għal kwalunkwe soluzzjoni privata alternattiva, inklużi kwalunkwe żieda fil-kapital mill-azzjonisti eżistenti jew minn kwalunkwe parti terza, biżżejjed biex tiġi restawrata l-vijabbiltà sħiħa tal-istituzzjoni.

(32)

Interferenza mad-drittijiet tas-sjieda ma għandhiex tkun sproporzjonata. Bħala konsegwenza, l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ma għandhomx iġarrbu iktar telf minn dawk li kienu jġarrbu kieku l-istituzzjoni ġiet stralċjata fiż-żmien meta ttieħted id-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni. Fil-każ ta' trasferiment parzjali tal-assi ta' istituzzjoni f'riżoluzzjoni lil xerrej privat jew istituzzjoni tranżitorja, il-parti residwa tal-istituzzjoni fir-riżoluzzjoni għandha tiġi stralċjata skont il-proċeduri normali ta’ insolvenza. Sabiex jiġu protetti l-azzjonisti u l-kredituri eżistenti tal-istituzzjoni fil-proċedimenti tal-istralċ, dawn għandhom ikunu intitolati jirċievu bi ħlas għall-pretensjonijiet tagħhom mhux inqas minn dak li huwa stmat li kienu jirkupraw kieku l-istituzzjoni kollha ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

(33)

Sabiex jiġi protett id-dritt tal-azzjonisti u jiġi żgurat li l-kredituri ma jirċevux inqas minn dak li kienu jirċievu fi proċeduri normali ta' insolvenza, għandhom jiġu stabbiliti obbligi ċari fir-rigward tal-valwazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni u żmien suffiċjenti għandu jitħalla biex issir stima xierqa tat-trattament li kienu jirċievu kieku l-istituzzjoni ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza. Għandu jkun hemm il-possibbiltà li tali valwazzjoni tinbeda diġà fil-fażi ta' intervent bikri. Qabel tittieħed kwalunkwe azzjoni ta' riżoluzzjoni, għandha titwettaq stima tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni u tat-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri kienu jirċievu taħt il-proċeduri normali ta’ insolvenza.

(34)

Huwa importanti li t-telf jiġi rrikonoxxut mal-falliment tal-istituzzjoni. Il-prinċipji gwida għall-valwazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta' istituzzjonijiet huma previsti fid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] . Għandu jkun possibbli, għar-raġunijiet ta’ urġenza, li l-Bord jagħmel valwazzjoni provviżorja rapida tal-assi jew l-obbligazzjonijiet ta’ istituzzjoni f'diffikultà li għandha tapplika sakemm titwettaq valwazzjoni indipendenti.

(35)

Sabiex jiġi żgurat li l-proċess ta' riżoluzzjoni jibqa' oġġettiv u ċert, jeħtieġ li jiġi stabbilit l-ordni li biha l-pretensjonijiet skoperti tal-kredituri kontra istituzzjoni f'riżoluzzjoni għandhom jitnaqqsu fil-valur jew jiġu konvertiti. Sabiex jiġi limitat ir-riskju li l-kredituri jġarrbu telf akbar milli kieku l-istituzzjoni ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza, l-ordni li għandha tiġi stabbilita għandha tkun applikabbli kemm fil-proċeduri normali ta’ insolvenza u fit-tnaqqis fil-valur jew il-konverżjoni mwettqa fi proċedura ta' riżoluzzjoni. Dan għandu wkoll jiffaċilita l-ipprezzar tad-dejn.

(35a)

L-armonizzazzjoni tal-liġi dwar l-insolvenza madwar l-Unjoni, li tikkostitwixxi pass ewlieni favur il-bini ta' suq intern reali, għadha ma nkisbetx. Madankollu, kemm għall-entitajiet stabbiliti fi Stati Membri li jipparteċaw fl-MSU kif ukoll dawk stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, minħabba l-armonizzazzjoni introdotta bid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], il-ġerarkija tal-pretensjonijiet tal-kredituri fil-każ ta' insolvenza, li tinkludi l-preferenzi tad-depożitaturi, se tkun l-istess. Tali armonizzazzjoni telimina sors importanti ta' arbitraġġ regolatorju. Madankollu, għandu jkun hemm ċaqliq progressiv lejn reġim tal-Unjoni għall-insolvenza.

(36)

Il-Kummissjoni , abbażi ta' abbozz ta' deċiżjoni ppreparat mill-Bord, għandha tipprovdi l-qafas biex tittieħed l-azzjoni tar-riżoluzzjoni skont il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-entitajiet ikkonċernati u skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u għandha tkun tista’ taħtar għall-użu l-għodda kollha meħtieġa għar-riżoluzzjoni. Fi ħdan dak il-qafas ċar u preċiż, il-Bord għandu jiddeċiedi dwar l-iskema tar-riżoluzzjoni dettaljata. L-għodod ta’ riżoluzzjoni rilevanti għandhom jinkludu tal-għodda tal-bejgħ tan-negozju, l-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja, l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna u l-għodda tas-separazzjoni tal-assi, li huma wkoll previsti fid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek]. Il-qafas għandu wkoll jagħmilha possibbli li jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet għal tat-tniżżil fil-valur u l-konverżjoni tal-istrumenti kapitali humiex ssodisfati.

(37)

B’konformità mad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], l-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju għandha tippermetti l-bejgħ tal-istituzzjoni jew parti minn negozju tagħha lil akkwirent wieħed jew aktar mingħajr il-kunsens tal-azzjonisti.

(38)

B’konformità mad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], l-għodda tas-separazzjoni tal-assi għandha tippermetti lill-awtoritajiet jittrasferixxu assi bi prestazzjoni baxxa jew danneġġati lil vettura separata. Din l-għodda għandha tintuża biss flimkien ma’ għodod oħra sabiex jiġi evitat vantaġġ kompetittiv mhux mistħoqq għall-istituzzjoni li qed tfalli.

(39)

Reġim ta’ riżoluzzjoni effettiv għandu jnaqqas l-ispejjeż tar-riżoluzzjoni ta' istituzzjoni li tkun qed tfalli li jġarrbu l-kontribwenti. Għandu jiżgura wkoll li anki istituzzjonijiet kbar ta' importanza sistemika jkunu jistgħu jiġu riżolti mingħajr ma jipperikolaw l-istabbiltà finanzjarja. L-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna tilħaq dak l-objettiv billi tiżgura li l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità jġarrbu telf xieraq u parti xierqa minn dawk il-kostijiet. Għal dan il-għan, is-setgħat statutorji tat-tniżżil fil-valur tad-dejn għandhom jiġu inklużi f'qafas għar-riżoluzzjoni, bħala alternattiva addizzjonali flimkien ma’ għodod oħra tar-riżoluzzjoni, kif rakkomandat mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja.

(40)

B’konformità mad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jkollhom il-flessibbiltà meħtieġa sabiex jallokaw telf lill-kredituri f’firxa ta' ċirkustanzi, huwa xieraq li dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu japplikaw l-għodda tal-ippleġġjar intern kemm fejn l-objettiv huwa li l-istituzzjoni li qed tfalli tiġi riżolta bħala negozju avvjat, kif ukoll fejn ikun hemm prospett realistiku li l-vijabbiltà tal-istituzzjoni tista' tiġi restawrata u fejn servizzi sistemikament importanti jiġu ttrasferiti lil istituzzjoni tranżitorja u l-parti reżidwa tal-istituzzjoni tieqaf topera u tiġi stralċjata.

(41)

B’konformità mad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], fejn l-għodda tal-ippleġġjar intern tiġi applikata bil-għan li jiġi restawrat il-kapital tal-istituzzjoni li qed tfalli sabiex tkun tista’ tkompli topera bħala negozju avvjat, ir-riżoluzzjoni permezz tal-ippleġġjar intern għandha dejjem tiġi akkompanjata mis-sostituzzjoni tal-maniġment u ristrutturar sussegwenti tal-istituzzjoni u l-attivitajiet tagħha b’mod li jiġu indirizzati r-raġunijiet tal-falliment tagħha. Dak ir-ristrutturar għandu jinkiseb permezz tal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.

(42)

B’konformità mad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], mhuwiex xieraq li tiġi applikata l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna fuq pretensjonijiet safejn dawn ikunu ggarantiti, ikkollateralizzati jew iggarantiti mod ieħor. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna tkun effettiva u tikseb l-objettivi tagħha, għandu jkun possibbli li tiġi applikata għal firxa kemm jista’ jkun wiesgħa ta’ obbligazzjonijiet mhux garantiti ta’ istituzzjoni f'diffikultà. Madankollu, huwa xieraq li jiġu esklużi ċerti tipi ta’ obbligazzjonijiet mhux garantiti mill-ambitu tal-applikazzjoni tal-għodda tal-ippleġġjar intern. Għar-raġunijiet ta' politika pubblika u ta' riżoluzzjoni effettiva, l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna ma għandhiex tapplika għal dawk id-depożiti li huma protetti skont id-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), għall-obbligazzjonijiet lejn l-impjegati tal-istituzzjoni li qed tfalli jew għal pretensjonijiet kummerċjali relatati ma’ oġġetti u servizzi meħtieġa għall-funzjonament ta’ kuljum tal-istituzzjoni.

(43)

B’konformità mad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], id-depożituri li jkollhom depożiti garantiti minn skema ta' garanzija tad-depożiti ma għandhomx ikunu soġġetti għal eżerċizzju tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna. ▐L-eżerċizzju tas-setgħat tal-ippleġġjar intern se jiżgura li d-depożituri jkomplu jkollhom aċċess għad-depożiti tagħhom▐.

(44)

Sabiex tiġi implimentata l-kondiviżjoni tal-piż mill-azzjonisti u l-kredituri żgħar, kif meħtieġ skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni jkun kapaċi japplika, permezz ta’ analoġija, mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] , l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna.

(45)

Sabiex jiġi evitat li l-istituzzjonijiet jistrutturaw l-obbligazzjonijiet tagħhom b’mod li jfixkel l-effettività tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, il-Bord għandu jkun jista’ jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet ikollhom ammont aggregat ta’ fondi proprji, dejn subordinat u obbligazzjonijiet ta’ preferenza soġġett għall-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna espressa bħala perċentwali tal-obbligazzjonijiet totali tal-istituzzjoni, li ma jikkwalifikawx bħala fondi proprji għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u tad-Direttiva 2013/36/UE tas-26 ta’ Ġunju 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), li l-istituzzjonijiet għandu jkollhom f’kull ħin u li jkun stabbilit fil-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni .

(46)

Għandu jintgħażel l-aħjar metodu ta’ riżoluzzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u għal dan l-iskop, l-għodod kollha tar-riżoluzzjoni previsti mid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] għandhom ikunu disponibbli u applikati skont dik id-Direttiva .

(47)

Id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] tat is-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni li jniżżlu l-valur jew jikkonvertu l-istrumenti kapitali, minħabba li l-kundizzjonijiet għat-tniżżil fil-valur u l-konverżjoni tal-istrumenti kapitali jistgħu jaħbtu mal-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u f’każ bħal dan, għandha ssir valutazzjoni ta’ jekk it-tniżżil fil-valur u l-konverżjoni biss tal-istrumenti kapitali humiex biżżejjed sabiex terġa’ tinkiseb is-sodezza finanzjarja tal-entità kkonċernata jew jekk huwiex ukoll meħtieġ li tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Bħala regola, din se tintuża fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni. Il-Bord u l-Kummissjoni għandhom jissostitwixxu l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni wkoll f’din il-funzjoni u  għandhom għalhekk jingħataw is-setgħa li jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet għat-tniżżil fil-valur u l-konverżjoni tal-istrumenti kapitali humiex issodisfati u li jiddeċiedu jekk għandhomx iqiegħdu entità taħt riżoluzzjoni, jekk ir-rekwiżiti għar-riżoluzzjoni huma ssodisfati wkoll.

(48)

L-effiċjenza u l-uniformità tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu żgurati fl-Istati Membri parteċipanti kollha. Għal dan l-għan, il-Bord għandu jingħata setgħat , ▐ fejn awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni ma tkunx applikat jew ma tkunx applikat biżżejjed id-Deċiżjoni tal-Bord, li joħroġ ordnijiet direttament lil istituzzjoni taħt riżoluzzjoni ▐.

(49)

Sabiex tiżdied l-effettività tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni, il-Bord għandu jtikkoopera mill-qrib mal-Awtorità Bankarja Ewropea f’kull ċirkustanza. Fejn xieraq, il-Bord għandu jikkoopera wkoll mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, u l-awtoritajiet l-oħra li jiffurmaw parti mis-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja. Barra minn hekk, il-Bord għandu jikkoopera mill-qrib mal-BĊE u l-awtoritajiet l-oħra bis-setgħa li jagħmlu superviżjoni tal-istituzzjonijiet tal-kreditu fl-MSU, b’mod partikolari għall-gruppi soġġetti għas-superviżjoni konsolidata mill-BĊE. Biex jimmaniġġa b’mod effettiv il-proċess ta’ riżoluzzjoni tal-banek f'diffikultà, il-Bord għandu jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni fl-istadji kollha tal-proċess tar-riżoluzzjoni. Għalhekk, il-kooperazzjoni ma’ dawn tal-aħħar hija meħtieġa mhux biss għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tar-riżoluzzjoni meħuda mill-Bord, iżda wkoll qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni ta' riżoluzzjoni, fl-istadju tal-ippjanar ta’ riżoluzzjoni jew matul il-fażi ta’ intervent bikri. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tikkoopera mil-qrib mal-EBA u għandha tqis kif xieraq il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa minnha.

(49a)

Fl-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni u fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' riżoluzzjoni, il-Bord għandu jiżgura li r-rappreżentanti tal-impjegati tal-entitajiet ikkonċernati jkunu infurmati u, fejn xieraq, ikkonsultati, kif previst fid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek]. Fejn applikabbli, il-ftehimiet kollettivi, jew l-arranġamenti l-oħra pprovduti mis-sħab soċjali, għandhom jiġu rrispettati f’dan ir-rigward.

(50)

Billi l-Bord jissostitwixxi l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti fid-deċiżjonijiet tagħhom ta' riżoluzzjoni, il-Bord għandu wkoll jieħu post dawk l-awtoritajiet għall-iskopijiet tal-kooperazzjoni mal-Istati Membri mhux parteċipanti fir-rigward tal-funzjonijiet tar-riżoluzzjoni. B’mod partikolari, il-Bord għandu jirrappreżenta lill-awtoritajiet kollha mill-Membri parteċipanti fil-kulleġġi tar-riżoluzzjoni inklużi l-awtoritajiet mill-Istati Membri mhux parteċipanti.

(50a)

Il-Bord u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri li mhumiex Stati Membri parteċipanti għandhom jikkonkludu memorandum ta’ qbil li jiddeskrivi f'termini ġenerali kif se jikkooperaw flimkien fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek]. Il-memoranda ta’ qbil jistgħu, fost oħrajn, jikkjarifikaw il-konsultazzjoni rigward id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u l-Bord li għandhom effett fuq sussidjarji jew fergħat stabbiliti fi Stat Membru mhux parteċipanti li l-impriża prinċipali tagħhom tkun stabbilita fi Stat Membru parteċipanti. Il-memoranda għandhom jiġu rieżaminati fuq bażi regolari.

(51)

Peress li ħafna istituzzjonijiet joperaw mhux biss fl-Unjoni, iżda wkoll internazzjonalment, jeħtieġ li mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni effettiv jistabbilixxi prinċipji ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz rilevanti. Għandu jiġi provdut appoġġ lill-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi skont il-qafas legali previst mill-Artikolu 88 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek]. Għal dan l-għan, peress li l-Bord għandu jkun l-awtorità unika bis-setgħa li jirriżolvi l-banek f'diffikultà fl-Istati Membri parteċipanti, il-Bord għandu jkollu esklużivament s-setgħa li jikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni mhux vinkolanti ma’ dawk l-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi, f’isem l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti.

(52)

Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv, il-Bord għandu jkollu s-setgħat investigattivi xierqa. Għandu jkun jista’ jitlob l-informazzjoni kollha meħtieġa direttament jew permezz tal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, u jkun jista’ jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post, fejn xieraq b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti , filwaqt li jagħmel użu sħiħ mill-informazzjoni kollha disponibbli għall-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti . Fil-kuntest tar-riżoluzzjoni, l-ispezzjonijiet fuq il-post ikunu disponibbli għall-Bord biex jimmonitorja b’mod effettiv l-implimentazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali u biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni u l-Bord jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża għal kollox.

(53)

Sabiex jiġi żgurat li l-Bord ikollu aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha, l-entitajiet rilevanti u l-impjegati tagħhom ma għandhomx ikunu jistgħu jinvokaw ir-regoli tas-segretezza professjonali biex jimpedixxu d-divulgazzjoni ta' informazzjoni lill-Bord. Fl-istess ħin, id-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni lill-Bord m’għandha qatt titqies bħala ksur tas-segretezza professjonali.

(54)

Sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet adottati fil-qafas tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni jiġu rispettati, f'każ ta' ksur għandhom jiġu imposti penali proporzjonati u dissważivi. Il-Bord għandu jkun intitolat li jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni biex jimponu penalitajiet amministrattivi jew pagamenti perjodiċi ta' penali fuq entitajiet talli jonqsu li jikkomformaw mal-obbligi tad-deċiżjonijiet tiegħu. Sabiex jiżgura prattiki tal-infurzar konsistenti, effiċjenti u effettivi l-Bord għandu jkun intitolat li joħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ penalitajiet amministrattivi u ta’ ħlasijiet ta' penali.

(55)

Meta awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni tikser ir-regoli tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni billi ma tużax is-setgħat mogħtija lilha skont il-liġi nazzjonali biex timplimenta struzzjoni mill-Bord, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jkun responsabbli biex jagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara kkawżata lil individwi, inkluż fejn applikabbli lill-entità jew il-grupp f'riżoluzzjoni, jew kull kreditur ta’ kwalunkwe parti ta’ dik l-entità jew grupp fi kwalunkwe Stat Membru, skont dik il-ġurisprudenza.

(56)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli xierqa li jirregolaw il-baġit tal-Bord, it-tħejjija tal-baġit, l-adozzjoni ta' regoli interni li jispeċifikaw il-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-baġit tal-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu u l-awditjar intern u estern tal-kontijiet.

(56a)

Il-Bord, fis-sessjoni plenarja tiegħu, għandu wkoll jadotta, jimmonitorja u jikkontrolla l-programm ta’ ħidma annwali tiegħu, u joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ rapport mid-Direttur Eżekuttiv li għandu jinkludi taqsima dwar l-attivitajiet tar-riżoluzzjoni, inklużi l-każijiet ta’ riżoluzzjoni li jkunu għaddejjin, u taqsima dwar kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi.

(57)

Hemm ċirkustanzi fejn l-effikaċja tal-għodod tar-riżoluzzjoni applikati tkun tiddependi fuq id-disponibbiltà ta' finanzjament fil-qosor għall-istituzzjoni jew istituzzjoni tranżitorja, il-forniment ta' garanziji lil xerrejja potenzjali, jew il-forniment ta' kapital lill-istituzzjoni tranżitorja. Għalhekk huwa importanti li jiġi stabbilit fond biex jiġi evitat li jintużaw il-fondi pubbliċi għal dawn l-għanijiet.

(58)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-Fond ikun disponibbli bis-sħiħ għall-iskop ta' riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet li qed ifallu. Għalhekk, il-Fond ma għandu jintuża għall-ebda skop ieħor għajr l-implimentazzjoni effiċjenti tal-għodod u s-setgħat ta' riżoluzzjoni. Barra minn hekk, għandu jintuża biss skont l-objettivi u l-prinċipji tar-riżoluzzjoni applikabbli , filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] . Għalhekk, il-Bord għandu jiżgura li kwalunke telf, kostijiet jew spejjeż oħra imġarrba b'rabta mal-użu tal-għodod ta' riżoluzzjoni l-ewwel jinġarru mill-azzjonisti u l-kredituri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni. It-telf, il-kostijiet jew spejjeż oħra mġarrba bl-użu tal-għodod ta' riżoluzzjoni jinġarru mill-Fond fil-każ biss li r-riżorsi tal-azzjonisti u l-kredituri jispiċċaw.

(59)

Bħala regola, il-kontribuzzjonijiet għandhom jinġabru mill-industrija qabel kwalunkwe operazzjoni ta’ riżoluzzjoni u indipendentement minnhom. Meta l-finanzjament minn qabel ma jkunx biżżejjed biex ikopri t-telf jew il-kostijiet imġarrba bl-użu tal-Fond, għandhom jinġabru kontribuzzjonijiet oħra biex ikopru l-kostijiet jew it-telf addizzjonali. Barra minn hekk, il-Fond għandu jkun jista' jikkuntratta teħid ta' self jew forom oħra ta' għajnuna minn istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi meta l-fondi disponibbli tiegħu ma jkunux biżżejjed biex ikopru t-telf, il-kostijiet u l-ispejjeż l-oħra mġarrba bl-użu tal-Fond u ma jkunux immedjatament aċċessibbli kontribuzzjonijiet straordinarji ex post.

(59a)

Jekk ikun hemm fis-seħħ kontribuzzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, taxxi jew dazji bankarji nazzjonali b’reazzjoni għall-kriżi fl-Istati Membri parteċipanti, dawk għandhom jiġu sostitwiti b'kontribuzzjonijiet lill-Fond sabiex jiġu evitati pagamenti doppji.

(60)

Sabiex tintlaħaq massa kritika u jiġu evitati effetti proċikliċi li jinħolqu kieku l-Fond kellu jiddependi biss fuq kontribuzzjonijiet ex post fi kriżi sistemika, huwa indispensabbli li l-mezzi finanzjarji disponibbli ex ante tal-Fond jammontaw sa ċertu livell prestabbilit.

(60a)

Il-livell fil-mira tal-Fond għandu jkun stabbilit bħala perċentwali tal-ammont ta' depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti. Madankollu, peress li l-ammont ta' obbligazzjonijiet totali ta' dawk l-istituzzjonijiet ikun, fir-rigward tal-funzjonijiet tal-Fond, punt ta’ riferiment iktar xieraq, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk fil-futur għandux jiddaħħal valur ta' referenza relatat mal-obbligazzjonijiet totali, li għandu jintlaħaq minbarra l-livell fil-mira ta' finanzjament, filwaqt li jinżammu l-kundizzjonijiet ugwali skont id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

(61)

Qafas ta' żmien xieraq għandu jiġi stipulat biex jintlaħaq il-livell ta' finanzjament prestabbilit għall-Fond. Madankollu, għandu jkun possibbli għall-Bord li jaġġusta l-perjodu tal-kontribuzzjoni biex iqis l-iżborżamenti sinifikanti li jkunu saru mill-Fond.

(61a)

Sabiex tinkiser ir-rabta bejn is-sovrani u l-banek u tiġi żgurata l-effiċjenza u l-kredibilità tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, b'mod partikolari sakemm il-Fond ma jkunx kompletament finanzjat, huwa essenzjali li tiġi stabbilita faċilità Ewropea ta’ self pubbliku fi żmien raġonevoli wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Kwalunkwe self minn dik il-faċilità ta’ self għandu jiġi rimborsat mill-Fond f’perjodu ta’ żmien miftiehem. Dik il-faċilità ta' self għandha tiżgura d-disponibilità immedjata ta’ mezzi finanzjarji adegwati għall-iskopijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(62)

Meta l-Istati Membri parteċipanti jkunu diġà stabbilixxew arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, għandhom ikunu jistgħu jipprevedu li l-arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli, miġbura minn istituzzjonijiet fil-imgħoddu permezz ta’ kontribuzzjonijiet ex ante, biex jikkumpensaw lill-istituzzjonijiet għall-kontribuzzjonijiet ex ante li dawk l-istituzzjonijiet għandhom iħallsu lill-Fond. Din ir-restituzzjoni għandha tkun bla preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva 94/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(63)

Sabiex tkun żgurta kalkolazzjoni ġusta tal-kontribuzzjonijiet u jingħataw inċentivi biex joperaw b'mudell li jippreżenta inqas riskji, il-kontribuzzjonijiet tal-Fond , li għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord skont id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] u l-atti delegati adottati skontha, wara konsultazzjoni mal-awtorità kompetenti, għandhom iqisu l-grad ta' riskju mġarrab mill-istituzzjoni ta' kreditu.

 

(65)

Sabiex jiġi protett il-valur tal-ammonti miżmuma fil-Fond, dawn l-ammonti għandhom jiġu investiti f'assi sikuri, diversifikati u likwidi biżżejjed.

(66)

Il-Kumissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex tiddetermina it-tip ta' kontribuzzjonijiet lill-Fond u l-kwistjonijiet li għalihom huma dovuti kontribuzzjonijiet, il-mod li bih l-ammont tal-kontribuzzjonijiet jiġi kkalkulat u l-mod li bih għandhom jitħallsu; tispeċifika r-reġistrazzjoni, il-kontabbiltà, ir-rapportar u regoli oħra meħtieġa biex jiġi żgurat li l-kontribuzzjonijiet jitħallsu kollha u fil-ħin; tiddetermina s-sistema tal-kontribuzzjonijiet għall-istituzzjonijiet li ġew awtorizzati joperaw wara li l-Fond ikun laħaq il-livell fil-mira tiegħu; tiddetermina l-kriterji biex il-kontribuzzjonijiet jinfirxu matul iż-żmien; tiddetermina ċ-ċirkustanzi meta l-pagament tal-kontribuzzjonijiet ikun jista' jsir akkont bil-quddiem; tiddetermina l-kriterji biex jiġu stipulati l-ammont tal-kontribuzzjonijiet annwali; tiddetermina l-miżuri biex tispeċifika ċ-ċirkustanzi u l-modalitajiet li bihom istituzzjoni tista' tiġi parzjalment u totalment eżentata minn kontribuzzjonijiet ex post, u l-miżuri biex tispeċifika ċ-ċirkustanzi u l-modalitajiet li bihom istituzzjoni tista' tiġi parzjalment u totalment eżentata minn kontribuzzjonijiet ex post.

(67)

Biex tinżamm il-kunfidenzjalità tal-ħidma tal-Bord, il-membri tiegħu, il-persunal tal-Bord, inkluż il-persunal ta' skambju jew issekondat mill-Istati Membri bil-għan li jwettqu doveri ta' riżoluzzjoni għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti tas-sigriet professjonali, anki wara li d-doveri tagħhom jintemmu. Dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw ukoll għal persuni oħra awtorizzati mill-Bord u persuni awtorizzati jew maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri sabiex iwettqu spezzjonijiet fil-post, u għal osservaturi mistiedna biex jattendu l-laqgħat tas-sessjonijiet plenarji u eżekuttivi tal-Bord. Bil-għan li jitwettqu l-kompiti kkonferiti lilu, il-Bord għandu jkun awtorizzat, soġġett għal kundizzjonijiet, li jiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet u l-korpi nazzjonali jew tal-Unjoni.

(68)

Sabiex jiġi zgurat li l-Bord ikun repreżentat fis-Sistema Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja, ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 għandu jiġi emendat sabiex jinkludi l-Bord fil-kunċett tal-awtoritajiet kompetenti stabbiliti minn dak ir-Regolament. Din l-assimilazzjoni bejn il-Bord u l-awtorità kompetenti skont ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 hija konsistenti mal-funzjonijiet attribwiti lill-ABE skont l-Artikolu 25 ta' dan ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 biex tikkontribwixxi u tipparteċipa attivament fl-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-pjanijiet ta' rkupru u riżoluzzjoni u li jkollha l-għan li tiffaċilita r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet li qed ifallu u partikolarment ta' gruppi transfruntieri.

(69)

Sakemm il-Bord isiri operattiv għal kollox, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-operazzjonijiet inizjali fosthom il-ġbir tal-kontribuzzjonijiet meħtieġa biex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi u l-ħatra ta' direttur eżekuttiv interim biex jawtorizza l-pagamenti meħtieġa kollha f'isem il-Bord.

(70)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, notevolment id-dritt għall-propjetà, il-protezzjoni ta’ dejta personali, il-libertà ta’ impriża, id-dritt tal-impjegati għal informazzjoni u konsultazzjoni fi ħdan l-impriża, id-dritt għal rimedju effikaċi u għal smigħ ġust, u għandu jiġi implimentat skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(71)

Peress li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' qafas Ewropew uniku għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet tal-kreditu u li tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tar-regoli tar-riżoluzzjoni, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed fil-livell tal-Istati Membri imma jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

PARTI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 li huma stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti msemmija fl-Artikolu 4.

Dawn ir-regoli u l-proċeduri uniformi jiġu applikati mill-Bord, kif stabilit skont l-Artikolu 38, flimkien mal-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti fil-qafas ta’ mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni stabbilit minn dan ir-Regolament. Il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni jkun sostnut minn fond uniku għar-riżoluzzjoni tal-banek (minn hawb 'il quddiem imsejjaħ 'il-Fond').

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-entitajiet li ġejjin:

(a)

istituzzjonijiet tal-kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti;

(b)

impriżi prinċipali stabbiliti f'wieħed mill-Istati Membri parteċipanti, inklużi kumpaniji azzjonarji finanzjarji u kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta meta jkunu soġġetti għal superviżjoni konsolidata mwettqa mill-BĊE skont l-Artikolu 4(1)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(c)

ditti tal-investiment u istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Istati Membri partċipanti meta jkunu koperti minn superviżjoni konsolidata tal-impriża prinċipali mwettqa mill-BĊE skont l-Artikolu 4(1)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/36/UE. Barra minn dan, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“awtorità nazzjonali kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità nazzjonali kompetenti kif definit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(1a)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità kompetenti kif definit fl-Artikolu 4(1)(40) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-BĊE fil-funzjoni superviżorja tiegħu skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(2)

“awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni” tfisser awtorità maħtura minn Stat Membru skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek];

(3)

“azzjoni ta' riżoluzzjoni” tfisser l-applikazzjoni ta' għodda ta' riżoluzzjoni fuq istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 2, jew l-eżerċizzju ta' setgħa ta' riżoluzzjoni waħda jew aktar fir-rigward tagħha;

(3a)

“il-Bord” tfisser il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni stabbilit skont l-Artikolu 38 ta' dan ir-Regolament;

(4)

“depożiti koperti” tfisser depożiti li huma ggarantiti minn skemi ta' garanzija tad-depożiti skont il-liġi nazzjonali skont id-Direttiva 94/19/KE u sal-livell ta' kopertura previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/19/KE;

(5)

“depożiti eliġibbli” tfisser depożiti kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19/KE li mhumiex esklużi mill-protezzjoni skont l-Artikolu 2 ta' dik id-Direttiva, irrispettivament mill-ammont tagħhom;

 

(11)

“istituzzjoni taħt riżoluzzjoni” tfisser entità msemmija fl-Artikolu 2, li fir-rigward tagħha qed tittieħed azzjoni ta' riżoluzzjoni;

(12)

“istituzzjoni” tfisser istituzzjoni ta' kreditu, jew ditta tal-investiment koperta b'superviżjoni konsolidata skont il-punt (c) tal-Artikolu 2;

(13)

“grupp” tfisser impriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha, li huma entitajiet kif imsemmi fl-Artikolu 2;

 

(19)

“mezzi finanzjarji disponibbli” tfisser il-flus, id-depożiti, l-assi u l-impenji irrivokabbli ta' pagament disponibbli għall-Fond għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 74;

(20)

“livell fil-mira tal-fond” tfisser l-ammont ta' mezzi finanzjarji disponibbli li għandu jintlaħaq skont l-Artikolu 68.

Artikolu 4

Stati Membri Parteċipanti

Stat Membru parteċipanti jkun Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jew Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro li stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Artikolu 5

Relazzjoni mad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] u l-liġi nazzjonali applikabbli

-1.     B'suġġett għal dan ir-Regolament, l-eżerċizzju mill-Kummissjoni u l-Bord ta' kompiti u setgħat skont dan ir-Regolament għandu jkun irregolat bid-Direttiva [ dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek ] u kwalunkwe att delegat adottat skontha.

1.   Fejn, bis-saħħa ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jew il-Bord jeżerċita kompiti jew setgħat, li skont id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] għandhom jiġu eżerċitati mill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni ta' Stat Membru parteċipanti, il-Bord, għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u  tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], jitqies li huwa l-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni rilevanti jew fil-każ ta' riżoluzzjoni ta' grupp transfruntier l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp rilevanti.

1a.     Meta l-Bord jeżerċita s-setgħat konferiti lilu b'dan ir-Regolament, għandu jkun suġġett għal standards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni żviluppati mill-EBA u adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 10 sa 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, għal kwalunkwe linja gwida jew rakkomandazzjoni adottati mill-EBA b'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u kwalunkwe deċiżjoni tal-EBA skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

2.   Il-Bord, meta jaġixxi bħala awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni, jaġixxi, fejn rilevanti, taħt l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni.

3.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti jaġixxu fuq il-bażi ta' u f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, kif armonizzati mid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

Artikolu 6

Prinċipji ġenerali

1.   L-ebda azzjoni, proposta jew politika tal-Bord, il-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni ma għandha tiddiskrimina kontra entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2, detenturi ta' depożiti, investituri jew kredituri oħra stabbiliti fl-Unjoni minħabba n-nazzjonalità, jew il-post tal-operat tagħhom.

1a.     Kull azzjoni, proposta jew politika tal-Bord, tal-Kummissjoni jew ta' awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fil-qafas tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni għandha tittieħed bl-għan li tiġi promossa l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u f’kull Stat Membru parteċipanti b’kunsiderazzjoni sħiħa u dmir tal-kura għall-unità u l-integrità tas-suq intern.

2.   Meta jittieħdu deċiżjonijiet jew azzjonijiet, li jista' jkollhom impatt f'aktar minn Stat Membru ▐ wieħed, u partikolarment meta jittieħdu deċiżjonijiet fir-rigward ta' grupp stabbilit f'żewġ Stati Membri jew aktar, il-Kummissjoni u l-Bord għandhom iqisu kif dovut il-fatturi li ġejjin kollha:

(a)

l-interessi tal-Istati Membri ▐ fejn il-grupp jopera u partikolarment l-impatt ta' kwalunkwe deċiżjoni jew azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja, l-ekonomija, l-iskema ta' garanzija tad-depożiti jew l-iskema ta' kumpens għall-investituri ta' kwalunkwe minn dawn l-Istati Membri;

(b)

(b) l-objettiv li jiġu bbilanċjati l-interessi ta' diversi Stati Membri involuti u jiġi evitat li jiġu ppreġudikati jew protetti inġustament l-interessi ta' Stat Membru▐;

(c)

il-ħtieġa li jiġi evitat impatt negattiv fuq partijiet oħra ta' grupp li entità tiegħu msemmija fl-Artikolu 2, li hija soġġetta għal riżoluzzjoni, hija membru;

(ca)

fejn ikun possibbli, l-interess tal-grupp li jkompli l-attività transfruntiera tiegħu;

(d)

il-ħtieġa li tiġi evitata żieda sproporzjonata fil-kostijiet imposti fuq il-kredituri tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2, sal-punt li tkun akbar minn dik li kienu jġarrbu li kieku ġew riżolti permezz ta' proċedimenti normali ta' insolvenza;

(e)

id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu skont l-Article 107 TFUE u msemmija fl-Artikolu 16(10).

3.   Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jibbilanċjaw il-fatturi msemmija fil-paragrafu 2 mal-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 12 kif xieraq skont in-natura u ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.

4.    Id-deċiżjonijiet jew l-azzjonijiet tal-Bord jew tal-Kummissjoni la għandhom jeħtieġu li l-Istati Membri jipprovdu għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja u lanqas ma għandhom jaffettwaw direttament ir-responsabbiltajiet fiskali tal-Istati Membri .

4a.     Fit-teħid ta' deċiżjonijiet jew fit-teħid ta' azzjoni, il-Bord għandu jiżgura li r-rappreżentanti tal-impjegati tal-entitajiet ikkonċernati jkunu infurmati, u fejn ikun xieraq, ikkonsultati.

4b.     L-azzjonijiet, il-proposti u l-politiki tal-Kummissjoni, il-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni skont dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni fir-rigward ta' kwalunkwe Stat Membru jew grupp ta' Stati Membri.

4c.     Il-Kummissjoni, fit-twettiq tal-kompiti konferiti lilha b'dan ir-Regolament, għandha taġixxi b'mod indipendenti, separatament mill-kompiti l-oħra tagħha, u strettament skont l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti f'dan ir-Regolament u fid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek]. Is-separazzjoni tal-kompiti għandha tkun garantita permezz ta' aġġustamenti organizzattivi xierqa.

PARTI II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

TITOLU I

FUNZJONIJIET FIL-MEKKANIŻMU UNIKU TA' RIŻOLUZZJONI U REGOLI PROĊEDURALI

Kapitolu 1

Ippjannar ta' riżoluzzjoni

Artikolu 7

Pjanijiet ta' riżoluzzjoni

1.   Il-Bord għandu jħejji , flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, u japprova pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 u l-gruppi.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni jibagħtu lill-Bord l-informazzjoni kollha meħtieġa biex iħejji u jimplimenta pjanijiet ta' riżoluzzjoni, kif miksuba minnhom skont l-Artikoli 10 u 12(1) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu 5 ta' dan it-Titolu.

2a.     Il-pjan ta’ riżoluzzjoni għal kull entità u l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni ta' grupp għandhom jitlestew skont l-Artikolu 9 sa 12 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

7.   Il-Bord ifassal il-pjanijiet tar-riżoluzzjoni f'kooperazzjoni mas-superviżur jew is-superviżur tal-konsolidazzjoni u mal-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti li fihom huma stabbiliti l-entitajiet. Il-Bord għandu jikkoopera mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fi Stati Membri mhux parteċipanti fejn ikun hemm entitajiet f’dawk l-Istati Membri inklużi fis-superviżjoni konsolidata.

8.   Il-Bord jista' jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni biex iħejju abbozz ta' pjanijiet preliminari ta' riżoluzzjoni u lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell ta' grupp biex tħejji abbozz ta' pjan preliminari ta' riżoluzzjoni tal-grupp biex jiġi rivedut u approvat mill-Bord . Il-Bord jista' jirrikjedi lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni biex iwettqu kompiti oħra relatati mat-tfassil tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni.

9.   Il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni għandhom jiġu rieżaminati, u fejn xieraq aġġornati, b'konformità mal-Artikoli 9 u 12 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

9a.     Id-deċiżjonijiet dwar it-tfassil, il-valutazzjoni u l-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-applikazzjoni ta’ miżuri xierqa għandhom jittieħdu mill-Bord fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu.

Artikolu 8

Valutazzjoni tar-riżolvibbiltà

1.   Meta jiġu abbozzati l-pjanijiet tar-riżoluzzjoni f'konformità mal-Artikolu 7, il-Bord, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-BĊE, u l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni tal-Istati Membri mhux parteċipanti fejn ikunu jinsabu sussidjarji jew fejn jinsabu fergħat sinifikanti sal-punt rilevanti għall-fergħa sinifikanti kif stabbilit fl-Artikoli 13 u 13a tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], għandu jwettaq valutazzjoni ta' kemm l-istituzzjonijiet u l-gruppi huma riżolvibbli kif meħtieġ bl-Artikoli 13 u 13a tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

2.   ▐ Entità għandha titqies riżolvibbli fis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

3.   ▐ Grupp għandu jitqies riżolvibbli fis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 13a tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

4.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni, il-Bord, bħala minimu, jeżamina il-kwistjonijiet speċifikati fit-Taqsima C tal-Anness tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

5.   Jekk skont valutazzjoni tar-riżolvibbiltà ta' entità jew grupp imwettqa skont il-paragrafu 1 il-Bord, wara konsultazzjoni mal-awtorità kompetenti, inkluż il-BĊE, jiddetermina li hemm impediment potenzjali sustanzjali għar-riżolvibbiltà ta' dik l-entità jew grupp, il-Bord iħejji rapport, f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, indirizzat lill-istituzzjoni jew lill-impriża prinċipali li janalizza l-impedimenti sustanzjali għall-applikazzjoni effettiva tal-għodod tar-riżoluzzjoni u l-eżerċitar tas-setgħat ta' riżoluzzjoni. Dak ir-rapport għandu wkoll jirrakkomanda kwalunkwe miżura, li fl-opinjoni tal-Bord, hija meħtieġa jew xierqa biex jitneħħew dawk l-impedimenti skont il-paragrafu 8.

6.   Ir-rapport jiġi nnotifikat lill-entità jew l-impriża prinċipali konċernata, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni tal-Istati Membri mhux parteċipanti li fihom jinsabu fergħat jew sussidjarji sinifikanti. Għandu jkun sostnut bir-raġunijiet għall-valutazzjoni jew id-determinazzjoni inkwestjoni u għandu jindika kif il-valutazzjoni jew id-determinazzjoni tikkonforma mar-rekwiżit tal-applikazzjoni proporzjonata stipulat fl-Artikolu 6.

7.   Fi żmien erba' xhur mid-data tal-wasla tar-rapport, l-entità jew l-impriża prinċipali jistgħu jissottomettu kummenti u jipproponu lill-Bord miżuri alternattivi biex jirrimedjaw l-impedimenti identifikati fir-rapport. Il-Bord jikkomunika kwalunkwe miżura proposta mill-entità jew l-impriża prinċipali, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni tal-Istati Membri mhux parteċipanti li fihom jinsabu fergħat jew sussidjarji sinifikanti.

8.   Jekk il-miżuri proposti mill-entità jew l-impriża prinċipali konċernata effettivamentma jneħħux l-impediment għar-riżolvibbiltà, il-Bord jieħu deċiżjoni, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti u, fejn xieraq, l-awtorità makroprudenzjali, li tindika li l-miżuri proposti effettivament ma jneħħux l-impedimenti għar-riżolvibbiltà u jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni biex jitolbu lill-istituzzjoni, l-impriża prinċipali jew kwalunkwe sussidjarja tal-grupp konċernat, biex tieħu kwalunkwe miżura elenkata fl-Artikolu 14 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] , abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

l-effikaċja tal-miżura biex tneħħi l-impedimenti għar-riżolvibbiltà;

(b)

il-ħtieġa li jiġi evitat impatt negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-Istati Membri fejn jopera l-grupp ;

(c)

il-ħtieġa li jiġi evitat impatt fuq l-istituzzjoni jew grupp konċernat li jmur lil hinn minn dak neċessarju biex jitneħħa l-impediment għar-riżolvibbiltà jew ikun sproporzjonat.

9.   Għall-finijiet tal-paragrafu 8, il-Bord għandu jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni biex jieħdu kwalunkwe miżura imsemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

10.   L-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni jimplimentaw l-istruzzjonijiet tal-Bord skont l-Artikolu 26.

Artikolu 8a

Riżolvibbiltà ta’ istituzzjonijiet sistemikament importanti

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tiegħu, il-Bord għandu jipprijoritizza l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà ta' istituzzjonijiet li jġorru riskji sistemiċi, inklużi iżda mhux biss istituzzjonijiet identifikati bħala istituzzjonijiet globali sistemikament impotanti (G-SIIs) jew istituzzjonijiet sistemikament impotanti oħra (O-SIIs) skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE, u fejn xieraq, għandu jfassal pjan għal kull waħda minn dawk l-istituzzjonijiet biex jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà skont l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament uma l-Artikolu 14 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

Artikolu 9

Obbligi u rinunzji ssimplifikati

1.   Il-Bord, b'nizjattiva tiegħu stess jew bi proposta mill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni jista' japplika obbligi simplifikati fir-rigward tal-abbozzar tal-pjanijiet ta' rkupru u riżoluzzjoni skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

2.   L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jistgħu jipproponu lill-Bord biex japplika obbligi simplifikati fir-rigward tal-abbozzar tal-pjanijiet għall-istituzzjonijiet jew gruppi speċifiċi. Dik il-proposta għandha tkun immotivata u għandha tkun sostnuta mid-dokumentazzjoni rilevanti kollha.

3.   Mal-wasla ta' proposta skont il-paragrafu 1 jew meta jaġixxi b'inizjattiva tiegħu stess, il-Bord iwettaq valutazzjoni tal-istituzzjonijiet jew il-gruppi konċernati. Il-valutazzjoni għandha ssir filwaqt li jitqiesu l-elementi previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

4.   Il-Bord jivvatula l-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni ta' obbligi simplifikati u għandu jtemm l-applikazzjoni tagħhom fis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

Meta awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni li tkun ipproponiet l-applikazzjoni tal-obbligu ssimplifikat ▐ skont il-paragrafu 1 tqis li d-deċiżjoni li tapplika obbligu ssimplifikat trid tiġi rtirata , għandha tissottometti proposta lill-Bord għal dak il-għan. F'dak il-każ il-Bord jieħu deċiżjoni dwar l-irtirar propost filwaqt li jqis bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni tal-irtirar ippreżentata mill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni fid-dawl tal-elementi stipulati fil-paragrafu 3.

7.   Il-Bord għandu jinforma lill-EBA dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 4.

Artikolu 10

Rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli

1.   Il-Bord għandu, wara li jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti, inkuż il-BĊE, jiddetermina r-rekwiżit minimu ta' fondi proprji, kif imsemmi fil-paragrafu 2, soġġett għat-tniżżil fil-valur u s-setgħat ta' konverżjoni, li l-istituzzjonijiet u l-impriżi prinċipali msemmija fl-Artikolu 2 ikunu meħtieġa jżommu.

2.   Ir-rekwiżit minimu jiġi kkalkulat skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

3.   Id-determinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għanda ssir fuq il-bażi tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 39 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

Id-determinazzjoni għandha tispeċifika r-rekwiżit minimu li l-istituzzjonijiet għandhom ikunu meħtieġa jikkonformaw miegħu fuq bażi individwali u li l-impriżi prinċipali għandhom ikun meħtieġa jikkonformaw miegħu fuq bażi konsolidata. Il-Bord jista' jiddeċiedi li jneħħi r-rekwiżit minimu fuq bażi konsolidata jew individwali fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 39 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek]▐.

4.   Id-determinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jipprevedu li r-rekwiżit minimu tal-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli jkun parzjalment issodisfat fuq bażi konsolidata jew individwali permezz ta' strument ta' rikapitalizzazzjoni interna kuntrattwali skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

6.   Il-Bord jieħu kwalunkwe determinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 waqt li jkun qed jiżviluppa u jżomm pjanijiet ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 7.

7.   Il-Bord jindirizza d-determinazzjoni tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni jimplimentaw l-istruzzjonijiet tal-Bord skont l-Artikolu 26. Il-Bordjesiġi li l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jivverifikaw u jiżguraw li l-istituzzjonijiet u l-impriżi prinċipali jżommu r-rekwiżit minimu previst fil-paragrafu 1.

8.   Il-Bord jinforma lill-BĊE u l-ABE bir-rekwiżit minumu li jkun iddetermina għal kull istituzzjoni u impriża prinċipali skont il-paragrafu 1.

Kapitolu 2

Intervent bikri

Artikolu 11

Intervent bikri

1.   Il-BĊE , fuq inizjattiva proprja jew b'segwitu għal komunikazzjoni minn awtorità nazzjonali kompetenti ta' Stat Membru, għandu jinforma lill-Bord bi kwalunkwe miżura li jeħtieġu lil istituzzjoni jew grupp jieħdu jew li jieħdu huma stess skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, skont l-Artikoli 23(1) jew 24 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], jew skont l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE.

Il-Bord jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni li jkun rċieva skont l-ewwel subparagrafu.

2.   Mid-data tal-wasla tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti skont liġijiet oħra tal-Unjoni, il-Bord jista' jipprepara għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni jew gropp konċernat.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-Bord jimmonitorja mill-qrib, f'kooperazzjoni mal-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, il-kundizzjonijiet tal-istituzzjoni jew l-impriża prinċipali, u l-konformità tagħhom ma' kwalunkwe miżura ta' intervent bikri li kienet meħtieġa tittieħed.

3.   Il-Bord ikollu s-setgħa:

(a)

jeħtieġ, skont il-Kapitolu 5 ta' dan it-Titolu, l-informazzjoni neċessarja sabiex iħejji għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni jew il-grupp;

(b)

li jwettaq valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni jew il-grupp skont l-Artikolu 17;

(c)

li jikkuntattja xerrejja potenzjali sabiex iħejji għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni jew il-grupp, jew jeħtieġ lill-istituzzjoni, l-impriża prinċipali jew lill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni biex tagħmel hekk, soġġett għall-konformità mar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità stabbiliti f'dan ir-Regolament u fl-Artikolu 76 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek];

(d)

jeħtieġ lill-awtorità nazzjonali rilevanti biex tabbozza skema preliminari ta' riżoluzzjoni għall-istituzzjoni jew il-grupp konċernat.

4.   Jekk il-BĊE jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti jkun beħsiebhom jimponu fuq istituzzjoni jew grupp kwalunkwe miżura addizzjonali skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jew skont l-Artikolu 23 jew 24 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] jew skont l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE, qabel l-istituzzjoni jew il-grupp ikunu kkonformaw bis-sħiħ mal-ewwel miżura nnotifikata lill-Bord, il-BĊE, fuq inizjattiva proprja jew b'segwitu għal komunikazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti, għandu jinforma lill-Bord, qabel ma tiġi imposta din il-miżura addizzjonali fuq l-istituzzjoni jew il-grupp konċernat.

5.   Il-BĊE jew l-awtorità kompetenti u l-Bord jiżguraw li l-miżura addizzjonali msemmija fil-paragrafu 4 u kwalunkwe azzjoni tal-Bord bil-għan li titħejja riżoluzzjoni skont il-paragrafu 2 ikunu konsistenti.

Kapitolu 3

Riżoluzzjoni

Artikolu 12

Objettivi tar-Riżoluzzjoni

1.   Meta jaġixxu skont il-proċedura ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 16, il-Kummissjoni u l-Bord, skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, iqisu l-objettivi tar-riżoluzzjoni previsti fl-Artikolu 26 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] , u jagħżlu l-għodod u s-setgħat li, fil-fehma tagħhom, jilħqu l-aħjar l-objettivi li huma rilevanti fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

2.   ▐ Meta jsegwu dawn l-objettivi, il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jippruvaw jaġixxu skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

Artikolu 13

Prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni

Meta jaġixxu skont il-proċedura ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 16, il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-azzjoni ta' riżoluzzjoni tittieħed skont il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 29 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] :

Artikolu 14

Riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji u impriżi prinċipali

Azzjoni ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' istituzzjonijiet finanzjarji u l-impriżi prinċipali tagħhom għandha tittieħed mill-Kummissjoni, abbażi ta' abbozz ta' deċiżjoni mħejji mill-Bord, skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

Artikolu 15

Ordni tal-prijorità tal-pretensjonijiet

Meta japplikaw l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna għal istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, u mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet esklużi mill-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 24(3), il-Kummissjoni għandha, abbażi ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ppreparat mill-Bord, tiddeċiedi dwar, u l-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti għandhom jeżerċitaw is-setgħat ta’ tniżżil fil-valur u ta’ konverżjoni fuq pretensjonijiet billi jsegwu s-sekwenza stipulata fl-Artikolu 43 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

Artikolu 16

Proċedura ta' Riżoluzzjoni

1.   Meta l-BĊE , fuq inizjattiva proprja jew b'segwitu għal komunikazzjoni minn awtorità nazzjonali kompetenti ta' Stat Membru parteċipanti, jivvaluta li l-kundizzjonijiet msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 huma ssodisfati fir-rigward ta' entità msemmija fl-Artikolu 2, hu għandu jinnotifika dik il-valutazzjoni mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Bord.

Il-komunikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tista’ sseħħ wara talba ta’ valutazzjoni mill-Bord jew minn awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, jekk waħda minnhom tqis li hemm raġuni li tikkunsidra li istituzzjoni qed tfalli jew x'aktarx li tfalli.

In-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha sseħħ wara konsultazzjoni mal-Bord u mal-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni.

1a.     Il-Bord għandu jipprepara u jieħu d-deċiżjonijiet kollha tiegħu relatati mal-proċedura ta’ riżoluzzjoni fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu skont l-Artikolu 50.

2.   Mal-wasla ta’ notifika skont il-paragrafu 1, ▐ il-Bord , fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu għandu jwettaq valutazzjoni biex jivverifika li l-kundizzjonijiet huma ssodisfati:

(a)

l-entità qed tfalli jew x'aktarx li tfalli;

(b)

filwaqt li jikkonsidra ż-żmien u ċirkustanzi rilevanti oħra, ma hemmx prospett raġonevoli li xi miżura alternattiva tas-settur privat, inklużi miżuri minn IPS, jew azzjoni ta' superviżjoni (inklużi miżuri ta' intervent bikri jew tnaqqis fil-valur jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali skont l-Artikolu 18 ), meħuda fir-rigward tal-entità, jistgħu jimpedixxu l-falliment f'qafas ta' żmien raġonevoli;

(c)

azzjoni ta' riżoluzzjoni hija meħtieġa fl-interess pubbliku skont il-paragrafu 4.

3.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 2, l-entità titqies li qed tfalli jew x'aktarx tfalli fi kwalunkwe ċirkostanza msemmija fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

4.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 2, azzjoni ta' riżoluzzjoni għandha tiġi trattata bħala fl-interess pubbliku fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 27(3) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

5.    Meta jivvaluta li jkunu intlaħqu l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 2, il-Bord għandu jippreżenta lill-Kummissjoni , filwaqt li jiqis in-notifika msemmija fil-paragrafu 1, abbozz ta' deċiżjoni li jipprevedi li l-entità titqiegħed taħt riżoluzzjoni. L-abbozz ta’ deċiżjoni għandu jinkludi tal-inqas dan li ġej:

(a)

ir-rakkomandazzjoni li l-entità tqiegħed taħt riżoluzzjoni;

(b)

il-qafas tal-għodod ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 19(32);

(c)

il-qafas tal-użu tal-Fond biex jappoġġa l-azzjoni ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 71.

6.    Wara li tirċievi abbozz ta’ deċiżjoni mill-Bord, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk taddottax l-abbozz ta' deċiżjoni, dwar il-qafas tal-għodod ta’ riżoluzzjoni li għandhom jiġu applikati fir-rigward tal-entità konċernata u , fejn xieraq, dwar l-użu tal-Fond biex jappoġġa l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni. ▐

Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tadottax l-abbozz ta' deċiżjoni ppreżentat mill-Bord jew li taddottah b’emendi, għandha tibgħat l-abbozz ta' deċiżjoni lura lill-Bord, u tispjega għalfejn hija m’għandhiex l-intenzjoni li tadottah, jew, skont il-każ, tispjega r-raġunijiet għall-emendi intenzjonati tiegħu, u titlob ir-reviżjoni tiegħu. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi skadenza fejn qabilha l-Bord jista’ jemenda l-abbozz ta' deċiżjoni inizjali tiegħu abbażi tal-emendi proposti mill-Kummissjoni u jerġa’ jippreżentah lill-Kummissjoni. Minbarra f’każijiet ta’ emerġenza debitament ġustifikati, il-Bord għandu mill-inqas ikollu ħamest ijiem tax-xogħol biex jirrevedi l-abbozz ta' deċiżjoni b'segwitu għal talba mill-Kummissjoni .

Il-Kummissjoni għandha tagħmel kull sforz biex tikkonforma mal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-EBA dwar l-eżerċizzju tal-kompiti konferiti lilha skont dan il-paragrafu u għandha taġixxi, fir-rigward tal-konferma ta' jekk hijiex konformi jew hijiex bi ħsiebha tikkonforma ma' dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni, kif previst fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

7.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun indirizzata lill-Bord. Jekk il-Kummissjoni tiddeciedi li ma tpoġġix lill-entità taħt riżoluzzjoni, minħabba li l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2(c) ma jkunux intlaħqu, l-entità konċernata għandha tiġi stralċata skont il-liġi nazzjonali tal-insolvenza.

8.   Fil-qafas stipulat mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, għandu jiddeċiedi dwar l-iskema tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 20 u għandu jiżgura li l-azzjoni meħtieġa ta’ riżoluzzjoni titwettaq ħalli titwettaq l-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti. Id-deċiżjoni tal-Bord tkun indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti u għandha tagħti struzzjonijiet lil dawk l-awtoritajiet, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jimplimentaw id-deċiżjoni tal-Bord f’konformità mal-Artikolu 26, billi jeżerċitaw kwalunkwe setgħa ta’ riżoluzzjoni prevista fid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], partikolarment dawk fl-Artikoli minn 56 sa 64 ta' dik id-Direttiva. Meta jkun hemm għajnuna mill-Istat, il-Bord jista' jiddeċiedi biss wara li l-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

9.    Jekk il-Bord iqis li l-miżuri ta' riżoluzzjoni jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE, għandu jistieden lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri parteċipanti konċernati biex immedjadament jinnotifikaw il-miżuri previsti lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

10.   Sal-punt li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni kif proposta mill-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, tinvolvi l-użu tal-Fond u ma tinvolvix għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni tapplika b’mod parallel, b’analoġija, il-kriterji stabbiliti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE.

11.   Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa tikseb mingħand il-Bord kwalunkwe informazzjoni li tqis rilevanti biex taqdi l-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament u, fejn applikabbli l-Artikolu 107 TFUE. Il-Bord ikollu s-setgħa jikseb mingħand kwalunkwe persuna, skont il-Kapitolu 5 ta' dan it-Titolu, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jipprepara u jiddeċiedi dwar azzjoni ta' riżoluzzjoni inklużi aġġornamenti u supplimenti ta' informazzjoni previsti fil-pjanijiet ta' riżoluzzjoni.

12.   Il-Bord ikollu s-setgħa jippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta' deċiżjonijiet biex temenda l-qafas għall-għodod ta' riżoluzzjoni u għall-użu tal-Fond fir-rigward ta' entità taħt riżoluzzjoni.

12a.     Sabiex jinżammu kundizzjonijiet ugwali, il-Kummissjoni għandha, fit-twettiq tal-kompetenzi tagħha ta' għajnuna mill-Istat u skont id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], tittratta l-użu tal-Fond bħal kif tittratta arranġament nazzjonali ta' riżoluzzjoni finanzjarja.

Artikolu 17

Valwazzjoni

1.   Qabel jieħu azzjoni ta' riżoluzzjoni jew jeżerċita s-setgħa li jniżżel il-valur jew jikkonverti strumenti ta' kapital, il-Bord jiżgura li titwettaq valwazzjoni ġusta u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

16.   Wara li titwettaq azzjoni ta' riżoluzzjoni, għall-finijiet li jiġi vvalutat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jieħdu trattament aħjar li kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni daħlet fi proċedimenti normali ta' insolvenza, il-Bord għandu jiżgura li tiġi mwettqa valwazzjoni skont l-Artikolu 66 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek], disdinta mill-valwazzjoni mwettqa skont il-paragrafu  1▐.

Artikolu 18

Tniżżil fil-valur u l-konverżjoni ta' strumenti ta' kapital

1.   Il-BĊE, fuq inizjattiva proprja jew b'segwitu għal komunikazzjoni minn awtorità nazzjonali kompetenti ta' Stat Membru parteċipanti , għandha tinforma lill-Bord meta tivvaluta li jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet ta' tniżżil fil-valur u konverżjoni ta' strumenti ta' kapital previsti fid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] fir-rigward ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 jew grupp stabbilit fi Stat Membru parteċipanti.

1a.     Il-BĊE għandu jipprovdi lill-Bord bl-informazzjoni skont il-paragrafu 1 fuq talba għal valutazzjoni mill-Bord jew mill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni, jekk xi ħadd minnhom iqis li hemm raġuni biex jitqies li l-kundizzjonijiet għal tniżżil fil-valur u konverżjoni ta' strumenti ta' kapital intlaħqu fir-rigward ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 jew grupp stabbilit fi Stat Membru parteċipanti.

1b.     Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ikunu ssodisfati, il-Bord għandu jippreżenta lill-Kummissjoni, filwaqt li jqis l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, abbozz ta' deċiżjoni li tipprevedi li s-setgħat ta' tniżżil fil-valur jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ kapital jiġu eżerċitati weħidhom jew, skont il-proċedura tal-Artikolu 16(4) sa (7), flimkien ma’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

5.    Meta tirċievi l-abbozz ta' deċiżjoni mill-Bord, il-Kummissjoni ▐ għandha tiddeċiedi jekk tadottax jew le l-abbozz ta' deċiżjoni u jekk is-setgħat ta’ tniżżil fil-valur u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ kapital għandhomx jiġu eżerċitati weħidhom jew skont il-proċedura fl-Artikolu 16(4) sa (7), flimkien ma’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

6.   Meta ▐ l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ssodisfati, iżda l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 16(2) ma jkunux issodisfati, il-Bord, wara deċiżjoni tal-Kummissjoni, għandu jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni biex jeżerċitaw is-setgħat tat-tniżżil fil-valur jew ta’ konverżjoni skont l-Artikoli 51 u 52 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

7.   Meta l-kundizzjonijiet ta’ tniżżil fil-valur u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ kapital imsemmija fil-paragrafu 1 jiġu ssodisfati, u l-kundizzjonijiet għal riżoluzzjoni imsemmija fl-Artikolu 16(2) ikunu ssodisfati wkoll, għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 16(4) sa (7).

8.   Il-Bord għandu jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni jeżerċitaw is-setgħat tat-tniżżil fil-valur jew ta’ konverżjoni skont id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

9.   L-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni jimplimentaaw l-istruzzjonijiet tal-Bord u jeżerċitaw is-setgħat tat-tniżżil fil-valur jew tal-konverżjoni ta’ strumenti tal-kapital skont l-Artikolu 26.

Artikolu 19

Prinċipji ġenerali tal-għodod tar-riżoluzzjoni

1.   Fejn il-Bord jiddeċiedi li japplika għodda ta’ riżoluzzjoni fuq entità msemmija fl-Artikolu 2, u dik l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tirriżulta f’telf li jiġġarrab mill-kredituri jew il-pretensjonijiet tagħhom jiġu kkonvertiti, il-Bord jeżerċita s-setgħa skont l-Artikolu 18 immedjatament qabel jew flimkien mal-applikazzjoni tal-għodda tar-riżoluzzjoni.

2.   L-għodod ta' riżoluzzjoni msemmija fil-punt be tal-Artikolu 16(5)(b) huma dawn li ġejjin:

(a)

l-għodda tal-bejgħ ta' operat;

(b)

l-għodda ta' istituzzjoni tranżitorja;

(c)

l-għodda tas-separazzjoni tal-assi;

(d)

l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna.

3.   Meta jadotta l-abbozz ta' deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 16(5), il-Bord għandu jqis il-fatturi li ġejjin:

(a)

l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni fuq il-bażi ta’ valwazzjoni skont l-Artikolu 17;

(b)

il-pożizzjoni tal-likwidità tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni;

(c)

il-kummerċjabbiltà tal-valur tal-franchise tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u kompetittivi tas-suq;

(d)

iż-żmien disponibbli.

4.   ▐ L-għodod tar-riżoluzzjoni jistgħu jiġu applikati separatament jew flimkien, ħlief għall-għodda tas-separazzjoni tal-assi li tista’ tiġi applikata biss flimkien ma’ għodod oħra tar-riżoluzzjoni.

4a.     Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti li ngħatawlu b’dan ir-Regolament, u bl-objettiv li jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali fl-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni, il-Bord, flimkien mal-Kummissjoni, għandu jadotta manwal ta’ riżoluzzjoni li jistabbilixxi gwida ċara u dettaljata għall-użu tal-għodod ta’ riżoluzzjoni.

Il-manwal ta’ riżoluzzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jieħu l-forma ta' att delegat adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 82.

Artikolu 20

Skema ta' Riżoluzzjoni

L-iskema tar-riżoluzzjoni adottata mill-Bord skont l-Artikolu 16(8) għandha tistabbilixxi, f’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-qafas tar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 16(6) u ma’ kwalunkwe deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, fejn applikabbli b’analoġija id-dettalji tal-għodod tar-riżoluzzjoni li għandhom jiġu applikati lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li jirrigwardaw mill-inqas il-miżuri msemmija fl-Artikoli 21(2), 22(2), 23(2) u 24(1) u tiddetermina l-ammonti speċifiċi u l-għanijiet li għalihom il-Fond għandu jintuża.

Matul il-proċess tar-riżoluzzjoni, il-Bord jista’ jemenda u jaġġorna l-iskema tar-riżoluzzjoni kif xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi fil-każ u fil-qafas tar-riżoluzzjoni kif deċiż dwarha mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(6).

Artikolu 21

Għodda tal-bejgħ ta' operat

1.   Fil-qafas deċiż mill-Kummissjoni, l-għodda ta’ bejgħ ta’ operat għandha tikkonsisti fit-trasferiment għand xerrej li mhuwiex istituzzjoni tranżitorja ta' dan li ġej:

(a)

ishma jew strumenti oħra ta' sjieda ta' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni; or

(b)

l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet kollha jew dawk speċifikati ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni.

2.   Dwar l-għodda tal-bejgħ ta’ operat, l-iskema tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 16(8) għandha tistabbilixxi b’mod partikolari:

(a)

l-istrumenti, l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti minn awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 32(1) u minn (7) sa (11) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek]

(b)

it-termini kummerċjali, wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi u l-kostijiet u l-infiq imġarrab fil-proċess tar-riżoluzzjoni, skont liema l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni għandha tagħmel trasferiment f’konformità mal-Artikolu 32(2) sa (4) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek];

(c)

jekk is-setgħat ta' trasferiment jisgħux jiġu eżerċitati mill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni aktar minn darba skont l-Artikolu 32(5) u (6) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek];

(d)

l-arranġamenti għall-kummerċjalizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni ta’ dik l-entità jew dawk l-istrumenti, l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 33(1) u (2) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek];

(e)

jekk il-konformità mar-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni x’aktarx li thedded l-objettivi tar-riżoluzzjoni skont il-paragrafu 3.

3.   Il-Bord jista' japplika l-għodda tal-bejgħ ta' operat mingħajr ma jissodisfa r-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni fil-punt (e) tal-paragrafu 2 meta jiddetermina li l-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti x'aktarx thedded xi wieħed jew aktar mill-objettivi tar-riżoluzzjoni u partikolarment jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

iqis li hemm theddida materjali għall-istabbiltà finanzjarja li tinħoloq jew tiġi aggravata mill-falliment u l-falliment potenzjali tal-istituzzjoni taħt ir-riżoluzzjoni;

(b)

jqis li l-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti x'aktarx thedded l-effettività tal-għodda tal-bejgħ ta' operat fl-indirizzar ta' dik it-theddida jew biex jintlaħaq l-objettiv tar-riżoluzzjoni speċifikat fil-punt (b) tal-Artikolu 12(2).

Artikolu 22

Għodda tal-istituzzjoni tranżitorja

1.   Fil-qafas deċiż mill-Kummissjoni, l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja għandha tikkonsisti fit-trasferiment għand istituzzjoni tranżitorja ta' kwalunkwe minn dan li ġej:

(a)

ishma jew strumenti oħra ta' sjieda maħruġa minn istituzzjoni jew istituzzjonijiet taħt riżoluzzjoni;

(b)

l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet kollha jew kwalunkwe wieħed minnhom ta' istituzzjoni jew istituzzjonijiet taħt riżoluzzjoni.

2.   Dwar l-għodda ta' istituzzjoni tranżitorja, l-iskema tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 20 għandha tistabbilixxi b’mod partikolari:

(a)

l-istrumenti, l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti minn awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 34(1) sa (9) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek];

(b)

l-arranġamenti għall-ħolqien, l-operat u t-terminazzjoni tal-istituzzjoni tranżitorja minn awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 35(1) sa (3) u (5) sa (8) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek];

(c)

l-arranġamenti għall-kummerċjalizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni tranżitorja jew tal-assi jew l-obbligazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 35(4) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

3.   Il-Bord jiżgura li l-valur totali tal-obbligazzjonijiet trasferiti mill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni lill-istituzzjoni tranżitorja ma jaqbżux il-valur totali tad-drittijiet u l-assi trasferiti mill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew ipprovduti minn sorsi oħra.

3a.     Kwalunkwe korrispettiv riċevut għall-istituzzjoni tranżitorja jew uħud mid-drittijiet u obbligazzjonijiet ta’ proprjetà jew id-drittijiet u obbligazzjonijiet ta’ proprjetà kollha tal-istituzzjoni tranżitorja għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

Artikolu 23

Għodda tas-separazzjoni tal-assi

1.   Fil-qafas deċiż mill-Kummissjoni, l-għodda tas-separazzjoni tal-assi għandha tikkonsisti fit-trasferiment ta’ assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lil vettura tal-immaniġġar tal-assi li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti bid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] għal entità legali biex tkun vettura tal-immaniġġar tal-assi .

2.   Dwar l-għodda tas-separazzjoni tal-assi, l-iskema tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 20 għandha tistabbilixxi b’mod partikolari:

(a)

l-istrumenti, l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti minn awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni lil mezz tal-immaniġġar tal-assi f’konformità mal-Artikolu 36 minn (1) sa (4) u minn (6) sa (10) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek];

(b)

il-korrispettiv li għalih l-assi għandhom jiġu ttrasferiti mill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni lill-vettura tal-immaniġġar tal-assi, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 17. Din id-dispożizzjoni ma timpedixxix li l-korrispettiv ikollu valur nominali jew negattiv.

2a.     Kwalunkwe korrispettiv riċevut għall-mezz tal-immaniġġar tal-assi jew uħud mid-drittijiet u obbligazzjonijiet ta’ proprjetà jew id-drittijiet u obbligazzjonijiet ta’ proprjetà kollha tal-vettura tal-immaniġġar tal-assi għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

Artikolu 24

Għadda ta' rikapitalizzazzjoni interna

1.   L-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna tista’ tiġi applikata għall-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 37 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

Fil-qafas deċiż mill-Kummissjoni dwar l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, l-iskema tar-riżoluzzjoni għandha tistabbilixxi b’mod partikolari:

(a)

l-ammont aggregat li bih l-obbligazzjonijiet eliġibbli jridu jiġu mnaqqsa jew konvertiti, skont il-paragarfu 6;

(b)

l-obbligazzjonijiet li jistgħu jiġu esklużi skont il-paragrafi mill-5 sat-13;

(c)

l-objettivi u l-kontenut minimu tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tal-operat li għandhom jiġu ppreżentati skont il-paragrafu 16.

2.   ▐

Jekk il-kundizzjoni għall-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna li għandha tiġi applikata biex tiġi rikapitalizzata entità stipulata fl-Artikolu 37(3) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] ma tkunx issodisfata, għandhom japplikaw kwalunkwe għodda tar-riżoluzzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragarfu 2 tal-Artikolu 19, u l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 2 tal-Artkolu 19, kif xieraq.

3.   L-obbligazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 38(2) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] ma għandhomx ikunu soġġetti għal tniżżil fil-valur u konverżjoni. ▐

5.    L-esklużjoni, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ta' ċerti obbligazzjonijiet ▐ mill-applikazzjoni tas-setgħat tat-tnaqqis fil-valur u l-konverżjoni tista' sseħħ b'konformità mal-Artikolu 38(2a) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

Fejn tiġi eskluża obbligazzjoni eliġibbli jew klassi ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli, għal kollox jew parzjalment, il-livell ta’ tniżżil fil-valur jew konverżjoni applikat fuq obbligazzjonijiet eliġibbli oħra jista’ jiżdied sabiex iqis dawn l-esklużjonijiet, sakemm il-livell ta’ tniżżil fil-valur u konverżjoni applikat fuq obbligazzjonijiet eliġibbli oħra jirrispetta l-prinċipju li l-ebda kreditur ma jġarrab telf akbar milli kien iġarrab li kieku l-entità msemmija fl-Artikolu 2 ġiet stralċata skont proċeduri normali ta' insolvenza .

6.   Fejn obbligazzjoni eliġibbli jew klassi ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli jiġu esklużi għal kollox jew parzjalment, skont il-paragrafu 5, u t-telf li kien jiġġarrab minn dawk l-obbligazzjonijiet ma jkunx għadda kollu fuq kredituri oħrajn, tista’ ssir kontribuzzjoni mill-Fond lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 38 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] u b'konformità miegħu

8.   Il-kontribuzzjoni tal-Fond tista' tiġi ffinanzjata permezz ta’:

(a)

l-ammont disponibbli għall-Fond li nġabar permezz tal-kontribuzzjonijiet minn entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 skont l-Artikolu 66;

(b)

l-ammont li jista’ jinġabar permezz ta’ kontribuzzjonijiet ex post skont l-Artikolu 67 fi żmien perjodu ta’ tliet snin; u

(c)

fejn l-ammonti msemmija fil-punti (a) u (b) ma jkunux suffiċjenti, l-ammonti miġbura minn sorsi alternattivi ta’ finanzjament skont l-Artikolu 69 , inkluż fil-qafas tal-faċilità ta' self imsemmija f'dak l-Artikolu .

9.    Fiċ-ċirkustanzi straordinarji previsti fl-Artikolu 38(.) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] , jista’ jinkiseb finanzjament ulterjuri minn sorsi alternattivi ta’ finanzjament b'konformità ma' dak l-Artikolu .

10.   Bħala alternattiva jew flimkien ma', meta l-kundizzjonijiet għal kontribut li jrid isir mill-Fond previst fl-Artikolu 38 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] ikunu ssodisfati, tista’ ssir kontribuzzjoni mir-riżorsi li jkunu nġabru permezz ta’ kontribuzzjonijiet ex ante skont l-Artikolu 66 u li jkunu għadhom ma ntużawx

12.   Meta tittieħed id-deċiżjoni biex jiġu esklużi ċerti obbligazzjonijiet mill-applikazzjoni tas-setgħat ta' tniżżil fil-valur u konverżjoni msemmija fil-paragrafu 5, għandha tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta għall-fatturi imsemmija fl-Artikolu 38 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

13.    Fl-applikazzjoni tal-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna, il-Bord għandu jagħmel valutazzjoni skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

14.   Esklużjonijiet skont il-paragrafu 5 jistgħu jiġu applikati jew biex obbligazzjoni tiġi eskluża għal kollox mit-tniżżil fil-valur jew sabiex ġie limitat it-tniżżil fil-valur applikat għal dik l-obbligazzjoni.

15.   Is-setgħat tat-tniżżil fil-valur u l-konverżjoni għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti ta' prijorità tal-pretensjonijiet stabbilita fl-Artikolu 15.

16.   L-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni għandha tgħaddi minnufih lill-Bord il-pjan tar-riorganizzazzjoni tal-operat li jasallha wara l-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna mill-amministratur maħtur skont l-Artikolu 47(1) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

Fi żmien ġimagħtejn mid-data tas-sottomissjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tal-operat, l-awtorità tar-riżoluzzjoni għandha tipprovdi lill-Bord bil-valutazzjoni tagħha tal-pjan. Fi żmien xahar mid-data tas-sottomissjoni tal-pjan ta' riorganizzazzjoni tal-operat, il-Bord għandu jivvaluta l-probabbilità li l-pjan, jekk jiġi implimentat, jirrestawra l-vijabbiltà fit-tul tal-entità msemmija fl-Artikolu 2. Il-valutazzjoni għandha ssir bi ftehim mal-awtorità kompetenti.

Fejn il-Bord ikun issodisfat li l-pjan se jinkiseb dak l-għan, għandu jippermetti lill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni tapprova l-pjan f’konformità mal-Artikolu 47(5) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek]. Fejn il-Bord ma jkunx issodisfat li l-pjan se jilħaq dak l-objettiv, jagħti struzzjonijiet l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni biex tinnotifika lill-amministratur dwar it-tħassib tiegħu u teħtieġ lill-amministratur jemenda l-pjan b’mod li jindirizza dan it-tħassib skont l-Artikolu 47(6) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek]. Dan għandu jsir bi ftehim mal-awtorità kompetenti.

L-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni għandha tgħaddi lill-Bord il-pjan emendat. Il-Bord jagħti struzzjonijiet lill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni biex tinnotifika lill-amministratur fi żmien ġimgħa dwar jekk huwiex issodisfat li l-pjan, kif emendat, jindirizza t-tħassib innotifikat jew jekk hux meħtieġ aktar emendar.

Artikolu 25

Monitoraġġ mill-Bord

1.   Il-Bord jimmonitorja mill-qrib l-eżekuzzjoni tal-iskema tar-riżoluzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni. Għal dak l-iskop l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom:

(a)

jikkooperaw ma’ u jassistu lill-Bord fit-twettiq tad-dmir tiegħu ta’ monitoraġġ;

(b)

jipprovdu, f’intervalli regolari stabbiliti mill-Bord, informazzjoni preċiża, affidabbli u sħiħa dwar l-eżekuzzjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni, l-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat tar-riżoluzzjoni, li jistgħu jintalbu mill-Bord, inkluż dwar dan li ġej:

(i)

is-sitwazzjoni operazzjonali u finanzjarja tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, l-istituzzjoni tranżitorja u l-vettura tal-immaniġġar tal-assi;

(ii)

it-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri kienu jirċievu li kieku saret likwidazzjoni tal-istituzzjoni bi proċedimenti normali ta’ insolvenza;

(iii)

kwalunkwe proċedimenti fil-qorti fis-seħħ relatati mal-likwidazzjoni tal-assi tal-istituzzjoni li falliet, kontestazzjonijiet għad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni u għall-valwazzjoni jew marbuta mal-applikazzjonijiet għal kumpens ippreżentati mill-azzjonisti jew il-kredituri;

(iv)

il-ħatra, it-tneħħija jew is-sostituzzjoni ta’ evalwaturi, amministraturi, kontabilisti, avukati u professjonisti oħra li tista’ tkun meħtieġa b'assistenza għall-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni, u minħabba l-qadi ta’ dmirijiethom;

(v)

kwalunkwe kwistjoni oħra li tista' tissemma mill-Bord;

(vi)

il-punt sa fejn u l-mod li bih is-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni elenkati fil-Kapitolu V  tat-Titolu IV tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] huma eżerċitati minnhom;

(vii)

il-vijabbiltà ekonomika, il-fattibilità, u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tal-operat previst fl-Artikolu 24(16).

L-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni għandhom jissottomettu għand il-Bord rapport finali dwar l-eżekuzzjoni tal-iskema tar-riżoluzzjoni.

2.   Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta, il-Bord jista’ jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni dwar kwalunkwe aspett tal-eżekuzzjoni tal-iskema tar-riżoluzzjoni, u b’mod partikolari l-elementi msemmija fl-Artikolu 20 u biex jeżerċitaw is-setgħat tar-riżoluzzjoni.

3.   Fejn ikun meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi tar-riżoluzzjoni, il-Kummissjoni, wara rakkomandazzjoni tal-Bord▐, tista’ tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha dwar il-qafas tar-riżoluzzjoni u tadotta l-emendi xierqa.

Artikolu 26

Implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tar-riżoluzzjoni

1.   L-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni għandhom jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jimplimentaw id-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 16(8), b’mod partikolari billi jeżerċitaw kontroll fuq l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2, billi jieħdu l-miżuri meħtieġa skont l-Artikolu 64 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] u billi jiżguraw li s-salvagwardji previsti f'dik id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] jiġu rrispettati. L-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni għandhom jimplimentaw id-deċiżjonijiet kollha indirizzati lilhom mill-Bord.

Għal dawn l-għanijiet, b'suġġett għal dan ir-Regolament, għandhom jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni għandhom jinformaw bis-sħiħ lill-Bord dwar l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat. Kwalunkwe azzjoni li jieħdu għandha tikkonforma mad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 16(8).

2.   Meta awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni ma tkunx applikat deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 16, jew applikata b’tali mod li tonqos milli tikseb l-objettivi tar-riżoluzzjoni skont dan ir-Regolament, il-Bord ikollu s-setgħa jordna direttament lil istituzzjoni taħt riżoluzzjoni biex :

(a)

▐ tittrasferixxi għand persuna ġuridika oħra drittijiet, assi jew obbligazzjonijiet speċifikati ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni;

(b)

▐ jeħtieġ il-konverżjoni ta’ kwalunkwe strument ta’ dejn li jkun fih terminu kuntrattwali għall-konverżjoni fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 18;

Il-Bord għandu jkollu wkoll is-setgħa li jeżerċita direttament kwalunkwe setgħa prevista fid-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

3.   L-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni għandha tikkonforma ma’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda msemmija fil-paragrafu 2. Id-deċiżjonijiet adottati għandhom jipprevalu fuq kwalunkwe deċiżjoni preċedenti adottata mill-awtoritajiet nazzjonali fl-istess kwistjoni.

4.   Meta tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma soġġetti għal deċiżjoni li ttieħdet skont il-paragrafu 2, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jikkonformaw ma’ dik id-deċiżjoni.

Kapitolu 4

Kooperazzjoni

Artikolu 27

Obbligu ta' kooperazzjoni

1.   Il-Bord jinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe azzjoni li jieħu sabiex iħejji għal riżoluzzjoni. Fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni li tasal mingħand il-Bord, il-membri tal-Kummissjoni u l-persunal tal-Kummissjoni jkunu soġġetti għar-rekwiżit tas-sigriet professjonali stipulat fl-Artikolu 79.

2.   Fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament, il-Bord, il-Kummissjoni, ▐ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib b'mod partikolari fl-ippjanar tar-riżoluzzjoni, l-intervent bikri u l-fażijiet tar-riżoluzzjoni skont l-Artikoli 7 sa 26 . Huma għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

4.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, meta l-BĊE jistieden lid-Direttur Eżekuttiv tal-Bord biex jipparteċipa bħala osservatur fil-Bord ta' Superviżjoni tal-BĊE stabbilit skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bord jista' jaħtar rappreżentant ieħor biex jipparteċipa .

5.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-Bord jappunta rappreżentant li għandu jipparteċipa fil-Kumitat tar-Riżoluzzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea stabbilit skont l-Artikolu 113 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

6.   Il-Bord għandu jikkoopera mill-qrib mal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), mal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) u kwalunkwe entità Ewropea simili fil-futur , partikolarment meta l-EFSF , ▐ il-MES jew kwalunkwe entità Ewropea simili fil-futur ikunu taw jew x’aktarx se jagħtu għotja, għajnuna finanzjarja diretta jew indiretta lil entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti, partikolarment f’dawk iċ-ċirkostanzi straordinarji msemmija fl-Artikolu 24(9).

7.   Il-Bord u l-BĊE jinkonkludu memorandum ta' qbil li jiddeskrivi t-termini ġenerali ta' kif se jikkooperaw skont il-paragrafu 2. Il-memorandum jiġi rieżaminat fuq bażi regolari u jiġi ppubblikat soġġett għat-trattament xieraq tal-informazzjoni kunfidenzjali.

7a.     Il-Bord u l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni tal-Istati Membri mhux parteċipanti għandhom jikkonkludu memoranda ta’ qbil li jiddeskrivu f’termini ġenerali kif se jikkooperaw ma’ xulxin fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu l-Bord għandu jikkonkludi memorandum ta' qbil mal-awtorità ta' riżoluzzjoni ta' kull Stat Membru mhux parteċipanti li jkun jospita mill-inqas istituzzjoni globali sistemikament importanti waħda, identifikata bħala tali skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE.

Kull memorandum għandu jiġi rieżaminat fuq bażi regolari u jiġi ppubblikat soġġett għat-trattament xieraq tal-informazzjoni kunfidenzjali.

Artikolu 28

Skambju ta' informazzjoni fil-MUR

1.   Kemm il-Bord kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jkunu soġġetti għal dmir li jikkooperaw in bona fede u għal obbligu ta' skambju ta' informazzjoni.

2.   Il-Bord jipprovdi lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti biex taqdi l-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament u, fejn applikabbli l-Artikolu 107 TFUE.

Artikolu 29

Kooperazzjoni fil-MUR u t-trattament ta' grupp

Il-paragrafi 4, 5, 6 u 15 tal-Artikolu 12 l-Artikoli 80 sa 83 fi-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] ma japplikawx għar-relazzjonijiet bejn awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti. Minflok japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 30

Kooperazzjoni mal-Istati Membri mhux parteċipanti

Fejn grupp jinkludi entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti kif ukoll fi Stati Membri mhux parteċipanti, mingħajr preġudizzju għal ▐ dan ir-Regolament, il-Bord jirrappreżenta l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti, għall-iskopijiet ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri mhux parteċipanti skont l-Artikoli 7, 8, 11, 12, 15, 50, u 80 sa 83 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

Artikolu 31

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi

Il-Kummissjoni u l-Bord fir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom ikunu esklużivament responsabbli biex jikkonkludi, f'isem l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti, l-arranġamenti mhux vinkolanti ta' kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 88(4) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] u għandhom jinnotifikahom skont il-paragrafu 6 ta' dak l-Artikolu.

Kapitolu 5

Setgħat ta' investigazzjoni

Artikolu 32

Talbiet għall-informazzjoni

1.   Għall-finijiet tal-eżerċitar tal-kompiti msemmija f'dan ir-Regolament , il-Bord jista’, direttament jew permezz tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, billi jagħmel użu sħiħ mill-informazzjoni kollha disponibbli għall-BĊE jew għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jitlob lil persuni ġuridiċi jew fiżiċi li ġejjin biex jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex iwettaq il-kompiti konferiti lilu minn dan ir-Regolament:

(a)

l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2;

(b)

l-impjegati tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2;

(c)

partijiet terzi li l-entitajiet msemmija fl-Artikolu 2 ikunu esternalizzawlhom funzjonijiet jew attivitajiet.

2.   L-entitajiet ▐ u  l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba skont il-paragrafu 1. Is-sigriet professjonali ma għandux jeżenta lil dawk l-entitajiet u l-persuni mid-dover li jipprovdu dik l-informazzjoni. L-għoti tal-informazzjoni mitluba ma għandux jitqies bħala ksur tas-sigriet professjonali.

3.   Fejn il-Bord jikseb informazzjoni direttament mingħand dawk l-entitajiet u l-persuni, iqiegħed dik l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni konċernati.

4.   Il-Bord għandu jkun jista' jikseb fuq bażi kontinwa kwalunkwe informazzjoni neċessarja għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari dwar il-kapital, il-likwidità, l-assi u l-obbligazzjonijiet li jikkonċernaw kwalunkwe istituzzjoni soġġetta għas-setgħat tiegħu ta' riżoluzzjoni▐.

5.   Il-Bord, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni jistgħu jfasslu memorandum ta’ ftehim bi proċedura dwar l-iskambju ta’ informazzjoni. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Bord, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni ma għandux jitqies bħala ksur tas-segretezza professjonali.

6.   L-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-BĊE fejn rilevanti, u l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni jikkooperaw mal-Bord sabiex jiġi vverifikat jekk xi informazzjoni jew l-informazzjoni kollha mitluba hijiex diġà disponibbli. Fejn din l-informazzjoni hija disponibbli, l-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-BĊE fejn rilevanti, jew l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni jipprovdu dik l-informazzjoni lill-Bord.

Artikolu 33

Investigazzjonijiet ġenerali

1.   Għall-fini tal-eżerċizzju tal-kompiti msemmija f'dan ir-Regolament , u suġġett għal kwalunkwe kundizzjoni oħra stipulata fil-liġi rilevanti tal-Unjoni, il-Bord jista’ jwettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa dwar kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 32(1) stabbilita jew li tinsab fi Stat Membru parteċipanti.

Għal dak il-għan, il-Bord ikollu d-dritt li:

(a)

jeżiġi s-sottomissjoni ta’ dokumenti;

(b)

jeżamina l-kotba u r-reġistri tal-persuni msemmija fl-Artikolu 32(1) u jieħu kopji jew estrazzjonijiet mit-tali kotba u reġistri;

(c)

jikseb spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali minn kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 32(1) jew mir-rappreżentanti jew il-persunal tagħhom;

(d)

jintervista lil kwalunkwe persuna oħra li tagħti l-kunsens li tiġi intervistata għall-iskop li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta' investigazzjoni.

2.   Il-persuni msemmijin fl-Artikolu 32(1) għandhom ikunu soġġetti għall-investigazzjonijiet imnedija abbażi ta' deċiżjoni tal-Bord.

Meta persuna tfixkel it-twettiq tal-investigazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni tal-Istat Membru parteċipanti fejn ikunu jinsabu l-uffiċċji rilevanti għandhom joffru, f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-assistenza neċessarja inkluż l-iffaċilitar għall-aċċess mill-Bord fil-bini minfejn joperaw il-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 32(1), ħalli b'hekk id-drittijiet msemmija qabek ikunu jistgħu jiġu eżerċitati.

Artikolu 34

Spezzjonijiet fuq il-post

1.   Għall-fini tal-eżerċizzju tal-kompiti msemmija f'dan ir-Regolament , u soġġett għal kundizzjonijiet oħra stipulati fil-liġi rilevanti tal-Unjoni, il-Bord jista’, soġġett għal notifika minn qabel lill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti konċernati, iwettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fuq il-post fil-bini tal-operat tal-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 32(1). Barra minn hekk, qabel ma jeżerċita s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 11, il-Bord għandu jikkonsulta mal-awtorità kompetenti. Meta t-twettiq u l-effiċjenza xierqa tal-ispezzjonijiet ikunu jeħtieġu hekk, il-Bord jista’ jwettaq spezzjonijiet fuq il-post mingħajr avviż minn qabel lil dawk il-persuni ġuridiċi.

2.   L-uffiċjali tal-Bord u persuni oħra awtorizzati minnu biex iwettqu spezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini u art tal-persuni ġuridiċi soġġetti għal deċiżjoni ta’ investigazzjoni adottata mill-Bord skont l-Artikolu 33(2) u għandu jkollhom is-setgħat kollha stipulati fl-Artikolu 33(1) .

3.   Il-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 32(1) għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet fuq il-post abbażi ta' deċiżjoni tal-Bord.

4.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati jew maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni tal-Istati Membri fejn se titwettaq l-ispezzjoni għandhom, taħt is-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-Bord, jgħinu attivament lill-uffiċjali u persuni oħra awtorizzati mill-Bord. Għal dak il-għan, huma jgawdu s-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2. Uffiċjali tal-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti konċernat għandu jkollhom ukoll id-dritt li jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet fil-post.

5.   Meta l-uffiċjali tal-BĊE u persuni oħra li jakkumpanjawhom, awtorizzati jew maħtura mill-Bord isibu li persuna topponi xi spezzjoni ordnata skont il-paragrafu 1, l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti konċernat għandhom joffrulhom l-għajnuna meħtieġa skont il-liġi nazzjonali. Sal-limitu meħtieġ għall-ispezzjoni, din l-għajnuna għandha tinkludi l-issiġillar ta’ kwalunkwe post tal-operat u kotba jew reġistri. Fejn dik is-setgħa ma tkunx disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali konċernati, huma għandhom jużaw is-setgħat tagħhom biex jitolbu l-assistenza meħtieġa ta’ awtoritajiet nazzjonali ▐ oħrajn.

Artikolu 35

Awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja

1.   Jekk spezzjoni fuq il-post prevista fl-Artikolu 34(1) u (2) jew l-assistenza prevista fl-Artikolu 34(5) teżiġi awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali, għandha ssir applikazzjoni għat-tali awtorizzazzjoni.

2.   Fejn l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 issir applikazzjoni għaliha, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali, fil-pront u mingħajr dewmien, għandha tikkontrolla li d-deċiżjoni tal-Bord tkun awtentika u li l-miżuri ta’ koerċizzjoni maħsuba la huma arbitrarji u lanqas eċċessivi fid-dawl tas-suġġett inkwistjoni tal-ispezzjoni. Fil-kontroll tagħha tal-proporzjonalità tal-miżuri ta' koerċizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' titlob lill-Bord għal spjegazzjonijiet dettaljati, partikolarment fir-rigward ta' raġunijiet li l-Bord għandu biex jissuspetta li sar ksur tal-atti msemmija fl-Artikolu 26 u s-serjetà ta' ksur issuspettat u n-natura tal-involviment tal-persuni suġġetti għall-miżuri ta' koerċizzjoni. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali mhux se tanalizza n-neċessità għall-ispezzjoni jew titlob li tkun provduta bl-informazzjoni fil-faxxikolu tal-Bord. Il-leġalità tad-deċiżjoni tal-Bord tkun suġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss.

Kapitolu 6

Penalitajiet

Artikolu 36

Is-setgħa li jimponi penalitajiet amministrattivi

1.   Fejn il-Bord isib li xi entità msemmija fl-Artikolu 2 b’mod intenzjonali jew b’negliġenza wettqet wieħed mit-tipi ta’ ksur imsemmija fil-paragrafu 2, il-Bord jagħti struzzjonijiet lill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni kkonċernata biex timponi penali amministrattiva fir-rigward tal-entità rilevanti msemmija fl-Artikolu 2 skont id-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

Ksur minn tali entità jkun ikkunsidrat li sar intenzjonalment jew hemm fatturi oġġettivi li juru li l-entità jew il-maniġment anzjan tagħha aġixxew deliberatament biex iwettqu l-ksur.

2.    Il-penalitajiet amministrattivi jistgħu jkunu imposti fuq entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 għall-ksur segwenti:

(a)

Fejn ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 32;

(b)

Fejn ma jaċċettawx li jkunu suġġetti għal-investigazzjoni ġeneralli skont l-Artikolu 33 jew spezzjoni fil-post skont l-Artikolu 34 ;

(c)

Fejn ma jikkontribwixxux għall-Fond skont l-Artikoli 66 jew 67;

(d)

Fejn ma jikkonformawx mad-deċiżjoni indirizzata lilhom mill-Bord skont l-Artikolu 26.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jippubblikaw kwalunkwe penalitajiet amministrattivi imposti skont il-paragrafu 1. Fejn il-pubblikazzjoni tkun tikkawża ħsara sproporzjonata għall-partijiet involuti, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jippubblikaw il-penali mingħajr ma jiżvelaw l-identità tal-partijiet.

4.   Bil-ħsieb li jiġu stabbiliti prattiċi ta’ infurzar konsistenti, effiċjenti u effikaċi u biex jiżgura l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti ta’ dan ir-Regolament, il-Bord joħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni ta’ penalitajiet amministrattivi u ta’ pagamenti perjodiċi ta' penali indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 37

Pagamenti perjodiċi ta' penali

1.   Il-Bord jagħti struzzjonijiet lill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni kkonċernata biex jimponi l-pagamenti perjodiċi ta’ penali fir-rigward tal-entità rilevanti msemmija fl-Artikolu 2▐ sabiex iġġiegħel lil:

(a)

entità msemmija fl-Artikolu 2 tikkonforma ma' deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 32;

(b)

persuna msemmija fl-Artikolu 32(1) biex tipprovdi informazzjoni li kienet meħtieġa minn deċiżjoni skont dak l-Artikolu;

(c)

lil persuna msemmija fl-Artikolu 33(1) tissottometti ruħha għal investigazzjoni u b’mod partikolari tipproduċi reġistri, dejta, proċeduri jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ b’mod komplut u ttemm u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija b’deċiżjoni meħuda skont dak l-Artikolu;

(d)

persuna msemmija fl-Artikolu 34(1) biex taċċetta li ssirilha spezzjoni fuq il-post ordnata minn deċiżjoni skont dak l-Artikolu;

2.   Pagament perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-pagament perjodiku tal-penali jkun impost fuq bażi ta' kuljum sakemm l-entità msemmija fl-Artikolu 2 jew persuna kkonċernata tikkonforma mad-deċiżjonijiet relevanti msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 1.

3.   Pagament perjodiku ta' penali jista' jkun impost għal perjodu ta' mhux iktar minn sitt xhur.

PARTI III

QAFAS ISTITUZZJONALI

TITOLU I

IL-BORD

Artikolu 38

Status ġuridiku

1.   Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni huwa b'dan stabbilit. Il-Bord ikun Aġenzija tal-Unjoni Ewropea bi struttura speċifika li tikkorrispondi mal-kompiti tiegħu. Huwa jkollu personalità ġuridika.

2.   F'kull Stat Membru l-Bord igawdi mill-iktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lill-persuni ġuridiċi skont il-liġi nazzjonali. Il-Bord jista', partikolarment, jikseb jew jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jkun parti għall-proċedimenti legali.

3.   Il-Bord ikun rappreżentat mid-Direttur Eżekuttiv tiegħu.

Artikolu 39

Kompożizzjoni

1.   Il-Bord ikun kompost minn:

(a)

id-Direttur Eżekuttiv , bi drittijiet tal-vot ;

(b)

il-Viċi Direttur Eżekuttiv , bi drittijiet tal-vot ;

(c)

membru maħtur mill-Kummissjoni , bi drittijiet tal-vot ;

(d)

membru maħtur mill-BĊE , bi drittijiet tal-vot ;

(e)

membru maħtur minn kull Stat Membru parteċipati, li jirrappreżenta l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni , bi drittijiet tal-vot skont l-Artikoli 48 u 51 .

(ea)

membru maħtur mill-EBA, li jipparteċipa bħala osservatur, mingħajr drittijiet tal-vot.

2.   It-terminu ta' uffiċċju tad-Direttur Eżekuttiv, il-Viċi Direttur Eżekuttiv u tal-membri tal-Bord maħtura mill-Kummissjoni u l-BĊE ikun ta' ħames snin. Suġġett għall-Artikolu 52(6) , dak it-terminu ma jkunx jiġġedded.

3.   L-istruttura amministrattiva u maniġerjali tal-Bord tkun magħmula minn:

(a)

sessjoni plenarja tal-Bord, li teżerċita l-kompiti stipulati fl-Artikolu 46 ;

(b)

sessjoni eżekuttiva tal-Bord, li teżerċitaà l-kompiti stipulati fl-Artikolu 50 ;

(c)

Direttur Eżekuttiv, li jeżerċita l-kompiti stipulati fl-Artikolu 52.

Artikolu 40

Konformità mal-liġi tal-Unjoni

Il-Bord jaġixxi f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, partikolarment mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

Artikolu 41

Obbligu ta' rendikont

1.   Il-Bord ikun responsabbli lejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, skont il-paragrafi mit-2 sat-8.

2.   Kull sena l-Bord jippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, rapport dwar l-eżekuzzjoni tal-kompiti kkonferit lilu b’dan ir-Regolament. Suġġett għar-rekwiżiti dwar is-segretezza professjonali, dak ir-rapport għandu jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-Bord.

3.   Id-Direttur Eżekutti jippreżenta dan ir-rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, id-Direttur Eżekuttiv jieħu sehem f’seduta ta’ smigħ dwar l-eżekuzzjoni tal-kompiti ta' riżoluzzjoni tiegħu mill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew. Għandha ssir seduta ta’ smigħ mhux inqas minn darba fis-sena.

4a.     Fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, il-Viċi Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem f’seduta ta’ smigħ dwar l-eżekuzzjoni tal-kompiti ta’ riżoluzzjoni tiegħu mill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv jista’, fuq talba tal-Kunsill, jinstemà mill-Kunsill fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-kompiti ta' riżoluzzjoni tiegħu.

6.   Il-Bord għandu jwieġeb bil-fomm jew bil-miktub għall-mistoqsijiet indirizzati lilu mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, skont il-proċeduri tiegħu mill-iktar fis possibbli, u fi kwalunkwe każ fi żmien ħames ġimgħat mit-trażmissjoni .

7.    Fuq talba, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkollu diskussjonijiet kunfidenzjali bil-fomm fil-magħluq mal-President u l-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew fejn tali diskussjonijiet huma meħtieġa għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-Parlament Ewropew skont it-Trattat. Għandu jiġi konkluż ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Bord dwar il-modalitajiet dettaljati tal-organizzazzjoni ta’ tali diskussjonijiet, bil-ħsieb li tiġi żgurata kunfidenzjalità sħiħa skont l-obbligi tal-kunfidenzjalità imposti b'dan ir-Regolament u bl-Artikolu 76 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] fuq il-Bord, li jaġixxi bħala awtorità ta' riżoluzzjoni nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament.

8.   Matul kwalunkwe investigazzjoni mill-Parlament, il-Bord jikkoopera mal-Parlament, suġġett għat-TFUE. Sal-1 ta' Marzu 2015, il-Bord u l-Parlament Ewropew għandhom jikkonkludu arranġamenti xierqa dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju tal-obbligu ta' rendikont u ta’ sorveljanza demokratiċi fuq it-twettiq tal-kompiti konferiti fuq il-Bord minn dan ir-Regolament. Dawk l-arranġamenti jkopru, inter alia, aċċess għall-informazzjoni, kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet u informazzjoni dwar il-proċedura ta’ għażla tad-Direttur Eżekuttiv u tal-Viċi Direttur Eżekuttiv . Dawk l-arranġamenti għandu jkollhom kamp ta' applikazzjoni simili għall-Ftehim Intersitituzzjonali (FII) bejn il-Parlament Ewropew u l-BĊE konkluż skont l-Artikolu 20(9) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Dawk l-arranġamenti għandhom jinkludu ftehim bejn il-Bord u l-Parlament Ewropew dwar il-prinċipji u l-proċeduri għall-klassifikazzjoni, it-trażmissjoni lill-Parlament u d-dewmien tad-divulgazzjoni pubblika ta' informazzjoni kunfidenzjali għajr dawk koperti mill-FII konklużi b'konformità mal-Artikolu 20(9) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Artikolu 42

Parlamenti nazzjonali

-1.     Meta jippreżenta r-rapport previst fl-Artikolu 41(2), il-Bord għandu simultanjament jgħaddi dak ir-rapport direttament lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti.

Il-Parlamenti nazzjonali jistgħu jindirizzaw lill-Bord l-osservazzjonijiet motivati tagħhom dwar dak ir-rapport.

1.   Minħabba l-kompiti speċifiċi tal-Bord, il-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti, jistgħu, permezz tal-proċeduri tagħhom stess, jiotlbu lill-Bord li jwieġeb bil-miktub għal kwalunkwe kummenti jew mistoqsijiet magħmula minnhom lill-Bord fir-rigward tal-funzjonijiet tal-Bord skont dan ir-Regolament.

2.   Il-Parlament nazzjonali ta’ Stat Membru parteċipanti jista’ jistieden lid-Direttur Eżekuttiv biex jipparteċipa fi skambju ta’ opinjonijiet fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta’ entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 f’dak l-Istat Membru flimkien ma’ rappreżentant tal-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni.

3.   Dan ir-Regolament ikun mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' rendikont li l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom lejn il-parlamenti nazzjonali skont il-liġi nazzjonali għat-twettiq tal-kompiti kollha li mhumiex konferiti lill-Bord jew lill-Kummissjoni permezz ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 43

Indipendenza

1.   Meta jwettqu l-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku.

2.   Il-membri tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 39(2) jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi u la jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, jew minn xi Gvern ta’ Stat Membru jew minn xi entità pubblika jew privata oħra.

Artikolu 43a

Prinċipji ġenerali applikabbli għall-Bord

Il-Bord għandu jkun suġġett għall-prinċipji li ġejjin:

(a)

għandu jaġixxi b'mod indipendenti, skont l-Artikolu 43;

(b)

il-membri tiegħu għandu jkolhom il-kompetenza neċessarja dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza tal-banek;

(c)

għandu jkollu l-kapaċità li jittratta gruppi bankarji kbar;

(d)

għandu jkollu l-kapaċità li jaġixxi b'rapidità u b'imparzjalità;

(e)

għandu jiżgura li jitqiesu b’mod xieraq l-istabbiltà finanzjarja nazzjonali u l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u s-Suq Intern; u

(f)

għandu jagħti rendikont lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 41.

Artikolu 44

Sede

Il-Bord ikollu s-sede tiegħu fi Brussell, il-Belġju.

TITOLU II

SESSJONI PLENARJA TAL-BORD

Artikolu 45

Parteċipazzjoni f'sessjonijiet plenarji

Il-Membri kollha tal-Bord jieħdu sehem fis-sessjonijiet plenarji tiegħu.

Artikolu 46

Kompiti

1.   Fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Bord:

(a)

jadotta, sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-programm ta’ ħidma annwali tal-Bord għas-sena suċċessiva▐, abbażi ta’ abbozz ippreżentat mid-Direttur Eżekuttiv u jittrażmettih għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-BĊE; li l-implimentazzjoni tiegħu għandha tiġi mmonitorjata u kkontrollata mil-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu;

(b)

jadotta , jimmonitorja u jikkontrolla l-baġit annwali tal-Bord skont l-Artikolu 58(2) ;

(ba)

joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozz tar-rapport tad-Direttur Eżekuttiv imsemmi fl-Artikolu 52(2)(g);

(c)

jiddeċiedi dwar is-self volontarju bejn arranġamenti ta’ finanzjament skont l-Artikolu 68, il-mutwalizzazzjoni tal-arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament skont l-Artikolu 72 u fuq it-tislif lil skema ta’ garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 73(4) ;

(d)

jadotta r-rapport annwali ta’ attività dwar l-attivitajiet tal-Bord imsemmi fl-Artikolu 41, li għandu jippreżenta spjegazzjonijiet dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-baġit;

(e)

jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Bord f’konformità mal-Artikolu 61;

(f)

jadotta strateġija kontra l-frodi, proporzjonata mar-riskji ta’ frodi, filwaqt li jqis il-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri li għandhom ikunu implimentati;

(g)

jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri tiegħu;

(h)

jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu;

(i)

f'konformità mal-paragrafu 2, jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Bord, is-setgħat mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra lill-Awtorità bis-Setgħa Tikkonkludi Kuntratti ta’ Impjieg (“setgħat tal-awtorità li taħtar”);

(j)

jadotta regoli ta' implimentazzjoni xierqa biex jimplimenta r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(k)

jaħtar Uffiċjal tal-Kontijiet, soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Uffiċjali oħra, li għandu jkun funzjonalment indipendenti fit-twettiq ta' dmirijietu;

(l)

jiżgura segwitu xieraq tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet tal-awditjar interni jew esterni, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF);

(m)

jieħu d-deċiżjoni kollha dwar il-ħolqien tal-istrutturi interni tal-Bord u fejn meħtieġ, il-modifiki tagħhom.

2.   Fis-sessjoni plenarja, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Bord jadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra, li tiddelega s-setgħat rilevanti ta' awtorità li taħtar lid-Direttur Eżekuttiv u li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet skont liema dawn il-delegi ta' setgħat jistgħu jiġu sospiżi. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat li jissottodelega dawn is-setgħat.

Fejn ikun meħtieġ minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Bord, permezz ta’ deċiżjoni, jista’ temporanjament jissospendi d-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u dawk sottodelegati mid-Direttur Eżekuttiv u jeżerċitahom huwa stess jew jiddelega dawk is-setgħat lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal li mhuwiex id-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 47

Laqgħa tas-sessjoni plenarja tal-Bord

1.   Id-Direttur Eżekuttiv jorganizza laqgħat tas-sessjoni plenarja tal-Bord.

2.   Fis-sessjoni plenarja tiegħu l-Bord ikollu mill-inqas żewġ laqgħat ordinarji fis-sena. Barra minn hekk, huwa jiltaqa' b'inizjattiva tal-President, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta' mill-inqas terz tal-membri tiegħu.

3.   Fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Bord jista’ jistieden osservaturi biex jattendu għall-laqgħat tiegħu fuq bażi ad hoc. B'mmod partikolari, fuq talba, il-Bord jista' jistieden rappreżentant tal-MES biex jipparteċipa bħala osservatur.

4.   Il-Bord jipprovdi s-segretarjat għas-sessjoni plenarja tal-Bord.

Artikolu 48

Proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet

1.   Fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Bord jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu msemmija fl-Artikolu 39(1)(a) sa (e) . Madankollu, id-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt (c)  tal-Artikolu 46(1) jittieħdu b'maġġoranza ta’ żewġ terzi ta' dawk il-membri .

2.   Id-Direttur Eżekuttiv jieħu sehem fil-votazzjoni.

3.   Il-Bord jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċedura tiegħu. Ir-regoli ta' proċedura jistabbilixxu arranġamenti ta' votazzjoni aktar dettaljati b'mod partikolari ċ-ċirkustanzi li fihom membru jista' jaġixxi f'isem membru ieħor u inkluż, fejn xieraq, ir-regoli rigward il-kworum.

TITOLU III

SESSJONI EŻEKUTTIVA TAL-BORD

Artikolu 49

Parteċipazzjoni f'sessjonijiet eżekuttivi

1.   ▐ Il-membri tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 39(1)(a) sa (d) għandhom jipparteċipaw f’sessjonijiet eżekuttivi tal-Bord.

2.   Meta jiddeliberaw dwar entità msemmija fl-Artikolu 2 jew grupp ta’ entitajiet stabbiliti biss fi Stat Membru parteċipanti wieħed, il-membru maħtur minn dak l-Istat Membru jipparteċipaw ukoll fid-deliberazzjonijiet u fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’konformità mal-Artikolu 52(1) .

3.   Meta jiddeliberaw dwar grupp transfruntiera l-membru maħtur mill-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, kif ukoll il-membri maħtura mill-Istati Membri li fih l-entità jew is-sussidjarja koperta mis-superviżjoni konsolidata tkun stabbilita, jipparteċipaw ukoll fid-deliberazzjonijiet u fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet skont l-Artikolu 51(2) .

3a.     Il-membri tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 39(1)(a) sa (d) għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-Fond, fil-formazzjonijiet differenti kollha tas-sessjonijiet eżekuttivi tal-Bord ikunu koerenti, xierqa u proporzjonati.

Artikolu 50

Kompiti

1.   Il-Bord, fis-sessjoni plenarja tiegħu, ikun assistit minn sessjoni eżekuttiva tal-Bord.

2.   Il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu:

(a)

iħejji d-deċiżjonijiet kollha li għandhom ikunu adottati mill-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu;

(b)

jieħu d-deċiżjonijiet kollha biex ikun implimentat dan ir-Regolament.

2a.   Il-kompiti tal-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, kif imsemmi fil-paragrafu 2, għandhom jinkludu:

(-i)

li jipprepara, jivvaluta u japprova pjanijiet ta' riżoluzzjoni skont l-Artikoli 7 sa 9;

(-ia)

li jiddetermina r-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli li l-istituzzjonijiet u l-impriżi prinċipali jeħtieġ li jżommu skont l-Artikolu 10;

(i)

li jipprovdi lill-Kummissjoni b’abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 16 akkumpanjat bl-informazzjoni kollha rilevanti, mill-aktar fis possibbli, biex jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa u tieħu deċiżjoni motivata skont l-Artikolu 16(6);

(ii)

li jiddeċiedi fuq il-Parti II tal-baġit fuq il-Fond tal-Bord.

3.   Meta meħtieġ, minħabba l-urġenza, il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu jista’ jieħu ċerti deċiżjonijiet provviżorji f’isem il-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta’ ġestjoni amministrattiva, inklużi kwistjonijiet baġitarji.

4.   Il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jiltaqa’ b’inizjattiva tad-Direttur Eżekuttiv jew fuq talba ta’ kwalunkwe wieħed mill-membri tiegħu.

5.   Il-Bord, fis-sessjoni plenarja tiegħu, jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Bord fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu.

Artikolu 51

Teħid ta’ deċiżjonijiet

1.   Meta jiddeliberaw dwar entità individwali jew ta’ grupp stabbiliti biss fi Stat Membru parteċipanti wieħed, il-Bord ▐ fis-sessjonijiet eżekuttivi tiegħu għandu jirsisti biex jinstab kunsens. Fin-nuqqas ta' kunsens, il-Bord għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri votanti msemmija fl-Artikolu 39(1)(a) to (d) u l-membri parteċipanti msemmija fl-Artikolu 49(2) . Fil-każ ta’ parità d-Direttur Eżekuttiv ikollu l-vot deċiżiv.

2.   Meta jiddeliberaw fuq grupp transfruntiera, il-Bord ▐ fis-sessjonijiet eżekuttivi tiegħu għandu jirsisti biex jinstab kunsens . Fin-nuqqas ta' kunsens, il-Bord għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri votanti msemmija fl-Artikolu 39(1)(a) to (d) u l-membri parteċipanti msemmija fl-Artikolu 49(3) . Il-membri tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 39(1)(a) sa (d) u l-membru maħtur mill-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell ta’ grupp għandu jkollhom vot wieħed kull wieħed. Kull awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni ta' kull Stat Membru parteċipanti li fih tkun stabbilita kumpanija sussidjarja jew entità koperta b’sorveljanza konsolidata għandu jkollha dritt tal-vot daqs frazzjoni ta’ vot wieħed. Fil-każ ta’ parità d-Direttur Eżekuttiv ikollu l-vot deċiżiv.

3.   Il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jadotta u jagħmel pubbliċi r-regoli ta’ proċedura għas-sessjonijiet eżekuttiv tiegħu.

Il-laqgħat tal-Bord fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu jitlaqqgħu mid-Direttur Eżekuttiv bl-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ kwalunkwe wieħed mill-membri tiegħu , u għandhom ikunu ppreseduti mid-Direttur Eżekuttiv. Il-Bord fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu jista’ jistieden osservaturi biex jattendu għall-laqgħat tiegħu fuq bażi ad hoc. B'mod partikolari, fuq talba, il-Bord jista' jistieden rappreżentant tal-MES biex jipparteċipa bħala osservatur.

TITOLU IV

DIRETTUR EŻEKUTTIV U VIĊI DIRETTUR EŻEKUTTIV

Artikolu 52

Ħatra u kompiti

1.   Il-Bord jitmexxa minn Direttur Eżekuttiv full-time li ma jkollu l-ebda kariga fil-livell nazzjonali.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv ikun responsabbli għal:

(a)

jipprepara x-xogħol tal-Bord, fis-sessjonijiet plenarji u eżekuttivi tiegħu, u jlaqqa' u jippresjedi l-laqgħat tiegħu;

(b)

kull kwistjoni tal-persunal;

(c)

il-kwistjonijiet ta' amministrazzjoni ta' kuljum;

(d)

l-implimentazzjoni tal-baġit annwali tal-Bord skont l-Artikolu 58(3);

(e)

il-ġestjoni tal-Bord;

(f)

l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Bord;

(g)

it-tħejjija, kull sena ▐ ta' abbozz ta' rapport b'taqsima dwar l-attivitajiet ta' riżoluzzjoni tal-Bord u taqsima dwar il-kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv ikun assistit minn Viċi Direttur Eżekuttiv.

Il-Viċi-Direttur Eżekuttiv iwettaq il-funzjonijiet tad-Direttur Eżekuttiv fl-assenza tiegħu.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur Eżekuttiv jinħatar fuq il-bażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien dwar kwistjonijiet bankarji u finanzjarji, u tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarji.

Id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur għandhom jintgħażlu abbażi ta' proċedura ta' għażla miftuħa, li għandha tirrispetta l-prinċipju ta' bilanċ bejn is-sessi, u li dwarha għandhom ikunu infurmati debitament il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

5.    Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew b'lista mqassra ta' kandidati għall-karigi ta' Direttur Eżekuttiv u Viċi Direttur Eżekuttiv.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv u tal-Viċi Direttur Eżekuttiv lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni . Wara l-approvazzjoni ta' dik il-proposta, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni biex jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur Eżekuttiv ▐ .

6.   B’deroga mill-Artikolu 39(2) , it-terminu tal-kariga tal-ewwel Viċi Direttur Eżekuttiv maħtur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament ikun ta’ tliet snin; dan it-terminu jista’ jiġġedded għal darba waħda għal perjodu ta’ ħames snin. Id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur Eżekuttiv jibqgħu fil-kariga sakemm jinħatru s-suċċessuri tagħhom.

7.   ▐ Viċi Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma għandux jipparteċipa fi proċedura ta’ għażla oħra għall-istess kariga fi tmiem il-perijodu globali.

8.   Jekk id-Direttur Eżekuttiv jew Viċi Direttur Eżekuttiv ma jkunux għadhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom jew jekk jinsabu ħatja ta’ mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista’, fuq proposta mill-Kummissjoni , approvata mill-Parlament Ewropew , jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni biex ineħħi lid-Direttur Eżekuttiv jew lill-Viċi Direttur Eżekuttiv mill-kariga.

Għal dawk l-iskopijiet, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jinformaw lill-Kummissjoni li jqisu li l-kondizzjonijiet għat-tneħħija tad-Direttur Eżekuttiv jew tal-Viċi Direttur Eżekuttiv mill-kariga huma ssodisfati, u l-Kummissjoni għandha tieħu pożizzjoni.

Artikolu 53

Indipendenza

1.   Id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur Eżekuttiv jeżerċitaw il-kompiti tagħhom f’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Bord.

Meta jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet u l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Bord, id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur Eżekuttiv la jfittxu li jkollhom struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni u lanqas jieħdu tali struzzjonijiet, iżda jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u jivvutaw b’mod indipendenti. F’dawk d-deliberazzjonijiet u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Viċi Direttur Eżekuttiv ma jkunux taħt l-awtorità tad-Direttur Eżekuttiv.

2.   La l-Istati Membri, u lanqas ebda korp pubbliku jew privat ieħor ma għandu jfittex li jinfluwenza lid-Direttur Eżekuttiv jew lill-Viċi Direttur Eżekuttiv fil-qadi ta’ dmirijiethom.

3.   F’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal msemmija fl-Artikolu 78(6), id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur Eżekuttiv, wara li jitlaq mis-servizz, jibqa’ marbut bid-dover tiegħu li jaġixxi b’integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti ħatriet jew benefiċċji.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Kapitolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 54

Riżorsi

Il-Bord għandu jkun responsabbli biex jalloka r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa għall-eżerċitar tal-kompiti konferiti lilu b’dan ir-Regolament.

Artikolu 55

Baġit

1.   L-estimi tad-dħul u n-nefqa kollha tal-Bord jitħejjew għal kull sena finanzjarja, li tikkorrespondi għas-sena kalendarja, u jidhru fil-baġit tal-Bord.

2.   Id-dħul fil-Baġit tal-Bord ikun ibbilanċjat man-nefqa.

3.   Il-baġit jinkludi żewġ partijiet: Parti I għall-amministrazzjoni tal-Bord u l-Parti II għall-Fond.

Artikolu 56

Parti I tal-baġit dwar l-amministrazzjoni tal-Bord

1.   Id-dħul tal-Parti I tal-baġit jikkonsistu fil-kontributi annwali meħtieġa biex tkun koperta n-nefqa amministrattiva annwali stimata skont l-Artikolu 62(1)(a).

2.   In-nefqa tal-Parti I tal-baġit tinkludi, tal-anqas, il-kostijiet tal-persunal, ir-remunerazzjoni, l-amministrazzjoni, l-infrastruttura, it-taħriġ professjonali u l-ispiża operazzjonali.

Artikolu 57

Parti II tal-baġit dwar il-Fond

1.   Id-dħul tal-Parti II tal-baġit jikkonsistu, b’mod partikolari, minn dan li ġej:

(a)

kontribuzzjonijiet imħallsa minn istituzzjonijiet stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti f’konformità mal-Artikolu 62 għajr il-kontribuzzjonijiet annwali msemmija fl-Artikolu 62(1)(a);

(b)

selfiet riċevuti minn arranġamenti ta’ finanzjament ta' riżoluzzjoni oħra fi Stati Membri mhux parteċipanti skont l-Artikolu 68(1);

(c)

self riċevut minn istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra skont l-Artikolu 69 , inkluż fi ħdan il-qafas tal-faċilità ta' self imsemmija f'dak l-Artikolu ;

(d)

redditi fuq l-investimenti tal-ammonti miżmuma fil-Fond skont l-Artikolu 70.

2.   In-nefqa tal-Parti II tal-baġit għandha tikkonsisti minn dan li ġej:

(a)

spejjeż għall-għanijiet indikati fl-Artikolu 71;

(b)

investimenti skont l-Artikolu 70;

(c)

imgħax imħallas fuq selfiet riċevuti minn arranġamenti ta’ finanzjament ta' riżoluzzjoni oħra fi Stati Membri mhux parteċipanti skont l-Artikolu 68(1);

(d)

imgħax imħallas fuq self riċevut minn istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra skont l-Artikolu  69, inkluż fi ħdan il-qafas tal-faċilità ta' self imsemmija f'dak l-Artikolu ;

Artikolu 58

Stabbiliment u implimentazzjoni tal-baġit

1.   Sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena, id-Direttur Eżekuttiv iħejji estimi tad-dħul u n-nefqa tal-bord għas-sena segwenti u jibgħatha lill-Bord, fis-sessjoni plenarja tiegħu, għall-approvazzjoni, mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena.

2.   Il-baġit tal-Bord ikun adottat fis-sessjoni plenarja tal-Bord fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tal-estimi. Fejn ikun hemm bżonn, dan għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ , b'segwitu għall-monitoraġġ u l-kontroll tiegħu mill-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv jimplimenta l-baġit tal-Bord.

Artikolu 59

Awditjar u kontroll

1.   Funzjoni ta' awditjar intern tiġi stabbilita fil-Bord biex tkun implimentata skont l-istandards internazzjonali rilevanti. L-awditur intern, maħtur mill-bord, ikun responsabbli lejh għall-verifika tal-operat xieraq tas-sistemi ta' implimentazzjoni tal-baġit u tal-proċeduri tal-Bord.

2.   L-awditur intern jagħti parir lill-Bord f'każijiet ta' riskju, billi joħroġ opinjonijiet indipendenti dwar il-kwalità tas-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll u billi jagħti rakkomandazzjonijiet għat-titjib fil-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet u l-promozzjoni ta' ġestjoni finanzjarja tajba.

3.   Il-Bord huwa responsabbli sabiex jiddaħħlu fis-seħħ sistemi ta' kontroll intern u proċeduri addattati għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

Artikolu 60

Preżentazzjoni tal-kontijiet u l-kwittanza

1.   Id-Direttur Eżekuttiv jaġixxi bħala uffiċjal awtorizzanti.

2.   Sal-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja segwenti, l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Bord għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji lill-Bord .

3.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena l-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, għandu jittrażmetti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Qorti tal-Awdituri l-kontijiet ▐ provviżorji tal-Bord għas-sena finanzjarja preċedenti.

4.   Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-bord, id-Direttur Eżekuttiv ifassal il-kontijiet finali tal-Bord fir-responsabbiltà tiegħu stess, u jibgħathom lill-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu, għall-approvazzjoni.

5.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju wara kull sena finanzjarja, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Qorti tal-Awdituri.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju .

7.   Il-kontijiet finali jiġu ppubblikati f'Iil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara.

8.   Il-Bord, fis-sessjoni plenarja tiegħu, jagħti r-rilaxx lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit.

9.   Fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, id-Direttur Eżekuttiv jippreżentalu kwalunkwe informazzjoni meħtieġa b’rabta mal-kontijiet tal-Bord.

9a.     Wara l-kunsiderazzjoni tal-kontijiet finali mħejjija mill-Bord skont dan l-Artikolu, il-Qorti tal-Awdituri għandha tħejji rapport dwar is-sejbiet tagħha u għandha tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-1 ta’ Diċembru wara kull sena finanzjarja.

9b.     Il-Qorti tal-Awdituri għandha, b’mod partikolari, tirraporta dwar:

(a)

l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja li bihom ikunu ntużaw il-fondi, inkluż dawk mill-Fond;

(b)

kwalunkwe obbligazzjoni kontinġenti, kemm għall-Bord, għall-Kummissjoni Kummissjoni, kif ukoll mod ieħor, li tinħoloq b'riżultat tat-twettiq mill-Kummissjoni u l-Bord tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 61

Regoli finanzjarji

Wara li jikkonsulta lill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni u lill-Kummissjoni, il-Bord jadotta dispożizzjonijiet finanzjarji interni li jispeċifikaw, partikolarnent, il-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit.

Sa fejn ikun kumpatibbli mal-karatteristiċi partikolari tal-Bord, id-dispożizzjonijiet finanzjarji jkunu ibbażati fuq ir-Regolament Finanzjarju ta’ qafas għal korpi mwaqqfa skont it-TFUE skont l-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill […]. (11)

Artikolu 62

Kontribuzzjonijiet

1.   Entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 jikkontribwixxu għall-baġit tal-Bord skont ir-Regolament u l-atti delegati fuq kontribuzzjonijiet adottati skont il-paragrafu 5. Il-kontribuzzjonijiet ikunu magħmula minn dan li ġej:

(a)

kontribuzzjonijiet annwali meħtieġa biex ikopru nefqa amministrattiva;

(b)

kontribuzzjonijiet ex ante annwali neċessarji biex jilħqu livell immirat ta’ finanzjament tal-Fond speċifikat fl-Artikolu 65, ikkalkulat skont l-Artikolu 66;

(c)

kontribuzzjonijiet straordinarji ex post, ikkalkulati skont l-Artikolu 67.

2.   L-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ikun iffisat f’tali livell li jiżgura li d-dħul fir-rigward tagħhom huwa fil-prinċipju suffiċjenti biex il-baġit tal-Bord jiġi bbilanċjat kull sena u għall-missjonijiet tal-Fond.

3.   Il-Bord jiddetermina, wara li jikkonsulta mal-awtorità kompetenti, f’konformità mal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 5, il-kontribuzzjonijiet dovuti minn kull entità msemmija fl-Artikolu 2 b’deċiżjoni indirizzata lill-entità konċernata. Il-Bord japplika regoli proċedurali, rappurtar u regoli oħra li jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet huma mħallsa b’mod sħiħ u f’waqtu.

4.   l-ammonti miġbura skont il-paragrafi 1, 2, 3 jintużaw biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

5.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 82 biex:

(a)

tiddetermina t-tip ta’ kontribuzzjonijiet u l-kwistjonijiet li għalihom huma dovuti kontribuzzjonijiet, il-mod li bih l-ammont tal-kontribuzzjonijiet huwa kkalkulat, il-mod li bih għandhom jitħallsu;

(b)

tispeċifika r-reġistrazzjoni, il-kontabbiltà, ir-rappurtar u regoli oħra neċessarji msemmija fil-paragrafu 3 biex ikun żgurat li l-kontribuzzjonijiet jitħallsu kollha u fil-ħin;

(c)

tiddetermina s-sistema tal-kontribuzzjonijiet għall-istituzzjonijiet li ġew awtorizzati joperaw wara li l-Fond ikun laħaq il-livell fil-mira tiegħu;

(d)

tiddetermina l-kontribuzzjonijiet annwali neċessarju biex ikopri n-nefqa amministrattiv tal-Bord qabel ma jsir kompletament operazzjonali.

Artikolu 63

Miżuri kontra l-frodi

1.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999, fi żmien sitt xhur mill-jum li l-Bord isir operazzjonali, huwa jaderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-personal kollu tal-Bord bl-użu tal-mudell li jidher fl-Anness ma' dak il-Ftehim.

2.   Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri jkollha s-setgħa ta’ awditjar, fuq il-bażi ta’ dokumenti u ta’ żjarat fuq il-post, fuq il-benefiċjarji, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi ▐ mingħand il-Bord.

3.   OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ kuntratt iffinanzjat mill-Bord skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96.

Kapitolu 2

Il-Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek

TAQSIMA 1

KOSTITUZZJONI TAL-FOND

Artikolu 64

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Il-Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek huwa b'dan stabbilit.

2.   Il-Bord għandu juża l-Fond biss għall-finijiet li jkun żgurat l-implimentazzjoni effiċjenti tal-għodod u s-setgħat ta' riżoluzzjoni ▐ u skont l-objettivi ta' riżoluzzjoni u l-prinċipji li jirregolaw ir-riżoluzzjoni ▐. Il-baġit tal-Unjoni , jew il-baġits nazzjonali tal-Istati Membri, fl-ebda ċirkustanza ma għandhom jinżammu responsabbli għal spejjeż jew telf tal-Fond jew għal kwalunkwe obbligazzjoni tal-Bord .

3.   Is-sid tal-Fond ikun il-Bord.

Artikolu 65

Livell immirat ta' fondi

1.   F'perjodu mhux itwal minn 10 snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-Fond għandhom jilħqu mill-inqas il-perċentwali tal-ammont tad-depożiti tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Mebri parteċipanti li huma ggarantiti skont id-Direttiva [SGD] u b'konformità mal-Artikolu 93(1) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

2.   Matul il-perjodu inizjali ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1, kontribuzzjonijiet lill-Fond kkalkulati skont l-Artikolu 66, u ġġenerati f’konformità mal-Artikolu 62 jitqassmu maż-żmien bl-aktar mod ekwu possibbli sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira sakemm, skont iċ-ċirkustanzi, jistgħu jkunu antiċipati minħabba kundizzjonijiet tas-suq favorevoli jew l-ħtiġijiet ta’ finanzjament.

3.   Il-Bord jista' jestendi l-perjodu inizjali ta' żmien b'massimu ta' erba' snin fil-każ li l-Fond jagħmel żborzi akkumulati ogħla mill-perċentwali previst fl-Artikolu 93(2) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] tal-ammont totali msemmi fil-paragrafu 1.

4.   Jekk, wara l-perjodu inizjali ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1, il-mezzi finanzjarji disponibbli jonqsu taħt il-livell fil-mira speċifikat fil-paragrafu 1, il-kontribuzzjonijiet ikunu kkalkolati skont l-Artikolu 66 għandhom jiżdiedu sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira. Meta l-mezzi finanzjarji disponibbli jammontaw għal anqas minn nofs il-livell fil-mira, il-kontribuzzjonijiet annwali għandhom ikunu stabbiliti skont l-Artikolu 93(3) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

5.   Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelgati skont l-Artikolu 82 biex tispeċifika dan li ġej:

(a)

kriterji biex il-kontribuzzjonijiet għall-Fond ikkalkulati skont il-paragrafu 2 jitqassmu tul iż-żmien;

(b)

ċirkustanzi li fihom il-pagament tal-kontribuzzjonijiet jista’ jiġi avvanzat skont il-paragrafu 2;

(c)

kriterji għad-determinazzjoni tal-għadd ta’ snin li bihom il-perjodu inizjali msemmi fil-paragrafu 1 jista' jkun estiż skont il-paragrafu 3;

(d)

kriterji għall-istabbiliment tal-kontribuzzjonijiet annwali provdut għalihom fil-paragrafu 4.

Artikolu 66

Kontribuzzjonijiet ex ante

1.   Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni jiżdied mill-inqas kull sena u jiġi kkalkolat prorata skont l-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, fir-rigward tat-total tal-obbligazzjonijiet, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti.

Din tkun aġġustata proporzjonalment mal-profil tar-riskju ta’ kull istituzzjoni, skont il-kriterji speċifikati fl-atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 94(7) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

2.   Il-mezzi finanzjarji disponibbli li għandhom jitqiesu biex jintlaħaq il-livell ta’ finanzjament fil-mira speċifikat fl-Artikolu 65 jistgħu jinkludu flus kontanti, ekwivalenti ta’ flus kontanti, assi eliġibbli bħala assi likwidi ta’ kwalità għolja taħt il-proporzjon ta’ kopertura tal-likwidità jew impenji ta’ pagamenti li huma kompletament sostnuti b’kollateral ta’ assi b’riskju baxx mhux ostakolati b’xi drittijiet ta’ parti terza, għad-dispożizzjoni ħielsa u allokati għall-użu esklużiv tal-Bord għall-finijiet speċifikati fl-Artikolu 71(1). Is-sehem ta’ dawn l-impenji irrevokabbli ta’ pagament ma għandux jaqbeż il-perċentwali previst fl-Artikolu 94(3) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] tal-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet miġbura skont il-paragrafu 1.

2a.     Il-kontribuzzjonijiet individwali ta’ kull istituzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu definittivi u taħt l-ebda ċirkustanza ma għandhom jiġu rimborsati b’mod retroattiv.

2b.     Meta l-Istati Membri parteċipanti jkunu diġà stabbilixxew arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, jistgħu jipprevedu li l-arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli tagħhom, miġbura minn istituzzjonijiet fl-imgħoddu permezz ta’ kontribuzzjonijiet ex ante, biex jikkumpensaw lill-istituzzjonijiet għall-kontribuzzjonijiet ex ante li dawk l-istituzzjonijiet jistgħu jkunu meħtieġa jħallsu lill-Fond. Din ir-restituzzjoni għandha tkun bla preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva 94/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.    B'suġġett għat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 82 biex tispeċifika dan li ġej:

(a)

il-metodu ta’ kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet individwali msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

il-kwalità tal-kollateral li jsostni l-impenji ta' pagament fil-paragrafu 2;

(c)

il-kriterji għall-kalkolu tas-sehem tal-impenji ta’ pagament imsemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 67

Kontribuzzjonijiet straordinarji ex post

1.   Meta l-mezzi finanzjarji disponibbli mhumiex suffiċjenti biex ikopru t-telf, il-kostijiet jew spejjeż oħra mġarrba bl-użu tal-Fond, skont l-Artikolu 62 il-Bord jiġbor kontribuzzjonijiet straordinarji ex post mingħand l-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti, sabiex ikunu koperti l-ammonti addizzjonali. Dawn il-kontribuzzjonijiet straordinarji għandhom jiġu allokati bejn l-istituzzjonijiet skont ir-regoli stipulati fl-Artikolu 66 u skont l-Artikolu 95(1) tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

2.   Skont l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 3, il-Bord jista' jeżenta parzjalment jew kompletament istituzzjoni mill-obbligu li tħallas kontribuzzjonijiet ex post skont il-paragrafu 1 jekk it-total tal-pagamenti msemmija fl-Artikolu 66 u fil-paragrafu 1 ta’ dan Artikolu jhedded is-saldu tal-pretensjonijiet ta’ kredituri oħra fuqha. Tali eżenzjoni ma għandhiex issir għal perjodu itwal minn sitt xhur iżda tista' tiġġedded fuq talba tal-istituzzjoni.

3.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 82 biex tispeċifika ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom entità msemmija fl-Artikolu 2 tista' tkun parzjalment jew kompletament eżentata minn kontribuzzjonijiet ex post skont il-paragrafu 2.

Artikolu 68

Self volontarju bejn arranġamenti ta' finanzjament

1.   Il-Bord jista’ jagħmel talba biex jissellef għall-Fond mill-arranġamenti l-oħra kollha ta' finanzjament tar-riżoluzzjonifl-Istati Membri mhux parteċipanti, f’każ li:

(a)

l-ammonti miġbura skont l-Artikolu 66 mhumiex suffiċjenti biex ikopru telf, kostijiet jew spejjeż oħra imġarrab bl-użu tal-Fond;

(b)

il-kontribuzzjonijiet straordinarji ex post previsti fl-Artikolu 67 mhumiex immedjatament aċċessibbli.

2.   Dawk l-arranġamenti finanzjarji ta' riżoluzzjoni jiddeċiedu fuq it-tali talba skont l-Artikolu 97 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek]; Il-kundizzjonijiet tas-self ikunu suġġetti għall-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 97(3) ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 69

Mezzi alternattivi ta’ finazjament

1.   Il-Bord għandu jirsisti sabiex jikkuntratta għas-self tal-Fond jew forom oħra ta’ sostenn minn istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra, fil-każ li l-ammonti miġbura skont l-Artikoli 66 u 67 mhumiex immedjatament aċċessibbli jew suffiċjenti biex ikopru l-ispejjeż imġarrba mill-użu tal-Fond.

B'mod partikolari, il-Bord għandu jirsisti biex jikkuntratta faċilità ta' self għall-Fond, preferibbilment billi juża strument pubbliku Ewropew, biex jiżgura d-disponibilità immedjata ta' mezzi finanzjarji adegwati biex jintużaw skont l-Artikolu 71, meta l-ammonti miġbura jew disponibbli skont l-Artikoli 66 u 67 ma jkunux suffiċjenti. Kwalunkwe self minn dik il-faċilità ta’ self għandu jiġi rimborsat mill-Fond skont perjodu ta’ żmien miftiehem.

2.   Is-self jew forom oħra ta’ sostenn imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu kompletament rkuprati f’konformità mal-Artikolu 62 fil-perjodu ta' maturità tas-selfa.

3.   Kwalunkwe spejjeż imġarrba mill-użu tas-self speċifikat fil-paragrafu 1 jkollhom jinġarru mill-Bord innifsu u mhux mill-baġit tal-Unjoni jew l-Istati Membri parteċipanti.

TAQSIMA 2

AMMINISTRAZZJONI TAL-FOND

Artikolu 70

Investmenti

1.   Il-Bord jamministra l-Fond u jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq ċerti kompiti relatati mal-amministrazzjoni tal-Fond.

2.   L-ammonti rċevuti mingħand istituzzjoni f'riżoluzzjoni jew istituzzjoni tranżitorja, l-imgħax u gwadann ieħor fuq l-investimenti u kwalunkwe gwadann ieħor ikun biss għall-benefiċċju tal-Fond.

3.   Il-Bord għandu jkollu politika ta' investiment prudenti u sikura, b'mod partikolari billi jinvesti l-ammonti miżmuma fil-Fond ▐ f'assi ▐ b'affidabbiltà għolja tal-kreditu. L-investimenti għandhom ikunu ġeografikament u settorjalment diversifikati biżżejjed biex inaqqsu r-riskji ta’ konċentrazzjoni . Ir-redditu fuq dawk l-investimenti jkun ta' benefiċċju għall-Fond. Il-Bord għandu jippubblika qafas ta’ investiment, fejn jispeċifika d-dettalji tal-politika ta’ investiment tal-Fond.

4.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati dwar ir-regoli dettaljati għall-amministrazzjoni tal-Fond, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 82.

TAQSIMA 3

UŻU TAL-FOND

Artikolu 71

Missjoni tal-Fond

1.   Fil-qafas deċiż mill-Kummissjoni, meta jiġu applikati l-għodod tar-riżoluzzjoni fuq l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Bord jista’ jiġi uża l-Fond għall-iskopijiet li ġejjin:

(a)

biex jiggarantixxu l-assi jew l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, tas-sussidjarji tagħha, tal-istituzzjoni tranżitorja jew ta' vettura tal-immaniġġar tal-assi;

(b)

biex jagħtu self lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, lis-sussidjarji tagħha, lill-istituzzjoni tranżitorja jew lil vettura tal-immaniġġar tal-assi;

(c)

biex jinxtraw assi tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni;

(d)

biex tingħata kontribuzzjoni għall-kapital tal-istituzzjoni tranżitorja jew tal-vettura tal-immaniġġar tal-assi;

(e)

biex jitħallas kumpens lill-azzjonisti jew lill-kredituri jekk, wara evalwazzjoni skont l-Artikolu 17(5), ikunu rċevew inqas, f'pagament għall-krediti tagħhom, minn dak li kienu jirċievu, wara valwazzjoni skont l-Artikolu 17(16), fi stralċ skont proċeduri normali ta’ insolvenza;

(f)

biex issir kontribuzzjoni lill-istituzzjoni f'riżoluzzjoni minflok il-kontribuzzjoni li kienet se tinkiseb bit-tnaqqis fil-valur ta’ ċerti kredituri, meta tiġi applikata l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni u l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddeċiedi li teskludi ċerti kredituri minn l-ambitu tar-rikapitalizzazzjoni skont l-Artikolu 24(3);

(g)

biex tittieħed kwalunkwe kombinazzjoni ta' azzjonijiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (f).

2.   Il-Fond jista' jintuża sabiex jittieħdu l-azzjonijiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (g) anki fir-rigward tax-xerrej fil-kuntest tal-għodda tal-bejgħ tal-operat.

3.   Il-Fond ma għandux jintuża direttament biex jassorbi t-telf ta’ istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 2 jew biex tiġi rikapitalizzata istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 2. F’każ li l-użu tal-arranġament ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni għall-finijiet fil-paragrafu 1 indirettament, iwassal biex parti mit-telf ta’ istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 2 jgħaddi fuq il-Fond, għandhom japplikaw il-prinċipji li jirregolaw l-użu tal-arranġament ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 38 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] u fl-Artikolu 24.

4.   Il-Bord ma jistax iżomm il-kapital li ssir kontribuzzjoni għalih skont il-punt (f) tal-paragrafu 1 għal perjodu li jaqbeż il-ħames snin.

Artikolu 72

Mutwalizzazzjoni ta' arranġamenti nazzjonali ta' finanzjament fil-każ ta' riżoluzzjoni ta' grupp li tinvolvi istituzzjonijiet fi Stati Membri mhux parteċipanti

Fil-każ ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp li tinvolvi istituzzjonijiet awtorizzati fi Stat Membru parteċipanti wieħed jew aktar minn naħa waħda, u istituzzjonijiet awtorizzati fi Stat Membru mhux parteċipanti wieħed jew aktar min-naħa l-oħra, il-Fond għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni tal-grupp skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 98 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA

Artikolu 74

Privileġġi u Immunitajiet

Il-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-Bord u għall-persunal tiegħu.

Artikolu 75

Lingwi

1.   Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (12) għandu japplika għall-Bord.

2.   Il-Bord jiddeċiedi dwar l-arranġamenti lingwistiċi interni tal-Bord.

3.   Il-Bord jista’ jiddeċiedi liema lingwi uffiċjali juża meta jibgħat dokumenti lill-istituzzjonijiet jew lill-korpi tal-Unjoni.

4.   Il-Bord jista’ jiftiehem ma’ kull awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni dwar il-lingwa jew il-lingwi li bihom għandhom jiġu abbozzati d-dokumenti li jridu jintbagħtu lil jew mill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni.

5.   Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għat-tħaddim tal-Bord għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni tal-korpi tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 76

Persunal tal-Bord

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra u r-regoli adottati bi ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jagħtu effett lil dawn ir-Regolamenti tal-Persunal u l-kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, għandhom japplikaw għall-persunal tal-Bord, inkluż id-Direttur Eżekuttiv u tal-Viċi Direttur Eżekuttiv.

2.   Il-Bord, bi ftehim mal-Kummissjoni, jadotta regoli ta' implimentazzjoni xierqa biex jimplimenta r-Regolamenti tal-Persunal u l-kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 76a

Organizzazzjoni tal-Persunal tal-Bord

1.     Il-Bord jista' jistabbilixxi timijiet interni ta’ riżoluzzjoni magħmula minn persunal tal-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti u minn persunal tiegħu stess.

2.     Meta l-Bord jistabbilixxi timijiet interni ta' riżoluzzjoni kif previst fil-paragrafu 1, għandu jaħtar koordinaturi ta' dawk it-timijiet mill-persunal tiegħu stess. B'konformità mal-Artikolu 47(3), il-koordinaturi jistgħu jkunu mistiedna bħala osservaturi biex jattendu laqgħat tas-sessjoni eżekuttiva tal-Bord fejn il-membri maħtura mill-Istati Membri rispettivi jipparteċipaw b'konformità mal-Artikolu 49(2) u (3).

3.     Il-Bord jista' jistabbilixxi kumitati interni biex jipprovduh b'parir u gwida dwar il-kwittanza tal-funzjonijiet tiegħu skont dan ir-Regolament.

Artikolu 77

Skambju tal-persunal

1.   Il-Bord jista’ juża esperti nazzjonali sekondati jew persunal ieħor mhux impjegat mill-Bord.

2.   Il-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu jadotta deċiżjoni xierqa li tistabbilixxi r-regoli dwar l-iskambju u s-sekondar ta' persunal minn u fost l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti mal-Bord.

Artikolu 78

Responsabbiltà tal-Bord

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Bord tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt konċernat.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkollha l-ġurisdizzjoni taqta' sentenzi skont kwalunkwe klawżola ta’ arbitraġġ li jkun hemm f’kuntratt konkluż mill-Bord.

3.   Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Bord, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet li jikkonċernaw ir-responsabbilità tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, jagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara li tiġi kkawżata minnu jew mill-persunal tiegħu fit-twettiq ta’ dmirijiethom, b’mod partikolari l-funzjonijiet tagħhom ta’ riżoluzzjoni, inklużi atti u ommissjonijiet b’sostenn għal proċedimenti barranin ta’ riżoluzzjoni.

4.   Il-Bord għandu jikkumpensa awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni ta’ Stat Membru parteċipanti għad-danni li jkun ġie kkundannat iħallas minn qorti nazzjonali, jew li jkun, bi ftehim mal-Bord, intrabat li jħallas skont ftehim bonarju, li huma l-konsegwenzi ta’ att jew ommissjoni mwettqa minn dik l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni matul kwalunkwe riżoluzzjoni skont dan ir-Regolament, sakemm dak l-att jew l-ommissjoni ma tikkostitwixxix ksur tal-liġi tal-Unjoni, dan ir-Regolament, Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew Deċiżjoni tal-Bord, intenzjonali jew permezz ta' żball serju u manifestanti ta’ ġudizzju.

5.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkollha l-ġuriżdizzjoni fi kwalunkwe tilwima marbuta mal-paragrafi 3 u 4. Il-proċedimenti fi kwistjonijiet li jinħolqu minn responsabbiltà mhux kuntrattwali għandhom jiġu preskritti wara perjodu ta' ħames snin minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom.

6.   Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tiegħu lejn il-Bord għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew il-kundizzjonijioet tal-Impjieg li japplikaw għalihom.

Artikolu 79

Segretezza professjonali u skambju ta’ informazzjoni

1.   Il-membri tal-Bord, il-persunal tal-Bord u l-persunal ta' skambju ma’ jew sekondat minn Stati Membri parteċipanti li jwettqu dmirijiet ta' riżoluzzjoni, anki meta jintemmu dmirijiethom, ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-sigriet professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE u d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-liġi tal-Unjoni, anki wara li dmirijiethom ikunu spiċċaw.

2.   Il-Bord għandu jiżgura li individwi li jipprovdu kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonalment, relatati mal-qadi ta’ dmirijiethom , inklużi uffiċjali ta' u persuni oħra awtoriżżati mill-Bord jew maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni biex iwettqu spezzjonijiet fil-post, ikunu soġġetti għal rekwiżiti ekwivalenti tas-sigriet professjonali.

2a.     Ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 japplikaw ukoll għall-osservaturi li jattendu l-laqgħat tal-Bord fuq bażi ad hoc.

2b.     Ir-rekwiżiti dwar is-segretezza professjonali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 japplikaw minkejja r-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-Bord ikun awtorizzat, fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-atti rilevanti tal-liġi tal-Unjoni, jiskambja informazzjoni ma’ awtoritajiet u korpi nazzjonali jew tal-Unjoni fil-każijiet fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jiddivulgaw informazzjoni lil dawk l-entitajiet jew fejn l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għat-tali divulgazzjoni skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 80

Aċċess għall-informazzjoni u l-ipproċessar tad-dejta personali

 

4.   L-ipproċessar tad-dejta personali mill-Bord ikun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). L-ipproċessar tad-dejta personali mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jkun soġġett għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

4a.     Il-persuni li jkunu s-suġġett tad-deċiżjonijiet tal-Bord għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-Bord, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-ħarsien tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali.

Artikolu 81

Regoli ta' sigurtà dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

Il-Bord japplika l-prinċipji tas-sigurtà li jinsabu fir-regoli tas-sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (EUCI), u ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, kif stabbilit fl-anness tad-Deċiżjoni 2001/844/KE/KE, KEFA, Euratom. L-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sigurtà tinkludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ informazzjoni bħal din.

PARTI IV

SETGĦAT TA' EŻEKUZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 82

Twettiq tad-delega

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati bil-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.   Id-delega ta’ setgħat tingħata għal perjodu ta’ żmien mhux determinat mid-data msemmija fl-Artikolu 88.

2a.     Il-konsistenza bejn dan ir-Regolament u d-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] għandha tkun żgurata. Kwalunkwe att delegat adottat skont dan ir-Regolament għandu jkun konsistenti mad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] u l-atti delegati adottati skont dik id-Direttiva.

3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 19(4a), l-Artikolu 62(5), l-Artikolu 65(5), l-Artikolu 66(3), l-Artikolu 67(3) u l-Artikolu 70(4) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata fid-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkunu diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 62(5), l-Artikolu 65(5), l-Artikolu 66(3), l-Artikolu 67(3) u l-Artikolu 70(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew il-Kunsill.

Artikolu 83

Rieżami

1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2016, u sussegwentement kull ħames snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’enfasi speċjali fuq il-monitoraġġ l-impatt potenzjali fuq il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Dan ir-rapport jivvaluta:

(a)

il-funzjonament tal-MUR u l-impatt tal-attivitajiet tiegħu ta’ riżoluzzjoni fuq l-interessi tal-Unjoni kollha kemm hi u fuq il-koerenza u l-integrità tas-suq intern fis-servizzi finanzjarji, inkluż l-impatt possibbli tiegħu fuq l-istrutturi tas-sistemi bankarji nazzjonali fi ħdan l-Unjoni, fuq il-kompetittività tagħhom meta mqabbla ma’ sistemi bankarji oħra lil hinn mill-MUR u lil hinn mill-Unjoni, u fuq l-effettività tal-arranġamenti tal-kooperazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni fil-MUR, bejn l-MUR u l-MSU, u bejn il-MUR u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta’ Stati Membri mhux parteċipanti.

Ir-rapport għandu, b'mod partikolari, jivvaluta jekk:

(i)

hemmx bżonn li l-funzjonijiet allokati b'dan ir-Regolament lill-Bord u lill-Kummissjoni ikunu eżerċitati esklużivament minn istituzzjoni indipendenti tal-Unjoni;

(ii)

il-kooperazzjoni bejn il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni, l-MSU, il-BERS, l-EBA, l-ESMA u l-EIOPA, u l-awtoritajiet l-oħra li jagħmlu parti mis-SESF hijiex xierqa;

(iii)

il-portafoll tal-investiment skont l-Artikolu 70 ta’ dan ir-Regolament huwiex magħmul minn assi sodi u diversifikati;

(iv)

ir-rabta bejn id-dejn sovran u r-riskju bankarju ġietx maqtuha;

(v)

l-arranġamenti ta' votazzjoni humiex xierqa;

(vi)

għandux jiddaħħal valur ta' referenza relatat mal-obbligazzjonijiet totali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti, li għandu jintlaħaq b'mod addizzjonali għal-livell ta' finanzjament immirat stabbilit bħala perċentwali tad-depożiti koperti ta' dawk l-istituzzjonijiet;

(vii)

il-livell ta' finanzjament immirat stabbilit għall-Fond u l-livell ta' kontribuzzjonijiet lill-Fond humiex konformi mal-livelli ta' finanzjament immirat u l-kontribuzzjonijiet imposti mill-Istati Membri mhux parteċipanti.

Ir-rapport għandu jidentifika wkoll kwalunkwe bida neċessarja għat-Trattat biex ikun akkomodat il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni, b'mod partikolari t-twaqqif possibbli ta' istituzzjoni indipendenti tal-Unjoni biex teżerċita l-funzjonijiet allokati f'dan ir-Regolament lill-Bord u lill-Kummissjoni;

(b)

l-effikaċja tal-arranġamenti ta’ indipendenza u responsabbiltà;

(c)

l-interazzjoni bejn il-Bord u l-EBA;

(d)

l-interazzjoni bejn il-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni tal-Istati Membri mhux parteċipanti u l-effetti tal-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni fuq dawn l-Istati Membri , u l-interazzjoni bejn il-Bord u l-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi kif definit fl-Artikolu 2(80) [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] .

2.   Ir-rapport jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni tagħmel proposti ta’ akkumpanjament, skont kif ikun xieraq.

2a.     Kwalunkwe rieżami tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] għandu, fejn ikun xieraq, ikun akkumpanjat b'rieżami korrispondenti ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 84

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1093/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 huwa emendat kif ġej:

1.

fl-Artikolu 4, il-punt (2) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(2)

‘awtoritajiet kompetenti’ tfisser:

(i)

awtoritajiet kompetenti kif iddefinit fil-punt 40 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fid-Direttiva 2007/64/KE u kif imsemmi fid-Direttiva 2009/110/KE;

(ii)

fir-rigward tad-Direttivi 2002/65/KE u 2005/60/KE, l-awtoritajiet kompetenti tfisser l-awtoritajiet kompetenti biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dawk id-Direttivi mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji;

(iii)

f'dak li jirrigwarda l-iskemi ta' garanzija ta' depożiti, il-korpi li jamministraw skemi ta' garanzija ta' depożiti skont id-Direttiva [SGD], jew meta l-operat tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti tkun amministrata minn kumpanija privata, l-awtorità pubblika li tissorvelja dawk l-iskemi skont dik id-Direttiva; u

(iv)

fir-rigward tal-Artikolu  62(5), l-Artikolu 65(5), l-Artikolu 66(3), l-Artikolu 67(4) u l-Artikolu 70(4), l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni kif definit f’Artikolu 3 tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek] u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) Nru…/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni].”

2.

fl-Artikolu 25, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-Awtorità tista' torganizza u twettaq rieżamijiet bejn il-pari tal-iskambju ta' informazzjoni u tal-attivitajiet konġunti tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni u awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri mhux parteċipanti fil-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni fir-riżoluzzjoni ta' gruppi transfruntieri biex issaħħaħ l-effikaċja u l-konsistenza tal-eżiti. Għal dak il-għan, l-Awtorità tiżviluppa metodi biex ikunu jistgħu jsiru valutazzjoni u paraguni oġġettivi.”

3.

fl-Artikolu 40(6), it-tielet subparagrafu li ġej huwa miżjud:

“Għall-fini li jaġixxi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 62(5), l-Artikolu 65(5), l-Artikolu 66(3), l-Artikolu 67(4) u l-Artikolu 70(4), id-Direttur Eżekuttiv tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għandu jkun osservatur fil-Bord tas-Superviżuri.”

Artikolu 85

Sostituzzjoni tal-arranġamenti nazzjonali għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni

Mid-data tal-applikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88, il-Fond għandu jissostitwixxi l-arranġament ta’ finanzjament tar-riżoluzzjonijiet tal-Istati Membri parteċipanti skont it-Titolu VII tad-Direttiva [dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek].

Artikolu 86

Ftehim dwar il-kwartieri ġenerali u l-kundizzjonijiet operazzjonali

1.   L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Bord fl-Istat Membru ospitanti u l-faċilitajiet li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni minn dak l-Istat Membru flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għad-Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-persunal tal-Bord u l-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim dwar l-Uffiċċju Prinċipali bejn il-Bord u l-Istat Membru ospitanti, konkluż wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu u mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istat Membru ospitanti tal-Bord jipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet possibbli biex jiżgura l-funzjonament tal-Bord, inklużi skejjel multilingwi, b’orjentazzjoni Ewropea u konnessjonijiet xierqa tat-trasport.

Artikolu 87

Bidu tal-attivitajiet tal-Bord

1.   Il-Bord isir kompletament operattiv sal-1 ta’ Jannar 2015.

2.   Il-Kummissjoni tkun responsabbli għat-twaqqif u l-operat inizjali tal-Bord sakemm il-Bord ikollu l-kapaċità operazzjonali biex jimplimenta l-baġit tiegħu stess. Għal dak il-għan:

(a)

sa meta d-Direttur Eżekuttiv jibda l-kompiti tiegħu wara l-ħatra tiegħu mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 53, il-Kummissjoni tista' taħtar uffiċjal tal-Kummissjoni biex jaġixxi bħala Direttur Eżekuttiv interim u jeżerċita l-doveri assenjati lid-Direttur Eżekuttiv;

(b)

b’deroga mill-Artikolu 46(1)(i) u sakemm tiġi adottata deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 46(2) , id-Direttur Eżekuttiv interim jeżerċita s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra;

(c)

il-Kummissjoni tista’ toffri għajnuna lill-Bord, b’mod partikolari billi tissekonda uffiċjali tal-Kummissjoni biex iwettqu l-attivitajiet tal-aġenzija fir-responsabbiltà tad-Direttur Eżekuttiv interim jew tad-Direttur Eżekuttiv;

(d)

il-Kummissjoni tiġbor il-kontribuzzjonijiet annwali msemmija fl-Artikolu 62(5)(d) f’isem il-Bord.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv interim jista’ jawtorizza l-pagamenti kollha koperti mill-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-Bord u jista’ jikkonkludi kuntratti, inklużi kuntratti tal-persunal.

Artikolu 88

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 7 sa 23 u l-Artikoli 25 sa 37 japplikaw mill-1 ta' Jannar 2015.

L-Artikolu 24 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2016 .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Opinjoni tas-6 ta' Novembru 2013 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinion tas-17 ta' Ottubru 2013 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' …

(4)  Direttiva 2014/…/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/KEE u 82/891/KEE, id- Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L …).

(5)   Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63)

(7)  Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5-14.

(8)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(9)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338

(10)  Direttiva 94/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 li temenda d-Direttiva 80/390/KEE li tikkordina ir-rekwiżiti għat-tfassil, l-iskrutinju u d-distribuzzjoni tad-dettalji tal-kwotazzjoni fis-swieq li għandhom ikunu ppubblikati għall-ammissjoni ta' titoli biex ikunu kwotati fil-borża, fir-rigward tal-obbligu li jkunu ppubblikati d-dettalji tal-kwotazzjonijiet. (ĠU L 135, 31.5.1994, p. 1).

(11)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni ( ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(12)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385.

(13)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta, ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(14)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment ħieles ta' tali dejta, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.